EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0535

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-14 ta' Ottubru 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE - Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi - Klassifikazzjoni inkorretta u protezzjoni legali insuffiċjenti ta’ żoni speċjali tal-protezzjoni.
Kawża C-535/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09483

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:602

Kawża C-535/07

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Klassifikazzjoni inkorretta u protezzjoni legali insuffiċjenti ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 226 KE)

2.        Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Għażla u delimitazzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali

(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(1)u(2))

3.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża — Dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tal-ilmenti — Nuqqas — Inammissibbiltà

(Artikolu 226 KE)

4.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Proċedura prekontenzjuża — Opinjoni motivata — Kontenut

(Artikolu 226 KE)

5.        Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Miżuri ta’ konservazzjoni speċjali — Obbligi tal-Istati membri

(Direttivi tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(1) u (2), u 92/43, Artikoli 6(2) u 7)

1.        Fil-kuntest ta’ rikors taħt l-Artikolu 226 KE, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat skont is‑sitwazzjoni tal-Istat Membru kif ġie ppreżentat f’għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punt 22)

2.        Is-sistemi legali tad-Direttivi 79/409, dwar il‑konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, u 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi, huma distinti, għalhekk Stat Membru ma jistax jeżonera ruħu mill‑obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409 billi juża miżuri differenti minn dawk previsti minnha. Min-naħa l-oħra, iċ‑ċirkustanza li sit, li fir-rigward tiegħu Stat Membru huwa suġġett għal obbligu ta’ klassifikazzjoni skont din id-direttiva, ma sofra l-ebda deterjorament, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l‑obbligu impost fuq l‑Istati Membri li jikklassifikaw siti bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali.

(ara l-punt 24)

3.        Is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stabbilit bl‑opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’mod li li r-rikors ikollu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk ta’ din l-opinjoni. L-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jiġi estiż iktar. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat u l‑osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal‑proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal‑Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża. Jekk dan ma huwiex il-każ, irregolarità simili ma tistax tiġi kkunsidrata bħala effettiva minħabba l-fatt li l-Istat Membru konvenut ifformula osservazzjonijiet fuq l-opinjoni motivata.

L-opinjoni motivata u r-rikors għandhom jippreżentaw l-ilmenti b’mod koerenti u b’mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur ikkontestat tad-dritt tal-Unjoni, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv il‑motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l‑eżistenza tan-nuqqas allegat.

(ara l-punti 40-42)

4.        Jekk l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wasslu biex jikkonvinċu lill-Kummissjoni li l-Istat Membru interessat naqas minn wieħed mill-obbligi li ġew imposti fuqu bis‑saħħa tat-Trattat, il-Kummissjoni ma hijiex madankollu marbuta li tindika fl-opinjoni motivata l-miżuri li jippermettu l-eliminazzjoni tan‑nuqqas ikkontestat. Bl-istess mod, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata li tindika dawn il-miżuri fir-rikors tagħha.

(ara l-punt 50)

5.        Filwaqt li l-eżattezza tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari fir‑rigward tad-Direttiva 79/409, dwar il‑konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, sa fejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni huwa fdat, għat-territorju tagħhom, lill-Istati Membri rispettivi, din f’kull każ, ma tistax timponi lil dawn tal-aħħar li jinkludu l-obbligi u l‑projbizzjonijiet li jirriżultaw mill Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 92/43, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi, fl-att legali li jiffissa, għal kull żona ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS), l‑ispeċji u l-habitat protetti bħall-għanijiet ta’ konservazzjoni.

Fir-rigward ta’ dawn l-obbligi, l-adozzjoni ta’ miżuri pożittivi għall‑konservazzjoni u għat-titjib tal-istat ta’ ŻPS ma għandux natura sistematika, iżda jiddependi mis-sitwazzjoni konkreta taż-ŻPS ikkonċernata.

Jekk huwa minnu, pereżempju, li l-protezzjoni taż-ŻPS kontra l-attivitajiet ta’ individwi titlob li huma jiġu ostakolati minn qabel milli jipparteċipaw f’attivitajiet potenzjalment ta’ ħsara, ma jidhirx li t‑twettiq ta’ dan l-għan neċessarjament jeħtieġ projbizzjonijiet speċifiċi għal kull ŻPS għal kull speċji speċifika.

F’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-ispeċji u tal-habitats protetti f’kull ŻPS, bħal kif id-delimitazzjoni ta’ ŻPS għandha jkollha forma vinkolanti inkontestabbli, l-identifikazzjoni tal-ispeċji li jkunu ġġustifikaw l‑klassifikazzjoni ta’ din iż-ŻPS għandhom jissodisfaw l-istess rekwiżiti. Fil-fatt, jekk dan ma kienx il-każ, l-għan ta’ protezzjoni li jirriżulta mill‑Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 79/409, u l-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva 92/43, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din, jista’ ma jintlaħaqx għalkollox.

F’dak li jirrigwarda l-għanijiet ta’ konservazzjoni, l-istatus legali ta’ protezzjoni li minnu għandhom jibbenefikaw iż-ŻPS ma jimplikax li dawn l-għanijiet għandhom ikunu speċifikati għal kull speċji kkunsidrata separatament. Barra minn dan, f’kull każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l‑għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu fl-istess att legali bħal dak li jirrigwarda l-ispeċji u l-habitats protetti minn ŻPS speċifiku.

Fir-rigward ta’ status legali ta’ protezzjoni taż-ŻPS konnessi ma’ riserva naturali jew ma’ kull tip ieħor ta’ sit eżistenti kklassifikat u protetti mill‑miżuri nazzjonali jew reġjonali, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409 jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa kemm għall-ispeċji elenkati fl-Anness I ta’ din kif ukoll għall-ispeċji migratorji. Din hija n‑natura partikolari tas-sistema ta’ protezzjoni li għandhom igawdu minnha ż-ŻPS, b’kuntrast mas-sistema ta’ protezzjoni ġeneralment inqas stretta prevista taħt l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva għall-ispeċji kollha ta’ għasafar koperti minnha. Madankollu ma jirriżultax li hija biss sistema legali speċifikament iddefinita u implementata għal kull ŻPS li hija suxxettibbli li effettivament tipproteġi dan it‑tip ta’ sit.

(ara l-punti 61-66)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Klassifikazzjoni inkorretta u protezzjoni legali insuffiċjenti ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali”

Fil-Kawża C‑535/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226KE, imressaq fit-30 ta’ Novembru 2007,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Sauer u D. Recchia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl u E. Pürgy kif ukoll minn K. Drechsel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

–        meta naqset li tinnomina (sit ta’ Hanság fil-Land ta’ Burgenland) jew tiddelimita (sit ta’ Niedere Tauern fil-Land ta’ Steiermark) b’mod korrett, konformi ma’ kriterji ornitoloġiċi, l-iktar territorji adatti fl-Awstrija, fin-numru u fid-daqs, bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) għall‑konservazzjoni ta’ speċi tal-għasafar skont l-Artikolu 4(1) jew (2) tad‑Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il‑konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Għasafar’”), u

–        meta naqset li tipprovdi protezzjoni legali għal parti miż-ŻPS li diġà ġew innominati, konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitat’”), moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din,

ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawk id‑dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi.

2        B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva “Għasafar”

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva “Għasafar” jiddisponi li “[l]-istati membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li ssir referenza għalihom fl-artikolu 1 fil-livell li jikorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l‑ispeċi għal dak il-livell”.

4        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi li, fid-dawl tal-ħtiġiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jippreservaw, iżommu jew jirripristinaw diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitats għall-ispeċi kollha ħajjin tal-għasafar selvaġġi li jgħixu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t‑Trattat KE. Skont il-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu, il-miżuri biex jippreservaw, iżommu jew jirripristinaw diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitats b’mod partikolari jinkludi l-kreazzjoni ta’ żoni protetti

5        L-Artikolu 4(1) u (2) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” jiddisponu:

“1.      L-ispeċi msemmija fl-anness i għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s‑sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’ konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

a)      ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

b)      ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

ċ)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-istati membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’ konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.

2.      L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-anness i, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-istati membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

[…]

4.      Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu.”

 Id-Direttiva “Habitat”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “Habitat” jipprovdi li għandu jiġi stabbilit netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ “Natura 2000”, li għandu jinkludi ż-ŻPS ikklassifikati mill-Istati Membri skont id‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Għasafar”.

7        L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati dawk iż-żoni, safejn dak it‑tfixkil jista’ jkun sinifikanti fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

8        Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, “[l]-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-[Direttiva “Għasafar”] dwar iż-żoni klassifikati skont l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skont l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew l-għarfien minn Stat Membru taħt [id-Direttiva “Għasafar”], meta d-data tal-aħħar tiġi aktar tard”.

 Il-proċedura prekontenzjuża

9        Fit-23 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija fejn indikat li din tal-aħħar ma kinitx ikklassifikat bħala ŻPS l-iktar territorji adatti fin-numru u fid-daqs, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-nomina tas-sit ta’ Hanság u d-delimitazzjoni tas-sit ta’ Niedere Tauern. Barra minn dan, il-Kummissjoni iżżid li dan l-Istat Membru kien għadu ma issodisfax bis-sħiħ ir-rekwiżiti tad-Direttiva “Għasafar” li tiżgura protezzjoni legali taż-ŻPS fl-Awstrija.

10      Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għal din l-intimazzjoni billi ttrasmettiet lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, lista ta’ żoni differenti ta’ konservazzjoni ta’ għasafar mas-sistema tagħhom ta’ protezzjoni legali. B’dan il-mod, hija enfasizzat in-nomina sħiħa jew parzjali ta’ ċerti ŻPS bħala park nazzjonali, riserva naturali, żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ, patrimonju naturali jew żona ta’ trankwillità u, fl-istess ħin, l-eżistenza ta’ liġijiet jew ta’ regoli ppromulgati fil-Länder differenti marbuta mal-protezzjoni tan-natura.

11      Insegwitu, fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Awstrija ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali li tissostitwixxi l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni u li tenfasizza li l-klassifikazzjoni kif ukoll id-delimitazzjoni taż-ŻPS baqgħu żbaljati u li l-miżuri ta’ protezzjoni legali għal dawk iż-żoni speċifiċi kienu nieqsa. Il-Kummissjoni b’mod partikolari nnutat li s-sit ta’ Hanság kien għadu ma ġiex ikklassifikat bħala ŻPS u li estensjoni tas-sit ta’ Niedere Tauern kienet għadha ma seħħetx. Hija indikat ukoll li ż-żoni Awstrijaċi ta’ konservazzjoni ta’ għasafar kienu jew essenzjalment protetti permezz ta’ liġijiet relattivament antiki, jew, f’xi każijiet, imċaħħda minn protezzjoni legali. Fil-parti l-kbira tal-istrumenti ta’ protezzjoni, l-għan ta’ konservazzjoni u ta’ protezzjoni speċifika għall-ispeċi ta’ għasafar li għandhom jiġu kkonservati u protteti mhux se jkunu dixxernibbli. F’dan ir-rigward, kien meħtieġ, skont il-Kummissjoni, li l‑qafas regolatorju jipprovdi għallinqas għal kjarifika dwar l-għanijiet ta’ protezzjoni speċifika tal-għasafar, u dan anki meta l-livell ta’ protezzjoni jkun fil-prinċipju suffiċjenti, permezz ta’ projbizzjonijiet ta’ intervent u ta’ obbligi ta’ konservazzjoni.

12      Permezz tal-ittra tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2004, ir-Repubblika tal-Awstrija ttrasmettiet l-osservazzjonijiet tagħha li fihom, b’mod partikolari tirreferi għall-kwistjoni tal-protezzjoni legali tas-siti kkonċernati billi tagħti spjegazzjonijiet ta’ natura ġenerali kif ukoll spjegazzjonijiet speċifiċi għall- Länder differenti. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, dan l-Istat Membru jsostni li l-fatt li l-indikazzjoni espliċita ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni jew ta’ protezzjoni jinsabu fl-att legali użat bħala strument ta’ protezzjoni ma jistax ikun deċiżiv.

13      Billi ma kinitx issodisfatta bl-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Diċembru 2006, bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru fejn stednitu jikkonforma mal-obbligi tiegħu fi żmien xahrejn mill-ġurnata li fiha jirċievi dan l-avviż. Fih, ġie rrilevat li, fir-rigward tas-siti ta’ Hanság u ta’ Niedere Tauern, dan l-Istat Membru ma kkonformax ruħu mal-obbligi tiegħu. Dwar l-istatus legali taż-żoni protetti ikkonċernati, ġie ppreċiżat li, b’mod ġenerali, jiġifieri wkoll f’każijiet fejn ŻPS ġiet stabbilita fuq riserva diġà eżistenti u li kienet tibbenefika minn protezzjoni legali nazzjonali jew reġjonali iktar stretta, inklużjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, jiġifieri dawk li jikkonċernaw kemm l-ispeċi ta’ għasafar u r-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-protezzjoni ta’ dawn kif ukoll mar-ripristin tal-habitats tagħhom, permezz tal-miżuri u l-obbligi korrispondenti, għandhom ikunu element essenzjali tal-liġijiet relatati ma’ dawn iż-żoni protetti. Madankollu, numru kbir ta’ ŻPS għadhom nieqsa minn kull leġiżlazzjoni speċifika li tiżgura l-protezzjoni speċjali tal-għasafar ikkonċernati.

14      Billi l-Kummissjoni ma kinitx konvinta mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, bi tweġiba għal din l-opinjoni motivata, hija ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva “Għasafar” minħabba fin-nuqqas li tikklassifika s-sit ta’ Hanság bħala ŻPS u d-delimitazzjoni żbaljata taż-ŻPS ta’ Niedere Tauern

15      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” jimponi lill-Istati Membri obbligu li jikklassifikaw bħala ŻPS l-iktar territorji adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċji msemmija fl-Anness I għal din id-direttiva u li, taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, l-Istati Membri għandhom ukoll jikklassifikaw bħala ŻPS iż-żoni ta’ riproduzzjoni, tal-ħrif u ta’ fejn iqattgħu x-xitwa tagħhom regolarment l-ispeċji migratorji li mhux elenkati f’dan l-Anness, kif ukoll il-postijiet fejn jieqfu biex jistrieħu matul ir-rotot migratorji tagħhom (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑240/00, Ġabra p. I‑2187, punt 16).

 Fuq in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tas-sit ta’ Hanság bħala ŻPS

–       L-argumenti tal-partijiet

16      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Awstrija ma ssodisfatx l‑obbligu tagħha li tikklassifika s-sit ta’ Hanság, skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva “Għasafar”. Fil-fatt, dan is-sit kien identifikat bħala l-iktar adatt għall-protezzjoni ta’ ċerti speċji ta’ għasafar bħal, b’mod partikolari, il-pitarrun (Otis tarda), il‑bugħadam griż (Circus pyargus) u l-kokka tal-widnejn qosra (Asio flammeus).

17      Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet li s-sit ta’ Hanság ma jistax iktar, attwalment, jiġi kkunsidrat bħala s-sit l-iktar adatt għall-konservazzjoni tal-ispeċi msemmija mill-Kummissjoni. Territorji oħra minbarra dan is-sit saru iktar importanti għal dawn l-ispeċji. Madankollu, dan l-Istat jirrikonoxxi li twessigħ tal-limiti ta’ dan is‑sit, li l-parti prinċipali tiegħu hija diġà suġġetta għas-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “Habitat” minħabba li nnominata bħala sit Natura 2000, huwa fiżikament iġġustifikat. Billi dan is-sit Natura 2000 u l-popolazzjonijiet tal-ispeċji ta’ għasafar misjuba hemm diġà ġew suġġetti għas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet, dewmien f’dan ir-rigward, skont l-Istat Membru konvenut, ma fih ebda riskju. Barra minn dan, l‑ebda deterjorament ma seħħ fis-sit ta’ Hanság. Fl-aħħar nett, permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Gvern tal-Land ta’ Burgenland, tat-3 ta’ Ġunju 2008, li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, dan is-sit ġie ddikjarat, bl-applikazzjoni tad-Direttiva “Għasafar”, “żona Ewropea ta’ konservazzjoni Waasen-Hanság”.

18      Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra li, f’kull każ, il-ksur tad-Direttiva “Għasafar” ma għadhiex teżisti u li, għaldaqstant, l-irtirar tar-rikors fuq dan il-punt ikun iġġustifikat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19      Għandu jiġi osservat li, fil-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet aċċettat in-neċessità li tipproċedi għall-klassifikazzjoni tas-sit ta’ Hanság bħala ŻPS u infurmat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tipproċedi effettivament għan-nomina ta’ dan is-sit.

20      Barra minn dan, huwa stabbilit li, wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, is-sit ta’ Hanság kien ikklassifikat, bl-applikazzjoni tad-Direttiva “Għasafar”, bħala “żona Ewropea ta’ konservazzjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Gvern tal-Land ta’ Burgenland.

21      Għalhekk jidher li huwa inkontestabbli li s-sit ta’ Hanság huwa wieħed mis-siti l‑iktar adatti fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ispeċji inkwistjoni, li jaqgħu taħt l‑Anness I tad-Direttiva “Għasafar” u li għalihom issir referenza fl-Artikolu 4(1) tiegħu, u li dan is-sit konsegwentement għandu jkun is-suġġett ta’ klassifikazzjoni bħala ŻPS skont din id-direttiva.

22      L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat skont is‑sitwazzjoni tal-Istat Membru kif ġie ppreżentat f’għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑183/05, Ġabra p. I‑137, punt 17), għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-klassifikazzjoni msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza sar wara l-għeluq ta’ dan it-terminu, l-ilment li huwa bbażat fuq il-fatt li s-sit ta’ Hanság ma kienx ikklassifikat bħala ŻPS, bi ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”, huwa fondat.

23      Il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti ma tistax tiġi effettwata mill-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija issa qed issostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra l-fatt li mhux qed tissostanzja biżżejjed dawn l-allegazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward, li meta mqabbla ma’ sit ieħor, is-sit ta’ Hanság ma jibqax jitqies bħala l-iktar adatt għall-konservazzjoni tal-pitarrun, tal-bugħadam griż u tal-kokka tal-widnejn qosra.

24      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, anki jekk stabbilit, li dan is-sit, minn naħa, kien diġà fil-parti l-kbira tiegħu protett mid-Direttiva Habitat fil-kuntest tan-netwerk Natura 2000 u, min-naħa l-oħra, ma kien sofra l-ebda deterjorament. Fil-fatt, minn naħa, is-sistemi legali tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat” huma distinti, Stat Membru ma jistax jeżonera ruħu mill-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” billi juża miżuri differenti minn dawk previsti minnha (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑235/04, Ġabra p. I‑5415, punt 79). Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li s-sit ikkonċernat ma sofra l-ebda deterjorament ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l‑obbligu impost fuq l-Istati Membri li jikklassifikaw siti bħala ŻPS (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punt 38).

 Fuq id-delimitazzjoni inkorretta taż-ŻPS ta’ Niedere Tauern

–       L-argumenti tal-partijiet

25      Billi ż-ŻPS ta’ Niedere Tauern, li kellha medda ta’ 137 742 ettari fl-1999, ġiet imnaqqsa għal madwar 87 000 ettari matul ix-xahar ta’ Mejju 2001, il‑Kummissjoni ssostni li d-delimitazzjoni ta’ din iż-żona hija insuffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva “Għasafar” għall-ispeċji msemmija fiha. F’dan il-każ, huma kkonċernati, b’mod partikolari, speċji bħall-birwina (Charadrius morinellus), is-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus), il-kokka ta’ Tengalm (Aegolius funereus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum), it-tektiek is-siġar iswed (Dryocopus martius), it-tektiek is-siġar bi tlett iswaba (Picoides tridactylus), it-tektiek is-siġar b’rasu griża (Picus canus) kif ukoll il-ħaġla qastanija (Bonasa bonasia).

26      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija għadha ma pprovatx xjentifikament li d-delimitazzjoni oriġinali tas-sit ta’ Niedere Tauern għandu jiġi kkunsidrat bħala teknikament żbaljat.

27      Ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-birwina, il-Land ta’ Steiermark estendiet matul is-sena 2008, iż-ŻPS ta’ Niedere Tauern. Barra minn dan, din l-estensjoni, ibbażata fuq studji xjentifiċi, tippermetti li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” billi t-territorji l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċji protetti kkonċernati ġew ikklassifikati bħala ŻPS.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Għandu jingħad li ż-ŻPS ta’ Niedere Tauern, li l-medda tagħha għall-ewwel tnaqqset minn 137 742 ettari għal madwar 87 000 ettari, u wara ġiet estiża għal 101 880 ettari matul is-sena 2008, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, li fir-rigward tagħha għandu jiġu evalwat, kif imfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas allegat mill-Kummissjoni.

29      Permezz tal-istess ammissjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, din l-espansjoni kienet meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni adatta tal-birwina, speċji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar”.

30      Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ huwa meħtieġ li jiġi kkonstatat li mal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, il-medda taż-ŻPS inkwistjoni kienet insuffiċjenti għar-rekwiżiti ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”.

31      Għalhekk, l-ewwel ilment, li jallega ksur tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar”, għandu jintlaqa’      .

 It-tieni lment, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva “Għasafar” u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, minħabba l-protezzjoni legali insuffiċjenti mogħtija lil parti ta’ ŻPS diġà kklassifikati

 Fuq l-ammissibbiltà

–       L-argumenti tal-partijiet

32      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni, minn naħa, wessgħet is‑suġġett tar-rikors, u min-naħa l-oħra, ma pprovdietx biżżejjed argumenti li jipprovaw l-eżistenza ta’ nuqqasijiet konkreti fir-rigward ta’ siti ta’ protezzjoni speċifiċi.

33      Fir-rigward tal-ewwel punt, dan l-Istat Membru jsostni li filwaqt li l-opinjoni motivata ma kinitx tkopri “leġiżlazzjonijiet dwar żoni Ewropej ta’ konservazzjoni” diġà stabbiliti, ir-rikors kien jirreferi wkoll għall-allegati ksur tad-direttivi inkwistjoni li jirriżultaw minn dawn il-leġiżlazzjonijiet. Barra minn dan, l-ilmenti li jinsabu fl-opinjoni motivata huma miġbura fil-qosor fin-nuqqas ta’ rispett tal-obbligi li jifformulaw għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull ŻPS, sabiex jiġu żgurati permezz ta’ miżuri vinkolanti, l-għanijiet ta’ protezzjoni, kif ukoll li jiġu stabbiliti mapep ta’ natura vinkolanti u li huma s-suġġett ta’ riklamar adegwat. Min-naħa l-oħra, fir-rikors, ir-rekwiżiti materjali dwar l-istatus legali taż-ŻPS twessgħu konsiderevolment fis-sens li l-Kummissjoni teżiġi li l‑leġiżlazzjoni dwar dawn iż-ŻPS ikun fihom obbligi u projbizzjonijiet speċifiċi għal siti u speċji kif ukoll miżuri konkreti sabiex jiżguraw l-osservanza tad-disposizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”.

34      Bħala eżempju, ir-Repubblika tal-Awstrija b’mod partikolari tindika li l-ilment ibbażat fuq li l-leġiżlazzjoni dwar żoni Ewropej ta’ konservazzjoni adottat mil-Länder ta’ Steiermark u ta’ Niederösterreich ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ma jikkorrispondix mal-espożizzjoni tal-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha. Barra minn dan, fir-rigward tal-Land ta’ Salzburg, il‑Kummissjoni ma identifikatx fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, li l-istatus legali taż-ŻPS ta’ dan il-Land kien insuffiċjenti u barra minn dan kien biss għall-ewwel darba fl-opinjoni motivata li semmet li s-sit ta’ Salzachauen, bħala ŻPS, ma kellux status ta’ protezzjoni legali suffiċjenti.

35      Fir-rigward tat-tieni punt, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li la l-opinjoni motivata u lanqas ir-rikors ma jippermettu li jsir magħruf li huma n-nuqqasijiet invokati mill-Kummissjoni u liema ŻPS huma kkonċernati. Konsegwentement, dan l-Istat Membru ma kienx f’pożizzjoni li jista’ jiddefendi ruħu b’mod effettiv. Barra minn dan, peress li l-kontenut u l-portata tal-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mal-obbligi imposti mid-Direttivi “Għasafar” u “Habitat” ma humiex determinati, ir-Repubblika tal-Awstrija hija suġġetta, matul perijodu illimitat, għar-riskju ta’ proċedura għal nuqqas tagħha li twettaq obbligu li jirriżulta mis-sentenza li għandha tingħata li tikkonstata n-nuqqas li huwa s-suġġett ta’ dan ir‑rikors.

36      Għalhekk, l-ewwel nett fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna l-Land ta’ Burgenland, il-Kummissjoni ma tispeċifikax liema huma s-siti li ma jibbenefikawx minn status ta’ protezzjoni adegwat. Insegwitu, il-Kummissjoni sempliċement tiddeskrivi l‑istatus legali tas-siti fil-Land ta’ Oberösterreich bħala insuffiċjenti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Land ta’ Tirol, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-eżempju tas-sit ta’ Tiroler Lechtal sabiex tikkwalifika d-dispożizzjonijiet kollha li ġew adottati għall-protezzjoni tas-siti Natura 2000 ta’ Tirol tad-dispożizzjonijiet ġenerali li ma jiżgurawx status ta’ protezzjoni suffiċjenti.

37      Fir-rigward tal-ewwel punt, il-Kummissjoni tirribatti li r-rikors u l-opinjoni motivata huma essenzjalment identiċi f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l‑insuffiċjenza tal-istatus ta’ protezzjoni mogħtija lil parti miż-ŻPS diġà kklassifikati. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar żoni Ewropej ta’ konservazzjoni ma kinux esklużi mill-kwistjoni. Barra minn dan, l-obbligi u l‑projbizzjonijiet relatati maż-ŻPS, fi kwalunkwe każ, jorbtu lir-Repubblika tal-Awstrija. Konsegwentement, l-argument li l-espożizzjoni tal-opinjoni motivata ma tkoprix speċifikament l-ilment ibbażat fuq il-livell insuffiċjenti ta’ protezzjoni fil-Länder ta’ Steiermark u ta’ Niederösterreich setgħet biss tiġi miċħuda. Fl-aħħar nett, jekk huwa minnu li s-sitwazzjoni legali fil-Land ta’ Salzburg mhux imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, dan l-Istat Membru ma huwiex iġġustifikat li jikkonkludi li l-ilment ibbażat bħala eżempju għall-istatus ta’ protezzjoni ta’ ŻPS fil-Burgenland ma japplikax għal-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Salzburg, u b’mod partikolari għas-sit ta’ Salzachauen.

38      Fir-rigward tat-tieni punt, il-Kummissjoni ssostni li l-opinjoni motivata għandha tinftiehem b’mod iktar wiesa’, fis-sens li l-livell ta’ protezzjoni li jrid jintlaħaq ġie definit kwalitattivament minn rekwiżiti speċifiċi li jippermettu lir-Repubblika tal-Awstrija tagħraf b’mod ċar għal liema ŻPS miżuri oħra ta’ traspożizzjoni kienu neċessarji u liema forma dawn kien jeħtiġilhom. Dan huwa spjegat f’iktar dettall fit-talba għal kull Land u għal kull ŻPS ikkonċernat, mingħajr ma dan bl-ebda mod ma jibdel is-suġġett tal-kawża. Dan l-Istat Membru kien f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu faċilment fuq dan il-punt u, barra minn dan, huwa għamel użu estensiv minn din il-possibbiltà.

39      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ma jħalli l-ebda dubju fuq il-fatt li, fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, l-ebda ŻPS tal-Länder ta’ Burgenland u ta’ Oberösterreich ma kellha status ta’ protezzjoni adatta, żoni li għalihom ebda għan speċifiku ta’ protezzjoni jew ta’ konservazzjoni ma ġie stabbilit. Anki fil-każ tas-sit tat-Trioler Lechtal hemm nuqqas ta’ għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ konservazzjoni speċifiċi, li jiffokaw fuq is-sitwazzjoni ta’ kull speċji ta’ għasafar. Barra minn dan, l-istatus ta’ protezzjoni kien insuffiċjenti fil-ħdax-il żona Natura 2000 innominati mill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Land.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Għandu jiġi mfakkar li s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa stabbilit bl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’mod li li r-rikors ikollu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħal dawk ta’ din l-opinjoni (ara s‑sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑236/05, Ġabra p. I‑10819, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jiġi estiż iktar. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li ma hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat u l‑osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża. Jekk dan ma huwiex il-każ, irregolarità simili ma tistax tiġi kkunsidrata bħala effettiva minħabba l-fatt li l-Istat Membru konvenut ifformula osservazzjonijiet fuq l-opinjoni motivata (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑186/06, Ġabra p. I‑12093, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Barra minn dan, l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom jippreżentaw l-ilmenti b’mod koerenti u b’mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur ikkontestat tad-dritt tal-Unjoni, kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv il‑motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l‑eżistenza tan-nuqqas allegat (ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

 Dwar it-twessigħ tas-suġġett tar-rikors

43      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm l-opinjoni motivata tindika li numru kbir ta’ ŻPS għadhom nieqsa minn kull leġiżlazzjoni speċifika, li fl-Awstrija normalment tieħu l-forma ta’ “leġiżlazzjoni ta’ żona Ewropea ta’ konservazzjoni”, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-għasafar ikkonċernati, huwa fformulat f’termini li ma jeskludix li ż-ŻPS li għalihom jeżistu “leġiżlazzjoni ta’ żona Ewropea ta’ konservazzjoni” għandhom ikunu koperti minn din l-opinjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar b’mod partikolari li, bħala riżultat ta’ din l‑opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Awstrija infurmat lill-Kummissjoni dwar il‑fatt li ż-żona ta’ konservazzjoni ta’ għasafar ta’ Flachwasserbiotop Neudenstein ġiet iddikjarata fl-2005, żona Ewropea ta’ konservazzjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Kärntner tat-23 ta’ Mejju 2005 (LGBl. Nru 47/2005).

44      It-tieni nett, għandu jingħad li r-rikors tal-Kummissjoni, fejn din tikkunsidra li l‑leġiżlazzjonijiet dwar ŻPS għandhom jinkludu obbligi u projbizzjonijiet speċifiċi għal siti u għal speċji speċifiċi kif ukoll miżuri konkreti sabiex tiġi żgurata l‑osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”, essenzjalment tirriproduċi t-termini tal-opinjoni motivata. Fil-fatt, f’din tal-aħħar, huwa indikat li “b’mod ġenerali, […] inklużjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, jiġifieri speċji ta’ għasafar u rekwiżiti speċifiċi għall-protezzjoni tagħhom u għar-ripristin tal-habitats tagħhom, għandhom, fil-miżuri u fl-obbligi korrispondenti, ikunu element essenzjali ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet dwar dawn iż-żoni protetti”.

45      It-tielet nett, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-leġiżlazzjonijiet dwar iż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni adottati mill-Länder ta’ Steiermark u ta’ Niederösterreich ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex fl-opinjoni motivata u għalhekk dan għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

46      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq status legali ta’ protezzjoni insuffiċjenti ta’ ŻPS tal-Land ta’ Salzburg u, b’mod partikolari, tas-sit ta’ Salzachauen, ma huwiex ikkontestat li l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali ma tinkludi l-ebda referenza għas-sitwazzjoni f’dan il-Land u, b’mod partikolari, f’dak ta’ dan is-sit. Konsegwentement, ir-rikors huwa wkoll inammissibbli peress li jirrigwarda status legali ta’ protezzjoni ta’ ŻPS tal-Land ta’ Salzburg.

47      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li r-rikors huwa inammissibbli peress li jirrigwarda s-sistema legali ta’ protezzjoni ta’ ŻPS tal-Länder ta’ Salzburg, ta’ Steiermark u ta’ Oberösterreich.

 Fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni u ta’ koerenza

48      Huwa stabbilit li l-Kummissjoni tilmenta li r-Repubblika tal-Awstrija ma tatx lil ŻPS diġà kklassifikata, protezzjoni legali skont ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Insostenn ta’ dan l-ilment, hija tindika dawk li temmen li huma n-nuqqasijiet tas-sistema ta’ protezzjoni legali ta’ ŻPS fis-seħħ fl-Awstrija. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni tippreċiża l-ilment ġenerali tagħha billi tirreferi għas-sitwazzjoni eżistenti fil-Länder differenti ta’ dan l-Istat Membru.

49      Għaldaqstant, ma jidhirx li dan l-ilment hekk kif ifformulat huwa impreċiż jew inkoerenti.

50      Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li, jekk l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u ddettaljata tal-motivi li wasslu biex jikkonvinċu lill-Kummissjoni li l-Istat Membru interessat naqas minn wieħed mill-obbligi li ġew imposti fuqu bis-saħħa tat-Trattat, il-Kummissjoni ma hijiex madankollu marbuta li tindika fl-opinjoni motivata l-miżuri li jippermettu l-eliminazzjoni tan-nuqqas ikkontestat (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑394/02, Ġabra p. I‑4713, punt 21 u ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata li tindika dawn il-miżuri fir-rikors tagħha.

51      Fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza ta’ provi li juru l-inadegwatezza tas-sistema ta’ protezzjoni ta’ ŻPS fil-Länder ta’ Burgenland, ta’ Oberösterreich u ta’ Tirol, din għandha tiġi eżaminata fil-mertu.

52      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ammissibbli fil-limiti msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

 Fuq il-mertu

–       L-argumenti tal-partijiet

53      Il-Kummissjoni ssostni li parti miż-ŻPS diġà kklassifikata fl-Awstrija ma tibbenefikax minn protezzjoni legali skont ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva “Għasafar”, u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-obbligi jew il-projbizzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet u li mhux biss għandhom ikunu speċifiċi għaż-ŻPS u għall-ispeċji speċifiċi, iżda wkoll ikunu f’forma vinkolanti kif ukoll is-suġġett ta’ pubbliċità suffiċjenti, għandhom jinsabu fl-istess att legali li jistabbilixxi li għal kull ŻPS, l-ispeċji u l-habitats protetti bħall-għanijiet ta’ konservazzjoni. Għalhekk, b’mod ġenerali, l-istatus legali ta’ protezzjoni ta’ ŻPS hija insuffiċjenti fil-każ fejn il-klassifikazzjoni ta’ ŻPS tkun konnessa ma’ riserva naturali jew kull tip ieħor ta’ sit ikklassifikat eżistenti u protett permezz ta’ miżuri nazzjonali jew reġjonali.

54      Ir-Repubblika tal-Awstrija tirribatti l-ewwel nett li l-argument tal-Kummissjoni, li jgħid li l-obbligi jew projbizzjonijiet dwar l-ispeċji differenti ta’ għasafar għandhom ikunu f’forma vinkolanti u s-suġġett ta’ pubbliċità suffiċjenti, huwa eċċessiv f’fin il-formulazzjoni ġenerali. Insegwitu, l-ebda regola ma timponi li dawn l-obbligi jew projbizzjonijiet għandhom jinsabu fl-istess att legali vinkolanti bħal dak li jiffissa għal kull ŻPS, l-ispeċji u l-habitats protetti kif ukoll l-għanijiet ta’ konservazzjoni. Barra minn dan, l-argument li jgħid li l-għanijiet ta’ konservazzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” għandhom ikunu stabbiliti f’tali strument legali huwa infondat. Fl-aħħar nett, l-Istat Membru konvenut jenfasizza li, minħabba l-fatt li l-protezzjoni ta’ riservi naturali ġeneralment testendi għal kull speċji ta’ annimali u pjanti kif ukoll il-habitat tagħhom u l-pajsaġġ, il-projbizzjonijiet ta’ kull ħsara huma usa’ minn dawk għal “żoni Ewropej ta’ konservazzjoni”, li ġeneralment ifittxu li jipproteġu speċji u habitats speċifiċi.

55      Fl-intervent tagħha, ir-Repubblika tal-Ġermanja tqis li d-Direttivi “Għasafar” u “Habitat” ma jeħtiġux li l-miżuri ta’ protezzjoni u konservazzjoni jikkonsistu f’obbligi jew projbizzjonijiet speċifiċi, jiġifieri jirrigwardaw żoni u suġġetti ta’ protezzjoni speċifiċi. Anki jekk l-Istati Membri huma obbligati li jadottaw dawn l‑obbligi u projbizzjonijiet, dawn id-direttivi bl-ebda mod ma fihom rekwiżiti intiżi għal grad speċifiku. Lanqas ma jirriżulta minn dawn id-direttivi obbligu fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu “għanijiet ta’ konservazzjoni li jridu jintlaħqu” li huma ta’ natura vinkolanti u ħafna inqas li jiddefinixxu dawn fl-istess att legali li jirregola l-proprjetà li għandha tiġi protetta u l-obbligi u l-projbizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu osservati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” tobbliga lill-Istati Membri li jipprovdu liż-ŻPS status legali ta’ protezzjoni li kapaċi, b’mod partikolari, jiżgura is-sopravivenza u r-riproduzzjoni tal-ispeċji ta’ għasafar msemmija fl-Anness I għal dan, kif ukoll ir-riproduzzjoni, il-ħrif u ta’ fejn iqattgħu x-xitwa tagħhom regolarment l-ispeċji migratorji li mhux elenkati f’dan l-Anness (ara s-sentenza tat-18 Marzu 1999, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑166/97, Ġabra p. I‑1719, punt 21; tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 153, u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑293/07, punt 22).

57      Huwa wkoll stabbilit li l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa, kemm għall-ispeċji msemmija fl-Anness I ta’ din kif ukoll għall-ispeċji migratorji, li ssib il-ġustifikazzjoni tagħha fil-fatt li jirrigwarda rispettivament l-ispeċji l-iktar mhedda u l-ispeċji li jikkostitwixxu patrimonju komuni tal-Unjoni Ewropea (sentenzi tal-11 Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds, C‑44/95, Ġabra p. I‑3805, punt 23; tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

58      Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, li l-obbligi tiegħu jissostitwixxu lil dawk li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar” f’dak li jirrigwarda ż-żoni kklassifikati, l-istatus legali ta’ protezzjoni taż-ŻPS għandu wkoll jiggarantixxi, f’dawn, l-evitar ta’ deterjorament tal-habitat naturali u tal-habitats tal-ispeċijiet kif ukoll tfixkil sinjifikattiv li jirrigwarda l-ispeċji li għalihom dawk iż-żoni ġew ikklassifikati (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑415/01, Ġabra p. I‑2081, punt 16, u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

59      Barra minn dan, il-protezzjoni taż-ŻPS ma għandhiex tkun limitata għal miżuri intiżi sabiex jiġu evitati ħsarat u tfixkil estern ikkważati mill-bniedem, imma trid tinkludi wkoll, skont is-sitwazzjoni attwali, miżuri pożittivi għall-konservazzjoni jew għat-titjib tal-istat tas-sit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar’ il fuq, punt 154).

60      Skont l-ifformular tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, li sar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-Direttiva, filwaqt li torbot lill-Istati Membri kollha destinatarji, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Minn dan jirriżulta li r‑Repubblika tal-Awstrija, bħal kull Stat Membru ieħor, tgawdi mill-għażla tal-forma u metodi ta’ implementazzjoni tad-Direttiva “Għasafar” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar’ il fuq, punt 157).

61      Filwaqt li l-eżattezza tat-traspożizzjoni għandha importanza partikolari fir-rigward tad-Direttiva “Għasafar”, sa fejn il-ġestjoni tal-patrimonju komuni huwa fdat, għat-territorju tagħhom, lill-Istati Membri rispettivi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 159), din f’kull każ, ma tistax timponi lil dawn tal-aħħar li jinkludu l-obbligi u l‑projbizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) u (2) tad- Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat” fl-att legali li jiffissa, għal kull ŻPS, l‑ispeċji u l-habitat protetti bħall-għanijiet ta’ konservazzjoni.

62      Fir-rigward ta’ dawn l-obbligi, li l-Kummissjoni ssostni li għandhom ikunu pożittivi u speċifiċi għaż-ŻPS kif ukoll għal speċji speċifiċi, jirriżulta mill-punt 59 ta’ din is-sentenza kif ukoll mill-punt 34 tas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑6/04, Ġabra p. I‑9017), li l-adozzjoni ta’ miżuri pożittivi għall-konservazzjoni u għat-titjib tal-istat ta’ ŻPS ma għandux natura sistematika, iżda jiddependi mis-sitwazzjoni konkreta taż-ŻPS kkonċernata.

63      Fir-rigward tal-projbizzjonijiet li allegatament kellhom ikunu speċifiċi għaż-ŻPS u għal speċji speċifiċi, jekk huwa minnu, pereżempju, li l-protezzjoni taż-ŻPS kontra l-attivitajiet ta’ individwi titlob li huma jiġu ostakolati minn qabel milli jipparteċipaw f’attivitajiet potenzjalment ta’ ħsara (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 208), ma jidhirx li t‑twettiq ta’ dan l-għan neċessarjament jeħtieġ projbizzjonijiet speċifiċi għal kull ŻPS għal kull speċji speċifika, hekk kif jirriżulta mill-punt 20 tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, Ġabra p. I‑10799).

64      F’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-ispeċji u tal-habitats protetti f’kull ŻPS, għandu jiġi osservat li, bħal kif id-delimitazzjoni ta’ ŻPS għandha jkollha forma vinkolanti inkontestabbli (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), l-identifikazzjoni tal-ispeċji li jkunu ġġustifikaw l‑klassifikazzjoni ta’ din iż-ŻPS għandhom jissodisfaw l-istess rekwiżiti. Fil-fatt, jekk dan ma kienx il-każ, l-għan ta’ protezzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar” u l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din, jista’ ma jintlaħaqx għal kollox.

65      F’dak li jirrigwarda l-għanijiet ta’ konservazzjoni, jirriżulta mill-punti 20 u 21 tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li l-istatus legali ta’ protezzjoni li minnu għandhom jibbenefikaw iż-ŻPS ma jimplikax li dawn l-għanijiet għandhom ikunu speċifikati għal kull speċji kkunsidrata separatament. Barra minn dan, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 60 u 61 ta’ din is-sentenza, f’kull każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-għanijiet ta’ konservazzjoni għandhom ikunu fl-istess att legali bħal dak li jirrigwarda l-ispeċji u l-habitats protetti minn ŻPS speċifiku.

66      Fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza ta’ status legali ta’ protezzjoni taż-ŻPS konnessi ma’ riserva naturali jew ma’ kull tip ieħor ta’ sit eżistenti kklassifikat u protetti mill-miżuri nazzjonali jew reġjonali, għandu jiġi mfakkar li, kif indikat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” jipprovdi sistema speċifikament intiża u msaħħa kemm għall-ispeċji elenkati fl-Anness I ta’ din kif ukoll għall-ispeċji migratorji. Din hija n-natura partikolari tas-sistema ta’ protezzjoni li għandhom igawdu minnha ż-ŻPS, b’kuntrast mas-sistema ta’ protezzjoni ġeneralment inqas stretta prevista taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva “Għasafar” għall-ispeċji kollha ta’ għasafar koperti minnha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Royal Society for the Protection of Birds, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 u 24). Madankollu ma jirriżultax li hija biss sistema legali speċifikament iddefinita u implementata għal kull ŻPS li hija suxxettibbli li effettivament tipproteġi dan it‑tip ta’ sit.

67      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il‑mertu tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ġenerali ta’ twettiq tal-obbligi tal-Istat Membru konvenut imsemmi fl-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva “Għasafar” u l‑Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, ma ġiex stabbilit.

68      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat il-mertu tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Länder differenti fit-termini ffissati fl-opinjoni motivata u fil-limiti speċifikati fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

 F’dak li jirrigwarda l-Land ta’ Burgenland

–       L-argumenti tal-partijiet

69      Il-Kummissjoni ssostni li, billi ż-żoni Natura 2000 ma kinux ġew ittrasformati f’żoni Ewropej ta’ konservazzjoni u bi status legali li jirrigwardaw dawn tal-aħħar, ma hemm l-ebda status ta’ protezzjoni adatt għaż-ŻPS tal-Land ta’ Burgenland.

70      Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għal ċerti siti fejn hija tindika li l‑leġiżlazzjonijiet li bihom huma kklassifikati bħala żoni Ewropej ta’ konservazzjoni qed jiġu żviluppati. Huwa biss is-sit ta’ Auwiesen Zickenbachtal li kien ġie nnominat bħala “żona Ewropea ta’ konservazzjoni Auwiesen Zickenbachtal” permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Burgenland, tat-23 ta’ Marzu 2008.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      Jirriżulta kemm mill-argumenti tal-partijiet kif ukoll mill-ittra indirizzata fl-20 ta’ Frar 2007 mir-Repubblika tal-Awstrija lill-Kummissjoni b’risposta għall-opinjoni motivata li, fl-iskadenza tat-terminu ffissat f’din, ebda ŻPS ma kien ġie ikklassifikat fil-Land ta’ Burgenland. Dan it-tieni lment, hekk kif iddikjarat fit-talbiet tar-rikors, jirrigwarda biss ŻPS diġà kklassifikati.

72      Konsegwentement, dan l-ilment, billi jikkonċerna s-sitwazzjoni f’dan il-Land, barra minn hekk huwa mingħajr skop u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 F’dak li jirrigwarda l-Land ta’ Vjenna

–       L-argumenti tal-partijiet

73      Il-Kummissjoni ssostni li l-erba’ ŻPS ta’ dan il-Land, li ġew biss ikklassifikati fis-17 ta’ Ottubru 2007, ma jibbenefikawx minn status legali li jagħtihom protezzjoni suffiċjenti.

74      Ir-Repubblika tal-Awstrija tirribatti li dawn iż-ŻPS huma protetti b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva “Għasafar” kif ukoll l‑Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva “Habitat”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Huwa stabbilit li s-siti inkwistjoni f’din il-kawża ma kinux is-suġġett ta’ klassifikazzjoni bħala ŻPS fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata.

76      Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi u għall-istess raġuni bħal dik stabbilita fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, dan it-tieni lment għandu jiġi miċħud billi jirrigwarda s-sitwazzjoni fil-Land ta’ Vjenna.

 F’dak li jirrigwarda l-Land ta’ Kärntner

–       L-argumenti tal-partijiet

77      Skont il-Kummissjoni, l-istatus legali taż-żona Ewropea ta’ konservazzjoni ta’ għasafar ta’ Flachwasserbiotop Neudenstein, l-uniku ŻPS li ġie kklassifikat qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jagħti protezzjoni suffiċjenti lil din iż-żona, minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi la l-miżuri u l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi dwar l-għasafar li huma speċifikament effettwati u lanqas rappreżentazzjoni kartografika ta’ din iż-ŻPS.

78      Ir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement tikkonferma l-eżistenza ta’ dan iż-ŻPS.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni tal-Gvern tal-Land ta’ Kärntner, tat-23 ta’ Mejju 2005, dwar din iż-ŻPS jipprovdi li, sa fejn il‑kundizzjonijiet ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-leġiżlazzjoni tal-istess Gvern, tat-8 ta’ Novembru 1994, ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali ta’ dan il-Land Nru 92/1994, jiggarantixxu protezzjoni suffiċjenti, ma huwiex neċessarju li jiġi addizzjonalment iffissati obbligi, projbizzjonijiet, restrizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u miżuri ta’ konservazzjoni għaż-zona Ewropea ta’ konservazzjoni ta’ Flachwasserbiotop Neudenstein.

80      Barra minn dan, l-Artikolu 3 ta’ din l-istess leġiżlazzjoni tat-23 ta’ Mejju 2005 tipprovdi li din tirrigwarda l-preservazzjoni, l-iżvilupp jew ir-ripristin ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċji protetti msemmija fl-Anness.

81      F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punt 65 ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ kull prova oħra li tindika li t-twettiq tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-ispeċji ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “Għasafar”, u li huma l-ispeċi msemmija fl-Anness għal din il-leġiżlazzjoni, tkun teħtieġ, f’dan il-każ, dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk adottati mill-Gvern tal-Land ta’ Kärntner, l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fuq dan il-punt.

82      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ rappreżentazzjoni kartografika ta’ din iż-ŻPS, għandu jiġi kkonstatat li jekk tali rappreżentazzjoni tista’ tipprovdi delimitazzjoni ċara ta’ sit, hija ma tikkostitwixxix, hekk kif innotat l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tagħha, l-unika forma possibbli u affidabbli tad-delimitazzjoni ta’ sit.

83      Għalhekk, l-ilment tal-Kummissjoni għandu wkoll jiġi miċħud fir-rigward ta’ dan il-punt.

84      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud minħabba li jirrigwarda s‑sitwazzjoni fil-Land ta’ Kärntner.

 F’dak li jirrigwarda l-Land ta’ Oberösterreich

–       L-argumenti tal-partijiet

85      Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ protezzjoni fis-seħħ fil-ħdax-iż ŻPS innotifikati ta’ dan il-Land hija insuffiċjenti. Minn naħa, ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni dwar iż-ŻPS ta’ Maltsch, ta’ Wiesengebiete im Freiwald, ta’ Pfeifer Anger, ta’ Oberes Donautal u ta’ Untere Traun. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni applikabbli għaż-ŻPS ta’ Traun-Donau-Auen, ta’ Ettenau, ta’ Frankinger Moos, ta’ Dachstein, ta’ Unterer Inn u ta’ Nationalpark Kalkalpen ma jipprovdux protezzjoni adegwata.

86      Il-Kummissjoni tallega li, għal dak li jirrigwarda ż-ŻPS ta’ Ettenau, ta’ Traun-Donau-Auen u ta’ Frankinger Moos, hemm leġiżlazzjonijiet ġenerali dwar ir‑riżervi naturali li jirregolaw, fl-aħħar żewġ każijiet, l-interventi awtorizzati biss. Fir-rigward taż-ŻPS ta’ Dachstein, ta’ Unter Inn u ta’ Nationalpark Kalkalpen, dawn huma koperti mil-leġiżlazzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw liż-żoni Ewropej ta’ konservazzjoni li essenzjalment jipprovdu projbizzjoni ġenerali ta’ intervent.

87      Ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li l-leġiżlazzjonijiet li huma nieqsa qed jiġu żviluppati mill-Gvern tal-Land ta’ Oberösterreich. Madankollu, hija tiċħad l‑argument tal-Kummissjoni li ż-ŻPS kollha ta’ dan il-Land huma nieqsa minn status ta’ protezzjoni suffiċjenti. Għalhekk, iż-ŻPS li bħalissa huma protetti bħala riservi naturali jibbenefikaw taħt l-Artikolu 25 tal-liġi tal-2001 dwar il-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ ta’ Oberösterreich (Oö. Natur-und Landschaftsschutzgesetz 2001, LGBl. Nru 129/2001), minn protezzjoni assoluta li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva “Għasafar”. Barra minn dan, dan l-Istat Membru ċċita bħala eżempju ta’ ŻPS li jgawdi minn status ta’ protezzjoni suffiċjenti, iż-ŻPS ta’ Dachstein u ta’ Nationalpark Kalkalpen, fejn isemmi serje ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li huma speċifikament intiżi għall-konservazzjoni tal-għasafar.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88      F’dak li jirrigwarda iż-ŻPS ta’ Maltsch, ta’ Wiesengebiete im Freiwald, ta’ Pfeifer Anger, ta’ Oberes Donautal u ta’ Untere Traun, jidher li l-ebda leġiżlazzjoni rilevanti ma ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni jew speċifikata fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, l-ilment tal-Kummissjoni dwar l‑insuffiċjenza tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda dawn iż-ŻPS hija fondata.

89      Għal dak li jirrigwarda s-sistema legali ta’ ŻPS oħra, għandu jiġi kkonstatat li fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni mill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta ta’ kull żona, li sistema bħal din hija insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti rilevanti tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”, hija ma pprovatx il-fondatezza tat-talba tagħha, billi l-allegazzjonijiet tagħha ma humiex suffiċjentement iddettaljati, u għalhekk hija għandha tiġi miċħuda f’dan ir-rigward.

90      Minn dan isegwi li t-tieni lment, sa fejn jikkonċerna s-sitwazzjoni fil-Land ta’ Oberösterreich, ma jistax jintlaqa’ billi jirreferi għaż-ŻPS ta’ Maltsch, ta’ Wiesengebiete im Freiwald, ta’ Pfeifer Anger, ta’ Oberes Donautal u ta’ Untere Traun.

 F’dak li jirrigwarda l-Land ta’ Vorarlberg

–       L-argumenti tal-partijiet

91      Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjonijiet fis-seħħ f’dan il-Land ma jipprovdux, għaż-ŻPS, għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ konservazzjoni speċifiċi, la miżuri konkreti u lanqas obbligi jew projbizzjonijiet. Fir-rigward, b’mod partikolari, taż-ŻPS ta’ Klostertaler Bergwälder, il-Kummissjoni tenfasizza l-insuffiċjenza tal-protezzjoni mogħtija lil din iż-żona mill-pjan ta’ ġestjoni tal-foresti adottat mill-Gvern tal-Land ta’ Vorarlberg. F’dak li jirrigwarda ż-ŻPS ta’ Verwall, dan huwa speċifikament protett permezz ta’ leġiżlazzjoni ta’ dan il-Gvern, madankollu adottat wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, li fiha obbligi, projbizzjonijiet u dispożizzjonijiet għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tas-sit kif ukoll tal-ispeċji protetti preżenti f’din tal-aħħar.

92      Ir-Repubblika tal-Awstrija tirribatti li ż-ŻPS ta’ Rheindelta, ta’ Lauteracher Ried, ta’ Bangser Ried u ta’ Matschels huma koperti minn leġiżlazzjonijiet ta’ żona protetta li jipprojbixxu miżuri u użu li jiddeterjoraw il-habitats tal-ispeċji li għalihom dawn iż-żoni huma ddedikati jew li jikkawżaw tfixkil sinjifikattiv lil dawn l-ispeċji. Fir-rigward taż-ŻPS ta’ Klostertaler Bergwälder, il-pjan tal-foresti li jikkonċernaha kien ippreparat, b’mod li jkun ta’ natura vinkolanti, f’isem l‑awtoritajiet sabiex jimplementaw il-miżuri ta’ konservazzjoni li huma neċessarji sabiex jinżamm stat ta’ konservazzjoni favorevoli għall-ispeċji ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” u li jinsabu fis-sit.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Għandu jingħad li l-Artikolu 13(2) tal-Liġi tal-protezzjoni tan-natura (LGBl. Nru 36/2003) jipprovdi li l-Gvern tal-Land ta’ Vorarlberg, sa fejn huwa meħtieġ, għandu jiddeċiedi, permezz ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni jew ftehimiet oħra, jew permezz ta’ deċiżjoni jew ta’ leġiżlazzjoni, il-miżuri għaż-żamma, għall-iżvilupp u għall-konservazzjoni ta’ żoni msemmija skont ir-rekwiżiti ambjentali, b’mod partikolari, tal-ispeċji ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” u preżenti f’dawn iż-żoni.

94      L-Artikolu 14 ta’ din il-leġiżlazzjoni jipprovdi projbizzjoni espliċita ta’ deterjorament, filwaqt li l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi evalwazzjoni tal-impatt u, fejn xieraq, obbligu ta’ awtorizzazzjoni fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni li jirriżultaw mir-rekwiżiti relatati ma’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u tal-speċijiet indikati fl-Anness li huma determinanti għan-nomina taż-żona.

95      Ma’ dawn għandhom jiżdiedu l-miżuri indikati mir-Repubblika tal-Awstrija u li huma msemmija fil-punt 92 ta’ din is-sentenza għaż-ŻPS ta’ Rheindelta, ta’ Lauteracher Ried, ta’ Bangser Ried, ta’ Matschels u ta’ Klostertaler Bergwälder.

96      F’dan il-kuntest, b’mod partikolari fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punt 65 ta’ din is-sentenza u fin-nuqqas ta’ kull prova li tindika li t-twettiq tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-ispeċji ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Għasafar” jimponi, f’dan il-każ, dispożizzjonijiet iktar iddettaljati minn dawk adottati mill-Gvern tal-Land ta’ Vorarlberg, l-ilment tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud billi jikkonċerna iż-ŻPS imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

97      Fir-rigward taż-ŻPS ta’ Verwall, kuntrarjament għaż-ŻPS msemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li dan is-sit ibbenefika minn protezzjoni legali speċjali fir-rigward tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Barra minn dan, billi dan il-gvern kien adotta ftit wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, leġiżlazzjoni li tintroduċi serje ta’ miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi, f’dan il-każ għandu jiġi kkunsidrat li din iż-ŻPS ma kinitx suffiċjentement protetta sal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Konsegwentement, f’dan ir-rigward ir-rikors huwa fondat.

98      Għaldaqstant, it-tieni lment, sa fejn jikkonċerna s-sitwazzjoni fil-Land ta’ Vorarlberg, għandu jintlaqa’ fir-rigward taż-ŻPS ta’ Verwall.

 F’dak li jirrigwarda l-Land ta’ Tyrol

–       L-argumenti tal-partijiet

99      Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni ġenerali fis-seħħ f’dan il-Land ma jistabbilixxix status ta’ protezzjoni suffiċjenti għaż-ŻPS li jinsabu fih. Huwa minnu li l-Gvern tal-Land ta’ Tirol adotta leġiżlazzjoni li fih lista ta’ ħdax-il żona Natura 2000, iżda dan l-att ma jispeċifika la l-ispeċji tal-għasafar protetti, la l‑għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ konservazzjoni, u lanqas ir-regoli ta’ mġiba essenzjali li jridu jiġu rrispettati. Fin-nuqqas tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi, dawn b’mod ġenerali jiġu ssostitwiti mill-protezzjoni ta’ habitats u ta’ għasafar imsemmija fid-data teknika standard, skont l-Artikolu 14(11) tal-Liġi 1997 dwar il-protezzjoni tan-natura tal-Land ta’ Tirol, fil-verżjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju, 2004 (LGBl. Nru 50/2004, iktar ’il quddiem it-“TNSchG”). Il‑Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li l-istatus ta’ protezzjoni taż-ŻPS tat-Tiroler Lechtal hija insuffiċjenti.

100    Ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li l-implementazzjoni tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat” ġie integrat fis-sistema ta’ protezzjoni diġà żviluppati u b’mod partikolari jinkludi riservi naturali, parks naturali, żoni ta’ protezzjoni tal-pajsaġġ, żoni ta’ trankwillità u siti protetti. Din l-implementazzjoni kkonsistiet fil-fatt li jintrabtu r-regoli ta’ dawn id-direttivi ma dawk diġà eżistenti fiż-żoni ta’ protezzjoni u sabiex jissupplimentaw tali regoli. F’dawn iż-żoni ta’ protezzjoni, huma imposti numru ta’ projbizzjonijiet, obbligi u sistemi ta’ awtorizzazzjoni.

101    Fuq il-bażi ta’ proġett adottat fix-xahar ta’ Diċembru 2004, iż-ŻPS kollha tal-Land ta’ Tirol huma suġġetti għal ġestjoni kkoordinata maħsuba sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ protezzjoni ffissati għal kull żona kif ukoll sabiex jiġi żgurat permanentament, il-konservazzjoni ta’ speċji ta’ għasafar eżistenti f’kull żona kkonċernata. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li s-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 14 tat-TNSchG jiżgura protezzjoni suffiċjenti taż-ŻPS sad-definizzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni minn leġiżlazzjoni speċifika.

102    L-Istat Membru konvenut jesponi b’mod iddettaljat is-sistema ta’ protezzjoni applikabbli għaż-ŻPS tat-Tiroler Lechtal u jsostni li huwa suffiċjenti fir-rigward tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

103    Għandu jingħad li skont il-punt 9 tal-Artikolu 3(9) tat-TNSchG, l-għanijiet ta’ konservazzjoni huma ddefiniti bħala ż-żamma u rripristinar ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ speċji msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “Għasafar” u fl-Artikolu 4(2) tiegħu, li huma preżenti f’żona Ewropea ta’ konservazzjoni ta’ għasafar jew tal-habitats tagħhom.

104    Permezz tal-Artikolu 14(3) tat-TNSchG, il-Gvern ta’ dan il-Land għandu jiffissa, permezz ta’ leġiżlazzjonijiet, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull sit Natura 2000 u, jekk meħtieġ, id-dispożizzjonijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji sabiex jinkiseb stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

105    L-Artikolu 14(11) tat-TNSchG jipprovdi, f’dak illi jirrigwarda l-perijodu transitorju qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet, li l-għanijiet ta’ konservazzjoni huma temporanjament issostitwiti mill-protezzjoni tal-habitats kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa, inklużi l-għasafar, li jinsabu fil-formolarji standard ta’ data.

106    Dan it-tip ta’ formolarju, previst mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/266/KE, tat-18 ta’ Diċembru 1996, dwar format ta’ tagħrif fuq is-siti għas-siti proposti għan-Natura 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 162), u li hu aċċettat bħala li huwa, permezz tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Land ta’ Tirol, ippubblikat u li jista’ jiġi użat kontra terzi, isemmi l-ispeċji ta’ għasafar li ġġustifikaw il-klassifikazzjoni tas-sit ikkonċernat bħala ŻPS. Barra minn dan, dan il-formolarju fih ukoll, fost l-oħrajn, deskrizzjoni tas-sit, ħarsa ġenerali lejn il-kwalità u l-importanza ta’ dan, b’mod partikolari minħabba l-għanijiet ta’ konservazzjoni tad-Direttiva “Għasafar” kif ukoll evalwazzjoni ta’ dan is-sit għal kull wieħed minn dawn l-ispeċji.

107    Barra minn dan, ma huwiex ikkontestat, li f’kull wieħed miż-ŻPS ta’ dan il-Land, huma imposti projbizzjonijiet numerużi, obbligi u proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, li, għal kull waħda minn dawn iż-żoni, jiżdiedu mal-obbligi ta’ awtorizzazzjoni u mal-projbizzjonijiet legali ġenerali.

108    Għalhekk, pereżempju, jirriżulta mill-fajl li, fir-riservi naturali, il-kostruzzjoni, il‑bini jew l-installazzjoni ta’ faċilitajiet, il-kostruzzjoni, l-estensjoni jew ir‑rilokazzjoni ta’ toroq u mogħdijiet, l-iskavar jew il-mili ta’ artijiet oħra barra minn dawk is-siti ta’ kostruzzjoni magħluqa, il-ħolqien ta’ afforestazzjoni ġdida, inżul u tluq fil-kampanja, kwalunkwe ħaġa li tiġġenera ħsejjes konsiderevoli, l‑applikazzjoni ta' fertilizzant, l-użu ta’ prodotti tossiċi u ta’ kull vettura bil-mutur huma fil-prinċipju pprojbiti. Fiż-ŻPS, ma’ dawn il-projbizzjonijiet trid tiżdied projbizzjoni ġenerali ta’ aċċess.

109    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala stabbilit li s-sistema ta’ protezzjoni taż-ŻPS fis-seħħ fil-Land ta’ Tirol hija insuffiċjenti fir-rigward tal-Artikolu 4(1) jew (2) tad-Direttiva “Għasafar” u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha.

110    Dan huwa b’mod partikolari veru fir-rigward taż-ŻPS ta’ Tiroler Lechtal, li jibbenefika wkoll mill-protezzjoni bħala park naturali, u li parti minnu, jiġifieri t‑Tiroler Lech, kienet ikklassifikata bħala riżerva naturali.

111    Il-konklużjonijiet fiż-żewġ punti preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati mill-fatt li l-Artikolu 14(3) tat-TNSchG jipprovdi li l-Gvern tal-Land ta’ Tirol għandu jiffissa, permezz ta’ leġiżlazzjoni, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal kull sit Natura 2000. Fil-fatt, anki jekk tali sistema tista’ tkun imtejba, dan ma jfissirx li, f’dan il-każ, is-sistema diġà fis-seħħ f’dan il-Land hija insuffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ konservazzjoni.

112    Konsegwentement, it-tieni lment għandu jiġi miċħud, f’dak illi jikkonċerna s‑sitwazzjoni fil-Land ta’ Tirol.

113    Fir-rigward taż-ŻPS fejn ġie kkonstatat, f’dan il-każ, li huma ma jibbenefikawx minn status legali ta’ protezzjoni suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi “Għasafar” u “Habitat”, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma tiddisponix minn informazzjoni li tippermettilha tiddetermina jekk l-ispeċji li permezz tagħhom dawn iż-ŻPS ġew ikklassifikati jaqgħux taħt l‑Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “Għasafar” jew taħt waħda minnhom.

114    Għalhekk, f’dan ir-rigward huwa meħtieġ li ssir referenza għall-Artikolu 4 tad‑Direttiva “Għasafar”.

115    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li r‑Repubblika tal-Awstrija:

–        meta naqset li tinnomina bħala ŻPS is-sit ta’ Hanság, fil-Land ta’ Burgenland, u tiddelimita ż-ŻPS f’Niedere Tauern, fil-Land ta’ Steiermark, b’mod korrett, konformi ma’ kriterji ornitoloġiċi, skont l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva “Għasafar”, u

–        meta naqset li tipprovdi protezzjoni legali liż-ŻPS ta’ Maltsch, ta’ Wiesengebiete im Freiwald, ta’ Pfeifer Anger, ta’ Oberes Donautal u ta’ Untere Traun, fil-Land ta’ Oberösterreich, kif ukoll liż-ŻPS ta’ Verwall, fil‑Land ta’ Vorarlberg, konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva “Għasafar” u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitat”, moqri flimkien mal‑Artikolu 7 ta’ din l-aħħar direttiva,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

116    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l‑ispejjeż tagħha, b’mod partikolari meta l-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Fil-kawża preżenti, peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

117    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti f’din il-kawża, għandha tbati l‑ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika tal-Awstrija:

–        meta naqset li tinnomina bħala żona ta’ protezzjoni speċjali s-sit ta’ Hanság, fil-Land ta’ Burgenland, u tiddelimita ż-żona ta’ protezzjoni speċjali f’Niedere Tauern, fil-Land ta’ Steiermark, b’mod korrett, konformi ma’ kriterji ornitoloġiċi, skont l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il‑konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi, u

–        meta naqset li tipprovdi protezzjoni legali liż-żoni ta’ protezzjoni speċjali ta’ Maltsch, ta’ Wiesengebiete im Freiwald, ta’ Pfeifer Anger, ta’ Oberes Donautal u ta’ Untere Traun, fil-Land ta’ Oberösterreich, kif ukoll liż-żona ta’ protezzjoni speċjali ta’ Verwall, fil-Land ta’ Vorarlberg, konformi mar-rekwiżiti tal‑Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409/KEE u tal-Artikolu 6(2) tad‑Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi, moqri flimkien mal-Artikolu 7 ta’ din l-aħħar direttiva,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont dawn id-dispożizzjonijiet.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top