Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0466

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 6 ta' Novembru 2008.
Dietmar Klarenberg vs Ferrotron Technologies GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Landesarbeitsgericht Düsseldorf - il-Ġermanja.
Politika soċjali - Direttiva 2001/23/KE - Trasferiment ta’ impriżi - Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema - Kunċett ta’ ‘trasferiment’ - Trasferiment ta’ parti min-negozju lil impriża oħra - Awtonomija fl-organizzazzjoni wara t-trasferiment.
Kawża C-466/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:614

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 ( 1 )

Kawża C-466/07

Dietmar Klarenberg

vs

Ferrotron Technologies GmbH

“Politika soċjali — Direttiva 2001/23/KE — Trasferiment ta’ impriżi — Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati — Kunċett ta’ ‘trasferiment’ — Trasferiment ta’ parti min-negozju lil impriża oħra — Awtonomija fl-organizzazzjoni wara t-trasferiment”

1. 

B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf qed tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 2 ).

2. 

Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ kawża li D. Klarenberg għamel kontra l-kumpannija Ferrotron Technologies Gmbh (iktar ’il quddiem “Ferrotron”), rigward il-kontinwazzjoni mal-konvenuta tar-relazzjoni ta’ impjieg li r-rikorrent kellu mal-kumpannija ET Electrotechnology Gmbh (iktar ’il quddiem “ET”).

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

3.

L-ewwel, it-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva 2001/23 jipprovdu dan li ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE ta’ l-14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 3 ) giet emendata sostanzjalment. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, għandha għalhekk tiġi kkodifikata.

Il-prattiki ekonomiċi qed iġibu warajhom, kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’livell Komunitarju, tibdiliet fl-istruttura ta’ l-impriżi, permezz ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji lil impjegati oħrajn [lil persuni li jimpjegaw oħrajn] bħala riżultat ta’ trasferimenti legali jew inkorporazzjonijiet.

Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.”

4.

L-Artikolu 1(1) (a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

“(a)

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

(b)

Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

5.

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ [i]mpjieg jew minn relazzjoni ta’ [i]mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu [t]trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment”.

B — Id-dritt nazzjonali

6.

Fid-dritt Ġermaniż, id-Direttiva 2001/23 u d-direttivi li kien hemm qabilha ( 4 ) ġew trasposti mill-Artikolu 613a tal-Bürgerliches Gesetzbuch (iktar ’il quddiem: il-“BGB”). L-Artikolu 613a(1) jipprovdi:

“Jekk impriża jew parti minnha tiġi ttrasferita lil persuna oħra li timpjega permezz ta’ negozju ġuridiku, dan l-individwu għandu jsir responsabbli fir-rigward tad-drittijiet u tad-dmirijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta’ impjieg li kien hemm fil-waqt tat-trasferiment”.

II — Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7.

Mill-1 ta’ Jannar 1989, D. Klarenberg, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kien impjegat ma’ ET, kumpannija li topera fil-qasam tal-awtomatizzazzjoni industrijali u tat-teknoloġiji tal-kejl u tal-kontroll. Fl-1 ta’ Mejju 1992 huwa nħatar bħala d-Direttur tad-Dipartiment F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS (riċerka u żvilupp / sistemi elettroniċi / netwerks / interfaces) ta’ ET. Dan id-dipartiment kien magħmul minn tliet taqsimiet: F+E / ET Systeme (riċerka u żvilupp tas-sistemi elettroniċi), li kien imexxi direttament D. Klarenberg; EDV / Netzwerk / Serversysteme / Datensicherung (IT / netwerks / servers /sigurtà tal-informazzjoni) u Produktion / Schaltschränke / Platinen (produzzjoni / panils ta’ kontroll / skedi), li kien imexxihom is-Sur Neumann, li kien ukoll il-Viċi-Direttur tad-dipartiment kollu.

8.

Ferrotron, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, tispeċjalizza fil-ħolqien u fil-manifattura ta’ produtti fis-settur tat-teknoloġiji tal-kejl u tal-kontroll għall-industrija tal-azzar.

9.

Fit-22 ta’ Novembru 2005 ET ikkonkludiet ma’ Ferrotron u mal-kumpannija parent ta’ din tal-aħħar, li hija stabbilita fl-Istati Uniti, kuntratt imsejjaħ “Asset and Business Sale and Purchase Agreement”, li jikkonċerna l-firxiet ta’ prodotti żviluppati minn ET li ġejjin: ET-DecNT (kontrolli diġitali għall-elettrodi tal-ifran eletttriċi b’ark), FT7000, ET-TempNet u ET-OxyNet (sistemi ta’ kejl għas-settur metallurġiku). Il-prodotti kollha inkwistjoni kienu jappartjenu lit-Taqsima F+E / ET Systeme. Skont dan il-kuntratt, il-kumpannija parent tal-konvenuta akkwistat id-drittijiet kollha fuq is-softwer, fuq il-privattivi, fuq l-applikazzjonijiet għal privattivi, u fuq l-invenzjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti inkwistjoni, kif ukoll fuq l-ismijiet tagħhom u fuq l-għarfien tekniku. Il-konvenuta rċeviet il-ħardwer sabiex tiżviluppahom, inventarju tal-materjal relatat mal-prodotti, lista ta’ fornituri u lista tal-klijenti. Barra minn hekk ġew ittrasferiti għand il-konvenuta ċerti impjegati ta’ ET, jiġifieri s-Sur Neumann, il-Viċi-Direttur tad-Dipartiment F+E / ET-Systeme / Netzwerk / IBS, u tliet inġiniera tat-Taqsima F+E / ET-Systeme, is-Sinjuri Heck, Thiessen u Pavlina.

10.

Il-prodotti li huma s-suġġetti tal-kuntratt ġew inklużi fil-firxa ta’ prodotti li diġà kienet toffri Ferrotron u l-ex impjegati ta’ ET ġew integrati fl-istruttura organizzattiva eżistenti tal-konvenuta. Dawn jeżerċitaw ukoll funzjonijiet marbuta ma’ prodotti li ma ġewx akkwistati mingħand ET.

11.

Fis-17 ta’ Lulju 2006 nbdiet proċedura ta’ falliment fil-konfront ta’ ET.

12.

B’rikors ippreżentat quddiem l-Arbeitsgericht Wesel, D. Klarenberg talab li tiġi rikonoxxuta l-kontinwazzjoni ma’ Ferrotron tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu ma’ ET. Peress li l-Arbeitsgericht ċaħdet it-talba tiegħu, D. Klarenberg appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf, fejn talab, prinċipalment, li l-konvenuta tiġi ordnata ddaħħlu mill-ġdid bħala direttur tat-taqsima skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ impjieg li kien konkluż ma’ ET fl-1 ta’ Jannar 1989 u, sussidjarjament, li jiġi aċċertat jekk hemmx kuntratt ta’ impjieg mal-konvenuta li jibda mid-9 ta’ Diċembru 2005.

13.

Billi l-Landesarbeitsgericht Düsseldorf qieset li s-soluzzjoni tal-kawża tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23, hija għamlet din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Parti minn impriża jew min-negozju tiġi trasferita lil persuna oħra li timpjega, skont l-Artikoli 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23, fil-każ biss fejn il-persuna li timpjega l-ġdida topera l-parti mill-impriża jew min-negozju bħala parti awtonoma fis-sens organizzativ ta’ impriża jew ta’ negozju?”

III — Evalwazzjoni

A — Osservazzjonijiet preliminari fuq l-ammissibbiltà u fuq is-suġġett tad-domanda preliminari

14.

Ferrotron qed tikkontesta kemm hija rilevanti d-domanda preliminari sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża a quo billi tinvoka tliet motivi.

15.

L-ewwel nett, hija qed issostni li huwa eskluż li kien hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva, peress li ma ġiex ipprovat li l-assi li akkwistat Ferrotron kienu jikkostitwixxu entità li setgħet tkun is-suġġett ta’ tali trasferiment. It-tieni nett, hija ssostni li, anki jekk jitqies li kien hemm trasferiment skont id-Direttiva, dan ma jfissirx li ġie ttrasferit il-kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent, peress li l-funzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma’ ET kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, isiru f’taqsimiet differenti mill-F+E / ET-Systeme u għalhekk ma jistax jitqies li kienu marbuta magħha ( 5 ). It-tielet nett, il-konvenuta tqis li r-rikorrent ġie skwalifikat mid-dritt tiegħu li jinvoka t-trasferiment tal-kuntratt tiegħu peress li, minkejja li kien jaf bil-ftehim li kien hemm bejn Ferrotron u ET, xorta stenna li joħroġ fid-dawl l-istat ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar sabiex jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fil-konfront tal-konvenuta.

16.

Permezz tas-sottomissjonijiet li semmejt iktar ’il fuq, il-konvenuta qed tħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari mil-lat ta’ kemm hija utli sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, nixtieq infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-prinċipju, għandhom ikunu biss il-qrati nazzjonali li, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi partikolari ta’ kawża, jevalwaw kemm il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni preliminari sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jsiru lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ). Għaldaqstant, id-domandi preliminari li jsiru mill-qorti nazzjonali, fil-kuntest li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha kemm f’ambitu ta’ dritt kif ukoll f’ambitu ta’ fatt u li ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tiġġudika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 7 ). Iċ-ċaħda min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali għalhekk hija possibbli biss fejn jidher ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 8 ).

17.

Issa, l-argumenti tal-konvenuta ma jidhirx li huma tali li jwarrbu l-preżunzjoni ta’ rilevanza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tibbenefika minnha d-domanda li hija s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni.

18.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-argument ta’ Ferrotron li l-eżistenza ta’ entità adattata sabiex tkun ittrasferita ma ġietx ipprovata, inqis ukoll li l-qorti tar-rinviju titlaq b’mod ċar mill-premessa kuntrarja, fejn tqis li t-Taqsima F+E / ET-Systeme, ikkonċernata mill-ftehim li ġie konkluż bejn ET u Ferrotron, tikkostitwixxi “parti min-negozju fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 613a(1) tal-BGB li ġiet ittrasferita lill-konvenuta permezz tal-akkwist min-naħa tagħha tal-assi tanġibbli bażiċi tan-negozju kif ukoll tal-listi relatati tal-klijenti u tal-fornituri, kif ukoll permezz tat-trasferiment ta’ parti mill-persunal li għandhom l-għarfien li kienu impjegati fil-parti tan-negozju u permezz tal-akkwist tad-drittijiet relatati mal-prodotti u mat-teknoloġiji prinċipali min-naħa tal-kumpannija parent tal-konvenuta” ( 9 ). Il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, tqajjem dubji rigward kemm huwa possibbli li l-operazzjoni inkwistjoni tiġi ddefinita bħala trasferiment fis-sens tad-dispożizzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva meta l-entità ttrasferita ma żammitx l-awtonomija fl-organizzazzjoni tagħha fi ħdan l-entità lil lilha sar it-trasferiment.

19.

Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk fil-waqt tat-trasferiment kienx hemm entità adattata sabiex tiġi ttrasferita toħroġ lil’hinn mis-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

B — Fuq il-kunċett ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23

20.

Kif inhu magħruf, oriġinarjament id-Direttiva 77/187 ( 10 ) ma kinitx tinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ trasferiment. Kien biss bid-Direttiva 98/50 ( 11 )li din id-definizzjoni ddaħħlet fit-test tad-Direttiva 77/187, wara li ġie emendat l-Artikolu 1 tagħha. Rigward din l-emenda, fir-raba’ premessa tad-Direttiva 98/50 ġie spjegat li għal finijiet ta’ sigurtà u trasparenza kien meħtieġ “li jiġi ċċarat il-kunċett ġuridiku ta’ trasferiment fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kien ippreċiżat li din il-kjarifika ma kinitx se tagħmel xi bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 kif ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

21.

L-istess definizzjoni tal-kunċett ta’ trasferiment introdott mid-Direttiva 98/50 tidher anki fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 li rrevokat id-Direttiva 77/187. It-tmien premessa tad-Direttiva 2001/23 tirriproduċi l-kontenut tar-raba’ premessa tad-Direttiva 98/50, b’tali mod li tikkonferma li hemm kontinwità mhux biss fil-liġi imma anki fl-interpretazzjoni mad-Direttiva 77/187, li hija kkodifikata mid-Direttiva 2001/23 ( 12 ).

22.

Għalhekk, sabiex jiġi ċċarat il-kunċett ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23 jeħtieġ li nirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 77/187.

23.

Mill-bidu nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva kien iddefinit f’termini partikolarment wesgħin; fih ġew inklużi “kull ipoteżi ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-attivitajiet tal-impriża li tassumi l-obbligi ta’ min jimpjega fil-konfront ta’ l-impjegati tal-istess impriża” ( 13 ).

24.

Fis-sentenza Spijkers ( 14 ) tal-1986, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq domanda tal-Qorti tal-kassazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi rigward l-elementi li għandhom jitqiesu sabiex jiġi aċċertat jekk kienx hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva, tat definizzjoni tal-kunċett ta’ trasferiment billi użat formuli li baqgħu jintużaw kostantement fil-ġurisprudenza sussegwenti kollha.

25.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet l-ewwel nett li, meta jitqies l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li “tassigura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju”, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk ikunx hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva u mhux sempliċement trasferiment tal-assi tal-impriża “jikkonsisti fiċ-ċirkustanza li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha” ( 15 ). Hija kompliet billi ppreċiżat li, f’każ bħal dak li ġie ppreżentat quddiem il-Hooge Raad, fejn, fil-waqt tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment ma kien għadu jwettaq ebda attività tal-impriża, kien meħtieġ li jiġi vverifikat jekk “[kinitx] ġiet ittrasferita entità ekonomika li kienet għadha teżisti, u dan [kien] jirriżulta partikolarment mill-fatt li l-ġestjoni tagħha [kienet] effettivament tkompliet jew mibdija mill-ġdid mill-proprjetarju l-ġdid, bl-istess attivitajiet ekonomiċi jew b’attivitajiet simili” ( 16 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li sabiex jiġi ddeterminat jekk kinux ġew sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet kellhom “jitqiesu ċ-ċirkustanzi ta’ fatt kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni, fejn fost l-oħrajn insibu, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew ta’ negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew le tal-assi tanġibbli, bħall-bini u l-beni mobbli, il-valur tal-assi intanġibbli fil-waqt tat-trasferiment, l-impjieg mill-ġdid jew le tal-parti l-kbira tal-persunal min-naħa tal-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew le tal-klijenti, kif ukoll kemm huma simili l-attivitajiet li kienu jsiru qabel u li se jsiru wara t-trasferiment u kemm se ddum is-sospensjoni eventwali ta’ dawn l-attivitajiet” ( 17 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-elementi kollha “huma biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni kollha li għandha ssir u għaldaqstant ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat” ( 18 ). Fl-aħħar nett hija indikat li l-evalwazzjonijiet fattwali meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm trasferiment fis-sens tad-Direttiva huma kompetenza tal-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-kriterji interpretattivi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Fis-sentenza Spijkers, l-istess bħal fil-parti l-kbira tal-ġurisprudenza sussegwenti ( 19 ), almenu sa tmiem is-snin 90, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza kbira liċ-ċirkustanza li l-persuna li lilha jsir it-trasferiment komplietx jew bdietx mill-ġdid l-attività tal-impriża ta’ min jagħmel it-trasferiment, jew attività simili. L-attitudni tal-entità ekonomika li ġiet ittrasferita li ma titlifx l-identità tagħha kienet donnha tikkoinċidi essenzjalment mal-kapaċità tagħha li “tibqa’ operattiva u vitali” ( 20 ) wara t-trasferiment. Din l-interpretazzjoni kienet ikkorraborata mill-fatt li l-uniċi ipoteżijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eskludiet l-eżistenza ta’ trasferiment kienu jikkonċernaw il-każijiet ta’ falliment jew ta’ stralċ ta’ impriża ( 21 ). Barra minn hekk, anki fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn proċeduri ta’ gradwazzjoni tal-kredituri li jwasslu għall-istralċ tal-assi u dawk li jipprevedu t-tkomplija tal-attività tal-impriża: f’dan il-każ tal-aħħar, id-Direttiva kienet tibqa’ applikabbli ( 22 ).

27.

Madankollu, is-sentenza Süzen ( 23 ) timmarka bidla fid-direzzjoni meta ppargunata mad-deċiżjonijiet preċedenti.

28.

F’dik l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tippreċiża jekk id-Direttiva 77/187 setgħetx tiġi applikata anki f’każ fejn appaltant li jkun ħalla x-xogħlijiet ta’ tindif tal-bini tiegħu f’idejn persuna li timpjega jtemm il-kuntratt ma’ din tal-aħħar u jikkonkludi, għat-twettiq ta’ xogħlijiet simili, kuntratt ġdid ma’ persuna li timpjega oħra, mingħajr ma l-operazzjoni tkun akkumpanjata mit-trasferiment ta’ assi, tanġibbli jew intanġibbli u mingħajr ma l-persuna li timpjega l-ġdida timpjega parti sostanzjali mill-persunal li l-persuna li timpjega preċedenti kienet diġà allokat għat-twettiq tal-kuntratt. Wara li ddefiniet il-kunċett ta’ entità ekonomika bħala “grupp organizzat ta’ persuni u ta’ elementi li jippermetti t-twettiq ta’ attività ekonomika intiża li tilħaq għan partikolari” ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li s-“sempliċi ċirkustanza li s-servizzi mogħtija mill-appaltatur preċedenti u mill-appaltatur il-ġdid [kienu] simili ma tfissirx li nistgħu nikkonkludu li kien hemm trasferiment ta’ entità ekonomika”. Fil-fatt, kompliet il-Qorti tal-Ġustizzja, “entità ma tistax tissarraf f’termini tal-attività li ġiet fdata lilha”, imma l-“identità tagħha toħroġ anki minn elementi oħra bħall-persunal li jifformaha, l-istruttura tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol li twettaq, il-metodi ta’ ġestjoni u, meta jkun meħtieġ, anki l-mezzi ta’ ġestjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha” ( 25 ).

29.

Din il-pożizzjoni nżammet fis-sentenzi sussegwenti ( 26 ), fejn tnaqqset l-importanza tal-fatt li titkompla l-attività tal-impriża min-naħa tal-persuna li jsirilha t-trasferiment u kibret l-importanza ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni tat-trasferiment. Barra minn hekk, fl-ambitu ta’ din l-evalwazzjoni, l-importanza tal-elementi individwali meqjusa tvarja skont il-karatteristiċi tal-każ inkwistjoni ( 27 ), mingħajr ma huwa possibbli li jiġi identifikat element li b’mod astratt ikollu iktar importanza meta pparagunat mal-oħrajn. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iċċarat li s-“salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati li tikkostitwixxi l-fini tad-Direttiva […] ma tistax tiddependi biss mill-importanza ta’ fattur wieħed” ( 28 ), anki jekk ikun inkluż fost dawk li din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuqhom.

30.

B’hekk, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala ċirkustanza rilevanti, imma mhux deċiżiva, il-fatt li l-impriża, fil-waqt tat-trasferiment, tkun temporanjament magħluqa u għalhekk ma jkollhiex ħaddiema impjegati magħha, b’mod partikolari fil-każ tal-attivitajiet staġjonali ( 29 ). Bl-istess mod, anki jekk it-trasferiment tal-assi ġie inkluż fost il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandha ssir l-evalwazzjoni globali tal-operazzjoni, in-nuqqas tiegħu, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma għandux ikun invokat sabiex din l-operazzjoni tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ( 30 ), sakemm ma jkunux ikkonċernati impriżi li jaħdmu f’setturi “fejn l-assi tanġibbli jagħtu kontribut sostanzjali għat-twettiq tal-attività” ( 31 ). Barra minn hekk, anki jekk l-impjieg mill-ġdid ta’ parti essenzjali mill-persunal, f’termini ta’ għadd u ta’ kompetenza, li kien impjegat mal-persuna li timpjega preċedenti, flimkien mat-tkomplija tal-attività tal-impriża, jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jiġi identifikat trasferiment fis-sens tad-Direttiva f’setturi fejn l-attività tkun essenzjalment ibbażata fuq l-impjegati ( 32 ), din iċ-ċirkustanza tista’ ma tkunx determinanti f’każijiet oħrajn ( 33 ). Fl-aħħar nett, fis-sentenza Mayeur ( 34 ) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi partikolari, elementi bħall-organizzazzjoni, it-tħaddim, il-finanzjament, il-ġestjoni u d-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli jikkaratterizzaw entità ekonomika b’tali mod li bidla f’dawn l-elementi, permezz tat-trasferiment ta’ din l-entità, tfisser bidla fl-identità tagħha” ( 35 ). Madankollu, hija eskludiet li kienet tirriżulta din l-ipoteżi fil-każ ineżami, li kien jikkonċerna l-“bidu mill-ġdid, min-naħa ta’ komun, persuna ġuridika tad-dritt pubbliku li topera fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt amministrattiv, tal-attivitajiet ta’ pubbliċità u ta’ informazzjoni dwar is-servizzi li dan joffri lill-pubbliku, u li sa dak il-waqt kienu jitwettqu fl-interess ta’ dan il-komun minn assoċjazzjoni mingħajr l-għan li tagħmel qligħ, persuna ġuridika tad-dritt privat” ( 36 ). Għandu jitfakkar li f’dik is-sentenza, fost id-diversi fatturi meqjusa, il-Qorti tal-Ġustizzja tat anki importanza partikolari liċ-ċirkustanza tat-tkomplija min-naħa tal-komun tal-attività li qabel kienet titwettaq mill-assoċjazzjoni u, b’mod partikolari, tal-parti ta’ dik l-attività li kienet marbuta magħha ħidmet ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ( 37 ).

31.

Din l-analiżi fil-qosor turina kif, meta ġiet biex tivverifika l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 77/178, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ essanzjalment ibbażat fuq evalwazzjoni ta’ kull każ partikolari.

32.

Billi tat preferenza lil dan l-approċċ il-Qorti tal-Ġustizzja, bla ebda dubju, kif diġà semma fl-imgħoddi l-Avukat Ġenerali La Pergola, żammet “flessibbiltà xierqa fil-kriterji fid-dawl tas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jinħolqu fil-kuntest tal-ekonomija Komunitarja” ( 38 ), imma fl-istess ħin irrinunzjat milli tiddefinixxi l-qalba essenzjali tal-kunċett ta’ trasferiment ta’ impriża, jiġifieri l-kontenut minimu ta’ dan il-kunċett — dak li konkretament jippermetti li ssir distinzjoni bejn tali trasferiment u sempliċi trasferiment tal-assi tan-negozju — biex b’hekk il-limiti tal-protezzjoni pprovduta mid-Direttiva saru iktar fluwidi, imma inqas ċari.

33.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, ngħaddi issa biex neżamina d-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju.

C — Fuq id-domanda preliminari

34.

Il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23, ikunx hemm tabilħaqq it-trasferiment ta’ parti minn impriża jew negozju jekk il-persuna li timpjega l-ġdida ma żżommx, fil-konfront tal-assi akkwistati, l-awtonomija fl-organizzazzjoni tagħhom, imma tintegrahom fl-istruttura organizzattiva li kellha qabel. Skont dak li jingħad fid-deċiżjoni tar-rinviju, ġurisprudenza reċenti tal-Bundesarbeitsgericht donnha xxaqleb biex f’dawn iċ-ċirkustanzi tara sempliċi trasferiment ta’ assi ta’ negozju u b’hekk teskludi trasferiment fis-sens tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva.

35.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht, issostni li l-entità ttrasferita ma żżommx l-identità tagħha jekk titlef l-awtonomija fl-organizzazzjoni tagħha wara t-trasferiment, kif jiġri fil-każ li r-riżorsi akkwistati jiġu integrati mill-persuna li lilha jsir it-trasferiment fi struttura organizzattiva kompletament ġdida. F’dan il-każ, l-organizzazzjoni tax-xogħol ta’ Ferrotron hija bbażata fuq diviżjoni sekondarja skont is-setturi tal-attività u mhux skont il-firxiet ta’ prodotti, bħal dik ta’ ET. L-impjegati ta’ din tal-aħħar, l-istess bħad-diversi assi li akkwistat Ferrotron, ġew b’hekk integrati fl-istruttura tal-kumpannija li lilha sar it-trasferiment fuq il-bażi ta’ organizzazzjoni ġdida tax-xogħol.

36.

Madankollu, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni għandhom fehma differenti. Filwaqt li jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma jsostnu li l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva għandha tiġi aċċertata permezz ta’ evalwazzjoni globali li tqis il-fatturi rilevanti kollha. Iż-żamma tal-awtonomija fl-organizzazzjoni tal-entità ttrasferita hija biss wieħed mill-kriterji li fuq il-bażi tagħhom għandha titwettaq din l-evalwazzjoni.

37.

Jiena naqbel ma’ din il-fehma.

38.

L-ewwel nett, din il-fehma hija koerenti mal-mod li bih s’issa l-Qorti tal-Ġustizzja qieset iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari u mal-enfasi li hija tqiegħed fuq kemm huwa importanti li kull operazzjoni tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzawha. Dan l-approċċ jidher li huwa metodoloġikament inkompatibbli mal-esklużjoni ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens tad-Direttiva li tkun il-konklużjoni li tintlaħaq jekk jitqies element wieħed biss, iżolat mill-kuntest ta’ ġudizzju globali ( 39 ).

39.

B’mod ġenerali ma hemm l-ebda dubju li l-fattur tal-organizzazzjoni jagħti kontribut sabiex tiġi ddefinita l-“identità” tal-entità ekonomika ttrasferita ( 40 ), u li, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mayeur ( 41 ), f’każijiet partikolari, l-istess bħal fatturi oħrajn bħat-tħaddim, il-finanzjament, il-ġestjoni u d-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, dan il-fattur jista’ jikkaratterizza l-imsemmija entità b’tali mod li bidla fih minħabba t-trasferiment twassal għal bidla fl-identità tal-entità ( 42 ).

40.

Madankollu, fil-ġurisprudenza nsibu diversi eżempji ta’ preċedenti fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li bidla fl-istruttura organizzattiva tal-entità ttrasferita ( 43 ), jew bidla fl-organizzazzjoni tax-xogħol ( 44 ), kienet tali li telimina l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva anki meta dawn il-bidliet kienu jinvolvu bidla radikali fil-metodi ta’ ġestjoni tal-entità ttrasferita, b’impatti fuq l-istess possibbiltà li r-relazzjoni ta’ impjieg tal-impjegati ttrasferiti titkompla mal-persuna li lilha jkun sar it-trasferiment ( 45 ).

41.

Biex issostni l-pożizzjoni tagħha, il-konvenuta tirreferi għall-kunċett ta’ entità ekonomika li ġie stabbilit fil-ġurisprudenza u li ġie inkluż fl-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, filwaqt li ssostni li huwa biss meta l-persuna li lilha jsir it-trasferiment iżżomm ir-rabta organizzattiva li tgħaqqad l-elementi personali u tanġibbli kollha li jifformaw l-entità ttrasferita li din tal-aħħar iżżomm l-identità tagħha.

42.

Skont l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23, jitqies bħala trasferiment, fis-sens tal-istess direttiva, it-trasferiment ta’ entità ekonomika, jiġifieri “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”, li, minkejja t-trasferiment, iżżomm l-identità tagħha. Din id-dispożizzjoni fil-fatt tinkludi riferiment għall-fattur organizzattiv bħala element li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “entità ekonomika” u li jiddistingwi l-identità tagħha. Fil-fehma tiegħi, tali riferiment m’għandux jinftiehem daqstant bħala riferiment għall-organizzazzjoni speċifika imposta mill-persuna li timpjega fir-rigward tad-diversi fatturi tal-produzzjoni imma pjuttost bħala riferiment għar-rabta ta’ interdipendenza u ta’ komplementarjetà li hemm bejn dawn tal-aħħar u li tagħmel mezz li dawn jagħtu lkoll kontribut sabiex titwettaq attività ekonomika partikolari.

43.

Issa, bil-kontra ta’ dak li jidher li qed issostni l-konvenuta, din ir-rabta mhux bilfors tiġi eliminata meta l-entità ttrasferita tiġi integrata fl-istruttura tal-persuna li lilha jsir it-trasferiment, li, ex hypothesi, tkun differenti, fejn għandhom x’jaqsmu d-dimensjonijiet u/jew il-metodi organizzattivi, minn dik tal-persuna li tagħmel it-trasferiment.

44.

Fi kliem ieħor, iż-żamma tal-identità tal-entità ttrasferita ma tinvolvix iż-żamma tal-“awtonomija fl-organizzazzjoni” tagħha, skont kif qed tifhimha l-konvenuta bħala awtonomija strutturali, imma ż-żamma tar-rabta ta’ funzjonijiet u ta’ għanijiet li hemm bejn id-diversi fatturi li ġew ittrasferiti, li tippermetti lill-persuna li timpjega l-ġdida tuża dawn il-fatturi, anki jekk integrati fi struttura organizzattiva differenti, sabiex twettaq attività ekonomika speċifika.

45.

Fil-każ li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, Ferrotron akkwistat grupp ta’ fatturi intiżi għall-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti partikolari u, bil-kontra ta’ dak li sostna r-rappreżentant tal-konvenuta waqt is-seduta, din l-operazzjoni ma kinitx limitata għaż-żieda tan-numru tal-impjegati ta’ Ferrotron, imma ppermettiet lil din tal-aħħar iżżid firxa ġdida ta’ prodotti ma’ dik li diġà kienet toffri l-impriża. Barra minn hekk, huwa paċifiku li Ferrotron kompliet l-attività li qabel kienet twettaq ET billi użat l-assi personali, tanġibbli u intanġibbli organizzati kollha li akkwistat minn din tal-aħħar, minkejja li l-impjegati ttrasferiti ġew integrati fl-istruttura tal-konvenuta u jwettqu ħidmiethom f’kuntest organizzattiv għalkollox differenti minn dak li kellhom qabel.

46.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa plawżibbli li jingħad li, minkejja l-bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol, wara t-trasferiment, ma ġietx eliminata dik ir-rabta li kien hemm bejn id-diversi assi li akkwistat Ferrotron li kienet tikkaratterizzahom bħala “għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-ob[b]jettiv li twettaq attività ekonomika”. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li bi ftehim kuntrattwali partikolari kien ipprovdut li, fis-sentejn wara t-trasferiment, ET kellha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Ferrotron iktar persunal ikkwalifikat f’każ li dak diġà ttrasferit ma jkunx disponibbli jew, inkella, kellha tipprovdi għat-taħriġ tal-persunal ta’ Ferrotron, turi biċ-ċar kif l-istess impriża li lilha sar it-trasferiment kienet tirrikonoxxi r-relazzjoni ta’ interdipendenza li kien hemm bejn id-diversi fatturi tal-produzzjoni li ġew akkwistati u l-ħtieġa li din ir-relazzjoni tinżamm sabiex titkompla l-attività ttrasferita.

47.

Minkejja dan, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tagħmel il-verifiki meħtieġa sabiex tistabbilixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni u tad-diversi fatturi rilevanti, fost l-oħrajn anki dak organizzattiv mifhum fis-sens ippreċiżat iktar ’il fuq ( 46 ), jekk, f’dan il-każ, l-entità ttrasferita żammitx l-identità tagħha wara t-trasferiment, kif inhu mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

48.

Fl-aħħar nett, il-konvenuta ssostni li, f’każ li l-entità ekonomika titlef l-awtonomija fl-organizzazzjoni wara t-trasferiment, l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li tinżamm ir-relazzjoni ta’ impjieg tal-impjegati kkonċernati mit-trasferiment, ma jkunx jista’ jintlaħaq. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fl-organizzazzjoni tax-xogħol il-ġdida li riedet Ferrotron, ma hemmx funzjoni li tikkorrispondi għall-impjieg li D. Klarenberg kellu ma’ ET.

49.

Argument li f’ċerti aspetti huwa simili għal dak ta’ Ferrotron tressaq mir-Repubblika Franċiża fil-kawża li wasslet għas-sentenza Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq ( 47 ). Sabiex, f’dik il-kawża, jiġi eskluż trasferiment fis-sens tad-Direttiva 78/187, il-Gvern Franċiż sostna, fost l-oħrajn, li skont id-dritt nazzjonali, l-entità pubblika li terġa’ tibda attività li qabel kienet tagħmilha persuna ġuridika tad-dritt privat għandha ttemm il-kuntratti ta’ impjieg stipulati minn din tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-impossibbiltà li jitkomplew il-kuntratti ta’ impjieg mal-entità li lilha sar it-trasferiment ma kinitx importanti sabiex jiġi vverifikat jekk kienx hemm trasferiment. Hija qieset li l-obbligu li jintemmu l-kuntratti ta’ impjieg kien jinkludi, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, bidla fil-kundizzjonijiet tal-impjieg b’detriment tal-ħaddiem, li tirriżulta direttament mit-trasferiment, sabiex b’hekk it-terminazzjoni ta’ dawn il-kuntratti kellha titqies bħala li seħħet minħabba min qed iħaddem ( 48 ).

50.

Nixtieq nagħlaq din l-analiżi bi ħsieb finali. L-ipoteżi ta’ trasferiment li s-suġġett tiegħu ma jkunx impriża sħiħa imma parti minnha hija espliċitament ikkontemplata mid-Direttiva 2001/23, li testendi fil-konfront tal-impjegati involuti f’operazzjonijiet bħal dawn il-protezzjoni speċifika li hija pprovduta minnha. Huwa propju f’din l-ipoteżi li hemm riskju li tiddgħajjef id-distinzjoni bejn trasferiment u sempliċi trasferiment ta’ fatturi tal-produzzjoni, b’tali mod li l-identifikazzjoni tal-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ ipoteżijiet issir iktar delikata u b’tali mod li jiżdied ir-riskju li mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jiġu esklużi każijiet li minflok għandhom jiġu inklużi. Issa, meta l-integrazzjoni tal-assi ttrasferiti fl-istruttura organizzattiva tal-impriża li lilha jsir it-trasferiment tkun, minnha nfisha, suffiċjenti sabiex ikun eskluż trasferiment fis-sens tad-Direttiva, ikun ferm diffiċli sabiex tiġi rikonoxxuta l-applikabbiltà ta’ din tal-aħħar f’każ ta’ trasferiment ta’ parti minn impriża jew negozju, jekk l-operazzjoni inkwistjoni jkollha l-għan, bħal f’dan il-każ, li tittrasferixxi parti minn attività bejn impriżi li joperaw fl-istess suq u li t-tnejn li huma jkollhom struttura organizzattiva tagħhom.

51.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ċ-ċirkustanza li l-parti minn impriża jew negozju ttrasferita ma tkomplix tintuża min-naħa tal-persuna li timpjega l-ġdida bħala parti minn impriża jew negozju li tkun awtonoma fl-organizzazzjoni tagħha mhijiex, minnha nfisha, suffiċjenti sabiex tkun eskluża l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23.

IV — Konklużjoni

52.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf fit-termini li ġejjin:

“L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ir-rikonoxximent ta’ trasferiment il-fatt li l-parti tal-impriża jew tan-negozju ttrasferita ma tkomplix tintuża min-naħa tal-persuna li timpjega l-ġdida bħala parti minn impriża jew min-negozju li tkun awtonoma fl-organizzazzjoni tagħha, dejjem jekk l-entità ttrasferita żżomm l-identità tagħha”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 05, Vol. 04 p. 98.

( 3 ) ĠU L 61, p. 26.

( 4 ) Direttiva 77/187/KEE, iċċitata fil-punt 3 iktar ’il fuq, u d-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998, li temenda d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 201, p. 88).

( 5 ) Inċidentalment nosserva li fis-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Botzen et (186/83, Ġabra p. 519), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar domanda preliminari li kienet tqajjem kwistjoni simili għal dik li qed tqajjem Ferrotron f’din it-tieni parti tal-argument tagħha. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat li fil-każ fejn it-trasferiment jikkonċerna biss negozju jew parti min-negozju, jiġifieri parti mill-impriża, il-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva tinkludi anki lill-ħaddiema li ġew assenjati f’din il-parti tal-impriża, peress li r-“relazzjoni ta’ impjieg hija essenzjalment ikkaratterizzata mir-rabta li jkun hemm bejn il-ħaddiem u l-parti tal-impriża fejn ikun assenjat sabiex iwettaq xogħlu” (punt 15). Barra minn hekk, fis-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2002, Temco (C-51/00, Ġabra p. I-969), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li fil-każ ta’ trasferiment ta’ parti min-negozju l-“fatt li l-impriża ċedenti tkompli teżisti wara li waħda mill-attivitajiet tagħha ġiet ittrasferita f’idejn impriża oħra u hija tkun żammet parti mill-persunal li ġie assenjat għal din l-attività, sa fejn l-attività li ma għadiex tagħha hija minnha nfisha entità ekonomika, ma jinfluwenzax id-definizzjoni tat-trasferiment skont id-Direttiva” (punt 16).

( 6 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C-448/98, Ġabra p. I-10663, punt 22); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punt 25).

( 7 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher (C-213/04, Ġabra p. I-10309, punt 35).

( 8 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C-281/98, Ġabra p. I-4139, punt 18).

( 9 ) Ara l-punt 3 tal-Parti II tad-deċiżjoni tar-rinviju.

( 10 ) Ara l-punt 3 iktar ’il fuq.

( 11 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.

( 12 ) Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva 2001/23.

( 13 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro (287/86, Ġabra p. 5465, punt 12); tal-5 ta’ Mejju 1988, Berg (144/87 u 145/87, Ġabra p. 2559, punt 17) u tal-15 ta’ Ġunju 1988, Bork International et (101/87, Ġabra p. 3057, punt 13).

( 14 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers (24/85, Ġabra p. 1119)

( 15 ) Punt 11, enfasi miżjuda.

( 16 ) Punti 12 u 15.

( 17 ) Punt 13.

( 18 ) Punt 13.

( 19 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1988, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark (324/86, Ġabra p. 739, punt 10); Bork International et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 14); tad-19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting (C-29/91, Ġabra p. I-3189, punt 31); tat-12 ta’ Novembru 1992, Watson Rask u Christensen (C-209/91, Ġabra p. I-5755, punt 19) u tas-7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys (C-171/94 u C-172/94, Ġabra p. I-1253, punt 16).

( 20 ) L-espressjoni ħadtha mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mancini fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Berg (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, Ġabra p. 2573).

( 21 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, Ġabra p. 469), u tal-11 ta’ Lulju 1985, Foreningen af Arbejdsledere i Danmark (105/84, Ġabra p. 2639).

( 22 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, Ġabra p. I-4105); tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et (C-472/93, Ġabra p. I-4321, punti 24-29), u tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement (C-319/94, Ġabra p. I-1061, punti 31 u 32).

( 23 ) Sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, Süzen (C-13/95, Ġabra p. I-1259).

( 24 ) Punt 13. Diġà fis-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Rygaard (C-48/94, Ġabra p. I-2745, punt 20), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat li għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva “jeħtieġ li t-trasferiment ikun jikkonċerna entità ekonomika organizzata b’mod stabbli, li l-attività tagħha ma tkunx limitata għat-twettiq ta’ xogħol partikolari”.

( 25 ) Punt 15. (Enfasi miżjuda). Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali La Pergola kien ħeġġeġ lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tabbanduna l-kriterju tat-tkomplija tal-attività tal-impriża u tibda tuża dak tat-trasferiment tal-assi bejn min jagħmel it-trasferiment u min isirlu t-trasferiment.

( 26 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hernández Vidal et (C-127/96, C-229/96 u C-74/97, Ġabra p. I-8179, punt 30); tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et (C-173/96 u C-247/96, Ġabra p. I-8237, punt 30); tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C-172/99, Ġabra p. I-745, punt 34); tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et (C-340/01, Ġabra p. I-14023, punt 35).

( 27 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenzi Süzen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 18) u Hernández Vidal et (iċċitata fin-nota preċedenti, punt 31); Temco (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 25); tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-460/02, Ġabra p. I-11547, punt 41); tal-15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir (C-232/04 u C-233/04, Ġabra p. I-11237, punt 35), u Liikenne (iċċitata fin-nota preċedenti, punt 35).

( 28 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 1994, Schmidt (C-392/92, Ġabra p. I-1311, punt 16). (Enfasi miżjuda).

( 29 ) Ara s-sentenza Ny Mølle Kro (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 19 u 20).

( 30 ) Ara s-sentenzi Schmidt (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 16); Merckx u Neuhuys (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 21); Süzen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 17), u Temco (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 25).

( 31 ) Ara s-sentenza Liikenne (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 39-42). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni tad-Direttiva għas-suċċessjoni f’kuntratt pubbliku għal servizzi fis-settur tat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja, minkejja li l-appaltatur il-ġdid reġa’ impjega parti essenzjali mill-persunal tal-appaltatur preċedenti u kien hemm it-trasferiment tal-klijenti.

( 32 ) Ara s-sentenzi Süzen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 21); Hernández Vidal et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 32); Hidalgo et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 32) u Temco (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 26).

( 33 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Liikenne (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26) u Abler et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 37).

( 34 ) Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Mayeur (C-175/99, Ġabra p. I-7755, punt 49).

( 35 ) Punt 53.

( 36 ) Id-dispożittiv tas-sentenza.

( 37 ) Ara l-punt 54.

( 38 ) Konklużjonijiet ippreżentati fis-sentenza Süzen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.

( 39 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Schmidt, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.

( 40 ) Ara s-sentenza Süzen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.

( 41 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.

( 42 ) Punt 53.

( 43 ) Ara pereżempju s-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19). u tat-13 ta’ Settembru 2007, Jouini et (C-458-05, Ġabra p. I-7301).

( 44 ) B’hekk, pereżempju, id-deċiżjoni li imprenditur jibda jnaddaf il-bini billi juża l-pesunal tiegħu stess tiddetermina bidla fl-organizzazzjoni tax-xogħol imma ma tneħħix l-eżistenza ta’ trasferiment (ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Hernández Vidal et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26).

( 45 ) Ara s-sentenza Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.

( 46 ) Ara l-punti 42 sa 44.

( 47 ) Iċċitata iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 34

( 48 ) Punt 56.

Top