EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0537

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 4 ta' Diċembru 2008.
Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS) u Alcampo SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social nº 30 de Madrid - Spanja.
Direttiva 96/34/KE - Ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri - Drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti fid-data li fiha jibda l-leave - Kontinwità fil-ġbir tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali matul il-leave - Direttiva 79/7/KEE - Prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali - Ksib ta’ drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti matul il-leave tal-ġenituri.
Kawża C-537/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06525

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:688

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2008 ( 1 )

Kawża C-537/07

Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) et

“Direttiva 96/34/KE — Ftehim qafas fuq il-leave parentali — Drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jkunu kweżiti fid-data li fiha jibda l-leave — Kontinwità fil-ġbir tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali matul il-leave — Direttiva 79/7/KEE — Prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali — Kisba ta’ drittijiet għal pensjoni ta’ invalidità permanenti matul il-leave parentali”

1. 

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE ( 2 ) hija intiża li tagħti kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel il-libertà li jiddeċiedu jekk huma jridux jitilqu mis-suq tax-xogħol definittivament meta jkollhom it-tfal, jew jekk ikunux iridu jkomplu bil-karrieri tagħhom wara waqfa temporanja. Madankollu, inevitabbilment din ma tkoprix il-kwistjonijiet kollha.

2. 

Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Juzgado de lo Social (Qorti Soċjali) Nru 30, Madrid, Spanja, jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-punti 6 u 8 tal-klawżola 2 tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE (iktar ’il quddiem “il-ftehim qafas fuq il-leave parentali”), kif ukoll mad-Direttiva 79/7 ( 3 ).

3. 

Il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali tressqet minn Evangelina Gómez-Limón Sánchez-Camacho (iktar ’il quddiem “E. Gómez-Limón”) kontra l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem “l-INSS”), it-Tesorería General de la Seguridad Social (It-Teżor Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem “it-TGSS”), u Alcampo SA. Il-kawża tikkonċerna l-ammont tal-pensjoni tal-invalidità, dovut lilha, li huwa kkalkolat billi jiġu meħuda inkunsiderazzjoni s-salarju li effettivament irċeviet u l-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa matul il-perijodu ta’ leave parentali tagħha, li fih kien tnaqqas il-ħin tax-xogħol tagħha, minflok is-salarju u l-kontribuzzjonijiet li kienu jikkorrispondu għall-impjieg full-time.

4. 

Dan il-mod ta’ kalkolu tal-pensjoni ta’ invalidità jikser id-dritt Komunitarju?

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

5.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 jipprovdi:

“1.   Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi [tas-sigurtà soċjali] u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.

2.   […]”

6.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 79/7 jipprovdi:

“1   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

(a)

[…]

(b)

il-vantaġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skemi tal-pensjoni tax-xjuħ mogħtija lill dawk il-persuni li rabbew t-tfal; il-ksib ta’ drittijiet għal benefiċċji wara perjodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba it-trobbija tat-tfal;

[…]”

7.

L-għan tad-Direttiva 96/34, kif stabbilit fl-Artikolu 1, huwa li jqiegħed fis-seħħ il-ftehim qafas Anness dwar il-leave parentali konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 bejn l-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija (UNICE ( 4 ), CEEP ( 5 ) u tal-ETUC ( 6 )), li huwa Anness ma’ dik id-direttiva.

8.

Dan il-ftehim qafas jinkludi l-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“…

8.

… l-irġiel għandhom ikunu mħeġġa jassumu sehem ugwali tar-responsabbiltajiet familjari, per eżempju, għandhom ikunu mħeġġa jieħdu leave [parentali] permezz ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni;

[…]

11.

… l-Istati Membri għandhom ukoll, meta approprjat taħt kondizzjonijiet nazzjonali u b’kont meħud tas-sitwazzjoni tal-budget, jikkunsidraw il-manutenzjoni ta’ intitolamenti għal benefiċċji rilevanti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu minimu tal-leave [parentali];

[…]”

9.

Klawżola 2, intitolata “Leave [parentali]”, tipprovdi kif ġej:

“1.

Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2[ ( 7 )], lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave [parentali] għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

[…]

6.

Id-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti mill-ħaddiem fid-data li fiha l-leave [parentali] jibda għandhom jibqgħu kif inhuma sa meta jintemm il-leave [parentali]. Fit-tmiem tal-leave [parentali], dawn id-drittijiet, inkluż kull tibdil ikkawżat mill-liġi, mill-ftehim kollettiv u mill-prattiċi nazzjonali, għandhom japplikaw.

[…]

8.

Il-[kwistjonijiet] kollha relatati mas-sigurt[à] soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-ftehim għandhom jiġu kkunsidrati u [ddeterminati] mill-Istati Membri skond il-liġi nazzjonali, b’kont meħud ta’ l-importanza tal-kontinwità ta’ l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti, inpartikulari dak tas-saħħa.”

10.

Il-Klawżola 1 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE ( 8 ) (iktar ’il quddiem “il-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time”) tiddefinixxi l-għan tiegħu kif ġej:

(a)

li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol part-time;

(b)

…”

11.

Il-Klawżola 4, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni” tipprovdi:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju tal-pro rata temporis għandu japplika.

…”.

Il-liġi Spanjola

12.

L-Artikolu 37(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema Estatuto (Texto Refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), ( 9 ) fil-verżjoni applikabbli meta E. Gómez-Limón invokat id-dritt għal tnaqqis tas-sigħat tax-xogħol sabiex tieħu ħsieb il-wild tagħha ( 10 ), kien jipprovdi li kull persuna li, minħabba raġunijiet ta’ kustodja legali, tieħu ħsieb b’mod dirett ta’ wild taħt is-sitt snin hija intitolata għal tnaqqis tal-ħin ta’ ġurnata tax-xogħol b’minimu ta’ terz u b’massimu ta’ nofs il-ħin ta’ tali ġurnata xogħol, bi tnaqqis proporzjonat tas-salarju ( 11 ).

13.

L-Artikolu 139(2) tal-Liġi Ġenerali tas-sigurtà soċjali (Ley General de la Seguridad Social, iktar ’il quddiem il-“LGSS”) ( 12 ) tipprovdi li ħaddiem li jbati minn invalidità permanenti li tagħmlu inkapaċi li jkompli bl-impjieg abitwali tiegħu huwa intitolat għal pensjoni għall-ħajja diżabilità ffissata għal 55% tas-somma li tirriżulta meta jiġu diviżi b’112 il-“bażijiet kontributorji” matul is-96 xahar qabel ma seħħ il-fatt li ta lok għall-intitolament ( 13 ).

14.

L-Artikolu 109(1) tal-LGSS jipprovdi li l-“bażi kontributorja” għar-riskji u s-sitwazzjonijiet kollha li jibbenefikaw minn protezzjoni taħt l-iskema ġenerali, inkluż, aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard, tikkonsisti fir-remunerazzjoni totali, indipendentement mill-forma jew mid-denominazzjoni tagħha, li l-ħaddiem għandu d-dritt jirċievi kull xahar, jew fir-remunerazzjoni li huwa jew hija effettivament jirċievi/tirċievi kull xahar jekk din hija ogħla, għal xogħol magħmul bħala impjegat.

15.

Sabiex tiddetermina l-bażi kontributorja fil-każ ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema li għandhom il-kustodja legali u li jieħdu ħsieb il-wild ta’ inqas minn sitt snin, id-Digriet Irjali 2064/1995 dwar il-kontribuzzjonijiet u l-iffissar ta’ drittijiet ta’ sigurtà soċjali oħrajn (Reglamento General sobre cotización y liquidación de otros derechos de la Seguridad Social) ( 14 ) jirreferi għas-sistema ta’ kontribuzzjonijiet għal kuntratti ta’ xogħol part-time. L-Artikolu 65 tad-Digriet Irjali, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti, jipprovdi li, fir-rigward ta’ impjegati li kkonkludew kuntratti ta’ xogħol part-time u kuntratti ta’ solliev ( 15 ), il-bażi kontributorja hija ddeterminata abbażi tar-remunerazzjoni rċevuta għas-sigħat maħduma.

16.

L-Artikolu 14 tal-Ordni tat-18 ta’ Lulju 1991 tal-Ministru tax-Xogħol li jirregola l-ftehim speċjali fi ħdan l-iskema tas-sigurtà soċjali ( 16 ), li huwa applikabbli għall-persuni li għandhom kustodja legali ta’ minorenni, jipprovdi li ħaddiema li, skont l-Artikolu 37(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema, jibbenefikaw minn tnaqqis mill-ħin tax-xogħol peress li jieħdu ħsieb wild ta’ inqas minn sitt snin, flimkien ma’ tnaqqis proporzjonat tas-salarju tagħhom, jistgħu jikkonkludu ftehim speċjali sabiex jippriżervaw l-istess bażijiet kontributorji bħal qabel it-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol tagħhom. Il-bażi kontributorja ta’ kull xahar ( 17 ) tikkorrispondi għad-differenza bejn il-bażi kontributorja skont it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol u l-bażi kontributorja li tista’ tagħżel il-parti interessata, li tinkludi l-bażi kontributorja li tikkorrispondi mal-impjieg full-time. Il-kontribuzzjonijiet dovuti skont dak il-ftehim speċjali jkopru rtirar, invalidità permanenti u mewt u sopravivenza minn marda ordinarja jew minn aċċident ħlief minn aċċident fuq il-post tax-xogħol.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.

B’effett mis-17 ta’ Diċembru 1986, E. Gómez-Limón bdiet xogħol full-time ma’ Alcampo SA. B’effett mis-6 ta’ Diċembru 2001, hija ftiehmet ma’ min kien jimpjegaha sabiex titnaqqas il-ġurnata tax-xogħol tagħha sabiex tieħu ħsieb wild ta’ inqas minn sitt snin, skont l-Istatut tal-Ħaddiema. Għalhekk, hija ħadmet żewġ terzi ta’ ġurnata ta’ xogħol ordinarja. Is-salarju tagħha u l-kontribuzzjonijiet magħmula minn min iħaddem u mill-impjegat lill-INSS ġew imnaqqsa proporzjonalment. Jidher li hija ma kkonkludietx il-ftehim speċjali skont l-Artikolu 14 tal-Ordni tat-18 ta’ Lulju 1991.

18.

Minħabba marda mhux relatata max-xogħol, E. Gómez-Limón bdiet proċeduri amministrattivi li wasslu għal deċiżjoni tal-INSS tat-30 ta’ Ġunju 2004. Din id-deċiżjoni pprovdiet li, minħabba l-mijopija patoloġika tagħha, hija kienet tbati minn invalidità totali permanenti li tagħmilha inkapaċi li tkompli bl-impjieg normali tagħha u li kienet intitolata għal pensjoni ta’ 55% tal-ammont bażiku ta’ EUR 920,33 kull xahar, ikkalkolata billi jintużaw l-ammonti totali ta’ kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa minn min iħaddem mill-1 ta’ Novembru 1998 sat-30 ta’ April 2004. Dawn l-ammonti kienu jinkludu kemm il-perċentwali mħallsa direttament minn min iħaddem kif ukoll it-tnaqqis li għandu jsir f’isem il-ħaddiem għall-pagament sussegwenti lil TGSS, li hija l-aġenzija tal-ġbir għall-INSS ( 18 ).

19.

E. Gómez-Limón ppreżentat rikors quddiem il-Juzgado de lo Social abbażi tal-fatt li minkejja li l-kontribuzzjonijiet effettivament imħallsa kienu dawk, l-ammont tnaqqas minħabba t-tnaqqis tal-ħin tal-ġurnata tax-xogħol u tas-salarju tagħha matul il-perijodu ta’ leave parzjali meta hija kienet qed tieħu ħsieb il-wild tagħha. Għalhekk, hija ssostni li l-pensjoni ta’ invalidità għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-ammont li jikkorrispondi ma’ ġurnata xogħol sħiħa. Fin-nuqqas ta’ dan, miżura li hija intiża li tippromwovi l-ugwaljanza quddiem il-liġi u telimina d-diskriminazzjoni minħabba sess tiġi mċaħħda minn kull effett prattiku.

20.

Il-Juzgado de lo Social għamel dawn is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

Fid-dawl tal-fatt li l-għoti ta’ leave parentali għandu jkun miżura li tippromwovi l-ugwaljanza, skont il-proċeduri u t-termini li huma liberament iffissati minn kull Stat Membru fil-limiti minimi imposti mid-Direttiva 96/36/KE, huwa possibbli li t-tgawdija ta’ dan il-perijodu ta’ leave parentali, fil-każ ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol u tas-salarju minħabba l-kura ta’ tfal, taffettwa d-drittijiet li jkunu qed jinkisbu mill-ħaddiem, raġel jew mara, li jkun/tkun qed jieħu/tieħu dan il-leave parentali, u l-prinċipju taż-żamma tad-drittijiet miksuba jew fi proċess li jiġu miksuba jista’ jiġi invokat minn individwi quddiem l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ Stat?

(2)

B’mod partikolari, il-frażi “drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” fil-klawżola 2(6) tad-Direttiva 96/34 tinkludi biss drittijiet relatati ma’ kundizzjonijiet ta’ xogħol u tirrigwarda biss ir-relazzjoni kuntrattwali ma’ min iħaddem jew, bil-kontra, taffettwa wkoll iż-żamma tad-drittijiet miksuba jew li qed jiġu miksuba fil-qasam tas-sigurtà soċjali; ir-rekwiżit ta’ “kontinwità ta’ l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti” fil-klawżola 2(8) tad-Direttiva 96/34 jista’ jitqies li ġie rrispettat mill-iskema ineżami f’dan il-każ u li ġiet applikata mill-awtoritajiet nazzjonali u, skond il-każ, dan id-dritt għal kontinwità għall-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali jista’ jiġi invokat quddiem l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, għar-raġuni li huwa suffiċjentement preċiż u konkret?

(3)

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju huma kompatibbli ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, matul il-perijodu ta’ tnaqqis tal-ħin ta’ ġurnata xogħol minħabba leave parentali, tnaqqas l-ammont tal-pensjoni ta’ invalidità fir-rigward ta’ dak li jkun applikabbli qabel dan il-leave u tagħti lok ukoll għal tnaqqis tad-dritt għal benefiċċji akkumulati u kkonsolidati tagħhom proporzjonalment mat-tnaqqis tal-ħin ta’ xogħol u tas-salarju?

(4)

Peress li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jinterpretaw il-liġi nazzjonali fid-dawl ta’ l-obbligi imposti mid-direttiva, sabiex ikun hemm l-akbar possibbiltà li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mid-dritt Komunitarju, dan l-obbligu għandu jiġi applikat ukoll għall-kontinwità tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu tal-leave parentali u, b’mod speċifiku, f’każ fejn hemm rikors għal tip ta’ leave part-time jew tnaqqis tal-ħin ta’ ġurnata xogħol bħal dak fil-kawża inkwistjoni?

(5)

Fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, it-tnaqqis tal-għoti u l-akkumular ta’ intitolamenti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu ta’ leave parentali jista’ jitqies li huwa diskriminazzjoni diretta jew indiretta li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/7… tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU 1979 L 6, p. 24) u jmur kontra r-rekwiżit ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa skont it-tradizzjoni komuni ta’ l-Istati Membri, safejn dan il-prinċipju għandu jiġi applikat mhux biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, iżda wkoll fl-attività pubblika fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema?”

21.

L-INSS, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Ingliż, u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

22.

Peress li ma saret ebda talba għal seduta, din ma seħħitx.

Evalwazzjoni

Ammissibbiltà

23.

L-INSS u l-Gvern Spanjol issollevaw dubji dwar l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li, fil-fehma tagħhom, hija kompletament ipotetika u m’għandha l-ebda effett fuq il-kawża prinċipali.

24.

Filwaqt li l-ewwel domanda (dwar jekk perijodu ta’ leave parentali għandux jaffettwa drittijiet fil-proċess li jiġu miksuba minn ħaddiem li jieħu tali leave parentali) hija ġenerali, it-tieni domanda (dwar jekk il-klawżola 2(6) tapplikax għad-drittijiet tas-sigurtà soċjali) hija iktar speċifika.

25.

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda hija fin-negattiv, l-ewwel domanda ma tkunx iktar rilevanti u (kemm jekk ammissibbli jew inammissibbli), ma jkunx hemm għalfejn tingħata risposta għaliha.

26.

Għaldaqstant, l-ewwel nett għandha tiġi evalwata t-tieni domanda, li loġikament tiġi qabel l-ewwel domanda.

It-tieni domanda

27.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar tliet kwistjonijiet. L-ewwel nett, il-frażi “drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” fil-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali Anness mad-Direttiva 96/34 tinkludi biss drittijiet relatati ma’ kundizzjonijiet ta’ xogħol u taffettwa biss ir-relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol ma’ min iħaddem jew taffettwa s-sigurtà soċjali? It-tieni nett, il-leġiżlazzjoni Spanjola tissodisfa r-rekwiżit ta’ “kontinwità ta’ l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti” skont il-klawżola 2(8) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali? It-tielet nett, fil-każ li l-klawżola 2(8) tal-ftehim qafas hija applikabbli, hija suffiċjentement preċiża u konkreta sabiex tiġi invokata kontra l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru?

28.

Ir-risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda hija raġonevolment sempliċi. Huwa minnu li la l-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali u lanqas xi dispożizzjoni tad-Direttiva 96/34 jew tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali ma tinkludi definizzjoni tad-“drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti”. Madankollu, huwa ċar li din il-frażi ma tirreferix għal drittijiet tas-sigurtà soċjali, bħall-pensjoni ta’ invalidità ta’ E. Gómez-Limón ( 19 ), peress li dawn tal-aħħar huma s-suġġett tal-klawżola 2(8). Dik il-Klawżola espliċitament tipprovdi li “[il-][kwistjonijiet] kollha relatati mas-sigurt[à] soċjali li għandhom x’jaqsmu [mal-ftehim qafas dwar il-leave parentali] għandhom jiġu kkunsidrati u [ddeterminati] mill-Istati Membri skond il-liġi nazzjonali, b’kont meħud ta’ l-importanza tal-kontinwità ta’ l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti, inpartikulari dak tas-saħħa”.

29.

Għaldaqstant, il-frażi “[i]d-drittijiet akkwiżiti jew fil-proċess li jkunu akkwiżiti” fil-klawżola 2(6) ma tistax tkopri d-drittijiet tas-sigurtà soċjali. Kif isostni l-INSS fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-għan tad-Direttiva 96/34, kif iddefinit fl-Artikolu 1, huwa li li jqiegħed fis-seħħ il-ftehim qafas Anness dwar il-leave parentali konkluż bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw min jimpjega u l-impjegati rispettivament ( 20 ). Il-ftehim qafas huwa intiż li jagħti l-possibbiltà liż-żewġ partijiet għall-kuntratt ta’ impjieg li jorganizzaw il-ħin tax-xogħol b’mod li l-ħaddiema jkunu jistgħu jieħdu leave parentali, u mhux li jirregola kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ sigurtà soċjali.

30.

Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kwistjonijiet issollevati mill-qorti tar-rinviju, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, li huma bla kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li hija inkompatibbli mad-Direttiva, jew ukoll safejn huma jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra l-Istat ( 21 ). Dispożizzjoni Komunitarja hija bla kundizzjoni meta tistabbilixxi obbligu assolut u mhijiex suġġetta, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tagħha, għall-adozzjoni ta’ kwalunkwe miżura kemm mill-istituzzjonijiet Komunitarji jew ukoll mill-Istati Membri. Hija preċiża biżżejjed sabiex tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qrati meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi ( 22 ).

31.

Klawżola 2(8) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. Min-naħa l-oħra, hija espliċitament tħalli l-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali “jiġu kkunsidrati u [ddeterminati] mill-Istati Membri skond il-liġi nazzjonali”, sempliċement tfakkarhom sabiex “[jieħdu inkunsiderazzjoni] l-importanza tal-kontinwità ta’ l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali, taħt l-iskemi differenti, inpartikulari dak tas-saħħa”. Dan jirrifletti l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li, skont id-dritt Komunitarju attwali, il-politika soċjali hija qasam tal-Istati Membri. Huma l-Istati Membri li għandhom jagħżlu l-miżuri sabiex jippromwovu l-għanijiet tal-politika soċjali u ta’ impjieg tagħhom. Billi jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni ( 23 ).

32.

Għaldaqstant, il-Klawżola 2(8) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali ma timponix obbligu ċar fuq l-Istati Membri ( 24 ). Isegwi li, b’mod loġiku, din mhijiex suffiċjentement ċerta, preċiża u mingħajr kundizzjoni sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwi kontra l-Istat, quddiem il-qrati nazzjonali.

33.

Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni, il-frażi “kontinwità ta’ l-intitolamenti għall-kopertura tas-sigurtà soċjali” f’dik il-Klawżola timplika biss kontinwità tat-tgawdija tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali, iżda ma ssemmix il-bżonn li l-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt li jiksbu drittijiet ġodda matul il-perijodu tal-leave parentali. Din l-informazzjoni fil-proċess tindika li fil-fatt Spanja ħadet din il-kwistjoni inkunsiderazzjoni, minkejja li l-klawżola 2(8) tal-ftehim qafas ma kinitx tobbligaha legalment f’dan ir-rigward.

34.

Insostni wkoll li l-Artikolu 14 tal-Ordni tat-18 ta’ Lulju 1991 kienet tawtorizza lil E. Gómez-Limón tikseb pensjoni ta’ invalidità fuq l-istess livell bħallikieku baqgħet taħdem full-time ( 25 ). Mill-proċess jirriżulta li, madankollu, hija m’għamlitx użu minn din il-possibbiltà ( 26 ).

35.

Fil-qosor: l-ewwel nett, il-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali Anness mad-Direttiva 69/34 ma tapplikax għal kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali; u t-tieni, il-klawżola 2(8) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali ma tistax tiġi invokata kontra l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru quddiem qorti nazzjonali.

36.

Għalhekk, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

It-tielet u l-ħames domandi

37.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju huwiex kompatibbli mal-liġi nazzjonali li, matul il-perijodu ta’ tnaqqis tal-ġurnata xogħol minħabba leave parentali, tnaqqas l-ammont tal-pensjoni ta’ invalidità li għandu jitħallas u tnaqqas l-akkumular u l-konsolidazzjoni tal-benefiċċji futuri proporzjonalment mat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol u tas-salarju.

38.

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, filwaqt li hija l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali li jevalwaw l-iskop tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-mod kif huma għandhom jiġu applikati ( 27 ). Għalhekk, jiena tal-fehma li l-qorti nazzjonali qiegħda tistaqsi dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni hijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

39.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk it-tnaqqis fl-għoti u fl-akkumular tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu tal-leave parentali (a) jikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta jew indiretta li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/7 u, (b) jekk imurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa, safejn dan il-prinċipju għandu jiġi applikat mhux biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, iżda wkoll fir-rigward tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.

40.

Iż-żewġ domandi essenzjalment jistaqsu jekk leġiżlazzjoni li permezz tagħha benefiċċju tal-invalidità għall-persuna li taħdem part-time huwa kkalkolat pro rata temporis abbażi tal-ħin li persuna effettivament għamlet fuq il-post tax-xogħol hijiex kompatibbli mal-projbizzjoni tad-dritt Komunitarju dwar id-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel, meta r-raġuni għat-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol hija perijodu ta’ leave parentali.

41.

Jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jagħtu d-dritt għal leave parentali kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel u jekk il-konsegwenzi tal-eżerċizzju ta’ dak id-dritt huma l-istess, ma tistax tiġi invokata diskriminazzjoni diretta. Il-liġi Spanjola kif deskritta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari, l-Artikolu 37(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema, tidher li tissodisfa dawk ir-rekwiżiti. Għalhekk, is-sistema li din tistabbilixxi ma tiddiskriminax direttament fuq bażi ta’ sess.

42.

Fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjonijiet nazzjonali jiddiskriminaw indirettament kontra n-nisa meta, għalkemm r-redazzjoni tagħhom hija newtrali, dawn jiżvantaġġaw perċentwali ħafna aktar għolja ta’ nisa milli rġiel, sakemm dik id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata minn fatturi oġġettivi li mhumiex relatati ma’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess ( 28 ).

43.

Paragun utli jista’ jsir mal-fatti li taw lok għas-sentenza Grau-Hupka ( 29 ). R. Grau-Hupka sostniet li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni ta’ irtirar tagħha, il-perijodu li fih hija rabbiet it-tfal ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni biżżejjed. Il-qorti tar-rinviju bdiet l-evalwazzjoni tagħha billi assumiet li iktar nisa milli irġiel iqattgħu ħin id-dar sabiex irabbu t-tfal, u konsegwentement iktar nisa minn irġiel ikollhom il-pensjoni “imnaqqsa” skont ir-regoli nazzjonali rilevanti. Hija ssuġġeriet li, fejn pensjoni “imnaqqsa” titqies bħala dħul mill-okkupazzjoni prinċipali tal-persuna, li għalhekk tawtorizza lil min iħaddimha li jħallasha inqas fir-rigward tal-impjieg part-time tagħha, jista’ jkun hemm diskriminazzjoni indiretta fir-rigward ta’ din ir-remunerazzjoni ( 30 ).

44.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Jacobs irrifjuta dak is-suġġeriment. Filwaqt li d-dħul totali ta’ R. Grau-Hupka kien inqas, dan kien dovut għat-“tnaqqis” tal-pensjoni tagħha, u mhux għan-nuqqas ta’ ugwaljanza fis-salarju tagħha. Fir-rigward tas-suġġeriment li t-tnaqqis tal-pensjoni tagħha ma kienx konformi mar-regoli Komunitarji dwar it-trattament ugwali, l-Avukat Ġenerali Jacobs ikkunsidra li kjarament ma kienx hemm diskriminazzjoni fl-għoti tal-pensjoni tagħha li kienet inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/7 ( 31 ).

45.

Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li d-Direttiva 79/7 bl-ebda mod ma tobbliga lill-Istati Membri jagħtu vantaġġi fir-rigward ta’ pensjoni tax-xjuħija lill-persuni li rabbew it-tfal jew tipprovdi drittijiet għal benefiċċji fejn ix-xogħol kien interrott minħabba t-trobbija tat-tfal. Hija sostniet ukoll: “Peress li d-dritt Komunitarju dwar it-trattament ugwali fil-qasam tas-sigurtà soċjali ma jobbligax lill-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-pensjoni statutorji, is-snin li fihom ġew imrobbija t-tfal, mhuwiex possibbli li tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mal-prinċipju tal-ħlas ugwali għall-irġiel u għan-nisa, stabbilit fl-Artikolu [141 EC] u fid-direttiva ta’ ħlas ugwali, il-possibbiltà li jingħata inqas salarju mir-rata normali lil persuna li tirċievi pensjoni u li għalhekk tgawdi minn sigurtà soċjali, iżda li l-pensjoni tagħha naqset minħabba telf fid-dħul dovut għaż-żmien li fih rabbiet wild.” ( 32 )

46.

Jien ma nara ebda differenza rilevanti bejn pensjonijiet tal-irtirar u pensjonijiet tal-invalidità li tiġġustifika approċċ differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis sabiex jiġu kkalkolati l-pensjonijiet tal-invalidità.

47.

Il-ġurisprudenza sussegwenti ma tissuġġerixxix li l-ftehim qafas dwar il-leave parentali biddel dik l-analiżi ( 33 ).

48.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex intiża li tikkunsidra l-konsegwenzi li l-leave parentali jista’ jkollu fuq il-kalkolu ta’ ċerti drittijiet bħala ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess.

49.

Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ( 34 ) ma jipprekludux il-kalkolu ta’ pagament tat-tmiem li jieħu inkunsiderazzjoni, bħala servizz li jikkwalifika, it-tul ta’ żmien tal-perijodi ta’ servizz militari jew is-servizz ċivili ekwivalenti (li huma prinċipalment mwettqa mill-irġiel) iżda mhux ta’ leave parentali (li normalment huwa meħud min-nisa) ( 35 ). Billi ddeċidiet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li filwaqt li twettiq ta’ servizz nazzjonali jikkorrispondi għal obbligu ċiviku li huwa stabbilit mil-liġi u mhuwiex irregolat minn interessi individwali tal-ħaddiem, il-leave parentali huwa meħud volontarjament mill-ħaddiem għat-trobbija ta’ wild ( 36 ).

50.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ħaddiem li jieħu leave parentali jinsab f’sitwazzjoni speċjali, li ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik ta’ raġel jew mara fuq ix-xogħol peress li tinvolvi sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol u, għalhekk, tal-obbligi rispettivi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiem ( 37 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 141 KE, l-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE ( 38 ) u l-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali ma jipprekludux lil min iħaddem, meta jagħti bonus tal-Milied lil ħaddiema mara li hija fuq leave parentali ( 39 ), milli jieħu tali perijodu ta’ leave inkunsiderazzjoni sabiex inaqqas il-benefiċċju pro rata ( 40 ).

51.

Dawn iż-żewġ sentenzi kkonċernaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn min iħaddem u l-ħaddiem. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-konsegwenzi li l-leave parentali jista’ jkollu fuq il-kalkolu ta’ ċerti drittijiet fir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiem ma jiksrux il-projbizzjoni dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, jidhirli li jkun inkonsistenti jekk jiġi deċiż b’mod kuntrarju fir-rigward tas-sigurtà soċjali. Filwaqt li r-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiem taqa’ taħt il-kamp tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali u tad-dritt Komunitarju inġenerali, il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali jibqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, ma jidħlux taħt l-iskop tal-ftehim qafas dwar il-leave parentali, kif tistabbilixxi b’mod ċar il-klawżola 2(8).

52.

Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, la d-Direttiva 96/34 u lanqas xi direttiva Komunitarja oħra ma tinkludi b’mod espliċitu dispożizzjonijiet li jindirizzaw il-kwistjoni tar-remunerazzjoni matul il-leave parentali. Għalhekk, ir-regolament ta’ dik il-kwistjoni jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri.

53.

Huwa minnu li skont il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni stabbilit fil-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, il-ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ impjieg minn ħaddiema full-time simili minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat. Madankollu, il-Klawżola 4(2) ta’ dak il-ftehim tipprovdi b’mod espliċitu li, fejn jixraq, l-prinċipju ta’ pro rata temporis għandu japplika ( 41 ).

54.

Ċertament jista’ jsir argument interessanti li t-teħid ta’ parental leave għandu jiġi inkoraġġit ( 42 ) billi ma jiġix imnaqqas l-intitolament tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali skont l-ammont ta’ ħin effettivament magħmul fuq il-post tax-xogħol, imma billi tingħata l-possibbiltà lill-persuni li jieħdu leave parentali li jibqgħu jiksbu drittijiet bħallikieku kienu qegħdin jaħdmu full-time. Dan l-approċċ isostni l-ugwaljanza sostantiva bejn is-sessi ( 43 ) billi jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif ġie osservat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod sinjifikattiv, huma n-nisa li x’aktarx l-aktar jieħdu parental leave sabiex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom. Dan kieku jinkoraġġixxi lill-irġiel jagħmlu l-istess ( 44 ).

55.

Madankollu, ma nistax ninterpreta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi eżistenti bħala li jimponu obbligu fuq l-Istati Membri li jipprovdu dan l-inkoraġġiment sabiex jittieħed il-leave parentali. Bil-kontra, it-tnejn jipprovdu b’mod espliċitu għall-applikazzjoni tal-prinċipju pro rata temporis u jagħtu diskrezzjoni sostanzjali lill-Istati Membri sabiex jagħmlu kwalunkwe arranġamenti li huma jqisu xierqa. F’dan ir-rigward, jidher li, meta seħħew il-fatti, il-leġiżlatur Spanjol ipprovda li l-ħaddiema jikkonkludu ftehim speċjali sabiex jippriżervaw l-bażi kontributorji preċedenti tagħhom ( 45 ) u li issa hemm implementata skema ( 46 ) li tagħti lok lill-persuni li jnaqqsu s-sigħat ta’ xogħol tagħhom għat-trobbija tat-tfal sabiex iżommu l-livell oriġinali tagħhom ta’ kopertura ta’ sigurtà soċjali għall-ewwel sentejn li fihom jagħmlu hekk.

56.

Jekk il-motivazzjoni għall-leave parentali titqies li hija soċjalment mixtieqa kif jista’ tabilħaqq ikun il-każ, huma l-Istati Membri u/jew il-leġiżlatur Komunitarju li għandhom jimplementaw il-miżuri leġiżlattivi neċessarji sabiex jintlaħaq dak il-għan. Madankollu, fl-istat attwali, id-dritt Komunitarju ma jipprovdi ebda obbligu li l-intitolament għall-benefiċċji soċjali matul perijodu ta’ leave parentali għandu jiżdied bħallikieku l-persuna kkonċernata ma kinitx fuq leave parentali, iżda qiegħda taħdem full-time.

57.

Għaldaqstant, jien nikkunsidra li leġiżlazzjoni li tipprovdi li benefiċċju tal-invalidità huwa kkalkolat pro rata temporis abbażi tal-ħin fuq il-post tax-xogħol fil-każ ta’ impjieg part-time hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, anke meta r-raġuni għal tnaqqis fil-ħin tax-xogħol huwa perijodu ta’ leave parentali.

Ir-raba’ domanda

58.

Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw il-liġi nazzjonali fid-dawl tal-obbligi imposti mid-Direttiva 96/34 għandux jiġi applikat ukoll għall-kontinwità tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali matul il-perijodu tal-leave parentali u, b’mod speċifiku, fiċ-ċirkustanzi tal-każ li jagħmlu parti minn leave part-time jew tnaqqis tal-ħin tax-xogħol bħal dak li sar rikors għalih fil-każ inkwistjoni.

59.

Jekk jiena korretta li l-klawżola 2(8) tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri, li għandhom ġurisdizzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id-domanda.

Konklużjoni

60.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-fehma tiegħi r-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi li tressqu mill-Juzgado de lo Social għandhom ikunu kif ġej:

Il-klawżola 2(6) tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 69/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave parentali konkluż mill-UNICE, CEEP u l-ETUC ma tapplikax għal kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali;

Il-klawżola 2(8) tal-ftehim qafas ma timponix obbligu ċar, preċiż u mingħajr kundizzjoni fuq l-Istati Membri u għalhekk ma tistax tiġi invokata kontra l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru quddiem il-qrati nazzjonali;

Leġiżlazzjoni li tipprovdi li benefiċċju ta’ invalidità huwa kkalkolat pro rata temporis abbażi tal-ħin effettivament magħmul fuq il-post tax-xogħol fil-każ ta’ impjieg part-time mhijiex inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, anke meta r-raġuni għal tnaqqis tal-ħin tax-xogħol huwa perijodu ta’ leave parentali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u l-ETUC (ĠU 1996 L 145, p. 4).

( 3 ) Direttiva tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU 1979 L 6, p. 24).

( 4 ) Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min Iħaddem Ewropea. Għandu jiġi nnotat li b’effett mit-23 ta’ Jannar 2007, UNICE saret magħrufa bħala BUSINESSEUROPE, il-Konfederazzjoni tal-Kummerċ Ewropew.

( 5 ) Iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi u tal-Impriżi ta’ Interess Ġenerali Ekonomiku.

( 6 ) Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions.

( 7 ) Din tipprovdi li d-dritt għal leave parentali għandu, bħala prinċipju, jingħata fuq bażi non-trasferibbli.

( 8 ) Direttiva tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU 1998 L 14, p. 9). Għalkemm mhemmx referenza għaliha fid-domandi tal-qorti nazzjonali, din id-direttiva tagħmel parti mill-qafas tad-dritt Komunitarju li fi ħdanu għandhom jiġu mwieġba dawn id-domandi.

( 9 ) Adottat abbażi tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv (Real Decreto Legislativo) Nru 1/1995 tal-24 ta’ Marzu 1995 (Boletín Oficial del Estado (BOE) tad-29 ta’ Marzu 1995).

( 10 ) Il-verżjoni adottata abbażi tal-Liġi tal-5 ta’ Novembru 1999 sabiex tinkoraġġixxi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata tal-ħaddiem mal-ħajja professjonali (Ley 39/1999 para promover la conciliación de la vida familiar y laboral de las personas trabajadoras) (BOE tas-6 ta’ Novembru 1999).

( 11 ) L-Artikolu 37(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema kien sussegwentement emendat bil-Liġi Bażika tat-22 ta’ Marzu 2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel (Ley Orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres) (BOE tat-23 ta’ Marzu 2007)). L-emenda sempliċement testendi l-għan għal tnaqqis tal-ħin tal-ġurnata tax-xogħol, li issa tista’ tkun bejn minimu ta’ wieħed minn tmienja sa massimu ta’ nofs it-tul ta’ żmien preċedenti.

( 12 ) Kif ikkonsolidata mir-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru l/1994 tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE tad-29 ta’ Ġunju 1994).

( 13 ) Artikolu 140(1) tal-LGSS.

( 14 ) Digriet Irjali (Real Decreto) tat-22 ta’ Diċembru 1995 (BOE tal- 25 ta’ Jannar 1996).

( 15 ) ‘Contrato de relevo’. Is-sit dwar is-sigurtà soċjali tal-Ministerio de Trabajo e Inmigración Spanjol tiddefinixxi “kuntratt ta’ solliev” bħala “… il-kuntratt miktub simultanjament mal-kuntratt part-time ma’ persuna parzjalment irtirata, ma’ ħaddiem bla xogħol u ma’ persuna li [kkonkludiet] kuntratt ma’ kumpannija għal terminu definittiv, sabiex ikopri [l-ħin mhux maħdum] mill-ħaddiem parzjalment irtirat. Il-kuntratt ta’ solliev huwa meħtieġ sabiex jissostitwixxi l-ħaddiema li rtiraw parzjalment qabel l-età ta’ 65 sena u huwa awtorizzat jekk huma diġà laħqu dik l-età. Barra minn hekk, il-kuntratt għandu jissodisfa ċertu rekwiżiti [legali].” http://www.seg-social.es/Internet_6/Masinformacion/Glosario/index.htm?ssUserText=R.

( 16 ) Orden Ministerial de 18 de julio de 1991, por que se regula el convenio especial en el Sistema de la Seguridad Social (BOE tat-30 ta’ Lulju 1991). Din l-ordni legali ġiet revokata u ssostitwita mill-Ordni TAS/2865/2003 tat-13 ta’ Ottubru 2003 (Orden de 13 octubre, por la que se regula el convenio especial en el Sistema de la Seguridad Social, BOE tat-18 ta’ Ottubru 2003). Is-sit dwar is-sigurtà soċjali tal-Ministerio de Trabajo e Inmigración Spanjol tiddefinixxi “convenio especial” bħala “ftehim speċjali”; “Ftehim konkluż mas-Sigurtà Soċjali għal [ħaddiema li waqfu jaħdmu], jew għal dawk assoċjati f’sitwazzjonijiet speċifiċi oħra, sabiex [jippriżervaw id-drittijiet tagħhom li żdiedu], mingħajr ma jitilfu l-[benefiċċju] tal-kontribuzzjonijiet [li huma diġà għamlu].” http://www.seg-social.es/Internet_6/Masinformacion/Glosario/index.htm?ssUserText=S.

( 17 ) Jiġifieri, skont il-ftehim speċjali: fi kliem ieħor, iż-“żieda” tal-bażi kontributorja li għandha tiġi miżjuda mal-bażi kontributorja standard għal impjieg part-time.

( 18 ) Il-paragrafu 12 tat-Tmintax-il Dispożizzjoni Addizzjonali tal-Liġi Bażika 3/2007 emenda l-Artikolu 180 tal-LGSS u għalhekk l-Artikolu 180(3) attwalment jipprovdi li l-kontribuzzjonijiet imħallsa matul l-ewwel sentejn tal-perijodu ta’ tnaqqis tal-ġurnata tax-xogħol għat-trobbija ta’ wild imsemmija fl-Artikolu 37(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema għandhom jiżdiedu b’100 fil-mija tal-ammont li kien jitħallas kieku l-ġurnata tax-xogħol ma kinitx imnaqqsa b’dan il-mod, għall-finijiet tal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 180(1), li jinkludu benefiċċji ta’ invalidità permanenti bħal dawk mitluba mir-rikorrenti fil-każ inkwistjoni. Madankollu, din il-Liġi Bażika l-ġdida tipprovdi b’mod espliċitu (ara l-paragrafu 3 tas-Seba’ Dispożizzjoni Tranżitorja) li dan mhuwiex applikabbli għall-intitolament ta’ benefiċċji li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fit-24 ta’ Marzu 2007 (il-jum wara l-pubblikazzjoni fil-BOE).

( 19 ) Tradizzjonalment, il-benefiċċji ta’ invalidità jagħmlu parti mill-qasam tas-sigurtà soċjali. Pereżempju, huma msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU, Edizzjoni Speċjali Ingliża, 1971(II) p. 416, li ġiet emendata diversi drabi). Skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali safejn jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u fejn huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Hosse, C-286/03, Ġabra p. I-1771, punt 37; tat-18 ta’ Diċembru 2007, Habelt et, C-396/05, C-419/05 u C-450/05, Ġabra p. I-11895, punt 63; u tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen, C-228/07, Ġabra p. I-6989, punt 19). Fil-kawża inkwistjoni, mhuwiex ikkontestat li l-benefiċċju ta’ invalidità inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali.

( 20 ) Ara wkoll il-premessa 13 tal-ftehim qafas: “Billi l-imsieħba soċjali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex isibu soluzzjonijiet li jikkorrispondu għall-bżonnijiet kemm ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema u għandu għalhekk jingħatalhom rwol speċjali fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-ftehim preżenti”.

( 21 ) Ara pereżempju s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Ara s-sentenza tat-29 ta’ Mejju 1997, Klattner, C-389/95, Ġabra p. I-2719, punt 33.

( 23 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Nolte, C-317/03, Ġabra p. I-4625, punt 33; u s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Kachelmann, C-322/98, Ġabra p. I-7505, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 24 ) Ara l-premessa 11 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali, li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, fejn huwa xieraq taħt kundizzjonijiet nazzjonali u filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni baġitarja, iż-żamma ta’ intitolamenti għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali rilevanti kif inhuma matul il-perijodu minimu tal-leave parentali (enfażi miżjuda).

( 25 ) Skont l-Artikolu 37(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Ara l-punt 16 iktar ’il fuq, li jagħti spjegazzjoni ta’ dan.

( 26 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

( 27 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2006, innoventif, C-453/04, Ġabra p. I-4629, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Ara s-sentenzi tas-6 ta’ April 2000, Jørgensen, C-226/98, Ġabra p. I-2447, punt 29; Kachelmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 23; tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke, C-25/02, Ġabra p. I-8349, punt 33; u tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wippel, C-313/02, Ġabra p. I-9483, punt 43.

( 29 ) Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1994, Grau-Hupka, C-297/93, Ġabra p. I-5535.

( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, punt 15.

( 31 ) Ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-Avukat Ġenerali Jacobs osserva, b’mod partikolari, li l-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 79/7 kienet dispożizzjoni permissiva u mhux mandatorja.

( 32 ) Is-sentenza Grau-Hupka, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 27 u 28. Ara wkoll il-kawżi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit, kawżi magħquda C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punti 90 u 91, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-dritt Komunitarju ma pprekludiex il-fatt li pensjoni tal-irtirar tiġi kkalkolata pro rata temporis fil-każ ta’ impjieg part-time. Il-fatt li l-perijodu ta’ servizz attwali, kif ipparagunat ma’ dak ta’ persuna li ħadmet fuq bażi full-time matul il-karriera tagħha, huwa wkoll meħud inkunsiderazzjoni huwa kriterju oġġettiv li mhuwiex relatat ma’ ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, li jawtorizza li intitolament għal pensjoni jiġi mnaqqas proporzjonalment. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, punt 102.

( 33 ) Skont l-Article 2(1) tad-Direttiva 96/34, l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-direttiva sat-3 ta’ Ġunju 1998 l-iktar tard jew kellhom jassiguraw li sa dik id-data l-iktar tard is-sieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skont il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu kull miżura neċessarja li tippermettilhom f’kull ħin ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti mid-Direttiva.

( 34 ) Direttiva tal-10 ta’ Frar 1975 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU 1975 L 45, p. 19).

( 35 ) Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2004, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-220/02, Ġabra p. I-5907, punt 65.

( 36 ) Sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund, punti 60 u 61.

( 37 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen, C-333/97, Ġabra p. I-7243, punt 37.

( 38 ) Direttiva tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU 1992 L 348, p. 1).

( 39 ) Fis-sentenza Lewen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, il-frażijiet “leave parentali” u “leave għat-trobbija tat-tfal” huma użati sabiex jirreferu għall-istess ħaġa (ara, per eżempju, il-punti 10).

( 40 ) Is-sentenza Lewen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 50.

( 41 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra 2008, p. I-2483, punt 101.

( 42 ) L-għan tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, kif iddefinit fil-Klawżola 1(a), huwa “li jipprovdi għat-tneħħija tad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema part-time u li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol”.

( 43 ) Ara, pereżempju, C. Barnard, EC Employment Law (It-Tielet edizzjoni, 2006), p. 333 sa 338.

( 44 ) Ara, pereżempju, il-premessa 8 tal-ftehim qafas fuq il-leave parentali, li tipprovdi li “l-irġiel għandhom ikunu mħeġġa jassumu sehem ugwali tar-responsabbiltajiet familjari, pereżempju, għandhom ikunu mħeġġa jieħdu leave tal-ġenituri permezz ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni”.

( 45 ) Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.

( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.

Top