Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CN0518

    Kawża C-518/07: Rikors imressaq fit- 22 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    ĠU C 37, 9.2.2008, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 37/8


    Rikors imressaq fit-22 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    (Kawża C-518/07)

    (2008/C 37/10)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: C. Docksey u C. Ladenburger, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    Talbiet tar-rikorrenti

    tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-obbligi tagħha skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE (1), billi tissuġġetta l-awtoritajiet kompetenti ta' superviżjoni ta' l-ipproċessar ta' data personali fis-settur mhux pubbliku għal superviżjoni mill-Istat fil-Länder: Baden-Württemberg, Bayern, Berlin, Brandenburg, Bremen, Hamburg, Hessen, Mecklenburg-Vorpommern, Niedersachsen, Nordrhein-Westfalen, Rheinland-Pfalz, Saarland, Sachsen, Sachsen-Anhalt, Schleswig-Holstein u Thüringen u, b'dan il-mod, ittrasponiet b'mod żbaljat l-ordni li l-awtoritajiet ta' superviżjoni responsabbli tas-sorveljanza ta' data personali għandhom “jaġixxu b'indipendenza sħiħa”;

    tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tobbliga l-Istati Membri jipprovdu li “awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta' l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva”, jiġifieri ta' superviżjoni tad-dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta' data personali. It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 28(1) tad-direttiva titlob li l-awtoritajiet ta' superviżjoni responsabbli għandhom “jaġixxu b'indipendenza sħiħa”. It-test tad-direttiva jipprovdi li l-awtoritajiet ta' superviżjoni m'għandhomx ikunu influwenzati minn awtoritajiet oħra ta' l-Istat jew korpi oħta esterni ta' l-Istat, b'mod li l-liġi ta' l-Istati Membri għandha teskludi kull influwenza esterna fuq id-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet ta' superviżjoni u t-twettiq tagħhom. Il-kelma indipendenza “sħiħa” timplika li din l-indipendenza għandha tkun fir-rigward ta' kull suġġett u taħt kull lat.

    Għaldaqstant, huwa inkompatibbli mat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 28(1) tad-direttiva, li tissuġġetta l-awtoritajiet kompetenti ta' superviżjoni ta' l-ipproċessar ta' data f'settur li mhuwiex dak pubbliku għal superviżjoni ta' fatt, ta' dritt jew ta' servizz minn naħa ta' l-Istat, kif jiġri fis-16-il Länder kollha tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Billi l-liġi ta' kull wieħed minn dawn il-Länder jissuġġetta l-awtorità ta' superviżjoni għal kumbinazzjonijiet differenti ta' dawn it-tliet tipi ta' superviżjoni, dan jistabbilixxi ksur minn naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ta' l-obbligu li tiggarantixxi li l-awtorità ta' superviżjoni “jaġixxu b'indipendenza sħiħa”, skond it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 28(1). Minkejja d-differenzi bejn superviżjoni ta' fatt, ta' dritt jew ta' servizz, dawn it-tipi kollha ta' superviżjoni jwasslu għal ksur ta' l-indipendenza mitluba mid-direttiva.

    Mil-lat teleoloġiku l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra bħala essenzjali l-indipendenza sħiħa, li permezz tagħha d-dmir ta' l-awtorità ta' superviżjoni fl-Artikolu 28 jista' jitwettaq b'mod effikaċji. Il-kunċett ta' “indipendenza sħiħa” huwa iktar u iktar iċċarat mill-kuntest li fih din il-liġi ġiet adottata. Anki mil-lat sistematiku, ir-rekwiżit li jitlob li l-awtorità ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri għandhom “jaġixxu b'indipendenza sħiħa” huwa koerenti mal-liġi eżistenti fil-Komunità fis-settur tal-protezzjoni tad-data. Għalhekk, l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea tipprovdi li d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali “għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti”.

    It-teżi sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li indipendenza relativa, jiġifieri ta' indipendenza ta' l-awtoritajiet ta' superviżjoni biss minn dawk li huma sorveljati, ma tistax titqabbel mal-mod ċar u eżawrjenti li bih id-direttiva hija fformulata, li teżiġi indipendenza sħiħa. Barra minn dan, it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 28(1) titneħħila kull sustanza. Għandu jiġi wkoll miċħud l-argument li l-Artikolu 95 KE, billi dan huwa l-bażi legali rilevanti tad-direttiva, flimkien mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità jissuġġerixxu interpretazzjoni stretta tar-rekwiżit ta' indipendenza sħiħa. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li d-direttiva ġiet adottata korrettament u li interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tagħha huwa pprojbit f'sitwazzjoni ta' natura mhux ekonomika. Wara kollox, id-dispożizzjoni li din tirrigwarda ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit mid-direttiva skond l-Artikolu 95 KE u l-prinċipju ta' sussidjarjetà.


    (1)  ĠU L 281, p. 31.


    Top