This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007FJ0006
Judgment of the Civil Service Tribunal (Third Chamber) of 8 May 2008. # Risto Suvikas v Council of the European Union. # Public service - Recruitment - Action for damages. # Case F-6/07.
Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Mejju 2008.
Risto Suvikas vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Servizz pubbliku - Reklutaġġ - Rikors għad-danni.
Kawża F-6/07.
Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Mejju 2008.
Risto Suvikas vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Servizz pubbliku - Reklutaġġ - Rikors għad-danni.
Kawża F-6/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2008 I-A-1-00151; II-A-1-00819
ECLI identifier: ECLI:EU:F:2008:55
SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tielet Awla)
8 ta’ Mejju 2008
Kawża F-6/07
Risto Suvikas
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kwistjoni proċedurali – Dokumenti kunfidenzjali – Dokumenti miksuba b’mod illegali – Tneħħija ta’ dokumenti – Reklutaġġ – Pożizzjoni vakanti – Ċaħda illegali ta’ kandidatura – Annullament – Rikors għad-danni – Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ – Evalwazzjoni ex aequo et bono”
Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Suvikas jitlob, b’mod partikolari, minn naħa l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2006, li tirrifjuta li r-rikorrent jitniżżil fil-lista tal-aħjar kandidati wara l-proċedura għall-għażla ta’ membri tal-persunal temporanju Kunsill/B/024 u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni materjali u morali li huwa jallega li subixxa.
Deċiżjoni: Id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent fl-Annessi A 14 sa A 16 tar-rikors huma mneħħija mill-proċess tal-kawża. Id-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti, tal-20 ta’ Frar 2006, li ma tniżżilx lir-rikorrent fil-lista tal-aħjar kandidati wara l-għażla ta’ membri tal-persunal temporanju Kunsill/B/024, hija annullata. Il-Kunsill huwa kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-dannu materjali subiti minnu. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Sommarju
1. Proċedura – Ammissibbiltà tal-atti proċedurali – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tal-att – Talba li tittieħed deċiżjoni dwar kwistjoni proċedurali – Ammissibbiltà f’kull stadju tal-proċedura
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 114; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 78)
2. Uffiċjali – Kompetizzjoni – Bord tal-Għażla – Sigriet tax-xogħlijiet – Portata
(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 6)
3. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Proċedura – Setgħa diskrezzjonali ta’ Kumitat konsultattiv tal-għażla – Limiti – Osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti
4. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Proċedura – Evalwazzjoni tal-merti
5. Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Proċedura – Setgħa diskrezzjonali tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ – Limiti – Osservanza tal-kundizzjonijiet imposti mill-avviż ta’ reklutaġġ u tar-regoli proċedurali adottati għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali
6. Uffiċjali – Rikors – Sentenza ta’ annullament – Effetti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)
7. Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Possibbiltà li l-istituzzjoni konvenuta tiġi kkundannata ex officio għall-ħlas ta’ kumpens
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))
8. Uffiċjali – Rikors – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kumpens għad-dannu materjali marbuta mat-telf ta’ opportunità li tirriżulta minn ċaħda illegali ta’ kandidatura
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47(b)(ii))
9. Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Annullament tal-att illegali kkontestat – Kumpens adegwat għad-dannu morali
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)
1. Għalkemm ir-regola stabbilita fl-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tistipula li t-Tribunal li jkun irid jiddeċiedi dwar kwistjoni proċedurali jista’ jiddeċidiha permezz ta’ digriet motivat jew jinkludiha mal-mertu, hija regola ta’ proċedura li tapplika mid-data tad-dħul tagħha fis-seħħ għall-kawżi kollha pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma tapplikax għal regoli li fuq il-bażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, taħt dan l-artikolu, jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà ta’ din il-kwistjoni u li, sa fejn ir-regoli jiddeterminaw l-ammissibbiltà tat-talba li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni, jistgħu jkunu biss dawk applikabbli fid-data tal-preżentata tal-imsemmija talba.
Fir-rigward ta’ talba għal teħid ta’ deċiżjoni dwar kwistjoni ppreżentata qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-regoli li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tal-kwistjoni applikabbli huma dawk li jirreferi għalihom l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 114 huwa d-dispożizzjoni li, fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jikkorrispondi mal-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura għas-Servizz Pubbliku. Konsegwentement, għandhom, f’sitwazzjoni bħal din, jiġu applikati minn naħa, ir-regola tal-proċedura prevista fl-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura u, min-naħa l-oħra, ir-regoli ta’ ammissibbiltà li għalihom jirreferi l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
Peress li kwistjoni proċedurali, li għandi tiġi distinta minn eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, tista’ titqajjem fi kwalunkwe stadju tal-proċedura, talba bil-għan li tittieħed deċiżjoni fuq kwistjoni bħal din għandha tkun tista’ ssir f’kull stadju tagħha.
(ara l-punti 49 sa 51 u 54)
2. Il-prinċipju ta’ sigriet tax-xogħlijiet tal-bordijiet tal-għażla ġie stabbilit bil-għan li tiġi ggarantita l-indipendenza tal-bordijiet tal-għażla u li jkunu oġġettivi fid-deliberazzjonijiet tagħhom sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-kandidati sabiex evalwazzjonijiet dwar il-kompetenzi tagħhom u l-kwalitajiet tagħhom ma jkunux pubbliċi. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju konsegwentement jipprekludi li tingħata informazzjoni dwar l-attitudnijiet li jieħdu l-membri tal-bordijiet tal-għażla u li jiġu żvelati elementi li jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet tal-karattru personali jew komparattiv dwar il-kandidati, li jasal għalihom il-bord tal-għażla.
Madankollu, għalkemm l-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva ta’ kumitat tal-għażla jew ta’ wħud mill-membri tiegħu huma, bħala prinċipju, koperti mis-sigriet tax-xogħlijiet tal-imsemmi kumitat, dan ma japplikax fir-rigward tad-dokumenti mfassla barra mill-proċedura tal-għażla li ma jifformawx parti, fihom infushom, mid-deliberazzjonijiet tal-kumitat konsultattiv tal-għażla kollu kemm hu, iżda huma r-riżultat tal-inizjattiva personali ta’ wieħed mill-membri tal-kumitat. Dawn ma jibbenefikawx neċessarjament mill-istess livell ta’ kunfidenzjalità bħal dak applikabbli għall-evalwazzjonijiet komparattivi tal-kumitat tal-għażla u li jipprojbixxi li dawn jiġu ppreżentati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-legalità jew l-illegalità tal-kisba ta’ tali dokumenti hija, konsegwentement, element li għandu jiġi kkunsidrat.
F’dan ir-rigward, għandhom jiġu sfilzati mill-proċess ta’ kawża d-dokumenti ppreparati minn membru ta’ kumitat li ma humiex parti mill-proċedura tal-għażla, u li parti kienet irċeviet mingħand terz, li huwa stess ikun kisibhom mingħajr awtorizzazzjoni.
(ara l-punti 57, 58, 60, 61, 64 sa 66 u 71)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Frar 2001, Bonaiti Brighina vs Il‑Kummissjoni, T‑118/99, ĠabraSP p. I‑A‑25 u II‑97, punt 46; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il‑Kummissjoni, T‑336/02, ĠabraSP p. I‑A‑75 u II‑341, punti 23, 24 u 26
3. Kumitat konsultattiv tal-għażla għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju stabbilit mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ jiddisponi minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni għall-organizzazzjoni tal-proċeduri tiegħu, madankollu bil-kundizzjoni li jibqa’ fil-qafas stabbilit mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. F’dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi lill-kumitat milli jipproċedi fi stadji, billi jelimina l-kandidati b’mod progressiv, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. B’hekk, is-sempliċi fatt li l-kumitat tal-għażla jkun eżamina l-kapaċitajiet tal-kandidati f’intervisti fir-rigward tal-kriterji stabbiliti mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti f’żewġ stadji suċċessivi ma jistax fih innifsu, jivvizzja l-proċedura tal-għażla.
(ara l-punti 88 sa 90)
4. Fil-kuntest ta’ kompetizzjoni, il-bord tal-għażla huwa msejjaħ jevalwa l-elementi magħrufa tal-kandidati, kemm jekk huma l-kwalifiki li huma ppreżentaw, l-eżamijiet li ħadu sehem fihom jew r-rapporti ta’ evalwazzjoni li setgħu jkunu jafu bihom u jikkumentaw dwarhom. Dan jammonta għal garanzija tar-regolarità tal-proċedura tal-kompetizzjoni u protezzjoni kontra kull abbuż, billi l-kandidati jafu bl-elementi kollha li l-bord tal-għażla jkun evalwa u konsegwentement huma f’pożizzjoni li jikkontestaw din l-evalwazzjoni, jekk huma jikkunsidraw li mhux korretta. Min-naħa l-oħra, sa fejn il-bord tal-għażla jibbaża ruħu, għall-inqas parzjalment, fuq elementi bħall-informazzjoni u l-opinjonijiet ta’ superjuri, li l-kandidati kkonċernati ma jkunux jafu bihom, huma ma jkollhom ebda opportunità jiddefendu ruħhom kontra affermazzjonijiet ġejjin minn terzi li, għalkemm jistgħu jkunu perfettament korretti, jistgħu jkunu wkoll mhux korretti għal xi raġuni jew oħra. L-impossibbiltà, għall-kandidati, li jieħdu pożizzjoni fuq l-opinjonijiet espressi dwarhom mis-superjuri tagħhom u li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-bord tal-għażla tammonta għal ksur ta’ prinċipju li jirregola l-proċedura tal-kompetizzjonijiet, li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tagħhom li ma jiġux ammessi.
Bħal fil-każ ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, u għall-istess raġunijiet, Kumitat konsultattiv tal-għażla stabbilit mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ma jistax jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu, anki parzjalment, fuq elementi bħall-informazzjoni u l-opinjonijiet tas-superjuri, li l-kandidati kkonċernati ma jkunux jafu bihom u li ma setgħux jieħdu pożizzjoni fuqhom. Il-konsultazzjoni tas-superjuri, anki minn membru wieħed biss tal-kumitat li jaġixxi fuq livell personali, jista’ jivvizzja b’illegalità l-azzjonijiet tal-imsemmi kumitat kollu kemm hu.
(ara l-punti 93, 94 u 97)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Marzu 1986, Sorani et vs Il‑Kummissjoni, 293/84, Ġabra p. 967, punti 17 sa 20; Adams et vs Il‑Kummissjoni, 294/84, Ġabra p. 977, punti 22 sa 25
5. L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tiddisponi minnha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ jeħtieġ, għall-inqas, osservanza sħiħa tar-regolamenti kollha rilevanti, jiġifieri mhux biss l-avviż għar-reklutaġġ, iżda wkoll ta’ regoli proċedurali eventwali li l-awtorità tkun adottat għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.
Barra minn hekk, il-fatt li din l-awtorità tiddisponi minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jkopri illegalità mwettqa fil-proċedura preparatorja għad-deċiżjoni tagħha. Konsegwentement, l-imsemmija awtorità, meta tadotta d-deċiżjoni tagħha wara proċedura preparatorja illegali, tivvizzja din id-deċiżjoni b’illegalita, jekk hija tonqos milli tieħu miżuri ta’ tali natura li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata fl-imsemmija proċedura preparatorja.
(ara l-punti 101 sa 103)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Settembru 2003, Pappas vs Il‑Kumitat tar‑Reġjuni, T‑73/01, ĠabraSP p. I‑A‑207 u II‑1011, punt 53
6. F’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li ma tinkludix l-isem tal-kandidat fil-lista tal-aħjar kandidati f’proċedura tal-għażla ta’ membri tal-persunal temporanju vvizzjata minn illegalità, l-annullament konsegwenti, tal-lista tal-kandidati stess, kif ukoll tad-deċiżjonijiet li l-kandidati li kienu inklużi fil-lista jiġu rrelkutati biex jimlew pożizzjonijiet vakanti, jammontaw għal sanzjoni eċċessiva tal-illegalità mwettqa mill-istituzzjoni kkonċernata. Fil-fatt ikun kuntrarja għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattiva leġittima, kif ukoll għall-interess tas-servizz, li l-kandidati magħżula, li jkunu saru membri tal-persunal temporanju, jiġu mċaħħda mill-benefiċċju tal-ħatra tagħhom għar-raġuni biss li l-proċedura għar-reklutaġġ ġiet ivvizzjata minn illegalità.
(ara l-punti 109, 111 u 122)
7. Meta l-paragun tal-interessi inkwistjoni juri li l-interess tas-servizz u l-interess ta’ terzi huwa ta’ ostaklu għall-annullament konsegwenti, ta’ deċiżjonijiet sussegwenti għal deċiżjoni annullata, il-qorti Komunitarja tista’, sabiex tiżgura, fl-interess tar-rikorrenti, l-effettività tas-sentenza ta’ annullament, tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha li tingħata lilha fil-kawżi ta’ natura pekunjarju u tikkundanna, anki ex officio, lill-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ kumpens. Hija tista’ tistieden ukoll lill-imsemmija istituzzjoni sabiex tipproteġi adegwatament id-drittijiet tar-rikorrent billi tfittex soluzzjoni xierqa għall-każ tiegħu.
(ara l-punt 127)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punt 14; 6 ta’ Lulju 1993, Il‑Kummissjoni vs Albani et, C‑242/90 P, Ġabra p. I‑3839, punt 13; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Frar 1994, Coussios vs Il‑Kummissjoni, T‑18/92 u T‑68/92, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑171, punt 107
8. Meta jiġi adit b’kawża ta’ natura pekunjarja fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddisponi minn ġurisdizzjoni sħiħa, li permezz tagħha għandu s-setgħa, jekk ikun il-każ, li jikkundanna ex officio lill-konvenut għall-ħlas ta’ kumpens għad-dannu kkawżat minnu u, f’każ bħal dan, li jevalwa, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, id-dannu subit ex aequo et bono. Barra minn hekk, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun ikkonstata l-eżistenza ta’ dannu, huwa biss hu kompetenti sabiex jevalwa, fil-limiti tat-talba, il-metodu u l-portata tal-kumpens għal dan id-dannu, bil-kundizzjoni li, sabiex il-qorti tal-appell tkun tista’ teżerċità l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq is-sentenzi tal-Tribunal, dawn ikunu suffiċjentement motivati u, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dannu, jindikaw il-kriterji kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit l-ammont ikkunsidrat.
F’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens xieraq li għandu jingħata lil kandidat li jkun ħa sehem fi proċedura ta’ għażla vvizzjata b’illegalità li subixxa telf ta’ opportunità li jiġi rreklutat, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddefinit it-telf tar-remunerazzjoni subit mill-imsemmi kandidat, billi tiġi stabbilita d-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kien jirċievi kieku ġie rreklutat u r-remunerazzjoni li huwa effettivament irċieva wara l-illegalità mwettqa, imbagħad, fit-tieni lok, għandha tiġi evalwata, fil-forma ta’ perċentwali, l-opportunità li huwa kellu li jiġi rreklutat sabiex jiġi bbilanċjat it-telf hekk ikkalkulat.
Madankollu, meta, minħabba ċirkustanzi partikolari, bħal-livell ta’ inċertezza dwar l-impatt tal-illegalità kkonstatata fuq iċ-ċaħda tal-kandidatura tal-imsemmi kandidat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jkunx f’pożizzjoni li jistabbilixxi koeffiċjenti matematika li tirrefletti t-telf subit, jeħtieġ li l-parti kkonċernata tingħata somma f’daqqa, bħala kumpens għat-telf ta’ opportunità subit.
Fl-evalwazzjoni tal-ammont tal-imsemmi kumpens, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħaġa ċerta li, kieku għadda mill-proċedura tal-għażla, ir-rikorrent kien jibbenefika minn kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal terminu ta’ sitt snin. Fil-fatt, skont l-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, l-istituzzjoni tiddisponi mill-fakoltà li tħassar kuntratt ta’ membri tal-persunal temporanju b’kuntratt b’terminu fiss, bil-kundizzjoni li jingħata avviż minn qabel stabbilit b’mod konformi mal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, li kieku ġie rreklutat, ir-rikorrent ma kien ikollu l-ebda dritt għal tiġdid tal-kuntratt tiegħu għal perijodu ta’ sentejn, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ erba’ snin.
(ara l-punti 133 sa 135 u 142 sa 145)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I‑833, punti 45, u l-ġurisprudenza ċċitata, u 58, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑2‑129 u II‑A‑2‑609
9. L-annullament ta’ att tal-amministrazzjoni kkontestat minn uffiċjal jammonta, fih innifsu, għal kumpens adegwat u, fil-prinċipju, jiġifieri fin-nuqqas fl-imsemmi att ta’ kull evalwazzjoni espliċitament negattiva tal-kapaċitajiet tal-parti kkonċernata li tista’ tippreġudikaha, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan seta’ jbati minħabba l-att annullat.
(ara l-punt 151)
Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Jannar 1995, Pierrat vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑60/94, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑77, punt 62; 19 ta’ Marzu 1997, Giannini vs Il‑Kummissjoni, T‑21/96, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑211, punt 35