Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0504

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-7 ta' Mejju 2009.
    Associação Nacional de Transportadores Rodoviários de Pesados de Passageiros (Antrop) et. vs Conselho de Ministros, Companhia Carris de Ferro de Lisboa SA (Carris) u Sociedade de Transportes Colectivos do Porto SA (STCP).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Supremo Tribunal Administrativo - il-Portugall.
    Regolament (KEE) Nru 1191/69 - Obbligi ta’ servizz pubbliku - Għoti ta’ kumpens - Settur tat-trasport urban tal-passiġġieri.
    Kawża C-504/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:290

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    7 ta’ Mejju 2009 ( *1 )

    “Regolament (KEE) Nru 1191/69 — Obbligi ta’ servizz pubbliku — Għoti ta’ kumpens — Settur tat-trasport urban ta’ passiġġieri”

    Fil-Kawża C-504/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-, fil-kawża

    Associação Nacional de Transportadores Rodoviários de Pesados de Passageiros (Antrop) et

    vs

    Conselho de Ministros,

    Companhia Carris de Ferro de Lisboa SA (Carris),

    Sociedade de Transportes Colectivos do Porto SA (STCP),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris, L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Associação Nacional de Transportadores Rodoviários de Pesados de Passageiros (Antrop) et, minn J. Mota de Campos, advogado,

    għall-Conselho de Ministros, minn A. Duarte de Almeida, advogado,

    għas-Sociedade de Transportes Colectivos do Porto SA (STCP), minn C. Pinto Correia, advogado,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Righini u G. Braga da Cruz, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 73 KE u 87 KE kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1191/69”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, l-Associação Nacional de Transportadores Rodoviários de Pesados de Passageiros (Antrop) flimkien ma’ numru ta’ impriżi oħra (iktar ’il quddiem “Antrop et”) u, min-naħa l-oħra, il-Conselho de Ministros, Companhia de Carris de Ferro de Lisboa SA (iktar ’il quddiem “Carris”) u Sociedade de Transportes Colectivos do Porto SA (iktar ’il quddiem “STCP”) fir-rigward ta’ pagamenti ta’ kumpens, li jammontaw għal EUR 40916478 u EUR 12376201 rispettivament, mogħtija lil dawn tal-aħħar, għas-sena 2003, permezz tar-Riżoluzzjoni Nru 52/2003, tas-27 ta’ Marzu 2003, tal-Conselho de Ministros.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdu:

    “Billi wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni dwar it-trasport huwa li jiġu eliminati diskrepanzi li jistgħu jikkawżaw distorsjoni sostanzjali fil-kondizzjonijiet inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku li huma imposti fuq intrapriżi tat-trasport mill-Istati Membri;

    Billi huwa għalhekk meħtieġ li jintemmu l-obbligi ta’ servizz pubbliku definiti f’dan ir-Regolament; billi, madanakollu, huwa essenzjali f’ċerti każijiet li jinżammu dawn l-obbligi sabiex jiġi żgurat servizz ta’ trasport adegwat; billi l-adegwatezza tas-servizzi tat-trasport trid tiġi eżaminata fid-dawl tal-qagħda tal-provvista u tad-domanda fis-settur tat-trasport u tal-ħtiġiet tal-komunità”.

    4

    L-Artikolu 1(1) sa (5) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal intrapriżi tat-trasport li joperaw servizzi fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

    Stati Membri jistgħu jeskludu mill-iskop ta’ dan ir-Regolament xi intrapriżi li l-attivitajiet tagħhom ikunu limitati esklussivament għall-ħidma ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    ‘servizzi urbani u suburbani’ tfisser servizzi ta’ trasport li jilħqu l-ħtiġiet ta’ ċentru urban jew konurbazzjoni, u l-ħtiġiet ta’ trasport bejnu u l-inħawi ta’ madwar,

    ‘servizzi reġjonali’ tfisser servizzi ta’ trasport imħaddma biex jilħqu l-ħtiġiet tat-trasport ta’ kull reġjun.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom itemmu l-obbligazzjonijiet kollha li jinsabu fil-kunċett ta’ kull servizz pubbliku kif imfisser f’dan ir-Regolament impost fuq trasport bil-ferrovija, bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

    4.   Sabiex jiġi żgurat servizzi ta’ trasport adegwati li b’mod partikolari jieħdu inkonsiderazzjoni fatturi soċjali u ambjentali u l-ippjanar ta’ bliet u rħula, jew bil-għan li jiġu offruti nollijiet partikolari lil ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jagħmlu kuntratti ta’ servizz pubbliċi ma’ kull intrapriża tat-trasport. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ l-operat ta’ dawn il-kuntratti huma stabbiliti fit-Taqsima V.

    5.   Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jimponu l-obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku li għalih saret referenza fl-Artikolu 2 dwar servizzi ta’ trasport urban, suburban u reġjonali għal passiġġieri. Il-kondizzjonijiet u d-dettalji ta’ l-operat, inklużi metodi ta’ kumpens, huma stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV.

    Meta kull intrapriża tat-trasport mhux biss topera servizzi bla ħsara għal obbligazzjonijiet dwar servizz pubbliku iżda wkoll tagħmel attivitajiet oħra, is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu mħaddma bħala diviżjonijiet separati li ta’ l-inqas jilħqu l-kondizzjonijiet segwenti:

    a)

    il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull wieħed minn dawn l-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjoni ta’ l-assi li jappartienu għal kull wieħed għandhom jintużaw b’mod konformi mar-regoli tal-kontijiet li jkunu fis-seħħ;

    b)

    spejjeż għandhom ikunu bilanċjati bi dħul ta’ l-operat u pagamenti minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr il-possibbiltà ta’ trasferiment minn jew lejn settur ieħor ta’ l-attività ta’ l-intrapriża.”

    5

    Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1191/69:

    “1.   ‘Obbligi ta’ servizz pubbliku’ tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.

    2.   Obbligi ta’ servizz pubbliku skond it-tifsira tal-paragrafu 1 jikkonsistu fl-obbligu li wieħed jopera, l-obbligu li wieħed iġorr u obbligi ta’ tariffi.”

    6

    L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi:

    “Deċiżjonijiet biex jinżamm obbligu ta’ servizz pubbliku jew parti minnu, jew li jiġi terminat fl-aħħar ta’ perjodu speċifikat, għandhom jipprovdu għal kumpens li għandu jingħata fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirrisultaw minn dan; l-ammont ta’ dan il-kumpens għandu jiġi determinat skond il-proċeduri komuni li jinsabu fl-Artikoli 10 sa 13.”

    7

    L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi:

    “1.   L-ammont ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 6 għandu, f’każ ta’ obbligu li wieħed jopera jew li jġorr, ikun daqs id-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju u t-tnaqqis fid-dħul ta’ l-impriża jekk l-obbligu relevanti kollu jew il-parti relevanti minnu ġew mitmuma għall-perjodu ta’ żmien taħt kunsiderazzjoni.

    Madanakollu, jekk il-kalkolu ta’ l-iżvantaġġ ekonomiku kien sar billi ġie allokat fost il-partijiet differenti ta’ l-attivitajiet tagħha tat-trasport l-ispejjeż totali li waqgħu fuq l-intrapriża fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet tat-trasport, l-ammont ta’ kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż allokabbli għal dik il-parti ta’ l-attivitajiet ta’ l-intrapriża affettwata mill-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul relattiv.”

    8

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69 jipprovdi:

    “Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu [88](3) [KE].”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Carris hija impriża pubblika li, permezz ta’ kuntratt amministrattiv, kisbet il-konċessjoni ta’ servizz pubbliku għat-trasport ta’ passiġġieri bl-użu ta’ xarabanks, ta’ vetturi tal-elettriku u ta’ lifts mekkaniċi ġewwa l-limiti amministrattivi tal-belt ta’ Liżbona. Skont l-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha, Carris għandha, b’mod partikolari, tiżgura l-funzjonament regolari u kontinwu tas-servizz mogħti lilha taħt konċessjoni skont il-kundizzjonijiet tariffari ddefiniti mill-konċessjonant.

    10

    Min-naħa tagħha, STCP hija, skont att leġiżlattiv li biddel is-servizz muniċipali f’kumpannija pubblika b’responsabbilità limitata, impriża pubblika proprjetarja tal-konċessjoni ta’ servizz pubbliku għat-trasport ta’ passiġġieri ġewwa l-limiti amministrattivi tal-belt ta’ Porto.

    11

    Inkambju għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport urban ta’ passiġġieri, Carris u STCP ilhom, għal diversi snin, jibbenefikaw minn diversi vantaġġi mogħtija mill-Istat. Dawn jikkonsistu, b’mod partikolari, f’pagamenti ta’ kumpens, f’kapital inizjali u f’garanziji ta’ kreditu mogħtija mill-Istat.

    12

    Lil hinn mil-limiti ġeografiċi taż-żoni li jikkorrispondu għall-konċessjonijiet rispettivi tagħhom, Carris u STCP, mingħajr ma huma suġġetti għal obbligu ta’ servizz pubbliku, joperaw ukoll rotot ta’ xarabanks li fuqhom huma attivi impriżi oħra, b’mod partikolari Antrop et. Dawn tal-aħħar jipprovdu servizzi ta’ trasport taħt l-iskema ta’ delega ta’ servizz pubbliku u huma suġġetti għal regoli li jirrigwardaw ir-rotot, il-ħinijiet u t-tariffi. Huwa minħabba l-attività ta’ Carris u ta’ STCP fuq dawn l-istess rotot li Antrop et allegaw distorsjoni tal-kompetizzjoni u kkontestaw ir-Riżoluzzjoni Nru 52/2003.

    13

    Antrop et isostnu li huma m’għandhomx riżorsi ħlief id-dħul mill-operat tagħhom li ġej mit-tariffi fis-seħħ, b’mod li t-telf mill-operat li jirriżulta mill-attività tagħhom huwa esklużivament kopert mill-kapital tagħhom stess, filwaqt li t-telf eventwali, l-ispejjeż għall-investiment u l-kapital ta’ Carris u ta’ STCP huma koperti minn għajnuna pubblika. L-għoti ta’ dawn l-għajnuniet jikkostitwixxi, għalhekk, fattur li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sostnew li r-Riżoluzzjoni Nru 52/2003, fil-parti kkontestata, tikser il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kompetizzjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari l-Artikoli 86 KE, 87(1) KE, 88 KE, u 89 KE, kif ukoll ir-Regolament Nru 1191/69 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70, tal-4 ta’ Ġunju 1970, dwar l-għoti ta’ għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 39)

    14

    Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li qamet, quddiem il-qorti nazzjonali, id-domanda dwar il-bżonn li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    15

    Wara li sema’ l-partijiet u peress li qies li tali rinviju kien neċessarju, is-Supremo Tribunal Administrativo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Fid-dawl tal-Artikoli 73 KE, 87 KE u 88 KE u fid-dawl tar-Regolament […] Nru 1191/69, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriża pubblika inkarigata sabiex tiżgura t-trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’komun?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jikkumpensaw dawn l-obbligi?

    3)

    L-awtoritajiet nazzjonali għandhom, f’sitwazzjoni fejn ma jkunux obbligati jagħmlu sejħiet għal offerti għall-konċessjoni tal-operat ta’ netwerk ta’ trasport, jestendu l-obbligu ta’ kumpens għall-impriżi kollha li huma kkunsidrati, fid-dawl tad-dritt nazzjonali u fl-istess żona, bħala li jipprovdu t-trasport pubbliku ta’ passiġġieri?

    4)

    Fl-affermattiv, liema għandu jkun il-kriterju għal kumpens?

    5)

    Fil-każ ta’ impriżi ta’ trasport ta’ passiġġieri b’xarabank li, permezz ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku, jeżerċitaw l-attività tagħhom skont sistema ta’ esklużività ġewwa perimetri urbani speċifiċi, iżda li jeżerċitaw ukoll din l-attività f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati barra miż-żoni urbani li huma s-suġġett ta’ sistema ta’ esklużività, li lilhom l-Istat jagħti, sena wara sena, għajnuna intiża sabiex tkopri l-iżbilanċi permanenti tal-operat ta’ dawn l-impriżi, din l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita mill-Artikolu 87(1) KE, meta:

    a)

    ma jkunx possibbli li tiġi stabbilita, abbażi ta’ data ċerta tal-kontabbiltà rispettiva tagħhom, id-differenza bejn l-ispejjeż imputabbli għall-parti tal-attività ta’ dawn l-impriżi fiż-żona li hija s-suġġett tal-konċessjoni u l-profitti korrispondenti, u meta konsegwentement ma jkunx possibbli li tiġi kkalkulata l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li, minħabba l-konċessjoni, tista’ tkun is-suġġett ta’ għajnuna mill-Istat;

    b)

    il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mill-impriżi inkwistjoni tista’, minħabba f’hekk, tinżamm jew tiżdied, b’tali mod li jitnaqqsu l-possibbiltajiet għall-impriżi l-oħra stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew fi Stat Membru ieħor li jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ transport,

    c)

    u dan minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 KE?

    6)

    Fid-dawl tal-kundizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja toħroġ mill-Artikolu 87(1) KE […], b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans [u Regierungspräsidium Magdeburg] (C-280/00 [Ġabra p. I-7747]), għall-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (‘L-ewwel nett, irid ikun hemm intervent mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stat Membri. It-tielet nett, dan l-intervent irid jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan l-intervent irid iwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni’), x’inhuwa s-sinjifikat u l-portata tal-esspressjonijiet 1) għoti ta’ vantaġġ li 2) joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, f’sitwazzjoni fejn il-benefiċjarji jkollhom l-esklużività tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri fl-ibliet ta’ Liżbona u ta’ Porto, iżda jipprovdu wkoll servizzi ta’ trasport lejn u minn dawn l-ibliet, f’żoni fejn huma attivi wkoll operaturi oħra? Fi kliem ieħor, liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li l-għoti ta’ vantaġġ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni? Għal dan il-għan, huwa rilevanti li tkun magħrufa l-perċentwali tal-ispejjeż li, fi ħdan dawn l-impriżi, huma imputabbli għal-linji ta’ xarabanks li joperaw ’il barra miż-żona ta’ esklużività? Fil-qosor, huwa neċessarju li l-għajnuna jkollha impatt fuq l-attività eżerċitata barra miż-żona ta’ esklużività (Liżbona u Porto) b’mod konkretament sinjifikattiv?

    7)

    L-intervent tal-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej] previst fl-Artikoli 76 KE u 88 KE huwa l-uniku mezz legali li permezz tiegħu tista’ tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jew l-effett utli tad-dritt Komunitarju jeżiġi iktar, jiġifieri l-possibbiltà ta’ applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mill-qrati nazzjonali fuq it-talba ta’ individwi li jqisu lilhom infushom ippreġudikati mill-għoti ta’ sussidju jew ta’ għajnuna li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel erba’ domandi

    16

    L-ewwel erba’ domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien inkwantu jirrigwardaw, essenzjalment, is-setgħat tal-Istati Membri li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-impriżi tat-trasport u l-obbligi ta’ kumpens li eventwalment joħorġu minn dawn l-obbligi ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

    17

    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li m’hemm xejn fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxi li r-Repubblika Portugiża għamlet użu mill-possibbiltà, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1191/69, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-impriżi li l-attività tagħhom tkun limitata esklużivament għall-esplojtazzjoni ta’ servizzi urbani, suburbani jew reġjonali. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament huma għal kollox applikabbli għal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

    18

    Minkejja li t-tmiem tal-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku huwa l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1191/69, kif joħroġ kemm mill-ewwel u t-tieni premessi u kemm mill-Artikolu 1(3) tiegħu, l-Artikolu 1(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jżommu jew jimponu l-obbligi ta’ servizz pubbliku li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport urban, suburban u reġjonali għal passiġġieri. Il-kundizzjonijiet u d-dettalji tal-operat, inklużi l-metodi ta’ kumpens, huma stabbiliti fit-Taqsimiet II, III u IV tal-istess regolament.

    19

    Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1191/69, id-deċiżjonijiet li jinżamm jew li jiġi tterminat fl-aħħar ta’ perijodu speċifiku obbligu ta’ servizz pubbliku, jew parti minnu, għandhom jipprovdu għall-għoti ta’ kumpens fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn dan l-obbligu u l-ammont ta’ dan il-kumpens għandu jiġi ddeterminat skont il-proċeduri komuni previsti fl-Artikoli 10 sa 13 tal-imsemmi regolament.

    20

    Sa fejn l-obbligu ta’ kumpens huwa, skont ir-Regolament Nru 1191/69, neċessarjament marbut mal-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, ma jistgħux jibbenefikaw minn tali kumpens l-impriżi li, fl-ipoteżi deskritta mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet domanda, huma kkunsidrati bħala operaturi ta’ servizz ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’komun mingħajr ma huma suġġetti għal xi obbligu ta’ servizz pubbliku.

    21

    Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel erba’ domandi għandha tkun li r-Regolament Nru 1191/69 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriża pubblika inkarigata li tiżgura t-trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’komun u li jipprovdi, fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn dawn l-obbligi, għall-għoti ta’ kumpens iddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

    Fuq il-ħames domanda

    22

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens minn Stat Membru, bħal dawk fil-kawża prinċipali, lill-impriżi tat-trasport li għandhom konċessjoni ta’ servizz pubbliku u li jibbenefikaw, ġewwa perimetri urbani speċifiċi, minn sistema ta’ esklużività minħabba l-obbligi ta’ servizz pubbliku li għalihom huma suġġetti, jikkostitwixix għajnuna mill-Istat ipprojbita mill-Artikolu 87(1) KE meta, barra minn hekk, dawn l-impriżi jeżerċitaw ukoll l-attività tagħhom f’kompetizzjoni ma’ operaturi privati barra mill-imsemmija perimetri, u kemm-il darba ma jkunx possibbli li tiġi kkalkulata l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

    23

    Għandu jiġi mill-ewwel ikkonstatat li l-Artikolu 87 KE jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li l-Artikolu 73 KE jistabbilixxi, fil-qasam tat-trasport, deroga mir-regoli ġenerali li japplikaw għall-għajnuna mill-Istat, billi jipprovdi li l-għajnuniet meħtieġa għall-koordinament tat-trasport jew li jikkorrispondu għal rimborżi ta’ ċerti piżijiet inerenti għall-kunċett ta’ servizz pubbliku għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat. Ir-Regolament Nru 1191/69 jistabbilixxi sistema li l-Istati Membri huma obbligati jirrispettaw meta jippjanaw li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-impriżi tat-trasport fuq l-art (ara s-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    24

    B’mod konformi mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1191/69, id-deċiżjonijiet li jinżamm jew li jiġi tterminat fl-aħħar ta’ perijodu speċifiku obbligu ta’ servizz pubbliku, jew parti minnu, għandhom jipprovdu għall-għoti ta’ kumpens fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn dan l-obbligu u l-ammont ta’ dan il-kumpens għandu jiġi ddeterminat skont il-proċeduri komuni previsti fl-Artikoli 10 sa 13 ta’ dan l-istess regolament.

    25

    L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69 jeżiġi b’mod partikolari li l-ammont tal-kumpens, f’każ ta’ obbligu li wieħed jopera jew li jġorr, għandu jkun daqs id-differenza bejn it-tnaqqis fil-piż finanzjarju u t-tnaqqis fid-dħul tal-impriża li tista’ tirriżulta jekk l-obbligu inkwistjoni kollu, jew il-parti rilevanti tiegħu, jintemmu matul il-perijodu ta’ żmien taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, jekk il-kalkolu tal-iżvantaġġ ekonomiku jkun sar billi l-ispejjeż totali tal-impriża fir-rigward tal-attività ta’ trasport tagħha jiġu diviżi bejn il-partijiet differenti ta’ din l-attività ta’ trasport, l-ammont tal-kumpens għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ispejjeż marbuta mal-parti tal-attività tal-impriża kkonċernata mill-obbligu ta’ servizz pubbliku u d-dħul korrispondenti.

    26

    Issa, kif joħroġ mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju u li huma riflessi fil-formulazzjoni stess tal-ħames domanda, peress li l-attivitajiet ta’ Carris u ta’ STCP mwettqa, rispettivament, ’il barra mill-perimetru ta’ esklużività tagħhom mhumiex suġġetti għal obbligu ta’ servizz pubbliku, mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita, abbażi ta’ data ċerta tal-kontabbiltà ta’ dawn iż-żewġ impriżi, id-differenza bejn l-ispejjeż imputabbli għall-parti tal-attività ta’ dawn l-impriżi fiż-żoni li huma s-suġġett tal-konċessjoni rispettiva tagħhom u l-profitt korrispondenti, u, għalhekk, mhuwiex possibbli li tiġi kkalkulata l-ispiża addizzjonali li tirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku minn dawn l-impriżi.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1191/69 mhijiex sodisfatta għaliex l-ispejjeż imputabbli għall-parti tal-attività mwettqa minn Carris u minn STCP fiż-żoni tal-konċessjoni esklużiva mogħtija lil kull waħda minhom ma jistgħux jiġu stabbiliti b’mod ċert.

    28

    F’dan il-każ, peress li l-pagamenti ta’ kumpens li bbenefikaw minnhom l-imsemmija impriżi ma ngħatawx b’mod konformi mar-Regolament Nru 1191/69, huma mhumiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju u għalhekk m’hemmx bżonn li jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, b’ mod partikolari tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

    29

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 1191/69 ma jippermettix l-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens, bħal dawk fil-kawża prinċipali, meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat l-ammont tal-ispejjeż imputabbli għall-attività tal-imsemmija impriżi eżerċitata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom.

    Fuq is-sitt domanda

    30

    Fid-dawl tar-risposta għall-ħames domanda, m’hemmx bżonn li tingħata risposta għas-sitt domanda.

    Fuq is-seba’ domanda

    31

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali qiegħda essenzjalment tistaqsi x’inhu r-rwol tal-qrati nazzjonali meta jikkonstataw li għajnuna mill-Istat ingħatat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

    32

    Peress li l-pagamenti ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69, il-kompatibbiltà ta’ dawn il-pagamenti mad-dritt Komunitarju għandha tiġi eżaminata, kif imfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet previsti f’dan ir-regolament u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat.

    33

    Minħabba l-effet dirett tar-Regolament Nru 1191/69, hija l-qorti tar-rinviju li, fil-każ li tasal għall-konklużjoni li l-imsemmija pagamenti ta’ kumpens ma ngħatawx b’mod konformi mal-imsemmi regolament, għandha, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali, tislet minn din il-konklużjoni l-konsegwenzi kollha dwar il-validità tal-atti li jimplementaw l-imsemmija pagamenti.

    34

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li meta qorti nazzjonali tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna mar-Regolament Nru 1191/69, hija għandha, fid-dawl tal-applikabbiltà diretta ta’ dan ir-regolament, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali tagħha, tislet minn din il-konklużjoni l-konswegwenzi kollha dwar il-validità tal-atti li jimplementaw l-imsemmija miżuri.

    Fuq l-ispejjeż

    35

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal-, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq impriża pubblika inkarigata li tiżgura t-trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’komun u li jipprovdi, fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji li jirriżultaw minn dawn l-obbligi, għall-għoti ta’ kumpens iddeterminat skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

     

    2)

    Ir-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, ma jippermettix l-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens, bħal dawk fil-kawża prinċipali, meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat l-ammont tal-ispejjeż imputabbli għall-attività tal-imsemmija impriżi eżerċitata fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom.

     

    3)

    Meta qorti nazzjonali tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ ċerti miżuri ta’ għajnuna mar-Regolament Nru 1191/69, kif emendat bir-Regolament Nru 1893/91, hija għandha, b’mod konformi mad-dritt nazzjonali, tislet minn din il-konklużjoni l-konswegwenzi kollha dwar il-validità tal-atti li jimplementaw l-imsemmija miżuri.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

    Top