EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0535

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 25 ta' Frar 2010.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE - Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi - Klassifikazzjoni inkorretta u protezzjoni legali insuffiċjenti ta’ żoni speċjali tal-protezzjoni.
Kawża C-535/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09483

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:85

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-25 ta’ Frar 2010 1(1)

Kawża C‑535/07

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Obbligu biex jiġu ntrodotti miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-habitats ta’ għasafar taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Obbligu biex jiġi evitat id-deterjorment u t-tfixkil tal-habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi ta’ għasafar taħt l-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġa”





1.        Dawn huma t-tieni serje ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (2) li jikkontestaw t-traspożizzjoni mill-Awstrija tad-Direttiva Għasafar (3); dawn il‑proċeduri jirreferu għal kwistjonijiet dwar l-portata tal-marġini ta’ diskrezzjoni ta’ Stat Membru fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva. Il-Kummissjoni qed titlob li jiġi kkonstatat skont l-Artikolu 226 KE (4) li l-Awstrija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar u l‑Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat (5).

2.        Il-Kummissjoni resqet żewġ ilmenti: l-ewwel, li l-Awstrija naqset milli tikklassifika b’mod korrett żewġ siti bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem “ŻPS”) skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, jiġifieri l‑Hansag fil-Land ta’ Burgenland u ta’ Niedere Tauern fil-Land ta’ Steiermark; it‑tieni, li l-Awstrija naqset milli tintroduċi protezzjoni legali xierqa għal parti miż-ŻPS li diġà ġew ikklassifikati.

 Leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli

 Id-Direttiva Għasafar

3.        Id-Direttiva Għasafar, skont l-Artikolu 1(1), “hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri [li għalihom japplika] it-Trattat”. L-Artikolu 2 jobbliga lill-Istati Membri biex “jieħdu il-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall‑ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li ttieħed kunsiderazzjoni tal‑ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell”.

4.        L-Artikolu 3(1) jistipula li “[f]id-dawl tal-ħtiġiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippriservaw, imantnu jew jirripristinaw diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitats għall-ispeċi kollha tal-għasafar li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1”. L‑Artikolu 3(2) jidentifika l-“kreazzjoni ta’ żoni protetti” bħala waħda mill-miżuri “biex jippriservaw, imantnu jew jirripristinaw diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitats għall-ispeċi kollha tal-għasafar li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1”.

5.        L-Artikolu 4 jistipula:

“1.      L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-salvazzjoni [sopravivenza] u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

[F’dan ir-rigward], għandu jittieħed kont tal-:

(a)      ispeċi fil-periklu ta’ estinzjoni;

(b)      ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

(ċ)      ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d)      ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-popolazzjoni għandhom ikunu meħuda inkonsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

Stati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tibdil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza nazzjonali.

3.      L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex din tkun tista’ tieħu inizjattivi xierqa bil-għan li tikkordina b’mod xieraq biex tassigura li ż-żoni li hemm provvduti fil-paragrafi 1 u 2 [hawn] fuq jiffurmaw koerenza sħiħa li tkun konformi mal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

4.      Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 [hawn] fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni ta’ protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats.”

6.        L-Artiklu 18 tad-Direttiva Għasafar jistipula:

“1.      L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn min-notifika tagħha. [Huma] għandhom jinfurmaw bihom lill-Kummissjoni minnufih.

2.      L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.”

 Id-Direttiva Habitat

7.        Il-premessi li ġejjin tal-preambolu għad-Direttiva Habitat huma rilevanti għal din il-kawża:

“[1] […] il-preservazzjoni, il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, inkluż il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u flora selvaġġi, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex mill-Komunità, kif jidher fl-Artikolu 130 r (6) tat-Trattat;

[…]

[5] […] minħabba t-theddid għal ċerti tipi ta’ habitat naturali u għal ċerti speċi, jeħtieġ li jitqiesu li għandhom jingħataw prijorità sabiex ikun hemm tħaddim bikri tal-miżuri biex jikkonservawhom;

[6] […] sabiex ikun żgurat li l-habitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq netwerk ekoloġiku Ewropew skont skeda speċifikata;

[7] […] [i]ż-żoni kollha nominati, inklużi dawk li issa huma klassifikati jew fil-ġejjieni se jkun klassifikati bħala żoni speċjali mħarsa skont [id-Direttiva Għasafar], jkollhom jiġu nkorporati f’netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti;

[8] […] jixraq, li f’kull żona nominata, jiġu mħaddma l-miżuri meħtieġa bbażati fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni segwiti;

[…]”

8.        Id-definizzjonijiet li ġejjin jidhru fl-Artikolu 1:

“(a)      konservazzjoni tfisser għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantnuti jew ripristinati l-habitat natuali u l-popolazzjonijiet tal-ispeċi tal-fawna u tal-flora selvaġġa fi stat favorevoli […];

[…]

(j)      sit tfisser żona definita ġeografikament li dwarha hemm indikat b’mod ċar safejn twassal;

[…]

(l)      żona speċjali ta’ konservazzjoni [(7)] tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew att kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitat naturali u/jew tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

9.        L-iskop tad-Direttiva Habitat huwa stabbilit fl-Artikolu 2, li jistipula li l-għan tad-Direttiva huwa li “tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-bio-diversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitat u tal-fawna u flora selvaġġa fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat”; il-miżuri meħuda taħt id-Direttiva għandhom jiġu “ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità” u “[jqisu] l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali”.

10.      L-Artikolu 3(1) jistipula: “Għandu jiġi stabbilit netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000.” Dak in-netwerk għandu jinkludi ż-żoni ta’ ħarsien speċjali kklassifikati mill-Istati Membri konformi mad-Direttiva Għasafar.

11.      Il-miżuri ta’ konservazzjoni li għandom jiġu stabbiliti għal ŻSK huma stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2):

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk ikun meħtieġ, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjaniet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amministrattivi jew kuntrattwali li jaqblu għal ħtiġiet ekoloġiċi tal-habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati dawk iż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.”

12.      L-Artikolu 7 jistipula:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-[Direttiva Għasafar] dwar iż-żoni klassifikati skont l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skont l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew l-għarfien minn Stat Membru taħt [id-Direttiva Għasafar], meta d-data tal-aħħar tiġi aktar tard.”

13.      Skont l-Artikolu 23, l-Istati Membri kienu obbligati li jimplementaw id-Direttiva Habitat fi żmien sentejn min-notifika tagħha.

 Il-fatti rilevanti u l-proċedura

14.      Wara li saret evalwazzjoni tan-netwerk ta’ żoni protetti tal-Awstrija matul l-1999 u l-2000, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm nuqqas li għandu jimtela bin-nomina ta’ siti protetti u fis-sistema legali għall-protezzjoni ta’ għasafar selvaġġi u l-habitats tagħhom li jinsab f’dawk is-siti. Fit-23 ta’ Ottubru 2001, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni, li l-awtoritajiet Awstrijaċi wieġbuha fl-2002 u fl-2003.

15.      Fit-18 ta’ Ottubru 2004, din bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, fejn ġie allegat li l-Hansag fil-Land ta’ Burgenland ma kinitx ġiet nominata bħala żona protetta għall-għasafar u li l-medda tas-sit f’Niedere Tauern fil-Land ta’ Steiermark tnaqqset kien ġie ridott illegalment. L-Awstrija wieġbet b’ittra tal-21 ta’ Diċembru 2004 u għamlet numru ta’ osservazzjonijiet supplimentari fl-2005 u fl-2006.

16.      Il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-Awstrija kienet baqgħet tikser l-obbligi tagħha skont id-dritt Komunitarju. Hija għalhekk tat opinjoni motivata fil-15 ta’ Diċembru 2006. It-terminu ffissat biex titwieġeb dik l-opinjoni motivata skada fil-15 ta’ Frar 2007. L-awtoritajiet Awstrijaċi wieġbu fl-20 ta’ Frar 2007 u bagħtu ittra supplimentari fl-24 ta’ Settembru 2007.

17.      Il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bir-risposta tal-Awstrija u konsegwentement resqet il-kawża preżenti fis-27 ta’ Novembru 2007. Hija qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

sabiex jogħġobha tiddikjara li,

(a)      meta naqset li tinnomina (fil-każ tal-“Hansag” fil-Land ta’ Burgenland) jew tiddelimita (fil-każ tan-“Niedere Tauern” fil-Land ta’ Steiermark) b’mod korrett, konformi ma’ kriterji ornitoloġiċi, l-iktar territorji adatti fl-Awstrija, fin-numru u fid-daqs, bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ speċi tal-għasafar skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar; u

(b)      meta naqset li tipprovdi protezzjoni legali għal parti miż-żoni ta’ protezzjoni speċjali li diġà ġew innominati, konformi mal-ħtiġijiet tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar jew l-Artikolu 6(2) flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat,

ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar u l-Artikolu 6(2) flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat; u

18.      Il-Kummissjoni, l-Awstrija u l-Gvern Ġermaniż (li intervjena fil-proċedimenti) għamlu sottomissjonijiet orali waqt is-seduta.

 Ammissibbiltà

19.      L-Awstrija tikkontesta l-ammissibbiltà tal-azzjoni, billi ssostni li l-iskop tar-rikors jestendi lil hinn minn dak tal-proċedura ta’ qabel il-proċedura prekontenzjuża u li huwa nieqes mill-koerenza u l-preċiżjoni.

 L-iskop tar-rikors

20.      L-Awstrija tissottometti li l-iskop tar-rikors imur lil hinn minn dak tal-proċedura prekontenzjuża fi tliet aspetti. L-ewwel, il-Kummissjoni ovvjament kienet eskludiet ir-regolamenti nazzjonali tal-Awstrija rigward żoni ta’ konservazzjoni Ewropej (8) mill-iskop tal-azzjoni fl-opinjoni motivata tagħha, imma madankollu inkludiethom fir-rikors tagħha. It-tieni, l-ilment tal-Kummissjoni li ŻPS ma għandhom ebda protezzjoni legali jew li din hija inadegwata ma huwiex identiku għal dak li sar fl-istadju tal-prekontenzjuż: ir-rikors pjuttost jintroduċi talbiet ġodda li l-miżuri ta’ implementazzjoni jinkludu obbligi u projbizzjonijiet speċifiċi għal ŻPS u speċi u habitats partikolari. It-tielet, l-allegat nuqqas li tiġi pprovduta protezzjoni legali fil-Land ta’ Salzburg, għalkemm issemma fl-opinjoni motivata, ma ġiex inkluż fl-ittra ta’ intimazzjoni, u l-allegat nuqqas li tiġi pprovduta protezzjoni legali fin-Niederösterreich issemma għall-ewwel darba fir-rikors innifsu.

21.      Fil-fehma tiegħi, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa konsistenti mal-ilmenti stabbiliti fil-proċedura prekontenzjuża dwar l-allegat nuqqas li tiġi pprovduta sistema ta’ protezzjoni legali f’kull parti tal-Awstrija.

22.      Konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tar-rikors mressaq skont l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża u r-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun ibbażat fuq l-istess ilmenti (9). Dan il-prinċipju ma jżommx lill-Kummissjoni milli tispjega l-ilment tagħha f’iktar dettall fir-rikors dment ma tibdilx is-suġġett tat-tilwima (10).

23.      Fir-rigward tal-ewwel argument tal-Awstrija, fil-fehma tiegħi l-Kummissjoni tispjega fl-opinjoni motivata tagħha li ż-żoni ta’ konservazzjoni Ewropej (siti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Länder (11)) jistgħu wkoll jiġu nominati bħala ŻPS. Madankollu hija tallega li l-ebda miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni legali ma ġew introdotti għal ħafna minn dawn iż-żoni. Għalhekk, jidher li l-Kummissjoni qed tirreferi għal siti kklassifikati bħala żoni ta’ konservazzjoni Ewropej fil-livell nazzjonali jew ta’ reġjun li huma wkoll nominati bħala ŻPS skont id-Direttiva Għasafar bħala li huma inklużi fl-iskop tal-proċedimenti fl-opinjoni motivata. Għalhekk, jien ma naqbilx mal-argument tal-Awstrija li dan l-ilment ġie inkluż fir-rikors mingħajr ma tqajjem fil-korrispondenza fil-prekontenzjuż.

24.      Fir-rigward tat-tieni u t-tielet argumenti, l-ilment tal-Kummissjoni li l-protezzjoni legali għal ŻPS għandha tkun iffukata u speċifika telabora fuq l-argument preċedenti tagħha li l-protezzjoni legali għal siti nominati mhix adegwata. Meta tagħmel dan il-Kummissjoni ma tibdilx l-iskop tal-azzjoni billi tintroduċi lment ġdid. Kemm fl-opinjoni motivata kif ukoll fir-rikors, il-Kummissjoni tikkonferma li l-ilmenti ma humiex limitati għas-siti partikolari msemmija bħala eżempju fil-fażi prekontenzjuża, imma jestendu għal kull parti tal-Awstrija.

25.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi għalkemm ir-rikors huwa iktar iddettaljat mill-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata, l-iskop tas-suġġett tat-tilwima kif inhu stabbilit fil-proċedura prekontenzjuża u r-rikors huma l-istess. Konsegwentement, jien ma naħsibx li minħabba dawn ir-raġunijiet il-kawża hija inammissibbli.

 Nuqqas ta’ koerenza u preċiżjoni

26.      L-Awstrija ssostni li fl-ilmenti tagħha l-Kummissjoni tonqos milli tispeċifika liema regolamenti rigward ŻPS jonqsu milli jipprovdu protezzjoni legali adegwata. L-Awstrija ssostni li għalhekk ma tistax tistabbilixxi liema miżuri speċifiċi l-Kummissjoni tikkontendi li trid tadotta sabiex tirrimedja l-allegat ksur.

27.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-opinjoni motivata u r-rikors għandhom jistabbilixxu l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż biex l-Istat Membru intimat ikun f’pożizzjoni li japprezza l-iskop eżatt tal-allegat ksur u sabiex jipprepara d-difiża tiegħu (12).

28.      Għalhekk, meta l-Kummissjoni tallega nuqqas ta’ protezzjoni legali, din għandha tidentifika liema, jekk ikun hemm, protezzjoni legali teżisti u tispjega għalfejn qed tikkunsidra li dik il-protezzjoni legali ma hijiex suffiċjenti. Madankollu, in-nuqqas mill-Kummissjoni li tispeċifika dettalji li jikkonċernaw, pereżempju, ċerti ŻPS mhux bilfors irendi r-rikors impreċiż jew inkoerenti.

29.      Ma hemmx dubju li s-suġġett tat-tieni lment tal-Kummissjoni huwa l-allegata protezzjoni legali inadegwata taż-ŻPS fl-Awstrija. L-argument tal-Kummissjoni li l-protezzjoni legali għandha tkun iffukata u speċifika la hija ċara u lanqas tinftiehem.

30.      Għalhekk fil-fehma tiegħi, l-Awstrija kellha indikazzjoni suffiċjenti dwar ir-rikors tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha.

 It-talbiet tar-rikors

31.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistqarr li huma biss iż-żoni li diġà huma kklassifikati bħala ŻPS li jaqgħu taħt l-Artikoli 6(2) sa (4) u 7 tad-Direttiva Habitat, li ssostitwew id-dispożizzjoni fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar (13). Iż-żoni li għadhom ma ġewx innominati bħala ŻPS, imma li kellhom jiġu innominati, jibqgħu jaqgħu taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar (14). Għalhekk, wieħed seta’ ppretenda li meta l-Kummissjoni ressqet it-tieni lment tagħha, din kellha tidentifika s-siti speċifiċi b’mod ċar (15) li ma ġewx innominati bħala ŻPS, biex tispjega għalfejn hija tikkunsidra li kellhom jiġu nnominati bħala tali u imbagħad tagħti r-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li ma ġietx osservata l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar (16).

32.      Il-Kummissjoni ma identifikatx iż-żoni li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS b’referenza għal informazzjoni dwar id-delimitazzjoni tas-siti rilevanti jew għal kriterji ornitoloġiċi li fuqhom l-adattabbiltà għal klassifikazzjoni tiġi evalwata (17). Bl-istess mod hija naqset milli tagħmel xi sottomissjoni speċifika dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tapplikax għal dawk iż-żoni u, jekk dan huwa l-każ, għalfejn tikkunsidra li l-Awstrija naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dik id-dispożizzjoni.

33.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk l-ewwel sentenza fl-Artikolu 4(4) għandhiex tapplika għal żoni fl-Awstrija li ma humiex ikklassifikati bħala ŻPS, imma li kellhom jiġu nnominati bħala tali.

34.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu l-implementazzjoni preċiża tad-Direttiva Għasafar hija partikolarment importanti, għaliex huma fdati bit-treġija tal-wirt komuni (18). F’każ fejn issir allegazzjoni ta’ traspożizzjoni mhux adegwata, bl-istess mod huwa importanti għall-Kummissjoni li tiżgura li l-Qorti għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha neċessarji li jagħmluha possibbli għaliha li teżamina u tevalwa jekk l-Istat Membru intimat wettaqx l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju – ħaġa li l-Kummissjoni manifestament naqset milli tagħmel.

 Id-dritt

 L-ewwel ilment – In-nuqqas li tiġi nnominata il-Hansag bħala ŻPS u t-tnaqqis miż-ŻPS tan-Niedere Tauern

 Il-Hansag

35.      Il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva Għasafar tobbliga lill-Istati Membri li jikklassifikaw bħala ŻPS is-siti kollha l-iktar adatti fin-numru u fid-daqs għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I u li tieħu miżuri simili għal speċi migratorji li jinsabu regolarment (mhux elenkati fl-Anness I) rigward iż-żoni tar-riproduzzjoni, tal-ħrif u ta’ fejn iqattgħu x-xitwa tagħhom u l-postijiet fejn jieqfu biex jistrieħu matul ir-rotot migratorji tagħhom. Il-Hansag ġiet identifikata bħala l-iktar territorju adatt għall-protezzjoni ta’ ċerti speċi ta’ għasafar, jiġifieri l-Otis tarda, (pitarrun) iċ-Circus pyargus (bugħadam griż) u l-Asio flammeus (kokka tal-widnejn qosra).

36.      L-Awstrija kkonfermat li l-Hansag ġiet ikklassifikata bħala ŻPS fit-3 ta’ Awwissu 2008.

37.      Evidentement, l-Awstrija ma kklassifikatx il-Hansag bħala ŻPS fit-terminu ffissat fl-opinjoni motivata li skada fil-15 ta’ Frar 2007. Għalhekk, f’dan ir-rigward, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

 In-Niedere Tauern

38.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-deċiżjoni oriġinali tal-Awstrija tat-3 ta’ Novembru 1997 li tikklassifika s-sit bħala li jinkludi medda ta’ 169 000 ettari kienet saret skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li meta sussegwentement iddeċidiet darbtejn li tnaqqas id-daqs taż-ŻPS tan-Niedere Tauern (b’31 258 ettaru fl-1999 u mbagħad b’50 600 ettaru ieħor fl-2001), b’mod li ma kienx konsistenti mal-informazzjoni ornitoloġika disponibbli, l-Awstrija naqset li tissodisfa l-obbligi tagħha. Il-Kummissjoni ssostni li ż-żewġ tnaqqis kellhom impatt negattiv fuq ċerti speċi ta’ għasafar tal-foresta li normalment ibejtu f’altitudni inqas minn 1 500 metru fuq il-livell tal-baħar – Aegolius funereus (kokka ta’ Tengalm), Glaucidium passerinum (kokka nana), Dryocopus martius (tektiek is-siġar iswed) u Picoides tridactylus (tektiek is-siġar bi tlett iswaba) – u ż-żoni fejn jagħmlu l-bejta biex irabbu l-frieħ taċ-Charadrius morinellus (birwina) tal-Bonasa bonasia (ħaġla qastanija) u tal-Picus canus (tektiek is-siġar b’rasu griża).

39.      L-Awstrija taċċetta li ż-żona mnaqqsa ma hijiex suffiċjenti biex tipprovdi protezzjoni għal tliet speċi ta’ għasafar (il-frieħ taċ-Charadrius morinellus, tal-Bonasa bonasia u tal-Picus canus) u għalhekk dawn għandhom jitkabbru. Madankollu, hija ma taqbilx li ż-ŻPS jeħtieġu li jiġu estiżi għall-konfini oriġinali biex jinkludu l-ispeċi tal-foresta Aegolius funerus, Glaucidium passerinum, Dryocopus martius u Picoides tridactylus.

40.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita (19), l-Istati Membri huma obbligati jikklassifikaw bħala ŻPS is-siti kollha li, abbażi ta’ kriterji ornitoloġiċi, jidhru li huma l-iktar adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I, u għandhom jittieħdu miżuri simili għal speċi migratorji taħt Artikolu 4(2). Ġie kkonstatat ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-marġini ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-għażla tal-iktar territorji adatti għall-klassifikazzjoni bħala ŻPS tikkonċerna mhux kemm huwa xieraq li t-territorji li jidhru li huma l-iktar xierqa jiġu kklassifikati bħala ŻPS skont kriterji ornitoloġiċi, imma biss l-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji sabiex jiġu identifikati l-iktar territorji adatti għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I (20).

41.      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq rapport ornitoloġiku (21) (ikkummissjonat mil-Land ta’ Steiermark) sabiex issostni li l-konfini oriġinali tas-sit għandhom jiġu ristabbiliti.

42.      L-Awstrija tirrikonoxxi li l-informazzjoni xjentifika u ornitoloġika turi li n-Niedere Tauern hija fost l-iktar żoni importanti fil-pajjiż bħala habitat għal tal-inqas disa’ speċi ta’ għasafar tal-foresta u tal-Alpi (22). L-Awstrija taċċetta li l-istudju li ġie invokat mill-Kummissjoni jinkludi kriterji ornitoloġiċi, imma imbagħad fl-elaborazzjoni tar-rapport tistaqsi dak li tiddeskrivi bħala “[n-nuqqas ta’] data li tkun suffiċjenti sabiex isservi ta’ bażi għal delimitazzjoni teknika ċerta” (23). Fl-aħħar nett, l-Awstrija targumenta li għalkemm hija taċċetta li l-foresta alpina tipprovdi habitat għall-ispeċi identifikati mill-Kummissjoni, minnu nnifsu dak mhux bażi suffiċjenti biex tinkludi dawk iż-żoni fiż-ŻPS.

43.      Jidher li ma huwiex ikkontestat li d-delimitazzjoni oriġinali tas-sit kienet ibbażata fuq kriterji ornitoloġiċi u għalhekk kienet saret skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Għasafar. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux dwar jekk it-tnaqqis tad-daqs tas-sit huwiex konsistenti mad-Direttiva.

44.      Id-Direttiva Għasafar innifisha ma tgħidx x’għandu jiġri jekk Stat Membru jkun jixtieq inaqqas id-daqs ta’ sit eżistenti. Għalhekk huwa meħtieġ li wieħed joħroġ, wara li jikkunsidra l-għanijiet u l-oġġettivi kemm tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitats.

45.      Fil-fehma tiegħi, ladarba ŻPS, konformi mal-materjal ornitoloġiku, ġiet innominata bħala li tidher li hija l-iktar adatta għall-ispeċi inkwistjoni (24), Stat Membru li sussegwentement ikun jixtieq inaqqas il-medda ġeografika ta’ dik iż-ŻPS għandu jkollu prova xjentifika u ornitoloġika aġġornata sabiex isostni l-asserzjoni (impliċita) tiegħu li jista’ jagħmel dan mingħajr ma jipperikola l-livell ta’ protezzjoni mitluba (25). Jekk dak it-test jiġi ssodisfatt, fil-fehma tiegħi Stat Membru jista’ jaġġusta l-medda ġeografika ta’ ŻPS. Imbagħad ikun meħtieġ li l-Kummissjoni, li għandha fuqha l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedimenti ta’ ksur sussegwenti (26), tressaq il-materjal neċessarju biex turi li l-provi li bbaża fuqhom l-Istat Membru ma kinux adegwati jew difettużi (27).

46.      Fil-kawża preżenti, l-Awstrija ma ppreżentat l-ebda materjal ornitoloġiku lill-Qorti tal-Ġustizzja biex turi li la t-tnaqqis tal-1999 u lanqas dak tal-2001 fid-daqs taż-ŻPS Niedere Tauern ma kienu ġġustifikati meta dawn saru. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu kklassifikati l-iktar żoni xierqa bħala ŻPS, l-Istati Membri għandhom jużaw l-iktar informazzjoni xjentifika aġġornata li tkun disponibbli – f’każijiet fejn ikunu nbdew proċedimenti dwar ksur, dan il-materjal għandu jkun disponibbli sal-aħħar tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (28).

47.      L-Awstrija issa qed tipprova tibbaża ruħha fuq Eisner (2007) sabiex ixxejjen il-materjal xjentifiku mressaq mill-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħi, madankollu, dan l-istudju – li tlesta fis-6 ta’ Diċembru 2007, ħafna wara li kien skada t-terminu ffissat biex tikkonforma mal-opinjoni motivata (15 ta’ Frar 2007) – ma tistax tinvokah issa biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas manifest ta’ ġustifikazzjoni teknika għat-tnaqqis tal-1999 u 2001. Konsegwentement, l-Awstrija ma resqitx informazzjoni xjentifika rilevanti li turi li l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar setgħu jiġi ssodisfatti bit-tnaqqis taż-ŻPS.

48.      Jien inżid li l-argument tal-Awstrija li obbligu li testendi s-sit għall-konfini oriġinali tiegħu għandu jkun ibbażat fuq data li hija ċerta, ma hijiex sostnuta bil-formulazzjoni tad-Direttiva Għasafar; u li ma tresqet ebda informazzjoni xjentifika quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li turi li l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar jista’ jiġi ssodisfatt billi jiġu kklassifikati siti oħrajn bħala ŻPS fir-rigward tal-ispeċi ta’ għasafar identifikati mill-Kummissjoni.

49.      Għalhekk jien nikkunsidra li dan l-ilment huwa fondat.

 It-tieni lment – In-nuqqas li tiġi introdotta sistema legali effettiva għal ŻPS

50.      Fl-interess taċ-ċarezzza, jien se naqsam l-analiżi tiegħi dwar it-tieni lment f’żewġ partijiet. L-ewwel jien se nikkunsidra l-argument ġenerali ta’ prinċipju tal-Kummissjoni dwar il-portata tad-diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri fil-mod li huma jimplementaw id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat (il-kwistjoni li instigat l-intervent tal-Ġermanja f’dawn il-proċedimenti). Imbagħad ser ngħaddi biex neżamina, reġjun b’reġjun, l-ilmenti speċifiċi tal-Kummissjoni.

 Il-marġini ta’ diskrezzjoni

51.      Il-Kummissjoni targumenta li, sabiex issir implementazzjoni xierqa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat, għandhom jiġu adottati miżuri speċjali ta’ konservazzjoni f’forma li tiżgura li jiġu introdotti obbligi vinkolanti u projbizzjonijiet biex jipprovdu protezzjoni għal ŻPS, u dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati fl-istess att li jikklassifika ż-żona bħala ŻPS.

52.      L-Awstrija ssostni li l-formulazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat ma tippreskrivix il-forma tal-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tagħhom. Huwa meħtieġ biss li jiġi kkunsidrat li jiġu introdotti projbizzjonijiet speċifiċi fejn ikun hemm indikazzjonijiet li huwa probabbli li jkun hemm deterjorament fil-kundizzjonijiet eżistenti fis-sit. Barra minn dan, fejn siti huma suġġetti għal miżuri ġenerali ta’ konservazzjoni skont ir-regoli nazzjonali li jipproteġu l-ispeċi kollha, tkun teżisti protezzjoni de facto apparti minn dik meħtieġ mid-Direttiva Għasafar.

53.      Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li ma huwiex neċessarju li għal kull ŻPS jiġu introdotti obbligi u projbizzjonijiet speċifiċi f’att legali li jorbot.

54.      Fil-fehma tiegħi l-argument prinċipali tal-Kummissjoni li għandhom jiġu adottati miżuri speċjali ta’ konservazzjoni permezz ta’ obbligi jew projbizzjonijiet li jorbtu mhux iġġustifikat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jew mill-formulazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar jew il-Habitat (29).

55.      Huwa magħruf li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE (30), direttiva għandha torbot lil kull Stat Membru li hija indirizzata lilu f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla tal-forom u metodi tal-implementazzjoni f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali (31). Għalhekk l-Awstrija bħal kull Stat Membru ieħor, tista’ tagħżel il-forma u l-metodi għall-implementazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat.

56.      Waqt is-seduta l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma hemm xejn fil-formulazzjoni la tad-Direttivi dwar l-Għasafar u lanqas tal-Habitat li jissuġġerixxi li l-protezzjoni legali ta’ ŻPS għandha tkun inkorporata fl-istess att li jikklassifika sit bħala ŻPS. Bl-istess mod, il-formulazzjoni tad-direttivi ma tistipulax li miżuri speċjali ta’ konservazzjoni jistgħu biss jieħdu l-forma ta’ obbligi u projbizzjonijiet speċifiċi.

57.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi approċċ li jfittex li jippreskrivi l-forma u l-metodu ta’ implementazzjoni huwa inkonsistenti kemm mal-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni speċifika li dwarha hawnhekk teżisti kwistjoni kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

58.      Numru ta’ kunsiderazzjonijiet oħra wkoll jimmilitaw kontra l-approċċ sostnut mill-Kummissjoni.

59.      Id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat għandhom għanijiet simili, jiġifieri li jiżguraw il-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u, fil-każ tal-għasafar, tal-ispeċi kollha li jeżistu b’mod naturali fl-istat selvaġġ (32). Iż-ŻPS stabbiliti skont id-Direttiva Għasafar jinġibu fi ħdan l-ambitu ta’ Natura 2000, li hija stabbilita bħala netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti skont id-Direttiva Habitat (33). Għalhekk fil-fehma tiegħi, kif sostnejt fil-kawża Stadt Papenburg (34), jidher li hemm rabta mill-qrib bejn iż-żewġ Direttivi u li dawn għandhom jiġu interpretati b’mod konsistenti.

60.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva Habitat jistabbilixxi numru ta’ miżuri possibbli li jistgħu jiġu adottati għal ŻSK, inklużi miżuri statutorji amministrattivi jew kuntrattwali li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet ekoloġiċi tal-habitats naturali tal-ispeċi inkwistjoni. Fil-fehma tiegħi l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jkollhom rikors għal firxa simili ta’ għażliet meta jiġu adottati miżuri speċjali ta’ konservazzjoni taħt id-Direttiva Għasafar (35).

61.      F’dak ir-rigward, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar jistipula li l-għan tal-miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-habitats tal-ispeċi elenkati fl-Anness I u għal speċi migratorji (mhux elenkati fl-Anness) huwa li jiżgura s-sopravivenza u r-riproduzzjoni fiż-żona ta’ distribuzzjoni tagħhom. Biex jagħmlu t-traspożizzjoni ta’ dak l-obbligu, l-Istati Membri għandhom jevalwaw u jintroduċu miżuri xierqa biex jiżguraw li habitat jiġi ppreservat, miżmum u/jew irrpristinat sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar. Imma, dan ma jfissirx li jistgħu jintużaw biss miżuri li jintroduċu projbizzjonijiet u obbligi biex jingħata effett lid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat. Lanqas ma jfisser li projbizzjonijiet u obbligi għandhom jiġu użati f’kull każ (anki fejn ġew promulgati miżuri oħrajn).

62.      Pereżempju, il-projbizzjonijiet huma strumenti utli li jagħtu protezzjoni kontra sors identifikat ta’ ħsara. Bl-istess mod l-obbligi huma utli meta l-persuna li għandha ssir is-suġġett tar-regola hija faċilment identifikabbli. Madankollu, miżuri bħal dawn ma humiex se jittrattaw neċessarjament kull eventwalità b’mod komprensiv. Għalhekk, la waħda u lanqas l-oħra jistgħu ma jkunu adatti biex jipprovdu protezzjoni effettiva kontra ħsara potenzjali li ma ġietx għal kollox identifikata. F’każ bħal dan jista’ ikun neċessarju li jingħataw poteri lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu azzjoni pożittiva pjuttost milli jirreaġixxu billi joħorġu projbizzjonijiet jew obbligi.

63.      Il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri speċjali ta’ konservazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni. Il-kundizzjonijiet ambjentali jinbidlu. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom bżonn li jkollhom ftit tal-flessibbiltà fl-għodod li jużaw (36).

64.      Il-Kummissjoni targumenta li l-Istati Membri ma jistgħux jużaw miżuri differenti f’reġjuni differenti. Jien ma naqbilx ma’ dan. Id-Direttiva Għasafar tobbliga lill-Istati Membri li jadottaw miżuri li huma adatti għall-ispeċi inkwistjoni. Inevitabbilment, miżuri differenti jistgħu jkunu adatti biex jipproteġu speċi li tbejjet f’żona fejn il-veġetazzjoni hija ddominata mill-mergħat imqabbla ma’ speċi li jabitaw fil-foresta u li jbejtu fis-siġar. Il-miżuri se jvarjaw skont jekk humiex meħtieġa biex jippreservaw, iżommu jew jirrpristinaw diversità u żoni suffiċjenti ta’ habitats għall-konservazzjoni ta’ għasafar.

65.      Fil-fehma tiegħi, għalhekk l-Istati Membri għandhom jiddisponu minn firxa sħiħa ta’ miżuri li jistgħu jagħżlu minnhom sabiex jimplementaw id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat.

66.      Il-Kummissjoni tagħmel tliet sottomissjonijiet speċifiċi rigward is-sustanza tal-miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li tikkunsidra li għandhom jadottaw l-Istati Membri. L-ewwel, in-nomina tas-sit u l-miżuri rilevanti għandhom jiġu ppubbliċizzati fi strument li jorbot li huwa nfurzabbli kontra terzi. It-tieni, l-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri biex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet partikolari tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat. It-tielet, il-miżuri speċjali ta’ konservazzjoni għandhom ikunu speċifiċi: jiġifieri, għandhom japplikaw għal ŻPS speċifika u jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet ambjentali tagħha u tal-ispeċi partikolari li jistkennu fiha.

67.      Qabel ma nittratta dawk is-sottomissjonijiet, huwa importanti li nenfasizza żewġ punti essenzjali.

68.      L-ewwel, fi proċedimenti dwar ksur bħal dawn, l-oneru jinsab fuq il-Kummissjoni biex turi li l-Istat Membru naqas milli jimplementa id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat (37). Għalhekk il-Kummissjoni għandha tidentifika n-nuqqasijiet li hija tallega li jeżistu fir-rigward ta’ speċi speċifika u/jew il-habitat tagħha. It-tieni, l-Istati Membri huma wkoll obbligati li jikkoperaw mal-Kummissjoni billi jipprovdu informazzjoni dwar il-pożizzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom. Dan huwa partikolarment hekk f’każijiet bħal dak preżenti, fejn l-informazzjoni ddettaljata dwar karatteristiċi ambjentali ta’ sit partikolari u l-ispeċi li jinsabu hemmhekk hija vitali biex jiġi evalwat jekk humiex fis-seħħ miżuri effettivi biex tingħata protezzjoni xierqa. Mingħajr din il-koperazzjoni huwa diffiċli għall-Kummissjoni biex tikseb il-materjal neċessarju biex twettaq il-funzjonijiet tagħha taħt l-Artikolu 211 KE (38) u sabiex tiżgura li d-Direttivi fil-fatt qegħdin jiġu implementati (39).

 Strument li legalment jorbot

69.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’forza legali indiskutibbli li torbot u bl-ispeċifiċità, preċiżjoni u ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt il-bżonn ta’ ċertezza legali, li jeħtieġ li, f’każ ta’ direttiva maħsuba biex tagħti drittijiet lil individwi, il-persuni kkonċernati għandhom ikunu f’pożizzjoni li jaċċertaw il-portata sħiħa tad-drittijiet tagħhom (40).

70.      Jien naqbel mal-Kummissjoni li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jeħtieġ li n-nomina ta’ ŻPS u l-miżuri li jiġu introdotti biex jipproteġuhom għandhom jiġu adottati b’tali mod li jagħmluha possibbli għall-persuni kkonċernati b’dawn il-miżuri li jaċċertaw l-iskop tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Dan diġà ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja li stqarret li ż-ŻPS għandhom jingħataw forza vinkolanti indiskutibbli (41).

 Miżuri speċifiċi ta’ traspożizzjoni

71.      Il-Kummissjoni ssostni li l-implementazzjoni fl-Awstrija ma hijiex adegwata għax il-leġiżlazzjoni li tagħmel it-traspożizzjoni tad-Direttiva sempliċement tagħmel referenza għall-għan ġenerali li “jinżamm u jiġi ripristinat stat favorevoli ta’ konservazzjoni konformi mad-Direttiva Għasafar” (42) pjuttost milli tirrepeti l-għanijiet espressi fid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat.

72.      Madankollu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li għat-traspożizzjoni ta’ miżuri ma huwiex neċessarju li tiġi riprodotta l-formulazzjoni eżatta tad-Direttivi (43). Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-kliem tad-Direttiva jiġu riprodotti verbatim, mhux bilfors it-teknika li biha “tikkopja u tirriproduċi” fit-traspożizzjoni twassal għal implementazzjoni fidila. Sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm implementazzjoni xierqa, huwa dejjem meħtieġ li jiġi kkunsidrat l-effett tal-miżura ta’ implementazzjoni fit-totalità tagħha u jekk din tilħaqx l-għanijiet speċifiċi tad-Direttiva inkwistjoni.

73.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-għanijiet tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar jobbligaw lill-Istati Membri li jipprovdu liż-ŻSN b’sistema ta’ protezzjoni legali li kapaċi, b’mod partikolari, tiżgura kemm is-sopravivenza u r-riproduzzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I għad-Direttiva u r-riproduzzjoni, il-ħrif, u fejn speċi migratorji jqattgħu x-xitwa (mhux elenkati fl-Anness I) li madankollu, huma viżitaturi regolari. B’mod partikolari, il-protezzjoni ta’ ŻPS ma tistax tiġi llimitata biex jiġu evitati effetti li huma ta’ ħsara għal bniedem, imma għandhom jinkludu wkoll miżuri pożittivi biex jiġi ppreservat jew imtejjeb l-istat taż-żona, skont il-każ (44).

74.      Għalhekk l-evalwazzjoni ta’ jekk Stat Membru jkunx għamel it-traspożizzjoni fidila ta’ Direttiva ma jista’ qatt ikun sempliċement eżerċizzju semantiku. Għal kuntrarju, irid isir ġudizzju dwar jekk il-miżuri nazzjonali jimplementawx l-għanijiet tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat.

 Miżuri speċifiċi għal ŻPS speċifiċi

75.      L-argument tal-Kummissjoni li l-miżuri għandhom ikunu speċifiċi ma jistax jiġi evalwat fl-astratt. Biex jiġi stabbilit li t-tieni lment tagħha huwa fondat, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja prova li turi li t-tħassib tagħha huwa ġġustifikat. Klawżola ġenerali tista’ tikkostitwixxi implementazzjoni adegwata jekk b’mod ċar li din timplementa l-ħtiġijiet tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw il-liġi u l-persuni li huma affettwati bid-dispożizzjonijiet (45).

76.      Barra minn dan, peress li l-Kummissjoni għandha l-oneru tal-prova, jekk tixtieq tagħmel ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika (46), hija għandha turi li kien hemm nuqqas li titħares speċi partikolari li fir-rigward tagħha (jew fir-rigward tal-habitat tagħha) hemm tħassib li ġie identifikat.

77.      Il-Kummissjoni għażlet li tippreżenta t-tieni lment b’mod ġenerali ħafna. Hija tagħmel referenza għal siltiet minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi f’diversi Länder Awstrijaċi. Hija ma tidentifikax l-ispeċi ta’ għasafar, u l-karatteristiċi ambjentali tal-habitats rilevanti, li fir-rigward tagħhom issostni li jeżisti tħassib u b’mod ġenerali ma tipprovdix prova biex tissostanzja dan it-tħassib. Fil-fehma tiegħi, meta tippreżenta l-każ tagħha b’dan il-mod, il-Kummissjoni qed tonqos milli tissodisfa l-oneru tal-prova fir-rigward tal-allegazzjonijiet tagħha li l-Awstrija naqset li tintroduċi miżuri speċifiċi.

78.      Fl-evalwazzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja hija ostakolata wkoll mill-fatt li l-ebda waħda mill-partijiet ma pprovdiet spjegazzjoni ċara tal-qafas leġiżlattiv għall-implementazzjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat fl-Awstrija. Lanqas ma hija spjegata b’mod ċar il-pożizzjoni f’kull reġjun. Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tiddisponi minn siltiet minn leġiżlazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni u mill-Awstrija insostenn tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom. Din ma għandhiex il-kwadru komplut.

79.      Biex niġbor il-konklużjonijiet tiegħi dwar it-tieni lment tal-Kummissjon fir-rikors tagħha, jien ma naċċettax l-argument ta’ prinċipju ġenerali tal-Kummissjoni rigward il-metodi limitati li bihom l-Istati Membri jistgħu jimplementaw kif suppost id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat. Jien indikajt, reġjun b’reġjun, il-portata limitata li biha fil-fehma tiegħi l-Kummissjoni wriet li hija intitolata għad-dikjarazzjoni li qed titlob. Dan ma għandux jiġi kkunsidrat li jfisser li jien sodisfatt minn kwalunkwe aspett ieħor li l-Awstrija kkonformat għal kollox mal-obbligi tagħha taħt dawk iż-żewġ Direttivi invokati mill-Kummissjoni f’din il-kawża. Din hija pjuttost, il-konsegwenza inevitabbli tal-mod kif il-Kummissjoni ppreżentat il-kawża tagħha. Fl-aħħar, ma naħsibx li huwa sew li l-Qorti tal-Ġustizzja tinvolvi ruħha f’xogħol estensiv ta’ stħarriġ fi proċedimenti ta’ ksur kontra Stat Membru, sabiex tagħmel tajjeb għal nuqqasijiet fl-argumenti tal-Kummissjoni.

 L-ilmenti speċifiċi tal-Kummissjoni

 Burgenland u Vjenna

80.      Qabel ma nikkunsidra l-pożizzjoni f’kull waħda mil-Länder Awstrijaċi fid-dettall nixtieq li nittratta fil-qosor il-Länder ta’ Burgenland u ta’ Vjenna. Il-Kummissjoni tinkludi ż-żewġ Länder fit-tieni lment. Madankollu, il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li l-ebda ŻPS ma kienu nnominati f’dawk il-Länder qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (47). Ma huwiex possibbli li tiġi evalwata l-adegwatezza tal-protezzjoni legali għas-siti li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPM. Għalhekk il-pożizzjoni tal-Kummissjoni minnha nnifisha hija kontradittorja. Il-Kummissjoni ma inkludietx fir-rikors tagħha xi allegazzjoni li ebda ŻPS ma ġiet innominata f’Burgenland u Vjenna sal-iskadenza tal-għeluq iż-żmien fl-opinjoni motivata. Għalhekk, ilment bħal dan huwa irrilevanti fid-dawl tat-talbiet tal-Kummissjoni (nuqqas li tiġi pprovduta protezzjoni legali għal ŻPS li digà ġew innominati). Konsegwentement, jien se ninjora din il-parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni.

 Kärntner

81.      Mhux ikkontestat li sit wieħed biss fil-Kärntner kien ġie kklassifikat bħala ŻPS sal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (48). Fit-tweġiba tagħha l-Kummissjoni apparentement ippruvat tinkludi ż-ŻPS kollha fil-Land ta’ Kärntner fl-iskop tat-tieni lment tagħha (49), imma mbagħad ikkontradixxiet dik l-impressjoni meta stqarret li dan l-ilment kien jikkonċerna biss parti miż-ŻPS ta’ “Flachwasserbiotop Neudenstein”.

82.      Il-Kummissjoni tallega li l-leġiżlazzjoni li biha s-sit Flachwasserbiotop Neudensteinn huwa klassifikat ma hijiex suffiċjenti peress li ma tinkludix mappa li turi l-konfini tas-sit. Il-Kummissjoni ssostni li ma hemm ebda indikazzjoni ta’ liema speċi hija protetta jew tal-għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ konservazjoni għall-ispeċi li għaliha s-sit jipprovdi habitat.

83.      Jien naqbel mal-Kummissjoni li l-konfini tas-sit għandhom ikunu stabbiliti b’mod ċar u vinkolanti fuq terzi, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 70 iktar ’il fuq.

84.      Jien ma naqbilx li ċ-ċarezza neċessarja tista’ tinkiseb biss billi tiġi pprovduta mappa. Skont il-kumplessità tas-sit inkwistjoni, seta’ kien possibbli li sit jiġi nnominat billi ssir referenza għal serje ta’ koordinati li jesprimu l-latitudni u l-lonġitudni ta’ ċerti punti matul il-perimetru tiegħu, forsi billi dawn jiġu relatati wkoll ma’ karatteristiċi ġeografiċi partikolarment importanti.

85.      Fil-każ preżenti, ma hemm l-ebda informazzjoni li tindika li l-konfini tas-sit ta’ Flachwasserbiotop Neudenstein huma stabbiliti b’mod ċar li huwa disponibbli għal terzi persuni jew permezz ta’ mappa jew b’mezzi oħrajn.

86.      Fil-fehma tiegħi, wara li tajt ħarsa lejn ir-regolament li jinnomina ż-ŻPS, li, għalkemm din tipprovdi miżura ta’ protezzjoni, din tonqos li tintroduċi miżuri li jagħtu effett sħiħ lill-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat peress li din ma tagħmilx provvediment biex l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri pożittivi biex jevitaw id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati iż-żoni.

87.      Għalhekk jien nikkunsidra li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fir-rigward tan-nuqqas li jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttiva Għasafar biex jiġu ntrodotti miżuri li juru d-delimitazzjoni taż-ŻPS ta’ Flachwasserbiotop Neudenstein u biex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat.

88.      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li għandhom jiġu ntrodotti miżuri speċifiċi għal speċi partikolari u l-habitats tagħhom. Madankollu, fl-assenza ta’ xi informazzjoni dwar l-ispeċi li jeżistu u dwar jekk il-habitat tagħhom jeħtieġx protezzjoni sabiex jitwettqu l-għanijiet tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitats jien nikkunsidra li dan l-ilment huwa infondat għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 77.

 Niederösterreich

89.      Il-Kummissjoni tistqarr li sal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata sit wieħed kien ġie kklassifikat bħala ŻPS (50), imma s-sistema ta’ protezzjoni legali għal dak is-sit hija inadegwata għax ma tinkludix miżuri speċifiċi għal speċji partikolari ta’ għasafar u għall-habitat tagħhom.

90.      L-Awstrija targumenta li s-sit huwa kopert bil-leġiżlazzjoni eżistenti li tipproteġi l-għasafar kollha li jgħixu b’mod naturali fl-istat selvaġġ fis-sens tad-Direttiva. L-għanijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif iddikjarati huma li jintlaħaq stat favorevoli ta’ konservazzjoni u li jitħarsu dawk li huma deskritti bħala speċi ta’ prijorità u habitats ta’ prijorità.

91.      Il-Kummissjoni resqet l-argumenti tagħha b’mod astratt. Hija naqset li tidentifika l-ispeċi partikolari ta’ għasafar u l-habitat tagħhom li dwarhom tikkunsidra li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi u t-tħassib li għandha rigward dawk l-ispeċi u l-habitat tagħhom. Konsegwentement, f’dan ir-rigward, jien nikkunsidra li dan l-ilment huwa infondat (51).

 L-Oberösterreich

92.      Il-Kummissjoni tikkonferma li hija ġiet innotifikata bi ħdax-il sit li ġew nominati bħala ŻPS, imma ssostni li ma hemm l-ebda protezzjoni legali fir-rigward ta’ ħamsa minnhom (52) u l-protezzjoni legali hija inadegwata għas-sitta l-oħra (53).

93.      L-ilment tal-Kummissjoni evidentement huwa fondat fir-rigward tal-ħames ŻPS li fir-rigward tagħhom ma ġew notifikati ebda miżuri.

94.      Il-miżuri għaż-ŻPS ta’ Ettenau, Trau‑Donau‑Auen u Frankinger Moos (54) jidhru li huma inadegwati peress li speċi ta’ għasafar migratorji (mhux elenkati fl-Anness I) ma humiex inklużi fl-iskop tal-leġiżlazzjoni. Għalhekk ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fir-rigward tal-ilment tagħha dwar in-nuqqas li tiġi pprovduta protezzjoni legali adegwata taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar.

95.      Lanqas ma huwa ċar liema miżuri, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu biex jevitaw “id-deterjorament tal-habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni” konformi mal-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat (għas-siti fiż-ŻPS ta’ Ettenau, Trau‑Donau‑Auen u Frankinger Moos). Il-miżuri li jikkonċernaw iż-ŻPS ta’ Dachstein, Unterer Inn u Kalkalpen Nationalpark (55) ukoll jidhru li huma inadegwati rigward dan il-punt.

96.      Ghalhekk l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat f’dan ir-rigward.

97.      Il-Kummissjoni targumenta wkoll li l-protezzjoni legali għandu jkollha mira speċifika, imma għal darb’oħra fir-rigward tas-siti ta’ Dachstein, Unterer Inn u l-Kalkalpen Nationalpark, naqset li tidentifika l-ispeċi li għalihom il-miżuri speċifiċi għandhom jiġu introdotti u t-tħassib li għandha dwarhom u dwar il-habtitats tagħhom. Konsegwentement, f’dan ir-rigward, dan l-ilment huwa infondat (56).

 Salzburg

98.      Il-Kummissjoni tistqarr li hija kienet ġiet innotifikata bil-miżuri ta’ protezzjoni legali għal 15-il ŻPS f’dan ir-reġjun (57). Hija rtirat it-talba tagħha fir-rigward ta’ disgħa minn dawk is-siti.

99.      Il-Kummissjoni ssostni l-ilment tagħha fir-rigward ta’ sitt siti: Bürmooser-Moor, Salzachauen, Hochgimpling, Oichtenriede, Wallersee-Wegermoor u Hohe Tauern. L-Awstrija tikkonferma li għas-siti ta’ Bürmooser Moor u Salzachauen ma ġiet stabbilita l-ebda protezzjoni sal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Fir-rigward tas-sit f’Hochgimpling, ir-regolamenti nazzjonali ġew notifikati wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, u għalhekk ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

100. Għalhekk l-ilment tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk it-tliet ŻPS huwa fondat (58).

101. L-Awstrija targumenta li l-leġiżlazzjoni li tikkonċerna s-siti ta’ Oichtenriede u Wallersee‑Wengermoor tintroduċi dispożizzjonijiet simili għal dawk li ġew aċċettati mill-Kummissjoni bħala li jipprovdu protezzjoni legali xierqa għas-sit ta’ Winklmoos, li fir-rigward tagħha rtirat l-ilment. Skont il-kontroreplika tal-Awstrija l-leġiżlazzjoni ġiet ippromulgata – u għalhekk nifhem li saret pubblika – fl-1 ta’ Lulju 2006. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li ma ġietx innotifikata b’xi miżuri ta’ implementazzjoni għal dawk iż-żewġ siti.

102. L-Istati Membri għandhom id-dmir taħt id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitats li jagħmlu t-traspożizzjoni tad-direttivi u li jinnotifikaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni (59). Għalhekk, fl-assenza ta’ informazzjoni li tindika li miżuri li jintroduċu protezzjoni legali xierqa għas-siti ta’ Oichtenriede u Wallersee‑Wengermoor kienu ġew debitament notifikati, jien nikkunsidra li f’dan ir-rigward l-ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

103. Fir-rigward tas-sit ta’ Hohe Tauern, l-Awstrija ssostni li hemm ipprovduta protezzjoni permezz tal-leġiżlazzjoni ta’ dan ir-reġjun, LGBl Nru 58/2005 u l-liġi tal-Land ta’ Salzburg dwar il-protezzjoni tan-natura (is-Salzburger Naturschutzgestz). Għalkemm dawn il-miżuri jintroduċu miżura ta’ protezzjoni għall-annimali u għasafar selvaġġi li hemm fiż-ŻPS ta’ Hohe Tauern, dawn ma jidhrux li jagħtu effett sħiħ lill-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttivi tal-Habitats, peress li dawn ma jagħtux il-poter lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu miżuri pożittivi biex jevitaw “id-deterjorament tal-habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni”. Għalhekk jien nikkunsidra li dan l-ilment huwa fondat fir-rigward ta’ Hohe Tauern peress li l-Kummissjoni wriet li kien hemm nuqqas li tiġi pprovduta protezzjoni legali skont l-Artikolu 6(2) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat.

104. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, hemm lok li jintlaqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sitt siti ta’ Bürmooser-Moor, Salzachauen, Hochgimpling, Oichtenriede, Wallersee-Wegermoor u Hohe Tauern.

105. Fl-aħħar, fir-rigward ta’ Hohe Tauern, il-Kummissjoni argumentat li l-protezzjoni legali għandha tkun speċifikament iffukata. Din għal darb’oħra naqset li tidentifika l-ispeċi li għalihom tikkunsidra li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni u t-tħassib li għandha rigward dawk l-ispeċi l-oħra u l-habitats tagħhom. Għalhekk, jien nikkunsidra li dan l-ilment huwa infondat f’dak ir-rigward (60).

 Steiermark

106. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li teżisti sistema ta’ protezzjoni legali għal kull ŻPS ikklassifikata taħt il-liġi ta’ dan ir-reġjun dwar il-protezzjoni tan-natura (61), imma ssostni li hija wisq ġenerali biex tissodisfa l-obbligi tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitats. Għal darb’oħra l-Kummissjoni naqset li tidentifika l-ispeċi li għalihom hija tikkunsidra li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi u t-tħassib li għandha rigward dawk l-ispeċi u l-habitat tagħhom. Għalhekk, jien nikkunsidra li f’dak ir-rigward dan l-ilment huwa infondat (62).

 Tirol

107. Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni eżistenti (63) tipprovdi poter ġenerali (64) biex jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi biex tiġi introdotta protezzjoni legali għall-iskopijiet tad-Direttiva Għasafar. Madankollu, ebda miżuri bħal dawn ma ġew adottati sal-iskadenza tal-għeluq taż-żmien mogħti fl-opinjoni motivata.

108. L-Awstrija ma tikkontestax li dik hija l-pożizzjoni.

109. Kif diġà fakkart, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li traspożizzjoni fidila tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitats hija partikolarment importanti (65). Barra minn dan, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jitlob li l-qafas ta’ implementazzjoni għandu jkun preċiż u ċar. Fil-fehma tiegħi dan ma jistax jiġi żgurat billi ssir referenza għal poter ġenerali li bih l-ebda miżuri li jorbtu ma ġew introdotti (66).

110. Konsegwentement, jien tal-fehma li fir-rigward tat-Tirol l-ilment tal‑Kummissjoni huwa fondat.

 Vorarlberg

111. Il-Kummissjoni ssostni li ma ġew introdotti ebda miżuri speċifiċi li jistabbilixxu l-protezzjoni speċifika u l-għanijiet ta’ konservazzjoni jew obbligi inkella projbizzjonijiet għas-siti kklassifikati bħala ŻPS f’dan ir-reġjun.

112. Madankollu, għal darb’oħra l-Kummissjoni naqset li tidentifika l-ispeci li tikkunsidra li għalihom għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi u t-tħassib li għandha rigward dawk l-ispeċi u l-habitats tagħhom. Għalhekk, f’dan ir-rigward jien nikkunsidra li l-ilment ma huwiex fondat (67).

 L-ispejjeż

113. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Awstrija għamlu talba għall-ispejjeż. Mill-analiżi li għamilt, it-talbiet tal-Kummissjoni għandhom jintlaqgħu parzjalment.

114. Konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tar-Regoli ta’ Proċedura kull parti għandha għalhekk tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 Konklużjoni

115. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti preċedentement, jien nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)         tiddikjara li l-Awstrija kisret id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi (id-“Direttiva Għasafar), billi naqset li tinnomina (fil-każ tal-“Hansag” fil-Land ta’ Burgenland) jew tiddelimita b’mod korrett, skont kriterji ornitoloġiċi (fil‑każ tan-“Niedere Tauern” fil-Land ta’ Steiermark), it-territorji l-iktar adatti fl-Awstrija, fin-numru u fid-daqs, bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-konservazzjoni ta’ speċi ta’ għasafar taħt l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi;

2)         tiddikjara li l-Awstrija naqset li tipprovdi protezzjoni legali xierqa f’dan ir‑rigward:

–        fil-Land ta’ Kärntner, konformi mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, billi naqset li tistabbilixxi l-portata taż-ŻPS ta’ Flachwasserbiotop Neudenstein fi strument li jorbot li huwa nfurzabbli kontra terzi, u billi naqset li tagħmel it-traspożizzjoni sħiħa tal-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il‑konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi (id-“Direttiva Habitat”) fir-rigward ta’ dik iż-ŻPS;

–        fil-Land Oberösterreich, konformi mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, billi naqset li tagħmel it-traspożizzjoni sħiħa b’mod konformi mal-Artikolu 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat għaż-ŻPS ta’ Maltsch, Wiesengebiete im Freiwald, Pfeifer Anger, Oberes Donautal, Untere Traun, Ettenau, Trau‑Donau‑Auen u Frankinger Moos u billi naqset li tagħmel it‑traspożizzjoni sħiħa tal-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat għas-siti ta’ Dachstein u Unterer Inn u ż-ŻPS tal-Park Nazzjonali ta’ Kalkalpen;

–        fil-Land ta’ Salzburg, konformi mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, billi naqset li tagħmel it-traspożizzjoni sħiħa b’mod konformi mal-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat għas-siti ta’ Bürmooser Moor, Salzachauen, Hochgimpling, Oichtenriede u Wallersee‑Wengermoor, u billi naqset li tagħmel it-traspożizzjoni sħiħa b’mod konformi mal-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat għas-sit ta’ Hohe Tauern;

–        fil-Land tat-Tirol, konformi mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar, billi naqset li tagħmel it-traspożizzjoni sħiħa b’mod konformi mal-Artikoli 6(2) u 7 tad-Direttiva Habitat għaż-ŻPS li diġà ġew innominati.

3)         tiċħad il-kumplament tar-rikors;

4)         tikkundanna lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħħa.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – L-ewwel waħda kienet il-kawża li waslet għas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑507/04, Ġabra p. I‑5939), fejn il-Kummissjoni allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikoli 1(1) u (2), 5, 6(1), 7(1) u (4), 8, 9(1) u (2) u 11 tad-Direttiva Għasafar. Barra minn dan, fis-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑209/04, Ġabra p. I‑2755), il-Kummissjoni allegat nuqqas li ċerti siti jiġu kklassifikati bħala ŻPS skont id-Direttiva Għasafar u li jiġu ssodisfatti l-obbligi tad-Direttiva Habitat fir-rigward ta’ proġett ta’ kostruzzjoni.


3 – Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98).


4 – Li sar l-Artikolu 258 TFUE.


5 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u fawna u flora selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).


6 –      Li sar l-Artikolu 191 TFUE.


7 –      Iktar ’il quddiem “ŻSK”.


8 – L-ebda waħda mill-partijiet ma tiddefinixxi t-terminu “żona ta’ konservazzjoni Ewropea”. Mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni nifhem li din tirreferi għal żoni li ġew nominati bħala parkijiet nazzjonali jew riżervi naturali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Land rilevanti. It-terminu ma jidhirx li għandu l-istess tifsira bħal “ŻPS” jew bħal “ŻSK”. Madankollu, jidher ukoll li “żona ta’ konservazzjoni Ewropea” jista’ jkollha l-istess tifsira bħal ŻPS u ŻSK.


9 – Sentenza tal-11 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑67/99, Ġabra p. I‑5757, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑195/04, Ġabra p. I‑3351, punt 18).


10 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 23; ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, iċċitata wkoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.


11 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


12 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, Ġabra p. I‑12903, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, Ġabra p. I‑10799, punti 43 sa 46).


14 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 47.


15 – Rigward it-tieni lment, il-Kummissjoni tidentifika ċerti siti li l-awtoritajiet Awstrijaċi kklassifikaw bħala ŻPS wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata (pereżempju fil-Länder ta’ Burgenland u Vjenna). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar tapplikax għal dawk is-siti għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt 80 iktar l-isfel.


16 – Ara, b’kuntrast ma’ dan, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, (C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punti 169 sa 175), fejn il-Kummissjoni għażlet li tinkludi siti li ma kienux ġew ikklassifikati bħala ŻPS fl-iskop tal-azzjoni, u allegat nuqqas li tiġi applikata l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva Għasafar.


17 – Ara s-sentenza, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 47, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li sabiex tikklassifika l-iktar żoni adatti bħala ŻPS huwa meħtieġ li tiġi aġġornata d-data xjentifika biex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni tal-iktar speċi fil-perikolu u l-ispeċi li jikkostitwixxu l-wirt komuni tal-Komunità.


18 – Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 (C‑507/04, punt 277).


19 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 (C‑418/04, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 (C‑209/04, punt 33 u l-ġurisprudenza iċċitata).


21 – Ir-rapport ta’ H. Gallaun, P. Sackl, C. Praschk, M. Schardt u P. Trinkaus (2006), iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, fil-punt 44, tar-rikors tal-Kummissjoni [“Gallaun et al (2006)”]. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tagħmel ukoll referenza għar-rapport Lentner tal-2004, “Osservazzjonijiet ornitoloġiċi fil-qafas tar-riduzzjoni taż-Żona Speċjali Mħarsa tan-Niedere Tauern fil-kuntest tad-Direttiva Għasafar 79/409/KEE” [iktar ’il quddiem “Lentner (2004)”].


22 – Peress li dawn ma ġewx identifikati mill-Awstrija, lanqas jien ma nista’ nagħmel dan.


23 – L-Awstrija tibbaża fuq studju sussegwenti ta’ Josef Eisner tat-18 ta’ Diċembru 2007 dwar iż-ŻPS tan-“Niedere Tauern” AT2209000 [“Eisner (2007)”].


24 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25 – Ara l-punt 40 iktar ’il fuq. Stat Membru għandu jiżgura ruħu, billi jikkummissjona jew jikseb studju xieraq, li ż-żona ta’ ŻPS tista’ titnaqqas mingħajr ma jiġu pperikolati l-għanijiet tad-Direttiva qabel ma jawtorizza tali tnaqqis. Jien naċċetta li Stat Membru jista’ jissupplimenta l-provi disponibbli waqt il-proċedura prekontenzjuża, sal-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Ara wkoll is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑235/04, Ġabra p. I‑5415, punti 23 u 24).


26 – Is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑434/01, Ġabra p. I‑13239, punt 21 u l-ġurisprudenza iċċitata); ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 167.


27 – Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Inventarju ta’ Żoni Importanti tal-Għasafar fil-Komunità Ewropea, ippubblikat fl-1989 u fl-2000, magħrufa rispettivament bħala “IBA 1989” u “IBA 2000”, huwa meqjus bħala l-iktar studju awtorevoli fil-qasam: ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 40 u 48. F’din il-kawża, il-Kummissjoni qagħdet fuq żewġ rapporti: Lentner (2004) u Gallaun et al (2006).


28 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 47 u l-ġurisprudenza iċċitata.


29 – F’dak li ġej, ir-referenzi għad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitat jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li dwarhom hawnhekk teżisti kwistjoni: l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva Għasafar; u l-Artikolu 6(2) flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva Habitat.


30 – Li sar l-Artikolu 288 TFUE.


31 – Fil-kuntest preżenti, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32 – L-Artikolu 1 tad-Direttiva Għasafar u l-Artikolu 2 tad-Direttiva Habitat.


33 – L-Artikolu 3(1) u s-seba’ premessa tal-preambolu għad-Direttiva Habitat.


34 – Il-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stadt Papenburg (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, C‑226/08, Ġabra I-131).


35 – Iż-ŻSK ġiet introdotta fid-Direttiva Habitat, ara l-punti 8 u 11 iktar ’il fuq. Iż-ŻSK hija l-klassifikazzjoni parallela għal siti skont id-Direttiva Għasafar.


36 – Ara, pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 (C‑209/04, punt 20). Il-kwistjoni f’dik il-kawża kienet il-klassifikazzjoni tas-siti, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeskrivi bħala li hija suġġetta għal obbligu kontinwu. Fil-fehma tiegħi l-istess prinċipju japplika bl-istess mod għall-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni.


37 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 167.


38 – Li sar l-Artikolu 17 TUE dwar il-funzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni.


39 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑427/07, Ġabra I-6277, punt 105).


40 – Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 55 u l-ġurisprudenza iċċitata.


41 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑415/01, Ġabra p. I‑2081, punti 21 u 22).


42 – Din il-formulazzjoni, mogħtija bħala eżempju mill-Kummissjoni fil-punt 68 tar-replika tagħha hija meħuda mil-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Steiermark.


43 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 89.


44 – Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, (C-293/07, Ġabra I-182, punti 22 sa 24.


45 – Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva Habitat, ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 21.


46 – Is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑166/97, Ġabra p. I‑1719) hija eżempju ta’ każ fejn il-Kummissjoni għamlet ilment speċifiku li Stat Membru kien naqas li jipprovdi miżuri speċjali ta’ konservazzjoni taħt id-Direttiva Għasafar fir-rigward ta’ żona speċifika (ambjent ta’ artijiet mistagħdra fl-Estwarju tas-Seine). Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-166/04).


47 – Il-leġiżlazzjoni fejn ġew innominati ŻPS fi Burgenland u Vjenna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna lil Vjenna ġiet adottata fis-17 ta’ Otturbu 2007. Ma għandix l-informazzjoni li tikkonferma d-data jew dati meta ġiet adottata dik il-leġiżlazzjoni għal Burgenland.


48 – Is-sit tal-Flachwasserbiotop Neudenstein ġie nnominat permezz tar-Regolament tal-Gvern ta’ Kärntner tal-15 ta’ Ġunju 2005 (LGB1 Nru 47/2005) Żona Ewropea Mħarsa tal-Flachwasserbiotop Neudenstein.


49 – Issir referenza għal 12–il sit ieħor fil-punt 52 tar-replika tal-Kummissjoni.


50 – Is-sit f’Tullnerfelder Donau-Auen ikklassifikat taħt LG.5505-1 tal-2001 (Il-Liġi dwar il-Park Nazzjonali fin-Niederösterreich).


51 – Ara l-punt 77 iktar ’il fuq.


52 – Is-siti f’Maltsch, Wiesengebiete im Freiwald, Pfeifer Anger, Oberes Donautal u Untere Traun.


53 – Is-siti f’Ettenau, Traun-Donau-Auen, Frankinger Moos, Dachstein u Unterer Inn u l-Park Nazzjonali f’Kalkalpen.


54 – Ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-Länder huma dawn li ġejjin: Ettenau – LGB1 Nru 110/2005, Trau‑Donau‑Auen LGB1 Nru 32/2004, Frankinger Moos LGB1 Nru 25/2005.


55 – Ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni rilevanti huma dawn li ġejjin: Dachstein – LGB1 Nru 6/2005, Unterer Inn – LGB1 No 69/2004, Nationalpark Kalkalpen – LGB1 Nru 58/2005.


56 – Ara l-punt 77 iktar ’il fuq.


57 – Klemmerich, Dürrnbachhorn, Martinsbichl, Hochgimpling, Joching, Weidmoos, Winklmoos, Gernfilzen-Bannwald, Kematen, Obertauern-Hundsfeldmoor, Salzachauen, Oichtenriede, Bürmooser-Moor, Wallersee-Wengermoor u Hohe-Tauern.


58 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 (C‑418/04, punt 74).


59 – L-Artikolu 18 tad-Direttiva Għasafar u l-Artikolu 23 tad-Direttiva Habitat kellha ssir traspożizzjoni sħiħa tagħhom fl-Awstrija sal-1 ta’ Jannar 1995. Ara wkoll Il-Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 (C‑427/07, punti 105 sa 108), dwar id-dmir li tiġi nnotifikata it-traspożizzjoni lill-Kummissjoni.


60 – Ara l-punt 77 iktar ’il fuq.


61 – Il-Liġi tal-Protezzjoni tan-Natura ta’ Steiermark tal-1976 (NschG 1976), LGB1 Nru 65, emenda ppubblikata fil-LGB1 Nru 71/2007 tat-22 ta’ Mejju 2007.


62 – Ara l-punt 77 iktar ’il fuq.


63 – It-Tiroler Naturschutzgesetz; (TNSchG) (Il-Liġi tal-Land tat-Tirol dwar il-protezzjoni tan-natura) tat-12 ta’ Mejju 2004.


64 – L-Artikolu 14(3) tat-TNSchG.


65 – Punt 34.


66 – Sentenza tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (96/81, Ġabra p. 1791, punt 12).


67 – Ara l-punt 77 iktar ’il fuq.

Top