EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0139

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta' Ġunju 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Technische Glaswerke Ilmenau GmbH.
Appell - Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - Dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat - Eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni - Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li jsir eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess.
Kawża C-139/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-05885

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:376

Kawża C-139/07 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Technische Glaswerke Ilmenau GmbH

“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat — Eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni — Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess”

Sommarju tas-sentenza

Komunitajiet Ewropej — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti

(Artikolu 255 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 20)

Sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokument li tiegħu jintalab l-iżvelar, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament iwassal għal ħsara lill-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu. Madankollu, huwa possibbli għall-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura.

F’dak illi jirrigwarda l-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, tali preżunzjonijiet ġenerali jistgħu jirriżultaw mir-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE, kif ukoll mill-ġurisprudenza li tirrigwarda d-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Dan ir-regolament, u, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu, ma jipprovdi l-ebda dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni għall-persuni interessati, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli tal-għoti tal-għajnuna. Fil-fatt, jekk dawn il-persuni interessati kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ verifika tal-għajnuna tal-Istat kienet titqiegħed fid-diskussjoni.

Għalhekk, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuni interessati, minbarra l-Istat Membru kkonċernat fil-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, ma jiddisponux mid-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u, għalhekk, tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li biha l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, fil-prinċipju, iwassal għal ħsara lill-protezzjoni tal-iskop tal-attivitajiet ta’ spezzjoni.

Din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix id-dritt ta’ dawn il-persuni interessati li juru li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ogħla li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 53-56, 58, 61, 62)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati ma’ proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat – Eċċezzjoni dwar il-ħarsien tal-iskop ta’ investigazzjoni – Obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess”

Fil-Kawża C‑139/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-28 ta’ Frar 2007

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Kreuschitz, P. Aalto u C. Docksey, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Technische Glaswerke Ilmenau GmbH, stabbilita f’Ilmenau (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Arhold u N. Wimmer, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fl-appell,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Wistrand, S. Johannesson u K. Petkovska, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts kif ukoll R. Silva de Lapuerta u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistraturi: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tal-14 ta’ Diċembru 2006, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑237/02, Ġabra p. II‑5131, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) billi din tirrifjuta aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH (iktar ’il quddiem “TGI”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 255 KE jiżgura għal kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni, suġġett għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat.

3        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 255(2) KE.

4        Il-premessi 4, 6 u 11 ta’ dan ir-regolament huma fformulati kif ġej:

“(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(6)      Għandu jingħata aktar aċċess għad-dokumenti f’każijiet fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kapaċitajiet leġislattivi tagħhom, inklużi dawk taħt setgħat delegati, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm l-effettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jsiru direttament aċċessibbli bl-aktar mod possibbli.

[…]

(11)      Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. […]”

5        L-Artikolu 1, bit-titolu “Għan”, tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-punt a tiegħu jistabbilixxi li dan “jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa “l-istituzzjonijiet”) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

6        L-Artikolu 2, bit-titolu “Benefiċjarji u skop”, ta’ dan l-istess regolament, fil-paragrafu 1 tiegħu jagħraf lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, “bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu jipprovdi li dan ir-regolament japplika għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri miktuba minnha jew li rċiviet u li huma fil-pussess tagħha, “f’kull qasam ta’ attività tal-Unjoni Ewropea”.

7        Skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-finijiet tiegħu, “dokument” iffisser “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

8        L-Artikolu 4, bit-titolu “Eċċezzjonijiet”, tar-Regolament Nru 1049/2001, jipprovdi:

“[…]

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–      […]

–      proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–      l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7.      L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. […]”

9        L-Artikolu 6, bit-titolu “Applikazzjonijiet”, tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-paragrafu 1 tiegħu jiddisponi, li “applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru […] b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument” u li “l-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jipprovdi li “[j]ekk applikazzjoni m’hijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess Artikolu jistabbilixxi li “fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, l-istituzzjoni involuta tista’ tkellem lill-applikant b’mod informali, sabiex isibu soluzzjoni imparzjali”.

10      Barra minn dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jiddefinixxi l-proċeduri applikabbli għall-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 88 KE li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq komuni.

11      L-Artikolu 20, bit-titolu “Drittijiet tal-partijiet interessati”, tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“1.      Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

2.      Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

3. Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

12      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar miżuri differenti li għandhom bħala għan il-konsolidazzjoni finanzjarja ta’ TGI, fosthom eżenzjoni parzjali tal-ħlas u self bankarju.

13      Fl-4 ta’ April 2000, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura formali ta’ eżami, prevista fl-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward ta’ din l-eżenzjoni u ta’ dan is-self, li għaliha ġiet attribwita r-referenza C 19/2000.

14      Il-Kummissjoni, permezz tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2001, li fiha hija limitat l-evalwazzjoni tagħha għall-miżura biss ta’ eżenzjoni minn ħlas, iddikjarat li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. TGI kkontestat din id-deċiżjoni u fit-28 ta’ Awwissu 2001 ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, li ġie miċħud permezz tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑198/01, Ġabra p. II‑2717), ikkonfermata fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2007 (C‑404/04 P).

15      Fit-3 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni fetħet it-tieni proċedura formali ta’ eżami skont l-Artikolu 88(2) KE, bir-referenza C 44/2001, b’mod partikolari fir-rigward tas-self bankarju.

16      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2001, TGI ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest tat-tieni proċedura formali ta’ eżami u talbet lill-Kummissjoni tagħtiha, minn naħa, aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu sussegwentement ippreżentati osservazzjonijiet ġodda. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda mill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Novembru 2001.

17      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Marzu 2002, TGI talbet, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajls tal-Kummissjoni rilevanti għall-każijiet ta’ għajnuna mill-istat li jikkonċernawha, u, b’mod partikolari, fil-każ bir-referenza C 44/2001, kif ukoll id-dokumenti kollha fil-fajls tal-Kummissjoni li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tal-impriża Schott Glas, bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet kunfidenzjali ta’ kummerċ relatati ma’ impriżi oħra.

18      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni għal aċċess billi indikat, b’mod partikolari, li d-dokumenti mitluba kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li d-dokumenti li jikkonċernaw TGI huma dokumenti li jifformaw parti mill-proċedura formali ta’ eżami fis-seħħ fil-każ bir-referenza C 44/2001.

19      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2002, TGI indirizzat applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istess dokumenti, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

20      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni għal aċċess ġiet miċħuda, b’konferma tar-rifjut li TGI ġa kienet ngħatat, minħabba li l-iżvelar ta’ dawn id-diversi dokumenti jista’ jdgħajjef il-ħarsien tal-iskop ta’ spezzjonijiet u verifiki, peress li din l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess hija espressament prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

21      Barra minn dan, din id-deċiżjoni tindika li l-applikazzjoni ta’ TGI għal aċċess għal dokument, li fih deskrizzjoni ddettaljata ta’ proġett ta’ Schott Glas, jista’ jdgħajjef b’mod gravi l-interessi kummerċjali ta’ din il-kumpannija, peress li dan l-interess huwa espressament protett minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, previst fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn dan, l-istess deċiżjoni tippreċiża li l-possibbiltà li jkunu aċċessibbli l-partijiet mitluba li ma humiex koperti mill-eċċezzjonijiet kienet ġiet eżaminata, iżda rriżulta li dawn id-dokumenti ma jistgħux jinqasmu f’partijiet kunfidenzjali u f’partijiet mhux kunfidenzjali. Fl-aħħar nett, huwa wkoll msemmi li f’dan il-każ, ma hemmx interess pubbliku ogħla li, f’dan il-każ partikolari, jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

22      Fit-2 ta’ Ottubru 2002, wara t-tieni proċedura formali ta’ eżami bir-referenza C 44/2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 2147 finali, li permezz tagħha b’mod partikolari ddikjarat li s-self bankarju awtorizzat lil TGI jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. TGI kkontestat din id-deċiżjoni billi fis-17 ta’ Diċembru 2002 ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T‑378/02), kawża li kienet is-suġġett ta’ digriet ta’ tħassir tas-16 ta’ Mejju 2007.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-8 ta’ Awwissu 2002, TGI ppreżentat rikors li bih talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ħlief fejn din tal-aħħar tirrifjuta aċċess għal dokumenti direttament marbuta mal-proċedura pendenti ta’ verifika ta’ għajnuna mill-Istat dwar Schott Glas. Ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ TGI.

24      Il-Kummissjoni, sostnuta minn Schott Glas, talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors billi infondat.

25      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali minn naħa, ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors peress li intiż għall-annullament ta’ allegat rifjut impliċitu ta’ aċċess għal dokumenti li jirrigwardaw “il-proċedura ta’ għajnuna magħluqa fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ Jenaer Schott Glas” u, min-naħa l-oħra, annullat id-deċiżjoni kkontestata billi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TGI.

26      B’mod partikolari, fil-kuntest tal-motiv imressaq minn TGI u li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ibbażat fuq il-ħarsien tal-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett qieset, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li d-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess effettivament jirrigwardaw attività “ta’ investigazzjoni” fis-sens tat-tielet inċiż tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, u fil-punt 77 ta’ din is-sentenza qieset li l-unika ċirkustanza li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar. Hija żiedet li applikazzjoni bħal din fil-prinċipju tista’ tkun iġġustifikata biss fl-ipoteżi fejn l-istituzzjoni tkun evalwat, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għal dokument jippreġudika konkratement u effettivament l-interess protett u, it-tieni nett, fl-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, jekk ma jkunx eżista interess pubbliku ogħla li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-eżami li għalih, fil-prinċipju, l-istituzzjoni għandha tipproċedi sabiex tapplika eċċezzjoni għandu jsir b’mod konkret u għandu jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni.

27      Il-Qorti Ġenerali wara ppreċiżat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza li jirriżulta mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huma stipulati bħala li għandhom japplikaw “għal dokument”. F’dan il-punt huwa wkoll indikat, b’riferiment għall-punt 70 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni (T‑2/03, Ġabra p. II‑1121), li dan l-eżami konkret għandu jsir għal kull dokument imsemmi f’din l-applikazzjoni.

28      B’riferiment mill-ġdid għal din l-aħħar sentenza, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li huwa biss eżami konkret u individwali, b’kuntrast ma’ eżami astratt u globali, li jista’ jippermetti lill-istituzzjoni li tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lill-applikant, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, u li, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, l-Artikolu 4(7) jipprovdi li l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu japplikaw biss għall-perijodu li fih il-ħarsien huwa ġġustifikat fir-rigward “tal-kontenut tad-dokument”. Hija wkoll iddeċidiet, fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, li f’dan il-każ, ma jirriżultax mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni pproċediet b’evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess.

29      Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, qieset li l-obbligu għal istituzzjoni li tipproċedi għal evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess lil dawn tal-aħħar jikkostitwixxi soluzzjoni ta’ prinċipju, li japplika għall-eċċezzjonijiet kollha msemmija għall-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, ikun x’ikun il-qasam li miegħu huma konnessi d-dokumenti mitluba, meta dan ikun, b’mod partikolari, dak tal-akkordji jew dak tal-verifika tal-għajnuna pubblika.

30      Madankollu, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, huwa ċar li l-aċċess għal dokumenti għandu jiġi rrifjutat, jew bil-kontra, jingħata. Skont il-Qorti Ġenerali, dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti kienu jew manifestament koperti integralment minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, jew, għall-kuntrarju, meta kienu manifestament aċċessibbli integralment, kemm, fl-aħħar nett, meta kienu diġà s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili.

31      Sabiex jiġi eżaminat, hekk ġie stabbilit fil-punt 87 tas-sentenza appellata, jekk l-applikazzjoni ta’ TGI tirrigwardax dokumenti li għalihom, minħabba ċirkustanzi tal-każ partikolari, ma huwiex neċessarju li jsir tali eżami konkret u individwali, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 88 ta’ din is-sentenza li, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tal-iskop ta’ ispezzjonijiet u ta’ investigazzjoni billi sostniet li, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw il-kompatibbiltà bejn għajnuna mill-Istat u s-suq uniku, hija indispensabbli kooperazzjoni leali u fiduċja reċiproka bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membu u l-impriżi kkonċernati sabiex il-“partijiet” varji jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament u li l-iżvelar ta’ dokumenti relatati ma’ dawn l-investigazzjonijiet “jistgħu jippreġudikaw it-trattament tal-eżami tal-ilment billi jikkomprometti dan id-djalogu”.

32      Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li evalwazzjoni daqshekk ġenerali li tapplika għal fajl amministrattiv kollu dwar il-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TGI, ma turix l-eżistenza taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ li tippermetti li jiġi kkunsidrat li ma kienx neċessarju li tipproċedi għal eżami konkret u individwali tad-dokumenti li jifformaw il-fajl. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx li dawn id-dokumenti kienu manifestament koperti integralment minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess.

33      Barra minn dan, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li huwa paradossali li tiġi evokata n-neċessità ta’ djalogu frank u dirett bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u l-“impriżi kkonċernati”, fil-kuntest ta’ atmosfera ta’ kooperazzjoni leali u ta’ fiduċja reċiproka, sabiex tiġi preċiżament irrifjutata lil waħda mill-“partijiet” ikkonċernati l-konoxxenza ta’ kull element ta’ informazzjoni li jolqot direttament is-suġġett stess tad-diskussjonijiet.

34      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess għandu jintlaqa’ u li r-rifjut pur u sempliċi ta’ aċċess oppost mill-Kummissjoni lil TGI huwa, konsegwentement, ivvizzjat bi żball ta’ liġi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li d-deċiżjoni kkontestata, billi din tirrifjuta aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TGI, għaldaqstant għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra ta’ annullament imqajma minn TGI u mir-Renju tal-Isvezja. Barra minn dan, fil-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkundannat il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tliet kwarti minn dawk esposti minn TGI.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob sabiex jogħġobha minn naħa, tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, tikkundanna lil TGI għall-ispejjeż.

36      TGI, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jitolbu sabiex jogħġobha tiċħad l-appell. Barra minn dawn huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

37      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 2008, ir-Renju tad-Danimarka ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ TGI skont l-Artikolu 93(7) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġifieri sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom waqt il-proċedura orali biss.

 Fuq l-appell

38      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq ħames aggravji. Dawn jirrigwardaw, l-ewwel nett, interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tieni nett, ksur tar-rieda tal-leġiżlatur, it-tielet nett, ksur tal-kliem tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, ir-raba’ nett, ksur tal-Artikolu 255 KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet u tal-iskop ta’ dan ir-regolament u, il-ħames nett, eżistenza ta’ żbalji oħra ta’ liġi fis-sentenza appellata.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

39      L-ewwel aggravju invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

 L-argumenti tal-partijiet

40      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, meta fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li ma kienx hemm “ċirkustanzi partikolari tal-każ”, hekk kif ġie stabbilit fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, li jippermettu li jiġi kkunsidrat li ma kienx neċessarju li wieħed jipproċedi għal eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata minn TGI skont dan ir-regolament.

41      Issa, skont il-Kummissjoni, jeżistu “ċirkustanzi partikolari tal-każ” li minħabba fihom huwa manifest li l-aċċess mitlub minn TGI għandu jiġi rrifjutat. Hija f’dan ir-rigward tikkunsidra li n-nuqqas ta’ dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl tal-persuni interessati minbarra tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat, hekk kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat bħala “ċirkustanza partikolari tal-każ”, sakemm ir-Regolament Nru 1049/2001 ma jmurx kontra din il-ġurisprudenza.

42      Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li ċ-“ċirkustanzi partikolari tal-każ” manifestament juru li kien hemm lok li jiġi rrifjutat l-aċċess lid-“dokumenti kollha fil-fajls tal-Kummissjoni fil-każijiet kollha ta’ għajnuna li jikkonċernaw lill-impriża TGI”, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ eżami konkret u individwali minn qabel ta’ dawn id-dokumenti u li dawn tal-aħħar kienu kompletament koperti mill-eċċezzjoni tad-dritt ta’ aċċess previst prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

43      Barra minn dan, il-Kummissjoni ssostni li hemm kontradizzjoni bejn il-punti 86 u 89 tas-sentenza appellata. F’dan l-aħħar punt, il-Qorti Ġenerali tfittex prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari sabiex turi li eżami konkret u individwali tad-dokumenti ma huwiex neċessarju, meta din iddikjarat, fil-punt 86, li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom ikunu manifesti u mhux li għandhom jiġu pprovati.

44      TGI, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jsostnu li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha ma humiex fondati u li għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda.

45      TGI tikkunsidra li n-nuqqas ta’ dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl għall-persuni interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat fil-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat ma huwiex, minnu nnifsu, ta’ ostakolu għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Hija tqis li l-fatt li jirrigwardaw dokumenti dwar proċedura ta’ verifika ta’ għajnuna mill-Istat ma jiġġustifika l-ebda trattament speċifiku. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li r-Regolament Nru 659/1999 ma jagħraf l-ebda dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl għall-persuni interessati f’dan it-tip ta’ proċeduri ma huwiex speċifiku biżżejjed sabiex ma jkunx jista’ jsir eżami individwali tad-dokumenti msemmija f’din l-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

46      Barra minn dan, TGI tippreċiża li ċ-“ċirkustanzi partikolari tal-każ” għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi ċirkustanza li l-kawża inkwistjoni tikkonċerna l-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Skont TGI, għandu jirrigwarda ċirkustanzi partikolari “tal-każ”, u mhux ċirkustanzi komuni li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. B’mod ieħor, dan ikun ekwivalenti għal eżenzjoni tal-kategorika għall-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat u, konsegwentement, għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-kuntest ta’ dan, li l-Kummissjoni rrifjutat.

47      Ir-Repubblika tal-Finlandja żżid li ftit li xejn huwa ta’ importanza li l-applikant ikun il-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat jew li jkun persuna oħra msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Peress li din l-aħħar dispożizzjoni tapplika indistintament għat-talbiet kollha għal aċċess, hija ma tirriżervax lil dan il-benefiċjarju pożizzjoni inqas favorevoli minn dik mogħtija lill-applikanti oħra peress illi hija tittratta applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti dwar proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat.

48      Ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-prinċipju ta’ trasparenza, iggarantit mir-Regolament Nru 1049/2001, u l-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża, li minnu jirriżulta d-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl fil-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, huma żewġ prinċipji distinti li ma għandhomx l-istess għan u li, għalhekk, il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet tad-difiża f’dawn il-proċeduri ma tistax tkun rilevanti għat-trattament ta’ applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet ippreżentata skont dan ir-regolament.

49      Barra minn dan, TGI tqis li huwa għall-Kummissjoni li tressaq il-prova tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, billi hija dik li invokat eċċezzjoni minn regola ta’ prinċipju li tgħid li hemm lok li wieħed jipproċedi għal eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni għal aċċess. Konsegwentement, ma huwiex għall-Qorti Ġenerali li ex officio tfittex l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      L-ewwel nett, għandu jiġi indikat li l-applikazzjoni ppreżentata minn TGI tikkonċerna l-fajl amministrattiv kollu dwar il-proċeduri ta’ verifika ta’ għajnuna mill-Istat li kienu ngħataw lilha.

51      Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001, li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 255(2) KE, huwa intiż, bħal ma tindika l-premessa 4 tiegħu u l-Artikolu 1 tiegħu, li jagħti dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa l-iktar wiesa’ possibbli. Jirriżulta wkoll minn dan ir-regolament, b’mod partikolari mill-premessa 11 u mill-Artikolu 4 tiegħu, li huwa jipprovdi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li d-dritt ta’ aċċess huwa madankollu suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat.

52      F’dan il-każ, il-Kummissjoni preċiżament irrifjutat li tikkomunika lil TGI d-dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat lilha mogħtija billi invokat l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess previst fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażat fuq il-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki. Hekk kif jirriżulta mill-punt 76 tas-sentenza appellata, dawn id-dokumenti, hekk kif imsemmija fl-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata minn TGI fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, effettivament jaqgħu taħt attività “ta’ ispezzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

53      Huwa minnu li, sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokument li tiegħu ntalab l-iżvelar, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument jirrigwarda attività msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament iwassal għall-ħsara lill-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-Artikolu (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 49).

54      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħraf li huwa possibbli għall-istituzzjoni Komunitarja li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, peress li kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

55      F’dak illi jirrigwarda l-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, tali preżunzjonijiet ġenerali jistgħu jirriżultaw mir-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll mill-ġurisprudenza li tirrigwarda d-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 659/1999, intiż sabiex jikkodifika l-prassi stabbilita tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, din il-prassi ġà kienet żviluppata u stabbilita konformement mal-ġurisprudenza.

56      Ir-Regolament Nru 659/1999 u, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu, ma jipprovdu l-ebda dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni għall-persuni interessati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika mibdija skont l-Artikolu 88(2) KE.

57      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament jiddisponi li l-osservazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ verifika, jiġu kkomunikati lill-Istat Membru kkonċernat, b’dan tal-aħħar insegwitu jkollu l-possibbiltà li jwieġeb għal dawn l-osservazzjonijiet f’terminu speċifiku. Fil-fatt, il-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat hija, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fir-rigward tal-Istat Membru responsabbli tal-għoti tal-għajnuna u l-Kummissjoni ma għandhiex dritt tagħmel użu, fid-deċiżjoni finali tagħha, mingħajr ma tikser id-drittijiet tad-difiża, informazzjoni li huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jikkummenta dwarha (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 81).

58      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-persuni interessati, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru responsabbli tal-għoti tal-għajnuna, ma jiddisponux, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istati, minn dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-kummissjoni. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, jekk dawn il-persuni interessati kienu fil-pożizzjoni li jiksbu l-aċċess, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema ta’ verifika tal-għajnuna tal-Istat kienet titqiegħed fid-diskussjoni.

59      Huwa minnu li d-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika mibdija skont l-Artikolu 88(2) KE u d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni simili mil-lat prattiku. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni interessati jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kummissjoni, u skont il-każ, li jieħdu pożizzjoni fuq dawn l-elementi fl-osservazzjonijiet tagħhom, li jista’ jibdel in-natura ta’ tali proċedura.

60      Barra minn dan, għandu jiġi ppreċiżat li, b’differenza mill-każijiet fejn l-istituzzjonijiet Komunitarji jaġixxu bħala leġiżlatur, fejn aċċess iktar wiesa għad-dokumenti għandu jiġi awtorizzat b’applikazzjoni tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif inhu l-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, id-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, bħal dawk mitluba minn TGI, jaqgħu fil-kuntest ta’ funzjonijiet amministrattivi speċifikament attribwiti lil dawn l-istituzzjonijiet mill-Artikolu 88(2) KE.

61      Jirriżulta mill-premessi kollha fuq imsemmija li, għall-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuni interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat fil-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat ma jiddisponux mid-dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni u, għalhekk, kellha tagħraf l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali fejn l-iżvelar tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv, fil-prinċipju, iwassal għal ħsara lill-protezzjoni tal-iskop ta’ attivitajiet ta’ ispezzjoni.

62      Din il-preżunzjoni ġenerali ma teskludix id-dritt ta’ dawn il-persuni interessati li juru li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku ogħla li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

63      Billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza u billi ddeċidiet b’mod żbaljat fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata, li ma kienx jidher b’mod manifest, f’dan il-każ, li hemm lok li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata minn TGI fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan mingħajr il-bżonn ta’ eżami konkret u individwali minn qabel ta’ dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

64      Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan l-ewwel aggravju mressaq mill-Kummissjoni għandha tintlaqa’ u għaldaqstant, għandha tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm lok li tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan l-aggravju u lanqas l-aggravji l-oħra invokati minnha insostenn tal-appell tagħha.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

65      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tiġi annullata s-sentenza appellata, tiddeċiedi hija stess fuq il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Għandu jiġi osservat li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

66      Ir-rikors ta’ TGI quddiem il-Qorti Ġenerali, sa fejn dan ma ġiex definittivament deċiż mill-Qorti Ġenerali, kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi din tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TGI u hija bbażata fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Insostenn ta’ dan il-motiv ta’ annullament, TGI qajmet bosta lmenti. L-ewwel nett, li l-Kummissjoni kienet irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba mingħajr ma pproċediet għal eżami konkret ta’ kull wieħed minnhom. It-tieni nett, il-konvenuta kienet ibbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq is-soluzzjonijiet ta’ ġurisprudenza dwar ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri kontra Stat Membru għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li ma jistgħux jitqabblu mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat. It-tielet nett, il-Kummissjoni kienet kisret id-dritt għal aċċess parzjali. Ir-raba’ nett, l-ibbilanċjar tal-interessi previsti fl-Artikolu 4(2) kellhom iwasslu għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

67      Issa, fir-rigward tal-ewwel parti, jirriżulta, mill-punti 61 u 63 ta’ din is-sentenza li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-applikazzjoni għal aċċess ippreżentata minn TGI fuq il-bażi ta’ dan ir-regolament, u dan mingħajr il-bżonn ta’ eżami konkret u individwali minn qabel ta’ dawn id-dokumenti.

68      Fin-nuqqas ta’ elementi li jirriżultaw mir-rikors, li jistgħu jirrifjutaw il-preżunzjoni ġenerali fuq imsemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, TGI ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni għandha tipproċedi għal tali eżami u għaldaqstant, din l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

69      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li t-tieni parti hija ineffettiva. Peress illi t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti, fil-prinċipju, li jiġi rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti li jikkostitwixxu l-fajl ta’ proċedura ta’ verifika ta’ għajnuna mill-Istat, motivazzjoni ta’ rifjut li hija wkoll ibbażata fuq aspetti relattivi għall-proċeduri kontra Stat Membru għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jagħmilx dan ir-rifjut irregolari.

70      It-tielet u r-raba’ partijiet, fihom infushom, huma bla bażi. Fil-fatt, fir-rikors tagħha TGI la ssostni liema parti mid-dokumenti msemmija mill-applikazzjoni tagħha ma kienet koperta mill-preżunzjoni ġenerali fuq imsemmija fil-punt 61 ta’ din is-sentenza u lanqas l-interess pubbliku ogħla li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti msemmija. Għalhekk, hekk kif jirriżulta mir-rikors tagħha, hija tinvoka biss l-interess tagħha bħala benefiċjarja tal-għajnuna mill-Istat ikkonċernat minn proċeduri ta’ verifika.

71      Konsegwentement, ir-rikors ippreżentat minn TGI quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata billi din tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istati mogħtija lil TGI għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 69 jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

73      Peress li l-appell tal-Kummissjoni ġie milqugħ u r-rikors ta’ TGI quddiem il-Qorti Ġenerali ġie miċħud, hemm lok li TGI tiġi kkundannata minbarra għall-ispejjeż tagħha, għall-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-każ ta’ dan l-appell, b’mod konformi mat-talbiet tal-Kummissjoni.

74      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punti 1 u 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tal-14 ta’ Diċembru 2006, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni (T‑237/02), huma annullati.

2)      Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej u li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-28 ta’ Mejju 2002, sa fejn dan jirrifjuta aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċeduri ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Technische Glaswerke Ilmenau GmbH, huwa miċħud.

3)      Technische Glaswerke Ilmenau GmbH hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għall-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-każ ta’ dan l-appell.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top