This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CC0514
Opinion of Mr Advocate General Poiares Maduro delivered on 1 October 2009.#Kingdom of Sweden v Association de la presse internationale ASBL (API) and European Commission (C-514/07 P), Association de la presse internationale ASBL (API) v European Commission (C-528/07 P) and European Commission v Association de la presse internationale ASBL (API) (C-532/07 P).#Appeals - Right of access to documents of the institutions - Regulation (EC) No 1049/2001 - Second and third indents of Article 4(2) - Pleadings lodged by the Commission in proceedings before the Court of Justice and the General Court - Decision of the Commission refusing access.#Joined cases C-514/07 P, C-528/07 P and C-532/07 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ippreżentati fl-1 ta' Ottubru 2009.
Ir-Renju ta' l-Iżvezja vs Association de la presse internationale ASBL (API) u Il-Kummissjoni Ewropea (C-514/07 P), Association de la presse internationale ASBL (API) vs Il-Kummissjoni Ewropea (C-528/07 P) u Il-Kummissjoni Ewropea vs Association de la presse internationale ASBL (API) (C-532/07 P).
Appell - Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istitutuzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - It-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) - Sottomissjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-aċċesss.
Kawżi magħquda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ippreżentati fl-1 ta' Ottubru 2009.
Ir-Renju ta' l-Iżvezja vs Association de la presse internationale ASBL (API) u Il-Kummissjoni Ewropea (C-514/07 P), Association de la presse internationale ASBL (API) vs Il-Kummissjoni Ewropea (C-528/07 P) u Il-Kummissjoni Ewropea vs Association de la presse internationale ASBL (API) (C-532/07 P).
Appell - Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istitutuzzjonijiet - Regolament (KE) Nru 1049/2001 - It-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) - Sottomissjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-aċċesss.
Kawżi magħquda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-08533
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:592
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MADURO
ippreżentati fl-1 ta’ Ottubru 2009 1(1)
Kawżi magħquda C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P
Ir-Renju tal-Isvezja
vs
Association de la presse internationale ASBL (API)
Association de la presse internationale ASBL (API)
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Association de la presse internationale ASBL (API)
“Appell – Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Noti ppreżentati mill-Kummissjoni fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza”
Sa liema punt il-prinċipji ta’ trasparenza tal-proċeduri ġudizzjarji u l-pubbliċità ta’ proċess jeżiġu li l-membri tal-pubbliku jitħallew ikollhom aċċess għan-noti bil-miktub ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-partijiet f’kawża? Dan huwa l-qofol tal-kwistjoni mqajma f’dawn l-appelli minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tressqu mir-Renju tal-Isvezja, minn assoċjazzjoni tal-ġurnalisti u mill-Kummissjoni Ewropea rispettivament.
I – Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza
1. L-appelli huma marbuta ma’ tilwima bejn l-Association de la presse internationale ASBL (API) u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej rigward l-aċċess għal ċerti noti bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni fi proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.
2. API, assoċjazzjoni tal-ġurnalisti mingħajr skop ta’ lukru, li għandha l-għan li tgħin lill-membri tagħha meta jirrapportaw dwar l-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi oriġinali tagħhom, b’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2003, talbet li l-Kummissjoni tagħtiha aċċess għal dawk in-noti, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 (2). Il-Kummissjoni rrifjutat dik it-talba b’deċiżjoni tal-20 ta’ Novembru 2003.
3. Skont il-Kummissjoni, id-dokumenti inkwistjoni kienu jaqgħu f’diversi kategoriji. Rigward id-dokumenti li kienu ġew ippreżentati fit-tliet kawżi li kienu għadhom pendenti (3), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżvelar tagħhom kien jaffetwa ħażin il-pożizzjoni tagħha bħala l-konvenuta billi jesponiha għall-possibbiltà ta’ pressjoni esterna, b’mod partikolari minn membri tal-pubbliku. Għaldaqstant, id-dokumenti kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni pprovduta fir-Regolament Nru 1049/2001 rigward żvelar li “jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ […] proċedimenti fil-qrati u pariri legali” (4). Għall-istess raġuni, il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-aċċess għan-noti f’kawża oħra, li għalkemm magħluqa, kienet konnessa mill-qrib ma’ kawża li kienet għadha miftuħa (5).
4. Rigward il-proċeduri ta’ ksur, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-iżvelar tan-noti tagħha “jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ […] l-iskop ta’ […] investigazzjoni” fit-tifsira tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, bl-iskop ikun li jintlaħaq ftehim bonarju fit-tilwima. Il-Kummissjoni applikat dan ir-raġunament kemm għal kawżi fejn il-proċeduri ta’ ksur kienu għadhom għaddejjin (6), kif ukoll għal kawżi fejn il-proċeduri kienu magħluqa imma l-Istati Membri kienu għadhom ma kkonformawx irwieħhom mas-sentenza (7).
5. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, interess pubbliku ikbar fl-iżvelar huwa iktar importanti mill-interess tagħha li żżomm in-noti kunfidenzjali. Madankollu, ikkonkludiet li API ma kienet ressqet l-ebda argument li juri tali interess. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat u ċaħdet il-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għad-dokumenti.
6. API kkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni b’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Frar 2004. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrinvijat il-kawża quddiem l-Awla Manja, li tat is-sentenza appellata fit-12 ta’ Settembru 2007.
7. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li l-iskop tar-Regolament Nru 1049/2001 kien li jipprovdi aċċess ġenerali, u li l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. Madankollu, hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tiċħad l-aċċess għal noti bil-miktub fil-kawżi kollha fejn it-trattazzjoni orali kienet għadha ma saritx, għaliex l-interess ġuridiku tagħha ħieles minn kull influwenza esterna kien suffiċjenti biex ikopri n-noti kollha sakemm kawża tasal fl-istadju tas-seduta. Madankollu, fejn ir-rifjut tal-aċċess kien ibbażat fuq il-konnessjoni bejn kawża magħluqa u kawża oħra li kienet għadha pendenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta l-aċċess mingħajr ma tagħti raġunijiet speċifiċi għaliex l-iżvelar kien se jdgħajjef il-proċeduri fil-kawża miftuħa. Rigward il-proċeduri ta’ ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-interess biex jintlaħaq ftehim mal-Istati Membri jista’ jiġġustifika rifjut ġenerali biex jiġu żvelati d-dokumenti biss sakemm is-sentenza tkun għadha ma nqatgħetx. Hekk kif tinqata’ s-sentenza, l-Istati Membri jkunu obbligati jikkonformaw irwieħhom magħha u l-kwistjoni ma tibqax iktar negozjabbli.
8. Appelli mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienu ppreżentati mill-Kummissjoni (C-532/07), minn API (C-528/07), u mir-Renju tal-Isvezja (C-517/07). Ir-Renju Unit, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja intervjenew sussegwentement.
9. Fl-appell tagħha quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni qed targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fejn jintalab aċċess għal noti bil-miktub wara s-seduta, il-kunsiderazzjoni tat-talba trid issir każ b’każ. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet imxiet abbażi ta’ raġunament inkonsistenti u għamlet żball meta ma kkunsidratx l-interessi tal-ġustizzja, l-interessi tal-partijet l-oħra kkonċernati mill-proċedura, u d-drittijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta eżiġiet l-evalwazzjoni każ b’każ tat-talbiet għal aċċess għal noti bil-miktub fi proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 226 KE wara li tkun inqatgħet is-sentenza u fil-proċeduri kollha li jkunu ġew deċiżi imma li jkunu konnessi ma’ kawżi pendenti. Skont il-Kummissjoni, is-sentenza appellata se ddgħajjef il-ħila tagħha li tinforza d-dritt Komunitarju u li tiżgura li l-Istati Membri josservaw l-obbligi tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed titlob lil din il-Qorti sabiex jogħġobha tannulla s-sentenza appellata sa fejn din annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess.
10. API, bil-kontra, qed titlob lil din il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha tannulla s-sentenza appellata sa fejn sostniet id-dritt tal-Kummissjoni li ma tiżvelax in-noti tagħha qabel is-seduta orali, u jew tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2003 jew tirrinvija l-kawża lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għal deċiżjoni ġdida. API targumenta li l-eċċezzjoni pprovduta fir-Regolament Nru 1049/2001 rigward il-proċeduri tal-qrati teżiġi eżami każ b’każ u tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid il-kontra għar-raġunijiet li ġejjin: (i) din tmur kontra prinċipji stabbiliti marbuta mal-interpretazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni; (ii) hija bbażata fuq dritt tal-Kummissjoni li ma jeżistix li tiddefendi l-interessi tagħha ħielsa mill-influwenzi esterni kollha; (iii) il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fl-applikazzjoni tagħha tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet; (iv) dik il-qorti naqset milli tagħti importanza suffiċjenti lill-prattika ta’ ġurisdizzjonijiet oħrajn; u (v) dik il-qorti żbaljat meta invokat il-ħtieġa li tipproteġi proċeduri in camera. API targumenta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin il-frażi “interess pubbliku akbar” fil-kuntest tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
11. Bħal API, ir-Renju tal-Isvezja qed jitlob lil din il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha tannulla s-sentenza appellata sa fejn ċaħdet ir-rikors ta’ API u sabiex tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2003. L-Isvezja targumenta li l-eċċezzjonijiet għar-rekwiżiti tal-iżvelar għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv u ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal rifjut ġenerali għall-aċċess pubbliku.
II – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
12. Meta talbet id-dokumenti inkwistjoni f’din il-kawża, API ġibdet l-attenzjoni għal kwistjonijiet importanti dwar it-trasparenza fl-Unjoni Ewropea. Il-problema ta’ API tinsab, mhux bilfors fis-soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet, imma fil-proċedura li użat biex tqajjimhom. Meta segwiet il-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 1049/2001(8) biex tikseb in-noti ppreżentati f’kawżi pendenti, API marret quddiem il-Kummissjoni b’talba li missha għamlitha lill-Qorti.
13. Filwaqt li tkun għaddejja kawża, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, u mhux il-Kummissjoni, li tiddeċiedi jekk il-pubbliku għandux ikollu aċċess għad-dokumenti f’kawża partikolari. Dan kien l-approċċ li ntuża fit-Trattat ta’ Amsterdam, meta l-Istati Membri għażlu li fl-Artikolu 255 ma jsemmux il-ġudikatura. Deċiżjoni bħal din għandha tkun tal-Qorti tal-Ġustizzja mhux għaliex, kif donnu qed taħseb il-Kummissjoni, il-valuri tat-trasparenza ma japplikawx għall-ġudikatura, imma pjuttost għaliex waqt kawża, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li hija sidt il-kawża. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tkun f’pożizzjoni li tiżen l-interessi kunfliġġenti u tiddetermina jekk l-iżvelar tad-dokumenti jikkawżax dannu irreparabbli lil kwalunkwe waħda mill-partijiet jew idgħajjefx l-imparzjalità tal-proċedura ġudizzjarja. Jekk id-deċiżjoni biex ikunu żvelati d-dokumenti titħalla f’idejn il-partijiet, dawn jistgħu jkunu kawti wisq biex jiżvelaw id-dokumenti meta jibżgħu minn dannu għall-interessi tagħhom imma ħfief wisq biex jiżvelaw id-dokumenti li jistgħu jagħmlu dannu lill-avversarji tagħhom.
14. Ladarba jkun mifhum li l-kwistjonijiet tal-aċċess għad-dokumenti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-perikli prinċipali li l-partijiet jemmnu li jinsabu moħbija f’din il-kawża jgħibu fix-xejn. Il-Qorti ma għandiex għalfejn tinkwieta li l-Kummissjoni se tiżvela dokumenti li se jwasslu biex ifixklu d-deliberazzjonijiet tagħha. L-abbiltà tagħha li tmexxi proċeduri in camera mhux se titqiegħed f’riskju, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi jekk l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti jmurx kontra l-ħtieġa għas-segretezza f’kawża partikolari. U lanqas il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma għandu jqajjem tħassib, peress li, b’differenza għall-Kummissjoni u għas-sistema stabbilita fir-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti għandha s-setgħa li tikkontrolla l-aċċess għad-dokumenti ppreżentati minn kwalunwke waħda mill-partijiet u żgur li tista’ tfassal kundizzjonijiet għall-aċċess li essenzjalment ma jissarfux fi żvantaġġ għal xi parti partikolari. Għaldaqstant, nemmen li l-aħjar konklużjoni f’din il-kawża tkun li jiġi konkluż li d-dokumenti kollha mressqa mill-partijiet f’kawżi pendenti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Ladarba jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn isiru elementi tal-proċedura ġudizzjarja, li l-amministrazzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja nfisha mhix suġġetta għal restrizzjonijiet meta tkun qed tiddeċiedi jekk tippermettix l-aċċess jew le. Bil-kontra, jista’ jkollha l-obbligu li tevalwa t-talbiet għal aċċess fid-dawl tal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ trasparenza, billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-interessi kollha involuti. Fi kliem ieħor, il-ġustizzja għandha tkun amministrata b’mod imparzjali u trasparenti, u għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li dan ir-rekwiżit jiġi sodisfatt fil-kawżi kollha.
15. Il-pożizzjoni tiegħi tistona mad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (9). Li kieku kien minnu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’dak id-digriet, li l-partijiet, fil-prinċipju, huma ħielsa li jiżvelaw in-noti bil-miktub tagħhom (10), il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tikkontrolla l-aċċess għad-dokumenti inklużi fil-proċess. Barra minn hekk, kif jindika dak id-digriet, jekk l-iżvelar volontarju min-naħa ta’ parti tan-noti tagħha ma għandux jiġi kkunsidrat bħala li qed idgħajjef l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja, ma jkun hemm l-ebda bażi għar-rifjut ġenerali tal-Kummissjoni li tiżvela n-noti fil-kawżi pendenti. Irrispettivament minn jekk id-dokumenti jiġux żvelati liberament jew għaliex dan ikun meħtieġ minn regolament, il-potenzjal li l-iżvelar jiġġenera pressjoni pubblika li taffetwa l-integrità tal-proċeduri ġudizzjarji jew li tkun ta’ żvantaġġ għal waħda mill-partijiet ikun l-istess. Tabilħaqq, id-digriet fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill huwa xi ftit kontradditorju f’dan is-sens: filwaqt li jirrikonoxxi li l-partijiet, fil-prinċipju, huma ħielsa li jiżvelaw is-sottimissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota wkoll li f’ċirkustanzi eċċezzjonali l-iżvelar jista’ jaffetwa ħażin l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dak li jsegwi, loġikament, huwa li l-kwistjoni tal-iżvelar f’dawk iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn tkun involuta l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ma tistax titħalla f’idejn il-partijiet imma għandha tkun deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. Imma min se jevalwa jekk kawża speċifika hiex suffiċjentement eċċezzjonali li jixirqilha l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja? Ir-risposta hija ovvja: il-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tagħmel tali evalwazzjoni. Huwa wkoll ovvju li l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollu siwi biss jekk isir qabel kwalunkwe żvelar minn waħda mill-partijiet. Jekk parti tiżvela dokument li missu baqa’ sigriet u, minħabba dan, l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja tkun mhedda, l-ebda azzjoni sussegwenti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tista’ tirrimedja għad-dannu.
16. Kwistjoni oħra li tinqala’ li kieku l-kwistjoni tal-aċċess għan-noti quddiem il-qrati kellha titħalla għall-inizjattiva tal-partijiet jew tkun irregolata għal kollox mir-Regolament Nru 1049/2001 hija l-problema tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Kif tista’ l-Qorti tal-Ġustizzja jew tħalli din il-kwistjoni f’idejn il-partijiet jew timponi fuq ċerti partijiet (pereżempju, l-istituzzjonijiet Komunitarji), abbażi tar-regolament, obbligu għall-iżvelar mingħajr ma, fl-istess ħin, tqiegħed lill-partijiet l-oħra (inklużi l-Istati Membri) taħt l-istess obbligu li jiżvelaw in-noti tagħhom? Pereżempju, nagħtu każ li l-Kummissjoni – jew fuq inizjattiva tagħha stess, jew għaliex ġiet imġiegħla tkun konformi mar-regolament – kellha tippermetti l-aċċess għan-noti bil-miktub tagħha f’kawża partikolari, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-istess obbligu japplika anki għall-partijiet l-oħra kollha, għaliex ikun ferm stramb li l-Qorti tirrifjuta l-aċċess għan-noti tagħhom minħabba li dan l-iżvelar jaffetwa l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja. B’hekk, id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-aċċess jiġu affetwati (jekk mhux iddeterminati) b’mod sinjifikattiv mill-politika ta’ żvelar tal-istituzzjonijiet l-oħra jew mill-kriterji stabbiliti mir-Regolament – li, però, ma kienx maħsub biex japplika għall-Qorti.
17. B’hekk, wasal iż-żmien biex il-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tikkunsidra d-dikjarazzjoni tagħha fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, u tagħmilha ċara li l-Qorti tal-Ġustizzja, u mhux il-partijiet, għandha tikkontrolla l-aċċess għad-dokumenti f’kawżi pendenti. Għalkemm, il-Qorti tal-Ġustizzja “dejjem kienet attenta meta tiġi biex tiddisturba interpretazzjoni tal-liġi mogħtija f’sentenzi preċedenti” sabiex tipproteġi l-valuri importanti tal-istabbiltà, tal-uniformità, tal-koeżjoni u taċ-ċertezza legali, (11) f’ċirkustanzi eċċezzjonali kienet lesta li tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjonijiet li ħadet fl-imgħoddi. Din jidhirli li hija waħda minn dawk is-sitwazzjonijiet fejn kunsiderazzjoni mill-ġdid tkun iġġustifikata. Meta ngħata d-digriet, l-effett sħiħ tiegħu fuq il-kwistjoni tal-aċċess għad-dokumenti ġudizzjarji ma kienx ċar. Minħabba t-talbiet għall-aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001, il-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak id-digriet illum huma iktar apparenti (12) .
18. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-konklużjoni tiegħi dwar dan il-punt, il-kwistjonijiet imqajma fl-appell rigward il-kawżi pendenti jsiru akkademiċi. Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma tevalwax mill-ġdid id-digriet f’Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, se nanalizza ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni tista’ tkun meħtieġa tiżvela dokumenti. Ikun xi jkun il-każ, id-domanda li għandha tiġi mwieġba hija identika għal dik li jkollha tiġi mwieġba mill-Qorti tal-Ġustizzja meta tiddeċiedi jekk tiżvelax id-dokumenti hija stess: l-iżvelar tad-dokument se jaffetwa l-integrità tal-proċeduri ġudizzjarji?
19. Għalhekk, huwa f’dak il-kuntest li se nindirizza l-motivi legali biex tkun ikkontestata l-interpretazzjoni li ngħatat fl-ewwel istanza tar-rekwiżiti tar-regolament biex ikunu żvelati n-noti. Filwaqt li nagħmel dan, se nindirizza l-bilanċ bejn is-serenità tal-proċedura ġudizzjarja u l-interessi implikati bid-dritt għal smigħ pubbliku. Se nagħmel ukoll distinzjoni bejn il-kawżi li jkunu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u dawk fejn is-sentenza finali tkun inqatgħet.
B – Kawżi pendenti
20. Biex ikun deċiż jekk il-protezzjoni tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja teżiġix li n-noti ppreżentati mill-partijiet jibqgħu kunfidenzjali, għandhom jiġu eżaminati t-tradizzjonijiet komuni tal-Istati Membri u l-prattika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
21. Fil-każ tal-Qorti ta’ Strasburgu, id-dispożizzjoni rilevanti hija r-Regola 33 tar-Regoli tal-Qorti (13) li tipprovdi dan li ġej:
“Regola 33
(Natura pubblika tad-dokumenti)
1. Id-dokumenti kollha ppreżentati fir-Reġistru mill-partijiet jew minn kwalunkwe parti terza b’konnessjoni ma’ rikors, ħlief dawk ippreżentati fil-kuntest ta’ negozjati għal ftehim bonarju, kif inhuwa pprovdut fir-Regola 62, għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku skont l-arranġamenti deċiżi mir-Reġistru, sakemm il-President tal-Awla, għar-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ din ir-regola, ma jiddeċidix mod ieħor, jew fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha jew fuq it-talba ta’ parti jew ta’ kwalunkwe persuna oħra kkonċernata.
2. L-aċċess pubbliku għal dokument jew għal kwalunkwe parti minnu jista’ jkun ristrett fl-interessi tal-morali, tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali f’soċjetà demokratika, fejn l-interessi tal-minorenni jew il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-partijiet jew ta’ kwalunkwe persuna kkonċernata jeżiġu dan, jew sakemm ikun strettament meħtieġ fl-opinjoni tal-President tal-Awla f’ċirkustanzi speċjali fejn il-pubbliċità tkun ta’ preġudizzju għall-interessi tal-ġustizzja.
3. Kwalunkwe talba għall-kunfidenzjalità li ssir skont il-paragrafu 1 ta’ din ir-regola għandha tinkludi r-raġunijiet u tispeċifika jekk hux qed jintalab li d-dokumenti kollha jew parti minnhom ikunu inaċċessibbli għall-pubbliku.
4. Id-deċiżjonijiet u s-sentenzi mogħtija minn Awla għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. Perijodikament, il-Qorti għandha tagħmel aċċessibbli għall-pubbliku informazzjoni ġenerali dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kumitati skont ir-Regola 53(2).”
22. Il-prinċipju stabbilit hawnhekk huwa li d-dokumenti kollha ppreżentati b’konnessjoni ma’ rikors mill-partijiet jew minn parti terza (bħal intervenjent) huma pubbliċi, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti relatati ma’ ftehim bonarju; ma hemm l-ebda distinzjoni bejn kawżi pendenti u kawżi magħluqa. Fl-istess ħin, ir-Regola 33 tipprovdi għal restrizzjonijiet għall-aċċess fejn kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ morali, ordni pubbliku, sigurtà nazzjonali, protezzjoni ta’ minorenni, privatezza u l-interessi tal-ġustizzja jeżiġu dan. Dawk il-kunsiderazzjonijiet jagħmluha ta’ limiti għad-dritt tal-membri tal-pubbliku li jkollhom aċċess għad-dokumenti inklużi fil-proċess: filwaqt li l-pubbliċità hija r-regola ġenerali, is-segretezza tiġi żgurata jekk din tkun meħtieġa f’kawża partikolari. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-kontroll tal-aċċess għad-dokumenti ġudizzjarji huwa mqiegħed f’idejn il-Qorti ta’ Strasburgu. Dan huwa rifless fir-Regola 33(1), li tipprovdi li l-President tal-Awla jista’ jirrestrinġi l-aċċess, mhux biss wara talba mingħand il-partijiet jew mingħand parti terza, imma anki fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess, jekk huwa jew hija jqis li tali restrizzjoni tkun meħtieġa għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet elenkati fir-Regola 33(2).
23. Rigward l-Istati Membri, fil-liġijiet tagħhom ma jinstab l-ebda rekwiżit ġenerali tal-kunfidenzjalità li jipprojbixxi l-iżvelar tas-sottosmissjonijiet ta’ parti. Fil-fatt, il-parti l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali jidher li mxew minn pożizzjoni fejn l-aċċess kien ferm limitat għal waħda fejn tkun iggarantita xi xorta ta’ pubbliċità. B’hekk, f’xi ċirkustanzi, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri llum qed jippermettu l-aċċess għad-dokumenti ġudizzjarji (14).
24. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx espressament din il-kwistjoni, il-ġurisprudenza ma tissuġġerix li hemm xi ħtieġa għal rekwiżit ġenerali tal-kunfidenzjalità. Dan huwa minnu fir-rigward tad-Digriet f’Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, li ġie diskuss iktar ’il fuq, fejn ġie ddikjarat li “l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni korretta tal-ġustizzja” biss f’“każijiet eċċezzjonali” (15). Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni ma hijiex limitati għal dak id-digriet. Meta kkunsidrat il-kwistjoni tal-aċċess għall-pariri tas-servizz legali tal-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja ddiskutiet u ċaħdet tħassib marbut mal-pressjoni pubblika f’dak il-kuntest. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja marret iktar lil hinn mill-approċċ iktar kawt li jiena kont issuġġerejt fil-Konklużjonijiet tiegħi rigward din il-kwistjoni partikolari (16). Hija kkonkludiet li “anki jekk jiġi presuppost li l-membri ta’ dan is-servizz legali jissubixxu pressjonijiet illeġittimi għal dan il-għan, ikunu dawn il-pressjonijiet, u mhux il-possibbiltà ta’ żvelar tal-pariri legali, li jqajmu dubji dwar l-interess ta’ din l-istituzzjoni […] u huwa l-Kunsill li ovvjament ikollu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex itemm dan” (17). Dik il-konklużjoni mhix inqas valida fil-kuntest ta’ pressjoni illeġittima fuq il-ġudikatura u fuq il-partijiet għal proċeduri ġudizzjarji.
25. Barra minn hekk, il-prattika tat-tribunali internazzjonali tissuġġerixxi li ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jibża’ li l-iżvelar ta’ tali dokumenti se jdgħajjef il-proċedura ġudizzjarja. It-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda, pereżempju, minkejja l-ħtieġa kbira li jżomm is-segretezza għall-protezzjoni tax-xhieda, mir-regola tiegħu li tiffavorixxi l-proċessi pubbliċi jislet rekwiżit li n-noti kollha jkunu pubbliċi sakemm ma jkunx hemm raġunijiet eċċezzjonali biex dawn jinżammu kunfidenzjali, f’liema każ il-partijiet ikunu meħtieġa jippreżentaw verżjonijiet pubbliċi u riveduti tan-noti kunfidenzjali tagħhom (18). Il-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat approċċ simili, fejn għamlet in-noti tal-partijiet disponibbli fuq is-sit web tagħha sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tordnax li dawn ma jiġux żvelati jew ikun hemm il-ħtieġa li tiġi protetta data personali sensittiva (19). F’dan ir-rigward, it-tendenza donnha hija li iktar ma tkun imbiegħda l-entità ġudizzjarja, iktar titħasseb dwar it-trasparenza tal-proċeduri ġudizzjarji tagħha (20).
26. Il-prassi fl-Istati Uniti tindika wkoll li proċedura ġudizzjarja imparzjali tista’ teżisti flimkien ma’ aċċess pubbliku għad-dokumenti (21). Il-liġi tal-Istati Uniti tippreżumi l-aċċess għad-dokumenti. Tispeċifika biss ftit limiti għall-aċċess għad-dokumenti sabiex tkun protetta l-informazzjoni kunfidenzjali (22) u tippermetti li l-qrati jissiġillaw dokumenti oħrajn, jekk dan ikun meħtieġ. Ir-Regoli Federali tal-Proċedura Ċivili, pereżempju, jipprovdu li:
“Għal finijiet tajba, f’kawża il-qorti, permezz ta’ ordni, tista’:
(1) teżiġi r-reviżjoni ta’ informazzjoni addizzjonali; jew
(2) tillimita jew tipprojbixxi l-aċċess elettroniku mill-bogħod ta’ dokument ippreżentat lill-qorti ta’ terz li mhux parti.” (23)
27. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ordni ta’ din ix-xorta, dawk id-dokumenti huma faċilment disponibbli. Il-qrati federali jipprovdu aċċess għall-proċessi, inklużi n-noti ppreżentati mill-partijiet, minn fuq l-internet (24). Bosta minn dawk il-materjali huma wkoll disponibbli għall-pubbliku fuq bażijiet ta’ data ġudizzjarji bħal Westlaw, partikolarment il-kawżi prestiġġjużi. Tabilħaqq, in-noti ta’ spiss ikunu disponibbli minn fuq Westlaw fi ftit jiem ta’ ħidma milli jkunu ppreżentati lill-qorti.
28. Madankollu, filwaqt li t-tradizzjonijiet komuni tal-Istati Membri ma jeżiġux il-kunfidenzjalità, u jidher li ma hemm l-ebda raġuni biex jagħmlu dan, huma lanqas ma jsostnu l-pożizzjoni kuntrarja, li d-dritt għal smigħ xieraq jeżiġi aċċess pubbliku ġeneralizzat għad-dokumenti tal-partijiet (25). Żewġ Stati Membri biss – l-Isvezja u l-Finlandja – jirrikonoxxu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti f’kawżi pendenti. Sa issa l-iktar pożizzjoni komuni tal-Istati Membri (inklużi Spanja, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Polonja, il-Portugall, l-Irlanda, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovenja) hija li l-qrati għandhom is-setgħa li jagħtu aċċess imma d-deċiżjoni li jagħmlu hija diskrezzjonali jew tiddependi minn bilanċ bejn id-diversi interessi fil-kawża partikolari. F’ċerti Stati Membri li jipprovdu għal xi forma ta’ aċċess għad-dokumenti ġudizzjarji , ir-regoli u l-prattika rilevanti jvarjaw skont it-tip ta’ kawża jew skont il-qorti li quddiemha tkun pendenti (pereżempju, fid-Danimarka, fir-Renju Unit, fil-Greċja, fl-Awstrija, fi Franza u f’Ċipru). Għandu jerġa’ jiġi nnotat ir-rwol deċiżiv li għandha l-qorti f’dawk is-sistemi nazzjonali kollha biex tiddeċiedi jekk l-aċċess hux dovut jew le. Fl-aħħar nett, f’numru żgħir ta’ Stat Membri (l-Ungerija, il-Lussemburgu u l-Olanda), il-prattika hija li l-aċċess għad-dokmenti inklużi fil-proċess ikun ipprojbit.
29. Meta jiġu kkunsidrati l-interessi kunfliġġenti involuti u n-nuqqas attwali ta’ kunsens fost l-Istati Membri, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha toqgħod ferm attenta f’dan il-qasam. Hekk kif kull kawża tagħti lok għal tħassib differenti, il-ġustifikazzjonijiet kunfliġġenti għandhom jiġu mwieżna bir-reqqa hekk kif japplikaw għal kull kawża u għandha ssir determinazzjoni individwali. Naħseb, almenu għalissa, li jkun aħjar jekk ikun evitat li tiġi imposta regola ferm ġenerali jew ferm stretta li jew teżiġi l-aċċess fil-kawżi kollha jew tiċħad l-eżistenza ta’ tali dritt. Dan huwa qasam fejn il-liġi għandha tiżviluppa bil-mod il-mod u każ b’każ. L-ibbilanċjar tal-kunsiderazzjonijiet kunfliġġenti f’kull kawża l-aħjar li jsir mill-Qorti tal-Ġustizzja wara li tikkonsulta lill-partijiet. Maż-żmien, jekk l-Istati Membri jkomplu resqin lejn l-aċċess ġenerali, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tevolvi f’dik id-direzzjoni wkoll. Bħalissa, meta membru tal-pubbliku jitlob biex ikollu aċċess għall-proċess ta’ kawża pendenti, naħseb li għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina bir-reqqa l-interessi involuti u tevalwa jekk l-aċċess għandux jingħata jew le.
C – Kawżi fejn inqatgħet is-sentenza finali
30. Però, hekk kif il-kawża tingħalaq, il-kwistjoni ssir iktar faċli. Jidher ċar li r-risposta għad-domanda bażika – jekk l-iżvelar tad-dokumenti hux se jdgħajjef l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja – hija “Le”. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li teżamina n-noti tal-partijiet, li tiddelibera u li tasal għad-deċiżjoni tagħha; il-proċedura ġudizzjarja hija kompluta u ma tistax tkun affetwata iktar mill-pubblikazzjoni tan-noti tal-partijiet.
31. Barra minn hekk, tħassib addizzjonali marbut mal-pubbliċità tal-proċess u mad-dritt għal sentenza motivata jixhdu favur l-iżvelar ta’ tali dokumenti. Skop primarju tad-dritt għal sentenza motivata huwa biex il-pubbliku jkun jista’ jifhem ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-proċess li ġie segwit biex ittieħdet. Kif spjega Neil MacCormick, l-argumentazzjoni legali għandha funzjoni ġustifikatorja: l-avukat, meta jargumenta l-każ mhux biss jippreżenta argumenti dwar l-għaliex, f’ċirkustanzi speċifiċi, huwa l-klijent tiegħu li għandu jirbaħ, imma l-imħallef ukoll, meta jipprovdi sentenza motivata, isostni li jkun qed juri li l-mod li bih ikun solva t-tilwima jkun iġġustifikat (26). Hija dik il-funzjoni ġustifikatorja li tikkaratterizza l-forma partikolari tal-kontabbiltà li għaliha huma suġġetti l-qrati, waħda li hija relatata mal-kwalità tal-proċedura ta’ deliberazzjoni tagħhom u mal-argumenti li jirriżultaw minnha. L-aċċess għan-noti tal-partijiet huwa vitali għal dan il-proċess, peress li b’hekk il-pubbliku jkun jista’ jifhem kemm l-argumenti li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tikkunsidra kif ukoll ir-raġunijiet għaliex laqgħethom jew irrifjutathom. Mingħajr aċċess għall-proċess, ikun hemm periklu li l-ftehim ta’ kawża isir sempliċiment possibbiltà teoretika nieqsa minn kwalunkwe valur prattiku, peress li l-pubbliku jeħtieġ l-aċċess sabiex japprezza dwar xiex kienet il-kawża u kif żviluppat il-proċedura ġudizzjarja. Dan jgħin ukoll biex ikun żgurat li jkun hemm simetrija bejn il-proċedura effettiva tad-deliberazzjonijiet fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-motivi mogħtija fil-konklużjonijiet.
32. Punt ieħor li huwa rilevanti għal dan ir-rekwiżit speċjali tal-kontabbiltà li għalih huma suġġetti l-qrati huwa li l-possibbiltà li wieħed ikollu aċċess għal proċess jista’ jżid il-kunfidenza ġenerali tal-pubbliku Ewropew fis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, billi jibgħat il-messaġġ li l-proċedura ġudizzjarja ma titmexxiex f’segretezza assoluta, imma hija miftuħa għall-iskrutinju tal-pubbliku (27), mhux skrutinju pubbliku ta’ natura politika imma wieħed li huwa bbażat fuq l-argumenti legali mressqa f’kawża u fuq ir-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat biex tirrispondihom. Din hija kunsiderazzjoni partikolarment importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja, li min-natura tagħha stess, mhix qrib iċ-ċittadini tal-Ewropea daqskemm huma l-qrati nazzjonali tagħhom, kemm f’termini ta’ distanza ġeografika kif ukoll minħabba n-natura inqas familjari tal-proċeduri tagħha. L-għoti ta’ aċċess għad-dokumenti fil-proċessi se jgħin biex titnaqqas id-distanza bejn iċ-ċittadini Ewropej u l-Qorti tal-Ġustizzja billi l-proċeduri tagħha jsiru iktar aċċessibbli u trasparenti.
33. Barra minn hekk, filwaqt li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji jiddeterminaw (b’mod unanimu jew le), ir-riposta legali t-tajba, fl-istess ħin iridu jirrikonoxxu li r-risposta hija l-prodott ta’ numru ta’ fehmiet kunfliġġenti rigward x’inhija r-risposta t-tajba. Paradossalment, l-awtorità li biha l-qorti tiddikjara l-liġi għandha l-bidu tagħha fid-dibattitu – ta’ spiss ferm ħaj – li jkun hemm bejn il-partijiet. Hija l-kunsiderazzjoni tal-fehmiet differenti u kunfliġġenti dwar il-liġi kollha li tagħti leġittimità lid-determinazzjoni awtorevoli tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ x’inhija l-liġi. F’dan ir-rigward, l-aċċess għan-noti tal-partijiet u l-possibbiltà li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi kkuntestwalizzata fid-dawl ta’ dawk in-noti jiżguraw lil dawk li kellhom fehma differenti dwar il-liġi li, anki jekk il-fehma tagħhom ma rebħitx, ingħatat kunsiderazzjoni xierqa fil-proċedura tad-deliberazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa partikolarment importanti minħabba n-nuqqas ta’ opinjonijiet li ma jaqblux (28). Huwa wkoll importanti li jingħata spazju lil diskors kontinwu, mhux biss dwar dak li hija l-liġi, imma dwar dak li l-liġi għandha tkun.
34. Storikament, il-pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-Rapport għas-Seduta, li tiġbor fil-qosor l-argumenti tal-partijiet, issodisfat dan l-iskop billi tat aċċess lill-pubbliku u lill-komunità legali għal ħafna mill-informazzjoni meħtieġa (29). In-nuqqas ta’ kontinwazzjoni, min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal raġunijiet li jinftiehmu, tal-prattika tagħha li tippubblika dawk ir-rapporti jipprovdi ġustifikazzjoni addizzjonali biex jiġu żvelati n-noti tal-partijiet.
35. Naturalment, se jkun hemm kawżi fejn l-aċċess għandu jiġi rrifjutat minħabba kunsiderazzjonijiet kunfliġġenti iktar importanti, b’eżempji ovvji (imma mhux uniċi) ikunu l-protezzjoni ta’ data personali sensittiva u l-interessi tal-minorenni. F’uħud mill-kawżi, it-tħassib marbut ma’ negozjati li jkunu għaddejjin mal-Istati Membri jista’ anki jiġġustifika li jiġi limitat l-aċċess għall-proċess għal xi żmien wara li l-kawża tkun ingħalqet. Filwaqt li, fil-prinċipju, ladarba tkun inqatgħet is-sentenza l-aċċess għandu jkun in-norma, f’dawk il-kawżi s-segretezza għandha tkun żgurata bħala eċċezzjoni għan-norma. Għal darb’oħra, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja, jew fuq inizjattiva tagħha jew wara talba mressqa minn parti interessata, li tiddeċiedi li ċerti dokumenti jew partijiet minnhom, jew saħansitra d-dokumenti kollha fi proċess speċifiku, għandhom jibqgħu kunfidenzjali anki wara li l-kawża tkun ingħalqet.
36. B’hekk, ladarba tkun inqatgħet is-sentenza finali, in-noti tal-partijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku sakemm raġunijiet eċċezzjonali ma jeżiġux li f’kawża partikolari tinżamm is-segretezza. Madankollu, wieħed ma jistax jassumi li tali raġunijiet jeżistu fil-kawżi kollha. Meta jiġu kkunsidrati r-raġunijiet importanti li jixhdu favur li din l-informazzjoni ssir pubblika, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu limitati.
37. Ladarba jidher ċar li fil-kawżi magħluqa l-aċċess għandu jkun in-norma, konsegwentement f’dawn il-kawżi l-partijiet għandhom jitħallew anki li jagħmlu pubbliċi n-noti bil-miktub tagħhom, jew dawk ta’ parti oħra, jekk jixtiequ jagħmlu dan. Il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-integrità tal-proċedura ġuridika jew mal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jixhdu favur is-segretezza filwaqt li l-kawża tkun għadha pendenti u, iktar importanti minn hekk, jeżiġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun l-unika entità li tieħu deċiżjonijiet dwar din il-kwistjoni, jaqgħu ladarba tkun inqatgħet is-sentenza. Għal darb’oħra, jista’ jkun hemm kawżi fejn is-segretezza għandha tiżamm anki wara li tkun inqatgħet is-sentenza. Hija r-responsabbiltà u l-prerogattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew fuq inizjattiva tagħha stess jew wara talba mingħand parti interessata, li tidentifika dawk il-kawżi u li timponi fuq il-partijiet obbligi speċifiċi li jillimitaw l-iżvelar jew li jipprojbixxuh għal kollox anki wara li l-kawża tkun magħluqa.
38. Fi ftit kliem: it-talbiet mingħand il-membri tal-pubbliku għal aċċess għal noti bil-miktub ippreżentati mill-partijiet għal kawża filwaqt li din tal-aħħar tkun għadha pendenti għandhom ikunu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja stess. Tali noti huma elementi fil-proċedura ġuridika u l-Qorti tal-Ġustizzja hija l-entità li tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa b’mod imparzjali jekk l-aċċess hux se jfixkel is-serenità u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja jew hux se jdgħajjef interessi leġittimi oħrajn. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li n-noti bil-miktub tal-partijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u tiddeċiedi din il-kawża b’referenza għal dak ir-regolament, il-kwistjoni sostantiva tibqa’ l-istess, jiġifieri f’liema ċirkustanzi għandu jingħata l-aċċess. Naħseb li fil-kawżi pendenti, jeħtieġ li jiġi evitat li tkun imposta regola stretta f’dan l-istadju tal-iżvilupp tal-liġi u minflok jiġi adottat approċċ kawt ibbażat fuq eżami każ b’każ. Bil-kontra, f’kawżi magħluqa huwa raġonevoli li jiġi adottat prinċipju ġenerali li jiffavorixxi l-aċċess. Dan ifisser ukoll li f’kawżi magħluqa parti għandha titħalla tagħmel pubbliċi n-noti tagħha, jew dawk ta’ parti oħra, fuq inizjattiva tagħha stess; wara li tkun inqatgħet is-sentenza, ma jkunx hemm iktar il-ħtieġa li jibqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hawnhekk, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikax, u l-Kummissjoni għandha tevalwa kull talba każ b’każ fid-dawl tal-prinċipji diskussi iktar ’il fuq f’dawn il-Konklużjonijiet. Madankollu, għandu dejjem ikun possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq il-partijiet obbligu ta’ kunfidenzjalità jekk temmen li huwa ġust li jsir dan.
III – Konklużjoni
39. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007 fil-Kawża T-36/04;
– tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2003; u
– tikkundanna lill-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid t-talba li API għamlet fl-1 ta’ Awwissu 2003 fid-dawl tas-sentenza preżenti.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).
3 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni (T-209/01, Ġabra 2005 p. II-5527), sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni (T-210/01, Ġabra 2005 p. II-5575); u sentenza tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-203/03, Ġabra 2005 p. I-935).
4 – Ara l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.
5 – Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni (T-342/99, Ġabra 2002 p. II-2585).
6 – Sentenza C-203/03, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija
7 – Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-466/98, Ġabra 2002 p. I-9427), sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-467/98, Ġabra 2002 p. I-9519), sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C-468/98, Ġabra 2002 p. I-9575), sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-469/98, Ġabra 2002 p. I-9627), sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-471/98, Ġabra 2002 p. I-9681), sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-472/98, Ġabra 2002 p. I-9741), sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-475/98, Ġabra 2002 p. I-979), u sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-476/98 Ġabra 2002 p. I-9855).
8 – Ir-Regolament jistabbilixxi proċedura għall-użu tal-pubbliku meta jitlob dokumenti mingħand l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ħlief il-Qorti tal-Ġustizzja “sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti” [Artikolu 1(a)]. Il-prinċipju tal-aċċess stabbilit mir-regolament huwa suġġett għal diversi eċċezzjonijiet. Dawk rilevanti għal dan il-każ huma stabbiliti fl-Artikolu 4(2), li jipprovdi:
L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:
- interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,
- proċedimenti fil-qrati u pariri legali,
- l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,
jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu
9 – Digriet tat-3 ta’ April 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-376/98, Ġabra 2000 p. I-2247).
10 – Ibid. punt 10.
11 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Cipolla (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-202/04 u C-94/04, Ġabra 2006 p. I-11421, punt 28).
12 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C-267/91 u C-268/91, Ġabra 1993 p. I-6097, punt 14).
13 – L-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem huwa wkoll rilevanti: “Id-dokumenti ppreżentati fir-Reġistru għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku sakemm il-President tal-Qorti ma jiddeċidix mod ieħor”.
14 – Għas-soluzzjonijiet differenti adottati mill-Istati Membri, ara l-punt 29 iktar ’l isfel.
15 – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 10).
16 – Ara l-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fid- 29 ta’ Novembru 2007 fil-kawżi magħquda L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill (C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I-04723), fejn spjegajt li l-pariri legali kollha tas-servizzi legali tal-istituzzjonijiet, fil-prinċipju, jistgħu jibbenefikaw mill-kunfidenzjalità.
17– Ibid., punt 64.
18– Nchamihigo, Deċiżjoni dwar il-Mozzjoni tal-Prosekuzzjoni dwar in-Nota tal-Appell f’isem id-Difiża, it-30 ta’ Marzu 2009, ICTR-2001-63-A.
19 – Artikolu 15 tar-Regoli tal-Proċedura u tal-Evidenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ICC-ASP/1/3; http://www.icc-cpi.int/Menus/ICC/Situations+and+Cases/Cases/.
20 – Għandu jiġi nnotat li fis-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, filwaqt li s-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partjiet huma kufidenzjali (Artikolu 18(2) tal-Mekkaniżmu ta’ Soluzzjoni tat-Tilwim), ir-Rapporti tal-Panel u tal-Korp tal-Appell jipprovdu deskrizzjoni ferm dettaljata tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ta’ spiss sempliċiment jiġu mehmuża jew riprodotti. Madankollu, il-partijiet huma ħielsa li jiżvelaw is-sottomissjonijiet tagħhom lill-pubbliku jekk jixtiequ jagħmlu dan. Ara W. Davey, “Proposals for Improving the Working Procedures of WTO Dispute Settlement Panels” f’The WTO Dispute Settlement System 1995-2003, F. Ortino & E.U. Petersmann (eds.), Vol. 18, Studies in Transnational Economic Law, Kluwer (2004), p. 20
21 – Il-mibki Prim Imħallef tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti Willliam H. Rehnquist, “Constitutional Law and Public Opinion”, (1986) 20 Suffolk U.L. Rev. 751 barra minn hekk argumenta li l-imħallfin ikunu inevitabbilment influwenzati mill-opinjoni pubblika imma li dan, fil-fehma tiegħu, jista’ jkollu effett pożittiv u joħloq kawżi “kbar”.
22 – Ara, pereżempju, ir-Regoli Federali tal-Proċedura Ċivili 5.2 (marbuta mal-informazzjoni personali bħan-numri tas-sigurtà soċjali u n-numri tal-kontijiet bankarji); ir-Regoli Federali tal-Evidenza 412(c)(2) (marbuta mal-evidenza ta’ mġiba sesswali imgħoddija tal-vittmi ta’ stupru).
23 – Regola Federali tal-Proċedura Ċivili 5.2(e).
24 – Għal iktar informazzjoni, ara http://pacer.psc.uscourts.gov/pacerdesc.html.
25 – Nota ta’ Riċerka 2/126.
26 – N. MacCormick, Legal Reasoning and Legal Theory, Clarendon Press Oxford, 1978, p. 14
27 – Għal argument relatat rigward l-importanza tas-sinċerità fil-proċedura leġiżlattiva, ara sentenza Turco (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 46).
28 – Anki jekk, okkażjonalment, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jistgħu jirrappreżentaw fehma differenti fil-Qorti tal-Ġustizzja.
29 – Xi drabi l-Konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali jipprovdu wkoll informazzjoni addizzjonali imma mhumiex maħsuba biex (u lanqas ma għandhom) jissodisfaw din il-funzjoni.