Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 62007CC0534

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 30 ta' April 2009.
    William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH & Co. KG vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Ewropew tal-oġġetti tal-ħjata (labar) - Akkordji ta’ tqassim tas-suq - Ksur tad-drittijiet tad-difiża - Obbligu ta’ motivazzjoni - Multa - Linji gwida - Gravità tal-ksur - Impatt reali fuq is-suq - Implementazzjoni tal-akkordju.
    Kawża C-534/07 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-07415

    Identificatore ECLI: ECLI:EU:C:2009:277

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PAOLO MENGOZZI

    ppreżentati fit-30 ta’ April 2009 ( 1 )

    Kawża C-534/07 P

    William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH & Co. KG

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    “Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-oġġetti tal-ħjata (labar) — Ftehim ta’ tqassim tas-suq — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Multa — Linji gwida — Gravità tal-ksur — Impatt konkret fuq is-suq — Implementazzjoni tal-akkordju”

    I — Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    1.

    Bid-deċiżjoni C(2004) 4221 finali, tas-26 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/F-1/38.338 — PO/Labar) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddikjarat, fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, li William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH & Co. KG kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw f’serje ta’ ftehim li wasslu għal, jew ikkontribwixxew, minn naħa, għat-tqassim tas-swieq tal-prodotti, bil-qsim tas-suq Ewropew tal-oġġetti tal-ħjata u, min-naħa l-oħra, għat-tqassim tas-swieq ġeografiċi, bil-qsim tas-suq Ewropew tal-labar, flimkien ma’ żewġ impriżi Brittanniċi u s-sussidjarji rispettivi tagħhom, jiġifieri, minn naħa, Coats Holdings Ltd u J & P Coats Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Coats”) u, min-naħa l-oħra, Entaco Group Ltd u Entaco Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Entaco”).

    2.

    Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-appellanti multa ta’ EUR 30 miljun.

    3.

    Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni stabbilixxiet din il-multa abbażi tal-gravità u tat-tul taż-żmien tal-ksur, jiġifieri ż-żewġ kriterji msemmija kemm fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat ( 2 ), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 17”), kif ukoll fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ( 3 ). Biex tikkalkola l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni segwiet ukoll, mingħajr ma semmietu b’mod espliċitu, il-metodu msemmi fil-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ( 4 ) (iktar ’il quddiem “il-Linji gwida”).

    4.

    B’dan il-mod, fil-kuntest tal-gravità tal-ksur, eżaminata fil-punti 317 sa 321 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, ta’ “l-impatt reali [konkret] tiegħu fuq is-suq”, kif ukoll id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatturi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni wettqu ksur “gravi ħafna”, u konsegwentement hija stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multa tal-appellanti għal EUR 20 miljun.

    5.

    F’dak li jikkonċerna t-tul taż-żmien tal-ksur, il-Kummissjoni qalet li l-ksur huwa mifrux fuq perijodu ta’ mill-inqas ħames snin u tliet xhur, jiġifieri mill-10 ta’ Settembru 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1999. Għaldaqstant il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali b’50% biex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul taż-żmien tal-ksur. Il-Kummissjoni għalhekk stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa tal-appellanti għal EUR 30 miljun.

    6.

    Barra minn hekk, fil-punt 331 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat lill-appellanti l-benefiċċju taċ-ċirkustanzi attenwanti, u enfasizzat, b’mod partikolari, li l-waqfien qabel il-waqt tal-ftehim illeċitu ma seħħx wara intervent tal-Kummissjoni u li hija kienet diġà ħadet inkunsiderazzjoni tali waqfien qabel il-waqt fl-istabbiliment tat-tul taż-żmien tal-ksur.

    7.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien biss il-grupp Entaco li ssodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt B tal-Avviż tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Lulju 1996, dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell ( 5 ) (iktar ’il quddiem “il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”). Għaldaqstant l-ammont totali tal-multa imposta fuq l-appellanti fid-deċiżjoni kkontestata tela’ għal EUR 30 miljun.

    8.

    B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fit-28 ta’ Jannar 2005, l-appellanti talbu, b’mod prinċipali, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kienet tikkkonċernahom u, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta in solidum fuqhom.

    9.

    Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 6 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet parzjalment ir-rikors sa fejn huwa kien intiż għat-tnaqqis tal-multa, filwaqt li kkonstatat li l-appellanti ġew irrifjutati inġustament il-benefiċċju tal-punt D (2) tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għan-nuqqas tal-kontestazzjoni tal-fatti kkonstatati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Marzu 2004. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fis-sens tal-Artikolu 229 KE, naqqset l-ammont tal-multa ta’ EUR 27 miljun imposta fuq l-appellanti. Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Dwar l-ispejjeż, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkundannat lill-appellanti għal 90% tal-ispejjeż tagħhom, kif ukoll 90% tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, u din tal-aħħar ġiet ikkundannata tħallas il-kumplament.

    10.

    B’att ippeżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2007, l-appellanti appellaw mis-sentenza kkontestata u talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod prinċipali, biex tannulla l-imsemmija sentenza sa fejn hija taffettwahom b’mod negattiv u biex tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonċernahom. Sussidjarjament, l-appellanti talbu l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Huma talbu wkoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċedimenti.

    11.

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    12.

    It-trattazzjonijiet tal-partijiet instemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Marzu 2009.

    II — L-analiżi ġuridika

    A — Osservazzjonijiet preliminari

    13.

    Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw ħames aggravji. L-ewwel żewġ aggravji, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u ċ-ċaħda ta’ ġustizzja, isostnu t-talba għall-annullament (totali) tas-sentenza appellata. It-tliet aggravji l-oħra, kif ser nispjega aħjar iktar ’il quddiem, kollha jirrigwardaw unikament l-istabbiliment tal-ammont tal-multa imposta in solidum fuq l-appellanti, u għaldaqstant, jekk mill-inqas wieħed minnhom jintlaqa’, huma jistgħu biss iwasslu għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata, u fejn xieraq, ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, b’mod konformi mal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża.

    14.

    Madankollu ngħid mill-ewwel li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jidhirli li għandu jwassal għall-annullament, lanqas parzjali, tas-sentenza appellata, minkejja li, taħt ċerti aspetti, il-motivazzjoni adottata f’din tal-aħħar mhijiex kompletament eżenti minn kritika, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

    B — Fuq l-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari dwar id-dritt għal smigħ

    1. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    15.

    Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret id-dritt tagħhom għal smigħ meta sseparat proċedura inizjalment unika msejħa “oġġetti tal-ħjata” f’żewġ proċeduri distinti, jiġifieri, minn naħa, dik imsejħa “oġġetti tal-ħjata: labar’” (iktar ’il quddiem: il-“kawża ‘labar’”), li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, u min-naħa l-oħra, dik imsejħa “oġġetti tal-ħjata: ‘żippijiet’” (iktar ’il quddiem: il-“kawża ‘żippijiet’”). L-appellanti sostnew li, kieku l-Kummissjoni rrispettat id-dritt tagħhom għal smigħ, huma kienu jindikaw li l-ammont tal-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali, minħabba li l-kawża “labar” u l-kawża “żippijiet” kienu konnessi. L-appellanti enfasizzaw li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-kawża “żippijiet” fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. B’konsegwenza ta’ dan, il-multa imposta fuq l-appellanti fid-deċiżjoni msemmija hija ħafna ogħla (madwar 8.9% tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-appellanti) minn dik li kienet tkun imposta li kieku ż-żewġ kawżi ġew eżaminati flimkien.

    16.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-argument. Qabel kollox hija sostniet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lill-appellanti fil-15 ta’ Marzu 2004 kellha t-titlu inekwivoku ta’ “dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-proċedura PO/oġġetti tal-ħjata: labar” u li, għaldaqstant, l-appellanti kienu jafu, mill-inqas minn din id-data, li l-Kummissjoni kienet bdiet proċedura distinta li tikkonċerna s-suq tal-labar. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti setgħu għalhekk jiddefendu ruħhom kontra s-separazzjoni tal-proċeduri fir-risposta tagħhom għall-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    17.

    Fil-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet:

    “63

    F’dak li jirrigwarda l-argumenti dwar il-limitu ta’ 10% u dwar l-allegat obbligu tal-Kummissjoni li twettaq ‘evalwazzjoni globali’ tal-kawżi ‘labar’ u ‘żippijiet’, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 23(2) ta’ Regolament Nru 1/2003 jipprovdi biss li l-multa għal kull parteċipant fil-ksur ma għandhiex taqbeż l-10% tad-dħul mill-bejgħ totali matul is-sena preċedenti. Din id-dispożizzjoni ma tirreferix għas-somma tad-diversi multi imposti fuq kumpannija. Jekk l-appellanti effettivament wettqu ksur distint, il-fatt li l-ksur jiġi stabbilit f’diversi deċiżjonijiet jew f’deċiżjoni waħda mhuwiex rilevanti. Għalhekk l-unika kwistjoni li tqum hija jekk il-ksur huwiex effettivament distint jew le.

    64

    F’dan il-kuntest, id-dritt tal-Kummissjoni li tissepara jew li tgħaqqad il-kawżi għal raġunijiet oġġettivi ġie rikonoxxut, impliċitament, fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-71/03, T-4/03, T-87/03 u T-91/03, […] iktar ’il quddiem is-‘sentenza Tokai II’). Fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet timponi fuq SGL Carbon, waħda mill-appellanti f’dawn il-kawżi, tliet multi distinti (f’żewġ deċiżjonijiet), kull waħda fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jekk SGL tkun wettqet tliet każijiet distinti ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE.

    65

    F’dan il-każ, is-sitwazzjoni mhijiex kompletament komparabbli ma’ dik li tat lok għas-sentenza Tokai II, punt 64 iktar ’il fuq, għax il-kawżi labar u żippijiet, skont l-appellanti, jikkoinċidu f’dak li jirrigwarda l-oriġini tagħhom, is-swieq inkwistjoni, it-tul taż-żmien tal-ksur u l-impriżi kkonċernati. Fil-fatt, l-appellanti jindikaw li d-definizzjoni tas-suq fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-kawża żippijiet tikkorrispondi ‘kważi kelma b’kelma’ ma’ dik imsemmija fil-premessa 46 tad-deċiżjoni [kkontestata].

    66

    Madankollu dawn l-affermazzjonijiet jistgħu jiġu vverifikati biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża ‘żippijiet’. Waqt it-trattazzjoni orali, il-Kummissjoni kkonfermat li l-proċedura amministrattiva fil-kawża żippijiet kienet għadha ma ġietx fi tmiemha u li l-ebda deċiżjoni ma kienet għadha ġiet adottata. B’konsegwenza ta’ dan, kull preżunzjoni dwar l-eżitu possibbli tagħha u l-allegat nuqqas ta’ raġunijiet oġġettivi għas-separazzjoni tal-kawżi (ara, fuq dan ir-rekwiżit, punti 119 sa 124 tas-sentenza Tokai II, punt 64 iktar ’il fuq) huma ta’ natura spekulattiva u ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni [kkontestata]”.

    2. L-argumenti tal-partijiet

    18.

    Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li huma kienu jafu, mill-inqas wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 1994, li l-Kummissjoni kienet ser tibda proċedura distinta fir-rigward tas-suq tal-labar u li, għaldaqstant, huma setgħu jiddefendu ruħhom kontra s-separazzjoni tal-proċedura. Skont l-appellanti, is-sempliċi għarfien tas-separazzjoni tal-proċedura mhuwiex biżżejjed biex jippermettilhom jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom tad-difiża. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni kellha tindika l-fatti u r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija kienet isseparat il-proċedura. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 1994 uriet biss li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir tal-appellanti fis-settur tal-“oġġetti tal-ħjata: labar” kien jikkostitwixxi ksur awtonomu meta mqabbel mal-aġir fis-settur tal-“oġġetti tal-ħjata: żippijiet”. Skont l-appellanti, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħħad lill-appellanti mill-possibbiltà li jsostnu li kien jeżisti numru konsiderevoli ta’ elementi, imsemmija fl-appell tagħhom, li kienu juru li l-azzjonijiet imwettqa fil-kawżi “labar” u “żippijiet” kellhom jiġu kkunsidrati, mill-inqas parzjalment, bħala ksur uniku u kontinwu fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Waqt is-seduta, l-appellanti enfasizzaw li huma kienu ppreżentaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4257 finali, tad-19 ta’ Settembru 2007, fil-Każ COMP/E-1/39.168 — Oġġetti tal-metall u tal-plastik: żippijiet ( 7 ) (iktar ’il quddiem: id-“deċiżjoni ‘żippijiet’”).

    19.

    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn l-appellanti jinvokaw għall-ewwel darba li r-raba’ ksur identifikat fid-deċiżjoni “żippijiet” jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu mal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, l-appellanti qatt ma fformulaw tali talba, lanqas f’termini iktar ġenerali, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-punti 12 sa 23 tar-rikors promotur quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li fihom l-appellanti allegaw li, kieku kienu jafu bis-separazzjoni taż-żewġ proċeduri, huma kienu jindikaw li l-multa ma setgħetx taqbeż il-limitu ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ fiż-żewġ proċeduri. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll inammissibbli u, sussidjarjament, infondata l-allegazzjoni tal-appellanti li bis-separazzjoni tal-proċeduri l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni.

    3. Evalwazzjoni

    a) Fuq il-portata tal-aggravju u l-ammissibbiltà tiegħu

    20.

    Preliminarjament għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola ġenerali, ristretta għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati msejħa sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu ( 8 ). Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, għax dan iwassal sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza billi tikkunsidra motivi li din tal-aħħar ma kellhiex l-okkażjoni li tisma’ ( 9 ).

    21.

    F’din il-kawża huwa paċifiku li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, l-appellanti invokaw ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ minħabba li huma ma setgħux jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq is-separazzjoni tal-proċedura “labar” u tal-proċedura “żippijiet” qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    22.

    L-appellanti jkomplu dan l-argument fl-appell tagħhom billi jikkritikaw b’mod iktar speċifiku l-punt 61 tas-sentenza appellata, iżda jidhru li qegħdin jestendu l-aggravju tagħhom għall-“ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ”, mingħajr, barra minn hekk, ma jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza nfisha kisret l-istess dritt fil-kawża li wasslet għas-sentenza appellata. Id-dritt għal smigħ huwa biss metodu wieħed ta’ eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, jidhirli li l-eżami tal-ewwel aggravju għandu sempliċement jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħditx ġustament l-oġġezzjoni tal-appellanti dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ.

    23.

    Qabel dan l-eżami, għandha tingħata risposta għaż-żewġ aggravji ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni. Ngħid mill-ewwel li, fil-fehma tiegħi, huma għandhom jiġu miċħuda.

    24.

    Fl-ewwel lok, dwar l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-aggravju, kif għadu kemm ġie ddefinit, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, bl-ebda mod ma jikkostitwixxi motiv ġdid li ma ġiex diskuss quddiem il-qrati msejħa sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu u li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, bħala regola ġenerali ma tistax tieħu konjizzjoni tiegħu fil-kuntest tal-appell ( 10 ).

    25.

    Imbagħad, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni turi ċerta eżitazzjoni f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-oġġezzjoni allegatament ġdida, imqajma mill-appellanti, dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu fiż-żewġ proċeduri “labar” u “żippijiet”, meta tirreferi kemm għal “argument” ġdid kif ukoll għal “motiv” ġdid ( 11 ).

    26.

    Huwa minnu li, għalkemm tali klassifikazzjoni tidher essenzjali sabiex motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-produzzjoni ta’ motiv ġdid quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell jintlaqa’ jew le, huwa pjuttost rari li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina tali kwistjoni, iżda tillimita ruħha, kultant, li tikkwalifika oġġezzjoni partikolari bħala “argument” u taċċetta l-ammissibbiltà tagħha mingħajr ma teżamina minn qabel jekk fil-fatt huwiex motiv ( 12 ), jew, b’mod li jista’ jiġi iktar u iktar ikkontestat, u, fil-fehma tiegħi, żbaljat, tapplika r-regola ta’ inammissibbiltà tal-invokazzjoni ta’ motivi ġodda għal kull argument ġdid li jiġi żviluppat mill-appellanti f’sede ta’ appell insostenn ta’ aggravju u tikkonkludi li l-imsemmi argument huwa inammissibbli ( 13 ).

    27.

    Personalment, inqis li f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk l-invokazzjoni tal-oġġezzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku għandhiex bażi legali differenti mill-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ. Jekk dan ikun il-każ, din l-ewwel oġġezzjoni għandha titqies bħala motiv distint u ġdid li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli għaliex ġie mqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jew jekk din l-oġġezzjoni ġiet ifformulata biss insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ; f’dan il-każ ikun għaldaqstant biss argument li għandu jiġi ddikjarat ammissibbli ( 14 ).

    28.

    F’dan il-każ jirriżulta kemm mill-appell kif ukoll mir-risposta tal-Kummissjoni li l-oġġezzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, li huwa paċifiku li ma ġietx imqajma f’dawn it-termini quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, tidher li ġiet ifformulata biss b’konsegwenza tal-allegat ksur mill-Kummissjoni tad-dritt għal smigħ. Fil-fatt, l-appellanti jsemmu b’mod espliċitu, b’mod partikolari fil-punti 12 u 13 tal-appell tagħhom, l-effetti li kellu dan l-allegat difett proċedurali, li huma jiżviluppaw fil-parti tal-appell tagħhom intitolata “Effetti tal-iżball proċedurali fuq is-sitwazzjoni materjali tal-appellanti”, billi jirreferu għall-ġurisprudenza li tipprovdi li l-ksur tad-dritt għal smigħ jista’ jwassal għall-annullament ta’ att biss jekk, fin-nuqqas ta’ tali irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti ( 15 ). Għaldaqstant, huwa biss sabiex juru l-effetti li l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq kellu fuq is-sitwazzjoni tagħhom u fuq id-deċiżjoni kkontestata li l-appellanti jesponu, fl-appell tagħhom, l-argument li kienu jeżistu bosta elementi li jindikaw li l-atti mwettqa fil-kawżi “labar” u “żippijiet” kellhom jiġu kkunsidrati bħala ksur wieħed u kontinwu. Għaldaqstant din hija oġġezzjoni sempliċement ifformulata insostenn tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq. Konsegwentement, din l-oġġezzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala argument li għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

    29.

    Fl-aħħar nett, mill-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza esprimiet ruħha, fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni sseparatx ksur wieħed u kontinwu. Huwa minnu li fid-dawl tal-argument tal-appellanti, imfakkar fil-punti 15 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar l-impatt li l-ksur mill-Kummissjoni tad-dritt tad-difiża kellu fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, tali evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minkejja l-formulazzjoni kemmxejn konfuża tagħhom, ċertament ma setgħux jiġu inklużi ħlief ad abundantiam, għaliex il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-allegazzjoni tal-appellanti bbażata fuq il-ksur tad dritt għal smigħ.

    30.

    Madankollu, fil-kuntest ta’ aggravju ammissibbli, bħala regola ġenerali huwa l-appellant li għandu jiżviluppa l-argumenti insostenn tal-istess motiv kif jaħseb li huwa xieraq, kemm jekk jibbaża ruħu fuq argumenti diġà użati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kemm jekk jiżviluppa argumenti ġodda, b’mod partikolari marbuta mal-opinjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Inkella, l-appell jitlef parti mill-iskop tiegħu ( 16 ).

    31.

    F’kull każ, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, huwa ċar li l-allegazzjonijiet esposti mill-appellanti, fil-punti 13 sa 29 tal-appell tagħhom, dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu komuni għall-proċeduri fil-kawżi “labar” u “żippijiet” ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jinvokaw, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 250 sa 260 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li kien jeżisti ksur uniku u kontinwu fuq is-swieq identifikati f’din id-deċiżjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, jekk dan kellu jkun il-każ, tali motiv, li jikkonċerna l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata jkun inammissibbli għax huwa paċifiku li ma ġiex ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    32.

    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni rigward l-allegazzjoni tal-appellanti bbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni li vvizzjat is-separazzjoni tal-proċedura, din l-oġġezzjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tintlaqa’.

    33.

    Ċertament, nammetti li din l-allegazzjoni għandha tigi kklassifikata bħala motiv distint minn dak ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u huwa paċifiku li hija ma ġietx invokata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

    34.

    Din il-konstatazzjoni doppja tista’ twassal għaċ-ċaħda ta’ tali motiv minħabba li huwa ġdid. Ninnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha O’Hannrachain vs Il-Parlament, li oġġezzjoni intiża sabiex jiġi ddikjarat il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minn istituzzjoni Komunitarja, motiv li ma kienx ġie mqajjem quddiem il-qrati msejħa sabiex jiddeċiedu fuq il-mertu, għaliex il-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ma jistax ikollha ambitu iktar wiesa’ minn dik imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 17 ).

    35.

    Madankollu, jidhirli li l-approċċ adottat fl-imsemmija sentenza O’Hannrachain vs Il-Parlament huwa riġidu żżejjed inkwantu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku, li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja ( 18 ). Kif indikat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 49 u 50 tas-sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, mogħtija fis-sede ta’ appell, l-eżami ta’ motiv ta’ ordni pubbliku jista’ jseħħ f’kull stadju tal-proċedura, anki jekk il-parti li tinvokah ma tkunx invokatu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 19 ). F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, fil-punt 49 tas-sentenza Chronopost u La Poste vs UFEX et, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-punt 25 tas-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Daffix ( 20 ), fejn kien ġie invokat il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Tali riferiment iwassalni biex naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet, impliċitament iżda neċessarjament, li motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod partikolari fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jkun jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ appell, minkejja li ma jkunx ġie mqajjem quddiem il-qrati msejħa biex jiddeċiedu fuq il-mertu.

    36.

    F’kull każ, l-appellanti jidhru li qegħdin jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma qajmitx ex officio l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzja s-separazzjoni tal-proċedura ta’ investigazzjoni f’żewġ proċeduri distinti.

    37.

    Għaldaqstant, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad iż-żewġ motivi esposti mill-Kummissjoni intiżi sabiex tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju.

    b) Fuq il-mertu

    38.

    Dwar il-mertu, inqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

    39.

    Fl-ewwel lok, fil-fehma tiegħi, l-appellanti ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza appellata, li huma ngħataw il-possibbiltà li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar is-separazzjoni tal-proċedura fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lilhom fil-15 ta’ Marzu 2004, li kienet intitolata, b’mod inekwivoku, “Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-proċedura PO/oġġetti tal-ħjata: labar”.

    40.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet prevista mir-Regolament Nru 17 (u mir-Regolament Nru 1/2003) hija dokument proċedurali, preparatorju għad-deċiżjoni li ġġib il-proċedura fi tmiemha. Dan id-dokument jiddefinixxi l-iskop tal-proċedura amministrattiva mibdija u għalhekk jipprekludi lill-Kummissjoni milli tistrieħ fuq oġġezzjonijiet oħrajn fid-deċiżjoni tagħha. Dan id-dokument għandu jsemmi l-elementi essenzjali kollha li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura. L-evalwazzjonijiet tal-fatt u tad-dritt espressi mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma għalhekk ta’ karattru purament provviżorju ( 21 ).

    41.

    Barra minn hekk, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jitlob li, matul il-proċedura amministrattiva, l-impriżi interessati jkunu ngħataw il-possibbiltà li jesprimu ruħhom b’mod effettiv fuq ir-realtà u fuq ir-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, kif ukoll fuq id-dokumenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom insostenn tal-allegat ksur tat-Trattat KE ( 22 ). Il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, kemm jekk biex tiċħad l-oġġezzjonijiet li jkunu rriżultaw infondati, jew inkella biex temenda u tikkompleta, fil-fatt u fid-dritt, l-argumenti tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet tagħha ( 23 ).

    42.

    Fi kliem ieħor, huwa bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tiġi informata bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura, u huwa biss wara li tintbagħat din id-dikjarazzjoni li l-impriża tista’ tinvoka b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża ( 24 ).

    43.

    F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 2004 iddefiniet, mingħajr ambigwità, is-suġġett tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-“oġġetti tal-ħjata: labar”.

    44.

    Din l-indikazzjoni kienet biżżejjed sabiex tippermetti lill-appellanti jesprimu ruħhom fuq is-separazzjoni tal-proċedura u, sa fejn huma qiesu li tali separazzjoni kienet tikkawżalhom preġudizzju, li jikkontestawha.

    45.

    Barra minn hekk nosserva, mingħajr il-bżonn li jiġi deċiż fuq il-fondatezza ta’ tali allegazzjoni, li l-appellanti jammettu b’mod espliċitu, fil-punt 10 tal-appell tagħhom, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 2004 kienet turi li skont il-Kummissjoni, l-aġir tagħhom fil-kawża “labar” kien jikkostitwixxi ksur awtonomu mill-aġir tagħhom fis-settur taż-żippijiet.

    46.

    Tali dikjarazzjoni turi li l-appellanti setgħu tabilħaqq jesprimu ruħhom b’mod effettiv fuq is-separazzjoni tal-proċedura fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Huwa ċar li huma ma spjegawx ir-raġunijiet għalfejn, minkejja li kienu informati u konxji ta’ tali pożizzjoni, mill-anqas provviżorja, tal-Kummissjoni, huma ma setgħux jifformulaw osservazzjonijiet, anki jekk sommarji, dwar l-imsemmija pożizzjoni fir-risposta tagħhom għall-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għaliha huma kellhom ’il fuq minn xahrejn li bdew jiddekorru min-notifika ta’ din id-dikjarazzjoni.

    47.

    Ngħid ukoll li l-formulazzjoni ta’ tali osservazzjonijiet f’dan l-istadju tal-proċedura ma wasslitx lill-appellanti biex jammettu l-eżistenza ta’ ksur fil-kawża “żippijiet” ( 25 ), li, wara kollox, mhijiex allegata mill-appellanti.

    48.

    Fit-tieni lok, lanqas ma tista’ tintlaqa’ l-allegazzjoni li s-separazzjoni tal-proċedura fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

    49.

    Għandu jitfakkar li l-proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE hija ġeneralment maqsuma f’żewġ fażijiet, kull waħda bil-loġika interna tagħha. L-ewwel fost dawn il-fażijiet, jiġifieri l-fażi istruttorja qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni fuq is-segwitu tal-proċedura. It-tieni fost l-imsemmija fażijiet, li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tesprimi ruħha b’mod definittiv fuq il-ksur allegat ( 26 ).

    50.

    Kif ammettew l-appellanti fl-appell tagħhom, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 2004 kien jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur imsemmi f’dan id-dokument, jiġifieri dak li jirrigwarda l-“oġġetti tal-ħjata: labar”, kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu. L-appellanti għalhekk fehmu, mill-inqas fid-data tan-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 2004, ir-raġuni li kienet tiġġustifika s-separazzjoni tal-proċedura, mill-imsemmija dikjarazzjoni, f’żewġ proċeduri distinti, li waħda minnhom wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

    51.

    F’dan ir-rigward, u bil-kontra ta’ dak li jissuġġerixxu l-appellanti, ma naħsibx li l-Kummissjoni tista’ tiġi imposta l-obbligu li tispjega f’iktar dettall ir-raġunijiet li jwassluha tiddefinixxi s-suġġett innifsu ta’ dokument, bħalma hija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għandu huwa nnifsu preċiżament il-funzjoni li jiddefinixxi s-suġġett tal-fażi tal-proċedura amministrattiva li għandha twassal lill-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-ksur allegat ( 27 ). Fil-fatt, l-approċċ propost mill-appellanti għandu bħala konsegwenza li jobbliga lill-Kummissjoni tispjega l-pożizzjoni provviżorja tagħha, kif iddefinita fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dwar l-elementi li jirriżultaw mill-miżuri ta’ investigazzjoni preċedenti li din l-istituzzjoni tqis li ma għandhiex tinkludi fl-imsemmija fażi tal-proċedura amministrattiva. Għaldaqstant il-Kummissjoni mhux biss għandu l-obbligu li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, issemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-elementi kollha essenzjali li fuqhom tibbaża, f’dan l-istadju tal-proċedura, l-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur, iżda wkoll li tinkludi motivazzjoni dettaljata dwar l-elementi (min-natura tagħhom mhux essenzjali) li mhux beħsiebha tibbaża ruħha fuqhom fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura amministrattiva.

    52.

    Li jiġi impost tali obbligu ta’ motivazzjoni f’dan l-istadju tal-proċedura amministrattiva huwa, fil-fehma tiegħi, eċċessiv.

    53.

    F’dan il-każ, huwa wkoll importanti li jiġi enfasizzat li l-appellanti indikaw fid-dikjarazzjonijiet tagħhom li, fil-mument tal-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-15 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ma kinitx ikkompletat il-proċedura ta’ investigazzjoni li kienet tikkonċerna s-settur taż-żippijiet u li, għalhekk, hija ma kinitx bagħtitilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’dan il-fajl, li ġiet adottata biss fis-16 ta’ Settembru 2004. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa iktar diffiċli li wieħed jifhem kif il-Kummissjoni tista’ tiġi mitluba motivazzjoni speċifika dwar is-separazzjoni tal-proċedura fil-mument tal-adozzjoni tal-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha fis-settur tal-“oġġetti tal-ħjata: labar”, meta, f’dan l-istadju, l-ebda dokument ieħor mhuwa intiż sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur ieħor tal-Artikolu 81(1) KE.

    54.

    Barra minn hekk, nosserva li fis-sentenza van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet motiv ibbażat fuq l-għaqda irregolari u mhux immotivata, fl-istadju tad-deċiżjoni li biha ġie stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, ta’ tliet proċeduri inizjalment separati minħabba li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ikkonċernati ngħataw il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar l-oġġezzjonijiet ikkunsidrati fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li kellhom l-oriġini tagħhom f’diversi lmenti magħmula suċċessivament matul il-proċedura ( 28 ). Minkejja n-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni li kienet is-suġġett tar-rikors f’din il-kawża rigward l-“għaqda” tat-tliet proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li xejn ma kien jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi b’deċiżjoni waħda fuq l-istess ksur li kien jikkostitwixxi s-suġġett ta’ diversi lmenti magħmula suċċessivament matul proċedura waħda ( 29 ).

    55.

    Ma narax għalfejn il-Kummissjoni għandha tiġi imposta obbligu ta’ motivazzjoni iktar oneruż fil-każ li din l-istituzzjoni tissepara l-proċedura, ladarba d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippermettiet lill-appellanti li jesprimu ruħhom dwar l-imsemmija separazzjoni fil-proċedura amministrattiva li tat lok għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward infakkar li l-appellanti qatt ma invokaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza żball ta’ liġi jew żball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjonijiet, esposti fil-punti 250 sa 260 ta’ din id-deċiżjoni, li jipprovdu li kien jeżisti “ksur uniku u kontinwu” tal-Artikolu 81(1) KE fuq is-swieq imsemmija minn din id-deċiżjoni.

    56.

    Għaldaqstant inqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex tqajjem ex officio l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tas-separazzjoni tal-proċedura amministrattiva.

    57.

    Għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    C — Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq iċ-ċaħda ta’ ġustizzja u fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    1. L-argumenti tal-partijiet

    58.

    L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza għar-rifjut tagħha li tivverifika l-legalità tas-separazzjoni tal-proċedura, meta, minn naħa, hija ammettiet li din il-kawża kienet differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza Tokai II, iċċitata iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, kellha indizji, jiġifieri d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tas-16 ta’ Settembru 2004 u tat-8 ta’ Marzu 2006 dwar il-kawża “żippijiet”, li l-Kummissjoni wettqet separazzjoni arbitrarja ta’ ksur uniku u kontinwu. Bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 66 tas-sentenza appellata, l-eżitu ta’ din il-proċedura ma baqax ta’ natura spekulattiva. Il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat ukoll il-fatt li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata kienet tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ksur stabbilit u ssanzjonat f’din id-deċiżjoni kienx ksur distint mir-raba’ ksur issanzjonat fid-deċiżjoni “żippijiet”.

    59.

    Il-Kummissjoni tfakkar, essenzjalment, li d-deċiżjoni “żippijiet” ma kinitx għadha ġiet adottata fil-mument li fih il-Qorti tal-Prim’Istanza bdiet tiddelibera fuq il-kawża li tat lok għas-sentenza appellata u li d-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet huma dokumenti ta’ natura preparatorja. Hija tipproponi li dan l-aggravju jiġi miċħud.

    2. Evalwazzjoni

    60.

    Kif diġà indikajt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel aggravju, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata, u riprodotti fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ġew esposti, impliċitament iżda neċessarjament, fil-kuntest tal-eżami tal-allegat impatt li l-ksur tad-dritt għal smigħ kellu fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    61.

    Madankollu, sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-fehma tiegħi, b’mod ġust, li l-appellanti ngħataw il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom kontra s-separazzjoni tal-proċedura, l-evalwazzjonijiet esposti fil-punti 63 sa 66 tas-sentenza appellata saru ad abundantiam.

    62.

    B’mod konformi mal-ġurisprudenza, l-ilmenti intiżi kontra tali motivi ad abundantiam ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistgħux jintlaqgħu ( 30 ).

    63.

    Għaldaqstant inqis li t-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat mhux effettiv.

    64.

    F’kull każ, dan l-aggravju huwa, fil-fehma tiegħi, infondat.

    65.

    Qabel xejn, bil-kontra ta’ dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, ma kkunsidratx li din il-kawża kienet differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Tokai II, iżda sempliċement ġabret fil-qasir l-argumenti tal-appellanti insostenn tal-opinjoni tagħhom li l-kawżi “labar” u “żippijiet” kienu jikkoinċidu b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma kinitx kompletament komparabbli ma’ dik tal-imsemmija kawża Tokai II. Fil-fatt, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-“affermazzjonijiet [tal-appellanti] jistgħu jiġu vverifikati biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża żippijiet”.

    66.

    Imbagħad, fir-rigward tal-evalwazzjoni msemmija hawn fuq fil-punt 66 tas-sentenza appellata, huwa paċifiku li, fil-mument li fih ġie ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tad-deliberazzjoni tal-kawża wara l-proċedura orali, kienet għadha ma ġiet adottata l-ebda deċiżjoni li ġġib il-proċedura amministrattiva fil-kawża “żippijiet” fi tmiemha. Il-fatt li, kif jindikaw l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha fid-dispożizzjoni tagħha, fil-mument tas-smigħ tal-kawża li tat lok għas-sentenza appellata, żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet indirizzati b’mod partikolari lill-appellanti fil-kawża “żippijiet” bl-ebda mod ma kien jippermettilha, minħabba n-natura neċessarjament provviżorja tal-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija dokumenti ( 31 ), li tikkunsidra li tali dokumenti jikkostitwixxu evidenza tal-allegat nuqqas ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw is-separazzjoni tal-proċedura. Kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza adottat l-approċċ suġġerit mill-appellanti insostenn ta’ dan il-motiv u ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi li jinsabu fl-imsemmija dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, fil-fehma tiegħi, hija kienet tivvizzja l-motivi tas-sentenza appellata bi żball ta’ liġi inkwantu tkun ħadet inkunsiderazzjoni evalwazzjonijiet provviżorji, mingħajr kunsiderazzjoni tal-eventwali osservazzjonijiet tal-impriżi destinatarji tal-imsemmija komunikazzjonijiet, u b’hekk tkun antiċipat b’mod mhux xieraq id-deċiżjoni “żippijiet” ( 32 ).

    67.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-appellanti qatt ma allegaw, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni billi stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81(1) KE.

    68.

    Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet biss tillimita ruħha li tikkonstata li l-affermazzjonijiet magħmula mill-appellanti, ibbażati fuq atti preparatorji għad-deċiżjoni “żippijiet”, li kienet għadha ma ġietx adottata la fil-mument tad-deliberazzjoni tal-kawża u lanqas fil-mument tal-għoti tas-sentenza appellata, kienu unikament ta’ natura spekulattiva u ma setgħux iqiegħdu f’dubju l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    69.

    Billi indikat, fl-ewwel sentenza tal-punt 66 tas-sentenza appellata, li tali affermazzjonijiet setgħu jiġu vverifikati biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni fil-kawża “żippijiet”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet għaldaqstant l-ebda żball ta’ liġi. Bil-kontra, hija rrispondiet għall-argumenti tal-appellanti billi llimitat, ġustament, l-istħarriġ tagħha għal-legalità tas-sentenza kkontestata, fid-dawl tal-motivi invokati mill-appellanti. Għaldaqstant ma jistax jiġi allegat, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet aċċess għall-ġustizzja jew kisret id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

    70.

    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni fl-ewwel sentenza tal-punt 66 tas-sentenza appellata, kif ukoll il-kjarifika magħmula fit-tmiem tal-punt 232 tal-istess sentenza, rigward il-proporzjonalità tal-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ dik li setgħet tiġi imposta fuq l-appellanti fid-deċiżjoni “żippijiet”, fis-sens li l-argument imressaq mill-appellanti jista’ jkun invokat fil-kuntest ta’ eventwali rikors ulterjuri kontra d-deċiżjoni fil-kawża “żippijiet” juru, fil-fehma tiegħi, it-tħassib tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tindika lill-appellanti li dawn l-oġġezzjonijiet kellhom ikunu diretti, b’mod iktar rilevanti, kontra d-deċiżjoni li kellha eventwalment tingħata fil-kawża “żippijiet” ( 33 ).

    71.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li t-tieni motiv, ibbażat fuq iċ-ċaħda ta’ ġustizzja u fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jiġi miċħud, prinċipalment, bħala mhux effettiv, jew, sussidjarjament, bħala infondat.

    D — Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-deteminazzjoni tal-gravità tal-ksur

    72.

    It-tielet aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-swieq inkwistjoni u fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

    1. Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-swieq inkwistjoni

    a) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    73.

    Fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni b’mod partikolari għall-fatt li ma mmotivatx suffiċjentement l-evalwazzjonijiet tagħha dwar id-daqs tas-swieq inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    74.

    Qabel kollox il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li f’dan il-każ il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tiddefinixxi s-suq għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE fid-dawl tal-iskop antikompetittiv tal-ftehim.

    75.

    Madankollu hija ppreċiżat, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li peress li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kien jimponi multa skont ir-Regolament Nru 1/2003, il-konstatazzjonijiet tal-fatti li jirrigwardaw is-suq ikkonċernat kienu rilevanti, anki jekk l-insuffiċjenza tagħhom ma setgħetx twassal għall-annullament totali tal-imsemmija deċiżjoni.

    76.

    Fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat:

    “89

    Fil-fatt, skont il-Linji gwida, fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ‘għandu jiġi kkunsidrat’ mhux biss in-natura nfisha tal-ksur, iżda wkoll “l-impatt reali [konkret] tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat” (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A)). Sabiex jiġi evalwat l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, jeħtieġ li tali suq jiġi ddefinit. Il-Linji gwida jistabbilixxu wkoll li huwa ‘neċessarju’, sabiex tiġi stabbilita l-gravità ta’ ksur li ‘tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid [ħsara] sinifikanti għall-operaturi l-oħra’ (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A)), u dan jimplika li għandhom jiġu stabbiliti d-daqs tas-swieq u l-ishma fis-swieq tal-impriżi kkonċernati.”

    77.

    Wara li kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-swieq (punt 95 tas-sentenza appellata), il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-daqs tas-suq li jinsabu fil-punti 45 u 46 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

    78.

    Fil-punt 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-daqs tat-tliet swieq tal-prodotti li hija kienet identifikat kienu inkompleti u ma kinux jippermettu li jiġi vverifikat id-daqs tas-swieq rilevanti kollha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata “kienet ivvizzjata b’motivazzjoni insuffiċjenti, li tista’ twassal għall-annullament parzjali ta[l-imsemmija] deċiżjoni […], sakemm il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kapacità effettiva ekonomika tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva ma jkunux ibbażati fuq motivi oħra tad-deċiżjoni [kkontestata]”.

    79.

    Fil-punti 100 u 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet dawn il-konstatazzjonijiet:

    “100

    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir-rikorrenti qatt ma kkontestaw l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-[motivi] tad-deċiżjoni [kkontestata] li jippermettu li tiġi affermata l-eżistenza ta’ tali kapaċità anki fin-nuqqas tal-informazzjoni imsemmija hawn fuq. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-[punt] 325 tal-[motivi] tad-deċiżjoni [kkontestata]), li, matul il-perijodu tal-ksur, Prym u Entaco kienu l-leaders tas-suq Ewropew tal-produzzjoni tal-labar u li l-kompetizzjoni kienet limitata ħafna [essenzjalment eżerċitata minn Needles Industries (India) Ltd]; li Prym kienet fl-ewwel post fl-Ewropa fis-setturi l-oħra tal-oġġetti tal-ħjata, bħalma huma metodi ta’ qfil u labar tar-ras, u waħda mill-kompetituri prinċipali fis-suq taż-żippijiet, u li Coats u Prym kienu l-kompetituri prinċipali f’dak li jirrigwarda l-bejgħ bl-imnut bit-trade marks rispettivi tagħhom tal-labar għall-ħjata bl-idejn, jiġifieri Milward u Newey.

    101.

    Dawn l-osservazzjonijiet, għalkemm taħt it-titolu ‘Trattament differenzjat’ jinsabu fil-parti ‘Gravità tal-ksur’ tad-deċiżjoni [kkontestata] u jinkludu riferimenti għall-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi ta’ ksur li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma kkontestaw il-fatt li huma kienu fost l-operaturi l-iktar b’saħħithom tas-settur ikkonċernat”.

    b) L-argumenti tal-partijiet

    80.

    Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-fatt li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-swieq tal-prodotti affettwa d-determinazzjoni tal-gravità reali tal-ksur, għaliex id-determinazzjoni ta’ din tal-aħħar timplika riferiment kumulattiv għal diversi kriterji. F’dan ir-rigward, l-appellanti jippreċiżaw li l-Kummissjoni nfisha indikat, fil-punt 333 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ddeterminat il-gravità reali tal-ksur fuq il-bażi tad-daqs tas-swieq inkwistjoni u tal-kapaċità ekonomika tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva.

    81.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet ukoll żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet b’mod suffiċjenti l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq billi rreferiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, għall-pożizzjoni ta’ leader tal-impriżi kkonċernati. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat id-differenza bejn id-determinazzjoni tal-kapaċità effettiva ekonomika ta’ impriża li tikkawża ħsara sinjifikattiva u d-deteminazzjoni tal-impatt konkret fuq is-suq, meta dan jista’ jiġi kkalkolat. Filwaqt li l-appellanti jammettu li, mill-iktar, ir-riferiment għall-pożizzjoni ta’ leader jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità ekonomika ta’ impriża li tikkawża ħsara sinjifikattiva, huwa mhuwiex biżżejjed għall-kalkolu tal-impatt konkret fuq is-suq, li jeżiġi l-konstatazzjoni tad-daqs tas-swieq. Barra minn hekk, l-appellanti jqisu li teżisti kontradizzjoni bejn il-motivi fil-punt 89 u dawk fil-punti 99 kif ukoll 100 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant huma jqisu li l-iżbalji li jivvizzjaw is-sentenza appellata għandhom iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

    82.

    Il-Kummissjoni tirrispondi li, skont qari korrett tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-obbligu ta’ determinazzjoni tad-daqs tas-swieq tal-prodotti biss għal dak li jirrigwarda l-kapaċità tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva. Madankollu, jekk tali kapaċità tista’ tiġi kkonstatata, bħalma huwa l-każ hawnhekk, b’mezzi oħra, il-Kummissjoni tkun eżenti mill-obbligu li tiddetermina d-daqs tas-swieq (punti 89, 90, 99 u 101 tas-sentenza appellata). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-metodu ta’ kalkolu tal-multi deskritt fil-Linji gwida bl-ebda mod ma jimponix, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multa, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tas-swieq tal-prodotti.

    83.

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma fixklitx il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-kapaċità effettiva tal-impriża li tikkawża ħsara sinjifikattiva ma’ dik tad-determinazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur għaliex, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat difett ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-impatt konkret.

    84.

    Hija żżid li, billi qieset, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiddefinixxi s-suq inkwistjoni u, għaldaqstant, li tiddetermina d-daqs tiegħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċertament ma setgħetx taħseb li tali definizzjoni kienet ser tikkorrispondi ma’ dik li għandha ssir fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE; inkella l-ġurisprudenza fis-sens li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu, skont l-Artikolu 81(1) KE, li tiddefinixxi s-suq tisfa mingħajr sinjifikat. F’kull każ, żbalji eventwali fil-konstatazzjonijiet relatati mad-daqs tas-swieq ma jistgħux iwasslu għall-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata.

    c) Evalwazzjoni

    85.

    B’mod preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li, b’din il-parti tat-tielet aggravju, il-kritiki mqajma mill-appellanti kontra s-sentenza appellata huma relatati biss mal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar id-daqs tas-swieq inkwistjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Ladarba din tal-aħħar tikkostitwixxi, kif diġà ġie indikat, waħda miż-żewġ kriterji adottati mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-kalkolu tal-multa, din il-parti tal-aggravju, jekk tintlaqa’, neċessarjament twassal, minbarra għall-annullament tas-sentenza appellata, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 88 u 89 tas-sentenza appellata u, jekk ikun il-każ, għar-riforma tagħha.

    86.

    Madankollu, ma naħsibx li din il-parti tal-aggravju tista’ tintlaqa’.

    87.

    Fl-ewwel lok, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, l-appellanti jagħmlu, taħt diversi aspetti, qari żbaljat tal-motivi kkontestati tas-sentenza appellata għaliex huma jfixklu l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza relatati mad-daqs tas-swieq u dawk — li minbarra dan huma s-suġġett tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju u li ġew esposti f’punti oħrajn tal-motivi tas-sentenza appellata — dwar l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, meta rreferiet fil-punt 101 tas-sentenza appellata, għall-pożizzjoni ta’ leader tal-impriżi kkonċernati, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet b’mod suffiċjenti l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. L-evalwazzjonijiet fil-punt 101 tas-sentenza appellata huma biss marbuta mal-kapaċità effettiva ekonomika tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A) tal-Linji gwida, u mhux l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A), tal-Linji gwida.

    88.

    Fit-tieni lok, l-appellanti jidhru li huma tal-fehma, minkejja li l-argumenti tagħhom mhumiex partikolarment ċari f’dan ir-rigward, li l-kriterji relatati mal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa huma kumulattivi u li, meta l-Kummissjoni tirreferi, bħalma tagħmel fid-deċiżjoni kkontestata, għad-daqs tas-swieq fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddikjara li l-motivazzjoni, insuffiċjenti fir-rigward ta’ dan il-kriterju, tista’ tiġi kkompletata permezz ta’ rinviju għall-konstatazzjonijiet dwar il-kapaċità effettiva ekonomika tal-impriżi kkonċernati li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva.

    89.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġuriprudenza, il-gravità tal-ksur għanda tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ numru kbir ta’ elementi bħalma huma, prinċipalment, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista vinkolanti jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 34 ).

    90.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur jinkludu l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol ta’ kull waħda fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-vantaġġ li huma setgħu jieħdu minn tali prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-prodotti kkonċernati kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jikkostitwixxi għall-Komunità Ewropea ( 35 ).

    91.

    Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tas-swieq tal-prodotti bħala kriterju għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, għaliex dan huwa biss wieħed fost numru ta’ elementi rilevanti ( 36 ).

    92.

    Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti b’riferiment għall-punt 91 tas-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi dedotta konklużjoni differenti minn dan il-punt. Fil-fatt, dan il-punt jindika biss li għandha tiġi kkunsidrata “l-[firxa] tas-suq affettwat”, li ċertament tirreferi għall-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat, kif jikkonferma l-punt 1(A) tal-Linji gwida u mhux għad-daqs ekonomiku (jew il-volum tad-dħul mill-bejgħ) tas-swieq affettwati.

    93.

    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qalet li bbażat ruħha fuq diversi elementi sabiex tiddetermina l-gravità ta’ ksur, fost oħrajn id-daqs tas-swieq u l-kapaċità effettiva ekonomika tal-impriżi li jikkawżaw ħsara sinjinfikattiva lill-operaturi l-oħra, u dan l-aħħar element huwa msemmi speċifikament fir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A) tal-Linji gwida.

    94.

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-appellanti ma jikkritikawx il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, imsemmija fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, id-determinazzjoni tad-daqs tas-swieq hija neċessarja (u, għaldaqstant, fir-realtà, funzjonali) sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità effettiva ekonomika tal-impriżi li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra, fis-sens tal-Linji gwida.

    95.

    Madankollu, huma jqisu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkontradixxiet ruħha meta, qabel kollox, stabbilixxiet tali eżiġenza iżda suċċessivament aċċettat, fil-punti 99 u 100 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni insuffiċjenti li hija kkonstatat fir-rigward tad-determinazzjoni tad-daqs tas-swieq tista’ tiġi ssupplimentata bir-riferiment għall-pożizzjoni ta’ leader fuq is-swieq magħmul mill-Kummissjoni fil-punt 325 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestat mill-appellanti.

    96.

    Minkejja li jidhirli li l-appellanti jenfasizzaw b’mod assolutament rilevanti l-kontradizzjoni li tirriżulta mill-qari tal-motivazzjoni esposta fil-punti 89, 99 u 100 tas-sentenza appellata ( 37 ), naħseb li din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’ għar-raġunijiet segwenti.

    97.

    Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, u kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 90 tas-sentenza appellata, sabiex tiġi stabbilita l-influwenza li impriża setgħet eżerċitat fuq is-suq, is-sehem miżmum minnha f’tali suq huwa rilevanti ( 38 ).

    98.

    Madankollu, tali ġurisprudenza ma tistax twassal għall-konklużjoni li, għall-evalwazzjoni tal-influwenza tal-impriża fuq is-suq jew, fil-kliem tal-Linji gwida, il-kapaċità effettiva ekonomika li tikkawża ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra, għandha tiġi vvalutata din il-kapaċità billi l-Kummissjoni tiġi obbligata tiddefinixxi minn qabel is-suq kif ukoll tevalwa d-daqs ta’ dan, f’termini ta’ volum tad-dħul mill-bejgħ ( 39 ).

    99.

    Kif tikkunsidra ġustament il-Kummissjoni, interpretazzjoni tal-punt 89 tas-sentenza appellata fis-sens li jistabbilixxi tali rekwiżit iwassal sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata turi dak li hija lanqas obbligata turi fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, meta tali ksur huwa, minnu nnifsu, kuntrarju għall-imsemmi artikolu, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, b’riferiment għal ġurisprudenza kostanti (motivi li wara kollox mhumiex ikkontestati mill-appellanti) ( 40 ).

    100.

    Tali approċċ iwassal ukoll għal interpretazzjoni partikolarment restrittiva tal-Linji gwida.

    101.

    Għalhekk, għalkemm inqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li huwa neċessarju, sabiex tistabbilixxi l-gravità tal-ksur u għall-kalkolu tal-multa, li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva ekonomika tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw ħsara sinjifikattiva lill-operaturi l-oħra, skont ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1(A) tal-Linji gwida, tali kunsiderazzjoni ma għandhiex, fil-fehma tiegħi, neċessarjament “timplika l-bżonn li jiġi stabbilit id-daqs tas-swieq”, bil-kontra ta’ dak li ddikjarat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 89 tas-sentenza appellata.

    102.

    Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, ikun iktar korrett jekk jitqies li tali kapaċità tal-awturi tal-ksur tista’ tintwera permezz ta’ kull mezz xieraq, fost l-oħrajn bid-determinazzjoni tad-daqs tas-swieq f’termini ta’ volum tad-dħul mill-bejgħ.

    103.

    Huwa preċiżament dan il-kriterju li ġie applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 99 sa 101 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, hija qieset, wara li kkonstatat li d-deċiżjoni kkuntestata ma kinitx motivata suffiċjentement f’dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tad-daqs tas-swieq f’termini ta’ volum tad-dħul mill-bejgħ, li din il-lakuna fil-motivazzjoni setgħet tiġi ssupplimentata b’motivi oħra esposti fid-deċiżjoni kkontestata, f’dan il-każ il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 325 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni dwar, essenzjalment, dak li l-partijiet f’din il-kawża ddeskrivew bħala l-pożizzjoni ta’ leader tal-appellanti fuq is-swieq.

    104.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-punti 63 u 66 tal-appell tagħhom, l-appellanti jammettu espliċitament ir-rilevanza ta’ tali kriterju għall-evalwazzjoni tal-kapaċità effettiva ekonomika ta’ impriża li tikkawża ħsara sinjifikattiva. F’dan il-kuntest, huma sempliċement jallegaw li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement l-eżistenza ta’ tali pożizzjoni ta’ leader fis-suq, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Tali kritika, li tirrigwarda l-konstatazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tagħhom, ma tistax tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza ( 41 ), li, f’dan il-każ, ma ġiex invokat mill-appellanti.

    105.

    Għaldaqstant, minkejja l-iżball ta’ liġi u l-kontradizzjoni tal-motivi li affettwaw ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza espost fil-punti 89, 99 u 100 tas-sentenza appellata, dawn id-difetti ma kellhomx impatt fuq id-dispożittiv tal-imsemmija sentenza li jista’ jwassal għall-annullament tagħha.

    106.

    Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-ewwel parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

    2. Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-konstatazzjoni tal-ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

    a) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

    107.

    Fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A) tal-Linji gwida, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha teżamina l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq biss meta tali impatt jista’ jiġi kkalkolat.

    108.

    Imbagħad hija osservat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni qatt ma sostniet li, f’dan il-każ, l-impatt ma setax jiġi kkalkolat u li hija kienet saħansitra indikat, fil-mori tal-każ kontenzjuż, li l-ksur kien ġie implementat, u dan kien jimplika li huwa neċessarjament kellu effetti konkret fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati.

    109.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-argument bħala mhux “konvinċenti” għar-raġuni li l-implementazzjoni ta’ ftehim ma timplikax neċessarjament li huwa joħloq effetti konkret, billi bbażat ruħha fuq il-prassi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u fuq waħda mis-sentenzi tagħha. Hija kkritikat ukoll lill-Kummissjoni talli ma rrispondietx għall-argument tal-appellanti li l-ftehim inkwistjoni ma wasslux għal żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-labar tal-ħjata (punt 110 tas-sentenza appellata). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha esklużivament fuq rapport ta’ kawża-effett bejn l-implementazzjoni tal-akkordju u l-impatt konkret tiegħu, li ma kienx suffiċjenti sabiex tiġi kkalkolata l-multa (punt 111 tas-sentenza appellata). Minn dan hija għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx osservat suffiċjentement l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.

    110.

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ tali ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-punt 190 tas-sentenza appellata. F’dan il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma kinitx tinkludi elementi li jispjegaw għalfejn it-tnaqqis tal-impatt tal-ksur wara t-13 ta’ Marzu 1997, li hija kienet wara kollox irrikonoxxiet b’mod espliċitu fil-punt 320 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, ma kellux effett fuq il-kalkolu tal-multa. Madankollu l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li “tali difett ta’ motivazzjoni ma jistax, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, iwassal għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta, għaliex il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” kienet fondata [għar-raġunijiet li hija tat fil-punti 188 u 189 tas-sentenza appellata] u li l-Kummissjoni għażlet l-ammont minimu inizjali previst mil-Linji gwida għal tali ksur [fil-fatt, iktar preċiżament, l-ammont massimu għal ksur “serju”], jiġifieri EUR 20 miljun. Fil-fatt, il-Kummissjoni ġustament tosserva li, f’dan il-każ, l-għażla tal-ammont minimu hija suffiċjenti għat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tnaqqis tal-impatt tal-ksur matul il-perijodu tal-ksur.”

    b) L-argumenti tal-partijiet

    111.

    Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 190 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li n-nuqqas ta’ motivazzjoni rigward l-evalwazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur ma kellux, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, iwassal għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa ladarba l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” kienet fondata. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza fixklet kwistjonijiet dwar il-legalità materjali tad-deċiżjoni ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-konsegwenzi ġuridiċi ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni formali. Peress li fil-qasam tal-akkordji, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet proċedurali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha importanza primordjali għad-drittijiet tad-difiża.

    112.

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tal-appellanti. Madankollu hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata. Minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżiġiet li l-Kummissjoni turi n-nuqqas ta’ impatt konkret li jista’ jiġi kkalkolat, meta lanqas hija stess ma kkonstatat li dan l-impatt seta’ jiġi kkalkolat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza marret kontra ġurisprudenza kostanti li tipprovdi li l-implementazzjoni ta’ ftehim li għandu għan antikompetittiv hija suffiċjenti sabiex teskludi l-possibbiltà li jiġi konkluż li jeżisti nuqqas ta’ impatt fuq is-suq. Għalhekk il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-aggravji billi tiċħad il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata rigward il-prova u rigward il-kwistjoni dwar jekk l-impatt fuq is-suq jistax jiġi kkalkolat.

    c) Evalwazzjoni

    113.

    Qabel ma neżamina t-tieni parti insostenn tal-aggravju invokat mill-appellanti fir-rigward tal-punt 190 tas-sentenza appellata, jeħtieġ li nikkumenta, preliminarjament, fuq it-talba għal sostituzzjoni tal-motivi magħmula mill-Kummissjoni, peress li tali talba tista’ tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tidentifika l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza u tikkoreġih, mingħajr ma taffettwa madankollu d-dispożittiv tas-sentenza appellata, li hija fondata għal raġunijiet oħra ( 42 ).

    i) Fuq it-talba ppreżentata mill-Kummissjoni għal sostituzzjoni tal-motivi

    114.

    Il-kritika mressqa mill-Kummissjoni relatata mal-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza esposta fil-punti 109 sa 112 tas-sentenza appellata huma bbażati fuq żewġ kwistjonijiet ta’ dritt.

    115.

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod żbaljat li hija kellha ġġib il-prova tan-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, meta, minn naħa, dan l-obbligu huwa impost fuqha biss meta tali impatt jista’ jiġi kkalkolat, u dan, fil-fehma tagħha, ma kienx il-każ, għaliex l-iskop tal-ftehim kien li jinnewtralizza l-kompetizzjoni potenzjali fis-swieq ikkonċernati, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatatx finalment li l-impatt fuq is-suq seta’, fil-każ attwali, jiġi kkalkolat.

    116.

    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li hija ma kinitx immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata billi llimitat ruħha li tindika li l-effetti konkret tal-ksur fuq is-suq setgħu jiġu dedotti mill-implementazzjoni tal-akkordju.

    117.

    Fil-fehma tiegħi, dawn il-kritiki ma jistgħux jiġu aċċettati kompletament.

    118.

    Fir-rigward tal-ewwel sensiela ta’ kritiki, huwa minnu li, skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A) tal-Linji gwida, hija biss il-Kummissjoni li għandha turi l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, meta dan jista’ jiġi kkalkolat. F’dak li għandu x’jaqsam mal-akkordji orizzontali fuq il-prezzijiet jew fuq it-tqassim tas-swieq, mil-Linji gwida jirriżulta wkoll li dawn l-akkordji jistgħu jiġu klassifikati bħala bħala serju ħafna sempliċement abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. F’dan il-każ, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jikkostitwixxi element wieħed fost oħrajn.

    119.

    Madankollu, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ddedikat sezzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għall-“impatt reali [konkret] tal-ksur”, fejn hija indikat, b’mod partikolari, li l-ksur kellu impatt fuq is-suq u li tali impatt naqas bejn it-13 ta’ Marzu 1997 u l-31 ta’ Dicembru 1999. Jeżistu żewġ possibbiltajiet: jew il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, u f’dan il-każ id-deċiżjoni li biha hija timponi multa fuq l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, tieħu inkunsiderazzjoni, għall-iskop tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, biss in-natura nfisha tal-ksur, u, eventwalment, l-firxa ġeografika tas-suq, b’mod konformi mal-punt l, A tal-Linji gwida, jew inkella hija għandha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq tali impatt, bħalma huwa l-każ fid-deċiżjoni kkontestata, u f’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, teżisti preżunzjoni li hija tikkunsidra li tali impatt jista’ jiġi kkalkolat. Fil-fatt, sa fejn l-użu ta’ tali kriterju jista’ jippermetti lill-Kummissjoni li żżid l-ammont tal-multa li hija beħsiebha timponi ’l fuq mil-limitu minimu ta’ EUR 20 miljun previst, fil-Linji gwida, għall-ksur serju ħafna, wieħed ma jistax jaħseb raġjonevolment li, meta din l-istituzzjoni tagħżel li, f’deċiżjoni li timponi multa, hija tiddedika tliet punti tal-motivi għall-“impatt reali[konkret] tal-ksur”, hija ma għandhiex l-intenzjoni li tibbaża l-imsemmija deċiżjoni fuq il-kriterju tal-impatt konkret tal-ksur. F’tali ċirkustanzi, għalhekk, fil-fehma tiegħi huwa ġuridikament korrett li jiġi dedott, kif essenzjalment għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-impatt li hija tiddeskrivi fid-deċiżjoni tagħha jista’ tabilħaqq jiġi kkalkolat, sakemm l-imsemmija deċiżjoni ma turix motivazzjoni speċifika fis-sens kuntrarju fuq dan il-punt.

    120.

    Għaldaqstant huwa f’dan il-kuntest u fuq il-bażi ta’ tali preżunzjoni tal-fatt li l-impatt konkret fuq is-suq jista’ jiġi kkalkolat li l-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li waqt il-każ kontenzjuż, il-Kummissjoni ma indikatx, f’dan il-każ, li l-impatt konkret tal-ksur ma setax jiġi kkalkolat. Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza ma imponietx fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tipprovdi prova negattiva, iżda sempliċement illimitat ruħha li tikkonstata li, fid-dawl tal-preżunzjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ma kinitx invalidat, matul il-mori tal-każ kontenzjuż, l-eżistenza ta’ tali preżunzjoni li setgħet tiġi dedotta mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata.

    121.

    Barra minn hekk, ma tistax tintlaqa’ l-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, minħabba n-natura tal-ftehim — li, infakkar, kellhom bħala skop it-tqassim tas-swieq ta’ prodotti u tqassim ġeografiku billi jiġi nnewtralizzat id-dħul fis-suq ta’ kompetitur potenzjali — l-impatt tagħhom ma setax jiġi kkalkolat; fil-fatt, tali motivazzjoni ma tidhirx fid-deċiżjoni kkontestata, u f’kull każ, ma ġietx invokata fil-Prim’Istanza.

    122.

    Fl-aħħar nett, ma kienx l-obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-eżami tagħha tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-mod kif ġiet invokata l-oġġezzjoni mill-appellanti, li tiddikjara li l-impatt seta’ effettivament jiġi kkalkolat, peress li tali evalwazzjoni taqa’ taħt il-legalità sostanzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

    123.

    Għalhekk nipproponi li l-ewwel sensiela ta’ kritiki magħmulin mill-Kummissjoni fir-rigward tal-motivazzjoni fil-punt 109 tas-sentenza appellata jiġu miċħuda.

    124.

    It-tieni sensiela ta’ kritiki, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza magħmulin fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata dwar in-natura insuffiċjenti tal-prova ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, jistħoqqilha attenzjoni iktar partikolari.

    125.

    B’mod preliminari, għandu jiġi osservat il-karattru konfuż tar-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-imsemmija punti, fil-kuntest tas-sottotitolu “Fuq il-motivazzjoni relatata mal-kalkolu tal-multa”. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tesponi b’mod frammentat, fl-istess waqt, kunsiderazzjonijiet proċedurali dwar in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (fejn tikkritika, pereżempju, lill-Kummissjoni fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li ma rrispondietx għall-argumenti tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-labar tal-ħjata) u kunsiderazzjonijiet fuq il-mertu, li barra minn hekk huma iktar sostanzjali, dwar in-natura mhux “konvinċenti” jew ineżatta tal-motivazzjoni adottata fil-punti 318 sa 320 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni ( 43 ).

    126.

    Jidhirli li l-Kummissjoni ġustament ikkritikat lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq kienet insuffiċjenti.

    127.

    Fil-fatt, minn naħa, skont il-ġurisprudenza dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li tikkonċerna l-kalkolu ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżiti proċedurali essenzjali li tali obbligu jikkostitwixxu huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li permezz tagħhom hija kkalkolat il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur ( 44 ). Issa, f’dan il-każ, f’dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, l-unika inkwistjoni hawnhekk, dawn l-elementi żgur ġew esposti fil-punti 316 sa 325 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, u l-kriterju tal-impatt konkret ġie evalwat fil-punti 318 sa 320 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni.

    128.

    Min-naħa l-oħra, mill-affermazzjonijiet magħmula fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-punt 110 tas-sentenza appellata, kif ukoll minn dawk esposti fl-aħħar sentenza tal-punt 111 tal-imsemmija sentenza, jirriżulta mingħajr dubju li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu invalidat l-evalwazzjoni magħmula hemmhekk, pjuttost milli llimitat ruħha li tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx esponietx, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament li kien wassalha għall-konklużjoni li kien hemm impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

    129.

    Għalhekk inqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, attribwixxiet id-difetti fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kkonstatat fil-punti 110 u 111 tal-imsemmija sentenza, għal motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-kriterju tal-impatt konkret fuq is-suq ( 45 ).

    130.

    Madankollu, ma naħsibx li t-talba għal sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mill-Kummissjoni tista’ tintlaqa’, sakemm din it-talba ma tiġix interpretata fis-sens (u dwar dan għandi dubji kbar) li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonstata żball ta’ evalwazzjoni ġuridika.

    131.

    Fil-fatt, għar-raġunijiet żviluppati hawn fuq, inqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddikjarat, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha esklużivament fuq rapport ta’ kawża-effett bejn l-implementazzjoni tal-akkordju u l-impatt konkret ta’ dan fuq is-suq għall-kalkolu tal-multa.

    132.

    Bil-kontra ta’ dak li l-Kummissjoni sostniet kemm fir-risposta tagħha kif ukoll waqt is-seduta, il-kwistjoni dwar jekk l-implementazzjoni effettiva ta’ akkordju hijiex suffiċjenti sabiex turi l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq bl-ebda mod mhija s-suġġett ta’ “ġurisprudenza kostanti” tal-Qorti tal-Prim’Istanza. F’kull każ, din il-kwistjoni għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, kwistjoni li ġiet ippreżentata quddiemha, għall-ewwel darba, mhux biss f’din il-kawża iżda wkoll fil-kawżi msejħa tal-“banek Awstrijaċi” ( 46 ).

    133.

    Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fis-26 ta’ Marzu 2009 f’dawn il-kawżi, jeżistu diversi inċertezzi dwar dak li huwa kopert mit-terminu “jista’ jiġi kkalkolat”, fis-sens tal-Linji gwida ( 47 ).

    134.

    Dawn l-inċertezzi jirriżultaw, parzjalment, mill-ġurisprudenza kontradittorja tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-konstatazzjoni tal-implementazzjoni effettiva tal-akkordju hijiex suffiċjenti sabiex turi l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

    135.

    Kif indika ġustament l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet iċċitati hawn fuq ( 48 ), f’dan ir-rigward jistgħu jiġu distinti żewġ linji ta’ ġurisprudenza.

    136.

    Skont l-ewwel linja ta’ ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara li l-Kummissjoni tista’ sempliċement tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju sabiex tikkonkludi li jeżisti impatt konkret fuq is-suq. Parti minn din il-linja huma s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawżi tal-banek Awstrijaċi ( 49 ), Groupe Danone vs Il-Kummissjoni ( 50 ) kif ukoll, iktar reċentement, Hoechst vs Il-Kummissjoni ( 51 ) u Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni ( 52 ).

    137.

    Bil-kontra, kif diġà indikajt fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tikkonstata li l-akkordju ġie effettivament implementat sabiex turi l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Dan l-approċċ huwa parti minn linja ta’ ġurisprudenza oħra, li, essenzjalment, teżiġi li l-Kummissjoni tkun kapaċi tipprovdi indizji konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq, peress li l-implementazzjoni effettiva tal-akkordju tikkostitwixxi, f’dan l-approċċ, biss indizju qawwi, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun tista’, madankollu, tillimita l-eżami tagħha għal dan l-indizju ( 53 ).

    138.

    Skont dan l-approċċ, l-implementazzjoni tal-ksur tikkostitwixxi biss kundizzjoni preliminari għall-prova tal-eżistenza ta’ impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq ( 54 ).

    139.

    Bħall-pożizzjoni adottata mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ( 55 ), naqbel mar-raġunament ta’ din it-tieni linja ta’ ġurisprudenza.

    140.

    Fil-fatt inqis li, meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni li timponi multa fuq impriża għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE fuq l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, hija għandha tkun kapaċi tipproduċi provi konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettulha tevalwa l-impatt effettiv tal-ksur fuq il-kompetizzjoni fis-suq. B’mod partikolari, sa fejn l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur tippermetti lill-Kummissjoni, fil-każ ta’ ksur li huwa serju ħafna, issaħħaħ il-gravità ta’ dan u żżid l-ammont inizjali għal ammont ogħla mil-limitu minimu previst ta’ EUR 20 miljun, din l-istituzzjoni ma tistax sempliċement tillimita ruħha li tikkonstata li l-akkordju ġie effettivament implementat u, għaldaqstant, mingħajr dimostrazzjoni ulterjuri, sempliċement tassumi li dan l-akkordju probabbilment kellu effett fuq is-suq.

    141.

    Dan ir-rekwiżit jidhirli li huwa iktar xieraq fid-dawl tal-għan, imfakkar mill-ġurisprudenza, li l-multi imposti fuq l-impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE huma, b’mod partikolari, intiżi sabiex jeliminaw l-aġir illeċitu ta’ dawn tal-aħħar ( 56 ).

    142.

    F’dan il-kuntest ma jistax jingħad, fil-fehma tiegħi, li, f’dak li jirrigwarda ftehim b’għan antikompetittiv, bħalma huma dawk dwar it-tqassim tas-swieq ta’ prodotti u/jew ta’ swieq ġeografiċi jew dawk dwar l-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni hija mhux biss eżenti mill-oneru tal-prova tal-effetti tal-imsemmija ftehim sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur, iżda wkoll minn dak li tipproduċi provi konkreti u kredibbli tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, meta hija tqis li huwa neċessarju li tibbaża ruħha fuq tali kriterju biex tiddetermina l-gravità tal-ksur u, finalment, biex tikkalkola l-multa li hija beħsiebha timponi fuq l-impriżi kkonċernati.

    143.

    Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddikjarat, essenzjalment, fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha, mingħajr spjegazzjonijiet ulterjuri, li tiddeduċi mill-implementazzjoni tal-akkordju l-eżistenza ta’ effetti konkret ta’ dan fuq is-suq u sempliċement tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq rapport ta’ kawża-effett bejn l-implementazzjoni tal-akkordju u l-impatt konkret ta’ dan fuq is-suq.

    144.

    Għaldaqstant nissuġġerixxi li t-talba għal sostituzzjoni tal-motivi ppreżentata mill-Kummissjoni ma tintlaqax.

    ii) Fuq l-oġġezzjonijiet invokati mill-appellanti insostenn tat-tieni parti tat-tielet aggravju

    145.

    L-appellanti kkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli rrifjutat li tannulla s-sentenza kkontestata, anke jekk ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu tal-motivazzjoni dwar il-kriterju tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq ( 57 ). Għalhekk, skont huma, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, tiddikjara fil-punt 190 tas-sentenza appellata, li l-ammont tal-bażi tal-multa kien adegwat, mingħajr ma tagħmel żball ta’ liġi.

    146.

    Anke jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat motivazzjoni b’lakuni fis-sentenza kkontestata f’dak li jirrigwarda l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, ngħid minflok li kien hemm żball (manifest) fl-evalwazzjoni ta’ dan il-kriterju, ngħid li l-argument miġjub mill-appellanti ma għandux jintlaqa’.

    147.

    Għandu jitfakkar li, f’dak li jirrigwarda r-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa fuq impriżi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti taħt żewġ aspetti. Minn naħa, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħhom, skont l-Artikolu 230 KE, hija għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex osservat, u l-ksur ta’ dan l-obbligu jrendi d-deċiżjoni annullabbli. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 229 KE u r-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tevalwa, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jekk l-ammont tal-multi huwiex adattat ( 58 ).

    148.

    Minn dan jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda wieħed mill-kriterji tal-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE ma tistax ipso facto twassal għall-annullament, anki jekk parzjali, tad-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet imposta din il-multa. Din il-konklużjoni għandha tinftiehem fid-dawl tan-numru ta’ kriterji li l-Kummissjoni tista’ tuża’ sabiex tiddetermina l-gravità u t-tul ta’ żmien ta’ ksur speċifiku. Fil-fatt, id-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni (inkluż għaldaqstant l-ammont tal-multa li hija timponi) jista’ jkun fondat b’mod validu fuq motivi differenti minn dawk li huma affettwati mill-iżball jew mid-difett ikkonstatati mill-qorti li ddeċidiet fuq il-mertu.

    149.

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għal ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun, billi bbażat ruħha fuq il-gravità tal-ksur. Dan l-ammont ġie determinat inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tan-natura tal-ksur, tal-impatt konkret ta’ dan fuq is-suq u tal-firxa ġeografika tal-imsemmi suq.

    150.

    Fis-sentenza appellata, wara li stabbilixxiet id-difetti li jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-impatt konkret fuq is-suq fil-kuntest tal-eżami tal-gravità ta’ ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat jekk dawn id-difetti setax ikollhom ukoll effett fuq il-kalkolu tal-multa, jiġifieri fuq l-ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun li kien ġie adottat fid-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tal-appellanti.

    151.

    Huwa fil-kuntest tal-istħarriġ li hija teżerċita bħala parti mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha li l-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li kkonstatat, fil-punti 188 u 189 tas-sentenza appellata, li l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” fid-deċiżjoni kkontestata kienet ġustifikata minħabba n-natura tal-ftehim inkwistjoni, iddikjarat, ġustament, fil-punt 190 tal-imsemmija sentenza, li d-difetti kkonstatati ma setgħux, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, iwasslu għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa imposta, ladarba l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” kienet fondata u ladarba l-Kummissjoni kienet għażlet l-ammont minimu inizjali previst mil-Linji gwida għal tali ksur (jew, b’mod iktar preċiż, l-ammont massimu għal ksur “serju”), jiġifieri EUR 20 miljun.

    152.

    Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, minkejja li l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jista’ jippermetti lill-Kummissjoni li żżid l-ammont inizjali tal-multa li hija timponi, jekk dan seta’ jkun il-każ fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, id-difetti li jaffettwaw dan il-kriterju ma kellhom, madankollu, l-ebda influwenza fuq l-ammont adottat f’dan il-każ (u għalhekk fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata), minħabba li tali ammont kien jikkorrispondi għall-ammont massimu fil-kategorija tal-ksur serju, skont il-Linji gwida, filwaqt li, minħabba l-istess natura tal-ksur inkwistjoni, dan tal-aħħar seta’ jiġi kklassifikat bħala ksur “serju ħafna”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li ma kellhiex bżonn teżerċita s-setgħa tagħha ta’ riforma tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-ammont inizjali adottat kien diġà mnaqqas meta mqabbel mal-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u għaldaqstant kien adattat.

    153.

    Jidhirli li tali evalwazzjoni u tali approċċ ma fihomx żbalji ta’ liġi.

    154.

    Għalhekk, nipproponi li l-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti insostenn tat-tieni parti tat-tielet aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda. Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    E — Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida u fuq evalwazzjoni żbaljata tal-gravità ta’ ksur

    155.

    Dan l-aggravju jinkludi żewġ partijiet. L-ewwel parti fosthom hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura żbaljata tad-determinazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. It-tieni fost l-imsemmija partijiet tirrigwarda n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, tal-fatt li l-appellanti temmew il-ksur b’mod volontarju.

    1. Fuq l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura żbaljata tad-determinazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq

    a) L-argumenti tal-partijiet

    156.

    L-appellanti jsostnu li fil-punti 188 sa 190 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi taħt żewġ aspetti. Minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeterminat il-gravità tal-ksur billi ħadet inkunsiderazzjoni esklużivament il-forma astratta ta’ dan il-ksur. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti tal-ksur imur kontra kemm il-Linji gwida kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-ammont inizjali previst fil-Linji gwida għal ksur “serju ħafna” jikkostitwixxi ammont minimu li ma jistax jiġi evitat. Dan l-approċċ imur kontra l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    157.

    Il-Kummissjoni tirreferi parzjalment għall-argument li hija żviluppat fil-kuntest tat-tielet aggravju dwar l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Hija żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx l-ammont inizjali previst mil-Linji gwida bħala limitu li ma għandux jinqabeż, iżda, għall-kuntrarju, eżaminat il-proporzjonalità tiegħu fil-punti 206 u 223 tas-sentenza appellata. Rigward l-argumenti tal-appellanti dwar il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, l-eżempji ċċitati mhumiex rilevanti, jew huma ġodda jew ineżatti.

    b) Evalwazzjoni

    158.

    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq impriża li tkun kisret r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala skop, minn naħa, li jeżamina f’liema miżura l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-fatturi kollha essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ aġir speċifiku, fid-dawl tal-Artikoli 81 KE u 82 KE kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 (jew tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003) u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondietx suffiċjentement skont il-liġi għall-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti, intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa ( 59 ).

    159.

    Fil-każ inkwistjoni, infakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 188 tas-sentenza appellata, li, minħabba n-natura tiegħu, il-ksur inkwistjoni, li kellu bħala għan it-tqassim tas-swieq tal-prodotti u tqassim ġeografiku, kien jikkostitwixxi ksur evidenti tar-regoli tal-kompetizzjoni u, għalhekk, kien partikolarment serju. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 189 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tad-definizzjoni fil-Linji gwida, il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” fid-deċiżjoni kkonstestata kienet ġustifikata.

    160.

    Madankollu inqis li, bħala tali, din l-evalwazzjoni ma fihiex żbalji ta’ liġi.

    161.

    Fil-fatt, fis-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni ( 60 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tikkonferma l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza — skont dan l-approċċ il-gravità tal-ksur tista’ tiġi stabbilita b’riferiment għan-natura u l-iskop tal-aġir illeċitu — u li, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multa, elementi relatati mal-għan tal-aġir tal jistgħu jkunu iktar importanti minn dawk relatati mal-effetti antikompetittivi tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddikjarat li l-effett ta’ prattika antikompetittiva mhuwiex kriterju deċiżiv fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-ammont tal-multa huwiex adegwat ( 61 ).

    162.

    Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat ġustament fil-punt 189 tas-sentenza appellata, fil-Linji gwida, il-Kummissjoni sostniet, fir-rigward tal-ksur serju ħafna, li dawn “ġeneralment ikunu restrizzjonijiet orriżontali bħal konsorzji ta’ prezzijiet u kwota tas-sehem tas-suq, jew prattiċi oħra li jpoġġu fil-periklu l-funzjonament tajjeb tas-suq wieħed, bħal qsim tas-swieq nazzjonali” (it-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1(A)).

    163.

    Minn din id-deskrizzjoni indikattiva jirriżulta li ftehim jew prattiċi miftiehma intiżi, bħal f’dan il-każ, għat-tqassim tas-swieq tal-prodotti, billi jqassmu s-suq Ewropew tal-labar u ta’ oġġetti oħra tal-ħjata, u min-naħa l-oħra, it-tqassim tas-suq ġeografiku, billi jqassmu s-suq Ewropew tal-labar tal-ħjata bl-idejn, tal-labar artiġjanali, tal-labar tas-suf u tal-labar tal-‘crochet’, jistgħu, sempliċement minħabba n-natura tagħhom, jikkwalifikaw bħala “serji ħafna” mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikollu impatt partikolari.

    164.

    Għaldaqstant inqis li l-appellanti ma jistgħux jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ddikjarat, essenzjalment, li l-kriterji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A) tal-Linji gwida ma għandhomx l-istess importanza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

    165.

    Barra minn hekk, kif spjegajt fil-punti 151 u 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara li stabbilixxiet id-difetti li jaffettwaw l-eżami tal-impatt konkret tal-ksur, magħmul mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu rrifjutat li teżerċita s-setgħa tagħha ta’ riforma tal-ammont inizjali tal-multa stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, billi kkunsidrat, essenzjalment, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, l-ammont li kien ġie adottat fid-deċiżjoni kien imnaqqas meta mqabbel mal-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”, li tirriżulta diġà min-natura nfisha ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qisitx li l-ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun, stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata, kien jikkostitwixxi limitu li ma jistax jinqabeż, iżda, bil-kontra, eżaminat, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, jekk kienx hemm lok li dan l-ammont jiġi rriformat, kif jirriżulta mill-punt 190 tas-sentenza appellata ( 62 ). Il-fatt li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset xieraq li ma tirriformax l-ammont inizjali tal-multa stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata, u spjegat ir-raġunijiet insostenn ta’ din l-evalwazzjoni, ma jistax jikkostitwixxi, minnu nnifsu, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-eventwali fatt li l-Kummissjoni evalwat b’mod differenti aġir illeċitu ieħor f’kawżi oħrajn huwa irrilevanti, minħabba li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas ġuridiku għad-determinazzjoni tal-multi fis-suġġett tal-kompetizzjoni ( 63 ).

    166.

    Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda.

    2. Fuq it-tieni parti tar-raba’ aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkonsiderazzjoni, inkwantu ċirkustanza attenwanti, tal-fatt li l-appellanti temmew il-ksur b’mod volontarju

    a) L-argumenti tal-partijiet

    167.

    Permezz ta’ din il-parti, l-appellanti jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 211 u 213 tas-sentenza appellata, meta ddikjarat li l-benfiċċju ta’ ċirkustanzi attenwanti seta’ jingħata biss f’każ li l-impriżi inkwistjoni ġew imħeġġa jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom permezz tal-intervent tal-Kummissjoni. Skont l-appellanti, il-waqfien volontarju tal-ksur qabel l-ewwel att ta’ istruzzjoni tal-Kummissjoni għandu, loġikament, jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanzi attenwanta, minħabba li ċertament ma tteħidx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur.

    168.

    Skont il-Kummissjoni, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija konformi mal-ġurisprudenza tagħha, li ma tistax titqiegħed f’dubju.

    b) Evalwazzjoni

    169.

    Huwa kostanti li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tal-appellanti li talbuha tissanzjona lill-Kummissjoni talli rrifjutat li tagħtihom il-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti skont il-punt 3 tal-Linji gwida minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li l-ksur intemm qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

    170.

    Fil-punt 211 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-waqfien qabel il-waqt tal-ftehim illeċitu ma jistax jagħti dritt għall-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti, fis-sens tal-punt 3 tal-Linji gwida. Fil-fatt, it-tnaqqis f’tali ċirkustanzi huwa inutli mat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur għall-kalkolu tal-multi. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 212 tas-sentenza appellata, li l-waqfien qabel il-waqt tal-ftehim illeċitu la rriżulta minn intervent tal-Kummissjoni, u lanqas minn deċiżjoni tal-appellanti li jtemmu l-ksur, iżda rriżulta essenzjalment miż-żieda fil-kapaċità produttiva tal-appellanti fir-Repubblika Ċeka, kif dawn tal-aħħar indikaw fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li l-waqfien qabel il-waqt tal-ftehim kien diġà ttieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur u għalhekk ma setax jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

    171.

    Indipendentement mill-kwistjoni (ta’ fatt) dwar jekk l-appellanti temmewx il-ksur qabel il-waqt b’mod għalkollox volontarju jew għal raġunijiet imperattivi ta’ natura ekonomika, l-interpretazzjoni tal-Linji gwida adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax, fil-fehma tiegħi, tkun ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

    172.

    Fil-fatt, infakkar li l-punt 3 tal-Linji gwida jindika, essenzjalment, li l-ammont bażiku tal-multa ffissata mill-Kummissjoni jitnaqqas, fost l-oħrajn, meta l-impriża inkriminata twaqqaf il-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

    173.

    Fis-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonferma l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ċirkustanza attenwanti skont il-punt 3 tal-Linji gwida ma tistax tiġi applikata meta l-ksur li ġie stabbilit ikun waqaf jew kien fil-proċess li jitwaqqaf fil-mument li fih il-Kummissjoni bdiet l-ewwel verifiki ( 64 ).

    174.

    Dan l-approċċ, għalkemm f’ċirkustanzi kemmxejn differenti, ġie kkonfermat reċentement fis-sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (C-510/06 P), iċċitata iktar ’il fuq, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ikkunsidrat li l-imsemmija impriża ġiet irrifjutata l-benefiċċju tat-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha, minħabba li hija kienet waqqfet l-aġir illegali tagħha mal-ewwel interventi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Amerikani, li, f’din il-kawża, seħħew qabel dawk tal-Kummissjoni ( 65 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din l-evalwazzjoni fuq il-bżonn li tippreserva l-effett dissważiv tal-multa imposta mill-Kummissjoni u fuq l-effett utli tal-Artikolu 81(1) KE ( 66 ).

    175.

    Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat ir-rifjut tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tagħti l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti lill-appellanti talli waqqfu qabel il-waqt il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, ksur li l-eżistenza tiegħu ma ġietx ikkontestata.

    176.

    Għalhekk, nikkunsidra li t-tieni parti tar-raba’ aggravju ma tistax tintlaqa’. Dan l-aggravju wkoll għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    F — Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa

    1. L-argumenti tal-partijiet

    177.

    L-appellanti jsostnu li, fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur fil-kuntest tal-iffissar tal-multi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità taħt żewġ aspetti. Minn naħa, hija applikat il-Linji gwida b’mod formalistiku, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti tal-ksur. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza vverifikat il-proporzjonalità tal-multa biss fuq il-bażi ta’ kriterji iżolati, mingħajr ma kkunsidrat globalment iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-appellanti jikkritikaw, b’mod iktar partikolari, il-punti 228 sa 232 tas-sentenza appellata.

    178.

    Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju huwa inammissibbli għaliex iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel eżami mill-ġdid tal-ammont tal-multa. Sussidjarjament, hija tenfasizza li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat fid-dettall il-proporzjonalità tal-multa u li l-argumenti tal-appellanti huma infondati.

    2. Evalwazzjoni

    179.

    Fir-rigward tal-ewwel oġġezzjoni tal-appellanti, ibbażata fuq l-applikazzjoni formalistika tal-Linji gwida, din għandha tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet esposti fil-punt 165 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, insostenn ta’ din l-oġġezzjoni, l-appellanti sempliċement irrepetew il-kritika tagħhom li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat l-ammont inizjali ta’ EUR 20 miljun bħala limitu li ma jistax jinqabeż. Madankollu, kif diġà enfasizzajt hawn fuq, tali kritika ma tistax tintlaqa’.

    180.

    Fir-rigward tat-tieni oġġezzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, meta tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba l-ksur, imwettaq minn din tal-aħħar, tad-dritt Komunitarju ( 67 ).

    181.

    Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti, fil-kuntest ta’ appell, li tagħmel eżami ġenerali mill-ġdid tal-multi ( 68 ).

    182.

    F’dan il-każ, l-appellanti, fl-appell tagħhom, fir-realtà talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel eżami mill-ġdid tal-ammont tal-multa imposta fuqhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt huma jsostnu, fil-punti 103 sa 108 tal-appell tagħhom, li l-allegat nuqqas tal-impatt konkret fuq is-suq, it-tul taż-żmien u l-impatt varjabbli tal-ksur, il-waqfien qabel il-waqt ta’ dan tal-aħħar, l-allegat nuqqas ta’ proporzjon bejn il-multa u d-dħul mill-bejgħ globali, id-daqs allegatament imnaqqas tas-swieq inkwistjoni kif ukoll il-perċentwali li tirrapreżenta l-multa imposta mill-Kummissjoni meta mqabbla mal-volum annwali tal-ewwel livell tas-swieq ikkonċernati, kellhom iwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata.

    183.

    Fil-kuntest tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, minflok, l-obbligu li tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi għall-argumenti kollha invokati mill-appellanti, intiżi għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa ( 69 ).

    184.

    F’dan ir-rigward, kif sostniet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha u kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet u r-raba’ aggravji magħmulin f’dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat fid-dettall l-argumenti tal-appellanti li ġew ripetuti fil-punti 103 sa 108 tal-appell tagħhom, imsemmija hawn fuq.

    185.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kritiki l-iktar dettaljati dwar l-allegat nuqqas ta’ proporzjon tal-multa mad-dħul mill-bejgħ globali kif ukoll mal-volum tal-ewwel livell tas-swieq inkwistjoni u li ma ġewx eżaminati fil-kuntest tar-risposta tal-aggravji preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ivverifikat, fil-punti 228 sa 232 tas-sentenza appellata, jekk l-ammont adottat fid-deċiżjoni kkontestata kienx proporzjonat mal-imsemmija elementi, fid-dawl tal-argument tal-appellanti u fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet tali evalwazzjoni mingħajr ma żammet mal-limitu ta’ 10% tad-dħul mill-bejgħ globali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-osservanza tiegħu, kif iddikjarat ġustament fil-punt 226 tas-sentenza appellata, ma jiggarantix awtomatikament il-proporzjonalità tal-multa.

    186.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nissuġġerixxi li l-ħames aggravju u, għaldaqstant, l-appell fl-intier tiegħu, jiġi miċħud.

    III — Fuq l-ispejjeż

    187.

    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li, fil-fehma tiegħi, l-appellanti għandhom jitilfu, hemm lok li jiġi deċiż li huma għandhom ibatu l-ispejjeż relatati mal-appell, skont it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

    IV — Konklużjoni

    188.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi kif ġej:

    “1)

    L-appell huwa miċħud.

    2)

    William Prym GmbH & Co. KG u Prym Consumer GmbH & Co. KG huma kkundannati għall-ispejjeż.”


    ( 1 ) Lingwa originali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171.

    ( 5 ) ĠU C 207, p. 4.

    ( 6 ) Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (T-30/05).

    ( 7 ) Dan ir-rikors, li huwa attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa rreġistrat taħt ir-referenza T-454/07

    ( 8 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill (C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 10 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

    ( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, punt 3 tar-risposta.

    ( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, rigward l-ammissibiltà ta’ argumenti bbażati fuq il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNKvs Il-Kunsill (C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 66) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, […] fil-kuntest ta’ appell, l-appellant jista’ jinvoka kull argument rilevanti, bl-unika kundizzjoni li l-appell ma jbiddilx is-suġġett tal-kawża deċiża mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, ma jeżisti ebda obbligu li kull argument invokat f’sede ta’ appell ikun diġà ġie diskuss qabel fil-prim’istanza. Restrizzjoni f’dan is-sens ma tistax tiġi aċċettata għax hija jkollha l-effett li ċċaħħad l-appell minn parti importanti tal-iskop tiegħu.

    ( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, li tippreċiża, fil-punt 114 tagħha, li “fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija […] limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali mogħtija għall-motivi u l-argumenti diskussi quddiem il-qorti fil-prim’istanza”. Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C-202/07 P, Ġabra p. I-2369, punti 59 u 60).

    ( 14 ) Fuq il-bażi tad-distinzjoni bejn argument ġuridiku u motiv, magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou vs Il-Kummissjoni (C-167/06 P, punt 24).

    ( 15 ) Ara f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 31). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-308/04 P, Ġabra p. I-5977, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Ara s-sentenza PKK u KNK vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 17 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003 (C-121/01 P, Ġabra p. I-5539, punt 39).

    ( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, Ġabra p. I-1719 punt 67), kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et (C-265/97 P, Ġabra p. I-2061, punt 114). Ara wkoll, fuq il-kunċett tal-motiv ta’ ordni pubbliku, punti 102 sa 104 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni (C-443/05 P, Ġabra p. I-7209). Rigward l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att inkwantu kwistjoni ta’ ordni pubbliku li għandha tiġi eżaminata mill-qorti ex officio, jidher li l-ġurisprudenza ma tagħmilx distinzjoni skont il-funzjoni doppja tar-regoli rigward il-motivazzjoni, jiġifieri, minn naħa, dik li tippermetti lill-qorti tistħarreġ il-legalità (għan oġġettiv) u, min-naħa l-oħra, dik li tiggarantixxi lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-motivi tal-miżura adottata sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u tivverifika l-fondatezza tal-att (għan suġġettiv) [fuq din il-funzjoni doppja ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, (43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 22); tas-17 ta’ Jannar 1995, Publishers Association vs Il-Kummissjoni (C-360/92 P, Ġabra p. I-23, punt 39), u tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (C-338/00 P, Ġabra p. I-9189, punt 124)]. L-inammissibbiltà ddikjarata fis-sentenza O’Hannrachain vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, ma tidhirx li hija bbażata fuq distinzjoni ta’ dan it-tip. F’kull każ, fid-dawl tal-għan esklużivament suġġettiv tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dawn id-drittijiet (jew tad-dritt għal smigħ) ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi kklassifikat bħala motiv ta’ ordni pubbliku. Għaldaqstant, il-qorti Komunitarja ma għandhiex ikollha l-possibbiltà li teżamina tali motiv ex officio.

    ( 19 ) Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008 (C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777).

    ( 20 ) Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997 (C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 25).

    ( 21 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, Ġabra p. 1899, punt 13), kif ukoll is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70), u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1970, Chemiefarma vs Il-Kummissjoni (41/69, Ġabra p. 661, punt 92), u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67), kif ukoll id-digriet British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 13).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tobbliga impriża, fejn xieraq permezz ta’ deċiżjoni, sabiex tagħtiha l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li hija tkun taf bihom, iżda hija ma tistax tobbliga lil din l-impriża tagħti risposti li permezz tagħhom din tiġi mġiegħla tammetti l-eżistenza ta’ ksur li għandu jiġi pprovat mill-Kummissjoni [ara s-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

    ( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 182 sa 184), kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 38).

    ( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 183).

    ( 28 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980 (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punti 29 sa 32).

    ( 29 ) Ibidem (punt 32).

    ( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2004 van den Berg vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-164/01 P, Ġabra p. I-10225, punt 60), kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 148).

    ( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Ara, fir-rigward tal-livell tal-multi, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 434).

    ( 33 ) Kif l-appellanti indikaw fis-seduta ta’ din il-kawża, huma ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni “żippijiet” (ara punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 34 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33); tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (punt 465); Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 241), u Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċtata iktar ’il fuq (punt 129).

    ( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 129); Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 242), u Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 130).

    ( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 132).

    ( 37 ) Infakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hijiex kontradittorja tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi mqajma fil-kuntest ta’ appell. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 38 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 139).

    ( 39 ) Infakkar li, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni, konstatazzjoni li ma ġietx ikkontestata mill-appellanti.

    ( 40 ) Il-Qorti ddikjarat li “id-definizzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat [li sar l-Artikolu 81(1) KE] għandha l-iskop uniku li tiddetermina jekk l-akkordju inkwistjoni jistax jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandux bħala skop jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni” [digriet tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni (C-111/04 P, punt 31)]. Minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeduċi, loġikament, bħal fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-obbligu ta’ definizzjoni tas-suq inkwistjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE mhuwiex assolut, iżda huwa impost fuq il-Kummissjoni biss meta, mingħajr tali definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-akkordju inkwistjoni jistax jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandux bħala skop jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni (T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 206); tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 230), u tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T-44/00, Ġabra p. II-2223, punt 132).

    ( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (C-510/06 P, Ġabra p. I-1843, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28); tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni (C-294/95 P, Ġabra p. I-5863, punt 52); tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 187).

    ( 43 ) Ara, b’mod partikolari, dwar din id-distinzjoni, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq (punti 67 u 72), kif ukoll punt 92 tas-sentenza appellata.

    ( 44 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni (C-248/98 P, Ġabra p. I-9641, punt 42); Sarrió vs Il-Kummissjoni (C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 73), kif ukoll Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 463).

    ( 45 ) F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, fiilwaqt li, fil-verżjoni Franċiża tal-punt 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tuża l-espressjoni “difett ta’ motivazzjoni”, jirriżulta biċ-ċar mil-lingwa oriġinali tal-kawża (jiġifieri l-lingwa Ġermaniża), l-unika lingwa awtentika, li tuża l-espressjoni “unzureichende Begründung”, li din l-espressjoni tirreferi mhux għan-nuqqas ta’ motivazzjoni (“Begründungsmangel”), iżda għall-eżistenza ta’ motivazzjoni insuffiċjenti jew difettuża (“unzureichende Begründung”). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li din l-espressjoni hija identika għal dik użata fil-punt 99 tas-sentenza appellata li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet “insuffiċjenza ta’ motivazzjoni” f’dak li jirrigwarda d-daqs tas-swieq.

    ( 46 ) Kawżi magħquda Erste Bank der österreichischen Sparkassen vs Il-Kummissjoni (C-125/07 P), Raiffeisen Zentralbank Österreich vs Il-Kummissjoni (C-133/07 P), Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni (C-135/07 P), u Österreichische Volksbanken vs Il-Kummissjoni (C-137/07 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 47 ) Punt 275 tal-imsemmija konklużjonijiet.

    ( 48 ) Ara l-punti 279 sa 300 tal-istess konklużjonijiet.

    ( 49 ) Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni (T-259/02 sa T-264/02 u T-271/02, Ġabra p. II-5169, punt 288). Għandu jiġi osservat li din is-sentenza ingħatat mill-istess Awla, bl-istess kompożizzjoni, bħal dik li tat is-sentenza appellata.

    ( 50 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005 (T-38/02, Ġabra p. II-4407). Skont il-punt 148 ta’ din is-sentenza, “l-implementazzjoni, anki jekk parzjali, ta’ akkordju li jkollu għan antikompetittiv hija suffiċjenti sabiex teskludi l-possibbiltà li jiġi konkluż li l-imsemmi akkordju ma għandux impatt fuq is-suq”. Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-appell ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li ta lok għas-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C-3/06 P, Ġabra p. I-1331), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tittratta dan il-punt.

    ( 51 ) Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008 (T-410/03, Ġabra p. II-881, punti 345 u 348).

    ( 52 ) Sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008 (T-73/04, Ġabra p. II-2661, punti 84). Għandu jiġi stabbilit li din is-sentenza ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, irreġistrat taħt in-numru C-554/08 P (Kawża Le Carbone Lorraine vs Il-Kummissjoni, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

    ( 53 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni (T-322/01, Ġabra p. II-3137, punti 77 u 78); Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (T-329/01, Ġabra p. II-3255, punti 178 sa 181); Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (T-43/02, Ġabra p. II-3435, punti 155 sa 159), u Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (T-59/02, Ġabra p. II-3627, punti 161 sa 165). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2008, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni (T-52/03, punti 392 sa 395); BPB vs Il-Kummissjoni (T-53/03, Ġabra p. II-1333, punti 301 sa 304), u Lafarge vs Il-Kummissjoni (T-54/03, punti 584 sa 587). Għandu jiġi osservat li s-sentenzi mogħtija fil-Kawżi T-52/03 u T-54/03 ġew appellati u l-imsemmija appelli rreġistrati, rispettivament, taħt ir-referenzi C-407/08 P u C-413/08 P (Kawżi Knauf Gips vs Il-Kummissjoni u Lafarge vs Il-Kummissjoni, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).

    ( 54 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Roquette Frères vs Il-Kummissjoni (punt 77) u Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (T-329/01, punt 180).

    ( 55 ) Ara punti 301 sa 314 tal-imsemmija konklużjonijiet.

    ( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 173); SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 37), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 22).

    ( 57 ) Il-kunsiderazzjonijiet esposti fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet rigward il-verżjoni Franċiża tal-espressjoni “défaut de motivation”, użata fil-punt 115 tas-sentenza appellata, jgħoddu wkoll għal dak li jirrigwarda l-użu ta’ din l-istess espressjoni fil-punt 190 tal-istess sentenza. Għaldaqstant din l-espressjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għal motivazzjoni vvizzjata jew difettuża u mhux għal nuqqas ta’ motivazzjoni, b’mod konformi mal-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tas-sentenza appellata.

    ( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq KNP BT vs Il-Kummissjoni (punti 38 sa 40) u Sarrió vs Il-Kummissjoni (punti 69 sa 71).

    ( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (punt 128), Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (punt 217) u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (punt 69).

    ( 60 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003 (C-194/99 P, Ġabra p. I-10821).

    ( 61 ) Ibidem (punt 118).

    ( 62 ) Ara, b’mod partikolari, għal modus operandi simili, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Kyowa Hakko Kogyo u Kyowa Hakko Europe vs Il-Kummissjoni (T-223/00, Ġabra p. II-2553, punti 77 sa 89).

    ( 63 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (punti 209 sa 213), JCB Service vs Il-Kummissjoni (punt 205) u Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (C-510/06 P, punt 82).

    ( 64 ) Punti 158 u 160.

    ( 65 ) Punt 150.

    ( 66 ) Ibidem (punt 149).

    ( 67 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il-Kummissjoni (C-320/92 P, Ġabra p. I-5697, punt 46); tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 109); Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 614), kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 245).

    ( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 246 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 69 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (punt 128) u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (punt 69).

    In alto