Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0173

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-10 ta' Lulju 2008.
    Emirates Airlines - Direktion für Deutschland vs Diether Schenkel.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
    Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Kumpens għal passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira - Kamp ta' applikazzjoni - Artikolu 3(1)(a) - Kunċett ta' 'titjira'.
    Kawża C-173/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:400

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    10 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

    “Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Kumpens għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 3(1)(a) — Kunċett ta’ ‘titjira’”

    Fil-kawża C-173/07,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2007, fil-proċedura

    Emirates Airlines — Direktion für Deutschland

    vs

    Diether Schenkel,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Emirates Airlines Direktion für Deutschland, minn C. Leffers, Rechtsanwältin,

    għal D. Schenkel, minn M. Scheffels, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Grieg, minn M. Aspessos, O. Patsopoulou u V. Karra, bħala aġenti,

    għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A. Hare, bħala aġenti,

    għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

    għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidal Puig u G. Braun, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, p. 1).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-linja tal-ajru Emirates Airlines — Direktion für Deutschland (iktar ’il quddiem “Emirates”) u D. Schenkel dwar ir-rifjut ta’ Emirates li tikkumpensa li dan tal-aħħar wara l-kanċellazzjoni ta’ titjira minn Manila (il-Filippini).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni internazzjonali

    3

    Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (Konvenzjoni ta’ Montreal), konkluża mill-Komunità Ewropea, ġiet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU L 194, p. 38, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montreal”).

    4

    Din il-konvenzjoni hija intiża partikolarment sabiex tassigura l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fil-qasam tat-trasport internazzjonali bl-ajru u kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni.

    5

    L-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din il-konvenzjoni, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

    “2.   Għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, l-espressjoni trasport internazzjonali tfisser kull trasport li fih, skond il-Ftehim bejn il-Partijiet, il-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni, kemm jekk hemm waqfa fit-trasport jew transbord, jinstabu jew fit-territorji ta’ żewġ Stati Partijiet, jew fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed, jekk hemm post miftiehem ta’ waqfien fit-territorju ta’ Stat ieħor, ukoll jekk dak l-Istat mhuwiex Stat Parti. It-trasport bejn żewġ punti fit-territorju ta’ Stat Parti singola mingħajr ftehim ta’ waqfien miftiehem fit-territorju ta’ Stat ieħor mhuwiex trasport internazzjonali għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni.

    3.   It-trasport li għandu jsir minn diversi trasportaturi suċċessivi jitqies, għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, li huwa trasport wieħed indiviż jekk ġie meqjus mill-Partijiet bħala operazzjoni singola, kemm jekk ġie miftiehem taħt il-forma ta’ kuntratt singolu jew serje ta’ kuntratti, u ma jitlifx il-karattru internazzjonali sempliċiment minħabba li kuntratt wieħed jew serje ta’ kuntratti għandu jiġi esegwit kompletament fit-territorju ta’ l-istess Stat.”

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    6

    Fl-Artikolu 2 tiegħu intitolat “Definizzjonijiet”, ir-Regolament Nru 261/2004, jipprovdi:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    g)

    ‘reżervazzjoni’ tfisser il-fatt li l-passiġġier għandu biljett, jew prova oħra, li tindika li r-reżervazzjoni ġiet aċċettata u rreġistrata, mil-trasportatur ta’ l-ajru jew mill-operatur tat-tour;

    h)

    ‘destinazzjoni finali’ ifisser id-destinazzjoni fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni ta’ l-aħħar titjira; titjiriet konnessi alternattivi li qegħdin għad-dispożizzjoni m’għandhomx jiġu meħudin in konsiderazzjoni jekk il-ħin oriġinali tal-wasla hu mħares;

    […]”

    7

    L-istess regolament, fl-Artikolu 3 tiegħu intitolat “Skop”, jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika:

    a)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat [KE];

    b)

    għal passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Mebru għal liema japplika t-Trattat, kemm-il darba rċievu vantaġġi jew kumpens u ġew mogħtija assistenza f’dak il-pajjiż terz, jekk il-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera tat-titjira in kwistjoni hu trasportatur Komunitarju.

    […]”

    8

    Skont l-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu”, ir-Regolament Nru 261/2004 jipprovdi:

    “1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li ma jħallix passiġġieri jitilgħu fuq titjira, għandu l-ewwel jagħmel sejħa għal voluntiera biex iħallu r-reżervazzjonijiet tagġhom bi skambju għal vantaġġi taħt kondizzjonijiet li għandhom jinftehmu bejn il-passiġġier in kwistjoni u l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera. Voluntiera għandhom jiġu mogħtija għajnuna skond l-Artikolu 8, din l-assistenza hi addizzjonali għall-vantaġġi msemmijin f’dan il-paragrafu.

    […]”

    9

    L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

    […]

    (ċ)

    jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7 […]

    […]”

    10

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprovdi:

    “1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

    a)

    EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

    b)

    EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

    ċ)

    EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

    Fid-determinazzjoni tad-distanza, il-bażi għandha tkun l-aħħar destinazzjoni ġo liema l-fatt li l-persuna ma tħallietx titla’ jew il-kanċellazzjoni ser iddewwem il-wasla tal-passiġġier wara l-ħin skedat.

    […]”

    11

    L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti” jipprovdi:

    “1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

    a)

    rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

    titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

    b)

    rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

    (ċ)

    rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

    2.   Il-paragrafu 1(a) għandu japplika wkoll għal passiġġieri li t-titjiriet tagħhom jifformaw parti minn package, ħlief għad-dritt għal rimbors fejn dan id-dritt iqum taħt id-Direttiva [tal-Kunsill] 90/314/KEE, [tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, p. 59)]

    […]”

    12

    Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 261/2004 intitolat “Rapport”

    “Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Konsill sa l-1 ta’ Jannar 2007 dwar l-operazzjoni u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament, partikolarment dwar:

    […]

    l-estenżjoni possibbli ta’ l-iskop ta’ dan ir-Regolament għal passiġġieri li għandhom kuntratt ma trasportatur Komunitarju jew li għandhom reżervazzjoni fuq titjira li tagħmel parti minn ‘package tour’ għal liema d-Direttiva 90/314/KEE tapplika u li jitilqu minn ajruport ta’ pajjiż terz għal ajruport ġo Stat Membru, fuq titjiriet mhux operati minn trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji,

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    13

    D. Schenkel irreżerva, mill-Ġermanja, vjaġġ bir-ritorn ma’ Emirates minn Düsseldorf (il-Ġermanja) għal Manila, via Dubai (L-Emirati Għarab Magħquda).

    14

    Għar-ritorn ta’ D. Schenkel, ir-reżervazzjoni tiegħu kienet għat-titjira tat-12 ta’ Marzu 2006 li titlaq minn Manila. Din it-titjira ġiet ikkanċellata minħabba problemi tekniċi. D. Schenkel finalment telaq minn Manila fl-14 ta’ Marzu 2006 u wasal Düsseldorf fl-istess jum.

    15

    D. Schenkel ippreżenta rikors quddiem l-Amtsgericht Frankfurt am Main kontra Emirates li bih talab mingħandha kumpens ta’ EUR 600, billi għamel użu mill-Artikoli 5(1)(c) u 7(1)(c) tar-Regolament Nru 261/2004.

    16

    Huwa sostna li l-kumpens previst f’dawn id-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ kanċellazzjoni tat-titjira huwa applikabbli għalih f’din il-kawża. Fil-fatt, huwa sostna li t-titjira’l barra kif ukoll dik lura huma partijiet dipendenti tal-istess titjira. Peress li l-post tat-tluq ta’ din it-titjira waħda kien Düsseldorf, huwa għaldaqstant kien passiġġier tielaq minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tal-istess regolament.

    17

    Emirates sostniet li t-titjira’l barra kif ukoll dik lura għandhom jitqiesu li huma żewġ titjiriet distinti. Barra minn hekk, Emirates m’għandhiex liċenzja mogħtija minn Stat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar liċenzjar ta’ air carriers (ĠU L 240, p. 1).

    18

    Billi sostniet li għalhekk hija ma kinitx “trasportatur Komunitarju” imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 261/2004, Emirates ikkonkludiet li hija ma kellhiex tikkumpensa lil D. Schenkel għat-titjira kkanċellata.

    19

    L-Amtsgericht Frankfurt am Main laqgħet it-talbiet ta’ D. Schenkel. Emirates ippreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main.

    20

    Minkejja li l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main hija inklinata li tqis li vjaġġ bir-ritorn jikkostitwixxi titjira waħda għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 261/2004, hija tistaqsi dwar il-fondatezza ta’ din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ titjira.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament […] Nru 261/2004 […] għandu jkun interpretat fis-sens li ‘titjira’ tinkludi l-vjaġġ bir-ritorn bl-ajruplan mill-punt tat-tluq sad-destinazzjoni, fi kwalunkwe każ meta t-titjira’l barra u lura huma rreżervati fl-istess ħin?”

    Fuq id-domanda preliminari

    22

    Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-sitwazzjoni ta’ vjaġġ bir-ritorn li fiha l-passiġġieri li inizjalment telqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat jerġgħu lura f’dan l-ajruport fuq titjira li tkun telqet minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk iċ-ċirkustanza li kemm it-titjira’l barra kif ukoll dik lura jkunu saru b’reżervazzjoni waħda għandhiex rilevanza fuq l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    23

    Meta għamlet din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-kunċetti ta’ “titjira” u ta’ “vjaġġ” użati fir-Regolament Nru 261/2004 u tistaqsi jekk il-kunċett ta’ titjira jinkludix vjaġġ bir-ritorn bl-ajruplan.

    24

    Il-kunċett ta’ titjira huwa determinanti biex tingħata risposta għad-domanda magħmula minkejja l-fatt li, anke jekk jinstab fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiki l-oħra ta’ din l-istess dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għalih jew tuża kliem derivat mill-kelma “titjira”.

    25

    Fil-fatt, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 8 tal-konklużjonijiet tagħha, il-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jew f’pajjiż terz huma neċessarjament passiġġieri li jimbarkaw fuq titjira li titlaq minn ajruport bħal dan. Għalhekk, din id-diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ma taffettwax is-sens attwali li għandu jingħata lid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

    26

    Konsegwentament, fl-ewwel lok, għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ titjira.

    27

    F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li dan il-kunċett m’huwiex wieħed fost dawk li jinstabu fl-Artikolu 2, intitolat “Definizzjonijiet”, tar-Regolament Nru 261/2004. Lanqas m’huwa ddefinit fl-artikoli l-oħra ta’ dan ir-regolament.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li l-kunċett ta’ titjira jiġi interpretat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll tal-għan ta’ dan ir-regolament.

    29

    Madankollu, qabel ma ssir din l-analiżi, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, għandha tinqara flimkien mas-subinċiż (b) ta’ dan l-istess Artikolu 3(1)(a).

    30

    Minn dan il-paragrafu 1 kollu jirriżulta li dan ir-regolament japplika għal sitwazzjonijiet li fihom il-passiġġieri jirreżervaw titjira jew li titlaq minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru [paragrafu a)], jew li titlaq minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira inkwistjoni jkun trasportatur Komunitarju [paragrafu b].

    31

    Minn dan jirriżulta li sitwazzjoni li fiha l-passiġġieri jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz m’għandhomx jitqiesu li huma fost dawk imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, u li, għalhekk, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ħlief fil-każ tal-kundizzjoni stipulata fl-istess Artikolu 3(1)(b), jiġifieri dik li tipprovdi li trasportatur tal-ajru li jopera t-titjira jkun trasportatur Komunitarju.

    32

    Fir-rigward imbagħad tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi għal titjira li tagħmel parti minn package, li jimplika li titjira m’hijiex identika għal vjaġġ u li dan tal-aħħar jista’ jkun magħmul minn diversi titjiriet. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu jirreferi espressament għall-kunċett ta’ “titjira lura”, li jindika wkoll l-eżistenza ta’ titjira’l barra magħmula matul l-istess vjaġġ.

    33

    Din l-affermazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 261/2004, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “destinazzjoni finali” bħala dik li tidher fuq il-biljett ippreżentat fil-post taċ-check-in jew, fil-każ ta’ titjiriet konnessi direttament, id-destinazzjoni tal-aħħar titjira.

    34

    Imbagħad, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jagħmel distinzjoni bejn il-punt tat-tluq inizjali u d-destinazzjoni finali tal-passiġġieri, u għalhekk iqis żewġ postijiet differenti. Issa, jekk “titjira” skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament titqies li hija vjaġġ bir-ritorn, din twassal li jiġi kkunsidrat li d-destinazzjoni finali tagħha tkun identika għall-punt tat-tluq inizjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-dispożizzjoni tkun mingħajr sens.

    35

    Fl-aħħar nett, jekk “titjira” skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 titqies li hija vjaġġ bir-ritorn, fir-realtà, ikollha bħala effett li tnaqqas il-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri skont dan ir-regolament, li jkun kuntrarju għall-għan tagħha li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni lill-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 69).

    36

    Barra minn hekk, minn naħa waħda, l-Artikoli 4(1), 5(1) u 8(1) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprovdu għal kumpens ta’ danni differenti li jistgħu jseħħu fil-każ ta’ titjira, iżda ma jsemmux li wieħed minn dawn id-danni jista’ jseħħ diversi drabi fuq l-istess titjira. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-passiġġieri li inizjalment telqu minn ajruport li jinstab fi Stat Membru ma jistgħux jippretendu li jibbenefikaw minn din il-protezzjoni ħlief darba waħda jekk isofru l-istess dannu meta jitilqu kif ukoll meta jirritornaw.

    37

    Min-naħa l-oħra, interpretezzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 b’tali mod li titjira tinkludi vjaġġ bir-ritorn twassal ukoll sabiex iċċaħħad mid-drittijiet tagħhom lill-passiġġieri f’sitwazzjoni fejn it-titjira li titlaq minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru ma jkunx operat minn trasportatur Komunitarju.

    38

    F’dan ir-rigward, il-passiġġieri ta’ titjira simili li inizjalment telqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 261/2004. Min-naħa l-oħra, il-passiġġieri li jibdew il-vjaġġ tagħhom fuq din l-istess titjira jkunu jistgħu, min-naħa tagħhom, jibbenefikaw minn din il-protezzjoni peress li jitqiesu li huma passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru. Il-passiġġieri tal-istess titjira, li għandhom ikollhom l-istess l-protezzjoni mill-konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minnha, jiġu b’hekk ittrattati b’mod differenti.

    39

    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ non-diskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95; tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger, C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 57; kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C-227/04 P,Ġabra p. I-6767, punt 63).

    40

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-kunċett ta’ “titjira” għandu jiġi interpretat, fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, b’tali mod li jikkonsisti, essenzjalment, f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, “unità” ta’ dan it-trasport, magħmula minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu.

    41

    Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “vjaġġ” jintrabat mal-persuna tal-passiġġier li għażel id-destinazzjoni tiegħu u li jmur hemmhekk permezz ta’ titjiriet operati minn trasportaturi tal-ajru. Vjaġġ, li normalment jinkludi l-partijiet “’il barra” u “lura”, huwa qabel kollox iddeterminat mill-għan personali u individwali tal-vjaġġ. Peress li l-kunċett ta’ vjaġġ ma jissemmiex fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, dan, bħala regola, huwa mingħajr rilevanza għall-interpretazzjoni tiegħu.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk strumenti legali oħra rilevanti fil-qasam jistgħux jaffettwaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ titjira. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi evalwat jekk, kif tidher li qed tikkonstata l-qorti tar-rinviju, il-Konvenzjoni ta’ Montréal hijiex determinanti. Din tiddefinixxi l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru fir-rigward tal-passiġġieri li magħhom ikunu kkonkludew kuntratt ta’ trasport u tistabbilixxi b’mod partikolari l-modalitajiet li bihom il-passiġġieri jistgħu jiksbu kumpens individwalizzat, taħt il-forma ta’ talba għad-danni, tad-danni li jirriżultaw minn dewmien.

    43

    Huwa veru li l-Konvenzjoni ta’ Montréal hija parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IATA u ELFAA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36). Barra minn hekk, mill-Artikolu 300(7) KE jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Komunità huma marbuta bil-ftehim konklużi minn din tal-aħħar u, għaldaqstant li dawn il-ftehim igawdu s-supremazija fuq l-atti tad-dritt Komunitarju sekondarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52).

    44

    Madankollu, il-Konvenzjoni ta’ Montréal bl-ebda mod ma tiddetermina l-portata tal-obbligi preċedentament imsemmija bi kwalunkwe riferiment għall-kunċett ta’ titjira li, barra minn hekk, ma jissemmix fit-test ta’ din il-konvenzjoni.

    45

    Barra minn hekk, kif ġustament tirrileva l-qorti tar-rinviju, skont il-Konvenzjoni ta’ Montréal, trasporti suċċessivi huma kkunsidrati bħala “trasport uniku” b’mod partikolari meta jkunu ġew konklużi taħt il-forma ta’ kuntratt wieħed. Issa, sa fejn dan il-kunċett ta’ trasport uniku jirreferri għal diversi vjaġġi wara xulxin magħżula mill-passiġġier, dan huwa eqreb iktar għall-kunċett ta’ vjaġġ kif iddefinit fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

    46

    Għaldaqstant, il-Konvenzjoni ta’ Montréal ma tirriżultax determinanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “titjira” fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004.

    47

    Mill-punti 32 sa 41 ta’ din is-sentenza jirriżulta li vjaġġ bir-ritorn ma jistax jitqies li huwa titjira waħda. Konsegwentement, l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 m’għandux jiġi applikat għal sitwazzjoni ta’ vjaġġ bir-ritorn bħal dak fil-kawża prinċipali, li fih il-passiġġieri li inizjalment telqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru jerġgħu jaslu f’dan l-ajruport fuq titjira li titlaq minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz.

    48

    Tali interpretazzjoni hija kkoroborata wkoll mit-tieni inċiż tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 261/2004, ikkjarifikat permezz tat-tlieta u għoxrin premessa ta’ dan ir-regolament, li bih il-leġiżlatur Komunitarju jipprevedi għall-futur l-estensjoni eventwali tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal passiġġieri ta’ titjiriet li jitilqu minn pajjiż terz u li jaslu fi Stat Membru fuq titjiriet mhux operati minn trasportaturi Komunitarji.

    49

    Li kieku l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 isemmi wkoll is-sitwazzjonijiet ta’ vjaġġ bir-ritorn li fihom il-passiġġieri li, inizjalment, ikunu telqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, jimbarkaw fuq titjira li titlaq minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz, il-passiġġieri msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament jaqgħu diġà fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għalhekk din id-dispożizzjoni tkun mingħajr sens.

    50

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar iċ-ċirkustanza li t-titjira’l barra u t-titjira lura huma s-suġġett ta’ reżervazzjoni waħda, din hija mingħajr rilevanza għall-konklużjoni msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

    51

    Fil-fatt, id-definizzjoni li l-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004 jagħti tal-kunċett ta’ “reżervazzjoni” ma toffri l-ebda element li permezz tiegħu tista’ tiġi ppreċiżata l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004. Il-fatt li l-passiġġieri jagħmlu reżervazzjoni waħda hija mingħajr rilevanza għall-awtonomija taż-żewġ titjiriet.

    52

    Konsegwentament, il-mod ta’ reżervazzjoni m’għandux jitqies li huwa rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004.

    53

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni ta’ vjaġġ bir-ritorn li fih l-passiġġieri li inizjalment ikunu telqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-trattat jerġgħu jaslu f’dan l-ajruport fuq titjira li titlaq minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz. Iċ-ċirkustanza li t-titjira’l barra u t-titjira lura huma s-suġġett ta’ reżervazzjoni hija mingħajr rilevanza għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    54

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni ta’ vjaġġ bir-ritorn li fih l-passiġġieri li inizjalment ikunu telqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-trattat KE jerġgħu jaslu f’dan l-ajruport fuq titjira li titlaq minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz. Iċ-ċirkustanza li t-titjira’l barra u t-titjira lura huma s-suġġett ta’ reżervazzjoni waħda hija mingħajr rilevanza għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top