Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0425

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-23 ta' April 2009.
    AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Kompetizzjoni - Ċħid ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni - Disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni - Nuqqas ta’ interess Komunitarju.
    Kawża C-425/07 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:253

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    23 ta’ April 2009 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Ċaħda ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni — Disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni — Nuqqas ta’ interess Komunitarju”

    Fil-Kawża C-425/07 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2007,

    AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE, stabbilita f’Maroussi (il-Greċja), irrappreżentata minn T. Asprogerakas Grivas, dikigoros,

    rikorrenti

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u T. Christoforou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka, U. Lõhmus u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2008,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE (iktar ‘il quddiem “AEPI”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tat-12 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il-Kummissjoni (T-229/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet bħala infondat ir-rikors ippreżentat minn AEPI intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG-Greffe (2005) D/201832, tat-18 ta’ April 2005, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti fir-rigward ta’ allegat ksur tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE imwettaq mill-korpi Griegi ta’ tmexxija kollettiva tad-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-mużika Erato, Apollon u Grammo (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    2

    Mill-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-fatti li wasslu għall-kawża jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

    3

    Ir-rikorrenti hija kumpannija b’responsabbiltà limitata tad-dritt Grieg li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-qasam tal-mużika ġewwa l-Greċja.

    4

    Fit-3 ta’ Marzu 1993, ir-Repubblika Ellenika adottat il-Liġi Nru 2121/1993, dwar id-drittijiet tal-awtur, id-drittijiet relatati u l-kwistjonijiet kulturali (FEK A’ 25/4.3.1993, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2121/1993”). Abbażi tal-Artikolu 54 ta’ din il-liġi, l-awturi jistgħu jafdaw it-tmexxija jew il-protezzjoni tad-drittijiet intelletwali tagħhom ma’ korpi ta’ tmexxija kollettiva, li l-attività tagħhom hija suġġetta għal awtorizzazzjoni maħruġa mill-Ministeru tal-Kultura Grieg. L-Artikolu 58 tal-istess liġi jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 54 japplikaw b’analoġija għat-tmexxija u għall-protezzjoni tad-drittijiet relatati.

    5

    Ir-rikorrenti talbet awtorizzazzjoni għad-drittijiet tal-awtur u għad-drittijiet relatati kollha fil-qasam tal-mużika. Madankollu, il-Ministeru tal-Kultura Grieg ħarġilha awtorizzazzjoni limitata għat-tmexxija kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali.

    6

    Tliet korpi Griegi ta’ tmexxija kollettiva tad-drittijiet relatati, jiġifieri Erato, Apollon u Grammo (iktar ’il quddiem it-“tliet korpi”), kisbu awtorizzazzjoni għat-tmexxija kollettiva tad-drittijiet relatati, rispettivament, tal-kantanti li jinterpretaw, tal-mużiċisti li jeżegwixxu, u l-produtturi ta’ sostenn materjali awdjo u/jew viżivi.

    7

    Fit-22 ta’ Marzu 2001, ir-rikorrenti resqet ilment lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tar-Repubblika Ellenika kif ukoll tat-tliet korpi. Hija sostniet, minn naħa, li dawn kienu qed jiksru l-Artikoli 81 KE u 82 KE peress li dawn kienu wettqu abbuż minn pożizzjoni dominanti u ħolqu akkordji kif ukoll prattiki miftehma (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“prattiii allegati”), u min-naħa l-oħra, talbet li r-Repubblika Ellenika titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-ksur tal-Artikolu 81 KE, minħabba li l-Liġi Nru 2121/1993 kienet tippermetti lill-korpi msemmija li jwettqu l-prattiki allegati.

    8

    Fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti enfasizzat li l-kumpens tad-drittijiet relatati kienet ġiet iffissata għal livell eċċessivament għoli, li kien jammonta sa 5% tad-dħul gross tax-xandara tar-radju u tat-televiżjoni Griegi. Dan l-aġir jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, li jikkawżalha dannu gravi u irreparabbli, peress li l-impriżi kkonċernati mhumiex f’pożizzjoni li jħallsu dawn l-ammonti eċċessivi, u b’hekk iċaħħdu lir-rikorrenti milli tirċievi r-royalties li titlob fuq id-drittijiet tal-awtur.

    9

    B’ittra tas-7 ta’ Diċembru 2004, għal raġunijiet legali u proċedurali, il-Kummissjoni qasmet l-ilment f’żewġ partijiet, waħda li tirrigwarda lir-Repubblika Ellenika u l-oħra li tirrigwarda lit-tliet korpi.

    10

    Fit-18 ta’ April 2005, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ċaħdet l-ilment li jirrigwarda lit-tliet korpi permezz tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju.

    11

    Il-kunsiderazzjonijiet rilevanti li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma fformulati kif ġej:

    “Fil-każ inkwistjoni, l-allegat ksur mhuwiex tali li joħloq disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, peress li l-partijiet kollha involuti għandhom is-sede tagħhom fil-Greċja u jeżerċitaw l-attività kummerċjali tagħhom hemmhekk biss. Mhuwiex previst li din is-sitwazzjoni tinbidel, jiġifieri li t-tliet korpi […] wara ftit jibdew jeżerċitaw l-attività kummerċjali tagħhom f’pajjiżi oħra, meta wieħed iqis l-istruttura tas-swieq tas-servizzi għall-ħarsien tad-drittijiet relatati u d-diffikultajiet prattiċi ta’ din l-impriża. Minbarra dan, l-effetti tal-prattiki li qed jiġu allegati jseħħu biss fil-kuntest tas-suq Grieg. Il-kuntratti għall-użu tal-mużika jiġu konklużi biss ma’ xandara tar-radju u tat-televiżjoni, kif ukoll utenti oħra li jinsabu l-Greċja. It-tliet korpi […] huma kompetenti biss għall-ħarsien tad-drittijiet relatati fil-Greċja u m’għandhomx il-possibbiltà prattika li jeżerċitaw din il-kompetenza barra minn dan il-pajjiż.

    Min-naħa l-oħra, sabiex tagħti prova tal-eżistenza ta’ ksur eventwali[,] il-Kummissjoni tagħmel investigazzjoni kumplessa fuq il-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq ikkonċernat u fuq l-alternattivi disponibbli. Fl-ewwel lok, peress li, minn naħa, il-liġi Griega (b’konformità mad-Direttiva [tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120)] tipprovdi li kumpens wieħed għandu jingħata għad-drittijiet relatati kollha [u], min-naħa l-oħra, il-ksur allegat huwa dovut għall-fatt li t-tliet korpi jippreżentaw rwieħhom mal-utenti biex jitolbu dan il-kumpens, il-Kummissjoni għandha tagħti prova tal-eżistenza u l-effiċjenza eventwali ta’ metodi li jippermettu li jintalab separatament il-ħlas tal-kumpens uniku. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni għandha mhux [biss] tagħti prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva min-naħa tat-tliet korpi, iżda, skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja [tat-13 ta’ Lulju 1989,] Tournier [(395/87, Ġabra p. 2521)], kif ukoll Lucazeau [et (110/88, 241/88 u 242/88, Ġabra p. 2811)], għandha tistħarreġ ukoll il-livelli relatati mal-prezzijiet tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ kalkoli rispettivi, fuq il-kriterji li ntużaw u fuq il-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq Grieg meta mqabbel [mas-swieq tal-]pajjiżi Ewropej l-oħra.

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kumpannija tagħkom għandha l-possibbiltà li tressaq l-ilmenti tagħha quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, tista’ tkun kompetenti l-Awtorità Griega għall-Kompetizzjoni. L-Awtorità Griega għall-Kompetizzjoni hija, permezz tal-għarfien iddettaljat tal-kundizzjonijiet tas-suq nazzjonali, li hija għandha, perfettament kapaċi tiddeċiedi l-ilment tagħkom. Il-fatt li l-partijiet kollha involuti u l-utenti kollha tal-mużika kkonċernati għandhom is-sede tagħhom u jeżerċitaw l-attività kummerċjali tagħhom fis-suq Grieg jagħti importanza ulterjuri lill-għarfien iddettaljat tal-kundizzjonijiet tas-suq lokali. Wara kollox, din l-awtorità għandha l-kompetenza li tapplika l-Artikoli [81 KE u 82 KE] daqs kemm għandha l-Kummissjoni […].

    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-portata u l-kumplessità tal-miżuri ta’ stħarriġ meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk l-aġir tat-tliet korpi […] kienx konformi jew le mar-regoli tad-dritt Komunitarju dwar il-Kompetizzjoni huma sproporzjonati meta pparagunati mal-importanza daqstant limitata ta’ ksur eventwali li jmur kontra l-operat tas-suq komuni. Għaldaqstant il-kwistjoni ma tissollevax l-interess Komunitarju meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni.”

    12

    Fl-aħħar, fl-20 ta’ April 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqaf il-proċeduri fil-konfront tal-parti tal-ilment li tirrigwarda l-allegat ksur min-naħa tar-Repubblika Ellenika. Ir-rikors ippreżentat mill-AEPI kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz tad-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Settembru 2006, AEPI vs Il-Kummissjoni (T-242/05), li kien is-suġġett ta’ appell li wkoll ġie miċħud permezz tad-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il-Kummissjoni (C-461/06 Ρ).

    Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    13

    Fil-kuntest tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti invokat żewġ motivi li jirrigwardaw, rispettivament, żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-interess Komunitarju li għandhom il-prattiki allegati u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    14

    Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li f’dak li jirrigwarda s-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ipproċessar tal-ilmenti, l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju ta’ lment fil-qasam tal-kompetizzjoni tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi ta’ kull każ, li jistgħu jvarjaw ħafna minn każ għall-ieħor, u mhux minn kriterji stabbiliti bil-quddiem li għandhom jiġu applikati b’mod obbligatorju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet tgħid li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-inkarigu tagħha li jikkonsisti fit-tħaris tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, tiddefinixxi u timplementa l-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, u għal dan il-għan tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fl-ipproċessar tal-ilmenti msemmija.

    15

    Fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li, sabiex jiġi evalwat l-interess Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tibbilanċja d-daqs tal-ksur allegat fuq l-operat tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu, kif ukoll il-portata tal-miżuri ta’ investigazzjoni neċessarji, sabiex tissodisfa, bl-aqwa mod possibbli, l-inkarigu tagħha li tissorvelja l-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    16

    F’dan il-każ, fil-punti 45 u 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq tliet motivi sabiex tikkonkludi li l-prattiki allegati kienu nieqsa minn interess Komunitarju, jiġifieri li dawn mhumiex kapaċi li jipprovokaw disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, li l-Kummissjoni jkollha tagħti bidu għal stħarriġ kumpless fuq il-kundizzjonijiet tas-suq sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat ksur, u li l-ħarsien tad-drittijiet kif ukoll tal-interessi tar-rikorrenti jista’ jiġi ggarantit mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li, fil-kuntest tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ikkontesta biss l-ewwel wieħed minn dawn il-motivi.

    17

    Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat dan l-ewwel motiv fit-termini segwenti:

    “47

    Konsegwentement, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiġi limitata għall-argumenti tar-rikorrenti li bihom tikkontesta n-nuqqas ta’ dannu lejn il-kummerċ bejn Stati Membri, billi osservat li l-impożizzjoni ta’ royalties b’ammont eċċessiv għad-drittijiet relatati kienet tikkostitwixxi prattika li tista’ tippreġudika s-suq komuni skont l-Artikolu 81 KE u 82 KE, anki jekk hija limitata għat-territorju Grieg.

    48

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat, fl-ewwel lok, li l-partijiet kollha involuti fil-kwistjoni kellhom is-sede tagħhom u kienu jeżerċitaw l-attività kummerċjali tagħhom fil-Greċja, fit-tieni lok, li ma kienx probabbli li l-attività kummerċjali tat-tliet korpi […] setgħet tiġi estiża lejn pajjiżi oħra, u, fit-tielet lok, li l-utenti tal-mużika kienu ta’ ċittadinanza Griega u li t-tliet korpi […] kellhom kompetenza biss fit-territorju Grieg.

    49

    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-ebda wieħed mill-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati mir-rikorrenti ma jippermetti li jintwera li l-prattiki allegati jinfluwenzaw il-kurrenti kummerċjali bejn Stati Membri b’mod li jista’ jippreġudika l-kisba tal-għanijiet ta’ suq uniku. Fil-fatt, ir-rikorrenti llimitat ruħha sabiex tinvoka d-diffikultajiet finanzjarji sostnuti mill-kumpanniji ta’ tmexxija tad-drittijiet tal-awtur u mill-utenti ta’ mużika fil-Greċja u fl-Istati Membri kollha, mingħajr ma rnexxielha tipprova l-affermazzjonijiet tagħha stess jew, għall-inqas, mingħajr ma ppreżentat elementi f’dan is-sens.

    50

    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħidu li l-disfunzjonijiet kunsiderevoli għas-suq komuni huma dovuti għall-fatt li d-drittijiet tal-awturi Griegi u barranin huma rriżervati għal kumpannijii stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, għandu jiġi osservat li l-kompetenza tat-tliet korpi […] hija limitata għat-territorju Grieg u li, konsegwentement, huma essenzjalment l-utenti ta’ mużika fit-territorju Grieg u l-awturi Griegi li jbatu l-allegati preġudizzji li jirriżultaw mill-prattiki allegati.

    51

    Fir-rigward tal-argumenti li jgħidu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ksur limitat għat-territorju ta’ Stat Membru jista’ jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawżi li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet, l-ostaklu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri kien jirriżulta jew minn prattika miftiehma bejn kumpanniji nazzjonali ta’ tmexxija ta’ drittijiet tal-awtur, li kien ikollha bħala effett ir-rifjut sistematiku lill-utenti barranin tal-aċċess dirett għar-repertorju tagħhom (sentenzi Lucazeau et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u Tournier, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), jew mill-esklużjoni ta’ kull kompetitur potenzjali fis-suq ġeografiku li jikkonsisti minn Stat Membru wieħed (sentenza [tas-6 ta’ April 1995,] RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, [C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743], punt 70). Konsegwentement, il-kawżi invokati mgħandhom xejn inkomuni ma’ din il-kawża.

    52

    Fir-rigward tal-allegata ħtieġa ta’ uniformità u ta’ proporzjonalità bejn l-Istati Membri fil-qasam ta’ royalties fir-rigward tad-drittijiet relatati, li hija stabbilita mis-sentenza [tas-6 ta’ Frar 2003,] SENA [(C-245/00, Ġabra p. I-1251)], għandu jiġi osservat li, f’din is-sentenza (punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kuntrarju, fis-sens li ma hemmx definizzjoni Komunitarja tal-ħlas ta’ kumpens ekwu, u li ma jeżistux raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-iffissar, min-naħa tal-qorti Komunitarja, ta’ metodi ta’ determinazzjoni ta’ tali ħlas ta’ kumpens.

    53

    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jirriżulta b’mod ċar mill-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004 u mid-deċiżjoni kkontestata li dan huwa infondat peress li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ tali ksur.

    54

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda element konkret li juri l-eżistenza attwali jew potenzjali ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    55

    B’hekk, ir-rikorrenti ma tipprovax li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-prattiki allegati mir-rikorrenti kienu jipproduċu l-effetti tagħhom l-iktar, jew saħansitra fis-suq Grieg biss, u li għaldaqstant ma kinux tali li jippreġudikaw il-kummerċ bejn Stati Membri skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    56

    Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    18

    Fir-rigward tat-tieni motiv, u b’mod partikolari tal-ilment li jgħid li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet deċiżjoni abbażi tal-provi u tal-argumenti kollha li kienu ġew ippreżentati, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet biss marbuta li tesponi l-kunsiderazzjonijiet legali li kienu ta’ importanza essenzjali għat-teħid tad-deċiżjoni. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kienet indikat bil-kjarezza meħtieġa l-motivi konkreti tar-rifjut tal-ilment (punti 62 u 63 tas-sentenza appellata).

    19

    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-appell fit-totalità tiegħu.

    It-talbiet tal-partijiet

    20

    AEPI titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġbha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddeċiedi fuq il-mertu b’mod konformi mat-talbiet ifformulati mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid u;

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha.

    21

    Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    Fuq l-ammissibbiltà

    22

    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-appell, billi ssostni li l-aggravji kollha tal-appell essenzjalment jikkoinċidu mal-argumenti u l-provi li l-appellanti ressqet fl-ewwel istanza, mingħajr ma identifikat b’mod speċifiku l-iżbalji ta’ liġi li hemm fis-sentenza appellata.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt u għandu jkun ibbażat fuq motivi ta’ inkompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li jagħmel ħsara lill-interessi tal-appellanti kif ukoll ta’ ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

    24

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt evalwati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid waqt l-appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, C-240/03 P, Ġabra p. I-731, punt 107, kif ukoll, b’mod partikolari, id-Digrieti tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament, C-488/01 P, Ġabra p. I-13355, punt 39, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Front national et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-338/05 P, punt 23).

    25

    Barra minn hekk, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati mis-sentenza li qed jintalab l-annullament tagħha, kif ukoll l-argumenti legali li b’mod speċifiku jsostnu lil din it-talba (ara s-sentenza Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105, kif ukoll, b’mod partikolari, id-Digrieti ċċitati iktar ’il fuq Martinez vs Il-Parlament, punt 40, u Front national et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 24).

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti identifikat ċerti punti tas-sentenza appellata, jiġifieri, b’mod partikolari, il-punti 38, 41 sa 43, 44 u 54, li hija tifformula argumenti legali kontrihom li huma intiżi sabiex juru li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi.

    27

    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

    Fuq il-mertu

    28

    Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem ħames aggravji. L-ewwel aggravju jirrigwarda nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-ilmenti mressqa quddiemha. Permezz tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ aggravji, l-appellanti essenzjalment issostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija infondata u mingħajr motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li l-kummerċ bejn Stati Membri mhuwiex milqut. Fl-aħħar, permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tosserva li s-sentenza appellata tikkontjeni żball ta’ liġi, peress li l-eżistenza ta’ effett, anki jekk potenzjali biss, fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, hija biżżejjed sabiex tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    Fuq l-ewwel aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    29

    L-appellanti tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni fil-punt 38 tas-sentenza appellata, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservatx il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li għandha fil-kuntest tal-ipproċessar tal-ilmenti dwar il-kompetizzjoni mressqa quddiemha. Effettivament, il-fatt li tali setgħa diskrezzjonali hija rrikonoxxuta lill-Kummissjoni f’dan il-kuntest, ma jiġġustifikax iċ-ċaħda ta’ rikors, għaliex is-setgħa diskrezzjonali inkwistjoni ma tistax tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju.

    30

    Il-Kummissjoni twieġeb li l-Qorti tal-Prim’Istanza mmotivat b’mod preċiż u komplut l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li fid-deċiżjoni kkontestata, hija osservat il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    — L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    31

    Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun meta fil-punt 38 tas-sentenza appellata, qieset li l-Kummissjoni għandha tiddefinixxi u timplementa l-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, u li għal dan il-għan, hija tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali fl-ipproċessar tal-ilmenti mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, Ġabra p. I-1341, punti 88 u 89).

    32

    Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tevalwa jekk il-Kummissjoni eżerċitatx din is-setgħa fil-limiti stabbiliti mill-ġurisprudenza.

    33

    Fil-fatt, wara li fil-punt 39 tas-sentenza appellata fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tassenja livelli ta’ prijorità lill-ilmenti mressqa quddiemha, hija tista’ tistabbilixxi l-ordni li fih dawn l-ilmenti jiġu evalwati u tuża, bħala kriterju ta’ prijorità, l-interess Komunitarju li jkollu każ partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ippreċiżat, fil-punt segwenti tas-sentenza msemmija, li sabiex tevalwa l-interess Komunitarju, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u, b’mod partikolari l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha, billi ssib bilanċ bejn l-importanza tal-ksur allegat għall-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi neċessarji.

    34

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li b’mod partikolari, hija għandha tivverifika jekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżultax li l-Kummissjoni sabitx dan il-bilanċ (punt 41 tas-sentenza appellata).

    35

    Fil-punti segwenti tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet preċiżament tali verifika.

    36

    B’mod partikolari, fil-punti 46 u s-segwenti tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun meta qieset li l-prattiki allegati ma kinux kapaċi li jipprovokaw disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni sabiex waslet għall-konklużjoni li ma kienx hemm interess Komunitarju biżżejjed li jwassal għal investigazzjoni ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni.

    37

    B’dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssuġġettat għal stħarriġ ġudizzjarju l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi lmentat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma evalwatx jekk fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservatx jew le l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-ipproċessar tal-ilmenti mressqa quddiemha. Konsegwentement, f’dan ir-rigward, is-sentenza appellata mhix milquta minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

    39

    Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    40

    Permezz tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ aggravju tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti tirreferi għall-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jgħidu li, meta l-effetti ta’ ksur jinħassu fuq it-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, għar-raġuni li dan il-ksur ma jolqotx il-kummerċ intra-Komunitarju.

    41

    Għaldaqstant, b’mod partikolari permezz tat-tieni u t-tielet aggravju tagħha, hija tinvoka żbalji ta’ evalwazzjoni jew nuqqas ta’ motivazzjoni fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, l-appellanti tilmenta li fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq ġurisprudenza li ma għandha l-ebda relazzjoni mad-drittijiet tal-awtur, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni sensiela ta’ sentenzi rilevanti li juru li jista’ jkun hemm effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju anki jekk il-ksur ikun seħħ esklużivament fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss.

    42

    Fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tosserva li l-Artikoli 81 KE u 82 KE ma jeskludux a priori li l-kummerċ intra-Komunitarju jiġi milqut jekk il-ksur ikun seħħ fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss. Bl-istess mod, hija tikkontesta l-affermazzjoni li tinsab fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata, li tgħid li hija ma ppreżentatx provi li juru, minn naħa waħda, li l-prattiki allegati jinfluwenzaw il-kurrenti kummerċjali bejn Stati Membri b’mod li jista’ jippreġudika l-kisba tal-għanijiet ta’ suq uniku u, min-naħa l-oħra, huma essenzjalment l-utenti ta’ mużika fit-territorju Grieg u l-awturi Griegi li jbatu l-allegati preġudizzji li jirriżultaw mill-prattiki allegati. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-provi segwenti:

    madwar 4500 impriża li użaw il-mużika u ħallsu d-drittijiet tal-awtur b’mod regolari waqfu milli jxandru l-mużika minħabba l-prezzijiet imposti mit-tliet korpi f’dak li jirrigwarda d-drittijiet relatati (5% għad-drittijiet relatati, liema perċentwali għandha tiġi pparagunata mat-2.2% mitluba mill-appellanti għad-drittijiet tal-awtur). Barra minn hekk, hekk kif sostniet il-Monomeles Protodikeio Athinon [Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni ippresjeduta minn imħallef wieħed (Il-Greċja)] fid-Deċiżjoni tagħha Nru 5144/2005, l-appellanti rċeviet somma ta’ EUR 5522 fis-sena abbażi tad-drittijiet tal-awtur dovuti għall-mużika mxandra fl-ajruplani ta’ Olympiaki Aeroporia, filwaqt li t-tliet korpi talbu lil din il-kumpannija tal-ajru s-somma ta’ EUR 627563 fis-sena abbażi tad-drittijiet relatati dovuti għal din l-istess mużika;

    l-aġir deskritt iktar ’il fuq għandu l-konsegwenza li jinfluwenza l-kummerċ intra-Komunitarju fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, għaliex madwar 50% tal-mużika mxandra fil-Greċja hija mużika barranija. Barra minn hekk, l-awturi ta’ mużika barranija li l-mużika tagħhom hija mxandra fil-Greċja huma lkoll irrappreżentati f’dan l-Istat Membru mill-appellanti li tieħu ħsieb f’isimhom id-drittijiet tagħhom fil-Greċja. Għaldaqstant, dawn huma mċaħħda minn profitti kbar minħabba l-prezzijiet eżorbitanti imposti mit-tliet korpi.

    43

    Skont il-Kummissjoni, mill-motivazzjoni dettaljata tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li kemm il-kwadru tal-attivitajiet tat-tliet korpi kif ukoll il-prattiki tagħhom ma qajmu l-ebda suspett fir-rigward ta’ influwenza sensibbli li dawn l-attivitajiet jista’ jkollhom fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, kuntrarjament għal dak li tallega l-appellanti.

    — Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    44

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tad-distorsjoni tal-provi li jiġu prodotti quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, C-390/95 P, Ġabra p. I-769, punt 29, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punt 35).

    45

    Konsegwentement, l-argumenti mressqa mill-appellanti intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, b’mod partikolari fil-kuntest tar-raba’ aggravju tagħha, jiġifieri l-fatt li hija tirċievi fil-Greċja drittijiet tal-awtur relatati mal-użu tal-mużika mhux biss ta’ awturi Griegi, iżda wkoll ta’ awturi stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, kif ukoll il-fatt li hija tipprovdi għall-ħlas tad-drittijiet irċevuti b’dan il-mod, abbażi ta’ ftehim ta’ rappreżentanza reċiproka, lil korpi tal-istess tip stabbiliti fi Stati Membri oħra u inkarigati, bħal AEPI, mit-tmexxija kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet mużikali, ma jistgħux jirnexxu.

    46

    Fl-ewwel lok, dawn l-argumenti huma kollha ta’ natura purament fattwali, u konsegwentement ma jistgħux jiġu evalwati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

    47

    Fit-tieni lok, l-appellanti ma lmentatx li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat ċerti provi.

    48

    Fit-tielet lok, l-appellanti essenzjalment tillimita ruħha sabiex tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li l-appellanti ma pprovatx li l-prattiki allegati jistgħu jinfluwenzaw il-kummerċ intra-Komunitarju. Madankollu, l-aggravji invokati b’dan il-mod huma f’kull każ inoperattivi, peress li minnha nnifisha, tali influwenza ma toħloqx disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv imressaq mill-appellanti insostenn tar-rikors tagħha għal annullament billi osservat li hija ma ppreżentat l-ebda prova konkreta li tistabbilixxi l-eżistenza attwali jew potenzjali ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    49

    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-kunċetti ta’ effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, minn naħa, u ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, min-naħa l-oħra, huma żewġ kunċetti distinti.

    50

    Fir-rigward tal-ewwel kunċett, mill-kliem tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jirriżulta li dawn ma japplikawx għall-akkordji restrittivi fuq il-kompetizzjoni u għall-abbużi minn pożizzjoni dominanti, ħlief jekk dawn l-akkordji u abbużi jistgħu jinfluwenzaw il-kummerċ intra-Komunitarju. B’hekk, l-influwenzar tal-kummerċ bejn Stati Membri jservi bħala kriterju ta’ delimitazzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 81 KE u 82 KE, u dak tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni. Jekk jirriżulta li l-ksur allegat ma jistax ikollu effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, jew li jista’ biss jinfluwenzah b’mod insinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C-238/05, Ġabra p. I-11125, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata), id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikoli 81 KE u 82 KE, ma jkunux applikabbli.

    51

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, ftehim bejn impriżi għandu jkun b’tali mod li, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermetti li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li dan jeżerċita influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod li jkun jista’ jostakola t-twettiq tal-għanijiet ta’ suq uniku bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

    52

    Fir-rigward tal-kunċett ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, dan jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess Komunitarju suffiċjenti sabiex jingħata bidu għal investigazzjoni ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni.

    53

    Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-ordni ta’ prijorità għall-ipproċessar tal-ilmenti li jitressqu quddiemha, hija tista’ leġittimament tirreferi għall-interess Komunitarju. F’dan il-kuntest, hija marbuta li f’kull każ tevalwa l-gravità tal-allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-persistenza tal-effett ta’ dan il-ksur. B’mod partikolari, dan l-obbligu jimplika li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-kobor tal-ksur allegat, kif ukoll l-impatt tiegħu fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità Ewropea (sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93).

    54

    Konsegwentement, fil-każ fejn jinsab li jeżisti effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, ilment li jirrigwarda l-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jiġi investigat mill-Kummissjoni minflok l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, jekk ikun jeżisti interess Komunitarju. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta l-ksur allegat ikun jista’ joħloq disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    55

    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx distinzjoni netta u preċiża bejn dawn iż-żewġ kunċetti iżda ħawdithom, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza msemmija, peress li d-dispożittiv tagħha jidher li huwa bbażat fuq motivi oħra ta’ dritt (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt-28, u tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58).

    56

    Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-qari flimkien tal-punti 49, 50 u 54 tas-sentenza appellata li d-dispożittiv tagħha jidher li huwa bbażat fuq motivi li jistgħu jiġu miġbura fil-konstatazzjoni, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-imsemmi punt 54, li tgħid li l-appellanti ma ppreżentat l-ebda element konkret li jistabbilixxi l-eżistenza attwali jew potenzjali ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    57

    Minn dan jirriżulta li, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet li jidhru fis-sentenza appellata dwar il-kwistjoni tal-influwenza fuq il-kummerċ intra-Komunitarju skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors minħabba n-nuqqas ta’ provi konkreti li jistabbilixxu l-eżistenza attwali jew potenzjali ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess Komunitarju suffiċjenti għall-investigazzjoni ta’ lment min-naħa tal-Kummissjoni.

    58

    Għaldaqstant, ma jistax jingħad li l-konfużjoni li tikkaratterizza lis-sentenza appellata, li barra minn hekk ma ġietx invokata mill-appellanti fil-kuntest tal-appell tagħha, għandha l-karattru li żżomm milli jinftehmu l-motivi sottostanti għas-sentenza msemmija għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-validità tagħha jew tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    59

    Bl-istess mod, għalkemm huwa minnu li fil-punt 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata, l-appellanti ma pprovatx li l-Kummissjoni kienet wetqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, meta qieset li l-prattiki allegati ma kinux ta’ natura li jinfluwenzaw il-kummerċ bejn Stati Membri skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, filwaqt li l-Kummissjoni ma esprimiet ruħha bl-ebda mod dwar din il-kwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din l-affermazzjoni mhijiex relatata mal-kunċett ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    60

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ttrattatx il-kwistjoni dwar l-influwenza fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu b’hekk jiġi osservat li l-imsemmija affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma teskludix l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    61

    Fir-rigward tal-affermazzjoni mressqa mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet aggravju tagħha, imsemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, abbażi tad-diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza invokata mhijiex rilevanti f’dan il-każ.

    62

    Fil-fatt, is-sentenzi li tirreferi għalihom l-appellanti, jiġifieri dawk tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il-Kummissjoni (22/78, Ġabra p. 1869); Tournier, iċċitata iktar ’il fuq; Lucazeau et, iċċitata iktar ’il fuq; tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C-179/90, Ġabra p. I-5889); tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C-18/93, Ġabra p. I-1783), kif ukoll tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743), kollha jirrigwardaw il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    63

    L-unika sentenza ċċitata mill-appellanti li tirrigwarda l-kunċett ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, jiġifieri s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni (T-5/93, Ġabra p. II-185), lanqas ma hija rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-punt 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li din id-deċiżjoni kienet ċaħdet ilmenti li kienu jallegaw l-għeluq tas-suq nazzjonali li kien jirriżulta minn ftehim ta’ rappreżentazzjoni reċiproka konklużi bejn il-kumpanniji ta’ tmexxija tad-drittijiet tal-awtur tad-diversi Stati Membri (punt 40 tas-sentenza Tremblay, iċċitata iktar ’il fuq). Issa, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

    64

    Isegwi li t-tieni sar-raba’ aggravji għandhom jiġu miċħuda.

    Fuq il-ħames aggravju

    — L-argumenti tal-partijiet

    65

    L-appellanti tikkontesta l-affermazzjoni msemmija fil-punt 54 tas-sentenza appellata li tgħid li hija ma kienet ippreżentat l-ebda prova konkreta li tistabbilixxi l-eżistenza attwali jew potenzjali ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni. Skont l-appellanti, l-Artikoli 81 KE u 82 KE ma jeħtieġux l-eżistenza ta’ ostakolu attwali, iżda ostakolu potenzjali huwa biżżejjed. F’dan ir-rigward, abbażi ta’ ċerti provi li l-parti l-kbira minnhom diġà ġew invokati fil-kuntest tar-raba’ aggravju, hija tqis li l-influwenza potenzjali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju hija evidenti. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat l-Artikoli 81 KE u 82 KE b’mod żbaljat.

    66

    Il-Kummissjoni twieġeb li l-appellanti taqra l-punti 42, 48 sa 50, 54 u 55 tas-sentenza appellata b’mod żbaljat, peress li r-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-eżistenza “attwali jew potenzjali” ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni għandu jiġu evalwat fid-dawl tal-provi prodotti mill-appellanti.

    — Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67

    Fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tidher fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li tgħid li hija ma kienet ippreżentat l-ebda prova konkreta li tistabbilixxi l-eżistenza attwali jew potenzjali ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni, billi llimitat ruħha sabiex tipprova turi li l-prattiki allegati kienu potenzjalment jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju, skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

    68

    Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, anki jekk jitqies li l-prattiki allegati jolqtu potenzjalment il-kummerċ intra-Komunitarju skont l-Artikoli 81 KE u 82 KE, hekk kif issostni l-appellanti, minnu nnifshu, tali effett ma jimplikax l-eżistenza potenzjali ta’ disfunzjonijiet kunsiderevoli fis-suq komuni.

    69

    Konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala mingħajr effett.

    70

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    AEPI Elliniki Etaireia pros Prostasian tis Pnevmatikis Idioktisias AE hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top