EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0203

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-6 ta' Novembru 2008.
ir-Repubblika Ellenika vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Proġett sabiex tiġi stabbilita missjoni diplomatika komuni f’Abuja (in-Niġerja) - Rimbors ta’ somom dovuti mir-Repubblika Ellenika - Kumpens fuq l-ammont li għandu jitħallas mill-Kummissjoni għall-programm operazzjonali reġjonali tal-Greċja kontinentali.
Kawża C-203/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08161

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:606

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

“Appell — Proġett sabiex tiġi stabbilita missjoni diplomatika komuni f’Abuja (in-Niġerja) — Rimbors ta’ somom dovuti mir-Repubblika Ellenika — Tpaċija mal-ammont li għandu jitħallas mill-Kummissjoni għall-programm operazzjonali reġjonali tal-Greċja kontinentali”

Fil-Kawża C-203/07 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-16 ta’ April 2007,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos, S. Trekli u Z. Stavridi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn I. Zervas u D. Triantafyllou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Marzu 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla, safejn tikkonċerna d-debitu tagħha relatat mal-proġett Abuja II, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta’ Jannar 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T-231/04, Ġabra p. II-63, iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”), li ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament tal-att tal- li permezz tiegħu l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ipproċediet bl-irkupru, permezz ta’ tpaċija, tas-somom dovuti minn dan l-Istat Membru bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fi proġetti immobiljari li jikkonċernaw il-missjoni diplomatika tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea f’Abuja (in-Niġerja) (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

2

Skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati konkluża fit-23 ta’ Mejju 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”):

L-obbligu tan-nuqqas ta’ tfixkil tal-għan u tal-iskop ta’ trattat qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu

Stat irid jastjeni milli jadotta atti li jċaħħdu Trattat mill-għan u mill-iskop tiegħu:

a)

meta huwa ffirma t-trattat jew meta jsir skambju tal-istrumenti li jiffurmaw it-trattat suġġett għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni, sakemm ma mmanifestax l-intenzjoni tiegħu li ma jsirx parti kontraenti tat-Trattat; jew

b)

meta esprima l-kunsens tiegħu sabiex ikun marbut mit-trattat, fil-perijodu qabel id-dħul fis-seħħ tat-trattat u bil-kundizzjoni li dan ma jiġix imtawwal mingħajr bżonn.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprovdi:

Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni

1.   Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.

2.   Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, flimkien mat-test, inklużi l-preamboli u l-annessi tiegħu:

a)

kull ftehim relatat mat-trattat li jkun sar bejn il-partijiet kollha fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattat;

b)

kull strument li jkun sar minn parti jew partijiet fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattat u li jkun ġie rikonoxxut mill-partijiet l-oħra bħala strument relatat mat-trattat.

3.   Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kuntest:

a)

kull ftehim li jsir sussegwentement bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-trattat jew tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu;

b)

kull prassi sussegwenti fl-applikazzjoni tat-trattat li tistabbilixxi ftehim bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni tiegħu;

c)

kull regola tad-dritt internazzjonali rilevanti applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-partijiet.

4.   Għandha tingħata tifsira speċjali lil terminu jekk jiġi stabbilit li din kienet ix-xewqa tal-partijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Komunitarju

4

L-Artikolu 71(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”) jipprovdi:

“1.   Stabbiliment ta’ [kreditu] huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’sud-delega:

(a)

jivverifika li d-dejn jeżisti;

(b)

jiddetermina jew jivverifika ir-realtà u l-ammont tad-dejn;

(ċ)

jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom id-dejn ikun dovut.

2.   Ir-riżorsi [proprji mpoġġija għad-dispożizzjoni] tal-Kummissjoni u [kull kreditu] li huwa identifikat bħala li jkun ċert, [likwidu] u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet.”

5

Skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Finanzjarju:

“L-awtorizzazzjoni tal-irkupru hija att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’sud-delega responsabbli jagħti struzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontijiet, bil-ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru, li jirkupra [l-kreditu] li hu/hi jkun stabbilixxa.”

6

L-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi:

“L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jaġixxi fuq ordnijiet ta’ rkupru [ta’ krediti], stabbiti kif suppost, mill-uffiċjal awtorizzanti, li huwa responsabbli. Hu/hi għandu jeżerċita diliġenza xierqa sabiex jassigura li l-Komunitajiet jirċievu l-introjtu dovut lilhom u għandu jara li d-drittijiet tagħhom ikunu ssalvagwardjati.

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra ammonti billi [jpaċi krediti eventwali li l-]Komunitajiet ikollhom fuq xi debitur li hu nnifsu għandu [kreditu] kontra l-Komunitajiet li [huwa ċert, likwidu] u dovut.”

7

Skont l-Artikolu 78(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU L 357, p. 1):

“1.   Meta l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli [kreditu], il-Komunitajiet jgħoddu dan il-fatt bħala stabbiliment tad-dritt li jintalab ħlas mid-detentur.

2.   L-ordni ta’ rkupru tkun l-operazzjoni li biha l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jgħid lill-uffiċċjal tal-kontijiet jirkupra [l-kreditu] stabbilit.”

8

L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2342/2002 jipprovdi:

“Biex jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas [l-ammont riċevibbli], l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jrid jiżgura li:

a)

[lkreditu] huwa ċert u m’hu suġġett ta’ [għal]l-ebda kondizzjoni;

b)

[kreditu huwa likwidu], espress preċiżament f’termini ta’ flus;

c)

[kreditu huwa] dovut u mhux suġġett għal xi żmien ta’ ħlas;

d)

il-partikolari tad-debitur huma tajbin;

e)

l-ammont li għandu jkun irkuprat imniżżel fl-oġġett it-tajjeb tal-[baġit];

(f)

id-dokumenti ta’ sostenn huma kif suppost; u

(g)

irid jitħares il-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba […]”

9

L-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 2342/2002 jipprovdi kif ġej:

“F’kull punt tal-proċedura, l-uffiċjal tal-kontijiet, wara li jkun informa lill-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli u lid-debitur, [għandu] jirkupra [l-kreditu] permezz ta’ [tpaċija fil-każ] fejn id-debitur għandu jieħu mingħand il-Komunitajiet, meta [l-kreditu tiegħu] huwa ċert, [likwidu u dovut] minħabba somma stabbilita f’ordni ta’ pagament.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Il-fatti tal-kawża ġew esposti fil-punti 7 sa 44 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza kif ġej:

“7

Wara t-trasferiment tal-kapitali tan-Niġerja minn Lagos għal Abuja, il-Kummissjoni ilha mill-1993 tikri bini f’Abuja sabiex jilqa’ fih id-delegazzjoni tagħha kif ukoll, provviżorjament, ir-rappreżentanzi ta’ ċerti Stati Membri, fosthom tar-Repubblika Ellenika. Fil-kuntest ta’ ftehim ma’ dawn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem il-‘proġett Abuja I’), il-Kummissjoni ssullokat numru ta’ uffiċċji u pprovdiet ċerti servizzi lir-rappreżentanzi inkwistjoni. L-Istati Membri ftehmu fuq id-diviżjoni tal-ispejjeż relatati mar-rappreżentanzi tagħhom. Il-kontribuzzjoni tar-Repubblika Ellenika kienet tammonta għal 5.5 % tal-ispejjeż totali. Peress li kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ħallset id-debiti tagħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fl-2004, ipproċediet bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom korrispondenti (ara l-punt 44 iktar ’il quddiem).

8

Fit-18 ta’ April 1994, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Olanda, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-‘imsieħba’), fuq il-bażi tal-Artikolu J.6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (li sar, wara emenda, l-Artikolu 20 UE), ikkonkludew memorandum ta’ ftehim (iktar ’il quddiem il-‘memorandum inizjali’) dwar il-kostruzzjoni, għall-missjonijiet diplomatiċi tagħhom f’Abuja, ta’ kumpless komuni ta’ ambaxxati li jużaw servizzi awżiljarji komuni (iktar ’il quddiem il-‘proġett Abuja II’). Il-memorandum inizjali ġie kkompletat, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja, permezz ta’ protokoll ta’ adeżjoni.

9

L-Artikolu 1 tal-memorandum inizjali jipprovdi li l-ambaxxati tal-Istati Membri u d-delegazzjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu missjonijiet diplomatiċi distinti, suġġetti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi, tat-18 ta’ April 1961, u, fir-rigward tal-Istati Membri, suġġetti wkoll għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari tal-.

10

L-Artikolu 10 tal-memorandum inizjali jindika li l-Kummissjoni għandha taġixxi, bħala l-koordinatriċi tal-proġett Abuja II, ‘f’isem’ l-imsieħba l-oħra.

11

Skont l-Artikolu 11 tal-memorandum inizjali, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-istudji arkitettorali tal-possibbiltà li jiġi attwat il-proġett Abuja II, għall-istima inizjali tal-ispejjeż u għall-fażijiet tad-disinn. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll għall-konklużjoni ta’ memorandum ta’ ftehim addizzjonali dwar ‘id-disinn dettaljat tal-bini, id-diviżjoni tal-ispejjeż u d-drittijiet fuq il-bini korrispondenti ta’ kull imsieħeb parteċipanti wara li jkun ġie kkompletat il-proġett [Abuja II]’ (iktar ’il quddiem il-‘memorandum addizzjonali’). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 jistabbilixxi kumitat permanenti ta’ direzzjoni, magħmul minn rappreżentanti tal-imsieħba kollha u ppresedut mill-Kummissjoni, sabiex jikkoordina u jikkontrolla l-proġett Abuja II. Il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni għandu jippreżenta rapporti perijodiċi lill-grupp ta’ ħidma ‘Affarijiet amministrattivi’ stabbilit fi ħdan il-Kunsill fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) (iktar ’il quddiem il-‘grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK’).

12

L-Artikolu 12 tal-memorandum inizjali jipprovdi:

“Il-proġett [Abuja II] għandu jkun direttament iffinanzjat, wara approvazzjoni tal-[memorandum addizzjonali] previst fl-Artikolu 11, minn kontribuzzjonijiet tal-imsieħba korrispondenti għall-parti tal-proġett allokata lil kull imsieħeb. Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għandha titħallas taħt it-titolu korrispondenti tal-baġit.

L-ispejjeż tax-xogħlijiet preparatorji (‘fażi 1’) għandhom jiġu imputati lill-krediti ta’ funzjonament tal-baġit tal-Kummissjoni. L-ammont ta’ dawn l-ispejjeż huwa kkalkolat għal ECU 140000. Jekk il-proġett [Abuja II] jiġi mwettaq, dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu lura mill-kontribuzzjonijiet tal-imsieħba kollha skont il-parti tagħhom fil-proġett.”

13

L-Artikolu 13 tal-memorandum inizjali jgħid:

‘L-imsieħba kollha jiggarantixxu, wara l-approvazzjoni tal-[memorandum addizzjonali], il-ħlas tal-ispejjeż kollha li jaqgħu fuqhom. L-ammont totali dovut minn kull imsieħeb jinkludi:

a)

l-ispiża totali tas-superfiċji tiegħu

b)

il-parti tiegħu fl-ispiża taż-żoni komuni u pubbliċi, ikkalkulata proporzjonalment abbażi tal-proporzjon bejn is-superfiċji tiegħu u t-total taż-żoni mhux komuni.’

14

L-Artikolu 14 tal-memorandum inizjali jipprovdi li l-Kummissjoni, bil-ftehim u l-parteċipazzjoni tal-Istati parteċipanti, għandha tħallas is-somom dovuti lil terzi (kontraenti).

15

L-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali jgħid:

‘Jekk wieħed mill-imsieħba jiddeċiedi li jirtira mill-proġett [Abuja II] billi ma jiffirmax il-[memorandum addizzjonali] pprovdut fl-Artikolu 11, it-termini tal-memorandum ta’ ftehim preżenti, inklużi l-obbligi finanzjarji previsti fl-Artikoli 12 u 13, jieqfu milli japplikaw għall-imsieħeb li jirtira.’

[…]

21

Fis-27 ta’ Diċembru 1995, il-Kummissjoni kkonkludiet il-kuntratt prinċipali. Dan kien jikkonċerna d-disinn bażiku u l-fażi intermedja tal-proġett Abuja II (Artikoli 4.4 u 4.5), kif ukoll pjanti dettaljati eventwali (Artikolu 4.6).

22

Fid-19 ta’ Settembru 1996, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK approva d-disinn intermedju.

23

Fil-21 ta’ Novembru 1996, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK stieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri ad hoc sabiex il-periti jibdew jaħdmu fuq il-pjanti dettaljati. Il-grupp indika li l-kuntratt formali għal dik il-fażi kellu jkun konkluż wara li jiġi ffinalizzat il-memorandum addizzjonali. F’dik il-laqgħa, il-Kummissjoni informat lill-grupp imsemmi iktar ’il fuq dwar l-ammont li hija kienet ħalset minn qabel sal- għall-preparazzjoni tal-proġett Abuja II, jiġifieri madwar EUR 2.8 miljuni.

24

Fl-24 ta’ Frar 1997, dan l-istess grupp iltaqa’ u ddeċieda li ma jistenniex li jiġi kkompletat il-memorandum addizzjonali qabel ma jipproċedi għall-preparazzjoni tal-pjanti dettaljati u d-dokumenti kuntrattwali. Il-minuti ta’ dik il-laqgħa jinkludu r-riżoluzzjoni segwenti:

“Il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-periti għall-preparazzjoni tad-dokumenti u sabiex tħallas bil-quddiem l-fondi neċessarji għal dawn ix-xogħlijiet skont il-metodi miftehma għall-proġett. Bħal f’każijiet preċedenti, l-ammonti mħallsa minn qabel mill-Kummissjoni jitħallsu lura sussegwentement mill-parteċipanti l-oħra skont il-proċeduri previsti għal dan il-għan fil-[memorandum inizjali].”

25

Fix-xhur sussegwenti, bosta Stati Membri rtiraw mill-proġett Abuja II. Fit-28 ta’ April 1997, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK inkariga lill-Kummissjoni sabiex tagħmel ‘arranġamenti bilaterali mar-Renju tad-Danimarka għall-ħlas lura tal-parti tiegħu tal-ispejjeż tal-proġett magħmula mill-Kummissjoni f’isem l-imsieħba’. Ittieħdet deċiżjoni simili wara l-irtirar tal-Irlanda f’Settembru 1997, kif ukoll tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Iżvezja.

[…]

27

Fit-18 ta’ Ġunju 1998, il-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK semma l-eventwalità tal-irtirar tar-Renju tal-Belġju mill-proġett Abuja II. Mill-minuti ta’ dik il-laqgħa jirriżulta li l-kumitat permanenti ta’ direzzjoni osserva li r-Renju tal-Belġju kien ser iħallas il-parti tiegħu tal-ispejjeż kif stabbiliti wara l-approvazzjoni tad-disinn intermedju.

28

Fl-10 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika ordni ta’ pagament […] li jikkorrispondi għas-sehem tar-Repubblika Ellenika fil-fażi inizjali tal-proġett, jiġifieri 5.06 % mill-ispiża totali. Id-data stabbilita għall-iskadenza tal-ħlas kienet il-.

29

Fid-9 ta’ Diċembru 1998, il-memorandum addizzjonali ġie ffirmat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Ellenika, mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika Taljana, mir-Renju tal-Olanda, mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Kummissjoni. L-Artikolu 11 tal-memorandum addizzjonali jipprovdi għall-ħolqien ta’ fond għall-finanzjament tal-proġett.

30

Skont l-Artikolu 14 tiegħu, il-memorandum addizzjonali japplika provviżorjament b’effett mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-iffirmar tiegħu u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiddikjaraw li huma rratifikawh.

31

Fit-28 ta’ April 1999, il-Kummissjoni fetħet sejħa għal offerti għall-kostruzzjoni tal-ambaxxati tal-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll tad-delegazzjoni tal-Komunità (ĠU 1999, S 82). F’din is-sejħa kien indikat li l-ambaxxata tar-Repubblika Ellenika kellu jkollha superfiċji ta’ 677 m2.

32

Fit-3 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni ‘tenniet’ it-talba tagħha tal-1998 fil-grupp tal-affarijiet amministrattivi PBSK sabiex l-Istati Membri jħallsuha lura l-ammonti li hija kienet ħallset lill-konsulenti għall-fażi tad-disinn intermedju. Hija indikat li ċerti Stati Membri kienu diġà ħallsu l-ammonti dovuti, iżda li oħrajn, fosthom ir-Repubblika Ellenika, ma kinux ħallsu qabel l-iskadenza tat-terminu fil-. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li ordni oħra ta’ pagament kienet ser tintbagħat lill-imsieħba kkonċernati dwar, minn naħa, l-ispejjeż tal-pjanti dettaljati u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-modifika kkawżata mill-irtirar tar-Renju tal-Belġju, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża.

33

Fl-20 ta’ Settembru 1999, il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni ltaqa’ sabiex issir il-pre-selezzjoni tal-kumpanniji tal-kostruzzjoni. Ir-rappreżentant tar-Repubblika Ellenika ffirma l-minuti tal-laqgħa. Is-sejħa għal offerti sabiex issir il-kostruzzjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali S 54 tas-.

34

Permezz ta’ ordni ta’ pagament tas-17 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika sabiex tħallas is-somma ta’ EUR 168716.94 għall-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti dwar il-pjanti dettaljati.

35

Fit-22 ta’ Ġunju 2000, il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni ddeċieda li jadotta approċċ ġdid għall-proġett (iktar ’il quddiem il-proġett ‘Abuja II imċekken’), li sar neċessarju minħabba l-irtirar tar-Repubblika Franċiża. Il-proġett Abuja II imċekken kien jipprovdi b’mod partikolari għall-eliminazzjoni tal-bini u tas-servizzi awżiljarji komuni, kif ukoll għal tnaqqis tas-superfiċji. Ir-rappreżentant tar-Repubblika Ellenika f’dik il-laqgħa indika li kien jaqbel mal-proġett, suġġett madankollu għall-approvazzjoni tas-superjuri tiegħu. Fid-, il-Kummissjoni bagħtet il-minuti tal-laqgħa tat- lir-Repubblika Ellenika u talbitha tagħti risposta formali f’dak li jikkonċerna l-proġett Abuja II imċekken.

36

Fil-5 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni tenniet it-talba tagħha lir-rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika. Wara nota ta’ tfakkir ġdida tal-, il-Kummissjoni, fil-, bagħtet ittra lir-Repubblika Ellenika permezz tal-faks, fejn indikat it- bħala d-data tal-iskadenza għal risposta u fejn indikat li s-silenzju tagħha kien ser jitqies bħala rtirar mill-proġett. Fit-, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li huma ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu risposta formali dwar il-proġett Abuja II imċekken. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrispondiet, fl-istess data, li hija kienet qabbdet lill-periti sabiex jipproċedu b’disinn ġdid tal-proġett Abuja II imċekken mingħajr ma jinkludu lir-Repubblika Ellenika.

37

Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ debitu […] lir-Repubblika Ellenika dwar l-ispejjeż tal-kostruzzjoni konnessi mal-proġett Abuja II. Sussegwentement, il-Kummissjoni annullat din in-nota ta’ debitu.

38

Wara li stabbilixxiet l-ambaxxata tagħha f’Abuja, fit-13 ta’ Lulju 2002 ir-Repubblika Ellenika telqet mill-bini li hija kienet tokkupa b’mod provviżorju fil-kuntest tal-proġett Abuja I.

39

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni nnotifikat formalment lir-Repubblika Ellenika bin-noti ta’ debitu mhux imħallsa dwar il-proġetti Abuja I u Abuja II […].

40

Wara negozjati bejn il-partijiet, il-Kummissjoni fakkret lir-Repubblika Ellenika, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2003, li din tal-aħħar ma kinitx ħallset id-debiti tagħha relatati mal-proġetti Abuja I u Abuja II u talbitha tħallas somma totali ta’ EUR 516374.96 u ta’ USD 12684.89 qabel l-aħħar ta’ Frar 2003. Il-Kummissjoni żiedet li, fin-nuqqas ta’ ħlas sad-data tal-iskadenza ta’ dan it-terminu, hija kienet ser tipproċedi bl-irkupru tas-somom inkwistjoni billi tuża l-mezzi legali kollha disponibbli.

41

Fix-xhur segwenti, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni ddiskutew l-ammont tas-somom dovuti.

[…]

43

Fis-16 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika Ellenika fejn identifikat id-debiti ta’ din l-aħħar li kienu għadhom ma ġewx irregolarizzati fir-rigward tal-proġetti Abuja I u Abuja II. […]

44

Fl-10 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ttrasferiet fondi lir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-program operazzjonali reġjonali tal-Greċja kontinentali. Madankollu, minflok ma ħallset l-ammont ta’ EUR 4774562.67 (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ħallset biss EUR 3121243.03. Hija b’hekk ipproċediet bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tal-bilanċ li kien għadu ma ġiex imħallas mir-Repubblika Ellenika, fosthom EUR 565656.80 għal dak li jikkonċerna l-proġetti Abuja I u Abuja II […].”

Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2004, ir-Repubblika Ellenika ressqet rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tal-att ikkontestat.

12

Permezz tad-digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 132, p. 5), il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

13

Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ipprenżentat mir-Repubblika Ellenika. Hija ddeċidiet li dan l-Istat Membru kellu jinżamm responsabbli kemm fir-rigward tad-debiti relatati mal-proġett Abuja I kif ukoll fir-rigward ta’ dawk relatati mal-proġett Abuja II, u li l-kundizzjonijiet pprovduti għal irkupru permezz ta’ tpaċija kienu sodisfatti fi żmien l-att ikkontestat.

14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li rrikonoxxiet, fil-punt 74 tas-sentenza kkontestata, il-kompetenza tagħha sabiex tilqa’ r-rikors għal annullament tal-att ta’ tpaċija, esponiet, fil-punt 84 tal-imsemmija sentenza, fir-rigward tal-proġett Abuja II, li r-Repubblika Ellenika ma kinitx tikkontesta l-fatt li kienet ġabet ruħha bħala parteċipanta sħiħa f’dan il-proġett għal iktar minn sitt snin. B’mod partikolari, hija kkonstatat li r-Repubblika Ellenika kienet ipparteċipat fil-proġett matul kważi sentejn wara li ġie ffirmat il-memorandum addizzjonali, fid-9 ta’ Diċembru 1998. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Repubblika Ellenika, permezz tal-imġiba tagħha, tat x’tifhem lill-imsieħba l-oħra li hija kienet għadha tieħu sehem fil-proġett Abuja II.

15

Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet, fl-imsemmi punt 84, li l-evalwazzjoni tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru ma kellhiex tillimita ruħha biss għall-memoranda inizjali u addizzjonali, iżda kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-aspettattivi li l-imsieħba l-oħra kellhom b’riżultat tal-imġiba ta’ dan l-Istat Membru.

16

F’dan ir-rigward, hija fakkret, fil-punti 85 sa 87 tas-sentenza kkontestata, li l-prinċipju tal-bona fede huwa regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li hija vinkolanti fuq il-Komunità Ewropea u fuq l-imsieħba parteċipanti l-oħra, li ġie kkodifikat bl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, u li huwa l-korollarju, fid-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

17

Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fil-punt 88 tal-istess sentenza li, peress li l-memorandum inizjali kien ġie ffirmat u rratifikat mir-Repubblika Ellenika, din kienet waħda mill-imsieħba fil-proġett Abuja II, peress li din il-funzjoni ta’ msieħba kienet timplika ċerti obbligi msaħħa ta’ kooperazzjoni u ta’ solidarjetà bejn il-parteċipanti.

18

Hija rrilevat ukoll, fil-punt 92 tas-sentenza kkontestata li, wara l-fażi tad-disinn inizjali tal-proġett, l-imsieħba ddeċidew li jissoktaw bil-proġett u li jħallsu l-ispejjeż relatati mad-disinn idettaljat tal-bini, qabel ma kien ġie stabbilit il-memorandum addizzjonali. B’mod partikolari, fl-24 ta’ Frar 1997, waqt laqgħa li fiha pparteċipaw żewġ rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tagħmel l-arranġamenti kollha neċessarji mal-periti għat-tfassil tal-pjanti dettaljati, mingħajr ma tistenna l-memorandum addizzjonali.

19

F’dan ir-rigward, fil-punt 93 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-imsieħba, peress li marru lilhinn mill-fażijiet preliminarji tal-proġett, kienu neċessarjament ikkonkludew ftehim impliċitu dwar ir-realizzazzjoni ta’ dan il-proġett. Fl-imsemmi punt 93, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li l-imsieħba, meta fil-memorandum addizzjonali rreferew għar-rimbors sussegwenti tal-ammonti mħallsa bil-quddiem, huma effettivament irreferew għall-Artikolu 12 tiegħu, li jipprovdi li, jekk il-proġett jitwettaq, l-imsieħba għandhom jirrifondu l-ammonti tal-ħidma preparatorja magħmula mill-Kummissjoni. Hija sostniet ukoll li l-imsieħba, peress li waqt il-laqgħa tal-24 ta’ Frar 1997 iddeċidew li jwettqu l-proġett, huma ma kinux iżjed liberi li jirtiraw mingħajr ma jħallsu lura s-sehem tagħhom tal-ispejjeż preliminari u tal-ispejjeż sussegwenti.

20

Fil-punt 95 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li fid-9 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Ellenika u l-imsieħba l-oħra li ma kinux irtiraw mill-proġett iffirmaw il-memorandum addizzjonali u li, fix-xhur sussegwenti, ir-Repubblika Ellenika aġixxiet bħala sieħba sħiħa tal-proġett, u kien biss matul is-Sajf tal-2000 li wriet riżervi għall-parteċipazzjoni tagħha.

21

Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 96 tas-sentenza kkontestata, li għalkemm ir-Repubblika Ellenika kellha d-dritt li tirtira mill-proġett, hija ma setgħetx, fid-dawl b’mod partikolari, tal-iżvilupp tal-impenji tagħha wara l-fażi inizjali u minkejja n-nuqqas ta’ ratifika tal-memorandum addizzjonali, tirtira mingħajr ma tiġi miżmuma responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż marbuta mal-partċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II.

22

Fil-punt 97 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-obbligu li kellha r-Repubblika Ellenika li taġixxi in bona fede kien imsaħħaħ mill-fatt li din kienet iffirmat u rratifikat il-memorandum inizjali u li, mit-18 ta’ April 1994 sat-, kienet “sieħba parteċipanti fil-proġett”.

23

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement sostniet, fil-punt 98 tal-imsemmija sentenza, li jekk ir-Repubblika Ellenika kienet tqis li hija ma kellha ebda responsabbiltà finanzjarja qabel ir-ratifika tal-memorandum addizzjonali, hija kellha topponi l-ordnijiet tal-ħlas tal-10 ta’ Ġunju 1998 u tas- rigward il-proġett Abuja II li ntbagħtu lilha mill-Kummissjoni. Hija sostniet ukoll fl-istess punt 98 li r-Repubblika Ellenika qatt ma mmanifestat l-intenzjoni li tirtira jew li ma tirratifikax il-memorandum addizzjonali, minkejja l-irtirar ta’ bosta Stati Membri u konsegwentement, il-modifika tas-sehem rispettiv tagħha tal-proġett.

24

Minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 99 tas-sentenza kkontestata li, ir-Repubblika Ellenika aġixxiet bħala parteċipanti sħiħa fil-proġett, u għalhekk, permezz tal-imġiba tagħha tat x’jifhem lill-partijiet l-oħra li hija kienet aċċettat l-obbligi finanzjarji marbuta magħhom.

25

Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 100 tal-imsemmija sentenza, sostniet ukoll li l-obbligi finanzjarji ta’ dan l-Istat Membri kienu jirriżultaw ukoll mill-kliem tal-memorandum inizjali u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 15(1) tiegħu.

26

Hija rrilevat, fil-punt 101 tas-sentenza kkontestata, li l-memorandum addizzjonali japplika provviżorjament għall-imsemmi Stat Membru abbażi tal-Artikolu 14 tal-imsemmi memorandum, b’effett mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-firma tiegħu, jiġifieri mill-1 ta’ Frar 1999, u din l-applikazzjoni provviżorja ma tistax tiġi kkonfutata min-nuqqas ta’ ratifika tar-Repubblika Ellenika.

27

Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 103 tal-imsemmija sentenza, li r-Repubblika Ellenika kellha tinżamm responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż kollha relatati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II.

28

Barra minn hekk, hija ċaħdet bħala infondat il-motiv li jipprovdi li l-krediti inkwistjoni ma kinux ċerti u likwidi skont ir-regoli applikabbli u għalhekk iddeċidiet li l-kundizzjonijiet ipprovduti għal irkupru permezz ta’ tpaċija kienu sodisfatti fi żmien l-att ikkontestat.

29

Fid-dawl ta’ dawn il-motivi kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Ellenika.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30

L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħdu bħala manifestament infondat;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

32

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika tippreżenta żewġ aggravji.

33

Skont l-ewwel aggravju, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikoli 12, 13 u 15 tal-memorandum inizjali, kif ukoll tal-prinċipji tal-bona fede u tal-aspettattivi leġittimi.

34

Permezz tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi li l-imsieħba kkonkludew, fl-24 ta’ Frar 1997, jiġifieri qabel l-iffirmar tal-memorandum addizzjonali, ftehim impliċitu li permezz tiegħu huma kienu iktar liberi li jirtiraw mill-proġett mingħajr ma jirrifondu l-ispejjeż tagħhom, hija żbaljata.

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

35

Skont il-Kummissjoni, l-appell ippreżentat mir-Repubblika Ellenika huwa inammissibbli safejn mhuwiex ibbażat fuq ebda wieħed mill-motivi elenkati fl-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-motivi li fuqhom huwa bbażat jikkonċernaw esklużivament l-interpretazzjoni tal-memoranda li ma jagħmlux parti mid-dritt Komunitarju.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti li tiddeċiedi fuq ir-rikorsi pprovduti fl-Artikolu 230 KE, minbarra dawk li l-imsemmi Statut jirriżerva għall-Qorti tal-Ġustizzja. Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza permezz ta’ din id-dispożizzjoni jistgħu jkunu suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandu jkun limitat għal punti ta’ liġi, skont il-kundizzjonijiet u l-limiti pprovduti mill-imsemmi Statut.

37

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġiet adita b’talba għal annullament, ippreżentata skont l-Artikolu 230 KE, tal-att ikkontestat, li permezz tiegħu l-Kummissjoni pproċediet bl-irkupru, permezz ta’ tpaċija, tas-somom dovuti mir-Repubblika Ellenika u li jaqgħu taħt il-baġit Komunitarju, minkejja li relatati mal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, att adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament Nru 2342/2002.

38

Billi titlob l-annullament tas-sentenza kkontestata, l-appellanti tikkritika l-imsemmija sentenza safejn din ċaħdet it-talba tagħha għal annullament ta’ dan l-att li għandu bħala bażi legali regolamenti Komunitarji.

39

Fir-rigward tal-portata tal-aggravji nnfishom, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika tikkontesta l-interpretazzjoni ġuridika magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala risposta għall-aggravju uniku li hija ppreżentat quddiemha u li kien b’mod partikolari bbażat fuq analiżi żbaljata tal-obbligi finanzjarji tal-proġett Abuja II.

40

L-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollu bħala bażi aggravji bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq irregolaritajiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li jippreġudikaw l-interessi tal-appellanti kif ukoll fuq ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jipprekludix li, sabiex tiġi ġġustifikata t-talba għal annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-aggravji allegati, li permezz tagħhom hija kkontestata l-kwalità tar-Repubblika Ellenika bħala debitriċi, fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 2342/2002, iwasslu sabiex tiġi analizzata l-portata tal-atti ġuridiċi li, fihom infushom, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors quddiem din tal-aħħar, bħaż-żewġ memoranda msemmija fil-punti 33 u 34 ta’ din il-kawża.

41

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-fondatezza tal-att ikkontestat, fir-rigward b’mod partikolari tal-verifika tal-eżistenza tad-debitu nnifsu u tal-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa sabiex ir-rikors għal tpaċija jkun possibbli, neċessarjament jimplika l-interpretazzjoni tal-imsemmija atti ġuridiċi, mingħajr ma analiżi bħal din twassal sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra tagħhom.

42

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-appell huwa inammissibbli minħabba l-invalidità tal-aggravji allegati. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li jekk l-imsemmija aggravji għandhom jiġu milqugħa, il-fondatezza tagħhom ma tistax, fi kwalunkwe każ, twassal għall-annullament tas-sentenza kkontestata, safejn il-motivi l-oħra li fuqhom huwa validament ibbażat id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza mhumiex ikkontestati fl-appell.

43

Peress li dan l-argument ma jirrigwardax l-ammissibbiltà tal-appell imma l-fondatezza tiegħu, dan ma jistax jimplika, jekk jitqies bħala fondat, l-inammissibbiltà tal-appell.

44

Konsegwentement, dan l-appell għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

45

Skont ir-Repubblika Ellenika, l-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra li l-obbligi tal-Istati Membri li kienu parteċipanti fil-proġett Abuja II kienu ddeterminati mid-dispożizzjonijiet tal-memorandum inizjali u tal-memorandum addizzjonali u mhux mill-imġiba ta’ kull Stat Membru.

46

L-obbligu li għandu Stat Membru jista’ biss jiġi ddefinit abbażi tat-termini tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-memoranda. L-imġiba tal-Istat Membru, analizzata fid-dawl tal-prinċipju tal-bona fede, ma setgħetx għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati, mill-bidu, l-obbligi tar-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-proġett Abuja II, peress li dan il-prinċipju ma jistax iwassal sabiex jiġu imposti obbligi li fir-rigward tagħhom l-imsemmi Stat Membru ma impenjax ruħu kuntrattwalment.

47

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tillimita t-test tal-memorandum inizjali u tikkonstata nuqqas ta’ obbligu finanzjarju fil-konfront tagħha, fin-nuqqas ta’ ratifika tal-memorandum addizzjonali.

48

Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, skont l-Artikoli 12 u 13 tal-memorandum inizjali, l-obbligu li l-Istati parteċipanti jikkontribwixxu finanzjarjament għal-proġett Abuja II jinbet wara l-approvazzjoni tal-memorandum addizzjonali, għalhekk l-imsemmija approvazzjoni, li hija wieħed mill-metodi li permezz tagħhom Stat jagħti l-kunsens tiegħu sabiex ikun marbut minn trattat internazzjonali, hija ekwivalenti, skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, b’mod partikolari, għal strumenti ta’ ratifika, ta’ aċċettazzjoni jew ta’ adeżjoni. L-imsemmija approvazzjoni hija, minħabba f'dan, kundizzjoni li huwa suġġett għaliha t-tnissil tal-obbligi finanzjarji msemmija fil-memorandum inizjali.

49

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 16 tal-imsemmija konvenzjoni, l-imsemmija strumenti ġuridiċi jistabbilixxu l-kunsens ta’ Stat li jkun marbut minn trattat fil-mument, b’mod partikolari, tan-notifika tagħhom lill-Istati kontraenti l-oħra jew lid-depożitarju. Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali, dwar l-implementazzjoni ta’ dan l-att, jiddistingwi b’mod ċar l-iffirmar tiegħu, li l-effetti tiegħu huma limitati għall-implementazzjoni provviżorja, mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li huwa kkundizzjonat mid-dikjarazzjoni mill-partijiet tar-ratifika tagħhom. Issa, minkejja li r-Repubblika Ellenika ffirmat il-memorandum addizzjonali u pparteċipat inizjalment fix-xogħlijiet intiżi għall-konkretizzazzjoni tal-proġett Abuja II, hija qatt ma rratifikat l-imsemmi memorandum.

50

Għalhekk, skont ir-Repubblika Ellenika, minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet speċifiċi ddefiniti fl-Artikoli 12 u 13 tal-memorandum inizjali, moqrija flimkien mal-Artikolu 15 tal-imsemmi memorandum, ma kinux sodisfatti fir-rigward tagħha, peress li l-prinċipju tal-bona fede ma jistax imur kontra d-dispożizzjonijiet konvenzjonali.

51

It-tieni nett, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi li l-imsieħba kkonkludew, fl-24 ta’ Frar 1997, ftehim impliċitu, hija żbaljata, safejn dan il-ftehim ma ġiex ikkonfermat minn dispożizzjoni korrispondenti tal-memorandum addizzjonali.

52

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li, skont regola kostanti, Stat kontraenti għandu jassumi responsabbiltà finanzjarja meta l-imġiba tiegħu tikser il-prinċipju tal-bona fede u jikkawża preġudizzju lill-imsieħba tiegħu.

53

Hija ssostni wkoll li Stat Membru ma jistax, fir-relazzjonijiet mal-imsieħba internazzjonali tiegħu, jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jirrikonoxxi huwa stess fis-sistema legali interna tiegħu u tenfasizza li s-sistema legali Ellenika tirrikonoxxi l-prinċipju tal-bona fede kemm fil-qasam tad-dritt privat kif ukoll f’dak tad-dritt pubbliku.

54

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iġġustifikata meta ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tevalwa l-obbligi finanzjarji tar-Repubblika Ellenika, ir-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba tagħha u meta kkonkludiet li l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-bona fede jobbliga lil dan l-Istat Membru jirrifondi l-ispejjeż inkwistjoni, abbażi tal-imġiba kostanti li huwa adotta matul is-snin 1994 sa 2000.

55

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li ftehim jibda jeżisti b’effett minn meta ġie espress il-kunsens formali tal-partijiet. Għalhekk, huwa b’mod korrett li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet, mir-rapport tal-laqgħa tal-24 ta’ Frar 1997, li għaliha pparteċipat ir-Repubblika Ellenika, l-eżistenza ta’ ftehim li jipproduċi drittijiet u obbligi għall-Istati Membri li pparteċipaw f’din il-laqgħa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

L-obbligi finanzjarji li għandhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-implementazjoni tal-proġett Abuja II għandhom qabel xejn jiġu ddeterminati fir-rigward tal-kontenut u tal-portata tal-memorandum inizjali u tal-memorandum addizzjonali.

57

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza, mhux talli ma eskludietx tali approċċ tal-obbligi finanzjarji, imma talli ddeċidiet favur tiegħu fis-sentenza kkontestata, b’mod partikolari, bl-analiżi li għamlet fil-punt 100 u fil-punti segwenti tal-imsemmija sentenza, u dan wara li interpretat il-memorandum inizjali u l-memorandum addizzjonali.

58

F’dan ir-rigward, mhuwiex ikkontestat li, kif indikat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 88 tas-sentenza kkontestata, ir-Repubblika Ellenika, fit-18 ta’ April 1994, iffirmat, kif ukoll approvat, il-memorandum inizjali, u b’hekk saret, fost numru ta’ Stati Membri, waħda mill-imsieħba tal-proġett Abuja II intiż għall-kostruzzjoni ta’ kumpless li jinkorpora ambaxxati u d-delegazzjoni tal-Kummissjoni fi “spirtu ta’ interess komuni”.

59

Barra minn hekk, huwa paċifiku wkoll li, kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 95 tal-imsemmija sentenza, ir-Repubblika Ellenika ffirmat il-memorandum addizzjonali fid-9 ta’ Diċembru 1998 minkejja li, f’din id-data, xi Stati Membri kienu diġà rtiraw mill-proġett Abuja II billi kienu ħallsu lura s-sehem tagħhom tal-ispejjeż relatati mal-istadju tat-twettiq tal-imsemmi proġett, peress li l-konklużjoni ta’ dan il-memorandum ta’ ftehim addizzjonali kienet ipprovduta mill-memorandum inizjali, kif jirriżulta mill-Artikolu 11 ta’ dan tal-aħħar.

60

Barra minn hekk, huwa permezz tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali, li fir-rigward tagħha kellha tagħti d-deċiżjoni, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod korrett, kif jirriżulta mill-punt 100 tas-sentenza kkontestata, li, jekk wieħed mill-parteċipanti jiddeċiedi li jirtira mill-proġett Abuja II wara li jkun iffirma l-memorandum addizzjonali, it-termini tal-memorandum inizjali, inkluż l-obbligi finanzjarji msemmija fl-Artikoli 12 u 13 jibqgħu applikabbli għalih.

61

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali, anke jekk id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi memorandum kien stabbilit għall-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Istati Membri u l-Kummissjoni ddikjaraw li kienu approvawh, dan kien japplika provviżorjament b’effett mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara li ġie ffirmat. Billi ffirmat il-memorandum addizzjonali, ir-Repubblika Ellenika, minn dan il-fatt, kif ikkunsidrat il-Qorti tal-Prim’Istanza, neċessarjament aċċettat din l-applikazzjoni provviżorja u għalhekk, il-konsegwenzi marbuta mal-irtirar mill-proġett Abuja II qabel kull approvazzjoni.

62

Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punti 67 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-Artikoli 15(1) tal-memorandum inizjali u 14 tal-memorandum addizzjonali jirriżulta li l-Istati Membri parteċipanti u l-Kummissjoni kellhom l-intenzjoni li jagħtu sinjifikat partikolari lill-iffirmar tal-memorandum addizzjonali u lill-applikazzjoni provviżorja tiegħu, indipendentement mill-approvazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-irtirar eventwali tal-parteċipanti fil-proġett Abuja II.

63

Minkejja li r-Repubblika Ellenika baqgħet kompletament ħielsa li tirtira mill-proġett fil-każ li hija ma tapprovax il-memorandum addizzjonali, hija ma setgħetx tirrifjuta li tissodisfa l-obbligi finanzjarji marbuta mal-parteċipazzjoni fil-proġett Abuja II sad-data tal-irtirar tagħha, peress li dawn l-obbligi kienu ġew iddeterminati fid-dawl tal-iżvilupp tal-impenji tagħha sa mill-fażi inizjali.

64

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tinvoka, insostenn tal-obbligu hekk imputat lir-Repubblika Ellenika u li jirriżulta mill-memoranda, il-prinċipju konswetudinarju tal-bona fide li jagħmel parti mid-dritt internazzjonali ġenerali (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 52).

65

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ evalwazzjoni sovrana, irrilevat li r-Repubblika Ellenika ma wriet ebda riżerva fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II bejn it-18 ta’ April 1994 u t-, minkejja li l-impenji tagħha kienu evolvew b’mod sostanzjali minħabba l-fatt tal-irtirar ta’ numru ta’ Stati Membri mill-imsemmi proġett u li, b’mod partikolari, hija ma kinitx opponiet l-ordnijiet ta’ pagament mibgħuta mill-Kummissjoni, li nisslu fl-imsieħba fiduċja li hija kellha tonera l-obbligi finanzjarji tagħha fir-rigward tal-proġett Abuja II.

66

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iġġustifikata li mill-interpretazzjoni tal-portata tal-memorandum inizjali u tal-memorandum addizzjonali tiddeduċi li r-Repubblika Ellenika, minkejja li ma approvatx l-imsemmi memorandum addizzjonali, kienet obbligata li tħallas lura l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II, peress li, barra minn hekk, kienet nisslet fl-imsieħba fiduċja li hija kellha tonera l-obbligi finanzjarji tagħha fir-rigward tal-proġett Abuja II.

67

Fl-aħħar nett, l-ilmenti dwar l-eżistenza ta’ ftehim impliċitu konkluż waqt il-laqgħa tal-24 ta’ Frar 1997 ma jistgħux jikkonfutaw id-dispożittiv tas-sentenza kkontestata safejn dawn huma intiżi kontra motivi superfluwi, peress li l-imsemmi dispożittiv huwa ġġustifikat mill-motivi mfakkra iktar ’il fuq, li ġew inutilment ikkritikati mir-Repubblika Ellenika.

68

Konsegwentement, u mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata risposta għall-argument tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

69

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

Top