Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0301

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2009.
    PAGO International GmbH vs Tirolmilch registrierte Genossenschaft mbH.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Oberster Gerichtshof.
    Kawża C-301/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09429

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:611

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    6 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

    “Trade marks — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 9(1)(ċ) — Trade mark li għandha reputazzjoni fil-Komunità — Portata ġeografika tar-reputazzjoni”

    Fil-Kawża C-301/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2007, fil-kawża

    PAGO International GmbH

    vs

    Tirolmilch registrierte Genossenschaft mbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, J. Makarczyk u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2008,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal PAGO International GmbH, minn C. Hauer, Rechtsanwalt,

    għal Tirolmilch registrierte Genossenschaft mbH, minn G. Schönherr, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u H. Krämer, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

    2

    Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn PAGO International GmbH (iktar ’il quddiem “PAGO”) u Tirolmilch registrierte Genossenschaft mbH (iktar ’il quddiem “Tirolmilch”) rigward it-trade mark Komunitarja li hija proprjetà ta’ PAGO.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    L-Artikolu 1(2) tar-Regolament jipprovdi:

    “It-trade mark Komunitarja għandha karattru unitarju. Hija għandha jkollha l-istess effett fil-Komunità kollha: ma tistax tiġi reġistrata[…], jew tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni […] li tiddikjaraha bħala invalida, u l-anqas ma jista’ jiġi projbijt l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Kommunità kollha. Dan il-prinċipju għandu japplika sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix mod ieħor.”

    4

    L-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament jipprovdi:

    “1.   It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi [jipprojbixxi] lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

    […]

    ċ)

    kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.”

    5

    L-Artikolu 5(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru, 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), huwa redatt hekk kif ġej:

    “Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew jixxiebhu mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li ma jixxiebhux għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    6

    PAGO ilha mill-2001 proprjetarja ta’ trade mark Komunitarja figurattiva fir-rigward ta’, b’mod partikolari, xorb tal-frott u meraq tal-frott. L-element essenzjali tat-trade mark hija r-rappreżentazzjoni ta’ flixkun tal-ħġieġ aħdar b’tikketta u b’tapp distintivi. PAGO tikkummerċjalizza fl-Awstrija meraq tal-frott bl-isem “Pago” f’dan it-tip ta’ flixkun. It-trade mark Komunitarja ta’ PAGO hija magħrufa ħafna f’dan l-Istat Membru.

    7

    Tirolmilch tikkummerċjalizza wkoll fl-Awstrija xarba tal-frott u tax-xorrox magħrufa bħala “Lattella”. Fil-bidu din ix-xarba kienet mibjugħa f’kontenituri tal-kartun. Sussegwentement, ġiet ukoll mibjugħa fi fliexken tal-ħġieġ. Żewġ forom ta’ fliexken jixbhu f’diversi modi lit-trade mark Komunitarja ta’ PAGO. Fir-riklami tagħha, Tirolmilch tuża rappreżentazzjoni li, bħal fil-każ tat-trade mark Komunitarja ta’ PAGO, turi flixkun qrib tazza mimlija.

    8

    PAGO ressqet quddiem il-Handelsgericht Wien proċeduri għal miżuri provviżjori bil-għan li Tirolmilch tiġi pprojbita milli tippromwovi, toffri għall-bejgħ, tikkummerċjalizza jew b’xi mod ieħor tuża x-xarba tagħha fil-fliexken inkwistjoni, u tirreklama rappreżentazzjoni tal-fliexken flimkien ma’ tazza mimlija meraq tal-frott.

    9

    Il-Handelsgericht Wien laqgħet it-talba mressqa. Fuq appell mid-digriet mogħti, it-talba ta’ PAGO ġiet miċħuda mill-Oberlandesgericht Wien. PAGO b’hekk ressqet rikors għal “Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof.

    10

    Din il-qorti tikkunsidra li, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-fliexken użati minn Tirolmilch u t-trade mark Komunitarja ta’ PAGO, anki fuq il-bażi ta’ eżami ġenerali, peress li t-tikketti fuq il-fliexken inkwistjoni għandhom, rispettivament, l-ismijiet “Pago” u “Lattella”, it-tnejn li huma magħrufa ħafna fl-Awstrija.

    11

    Madankollu, peress li PAGO ssostni li, skont l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament, Tirolmilch tieħu vantaġġ inġust, mingħajr raġuni valida, tal-karattru distintiv u tar-reputazzjoni, fl-Awstrija, tat-trade mark Komunitarja ta’ PAGO, l-Oberster Gerichtshof tistaqsi dwar il-portata tal-frażi “għandha reputazzjoni fil-Komunità” użata mid-dispożizzjoni invokata tar-Regolament.

    12

    Hija tippreżumi li, b’analoġija ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 1999, General Motors (C-375/97, Ġabra p. I-5421), għal dak li jirrigwarda l-espressjoni “reputazzjoni fl-Istat Membru” li tidher fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, huwa suffiċjenti li t-trade mark Komunitarja jkollha reputazzjoni f’“parti sostanzjali” tal-Komunità.

    13

    Madankollu, peress li PAGO ressqet talba għal mandat ta’ inibizzjoni sabiex jitwaqqaf l-użu fil-Komunità kollha u peress li t-trade mark tagħha kellha reputazzjoni biss fl-Awstrija, l-Oberster Gerichtshof tistaqsi jekk tistax tiġi imposta projbizzjoni totali anki jekk it-trade mark Komunitarja għandha reputazzjoni fi Stat Membru wieħed biss jew jekk, f’każ ta’ reputazzjoni fi Stat Membru wieħed biss, “projbizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament limitata għal dan l-Istat tistax tiġi ddikjarata.

    14

    F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Trade mark Komunitarja hija protetta fil-Komunità kollha bħala ‛trade mark [li] għandha reputazzjoni’ skont l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-[Regolament], meta din ‛għandha reputazzjoni’ biss fi Stat Membru wieħed?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, trade mark li għandha ‛reputazzjoni’ fi Stat Membru wieħed biss hija protetta f’dan l-Istat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 9(1)(ċ) tar-[Regolament], b’tali mod li tista’ tiġi ordnata projbizzjoni limitata għal dan l-Istat Membru?”

    Fuq id-domandi preliminari

    15

    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fil-kawża prinċipali, it-trade mark Komunitarja li tagħha PAGO hija l-proprjetarja tkopri xorb tal-frott kif ukoll meraq tal-frott u li l-prodott ikkummerċjalizzat minn Tirolmilch huwa xarba tal-frott u tax-xorrox.

    16

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-qorti nazzjonali diġà evalwat il-karattru li jixxiebah jew le tal-prodotti inkwistjoni.

    17

    Bil-għan li tagħti lil din il-qorti risposta li fi kwalunkwe każ tkun utli, għandu jingħad li ċertament, skont kliemu, l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament jipproteġi trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi li ma jixbhux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija rreġistrata.

    18

    Madankollu, minkejja kliemu u fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għanijiet tas-sistema li fiha l-imsemmi Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament jaqa’, il-protezzjoni tat-trade marks Komunitarji li għandhom reputazzjoni ma tistax tkun inqas f’każ ta’ użu ta’ sinjal għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu milli f’każ li sinjal jintuża għal prodotti jew servizzi li ma jixxiebhux (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff, C-292/00, Ġabra p. I-389, punti 24 u 25, fir-rigward, b’mod partikolari tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva).

    19

    Konsegwentement, għandu jiġi aċċettat li l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament jipproteġi wkoll trade mark Komunitarja li għandha reputazzjoni għal prodotti jew servizzi li jixbhu lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija rreġistrata (l-istess sentenza, b’analoġija, punt 30).

    Fuq l-ewwel domanda

    20

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, sabiex, tiċċara t-tifsira tal-espressjoni “għandha reputazzjoni fil-Komunità”, li permezz tagħha hija stabbilita, fl-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament, waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li trade mark Komunitarja għandha tissodisfa sabiex tibbenefika mill-protezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex tindika jekk din il-kundizzjoni, mill-perspettiva ġeografika, hijiex sodisfatta meta t-trade mark Komunitarja jkollha reputazzjoni fi Stat Membru wieħed biss.

    21

    Il-kunċett ta’ “reputazzjoni” jassumi ċertu livell ta’ għarfien fi ħdan il-pubbliku rilevanti.

    22

    Il-pubbliku rilevanti huwa dak li huwa kkonċernat mit-trade mark Komunitarja, jiġifieri, skont il-prodott jew is-servizz ikkummerċjalizzat, jew il-pubbliku inġenerali, jew pubbliku iktar speċjalizzat, pereżempju membri ta’ professjoni f’qasam speċifiku (ara, b’analoġija, is-sentenza General Motors, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, fir-rigward tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva).

    23

    Ma jistax ikun meħtieġ li t-trade mark Komunitarja tkun magħrufa minn perċentwali partikolari tal-pubbliku hekk definit (l-istess sentenza, b’analoġija, punt 25).

    24

    Il-livell ta’ għarfien meħtieġ għandu jiġi kkunsidrat li ntlaħaq meta t-trade mark Komunitarja hija magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew servizzi koperti minn din it-trade mark (l-istess sentenza, b’analoġija, punt 26).

    25

    Fl-eżami ta’ din il-kundizzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-elementi kollha rilevanti tal-każ, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq li għandha t-trade mark, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, kif ukoll l-ammont tal-investimenti li saru mill-kumpannija sabiex tippromwoviha (l-istess sentenza, b’analoġija, punt 27).

    26

    Fid-dawl tal-elementi tal-kawża prinċipali, hija b’hekk ir-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk it-trade mark Komunitarja inkwistjoni hijiex magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti koperti minnha.

    27

    Fil-livell territorjali, il-kundizzjoni dwar ir-reputazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta meta t-trade mark Komunitarja għandha reputazzjoni f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Komunità (ara, b’analoġija, is-sentenza General Motors, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

    28

    Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għal dak li jirrigwarda trade mark tal-Benelux, huwa suffiċjenti, għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, li r-reputazzjoni teżisti f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Benelux, li tista’ tikkorrispondi ma’ parti ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Benelux (sentenza General Motors, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

    29

    Peress li l-każ preżenti jirrigwarda trade mark Komunitarja li r-reputazzjoni tagħha teżisti fit-totalità tat-territorju ta’ Stat Membru, jiġifieri dak tal-Awstrija, jista’ jiġi kkunsidrat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li r-rekwiżit territorjali li jimponi l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament huwa sodisfatt.

    30

    Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li, l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tibbenefika mill-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, trade mark Komunitarja għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat permezz tal-prodotti jew mis-servizzi koperti minnha, f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Komunità u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, it-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jammonta għal parti sostanzjali mit-territorju tal-Komunità.

    Fuq it-tieni domanda preliminari

    31

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari kif ukoll taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq l-ispejjeż

    32

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tibbenefika mill-protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, trade mark Komunitarja għandha tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat permezz tal-prodotti jew mis-servizzi koperti minnha, f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Komunità Ewropea u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, it-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni jista’ jkun ikkunsidrat bħala li jammonta għal parti sostanzjali mit-territorju tal-Komunità.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top