EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0546

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-21 ta' Jannar 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikolu 49 KE - Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni - Lista msemmija fl-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni: il-Polonja - Paragrafu 13 tal-Kapitolu 2 - Possibbiltà, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tidderoga mill-Artikolu 49(1) KE - Klawżola ‘standstill’ - Ftehim tal-31 ta’ Jannar 1990 bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-kollokament ta’ ħaddiema ta’ impriżi Pollakki sabiex iwettqu kuntratti ta’ xogħol - Esklużjoni tal-possibbiltà, għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jikkonkludu, ma’ impriżi Pollakki, kuntratti ta’ xogħol li għandhom jitwettqu fil-Ġermanja - Estensjoni tar-restrizzjonijiet li jeżistu fid-data tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Adeżjoni dwar l-aċċess għall-ħaddiema Pollakki fis-suq tax-xogħol Ġermaniż.
Kawża C-546/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:25

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 49 KE — Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni — Lista msemmija fl-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni: il-Polonja — Paragrafu 13 tal-Kapitolu 2 — Possibbiltà, għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tidderoga mill-Artikolu 49(1) KE — Klawżola ‘standstill’ — Ftehim tal-31 ta’ Jannar 1990 bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-kollokament ta’ ħaddiema ta’ impriżi Pollakki sabiex iwettqu kuntratti ta’ xogħol — Esklużjoni tal-possibbiltà, għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jikkonkludu, ma’ impriżi Pollakki, kuntratti ta’ xogħol li għandhom jitwettqu fil-Ġermanja — Estensjoni tar-restrizzjonijiet li jeżistu fid-data tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Adeżjoni dwar l-aċċess tal-ħaddiema Pollakki fis-suq tax-xogħol Ġermaniż”

Fil-Kawża C-546/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fil-5 ta’ Diċembru 2007,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Traversa u P. Dejmek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta mir-

Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li:

billi tinterpreta, fil-prassi amministrattiva tagħha, il-frażi “impriża tal-parti l-oħra”, li tinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Ftehim, tal-31 ta’ Jannar 1990, bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-kollokament ta’ ħaddiema ta’ impriżi Pollakki sabiex iwettqu kuntratti ta’ xogħol, kif emendat fl-1 ta’ Marzu u fit-30 ta’ April 1993 (BGBl. 1993 II, p. 1126, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Ġermanja-Polonja”), bħala li tfisser “impriża Ġermaniża”, u

billi estendiet, bis-saħħa tal-klawżola dwar il-protezzjoni tas-suq tax-xogħol inkluża fil-fuljett 16a tal-Uffiċċju Federali tal-Impjieg tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intitolata “Impjieg tal-ħaddiema barranin mill-Istati l-Membri l-ġodda tal-Unjoni Ewropea fil-qafas ta’ kuntratti ta’ xogħol fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja” (Merkblatt 16a, “Beschäftigung ausländischer Arbeitnehmer aus den neuen Mitgliedstaaten der EU im Rahmen von Werkverträgen in der Bundesrepublik Deutschland”, iktar il quddiem il-“fuljett 16a”), ir-restrizzjonijiet reġjonali tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, u dan wara s-16 ta’ April 2003, data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 17, iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-Adeżjoni”),

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE u kisret il-klawżola “standstill” stabbilita fil-paragrafu 13 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XIII tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

L-Att tal-Adeżjoni

2

L-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi:

“Il-miżuri mniżżla fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X, XI, XII, XIII u XIV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-ġodda taħt il-kondizzjonijiet stipulati f’dawk l-Annessi.”

3

L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni: il-Polonja”. Il-Kapitolu 2 ta’ dan l-anness, intitolat “Il-libertà tal-moviment tal-persuni”, jinkludi l-paragrafu 13, li jipprovdi:

“Sabiex jilqgħu għal taqlib serju jew xi theddida ta’ taqlib serju f’setturi speċifiċi ta’ servizzi sensittivi fis-swieq tax-xogħol tagħhom li jistgħu jseħħu f’ċerti reġjuni minħabba l-provvista ta’ servizzi minn pajjiż għall-ieħor, kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE, u sakemm ikunu japplikaw miżuri nazzjonali jew dawk li joħorġu minn xi ftehim bilaterali fir-rigward tal-moviment liberu ta’ ħaddiema Pollakki bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet transitorji stipulati hawn qabel, il-Ġermanja u l-Awstrija jistgħu, wara li javżaw lill-Kummissjoni, jidderogaw mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 tat-Trattat tal-KE bl-iskop li jillimitaw fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn kumpanniji stabbiliti fil-Polonja, l-ispustament temporanju tal-ħaddiema li d-dritt tagħhom li jiksbu xogħol fil-Ġermanja u l-Awstrija huwa soġġett għal miżuri nazzjonali.

[…]

L-effett ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu ma għandux iwassal għal kundizzjonijiet iktar ristrettivi għall-ispostament temporanju ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn pajjiz għall-ieħor bejn il-Ġermanja jew l-Awstrija u l-Polonja minn dawk li jkunu fis-seħħ fid-data ta’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni.”

Il-Ftehim Ġermanja-Polonja

4

Skont l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja:

“Il-ħaddiema Pollakki li jkunu kollokati għall-impjieg temporanju, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol bejn persuna Pollakka li tħaddem u impriża tal-parti l-oħra (ħaddiema b’kuntratt), għandu jinħarġilhom permess tax-xogħol irrispettivament mis-sitwazzjoni u mit-tendenzi tas-suq tax-xogħol.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 2(5) ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“Għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim, f’kooperazzjoni mal-Ministeru tax-Xogħol u tal-Politika Soċjali tar-Repubblika tal-Polonja, l-Uffiċċju Federali tal-Impjieg tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jiżgura ruħu li ma jkunx hemm konċentrament ta’ ħaddiema b’kuntratt li jkunu impjegati f’reġjun jew f’settur partikolari. Dan il-ftehim ma japplikax fir-rigward ta’ ħaddiema fis-setturi tal-kostruzzjoni relatata mal-prevenzjoni tan-nar u tal-konstruzzjoni ta’ ċmieni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Istruzzjonijiet tal-Uffiċċju Federali tal-Impjieg tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

6

Fost l-istruzzjonijiet adottati mill-Uffiċċju Federali tal-Impjieg tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hemm il-Fuljett 16a, li għandu bħala għan l-“impjieg ta’ ħaddiema barranin mill-Istati l-Membri l-ġodda tal-[Unjoni Ewropea] fil-qafas ta’ kuntratti ta’ xogħol fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja” u li jinkludi klawżola għall-protezzjoni tas-suq tax-xogħol. Bis-saħħa ta’ din il-klawżola, ma humiex permessi, bħala prinċipju, kuntratti ta’ xogħol li jinvolvu ħaddiema barranin jekk ix-xogħol jeħtieġ li jsir f’distrett tal-imsemmi uffiċċju fejn ir-rata medja tal-qgħad tul l-aħħar sitt xhur kienet ta’ mill-inqas 30% ogħla mir-rata totali tal-qgħad fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-lista tad-distretti tal-aġenzija koperti minn din ir-regola hija aġġornata kull tliet xhur.

Il-proċedura prekontenzjuża

7

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-3 ta’ April 1996, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-inkompatibbiltà mal-Artikolu 49 KE tal-prassi amministrattiva Ġermaniża dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, peress illi l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti jinterpretaw il-frażi “impriża tal-parti l-oħra” li tinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan il-ftehim bħala li tinkludi biss l-impriżi Ġermaniżi. Minħabba din il-prassi, kuntrarjament għall-impriżi Ġermaniżi, l-impriżi ta’ Stati Membri oħra li jipprovdu servizzi fis-settur ta’ kostruzzjoni f’dan l-Istat Membru ma humiex awtorizzati jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol ma’ impriżi Pollakki.

8

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ġunju 1996, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li ma kellhiex l-istess fehma bħal dik ta’ din l-istituzzjoni, li ġiet esposta fl-ittra tagħha tat-3 ta’ April 1996.

9

Fit-12 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li fiha tenniet il-fehma tagħha, u stednitha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni.

10

Wara laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta’ dan l-Istat Membru, li seħħet fil-5 ta’ Mejju 1998, dan l-Istat Membru indika, f’ittra tad-19 ta’ Lulju 1998, li kienu qed isiru sforzi sabiex tinstab soluzzjoni politika fil-kuntest tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-16 ta’ Diċembru 1991. Madankollu, dawn it-tentattivi ma rnexxewx.

11

Wara talba li ġiet indirizzata fil-15 ta’ Ġunju 2004 mill-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din tal-aħħar wieġbet, permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Diċembru 2004, li hija kienet ser tkompli bil-prassi tagħha skont l-interpretazzjoni tal-Ftehim Ġermanja-Polonja u li, fir-rigward tan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni matul kważi seba’ snin, hija seta’ jkollha aspettattivi li ma kienx ser ikun hemm rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontriha.

12

F’ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, tal-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-fatt li hija kienet għadha tallega ksur tal-Artikolu 49 KE. Barra minn hekk, hija sostniet li dan l-Istat Membru kien qed jikser ukoll il-klawżola “standstill” stabbilita fil-paragrafu 13 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att tal-Adeżjoni (iktar ’il quddiem il-“klawżola ‘standstill’”), sa fejn l-estensjoni tar-restrizzjonijiet reġjonali imposti bis-saħħa tal-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol, ibbażata fuq l-Artikolu 2(5) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja u inkluża fil-fuljett 16a, kienet tikser il-projbizzjoni dwar l-estenzjoni tar-restrizzjonijiet fis-seħħ meta ġie iffirmat l-Att ta’ Adeżjoni.

13

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala tweġiba għall-ewwel ilment, informat lill-Kummissjoni bil-fatt li l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim Ġermanja-Polonja lill-Istati Membri kollha u għall-impriżi tagħhom ma kinitx xierqa. Barra minn hekk, hija rreferiet għar riżerva relatata mal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 46 KE, billi sostniet li kien hemm bżonn li tiġi żgurata applikazzjoni korretta ta’ dan il-ftehim kif ukoll li jkun hemm il-kontroll neċessarju tal-osservanza tar-regoli fis-seħħ u prosekuzzjoni effettiva tal-ksur tagħhom. Issa, huwa impossibbli li, b’mod rapidu u affidabbli, jiġi rkuprat il-kreditu tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fir-rigward tat-tieni ilment, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-estensjoni tar-restrizzjonijiet reġjonali bbażata fuq klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ żoni li ma kinux koperti f’April 2003 ma tiksirx il-klawżola ‘standstill’, peress li l-aġġornament tal-lista tar-restrizzjonijiet reġjonali stabbiliti skont l-Artikolu 2(5) tal-imsemmi ftehim ma jikkostitwixxix emenda tal-leġiżlazzjoni fiha nfisha, iżda sempliċement jirriżulta mill-iżvilupp fis-swieq reġjonali tax-xogħol.

14

Fl-opinjoni motivata addizzjonali tagħha, tal-15 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni tenniet l-ilmenti tagħha, minkejja li, fit-tweġiba tagħha tad-19 ta’ Frar 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, min-naħa tagħha, żammet l-istess fehma.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

16

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, minn tal-inqas fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 KE.

17

Dan l-Istat Membru jsostni, f’dan ir-rigward, li huwa seta’ leġittimament jikkunsidra li n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissjoni bejn Novembru 1997 u Ġunju 2004, jiġifieri matul seba’ snin, kien ifisser li dan l-ilment ġie abbandunat. L-aspettattivi leġittimi tal-awtoritajiet Ġermaniżi rigward l-abbandun ta’ tali ilment huwa ġġustifikat iktar peress li, skont ittra ta’ M. Monti, membru tal-Kummissjoni, li ġiet indirizzata lil dawn l-awtoritajiet f’Lulju 1998, din l-istituzzjoni ma laqgħetx b’mod pożittiv it-terminazzjoni tal-Ftehim Ġermanja-Polonja u kienet stenniet sa Novembru 1998 sabiex tara jekk kienx hemm soluzzjonijiet oħra possibbli. Peress li l-Kummissjoni ma ħadet ebda azzjoni sussegwentement, l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu intitolati jqisu li l-imsemmija istituzzjoni kienet abbandunat l-ilment tagħha dwar ksur tal-Artikolu 49 KE.

18

Kien biss wara l-iffirmar tat-Trattat ta’ Adeżjoni, jiġifieri fi żmien meta r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tħassar il-Ftehim Ġermanja-Polonja mingħajr ma tikser l-obbligu ta’ “standstill”, li l-Kummissjoni ħadet miżuri proċedurali abbużivi, minkejja li kien fuq talba tal-Kummissjoni li dan l-Istat Membru kien irrinunzja milli jittermina dan il-ftehim.

19

Il-Kummissjoni tirribatti li, għalkemm f’ċerti sitwazzjonijiet, terminu eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża stabbilita fl-Artikolu 226 KE jista’ jirrendi iktar diffiċli, għall-Istat Membru kkonċernat, li jikkonfuta l-argumenti tal-Kummissjoni, u għalhekk, li jikser id-drittijiet ta’ difiża, dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni. Barra minn hekk, il-fatt li ma ttieħditx azzjoni immedjata jew f’qasir żmien dwar l-opinjoni motivata ma tistax toħloq, fl-Istat Membru kkonċernat, aspettattivi leġittimi li l-proċedura kienet intemmet.

20

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ittra ta’ M. Monti msemmija fil-punt 17 tas-sentenza preżenti tindika espliċitament li l-proċedura ma setgħetx tingħalaq fid-dawl tar-regoli tas-suq intern u li din l-istituzzjoni, f’ebda mument, ma tat x’tifhem li hija kienet ser tabbanduna l-ewwel ilment.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-mument li fih hija tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu; il-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jaffettwaw l-ammissibbiltà tar-rikors (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-317/92, Ġabra p. I-2039, punt 4).

22

Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 226 KE għandhom jiġu applikati mingħajr ma l-Kummissjoni jkollha l-obbligu li tosserva terminu partikolari, bla ħsara għas-sitwazzjoni fejn dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża prevista b’din id-dispożizzjoni jista’ jirrendi iktar diffiċli, għall-Istat ikkonċernat, li jikkonfuta l-argumenti tal-Kummissjoni u b’hekk jikser id-drittijiet tad-difiża. Huwa l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jipproduċi l-prova ta’ tali effett (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 26).

23

Fil-kawża inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pprovatx li t-tul inabitwali tal-proċedura kellu effett fuq il-mod dwar kif hija ppreparat id-difiża tagħha.

24

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dħul fis-seħħ tal-klawżola “standstill” matul il-proċedura prekontenzjuża ta’ din il-kawża, li, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ipprekludieha milli ttemm il-Ftehim Ġermanja-Polonja, ma kienx, fih innifsu, ta’ natura li jżid id-diffikultà għal dan l-Istat Membru li jikkonfuta l-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 KE. Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, it-trażmissjoni tal-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tal-10 ta’ April 2006 u tal-opinjoni motivata addizzjonali tal-15 ta’ Diċembru 2006, li kellhom b’mod partikolari bħala għan li jtennu tali ilment, ippermettiet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tesponi, bl-għarfien tal-fatti kollha, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet ikkontestat tali ilment.

25

Barra minn hekk, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija bbażata fuq konstatazzjoni oġġettiva tan-nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi imposti fuqu bid-dritt Komunitarju u li l-prinċipju tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi ma jistax, f’każ bħal dan, jiġi invokat minn Stat Membru sabiex jostakola tali konstatazzjoni, peress li l-ammissjoni ta’ din il-ġustifikazzjoni tmur kontra l-għan imfittex mill-proċedura prevista fl-Artikolu 226 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-523/04, Ġabra p. I-3267, punt 28).

26

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni wara l-opinjoni motivata, kemm jekk immedjatament jew f’qasir żmien, ma jistax joħloq, fl-Istat Membru kkonċernat, l-aspettattivi leġittimi li l-proċedura kienet ingħalqet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4). Dan huwa tabilħaqq minnu, bħal kif inhuwa fil-każ inkwistjoni, fejn huwa paċifiku li saru tentattivi matul il-perijodu ta’ inazzjoni allegat, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-Ftehim Ewropew imsemmi fil-punt 10 tas-sentenza preżenti, sabiex tinstab soluzzjoni li ttemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat.

27

Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ kull teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni li jindika li hija kienet ser tagħlaq il-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kienet bdiet, kemm jekk fl-ittra ta’ M. Monti msemmija fil-punti 17 u 20 tas-sentenza preżenti kif ukoll jekk f’kull stadju ieħor tal-proċedura, li ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan l-Istat Membru ma jistax validament isostni li l-imsemmija istituzzjoni kisret il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi billi ma għalqitx l-imsemmija proċedura.

28

Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiġi miċħuda, u r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel ilment

— L-argumenti tal-partijiet

29

Il-Kummissjoni ssostni li, meta l-frażi “impriża tal-parti l-oħra” li tinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Ftehim ‘Ġermanja-Polonja’ tiġi interpretata bħala li tinkludi biss l-impriżi Ġermaniżi, l-awtoritajiet Ġermaniżi jipprekludu lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra li jixtiequ jwettqu xogħlijiet fil-Ġermanja milli jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol ma’ imprenditur Pollakk, sakemm l-impriżi ta’ dawn l-Istati Membri ma joħolqux sussidjarja fil-Ġermanja. Tali interpretazzjoni, li ma hijiex obbligatorja, għandha l-effett li tiddiswadi lil dawn l-impriżi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 49 KE sabiex jikkonkludu, skont il-Ftehim Ġermanja-Polonja, kuntratti ta’ xogħol għat-twettiq ta’ xogħlijiet fil-Ġermanja billi jużaw il-kwota ta’ ħaddiema Pollakki prevista f’dan il-ftehim.

30

Il-Kummissjoni ssostni li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja tikkostitwixxi diskriminazzjoni direttament ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-impriża jew is-sede tagħha, li ma tistax tiġi ġġustifikata b’mod ieħor ħlief abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika jew mas-saħħa pubblika. Ir-rikors għal dawn ir-raġunijiet jimplika li huwa neċessarju li tinżamm miżura diskriminatorja sabiex tiġi pprevenuta theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni.

31

Is-sempliċi fatt li l-impriżi li jixtiequ jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol ma’ imprenditur Pollakk ma jkunux stabbiliti fil-Ġermanja ma jipprekludix il-kontroll tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim Ġermanja-Polonja. Rigward in-neċessità li tiġi żgurata l-implementazzjoni effettiva tar-responsabbiltà tal-impriża fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, il-Kummissjoni tosserva li kunsiderazzjonijiet ta’ natura kompletament amministrattiva ma jikkostitwixxux rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali u għalhekk ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertà fundamentali ggarantita bit-Trattat. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma hemmx biża’ li l-estensjoni tal-Ftehim Ġermanja-Polonja għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra jimplika jew jiffavorixxi applikazzjoni mhux xierqa jew li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tranżitorji tat-Trattat ta’ Adeżjoni, irrispettivament mill-fatt li tali biża’ ma tikkostitwixxi f’ebda każ riskju suffiċjentement gravi u attwali tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika, li jista’ jiġġustifika restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

32

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo (C-55/00, Ġabra p. I-413, punt 34), tenfasizza li, meta Stat Membru jikkonkludi ftehim bilaterali ma’ Stat terz, il-prinċipju fundamentali ta’ trattament ugwali jimponi lil dan l-Istat Membru li jagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra l-istess vantaġġi li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tiegħu stess skont l-istess ftehim, sakemm ma jipprovdix ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tiegħu li jaġixxi b’dan il-mod. Madankollu, dan ma huwiex il-każ inkwistjoni.

33

Ir-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, issostni, fost l-oħrajn, li minħabba l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja sottoskritta fil-prassi amministrattiva Ġermaniża, l-impriżi Pollakki ma jistgħux jimplementaw kuntratti konklużi ma’ impriżi ta’ Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit-territorju Ġermaniż, bl-istess mod bħall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra l-Ġermanja u li jipprovdu servizzi fil-Ġermanja ma jistgħux jużaw impriżi Pollakki bħala subappaltaturi. L-istess bħall-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tikkonkludi li din il-prassi tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tat-trattament nazzjonali li ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 KE u ma hemm xejn li jipprekludi l-estensjoni tal-vantaġġi tal-imsemmi ftehim lill-impriżi tal-Istati Membri minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

34

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-interpretazzjoni inkwistjoni hija konformi mat-test tal-Ftehim Ġermanja-Polonja. Il-fatt li dan il-ftehim jagħti drittijiet biss lill-impriżi Ġermaniżi ma jikkostitwixxix restrizzjoni pprojbita skont l-Artikolu 49 KE. L-imprendituri ta’ Stati Membri oħra għandhom, bħala prinċipju, id-dritt li jipprovdu servizzi fil-Ġermanja, iżda ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 1(1) tal-imsemmi ftehim biss sabiex impriżi Pollakki jwettqu xogħlijiet taħt kuntratt.

35

Barra minn hekk, l-impriżi Ġermaniżi li jistgħu jinvokaw il-Ftehim Ġermanja-Polonja huma kollha impriżi stabbiliti fil-Ġermanja, inklużi fergħat ta’ impriżi ta’ Stati Membri oħra.

36

Fi kwalunkwe każ, skont dan tal-aħħar, l-impriżi Ġermaniżi u l-impriżi barranin ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, li teskludi a priori, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni pprojbita. Barra minn hekk, il-Ftehim Ġermanja-Polonja jikkostitwixxi ftehim ibbilanċjat b’mod ċar, ibbażat fuq ir-reċiproċità, u ma jistgħux jiġu invokati minnu separament drittijiet partikolari sabiex jibbenefikaw minnhom ċittadini ta’ Stat Membru li ma huwiex parti kontraenti minn dan il-ftehim. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirreferi, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ argumenti, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005, D. (C-376/03, Ġabra p. I-5821, punti 61 et seq).

37

Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 49 KE jkollha l-effett li ċċaħħad mis-sustanza tagħhom id-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Att ta’ Adeżjoni, li l-kuntest u l-finalità tagħhom kienu intiżi li jrażżnu r-riperkussjonijiet li jirriżultaw minn kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti li jeżistu fis-setturi terzjarji u li jipprekludu tfixkil fis-suq tax-xogħol.

38

Fi kwalunkwe każ, għalkemm l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja sottoskritta mill-prassi amministrattiva Ġermaniża kienet ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi restrizzjoni skont l-Artikolu 49 KE, din hija ġġustifikata permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 55 KE u 46 KE, peress li l-estensjoni tal-vantaġġ ta’ dan il-ftehim lill-impriżi li ma humiex stabbiliti fil-Ġermanja ma tiżgurax iżjed il-kontroll xieraq tal-eżekuzzjoni tajba ta’ dan il-ftehim, ħlief bi spejjeż amministrattivi spoporzjonati, u ma tippermettix li tiġi żgurata implementazzjoni effettiva tar-responsabbiltà tal-impriża li tinkariga impriża b’subappalt Pollakka sabiex tipprovdi servizzi ta’ xogħolijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tas-sigurtà soċjali minn din tal-aħħar.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi timplika, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata kontra l-fornitur minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu jew minħabba l-fatt li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn jiġi pprovdut is-servizz (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-kundizzjoni li impriża għandha toħloq stabbiliment permanenti jew sussidjarja fl-Istat Membru fejn is-servizz huwa pprovdut tmur direttament kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, sa fejn hija tirrendi impossibbli f’dan l-Istat Membru, il-provvista ta’ servizzi mill-impriżi stabbililti fi Stati Membri oħra (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 205/84, Ġabra p. 3755, punt 52; tas-7 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/00, Ġabra p. I-1425, punt 17, u tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-496/01, Ġabra p. I-2351, punt 65).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, kif interpretat fil-prassi amministrattiva Ġermaniża, joħloq diskriminazzjoni diretta kontra l-Artikolu 49 KE fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jixtiequ jikkonkludu kuntratt ta’ xogħol ma’ impriża Pollakka sabiex jipprovdu servizzi fil-Ġermanja.

41

Fil-fatt, skont interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu applikata fil-prassi amministrattiva Ġermaniża, huma biss l-impriżi li għandhom is-sede tagħhom jew stabbiliment permanenti fil-Ġermanja li jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ xogħol ma’ impriża Pollakka u għalhekk jibbenefikaw, billi jipprovdu servizzi fil-Ġermanja, mill-kwota ta’ ħaddiema Pollakki ggarantita skont il-Ftehim Ġermanja-Polonja, minkejja d-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Att ta’ Adeżjoni.

42

Sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-prassi amministrattiva inkwistjoni hija ġġustifikata bil-fatt li hemm inkwistjoni dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali bilaterali, għandu jiġi rrilevat li, fl-implementazzjoni tal- impenji meħuda taħt ftehim internazzjonali, kemm jekk fir-rigward ta’ ftehim bejn Stati Membri jew ta’ ftehim bejn Stat Membru u diversi Stati terzi, l-Istati Membri huma marbuta, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 307 KE, li josservaw l-obbligi imposti fuqhom taħt id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gottardo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

43

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tfixkil tal-ekwilibriju u tar-reċiproċità ta’ ftehim internazzjonali bilaterali konkluż bejn Stat Membru u pajjiż terz jista’ jikkostitwixxi ġustifikazzjoni oġġettiva għar-rifjut tal-Istat Membru li huwa parti kontraenti tal-ftehim li jestendi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra l-vantaġġi li ċ-ċittadini tiegħu stess igawdu mill-imsemmi ftehim (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZV, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 60, u Gottardo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

44

Madankollu, kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni f’dawn il-każijiet u f’dik li tat lok għas-sentenza D., iċċitata iktar ’il fuq, li tibbaża ruħha fuqha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-applikazzjoni tal-Ftehim Ġermanja-Polonja tikkonċerna, sa mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni, żewġ Stati Membri, b’mod li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim japplikaw fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn dawn l-Istati Membri biss fl-osservanza tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, tar-regoli tat-Trattat rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Matteucci, 235/87, Ġabra p. 5589, punti 16 u 19 sa 21, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C-478/07, Ġabra p. I-7721, punti 97 u 98).

45

Flimkien ma’ dan għandu jiżdied ukoll il-fatt li, kif sostniet korrettament ir-Repubblika tal-Polonja, l-estensjoni tad-dritt li jiġu konklużi kuntratti ta’ xogħol ma’ impriżi ta’ subappalt Pollakki lill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistax taffettwa, bħala tali, il-kwota stabbilita skont l-Artikolu 2(5) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja.

46

Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi kkunsidrat li impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-impriżi stabbiliti fl-ewwel Stat Membru fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti ta’ xogħol ma’ impriżi Pollakki sabiex jiġu pprovduti servizzi fil-Ġermanja.

47

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-Ftehim Ġermanja-Polonja huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju biss jekk jaqgħu taħt dispożizzjoni derogatorja espliċita, bħall-Artikolu 46 KE, li jirreferi għalih l-Artikolu 55 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

48

Mill-Artikolu 46 KE, li għandu jiġi interpretat b’mod strett, jirriżulta li regoli diskriminatorji jistgħu jiġu ġġustifikati permezz ta’ raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika jew mas-saħħa pubblika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

49

Madankollu, rikors għal din il-ġustifikazzjoni jippreżupponi l-eżistenza ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-114/97, Ġabra p. I-6717, punt 46, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C-567/07, Ġabra p. I-9021, punt 28).

50

Sabiex jiġġustifika l-projbizzjoni tal-kollokament ta’ ħaddiema Pollakki minn impriżi Pollakki fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi ma’ impriżi li m’għandhomx is-sede tagħhom jew stabbiliment permanenti fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka, b’mod partikolari, l-argument dwar in-neċessità li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-applikazzjoni korretta tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, li skontha, jista’ biss jiġi żgurat fir-rigward ta’ impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra billi jiġu sostnuti spejjeż amministrattivi addizzjonali eċessivi u dwar il-possibbiltà ta’ problemi marbuta mal-irkupru tad-dejn tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ impriżi responsabbli mill-ħlas ta’ ammonti li jikkorrispondu mad-dejn skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża jekk dawn l-impriżi ma jkollhomx stabbiliment permanenti fil-Ġermanja.

51

Billi tagħmel hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tagħmel ebda argument konvinċenti li jista’ jiġġustifika waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 46 KE, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika u sempliċi diffikultajiet prattiċi fl-implementazzjoni tal-Ftehim Ġermanja-Polonja ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà fundamentali (ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, punt 45) u lanqas, a fortiori, deroga mill-Artikolu 46 KE, li tippreżupponi l-eżistenza ta’ theddida reali u suffiċjentement serja li taffettwa l-interess fundamentali tas-soċjetà.

52

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riskju allegat li jiġu evitati dispożizzjonijiet tranżitorji favur ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ġew sottoskritti fl-Att ta’ Adeżjoni sabiex ma jkunx hemm tfixkil serju fis-suq tax-xogħol Ġermaniż, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-estensjoni lill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra tad-dritt li jiġu konklużi kuntratti ma’ impriżi Pollakki, sabiex dawn tal-ewwel ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kwota ta’ ħaddiema Pollakki stabbilita fl-Artikolu 2(5) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, ma tistax tipproduċi tali effett, peress li, fi kwalunkwe każ, in-numru ta’ permessi ta’ xogħol maħruġa lil ħaddiema Pollakki, f’kull każ, ma jinbidilx minħabba l-estensjoni tal-vantaġġ għall-impriżi stabbiliti f’dawn l-Istati Membri oħra.

53

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel ilment għandu jiġi milqugħ.

Fuq it-tieni lment

— L-argumenti tal-partijiet

54

Il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol inkluża fil-fuljett 16a, minbarra li għandha dubju dwar jekk tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 2(5) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, tikser il-klawżola “standstill”.

55

Skont din il-klawżola “standstill”, kull ksur tar-restrizzjonijiet li huma fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Adeżjoni, jiġifieri fis-16 ta’ April 2003, huwa pprojbit, kemm jekk huwa bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni eżistenzi jew fuq leġiżlazzjoni adottata wara din id-data, taħt piena li l-imsemmija klawżola tiċċaħħad mill-effett utli tagħha. Issa, wara s-16 ta’ April 2003, fuq il-lista ta’ distretti suġġetti għall-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol inkluża fil-fuljett 16a, ġew miżjuda distretti ġodda, fosthom Bremerhaven, Bochum, Dortmund, Duisburg, Essen, Wuppertal, Dresden, Cologne, Oberhausen u Recklinghausen. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ din il-klawżola fissret, għall-ħaddiema Pollakki, dannu effettiv għall-aċċess għas-suq tax-xogħol Ġermaniż b’differenza għas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel id-data tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Adeżjoni, u dan bi ksur manifest tal-klawżola “standstill”.

56

Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva, b’mod partikolari, li l-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol inkluża fil-fuljett 16a ma tikkostitwixxix l-implementazzjoni tal-Artikolu 2(5) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, peress li l-imsemmija klawżola ma hijiex intiża li tagħmel in-numru ta’ ħaddiema f’distrett partikolari dipendenti fuq il-fatt dwar jekk jeżistix diġà konċentrament ta’ ħaddiema kuntrattwali impjegati, iżda pjuttost teskludi kull konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ distrett fil-lista stabbilita mill-Uffiċċju Federali tal-Impjieg tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija suġġetta għal-livell ta’ qgħad preżenti, u mhux għall-konċentrament ta’ ħaddiema Pollakki li huma kollokati hemmhekk sabiex iwettqu kuntratti ta’ xogħol.

57

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirribatti li, anki jekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-dritt Komunitarju, ma huwiex rilevanti jekk l-Artikolu 2(5) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja ġiex implementat b’mod korrett bil-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol inkluża fil-fuljett 16a, dan huwa tabilħaqq il-każ.

58

Barra minn hekk, din il-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol ma tiksirx il-klawżola ‘standstill’. Għall-finijiet tal-osservanza ta’ din il-klawżola huwa rilevanti biss il-fatt li s-sitwazzjoni legali jew il-prassi amministrattiva ma kellhom ebda bidla negattiva minn meta sar l-iffirmar tal-Att ta’ Adeżjoni, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinvoka f’dan ir-rigward is-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C-37/98, Ġabra p. I-2927, punt 69), tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari (C-16/05, Ġabra p. I-7415, punt 49), u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C-317/01 u C-369/01, Ġabra p. I-12301, punt 81), tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle, (C-302/97, Ġabra p. I-3099, punti 52 et seq), kif ukoll tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05 (Ġabra p. I-4051, point 41).

59

Issa, l-applikazzjoni tal-imsemmija klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol, li l-kontenut tagħha ma nbidilx mill-4 ta’ Jannar 1993, ma wasslet għal ebda emenda sfavorevoli tas-sitwazzjoni legali jew għal emenda tal-prassi amministrattiva fir-rigward tar-Repubblika tal-Polonja. Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol fil-Ġermanja hija l-uniku element li kien suġġett għal żviluppi li seħħew mid-dħul fis-seħħ tal-klawżola “standstill”. Ksur ta’ tali klawżola huwa eskluż meta, bħal fil-kawża preżenti, l-amministrazzjoni tapplika bl-istess mod bħal kif għamlet fil-passat dispożizzjoni li ma ġietx emendata.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60

Bis-saħħa tal-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol inkluża fil-fuljett 16a, li huwa paċifiku li l-kontenut tagħha ma ġiex emendat mis-sena 1993, huma bħala prinċipju pprojbiti l-kuntratti ta’ xogħol li fil-kuntest tagħhom il-manodopera barranija hija użata fil-każ fejn dawn il-kuntratti għandhom jiġu implementati f’distrett tal-Uffiċċju Federali tal-Impjieg tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fejn ir-rata medja tal-qgħad tul l-aħħar sitt xhur kienet ta’ mill-inqas 30% ogħla mir-rata totali tal-qgħad fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Il-lista tad-distretti suġġetti għal din il-projbizzjoni hija aġġornata kull tliet xhur.

61

Kif tirrileva b’mod korrett ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz tal-ilment preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba mhux biss tevalwa jekk l-imsemmija klawżola u l-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi tikkostitwixxix implementazzjoni korretta tal-Artikolu 2(5) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, iżda jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-imsemmija klawżola, kif applikata mill-awtoritajiet amministrattivi Ġermaniżi, tiksirx il-klawżola “standstill”.

62

Il-paragrafu 13 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni jawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tidderoga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 KE sabiex tillimita, fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn impriżi stabbiliti fil-Polonja, il-moviment temporanju tal-ħaddiema li d-dritt tagħhom li jaċċettaw xogħol fil-Ġermanja huwa suġġett għal miżuri nazzjonali. Din id-deroga hija intiża li tippermetti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taffronta tfixkil serju jew theddid ta’ tfixkil serju f’ċerti setturi ta’ servizzi sensittivi fis-suq tax-xogħol tiegħu li jistgħu jseħħu f’ċerti reġjuni minħabba l-provvista ta’ servizzi minn pajjiż għall-ieħor sa fejn dan l-Istat Membru japplika fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema Pollakki, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tranżitorji, miżuri nazzjonali jew miżuri li jirriżultaw minn ftehim bilaterali.

63

L-imsemmi paragrafu 13 jinkludi barra minn hekk klawżola “standstill”, li bis-saħħa tagħha l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni m’għandhiex effett li toħloq, għall-moviment temporanju ta’ ħaddiema fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn pajjiż għall-ieħor bejn il-Ġermanja u l-Polonja, kundizzjonijiet li huma inqas restrittivi minn dawk fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-Att ta’ Adeżjoni.

64

Kuntrarjament għall-argument sostnut mill-Kummissjoni, il-fatt li, wara din id-data, ġew miżjuda distretti ġodda mal-lista ta’ dawk li għalihom il-kuntratti ta’ xogħol skont il-Ftehim Ġermanja-Polonja ma humiex awtorizzati, ma jfissirx ksur tal-klawżola “standstill”.

65

Fil-fatt, din il-klawżola tipprovdi l-projbizzjoni li jinħolqu “kundizzjonijiet li huma iktar restrittivi” għall-moviment temporanju tal-ħaddiema minn dawk fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tal-Att ta’ Adeżjoni. Issa, dan ma huwiex manifestament il-każ meta t-tnaqqis tan-numru ta’ ħaddiema Pollakki li jistgħu jiġu kollokati fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi fil-Ġermanja huwa s-sempliċi konsegwenza tal-applikazzjoni, wara din id-data, ta’ klawżola li t-termini tagħha baqgħu identiċi għal sitwazzjoni fattwali fis-suq tax-xogħol li żviluppat. Kif irrilevat b’mod korrett ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-lista, aġġornata kull tliet xhur, tad-distretti suġġetti għall-projbizzjoni li tirriżulta mill-klawżola ta’ protezzjoni tas-suq tax-xogħol inkluża fil-fuljett 16a għandha, f’dan il-kuntest, natura kompletament dikjaratorja, minkejja li la kien hemm effett ta’ deterjorament fuq is-sitwazzjoni legali u lanqas emenda sfavorevoli tal-prassi amministrattiva Ġermaniża.

66

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan ta’ tali klawżoli “standstill”, li jikkonsisti fil-projbizzjoni ta’ Stat Membru li jkun jista’ jadotta miżuri ġodda li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li joħloq kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli qabel id-data li fiha l-klawżoli jibda jkollhom effett (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Savas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin, C-242/06, Ġabra p. I-8465, punt 63).

67

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

68

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi interpretat il-frażi “impriża tal-parti l-oħra”, li tinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Ftehim Ġermanja-Polonja, tal-31 ta’ Jannar 1990, bħala li tfisser “impriża Ġermaniża”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE.

Fuq l-ispejjeż

69

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

70

Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

71

Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi interpretat, fil-prassi amministrattiva tagħha, il-frażi “impriża tal-parti l-oħra”, li tinsab fl-Artikolu 1(1) tal-Ftehim, tal-31 ta’ Jannar 1990, bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-kollokament ta’ ħaddiema ta’ impriżi Pollakki sabiex iwettqu kuntratti għal servizzi, kif emendat fl-1 ta’ Marzu u fit-30 ta’ April 1993, bħala li tfisser “impriża Ġermaniża”, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 KE.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

4)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top