EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0187

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba' Awla) tat-3 ta' April 2008.
Proċedura kriminali vs Dirk Endendijk.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank Zutphen - l-Olanda.
Direttiva 91/629/KEE - Deċiżjoni 97/182/KE - Trobbija ta’ l-għoġġiela - Imqajel individwali - Projbizzjoni milli jintrabtu l-għoġġiela - Tifsira tal-kelma ‘rbit’ - Materjal u tul tal-marbat - Differenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi - Interpretazzjoni uniformi.
Kawża C-187/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:197

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

3 ta’ April 2008 ( *1 )

“Direttiva 91/629/KEE — Deċiżjoni 97/182/KE — Trobbija ta’ l-għoġġiela — Imqajjel individwali — Projbizzjoni li l-għoġġiela jinżammu marbuta — Tifsira tal-kelma ‘rbit’ — Materjal u tul tal-ħabel — Diverġenzi fil-verżjonijiet lingwistiċi — Interpretazzjoni uniformi”

Fil-Kawża C-187/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank Zutphen (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2007, fil-proċeduri kriminali kontra

Dirk Endendijk,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn U. Lõhmus, President ta’ l-Awla, P. Lindh u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: H. von Holstein, Deputat-Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. Endendijk, minn J. T. A. M. Mierlo, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn V. Kontolaimos u S. Charitaki, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u M. van Heezik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kelma “rbit” (“aanbinden”), skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, li tipprovdi l-livelli minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela (ĠU L 340, p. 28), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/182/KE, ta’ l-24 ta’ Frar 1997 (ĠU L 76, p. 30, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/629 emendata”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra D. Endenijk talli, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2005, żamm xi għoġġiela li kienu marbutin f’kundizzjonijiet li ma kinux konformi ma’ l-ewwel sentenza tal-punt 8 ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/629 emendata.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 91/629 jipprovdi li l-għoġġiela għandhom jinżammu jew fi gruppi, jew f’kaxxi individwali jew “marbutin fi stalel”. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-irziezet ġodda li nbnew wara l-1 ta’ Jannar 1994 jew għall-irziezet mibnija mill-ġdid wara dik id-data.

4

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/2/KE, ta’ l-20 ta’ Jannar 1997 li temenda d-Direttiva 91/629 (ĠU L 25, p. 24), ma emendatx formalment din id-dispożizzjoni, iżda żiedet paragrafu ġdid, il-paragrafu 3, fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/629, li jipprovdi:

“Mill-1 Jannar 1998, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu għall-azjendi mibnijin ġodda jew mibnijin mill-ġdid u għal dawk kollha li jibdew jitħaddmu wara dik id-data:

a)

ebda għoġol m’għandu jinqafel f’maqjel għalih waħdu wara l-età ta’ tmien ġimgħat, kemm-il darba l-veterinarju ma jkunx iċċertifika li s-saħħa jew l-imġieba tiegħu tkun teħtieġlu jiġi iżolat biex jingħata l-kura. […]

[…]”

5

L-Anness tad-Direttiva 91/629 kien jinkludi, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, il-punt 8 li kien jipprovdi kif ġej:

“Fejn huma wżati ħbula, dawn m’għandhomx jagħmlu ħsara lill-għoġġiela u jridu jkunu spezzjonati regolarment u aġġustati kif hemm bżonn biex jiżguraw li jiġuhom komdi. Kull ħabel irid ikun ta’ tul biżżejjed biex jippermetti li l-għoġġiela jiċċaqalqu kif stipulat fil-[punt] 7 [jiġifieri li jkunu jistgħu jimteddu, jistrieħu, iqumu bil-wiefqa u jnaddfu lilhom infushom mingħajr diffikultà kif ukoll jaraw għoġġiela oħra]. Id-disinn għandu jkun tali li jevita, kemm jista’ jkun, kull riskju ta’ tgħalliq jew korriment.”

6

Il-ħames premessa tad-Deċiżjoni 97/182 tistipula:

“Billi meta l-għoġġiela jinżammu marbuta jinħolqu l-problemi; billi għal dik ir-raġuni l-għoġġiela li jinżammu f’imqajel [imqajjel] għalihom m’għandhomx jintrabtu u l-għoġġiela li jinżammu flimkien jistgħu jintrabtu biss għal ħin qasir waqt li jinsqew il-ħalib”.

7

Id-Deċiżjoni 97/182 emendat l-Anness tad-Direttiva 91/629, u ssostitwiet il-punt 8 tiegħu bil-kliem li ġej:

“L-għoġġiela m’għandhomx jintrabtu bl-eċċezzjoni ta’ l-għoġġiela li jinżammu fi gruppi li jistgħu jintrabtu għal perjodi ta’ mhux aktar minn siegħa waqt li jinsqew il-ħalib jew is-sostitut tal-ħalib. Meta jintuża l-irbit, dan m’għandux ikorri lill-għoġġiela u għandu jiġi spezzjonat regolarment u aġġustat skond kif meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jkunx issikkat. Kull irbit għandu jkun magħmul biex jevita r-riskju ta’ strangolazzjoni jew korriment u jkun jippermetti li l-għoġol jiċċaqlaq skond il-punt 7 [jiġifieri li jkun jista’ jimtedd, jistrieħ, iqum bil-wieqfa u jnaddaf lilu nnifsu mingħajr diffikultà]”.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

Id-Digriet fuq l-għoġġiela (Kalverenbesluit, Staatsblad 1994, Nru 576) ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kelma “rbit”. L-Artikolu 3(2) tiegħu jipprovdi kif ġej:

“L-għoġġiela li jinżammu f’imqajjel għalihom u l-għoġġiela li jkollhom iktar minn tmien ġimgħat u li jitrabbew sabiex isiru barrin għall-qatla ma jistgħux jintrabtu.”

9

In-nota ta’ spjegazzoni ta’ l-imsemmi Digriet tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-projbizzjoni fuq l-irbit ta’ l-għoġġiela li jinżammu f’maqjel għalihom tapplika “għall-kategoriji kollha ta’ għoġġiela”.

10

B’Digriet tat-22 ta’ Settembru 1997 (Staatsblad 1997, Nru 478), li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1997, id-digriet fuq l-għoġġiela ġie emendat biex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-emendi li ddaħħlu mid-Deċiżjoni 97/182. L-Artikolu 2(1) tiegħu issa jistipula dan li ġej:

“L-għoġġiela jistgħu jinżammu biss f’kundizzjonijiet li jkunu konformi ma’ l-ewwel sentenza tal-punt 8 ta’ l-Anness [tad-Direttiva 91/629 emendata]”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

D. Endendijk, raħħal Olandiż, hu akkużat li, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2005, żamm 25 għoġol li kienu marbutin f’kaxxi, bi ksur ta’ l-ewwel sentenza tal-punt 8 ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/629 emendata.

12

Quddiem il-qorti tar-rinviju, D. Endendijk sostna li l-għoġġiela, li kienu miżmumin f’kaxxi individwali msaqqfa ta’ 2,50 m bi 1,20 m, kienu marbutin minn għonqhom permezz ta’ ħabel ta’ madwar 3 m u li għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu marbutin skond it-tifsira ta’ l-ewwel sentenza tal-punt 8 ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/629 emendata.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Zutphen (Imħallef ta’ Zutphen li jisma’ kawżi dwar reati kummerċjali) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ rbit fis-sens tad-Direttiva 91/629 [emendata]?

2)

F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-materjal u t-tul tal-ħabel użat biex jintrabat l-annimal, u r-raġuni għalfejn l-annimal ikun marbut?”

Fuq id-domandi preliminari

14

Peress li ż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma marbuta mill-qrib, għandhom jiġu ttrattati flimkien.

15

Preliminarjament, għandu jiġi indikat li, sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tal-kelma “rbit”, għandha ssir referenza għat-tifsira ġenerali u aċċettata ta’ l-imsemmija kelma (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1998, Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, 349/85, Ġabra p. 169, punt 9 u tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C-164/98 P, Ġabra p. I-447, punt 26).

16

Wara li saret din il-preċiżazzjoni, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 91/629 emendata tipprojbixxi b’mod espress l-irbit ta’ l-għoġġiela meta dawn jinżammu f’kaxxi individwali. F’dan ir-rigward, il-ħames premessa tad-Deċiżjoni 97/182 tispeċifika li “l-għoġġiela li jinżammu f’imqajjel għalihom m’għandhomx jintrabtu”, ħaġa li hi riflessa fil-punt 8 ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/629 emendata.

17

L-imsemmi punt 8 jipprovdi, kif ġie mfakkar fil-punt 7 ta’ din is-sentenza, li l-“għoġġiela m’għandhomx jintrabtu bl-eċċezzjoni ta’ l-għoġġiela li jinżammu fi gruppi li jistgħu jintrabtu għal perjodi ta’ mhux aktar minn siegħa waqt li jinsqew il-ħalib jew is-sostitut tal-ħalib […]”

18

Konsegwentement, l-interpretazzjoni li tgħid li l-għoġġiela li jinżammu b’ħabel li jkun twil madwar 3 m, li jħallilhom ċerta libertà li jiċċaqilqu, ma jkunux marbutin, peress li din il-libertà li jiċċaqilqu tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 91/629 emendata, ma tistax tiġi aċċettata.

19

Minn naħa waħda, fil-fatt, jirriżulta mill-kliem, kemm ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 91/629 emendata kif ukoll mill-punt 8 ta’ l-Anness ta’ l-imsemmija Direttiva li l-possibbiltà li l-għoġġiela jintrabtu tirrigwarda biss l-għoġġiela li jinżammu fi gruppi u mhux l-għoġġiela li jinżammu għalihom. Fir-rigward ta’ dawn ta’ l-aħħar, il-projbizzjoni hi totali. Peress li fil-proċess tal-kawża prinċipali ssir referenza biss għall-għoġġiela li jinżammu f’kaxxi individwali, għandu jiġi dedott li l-fakultà li l-għoġġiela jintrabtu m’għandhiex x’taqsam ma’ din il-kawża.

20

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rilevat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-possibbiltà li l-għoġġiela jintrabtu hi ta’ natura eċċezzjonali għal kollox, peress li tirrigwarda perijodi li ma jistgħux jaqbżu siegħa u li huma limitati għal meta l-għoġġiela jinsqew il-ħalib. Għalhekk, l-irbit ta’ l-għoġġiela hu permess biss, b’mod eċċezzjonali, matul perijodi qosra, u barra minn hekk hu meħtieġ li jkunu marbutin f’kundizzjonijiet fejn tiġi ggarantita l-libertà li jiċċaqilqu, b’mod li jkunu jistgħu jimteddu, jistrieħu, iqumu bil-wiefqa u jnaddfu lilhom infushom mingħajr diffikultà. Fi kliem ieħor, il-kundizzjonijiet li jenfasizza l-imputat fil-kawża prinċipali biex l-annimali tiegħu jitqiesu bħala li mhumiex marbutin huma preċiżament dawk li għandhom igawdu l-annimali meta, b’mod eċċezzjonali, ikunu marbutin, posibbiltà mogħtija biss fil-konfront ta’ għoġġiela li jinżammu fi gruppi, li mhuwiex il-każ ta’ l-għoġġiela ta’ l-imputat fil-kawża prinċipali.

21

Fir-rigward tal-fatt li, fil-verżjoni Olandiża tal-punt 8 ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/629 emendata ssir referenza għan-natura metallika tal-ħabel, billi tintuża l-kelma “ktajjen” (“kettingen”), għandu jiġi indikat fl-ewwel lok li dan il-fatt ma jbiddilx il-portata ta’ l-eċċezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, li tapplika biss għall-għoġġiela li jinżammu fi gruppi meta jkunu qed jinsqew il-ħalib, li ma kienx il-każ ta’ l-għoġġiela ta’ l-imputat fil-kawża prinċipali, li kienu jinżammu f’kaxxi individwali skond it-talba għal deċiżjoni preliminari.

22

Fit-tieni lok, għandu jiġi indikat li fi kwalunkwe każ, il-kelma in kwistjoni ma tistax tiġi eżaminata biss fil-verżjoni Olandiża ta’ l-imsemmi punt, peress li d-dispożizzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi fid-dawl tal-verżjonijiet tal-lingwi kollha tal-Komunità Ewropea (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1995, Rockfon, C-449/93, Ġabra p. I-4291, punt 28; tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et, C-296/95, Ġabra p. I-1605, punt 36, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 31).

23

Skond ġurisprudenza kostanti, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni Komunitarja ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, metodu bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 16).

24

Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test Komunitarju, id-dispożizzjoni in kwistjoni għandha b’hekk tiġi interpretata skond l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000 EKW u Wein & Co, C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 42, kif ukoll ta’ l-1 ta’ April 2004, Borgmann, C-1/02, Ġabra p. I-3219, punt 25).

25

Għandu jiġi kkonstatat li l-verżjonijiet lingwistiċi, ħlief għal dik Olandiża, tal-punt 8 ta’ l-Anness tad-Direttiva 91/629 emendata jużaw terminu ġenerali. B’mod indikattiv, il-verżjoni Ġermaniża tuża l-kelma “Anbindevorrichtung” (mezz ta’ rbit), il-verżjoni Ingliża tuża l-kelma “tether”, il-verżjoni Franċiża tuża l-kelma “attache” (ħabel) filwaqt li l-verżjoni Taljana tuża l-kelma “attacco”. Dan l-użu ta’ terminu ġenerali hu iktar loġiku fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-projbizzjoni assoluta msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza u, fit-tieni lok, tal-kumdità ta’ l-annimal meħtieġa mid-Direttiva 91/629 emendata meta, b’mod eċċezzjonali, issir deroga mill-projbizzjoni fuq l-irbit ta’ l-għoġġiela fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. B’hekk jirriżulta li l-kelma “katina” tmur kontra l-għan li jipprova jikseb il-leġiżlatur Komunitarju.

26

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hi li, skond id-Direttiva 91/629 emendata, għoġol ikun marbut meta jinżamm b’ħabel, indipendentement mill-materjal u t-tul tiegħu u mir-raġunijiet għalfejn l-annimal ikun marbut.

Fuq l-ispejjeż

27

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Skond id-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1991, li tipprovdi l-livelli minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/182/KE, ta’ l-24 ta’ Frar 1997, għoġol ikun marbut meta jinżamm b’ħabel, indipendentement mill-materjal u t-tul tiegħu u mir-raġunijiet għalfejn l-annimal ikun marbut.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top