Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CO0483

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tas-17 ta' Frar 2009.
    Galileo Lebensmittel GmbH & Co. KG vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Rikors għal annullament - Riżervazzjoni mill-Kummissjoni tal-isem tad-dominju 'galileo.eu' - Ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 230 KE - Deċiżjoni li tikkonċerna individwalment persuna fiżika jew ġuridika - Rikors manifestament infondat.
    Kawża C-483/07 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:95

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    17 ta’ Frar 2009 ( *1 )

    Fil-Kawża C-483/07 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fil-5 ta’ Novembru 2007,

    Galileo Lebensmittel GmbH & Co. KG, stabbilita fi Trierweiler (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Bott, Rechtsanwalt,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Braun u E. Montaguti, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellata,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Galileo Lebensmittel GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Galileo Lebensmittel”) qed titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta’ Awwissu 2007, Galileo Lebensmittel vs Il-Kummissjoni (T-46/06, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”), li permezz tiegħu hija ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirriżerva, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell [“.eu”] u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU L 162, p. 40), l-isem tad-dominju fuq l-internet “galileo.eu” taħt id-dominju tal-ogħla livell “.eu” bħala isem ta’ dominju riżervat għall-użu tal-istituzzjonijiet, organi u korpi tal-Komunità (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Il-kuntest ġuridiku huwa kkostitwit minn żewġ regolamenti, jiġifieri regolament bażiku, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 733/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2002, dwar l-implementazzjoni ta[d-Dominju] tal-Ogħla Livell [.eu] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 394-398), u r-regolament ta’ implementazzjoni, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 874/2004 tat-28 ta’ April 2004, li jippreskrivi r-regoli tal-politika pubblika li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l-funzjonijiet tad-Dominju tal-Ogħla Livell [“.eu”] u l-prinċipji li jirregolaw ir-reġistrazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol., 34, p. 825-835).

    Ir-Regolament Nru 733/2002

    3

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 733/2002, intitolat “Kwadru tal-politika”, jipprovdi:

    “1.   Wara li tikkonsulta mar-Reġistru u wara li ssegwi l-proċedura msemmija f’Artikolu 6(3), il-Kummissjoni għandha tadotta regoli ta’ politika pubblika li jikkonċernaw l-implementazzjoni u l-funzjonijiet ta’.eu TLD [(Top Level Domain)] u l-prinċipji tal-politika pubblika dwar ir-reġistrazzjoni. Il-politika pubblika għandha tinkludi:

    (a)

    politika dwar is-soluzzjoni extra-ġudizzjarja ta’ konflitti;

    (b)

    politika pubblika dwar reġistrazzjoni spekulattiva u abbużiva ta’ ismijiet ta’ qasam [dominju] inkluża l-possibbiltà ta’ reġistrazzjonijiet ta’ ismijiet ta’ qasam [dominju] f’fażijiet biex jiġu assigurati opportunitajiet temporanji xierqa għad-detenturi ta’ drittijiet li kienu jeżistu qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u biex korpi pubbliċi jirreġistraw isimhom;

    (ċ)

    politika dwar il-possibiltà tar-revokazzjoni ta’ ismijiet ta’ [dominju], inkluża l-kwistjoni ta’ bona vacantia,

    (d)

    kwistjonijiet dwar il-lingwa u kunċetti ġeografiċi;

    (e)

    it-trattament ta’ proprjetà intellettwali u drittijiet oħra.

    2.   Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’lista limitata ta’ ismijiet rikonoxxuti b’mod wiesa’ fir-rigward ta’ kunċetti ġeografiċi u/jew ġeopolitiċi li jeffettwaw l-organizzazzjoni politika jew territorjali tagħhom li jistgħu jew:

    (a)

    li ma jiġux reġistrati, jew

    (b)

    li jiġu reġistrati biss taħt qasam [dominju] tat -tieni livell skont ir-regoli tal-politika pubblika.

    Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lir-Reġistru mingħajr dewmien bil-lista tal-ismijiet notifikati li għalihom japplikaw dawk il-kriterji. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista fl-istess żmien li tinnotifika lir-Reġistru.

    Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni fi żmien 30 jum tal-pubblikazzjoni tqajjem oġġezzjoni għal xi partita nkluża fil-lista notifikata, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri, skont il-proċedura msemmija f’Artikolu 6(3), biex tirrimedja s-sitwazzjoni.

    […]”

    4

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 733/2002, “[i]l-Kummissjoni [il-Komunità] għandha żżomm id-drittijiet kollha li jirrelataw mal-.eu TLD inkluż, b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u drittijiet oħra tad-databases tar-Reġistru meħtieġa biex jassiguraw l-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament u d-dritt li tinnomina mill-ġdid ir-Reġistru”.

    Ir-Regolament Nru 874/2004

    5

    Ir-Regolament Nru 874/2004 jenfasizza, fil-parti introduttiva tiegħu, li huwa bbażat fuq “[…] ir-Regolament [Nru 733/2002], u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu […]”.

    6

    Skont id-disa’ premessa tar-Regolament Nru 874/2004:

    “Stat Membru għandu jkun awtorizzat li jinnomina operatur li jirreġistra bħala isem ta’ dominju l-isem uffiċjali tiegħu u l-isem li taħtu jkun komunement magħruf. Bl-istess mod il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tagħżel ismijiet ta’ dominju għall-użu mill-istituzzjonijiet tal-Komunità, u biex tinnomina operatur għal dawk l-ismijiet tad-dominju. Ir-Reġistru għandu jkollu s-setgħa li jirriżerva numru ta’ ismijiet speċifikati ta’ dominju għall-funzjonijiet operazzjonali tiegħu.”

    7

    L-Artikolu 9 tar-Regolament 874/2004, intitolat “Isem ta’ dominju tat-tieni livell għal ismijiet ġeografiċi u ġeopolitiċi”, jipprovdi:

    “Ir-reġistrazzjoni ta’ kunċetti ġeoġrafiċi u ġeopolitiċi bħala ismijiet ta’ dominju skond l-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 733/2002 tista’ tiġi provduta għal Stat Membru li jkun innotifika l-ismijiet. Dan jista’ jsir taħt xi isem ta’ dominju li jkun ġie reġistrat minn dak l-Istat Membru.

    Il-Kummissjoni tista’ titlob lir-Reġistru biex jintroduċi ismijiet ta’ dominju direttament taħt l-eu. [.eu] TLD [Dominju tal-Ogħla Livell] għall-użu minn istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità. Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mhux aktar tard minn ġimgħa qabel il-bidu tal-perjodu tar-reġistrazzjoni f’fażijiet li hemm provvidiment għalih fil-Kapitolu IV, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lir-Reġistru bl-ismijiet li għandhom jiġu riżervati u l-korpi li jirrappresentaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ l-ismijiet.”

    8

    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 874/2004 jgħid:

    “Id-detenturi ta’ drittijiet minn qabel rikonoxxuti jew stabbiliti bil-liġi nazzjonali u/jew tal-Komunità u korpi pubbliċi għandhom ikunu eliġibbli li japplikaw biex jirreġistraw l-ismijiet tad-dominju matul perjodu ta’ reġistrazzjoni f’fażijiet qabel ma tibda r-reġistrazzjoni ġenerali tad-dominju.eu.

    “Drittijiet ta’ qabel” [drittijiet preċedenti] għandha tiftiehem li tinkludi, fost ħwejjeġ oħra, marki tal-kummerċ reġistrati nazzjonali jew tal-Komunità [trade marks nazzjonali u Komunitarji rreġistrati], indikazzjonijiet ġeografiċi jew ismijiet ta’ oriġini, u, sal-limitu li dawn ikunu protetti taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membru fejn ikunu miżmuma: marki tal-kummerċ [ismijiet ta’ trade marks] mhux reġistrati, ismijiet tal-kummerċ, identifikaturi ta’ negozji, ismijiet ta’ kumpaniji, ismijiet ta’ familji [persuni], u titoli distinti [distintivi] ta’ xgħolijiet protetti letterarji u artistiċi.

    […]”

    9

    It-tielet paragrafu tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 874/2004 jipprovdi:

    “Matul l-ewwel parti tar-reġistrazzjoni f’fażijiet, [huwa] biss [fir-rigward] marki tal-kummerċ nazzjonali u tal-Komunità [tat-trade marks nazzjonali u Komunitarji rreġistrati], […] [li] tista’ ssir applikazzjoni għalihom bħala ismijiet ta’ dominju […]”.

    10

    Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 874/2004:

    “Proċedura ta’ ADR [riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputa] tista’ tinbeda minn xi parti fejn:

    […]

    b)

    deċiżjoni meħuda mir-Reġistru tkun f’konflitt ma’ dan ir-Regolament jew mar-Regolament (KE) Nru 733/2002.”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    11

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti kif ġej fil-punti 11 sa 16 tad-Digriet ikkontestat:

    “Sistema internazzjonali tad-dominji tal-Internet

    11

    Is-Sistema ta’ ismijiet ta’ dominju tal-internet (DNS) tikkonsisti f’reġistru bi struttura ġerarkika, li jiġbor l-ismijiet ta’ dominju kollha u l-kompjuters kollha relatati li huma rreġistrati għal ċertu impriżi u persuni li jużaw l-Internet. L-isem ta’ dominju huwa test elettroniku li jwassal lill-utent tal-Internet lejn paġna partikolari. Id-Dominju tal-Ogħla Livell (Top Level Domain, iktar ’l quddiem it-‘TLD’) huwa l-parti tal-isem tad-dominju li tinsab fuq il-lemin, wara l-aħħar punt tal-isem. Dan jindika l-ogħla livell ġerarkiku tal-istruttura ġeografika u organizzattiva tas-sistema ta’ ismijiet ta’ dominju tal-Internet li jintuża għall-indirizzi. Fuq l-Internet, it-TLD jista’ jkun jew il-kodiċi ISO tal-pajjiż b’żewġ ittri, jew abbrevjazzjoni Ingliża, bħal per eżempju ‘.com’, ‘.net’ jew ‘.org’. L-attribuzzjoni tal-kodiċi għall-ismijiet differenti TLD (per eżempju l-kodiċi ISO tal-pajjiż ‘.lu’ għal-Lussemburgu) hija kkoordinata mill-korp inkarigat mill-attribuzzjoni tal-ismijiet u tal-indirizzi tal-Internet, l-‘Internet Corporation for Assigned Names and Numbers’ (iktar ’il quddiem l-‘ICANN’), korp mingħajr skop ta’ lukru rreġistrat taħt id-dritt Amerikan.

    12

    Abbażi ta’ din is-sistema, il-bord tat-tmexxija tal-ICANN awtorizza, fil-21 ta’ Mejju 2005, l-attribuzzjoni tat-TLD il-ġdida ‘.eu’ u tat is-setgħa lill-President tal-ICANN sabiex jikkonkludi ftehim mal-European Registry for Internet Domains (iktar ’il quddiem il-‘EURid’). Il-EURid hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, irreġistrata taħt id-dritt Belġjan, maħtura mill-Kummissjoni sabiex tamministra t-TLD ‘.eu’ [ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/375/KE tal-21 ta’ Mejju 2003, dwar il-ħatra tar-Reġistru għad-Dominju tal-Ogħla Livell ‘.eu’ (ĠU L 128, p. 29)].

    Fatti li wasslu għall-kawża

    13

    Ir-rikorrenti hija l-proprjetarja ta’ liċenzja esklużiva ta’ użu, tat-13 ta’ Frar 2006, ta’ trade marks differenti rreġistrati f’isem IFD Italian Food Distribution SA, stabbilita f’Mertert (il-Lussemburgu), li t-trade mark verbali tagħha hija rreġistrata fi ħdan l-Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks tal-Ġermanja taħt in-Nru 2071982. IFD Italian Food Distribution, li hija l-kumpannija holding tar-rikorrenti, ma teżerċitax operat fi ħdanha.

    14

    Fl-1 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 874/2004 u bl-għajnuna tal-impriża Ġermaniża 1 & 1 Internet AG, applikat għar-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju ‘galileo.eu’ għand il-EURid. Fis-7 ta’ Diċembru 2005, l-uffiċċju tar-reġistrazzjoni 1 & 1 Internet iddepożitat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni b’mod elettroniku fi ħdan il-EURid.

    15

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet ukoll ir-reġistrazzjoni tal-isem tad-dominju ‘galileo-food.eu’. F’dan ir-rigward, hija rċeviet konferma ta’ rċevuta mingħand il-EURid, iżda mhux għall-applikazzjoni tal-isem ta’ dominju ‘galileo.eu’.

    16

    Il-EURid ma laqax l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u lanqas ma kkonfermat li rċevietha peress li l-isem tad-dominju li għalih saret l-applikazzjoni ‘galileo.eu’ kien ilu riżervat għall-Kummissjoni sa mis-7 ta’ Novembru 2005. Ir-rikorrenti ġiet informata dwar dan mill-EURid fit-2 ta’ Frar 2006. Il-EURid jindika fil-komunikazzjoni tiegħu li kien debitament ipproċeda sabiex jirriżerva dan l-isem ta’ dominju abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 874/2004. Din ir-riżervazzjoni ma ġietx deċiża mill-EURid, iżda mill-Kummissjoni. Peress li din tal-aħħar kienet irriżervat l-isem ta’ dominju ‘galileo.eu’, lanqas ma tniżżlet l-ordni ta’ riċeviment tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni għal dan l-isem ta’ dominju.”

    Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet ikkontestat

    12

    Fit-13 ta’ Frar 2006, Galileo Lebensmittel ippreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirriżerva l-isem tad-dominju “galileo.eu” bħala isem ta’ dominju riżervat għall-użu tal-istituzzjonijiet, organi u korpi tal-Komunità.

    13

    Permezz tad-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli billi qieset li din id-deċiżjoni ma kinitx indirizzata lill-appellanti u lanqas ma kienet “individwalment ikkonċernata” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    14

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li fil-konfront tagħhom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, sa fejn huwa kostanti li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att in kwistjoni.

    15

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tkompli billi tosserva li, sabiex tkun individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat, l-appellanti jmissha, minn naħa, kienet parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, ibbenefikat minn protezzjoni speċifika. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet ma ġew sodisfatti f’dan il-każ.

    16

    Fir-rigward tal-protezzjoni speċifika, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-ebda dispożizzjoni ma kienet tobbliga lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-appellanti.

    17

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk Galileo Lebensmittel kinitx tagħmel parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi minħabba karatteristiċi partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, meta ġiet stabbilita l-lista, in-numru u l-identità tal-persuni potenzjalment ikkonċernati mir-riżervazzjoni la kienu magħrufa b’mod definittiv u lanqas ma setgħu jiġu ddeterminati.

    18

    Fil-fatt, kull isem ta’ dominju inkluż f’din il-lista huwa riżervat mhux biss fil-konfront tal-proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti, li magħhom l-appellanti tallega li tagħmel parti, u fil-konfront tal-korpi pubbliċi, li jirrappreżentaw grupp kbir ħafna, iżda xorta waħda identifikabbli, iżda wkoll fil-konfront tal-pubbliku inġenerali. Anki li kieku kellu jitqies li l-ebda applikazzjoni ma tintbagħat matul il-perijodu previst għar-reġistrazzjoni minn qabel u privileġġat, xorta jibqa’ possibbli li tali applikazzjoni tintbagħat matul il-perijodu ta’ reġistrazzjoni pubblika.

    19

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li d-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistix ċirku ristrett ta’ operaturi kkonċernati hija dik tal-adozzjoni tal-miżura kontenzjuża.

    It-talbiet tal-partijiet

    20

    Fl-appell tagħha, Galileo Lebensmittel titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet ikkontestat u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi;

    sussidjarjament, tannulla d-digriet ikkontestat, terġa tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fl-appell.

    21

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-kawża.

    Fuq l-appell

    22

    Skont l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell, totalment jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

    23

    Permezz tal-appell tagħha, Galileo Lebensmittel issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fr-rigward tad-digriet ikkontestat meta ddeċidiet li l-appellanti ma kinitx individwalment affettwata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirriżerva l-isem ta’ dominju “galileo.eu” bħala isem ta’ dominju rriżervat għall-użu tal-istituzzjonijiet, tal-organi u tal-korpi tal-Komunità.

    24

    L-argument tal-appellanti jista’ jitqies li jagħti lok, essenzjalment, għal tliet aggravji.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-argument li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tippreżentax natura regolamentari

    L-argumenti tal-partijiet

    25

    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-argument li d-digriet ikkontestat ma jiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża u b’mod partikolari l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża mhijiex regolament.

    26

    Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet żviluppata fir-rigward ta’ rikorsi li kienu jirrigwardaw regolamenti Komunitarji. Għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ’għandhiex din in-natura, iżda hija att dwar l-applikazzjoni ta’ regolament għal każ partikolari. Id-deċiżjoni kontenzjuża tikkostitwixxi, barra minn hekk, miżura intiża li tipproteġi l-bżonnijiet tal-Kummissjoni nnifisha fil-qasam tal-ismijiet tad-dominji. Il-ġurisprudenza użata mill-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant mhijiex adatta għall-każ inkwistjoni.

    27

    Il-Kummissjoni twieġeb li d-deċiżjoni kontenzjuża hija att ta’ portata ġenerali, li tipproduċi effetti differenti fuq il-persuni differenti affettwati minnha, skont l-ismijiet ta’ dominji li huma kellhom l-intenzjoni li jirreġistraw.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28

    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE jagħti l-possibbiltà lil kull persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta rikors għal annullament kontra żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet, jiġifieri, minn naħa, dawk indirizzati lejha, u, min-naħa l-oħra, dawk li, minkejja li mogħtija fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzati lil xi persuna oħra, tikkonċernaha direttament u individwalment.

    29

    L-element essenzjali ta’ distinzjoni jinsab fil-punt dwar jekk id-deċiżjoni li l-appellanti tikkontesta hijiex indirizzata lilha jew le. Jekk dan mhuwiex il-każ, l-appellanti għandha, għaldaqstant, sabiex tkun tista’ titlob l-annullament, tkun ikkonċernata direttament u individwalment mill-att ikkontestat. Il-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ interess individwali hija għaldaqstant applikabbli fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni mhijiex indirizzata lejn il-persuna li qed tikkontestaha.

    30

    B’hekk, u mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi ddeterminata n-natura eżatta tad-deċiżjoni kontenzjuża, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li d-din ma kinitx indirizzata lil Galileo Lebensmittel. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament applikat il-ġurisprudenza relatata mal-kunċett ta’ interess individwali sabiex tiddetermina jekk l-appellanti kellhiex locus standi.

    31

    L-ewwel aggravju għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq l-argument li d-digriet ikkontestat ma jiħux inkunsiderazzjoni d-dritt għal protezzjoni speċifika tat-trade mark verbali li l-appellanti ssostni li għandha fil-pussess tagħha

    L-argumenti tal-partijiet

    32

    L-appellanti ssostni li l-isem ta’ dominju “galileo.eu” huwa oġġett uniku b’valur ekonomiku li jista’ jiġi kkummerċjalizzat u li d-deċiżjoni kontenzjuża essenzjalment tammonta għal-tneħħija mill-kummerċ mingħajr ebda kumpens.

    33

    Bħala utenti u proprjetarja esklużiva ta’ liċenzja għat-trade mark verbali Galileo, l-appellanti hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża li tippreġudika d-dritt għat-trade mark tagħha peress li tipprekludiha milli tirreġistra l-isem ta’ dominju “galileo.eu”, u d-digriet ikkontestat f’dan is-sens huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi.

    34

    Galileo Lebensmittel tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza li ġejja mis-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207), u ssemmi wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill (C-309/89, Ġabra p. I-1853), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C-125/06 P, Ġabra p. I-1451).

    35

    L-appellanti żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat evalwat il-kriterju ta’ interess individwali fid-dawl tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt preżenti fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża, u li xejn ma jipprekludi l-evalwazzjoni tal-interess individwali fid-dawl ta’ ċirkustanzi li seħħew wara din id-data.

    36

    Fl-aħħar nett hija ssostni li r-Regolament Nru 874/2004 jagħtiha, bħala proprjetarja tat-trade mark verbali Ġermaniża Galileo, pożizzjoni ġuridika partikolari fil-proċediment ta’ reġistrazzjoni. F’dan ir-rigward, hija tinvoka s-sittax u s-sbatax-il premessa tar-Regolament Nru 733/2002, l-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 874/2004, u l-Artikoli 10(1) u (2) kif ukoll 12(2) ta’ dan l-aħħar regolament.

    37

    Skont Galileo Lebensmittel, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan li jipproteġu lill-proprjetarji tad-drittijiet tat-trade mark rigward il-possibbiltà li jirreġistraw, bħala isem taħt id-Dominju tal-Ogħla Livell “.eu”, l-isem protett tagħhom skont id-dritt tat-trade marks. Ir-Regolament Nru 874/2004 jipprovdi għal fażi ta’ reġistrazzjoni riżervat għall-proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti u li għandha sseħħ qabel il-ftuħ tar-reġistrazzjoni għall-pubbliku inġenerali. Dan jikkostitwixxi privileġġ fil-konfront ta’ applikanti li, bħall-appellata, m’għandhomx drittijiet preċedenti.

    38

    Skont il-Kummissjoni, l-appellanti tista’ mingħajr dubju tkun ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda hija kkonċernata bħal ma jistgħu jkunu kkonċernati operaturi oħra, u hija ma tistax issostni li hija kkonċernata “individwalment”.

    39

    Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li d-dispożizzjonijiet invokati minn Galileo Lebensmittel mhumiex tali li jagħtuha pożizzjoni ġuridika partikolari fil-proċedimenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. Il-Kummissjoni żżid li l-appellanti għandha l-intenzjoni li tikkontesta mhux id-deċiżjoni kontenzjuża iżda r-Regolament Nru 874/2004 innifsu, u li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dan ir-regolament skada.

    40

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti ma għandha l-ebda dritt esklużiv fir-rigward tal-isem “Galileo”, li jinsab mill-inqas f’60 trade mark Komunitarja, li 29 minnhom jinkludu dan l-isem waħdu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    Persuna fiżika jew ġuridika tista’ tallega li hija individwalment ikkonċernata biss jekk id-dispożizzjoni kkontestata taffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba stat ta’ fatt li jikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u minħabba f’hekk jirrigwardaha individwalment b’mod analogu bħad-destinatarju (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223).

    42

    Kif ifakkar id-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, iddeċidiet li meta l-att ikkontestat jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att inkwantu jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (sentenzi Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 60).

    43

    Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li n-numru u l-identità tal-persuni potenzjalment ikkonċernati mir-riżervazzjoni tal-isem ta’ dominju la setgħu jkunu magħrufa b’mod definittiv u lanqas ma setgħu jiġu ddeterminati. Fil-fatt, huwa permezz ta’ analiżi korretta tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 874/2004 li l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li kull isem ta’ dominju mdaħħal fil-lista huwa riżervat mhux biss fil-konfront tal-proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti, iżda wkoll fil-konfront tal-pubbliku inġenerali.

    44

    F’dan ir-rigward, l-appellanti ma tistax tipparaguna s-sitwazzjoni tagħha ma’ dik tal-kawża li tat lok għas-sentenza Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Permezz ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, dirett kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tawtorizza lil Stat Membru sabiex jintroduċi miżuri ta’ protezzjoni fuq l-importazzjoni ta’ prodott, ippreżentat minn rikorrenti li, qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, kienu kkonkludew kuntratti ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat u li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet kompletament jew parzjalment prekluża minn din id-deċiżjoni. Għandu jingħad ukoll li f’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tostakolax l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti li huma proprjetà tal-appellanti. Is-sitwazzjoni li hija qed issemmi ma tistax, sussegwentement, tagħti lok għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza stabbilita minn din is-sentenza.

    45

    Galileo Lebensmittel lanqas ma tista’ tinvoka dak li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza Codorniu vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, favur il-kumpannija li kienet ikkonċernata f’din il-kawża, jiġifieri l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tikkaratterizzaha fir-rigward tad-dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ portata ġenerali kkonċernata meta mqabbla ma’ kull operatur ekonomiku ieħor, sa fejn din id-dispożizzjoni kienet wasslet sabiex tipprekludi lil din il-kumpannija milli tuża t-trade mark grafika tagħha fil-kummerċ. F’dan ir-rigward, jeħtieġ biss li jiġi osservat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tipprekludix lill-appellanti milli tuża t-trade mark tagħha, b’mod li ma tistax tipparaguna s-sitwazzjoni tagħha ma’ dik tal-kawża li tat lok għas-sentenza Codorniu vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

    46

    Bl-istess mod, jekk il-ġurisprudenza tippermetti li persuna tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata minn att minħabba li tagħmel parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi meta dan l-att ibiddel id-drittijiet miksuba minn din il-persuna qabel ma ġie adottat (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1965, Toepfer u Getreide-Import Gesellschaft vs Il-Kummissjoni, 106/63 u 107/63, Ġabra p. 525, 533, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Infront, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72), f’dan il-każ, b’detriment tal-appellanti, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tbiddel l-ebda dritt miksub, peress li l-uniku dritt li għandha huwa d-dritt fuq it-trade mark Galileo li jaqa’ taħt leġiżlazzjoni differenti.

    47

    Fl-aħħar nett, filwaqt li Galileo Lebensmittel issostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża tippreġudika serjament l-interessi ekonomiċi tagħha, din is-sempliċi ċirkustanza mhijiex biżżejjed sabiex hija tikseb il-karatteristika ta’ “persuna individwalment ikkonċernata” fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u, b’hekk, sabiex tikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li sempliċement applikat din il-ġurisprudenza.

    48

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti mhijiex fondata li ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li hija ma tagħmilx parti minn “ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

    49

    L-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala manifestament infondata.

    50

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament evalwat, meta ngħatat id-deċiżjoni kontenzjuża, il-kwistjoni dwar jekk il-persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni humiex identifikati jew identifikabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 1987, Union Deutsche Lebensmittelwerke et vs Il-Kummissjoni, 97/85, Ġabra p. 2265, punt 11).

    51

    It-tieni parti tat-tieni aggravju hija, għaldaqstant, manifestament infondata.

    52

    Fl-aħħar nett, Galileo Lebensmittel ma tistax issostni li, permezz tad-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt għal protezzjoni speċifika li l-appellanti tiddikjara li għandha mill-proċedimenti ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    53

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li persuna tkun tista’ tintervjeni fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ att Komunitarju huwa ta’ natura li jirrigwardaha individwalment fil-konfront tal-att inkwistjoni biss fil-każ fejn garanziji proċedurali ġew previsti favur din il-persuna mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. B’hekk, meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju timponi, sabiex tiġi adottata deċiżjoni, li tiġi segwita proċedura li fil-kuntest tagħha persuna fiżika jew ġuridika tista’ tinvoka drittijiet eventwali, fosthom id-dritt għal smigħ, il-pożizzjoni ġuridika partikolari li minnha tibbenefika din il-persuna għandha l-effett li tirrigwardaha individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 1983, Fediol vs Il-Kummissjoni, 191/82, Ġabra p. 2913, punt 31, kif ukoll tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra p. I-3425, punti 47 u 48).

    54

    F’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 874/2004 jipprovdi perijodu ta’ reġistrazzjoni minn qabel u riżervat għall-ismijiet ta’ dominju favur proprjetarji ta’ drittijiet preċedenti, li magħhom l-appellanti tallega li tagħmel parti, dan madankollu ma jistabbilixxi l-ebda garanzija proċedurali li tista’ tiġi analizzata bħala dritt stabbilit favur Galileo Lebensmittel. L-appellanti ma tistax, għaldaqstant, tinvoka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 874/2004 sabiex issostni li dawn għandhom bħala effett li “jirrigwardawha individwalment” skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    55

    It-tielet parti tat-tieni aggravju għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala manifestament infondata.

    56

    Jirriżulta minn dak li jippreċedi, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-appellanti effettivament kellhiex dritt preċedenti meta ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għall-isem ta’ dominju “galileo.eu”, li f’kull każ hija ma tistax tinvoka d-dritt għal protezzjoni speċifika ta’ dan l-isem biex issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li hija ma kinitx individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża.

    57

    It-tieni aggravju, ikkunsidrat komplessivament, għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    L-argumenti tal-partijiet

    58

    Galileo Lebensmittel issostni li, billi ċaħdet ir-rikors tagħha bħala inammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-appellanti, fil-fatt, ġiet imċaħħda minn kull rimedju legali kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, kemm jekk quddiem qorti nazzjonali jew quddiem Qorti Komunitarja.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    59

    Il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ma jistgħux jiġu esklużi minħabba l-interpretazzjoni li tagħmel l-appellanti dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44, u Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Marzu 2007, Strack vs Il-Kummissjoni, C-237/06 P, punt 108, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, C-150/06 P, punt 40).

    60

    B’hekk, persuna li mhijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni u li, għaldaqstant l-interessi tagħha mhumiex affettwati minn din il-miżura, ma tistax tinvoka d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ deċiżjoni bħal din (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2004, Pérez Escolar vs Il-Kummissjoni, C-379/03 P, punt 41).

    61

    Peress li l-appellanti naqset milli tipprova li kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża, hija mhijiex fondata li ssostni li d-digriet ikkontestat jippreġudika d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    62

    Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    63

    Peress li l-ebda aggravju ma kien fondat, l-appell għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedimenti ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża hija kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Galileo Lebensmittel tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Galileo Lebensmittel GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top