Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0308

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-19 ta' Frar 2009.
    Koldo Gorostiaga Atxalandabaso vs il-Parlament Ewropew.
    Appell - Regoli dwar l-ispejjeż u l-indennizzi tal-membri parlamentari Ewropej - Irkupru ta' somom imħallsa indebitament permezz ta' kumpens - Eżekuzzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza - Dritt għal qorti imparzjali - Res judicata - Prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.
    Kawża C-308/07 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:103

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    19 ta’ Frar 2009 ( *1 )

    “Appell — Regoli dwar l-ispejjeż u l-indennizzi tal-membri tal-Parlament Ewropew — Irkupru ta’ somom imħallsa indebitament permezz ta’ tpaċija — Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Dritt għal qorti imparzjali — Res judicata — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ”

    Fil-Kawża C-308/07 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2007

    Koldo Gorostiaga Atxalandabaso, ex membru tal-Parlament Ewropew, residenti f’Saint-Pierre-d’Irube (Franza), irrappreżentat minn D. Rouget, avukat,

    appellant

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat inizjalment minn C. Karamarcos, H. Krück u D. Moore, u sussegwentement minn it-tnejn tal-aħħar u A. Padowska, bħala aġenti,

    konvenut fl-ewwel istanza

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2008,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Settembru 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tiegħu, Gorostiaga Atxalandabaso jitlob l-annullament tad-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-24 ta’ April 2007, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament (T-132/06, Ġabra p. II-35, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li bih din tal-aħħar ċaħdet bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment bħala infondat ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tat-22 ta’ Marzu 2006, li tirregola l-proċedura ta’ rkupru ta’ ċerti somon riċevuti mill-appellant fir-rigward tal-ispejjeż u l-indennizzi parlamentari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regoli dwar l-ispejjeż u l-indennizzi tal-membri tal-Parlament Ewropew (iktar’il quddiem ir-“regoli SIM”) jipprovdi li :

    “3.   Jekk is-Segretarju Ġenerali, b’konsultazzjoni mal-Kwesturi, huwa ċert li tħallsu somom indebitament bħala indennizzi previsti f’dawn ir-Regoli tal-Proċedura lil membri [tal-Parlament Ewropew], huwa għandu jagħti struzzjonijiet sabiex jiġu rkuprati dawn is-somom mingħand il-membru kkonċernat.

    4.   F’każijiet eċċezzjonali u fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, magħmula wara konsultazzjoni mal-Kwesturi, il-Bureau jista’, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju u skont ir-regoli dettaljati għall-eżekuzzjoni tiegħu, jinkariga lis-Segretarju Ġenerali sabiex jissospendi temporanjament il-ħlas tal-indennizzi parlamentari sakemm il-membru ma jkunx ħallas lura dawn is-somom użati meta ma kinux dovuti.

    Id-deċiżjoni tal-Bureau għandha tittieħed filwaqt li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-mandat tal-membru u tal-ħidma tajba tal-Istituzzjoni, wara s-smigħ tal-membru kkonċernat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3

    L-Artikolu 71(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4 p. 74 — 121, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), jipprovdi hekk:

    “Ir-riżori [riżorsi] tagħha kif disponibbli mill-Kummissjoni u xi ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala li jkun ċert, ta’ ammont fiss u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet segwit b’nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti kif ikun responsabbli.”

    4

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju:

    “L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra ammonti billi jagħmel kumpens b’bilanċ kontra tagħhom ekwivalenti għal talbiet li l-Komunitajiet ikollhom fuq xi debitur li hu nnifsu għandu talba kontra l-Komunitajiet li hija ċerta, ta’ ammont stabbilit u dovut.”

    5

    L-Artikolu 83 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1 Vol. 4, p. 145 — 215), jipprovdi li:

    “F’kull punt tal-proċedura, l-uffiċċjal tal-kontijiet, wara li jkun informa lill-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli u lid-debitur, jirkupra ammonti stabbiliti permezz ta’ kumpens, fejn id-debitur għandu jieħu mingħand il-Komunitajiet, meta li għandu jieħu huwa ċert, ammont fiss u li jrid jingħata minħabba somma stabbilita f’ordni ta’ pagament.”

    6

    L-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regoli Interni dwar l-Eżekuzzjoni tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, approvati mill-Bureau fl-4 ta’ Diċembru 2002, jipprovdi li:

    “3.   B’deċiżjoni ta’ delega meħuda mill-Istituzzjoni, irrappreżentata mill-President tagħha, is-Segretarju Ġenerali huwa maħtur bħala regolatur delegat prinċipali.

    4.   Id-delegi jingħataw mir-regolatur delegat prinċipali lir-regolaturi delegati. Is-sotto delegi jingħataw mir-regolaturi delegati lir-regolaturi sotto delegati [traduzzjoni mhux uffiċjali] ”.

    Il fatti li wasslu għall-kawża

    7

    L-appellant huwa ex membru tal-Parlament Ewropew li serva l-mandat tiegħu fil-ħames leġiżlatura (1999 sa 2004). Fit-tmien ta’ verifika li kienet tirrigwarda l-eżistenza ta’ dokument ta’ sostenn dwar l-użu ta’ somom li l-appellant kien irċieva għall-ispejjeż ta’ segretarjat, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament (iktar ’il quddiem is-“Segretarju Ġenerali”) stabbilixxa, permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004, li somma għall-ammont ta’ EUR 176576 kienet tħallset indebitament lil dan il-membru. Is-Segretarju Ġenerali stabbilixxa wkoll li l-ammont li għandu jiġi rrimborsat lill-Parlament huwa EUR 118360.18, li l-appellant kien diġà rrimborsa parti mid-debitu tiegħu.

    8

    Permezz tal-istess deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004, is-Segretarju Ġenerali pprovda li għandu, abbażi tal-Artikoli 16(2) u 27(3) tar-Regoli SIM, jirkupra s-somma ta’ EUR 118360.18permezz ta’ tpaċija mal-indennizzi parlamentari l-inqas importanti għall-eżekuzzjoni tal-mandat elettiv tal-appellant, jiġifieri parti mill-indennizz għal spejjeż ġenerali u mill-indennizz għall-ispejjeż ta’ kuljum. Barra minn dan, l-imsemmija deċiżjoni kienet tipprovdi li, fil-każ li l-mandat ta’ membru tal-appellant jispiċċa, l-ammonti li jkun għadhom ma tħallsux ikunu rkuprati mill-indennizz tranżitorju kif ukoll mill-ħlasijiet l-oħra kollha dovuti lil dan tal-aħħar.

    9

    Fl-20 ta’ April 2004, l-appellant ippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004.

    10

    Permezz tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2005, (T-146/04, Ġabra p. II-5989, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gorostiaga”), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004.

    11

    L-ewwel nett, fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li d-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004 fiha, sostanzjalment, żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, il-konstatazzjoni tas-Segretarju Ġenerali li s-somom imsemmija f’din id-deċiżjoni kienu tħallsu indebitament lill-appellant u li kien jeħtieġ li jiġu rkuprati u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li jsir dan l-irkupru permezz ta’ tpaċija mal-indennizzi dovuti lil dan tal-aħħar.

    12

    Sussegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motivi kollha magħmula kontra l-ewwel parti tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004, jiġifieri dawk li kienu jirrigwardaw l-eżistenza u l-portata tal-obbligu tal-appellant li jirrimborsa lill-Parlament is-somma msemmija f’din id-deċiżjoni.

    13

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tieni parti tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 97 tas-sentenza Gorostiaga, iddeċidiet kif ġej:

    “[…] is-Segretarju Ġenerali ma jistax jordna t-tpaċija inkwistjoni mingħajr ma jkun ġie nkarigat sabiex jagħmel dan mill-Bureau skont il-proċedura prevista f[l-Artikolu 27(4) tar-Regoli SIM] id-deċiżjoni [tal-24 ta’ Frar 2004] għandha tiġi annullata sa fejn tordna din it-tpaċija.”

    14

    L-ebda appell ma sar mis-sentenza Gorostiaga.

    15

    Skont l-imsemmija sentenza, permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2006, il-Bureau inkariga lis-Segretarju Ġenerali, skont l-Artikolu 27(4) tar-Regoli SIM, sabiex jipproċedi bl-irkupru tas-somom imħallsa indebitament lill-appellant.

    16

    Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Marzu 2006, is-Segretarju Ġenerali bagħat lill-appellant id-deċiżjoni kkontestata, li essenzjalment il-kontenut tagħha huwa l-istess bħal tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004.

    17

    Skont il-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Parlament huwa inkarigat, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Finanzjarju, sabiex jipproċedi għall-irkupru tas-somma ta’ EUR 118360.18dovuta mill-appellant lill-Parlament. Il-punti 1 u 2 ta’ dan id-dispożittiv jispeċifikaw li l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament lill-appellant jistgħu jsiru permezz ta’ tpaċija mad-diversi indennizzi u ħlasijiet oħrajn dovuti lil dan tal-aħħar.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet appellat

    18

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Mejju 2006, l-appellant ippreżenta rikors intiż sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kundanna tal-Parlament għall-ispejjeż.

    19

    Insostenn tar-rikors tiegħu, l-appellant invoka ħdax-il motiv li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ċaħdithom kollha. Il-motivi li huma appellati fil-kuntest ta’ dan l-appell biss ser jiġu eżaminati fil-punti segwenti.

    20

    Permezz tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-res judicata, l-appellant sostna essenzjalment li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx leġittimament twassal għar-regolarizzazzjoni ta’ proċedura li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkunsidrat bħala illegali minħabba ultra vires.

    21

    F’dan ir-rigward, fil-punti 30 u 32 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet:

    “30

    […] [i]s-Segretarju Ġenerali, skont l-Artikolu 27(4) tar-Regoli SIM kif interpretati fil-punti 86 sa 97 tas-sentenza Gorostiaga, jadotta d-deċiżjoni [kkontestata] wara li l-Bureau inkarigah jirkupra s-somom inkwistjoni skont din id-dispożizzjoni […].

    […]

    32

    Fir-rigward taż-żamma ta’ EUR 40398.80, huwa minnu li din tal-aħħar tilfet il-bażi legali tagħha wara s-sentenza Gorostiaga. Madankollu, dan il-fatt ma kienx ifisser it-tmiem tad-debitu favur il-Parlament fil-konfront tar-rikorrent għal total ta’ EUR 118360.18, billi l-kwistjoni dwar dan il-kreditu setax jiġi, in parti, imħallas permezz ta’ tpaċija […] kienx distint […]”

    22

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ewwel motiv invokat mill-appellant insostenn tar-rikors tiegħu bħala manifestament infondat.

    23

    Permezz tat-tielet motiv tar-rikors tiegħu, l-appellant invoka l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri biex jispjega l-impossibbiltà li jippreżenta dokumenti ta’ sostenn relatati ma’ ċerti spejjeż sostnuti minnu.

    24

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv bħala manifestament inammissibbli peress li huwa kien iqiegħed fid-dubju r-res judicata tas-sentenza Gorostiaga (punti 49 sa 54 tad-digriet appellat). Skont din is-sentenza, is-Segretarju Ġenerali, fil-fatt, kien iddikjara li s-somom inkwistjoni kienu tħallsu indebitament lill-appellant u għaldaqstant kellhom jiġu rkuprati.

    25

    Fl-aħħar nett, permezz tal-ewwel parti tas-seba’ motiv invokat mill-appellant insostenn tar-rikors tiegħu, dan tal-aħħar ikkontesta l-fatt li l-Parlament ma nnotifikahx bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Frar 2006. B’dan il-mod, il-Parlament kien kiser l-Artikolu 20 tal-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba, adottat fis-6 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Mġiba Tajba”), li jistabbilixxi obbligu ta’ notifika bil-miktub tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet jew l-interessi taċ-ċittadini.

    26

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv billi ddeċidiet kif ġej fil-punti 72 u 73 tad-digriet appellat:

    “72

    Fir-rigward tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Frar 2006, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din ma tikkostitwixxix id-deċiżjoni finali li tikkawża preġudizzju lir-rikorrenti. […]

    73

    Rigward l-allegazzjoni dwar il-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba, huwa biżżejjed li jiġi osservat li d-dokument li jirreferi għalih ir-rikorrent ma jikkostitwixxix riżoluzzjoni tal-Parlament li introduċiet emendi għal proġett li kien ġie ppreżentat lilu mill-Medjatur Ewropew u li stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva f’dan ir-rigward abbażi tal-Artikolu 308 KE. Għaldaqstant, indipendentement mill-kwistjoni jekk dispożizzjoni bħal dik fl-[Artikolu 20 tal-imsemmi kodiċi] li tirreferi wkoll għal deċiżjonijiet oħra bħal dawk li jikkawżaw preġudizzju, għandu jiġi enfasizzat li ma jirrigwardax test leġiżlattiv. Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.”

    It-talbiet tal-partijiet

    27

    Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, u

    tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

    28

    Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala manifestament infondat u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

    Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi bil-miktub

    29

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2007, l-appellant talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub. Insostenn ta’ din it-talba, huwa invoka l-eżistenza ta’ fatt ġdid ikkostitwit minn ittra tal-Parlament, bid-data tas-17 ta’ Ottubru 2007, li tordnalu jħallas is-somma ta’ EUR 77961 wara ċ-ċaħda, permezz tad-digriet appellat, tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 42(2) moqri flimkien mal-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura, ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

    31

    Madankollu dan m’huwiex il-każ f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-element fattwali allegatament ġdid invokat mill-appellant ma jista’ jiġi marbut ma’ ebda motiv ġdid jew preċedenti mqajjem minn dan tal-aħħar fil-kuntest tal-appell tiegħu. F’kull każ, dan l-element fattwali kien jidher irrilevanti għall-finijiet ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, meta talab, permezz tal-imsemmija ittra tas-17 ta’ Ottubru 2007, il-ħlas tas-somom li għadhom dovuti, il-Parlament sempliċement fehem il-konsegwenzi tal-adozzjoni tad-digriet appellat, li, barra minn dan, ma għamel l-ebda talba għal miżuri provviżorji jew talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Barra minn dan, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ippreżentat mill-appellant ma għandux effett sospensiv fir-rigward ta’ tali digriet.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba tal-appellant intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub.

    Fuq l-appell

    33

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem sitt aggravji, ibbażati fuq, fl-ewwel lok, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju tal-kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq; fit-tieni lok, fuq il-ksur tad-dritt fundamentali għal qorti imparzjali; fit-tielet lok, l-evalwazzjoni żbaljata tal-portata tas-sentenza Gorostiaga; fir-raba’ lok, ir-rifjut sistematiku u awtomatiku tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti tiegħu intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestesta; fil-ħames lok, ir-rifjut tal-Qorti tal-Prim’Istanza li teżamina l-motiv ibbażat fuq il-forza maġġuri, u, fis-sitt u l-aħħar lok, ir-rifjut tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tosserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    Fuq l-ewwel aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    34

    Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi permezz ta’ digriet, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, ċaħditu mill-possibbiltà li jirrispondi għall-argumenti tal-Parlament u mid-dritt ta’ smigħ. Barra minn dan, billi ma informatux b’tali deċiżjoni, qabel ingħatat is-sentenza permezz ta’ digriet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħditu mill-possibbiltà li jikkontesta din id-deċiżjoni. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju tal-kontradittorju u d-dritt għal smigħ xieraq.

    35

    Il-Parlament jirrispondi li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat korrettament l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura u ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tal-appellant.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    36

    Għandu jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża, l-applikazzjoni fiha nfisha tal-proċedura prevista fl-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiksirx id-dritt għal proċedura ġudizzjarja regolari u effettiva, peress li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-kawżi li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza hija manifestament inkompetenti biex tisma’ r-rikors jew meta dan tal-aħħar huwa manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt. Konsegwentement, jekk appellant jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx korrettament l-Artikolu 111, għandha tiġi kkontestata l-evalwazzjoni mill-qorti tal-ewwel istanza tal-kundizzjonijiet li għalihom l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tat-3 ta’ Ġunju 2005, Killinger vs Il-Ġermanja et, C-396/03 P, Ġabra p. I-4967, punt 9).

    37

    Issa, f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-appellant sempliċement jikkritika l-fatt li sar użu minn digriet motivat, mingħajr ma jsemmi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 111 u lanqas iqiegħed fid-dubju l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ta’ dan l-artikolu fid-digriet appellat.

    38

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel aggravju, invokat mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu, bħala infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    39

    Permezz tat-tieni aggravju, l-appellant jinvoka l-ksur tad-dritt tiegħu għal qorti imparzjali, kif ipprovdut fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1). Tali ksur jirriżulta mill-attribuzzjoni tal-kawża li tagħti lok għad-digriet appellat għal kulleġġ ġudikanti kompost minn imħallfin, inklużi dawk li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ President u ta’ Mħallef Relatur, li diġà ppresjedew fil-kulleġġ ġudikanti li ddeċieda s-sentenza Gorostiaga. Issa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ imparzjalità teżiġi li l-istess Imħallef ma jistax, inkluż fil-każ meta jirrigwarda l-istess grad ta’ ġurisdizzjoni, jisma’ kawża bbażata fuq fatti identiċi jew konnessi biżżejjed għal dawk ta’ kawża li diġà ġiet deċiża.

    40

    Il-Parlament jirrispondi li l-argument tal-appellant huwa infondat fid-dritt u m’għandu l-ebda sostenn fil-ġurisprudenza Komunitarja. Barra minn dan, huwa jenfasizza li l-kawża li tat lok għad-digriet appellat tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk il-Parlament wettaqx l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mis-sentenza Gorostiaga. Għaldaqstant il-fatt li l-istess Imħallfin semgħu ż-żewġ kawżi ma jistax jiġi kkritikat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    41

    Id-dritt għal smigħ xieraq kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jikkostitwixxi dritt fundamentali li l-Unjoni Ewropea tirrispetta bħala prinċipju ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 6(2) UE (sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 29, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 44).

    42

    Tali dritt jimplika neċessarjament id-dritt għal smigħ għal kull persuna quddiem qorti indipendenti u imparzjali. Għaldaqstant, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża, l-eżistenza ta’ garanziji fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-qorti jirrappreżentaw il-fundament tad-dritt għal smigħ xieraq, li tiegħu l-qorti Komunitarja għandha tivverifika b’mod partikolari r-rispett meta jiġi invokat ksur ta’ dan id-dritt u li l-kontestazzjoni fuq dan il-punt fil-bidu tidher manifestament serja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 sa 48).

    43

    Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-fatt li l-Imħallfin li jkunu ħadu konjizzjoni ta’ kawża għall-ewwel darba jistgħu jagħmlu parti minn kulleġġ ġudikanti li għandu jiddeċiedi mill-ġdid l-istess kawża m’għandux minnu nnifsu jiġi kkunsidrat inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniendem iċċitata).

    44

    B’mod partikolari, il-fatt li wieħed jew iktar Imħallfin jifformaw parti miż-żewġ kulleġġi ġudikanti suċċessivi u jeżerċitaw fihom l-istess funzjonijiet, bħal dawk ta’ President jew ta’ Mħallef Relatur, huwa minnu nnifsu irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ imparzjalità peress li l-imsemmija funzjonijiet huma eżerċitati minn kulleġġ kolleġjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

    45

    Tali kunsiderazzjonijiet japplikaw b’iktar saħħa meta ż-żewġ kulleġġi ġudikanti suċċessivi ma jkollhomx jiddeċiedu fuq l-istess kawża, bħala ma kien ġara fil-każ li ta lok għas-sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda r-rinviju ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza wara l-annullament ta’ sentenza tal-ewwel istanza mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda, bħal f’din il-kawża, fuq żewġ kawżi distinti li għandhom ċertu grad ta’ konnessjoni.

    46

    Barra minn dan, għandha tiġi osservata li l-ħtieġa ta’ imparzjalità tkopri fir-realtà żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tkun suġġettivament imparzjali, jiġifieri li ebda wieħed mill-membri tagħha m’għandu juri li qed ixaqleb lejn jew jieħu pożizzjoni fuq bażi personali, peress li l-imparzjalità personali hija preżunta sakemm tingħata prova kuntrarja. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tkun oġġettivament imparzjali, jiġifieri li għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u f’dan is-sens, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Fey vs L-Awstrija tal-24 ta’ Frar 1993, Serje A Nru 255-A, p. 12, punt 28; Findlay vs Ir-Renju Unit tal-25 ta’ Frar 1997, Reports of Judgements and Decisions 1997-I, p. 281, punt 73, kif ukoll Forum Maritime SA vs Ir-Rumanija, tal-4 ta’ Ottubru 2007, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, punt 116).

    47

    Issa, f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-appellant, kif ikkonfermah ukoll matul is-seduta, ma invoka l-ebda argument ta’ natura li jqiegħed fid-dubju l-imparzjalità personali tal-Membri tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

    48

    Għaldaqstant, għandu jitfakkar li l-appellant ma ppreżenta l-ebda appell mis-sentenza Gorostiaga u li dan tal-aħħar tah parzjalment raġuni.

    49

    Minn naħa l-oħra, l-appellant ma jallega l-ebda element oġġettiv li jqajjem dubju dwar l-imparzjalità tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa sempliċement jinvoka l-preżenza tal-istess Imħallfin fiż-żewġ kulleġġi ġudikanti inkwistjoni, jiġifieri ċirkustanza li, kif ukoll jirriżultaw mill-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza, mhijiex, bħala tali, inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq.

    50

    Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet u r-raba’ aggravji

    L-argumenti tal-partijiet

    51

    Permezz tat-tielet u r-raba’ aggravji, li għandhom jiġu eżaminati konġuntament, l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli żbaljat meta kkunsidrat li l-argumenti tiegħu invokati fl-ewwel istanza, u li jqiegħdu fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, kienu manifestament inammissibbli inkwantu huma jiksru l-awtorità tar-res judicata tas-sentenza Gorostiaga. Fil-fatt, wara l-annullament permezz ta’ din is-sentenza tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004, din tal-aħħar kellha titqies li kienet nulla u mingħajr effetti fl-intier tagħha u l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha ma setgħetx tiġi rregolarizzata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi deċiżjoni ġdida u distinta minn dik tal-24 ta’ Frar 2004, tali li l-aggravji kollha mqajma mill-appellant kontra d-deċiżjoni kkontestata kellhom jiġu eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

    52

    Il-Parlament jiċħad dawn l-allegazzjonijiet billi jfakkar prinċipalment li, fis-sentenza Gorostiaga, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Parlament kien stabbilixxa korrettament li ċerti indennizzi parlamentari kienu tħallsu indebitament lill-appellant. Għaldaqstant, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004 setgħet tiġi rregolarizzata validament.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    53

    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kif ukoll tfakkar fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004 fiha, sostanzjalment, żewġ partijiet, jiġifieri, minn naħa, il-konstatazzjoni tas-Segretarju Ġenerali li s-somom imsemmija f’din tal-aħħar kienu tħallsu indebitament lill-appellant u li kien jeħtieġ li jiġu rkuprati u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li jsir dan l-irkupru, sa fejn possibbli, permezz ta’ tpaċija mal-indennizzi dovuti lil dan tal-aħħar.

    54

    Issa, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni bis-sentenza Gorostiaga jirrigwarda biss, kif jirriżulta espressament mill-punt 169 u mill-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, it-tieni parti tagħha, peress li l-qorti tal-ewwel istanza qieset li s-Segretarju Ġenerali ma kienx kompetenti sabiex jordna l-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom dovuti mingħajr delega adegwata mill-Bureau, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 27(4) tar-Regoli SIM. Min-naħa l-oħra, il-motivi kollha tar-rikors li jirrigwardaw il-legalità tal-ewwel parti tad-deċiżjoni tad-24 ta’ Frar 2004 kienu ġew miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

    55

    Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004 biss sa fejn hija kienet tipprovdi li l-irkupru tas-somom dovuti mill-appellant kellu jsir permezz ta’ tpaċija, u għaldaqstant ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

    56

    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, tali annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004 ma jostakolax lis-Segretarju Ġenerali milli jkompli l-proċedura ta’ rkupru wara li huwa jiġi debitament awtorizzat mill-Bureau, skont l-Artikolu 27(4) tar-Regoli SIM, kif interpretat permezz tas-sentenza Gorostiaga. Fil-fatt, kif il-qorti tal-ewwel istanza korrettament iddeċiediet fil-punt 30 tad-digriet appellat, il-proċedura intiża sabiex tissostitwixxi att annullat tista’ titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità kkonstatata mingħajr ma l-atti preparatorji jiġu neċessarjament affettwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-6993, punti 31 sa 32).

    57

    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza Gorostiaga ma ġietx appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li, konsegwentement, id-dispożittiv tagħha bħall-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju kisbu natura definittiva (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punti 44 u 47, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-kwistjoni tan-natura indebita tas-somom li għandhom jiġu rkuprati u l-obbligu tal-appellant sabiex jipproċedi bir-rimbors tiegħu ma jistgħux jiġu ppreżentati mill-ġdid quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u eżaminati minn din tal-aħħar mingħajr ma tiġi injorata l-awtorità tar-res judicata li illum għandha s-sentenza Gorostiaga.

    58

    Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li att jibbenefika mill-awtorità tar-res judicata marbuta ma’ att preċedenti sa fejn huwa jikkostitwixxi sempliċi repetizzjoni tal-parti ta’ dan l-att li m’hijiex annullata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 1965, Barge vs L-Awtorità Għolja, 14/64, Ġabra p. 69, punt 11).

    59

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, eżattament bl-istess kliem bħal dawk tal-24 ta’ Frar 2004, li s-somma ta’ EUR 118360.18kienet tħallset indebitament lill-appellant u għandha tiġi rkuprata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punt 53 tad-digriet appellat, li kwalunkwe lment li jqiegħed fid-dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    60

    Minn dan isegwi li t-tielet u r-raba aggravji invokati mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    Fuq il-ħames aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    61

    Permezz tal-ħames aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta ma eżaminatx il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri minħabba li s-sentenza tal-24 ta’ Frar 2004 kienet tibbenefika mill-awtorità tar-res judicata li tirriżulta mis-sentenza Gorostiaga.

    62

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kkunsidrat li l-motiv kien diġà ġie eżaminat fis-sentenza Gorostiaga, peress li, fir-realtà, dan il-motiv kien ibbażat fuq fatti li ġraw wara l-imsemmija sentenza, jiġifieri l-fatt li Ministru tal-Ġustizzja Spanjol ma rrispondix għal ittra mibgħuta lilu mingħand l-appellant fil-15 ta’ April 2006 sabiex jikseb kopja ta’ dokumenti tal-kontabbiltà relatati mal-eżerċizzju tal-mandat tiegħu ta’ membru tal-Parlament Ewropew.

    63

    Fid-digriet appellat, il-Parlament jirrispondi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni korretta tal-prinċipju tal-awtorità tar-res judicata, peress li l-appellant kien diġà invoka motiv essenzjalment identiku, billi bbaża ruħu fuq l-istess argumenti, matul il-proċedura li tat lok għas-sentenza Gorostiaga.

    64

    Speċifikament rigward in-nuqqas ta’ risposta għall-imsemmija ittra tal-15 ta’ April 2006, il-Parlament jirrileva li dan l-argument kien ġie invokat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mhux fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq każ ta’ forza maġġuri, iżda insostenn ta’ motiv ieħor li kien ġie miċħud mid-digriet appellat u li l-appellant ma kkontestax l-evalwazzjoni tiegħu f’dan l-appell. F’kull każ, dawn huma fatti li ġraw wara d-deċiżjoni kkontestata li huma għaldaqstant meqjusa rilevanti għall-finijiet tal-annullament ta’ din tal-aħħar.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    65

    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-fatti invokati fl-ewwel istanza mill-appellant insostenn tal-motiv tiegħu bbażat fuq każ ta’ forza maġġuri, sabiex jiġġustifika l-impossibbiltà tiegħu li jipprovdi ċerti elementi tal-kompatibbiltà tiegħu, huma identiċi għal dawk li fuqhom kien ibbażat wieħed mill-motivi mqajjem fir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2004 u li kien ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Gorostiaga.

    66

    Għaldaqstant, minħabba r-raġunijiet indikati fil-punti 57 sa 59 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet ġustament tiddeċiedi, fil-punt 53 u 54 tad-digriet appellat, li l-aggravju ta’ annullament ibbażat fuq każ ta’ forza maġġuri kien manifestament inammissibbli.

    67

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ risposta mingħand il-Ministru tal-Ġustizzja Spanjol għall-ittra tal-appellant bid-data tal-15 ta’ April 2006, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anki jekk tali element jista’ jikkostitwixxi każ ta’ forza maġġuri fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan jirrigwarda, kif ukoll irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, fatt li ġara wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’kull każ, kien irrilevanti għall-kontenut ta’ din tal-aħħar.

    68

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq is-sitt aggravju

    L-argumenti tal-partijiet

    69

    Permezz tas-sitt aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta rrifjutat li teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-Parlament, billi naqas milli jinnotifikah bid-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Frar 2006, kienx kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ipprovdut fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba. F’dan ir-rigward, huwa jfakkar li, anki indipendentement mill-eżistenza ta’ tali testi, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tal-liġi li r-rispett tiegħu huwa impost fuq l-istituzzjonijiet.

    70

    F’dan ir-rigward, il-Parlament jirrispondi li l-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ikkonstatat in-natura ta’ att preparatorju u mhux regolamentari tal-Kodiċi ta’ Amministrazzjoni Tajba.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    71

    Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li s-sitt aggravju joħroġ minn qari żbaljat tad-digriet appellat.

    72

    Fil-fatt, fl-ewwel istanza, il-motiv imqajjem mill-appellant kien ibbażatat biss fuq ksur tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba, li bis-saħħa tiegħu l-istituzzjoni, minn naħa, għandha tiżgura li d-deċiżjonijiet li jaffettwaw id-drittijiet jew l-interessi tal-individwi jiġu nnotifikati bil-miktub lil dawk ikkonċernati hekk kif id-deċiżjoni kkontestata tittieħed u, min-naħa l-oħra, li tastjeni milli tikkomunika din id-deċiżjoni lill-sorsi oħrajn ukoll wara ħafna żmien minn meta dawn tal-aħħar ma jkunux ġew informati.

    73

    Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni l-appellant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli teżamina jekk in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-1 ta’ Frar 2006 tatx lok għal ksur tad-drittijiet tal-interessat. B’hekk, fil-punt 72 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza, qabel ma ddeċidiet fuq in-natura tal-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba, irrilevat li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx tikkostitwixxi d-deċiżjoni finali li tikkawża preġudizzju lill-appellant u li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni minn naħa tiegħu ma setax għaldaqstant jippreġudika d-drittijiet ta’ dan tal-aħħar, evalwazzjoni li barra minn hekk m’hijiex ikkontesta fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    74

    Minn dan isegwi li s-sitt aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

    75

    Peress li ebda minn dawn is-sitt aggravji mqajma mill-appellant insostenn tal-appell tiegħu ma jista’ jintlaqa’, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

    Fuq l-ispejjeż

    76

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellant tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Gorostiaga Atxalandabaso huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top