EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0394

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-2 ta' April 2009.
Marco Gambazzi vs DaimlerChrysler Canada Inc. u CIBC Mellon Trust Company.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Corte d'appello di Milano - l-Italja.
Konvenzjoni ta’ Brussell - Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi - Motivi tar-rifjut - Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza - Esklużjoni tal-konvenut mill-proċeduri quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini minħabba nuqqas ta’ konformità ma’ ordni ġudizzjarja.
Kawża C-394/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:219

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ April 2009 ( *1 )

“Konvenzjoni ta’ Brussell — Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi — Raġunijiet tar-rifjut — Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza — Esklużjoni tal-konvenut mill-proċeduri quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ ordni ġudizzjarja”

Fil-Kawża C-394/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, imressqa mill-Corte d’appello di Milano (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-27 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-22 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura

Marco Gambazzi

vs

DaimlerChrysler Canada Inc.,

CIBC Mellon Trust Company,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, A. Tizzano, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Gambazzi, minn B. Nascimbene u M. Condinanzi, avukati,

għal DaimlerChrysler Canada Inc. u CIBC Mellon Trust Company, minn F. Alvino, S. Pravettoni u A. Anglani, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross, I. Rao, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët, E. Montaguti u N. Bambara, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1, u - test emendat - p. 77), bil-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), u bil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1), u bil-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997 C 15, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża ta’ M. Gambazzi, residenti f’Lugano (l-Isvizzera) kontra l-kumpanniji DaimlerChrysler Canada Inc. (iktar ’il quddiem “DaimlerChrysler”) u CIBC Mellon Trust Company (iktar ’il quddiem “CIBC”), stabbiliti fil-Kanada, dwar l-eżekuzzjoni fl-Italja ta’ żewġ sentenzi mogħtija fir-Renju Unit.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3

Il-kundizzjonijiet sabiex sentenzi mogħtija fi Stat Kontraenti jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat kontraenti ieħor huma regolati bl-Artikoli 25 sa 49 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jinsabu taħt it-Titolu III tagħha, bit-titolu “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni”.

4

L-Artikolu 25 ta’ din il-Konvenzjoni jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, ‘sentenza’ tfisser kull sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat kontraenti, indipendentement minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inklużi digriet, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll id-determinazzjoni tal-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 27(1) u (2) tal-imsemmija konvenzjoni jistipulaw:

“Is-sentenzi mhumiex rikonoxxuti:

1)

jekk ir-rikonoxximent huwa kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza;

2)

jekk tkun ingħatat meta l-konvenut ma jkunx ġie debitament innotifikat bl-att promotur jew b’xi dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li jikkonċerna r-rikonoxximent tas-sentenzi u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 34 tagħha, dwar l-eżekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jistipulaw f’termini identiċi:

“Sentenza mogħtija minn qorti barranija qatt ma tista’ tiġi riveduta fir-rigward tal-mertu tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-Konvenzjoni ta’ Lugano

7

Il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU L 319, p. 9, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano”), oriġinat mill-ħolqien tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles u bit-twaqqif bejn l-Istati Kontraenti ta’ din tal-aħħar u l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, ta’ sistema analoga għal dik tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

8

Il-punt 1 tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano jipprovdi:

“Is-sentenzi mhumiex rikonoxxuti:

1)

jekk ir-rikonoxximent huwa kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

Skont id-dikjarazzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, membri tal-Komunitajiet Ewropej, huwa “xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, meta tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Brussell, tqis b’mod xieraq il-prinċipji inklużi fil-ġurisprudenza li tirriżulta mill-Konvenzjoni ta’ Lugano”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

B’mod parallel, l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-interpretazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni ta’ Lugano jagħti lil kull Stat kontraenti l-obbligu li “iqis b’mod xieraq il-prinċipji definiti bi kwalunkwe sentenza rilevanti mogħtija minn qrati ta’ Stati Kontraenti oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest ta’ talba għal danni magħmula minn DaimlerChrysler u CIBC kontra M. Gambazzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, fis-26 ta’ Frar 1997, fuq talba ta’ DaimlerChrysler u ta’ CIBC, tat digriet li, minn naħa waħda, kien jipprojbixxi b’mod provviżorju lil M. Gambizzi milli jbigħ uħud mill-assi tiegħu (“freezing order”) u, min-naħa l-oħra, kien jordnalu jagħti informazzjoni dwar uħud mill-assi tiegħu kif ukoll dwar xi dokumenti fil-pussess tiegħu li jirrigwardaw it-talba prinċipali (“disclosure order”). Dan id-digriet ġie nnotifikat fil-11 ta’ Marzu 1997 mill-awtoritajiet Svizzeri lil M. Gambazzi, li debitament fetaħ il-kawża quddiem il-High Court.

12

M. Gambazzi ma kkonformax ruħu, jew tal-inqas mhux kompletament, mad-“disclosure order”. Il-High Court għalhekk, fuq talba ta’ DaimlerChrysler u ta’ CIBC, fl-10 ta’ Lulju 1998 tat digriet li permezz tiegħu M. Gambazzi kien ipprojbit milli jkompli jipparteċipa fil-kawża jekk ma jikkonformax ruħu, fit-terminu mogħti, mal-obbligi li jagħti l-informazzjoni u d-dokumenti mitluba (“unless order”).

13

M. Gambazzi ppreżenta rikorsi differenti kontra l-“freezing order”, id-“disclosure order” u l-“unless order”. Dawn ir-rikors kollha ġew miċħuda.

14

Fit-13 ta’ Ottubru 1998, il-High Court ħarġet “unless order” ġdida.

15

Peress li M. Gambazzi ma ssodisfax kompletament, fit-terminu mogħti, l-obbligi imposti f’dan l-aħħar digriet, huwa ġie kkunsidrat bħala ħati ta’ “contempt of Court” u ġie eskluż mill-kawża (“debarment”).

16

Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1998, flimkien ma’ digriet tas-17 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem is-“sentenzi tal-High Court”), il-High Court iddeċidiet bħallikieku M. Gambazzi kien kontumaċi u laqgħet it-talbiet ta’ DaimlerChrysler u ta’ CIBC billi kkundannat lil M. Gambazzi sabiex iħallashom, bħala danni, l-ammonti ta’ CAD 169752058 u 71595530 CAD kif ukoll ta’ USD 129974770, flimkien mal-ispejjeż anċillari.

17

Fuq talba ta’ DaimlerChrysler u ta’ CIBC, il-Corte d’appello di Milano (l-Italja), permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Diċembru 2004, iddikjarat s-sentenzi tal-High Court bħala eżegwibbli fl-Italja.

18

M. Gambazzi ppreżenta appell kontra dan l-aħħar digriet. Huwa jsostni li s-sentenzi tal-High Court ma jistgħux jiġu rikonoxxuti fl-Italja għaliex huma kuntrarji għall-ordni pubbliku, skont il-punt 1 tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, peress li ġew mogħtija bi ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju tal-kontradittorju.

19

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Corte d’appello di Milano, adita minn dan l-appell, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-qorti ta’ Stat li quddiemha titressaq talba għal eżekuzzjoni tista’, abbażi tad-dispożizzjoni dwar l-ordni pubbliku esposta fil-punt 1 tal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-qorti tal-Istat li tat id-deċiżjoni [is-sentenza] rrifjutat li tagħti, lill-parti li tilfet, il-possibbiltà ta’ difiża wara l-adozzjoni ta’ digriet ta’ esklużjoni (debarment) skont il-kundizzjonijiet esposti iktar ’il fuq, jew l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikoli 26 et seq. tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-Komunità, tipprekludi lill-qorti nazzjonali milli tikkunsidra li kawża ċivili, li matulha waħda mill-partijiet ġiet miċħuda l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża permezz ta’ digriet ta’ esklużjoni mogħti mill-qorti minħabba nuqqas ta’ konformità [eżekuzzjoni] minn din il-parti ma’ ordni li hija kienet tat, tmur kontra l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 27(1) tal-imsemmija Konvenzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fir-rigward tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku, imsemmija fl-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tistax tikkunsidra li l-qorti tal-Istat ta’ oriġini ddeċidiet fuq it-talbiet tar-rikorrent mingħajr ma semgħet lill-konvenut, li kien deher debitament quddiemha iżda li ġie eskluż mill-kawża permezz ta’ digriet, minħabba li ma ssodisfax xi obbligi imposti fuqu b’digriet mogħti qabel fil-kuntest tal-istess kawża.

Dwar il-kwalifikazzjoni tas-sentenzi tal-High Court fir-rigward tal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell

21

Preliminarjament, għandu jiġi evalwat jekk is-sentenzi tal-High Court jikkostitwixxux sentenzi skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u jekk, kif isostni M. Gambazzi, ma jaqgħux f’din id-definizzjoni inkwantu ma ngħatawx bl-osservanza tal-prinċipji tal-kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq.

22

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell isemmi, mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejniethom, is-sentenzi kollha mogħtija mill-qrati tal-Istati kontraenti.

23

Huwa veru, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kemm dawk tat-Titolu II, dwar il-ġurisdizzjoni, kif ukoll dawk tat-Titolu III, dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, jesprimu l-intenzjoni li jiżguraw, fil-kuntest tal-għanijiet tagħha, li l-proċeduri li jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jsiru bl-osservanza tad-drittijiet tad-difiża. Madankollu, hija qieset li huwa biżżejjed, sabiex tali sentenzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni, li jkunu deċiżjonijiet ġudizzjarji li, qabel ma jkun intalab ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tagħhom fi Stat li ma jkunx l-Istat ta’ oriġini, kienu, jew setgħu jkunu s-suġġett, f’dan l-Istat ta’ oriġini, skont proċeduri diversi, ta’ istruttorja kontradittorja (sentenza tal-21 ta’ Mejju 1980, Denilauler, 125/79, Ġabra p. 1553, punt 13).

24

Huwa b’hekk, pereżempju, li s-sentenzi mogħtija fil-kontumaċja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-Artikolu 27 tagħha, li jsemmi espressament il-każ ta’ konvenut kontumaċi.

25

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tagħha, id-deċiżjonijiet tal-High Court ingħataw taħt il-forma ta’ sentenza u ta’ digriet mogħtija fil-kontumaċja fi proċeduri ċivili li, bħala regola, isegwu l-prinċipju tal-kontradittorju. Il-fatt li l-qorti ddeċidiet bħallikieku l-konvenut, li kien deher debitament quddiemha, kien kontumaċi mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-kwalifikazzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija. Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi kkunsidrata biss fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-imsemmija deċiżjonijiet mal-ordni pubbliku tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esklużjoni tal-konvenut mill-proċeduri skont l-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell

26

Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C-7/98, Ġabra p. I-1935, punt 23), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li filwaqt li hija ma għandhiex tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat kontraenti, madankollu hija għandha tikkontrolla l-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat kontraenti tista’ jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat kontraenti ieħor.

27

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-użu tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku mhuwiex possibbli ħlief fil-każ fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat kontraenti ieħor imorru kontra, b’mod inaċċettabbli, is-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni, inkwantu tippreġudika prinċipju fundamentali. Il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola ta’ dritt meqjusa bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali (sentenza Krombach, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37)

28

Fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, li għalih tagħmel riferiment id-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dan jokkupa post importanti ħafna fl-organizzazzjoni u fil-mod kif jitmexxa smigħ xieraq u li huwa fost id-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u għall-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri ħadmu flimkien għalihom jew aderew magħhom, fost liema l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, għandha sinjifikat partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Krombach, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

29

Ċertament, id-drittijiet fundamentali, bħall-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, ma jidhrux bħala prerogattivi assoluti, iżda jista’ jkollhom xi restrizzjonijiet. Madankollu, dawn għandhom jirrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-miżura inkwistjoni u ma jistgħux jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan imfittex, ksur manifest u sproporzjonat tad-drittijiet kif garantiti.

30

Il-Gvern tar-Renju Unit spjega li l-istituzzjoni tal-“freezing order”, tad-“disclosure order” u tal-“unless order” għandha bħala għan li tiżgura li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tkun xierqa u effettiva.

31

Għandu jiġi ammess li tali għan jista’ jiġġustifika restrizzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Kif jirrimarkaw il-gvernijiet Taljan u Grieg, is-sistemi legali tal-maġġoranza tal-Istati Membri jistipulaw sanzjonijiet fir-rigward ta’ persuni li, fil-kuntest ta’ kawża ċivili, jadottaw aġir li joħloq dewmien li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal ċaħda ta’ ġustizzja.

32

Madankollu, tali sanzjonijiet ma jistgħux ikunu manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għan mixtieq, li huwa li jiġi żgurat progress effettiv tal-kawża fid-dawl ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

33

Fir-rigward tas-sanzjoni meħuda fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-esklużjoni ta’ M. Gambazzi milli jipparteċipa b’xi mod fil-kawża, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, dan huwa l-limitu l-iktar gravi possibbli għad-drittijiet tad-difiża. Konsegwentement, tali restrizzjoni għandu jkollha rekwiżiti ferm rigorużi sabiex ma tiġix ikkunsidrata bħala ksur manifest u sproporzjonat ta’ dawn id-drittijiet.

34

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża.

35

F’dan il-kuntest, il-partijiet fil-kawża prinċipali rreferew għal sentenza mogħtija fid-9 ta’ Novembru 2004 mill-Qorti Federali (l-Isvizzera) (Kawża 4P082/2004). Permezz ta’ din is-sentenza, din il-qorti ċaħdet l-appell magħmul minn CIBC u DaimlerChrysler minn deċiżjoni tat-Tribunale d’appello del cantone Ticino (qorti tal-appell tad-distrett ta’ Tessin, l-Isvizzera), li kienet ċaħdet ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fl-Isvizzera, kontra M. Gambazzi, tas-sentenzi tal-High Court, minħabba l-inkompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano. Il-qorti Federali ddeċidiet li l-esklużjoni ta’ M. Gambazzi mill-kawża quddiem il-High Court ma kinitx kontra l-ordni pubbliku Svizzeru, iżda qieset li fatti oħra, li ma sarx riferiment għalihom mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-kawża preżenti, xorta kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku.

36

Skont id-dikjarazzjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, membri tal-Komunitajiet Ewropej, huwa xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis b’mod xieraq il-prinċipji inklużi f’din is-sentenza tal-qorti Federali u, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-interpretazzjoni uniformi ta’ din il-konvenzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tqis dawn il-prinċipji b’mod xieraq.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qorti Federali tirreferi, sabiex tikkonkretizza l-klawżola dwar l-ordni pubbliku, għad-dritt għal smigħ xieraq u għad-dritt għal smigħ, prinċipji li anki l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha rreferiet għalihom fis-sentenza tagħha Krombach, iċċitata iktar ’il fuq, u li hija fakkret fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza.

38

Fir-rigward tal-evalwazzjoni konkreta tal-inkompatibbiltà mal-ordni pubbliku Svizzeru li saret f’din il-kawża fis-sentenza tal-qorti Federali, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li din ma għandhiex torbot formalment il-qorti tar-rinviju. Dan huwa iktar u iktar minnu għaliex, fil-kawża preżenti, din il-qorti tal-aħħar għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha fid-dawl tal-ordni pubbliku Taljan.

39

Sabiex tagħmel ix-xogħol ta’ interpretazzjoni tagħha kif ġiet imfakkra tagħmel fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippreċiża l-prinċipji li hija ddefiniet billi tindika l-kriterji ġenerali fir-rigward ta’ liema l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel l-evalwazzjoni tagħha.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li l-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ esklużjoni meħuda mill-qorti tal-Istat ta’ oriġini mal-ordni pubbliku tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kawża kkunsidrata fit-totalità tagħha u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C-341/04, Ġabra p. I-3813, punt 68).

41

Dan jimplika, f’din il-kawża, li għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kundizzjonijiet li fihom ġew meħuda, fil-proċeduri quddiem il-High Court, is-sentenzi ta’ din tal-aħħar li tagħhom hija mitluba l-eżekuzzjoni, iżda wkoll il-kundizzjonijiet li fihom ġew maħruġa, fi stadju ulterjuri, id-“disclosure order” u l-“unless order”.

42

L-ewwel nett, fir-rigward tad-“disclosure order”, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tfittex jekk, u sa fejn, M. Gambazzi kellu l-possibbiltà li jinstema’, fi stadju wara li nħarġet, dwar is-suġġett tagħha u l-portata tagħha. Hija l-qorti tar-rinviju wkoll li għandha tfittex liema rimedji ġudizzjarji M. Gambazzi utilizza, wara li nħarġet din id-“disclosure order”, sabiex jitlob l-emendar jew l-irtirar tagħha. F’dan il-kuntest, għandu jiġi stabbilit jekk il-persuna interessata kellhiex il-possibbiltà li tinvoka l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt li, skont hi, setgħu jappoġġjaw it-talba tagħha u jekk dawn il-punti kinux is-suġġett ta’ eżami dwar il-mertu, bl-osservanza sħiħa tal-prinċipju tal-kontradittorju, jew inkella, għall-kuntrarju, kienx ammissibbli biss li jiġu ssollevati kwistjonijiet limitati.

43

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ M. Gambazzi mad-“disclosure order”, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-raġunijiet imressqa minn M. Gambazzi, b’mod partikolari l-fatt li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba kien iwasslu sabiex jikser is-sigriet professjonali li huwa kellu bħala avukat, u għalhekk, li jikkometti att kundanabbli kriminalment, setgħux jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji kontradittorji.

44

Imbagħad, f’dak li jirrigwarda l-ħruġ tal-“unless order”, il-qorti tar-rinviju għandha tfittex jekk M. Gambazzi utilizzax garanziji proċedurali li jiżgurawlu possibbiltà effettiva li jikkontesta l-miżura adottata.

45

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-High court, li permezz tagħhom din iddeċidiet dwar it-talbiet tar-rikorrenti bħallikieku l-konvenut kien kontumaċi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tfittex jekk il-fondatezza ta’ dawn it-talbiet kinitx, f’dan l-istadju jew fi stadju ulterjuri, is-suġġett ta’ evalwazzjoni u jekk M. Gambazzi kellux, f’dan l-istadju jew fi stadju ulterjuri, il-possibbiltà li jesprimi ruħu dwar dan is-suġġett u jekk utilizzax rimedju ġudizzjarju.

46

Għandu jiġi enfasizzat li dawn il-verifiki, inkwantu intiżi biss sabiex jidentifikaw ksur manifest u sproporzjonat tad-dritt għal smigħ, ma għandhomx jimplikaw stħarriġ tal-evalwazzjonijiet tal-mertu magħmula mill-High Court, liema stħarriġ jikkostitwixxi reviżjoni tal-mertu, li huwa espressament ipprojbit bl-Artikolu 29 u bit-tielet paragrafu tal-Artikolu 34, tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Il-qorti tar-rinviju għandha tillimita lilha nnifisha sabiex tidentifika r-rimedji tad-dritt li M. Gambazzi kellu għad-dispożizzjoni tiegħu u tivverifika li dan tal-aħħar ibbenefika, fil-kuntest ta’ dawn, mill-possibbiltà li jinstema’, bl-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju u l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża.

47

Fi tmiem dawn il-verifiki kollha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi sabiex tibbilanċja dawn id-diversi elementi sabiex tevalwa jekk, fir-rigward tal-għan ta’ amministrazzjoni effettiva tal-ġustizzja segwit mill-High Court, l-esklużjoni ta’ M. Gambazzi mill-kawża tidhirx bħala ksur manifest u sproporzjonat tad-dritt għal smigħ tiegħu.

48

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza tista’ tikkunsidra, fir-rigward tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku msemmija f’dan l-artikolu, il-fatt li l-qorti tal-Istat ta’ oriġini ddeċidiet dwar it-talbiet tar-rikorrent mingħajr ma semgħet lill-konvenut, li deher debitament quddiemha iżda li ġie eskluż mill-kawża permezz ta’ digriet għaliex ma ssodisfax l-obbligi imposti permezz ta’ digriet mogħti preċedentement fil-kuntest tal-istess kawża, jekk, wara evalwazzjoni globali tal-kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jidhrilha li din il-miżura ta’ esklużjoni kienet ksur manifest u sproporzjonat tad-dritt għal smigħ tal-konvenut.

Fuq l-ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 27(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, bil-Konvenzjoni tal-25 ta’ Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, bil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża, u bil-Konvenzjoni tad-29 ta’ Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja għandu jiġi interpretat bil-mod kif ġej:

 

il-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni tas-sentenza tista’ tikkunsidra, fir-rigward tal-klawżola dwar l-ordni pubbliku msemmija f’dan l-artikolu, il-fatt li l-qorti tal-Istat ta’ oriġini ddeċidiet dwar it-talbiet tar-rikorrent mingħajr ma semgħet lill-konvenut, li deher debitament quddiemha iżda li ġie eskluż mill-kawża permezz ta’ digriet għaliex ma ssodisfax l-obbligi imposti b’digriet mogħti preċedentement fil-kuntest tal-istess kawża, jekk, wara evalwazzjoni globali tal-kawża u fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jidhrilha li din il-miżura ta’ esklużjoni kienet ksur manifest u sproporzjonat tad-dritt għal smigħ tal-konvenut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top