Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0465

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Poiares Maduro - 9 ta' Settembru 2008.
    Meki Elgafaji u Noor Elgafaji vs Staatssecretaris van Justitie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
    Direttiva 2004/83/KE - Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja - Artikolu 2(e) - Riskju reali li jsofri periklu serju - Artikolu 15(ċ) - Theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat - Prova .
    Kawża C-465/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:479

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    POIARES MADURO

    ppreżentati fid-9 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

    Kawża C-465/07

    Meki Elgafaji u Noor Elgafaji

    vs

    Staatssecretaris van Justitie

    “Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Persuna li tista’ tkun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja — Artikolu 2(e) — Riskju reali li wieħed isofri periklu serju — Artikolu 15(ċ) — Theddid serju u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan minħabba fi vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat — Prova”

    1. 

    Il-kwistjoni li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tippreċiża l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni sussidjarja mogħtija abbażi tal-istatus ta’ refuġjat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). It-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju hija magħmula b’mod li tistieden lill-qorti Komunitarja sabiex tagħmel studju komparattiv dwar il-portata tal-protezzjoni Komunitarja fid-dawl tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Din il-materja twassal biex jiġu ttrattati r-rapporti li hemm bejn iż-żewġ sistemi legali, liema rapporti ma jistgħux jiġu injorati fid-dawl tal-għan li tinħoloq żona Ewropea ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali bħalma huwa d-dritt tal-ażil. Iktar importanti hija l-kwistjoni fundamentali li tirriżulta f’din il-kawża u li hija intiża li tistabbilixxi x’grad ta’ individwalizzazzjoni ta’ riskju reali, li għalih xi persuna tista’ tkun esposta, huwa meħtieġ sabiex din tkun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja mogħtija mid-Direttiva.

    I — Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-kuntest ġuridiku u d-domandi preliminari

    2.

    Il-kwistjoni li fil-kuntest tagħha saru d-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, irriżultat mir-rifjut tal-iStaatssecretaris van Justitie milli jagħti permess ta’ residenza temporanju fil-Pajjiżi l-Baxxi lil M. u N. Elgafaji, li huma ċittadini Iraqini.

    3.

    L-iStaatssecretaris van Justitie, li huwa l-konvenut fil-kawża prinċipali, immotiva d-deċiżjoni tar-rifjut tiegħu, bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2006, billi sostna li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux urew b’mod suffiċjenti r-riskju reali tal-periklu serju u individwali li huma kienu qegħdin isofru fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. B’mod partikolari, huwa jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-liġi Olandiża tal-2000 dwar l-istatus tal-barranin (Vreemdelingenwet 2000, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) u fuq l-interpretazzjoni li ngħatat lill-istess liġi.

    4.

    Skont l-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-Vw 2000:

    “Permess ta’ residenza temporanju, kif ikkontemplat fl-Artikolu 28, jista’ jingħata lil barrani:

    […]

    b)

    li jkun wera li huwa għandu raġunijiet validi sabiex wieħed jissupponi li, fil-każ ta’ tkeċċija, huwa jkun qiegħed fir-riskju reali li jiġi suġġett għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti;

    […]

    d)

    li r-ritorn tiegħu lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tkun, fil-fehma [tal-iStaatssecretaris van Justitie], partikolarment iebsa fis-sitwazzjoni ġenerali li tipprevali hemmhekk.”

    5.

    Iċ-ċirkulari tas-sena 2000 dwar il-barranin (Vreemdelingencirculaire 2000, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari 2000”) fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2006, tiddisponi fil-punt C 1/4.3.1:

    “L-Artikolu 29(1)(b) tal-[Vw 2000] jippermetti li jingħata permess ta’ residenza jekk il-barrani juri suffiċjentement li huwa għandu raġunijiet validi sabiex jaħseb li, fil-każ ta’ tkeċċija, huwa jkun qiegħed f’riskju reali li jiġi suġġett għat-tortura, għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”. Iċ-ċirkulari 2000 tippreċiża li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 3 tal-KEDB li jgħid li “Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti”. B’hekk, it-tkeċċija ta’ xi persuna lejn pajjiż li fih hija tkun qiegħda fir-riskju reali li tiġi suġġetta għal tali trattament tikkostitwixxi ksur ta’ dan l-artikolu. Jekk dan ir-riskju reali jkun ġie stabbilit, normalment jingħata permess ta’ residenza temporanju (ażil) mill-awtoritajiet Olandiżi kompetenti.

    6.

    Ir-rikorrenti jsostnu li huma ġabu l-prova tar-riskju reali li huma jkunu qegħdin fih fil-każ ta’ tkeċċija lejn l-Iraq. Insostenn tal-argument tagħhom huma jinvokaw iċ-ċirkustanzi fattwali li huma speċifiċi għalihom. B’hekk huma jsemmu li M. Elgafaji li huwa ta’ oriġini Xiita ħadem, għal madwar sentejn, bħala aġent tas-sigurtà f’Bagdad fl-organizzazzjoni Britannika Janusian Security li tieħu ħsieb is-sigurtà fit-trasport ta’ persuni bejn iż-“żona ħadra” u l-ajruport. Iz-ziju ta’ Elgafaji, li kien jaħdem fl-istess organizzazzjoni, kien it-tir ta’ xi militanti, fejn iċ-ċertifikat tal-mewt isemmi li l-mewt tiegħu seħħet wara attakk terroristiku. Xi jiem wara, twaħlet ittra ta’ theddid mal-bieb ta’ M. u N. Elgafaji, li hija martu ta’ oriġini Sunnita, fejn kien hemm miktub “mewt għall-kollaboraturi”. Abbażi ta’ dawn l-avvenimenti, il-konjuġi Elgafaji ppreżentaw it-talba ta’ ażil tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn hemm jgħixu diġà l-missier, l-omm u l-aħwa bniet ta’ M. Elgafaji.

    7.

    Madankollu, l-iStaatssecretaris van Justitie sostna li d-dokumenti miġjuba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u iktar u iktar in-nuqqas ta’ dokumenti uffiċjali ma kinux biżżejjed biex juru r-riskju fil-każ ta’ tkeċċija lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom b’mod li s-sitwazzjoni tagħhom ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29(1)(b) u (d) tal-Vw 2000.

    8.

    Ir-rikorrenti kkontestaw din id-deċiżjoni billi invokaw l-eleġibbiltà tal-Artikolu 15(ċ) fid-dawl tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva.

    9.

    Fil-fatt, l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva jiddefinixxi l-persuni eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja bħala “[kull] ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat [apolidi] li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju [reali] li [wieħed] jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 […]”.

    10.

    Skont l-Artikolu 15, “[p]eriklu serju jikkonsisti minn:

    a)

    piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

    b)

    tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ l-oriġini; jew

    (ċ)

    theddida serja u individwali għal ħajja [jew għall-persuna ta’ pajżan] minħabba fi vjolenza [indiskriminata] f'sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.”

    11.

    Ir-rikorrenti josservaw li hija biss l-ipoteżi kkontemplata fl-Artikolu 15(b) li hija koperta mill-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000 li jirriproduċi kważi letteralment l-istess termini tiegħu. Peress li l-periklu kkontemplat f’dan l-Artikolu 15(ċ) huwa differenti minn dawk imsemmijin qablu u peress li huma jaqgħu taħt din l-ipoteżi, għal din ir-raġuni huma kellhom, jew tal-inqas setgħu, jiksbu deċiżjoni favorevoli għat-talba għal ażil tagħhom.

    12.

    L-iStaatssecretaris van Justitie ċaħad dan il-motiv. Skont l-istess Staatssecretaris van Justitie, l-oneru tal-prova jibqa’ l-istess kemm jekk jirrigwarda l-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 15(b) tad-Direttiva kif ukoll jekk taħt l-Artikolu 15(ċ). Il-konvenut jenfasizza li dawn iż-żewġ artikoli, l-istess bħall-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000, jeħtieġu li dawk li jitolbu l-ażil juru b’mod suffiċjenti l-perikli gravi u individwali li jkunu jeżistu kieku huma jkollhom jirritornaw lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Fin-nuqqas li tinġieb tali prova fil-kuntest tal-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000, huma ma jkunux jistgħu jinvokaw utilment l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva li jitlob li tinġieb prova simili.

    13.

    Wara dik id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank (il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti tagħti interpretazzjoni differenti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva. B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali ssostni li l-grad għoli ta’ individwalizzazzjoni tal-periklu rikjest mill-Artikolu 15(b) tad-Direttiva u mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, huwa mitlub f’livell inqas fil-każ ikkontemplat fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt ta’ kunflitt armat fil-pajjiż tal-oriġini. Il-prova dwar l-eżistenza ta’ periklu individwali u serju li taqa’ fuq ir-rikorrent tista’ tiġi ttrattata b’mod iktar faċli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, bi paragun mal-Artikolu 15(b). Konsegwentement, ir-Rechtbank annullat id-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Diċembru 2006, li ċaħdu l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja inkwantu l-oneru tal-prova mitluba fil-kuntest tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva hija simili għal dik mitluba għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(b) kif riprodott fl-Artikolu 29(1)(b) tal-Vw 2000. Skont din il-qorti, il-Ministru tal-Ġustizzja Olandiż kellu jeżamina jekk kienx hemm raġunijiet sabiex l-applikanti jingħataw permess ta’ residenza temporanju skont l-Artikolu 29(1)(d) tal-Vw 2000 minħabba l-perikli serji kkontemplati fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

    14.

    Il-qorti tar-rinviju, in-Nederlandse Raad van State, li hija l-qorti tal-appell fil-kawża prinċipali, taqsam l-istess diffikultajiet fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva kif espressi permezz tal-pożizzjonijiet li żammew il-konvenut u l-qorti tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva kien għadu ma ġiex traspost fil-liġi Olandiża fl-20 ta’ Diċembru 2006, meta M. u N. Elgafaji kienu ppreżentaw it-talbiet tagħhom. B’hekk, sabiex tkun tista’ tevalwa jekk tali traspożizzjoni kinitx meħtieġa, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 15[(ċ)] tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni toffri biss protezzjoni f’sitwazzjoni li tirrigwarda l-Artikolu 3 tal-[KEDB] skont l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew fis-sens li din l-ewwel dispożizzjoni toffri protezzjoni addizzjonali jew differenti fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-[KEDB]?

    2)

    Jekk l-Artikolu 15[(ċ)] tad-Direttiva joffri protezzjoni addizzjonali jew differenti fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-[KEDB], liema huma, f’dan il-każ, il-kriterji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni ta’ jekk persuna, li ssostni li tista’ titlob status ta’ protezzjoni sussidjarja, hijiex f’riskju reali ta’ theddid serju u individwali minħabba vjolenza indiskriminata, skont l-Artikolu 15[(ċ)], fid-dawl tal-Artikolu 2[(e)] tad-Direttiva?”.

    II — Analiżi ġuridika

    15.

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15(ċ) joffrix protezzjoni addizzjonali jew sempliċiment ekwivalenti għal dik li tirriżulta mill-Artikolu 3 tal-KEDB dwar dawk li jitolbu l-ażil. It-tieni domanda hija intiża sabiex jiġu ddeterminati l-kriterji li fuqhom ikun ibbażat l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja.

    16.

    Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi fuq il-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva bi paragun ma’ dik offerta mill-Artikolu 3 tal-KEDB. L-osservazzjonijiet tal-partijiet essenzjalment jirrigwardaw din il-kwistjoni. Madankollu, huma qabel xejn jindikaw id-diverġenzi bejn l-Istati Membri dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tirriżulta minnha. Dawn l-oppożizzjonijiet jinsabu fil-fatt li, anki fost l-Istati Membri li jsostnu li l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva ma jagħti ebda protezzjoni addizzjonali għal dik diġà mogħtija mill-KEDB, hemm minnhom li jsostnu madankollu li l-protezzjoni mogħtija mill-Konvenzjoni testendi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, għall-każijiet li Stati Membri oħra, min-naħa l-oħra, jippruvaw jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva billi jqisu preċiżament li l-protezzjoni sussidjarja li toffri d-Direttiva hija limitata għal dik il-protezzjoni li wieħed ikun eleġibbli għaliha taħt il-KEDB.

    17.

    Dan in-nuqqas ta’ qbil dwar il-portata tal-Artikolu 3 tal-KEDB ma jaħbix il-veru pern tad-diskussjoni li tirrigwarda fir-realtà l-portata tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-persuna li titlob l-ażil abbażi tad-dritt Komunitarju. B’hekk, qabel l-analizi ġuridika vera u proprja tal-protezzjoni offruta mid-dritt Komunitarju lill-dawk li jitolbu l-ażil, jidher li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet, huwa utli li wieħed jerġa jittratta l-kontroversji li jirriżultaw mill-interpretazzjoni u mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB għall-finijiet tar-risposta għad-domandi preliminari li saru.

    A — Preċiżazzjonijiet dwar il-portata kif ukoll dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju

    18.

    Apparti mill-paragun tal-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba, prinċipalment u fis-sustanza, tgħid jekk il-protezzjoni mogħtija bis-saħħa tad-Direttiva tkoprix biss is-sitwazzjonijiet fejn il-persuna tista’ tkun vittma ta’ ksur partikolarment serju tad-drittijiet fundamentali tagħha minħabba kundizzjonijiet li jkunu partikolari jew speċifiċi għaliha, jew jekk l-imsemmija protezzjoni tkoprix ukoll is-sitwazzjonijiet fejn persuna tista’ tiġi esposta għal riskju simili minħabba sitwazzjoni ġenerali ta’ vjolenza indiskriminata?

    19.

    Fil-fehma tiegħi r-risposta għal din id-domanda ma tistax tiġi dedotta mill-Artikolu 3 tal-KEDB, iżda għandha tiġi mfittxija prinċipalment fid-dawl tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet Komunitarji, tkun xi tkun id-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġu interpretati b’mod indipendenti li, konsegwentement, ma jistax ivarja skont u/jew jiddependi mill-iżviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

    20.

    Barra minn hekk, jiena nżid li l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Qorti ta’ Strasbourg hija interpretazzjoni dinamika u li tevolvi. Minħabba din l-interpretazzjoni dinamika, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB ma kinitx lineari u li, illum il-ġurnata, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħti tifsira u għaldaqstant portata iktar wiesa’ lil dan l-artikolu ( 3 ). Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ dan it-test hija intiża li tevolvi u, konsegwentement, m’għandhiex tkun iffriżata. F’dan il-kuntest, mhuwiex fl-obbligu tal-qorti Komunitarja li tistabbilixxi l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni.

    21.

    Fl-istess ħin, m’għandhiex tiġi injorata l-importanza li l-KEDB jista’ jkollha fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji inkwistjoni. Id-Direttiva għandha l-obbjettiv li tiżviluppa dritt fundamentali tal-ażil li joħroġ mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fejn, l-imsemmija prinċipji stess jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u mill-KEDB kif jinsabu riprodotti, min-naħa l-oħra, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000, C 364, p. 1) ( 4 ). Kif jiena diġà enfasizzajt f’kawża preċedenti, “għalkemm din il-karta ma tistax tikkostitwixxi fiha nfisha bażi ġuridika suffiċjenti biex tagħti lill-individwi drittijiet li jistgħu jiġu invokati direttament, hija madankollu mhijiex irrilevanti bħala kriterju għall-interpretazzjoni ta’ l-istrumenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 6(2) UE. Taħt din il-perspettiva, din il-karta jista’ jkollha funzjoni doppja. Fl-ewwel lok, hija tista’ toħloq il-preżunzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dritt li jkollu, għalhekk, jirċievi konferma dwar l-eżistenza tiegħu kemm fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tal-KEDB. Fit-tieni lok, meta d-dritt jiġi identifikat bħala dritt fundamentali protett mill-ordni ġuridiku Komunitarju [mis-sistema legali Komunitarja], il-Karta sservi ta’ strument partikolarment utli sabiex jiġi stabbilit il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata li għandha tingħata lil dak id-dritt” ( 5 ).

    22.

    F’dan ir-rigward, il-KEDB tinsab riprodotta fil-ġurisprudenza Komunitarja għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel nett, minħabba li l-impenn li kull Stat Membru esprima lejn il-Konvenzjoni juri biċ-ċar l-istatus ta’ dawn id-drittijiet bħala li jikkorrispondu għall-valuri komuni għall-Istati Membri, liema Stati għandhom neċessarjament jikkonservawhom u jimplementawhom fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali Komunitarja teżisti b’mod parallel ma’ sistemi oħra Ewropej ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Dawn is-sistemi jinvolvu kemm is-sistemi żviluppati fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali kif ukoll dawk li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Ċertament, kull wieħed minn dawn il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni għandu obbjettivi li huma speċifiċi għalih u li dawn il-mekkaniżmi jinbnew fuq strumenti ġuridiċi li jkunu apposta għalihom, iżda xi kultant, madankollu, japplikaw għall-istess ċirkustanzi fattwali. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li għal kull sistema ta’ protezzjoni eżistenti, wieħed jieħu ħsieb li, filwaqt li jippriserva l-awtonomija tal-istess sistema, jifhem kif is-sistemi l-oħra jinterpretaw u jiżiluppaw dawn l-istess drittijiet fundamentali sabiex, mhux biss, jimminimizza r-riskji ta’ kunflitti, imma wkoll jipparteċipa fi proċess ta’ kostruzzjoni informali ta’ żona Ewropea ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Iż-żona Ewropea hekk maħluqa tkun, fil-parti l-kbira tagħha, il-prodott ta’ diversi kontribuzzjonijiet individwali li jirriżultaw mis-sistemi differenti ta’ protezzjoni eżistenti fuq livell Ewropew.

    23.

    Hekk ukoll, għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg mhijiex sors imperattiv għall-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali Komunitarji, hija tikkostitwixxi madankollu l-punt tat-tluq sabiex jiġi stabbilit il-kontenut u l-portata tal-imsemmija drittijiet fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa indispensabbli sabiex jiggarantixxi li l-Unjoni, li hija bbażata fuq il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali ( 6 ), jikkontribwixxi sabiex jifrex il-protezzjoni tal-istess drittijiet fiż-żona Ewropea. F’dan ir-rigward, huwa perfettament naturali li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, filwaqt li tirrikonoxxi li hija “fiha drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija” ( 7 ), iżżid li “[d]in id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva” ( 8 ).

    24.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li mhijiex wisq kwistjoni li jiġi stabbilit jekk il-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva hijiex bejn wieħed u ieħor identika għal dik mogħtija abbażi tal-Konvenzjoni, iktar milli jiġi ddefinit il-kontenut Komunitarju, inkwantu dan l-obbjettiv bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza riżultanti mill-applikazzjoni tal-KEDB.

    B — L-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva

    25.

    L-eżerċizzju tal-interpretazzjoni mhuwiex xi ħaġa faċli u spiss iqajjem diskussjoni sal-punt li l-interpretazzjoni fl-aħħar nett tiġi meqjusa bħala arti, bħala ermenewtika. Madankollu, huwa rari li abbażi ta’ argument simili ħafna u bbażat fuq argument sod u aċċettat, ir-riżultat madankollu jkun kontrastanti inkwantu jkun jeħtieġ li wieħed jerġa’ janalizza l-metodoloġija stess tal-interpretazzjoni.

    1. Interpetazzjoni kontrastanti abbażi ta’ argument simili

    26.

    Huwa sorprendenti kif il-ħamsa u għoxrin u s-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva ġew suċċessivament użati mill-partijiet insostenn ta’ interpretazzjonijiet li jmorru dijametrikalment fl-oppost tal-Artikolu 15(ċ). B’hekk, skont l-ewwel linja ta’ ħsieb, minn dawn il-premessi jirriżulta li r-rekwiżit ta’ rabta individwali bejn il-vjolenza indiskriminata u t-theddida għall-ħajja jew għall-persuna ta’ pajżan tissupponi li l-applikant juri li dan huwa minħabba karatteristiċi li huma partikolari għalih mentri skont it-tieni linja ta’ ħsieb, dawn il-premessi jtendu li jxejnu r-rabta individwali rikjesta. Barra minn hekk, hemm min, li mhuwiex neċessarjament dak li jsostni li r-rabta individwali rikjesta taħt l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandha tkun inqas minn dik rikjesta meta jiġi applikat l-Artikolu 3 tal-KEDB, li jsostni li l-Artikolu 15(ċ) jirrappreżenta protezzjoni li hija addizzjonali għal dik taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB meta oħrajn isostnu li hija l-istess.

    27.

    B’hekk, il-premessa ħamsa u għoxrin skont liema “[…] Dawk il-kriterji [li fuq il-bażi tagħhom applikanti għal protezzjoni internazzjonali jridu jintgħarfu bħala eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja] għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skond strumenti u prattiċi tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri” tapplika insostenn tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) li tvarja b’mod sinjifikattiv fiż-żewġ argumenti prinċipali. F’dan is-sens, il-Gvern Olandiż u r-Renju Unit, minn din il-premessa jiddeduċu li l-Artikolu 15 tad-Direttiva u b’mod partikolari l-paragrafu (ċ) tiegħu huwa bbażat fuq l-Artikolu 3 tal-KEDB li, skont dawn l-istess Stati, il-ġurisprudenza relattiva għall-istess Konvenzjoni turi li hija meħtieġa rabta individwali qawwija ( 9 ). Tal-inqas, huma jsostnu li skont din il-premessa, il-leġiżlatur Komunitarju ma riedx jgħabbi lill-Istati Membri b’obbligi ġodda tali li joffru protezzjoni iktar wiesa’ liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qasam tad-dritt għall-ażil. B’dan l-istess argument, huma jimminimizzaw ossija jevitaw ir-referenza li hemm fil-premessa ħamsa u għoxrin għall-istrumenti internazzjonali u Ewropej l-oħra għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-prattiki eżistenti fl-Istati Membri. L-Istati ċertament adottaw sistemi ta’ protezzjoni differenti ħafna iżda n-nuqqas ta’ uniformità m’għandhiex twassal sabiex jeskludi l-valur interpretattiv tagħhom. B’hekk il-fatt li ċerti Stati, fis-sistema legali tagħhom, ipprovdew għal protezzjoni ogħla minn dik mogħtija taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB ma jistax jiġi injorat ( 10 ). Il-Gvern Svediż, fuq ir-referenza li tagħmel il-premessa ħamsa u għoxrin għall-prattiki diġà eżistenti tal-Istati Membri, jinsisti preċiżament f’das-sens sabiex jiddeduċi minnha li l-protezzjoni kkontemplata fl-Artikolu 15(ċ) bilfors tiżdied, għaldaqstant, ma’ dik prevista fl-Artikolu 15(a) u (b). Hija tirrappreżenta protezzjoni addizzjonali għal dik diġà ggarantita mill-KEDB u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, li barra minn hekk jinsab riprodott litteralment fl-Artikolu 15(b) tad-Direttiva.

    28.

    Bl-istess mod, għalkemm il-partijiet, minn naħa u minn oħra, isemmu l-premessa sitta u għoxrin tad-Direttiva fejn tgħid “[ir-r]iskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta normalment ma joħolqux fihom nfushom theddida individwali li tikkwalifika bħala periklu serju” insostenn ta’ interpretazzjoni minnhom tal-Artikolu 15(ċ), madankollu, minn din id-dispożizzjoni, huma jirnexxielhom joħorġu interpretazzjoni kuntrastanti. B’hekk, għall-parti l-kbira mill-partijiet, din il-premessa bilfors timponi fuq l-applikant tal-ażil l-obbligu li juri l-eżistenza tar-rabta individwali billi japplika l-prinċipju, b’referenza għat-terminu “normalment”, li r-riskju li għalih il-popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta ma jirrappreżentax theddida individwali. Għaldaqstant, id-Direttiva mhijiex intiża li tkopri s-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza indiskriminata kkontemplati fl-Artikolu 15(ċ) tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi hija biss il-prova tat-theddida li jkun qed ibati l-applikant li jitlob l-ażil minħabba l-karatteristiċi li huma speċifiċi għalih, li tista’ tiġġustifika l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Italja tammetti li t-terminu “normalment” jimplika li f’ċirkustanzi oħra, jiġifieri ċirkustanzi eċċezzjonali li jmorru lil hinn min-“normal”, ir-riskju li għalih il-popolazzjoni jew taqsima mill-popolazzjoni tkun ġeneralment esposta jista’ jiġi kkwalifikat bħala “theddida individwali”. Huwa possibbli li wieħed isostni li bis-saħħa ta’ din l-interpretazzjoni, iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali huma dawk koperti bl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva.

    29.

    Bl-istess mod, l-oriġini tad-Direttiva, fejn jintwera li l-insistenza fuq l-introduzzjoni espressa tar-rekwiżit tat-theddida li għandha tkun individwali saret wara l-proposta inizjali tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jew fuq ir-rieda li tiġi rriprodotta l-aħjar sistema fost is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni, tista’ twassal biex issostni interpretazzjoni waħda jew l-oħra.

    30.

    Fl-aħħar mill-aħħar, għandu jiġi aċċettat li t-test innifsu tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva jitfa’ liż-żewġ linji ta’ ħsieb interpretattivi fuq l-istess livell. Madankollu din l-ekwivalenza ma tistax timpedixxi li tingħata interpretazzjoni xierqa li tiżgura d-dritt fundamentali għall-ażil.

    2. Il-metodoloġija tal-interpretazzjoni

    31.

    Ċertament, wieħed għandu jammetti li, f’dan il-kuntest, l-interpretu jkollu jipprova jikkonċilja dak li prima facie jidher li huwa inkonċiljabbli. F’dan l-eżerċizzju huwa għandu jkun iggwidat mill-għan ewlieni tal-liġi inkwistjoni. Fi kliem ieħor, wieħed għandu jasal għal interpretazzjoni li, filwaqt li tirrikonoxxi li l-Artikolu 15(ċ) huwa, qabel xejn, intrinsikament marbut mal-kunċett ta’ “vjolenza indiskriminata”, għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit tat-theddida individwali ( 11 ).

    32.

    F’dan ir-rigward, jidhirli li l-interpretazzjoni fejn jingħad li l-Artikolu 15(ċ) ikopri kwalunkwe sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata tinjora din il-kundizzjoni ta’ interpretazzjoni doppja, bl-istess mod li l-interpretazzjoni fejn jingħad li l-kunċett ta’ “theddida individwali” jikkorrispondi għal theddida kontra persuna minħabba ċirkustanzi li huma partikolari jew speċifiċi għaliha (jew għal grupp soċjali li tifforma parti minnu) tikkuntrasta mal-Artikolu 15(ċ) li huwa intiż preċiżament u anki espressament għas-sitwazzjonijiet ta’ vjolenza indiskriminata ( 12 ). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ikun inkoerenti li bl-istess mod bħal ċerti Stati Membri, wieħed isostni li l-Artikolu 15(ċ) ma joffrix protezzjoni addizjonali b’żieda ma’ dik prevista fl-Artikoli 15(a) u 15(b). Fil-fatt kif jista’ wieħed jifhem li l-Artikolu 15(ċ) huwa intiż li jikkjarifika biss il-possibbilità li wieħed ikun eleġibbli għal protezzjoni sussidjarja definita fil-każijiet ikkontemplati fil-paragrafi (a) u (b) fis-sitwazzjonijiet fejn tkun teżisti wkoll vjolenza indiskriminata jekk il-paragrafi (a) u (b) japplikaw b’mod ġenerali u indipendenti mill-istess kuntest ta’ vjolenza indiskriminata. Fil-fatt, tkun assurdità li wieħed jagħmel regola speċjali intiża li tikkjarifika l-protezzjoni mogħtija minn regola ġenerali filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-istess regola ġenerali tapplika wkoll fil-każijiet fejn il-protezzjoni tkun iktar u iktar indispensabbli.

    33.

    Fir-realtà, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tissupponi li, kif diġà ġie enfasizzat, wieħed joqgħod mal-għan ewlieni tad-Direttiva u tad-dritt fundamentali tal-ażil. L-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni huwa li tingħata protezzjoni internazzjonali lil persuna mpoġġija f’sitwazzjoni fejn hija tirriskja li ssofri ksur ta’ wieħed mid-drittijiet tagħha, li jkun wieħed fost dawk l-iktar fundamentali (bħalma huwa d-dritt għal ħajja, id-dritt li ma tiġix ittorturata …). B’hekk, il-kriterju implementat mid-Direttiva, sabiex wieħed jikseb kemm l-istatus ta’ refuġjat kif ukoll il-protezzjoni sussidjarja għandu jinftiehem bħala l-istrument li jippermetti li tiġi evalwata l-probabbiltà li jseħħ dan ir-riskju u dik tat-theddida għad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-importanza u n-natura tar-rabta individwali rikjesta għall-ksib tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu evalwati taħt din il-perspettiva.

    34.

    Fil-fatt, ir-rekwiżit tar-rabta individwali ġeneralment joħloq il-preżunzjoni li l-persuna inkwistjoni jkollha riskju partikolari li ssofri ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha minħabba raġunijiet li huma speċifiċi għaliha jew minħabba li hija tappartjeni lil ċertu grupp. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni li hija intrinsikament marbuta u għaldaqstant inerenti għal dik l-individwalizzazzjoni jew l-appartenenza għal grupp soċjali taggrava l-ksur tad-drittijiet fundamentali. F’dan il-każ, jidher li huwa diffiċli li wieħed jiċħad li, abbażi ta’ argument simili, jistgħu jeżistu ċirkustanzi li fihom il-ksur sostanzjali tad-drittijiet fundamentali jista’ jseħħ anki fin-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni. Dan l-aħħar każ jirreferi għas-sitwazzjonijiet li l-Artikolu 15 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 15(ċ) huwa intiż li jkopri, jiġifieri: is-sitwazzjoni ta’ vjolenza indiskriminata li s-serjetà tagħhom hija tali li, jekk ikun il-każ, kull individwu li jkun suġġett għal dik il-vjolenza jista’ jkun suġġett għal riskju ta’ theddid serju kontra l-persuna tiegħu jew ħajtu. Dan ir-riskju, jekk wieħed irid ikejlu, fir-realtà huwa ugwali għar-riskju li jkunu suġġetti għalih dawk li jistgħu jippretendu li jkollhom l-istatus ta’ refuġjati jew li jiġi applikat l-Artikolu 15(a) jew (b).

    35.

    Taħt din il-perspettiva, il-kundizzjoni ta’ theddida li tkun “individwali” tkun għal kollox iġġustifikata. Dan ir-rekwiżit iservi biex juri l-fatt li l-vjolenza indiskriminata għandha tkun tali li tirrappreżenta neċessarjament theddida probabbli u serja għal dak li jkun qed jitlob l-ażil. Hekk tispikka l-importanza tad-distinzjoni bejn grad għoli ta’ riskju individwali u r-riskju minħabba karatteristiċi individwali. Fil-fatt, għalkemm persuna ma tkunx tikkwalifika minħabba l-karatteristiċi li huma partikolari għaliha, hija xorta waħda tibqa’ kkonċernata individwalment meta vjolenza indiskriminata tkattar b’mod sostanzjali r-riskju li jkun hemm theddid serju għal ħajja jew il-persuna tagħha; fi kliem ieħor għad-drittijiet fundamentali tagħha.

    36.

    Biex nirrispondi b’mod iktar speċifiku għat-tieni domanda li tressqet u b’mod partikolari taħt l-aspett tal-oneru tal-prova li l-applikant tal-ażil għandu fuqu, għandu jiġi nnutat li l-oneru tal-prova fir-rigward tar-rabta individwali rikjesta, huwa ċertament inqas qawwi għall-individwu kkonċernat taħt l-Artikolu 15(ċ) milli huwa taħt l-Artikolu 15(a) u (b). Madankollu, l-oneru tal-prova jkun iktar qawwi fir-rigward tal-prova tal-vjolenza indiskriminata, vjolenza din li għandha tiġi ġġeneralizzata (fis-sens li ma tkunx diskriminatorja) u ta’ serjetà tali li toħloq preżunzjoni qawwija li l-persuna inkwistjoni hija l-mira tal-istess vjolenza. Fil-fatt hawnhekk issir referenza għall-interpretazzjoni tal-premessa sitta u għoxrin tad-Direttiva li din il-vjolenza teċċedi r-riskji li għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew taqsima tal-popolazzjoni hija ġeneralment esposta.

    37.

    Dawn iż-żewġ aspetti, fir-realtà, jistgħu jkunu marbutin mill-qrib: iktar mal-persuna tkun ikkonċernata individwalment (pereżempju, minħabba l-appartenenza tagħha għal grupp soċjali speċifiku), inqas ma jkun meħtieġ li jintwera li hija qiegħda taffronta vjolenza indiskriminata f’pajjiżha jew fuq parti mit-territorju tiegħu ta’ serjetà tali li jesiżti riskju serju li hija tisfa vittma personalment. Bl-istess mod, inqas mal-persuna tkun tista’ turi li hija kkonċernata individwalment, iktar mal-vjolenza tkun trid tkun gravi u indiskriminata sabiex hija tkun eleġibbli għall-protezzjoni sussidjarja mitluba.

    38.

    Finalment, hija biss din l-interpretazzjoni li tippermetti li jiġi sodisfatt l-obbjettiv ewlieni tad-Direttiva. Kwalunkwe għażla oħra ddaħħal diskriminazzjoni inġustifikata bejn l-applikanti għall-ażil fir-rigward tal-protezzjoni li tagħha huma jistgħu jkunu eleġibbli. Dan iwassal għar-riżultat assurd li iktar ma tkun indiskriminata l-vjolenza u, konsegwentement, iktar ma jkun kbir in-numru ta’ persuni suxxettibbli li jsofru theddid għall-ħajja jew il-persuna tagħhom, inqas tkun ta’ importanza l-protezzjoni Komunitarja. Fil-fatt, għalkemm ir-rabta individwali għandha tinftiehem bħala li teħtieġ li l-persuna tkun milquta minħabba l-karatteristiċi li huma partikolari għaliha, u dan anki f’ċirkustanzi ta’ vjolenza indiskriminata ta’ gravità tali li r-riskju individwali li jkunu qegħdin fih il-persuni li jkunu ġejjin minn territorju partikolari jkun ogħla minn dak li jkunu qegħdin fih dawk li jkunu qegħdin jitolbu l-istatus ta’ refuġjati, huma biss dawn li semmejt l-aħħar li huma eleġibbli għal protezzjoni minkejja li huma jkunu ġejjin minn territorju fejn il-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom ma tkunx daqshekk sostanzjali, fejn il-vjolenza ma tkunx daqshekk “indiskriminata”. Fi kliem ieħor, il-protezzjoni mogħtija abbażi tad-Direttiva tkun tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna sofrietx diskriminazzjoni jew le fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tagħha iżda ma tkunx tiddependi fuq il-livell tat-theddida fil-konfront tad-drittijiet fundamentali tagħha. Dan ifisser li l-uniku obbjettiv tal-istatus tar-refuġjat huwa li jiġu protetti l-persuni ddiskriminati fir-rigward ta’ ċerti drittijiet fundamentali u min-naħa l-oħra, l-imsemmi obbjettiv mhuwiex intiż li jipproteġi persuni oħra li jkunu vittmi ta’ ksur simili ossija iktar gravi, ta’ dawk l-istess drittijiet fundamentali inkwantu dawn il-ksur ikunu ġenerali.

    39.

    Finalment jiena nqis li l-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 13 ), fejn jirriżulta ċar li persuna f’kuntest ta’ vjolenza indiskriminata tista’ tkun eleġibbli għal protezzjoni internazzjonali sakemm hija turi madankollu li hija kkonċernata individwalment minħabba karatteristiċi speċifiċi, ma tikkonċernax il-protezzjoni sussidjarja iżda tirrigwarda l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Barra minn hekk, l-obbjettiv imfittex mill-imsemmija qorti huwa sewwasew li testendi l-protezzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB fuq il-persuni mhedda bit-tortura u minn trattament inuman u degradanti. Konsegwentement, jidher li huwa mhux biss kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg li wieħed jipprova jillimita l-protezzjoni internazzjonali tal-applikanti għall-ażil imma wkoll diffiċli li wieħed jittrasponi l-kundizzjonijiet li japplikaw biss għall-applikanti li, barra minn hekk, ikunu talbu l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat taħt l-Artikolu 3 biss ossija xi kultant taħt l-Artikolu 2 tal-KEDB.

    40.

    Bħala konklużjoni, l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jagħti protezzjoni sussidjarja meta l-persuna kkonċernata turi li hija tkun qiegħda f’riskju reali ta’ theddid kontra l-ħajja jew il-persuna tagħha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali minħabba vjolenza indiskriminata li tkun gravi tant li bilfors tirrappreżenta theddid probabbli u serju għal dik il-persuna. Huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiżguraw li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti.

    41.

    Barra minn hekk, mill-aspett tal-oneru tal-prova dan jimplika li n-natura individwali tat-theddida m’għandhiex tiġi ppruvata bl-istess saħħa taħt l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva milli ġiet hekk ippruvata taħt il-paragrafi (a) u (b) tal-istess artikolu. Madankollu, il-gravità tal-vjolenza għandha bilfors tiġi ppruvata b’mod li ma jkun hemm ebda dubju fir-rigward tan-natura tal-vjolenza li tkun kemm indiskriminata u kif ukoll gravi, li tkun qiegħda tiffaċċja l-persuna li titlob il-protezzjoni sussidjarja.

    III — Konklużjoni

    42.

    Bħala konklużjoni, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domandi preliminari bil-mod segwenti:

    “1)

    L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat [apolidi] bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat bħala li joffri protezzjoni sussidjarja meta l-persuna kkonċernata turi li hija tkun qiegħda f’riskju reali ta’ theddid kontra l-ħajja jew il-persuna tagħha f’sitwazzjoni ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali minħabba vjolenza indiskriminata li tkun gravi tant li bilfors tirrappreżenta theddida probabbli u serja għal dik il-persuna. Huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jiżguraw li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti.

    2)

    Barra minn hekk, mill-aspett tal-oneru tal-prova dan jimplika li n-natura individwali tat-theddida m’għandhiex tiġi ppruvata bl-istess saħħa taħt l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva milli għandha tiġi ppruvata taħt il-paragrafi (a) u (b) tal-istess artikolu. Madankollu, il-gravità tal-vjolenza għandha bilfors tiġi ppruvata b’mod li ma jkun hemm ebda dubju fir-rigward tan-natura tal-vjolenza li tkun kemm indiskriminata u kif ukoll gravi, li tkun qiegħda tiffaċċja l-persuna li titlob il-protezzjoni sussidjarja.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96.

    ( 3 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Vilvarajah et vs Ir-Renju Unit, tat-30 ta’ Ottubru 1991 (Rikorsi Nri 13163/87; 13164/87; 13165/87; 13447/87; 13448/87, punt 37); kif ukoll Salah Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tal-11 ta’ Jannar 2007 (Rikors Nru 1948/04, punt 148).

    ( 4 ) L-għaxar premessa tad-Direttiva ma tonqosx milli tfakkar għal dan il-għan li “Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji magħrufa b’mod partikolari mill-Kapitolu ta’ Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjita tal-bniedem u d-dritt għal kenn (asylum) għal applikanti għal kenn (asylum) u l-membri tal-familja li jakkompanjawhom.”

    ( 5 ) Punt 48 tal-konklużjonijiet ippreżentati fis-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305).

    ( 6 ) Ara l-Artikolu 6(1) u (2) TUE.

    ( 7 ) Artikolu 52(3) tal-Karta. Wieħed jista’ jara wkoll li l-Artikolu 18 tal-Karta jistabbilixxi u jikkonferma d-dritt għall-ażil.

    ( 8 ) Ibidem.

    ( 9 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Vilvarajah et vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq; Salah Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, u Saadi vs L-Italja tat-28 ta’ Frar 2008 (Rikors Nru 37201/06).

    ( 10 ) Ara b’mod partikolari: l-istudju tal-UNHCR, Asylum in the European Union. A study of the implementation of the Qualification directive. Novembru 2007, www.unhcr.org.

    ( 11 ) Ċerti awturi jilmentaw fuq l-ambigwità tal-Artikolu 15 għax jidhrilhom li l-kunċett ta’ vjolenza indiskriminata ma tistax tkun rikonċiljabbli mal-kunċett ta’ theddida individwali, ara b’mod partikolari: J. McAdam, Complementary Protection in International Refugee Law, p.70.

    ( 12 ) F’dan is-sens, ara wkoll l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li tirrileva li “[l]-valur miżjud tal-kundizzjoni li tinsab fil-paragrafu (ċ) fil-konfront tal-kundizzjoni li tinsab fil-paragrafu (b) [tal-Artikolu 15] madankollu qiegħed fil-fatt li din ir-rabta [individwali] ma tissupponix li jkun hemm forom speċifiċi ta’ vjolenza intiżi, biex wieħed jgħid hekk, kontra l-persuna kkonċernata, iżda tissupponi li l-personalizzazzjoni tat-theddida tkun tista’ tiġi dedotta miċ-ċirkustanzi kollha.”

    ( 13 ) Sentenza Salah Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 148.

    Top