This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0337
Judgment of the Court (Third Chamber) of 18 December 2008.#Ibrahim Altun v Stadt Böblingen.#Reference for a preliminary ruling: Verwaltungsgericht Stuttgart - Germany.#EEC-Turkey Association Agreement - Article 7, first paragraph of Decision No 1/80 of the Association Council - Right of residence of a child of a Turkish worker - Worker duly registered as belonging to the labour force - Involuntary unemployment - Applicability of that agreement to Turkish refugees - Conditions governing the loss of acquired rights.#Case C-337/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-18 ta' Diċembru 2008.
Ibrahim Altun vs Stadt Böblingen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Stuttgart - il-Ġermanja.
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni - Dritt ta’ residenza ta’ wild ħaddiem Tork - Ħaddiem li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol - Qgħad involontarju - Applikabbiltà tal-imsemmi ftehim għar-refuġjati Torok - Kundizzjonijiet għat-telf tad-drittijiet miksuba.
Kawża C-337/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-18 ta' Diċembru 2008.
Ibrahim Altun vs Stadt Böblingen.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgericht Stuttgart - il-Ġermanja.
Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija - L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni - Dritt ta’ residenza ta’ wild ħaddiem Tork - Ħaddiem li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol - Qgħad involontarju - Applikabbiltà tal-imsemmi ftehim għar-refuġjati Torok - Kundizzjonijiet għat-telf tad-drittijiet miksuba.
Kawża C-337/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-10323
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:744
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
18 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )
“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Dritt ta’ residenza ta’ wild ħaddiem Tork — Ħaddiem li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol — Qgħad involontarju — Applikabbiltà tal-imsemmi ftehim għar-refuġjati Torok — Kundizzjonijiet għat-telf tad-drittijiet kweżiti”
Fil-Kawża C-337/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2007, fil-proċedura
Ibrahim Altun
vs
Stadt Böblingen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal I. Altun, minn P. Horrig, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn G. Karipsiadis u T. Papadopoulou, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turikija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Ibrahim Altun, ċittadin Tork, u l-iStadt Böblingen dwar proċedura ta’ tkeċċija tal-persuna kkonċernata mit-territorju Ġermaniż. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Deċiżjoni Nru 1/80
3 |
L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi kif ġej: “1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għax-xogħol għal membri tal-familja tiegħu, ħaddiem Tork, li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:
2. Il-leave annwali u l-assenzi minħabba maternità, inċidenti fuq ix-xogħol jew mard għal perijodu qasir għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ impjieg legali. Il-perijodi ta’ qgħad involontarju debitament iċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti u l-assenzi fit-tul minħabba mard, mingħajr ma jitqiesu bħala perijodi ta’ impjieg legali, m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet miksuba bis-saħħa tal-perijodu preċedenti ta’ impjieg.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
4 |
L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi: “Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:
It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
Skont l-Artikolu 14(1) tal-istess deċiżjoni: “Id-dispożizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni għandhom japplikaw bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubbliċi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra
6 |
Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Il-verżjoni ta’ din il-konvenzjoni applikabbli għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mill-protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati, adottat fil-31 ta’ Jannar 1967 fi New York u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ġinevra”). |
7 |
Skont l-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, it-terminu “refuġjat” japplika għal kull persuna li “jkollha biża’ raġjonevoli ta’ persekuzzjoni minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi tagħha, issib ruħha barra mill-pajjiż li tiegħu hija ċittadina u li ma tkunx tista’ jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex ċittadinanza u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn l-aħħar kellha r-residenza abitwali tagħha ma tistax jew, minħabba l-imsemmija biża’, ma tkunx trid tmur lura f’dak il-pajjiż”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
8 |
Skont l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-ebda dispożizzjoni tagħha “ma tippreġudika d-drittijiet u l-vantaġġi l-oħra mogħtija indipendentement minn din il-konvenzjoni, lir-refuġjati”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Ibrahim Altun, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, twieled fl-1 ta’ Jannar 1985 u huwa bin Ali Altun. Dan tal-aħħar, ċittadin Tork ukoll, wasal il-Ġermanja fis-27 ta’ Marzu 1996 bħala persuna li kienet qiegħda titlob l-ażil. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 1996, dan l-istatus ingħatalu mill-Bundesamt für die Anerkennung ausländischer Flüchtlinge (Uffiċċju federali għar-rikonoxximent ta’ refuġjati barranin). Konsegwentement, fit-23 ta’ Mejju 1996, Ali Altun kiseb permess ta’ residenza għal perijodu indeterminat fil-Ġermanja. |
10 |
Wara li biddel ir-residenza tiegħu diversi drabi, Ali Altun mar joqgħod f’Böblingen b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000. |
11 |
Ali Altun beda l-attività professjonali tiegħu matul Lulju tas-sena 1999 ma’ aġenzija ta’ impjieg temporanju fi Stuttgart. B’effett mill-1 ta’ April 2000, huwa ħadem f’impriża li tipproduċi prodotti tal-ikel sakemm din tal-aħħar iddikjarat ruħha insolventi fl-1 ta’ Ġunju 2002. Għalhekk, Ali Altun ġie mistieden jiddikjara ruħu bħala persuna mingħajr xogħol fl-Arbeitsamt (Uffiċċju tal-impjieg) u l-kuntratt tiegħu ġie mitmum uffiċjalment fil-31 ta’ Lulju 2002. Bejn l-1 ta’ Ġunju 2002 u s-26 ta’ Mejju 2003, huwa rċieva benefiċċji tal-qgħad. |
12 |
Matul ix-xahar ta’ Ġunju tas-sena 1999, Ali Altun beda proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja għal martu, ibnu u t-tfal bniet tiegħu. B’viża maħruġa mir-rappreżentazzjoni kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja barra mill-pajjiż, Ibrahim Altun wasal fil-Ġermanja fit-30 ta’ Novembru 1999 u beda joqgħod għand missieru. Fid-9 ta’ Diċembru 1999 huwa kiseb permess ta’ residenza validu sal-31 ta’ Diċembru 2000. Dan il-permess ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2002, u sussegwentement sat-8 ta’ Diċembru 2003. |
13 |
Fis-26 ta’ Settembru 2002, Ibrahim Altun iddikjara ruħu bħala persuna mingħajr xogħol fl-Arbeitsamt. Fil-1 ta’ Settembru 2003, huwa beda kors ta’ taħriġ intiż għaż-żgħażagħ mingħajr impjieg, u ma baqax jattendi għalih b’effett mit-2 ta’ April 2004. |
14 |
Ibrahim Altun ġie arrestat fit-28 ta’ April 2003 minħabba attentat ta’ stupru fuq tfajla ta’ sittax-il sena u nżamm taħt kustodja preventiva sas-27 ta’ Mejju 2003. Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Settembru 2003 tal-Amtsgericht Böblingen, huwa ġie kkundannat għal sena u tliet xhur ta’ priġunerija sospiżi. |
15 |
Fl-20 ta’ Novembru 2003, huwa talab estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu, li ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni tal-20 ta’ April 2004 tal-iStadt Böblingen. Din tal-aħħar ordnat, barra minn hekk, li huwa jitlaq mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li wissietu li fil-każ li huwa jonqos milli jobdi din l-ordni, huwa jintbagħat lura lejn it-Turkija. |
16 |
L-iStadt Böblingen sostniet li r-reat imwettaq minn Ibrahim Altun kien gravi u kien jikkostitwixxi, skont id-dritt nazzjonali, raġuni għar-rifjut ta’ applikazzjoni għall-estensjoni ta’ permess ta’ residenza. Barra minn hekk, dan tal-aħħar ma setax jibbenefika mid-drittijiet disponibbli taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
17 |
Peress li l-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ rifjut ġiet miċħuda wkoll, dan tal-aħħar ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Stuttgart, billi sostna li d-dritt ta’ residenza tiegħu għandu jiġi evalwat mhux biss fid-dawl tad-dritt nazzjonali, iżda wkoll fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
18 |
Peress li, f’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni fil-kawża teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Verwaltungsgericht Stuttgart iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
19 |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk wild ħaddiem Tork jistax jibbenefika mid-drittijiet disponibbli taħt l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, meta, matul il-perijodu ta’ tliet snin li fihom dan il-wild kien jirrisjedi ma’ dan il-ħaddiem, dan tal-aħħar kien impjegat matul sentejn u nofs qabel ma safa mingħajr xogħol matul is-sitt xhur sussegwenti. |
20 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’tali mod li ċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tiegħu jistgħu jinvokaw direttament id-drittijiet li huwa jagħtihom (sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman, C-351/95, Ġabra p. I-2133, punt 28, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C-325/05, Ġabra p. I-6495, punt 47). |
21 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-drittijiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jagħti lill-wild ta’ ħaddiem Tork f’dak li jirrigwarda l-impjieg fl-Istat Membru kkonċernat jimplikaw neċessarjament l-eżistenza ta’ dritt korrelattiv ta’ residenza għall-persuna kkonċernata u, fin-nuqqas tiegħu, jitneħħa kull effett mid-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u dak li effettivament jiġi eżerċitat impjieg (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). |
22 |
Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-dritt mogħti lil wild ħaddiem Tork sabiex iwieġeb għal kull offerta ta’ xogħol fl-Istat Membru ospitanti huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, li jipprovdu li dan il-ħaddiem għandu jkun jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat u li l-wild ikun ilu legalment jirrisjedi f’dan l-Istat għal minn tal-inqas tliet snin. Għandu jiġi ppreċiżat li l-ewwel kundizzjoni ma tirreferix għall-kunċett ta’ “xogħol legali” li huwa msemmi fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, imma hija sempliċement marbuta mal-kunċett li “l-ħaddiem jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol”. |
23 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni li ħaddiem Tork għandu jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li dan il-kunċett ikopri l-ħaddiema kollha li kkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet legali u regolamentari tal-Istat Membru ospitanti u għalhekk għandhom id-dritt li jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tiegħu (sentenzi tas-26 ta’ Novembru 1998, Birden, C-1/97, Ġabra p. I-7747, punt 51, kif ukoll tal-24 ta’ Jannar 2008, Payir et, C-294/06, Ġabra p. I-203, punt 29). |
24 |
Barra minn hekk, minkejja li jkun hemm interruzzjoni temporanja tax-xogħol, ħaddiem Tork ikompli jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, matul il-perijodu li huwa raġonevolment neċessarju għalih sabiex isib impjieg ieħor, tkun xi tkun il-kawża tan-nuqqas mis-suq tax-xogħol tal-persuna kkonċernata, sakemm dan in-nuqqas ikun provviżorju (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Dogan, C-383/03, Ġabra p. I-6237, punti 19 u 20). |
25 |
Ħaddiem Tork huwa eskluż mis-suq legali tax-xogħol biss meta oġġettivament huwa ma jifdallu l-ebda opportunità li jerġa’ jintegra ruħu fis-suq tax-xogħol jew meta jkun skada żmien raġonevoli li fih seta’ jsib impjieg ieħor wara perijodu ta’ inattività temporanja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli, C-340/97, Ġabra p. I-957, punt 44, u Dogan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). |
26 |
Is-sitwazzjoni fejn Ali Altun sab ruħu mingħajr xogħol intortament wara li l-kumpannija li kien jaħdem magħha ġiet iddikajarata insolventi, ma tistax, fiha nfisha, tipprekludi lil dan tal-aħħar milli jkompli jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti. |
27 |
Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 23 sa 25 tas-sentenza preżenti fir-rigward tal-kunċett ta’ ħaddiem li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jistgħu jergħu jiġu kkunsidrati għall-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni. |
28 |
Interpretazzjoni differenti tal-imsemmi kunċett, skont jekk dan huwiex previst fil-kuntest tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jew f’dak tal-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar, tista’ tippreġudika l-koerenza tas-sistema implementata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bil-għan li tiġi gradwalment ikkonsolidata s-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok fl-Istat Membru ospitanti. |
29 |
Għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni Nru 1/80 hija intiża sabiex tiffavorixxi l-integrazzjoni gradwali fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u li, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-drittijiet li hija tagħtihom (sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). |
30 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ residenza, l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jobbliga lill-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jirrisjedi miegħu, mingħajr interruzzjoni, matul perijodu ta’ tliet snin. |
31 |
Fil-fatt, ġurisprudenza stabbilita titlob, f’dan ir-rigward, li r-riunifikazzjoni tal-familja, li ġġustifikat id-dħul tal-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, tidher bil-fatt li matul ċertu perijodu l-wild kien effettivament jirrisjedi f’komunità domestika mal-ħaddiem, u li dan għandu jkun il-każ sakemm il-persuna kkonċernata ma tissodisfax, hija nfisha, il-kundizzjonijiet sabiex ikollha aċċess għas-suq tax-xogħol f’dan l-Istat (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C-329/97, Ġabra p. I-1487, punt 36, u Derin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). |
32 |
Minn dan isegwi li, matul il-perijodu meħtieġ sabiex il-membru tal-familja jikseb id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti, il-ħaddiem li miegħu huwa jirrisjedi għandu jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol. |
33 |
Iż-żewġ kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu sodisfatti simultanjament. |
34 |
Din hija l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li tirriżulta mill-kliem u mill-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
35 |
Fil-fatt, din tal-aħħar ippreċiżat li d-drittijiet mogħtija taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu eżerċitati mill-membru tal-familja wara l-perijodu ta’ residenza mal-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti, anki jekk, wara dan il-perijodu, l-imsemmi ħaddiem innifsu ma jibqax jagħmel parti mis-suq ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C-467/02, Ġabra p. I-10895, punt 32). |
36 |
Il-fatt li l-ħaddiem ma jibqax jissodisfa l-kundizzjoni ta’ intitolament għad-dritt tal-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti, wara li l-membru tal-familja tiegħu jkun kiseb huwa nnifsu dan id-dritt, ma jistax iqiegħed inkwistjoni dan id-dritt. |
37 |
Għandu jiġi konkluż li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għall-finijiet tal-ksib tad-dritt tal-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti mill-membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork, il-kundizzjoni li dan tal-aħħar jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol għandha tkun ġiet sodisfatta matul, minn tal-inqas, il-perijodu ta’ tliet snin ta’ residenza komuni. |
38 |
Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għex flimkien ma’ missieru matul perijodu ta’ iktar minn tliet snin, jiġifieri mit-30 ta’ Novembru 1999, il-jum li fih wasal il-Ġermanja, sal-20 ta’ April 2004, il-jum li fih ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tindika li, sal-20 ta’ April 2004, Ali Altun eżerċita attività professjonali matul sentejn u nofs, u sussegwentement sab ruħu, intortament, mingħajr xogħol b’effett mix-xahar ta’ Ġunju 2002. |
39 |
Għalhekk, il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, relatati mal-fatt li ħaddiem Tork jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru ospitanti u mal-perijodu ta’ residenza legali ta’ membru tal-familja f’dan l-Istat Membru, huma sodisfatti f’dan il-każ. |
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi hija li l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li wild ħaddiem Tork jista’ jibbenefika mid-drittijiet disponibbli taħt din id-dispożizzjoni meta, matul il-perijodu ta’ tliet snin li fihom tali wild għex ma’ dan il-ħaddiem, dan tal-aħħar eżerċita attività professjonali matul sentejn u nofs qabel ma sab ruħu mingħajr xogħol matul is-sitt xhur sussegwenti. |
Fuq it-tielet domanda
41 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li ħaddiem Tork kiseb id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru u għaldaqstant, id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat bħala refuġjat politiku, jipprekludix lil membru tal-familja tiegħu milli jibbenefika mid-drittijiet disponibbli taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
42 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżerċizzju tad-drittijiet li ċ-ċittadini Torok għandhom skont id-Deċiżjoni Nru 1/80 ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni marbuta mar-raġuni li għaliha huma ngħataw inizjalment id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti (ara f’dan is-sens, fil-kuntest tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus, C-237/91, Ġabra p. I-6781, punti 21 u 22, kif ukoll Payir, et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40; fil-kuntest tal-Artikolu 7 tal-istess deċiżjoni, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu, C-355/93, Ġabra p. I-5113, punt 22). |
43 |
Għalhekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, l-għoti tad-dritt tal-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, u tad-dritt korrelattiv ta’ residenza f’dan l-Istat tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork, ma jiddependix fuq iċ-ċirkustanzi li fihom id-dritt tad-dħul u tar-residenza nkisbu minn dan tal-aħħar. |
44 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-refuġjati huma diġà suffiċjentement protetti mid-drittijiet mogħtija lilhom mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u li mhuwiex neċessarju li tali refuġjati jitqiegħdu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni konkluż mal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Tali “vantaġġ doppju” ma tantx jidher li huwa rilevanti. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jipprovdi li, indipendentement minn din il-konvenzjoni, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma tippreġudika d-drittijiet u l-vantaġġi mogħtija lir-refuġjati. |
46 |
Issa, id-Deċiżjoni Nru 1/80 tagħti lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork drittijiet li huma ma jistgħux jinvokaw taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. |
47 |
Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li d-drittijiet tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jwieġbu għal offerti ta’ xogħol fl-Istat Membru ospitanti meta jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet marbuta, b’mod partikolari, mat-tul ta’ żmien tar-residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ma tagħti l-ebda dritt ta’ dan it-tip lill-membri tal-familja ta’ refuġjat politiku. |
48 |
Huwa minnu li d-Deċiżjoni Nru 1/80 ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri li jirregolaw kemm id-dħul fit-territorju tagħhom taċ-ċittadini Torok, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ewwel impjieg tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Payir Et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). |
49 |
Madankollu, ir-rifjut tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 minħabba l-istatus ta’ refuġjat politiku li kien igawdi minnu Ali Altun meta ngħatalu l-permess ta’ dħul u ta’ residenza fil-Ġermanja ma jistax jippreġudika d-drittijiet li huwa u l-membri tal-familja tiegħu għandhom skont din id-deċiżjoni. |
50 |
Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-fatt li ħaddiem Tork kiseb id-dritt ta’ residenza fi Stat Membru u, għalhekk, id-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol f’dan l-Istat bħala refuġjat politiku ma jipprekludix lil membru tal-familja tiegħu milli jkun jista’ jibbenefika mid-drittijiet disponibbli skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi
51 |
Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk u, fejn huwa xieraq, f’liema kundizzjonijiet, id-drittijiet li membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork għandu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jistgħu jiġu ppreġudikati meta ħaddiem jikseb l-istatus ta’ refuġjat politiku abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz. |
52 |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li d-dubju tagħha dwar dan il-punt jirriżulta mill-fatt li minn serje ta’ indizji jista’ jiġi stabbilit li l-informazzjoni pprovduta minn Ali Altun fil-kuntest tal-applikazzjoni għal ażil tiegħu ma taqbilx mal-verità. |
53 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-legalità tax-xogħol ta’ ċittadin Tork fl-Istat Membru ospitanti tippresupponi sitwazzjoni stabbli u mhux prekarja fuq is-suq tax-xogħol tal-imsemmi Stat Membru u, għaldaqstant, timplika dritt mhux ikkontestat ta’ residenza (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince, C-192/89, Ġabra p. I-3461, punt 30, u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Güzeli, C-4/05, Ġabra p. I-10279, punt 38). |
54 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan il-kuntest, li l-perijodi ta’ xogħol eżerċitati minn ċittadin Tork fiż-żmien meta kellu permess ta’ residenza li ngħatalu biss bħala konsegwenza ta’ aġir qarrieqi ta’ dan tal-aħħar, li ta lok għall-kundanna tiegħu, mhumiex ibbażati fuq sitwazzjoni stabbli u għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi ta’ xogħol li twettqu b’mod prekarju, peress li, matul l-imsemmija perijodi, il-persuna kkonċernata ma kinitx ibbenefikat legalment minn dritt ta’ residenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Kol, C-285/95, Ġabra p. I-3069, punt 27, u tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas, C-37/98, Ġabra p. I-2927, punt 61). |
55 |
L-eżerċizzju ta’ impjieg minn ċittadin Tork meta huwa jkollu permess ta’ residenza mogħti bħala konsegwenza ta’ aġir qarrieqi li ta lok għal kundanna ma jistax joħloq drittijiet għall-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar jew jiġġustifika aspettattivi leġittimi min-naħa tiegħu (sentenza Kol, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). |
56 |
Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabta li teżisti bejn id-drittijiet li għandu ħaddiem Tork skont id-Deċiżjoni Nru 1/80 u dawk li jistgħu jiġu invokati abbażi tal-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni mill-membri tal-familja tiegħu li ġew awtorizzati jingħaqdu miegħu, tali aġir qarrieqi ta’ dan il-ħaddiem jista’ joħloq effetti fl-isfera ġuridika tal-membri tal-familja tiegħu. |
57 |
Madankollu, dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati b’riferiment għall-jum li fih l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti adottaw deċiżjoni li tawtorizza l-irtirar tal-permess ta’ residenza tal-imsemmi ħaddiem. |
58 |
Fil-każ li fil-jum li fih il-permess ta’ residenza ta’ ħaddiem Tork jiġi rtirat, id-drittijiet tal-membri tal-familja tiegħu huma fil-proċess li jinkisbu, sa fejn il-kundizzjoni relatata mal-perijodu ta’ koabitazzjoni effettiva mal-ħaddiem prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tkun għadha mhijiex sodisfatta, l-Istati Membri jistgħu jinvokaw il-konsegwenzi tal-aġir qarrieqi ta’ dan il-ħaddiem fil-konfront tal-membri tal-familja tiegħu. |
59 |
Min-naħa l-oħra, meta dawn tal-aħħar ikunu kisbu dritt legali ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti u, b’mod korrelattiv, dritt ta’ residenza hemmhekk, dawn id-drittjiet ma jistgħux jiġu kkontestati minħabba irregolaritajiet li, fl-imgħoddi, affettwaw id-dritt ta’ residenza tal-imsemmi ħaddiem. |
60 |
Kull soluzzjoni oħra tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jeżiġi, b’mod partikolari, li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jista’ jkollhom effetti li mhumiex favorevoli għall-individwi u għall-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C-158/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67). |
61 |
Barra minn hekk, jiġi miċħud kull effett tad-dritt għall-aċċess tas-suq tax-xogħol li għandhom il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kien ikollhom il-possibbiltà li jinfluwenzaw jew jillimitaw b’xi mod l-applikazzjoni tad-drittijiet speċifiċi li l-immigrant Tork ingħata direttament mill-imsemmija deċiżjoni (sentenzi Ergat, iċċitati iktar ’il fuq, punt 41, u tal-25 ta’ Settembru 2008, Er, C-453/07, Ġabra p. I-7299, punt 27). |
62 |
Il-limiti għad-drittijiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirrikonoxxi lill-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi paragrafu jistgħu jkunu biss ta’ żewġ tipi, jiġifieri, jew il-fatt li l-preżenza tal-immigrant Tork fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-aġir personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 14(1) tal-istess deċiżjoni, jew il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Cetinkaya, punti 36 u 38, kif ukoll Er, punt 30). |
63 |
In-natura eżawrjenti tal-limiti stabbiliti fil-punt preċedenti tiġi kkontestata fil-każ li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu f’pożizzjoni li jissuġġettaw għal kundizzjonijiet, jillimitaw jew jeskludu d-drittijiet legali miksuba mill-membri tal-familja ta’ ħaddiem migrant permezz ta’ eżami mill-ġdid jew ta’ evalwazzjoni ġdida taċ-ċirkustanzi tal-għoti lil dan tal-aħħar tad-dritt ta’ dħul u ta’ residenza. |
64 |
Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ u l-ħames domandi hija li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ħaddiem Tork ikun kiseb l-istatus ta’ refuġjat politiku abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz, id-drittijiet li membru tal-familja tiegħu għandu skont din id-dispożizzjoni ma jistgħux jiġu kkontestati jekk dan tal-aħħar, fil-jum li fih jiġi rtirat il-permess ta’ residenza li ngħata lil dan il-ħaddiem, jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmija dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
65 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.