EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0415

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-2 ta' April 2009.
Lodato Gennaro & C. SpA vs Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) u SCCI.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale ordinario di Nocera Inferiore - l-Italja.
Għajnuna mill-Istat għax-xogħol - Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol - Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali - Regolament (KE) Nru 2204/2002 - Kunċett ta’ "ħolqien ta’ impjiegi" - Kalkolu tat-tkabbir fin-numru ta’ impiegi.
Kawża C-415/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:220

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ April 2009 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat għax-xogħol — Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol — Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali — Regolament (KE) Nru 2204/2002 — Kunċett ta’ ‘ħolqien ta’ impjiegi’ — Kalkolu taż-żieda fin-numru ta’ impjiegi”

Fil-Kawża C-415/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Nocera Inferiore (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2007, fil-proċedura

Lodato Gennaro & C. SpA

vs

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),

SCCI,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Lodato Gennaro & C. SpA, minn M. A. Calabrese, avukat,

għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) u SCCI, minn A. Sgroi, F. Correra u A. Coretti, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Conte u E. Righini, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol (ĠU 1995, C 334, p. 4), tal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 226) kif ukoll tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2002, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 273).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Lodato Gennaro & C. SpA (iktar ’il quddiem “Lodato”) kontra avviż ta’ stima maħruġ mill-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (Istitut Nazzjonali tas-Servizzi Soċjali) wara rapport imħejji minnu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

3

Il-punt 17 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol jgħid hekk:

“[…] Għandu jiġi enfasizzat li, bit-terminu ‛ħolqien ta’ impjiegi’, għandu jinftiehem il-ħolqien nett tax-xogħol, jiġifieri impjieg addizzjonali meta mqabbel man-numru ta’ ħaddiema (valur medju matul ċertu perijodu) tal-impriża kkonċernata. Is-sempliċi bdil ta’ ħaddiem mingħajr żieda effettiva, u b’hekk mingħajr il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda, ma jikkostitwixxix ħolqien ta’ impjieg reali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Skont it-tielet inċiż tal-punt 21 tal-istess linji gwida, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha b’mod partikolari toqgħod attenta, waqt l-evalwazzjoni tal-għajnuna għax-xogħol, għall-kundizzjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol, bħall-obbligu li l-post tax-xogħol il-ġdid jinżamm għal perijodu minimu ta’ żmien wara l-ħolqien tiegħu.

5

Ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna tal-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU 1996, C 213, p. 4) jindikaw, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8, taħt il-punt 3.2 tagħhom, li “[i]n-numru tal-impiegi jikkorrispondi man-numru ta’ ħaddiema annwali (AWU), jiġifieri n-numru ta’ persuni impjegati full-time f’sena waħda, fejn ix-xogħol part-time u x-xogħol staġunali jitqiesu bħala frazzjonijiet tal-AWU” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6

Min-naħa tagħhom, il-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali jistabbilixxu, fil-punt 4.12:

“Il-ħolqien tal-impjiegi jfisser it-tkabbir nett fin-numru ta’ impiegi […] fi stabbiliment partikolari meta mqabbel mal-medja fuq tul ta’ żmien [f’perijodu ta’ referenza]. Għaldaqstant l-impjiegi mitlufin waqt dak il-perjodu għandhom jiġu mnaqqsa min-numru apparenti ta’ impjiegi kreati fl-istess perjodu”.

7

In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33 ta’ dawn l-aħħar Linji gwida tenfasizza li “[i]n-numru tal-impiegi jikkorrispondi għan-numru ta’ ħaddiema annwali (AWU), jiġifieri n-numru ta’ persuni impjegati full-time f’sena waħda, fejn ix-xogħol part time u x-xogħol staġunali jitqiesu bħala frazzjonijiet tal-AWU”.

8

Il-punt 4.14 ta’ dawn l-istess Linji gwida jipprevedi li “[l]-għajnuna għall-ħolqien ta’ l-impjiegi għandha ssir bil-kondizzjoni, fil-metodu tal-ħlas jew fil-kondizzjonijiet assoċjati max-xiri tagħha, li jinżamm l-impieg maħluq waqt perjodu minimu ta’ ħames snin.”.

9

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001, tat-12 ta’ Jannar 2001, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 141), jistabbilixxi, fl-Artikolu 4(6)(b) u (ċ) li “il-proġett ta’ investiment għandu jwassal għal żieda netta fin-numru ta’ impjegati fl-istabbiliment ikkonċernat, ipparagunat mal-medja matul it-tnax-il xahar ta’ qabel” u li “l-impjiegi maħluqa [għandhom] jinżammu matul perjodu minimu ta’ ħames snin”.

10

Fir-rigward tar-Regolament Nru 2204/2002, l-Artikolu 4(4)(a) u (b) tiegħu jistabbilixxi li “x-xogħol maħluq għandu jirrappreżenta żieda netta fin-numru ta’ impjegati, kemm fl-istabbiliment u fl-intrapriża kkonċernata, imqabbel mal-medja matul l-aħ[ħ]ar 12-il xahar” u li “x-xogħol maħluq għandu jinżamm għal perjodu minimu ta’ tliet snin, jew sentejn fil-każ ta’ SMEs”. Skont l-Artikolu 2(e) ta’ dan ir-regolament, “numru ta’ impjegati” tfisser in-numru annwali ta’ unitajiet tax-xogħol (AWU), jiġifieri n-numru ta’ persuni impjegati l-ħin kollu f’sena waħda, xogħol f’parti tal-ġurnata u xogħol staġunali li jkun frazzjonijiet ta’ l-AWU.

11

Din l-istess definizzjoni tan-“numru ta’ impjegati” tidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 52 tal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perijodu 2007-2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13), li fil-punt 58 tagħhom jistabbilixxu li “ħolqien tal-impjiegi” jfisser “it-tkabbir nett fin-numru ta’ impjiegi […] diretti fi stabbiliment partikolari meta mqabbel mal-medja tat-tnax-il xahar preċedenti” u li “għalhekk l-impjiegi mitlufin waqt dak il-perjodu ta’ tnax-il xahar għandhom jiġu mnaqqsa min-numru apparenti ta’ impjiegi kkreati fl-istess perijodu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali

12

B’deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi stabbilita mill-Artikolu 3(5) u (6) tal-Liġi Nru 448 tat-23 ta’ Diċembru 1998 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1998) u nnotifikata lil din l-istituzzjoni mir-Repubblika Taljana fis-16 ta’ Diċembru 1998.

13

L-Artikolu 3(5) tal-liġi msemmija jipprovdi li, għall-persuni li jiġu impjegati matul l-1999 sal-2001 li jiżdiedu man-numru ta’ ħaddiema li diġà kienu impjegati fil-31 ta’ Diċembru 1998, il-persuni privati li jħaddmu u l-entitajiet ekonomiċi pubbliċi li joperaw fir-reġjuni tal-Campania, tal-Basilicata, tas-Sicilia, tal-Puglia, tal-Calabria u ta’ Sardegna jibbenefikaw minn tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kollha dovuti lill-INPS, għal perijodu ta’ tliet snin mid-data meta jimpjegaw ħaddiem individwali, fuq il-ħlasijiet suġġetti għall-kontribuzzjoni lill-Fondo pensioni lavoratori dipendenti (Fond tal-Pensjonijiet tal-Ħaddiema Impjegati). Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll fir-reġjuni tal-Molise u tal-Abbruzzo, iżda limitati għall-ħaddiema ġodda impjegati fis-sena 1999.

14

L-Artikolu 3(6) tal-istess liġi kien jelenka l-kundizzjonijiet li kien suġġett għalihom il-benefiċċju tal-għajnuna. Wara skambji li seħħew bejn l-awtoritajiet Taljani u l-Kummissjoni, il-kundizzjoni dwar iż-żieda tan-numru ta’ impjegati ġiet ifformulata b’dan il-mod:

“L-impriża, anki jekk tkun għadha kemm twaqqfet, għandha żżid in-numru ta’ impjegati full-time. Il-ħolqien tal-impjiegi huwa kkalkolat fil-konfront tal-medja tal-impjegati tal-impriża matul it-tnax-il xahar li jippreċedu l-ġurnata li fiha l-ħaddiema l-ġodda ġew impjegati. Il-medja tal-impjegati hija kkalkolata f’AWU […] abbażi tal-kunċett imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8 tal-punt 3.2 tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju”

15

B’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tqis bħala kompatibbli mat-Trattat KE skema ta’ għajnuna ġdida, stabbilita mill-Artikolu 44 tal-Liġi Nru 448, tat-28 ta’ Diċembru 2001 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 301, tad-29 ta’ Diċembru 2001), innotifikata lil din l-istituzzjoni mir-Repubblika Taljana fit-28 ta’ Novembru 2001 u li testendi l-iskema ta’ għajnuna preċedenti. Din l-iskema l-ġdida żammet il-kundizzjonijiet imposti mill-iskema preċedenti. B’mod partikolari, wara osservazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni, il-kundizzjoni dwar iż-żieda fin-numru ta’ impjegati ġiet ifformulata fl-istess termini bħal dawk imsemmija iktar ‘‘l fuq, iżda din id-darba b’riferiment għall-punt 4.12 u għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33 tal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali.

16

F’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet distinzjoni bejn l-għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi mhux marbuta ma’ investiment u dik li tiddependi mir-realizzazzjoni ta’ investiment. Hija evalwat l-ewwel tip ta’ għajnuna fid-dawl tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol u t-tieni tip ta’ għajnuna fid-dawl tal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali kif ukoll, fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2002, fid-dawl ukoll tar-Regolament Nru 70/2001. Hija qieset li l-iskemi ta’ għajnuna proposti kienu kompatibbli mas-suq komuni b’applikazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 87(3)(a) u (ċ) KE.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Lodato hija impriża li topera fis-settur tal-priżervijiet alimentari li għandha bħala attività prinċipali l-ipproċessar u l-ippriżervar tat-tadam fir-reġjun tal-Campanja. L-attività tagħha għandha qofol staġunali, mix-xahar ta’ Lulju sax-xahar ta’ Ottubru, fejn ikollha timpjega numru ta’ ħaddiema staġunali matul dan il-perijodu. Hija bbenifikat b’mod suċċessiv miż-żewġ skemi ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba seba’ persuni ġodda li ġew impjegati taħt l-ewwel waħda minn dawn l-iskemi u ta’ żewġ persuni oħra taħt it-tieni skema.

18

Peress li dawn l-impjiegi l-ġodda ma kinux wasslu għal żieda fil-ħaddiema ta’ Lodato, l-ispetturi tal-INPS stabbilixxew, fil-21 ta’ Novembru 2005, ir-rapport li wassal għall-avviż ta’ stima li huwa s-suġġett tar-rikors pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

19

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, insostenn tar-rikors tagħha, Lodato b’mod partikolari tilmenta li, sabiex jivverifika jekk il-kundizzjoni dwar iż-żieda fin-numru ta’ impjegati kinitx sodisfatta, l-INPS ipparaguna n-numru medju ta’ AWU tas-sena preċedenti għall-impjiegi l-ġodda mal-ħaddiema tal-impriża fid-data tal-imsemmija impjiegi ġodda, u li b’hekk adotta elementi ta’ paragun individwali, minflok ma pparaguna n-numru medju ta’ AWU tas-sena preċedenti għall-impjiegi l-ġodda man-numru medju ta’ AWU tas-sena segwenti għall-imsemmija impjiegi ġodda.

20

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata tal-liġi Komunitarja, fir-rigward tat-tieni terminu tal-paragun tal-ħaddiema li għandu jintuża sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjoni dwar iż-żieda tan-numru ta’ impjegati. Min-naħa waħda, hija tqis li l-metodu użat mill-INPS mhuwiex raġonevoli u huwa diskriminatorju fir-rigward tal-impriżi li jeżerċitaw attivitajiet staġunali u, min-naħa l-oħra, li “l-paragun bejn [in-numru ta’] AWU tas-sena ta’ qabel ma ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda u l-AWU tas-sena ta’ wara huwa iktar konformi mal-ispirtu tal-għajnuna, li huwa dak li jiffavorixxi l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għal tul ta’ żmien”.

21

Madankollu, peress li qieset li kien jeżisti dubju fir-rigward tal-interpretazzjoni eżatta tal-liġi Komunitarja f’dan ir-rigward, it-Tribunale ordinario di Nocera Inferiore ddeċidiet li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dritt Komunitarju stabbilit fil-linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol, fil-linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali u fir-Regolament […] Nru 2204/2002 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm żieda fil-postijiet tax-xogħol, għandu jsir paragun bejn l-AWU medju għas-sena ta’ qabel ma jiġu impjegati ħaddiema ġodda u l-AWU medju għas-sena ta’ wara li jiġu impjegati, jew id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li paragun għandu, jew sempliċement jista’ jsir bejn l-AWU medju għas-sena ta’ qabel ma jiġu impjegati ħaddiema ġodda u n-numru eżatt ta’ ħaddiema tal-impriża fil-ġurnata li fiha l-ħaddiema l-ġodda ġew impjegati?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Preliminarjament, fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jawtorizzaw l-iskemi ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirreferu għal-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol kif ukoll għall-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali, iżda mhux għar-Regolament Nru 2204/2002, peress li dan ġie adottat wara l-imsemmija deċiżjonijiet. Minn dan jirriżulta li ma hemmx lok għalfejn dan ir-regolament jiġi interpretat f’din il-kawża.

23

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda għajnuna għall-ħolqien ta’ impjiegi mhux marbuta ma’ investiment li l-Kummissjoni evalwat fir-rigward tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol. Għalkemm fir-realtà d-domanda preliminari titlob biss l-interpretazzjoni ta’ dawn il-linji gwida, dawn għandhom jiġu interpretati b’rabta mill-qrib mal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali, peress li l-kunċett ta’ ħolqien ta’ impjieg huwa komuni għal dawn iż-żewġ linji gwida, li essenzjalment jagħtu definizzjoni ta’ dan il-kunċett billi fil-punti 17 u 4.12 rispettivi tagħhom, it-tnejn li huma jirreferu għal żieda netta fin-numru ta’ impjiegi meta mqabbel ma’ medja fuq tul ta’ żmien.

24

Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Awwissu 1999 u tas-6 ta’ Diċembru 2002 ikkunsidraw liż-żewġ skemi ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif innotifikati lill-Kummissjoni u kif spjegati permezz ta’ informazzjoni pprovduta b’mod ulterjuri mill-awtoritajiet nazzjonali, bħala kompatibbli mas-suq komuni, u li, fir-rigward tal-formula li għandha tintuża sabiex tiġi kkalkolata ż-żieda fin-numru ta’ impjiegi, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 1999 tirreferi espressament għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 8, taħt il-punt 3.2 tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna tal-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li d-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2002 fiha riferenza daqstant ċara għall-formula, essenzjalment identika, li tidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33, taħt il-punt 4.12 tal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali.

25

Peress li d-domanda preliminari tirrigwarda t-tieni terminu ta’ żmien għall-paragun tal-impjegati tal-impriża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk din l-impriża kellhiex żieda netta fin-numru ta’ impjiegi meta mqabbel ma’ medja fuq tul ta’ żmien, għandu jiġi osservat li la l-kliem tal-punt 17 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol u lanqas dak tal-Artikolu 4(6)(b) tar-Regolament Nru 70/2001, li fuqu wkoll hija bbażata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2002 fir-rigward tat-tieni skema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jagħtu indikazzjoni preċiża f’dan ir-rigward.

26

Madankollu, il-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali jiddefinixxu b’mod iktar preċiż it-tieni terminu ta’ żmien tal-paragun. Fil-fatt, minn naħa, fil-punt 4.12 tagħhom dawn jistabbilixxu li l-ħolqien tal-impjiegi jfisser it-tkabbir nett fin-numru ta’ impjiegi fl-istabbiliment ikkunsidrat meta mqabbel mal-medja ta’ perijodu ta’ referenza u li għaldaqstant l-impjiegi mitlufin waqt dak il-perijodu għandhom jiġu mnaqqsa min-numru apparenti ta’ impjiegi maħluqa fl-istess perjodu. Min-naħa l-oħra, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33, dawn jippreċiżaw li n-numru ta’ postijiet tax-xogħol jikkorrispondi man-numru ta’ AWU, jiġifieri għan-numru ta’ ħaddiema impjegati full-time f’sena waħda, fejn ix-xogħol part-time u x-xogħol staġunali jitqiesu bħala frazzjonijiet tal-AWU.

27

Minn dan jirriżilta, skont dawn il-linji gwida, li l-ħolqien tal-impjiegi jfisser iż-żieda netta fin-numru ta’ ħaddiema impjegati full-time f’sena waħda (fejn ix-xogħol part-time u x-xogħol staġunali jitqiesu bħala frazzjonijiet tal-AWU) fl-istabbiliment ikkunsidrat meta mqabbel mal-medja ta’ perijodu ta’ referenza. B’hekk, skont l-imsemmija linji gwida, it-tieni terminu ta’ żmien għall-paragun tal-impjegati fiż-żmien jikkonsisti mhux fin-numru ta’ impjegati tal-impriża fil-jum tal-impjieg tal-ħaddiema l-ġodda, iżda fin-numru ta’ impjegati kkalkolat f’AWU, u b’hekk fuq perijodu ta’ sena.

28

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li din id-definizzjoni tat-tieni terminu ta’ żmien għall-paragun tal-impjegati hija wkoll dik li ġiet adottata wara fl-Artikolu 4(4)(a), moqri flimkien mal-Artikolu 2(e), tar-Regolament Nru 2204/2002, kif ukoll fil-punt 58 tal-Linji gwida dwar għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perijodu 2007-2013.

29

Mill-evalwazzjoni ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ppreċiżat b’mod progressiv il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda netta fin-numru tal-postijiet tax-xogħol jew tal-ħaddiema. Minn dawn il-preċiżazzjonijiet, jirriżulta li t-tieni terminu ta’ żmien għall-paragun tal-impjegati ta’ impriża fiż-żmien jikkonsisti, bħall-ewwel terminu ta’ żmien ta’ dan il-paragun, fin-numru ta’ AWU u, konsegwentement, li ż-żewġ termini ta’ żmien ta’ dan il-paragun jikkorrispondu għal perijodu ta’ sena.

30

B’hekk, dan il-metodu ta’ kalkolu taż-żieda fin-numru ta’ postijiet tax-xogħol jew ta’ impjegati jibda mill-paragun ta’ informazzjoni omoġenja u jippermetti li titkejjel il-ħidma fiż-żmien tal-impriża li tibbenifika minn għajnuna sabiex toħloq ix-xogħol, filwaqt li l-metodu li jikkonsisti fil-paragun tan-numru medju ta’ AWU tas-sena ta’ qabel l-impjieg tal-ħaddiema l-ġodda mal-livell eżatt tal-ħaddiema tal-impriża fil-ġurnata tal-impjieg tal-ħaddiema l-ġodda f’dan ir-rigward ikollu riżultat iktar arbitrarju, għalhiex huwa iktar dipendenti minn varjazzjonijiet temporanji, u b’hekk, jirrappreżenta inqas is-sitwazzjoni reali tal-impriża fuq il-livell tal-impjieg.

31

Dan il-metodu ta’ kalkolu jissodisfa wkoll xewqa li tiġi ffavorita l-istabbiltà jew il-perennità tax-xogħol, espressa b’mod partikolari fit-tielet inċiż tal-punt 21 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol, li barra minn hekk tinvolvi l-obbligu, stabbilit mill-Linji gwida evalwati, li l-impjiegi maħluqa jinżammu matul perijodu minimu. Għaldaqstant, dan mhuwiex diskriminatorju fir-rigward tal-impriżi li għandhom attività staġunali, peress li x-xogħol staġunali huwa inkluż ukoll bħala frazzjonijiet tal-AWU, fit-tieni terminu ta’ żmien tal-paragun li jintuża sabiex jiġi vverifikat li l-kundizzjoni dwar il-ħolqien nett ta’ xogħol ġiet sodisfatta. Hekk kif essenzjalment josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, differenza fit-trattament bejn dawn l-impriżi u l-oħrajn mhijiex iġġustifikata, peress li dawn huma suġġetti għall-istess obbligu li jżommu x-xogħol maħluq matul perijodu minimu sabiex ikunu jistgħu jibbenifikaw mill-għajnuna.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li l-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol għandhom jiġu interpretati, fir-rigward tal-verifika dwar jekk kienx hemm żieda fin-numru ta’ impjiegi, fis-sens li għandu jsir paragun bejn in-numru medju tal-AWU tas-sena preċedenti għal meta ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda man-numru medju tal-AWU tas-sena wara li ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Linji gwida dwar l-għajnuna għax-xogħol għandhom jiġu interpretati, fir-rigward tal-verifika dwar jekk kienx hemm żieda fin-numru ta’ impjiegi, fis-sens li għandu jsir paragun bejn in-numru medju ta’ ħaddiema annwali tas-sena preċedenti għal meta ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda man-numru medju ta’ ħaddiema annwali tas-sena wara li ġew impjegati l-ħaddiema l-ġodda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top