EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0047

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008.
Masdar (UK) Ltd vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE - Rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Komunità - Programmi ta’ għajnuna Komunitarja - Irregolaritajiet imwettqin mill-parti kontraenti tal-Kummissjoni - Servizzi pprovduti minn subappaltatur - Nuqqas ta’ ħlas - Riskji inerenti fl-attivitajiet ekonomiċi - Prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi - Obbligu ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni Komunitarja.
Kawża C-47/07 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09761

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:726

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Appell — It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE — Rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu tal-Komunità — Programmi ta’ għajnuna Komunitarja — Irregolaritajiet imwettqa mill-parti kontraenti tal-Kummissjoni — Servizzi pprovduti minn subappaltatur — Nuqqas ta’ ħlas — Riskji inerenti fl-attivitajiet ekonomiċi — Prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni Komunitarja”

Fil-Kawża C-47/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fil-31 ta’ Jannar 2007,

Masdar (UK) Ltd, stabbilita f’Eversley (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. P. Bentley, QC, u P. Green, barrister,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Enegren u M. Wilderspin, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič (Relatur) u T. von Danwitz, Presidenti tal-Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Frar 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Masdar (UK) Ltd (iktar ’il quddiem l-“appellanti” u “Masdar”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta’ Novembru 2006, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (T-333/03, Ġabra p. II-4377, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-kumpens tad-dannu li allegatament sofriet minħabba n-nuqqas ta’ ħlas għas-servizzi pprovduti minnha fil-kuntest ta’ proġetti Komunitarji ta’ għajnuna.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fil-bidu tas-sena 1994, fil-kuntest tal-programm Komunitarju ta’ Għajnuna Teknika għall-Commonwealth ta’ Stati Independenti (TACIS), ġie ffirmat kuntratt bejn il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-kumpannija Hellenic Management Investment Consultants SA (iktar ’il quddiem “Helmico”) sabiex jiġi eżegwit proġett fil-Moldavja. Dan il-kuntratt (iktar ’il-quddiem il-“kuntratt ta’ Moldova”) kien jagħmel parti mill-proġett intitolat “Għajnuna għall-Organizzazzjoni ta’ Assoċjazzjoni Privata tal-Bdiewa” (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ Moldova”).

3

F’April 1996, Helmico u Masdar iffirmaw kuntratt li bih Helmico ssubappaltat lil din tal-aħħar il-provvista ta’ x’uħud mis-servizzi previsti mill-kuntratt ta’ Moldova.

4

Fis-27 ta’ Settembru 1996, ġie ffirmat kuntratt ieħor bejn il-Kummissjoni u Helmico. Skont dan il-kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Russu”), Helmico aċċettat li tipprovdi servizzi fir-Russja fil-kuntest ta’ proġett intitolat “Sistema Federali ta’ Ċertfikazzjoni u tal-Ittestjar taż-Żerriegħa” (iktar ’il quddiem il-“proġett Russu”).

5

F’Diċembru 1996, Helmico u Masdar ikkonkludew subappalt għall-proġett Russu, sostanzjalment identiku għal dak iffirmat f’April 1996 fir-rigward tal-proġett ta’ Moldova.

6

Lejn l-aħħar tas-sena 1997, Masdar bdiet tinkwieta bid-dewmien fil-ħlas ta’ Helmico, li invokat l-iskuża li dan id-dewmien kellu jiġi attribwit lill-Kummissjoni. Masdar ikkuntattjat lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u saret taf li l-Kummissjoni kienet ħallset il-kontijiet kollha ta’ Helmico sa dik id-data. Minn tiftix iktar dettaljat Masdar skopriet li Helmico kienet informatha tard jew b’mod inkorrett bil-ħlas li hija kienet irċeviet mill-Kummissjoni.

7

Fit-2 ta’ Ottubru 1998, saret laqgħa bejn direttur ta’ Masdar u rappreżentanti tal-Kummissjoni.

8

Fil-5 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Helmico. F’din l-ittra, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet inkwetata bil-fatt li n-nuqqas ta’ qbil bejn din tal-aħħar u Masdar kien qed iqiegħed f’periklu t-tlestija tal-proġett Russu u enfasizzat li hija kienet tagħti importanza kbira lill-fatt li l-proġett Russu jirnexxi. Hija talbet lil Helmico tagħtiha assigurazzjonijiet taħt il-forma ta’ dikjarazzjoni ffirmata minn Helmico u minn Masdar. Din l-ittra kienet tippreċiża li jekk ma jkunx hemm din l-assigurazzjoni qabel it-Tnejn 12 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni kienet ser tirrikorri għal mezzi oħrajn sabiex tassigura t-tlestija tal-imsemmi proġett.

9

Fis-6 ta’ Ottubru 1998, Helmico rrispondiet lid-dipartimenti tal-Kummissjoni u sostniet li n-nuqqas ta ftehim kien ġie solvut. Din ir-risposta kienet tippreċiża li Helmico kienet waslet għal qbil ma’ Masdar li l-ħlasijiet kollha li kien għad iridu jsiru, inklużi dawk tal-kontijiet li l-ipproċessar tagħhom kien għadu għaddej f’dak li kien jikkonċerna l-proġett Russu, kienu ser jitqiegħdu f’kont bankarju indikat minn Masdar u mhux fil-kont bankarju ta’ Helmico. Din l-ittra kienet tinkludi wkoll il-kitba bl-idejn: “Approvata, S. Masdar, fis-6 ta’ Ottubru 1998”. Helmico bagħtet ittra miktuba fl-istess termini, bid-data tal-istess ġurnata u kkontrafirmata mill-president ta’ Masdar, lill-Kummissjoni dwar ammonti li għandhom jitħallsu fil-kuntest tal-kuntratt ta’ Moldova.

10

Fis-7 ta’ Ottubru 1998, Helmico bagħtet lill-Kummissjoni żewġ ittri oħrajn, li wkoll kienu ffirmati minn S f’isem Masdar. Il-kontenut tagħhom kien identiku għal dak tal-ittri tas-6 ta’ Ottubru, ħlief għall-fatt li l-ittra rigward il-kuntratt Russu ma kienet issemmi l-ebda kont bankarju, filwaqt li l-ittra rigward il-kuntratt ta’ Moldova kienet tindika numru ta’ kont bankarju f’isem Helmico f’Ateni għall-ħlasijiet futuri.

11

Fit-8 ta’ Ottubru 1998, Helmico kitbet żewġ ittri lill-amministraturi tal-proġetti kkonċernati tad-dipartiment tal-“kuntratti” tal-Kummissjoni sabiex titlobhom jagħmlu l-ħlasijiet kollha li kien għad fadal isiru fil-kuntest tal-kuntratt Russu u ta’ Moldova f’kont differenti f’isem Helmico f’Ateni.

12

F’din l-istess data, Helmico u Masdar iffirmaw ftehim li ta prokura lill-president ta’ Masdar, sabiex jittrasferixxi fondi miż-żewġ kontijiet imsemmija fl-ittri tas-7 u tat-8 ta’ Ottubru 1998, indirizzati lill-Kummissjoni.

13

Fl-10 ta’ Novembru 1998, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport tagħha ta’ tmiem il-proġett dwar il-proġett Russu. Mis-sitt taqsimiet suġġetti għal evalwazzjoni, erbgħa rċevew l-evalwazzjoni “eċċellenti”, waħda minnhom “tajjeb” u l-oħra “ġeneralment sodisfaċenti”. Fis-26 ta’ Frar 1999, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapport tat-tmiem tal-proġett li jikkonċerna l-proġett ta’ Moldova, li għalih tnejn mit-taqsimiet suġġetti għall-evalwazzjoni rċevew “tajjeb” u l-erbgħa l-oħra “ġeneralment sodisfaċenti”.

14

Fid-29 ta’ Lulju 1999, id-dipartimenti tal-Kummissjoni bagħtu ittra lil Masdar li fiha indikaw li l-Kummissjoni, peress li ġiet informata li kien hemm irregolaritajiet finanzjarji bejn Helmico u Masdar waqt l-eżekuzzjoni tal-kuntratt Russu u dak ta’ Moldova, kienet issospendiet il-ħlasijiet kollha li kienu għadhom ma sarux. Peress li kienet taf bid-diffikultajiet finanzjarji ta’ Masdar, il-Kummissjoni għarrfitha li hija se tqiegħed, fil-kuntest tal-proġett Russu, depożitu ta’ EUR 200000 fil-kont ta’ Helmico msemmi fl-istruzzjonijiet mibgħuta minn din il-kumpannija bid-data tat-8 ta’ Ottubru 1998. L-ammont ta’ EUR 200000 ġie ttrasferit fix-xahar ta’ Awwissu 1999 f’dan il-kont, u wara ġie ttrasferit fil-kont ta’ Masdar.

15

Bejn Diċembru 1999 u Marzu 2000, il-president ta’ Masdar kiteb lil diversi uffiċjali tal-Kummissjoni, kif ukoll lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Barranin, Patten. Fost id-diversi kwistjonijiet li tqajmu kien hemm dik tas-servizzi pprovduti minn Masdar.

16

Fit-22 ta’ Marzu 2000, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment Komuni tar-Relazzjonijiet Esterni tal-Kummissjoni kiteb lill-president ta’ Masdar sabiex jinformah b’dan il-ġej:

“Wara konsultazzjonijiet intensivi (li fihom diversi possibbiltajiet ġew ikkunsidrati, fosthom il-likwidazzjoni finali taż-żewġ kuntratti permezz ta’ ħlasijiet addizzjonali favur Masdar, ikkalkulati skont ix-xogħlijiet magħmula u l-ispejjeż inkorsi minnkom), id-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-aħħar iddeċidew li jirkupraw il-fondi li tħallsu preċedentement lill-parti kontraenti, Helmico. Fuq il-livell ġuridiku, jidher li l-ħlasijiet kollha li saru direttament lil Masdar (anki permezz tal-kont bankarju ta’ Helmico li għalih inti għandek prokura) huma kkunsidrati, fil-każ tal-insolvenza ta’ Helmico, bħala att kollużiv mill-amministraturi jew kredituri ta’ Helmico; barra dan, mhuwiex ċert li f’każ ta’ kawża bejn Helmico u Masdar, il-fondi mħallsa mill-Kummissjoni Ewropea jibqgħu definittivament miżmuma minn Masdar, kif tixtieq il-Kummissjoni.”

17

Fit-23 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni kitbet lil Helmico sabiex tinformaha bir-rifjut tagħha li tħallas il-kontijiet sospiżi u sabiex titlobha tħallas lura ammont totali ta’ EUR 2091168.07. Il-Kumissjoni ħadet din l-inizjattiva wara li skopriet li Helmico kienet aġixxiet b’mod frawdolenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ Moldova u dak Russu.

18

Fil-31 ta’ Marzu 2000, Masdar ressqet rikors kontra Helmico quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, li permezz tiegħu hija talbet il-ħlas għal servizzi pprovduti b’subappalt fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ Moldova u dak Russu għall-ammont totali ta’ EUR 453000. Dan ir-rikors ġie sospiż għal tul ta’ żmien indefinit.

19

Fl-4 ta’ April 2000, il-Kumissjoni stabbilixxiet żewġ ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali mibgħuta lil Helmico skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-21 ta’ Diċembru 1977, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1), kif kien fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti.

20

Matul is-snin 2000 u 2001, Masdar għamlet kuntatt mal-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibbiltà li hija titħallas direttament għax-xogħlijiet magħmula u li bagħtet l-irċevuti għalihom lil Helmico. Ġew miżmuma diversi laqgħat f’dan ir-rigward bejn l-avukati ta’ Masdar u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

21

Fis-16 ta’ Ottubru 2001, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrispondew li l-informazzjoni ġiet mibgħuta lid-dipartimenti kompetenti tad-Direttorat Ġenerali “Baġit”, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u lit-Taqsima Finanzjarja u Kuntrattwali li tieħu ħsieb il-programmi TACIS u li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu ser jieħdu l-passi meħtieġa sabiex ifittxu lid-diretturi ta’ Helmico.

22

Fl-1 ta’ Frar 2002, f’risposta bil-miktub għat-talba magħmula mill-avukati ta’ Masdar, id-dipartimenti tal-Kummissjoni spjegaw li fl-4 ta’ April 2000 kienu nħarġu żewġ ordnijiet ta’ rkupru uffiċjali għall-attenzjoni ta’ Helmico, waħda li tikkonċerna l-kuntratt ta’ Moldova għal ammont ta’ EUR 1236200.91 u l-oħra dwar il-kuntratt Russu għal ammont ta’ EUR 854967.16 jiġifieri total ta’ EUR 2091168.07.

23

Fit-18 ta’ Frar 2003 saret laqgħa ġdida bejn l-avukati ta’ Masdar u d-dipartimenti tal-Kummissjoni.

24

Fit-23 ta’ April 2003, l-avukati ta’ Masdar bagħtu lid-dipartimenti tal-Kummissjoni ittra rreġistrata li tispiċċa bid-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jekk id-dipartimenti tal-Kummissjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jressqu, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju 2003, proposta konkreta għall-ħlas tal-klijenta tagħna għas-servizzi pprovduti, ser isir rikors għal kumpens kontra l-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikoli 235 KE u 288 [KE] […]”

25

B’faks tal-15 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni pproponiet lill-avukati ta’ Masdar laqgħa sabiex jintlaħaq ftehim bejniethom li jipprovdi li l-Kummissjoni tħallas lill-appellanti s-somma ta’ EUR 249314.35 għal xogħlijiet li saru wara l-iskoperta tal-irregolaritajiet imwettqa minn Helmico, jekk Masdar iġġib il-prova ta’ ftehim li jipprevedi li hija ser tiġi mħallsa direttament mill-Kummissjoni jekk tkun lestiet il-proġett Russu u dak ta’ Moldova.

26

B’ittra rreġistrata tat-23 ta’ Ġunju 2003, l-avukati ta’ Masdar irrispondew lid-dipartimenti tal-Kummissjoni li huma kienu qed jirrifjutaw li jkomplu n-negozjati u spjegaw it-talba ta’ Masdar fid-dettall kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom hija taċċetta li tieħu sehem f’laqgħa.

27

Din l-ittra rreġistrata ġiet segwita b’faks tat-3 ta’ Lulju 2003 li fiha l-avukati ta’ Masdar kienu talbu r-risposta tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li tiġi organizzata, qabel il-15 ta’ Lulju 2003, laqgħa bil-kundizzjonijiet proposti u li jekk din il-laqgħa ma ssirx, kien ser jitressaq rikors fil-Qorti tal-Prim’Istanza.

28

B’ittra tat-22 ta’ Lulju 2003, id-dipartimenti tal-Kummissjoni rrispondew li huma ma setgħux jaċċettaw t-talba ta’ ħlas ta’ Masdar.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

29

Fit-30 ta’ Settembru 2003, Masdar ippreżentat rikors għal kumpens quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikkiment indebitu (de in rem verso), il-prinċipju ta’ negotiorum gestio, ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u, fl-aħħar nett, il-fatt li l-atti tal-Kummissjoni jikkostitwixxu tort jew negliġenza li kkawżawlha ħsara.

30

Fis-6 ta’ Ottubru 2005, inżammet laqgħa informali, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju tal-kawża.

31

Fit-tmiem tas-seduta, li nżammet ukoll fl-istess jum, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat lill-partijiet terminu li jiskadi fit-30 ta’ Novembru 2005 sabiex jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta’ tali ftehim tal-kawża.

32

B’ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li l-ftehim bonarju previst ma setax jirnexxi bejn il-partijiet.

33

Wara li ġie nnotat fil-punt 69 tas-sentenza appellata li “it-talba għal kumpens tar-rikorrenti hija bbażata, minn naħa, fuq regoli ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li ma jimplikawx aġir illegali min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji jew tal-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom (l-arrikkiment indebitu u n-negotiorum gestio) u, min-naħa l-oħra, fuq sistema ta’ regoli ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha u tal-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u t-tort jew negliġenza tal-Kummissjoni)”, il-Qorti tal-Prim’Istanza, qabel kollox, ċaħdet l-argumenti bbażati fuq arrikkiment indebitu u negotiorum gestio, għar-raġunijiet li ġejjin:

“91

[…] s-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, kif prevista fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali, ma jkunx fiha neċessarjament il-kundizzjoni dwar l-illegalità jew tat-tort fl-aġir tal-konvenut. L-azzjonijiet ibbażati fuq l-arrikkiment indebitu jew n-negotiorum gestio huma maħluqa sabiex, f’ċirkustanzi partikolari fid-dritt ċivili, jipprovdu sors ta’ obbligu mhux kuntrattwali għal dak li jinsab fil-pożizzjoni tal-persuna arrikkita jew tal-parti interessata, li bħala regola ġenerali jikkonsisti, rispettivament, fl-għoti lura ta’ dak li jkun irċevut mingħajr dritt, jew fil-ħlas ta’ kumpens lill-amministratur.

92

Għalhekk, ma jirriżultax illi dawn il-motivi bbażati fuq l-arrikkiment indebitu u n-negotiorum gestio, imressqa mir-rikorrenti, għandhom ikunu miċħuda biss għar-raġuni li l-kundizzjoni ta’ l-illegalità ta’ l-aġir ta’ l-istituzzjoni ma ġietx sodisfatta, kif ssostni prinċipaliment il-Kummissjoni.

93

[…] it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu għall-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha mingħajr ma jillimita s-sistema tar-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità għar-responsabbilità minħabba tort biss. […]

[…]

95

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ l-azzjoni de in rem verso jew dawk ta’ l-azzjoni bbażata fuq in-negotiorum gestio humiex kollha preżenti f’din il-kawża, sabiex jiġi deċiż jekk dawn il-prinċipji jistgħux jiġu applikati.

96

F’dan ir-rigward, għandu […] jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, illi, fil-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża, l-azzjonijiet ibbażati fuq l-arrikkiment indebitu jew n-negotiorum gestio ma jistgħux jirnexxu.

97

Fil-fatt, skond il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri, dawn l-azzjonijiet ma jistgħux jiġu eżerċitati meta l-benefiċċju tal-persuna arrikkita jew tal-parti interessata jistgħu jkunu ġġustifikati f’kuntratt jew f’obbligu legali. Barra minn dan, skond dawn l-istess prinċipji, dawn l-azzjonijiet ma jistgħux ġeneralment ikunu użati jekk mhux sussidjarjament, jiġifieri fil-każ li l-persuna leża ma tistax tiddisponi, sabiex tikseb dak li hu dovut lilha, minn ebda azzjoni oħra.

98

F’din il-kawża huwa paċifiku li hemm relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u Helmico, minn naħa, u bejn din ta’ l-aħħar u r-rikorrenti, min-naħa l-oħra. Id-dannu dirett allegat jikkorrispondi għar-rimunerazzjoni dovuta lir-rikorrenti minn Helmico skond kuntratti ta’ subappalt konklużi bejn dawn iż-żewġ partijiet, li f’dan ir-rigward għandhom klawsola ta’ arbitraġġ, li tindika li l-qrati Ingliżi u ta’ Wales ikunu kompetenti għal kwistjonijiet kuntrattwali li jistgħu jinqalgħu. Huwa għalhekk manifestament ċar li huwa obbligu ta’ Helmico li tħallas lir-rikorrenti għax-xogħlijiet magħmula minnha, u li tassumi r-responsabbilità eventwali, li tirriżulta minn nuqqas ta’ ħlas, kif jidher barra minn hekk mill-kawża li r-rikorrenti fetħet kontra Helmico għal dan il-għan, u li hija bħalissa pendenti, għalkemm sospiża, quddiem il-High Court of Justice. Il-falliment eventwali ta’ Helmico ma jiġġustifikax li l-Kummissjoni tieħu din ir-responsabbiltà, peress li r-rikorrenti ma jistax ikollha żewġ sorsi għall-istess dritt ta’ rimunerazzjoni. Fil-fatt, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta, u dan mhuwiex ikkontestat mill-partijiet, li din il-kawża quddiem il-High Court of Justice tirrigwarda l-ħlas tas-servizzi li jitratta dwarhom dan ir-rikors.

99

Minn dan jirriżulta li arrikkiment eventwali tal-Kummissjoni jew ftaqir tar-rikorrenti, peress li joriġina mill-kuntest kuntrattwali stabbilit, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala indebitu.

100

[…] Il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ l-azzjoni ċivili bbażata fuq in-negotiorum gestio mhumiex manifestament sodisfatti għar-raġunijiet li ġejjin.

101

Għandu jiġi nnotat illi l-eżekuzzjoni, mir-rikorrenti, ta’ l-obbligi kuntrattwali fir-rigward ta’ Helmico ma tistax tikkwalifika validament bħala intervent tajjeb fl-affarijiet ta’ ħaddieħor li għandhom jkunu bil-fors amministrati, kif teżiġi l-azzjoni in kwistjoni. […] Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti huwa wkoll kontradittorju għall-prinċipji ta’ negotiorum gestio f’dak li jikkonċerna l-għarfien tal-parti interessata ta’ l-azzjoni ta’ l-amministratur. Fil-fatt, l-azzjoni ta’ l-amministratur issir b’mod ġenerali mingħajr ma tkun taf il-parti interessata, jew għall-inqas mingħajr ma’ din ta’ l-aħħar tkun konxja tal-bżonn li taġixxi immedjatament. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni hija stess illi l-għażla tagħha li tkompli x-xogħlijiet f’Ottubru 1998 tirriżulta mit-tħeġġiġ tal-Kummissjoni.

102

Mhuwiex mingħajr interess li jiġi osservat aktar minn hekk illi, skond il-ġurisprudenza, huma l-operaturi ekonomiċi stess li għandhom ibatu r-riskji ekonomiċi inerenti fl-attivitajiet tagħhom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża […].

103

Madankollu, ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti sofriet dannu mhux normali jew speċjali, li jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi u kummerċjali inerenti għall-attività tagħha. F’kull relazzjoni kuntrattwali, jeżisti ċertu riskju li parti ma teżegwix il-kuntratt b’mod sodisfaċenti, jew hi stess tfalli. Huma l-partijiet kontraenti li jikkumpensaw dan ir-riskju b’mod adatt fl-istess kuntratt. Ir-rikorrenti ma injoratx illi Helmico ma wettqitx l-obbligi tagħha kuntrattwali, iżda għażlet b’għarfien sħiħ li tkompli twettaq l-obbligi tagħha, minflok ma teżerċita rikors formali. Meta għamlet hekk, hija ħadet riskju kummerċjali li wieħed ma jistax isejjaħlu normali. […]”

34

Imbagħad, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll il-motivi l-oħrajn ta’ Masdar. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argumenti bbażati fuq ksur tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għar-raġunijiet li ġejjin:

“119

[…] id-dritt li wieħed jeżiġi l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi […] jestendi għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, l-amministrazzjoni Komunitarja toħloq fih tamiet fondati. Irrispettivament mill-forma li biha hija kkomunikata, informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet, konsistenti u li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom, tammonta għal tali assigurazzjonijiet […]. Huwa stabbilit ukoll mill-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi regola ta’ dritt li tagħti drittijiet lill-individwi […]. Il-Komunità tista’ tinżamm responsabbli jekk ikun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju. Il-fatt jibqa’ li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ibatu r-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet tagħhom skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża […].

120

Mill-proċess jirriżulta li t-tamiet allegati mir-rikorrenti jirrigwardaw il-ħlas, mill-Kummissjoni, tas-servizzi pprovduti kuntrattwalment lil Helmico. F’din il-kawża għandu jiġi kkonstatat illi d-dokumenti bil-miktub, li nħarġu mill-Kummissjoni u li huma għand il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jistgħu bl-ebda mod jiġu interpretati bħala assigurazzjonijiet preċiżi li fihom il-Kummissjoni impenjat ruħha li tħallas għas-servizzi tar-rikorrenti, li jistgħu joħolqu fiha tamiet fondati.”

35

Fil-punti 121 sa 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat l-osservazzjoni magħmula fil-punt 120 tal-imsemmija sentenza fuq eżami dettaljat tal-provi tal-proċess.

36

Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ diliġenza tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat dan li ġej:

“140

Min-noti tar-rikorrenti jirriżulta li l-aġir ikkritikata bih il-Kummissjoni huwa s-sospensjoni tal-ħlasijiet lil Helmico. L-illegalità ta’ dan l-aġir tikkonsisti f’nuqqas ta’ diliġenza raġonevoli min-naħa tal-Kummissjoni sabiex tassigura illi, billi pproċediet għal din is-sospensjoni, hija ma kkawżatx dannu lil terzi persuni u, jekk dan ikun il-każ, sabiex tikkumpensa lil terzi persuni għad-dannu li jkunu sofrew.

141

[…] l-ewwel nett, […] r-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li dan id-dmir ta’ diliġenza jeżisti mingħajr ma ġġib l-iċken prova jew tiżviluppa argumentazzjoni legali sabiex issostni t-teżi tagħha jew mingħajr ma tippreċiża s-sors u l-portata ta’ dan id-dmir. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra illi referenza f’termini vagi ħafna għal prinċipji ġenerali ta’ responsabbilità mhux kuntrattwali minħabba tort fis-seħħ fis-sistemi ta’ dritt ċivili u responsabbiltà għal delitt minħabba negliġenza fis-seħħ fil-pajjiżi Anglo-Sassoni ma jkunx biżżejjed sabiex juri illi hemm obbligu għall-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-interessi ta’ terz persuna meta tittieħed deċiżjoni dwar is-sospensjoni ta’ ħlasijiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha. […] Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata ukoll […] li r-rikorrenti ma wrietx li hemm rabta kawżali bejn il-ksur ta’ l-obbligu allegat u d-dannu invokat.[…]”

It-talbiet tal-partijiet

37

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas lill-appellanta tas-somma ta’ EUR 448947.78mitluba mill-appellanti fl-ewwel istanza jew, fin-nuqqas ta’ dan, is-somma ta’ EUR 249314.35jew kwalunkwe somma oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija xierqa, flimkien mal-imgħax fuq is-somma magħżula;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża u tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

38

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, fl-intier tagħha jew parzjalment, tiċħad it-talba ta’ l-appellanta għal kumpens monetarju;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż ta’ din il-kawża u tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talbiet tal-appellanti, tikkundanna lill-appellanti għal terz tal-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

Fuq l-appell

39

L-appellanti tqajjem, essenzjalment, ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni tal-arrikkiment indebitu, it-tieni nett, fuq żnaturament tal-fatti u fuq żball ta’ liġi fl-eżami tal-kwistjoni tan-negotiorum gestio, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u inkoerenza fil-motivazzjoni, ir-raba’ nett fuq eżami żbaljat tal-motiv ibbażat fuq tort jew negliġenza u, il-ħames nett, fuq eżami inkomplet tal-fatti.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni tal-arrikkiment indebitu.

L-argumenti tal-partijiet

40

L-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li żbaljat meta kkunsidrat li hija kienet sempliċement aġixxiet skont l-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront ta’ Helmico.

41

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx parti kontraenti ordinarja ta’ Helmico iżda kellha setgħat ta’ rkupru. Meta, inizjalment, ħalliet lill-appellanti tlesti x-xogħlijiet u meta eżerċitat, sussegwentement, is-setgħat tagħha ta’ rkupru, il-Kummissjoni, billi neħħiet l-effett prattiku tar-relazzjonijiet kuntrattwali li kienu jeżistu qabel, ġiet arrikkita indebitament.

42

Il-Kummissjoni tosserva li l-appellanti ma tterminatx il-kuntratti tagħha ma’ Helmico.

43

F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonstatat, fil-punti 97 sa 99 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma ġietx arrikkita indebitament, peress li l-benefiċċju tagħha oriġina mill-kuntratt li kien hemm bejnha u Helmico u li l-appellanti kienet obbligata li taġixxi skont il-kuntratt ta’ subappalt li hija kienet ikkonkludiet ma’ din l-istess kumpannija.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Skont il-prinċipji komuni għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, persuna li sofriet telf li jarrikkixxi l-patrimonju ta’ persuna oħra mingħajr l-eżistenza ta’ bażi ġuridika għal dan l-arrikkiment għandha, bħala regola ġenerali, dritt għal restituzzjoni, f’ammont ugwali għat-telf, mill-persuna arrikkita.

45

F’dan ir-rigward, kif osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-azzjoni bbażata fuq l-arrikkiment indebitu kif prevista fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali, ma tinkludix kundizzjoni marbuta ma’ illegalità jew tort fl-aġir tal-konvenuta.

46

Bil-kontra, sabiex din l-azzjoni tintlaqa’, huwa essenzjali li l-arrikkiment ma jkollu l-ebda bażi legali valida. Din il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta, b’mod partikolari, meta l-arrikkiment huwa bbażat fuq obbligi kuntrattwali.

47

Peress li l-arrikkiment indebitu, kif iddefinit hawn fuq, jikkostitwixxi sors ta’ obbligu mhux kuntrattwali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, il-Komunità ma tistax tevita l-applikazzjoni ta’ dawn l-istess prinċipji fir-rigward tagħha meta persuna fiżika jew ġuridika tallega li l-istess Komunità ġiet arrikkita indebitament għad-detriment tagħha.

48

Barra minn hekk, peress li kull obbligu li jirriżulta minn arrikkiment indebitu huwa neċessarjament ta’ natura mhux kuntrattwali, għandha tingħata l-possibbiltà, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet f’din il-kawża, li huwa jiġi invokat skont l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

49

Ċertament, ir-rikors ibbażat fuq arrikkiment indebitu ma jaqax taħt is-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali fis-sens strett tagħha, li l-involviment tagħha jiddependi mis-sodisfazzjoni ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-illegalità tal-aġir attribwit lill-Komunità, mar-realtà tad-dannu u mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu allegat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). L-imsemmi rikors huwa differenti minn rikorsi ppreżentati skont l-imsemmija sistema sa fejn ma jeżiġix il-prova ta’ aġir illegali tal-konvenut, u lanqas is-sempliċi eżistenza ta’ aġir, iżda biss il-prova ta’ arrikkiment mingħajr bażi legali valida tal-konvenut u l-ftaqir tar-rikorrent minħabba l-imsemmi arrikkiment.

50

Madankollu, minkejja dawn il-karatteristiċi, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra l-Komunità bbażat fuq l-arrikkiment indebitu ma tistax tiġi miċħuda lil individwu għas-sempliċi raġuni li t-Trattat KE ma jipprevedix b’mod espliċitu rimedju legali għal dan it-tip ta’ azzjoni. Interpretazzjoni tal-Artikoli 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE li teskludi din il-possibbiltà twassal għal riżultat li jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva, stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1) (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 335).

51

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet preliminari li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqitx żbalji meta eżaminat il-kwistjoni tal-arrikkiment indebitu.

52

Mis-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argumenti tal-appellanti għar-raġuni li kienu jeżistu relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u Helmico, minn naħa, u bejn din tal-aħħar u l-appellanti, min-naħa l-oħra. Minn dan il-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li kwalunkwe arrikkiment tal-Kummissjoni jew ftaqir tal-appellanti oriġina mill-kuntest kuntrattwali stabbilit u ma jistax jiġi deskritt bħala “indebitu”.

53

Barra minn hekk, skont il-qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti kellha mezz alternattiv sabiex tikseb dak li kien dovut lilha, peress li hija setgħet, skont il-kuntratti ta’ subappalt tagħha konklużi ma’ Helmico, tippreżenta kontra din tal-aħħar rikors għal responsabbiltà kuntrattwali quddiem il-qrati Ingliżi u ta’ Wales indikati fl-imsemmija kuntratti.

54

Kif ġie osservat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, huwa minnu li arrikkiment indebitu ma jistax jiġi deskritt bħala “indebitu” jekk huwa bbażat fuq obbligi kuntrattwali.

55

Meta, bil-kontra, kuntratti li taħthom jiġu pprovduti servizzi jirriżultaw invalidi u ma jibqgħux jeżistu, l-arrikkiment tal-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi għandu, skont il-prinċipji żviluppati fis-sistemi legali tal-Istati Membri, jagħti lok, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal restituzzjoni.

56

Mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat taħt liema kundizzjonijiet, f’din l-aħħar ipoteżi, hija dovuta din ir-restituzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat korrettement id-distinzjoni, indikata hawn fuq, bejn arrikkimenti li jirriżultaw minn relazzjonijiet kuntrattwali u arrikkimenti “indebiti”.

57

Għar-raġunijiet esposti mill-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkunsidra li l-kuntratti konklużi bejn il-Kummissjoni u Helmico minn naħa u bejn din tal-aħħar u l-appellanti min-naħa l-oħra, ma kinux waqfu jeżistu. Il-Qorti tal-Prim’istanza ddeduċiet, ġustament, minn dan il-fatt li ma setax jeżisti obbligu mhux kuntrattwali għall-Komunità li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż magħmula mill-appellanti sabiex tlesti l-proġett Russu u dak tal-Moldovja.

58

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-appellanti, filwaqt li kienet taf li Helmico ma kinitx qed tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha, kienet għażlet b’għarfien sħiħ li tkompli twettaq l-obbligi tagħha. Hija fakkret ukoll li l-appellanti kienet, skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fil-kuntratti tagħha konklużi ma’ Helmico, bdiet proċedura ġudizzjarja kontra tagħha.

59

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, ġustament, li kull relazzjoni kuntrattwali tinvolvi riskju li parti ma teżegwixxix il-kuntratt b’mod sodisfaċenti jew li hija ssir insolventi. Dan hu riskju kummerċjali inerenti fl-attivitajiet tal-operaturi ekonomiċi.

60

Dan l-aħħar element għandu importanza partikolari fil-kuntest tal-programmi Komunitarji ta’ għajnuna. Mhuwiex rari, fil-fatt, li l-parti kontraenti li tiġi fdata bi proġett mill-Kummissjoni, tillimita ruħha għall-ġestjoni tiegħu u tiddelega l-eżekuzzjoni tal-proġett lil subappaltaturi li jaħdmu huma wkoll, fejn xieraq, ma’ impriżi ta’ subappalt. F’tali kuntest, kull operatur ekonomiku involut fil-proġett għandu jaċċetta r-riskju li l-parti kontraenti tiegħu ssir insolventi jew twettaq irregolaritajiet li jwasslu għal sospensjoni tal-ħlasijiet mill-Kummissjoni, jew saħansitra għal ordnijiet ta’ rkupru. F’dawn il-kundizzjonijiet ma jistax jiġi ammess faċilment li t-telf li jirriżulta mill-fatt li dan ir-riskju jsir realtà għandu jagħti lok għal ħlasijiet ad hoc mill-Kummissjoni.

61

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi jew nuqqas ta’ motivazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni rigward l-arrikkiment indebitu. L-ewwel aggravju għandu għalhekk jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju bbażat fuq żnaturament tal-fatti u fuq żball ta’ liġi fl-eżami tal-kwistjoni tan-negotiorum gestio

L-argumenti tal-partijiet

62

Skont l-appellanti, ir-raġunament żviluppat fis-sentenza appellata fuq il-kwistjoni tan-negotiorum gestio huwa żbaljat fil-fatt u fil-liġi.

63

Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jgħidu li l-intervent tal-appellanti ma kienx mingħajr interess u li l-Kummissjoni kienet kapaċi tamministra l-proġetti, huma manifestament żbaljati.

64

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju tan-negotiorum gestio jista’ jiġi applikat biss meta l-prinċipal ikun jaf bin-neċessità ta’ aġir.

65

Il-Kummissjoni tosserva li l-konstatazzjoni, fil-punti 97 u ta’ wara tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienet aġixxiet skont il-kuntratti tagħha ma’ Helmico, hija biżżejjed sabiex l-argumenti relatati man-negotiorum gestio jiġu miċħudin.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

Mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tatx deskrizzjoni ġuridika korretta tal-azzjoni bbażata fuq in-negotiorum gestio, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ppreżentati mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju, kull kif, ma jistgħux jintlaqgħu.

67

L-ewwel nett, l-appellanti ma tistax issostni validament li s-servizzi tagħha kienu mingħajr interess. Fil-fatt, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti enfasizzat li huwa minħabba li hija kienet qed tassumi li l-Kummissjoni kienet tatha garanzija tar-remunerazzjoni għas-servizzi tagħha li hija kompliet tipprovdihom wara li ġew skoperti l-irregolaritajiet imwettqa minn Helmico. Diġà għal din ir-raġuni biss, ma jistax jiġi konstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żnaturament tal-fatti meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ intervent mingħajr interess.

68

Imbagħad, rigward l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnautrat il-fatti meta kkonstatat li l-Kummissjoni kienet kapaċi tamministra l-proġetti, biżżejjed jiġi osservat li l-appellanti ma ressqitx provi li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tkompli tassigura l-ġestjoni tal-programm jew tal-proġetti inkwistjoni.

69

Fir-rigward, fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq żball ta’ liġi, għandu jiġi osservat li, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li, “b’mod ġenerali”, l-azzjoni ta’ amministratur issir mingħajr ma jkun jaf il-prinċipal, jew għall-inqas mingħajr ma’ dan tal-aħħar ikun konxju min-neċessità ta’ azzjoni immedjata. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ma eskludietx li l-prinċipju tan-negotiorum gestio jista’ jiġi invokat f’ċirkustanzi fejn il-prinċipal ikun konxju minn tali neċessità.

70

Għalhekk it-tieni aggravju tal-appell għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbaażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fuq inkoerenza fil-motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

71

L-appellanti ssostni li teżisti inkoerenza bejn il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza rigward l-arrikkiment indebitu u n-negotiorum gestio, minn naħa, u dawk rigward il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, min-naħa l-oħra.

72

Hija tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ħeġġet lill-appellanti sabiex tkompli tforni servizzi u, fil-punt 148 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni u l-appellanti wrew rieda komuni li din tal-aħħar tlesti l-proġetti u titħallas. Għalhekk, il-konklużjoni, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li tgħid li “[h]emm lok li jiġi konkluż illi l-provi disponibbli, eżaminati separatament jew flimkien, ma jidhrux li huma assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-Kummissjoni li jistgħu joħloqu tamiet fondati fir-rikorrenti li jippermettulha tuża l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”, hija manifestament żbaljata.

73

Sussidjarjament, l-appellanti ssostni li l-kriterju użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza huwa wisq restrittiv f’każijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fehma tagħha, għandha tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi peress li l-aġir tal-istituzzjoni Komunitarja huwa tali li jħeġġeġ lil subappaltatur sabiex jipprovdi servizzi lill-istituzzjoni f’ċirkustanzi fejn sar ċar li dan is-subappaltatur mhuwiex ser jiġi rremunerat mill-parti kontraenti prinċipali.

74

Il-Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li dan l-aggravju jikkonċerna kwistjonijiet ta’ fatt u huwa, għaldaqstant, inammissibbli.

75

Imbagħad, fir-rigward tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat fid-dettall, minn naħa, jekk id-dokumenti bil-miktub tal-Kummissjoni setgħux jiġu interpretati bħala assigurazzjonijiet preċiżi li hija ser tkun responsabbli għall-ħlas u, min-naħa l-oħra, jekk il-provi jissuġġerux li tali assigurazzjonijiet preċiżi ngħataw waqt il-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998..

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

Dan l-aggravju huwa ammissibbli wkoll sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, l-argumenti tal-appellanti f’dan ir-rigward m’għandhomx bħala suġġett il-konstatazzjoni ta’ ċerti fatti, iżda jirrigwardaw il-kriterju użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju. Il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza applikatx ir-regola ġuridika l-korretta waqt l-eżami tal-fatti hija kwistjoni ta’ liġi (sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

78

Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-aggravju għandu jiġi eżaminat fil-mertu.

79

Qabel kollox, fir-rigward tal-allegata inkoerenza fil-motivazzjoni, l-appellanti ssostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni kellha l-istess għan bħal Masdar, jiġifieri t-twettiq sħiħ tal-proġetti li hija kienet ipprevediet inizjalment, u li hija kienet ħajjret lil din tal-aħħar sabiex tkompli tipprovdi servizzi, tikkontradixxi l-konklużjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet assigurazzjonijiet preċiżi.

80

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Kif osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 120 tas-sentenza appellata, l-assigurazzjonijiet preċiżi allegati mill-appellanti kienu jirrigwardaw biss il-ħlas mill-Kummissjoni għas-servizzi li Masdar kienet ipprovdiet lil Helmico. Il-fatt, ikkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’parti oħra tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, peress li xtaqet li l-proġetti jitwettqu bħalma kien previst, kienet ħajjret lill-appellanti sabiex tkompli tipprovdi servizzi, ma juri manifestament l-ebda rabta mal-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kienet impenjat ruħha li tirremuneraha direttament. Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm inkoerenza bejn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ix-xewqat espressi mill-Kummissjoni rigward it-twettiq tal-proġetti minn naħa u dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tirremunera direttament lill-appellanti min-naħa l-oħra.

81

Imbagħad, fir-rigward tal-kriterju msemmi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, għall-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi osservat li dan jikkorrispondi għal ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-imsemmi prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lilu mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 147, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, AER vs Karatzoglou, C-213/06 P, Ġabra p. I-6733, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

L-appellanti ssostni li l-kundizzjoni ta’ assigurazzjonijiet preċiżi għandha tiġi applikata b’ċerta flessibbiltà f’każijiet bħal dak fil-kawża prinċipali. Jeżistu aspettattivi leġittimi meta l-aġir tal-istituzzjoni Komunitarja huwa tali li jħajjar lil subappaltatur sabiex jipprovdi servizzi favur l-istituzzjoni f’ċirkustanzi fejn ikun sar ċar li dan is-subappaltatur mhux ser jiġi rremunerat mill-parti kontraenti tal-Komunità.

83

Dan l-argument ma’ jistax jintlaqa’.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta’ programmi ta’ għajnuna mfassla mil-leġiżlazzjoni Komunitarja tistrieħ fuq l-eżekuzzjoni mill-parti kontraenti tal-Kummissjoni ta’ serje ta’ obbligi li jagħtuha dritt għall-ħlas tal-għajnuna finanzjarja prevista. Fil-każ li l-parti kontraenti ma tkunx eżegwiet il-proġett skont il-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett l-għoti tal-għajnuna finanzjarja, hija ma tistax tinvoka l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi sabiex tikseb il-ħlas tal-imsemmija għajnuna finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C-383/06 sa C-385/06, Ġabra p. I-1561, punt 56).

85

Dan jippermetti lill-Kummissjoni, fil-każ ta’ irregolaritajiet mwettqa mill-parti kontraenti fil-kuntest ta’ proġett ta’ għajnuna Komunitarja, li twettaq id-dmir tagħha li tippreżerva l-interessi finanzjarji u d-dixxiplina ta’ baġit tal-Komunità.

86

F’kuntest fejn teżisti importanza ikbar ta’ sorveljanza finanzjarja tal-proġett, is-subappaltaturi ma jistgħux jibbażaw rwieħhom fuq indizji vagi sabiex jibbażaw aspettattivi leġittimi fuq il-fatt li l-Kummissjoni ser tagħmel ġest finanzjarju fil-konfront tagħhom billi tirremunerahom direttament għas-servizzi tagħhom. Tali aspettattiva leġittima tista’ tirriżulta biss minn assigurazzjonijiet preċiżi min-naħa tal-istituzzjoni li turi mingħajr ambigwità li hija tassigura l-ħlas tas-servizzi ta’ subappalt. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-eżistenza ta’ tali assigurazzjonijiet ma ġietx ipprovata.

87

Minn dak kollu li ntqal, dan l-aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju bbażat fuq eżami żbaljat tal-motiv ibbażat fuq tort jew negliġenza

L-argumenti tal-partijiet

88

L-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, “illi r-rikorrenti tillimita ruħha li tafferma li […] dmir ta’ diliġenza [bħalma huwa deskritt fil-punt 140] jeżisti mingħajr ma ġġib l-iċken prova jew tiżviluppa argumentazzjoni legali sabiex issostni t-teżi tagħha”, meta hija kienet esponiet fid-dawl ta’ analiżi ġuridika tal-kunċetti ta’ tort u ta’ negliġenza li, meta l-Kummissjoni teżerċita s-setgħa tagħha li tissospendi l-ħlas ta’ kuntratt fil-każijiet ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-parti kontraenti, filwaqt li tkun taf li subappaltatur kien qed jaħdem għall-parti kontraenti, hija għandha tkun diliġenti u tara li ma tikkawżax ħsara lill-imsemmi subappaltatur. Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li, manifestament, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod negliġenti, peress li hija inizjalment ħalliet lill-appellanti tlesti x-xogħlijiet u sussegwentement eżerċitat is-setgħat tagħha ta’ rkupru.

89

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, ġustament, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinitx ipprovat l-argument tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

90

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, il-kunċett ta’ negliġenza jimplika azzjoni jew omissjoni li permezz tagħha l-persuna responsabbli tikser l-obbligu ta’ diliġenza li hija kellha, u setgħet, tosserva fid-dawl tal-kwalitajiet, l-għarfien u l-kapaċitajiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punti 74 sa 77).

91

Għaldaqstant, l-amministrazzjoni Komunitarja tista’ tkun responsabbli fuq bażi mhux kuntrattwali għal aġir illegali meta hija ma taġixxix bid-diliġenza kollha meħtieġa u tikkawża, minħabba f’hekk, dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 44, u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-331/05 P, Ġabra p. I-5475, punt 24).

92

Dan l-obbligu ta’ diliġenza huwa inerenti fil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Huwa japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni Komunitarja fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku. Għaldaqstant huwa kellu jiġi wkoll osservat mill-Kummissjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Masdar u fil-pożizzjonijiet li hija ħadet fil-konfront ta’ din l-impriża.

93

Madankollu, l-obbligu ta’ diliġenza m’għandux il-portata li l-appellanti tattribwilu. L-imsemmi obbligu jimplika li l-amministrazzjoni Komunitarja għandha taġixxi b’kura u bi prudenza. Min-naħa l-oħra, mhuwiex l-obbligu tal-amministrazzjoni li teskludi kull preġiduzzju li jirriżulta għal operaturi ekonomiċi mis-seħħ ta’ riskji kummerċjali normali, bħal dak deskritt fil-punt 59 ta’ din is-sentenza.

94

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-fatti deskritti mill-Qorti tal-Prim’Istanza u mis-sunti fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, Masdar irċeviet, bl-intermedjarju ta’ kont ta’ Helmico, somma konsiderevoli sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni diffiċli li hija kienet tinsab fiha.

95

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet ġustament, fil-punt 14 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni la kellha tadatta l-pożizzjonijiet li hija tieħu skont l-interessi tal-appellanti u lanqas tistabbilixxi mekkaniżmu ad hoc, bħalma huwa l-ħlas tal-bilanċ tal-ammont tal-għajnuna finanzjarja f’kont speċjali li l-appellanti għandha prokura fuqu.

96

Għaldaqstant ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq eżami inkomplet tal-fatti

L-argumenti tal-partijiet

97

L-appellanti tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina iktar il-kuntest li fih saret il-laqgħa tat-2 ta’ Ottubru 1998, b’mod partikolari meta aċċettat li tisma’ x-xhieda li hija kienet tipproponi.

98

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza studjat fid-dettall il-kwistjoni tal-eżistenza jew le ta’ assigurazzjonijiet preċiżi u x-xhieda proposta mill-appellanti ma setgħetx tqiegħed f’dubju l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq il-bażi tal-provi l-oħrajn ippreżentati waqt il-proċedura bil-miktub u l-proċedura orali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

99

Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ talbiet ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżuri istruttorji mressqa minn parti fil-kawża, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li jiġu kkompletati l-elementi ta’ informazzjoni li hija għandha fil-kawżi quddiemha. In-natura probatorja jew le tal-provi fil-proċedura taqa’ taħt l-evalwazzjoni sovrana tagħha tal-fatti, li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar tirriżulta mid-dokumenti inklużi fil-proċess (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 19, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punt 78).

100

Għaldaqstant, peress li ma ġie pprovat l-ebda żnaturament jew ineżattezza materjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tqis li l-provi inklużi fil-proċess kienu suffiċjenti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kawża.

101

Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

102

Peress li l-ebda aggravju mqajjem mill-appellanti ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

103

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Masdar (UK) Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top