EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0519

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-17 ta' Settembru 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Koninklijke FrieslandCampina NV.
Appell - Għajnuna mill-Istat - Skema fiskali ta’ għajnuna implementata mill-Olanda għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali - Deċiżjoni Nru 2003/515/KE - Inkompatibbiltà mas-suq komuni - Dispożizzjoni tranżitorja - Ammissibbiltà - Interess ġuridiku - Prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi - Prinċipju ta’ trattament ugwali.
Kawża C-519/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-08495

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:556

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Settembru 2009 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Skema fiskali ta’ għajnuna implementata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali — Deċiżjoni Nru 2003/515/KE — Inkompatibbiltà mas-suq komuni — Dispożizzjoni tranżitorja — Ammissibbiltà — Locus standi — Interess ġuridiku — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Fil-Kawża C-519/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u S. Noë, bħala aġenti

appellanti,

il-parti l-oħra fil-proċedura hija:

Koninklijke FrieslandCampina NV, li kienet Koninklijke Friesland Foods NV, li kienet Friesland Coberco Dairy Foods Holding NV, stabbilita f’Meppel (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn E. Pijnacker Hordijk u W. Geursen, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J.N. Cunha Rodrigues, J. Klučka u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-12 ta’ Settembru 2007, Koninklijke Friesland Foods vs Il-Kummissjoni (T-348/03, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/515/KE, tas-17 ta’ Frar 2003, dwar l iskema ta’ għajnuna implementata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali (ĠU L 180, p. 52, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2

Il-Liġi tat-13 ta’ Diċembru 1996 li temenda l-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1969 sabiex jiġi miġġieled it-tgħawwir tal-bażi taxxabbli u sabiex tiġi msaħħa l-infrastruttura fiskali (wet van 13 december 1996 tot wijziging van de wet op de vennootschapsbelasting 1969 met het oog op het tegengaan van uitholling van de belastinggrondslag en het versterken van de fiscale infrastructuur, Stb. 1996, Nru 651), introduċiet l-Artikolu 15b fil-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1969 (wet op de vennootschapsbelasting 1969, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1969”), li jipprevedi skema fiskali partikolari għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali ta’ impriżi li jagħmlu parti minn grupp (iktar ’il quddiem l-“iskema CFA”). Din l-iskema daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997.

3

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 15b(1) tal-Liġi tal-1969 tipprovdi:

“Fir-rigward ta’ entità li tagħmel parti minn grupp internazzjonali u li teżerċita esklużivament mill-Pajjiżi l-Baxxi attivitajiet ta’ finanzjament li minnhom jibbenefikaw entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-grupp u li huma stabbiliti, jew li jinsabu wkoll, f’minn tal-inqas erba’ Stati jew f’żewġ kontinenti, l-ispettur għandu jawtorizza, fuq talba tal-persuna taxxabbli u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minnu, il-kostituzzjoni ta’ riżerva għar-riskji marbuta ma’ dawn l-attivitajiet ta’ finanzjament […]”

4

Mill-Artikolu 15b(3) tal-Liġi tal-1969 jirriżulta li l-persuna taxxabbli li tibbenefika mill-iskema CFA tista’ talloka 80% tal-profitt taxxabbli kollu tagħha għal riżerva għal riskji. L-ammonti allokati b’dan il-mod jistgħu jintużaw għad-diversi għanijiet previsti minn din il-liġi. B’hekk, skont l-Artikolu 15b(5) ta’ din il-liġi, fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma ta’ kumpannija Olandiża jew barranija, jew fil-każ ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital f’tali kumpannija, parti ta’ bejn 50% u 100% tal-prezz tal-akkwist jew tal-kontribuzzjoni ta’ kapital tista’ tittieħed mir-riżerva, b’eżenzjoni mit-taxxa.

5

L-Artikolu 15b(10) tal-Liġi tal-1969 jipprovdi li l-ispettur għandu jiddeċiedi, fuq talba mill-persuna taxxabbli, dwar l-għoti tal-benefiċċju tal-iskema CFA u għandu jippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema permezz ta’ deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni CFA”). L-awtorizzazzjoni CFA tingħata għal perijodu ta’ għaxar snin.

6

Sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, it-Taqsima D tal-Artikolu 1 tal-Liġi tal-15 ta’ Settembru 2005 li temenda l-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji tal-1969 — tneħħija tal-iskema ta’ finanzjament ta’ impriżi li jagħmlu parti minn grupp (wet van 15 september 2005 houdende wijziging van de wet op de vennootschapsbelasting 1969 — vervallen van concernfinancieringsregeling, Stb. 2005, Nru 468), ħassret l-Artikolu 15b tal-Liġi tal-1969.

7

L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi tal-15 ta’ Settembru 2005 jippreċiża li, fir-rigward tal-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji li, fil-11 ta’ Lulju 2001, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-iskema CFA, l-Artikolu 15b tal-Liġi tal 1969 u d-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minnu jibqgħu applikabbli. L-imsemmi Artikolu 2 jipprevedi wkoll li din id-dispożizzjoni tranżitorja tapplika għal perijodu ta’ għaxar snin li jibda mid-data li fiha l-persuna taxxabbli setgħet tikkostitwixxi riżerva, mingħajr ma dan il-perijodu jista’ jaqbeż il-31 ta’ Diċembru 2010.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-fatti li ġraw qabel id-deċiżjoni kontenzjuża

8

Fil-kuntest ta’ riflessjoni globali dwar il-kompetizzjoni fiskali li tikkawża ħsara, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri adottaw, fl-1 ta’ Diċembru 1997, riżoluzzjoni dwar kodiċi ta’ kondotta fil qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi (ĠU 1998, C 2, p. 2). F’dan il-kuntest, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jeliminaw b’mod progressiv ċerti miżuri fiskali kkunsidrati bħala miżuri li jikkawżaw ħsara, filwaqt li l-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li teżamina jew li teżamina mill-ġdid, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-iskemi fiskali fis-seħħ fl-Istati Membri.

9

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 1999, talbet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jgħaddilha informazzjoni dwar l-iskema CFA. Din l-informazzjoni ngħatat minn dan l-Istat Membru f’ittra tat-8 ta’ Marzu 1999.

10

Fis-27 ta’ Diċembru 2000, Koninklijke FrieslandCampina NV (iktar ’il quddiem “KFC”) ressqet talba għal awtorizzazzjoni CFA quddiem l-amministrazzjoni fiskali Olandiża.

11

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-iskema CFA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001”). Din id-deċiżjoni u s-sejħa lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar din l-iskema ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2001, C 306, p. 6).

12

Fis-26 ta’ Lulju 2001, l-amministrazzjoni fiskali Olandiża informat lil KFC bil-ftuħ tal-imsemmija proċedura. Minħabba f’hekk, it-talba għal awtorizzazzjoni CFA ta’ KFC ġiet sospiża.

13

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2002, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna quddiem il-Kummissjoni li, fid-dawl tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tar-rispett tad-drittijiet kweżiti, din l-istituzzjoni kellha tippermetti lill-impriżi li kienu diġà jibbenefikaw mill-iskema CFA sabiex ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw minnha sat-tmiem tal-awtorizzazzjonijiet CFA mogħija.

14

Fil-5 ta’ Diċembru 2002, is-Segretarju tal-Istat tal-Finanzi Olandiż adotta deċiżjoni li kienet ifformulata kif ġej:

“[I]ddeċidejt li mil-lum ’il quddiem inwaqqaf l-ipproċessar ta’ kull talba ġdida għall-applikazzjoni tal-iskema [CFA].”

Id-deċiżjoni kontenzjuża

15

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddikjarat li l-iskema CFA hija inkompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, hija rrikonoxxiet, fil-punti 111 u 112 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, li, sa fejn din l-iskema kienet komparabbli mal-iskema stabbilita fil-Belġju permezz tad-Digriet Irjali Nru 187, tat-30 ta’ Diċembru 1982, dwar it-tassazzjoni ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni (iktar ’il quddiem l-“iskema BCC”), li kienet ġiet ikkunsidrata li ma kinitx għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-benefiċjarji tal-iskema CFA fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 setgħu jinvokaw b’mod validu l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B’hekk, fuq il-bażi tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li jipprovdi b’mod partikolari li “[i]l-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità”, hija ddeċidiet li tirrinunzja milli tordna l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema CFA.

16

Barra minn hekk, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ammettiet li l-benefiċjarji tal-iskema CFA fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 setgħu jibqgħu jibbenefikaw minnha sal-iskadenza tal-awtorizzazzjonijiet CFA ta’ għaxar snin li kienu ngħatawlhom mill-amministrazzjoni fiskali Olandiża, iżda sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. B’mod partikolari, fid-dawl tal-progress magħmul fuq livell Komunitarju fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni fiskali ta’ ħsara u bl-istennija li jkun hemm tnaqqis progressiv fin-numru tal-benefiċjarji tal-iskema CFA, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 118 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-benefiċjarji tal-imsemmija skema setgħu jibqgħu, minħabba “ċirkustanzi eċċezzjonali”, jikkostitwixxu riżervi ġodda u jużaw ir-riżervi eżistenti.

Il-fatti li ġraw wara d-deċiżjoni kontenzjuża

17

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ April 2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, tikkonferma bil-miktub li l-iskema tranżitorja prevista fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet tapplika wkoll għall-impriżi li, għalkemm kienu għadhom ma bbenefikawx minn awtorizzazzjoni CFA, kienu ressqu talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali qabel il-5 ta’ Diċembru 2002, data li minnha ’l quddiem kull talba ġdida għal tali awtorizzazzjoni kellha tkun irrifjutata, sa fejn dawn l-impriżi kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-iskema CFA fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001.

18

F’ittra tas-7 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni indikat li mill-punt 118 tal-motivi u mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta b’mod ċar li l-iskema tranżitorja prevista f’din id-deċiżjoni ma kinitx tapplika għal dawn l-impriżi. Hija indikat ukoll li, jekk l-awtoritajiet Olandiżi jiddeċiedu li jagħtu awtorizzazzjoni CFA lill impriżi kkonċernati, dan ikun ekwivalenti għall-għoti ta’ għajnuna ġdida kuntrarja għad-deċiżjoni kontenzjuża.

19

Fil-21 ta’ Awwissu 2003, l-amministrazzjoni fiskali Olandiża ċaħdet it-talba għal awtorizzazzjoni CFA ta’ KFC abbażi tal-fatt li l-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni negattiva fir-rigward tal-iskema CFA, kif speċifikata fl-ittra ta’ din tal-aħħar tas-7 ta’ Lulju 2003.

Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

20

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, KFC talbet l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jeskludi mill-iskema tranżitorja prevista minnu lill-operaturi li, fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001, kienu diġà ressqu talba għal awtorizzazzjoni CFA quddiem l-amministrazzjoni fiskali Olandiża iżda li fir-rigward tagħha kienet għadha ma tteħditx deċiżjoni f’dik id-data.

21

Kif jirriżulta mill-punt 103 tas-sentenza appellata, KFC ibbażat ir-rikors tagħha fuq tliet motivi. L-ewwel motiv kien maqsum f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tieni waħda, fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tkun taf li fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 kien hemm talbiet għal awtorizzazzjoni CFA pendenti. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u t-tielet wieħed fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

22

Il-Kummissjoni qajmet, prinċipalment, żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u, sussidjarjament, talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad ir-rikors bħala infondat.

23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-imsemmija eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. L-ewwel nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li jekk ir-rikors jintlaqa’, KFC setgħet tinvoka ċerti pretensjonijiet fil-konfront tal-awtoritajiet Olandiżi dwar il-benefiċċju tal-iskema CFA jew, minn tal-inqas, ikollha t-talba tagħha eżaminata quddiemhom, u dan jiġġustifika l-eżistenza ta’ interess ġuridiku.

24

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 94 u 98 tas-sentenza appellata, li KFC hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kontenzjuża peress li tagħmel parti minn grupp limitat ta’ persuni taxxabbli li t-talba għal awtorizzazzjoni CFA tagħhom kienet għadha pendenti fil-mument tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Olandiżi li jiġi sospiż l-eżami ta’ tali talbiet.

25

Fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-fatt li t-talbiet tal-persuni taxxabbli li jagħmlu parti minn dan il-grupp limitat kienu jikkonċernaw awtorizzazzjoni inizjali li kienet tagħtihom id-dritt jibbenefikaw minn skema fiskali partikolari u ma kinux jikkonċernaw it-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni eżistenti, kif kienet is-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479), mhuwiex ta’ natura li jegħleb il-konstatazzjoni li dawn il-persuni taxxabbli kienu milquta b’mod speċjali mid-deċiżjoni kontenzjuża.

26

Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet ir-rikors ta’ KFC u annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn jeskludi mill-iskema tranżitorja prevista minnu lill-operaturi li, fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001, kienu ressqu quddiem l-amministrazzjoni fiskali Olandiża talba għal awtorizzazzjoni CFA li fir-rigward tagħha kienet għadha ma tteħditx deċiżjoni.

27

Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat bħala fondati l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

28

Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, li, peress li dan il-prinċipju huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali li jaqgħu esklużivament taħt id-dritt Komunitarju, dan l-istess prinċipju ma jikkonċernax sitwazzjonijiet legali li jaqgħu esklużivament taħt id-dritt nazzjonali. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ jekk KFC kinitx tibbenefika jew le mill-iskema CFA u l-kwistjoni ta’ jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn din l-iskema mhumiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema CFA mad-dritt Komunitarju.

29

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, fil-punt 127 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi teħtieġ li istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqot stennija fondata lil individiwu fuq il-bażi ta’ garanziji preċiżi li hija tkun tagħtu u li n-natura leġittima tal-aspettattiva meħtieġa timplika li operatur ekonomiku prudenti u informat ikun seta’ raġonevolment jistenna li tinżamm is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-att jew mill-aġir tal-istituzzjoni inkwistjoni. Hija fakkret ukoll li interess pubbliku perentorju jista’, madankollu, jimpedixxi l-applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija minn dan il-prinċipju.

30

F’dan il-każ, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa ta’ KFC, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 131 tas-sentenza appellata, li, minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 111 u 112 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, l-aġir tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iskema BCC ħoloq l-aspettattiva li l-iskema CFA ma kinitx skema ta’ għajnuna pprojbita.

31

It-tieni nett, fir-rigward tan-natura leġittima ta’ din l-aspettattiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, li l-ftuħ, permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-iskema CFA ma setax jippreġudika l-kwalifika li l-Kummissjoni għamlet fir-rigward tal-imsemmija skema fid-deċiżjoni finali tagħha, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma setgħetx, fiha nfisha, timpedixxi lil KFC milli tinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-punt 136 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet li, anki jekk jitqies li l-imsemmija deċiżjoni setgħet iddgħajjef l-aspettattiva ta’ KFC li l-iskema CFA kienet kompatibbli mar-regoli tat-Trattat KE, KFC setgħet madankollu tistenna li d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn ma mxietx mal-evalwazzjoni li l-Kummissjoni kienet għamlet preċedentement fir-rigward ta’ skema simili, jiġifieri l-iskema BCC, tagħtiha ż-żmien meħtieġ sabiex tieħu effettivament inkunsiderazzjoni din il-bidla ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema CFA mas-suq komuni.

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li “iż-żmien li għadda bejn il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali, jiġifieri l-31 ta’ Ottubru 2001, u d-deċiżjoni [kontenzjuża] ma kienx biżżejjed sabiex [KFC] tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt ta’ deċiżjoni eventwali li twaqqaf l-iskema inkwistjoni. Fil-fatt, il-fatt mhux ikkontestat li [KFC] ħadet id-dispożizzjonijiet li hija qieset meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-kundizzjonijiet legali tal-iskema CFA […] jimplika l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ kontabbiltà u ta’ deċiżjonijiet finanzjarji u ekonomiċi li ma jistgħux jiġu emendati f’perijodu ta’ inqas minn ħmistax-il xahar”.

33

It-tielet nett, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interess ta’ KFC ibbażat fuq aspettattivi leġittimi, minn naħa, u ta’ eventwali interess Komunitarju ta’ ordni pubbliku, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li, peress li l-Kummissjoni stess kienet ammettiet fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-benefiċjarji effettivi tal-iskema CFA setgħu jinvokaw il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jiksbu perijodu tranżitorju li permezz tiegħu setgħu jibqgħu jibbenefikaw mill-imsemmija skema, filwaqt li jużaw ir-riżervi eżistenti u filwaqt li jikkostitwixxu riżervi ġodda, ebda interess perentorju ma jimpedixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi favur KFC.

34

Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, l-ewwel motiv ta’ KFC sa fejn dan kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

35

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement żiedet, fil-punti 141 sa 143 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni ta’ jekk l-istituzzjoni Komunitarja inkwistjoni kinitx effettivament taf dwar is-sitwazzjoni tal-operatur li jkollu l-intenzjoni jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mhijiex marbuta mal-kundizzjonijiet li fihom japplika l-imsemmi prinċipju. Fil-fatt, fid-dawl tal-funzjoni ta’ dan il-prinċipju, jiġifieri li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju, l-applikabbiltà tiegħu ma tistax tkun tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk l-istituzzjoni li ma tkunx imxiet ma’ evalwazzjoni preċedenti kinitx konkretament informata dwar is-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet legali kollha li l-prevedibbiltà tagħhom hija affettwata mill-bidla fl-attitudni tagħha. Minħabba dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-kwistjoni tal-għarfien effettiv, min-naħa tal-Kummissjoni, tas-sitwazzjoni konkreta ta’ KFC fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 hija irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

36

Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ KFC, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 149 u 150 tas-sentenza appellata, li, billi ma pprovdietx għal miżuri tranżitorji fir-rigward tal-persuni taxxabbli li t-talba tagħhom kienet għadha pendenti fil-mument tan-notifika tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet kisret dan il-prinċipju. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-analiżi tagħha tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li ma kienx hemm lok li teżamina t-tielet motiv ta’ KFC.

It-talbiet tal-partijiet

38

Prinċipalment, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors ta’ KFC intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lil din tal-aħħar għall-ispejjeż. Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata sa fejn tagħti drittijiet lil operaturi oħra minbarra KFC li, fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001, kienu ressqu quddiem l-amministrazzjoni fiskali Olandiża talba għal awtorizzazzjoni CFA u tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn huwa intiż li jikkonferixxi drittijiet lil tali operaturi.

39

KFC titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

40

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tippreżenta sitt aggravji. L-ewwel u t-tieni aggravji huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet meta ddeċidiet, rispettivament, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li KFC kellha interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kontenzjuża anki jekk ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Olandiż sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-iskema CFA u, fil-punt 100 tal-imsemmija sentenza, li KFC kienet ikkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni.

41

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet meta kkunsidrat, fil-punti 141 sa 143 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx taf dwar l-eżistenza u s-sitwazzjoni ta’ KFC kif ukoll tal-impriżi l-oħra li kienu jinsabu f’sitwazzjoni identika għal tagħha ma kienx rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa ta’ KFC.

42

Ir-raba’ aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żnaturament tal-fatti mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 137 tas-sentenza appellata u, it-tieni waħda, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet fl-eżami, fil-punti 125 sa 140 tas-sentenza appellata, tal-aspettattivi leġittimi li kienet qiegħda tinvoka KFC.

43

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet meta ddeċidiet, fil-punti 149 u 150 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ttrattat b’mod differenti persuni taxxabbli li kollha setgħu jistennew li jingħataw perijodu tranżitorju.

44

Fl-aħħar nett, is-sitt aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet sa fejn, permezz tal-formulazzjoni tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, hija tat drittijiet lill-operaturi kollha li kienu ressqu talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali fid-data tal-11 ta’ Lulju 2001.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

45

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li jaqbel li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li KFC kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża. Dan mhuwiex il-każ peress li din id-deċiżjoni hija miżura ta’ portata ġenerali u peress li KFC, minħabba li ma kinitx tibbenefika mill-iskema CFA, tagħmel parti minn grupp indeterminat ta’ benefiċjarji potenzjali ta’ din l-iskema. Il-fatt li KFC kienet ressqet talba għal awtorizzazzjoni CFA qabel id-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx taf dwar l-eżistenza ta’ impriżi f’sitwazzjoni identika għal dik ta’ KFC, li ma użatx il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 88(2) KE li tissottometti kummenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-iskema CFA miftuħa minn din id-deċiżjoni tal-aħħar.

46

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma għamlitx distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ KFC, li tikkonċerna talba għal awtorizzazzjoni inizjali, u s-sitwazzjoni li tinvolvi talba għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni, bħalma kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Skont il-Kummissjoni, KFC hija milquta bl-istess mod bħall-impriżi l-oħra kollha li qatt ma bbenefikaw mill-iskema CFA u mhux “b’mod speċjali”, kif kienu milquta l-impriżi kkonċernati minn dik is-sentenza fir-rigward tal-iskema BCC u li s-sitwazzjoni eżistenti tagħhom kienet mibdula bid-deċiżjoni annullata b’dik is-sentenza, li mhuwiex il-każ ta’ KFC fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra biss jekk tkun tikkonċernaha direttament u individwalment.

48

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni fformulata fl-imsemmi paragrafu, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex individwu jkun direttament ikkonċernat jeħtieġ li l-miżura Komunitarja inkwistjoni tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu u li din il-miżura ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, liema implementazzjoni jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 94 tas-sentenza appellata, mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi kienu marbuta, mingħajr ma kellhom l-iċken marġni ta’ diskrezzjoni, jiċħdu kull talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali pendenti, b’tali mod li l-impriżi li ma kinux jibbenefikaw mill-iskema CFA fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 ma setgħux jibbenefikaw mill-iskema tranżitorja.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li d-deċiżjoni kontenzjuża taffettwa direttament lil KFC.

51

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 230 KE, għandu jitfakkar li l-fatt li dispożizzjoni kontenzjuża tkun, minħabba n-natura u l-portata tagħha, dispożizzjoni ġenerali sa fejn tapplika għall-operaturi ekonomiċi interessati b’mod ġenerali ma jeskludix madankollu li tista’ tikkonċerna individwalment lil xi uħud minnhom (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Madankollu, persuna fiżika jew ġuridika tista’ ssostni li hija kkonċernata individwalment biss jekk id-dispożizzjoni kontenzjuża taffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddistingwiha fil-konfront ta’ kull persuna oħra (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

53

Fil-fatt, impriża ma tistax, bħala prinċipju, tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fir-rigward ta’ din l-impriża, tali deċiżjoni tkun miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u li jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 15; tas-7 ta’ Diċembru 1993, Federmineraria et vs Il-Kummissjoni, C-6/92, Ġabra p. I-6357, punt 14, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, punt 33).

54

Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-att ikkontestat jaffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew li setgħu jiġu identifikati, fil-mument meta ttieħed dan l-att, abbażi ta’ kriterji speċifiki għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att sa fejn jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punt 31; tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C-152/88, Ġabra p. I-2477, punt 11, kif ukoll Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

55

Huwa paċifiku, minn naħa, li d-deċiżjoni kontenjuża kellha bħala konsegwenza r-rifjut mingħajr eżami tat-talbiet għal awtorizzazzjoni CFA inizjali li kienu pendenti fid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li l-impriżi kkonċernati setgħu jiġu identifikati perfettament, minħabba l-eżistenza stess ta’ tali talba, fil-mument meta ġiet adottata l-imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li KFC kienet tagħmel parti minn grupp ta’ mhux iktar minn erbatax-il persuna li għamlu talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali u li t-talbiet tagħhom kienu pendenti fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001, li dawn it-talbiet ġew sospiżi minħabba din id-deċiżjoni u li l-awtoritajiet Olandiżi ħabbru fil-5 ta’ Diċembru 2002 li kienu qegħdin jieqfu immedjatament milli jipproċessaw kull talba ġdida għall-applikazzjoni tal-iskema CFA.

56

Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ġustament fil-punti 98 u 100 tas-sentenza appellata, KFC kienet għalhekk tagħmel parti minn grupp limitat ta’ impriżi, u mhux minn grupp indeterminat ta’ impriżi li jagħmlu parti mis-settur ikkonċernat, li kienu affettwati b’mod speċjali mid-deċiżjoni kontenzjuża.

57

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tibbenefika mill-iskema CFA, impriża li tkun għamlet talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali kellha tkun diġà ħadet id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tissodisfa l-kriterji meħtieġa minn din l-iskema. Barra minn hekk, peress li l-awtoritajiet Olandiżi ma kellhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward, huma kienu obbligati jagħtu tali awtorizzazzjoni jekk l-imsemmija kriterji jkunu sodisfatti. B’hekk, l-impriżi li t-talba tagħhom għal awtorizzazzjoni CFA inizjali kienet pendenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba kwalitajiet li huma partikolari għalihom u minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddistingwihom fil-konfront ta’ kull impriża oħra li tagħmel parti mis-settur inkwistjoni u li ma ressqitx talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali.

58

Minn dan isegwi li dawn l-impriżi għandhom locus standi fuq bażi individwali kontra d-deċiżjoni kontenzjuża.

59

Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li, minn naħa, ma kinitx taf bl-eżistenza ta’ impriżi fis-sitwazzjoni ta’ KFC u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar ma użatx il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 88(2) KE li tissottometti l-kummenti tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-iskema CFA. Fil-fatt, l-għarfien mill-Kummissjoni tas-sitwazzjoni tal-impriżi li kienu talbu awtorizzazzjoni CFA inizjali huwa irrilevanti fir-rigward tal-fatt li dawn kienu affettwati individwalment mid-deċiżjoni kontenzjuża.

60

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li KFC kellha locus standi.

61

Minn dan isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

62

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta ddeċidiet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li KFC kellha interess ġuridiku minkejja li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-iskema CFA, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi. Hija ssostni li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat ikun jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali. Issa, peress li l-annullament mitlub ma jista’ jwassal għal ebda vantaġġ għal KFC ħlief jekk l-awtoritajiet Olandiżi jikkonstataw, fil-futur, li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tal-iskema CFA, dan l-annullament ma jkollu ebda effett legali fuq is-sitwazzjoni tagħha jekk dan ma jkunx il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, jippresupponi li dan ir-rikors ikun jista’ jikseb, bl-eżitu tiegħu, benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 21; tat-3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C-277/01 P, Ġabra p. I-3019, punti 30 u 31, kif ukoll id-digriet tal-5 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Provincia di Imperia, C-183/08 P, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

F’din il-kawża huwa paċifiku li, li kieku d-deċiżjoni kontenzjuża estendiet l-iskema tranżitorja għat-talbiet għal awtorizzazzjoni CFA inizjali pendenti fid-data tan-notifika tal-imsemmija deċiżjoni, dawn it-talbiet kienu jiġu eżaminati mill-awtoritajiet Olandiżi. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li dawn l-awtoritajiet ma kellhom ebda setgħa diskrezzjonali u għalhekk kienu marbuta jagħtu din l-awtorizzazzjoni fil-każ li l-kriterji meħtieġa għall-benefiċċju tal-iskema CFA kienu sodisfatti.

65

B’hekk, fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, KFC kellha interess ġuridiku, eżistenti u attwali, fil-konfront tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn, fil-każ tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni, it-talba tagħha għal awtorizzazzjoni CFA inizjali kienet tiġi eżaminata, b’tali mod li KFC setgħet tibbenefika mill-imsemmija skema jekk kienet tissodisfa l-imsemmija kriterji. Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ġustament fil-punti 59 u 66 tas-sentenza appellata, dan il-fatt, fih innifsu, kien suffiċjenti sabiex jagħti lil KFC “benefiċċju” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.

66

L-argument tal-Kummissjoni li KFC ma kinitx tissodisfa l-kriterji tal-iskema CFA mhuwiex ta’ natura li jikkontesta din l-affermazzjoni peress li dan mhuwiex fatt ġuridikament stabbilit u inkontestabbli. Fil-fatt, fil-każ li dan l-appell jiġi miċħud jew fil-każ li l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jiġi kkonfermat fit-tmiem jew bħala konsegwenza ta’ dawn il-proċeduri, mhuwiex eskluż li l-awtoritajiet Olandiżi jkollhom jagħtu lil KFC il-benefiċċju tal-iskema CFA (ara, b’analoġija, id-digriet tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, C-111/99 P, Ġabra p. I-727, punt 19).

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-rikors ta’ KFC quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienx ta’ natura li seta’, permezz tal-eżistu tiegħu, jagħti benefiċċju lil KFC.

68

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ġustament li KFC kellha interess ġuridiku.

69

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

70

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 125 sa 140 tas-sentenza appellata, li l-fatt li KFC ma ngħatatx il-benefiċċju tal-iskema CFA ma għandu ebda impatt fuq l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi minħabba li hawnhekk hija involuta sitwazzjoni legali li taqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali.

71

Madankollu, f’dan il-każ għandu jiġi ddeterminat jekk id-dritt Komunitarju kienx jobbliga lill-Kummissjoni tawtorizza lill-amministrazzjoni fiskali Olandiża tagħti awtorizzazzjoni CFA lil KFC skont dan il-prinċipju.

72

Issa, l-imsemmi prinċipju ma japplikax f’dan il-każ.

73

Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni la tat lil KFC, li l-Kummissjoni ma kinitx taf bl-eżistenza tagħha, garanzija preċiża fis-sens li l-iskema CFA kienet kompatibbli mas-suq komuni, u lanqas ma ħadet impenn speċifiku f’dan is-sens fir-rigward ta’ KFC.

74

Fit-tieni lok, KFC mhijiex operatur ekonomiku prudenti u informat fis-sens tal-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

75

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandha ssir distinzjoni, f’dan ir-rigward, bejn is-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku li jkun qiegħed jitlob it-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni li permezz tagħha seta’ jgawdi minn skema ta’ għajnuna preċedentement ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, bħalma kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u s-sitwazzjoni ta’ impriża li, bħal KFC, qatt ma kellha talli awtorizzazzjoni u għalhekk ma tistax tinvoka aspettattivi leġittimi sabiex teżiġi li tibbenefika minn skema tranżitorja li tipprevedi ż-żamma temporanja tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata.

76

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jiġi aċċettat li KFC wettqet investimenti kunsiderevoli sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt Olandiż sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-iskema CFA, hija ressqet talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali quddiem l-awtoritajiet Olandiżi fis-27 ta’ Diċembru 2000, filwaqt li, wara l-pubblikazzjoni tar-Riżoluzzjoni dwar kodiċi ta’ kondotta fil qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi, imsemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, u tal-Avviż fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għall miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett [tassazzjoni diretta tal kumpanniji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 277),), l-operaturi ekonomiċi prudenti u informati kollha kienu jafu, sa mill-1998, li kien probabbli li l-Kummissjoni tikklassifika l-iskema CFA bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat u tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 135 tas-sentenza appellata li, “abbażi tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 biss, operatur prudenti u informat ma kienx f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża]” hija inkorretta u tiġġustifika, fiha nfisha, l-annullament ta’ dik is-sentenza.

77

It-tielet nett, il-fatt li kien possibbli li, wara d-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tikkonstata li l-iskema CFA ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna ma jimplikax li KFC tista’ tinvoka b’mod validu l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 132 tas-sentenza appellata.

78

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-aspettattivi ta’ KFC huma, fi kwalunkwe każ, ta’ natura ġenerali ħafna u li ma teżisti ebda rabta loġika bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni li l-benefiċjarji effettivi tal-iskema CFA jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ebda interess Komunitarju perentorju ma jimpedixxi lil KFC milli tinvoka b’mod utli dan il-prinċipju.

79

Fl-aħħar lok, is-sentenza appellata tinkoraġġixxi lill-operaturi kollha li jkunu ressqu talba għal għajnuna qabel il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE sabiex, fil-futur, iressqu rikors għal annullament.

80

KFC twieġeb, l-ewwel nett, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teżiġix li l-aspettattivi leġittimi li għandhom jiġu protetti għandhom ikunu bbażati fuq impenji konkreti min-naħa ta’ istituzzjoni Komunitarja. B’hekk, huwa kontradittorju li l-Kummissjoni tammetti, kif għamlet fid-deċiżjoni kontenzjuża, li d-deċiżjoni tagħha dwar l-iskema BCC ħolqot aspettattivi leġittimi, u tafferma, kif għamlet fir-rikors tal-appell tagħha, li din hija “biss deċiżjoni dwar skema ta’ għajnuna oħra ftit li xejn komparabbli”, u mhux impenn speċifiku fir-rigward ta’ KFC. Barra minn hekk, ebda waħda mill-impriżi kkonċernati mill-iskema tranżitorja prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża ma rċeviet tali impenn.

81

It-tieni nett, fir-rigward tal-kwalifikazzjoni bħala operatur ekonomiku prudenti u informat fir-rigward ta’ KFC, din tal-aħħar issostni li ma teżisti ebda raġuni għalxiex għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali l-benefiċjarji tal-iskema BCC fl-istennija ta’ deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni fil-kuntest ta’ dik l-iskema, meta mbagħad KFC, fl-istennija ta’ risposta għat-talba tagħha għal awtorizzazzjoni CFA inizjali, mhijiex ikkunsidrata bħala tali. Barra minn hekk, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 ma setax ikollha, skont KFC, il-konsegwenza li l-aspettattivi leġittimi tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-iskema CFA mas-suq komuni ma baqgħux jeżistu minn wara dik id-data. A fortiori, dawn l-aspettattivi leġittimi ma setgħux ma jibqgħux jeżistu qabel dik id-deċiżjoni.

82

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi, il-kwistjoni ta’ jekk l-aspettattivi leġittimi ta’ KFC humiex “ta’ natura ġenerali ħafna” jew ta’ natura oħra mhijiex rilevanti. Fil-fatt, ladarba jiġu stabbiliti l-aspettattivi leġittimi, irrispettivament mill-mod kif tkun ħolqithom il-Kummissjoni, l-interess tal-individwu kkonċernat għandu jiġi bbilanċjat mal-interess Komunitarju.

83

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni b’ebda mod ma tiġġustifika li l-interess Komunitarju jimpedixxi li jingħata l-benefiċċju ta’ skema tranżitorja lill-erbatax-il impriża li t-talba tagħhom għal awtorizzazzjoni CFA inizjali kienet pendenti fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, la l-portata tal-għajnuna mogħtija jew li għad trid tingħata u lanqas in-numru ta’ impriżi li jistgħu jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jitolbu li jibbenefikaw minn skema tranżitorja ma jista’ jkollhom impatt fuq l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Fl-aħħar nett, is-sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni huma rari u għalhekk is-sentenza appellata ma timplikax, skont KFC, li se jkun hemm rikors qawwi għall-iskemi ta’ għajnuna mhux notifikati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ripetut iddeċidiet li d-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li istituzzjoni Komunitarja tkun ħolqitlu aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li din tal-aħħar tkun tagħtu. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura Komunitarja ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta tkun adottata din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Komunità Ewropea tkun inizjalment ħolqot sitwazzjoni li setgħet twassal għal aspettattivi leġittimi, interess pubbliku perentorju jista’ jimpedixxi l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet maħluqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida li iżda jkunu għadhom ma temmewx l-evoluzzjoni tagħhom (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fin-nuqqas ta’ interess pubbliku perentorju, il-Kummissjoni, minħabba li fir-rigward tat-tħassir ta’ leġiżlazzjoni ma kinitx ipprovdiet għal miżuri tranżitorji li jipproteġu l-aspettattivi li l-operatur seta’ leġittimament ikollu fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, kisret regola superjuri tad-dritt (sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-punti 111 u 112 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni stess ikkunsidrat li l-iskema CFA kienet tixbah lill-iskema BCC u li, peress li fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Mejju 1984 dwar l-iskema BCC [L-erbatax-il rapport dwar il-politika ta’ kompetizzjoni (1984, p. 271] hija kienet ikkunsidrat li s-sistema li fuqha kienet ibbażata din l-iskema tal-aħħar ma kienet tinvoli ebda għajnuna fis-sens tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 92(1) KE, li mbagħad sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE], il-Kummissjoni ammettiet l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-partijiet interessati dwar l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fi ħdan il-benefiċjarji tal-iskema CFA u għalhekk irrinunzjat għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija.

88

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li KFC kienet f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-persuni taxxabbli li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ammettiet l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fil-punti 113 sa 118 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li hija ma kinitx tibbenefika mill-iskema CFA iżda kienet sempliċement ressqet talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali.

89

Fil-fatt, minkejja li, kif issostni KFC, l-ispettur huwa obbligat jagħti awtorizzazzjoni CFA lil kull persuna taxxabbli li tagħmel talba f’dan is-sens u li tissodisfa l-kundizzjonijiet legali sabiex tibbenefika minnha, xorta jibqa’ l-fatt li l-liġi Olandiża tipprevedi l-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni mill-ispettur wara li jiġi vverifikat li l-persuna taxxabbli tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet legali, liema deċiżjoni barra minn hekk tista’ tipprevedi hija stess numru ta’ kundizzjonijiet.

90

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli li ressqu talba għal awtorizzazzjoni CFA inizjali ma tistax titqabbel b’mod utli ma’ dik tal-persuni taxxabbli li kienu ressqu talba għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni taħt l-iskema BCC, li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-aspettattivi leġittimi tagħhom fis-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

91

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-investiment kunsiderevoli li kienu għamlu l-benefiċjarji tal-awtorizzazzjoni taħt l-iskema BCC li kienu qegħdin jitolbu t-tiġdid tagħha u l-impenji fit-tul li kienu daħlu għalihom. Issa, l-persuni taxxabbli li talbu awtorizzazzjoni inizjali taħt l-iskema CFA ma jinsabux, bħala prinċipju, fl-istess sitwazzjoni bħal persuna taxxabbli li diġà tibbenefika minn awtorizzazzjoni CFA, kemm fir-rigward tal-investimenti u kif ukoll fir-rigward tal-impenji.

92

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li KFC qatt ma invokat b’mod konkret li kienet diġà għamlet investimenti jew daħlet f’xi impenji. Għall-kuntrarju, mill-pożizzjoni tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif spjegata fil-qosor fil-punt 51 tas-sentenza appellata, jirriżulta li, “li kieku l-Kummissjoni ma adottatx id-deċiżjoni kontenzjuża, [KFC] kienet tkun tista’ ssaħħaħ, b’effett mis-sena 2000, ir-riżerva tagħha kontra r-riskji sat-tlestija tal-istimi definittivi tat-taxxa”. Bl-istess mod, KFC issemmi deċiżjonijiet li hija kienet tkun tista’ tadotta fir-rigward tar-riżervi kontra r-riskji u tal-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija ta’ finanzjament.

93

Dawn id-diversi elementi juri li KFC mhijiex tal-fehma li hija ma kinitx tkun tista’ tibbenefika, fil-futur, mill-benefiċċju ta’ awtorizzazzjoni CFA.

94

Issa, tali sitwazzjoni hija differenti minn dik tal-benefiċjarji ta’ awtorizzazzjoni għall-iskema CFA, li, li kieku ma ġewx adottati miżuri tranżitorji, kienu jġarrbu danni minħabba l-investimenti magħmula jew minħabba l-impenji meħuda fil-passat, f’mument meta l-legalità tal-iskema fiskali kkonċernata ma kinitx ikkontestata.

95

Għaldaqstant, meta ddeċidiet, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ma tatx lil KFC il-benefiċċju tal-iskema tranżitorja prevista mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi.

96

Minn dan isegwi li t-tieni parti tar-raba’ aggravju hija fondata.

Fuq it-tielet aggravju u fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju

97

Peress li t-tieni parti tar-raba’ aggravju ntlaqgħat, mhumiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-ewwel parti tar-raba’ aggravju u lanqas mhuwa meħtieġ li jiġi eżaminat it-tielet aggravju.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

98

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li KFC setgħet tinvoka l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Hija ssostni, b’mod partikolari, li, fi kwalunkwe każ, KFC ma tistax titqabbel mal-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema CFA li ssottomettew il-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura miftuħa mid-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 u li fir-rigward tagħhom l-awtoritajiet Olandiżi talbu li jkun hemm skema tranżitorja.

99

KFC tikkunsidra li dan l-aggravju għandu jitqies bħala inammissibbli sa fejn jikkonċerna kwistjonijiet ta’ fatt u għandu jiġi miċħud fil-kumplament tiegħu. F’dan ir-rigward hija tfakkar li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk jeżistux differenzi oġġettivi ta’ ċertu importanza u ta’ natura tali li jiġġustifikaw trattament differenti. Issa, ebda waħda mill-allegati differenzi mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ KFC u tal-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema CFA fid-data tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2001 mhija ta’ natura li tiġġustifika trattament differenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ trattament ugwali jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet komparabbli jew inkella fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Lease Plan, C-390/96, Ġabra p. I-2553, punt 34, u tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 84).

101

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni ttrattat b’mod differenti, fid-deċiżjoni kontenzjuża, lill-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema CFA u lill-impriżi li t-talba tagħhom għal awtorizzazzjoni CFA inizjali kienet pendenti fid-data ta’ din id-deċiżjoni billi pprovdiet skema tranżitorja għal tal-ewwel iżda mhux għal tat-tieni.

102

Mill-punti 87 sa 94 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan it-trattament differenti kien ġustifikat peress li dan il-kriterju ta’ distinzjoni jikkaratterizza sitwazzjonijiet oġġettivament differenti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi.

103

Għaldaqstant, meta fil-punti 149 u 150 tas-sentenza appellata ddeċidiet li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ma tatx lil KFC il-benefiċċju tal-imsemmija skema tranżitorja, għar-raġuni li, meta għamlet dan, hija ttrattat b’mod differenti individwi li kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-aspettattivi leġittimi li setgħu kellhom fl-għoti ta’ perijodu tranżitorju raġonevoli, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi.

104

Minn dan isegwi li l-ħames aggravju huwa fondat.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat is-sitt aggravju, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

106

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidiha.

107

F’dan il-każ, peress li mill-punti 84 sa 95 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv imressaq minn KFC insostenn tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kontenzjuża mhijiex fondata, hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni parti tal-imsemmi motiv kif ukoll it-tieni u t-tielet motivi invokati insostenn ta’ dan ir-rikors.

108

Issa, ir-risposta, b’mod partikolari, għal dan it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, timplika evalwazzjonijiet fattwali fuq il-bażi ta’ provi li ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

109

Minn dan jirriżulta li l-imsemmi rikors mhuwiex fi stat li jiġi deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li hemm lok li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi dwar din il-parti u dawn il-motivi.

Fuq l-ispejjeż

110

Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Settembru 2007, Koninklijke Friesland Foods vs Il-Kummissjoni (T-348/03), hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top