This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007TJ0040
Judgment of the General Court (Appeal Chamber) of 5 October 2009.#Joined Cases T-40/07 P and T-62/07 P.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-5 ta’ Ottubru 2009.
Kawżi magħquda T-40/07 P u T-62/07 P.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-5 ta’ Ottubru 2009.
Kawżi magħquda T-40/07 P u T-62/07 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2009 I-B-1-00089; II-B-1-00551
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:382
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell) tal-5 ta’ Ottubru 2009
Kawżi magħquda T‑40/07 P u T‑62/07 P
José António de Brito Sequeira Carvalho
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
u
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
José António de Brito Sequeira Carvalho
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave – Leave tal-mard – Tqegħid ex officio fuq leave tal-mard – Estensjoni ex officio tal-leave tal-mard – Eżami mediku preliminari ġdid – Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Bdil fis-suġġett tal-kawża”
Suġġett: Appelli mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tat-13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni (F‑17/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑149 u II‑A‑1‑577), intiżi għall-annullament ta’ din is‑sentenza.
Deċiżjoni: L-appell fil-Kawża T‑40/07 P huwa miċħud. Fil-Kawża T‑40/07 P, José António de Brito Sequeira Carvalho għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest ta’ din l-istanza. Is-sentenza tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tat-13 ta’ Diċembru 2006, de Brito Sequeira Carvalho vs Il‑Kummissjoni (F‑17/05, ĠabraSP p. I-A-1-149 u II-A-1-577), hija annullata sa fejn hija annullat id-deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2004 u d-deċiżjonijiet ta’ estensjoni ex officio tal-leave tal-mard sussegwenti għad‑deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2004. Ir-rikors ippreżentat minn J. A. de Brito Sequeira Carvalho quddiem it-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku fil-Kawża F‑17/05 huwa miċħud bħala inammissibbli f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2004 u d-deċiżjonijiet ta’ estensjoni ex offiċio tal-leave tal-mard sussegwenti għad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2004. Il‑kumplament tal-appell fil-Kawża T‑62/07 P huwa miċħud. Fil‑Kawża T‑62/07 P, J. A. de Brito Sequeira Carvalho għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu fir-rigward kemm tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll ta’ din l-istanza. Fil‑Kawża T‑62/07 P, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż ta’ J. A. de Brito Sequeira Carvalho fir-rigward kemm tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Uffiċjali – Deċiżjoni li taffettwa l-istat amministrattiv ta’ uffiċjal – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi li ma humiex inklużi fil-fajl personali tiegħu, iżda li kienu miġjuba għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata minn qabel – Legalità – Kundizzjonijiet
(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26)
2. Proċedura – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Mistoqsijiet bil‑miktub magħmula lill-partijiet – Nuqqas ta’ konsegwenza awtomatika fuq l‑eżitu tal-kawża
(Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 49, 64 u 65; Deċizjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))
3. Proċedura – Produzzjoni ta’ provi – Terminu – Produzzjoni tardiva ta’ provi
(Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 48(1))
4. Proċedura – Talba għal miżuri istruttorji – Preżentata wara l-għeluq tal‑proċedura orali – Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
(Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 62)
5. Uffiċjali – Appelli – Ilment amministrattiv minn qabel – Termini – Natura ta’ ordni pubbliku
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
6. Atti tal-istituzzjonijiet – Preżunzjoni ta’ validità – Att ineżistenti – Kunċett
(Artikolu 249 KE)
7. Uffiċjali – Awtorità tal-Ħatra – Setgħat – Eżerċizzju
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 2)
8. Uffiċjali – Appelli – Aggravji – Abbuż ta’ poter
9. Uffiċjali – Appelli – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Termini – Dekadenza – Żball skużabbli
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
1. Il-legalità tal-evalwazzjoni, mill-qorti Komunitarja, ta’ rikors ta’ uffiċjal bl‑ebda mod ma tiddependi fuq l-osservanza mill-istituzzjoni konvenuta tal‑obbligu tagħha li tikkomunika l-fajl personali ta’ dan l-uffiċjal, skont l‑Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal-Persunal. Hija biss il-qorti Komunitarja li għandha tevalwa jekk għandhomx jiġu sussegwentement adottati miżuri għall‑organizzazzjoni tal‑proċedura u li tordna miżuri istruttorji eventwali.
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal-Persunal għandu l-għan li jiżgura d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal, billi jiżgura li deċiżjonijiet meħuda mill‑amministrazzjoni u li jeffettwaw l-istat amministrattiv u l-karriera tiegħu ma jkunux bbażati fuq fatti relatati mal-abbiltà, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu, li ma humiex imsemmija fil-fajl personali tiegħu. Minn dan isegwi li deċiżjoni bbażata fuq fatti bħal dawn tikser il-garanziji tar‑Regolamenti tal-Persunal u għandha tiġi annullata għaliex adottata fuq il-bażi ta’ proċedura vvizjata b’illegalità.
Madankollu, is-sempliċi fatt li dokumenti msemmija fl-Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal-Persunal ma jkunux tqiegħdu fil-fajl personali ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni, jekk dawn ikunu ġew miġjuba għall‑attenzjoni tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fir‑rigward ta’ uffiċjal ta’ dokumenti dwar l-abbiltà, l-effiċjenza jew il-kondotta tiegħu jolqot biss id-dokumenti li ma jkunux ġew ikkomunikati lilu minn qabel. Dan ma jinkludix id-dokumenti li, għalkemm miġjuba għall‑attenzjoni tiegħu, għadhom ma jkunux iddaħħlu fil-fajl personali tiegħu, peress li l-istituzzjoni ma tistax tiġi ostakolata milli tieħu deċiżjoni fl-interess tad-dipartiment fuq il-bażi ta’ dokumenti li preċedentement ġew ikkomunikati lill-persuna kkonċernata biss minħabba li ma jkunux tqiegħdu fil-fajl personali tiegħu. Minn dan jirriżulta li istituzzjoni tikser l-Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal-Persunal u tad‑drittijiet tad‑difiża ta’ uffiċjal meta tadotta deċiżjoni li taffettwah ħażin mingħajr ma tkun ikkomunikatlu minn qabel il-fatti, li ma humiex imsemmija fil-fajl individwali tiegħu, li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dan ir‑rigward, il-fatt li l-uffiċjal ikkonċernat jiġi biss mgħarraf b’dawn l-elementi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova suffiċjenti li kien kapaċi jiddefendi l-interessi tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju. Sabiex jiġi żgurat ir‑rispett tad‑drittijiet tad-difiża, huwa meħtieġ li jintwera li l-istituzzjoni, bi kwalunkwe mezz, qegħditu minn qabel fil-pożizzjoni li jifhem li l-fatti inkwistjoni, għalkemm mhux inklużi fil-fajl personali tiegħu, kienu tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju. Fin-nuqqas ta’ dan, il‑komunikazzjoni stabbilita mill-Artikolu 26 tar‑Regolamenti tal-Persunal ma tistax titqies li seħħet.
(ara l-punti 91 sa 94)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punti 50 u 51, u l‑ġurisprudenza ċċitata, u punt 52; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Novembru 2006, Milbert et vs Il-Kummissjoni, T‑47/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑281 u II‑A‑2‑1455, punt 83
2. Id-deċiżjoni li jagħmel mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet hija fid-diskrezzjoni tat‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jista’, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, jiddetermina kwalunkwe miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorja taħt l-Artikoli 64 u 65 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din l-għażla ma għandha l-ebda effett awtomatiku fuq l-eżitu tal-kawża, billi t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku jibqa’ liberu li jiddetermina l-valur assolut li għandu jingħata lill-fatti u l-provi differenti li jkunu ġew ippreżentati lilu jew li jkun huwa stess ġabar.
(ara l-punt 105)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ottubru 2004, Ripa di Meana vs Il‑Parlament, C‑360/02 P, Ġabra p. I‑10339, punt 28
3. Fir-rigward ta’ eċċezzjoni għar-regoli li jirregolaw il-produzzjoni ta’ provi, l‑Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jimponi fuq il‑partijiet li jiġġustifikaw id-dewmien fil-produzzjoni tal-provi tagħhom. Tali obbligu jimplika li jiġi rrikonoxxut lill-qorti Komunitarja l-poter li tikkontrolla r‑raġunijiet għad-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn il-provi u, skont il-każ, il‑kontenut ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll, jekk it-talba ma hijiex fondata fid-dritt, il‑poter li ma tikkunsidrahomx. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tal-provi prodotti wara l-preżentata tal-kontroreplika.
(ara l-punt 115)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ April 2005, M vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33
4. Wara t-tmiem tal-proċedura orali, parti tista’ titlob miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura biss jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi li jiftaħ mill‑ġdid il-proċedura orali. Billi taħt l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam, huwa obbligat li jilqa’ t-talba għal ftuħ mill‑ġdid tal-proċedura orali biss fil-każ li l-parti kkonċernata tibbaża ruħha fuq fatti li jista’ jkollhom influwenza deċiżiva li hija ma setgħetx tippreżenta qabel tmiem il-proċedura orali.
(ara l-punt 131)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. II‑4287, punti 126 u 128; Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ April 2006, L vs Il-Kummissjoni, C‑230/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 68
5. It-terminu ta’ tliet xhur sabiex jiġi ppreżentat ilment kontra att li jikkawża preġudizzju bħal dak ta’ tliet xhur sabiex jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni espliċita jew impliċita li tiċħad l-ilment, previst fl-Artikoli 90 u 91 tar‑Regolamenti tal-Persunal, huwa ta’ natura ta’ ordni pubbliku u la huwa għad‑dispożizzjoni tal‑partijiet u lanqas tal-qorti, inkwantu dawn it-termini ġew stabbiliti bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi. Għal dan il-għan, dawn it-termini għandhom jitqiesu li japplikaw għal kull kontestazzjoni ta’ att suġġett għal stħarriġ mill-qorti Komunitarja, tkun xi tkun in-natura tiegħu. Fil-fatt, l-Artikoli 90 u 91 tar‑Regolamenti tal-Persunal ma jagħmlu ebda distinzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-ilment u tal-appell skont il-gravità tad-difett li jaffettwa l-att amministrattiv ikkontestat.
(ara l-punti 145 u 146)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Diċembru 2001, Reyna González del Valle vs Il‑Kummissjoni, C‑219/01 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 10; Il-Qorti tal‑Ġustizzja 18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C‑229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 101; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Marzu 2001, Reyna González del Valle vs Il-Kummissjoni, T‑130/00, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Marzu 2006, Lantzoni vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑289/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑39 u II‑A‑2‑171, punti 40 u 41; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 25 ta’ Ottubru 2007, Estaser El Mareny vs Il-Kummissjoni, T‑274/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 40
6. L-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji, bħala prinċipju, igawdu minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu effetti legali, anki jekk huma vvizzjati minn irregolaritajiet, sakemm dawn ma jkunux ġew annullati jew imħassra. Bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti affettwati minn irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mis-sistema ġuridika Komunitarja għandhom jitqiesu li ma kellhom ebda effett ġuridiku, anki provviżorju, jiġifieri jitqiesu li huma ġuridikament ineżistenti. Din l‑eċċezzjoni hija intiża sabiex tilħaq bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda kultant kunfliġġenti, li sistema ġuridika għandha tissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet legali u l-osservanza tal-legalità. Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal‑ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tassumi li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni hija rriżervata għal sitwazzjonijiet estremi. Dan ma huwiex il-każ f’sitwazzjoni fejn l-irregolarità ta’ kompetenza u d-difett fil-forma li jikkonsisti f‘nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni ma jidhrux hekk serji li dan għandu jitqies li huwa legalment ineżistenti.
(ara l-punti 150 sa 153)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punti 48 sa 50; Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643, punti 93 sa 95; Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑475/01, Ġabra p. I‑8923, punti 18 sa 20
7. Subdelegazzjoni jew deroga mill-kriterji ta’ tqassim tas-setgħat mogħtija permezz tar‑Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra ma jistax jinvalida att tal‑amministrazzjoni ħlief jekk din is-subdelegazzjoni jew deroga tista’ tkun ta’ preġudizzju għall-garanzija mogħtija lill-uffiċjali mir-Regolamenti tal-Persunal jew għar-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-amministrazzjoni tal‑persunal. Fil‑fatt, deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 2 tar‑Regolamenti tal‑Persunal timplika tqassim tal-kompetenzi fi ħdan id‑dipartimenti tal‑Kummissjoni, iktar milli tqassim iktar riġidu li n-nuqqas ta’ osservazzjoni tiegħu huwa ssanzjonat bl-invalidità tal-atti mwettqa barra mill‑qafas deskritt.
(ara l-punt 155)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 1998, De Persio vs Il‑Kummissjoni, T‑23/96, ĠabraSP p. I‑A‑483 u II‑1413, punt 111; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il-Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 68 u 71
8. Il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter għandu portata preċiża li tirreferi għall-użu, minn awtorità amministrattiva, tas-setgħat tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha. Deċiżjoni ma tkunx ivvizjata minn abbuż ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati.
F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tat-talbiet tiegħu, iżda għandhom jitressqu wkoll indizji li jkunu preċiżi, oġġettivi u uniformi biżżejjed sabiex isostnu l-affidabbiltà tagħhom jew, għall-inqas, il-probabbiltà tagħhom, li fin‑nuqqas tagħhom l-eżattezza materjali tal-affermazzjonijiet tal‑istituzzjoni inkwistjoni ma tistax tiġi kkontestata.
(ara l-punti 172 u 173)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Lulju 2000, Samper vs Il-Parlament, T‑111/99, ĠabraSP p. I‑A‑135 u II‑611, punt 64; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Settembru 2001, E vs Il-Kummissjoni, T‑152/00, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑813, punt 69; Cwik vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 179 u 180; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 2 ta’ Diċembru 2008, Karatzoglou vs AER, T‑471/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 49 u 50
9. Il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu adottaw imġiba li, waħedha jew b’mod determinanti, hija tali li toħloq konfużjoni kunsiderevoli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur b’livell normali ta’ prudenza. Fid-dawl ta’ dak li jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sanzjoni ta’ inammissibbiltà tan-nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ lment u ta’ appell, li huma ta’ ordni pubbliku, il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu jiġi allegat u pprovat mill‑parti li għandha l-intenzjoni tibbenefika minnu u l-qorti ma tistax tikkonstata ex officio l‑eżistenza ta’ tali żball.
Barra minn dan, anki jekk żball skużabbli jista’ jkollu l-effett li jżomm terminu u, għaldaqstant, jippermetti l-ammissibbiltà ta’ lment jew ta’ appell, minkejja n‑nuqqas ta’ osservanza tat-termini imposti mill-Artikolu 90(2) jew l‑Artikolu 91(3) tar‑Regolamenti tal-Persunal, dan ma jkollux l-effett li jeżenta rikorrent mill-proċedura prekontenzjuża, prevista taħt l-Artikolu 90(2) tar‑Regolamenti tal-Persunal, li hija kundizzjoni espressa ta’ ammissibbiltà ta’ appell taħt l-Artikolu 91(2) tar‑Regolamenti tal-Persunal u li jippermetti li jiġi direttament ippreżentat appell quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
(ara l-punti 204 sa 206)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 26; Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u BĊE, C‑193/01 P, Ġabra p. I‑4837, punt 24; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il-Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, Ġabra p. II‑249, punti 32 u 33; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Novembru 2008, Speiser vs Il-Parlament, T‑390/07 P, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 33