EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0549

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-22 ta' Diċembru 2008.
Friederike Wallentin-Hermann vs Alitalia - Linee Aeree Italiane SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Handelsgericht Wien - l-Awstrija.
Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikolu 5 - Kumpens u assistenza tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira - Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens - Kanċellazzjoni dovuta għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu miżuri raġonevoli kollha.
Kawża C-549/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-11061

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:771

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 5 — Kumpens u assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens — Kanċellazzjoni dovuta għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”

Fil-Kawża C-549/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura

Friederike Wallentin-Hermann

vs

Alitalia — Linee Aeree Italiane SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għal F. Wallentin-Hermann, minnha stess, Rechtsanwältin,

għal Alitalia — Linee Aeree Italiane SpA, minn O. Borodajkewycz, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn S. Chala u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn D. Beard, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidal Puig u M. Vollkommer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, p. 1).

2

Din it-talba kienet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Wallentin-Hermann u Alitalia — Linee Aree Italiane SpA (iktar ’il quddiem “Alitalia”) wara li din tal-aħħar irrifjutat li tikkumpensa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wara li t-titjira tagħha ġiet ikkanċellata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montreal”), iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU L 194, p. 38). Din il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2004, għal dak li jikkonċerna l-Komunità.

4

L-Artikoli 17 sa 37 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jifformaw il-Kapitolu III tagħha, li huwa intitolat “Responsabbiltà tat-trasportatur u l-portata tal-kumpens għal danni”.

5

L-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dewmien”, jiddisponi:

“It-trasportatur hu responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien fit-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, bagalji jew merkanzija. Madankollu, it-trasportatur mhux responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien jekk huwa jġib prova li hu, l-impjegati u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu raġonevolment jittieħdu sabiex jiġi evitat id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Komunitarju

6

Ir-Regolament Nru 261/2004 jinkludi b’mod partikolari l-premessi li ġejjin:

“(1)

Azzjoni mil-Komunità fil-qasam ta’ transport permezz tal-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[…]

(12)

Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta' titjiriet għandhom […] jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b'kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta' l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f'ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

[…]

(14)

Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal, obbligazzjonijiet dwar trasportaturi tal-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux mal-operazzjoni tat-titjira inkwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li jopera.

(15)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fir-rigward ta’ inġenju tal-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju tal-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur tal-ajru inkwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

7

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kanċellazzjoni”, jgħid:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri inkwistjoni għandhom:

a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 8; u

b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 7, kemm-il darba:

i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.   Trasportatur tal-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.

[…]”

8

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jiddisponi:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, F. Wallentin-Hermann irriżervat, għaliha stess, għar-raġel tagħha u għat-tifla tagħha, tliet postijiet fuq titjira bi tluq minn Vjenna (l-Awstrija) għal Brindisi (l-Italja), b’waqfa f’Ruma (l-Italja), mingħand Alitalia. It-tluq minn Vjenna kien mistenni fit-28 ta’ Ġunju 2005 fis-6:45 u l-wasla fi Brindisi kienet mistennija fl-istess jum fl-10:35.

10

Wara r-reġistrazzjoni, it-tliet passiġġieri ġew informati, ħames minuti qabel il-ħin tat-tluq mistenni, li t-titjira tagħhom ġiet ikkanċellata. Huma ġew sussegwentement ittrasferiti fuq titjira tal-kumpannija Austrian Airlines għal Ruma, fejn waslu fid-9:40, 20 minuta wara l-ħin tat-tluq tat-titjira ta’ korrispondenza tagħhom għal Brindisi, li għaldaqstant tilfu. F. Wallentin-Hermann u l-familja tagħha waslu Brindisi fis-14:15.

11

Il-kanċellazzjoni tat-titjira ta’ Alitalia bi tluq minn Vjenna kienet dovuta għal problema kumplessa f’mutur li affettwat it-turbina u li ġiet ikkonstatata lejliet it-titjira meta kienet qegħda ssir verifika. Alitalia kienet ġiet informata dwar dan il-lejl preċedenti, fis-siegħa ta’ filgħodu. It-tiswija tal-ajruplan, li kienet tirrikjedi l-provvista ta’ biċċiet ta’ tibdil u ta’ tekniċi, saret fit-8 ta’ Lulju 2005.

12

F. Wallentin-Hermann talbet, mingħand Alitalia, kumpens ta’ EUR 250 skont l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħha kif ukoll EUR 10 għal spejjeż marbuta mat-telefon. Alitalia ċaħdet din it-talba.

13

Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat minn F. Wallentin-Hermann, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (tribunal lokali għall-kawżi kummerċjali ta’ Vjenna) laqgħet it-talba tagħha għal kumpens, b’mod partikolari minħabba li l-problemi tekniċi li affettwaw l-apparat ikkonċernat ma kinux dovuti għal “ċirkostanzi straordinarji” li jeżentaw mill-kumpens previst fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

14

Alitalia appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Handelsgericht Wien (tribunal kummerċjali ta’ Vjenna), li ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Jeżistu ċirkustanzi straordinarji skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament […] Nru 261/2004 […], fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, meta problema teknika li taffettwa l-ajruplan, f’dan il-każ problema fil-mutur, twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira, u r-raġunijiet għal eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) [ta’ dan ir-]regolament jaqblu mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal (Artikolu 19)?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: fost it-trasportaturi bl-ajru li jkollhom rata ta’ kanċellazzjoni dovuta għal problemi tekniċi ogħla mill-medja, jeżistu ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004] minħabba s-sempliċi frekwenza ta’ dawn il-problemi?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: trasportatur tal-ajru jkun adotta l-‘miżuri raġonevoli kollha’ skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004] jekk jipprova li sar il-minimu permess ta’ xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-ajruplan u dan huwa suffiċjenti sabiex it-trasportatur tal-ajru jinħeles minn kull obbligu ta’ kumpens previst mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament [Nru 261/2004]?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: ċirkustanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004] huma każijiet ta’ forza maġġuri jew fenomeni naturali li mhumiex dovuti għal problema teknika u li għaldaqstant huma indipendenti mit-trasportatur tal-ajru?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u r-raba’ domandi

15

Permezz tal-ewwel u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li problema teknika li sseħħ fuq ajruplan u li tagħti lok għall-kanċellazzjoni tat-titjira taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” skont din id-dispożizzjoni jew jekk, bil-kontra, dan il-kunċett ikoprix sitwazzjonijiet ta’ natura oħra li mhumiex dovuti għal problemi tekniċi. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk għandhomx jiġu interpretati ċ-ċirkustanzi għal eżenzjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu.

16

Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ ċirkustanzi straordinarji mhuwiex marbut bil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004. Dan il-kunċett lanqas ma huwa ddefinit fl-artikoli l-oħra ta’ dan ir-egolament.

17

Hija ġurisprudenza stabbilita li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt Komunitarju għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti. Barra minn hekk, meta dawn it-termini jidhru f’dispożizzjoni li tikkostitwixxi deroga minn prinċipju jew, iktar speċifikament, minn regoli Komunitarji intiżi sabiex jipproteġu l-konsumatur, huma għandhom jinqraw b’mod li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I-1947, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-preambolu ta’ att Komunitarju jista’ jippreċiża l-kontenut tiegħu (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 76).

18

F’dan ir-rigward, l-għanijiet segwiti mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi l-obbligi li huma imposti fuq it-trasportatur tal-ajru operattiv fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira, jirriżultaw b’mod ċar, mill-ewwel u t-tieni premessi ta’ dan ir-Regolament, li jgħid li l-azzjoni tal-Komunità fil-qasam tat-trasport bl-ajru għandha, b’mod partikolari, tfittex li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ protezzjoni tal-konsumatur inġenerali, meta l-kanċellazzjoni ta’ titjira twassal għal inkonvenjenti serji għall-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

19

Kif jirriżulta mill-premessa 12 u mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jnaqqas id-diffikultajiet u l-inkonvenjenti għall-passiġġieri minħabba kanċellazzjoni ta’ titjiriet billi jħajjar lit-trasportaturi bl-ajru jħabbru dan minn qabel u, f’ċerti ċirkustanzi, jipproponu rotta ġdida li tissoddisfa l-kriterji determinati. Fl-ipoteżi fejn dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu adottati minn dawn it-trasportaturi, il-leġiżlatur Komunitarju wera t-tama li huma jikkumpensaw lill-passiġġieri, ħlief fil-każ fejn il-kanċellazzjoni tkun dovuta għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha jkunu ttieħdu.

20

F’dan il-kuntest, jidher b’mod ċar li, jekk l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jipproponi l-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, li jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom it-trasportatur tal-ajru operattiv mhuwiex marbut iħallas dan il-kumpens, għandu jitqies li jidderoga minn dan il-prinċipju. Għaldaqstant, din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata strettament.

21

F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur Komunitarju indika, bħal ma jirriżulta mill-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 261/2004, li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jseħħu, b’mod partikolari, f’każ ta’ instabbiltà politika, ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mat-twettieq tat-titjira kkonċernata, ta’ riskji marbuta mas-sigurtà, ta’ nuqqasijiet mhux mistennija li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tat-titjiera kif ukoll ta’ strajkijiet li jkollhom effett fuq l-operazzjonijiet ta’ trasportatur tal-ajru.

22

Minn din l-indikazzjoni fil-preambolu tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ma kienx qed isostni li dawn l-avvenimenti, li wara kollox huma elenkati biss bħala indikazzjoni, jikkostitwixxu fihom infushom ċirkustanzi straordinarji, iżda sempliċement li jistgħu jipproduċu t-tali ċirkustanzi. Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanzi kollha madwar dawn l-avvenimenti mhumiex neċessarjament każijiet għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-Regolament.

23

Jekk il-leġiżlatur Komunitarju juri fl-imsemmija lista n-“nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira” u għalkemm problema teknika li taffettwa ajruplan tista’ tingħadd ma’ dawn in-nuqqasijiet, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċirkustanzi madwar it-tali avveniment ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “straordinarji” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 sakemm dawn ma jkunux relatati ma’ avveniment li, skont dawk elenkati fil-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, mhuwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu.

24

Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari li fihom isir it-trasport bl-ajru u l-livell ta’ sofistikazzjoni teknoloġika tal-ajruplani, għandu jiġi kkonstatat li t-trasportaturi bl-ajru għandhom, ta’ kuljum, jiffaċċjaw, fl-eżerċizzju tal-attività tagħhom, problemi tekniċi differenti li inevitabbilment jaffettwaw il-ħidma ta’ dawn l-apparati. Huwa wara kollox sabiex jiġu evitati t-tali problemi u sabiex wieħed jipprepara ruħu kontra inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà tat-titjiriet li dawn l-apparati huma suġġetti għal kontrolli regolari partikolarment stretti, li jiddaħħlu fil-kundizzjonijiet operattivi ta’ kuljum tal-impriżi tat-trasport bl-ajru. Riżoluzzjoni ta’ problema teknika dovuta għal nuqqas ta’ manutenzjoni ta’ apparat għandha għaldaqstant titqies li hija inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru.

25

B’hekk, problemi tekniċi li jirriżultaw matul il-manutenzjoni tal-ajruplani jew minħabba nuqqas ta’ din il-manutenzjoni ma jistgħux jikkostitwixxu, fihom infushom, “ċirkostanzi straordinarji” msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

26

Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li problemi tekniċi jaqgħu taħt dawn iċ-“ċirkostanzi straordinarji”, sa fejn jirriżultaw minn ċirkustanzi li mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u li jaħarbu mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar. Dan ikun il-każ, pereżempju, fis-sitwazzjoni fejn jiġi rrivelat mill-kostruttur tal-apparati li jikkostitwixxu l-flotta tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat, jew minn awtorità kompetenti, li dawn l-apparati, meta jkunu diġà qed jintużaw, ikollhom difett moħbi ta’ fabbrikazzjoni li jaffettwa s-sigurtà tat-titjiriet. L-istess jgħodd għall-preżenza ta’ ħsarat ikkawżati lil-ajruplani minn atti ta’ sabotaġġ jew ta’ terroriżmu.

27

Hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-problemi tekniċi kkonstatati mit-trasportatur tal-ajru implikat fil-kawża prinċipali rriżultawx minn avvenimenti li mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jekk ħarbux mill-kontroll effettiv tiegħu.

28

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi interpretat il-każ ta’ eżenzjoni msemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, b’mod partikolari tal-Artikolu 19 tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-Konvenzjoni ta’ Montréal hija parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja. Barra minn hekk, mill-Artikolu 300(7) KE jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Komunità huma marbuta bil-ftehim konklużi minn din ta’ l-aħħar u, għaldaqstant, li dawn il-ftehim igawdu s-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines, C-173/07, Ġabra p. I-5237, punt 43).

29

Skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, trasportatur jista’ jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu għal dannu kkawżat minħabba dewmien “jekk huwa jġib prova li hu, l-impjegati u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu raġonevolment jittieħdu sabiex jiġi evitat id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri”.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi għall-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji”, filwaqt li dan il-kunċett ma jirriżultax la fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u lanqas f’dispożizzjonijiet oħra tagħha.

31

Għandu jiġi ulterjorment ikkonstatat li l-Artikolu 19 jirreferi għal dewmien, filwaqt li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jikkonċerna każijiet ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira.

32

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 47 tas-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jinsabu f’kuntesti differenti. Fil-fatt, l-Artikoli 19 et seq ta’ din il-konvenzjoni jirregolaw il-kundizzjonijiet li fihom, fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati jistgħu jibdew il-proċedimenti sabiex jinkiseb, fuq bażi individwali, kumpens għad-danni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi għal miżuri ta’ kumpens standard u immedjati. Dawn il-miżuri, indipendenti minn dawk li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom, jiġu applikati fi stadju qabel il-konvenzjoni. Minn dan jirriżulta li l-każijiet ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà tat-trasportatur previsti fl-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni ma jistgħux jiġi trasposti mingħajr distinzjoni għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Konvenzjoni ta’ Montreal ma tistax tiddetermina l-interpretazzjoni tal-każijiet ta’ eżenzjoni msemmija f’dan l-Artikolu 5(3).

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika li taffettwa ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu. Il-Konvenzjoni ta’ Montreal ma tirriżultax determinanti għall-interpretazzjoni tal-każijiet ta’ eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 216/2004.

Fuq it-tieni domanda

35

Fir-rigward tad-domandi kollha magħmulin, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk is-sempliċi frekwenza tal-problemi tekniċi teskludix li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 meta t-trasportaturi bl-ajru jkollhom rata ta’ kanċellazzjoni ta’ titjiriet, minħabba dawn il-problemi, li tkun ogħla mill-medja.

36

Hekk kif intqal fil-punt 27, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-problemi tekniċi invokati mit-trasportatur tal-ajru jirriżultawx minn avvenimenti li mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jekk jaħarbux mill-kontroll effettiv tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-frekwenza tal-problemi tekniċi kkonstatata fi ħdan trasportatur tal-ajru mhijiex fiha nnifisha element ta’ natura li jwassal għal konklużjoni dwar il-preżenza jew l-assenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

37

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-frekwenza tal-problemi tekniċi kkonstatata fi ħdan trasportatur tal-ajru mhijiex fiha nnifisha element li jwassal għall-konklużjoni tal-preżenza jew l-assenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

Fuq it-tielet domanda

38

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat li trasportatur tal-ajru ħax “il-miżuri raġonevoli kollha” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 jekk huwa jipprova li l-minimu aċċettabbli ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fuq l-ajruplan li t-titjira tiegħu ġiet ikkanċellata u jekk dawn l-elementi ta’ prova humiex biżżejjed biex jeħilsu dan it-trasportatur mill-obbligu li jħallas kumpens skont l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1) ta’ dan ir-regolament.

39

Għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni li jipprovdi għal eżenzjoni mill-obbligu li jiġu kkumpensati l-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira mhux fiċ-ċirkustanzi straordinarji kollha, iżda biss f’dawk iċ-ċirkustanzi li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku l-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.

40

Minn dan jirriżulta li, peress li mhux iċ-ċirkustanzi straordinarji kollha kienu jagħtu lok għal eżenzjoni, huwa min jixtieq jinvoka ċ-ċirkustanzi straordinarji bħala difiża li għandu l-oneru li jistabbilixxi, barra minn hekk, li f’kull każ dawn ma setgħux jiġu evitati permezz ta’ miżuri adatta għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ dawk il-miżuri li, meta seħħew dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, kienu jissodisfaw b’mod partikolari kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatur tal-ajru kkonċernat.

41

Dan it-trasportatur għandu fil-fatt jistabbilixxi li, anki li kieku kellu juża l-mezzi kollha f’termini ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji li huwa kellu, evidentement xorta ma kienx jista’ mingħajr ma jbati minn sagrifiċċji insopportabbli fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument ikkonċernat, jevita li ċ-ċirkustanzi straordinarji li kien qed jiffaċċja jwasslu għall-kanċellazzjoni tat-titjira.

42

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, it-trasportatur tal-ajru kkonċernat ħax il-miżuri adattati għas-sitwazzjoni, jiġifieri dawk li, fil-mument meta seħħew iċ-ċirkustanzi straordinarji kkonstatati, kienu jissodisfaw, b’mod partikolari, kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għal dan it-trasportatur.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir-risposta għat-tielet domanda magħmula għandha tkun li l-fatt li trasportatur tal-ajru jkun osserva r-regoli minimi ta’ manutenzjoni ta’ ajruplan ma jistax fih innifsu jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan it-trasportatur ħa “l-miżuri raġonevoli kollha” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u, għaldaqstant, sabiex jeħles l-imsemmi trasportatur mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens previst fl-Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1) ta’ dan ir-regolament.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 261/2004 tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika li taffettwa ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni tat-titjira ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk din il-problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, mhumiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu. Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, ma tirriżultax determinanti għall-interpretazzjoni tal-każijiet ta’ eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 216/2004.

 

2)

Il-frekwenza tal-problemi tekniċi kkonstatata fi ħdan trasportatur tal-ajru mhijiex fiha nnifisha element li jwassal għall-konklużjoni tal-preżenza jew l-assenza ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

 

3)

Il-fatt li trasportatur tal-ajru jkun osserva r-regoli minimi ta’ manutenzjoni ta’ ajruplan ma jistax fih innifsu jkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan it-trasportatur ħa “l-miżuri raġonevoli kollha” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 u, għaldaqstant, sabiex jeħles lill-imsemmi trasportatur mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens previst fl-Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1) ta’ dan ir-regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top