EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0521

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-11 ta' Ġunju 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' l-Olanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea - Artikolu 40 - Moviment liberu tal-kapital - Diskriminazzjoni fit-trattament tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji Olandiżi - Taxxa f’ras il-għajn - Eżenzjoni - Kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri tal-Komunità - Kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Iżlanda jew fin-Norveġja.
Kawża C-521/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:360

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea — Artikolu 40 — Moviment liberu tal-kapital — Diskriminazzjoni fit-trattament tad-dividendi mħallsa minn kumpanniji Olandiżi — Taxxa f’ras il-għajn — Eżenzjoni — Kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri tal-Komunità — Kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Islanda jew fin-Norveġja”

Fil-Kawża C-521/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Novembru 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. van Nuffel u R. Lyal, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. M. Wissels u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), K. Schiemann, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Dámaso Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma eżentax id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji stabbiliti fl-Islanda jew fin-Norveġja mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi bl-istess kundizzjonijiet bħad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji Olandiżi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim ŻEE u d-dritt Komunitarju

2

Skont it-termini tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE:

“Fil-kuntest tal-ftehim preżenti, ir-restrizzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti għall-moviment tal-kapital ta’ persuni li jirresjedu fl-Istati Membri tal-[Komunità Ewropea] jew tal-Istati tal-[Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA)], kif ukoll id-diskriminazzjoni fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dan il-kapital huwa investit, huma […] ipprojbiti. Id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu jinsabu fl-Anness XII.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

L-imsemmi Anness XII, bit-titolu “Moviment liberu tal-kapital” jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10).

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri […]”

5

Skont it-termini tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva:

“Din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha rekwiżiti biex jevitaw vjolazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, inter alia fil-qasam tat-tassazzjoni […]

L-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u proċeduri ma għandhiex ikollha l-effett li timpedixxi movimenti ta’ kapital mwettqa skond il-liġi tal-Komunità.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6

L-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dividendi (Wet op de dividendbelasting), tat-23 ta’ Diċembru 1965 (iktar ‘il quddiem il-“Wet DB”), jipprovdi:

“Taħt l-isem ta’ ‘taxxa fuq id-dividendi’ għandha tiġi imposta taxxa diretta fuq dawk li — direttament jew permezz ta’ ċertifikati — jibbenefikaw minn dħul minn ishma, minn ċertifikati ta’ dividendi u minn self, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 10(1)(d) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1969 [(Wet op de vennootschapsbelasting 1969, iktar ‘il quddiem il-“Wet Vpb”], ta’ kumpanniji anonimi, kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata, kumpanniji in akkomandita u kumpanniji oħrajn stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li l-kapital tagħhom huma maqsum totalment jew parzjalment f’ishma.”

7

Skont it-termini tal-Artikolu 4 tal-Wet DB:

“1.   It-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul minn ishma, minn ċertifikati ta’ dividendi, u minn self bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 10(1)(d) tal-[Wet Vpb] tista’ ma tiġix imposta jekk:

a.

l-eżenzjoni tal-ishma, prevista fl-Artikolu 13 tal-[Wet Vpb] jew il-ħlas tal-ishma previst fl-Artikolu 13aa tal-imsemmija liġi japplikaw għall-vantaġġi li l-benefiċjarju tad-dħul jieħu minn dawn l-ishma, ċertifikati ta’ dividendi u self, u s-sehem jagħmel parti mill-assi tal-impriża tiegħu ġestita fil-Pajjiżi l-Baxxi;

[…]

2.   It-taxxa mhijiex imposta fuq id-dħul minn ishma, minn ċertifikati ta’ dividendi u minn self bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 10(1)(d) tal-[Wet Vpb] jekk il-benefiċjarju tad-dħul huwa entità stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

il-benefiċjarju tad-dħul u l-persuna taxxabbli għandhom waħda mill-forom ġuridiċi elenkati fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), jew forma ġuridika indikata permezz ta’ digriet ministerjali;

fid-data li fiha d-dħul jitqassam, il-benefiċjarju huwa azzjonarju ta’ mill-inqas 5% tal-kapital nominali mħallas tal-persuna taxxabbli jew għandu, f’din id-data, sehem fil-persuna taxxabbli li kien ikun applikabbli għaliha l-Artikolu 13(5) jew (14) tal-[Wet Vpb] kieku din kienet stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi;

il-benefiċjarju tad-dħul u l-persuna taxxabbli huma suġġetti, fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, mingħajr il-possibbiltà ta’ għażla u mingħajr ma jkunu eżenti, għat-taxxa li hija imposta fuq id-dħul, kif prevista fl-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva;

fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, il-benefiċjarju tad-dħul u l-persuna taxxabbli mhumiex ikkunsidrati bħala stabbiliti barra l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea skont konvenzjoni sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja konkluża ma’ Stat terz;

[…]”

8

Skont it-termini tal-Artikolu 13 tal-Wet Vpb:

“1.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dħul, m’għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-vantaġġi mill-ishma kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-akkwist jew mal-bejgħ ta’ dawn l-ishma (eżenzjoni tal-ishma).

2.   Hemm sehem jekk il-kumpannija taxxabbli:

a.

hija, għal mill-inqas 5 fil-mija tal-kapital nominali mħallas, azzjonarja f’kumpannija li l-kapital tagħha huwa totalment jew parzjalment maqsum f’ishma;

[…]”

9

F’dak li jikkonċerna l-kumpanniji stabbiliti fl-Islanda u fin-Norveġja, fil-liġi Olandiża ma teżistix dispożizzjoni speċifika li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huma jistgħu jinvokaw l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Huwa fuq il-bażi ta’ ftehim bilaterali sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, konklużi ma’ dawn l-Istati partijiet fil-Ftehim ŻEE li t-taxxa fuq id-dividendi mhijiex imposta f’każ ta’ sehem fil-kapital ta’ kumpannija Olandiża ta’ mill-inqas 10% (Artikolu 10 tal-ftehim dwar taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika tal-Islanda, iffirmat fil-25 ta’ Settembru 1997) jew ta’ mill-inqas 25% (Artikolu 10 tal-ftehim dwar taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital bejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tan-Norveġja, iffirmat fit-).

Il-proċedura prekontenzjuża

10

Peress li qieset li d-dividendi mħallsa lil kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu qed jirċievu trattament iktar favorevoli mid-dividendi mħallsa lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn u fi Stati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u li, konsegwentement, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma osservax l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, b’ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru jipprovdi spjegazzjonijiet.

11

Minħabba li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sempliċiment ifformula risposti provviżorji, mingħajr ma kkumenta fuq il-mertu, fis-6 ta’ Lulju 2006 il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata bl-istess ilmenti, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu fi żmien xahrejn li jibdew jiddekorru minn meta huwa jirċievi din l-opinjoni.

12

L-imsemmi Stat Membru rrisponda għal din l-opinjoni b’ittra tas-7 ta’ Settembru 2006, fejn ippreċiża li Wet DB ser tiġi adattata, mill-, f’dak li jikkonċerna d-dividendi mħallsa lil kumpanniji stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri l-oħrajn tal-Komunità. Din l-emenda, li seħħet qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors, wasslet għall-adozzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-Wet DB kif riprodott fil-punt 7 ta’ din is-sentenza.

13

Min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna, f’dak li jikkonċerna l-allegat ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, li l-liġi Olandiża kkonċernata ma tinvolvix ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital u li, anki jekk dan kien il-każ, dan huwa ostakolu ġġustifikat.

14

Filwaqt li ammettiet li l-emenda tal-Artikolu 4 tal-Wet DB żgurat il-kompatibbiltà tal-liġi Olandiża mat-Trattat, f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħrajn tal-Komunità, il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli l-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u li tippreżenta dan ir-rikors f’dak li jikkonċerna l-ilment dwar nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

15

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003 Ospelt en Schlössle Weissenberg (C-452/01, Ġabra p. I-9743, punti 28, 29 u 32), li l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll l-Anness XII ta’ dan il-ftehim għandhom l-istess portata legali bħad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE. Hija tindika, barra minn hekk, li l-Qorti EFTA ddeċidiet bl-istess mod fis-sentenzi tat- Fokus Bank Norway (E-1/04, EFTA Court Report, p. 22, punt 23), u tal-, Paolo Piazza (E-10/04, EFTA Court Report, p. 100, punt 33).

16

Hija tqis li l-liġi Olandiża toħloq diskriminazzjoni bejn it-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa lil kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi jew, minn issa, fi Stat Membru ieħor tal-Komunità u dak tad-dividendi mħallsa lil kumpannija stabbilita fl-Islanda jew fin-Norveġja.

17

Hija tirreleva, fil-fatt, li d-dividendi ta’ kumpannija Olandiża mħallsa lil kumpannija Olandiża oħra jew lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Komunità huma eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi tal-ewwel kumpannija jekk it-tieni waħda għandha mill-anqas 5% tal-kapital tal-ewwel waħda, filwaqt li d-dividendi ta’ kumpannija Olandiża mħallsa lil kumpannija stabbilita fl-Islanda jew fin-Norveġja huma eżenti mill-imsemmija taxxa jekk hija jkollha mill-anqas 10% (fir-rigward tal-kumpanniji Islandiżi) jew 25% (fir-rigward tal-kumpanniji Norveġiżi) tal-kapital tal-kumpannija Olandiża kkonċernata.

18

Din id-diskriminazzjoni tikser il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital, minħabba li għandha l-effett li tagħmel inqas vantaġġuż l-investiment f’kumpanniji Olandiżi għal kumpanniji stabbiliti fl-Islanda jew fin-Norveġja milli għal kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stati Membri oħrajn tal-Komunità. Barra minn hekk, hija tagħmilha iktar diffiċli, għal kumpannija Olandiża, li tiġbed kapital mill-Islanda u min-Norveġja jew minn Stat Membru ieħor tal-Komunità.

19

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali diskriminazzjoni tmur kontra l-Artikolu 56 KE fis-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amutra (C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 28), fir-rigward ta’ dividendi mħallsa lil kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li, fiż-żmien rilevanti fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ma kinux eżenti bl-istess mod bħal dawk mħallsa lil kumpanniji Olandiżi.

20

Bħal f’din il-kawża, il-liġi fiskali inkwistjoni tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju u, għalhekk, mal-Ftehim ŻEE, biss jekk id-differenza fit-trattament li hija tinvolvi kienet tirrigwarda sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli jew jekk kienet iġġusitifkata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

21

Il-Kummissjoni ssostni, filwaqt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta, li s-sitwazzjoni tal-kumpanniji Islandiżi u Norveġiżi hija oġġettivament komparabbli ma’ dik tal-kumpanniji Olandiżi fir-rigward tar-riskji ta’ tassazzjoni doppja fuq id-dħul ta’ kumpanniji Olandiżi li huma għandhom parti mill-kapital tagħhom.

22

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri intiżi, f’tali każ, li jipprevjenu tassazzjoni doppja għandhom ikunu estiżi għall-kumpanniji kollha barranin li jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ kapital. Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 37).

23

Il-Kummissjoni tammetti li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jadotta miżuri sabiex jiġġieled abbużi tal-libertajiet tas-suq intern, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-kapital, taħt l-Artikolu 58 KE u, f’dan il-każ, taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 88/361, imsemmija fl-Anness XII tal-Ftehim ŻEE, artikolu li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom id-dritt li “jieħdu l-miżuri kollha rekwiżiti biex jevitaw vjolazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, inter alia fil-qasam tat-tassazzjoni”.

24

Madankollu, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jindikax liema abbużi għandhom jiġu miġġielda bir-rifjut ta’ eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi tal-ħlas ta’ dividendi lil kumpanniji stabbiliti fl-Islanda jew fin-Norveġja.

25

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-obbligi li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-kapital bejn Stati Membri tal-Komunità ma jistgħux ikunu purament u sempliċiment trasposti għar-relazzjonijiet bejn dawn u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja inkwantu Stati tal-EFTA. Dan jirriżulta mill-fatt li, f’dawn l-aħħar żewġ Stati mhijiex applikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta [u tat-tassazzjoni ta’ premiums ta’ assigurazzjoni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE tas- (ĠU L 359, p. 30, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 77/799”).

26

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-ġlieda kontra r-riskji ta’ frodi fiskali u ta’ abbuż ma tikkostitwixxix l-unika ġustifikazzjoni għad-differenza, prevista mil-liġi tiegħu, fit-trattament tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri tal-Komunità u ta’ dawk mħallsa lil kumpanniji stabbiliti fl-Islanda jew fin-Norveġja.

27

Fil-fatt, skont din il-liġi, minbarra l-kundizzjoni li s-sehem ikun ta’ mill-anqas 5% tal-kapital, il-benefiċjarju tad-dividendi nnifsu għandu wkoll jissodisfa żewġ kundizzjonijiet sabiex ikollu dritt għall-eżenzjoni inkwistjoni, kundizzjonijiet li japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet ta’ natura purament nazzjonali u li mhumiex diskriminatorji, minħabba li l-benefiċjarju għandu, minn naħa, jkun suġġett għal taxxa fuq id-dħul u, min-naħa l-oħra, ikun il-benefiċjarju finali tad-dividendi.

28

L-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tista’ tkun faċilment kontrollata bejn l-Istati Membri permezz tan-natura vinkolanti tad-Direttiva 77/799, filwaqt li l-konvenzjonijiet bilaterali konklużi mar-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, minħabba li mhumiex strumenti ġuridiċi Komunitarji, ma jippermettux li Stat Membru jew il-Kummissjoni jitolbu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minnhom.

29

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis għaldaqstant li n-nuqqas ta’ strument ġuridiku Komunitarju fir-relazzjonijiet tiegħu mar-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja jiġġustifika d-differenzi fil-kundizzjonijiet tal-għoti tal-eżenzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi għall-ishma miżmuma minn kumpanniji stabbiliti f’dawn iż-żewġ Stati.

30

Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tinsisti min-naħa l-oħra fuq il-fatt li l-konvenzjonijiet bilaterali kkonċernati huma legalment vinkolanti għall-imsemmija Stati. Anki li kieku kien ikun iktar diffiċli li tinkiseb l-osservanza tal-obbligi tad-dritt internazzjonali milli li tinkiseb l-osservanza, fil-kuntest tal-Komunità, tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, dan ma jfissirx li dawn il-konvenzjonijiet jisfaw irrilevanti fil-kuntest tar-risposta għad-domanda dwar jekk id-diskriminazzjoni li saret fil-konfront tal-kumpanniji Islandiżi u Norveġiżi hijiex fi proporzjon mal-għan imfittex, jiġifieri l-irkupru tat-taxxa fuq id-dividendi.

31

Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi la juri u lanqas jallega li r-Repubblika tal-Islanda jew ir-Renju tan-Norveġja ma osservawx l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija konvenzjonijiet, jew li fl-applikazzjoni tagħhom kien hemm xi diffikultajiet jew dewmien mhux iġġustifikat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE huwa li jitqiegħed fir-realtà bl-iktar mod komplet possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-ŻEE kollha, b’tali mod li s-suq intern maħluq fuq it-territorju tal-Komunità jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA. F’din il-perspettiva, diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-interpretazzjoni l-iktar uniformi possibbli tiegħu fiż-ŻEE kollha (ara l-Opinjoni 1/92, tal-10 ta’ April 1992, Ġabra p. I-2821). F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tara li r-regoli tal-Ftehim ŻEE, essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat, jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri (sentenza Ospelt en Schlössle Weissenberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

33

Minn dan jirriżulta li, jekk restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn ċittadini tal-Istati partijiet fil-Ftehim ŻEE għandhom ikunu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 40 u tal-Anness XII tal-imsemmi ftehim, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ospelt en Schlössle Weissenberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

34

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti, fir-rispett tad-dritt Komunitarju, sabiex jiddefinixxu, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ kif titqassam is-setgħa tagħhom ta’ tassazzjoni, b’mod partikolari, sabiex tiġi eliminata t-tassazzjoni doppja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amurta, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17).

35

Din il-kompetenza ma tippermettilhomx li japplikaw miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat jew minn dispożizzjonijiet simili tal-Ftehim ŻEE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Amurta, iċċitata qabel, punt 24).

36

F’dan il-każ, l-Artikoli 4 u 4a tal-Wet DB, moqrija flimkien mal-Artikolu 13 tal-Wet Vpb, jipprovdu għal eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi għall-kumpanniji benefiċjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru. Skont l-Artikolu 4(2)2 tal-Wet DB, din l-eżenzjoni hija applikabbli għad-dividendi mqassma lil kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor li għandhom ishma li jirrappreżentaw mill-inqas 5% tal-kapital nominali mħallas tal-kumpannija residenti li tħallas id-dividendi.

37

Issa, fuq il-bażi tal-ftehim sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonkluda mar-Repubblika tal-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja, li huma Stati taż-ŻEE, l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi tista’ tapplika għad-dividendi mqassma lill-kumpanniji Islandiżi jew Norveġiżi biss jekk dawn ikollhom mill-anqas, rispettivament, 10% jew 25% tal-ishma tal-kumpannija Olandiża li tqassam id-dividendi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kumpanniji, b’mod differenti mill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru, mhumiex għaldaqstant protetti mir-riskju ta’ tassazzjoni doppja meta huma jkollhom iktar minn 5%, iżda, rispettivament, inqas minn 10% jew inqas minn 25% tal-ishma tal-kumpannija Olandiża li tqassam id-dividendi.

38

Din id-differenza bejn ir-regoli fiskali li huma applikabbli, minn naħa, għall-kumpanniji tal-Istati Membri tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, għal dawk stabbiliti fiż-żewġ Stati taż-ŻEE inkwistjoni, li jibbenefikaw mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE bl-istess mod bħalma tal-ewwel jibbenefikaw mill-Artikolu 56 KE, tqiegħed fi żvantaġġ, f’dak li jikkonċerna t-tassazzjoni tad-dividendi, lill-kumpanniji Islandiżi li għandhom bejn 5% u 10% tal-kapital ta’ kumpannija Olandiża u l-kumpanniji Norveġiżi li għandhom bejn 5 u 25% ta’ tali kapital.

39

Tali differenza fit-trattament f’dak li jikkonċerna l-mod ta’ tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Islanda u fin-Norveġja meta mqabbla ma’ dawk imħallsa lill-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri tal-Komunità għandha mnejn tiddiswadi lill-kumpanniji stabbiliti fl-ewwel żewġ Stati milli jagħmlu investimenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, din tagħmel iktar diffiċli, għal kumpannija Olandiża, li tiġbed kapital mill-Islanda u min-Norveġja milli mill-Pajjiżi l-Baxxi jew minn Stat Membru ieħor tal-Komunità. Konsegwentement, din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala regola ġenerali, mill-Artikolu 40 taż-ŻEE.

40

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li essenzjalment huma riprodotti fil-Ftehim ŻEE.

41

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Islanda u fin-Norveġja jinsabu f’waħda mid-diversi sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 58(1)(a) KE, li jipprovdi li l-Artikolu 56 KE ma jiksirx id-dritt li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li jinsabu fl-istess sitwazzjoni f’dak li jikkonċerna r-residenza tagħhom.

42

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li d-differenza fit-trattament li tirriżulta tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament komparabbli jew li d-differenza tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenza Amurta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għalhekk hemm lok li jiġi vverfikat jekk, fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi, il-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru u l-kumpanniji benefiċjarji stabbiliti fl-Islanda u fin-Norveġja jinsabux f’sitwazzjonijiet komparabbli.

44

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li d-differenza fis-sitwazzjoni li fuqha huwa jibbaża ruħu tinsab fil-fatt li mhuwiex possibbli, skont il-konvenzjonijiet bilaterali konklużi ma’ dawn iż-żewġ Stati taż-ŻEE inkwistjoni, li jiġi żgurat li l-kumpanniji benefiċjarji kkonċernati jissodisfaw effettivament il-kundizzjonijiet imposti fuq il-kumpanniji tal-Istati Membri mill-Artikolu 4(2) tal-Wet DB minn naħa, li huma jkollhom waħda mill-forom ġuridiċi elenkati fl-anness tad-Direttiva 90/435 jew forma ġuridika indikata fid-digriet ministerjali u, min-naħa l-oħra, li jkunu suġġetti, fl-Istat fejn ikunu stabbiliti, mingħajr possibbiltà ta’ għażla u mingħajr ma jkunu eżenti minnha, għat-taxxa fuq id-dħul.

45

Huwa jibbaża r-raġunament tiegħu fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/799. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, intiżi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali internazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jgħaddu lil xulxin l-informazzjoni kollha li għandha mnejn tippermettilhom li jistabbilixxu b’mod korrett, b’mod partikolari, it-taxxa fuq id-dħul.

46

Ladarba din id-direttiva ma tapplikax għar-Repubblika tal-Islanda u għar-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-ebda regola vinkolanti ma tippermettilu jikseb l-informazzjoni sabiex jivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tal-Wet DB humiex sodisfatti.

47

Madankollu, għandu jiġi osservat li, jekk tali differenza fis-sistema legali tal-obbligi tal-Istati inkwistjoni fil-qasam fiskali meta mqabbla ma’ dawk tal-Istati Membri tal-Komunità hija tali li tiġġustifika l-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jissuġġetta l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi għall-kumpanniji Islandiżi u Norveġiżi għall-fatt li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi Olandiża, din ma tippermettix li jiġi iġġustifikat li din il-liġi tissuġġetta l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għal sehem ikbar fil-kapital tal-kumpannija li tqassam id-dividendi.

48

Fil-fatt, dan ir-rekwiżit tal-aħħar m’għandux x’jaqsam mal-kundizzjonijiet imposti, b’mod differenti, fuq il-kumpanniji kollha sabiex ikunu intitolati għall-imsemmija eżenzjoni, jiġifieri li l-kumpannija tkun ta’ ċerta forma ġuridika, li jkunu suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul u li huma jkunu l-benefiċjarji finali tad-dividendi mħallsa, kundizzjonijiet li l-amministrazzjoni fiskali Olandiża għandha, fil-fatt, tkun tista’ tivverifika li ġew soddisfatti.

49

Fuq dan l-aħħar punt, ma jirriżulta mill-ebda prova fil-proċess, u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jurix, li r-rekwiżit ta’ sehem fil-kapital ta’ kumpannija ta’ inqas minn 10% jew 25% għandu xi effett fuq ir-riskju li l-amministrazzjoni kompetenti tingħata informazzjoni żbaljata, b’mod partikolari rigward is-sistema fiskali tal-kumpanniji stabbiliti f’dawn iż-żewġ Stati taż-ŻEE, u li, għalhekk, ir-rekwiżit ta’ sehem ta’ dan id-daqs tkun iġġustifikata, filwaqt li tali rekwiżit ma jeżistix f’dak li jikkonċerna l-kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri tal-Komunità.

50

Konsegwentement, ma jistax jintlaqa’ l-argument invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bbażat fuq id-differenzi bejn is-sitwazzjonijiet li jinsabu fihom, minn naħa, il-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istati Membri tal-Komunità u, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji Islandiżi u Norveġiżi, sabiex jiġi ġġustifikat r-rekwiżit li s-sehem fil-kapital tal-kumpanniji Olandiżi li jħallsu d-dividendi jkun ogħla għat-tieni tip ta’ kumpanniji sabiex huma jkunu jistgħu jibbenefikaw, bħall-kumpanniji msemmija l-ewwel, minn eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li huma jirċievu mingħand dawn il-kumpanniji Olandiżi.

51

Din il-konklużjoni hija kkonfermata b’mod impliċitu mill-fatt li l-konvenzjonijiet bilaterali konklużi mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mar-Repubblika tal-Islanda u tar-Renju tan-Norveġja jissuġġettaw l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji Islandiżi u Norveġiżi għall-unika kundizzjoni ta’ sehem ta’ ċertu livell fil-kapital tal-kumpannija Olandiża li tqassam id-dividendi, mingħajr ir-rekwiżit li huma jissodisfaw ukoll kundizzjonijiet oħrajn stabbiliti mill-Artikolu 4(2) tal-Wet DB.

52

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ma eżentax id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Olandiżi lill-kumpanniji stabbiliti fl-Islanda jew fin-Norveġja mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi bl-istess kundizzjonijiet bħad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji Olandiżi jew lil dawk stabbiliti fi Stati Membri oħrajn tal-Komunità, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

Fuq l-ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma eżentax id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji Olandiżi lill-kumpanniji stabbiliti fl-Islanda jew fin-Norveġja mit-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi bl-istess kundizzjonijiet bħad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji Olandiżi jew lil dawk stabbiliti fi Stati Membri oħrajn tal-Komunità Ewropea, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

 

2)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top