EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0561

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Ġunju 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2001/23/KE - Trasferiment ta’ impriża- Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għan-nuqqas ta’ applikazzjoni għat-trasferimenti ta’ impriżi f’‘qagħda ta’ kriżi’.
Kawża C-561/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:363

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2001/23/KE — Trasferiment ta’ impriża — Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għan-nuqqas ta’ applikazzjoni għat-trasferimenti ta’ impriżi f’‘qagħda ta’ kriżi’”

Fil-Kawża C-561/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Enegren u L. Pignataro, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Jannar 2009,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 (5) u (6) tal-Liġi Nru 428 tad-29 ta’ Diċembru 1990 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 10 tat-, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 428/1990”), f’każ ta’ “kriżi tal-impriża” fis-sens tal-punt (c) tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 675 tat- (GURI Nru 243 tas-, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 675/1977”), b’tali mod li d-drittijiet irrikonoxxuti lill-impjegati permezz tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 28), ma humiex iggarantiti fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie ikkonstatat, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

2

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi li:

“1.   Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri approprjati biex jiżguraw li min jagħmel it-trasferiment jinnotifika lil min lilu jsir it-trasferiment bid-drittijiet u l-obbliġi kollha li jkunu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment skond dan l-Artikolu, sa fejn dawk id-drittijiet u l-obbligi huma jew għandhom ikunu magħrufa minn min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment. […]

3.   Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.

a)

Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, il-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw inkonnessjoni mad-drittijiet ta’ l-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, l-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplementari tal-kumpaniji jew ta’ bejn il-kumpaniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri.

b)

Ukoll meta ma jipprovdux skond is-subparagrafu (a) li l-paragrafi 1 u 3 japplikaw inkonnessjoni ma’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li ma jkunux għadhom impjegati fin-negozju ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment għar-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fis-subparagrafu (a).”

3

Skont l-Artikolu 4 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23:

“1.   It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.

[…]”

4

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23:

“1.   Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti [proċeduri] ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti [proċeduri] analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).

2.   Meta l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti [proċeduri] ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti [proċeduri] jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti [proċeduri] jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment determinat mil-liġi nazzjonali) Stat Membru jista’ jipprovdi li:

a)

minkejja l-Artikolu 3(1), id-djun ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn xi kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg u pagabbli qabel it-trasferiment jew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti [proċeduri] tal-falliment ma għandhomx jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment, sakemm dawn il-proċedimenti [proċeduri] jikkawżaw, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita f’sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri konnessi mal-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ tal-falliment ta’ min jimpjegahom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217), kif emendat permezz tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Awstrijaka, tar-Repubblika Finlandiża u tar-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea ĠU 1994, C 241, p. 21 u ĠU 1995, L 1, p. 1]

u, jew alternattivament, li,

b)

min lilu jsir it-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment jew il-persuna jew persuni li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ min jagħmel it-trasferiment, min-naħa wahda, u r-rappreżentanti ta’ l-impjegati min-naħa l-oħra jistgħu jaqblu li jsiru tibdiliet, sa fejn tippermetti l-liġi jew il-prattika kurrenti, għat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ l-impjegati ddisinjati għas-salvagwardja ta’ l-opportunitajiet ta’ l-impjieg billi jiżguraw is-soppravivenza ta’ l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju.

3.   Stat Membru jista’ japplika l-paragrafu 20(b) għal kull trasferiment meta min jagħmel it-trasferiment ikun f’qagħda ta’ kriżi ekonomika serja, kif definita mil-liġi nazzjonali, sakemm il-qagħda tiġi ddikjarata minn awtorità pubblika kompetenti u tkun miftuħa għal sorveljanza ġudizzjarja, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu digà jeżistu fil-liġi nazzjonali fis-17 ta’ Lulju 1998.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5

L-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1999 jipprovdi li:

“5.   Meta t-trasferiment jikkonċerna impriżi jew unitajiet ta’ produzzjoni li l-KIPI [Kumitat Interministerjali għall-koordinazzjoni tal-politika industrijali] ikun ikkonstata l-istat ta’ kriżi tagħhom, skont l-Artikolu 2(5)(c) tal-Liġi Nru 675 tat-12 ta’ Awwissu 1977, […] l-impjegati li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkompli mal-akkwirent ma jaqgħux taħt l-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, sakemm il-ftehim ma jipprovdix kundizzjonijiet iktar favorevoli. Barra minn hekk l-imsemmi ftehim jista’ jipprovdi li t-trasferiment ma jikkonċernax il-persunal żejjed u li dan tal-aħħar jibqa’, kollu jew in parti, taħt is-servzz ta’ min jagħmel it-trasferiment.

6.   L-impjegati li ma jaqgħux taħt is-servizz tal-akkwirent, tal-kerrej jew tas-suċċessur għandhom prijorità f’kull reklutaġġ li dawn tal-aħħar jagħmlu fi żmien sena wara d-data tat-trasferiment jew matul perijodu itwal stabbilit permezz ta’ ftehim kollettiv. L-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili ma japplikax għal dawn il-impjegati msemmija hawn fuq, peress li huma kienu reklutati mix-xerrej, mill-kerrej jew mis-suċċessur wara t-trasferiment tal-impriża.”

6

Skont il-Liġi Nru 675/1977, il-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 2(5)(c) tal-imsemmija liġi tippermetti lill-impriża li tibbenefika temporanjament mill-fatt li l-Cassa integrazione guadagni straordinaria (Fond ta’ benefiċċji għal qgħad straordinarju, iktar ’il quddiem is-“CIGS”) tassumi responsabbiltà għar-remunerazzjoni tal-impjegati tagħha kollha jew parti minnhom.

7

L-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 18 tat-2 ta’ Frar 2001 (GURI Nru 43 tal-, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi li:

“1.

F’każ ta’ trasferiment ta’ impriża, ir-relazzjoni ta’ impjieg tkompli ma’ min lilu jsir it-trasferiment u l-impjegat iżomm id-drittijiet kollha li jirriżultaw minnu.

2.

Min jagħmel it-trasferiment u lil min lilu jsir it-trasferiment huma garanti insolidum tad-drittijiet kollha akkwistati mill-impjegat fid-data tat-trasferiment […]

3.

Lil min lilu jsir it-trasferiment għandu jipprovdi l-benefiċċji ekonomiċi u legali stabbiliti fil-ftehim kollettiv nazzjonali, territorjali u l-ftehim tal-impriża fis-seħħ fid-data tat-trasferiment sakemm jiskadi dan tal-aħħar, ħlief fil-każ meta dan il-ftehim ikun sostitwit minn ftehim ieħor applikabbli għall-impriża ta’ min lilu jsir it-trasferiment. L-effett ta’ sostituzzjoni jseħħ biss bejn ftehim kollettiv tal-istess livell.

4.

Minkejja li impjegat għandu possibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu li jitlaq mill-impriża fis-sens tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam ta’ tkeċċija, it-trasferiment tal-impriża ma jikkostitwixxix fih innifsu raġuni għal tkeċċija. […]

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża

8

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Taljani għall-fatt li l-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1999 jista’ jikser id-Direttiva 2001/23, minħabba li l-impjegati ta’ impriżi ammessi fis-sistema tas-CIGS, ittrasferiti lill-akkwirent, ma jibbenefikawx mid-drittijiet li l-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili jiggarantilhom, bla ħsara għall-garanziji eventwali pprovduti permezz ta’ ftehim sindakali.

9

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Awwissu 2006, ir-Repubblika Taljana tikkontesta li ma naqsitx mill-obbligi tagħha, billi ssostni li l-Artikolu 47(5) tal-Liġi Nru 428/1990 huwa konformi mad-Direttiva 2001/23.

10

Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana opinjoni motivata li fiha hija kkonkludiet li dan l-Istat Membru kien naqas mill-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2001/23 u stiednitu sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fit-terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha. Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-imsemmija opinjoni permezz ta’ ittra tad- billi tenniet, essenzjalment, l-argumenti preċedenti tagħha.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

12

Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990 ma huwiex konformi mad-Direttiva 2001/23, inkwantu ma jiżgurax lill-impjegati l-applikazzjoni tal-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili li jitrasponi l-garanziji msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie kkonstatat.

13

Wara ċerti kjarifiki magħmula mir-Repubblika Taljana u domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni rrinunzjat, fir-replika tagħha u waqt is-seduta, għall-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmi Artikolu 47(5) u (6), mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2001/23.

L-argumenti tal-partijiet

14

Il-Kummissjoni ssostni li, billi teskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili għat-trasferiment ta’ impriżi li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie kkonstatat, l-impjegati li l-impriża tagħhom hija s-suġġett ta’ trasferiment jitilfu d-dritt għar-rikonoxximent tal-anzjanità tagħhom, għall-paga tagħhom u għall-kwalifiki professjonali tagħhom kif ukoll id-dritt għal benefiċċji tax-xjuħija li jirriżultaw mill-iskema statutorja tas-sigurtà soċjali msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23. Huma jitilfu wkoll il-benefiċċju taż-żamma, matul perijodu ta’ mhux inqas minn sena, tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv, kif iggarantit mill-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva.

15

Il-Kummissjoni tirrileva li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/23 jippermetti li ma japplikawx il-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu 3 għall-benefiċċji tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti mogħtija barra skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali iżda li, f’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu l-interessi tal-impjegati. Issa, dan ma huwiex il-każ tal-liġi Taljana inkwistjoni.

16

L-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990 ma huwiex, barra minn hekk, konformi mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23, peress li din id-dispożizzjoni, filwaqt li ma tipprojbixxix it-tkeċċija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ trasferiment biss, ma għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu. B’hekk, il-Kummissjoni tirrileva li l-fatt li impriża tkun iddikjarata f’qagħda ta’ kriżi ma jimplikax awtomatikament u sistematikament bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ kriżi ta’ impiża tapplika biss għal min jagħmel it-trasferiment, filwaqt li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23 japplikaw ukoll għal min lilu jsir it-trasferiment.

17

Skont il-Kummissjoni, it-trasferiment ta’ impriża li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie kkonstatat ma jikkostitwixxix trasferiment ta’ impriża li hija s-suġġett ta’ proċeduri li nfetħu bl-iskop tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti. Issa, dan tal-aħħar, huwa l-uniku każ stabbilit fid-Direttiva 2001/23 fl-Artikolu 5(1) tagħha, li jippermetti li ma japplikawx l-Artikoli 3 u 4 ta’ din tal-aħħar.

18

Lanqas l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/23 ma japplika għall-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi peress li, minn naħa, il-premessa stipulata f’din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 u, inkwantu, min-naħa l-oħra, l-imsemmi Artikolu 5(2) japplika biss fil-każ li trasferiment ta’ impriża jsir waqt proċeduri ta’ falliment, u proċeduri bħal dawn ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk inkwistjoni fid-dawl ta’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et (C-472/93, Ġabra p. I-4321).

19

Bl-istess mod, lanqas l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23, li jippermetti l-applikazzjoni tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-istess Artikolu 5 matul trasferiment fil-każ ta’ qagħda ta’ kriżi ekonomika serja, ma jista’ japplika, peress li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/23 jawtorizza biss lill-Istati Membri sabiex jippermettu li min jagħmel it-trasferimenti u lir-rappreżentanti tal-impjegati li jbiddlu bi ftehim komuni l-kundizzjonijiet ta’ impjieg f’ċerti ċirkustanzi u ma jippermettilhomx għaldaqstant li jeskludu, kif jagħmel l-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/90, l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23.

20

Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-allegat nuqqas billi ssostni, l-ewwel nett, li, meta d-Direttiva 2001/23 tipprovdi garanzija fakultattiva, hija ma tistax tiġi akkużata li m’applikatx l-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili. Dan huwa l-każ, pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplimentari tal-kumpanniji jew ta’ bejn il-kumpanniji li t-trasferiment tagħhom huwa eskluż mill-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2001/23, u dan sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’oħra.

21

It-tieni nett, dan l-Istat Membru jsostni li, meta d-Direttiva 2001/23 tipprovdi garanziji obbligatorji, jiġifieri dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) u (3) tagħha, kif ukoll fl-Artikolu 4 tagħha, hija tipprovdi wkoll espressament il-possibbiltà li jidderogaw minnhom minħabba ċirkustanzi speċifiċi.

22

Rigward il-garanzija stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23, ir-Repubblika Taljana tirreleva li l-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi tirreferi dejjem għal każijiet speċifiċi ta’ kriżi ta’ impriża li jippreżentaw importanza partikolari fuq il-pjan soċjali, mill-perspettiva tal-impjieg u tal-istat tal-produzzjoni fis-settur ekonomiku kkonċernat, li jikkostitwixxu ċirkustanzi ġustifikattivi għat-tkeċċija.

23

L-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2001/23 jikkostitwixxi deroga mill-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 3 (1) u (3) ta’ din id-direttiv applikabbli f’qagħda ta’ kriżi ta’ impriża bħal dik stabbilita fil-Liġi Nru 675/1977, peress li l-konstatazzjoni tal-qagħda ta’ kriżi fis-sens ta’ din il-liġi tippresupponi l-istat ta’ falliment tal-impriża.

24

Fil-fatt, l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23, li jirreferi għal proċeduri ta’ falliment li nfetħu fir-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment, li dawn tal-aħħar “[i]kunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment”, japplika għall-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi. F’dan il-każ, anki jekk l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 japplikaw, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi deroga sostanzjali li tippermetti, minkejja l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, li ma jiġux trasferiti lil min qed isir lilu t-trasferiment l-obbligi ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-konfront tal-impjegati, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jwasslu għal protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita fis-sitwazzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 80/97, kif emendata mill-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Awstrijaka, tar-Repubblika Finlandiża u tar-Renju tal-Iżvezja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea. Il-mekkaniżmu tas-CIGS huwa itwal u, skont l-Artikolu 47(6) tal-Liġi Nru 428/1990, ikopri r-reklutaġġ tal-persunal żejjed minn min lilu jsir it-trasferiment bħala prijorità meta mqabbel mal-eventwali reklutaġġi oħrajn li dan tal-aħħar ikollu l-intenzjoni li jagħmel fi żmien sena mid-data tat-trasferiment.

25

Bl-istess mod, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23, li, permezz ta’ riferiment għall-paragrafu 2(b) tal-imsemmi Artikolu 5 jippermetti li jsiru tibdiliet għall-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegat intiżi għas-salvagwardja tal-opportunitajiet tal-impjieg billi jiżguraw is-soppravivenza tal-impriża f’każ ta’ qagħda ta’ kriżi ekonomika serja, jikkostitwixxi deroga speċifika mill-garanzija msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 li tipprovdi għall-osservanza, għall-inqas għal sena, tal-kundizzjonijiet tal-impjieg. L-Artikolu 47(5) tal-Liġi Nru 428/90 jipprovdi proċeduri kompatibbli f’kull aspett ma’ dawk meħtieġa għall-applikazzjoni tad-deroga msemmija fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23. Fil-fatt, il-qagħda ta’ kriżi ekonomika serja tkun iddikjarata minn awtorità pubblika, is-salwagwardja tal-possibbiltajiet ta’ impjieg tkun meħtieġa, ikun neċessarju ftehim bejn minn min lilu jsir it-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u r-rappreżentanti tal-impjegati u l-ftuħ ta’ stħarriġ ġudizzjarju jsir inkwantu, f’każ li l-proċeduri prevesti ma humiex osservati f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-konklużjoni ta’ ftehim, il-partijiet ikollhom id-dritt li jirreferu l-każ quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti.

26

Finalment, ir-Repubblika Taljana tallega li intepretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 li twassal sabiex tipprojbixxi li impjegati żejda tal-impriża jibqgħu taħt is-servizz ta’ min jagħmel it-trasferiment tista’ tirriżulta inqas favorevoli għal dawn l-impjegati, kemm għaliex lil min lilu jsir it-trasferiment jista’ jiġi dissważ milli jakkwista l-impriża jekk huwa jkollu jżomm il-persunal żejjed tal-impriża ttrasferita, jew għaliex il-persunal ikun ser jitkeċċa u b’hekk jitlef il-vantaġġi li seta’, skont il-każ, jikseb mill-kontiwazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ impjieg tiegħu ma’ min jagħmel it-trasferiment.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Qabel kollox għandu jiġi osservat li r-Repubblika Taljana ma tikkontestax li l-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990, li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, jipprekludi lill-impjegati trasferiti ammessi fis-sistema tas-CIGS, f’każ ta’ konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi tal-impriża, mill-garanziji msemmija f’dan ir-rikors. Madankollu dan l-Istat Membru jsostni li din l-esklużjoni hija konformi mad-Direttiva 2001/23 inkwantu, l-ewwel nett, din id-direttiva tipprovdi garanzija fakultattiva fl-Artikolu 3(4) tagħha, u inkwantu, it-tieni nett, hija tippermetti espressament li jidderogaw mill-garanziji obbligatorji msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) (3) tagħha, kif ukoll fl-Artikolu 4 tagħha.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/23 jistabblixxix garanzija fakultattiva li l-esklużjoni tagħha hija ġġustifikata mill-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3 tal-istess Artikolu 3 li jimponi li lil min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għal min jagħmel it-trasferiment mill-kuntratt ta’ impjieg jew mir-relazzjoni tal-impjieg, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew tal-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor, matul perijodu ta’ mhux inqas minn sena.

30

Din l-eċċezzjoni tikkonċerna d-drittijiet tal-impjegati għal benefiċċji tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplimentari tal-kumpanniji jew ta’ bejn il-kumpanniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri. Ukoll, fid-dawl tal-għan ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża tal-imsemmija direttiva, din l-eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Beckmann, C-164/00, Ġabra p. I-4893, punt 29).

31

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 3(4)(b) tad-direttiva, anki meta l-Istati Membri japplikaw din l-eċċezzjoni, huma għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati fir-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fil-punt (a) tal-istess dispożizzjoni.

32

Minn dan isegwi li, anki jekk l-esklużjoni tal-obbligu ta’ trasferiment tal-benefiċċji tax-xjuħija, tal-invalidità jew tas-superstiti taħt l-iskemi supplimentari li jirriżultaw mill-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990 hija konformi mal-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2001/23, madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-Repubblika Taljana, intiż sabiex isostni li l-esklużjoni, f’każ ta’ kriżi tal-impriża, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili għall-impjegati trasferiti hija konformi mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/23, jibbaża fuq il-qari żbaljat u inkomplet ta’ dan l-Artikolu 3(4). Fil-fatt, minn naħa, il-benefiċċji mogħtija barra skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2001/23 biss jistgħu jiġu esklużi mill-obbligu tat-trasferiment tad-drittijiet tal-impjegati. Min-naħa l-oħra, din l-esklużjoni tal-obbligu ta’ trasferiment għandha ssir flimkien mal-adozzjoni, mill-Istat Membru, ta’ miżuri neċessarji sabiex jipproteġu l-interessi tal-impjegati skont l-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija direttiva fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għal benefiċċji ta’ xjuħija taħt skemi supplimentari msemmija fil-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 3(4), li dwarha r-Repubblika Taljana ma tagħmel l-ebda riferiment.

33

Konsegwentement, l-argumenti tar-Repubblika Taljana intiżi sabiex isostnu li l-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990 huwa konformi mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/23 ma għandhomx jintlaqgħu.

34

It-tieni nett, għandu jiġi vverifikat jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni fl-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990 tal-Artikolu 3(1) u (3), kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23, huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva stess, inkwantu din tal-aħħar tipprovdi espressament derogi mill-garanziji obbligatorji li huma stabbiliti fiha.

35

Fl-ewwel lok, rigward l-argument tar-Repubblika Taljana li jipprovdi li r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija f’każ ta’ trasferiment imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23 huma sodisfatti f’każijiet speċifiċi ta’ kriżi ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 2(5)(c) tal-Liġi Nru 675/1977, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23 jassigura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati kontra tkeċċija ġġustifikata mill-motiv biss ta’ trasferiment, kemm fir-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment kif ukoll fir-rigward ta’ lil min isir it-trasferiment minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.

36

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li impriża hija ddikjarata f’qagħda ta’ kriżi fis-sens tal-Liġi Nru 675/1977 ma jistax jimplika neċessarjament u sistematikament bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet ġustifikattivi ta’ tkeċċija jistgħu japplikaw biss, skont id-dispożizzjonijiet Taljani inkwistjoni, f’każijiet speċifiċi ta’ kriżi ta’ impriża, kif ir-Repubblika Taljana stess tirrikonoxxi. Għaldaqstant, il-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi ta’ impriża ma tistax neċessarjament u sistematikament tikkostitwixxi raġuni ekonomika, teknika jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu fis-sens tal-Aritkolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23.

37

Fit-tieni lok, rigward l-argument tar-Repubblika Taljana bbażata fuq l-allegata applikabbiltà tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 għall-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi bħala dik imsemmija fl-Artikolu 47(6) tal-Liġi Nru 428/1990, mill-kliem ta’ din l-ewwel dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri, meta l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 japplikaw għal trasferiment matul proċeduri ta’ falliment li nfetħu fir-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment u sakemm dawn il-proċeduri jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti, jistgħu jipprovdu, minkejja l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, li ċerti obbligi ta’ min jagħmel it-trasferiment ma jkunux ittrasferiti bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 5(2).

38

L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 jippermetti għaldaqstant lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet, li ma japplikawx ċerti garanziji msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija direttiva għal trasferiment ta’ impriża sakemm proċeduri ta’ falliment ikunu nfetħu fir-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment u sakemm dawn ikunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26), li kienet tippreċedi d-Direttiva 2001/23, kinitx applikabbli għat-trasferiment ta’ impriża li kienet is-suġġett tal-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi, li l-imsemmija proċedura hija intiża sabiex tiffavorixxi ż-żamma tal-attività tagħha fid-dawl ta’ akkwiżizzjoni futura, ma tinvolviex stħarriġ ġudizzjarju, lanqas miżura ta’ amministrazzjoni tal-patrimonju tal-impriża u ma tipprovdi l-ebda sospensjoni ta’ pagament (sentenza Spano et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29). Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-KIPI jillimita ruħu li jiddikjara l-istat ta’ kriżi ta’ impriża u li din il-konstatazzjoni tippermetti lill-impriża kkonċernata li tibbenefika temporanjament mill-fatt li s-CIGS tassumi responsabbiltà temporanja għar-remunerazzjoni tal-impjegati tagħha kollha jew parti minnhom.

39

Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ dawn l-elementi, il-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi ta’ impriża ma għandhiex titqies li għandha għan analogu għal tal-kuntest ta’ proċeduri ta’ falliment kif imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 u lanqas li hija taħt superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti, kif imsemmija fl-istess artikolu.

40

Konsegwentement, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 huma nieqsa fil-proċeduri li huma s-suġġett ta’ dan in-nuqqas u l-argumenti tar-Repubblika Taljana mressqa f’dan ir-rigward ma għandhomx għaldaqstant jintlaqgħu.

41

Barra minn hekk, anki jekk l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/23 huwa applikabbli għall-proċedura għall-konstatazzjoni tal-istat ta’ kriżi, kif issostni r-Repubblika Taljana, jibqa’ l-fatt li l-premessa bażika ta’ din id-dispożizzjoni hija l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23. Issa, l-Artikolu 47(6) tal-Liġi Nru 428/1990 jipprovdi, għall-kuntrarju, l-esklużjoni tagħhom.

42

Barra minn hekk din l-interpetazzjoni hija kkonfermata mill-qari sistematiku tal-imsemmi Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23. Fil-fatt, meta l-leġiżlatur ried jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23, huwa provda espressament għal dan kif ukoll jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-imsemmija Artikoli 3 u 4 ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża li huwa s-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment jew ta’ xi proċeduri analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni tal-assi, sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’oħra.

43

Fit-tielet lok, rigward l-argument tar-Repubblika Taljana bbażat fuq l-allegata konformità tal-Artikolu 47(5) tal-Liġi Nru 428/1990 mal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jipprovdu li l-kundizzjoni ta’ xogħol jistgħu jitbiddlu, skont il-paragrafu 2(b) ta’ din l-istess dispożizzjoni, f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża meta min jagħmel it-trasferiment ikun f’qagħda ta’ kriżi ekonomika serja, kif definita mil-liġi nazzjonali, sakemm il-qagħda tiġi ddikjarata minn awtorità pubblika kompetenti u tkun miftuħa għal stħarriġ ġudizzjarju.

44

Minn dan jirriżulta li, anki jekk il-qagħda tal-impriża li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie kkonstatat tista’ titqies li tikkostitwixxi qagħda ta’ kriżi ekonomika serja, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23 jawtorizza lill-Istati Membri li jipprovdu li l-kundizzjonijiet ta’ impjieg jistgħu jitbiddlu għas-salvagwardja tal-opportunitajiet tal-impjieg billi jiżguraw is-soppravivenza tal-impriża, mingħajr ma jċaħħdu madankollu lill-impjegati mid-drittijiet li huma ggarantiti lilhom mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23.

45

Issa, huwa paċifiku li l-Artikolu 47(5) tal-Liġi Nru 428/1990 iċaħħad purament u sempliċement lill-impjegati, f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie kkonstatat, mill-garanziji stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 u ma jillimitax ruħu, konsegwentement, għal bidla tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg kif inhu awtorizzat mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23.

46

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Taljana, il-bidla tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg skont l-Aritkolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23 ma għandhiex tikkostitwixxi deroga speċifika mill-garanzijia stabbilita fl-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva li tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg miftiehma fi ftehim kollettiv matul perijodu ta’ mhux inqas minn sena wara t-trasferiment. Fil-fatt, ir-regoli tad-Direttiva 2001/23 għandhom jitqiesu bħala imperattivi fis-sens li mhux permess li jiġu dderogati minnhom b’mod sfavorevoli għall-impjegati, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għal min jagħmel it-trasferiment minn ftehim kollettiv eżistenti fid-data tat-trasferiment huma trasmessi kompletament lil min lilu jsir it-trasferiment (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof, C-499/04, Ġabra p. I-2397, punti 26 u 27). Minn dan isegwi li l-bidla tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg awtorizzat mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23 tippresupponi li t-trasferiment tad-drittijiet tal-impjegati lil min lilu jsir it-trasferiment sar diġà.

47

Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/23 hija suġġetta għall-ftuħ tal-proċeduri inkwistjoni għal stħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward ir-Repubblika Taljana indikat li l-partijiet għandhom id-dritt li jirreferu l-każ lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti f’każ ta’ nuqqas fir-rigward tal-proċeduri stabbiliti. Dan id-dritt ma għandux jitqies li jikkostitwixxi l-istħarriġ ġudizzjarju msemmi f’dan l-artikolu peress li dan tal-aħħar jippresupponi stħarriġ kostanti mill-qorti kompetenti tal-impriża ddikjarata f’qagħda ta’ kriżi ekonomika serja.

48

Barra minn hekk, rigward l-argument tar-Repubblika Taljana li jipprovdi li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 li twassal sabiex timpedixxi li l-impjegati żejda tal-impriża jibqgħu taħt is-servizz ta’ min jagħmel it-trasferiment tista’ tkun inqas favorevoli għal dawn l-impjegati, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, f’dan ir-rigward, li ma għandux jitqies li dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 47(5) tal-Liġi Nru 428/1990, li ċċaħħad lill-impjegati ta’ impriża minn garanziji li toffrilhom id-Direttiva 2001/23, tikkostitwixxi dispożizzjoni iktar favorevoli għall-impjegati, fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva (sentenza Spano et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

49

Minn dan isegwi li l-argument tar-Repubblika Taljana, li jipprovdi li l-esklużjoni mill-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990 tal-garanziji msemmija fl-Artikolu 3(1) u (3) u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23 huwa konformi ma’ din tal-aħħar, ma jistax jintlaqa’.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala infondat.

51

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 (5) u (6) tal-Liġi Nru 428/1990 f’każ ta’ “kriżi tal-impriża” fis-sens tal-punt (c) tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 2, tal-Liġi Nru 675/1977 b’tali mod li d-drittijiet irrikonoxxuti lill-impjegati permezz tal-Artikolu 3(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2001/23 ma humiex iggarantiti fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie ikkonstatat, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

52

Skont l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 (5) u (6) tal-Liġi Nru 428, tad-29 ta’ Diċembru 1990, f’każ ta’ “kriżi tal-impriża” fis-sens tal-punt (c) tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 675, tat-, b’tali mod li d-drittijiet irrikonoxxuti lill-impjegati permezz tal-Artikolu 3(1), (3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, ma humiex iggarantiti fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġie ikkonstatat, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top