EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 62007CC0396

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Ruiz-Jarabo Colomer - 4 ta' Settembru 2008.
Mirja Juuri vs Fazer Amica Oy.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein oikeus - il-Finlandja.
Politika soċjali - Direttiva 2001/23/KE - Osservanza tad-drittijiet tal-ħaddiema - Trasferiment ta’ impriżi - Artikolu 4(2) - Bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol f’każ ta’ trasferiment - Ftehim kollettiv - Tmiem tal-kuntratt tax-xogħol mill-ħaddiem - Tmiem ikkunsidrat bħala responsabbiltà ta’ min iħaddem - Konsegwenzi - Kumpens għad-danni mingħand min iħaddem.
Kawża C-396/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08883

ECLI-indikator: ECLI:EU:C:2008:471

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO

ippreżentati fl-4 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-396/07

Mirja Juuri

vs

Fazer Amica Oy

“Politika soċjali — Direttiva 2001/23/KE — Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema — Trasferiment ta’ impriżi — Artikolu 4(2) — Bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-każ ta’ trasferiment — Ftehim kollettiv — Tmiem tal-kuntratt tax-xogħol mill-ħaddiem — Tmiem ikkunsidrat bħala responsabbiltà ta’ min iħaddem — Konsegwenzi — Kumpens għad-danni mingħand min iħaddem”

I — Introduzzjoni

1.

M. Juuri ħadmet għal disa’ snin fil-kantin ta’ impriża Finlandiża tas-settur metallurġiku. Meta l-persuna li kienet tħaddimha ċediet l-impriża alimentari lil imprenditur ieħor, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ M. Juuri marru għall-agħar. Id-dritt Komunitarju joffri soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta’ din il-ħaddiema, imma l-qorti nazzjonali kellha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli. F’termini konkreti, id-Direttiva 2001/23/KE relatata mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi ( 2 ), tattribwixxi r-responsabbiltà ta’ sitwazzjoni bħal dik ta’ M. Juuri lill-persuna l-ġdida li qed tħaddem. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreċiża l-portata ta’ din l-attribuzzjoni u l-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minnha.

2.

Id-Direttiva 2001/23 hija parti minn dik li tissejjaħ bħala l-“liġi soċjali Komunitarja”. Dan is-settur tad-dritt jiggarantixxi livell minimu ta’ protezzjoni lill-ħaddiema, mingħajr ħsara għall-fakultà tal-Istati Membri li jżidu l-livell tal-protezzjoni. Id-diffikultajiet tar-regolamentazzjoni tas-swieq nazzjonali tax-xogħol wasslu biex tiġi adottata din id-direttiva fuq il-bażi ta’ kunsens wiesa’, tant li d-dispożizzjonijiet ġenerali u ambigwi tagħha ta’ spiss jeħtieġu deċiżjoni preliminari min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.

Barra minn hekk, il-liġi soċjali Komunitarja għandha struttura frammentata. Hija magħmula minn ċerti regoli li għandhom l-għan li jsolvu problemi speċifiċi li jirriżultaw matul relazzjoni ta’ xogħol. F’termini metaforiċi, tirrappreżenta settur b’xeħta ta’ arċipelagu ( 3 ), li l-gżejjer tiegħu mhux dejjem ikunu maqgħuda flimkien permezz ta’ pontijiet. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab teżamina d-domandi preliminari li qajmu dawn il-gżejjer ( 4 ). Għaldaqstant hemm ir-riskju, li jkun hemm konformità mad-direttiva interpretata imma mhux mal-oħrajn li magħhom ma jkollha l-ebda konnessjoni. Għalhekk jeħtieġ li nimxu b’mod rigoruż, mingħajr ma nittraskuraw l-interrelazzjonijiet f’territorju mifrux, bħal dak soċjali, li huwa aktar integrat milli jista’ jidher mal-ewwel daqqa t’għajn.

II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

4.

Fil-5 ta’ April 1994, M. Juuri ġiet impjegata minn Rautaruukki Oyj (iktar ’il quddiem: iċ-“ċedenti”), f’Hämeenlinna (il-Finlandja), u kienet twettaq ħidmietha fil-kantin tal-impriża. Mill-, il-kuntratt ta’ M. Juuri tbiddel f’kuntratt tax-xogħol għal perijodu indefinit.

5.

Minkejja li M. Juuri kienet twettaq biss xogħlijiet li kellhom x’jaqsmu mal-kantin, fil-konfront tagħha ġie applikat il-ftehim kollettiv tas-settur metallurġiku, li kien validu sal-31 ta’ Jannar 2003 u li kien jiġġedded awtomatikament kull sena, ħlief jekk waħda mill-partijiet kienet titlob li jiġi mitmum fi żmien xahrejn qabel ma jiskadi. Ma kienet meħtieġa l-ebda terminazzjoni, peress li fit- ġie ffirmat kuntratt ieħor tas-settur, b’seħħ mill-.

6.

Dak inhar stess, meta skada l-kuntratt preċedenti, iċ-ċedenti ttrasferiet it-tmexxija tal-kantin lil Amica Ravintolat Oy (iktar ’il quddiem: iċ-“ċessjonarja”). Wara t-trasferiment, il-ħaddiema bdew jaħdmu għaċ-ċessjonarja, imma skont ftehim kollettiv ġdid, f’dan il-każ relatat mas-settur tal-lukandi u tar-ristoranti.

7.

M. Juuri, peress li qieset li l-kuntratt relatat mas-settur tal-lukandi u tar-ristoranti ma kienx japplika għar-relazzjoni ta’ xogħol dipendenti tagħha, qieset lilha nfisha bħala marbuta bil-ftehim kollettiv relatat mas-settur metallurġiku. Skont M. Juuri, il-bidla fil-ftehim kollettiv tax-xogħol wassal għal tnaqqis fil-ħlas tagħha ta’ EUR 300 fix-xahar, kif ukoll it-trasferiment f’postijiet ta’ xogħol oħrajn. Iċ-ċessjonarja, min-naħa tagħha, ammettiet li l-ftehim il-ġdid impona ċertu bidliet fuq M. Juuri, fost l-oħrajn li kellha tmur taħdem f’postjiet tax-xogħol oħrajn, anki jekk temporanjament, u tnaqqis fil-paga ta’ EUR 100 fix-xahar, minħabba tnaqqis korrispondenti fil-ħinijiet tax-xogħol.

8.

Wara dawn il-bidliet fl-iskema kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha, fid-19 ta’ Frar 2003 M. Juuri ddeċidiet li ttemm il-kuntratt tagħha. Wara li invokat il-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar ix-xogħol, hija ppreżentat rikors kontra ċ-ċessjonarja fejn talbet kumpens għall-vaganzi għall-perijodu ta’ notifika, kif ukoll kumpens ta’ 14-il xahar ta’ paga għal terminazzjoni illegali ta’ kuntratt tax-xogħol. Fil-, il-Helsingin Käräjäoikeus (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ħelsinki) ċaħdet ir-rikors ta’ M. Juuri. Sena wara, eżattament fit-, il-Helsingin Hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki) ikkonfermat din is-sentenza, imma M. Juuri għamlet talba lill-Korkein Oikeus (il-Qorti Suprema), u dik il-qorti qed titlob interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja.

III — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

9.

Id-Direttiva 2001/23 tistabbilixxi livell minimu ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji. Fil-kuntest ta’ din il-kawża li tara lil M. Juuri kontra l-impriża ċessjonarja, huma rilevanti l-Artikoli 3(3) u 4(2).

L-Artikolu 3

[…]

3.   Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment [iċ-ċessjonarja] għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment [iċ-ċedenti] taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wa[ħ]da.

[…]

L-Artikolu 4

[…]

2.   Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg”.

B — Id-dritt nazzjonali

10.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju tal-Korkein Oikeus, l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 6 tat-Työsopimuslaki (liġi dwar il-kuntratti tax-xogħol) jipprovdi li “kuntratt tax-xogħol li jiġi konkluż għal perijodu indefinit jew li jkun validu b’mod ieħor għal perijodu indefinit jiġi mitmum permezz ta’ notifika ta’ terminazzjoni lill-parti l-oħra”.

11.

L-Artikolu 6 tal-Kapitolu 7 jittrasponi fid-dritt Finlandiż l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, u jipprovdi li “jekk jintemm kuntratt tax-xogħol għaliex il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem marru sostanzjalment għall-agħar minħabba t-trasferiment tal-impriża, il-persuna li tħaddem titqies responsabbli għat-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol”.

12.

Skont l-Artikolu 1(2) tal-Kapitolu 8 tat-Työsopimuslaki, ħaddiem jista’ jtemm kuntratt tax-xogħol meta l-persuna li tħaddmu twettaq ksur serju ta’ obbligi li jkollhom impatt sostanzjali fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol, għall-inqas sad-data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ notifika.

13.

Skont l-Artikolu 5 tat-Työehtosopimuslaki (il-liġi dwar il-ftehim kollettivi), jekk il-persuna li tħaddem kienet parti għal ftehim kollettiv jew b’xi mod tkun marbuta bih, jiġu ttrasferiti fuq is-suċċessur tagħha d-drittijiet u l-obbligi kollha li skont l-istess ftehim kienu tal-predeċessur tagħha. Iċ-ċessjonarja għalhekk trid tosserva d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv li kien jorbot liċ-ċedenti sakemm dan jibqa’ validu u sussegwentement għandha tirrispetta l-ftehim kollettiv li tkun marbuta bih skont l-Artikolu 4 tat-Työehtosopimuslaki.

14.

L-Artikolu 2 tal-Kapitolu 12 tat-Työehtosopimuslaki jipprovdi għad-dritt tal-ħaddiem li jikseb kumpens mingħand il-persuna li tħaddmu għal tmiem mhux iġġustifikat tal-kuntratt tax-xogħol, billi l-persuna li tħaddmu tiġi obbligata tħallas kumpens jekk ma jkun hemm l-ebda wieħed mill-motivi pprovduti mit-Työehtosopimuslaki u li tħallas id-danni lill-ħaddiem fil-każ li dan ikun temm volontarjament il-kuntratt.

15.

L-Artikolu 2 tal-Kapitolu 12 tat-Työsopimuslaki jiffissa l-limiti tal-kumpens dovut lill-ħaddiem, li jista’ jvarja bejn 3 xhur u 24 xahar ta’ paga.

16.

Jekk il-persuna li tħaddem ittemm il-kuntratt għal motivi sostanzjali u rilevanti, il-ħaddiem ma jkollu l-ebda dritt għall-kumpens ipprovdut mill-Artikolu 2 tal-Kapitolu 12 tat-Työsopimuslaki, imma anki f’dan il-każ ikollu dritt li waqt il-perijodu ta’ notifika jirċievi l-paga u benefiċċji oħra. Jekk jintwera li l-persuna li tħaddem kellha raġuni partikolarment serja biex ittemm immedjatament il-kuntratt tax-xogħol, il-ħaddiem ma jkollu dritt la għall-paga u lanqas għall-benefiċċji l-oħra li ġejjin mir-relazzjoni ta’ xogħol.

17.

Anki l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 12 jobbliga lill-persuna li tħaddem li apposta jew bi traskuraġni tkun kisret jew ittraskurat l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol jew mit-Työsopimuslaki biex tħallas id-danni kkawżati lill-ħaddiem.

IV — Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Bid-digriet tal-24 ta’ Awwissu 2007, il-Korkein Oikeus, fil-kuntest tal-kawża li tara lil M. Juuri kontra l-impriża ċessjonarja, ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1.

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn ħaddiem stess ikun temm il-kuntratt tax-xogħol tiegħu wara li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu marru sostanzjalment għall-agħar minħabba t-trasferiment ta’ impriża, Stat Membru għandu, fis-sistema legali tiegħu, jiggarantixxi lill-ħaddiem id-dritt li jikseb mingħand il-persuna li tħaddmu kumpens għal danni bħal fil-każ meta l-persuna li tħaddem tkun temmet illegalment il-kuntratt tax-xogħol, anki jekk il-persuna li tħaddem tkun irrispettat skont l-Artikolu 3(3) tad-direttiva il-ftehim kollettiv tax-xogħol li kien jorbot liċ-ċedenti u kien jiggarantixxi kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiem, biss sakemm jiskadi u li dan id-deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jirriżulta minħabba din l-iskadenza?

2.

Fil-każ fejn ir-responsabbiltà tal-persuna li tħaddem, skont id-direttiva, ma tkunx daqstant estiża daqskemm ġie deskritt fl-ewwel domanda, għandha r-responsabbiltà ta’ min iħaddem tiġi implimentata xorta waħda, pereżempju, permezz tal-ħlas tal-paga u benefiċċji oħrajn għall-perijodu ta’ notifika li l-persuna li tħaddem trid tirrispetta?”.

19.

Bis-saħħa tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Finlandiż u dak Ungeriż, kif ukoll il-Kummissjoni ressqu noti ta’ osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

20.

Fis-seduta ġenerali tad-29 ta’ April 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat li għandhom isiru żewġ domandi bil-miktub lill-Gvern Finlandiż, liema risposti waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Mejju tal-istess sena.

V — Ir-riformulazzjoni tad-domandi preliminari

21.

Iż-żewġ domandi li qajmet il-Qorti Finlandiża jikkonċernaw l-istess fenomenu: il-bidla fis-sistema fid-dritt dwar ix-xogħol wara li skada l-ftehim kollettiv tas-settur metallurġiku. Dan il-punt ta’ tluq mhux daqstant paċifiku daqskemm jista’ jidher, peress li kemm iż-żewġ gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-proċedura preliminari kif ukoll il-Kummissjoni ttrattaw il-kwistjoni fin-noti tagħhom. L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23 jiġi applikat meta tiġi aċċertata l-legalità tal-bidla fil-liġi li jkollha impatt fuq il-kuntratt tax-xogħol. Jekk din il-bidla tkun illegali peress li tmur kontra l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva, ikun hemm effetti differenti. Għalhekk jeħtieġ li niċċaraw iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża prinċipali biex inkunu nistgħu nistabbilixxu jekk jeżistux elementi illegali, peress li l-ftehim kollettiv li għall-bidu kien jorbot lil M. Juuri skada dak inhar stess meta ġie ttrasferit in-negozju. Din il-kumbinazzjoni qajmet id-dubbji tal-Qorti tal-Ġustizzja u waslitha biex tagħmel ċerti domandi ( 5 ) lill-Gvern Finlandiż; dan il-fatt ukoll iwassalni biex nerġa’ nifformula d-domandi li għamlet il-Korkein Oikeus ( 6 ).

22.

F’dan il-każ, inqis li jeħtieġ li ngħaqdu ż-żewġ domandi li għamlet il-qorti nazzjonali biex imbagħad nanalizzaw dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ftehim kollettivi suċċessivi u b’hekk niċċaraw il-konsegwenzi fejn għandu x’jaqsam il-ħlas tad-danni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva.

23.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid iż-żewġ domandi preliminari b’dan il-mod:

1.

Is-salvagwardja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol miftiehma fi ftehim kollettiv sakemm jiskadi hija konformi mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 f’każ li t-trasferiment tal-impriża jaħbat meta jiskadi dan il-ftehim?

2.

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23/KE għandu jiġi interpretat bħala li l-Istat Membru għandu jiggarantixxi legalment lill-ħaddiem id-dritt li jikseb mingħand il-persuna li tħaddmu kumpens għad-danni, jew għandu jiġi interpetat esklussivament bħala dispożizzjoni li tattribwixxi responsabbiltà?

VI — Fuq l-ewwel domanda preliminari

24.

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 jistabbilixxi strument ta’ salvagwardja għall-ħaddiema, li joffri ċertezza għad-dritt tal-impjegati fil-każ li l-persuna li tħaddem tittrasferixxi l-impriża. Jekk jeżisti ftehim kollettiv li ġie konkluż qabel ma sar it-trasferiment, il-ħaddiema jistgħu jinvokawh sakemm jiskadi jew “sad-dħul fis-seħħ […] ta’ ftehim kollettiv ieħor”. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw iż-żmien ta’ din il-prerogattiva, sakemm dan ma jkunx għal perijodu ta’ mhux inqas minn sena ( 7 ).

25.

Id-Direttiva 2001/23 għandha l-għan li tilħaq bilanċ bejn l-istabbilità tar-relazzjoni ta’ xogħol u l-flessibbiltà organizzattiva tal-persuna li tħaddem. Il-ħaddiem iżomm id-drittijiet tiegħu wara t-trasferiment għal perijodu limitat. Meta dawn id-drittijiet ikunu se jispiċċaw, il-ħaddiem għandu d-dritt li jieħu deċiżjoni li tista’ twassal biex jiġi applikat l-Artikolu 4(2) tad-direttiva. Din id-dispożizzjoni tattribwixxi lill-persuna li tħaddem ir-responsabbiltà għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol meta t-trasferiment ikun jinvolvi “bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat” ( 8 ). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza qieset li dawn il-bidliet kienu ammissibbli, minkejja n-natura ta’ ordni pubbliku tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23, meta d-dritt nazzjonali tawtorizzahom fil-kors normali tar-relazzjoni ta’ xogħol, irrispettivament mit-trasferiment ( 9 ).

26.

L-Artikoli 3(3) u 4(2) tal-Direttiva 2001/23 ma jistgħux jiġu applikati b’detriment għal dispożizzjonijiet oħrajn ( 10 ). Il-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju jirrikonoxxi li l-ħaddiem għandu l-fakultà li jtemm il-kuntratt tax-xogħol tiegħu ġej minn deterjorament fir-relazzjoni mal-persuna li tħaddem, ikkawżat minn bidla fis-sitwazzjoni tas-soltu. Jidher biċ-ċar li l-Artikolu 3, minkejja li jipproteġi d-drittijiet oriġinali tal-ħaddiem, eventwalment jippermetti li jsiru bidliet fis-sistema tar-relazzjoni ta’ xogħol. Huwa proprju għaliex din il-bidla hija prevista li t-terminazzjoni tal-kuntratt skont id-Direttiva 2001/23, taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna partikolari, jiġifieri l-persuna li tħaddem ( 11 ). B’dan il-mod jitpaċa l-fatt li dispożizzjoni, li tipprojbixxi li jinbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, tkun suġġetta għal derogi. Bl-attribuzzjoni tar-responsabbiltà liċ-ċessjonarja, il-ħaddiem jista’ jżomm, għall-inqas mil-lat ekonomiku, id-drittijiet tiegħu ( 12 ).

27.

Il-konsegwenzi mil-lat tad-danni tat-terminazzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23 se jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari, imma f’din il-fażi jeħtieġ li nantiċipaw parti mir-raġunament biex insostnu r-riflessjonijiet sussegwenti.

28.

Is-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema pprovduta mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 timponi obbligu pożittiv fuq l-Istati Membri li, fl-aħħar mill-aħħar, jaqa’ fuq il-persuni li jħaddmu. Jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet kollha msemmija mid-dispożizzjonijiet, il-ħaddiem iżomm l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol wara t-trasferiment, b’mod indefinit jew, f’ċerti limiti, għal perijodu ddefinit ( 13 ). Madankollu, il-ksur ta’ dan l-Artikolu jimplika li l-ħaddiem jista’ jitlob, anki bi proċeduri legali, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol qabel it-trasferiment jew kumpens li jkun ekonomikament ekwivalenti ( 14 ). F’dan l-aħħar każ, qed nimxu skont id-dispożizzjonijiet sostantivi u proċedurali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna x-xogħol, imma mingħajr ma ninsew il-funzjoni tad-Direttiva 2001/23, li tindika l-għan li jrid jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

29.

F’dan il-kuntest, jidher ċar li d-dispożizzjoni inkwistjoni tistabbilixxi, indirettament u bħala rekwiżiti minimi, sistema doppja ta’ kumpens li japplika fil-mument li tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol. Fl-ewwel każ, il-ħaddiem itemm kuntratt tax-xogħol, imma jeżistu l-kundizzjonijiet li jissemmew fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23. Fit-tieni każ, it-tmiem tal-kuntratt fuq it-talba tal-ħaddiem issir wara li tinkiser l-imsemmija dispożizzjoni. Is-serjetà taż-żewġ possibbiltajiet hija differenti, peress li fit-tieni każ il-ħaddiem isib ruħu f’sitwazzjoni aktar żvantaġġjata u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna x-xogħol għalhekk trid tirreaġixxi b’mod aktar iebes fil-konfont tal-persuna li tħaddem. Din hija soluzzjoni li tiġi applikata anki jekk, minkejja li jkun hemm konformità formali mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23, tittwettaq frodi, ipoteżi li tista’ sseħħ f’dan il-każ, imma minħabba n-natura preliminari ta’ din il-proċedura dan għandu jiġi aċċertat mill-qorti nazzjonali.

30.

L-evalwazzjoni tal-evażjoni frawdolenti tal-liġi titlob elementi fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux dejjem ikollha ( 15 ). Madankollu, il-ġurisprudenza ( 16 ) toqgħod ferm attenta għall-kawżi fejn waħda mill-partijiet ikollha mġiba abużiva ( 17 ). Din is-sensittività kienet hemm anki f’kawżi li kellhom konnessjoni mal-liġi soċjali Komunitarja, speċifikatament fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23. Fil-kawża tal-15 ta’ Ġunju 1988, Bork International et ( 18 ), pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha każ ta’ sensja li ngħatat lill-ħaddiema kollha ta’ impriża, li sussegwentement ġiet ittrasferita, u parti sostanzjali mill-persunal preċedenti reġgħu ġew impjegati, imma b’kundizzjonijiet inqas tajba. Filwaqt li applikat metodu użwali, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-evalwazzjoni tal-fatti u l-applikazzjoni sussegwenti tad-dispożizzjonijiet Komunitarji jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali u semmiet il-kriterji li jridu jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-qorti tar-rinviju għandha twieżen “iċ-ċirkostanzi oġġettivi li fihom ngħatat is-sensja bħal, ngħidu aħna, il-fatt li din seħħet ftit qabel ma kien hemm it-trasferiment u li l-ħaddiema reġgħu ġew impjegati miċ-ċessjonarja [traduzzjoni mhux uffiċjali]” ( 19 ). Mill-evalwazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet irriżultat deċiżjoni li tikkonferma l-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23 għal sitwazzjoni bħal dik tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju ( 20 ).

31.

Kif nistgħu niddeduċu mis-sentenza Bork International et, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel tagħti lill-qorti nazzjonali marġni wiesa’ ta’ manuvrar, biex imbagħad tneħħihulha. Jekk jiġu imposti kriterji speċifiċi u tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti biex jissolva l-każ, tkun qed titnaqqas l-analiżi tal-elementi fattwali, biex b’hekk il-qorti nazzjonali tispiċċa f’sitwazzjoni diffiċli. Ma naqbilx ma’ dan il-modus procedendi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din hija teknika artifiċjali li tnaqqas l-istabbiltà tas-suġġetti tal-proċedura preliminari, u turi xewqa kbira ta’ protagoniżmu, imma anki viżjoni li ma tantx tirrispetta l-awtonomija istituzzjonali li jeħtieġ li jkollha l-qorti nazzjonali ( 21 ). F’dan il-każ, nistgħu nevitaw dan it-tip ta’ diskorsi, mingħajr ma tiġi affetwata la l-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-prerogativi tal-Korkein Oikeus.

32.

Meta ammetta li kellha tkun il-qorti nazzjonali li taċċerta jekk twettqitx evażjoni frawdolenti tal-liġi għaliex id-data tat-trasferiment tal-impriża kienet taħbat mad-data tal-iskadenza tal-ftehim kollettiv, il-Gvern Finlandiż ipprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja aktar elementi ta’ interess. Instab li l-ftehim li għall-bidu kien jorbot lil M. Juuri mal-persuna li kienet tħaddimha skada dak inhar tat-trasferiment. Ma kienx hemm estensjoni impliċita, peress li diversi xhur qabel ġie konkluż kuntratt ġdid tax-xogħol fis-settur, li kien jissostitwixxi b’mod sħiħ dak preċedenti. Il-perijodu li għadda bejn meta ġie ffirmat il-kuntratt il-ġdid u meta daħal fis-seħħ kien ferm qasir, lanqas xahar u nofs. Min-naħa l-oħra, l-imġiba taċ-ċedenti fil-perijodu ta’ qabel it-trasferiment u, fuq kollox, l-attenzjoni li ngħatat lill-impjegati u lir-rappreżentanti tagħhom, jitfgħu dawl fuq il-mod li bih twettqet l-operazzjoni. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tevalwa jekk dawn il-ftehim sussegwenti, kif ukoll iż-żmien li għadda u l-informazzjoni li ngħatat lill-ħaddiema, jippermettux li wieħed jaħseb li ċ-ċedenti u ċ-ċessjonarja għamlu evażjoni frawdolenti tal-liġi u, għaldaqstant, kisru d-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu li jinbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol f’każ ta’ trasferiment ta’ impriżi.

33.

Ladarba tagħti bidu għall-analiżi tal-fatti, il-qorti tar-rinviju, biex tadotta s-soluzzjoni legalment korretta, għandha jkollha kriterji ċari pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti Komunitarja ma tridx toqgħod lura milli tagħti l-kollaborazzjoni kollha tagħha u għal dan il-għan nisħaq fuq l-argumenti li żviluppajt fil-punti 29 sa 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet: jekk, fuq il-bażi tal-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Korkein Oikeus taċċerta ruħha li saret evażjoni frawdolenti tal-liġi, ikun hemm ksur tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23. In-nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni iwassal biex l-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva jiġi interpretat b’mod aktar restrittiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuna li tħaddem tkun kisret id-dispożizzjoni apposta u b’hekk ikun iġġustifikat li jitqies li r-responsabbiltà tagħha tkun aktar gravi.

34.

Bħala konsegwenza u b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, inqis li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 jipprekludi li l-kundizzjonijiet tax-xogħol maqbula bi ftehim kollettiv jonqsu meta jiskadi dan il-ftehim, meta t-trasferimenti tal-impriża taħbat mal-imsemmija skadenza, u ċ-ċedenti u ċ-ċessjonarja jkunu aġixxew b’mod frawdolenti għal-liġi. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-fatt li d-data tat-trasferiment kienet taħbat ma’ dik tal-iskadenza tal-ftehim kollettiv kinitx imġiba frawdolenti.

35.

Issa jeħtieġ li nippreċiżaw il-portata u l-limiti ta’ din ir-responsabbiltà, jiġifieri li nagħtu interpretazzjoni lill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23.

VII — Fuq it-tieni domanda preliminari

36.

Il-Gvern Finlandiż u dak Ungeriż, flimkien mal-Kummissjoni, jaqblu li kulma jagħmel l-imsemmi Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23 huwa li jqassam ir-responsabbiltà wara bidla sostanzjali fir-relazzjoni ta’ xogħol. Għaldaqstant, id-Direttiva 2001/23, meta tiddefinixxi l-istatus legali tal-ħaddiem involut fit-trasferiment, ma għandiex l-għan li tagħtih vantaġġ konkret. Din it-teżi tiġi kkonfermata jekk id-direttiva tkun strument ta’ livell minimu ta’ armonizzazzjoni, fejn l-interpretazzjoni tagħha teħtieġ li l-leġiżlatur Komunitarju jkollu marġni wiesa’ ta’ manuvrar ( 22 ). Minkejja li essenzjalment naqbel ma’ din it-teżi, jeħtieġ li nagħtu interpretazzjoni lil din id-dispożizzjoni. Il-fatt li l-Komunità tat bidu għal livell minimu ta’ armonizzazzjoni ma jfissirx li rridu neskludu a priori kwalunkwe xorta ta’ protezzjoni ekonomika tal-ħaddiema. Naslu għal soluzzjoni adegwata biss permezz ta’ eżami dettaljat tat-test u għal dan il-għan jeħtieġ li nisseparaw il-partijiet differenti li jifformaw id-dispożizzjoni.

A — Il-bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol a skapitu tal-ħaddiem

37.

Il-premessa li tippermetti li ħaddiem itemm il-kuntratt u li t-tmiem tal-kuntratt jiġi invokat kontra l-persuna li tħaddmu tinsab fl-ewwel parti tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, fejn it-trasferiment irid “jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat”.

38.

Il-qorti nazzjonali qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi jekk f’dan il-każ kienx hemm bidla sostanzjali a skapitu ta’ M. Juuri. Minkejja li d-dritt Finlandiż żgur li joffri lill-Korkein Oikeus l-istrumenti biex tiddeċiedi mod jew ieħor, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi l-kriterji biex tevalwa jekk kienx hemm modifika in pejus ( 23 ). Fil-kawża Merckx u Neuhuys ( 24 ), żewġ ħaddiema kienu temmew il-kuntratt tax-xogħol tagħhom skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, meta l-persuna l-ġdida li bdiet tħaddimhom irrifjutat li tiggarantilhom il-ħlas li kellhom qabel, li kien jiġi kkalkulat skont il-fatturat. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għażlet li tevalwa direttament il-fatti, fejn iddikjarat li “bidla fil-livell tal-ħlas mogħti lill-ħaddiema kienet fost il-bidliet sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol skont din id-dispożizzjoni, anki meta l-ħlas kien jiddependi b’mod partikolari mill-fatturat miksub [traduzzjoni mhux uffiċjali]” ( 25 ).

39.

Xi snin wara, is-sentenza fil-kawża Delahaye ( 26 ) ippermettiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni għal darb’oħra dwar il-“bidliet sostanzjali” fil-kuntratt tax-xogħol, imma b’mod differenti għal dak li ġie adottat fil-kawża Merckx u Neuhuys. F’kawża li ħaddiema fetħet kontra l-persuna l-ġdida li bdiet tħaddimha minħabba tnaqqis fil-paga ta’ 37 %, is-sentenza ma pprovdietx lill-qorti nazzjonali risposta konkreta, imma kienet tikkonstata biss li “l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar is-sitwazzjoni ta’ l-impjegati tal-Gvern iġġib magħha tnaqqis fir-remunerazzjoni ta’ l-impjegati effettwati mit-trasferiment. Tali tnaqqis għandu, meta jkun sostanzjali, jiġi kkunsidrat bħala bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegati in kwistjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva” ( 27 ).

40.

Is-sentenza Delahaye, b’differenza għal dik fil-kawża Merckx u Neuhuys, saħqet b’mod aktar sod li l-bidla kellha tkun waħda “sostanzjali”, mingħajr ma evalwat il-fatti tal-kawża prinċipali. Madankollu, iż-żewġ deċiżjonijiet ittieħdu f’kuntesti simili, fejn kien hemm tnaqqis fil-paga li wassal lill-ħaddiem biex itemm b’mod unilaterali l-kuntratt tiegħu. Biex nifhmu dak li tfisser id-Direttiva 2001/23 b’bidla “sostanzjali”, jeħtieġ li nadottaw interpretazzjoni suġġettiva tal-espressjoni billi nqisu lill-ħaddiem mil-lat ġuridiku u ekonomiku. Jekk nagħżlu li nagħtu interpretazzjoni oġġettiva tal-espressjoni, fejn inqisu fatturi barranin għas-sitwazzjoni individwali tal-ħaddiem, inkunu qegħdin nirriskjaw li naslu għal riżultati li ma jkunux kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 2001/23. Fiż-żewġ kawżi msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat lill-qorti nazzjonali elementi oħrajn, anki dawn rilevanti, li kienu bbilanċjati favur it-tmiem unilaterali tal-kuntratt tax-xogħol. Fil-kawża Delahaye, is-sentenza semmiet l-anzjanità tar-rikorrenti, sabiex titqies is-sitwazzjoni globali tal-ħaddiema ( 28 ). Is-sentenza Merckx u Neuhuys, minkejja li fil-punt 38 tagħha ma ssemmietx fatturi rilevanti oħrajn, enfasizzat li s-sitwazzjoni tar-rikorenti ma kinitx kompromessa biss mil-lat tal-ħlas, għaliex it-trasferiment tal-impriża kien wassal anki biex jinbidel il-post tax-xogħol ( 29 ).

41.

Jidher għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk ma ddikjaratx dan b’mod espliċitu, għażlet definizzjoni suġġettiva tal-espressjoni “bidla sostanzjali”, li tqis iċ-ċirkustanzi tal-fatt u tad-dritt li fihom il-ħaddiem itemm il-kuntratt tiegħu skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tevalwa dawn iċ-ċirkustanzi fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fis-sentenzi Merckx u Delahaye. Jekk napplikaw dawn il-kriterji fil-każ ta’ M. Juuri, nosservaw li l-ħlas tagħha tnaqqas b’mod proporzjonali għas-sigħat tax-xogħol li bdiet taħdem. Barra minn hekk, il-bidla fil-ftehim kollettiv setgħet introduċiet differenzi oħrajn li għandhom jitqiesu fil-kawża prinċipali, peress li dawn jistgħu jkunu elementi addizzjonali li fuq il-bażi tagħhom tiġi evalwata n-natura vera tal-bidliet li saru. Flimkien ma’ dawn hemm il-bidla okkażjonali u mhux kontinwa fil-post tax-xogħol ta’ M. Juuri. Il-qorti nazzjonali trid tevalwa jekk, fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-każ ta’ M. Juuri, dawn il-fatturi kollha jikkostitwux bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

B — L-attribuzzjoni tar-responsabbiltà lill-persuna li tħaddem: punt ta’ tluq jew ta’ wasla?

42.

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, meta jkun hemm bidla sostanzjali fir-relazzjoni ta’ xogħol, “min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg”. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qed issostni li dawn il-kelmiet jinkludu mhux biss regola biex tiġi attribwita r-responsabbiltà imma anki regola li tikkonċerna l-konsegwenzi ekonomiċi tat-terminazzjoni tal-kuntratt. Fil-proċedura li tat bidu għal dan ir-rivinju preliminari, il-Korkein Oikeus tagħmel domandi rigward kemm għandu jkun kbir il-ħlas tad-danni ta’ M. Juuri f’każ li d-Direttiva 2001/23 tmur lil hinn mis-sempliċi attribuzzjoni tar-responsabbiltà, u d-dubji tagħha joxxillaw bejn il-ħlas għad-danni pprovdut mid-dritt Finlandiż f’każ ta’ tmiem mhux iġġustifikat tal-kuntratt u dak relatat mal-perijodu ta’ notifika li trid tirrispetta l-persuna li tħaddem.

43.

Naqbel mal-Gvern Finlandiż u dak Ungeriż, kif ukoll mal-Kummissjoni, li d-Direttiva 2001/23 tistabblixxi biss tqassim tar-responsabbiltà. Jekk il-leġiżlatur Komunitarju ried jippreċiża l-effett ekonomiku tat-terminazzjoni, kien igħid dan b’mod ċar. L-iskop tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23 huwa li jqassam ir-responsabbiltà tat-terminazzjoni, u mhux li jippreċiża l-konsegwenzi legali. Din it-teżi hija bbażata fuq analiżi grammatikali imma anki teleoloġika tad-Direttiva 2001/23 u ta’ dispożizzjonijiet oħrajn ta’ armonizzazzjoni tal-liġi soċjali Komunitarja ( 30 ).

1. Taking words seriously

44.

Ta’ spiss l-interpretazzjoni filoloġika mhijiex l-aħjar strument li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-ġurista, imma hija dejjem l-ewwel pass li għandu jittieħed. Id-dritt Komunitarju, leġiżlazzjoni li tħejjiet f’firxa wiesgħa ta’ ilsna, kollha uffiċjali, issib argumenti validi fl-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tagħha ( 31 ), vantaġġ li xi drabi jsir difett, u li jagħti lok għal konfużjoni meta niġu biex nidentifikaw id-dispożizzjonijiet applikabbli f’każ konkret ( 32 ). Dan il-każ jaqa’ fit-tieni kategorija, fejn l-għadd ta’ ilsna aktar jagħmlu s-sitwazzjoni diffiċli milli jiċċarawha. Għalhekk jeħtieġ li neżaminaw it-termini li ntużaw fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23.

45.

Bl-Ispanjol, l-aħħar frażi tad-dispożizzjoni tgħid eżattament li t-tmiem tal-kuntratt “se considerará imputable al empresario”. Il-verżjoni Spanjola, għalhekk, l-istess bħal dik Franċiża, Ċeka u Ġermaniża tirreferi għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà ( 33 ). Traduzzjonijiet oħrajn tad-dispożizzjoni jsemmu r-responsabbiltà tal-persuna li tħaddem, mingħajr ma jirreferu għall-attribuzzjoni tagħha. Dan huwa l-każ fil-verżjonijiet bit-Taljan, bil-Portugiż, bil-Pollak, bil-Bulgaru u bl-Ingliż, fejn, pereżempju, it-terminazzjoni “è considerata come dovuta alla responsabilità del datore di lavoro” ( 34 ). Għaldaqstant, ċerti verżjonijiet jenfasizzaw l-attribuzzjoni filwaqt li oħrajn ir-responsabbiltà ( 35 ). B’mod ġenerali, il-verżjonijiet orjentati lejn ir-“responsabbiltà” jirriflettu rieda min-naħa tal-leġiżlatur li tmur lil hinn mis-sempiċi attribuzzjoni u jsostnu interpretazzjoni awtonoma tat-terminu, li l-kontenut ekonomiku tiegħu jiġi ddefinit mid-dritt Komunitarju u mhux minn dak nazzjonali.

46.

Nirrepeti l-kliem li bihom ftaħt dan il-kapitolu, fejn semmejt kif l-interpretazzjoni grammatikali, ċerti darbi, tagħti lok għal aktar inċertezza milli għal konverġenza evidenti. L-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet miktuba tikseb importanza partikolari meta l-analiżi tagħha tispiċċa bħala evalwazzjoni li tinftiehem faċilment, imma mhux f’każi bħal dan, fejn il-kelmiet u t-traduzzjoni tagħhom jipproduċu riżultati differenti u kontradittorji. Ma naħsibx li s-sens impliċitu ta’ ċerti verżjonijiet jista’ jwassal għal konsegwenzi legali rilevanti, għaliex jekk nimxu għal għonq din it-triq ma naslu mkien għajr f’art mimlija ħotob.

47.

L-arbitrarjetà apparenti li biha jintużaw it-termini “attribuzzjoni” u “responsabbiltà” fid-diversi traduzzjonijiet uffiċjali jwassalni biex inqis li s-soluzzjoni ma tinsabx f’interpretazzjoni litterali, imma fl-għan tad-dispożizzjoni.

2. Taking goals seriously

48.

Id-Direttiva 2001/23, l-istess bħal testi regolatorji tal-liġi soċjali Komunitarja, għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema fis-suq domestiku Ewropew. Il-modi li bihom din tissalvagwardja l-parti l-aktar dgħajfa tar-relazzjoni ta’ xogħol għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest, li jippreżumi livell armonizzat ta’ salvagwardja fi ħdan il-Komunità, fejn id-differenzi leġiżlattivi ma għandhomx jostakolaw il-moviment liberu tal-fatturi tal-produzzjoni ( 36 ). Id-dispożizzjonijiet f’ambitu soċjali għaldaqstant jirrappreżentaw regoli kumplessi minħabba l-għanijiet tagħhom, imma anki minħabba l-karatteristiċi u l-effetti li jkollhom. Mhux kumbinazzjoni li f’dan l-ambitu sar użu mid-direttiva u b’mod partikolari minn direttivi li jistabbilixxu kundizzjonijiet minimi, li r-regoli tagħhom jħallu spazju għal salvagwardja akbar fuq livell nazzjonali ( 37 ).

49.

L-atteġġjament protettiv huwa rifless fil-preambolu għad-Direttiva 2001/23 li ġiet adottata “għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati” ( 38 ). Għal dan il-għan, il-leġiżlatur iddeċieda li jtaffi d-differenzi li kien hemm fl-Istati Membri “f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni ta’ impjegati” ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-avukati ġenerali interpretaw id-Direttiva 2001/23 billi enfasizzaw l-importanza tal-aspetti soċjali tagħha. L-Avukat Ġenerali Cosmas, fil-konklużjonijiet tiegħu rigward il-kawża L. Spano, irrikonoxxa li “[d]in hija […] liġi li għandha skop definittivament soċjali [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, ( 40 ) affermazzjoni li ġiet ripetuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 41 ).

50.

Ma’ dan l-iskop soċjali, madankollu, hemm marbuta għanijiet oħrajn. Id-Direttiva 2001/23, l-istess bħal dik li kien hemm qabilha, jiġifieri d-Direttiva 77/187, b’mod ċar kienet qed tfittex bilanċ bejn is-salvagwardja tal-ħaddiema u l-inkoraġġiment tal-flessibbiltà organizzattiva tal-impriżi ( 42 ). Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet Komunitarji pprovaw itaffu r-riġidità ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali, li l-applikazzjoni tagħhom kienet tikkontribwixxi mhux biss biex ir-ristrutturazzjoni f’ċerti setturi tkun aktar diffiċli, imma li tagħmel ostakli lill-moviment liberu u lill-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern. Il-konverġenza tal-interessi hija evidenti jekk inqabblu l-verżjoni oriġinali tal-Kummissjoni ( 43 ) ma’ dik li adotta l-Kunsill. Mit-test definittiv jirriżulta t-tħassib kbir biex is-salvagwardja tal-ħaddiema tkun ikkonċiljata mal-inkoraġġiment tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni tal-impriżi, element li jidher ċar fid-dispożizzjonijiet li qed jiġu diskussi hawnhekk. Fil-punti 25 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, semmejt kif id-drittijiet tal-ħaddiema, wara t-trasferiment tal-impriża, jistgħu jinżammu għal ċertu perijodu definit jew indefinit. Id-Direttiva 2001/23 tagħti liċ-ċessjonarja marġni wiesa’ ta’ manuvrar biex tbiddel il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tagħha, imma tikkumpensa din il-flessibbiltà b’għadd ta’ miżuri favur il-ħaddiema, fost l-oħrajn, il-fakultà ta’ terminazzjoni unilaterali. Dan ir-riżultat jikkonċilja l-interessi taż-żewġ partijiet, peress li d-Direttiva 2001/23 tipprovdi anki li l-persuna li tħaddem titqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem imorru għall-agħar minħabba t-trasferiment. Diġà fl-1974, fil-proposta għad-direttiva tagħha, l-istess Kummissjoni kienet ikkonfermat li l-Artikolu 4, minħabba dan l-ibbilanċjar, kulma kien se jagħmel kien li jqassam il-ħtija, fejn iħalli f’idejn id-drittijiet nazzjonali biex jippreċiżaw il-limiti tagħha ( 44 ).

51.

Bilanċ bejn is-salvagwardja tal-ħaddiem u l-flessibbiltà imprenditorjali jintlaħaq jekk inħallu f’idejn id-dritt nazzjonali d-definizzjoni tal-iskema tal-kumpens. Id-Direttiva 2001/23, liġi li tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi u li r-regoli tagħha jistgħu jissaħħu f’kuntest nazzjonali, tipprovdi soluzzjoni raġonevoli. Minn naħa, hija tiggarantixxi lill-ħaddiem li ċ-ċessjonarja se żżommu ’il bogħod minn kwalunkwe deterjorament fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, tħalli f’idejn id-dritt nazzjonali biex jippreċiża l-ammont ekonomiku tad-danni. Rigward l-għanijiet tad-Direttiva 2001/23, jiena konvint li l-Artikolu 4(2) jimponi attribuzzjoni u mhux kwalifika tar-responsabbiltà tal-persuna li qed tħaddem.

3. Taking directives seriously

52.

Hemm elementi sistematiċi oħrajn li jsostnu interpretazzjoni restrittiva tal-imsemmi Artikolu 4(2). Il-liġi soċjali Komunitarja kollha għandha l-istess għan li bih l-istituzzjonijiet adottaw id-Direttiva 2001/23, peress li, meta riedu jiddefinixxu s-sistema ta’ kumpens applikabbli għal min qed jagħmel it-talba, għamlu dan mingħajr ambigwità. Bil-kontra, għalhekk nistgħu niddeduċu li kulma jagħmel l-Artikolu 4(2) huwa li jattribwixxi r-responsabbiltà lill-persuna li tħaddem, mingħajr ma jiddefiniha.

53.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol ( 45 ), li d-dispożizzjonijiet tiegħu essenzjalment jikkodifikaw id-dispożizzjonijiet Komunitarji kontra d-diskriminazzjoni, jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu mekkaniżmi għal ħlas ta’ danni għal dawk kollha li kienu vittmi ta’ xi xorta ta’ diskriminazzjoni. Fil-prinċipju, dan jippromwovi l-introduzzjoni ta’ miżuri “meħtieġa sabiex jassiguraw kumpens jew riparazzjoni”, sakemm ikunu “reali u effettivi”, kif ukoll “dissważiv[i] u proporzjonat[i]”. Id-dispożizzjoni għandha t-tendenza li ddaħħal element ta’ portata Komunitarja evidenti fid-drittijiet nazzjonali, partikolarment rigward l-ambjent tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni dwar il-ħlas tad-danni ( 46 ). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2006/54 mhux biss tattribwixxi r-responsabbiltà lill-persuna li tħaddem, imma anki tipprojbixxi l-limiti massimi, sabiex tissalvagwardja d-drittijiet tal-vittmi tad-diskriminazzjoni ( 47 ). Għaldaqstant din hija xi ħaġa ferm differenti mill-kontenut tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23.

54.

Id-Direttiva 2004/113/KE li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi ( 48 ), tipproponi soluzzjoni simili, peress li f’termini simili għal dawk li ntużaw mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/54, tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintroduċu l-“miżuri li huma meħtieġa biex jiġi żgurat kumpens jew riparazzjoni reali u effettiv, kif l-Istati Membri hekk jiddeterminaw, għat-telf u d-dannu sostnut minn persuna inġurjata bħala riżultat ta’ diskriminazzjoni […] b’mod li jkun dissważiv u proporzjonali għad-dannu sofrut”. Id-dispożizzjoni timponi lid-dritt nazzjonali mhux biss obbligu pożittiv, imma anki wieħed negattiv, billi tipprovdi anki li “[l]-iffissar ta’ limitu superjuri preċedentement m’għandux jirrestrinġi tali kumpens jew riparazzjoni”.

55.

Id-dispożizzjonijiet soċjali ta’ armonizzazzjoni l-oħra ma jsemmux l-obbligu tal-ħlas tad-danni li jmur mal-ksur tad-dispożizzjonijiet min-naħa tal-persuna li tħaddem. Id-Direttiva 2001/23 hija espressiva imma mhix daqstant ċara daqs id-Direttivi 2004/113 u 2006/54, li jwassalni biex inqis li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, meta jintroduċi kriterju ta’ attribuzzjoni tar-responsabbiltà imma mhux sistema awtonoma għal din ir-responsabbiltà, għandu bilanċ ġust. Ma fadalli xejn xi nżid ħlief li, b’riserva għall-punti 25 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont dak li nnotajt f’dik is-sede, l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 huma komplementari għal xulxin, li fil-fehma tiegħi, jagħtu lok għal ċertu varjazzjonijiet fl-interpretazzjoni meta jiġu applikati.

4. L-eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-attribuzzjoni: element ta’ klassifikazzjoni

56.

Jiena sostnejt li t-tmiem ta’ kuntratt tax-xogħol ibbażat fuq il-konformità mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 ma għandux jitqies bħala ekwivalenti għal tmiem ta’ kuntratt ibbażat fuq nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni. Hemm differenza fl-imġiba tal-persuna li tħaddem li teħtieġ applikazzjoni flessibbli tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, skont iċ-ċirkustanzi. Dawn il-konsegwenzi jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li timponi lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu ċerta protezzjoni proċedurali u sostanzjali skont il-prinċipji tal-effikaċja u tal-ekwivalenza, anki f’setturi suġġetti għal livell minimu ta’ armonizzazzjoni ( 49 ). B’hekk, jekk wara t-trasferiment iċ-ċessjonarja kienet konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, imma l-kuntratt tax-xogħol ġie tterminat skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-Direttiva, ir-responsabbiltà tibqa’ suġġetta għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna x-xogħol. Jekk dan ma kienx il-każ, inqis li l-Artikolu 4(2), minkejja li ma jiddefinix sistema ta’ kumpens partikolari, jimponi lill-Istat Membru li jipprovdi trattament differenti anki permezz tad-dritt domestiku tiegħu.

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tridx tindika lill-Korkein Oikeus is-sistema tal-ħlas tad-danni l-aktar adattata għat-talba ta’ M. Juuri. Minflok għandha tipprovdilha orjentament u tindikalha li d-Direttiva 2001/23 tipprovdi żewġ livelli ta’ responsabbiltà. Id-dritt Komunitarju mhux interessat fir-riżultat ekonomiku konkret, imma għandu l-għan li jara li sitwazzjonijiet ferm differenti ma jipproduċux l-istess effetti legali ( 50 ). Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tidentifika s-soluzzjoni l-aktar adattata fejn għandha x’taqsam ir-responsabbiltà, sakemm tuża kriterju flessibbli, ibbażat fuq l-imsemmi Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, flimkien mal-Artikolu 4(2) tal-istess Direttiva.

58.

Fi ftit kliem, għalhekk jeħtieġ li nirrispondu lit-tieni domanda preliminari billi ngħidu li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li tattribwixxi r-responsabbiltà. Madankollu, id-dritt Komunitarju jimponi ċerta klassifikazzjoni tar-responsabbiltà skont jekk kienx hemm konformità jew le mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23. Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tapplika ċ-ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti stabbiliti mid-dritt nazzjonali tagħha.

VIII — Konklużjoni

59.

Minħabba l-kunsiderazzjonjiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lid-domandi preliminari tal-Korkein Oikeus, billi tiddikjara li:

“1)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, jipprekludi li l-kundizzjonijiet tax-xogħol maqbula bi ftehim kollettiv jonqsu meta jiskadi dan il-ftehim, meta t-trasferiment tal-impriża jaħbat mal-isemmija skadenza u meta ċ-ċedenti u ċ-ċessjonarja jkunu aġixxew b’mod frawdolenti għal-liġi. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-fatt li d-data tat-trasferiment kienet taħbat ma’ dik tal-iskadenza tal-ftehim kollettiv hiex imġiba frawdolenti.

2)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat esklussivament bħala dispożizzjoni li tattribwixxi r-responsabbiltà. Madankollu, id-dritt Komunitarju jimponi ċerta klassifikazzjoni tar-responsabbiltà skont jekk kienx hemm konformità jew le mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23. Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tapplika ċ-ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti stabbiliti mid-dritt nazzjonali tagħha.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, p. 16), li tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad- (ĠU L 201, p. 88).

( 3 ) Issellift din l-espressjoni mingħand M.C. Rodríguez-Piñero Royo, “Transmisión de empresas y derecho europeo”, f’La transmisión de empresas en Europa, Cacucci Editore, Bari, 1999, p. 1, fejn l-awtur isostni li l-liġi soċjali Komunitarja, minkejja l-importanza li għandha, tikkonċerna biss ċerti aspetti tad-dritt u teskludi l-bqija minn kwalunkwe armonizzazzjoni. B’hekk tirriżulta dik li tissejjaħ “struttura insulari” jew “f’forma ta’ arċipelagu” tad-dritt Komunitarju li jikkonċerna x-xogħol, fejn tingħata attenzjoni biss lil ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-kontra tad-dritt domestiku li jikkonċerna x-xogħol, aktar “kontinentali” u li jkopri fejn għandhom x’jaqsmu l-aspetti kollha tar-relazzjoni ta’ xogħol.

( 4 ) Niftakar il-pariri li Don Kixott ta lil Sancho Panza qabel ma dan ħa f’idejh ir-riedni tat-tmexxija tal-gżira ta’ Barataria. Konxju li t-tagħlim tiegħu kien b’saħħtu biss daqskemm kienu b’saħħithom l-argumenti tiegħu, Don Kixott itemm id-diskors tiegħu b’din l-affermazzjoni: “Li d-dmugħ tal-fqir isibu fik aktar mogħdrija imma mhux aktar smigħ mit-talbiet tas-sinjur. Ipprova skopri l-verità kemm permezz tal-wegħdiet u r-rigali tas-sinjur, kif ukoll mill-ilfiq u mill-fittaġni tal-fqir. Meta jista’ u għandu ikun hemm lok għall-ugwaljanza, twaqqax fuq il-ħati l-ħaqq kollu tal-liġi, għaliex ir-reputazzjoni tal-aktar imħallef rigoruż mhix aħjar minn dik ta’ imħallef li jkollu qalbu tajba […]” [traduzzjoni libera M. de Cervantes,, El ingenioso caballero Don Quijote de la Mancha, it-tieni parti, il-Kapitolu XLII, edizzjoni, introduzzjoni u noti ta’ Martín de Riquer, Ed. RBA, Barċellona, 1994, p. 935.

( 5 ) Id-domandi li saru bil-miktub lill-Gvern Finlandiż kienu limitati għas-sistema li daħħlet fis-seħħ u li temmet il-ftehim kollettiv tas-settur metallurġiku.

( 6 ) Ir-riformulazzjoni hija prattika kkonsolidata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-Kawża Schwarze (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1965, 16/65, Ġabra p. 1081). Aktar reċenti minn hekk, is-sentenzi tas-, Merckx u Neuhuys (C-171/94 u C-172/94, Ġabra p. I-1253, punt 28); tat-, Sutton (C-66/95, Ġabra p. I-2163, punt 35); tas-, Krüger (C-334/95, Ġabra p. I-4517, punt 22); tat-, Tabouillot (C-284/96, Ġabra p. I-7471, punti 20 u 21); tat-, Roquette Frères (C-88/99, Ġabra p. I-10465, punt 18); tal-, Ravil (C-469/00, Ġabra p. I-5053, punt 27); tal-, Haug (C-286/05, Ġabra p. I-4121, punt 17); u tal-, Rampion u Godard (C-429/05, Ġabra p. I-8017, punt 27). F’artiklu li ġie ppubblikat fl-1998, “La cooperación entre el Tribunal de Justicia y los jueces nacionales. Límites del procedimiento prejudicial”, fi Scritti in onore di G. F. Mancini, Milan, 1998, p. 481 u 482, faħħart din it-teknika tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward ara anki A. Adinolfi, L'accertamento in via pregiudiziale della validità di atti comunitari, Milan, 1997, p. 129 sa 137, u M. Jimeno Bulnes, La cuestión prejudicial del artículo 177 CEE, Barċellona, 1996, p. 365 u 366. Fil-ktieb magħruf ta’ H. Rasmussen, On Law and Policy in the European Court of Justice, Dordrecht, 1986, p. 481 u 482, insibu kritika iebsa kontra t-teknika tar-riformulazzjoni.

( 7 ) It-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23.

( 8 ) Il-bidu tad-Direttiva 2001/23 flimkien mal-emendi tagħha juru li l-kunsens politiku li ntlaħaq jiġġustifika l-flessibbiltà tad-dispożizzjonijiet tagħha. Ara f’dan ir-rigward, S. Hardy u R. Painter, “Revising the Acquired Rights Directive”, Industrial Law Journal, vol. 25, Nru. 2, 1996.

( 9 ) Jekk nilqgħu d-duttrina ddefinita fis-sentenza tal-10 ta’ Frar 1988, Tellerup, magħruf bħala “Daddy’s Dance Hall” (324/86, Ġabra, p. 739), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li “[…] bidla ta’ din ix-xorta mhix eskluża minħabba s-sempliċi fatt li l-impriża sadanittant ġiet ittrasferita u li, għaldaqstant, il-ftehim ġie konkluż mal-kap il-ġdid tal-impriża. Tabilħaqq, peress li ċ-ċessjonarju, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/187, ħa post iċ-ċedent fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol, dan jista’ jinbidel fil-konfront taċ-ċessjonarju fl-istess limiti li fihom il-bidla kienet tkun possibbli fil-konfront taċ-ċedent; naturalment, fl-ebda każ it-trasferiment tal-impriża ma jista’ jikkostitwixxi fih innifsu il-motiv għal din il-bidla [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (sentenza tat-, Watson Rask u Christensen, C-209/91, Ġabra p. I-5755, punt 28).

( 10 ) Din hija l-interpretazzjoni ta’ C. Barnard, EC Employment Law, it-tielet edizzjoni, Oxford University Press, Oxford, 2006, p. 663 u 664.

( 11 ) Jitkellem dwar il-flessibbiltà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol G. Arrigo, Il diritto del lavoro dell'Unione europea, parti II, Guiffrè, Milan, 2001, p. 97 sa 103.

( 12 ) Din il-flessibbiltà mhix eskluża mill-problemi ta’ interpretazzjoni, kif jenfasizza C. Barnard, op. cit., p. 657 u 658.

( 13 ) In-natura ta’ ordni pubbliku tad-drittijiet stabbiliti mid-Direttiva 2001/23 ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet. L-ewwel darba, fl-imsemmija kawża Daddy’s Dance Hall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “l-ħaddiema kkonċernati ma għandhomx il-fakultà li jirrinunzjaw għad-drittijiet li ngħatawlhom mid-direttiva u […], anki jekk bil-kunsens tagħhom, mhux permess tnaqqis f’dawn id-drittijiet. Din l-interpretazzjoni mhix invalidata miċ-ċirkustanza li, bħal f’dan il-każ, bi tpattija għad-diffikultajiet li nqalgħulhom minħabba bidla fir-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiem jikseb vantaġġi ġodda sabiex, kollox ma’ kollox, ma jsibx ruħu f’sitwazzjoni inqas sfavorevoli minn dik ta’ qabel [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Din id-duttrina ġiet ikkonfermata mis-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, D’Urso et (C-362/89, Ġabra p. I-4105, punt 9); Watson Rask u Christensen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28); tal-, Rotsart de Hertaing (C-305/94, Ġabra p. I-5927, punt 18); tas-, Martin et (C-4/01, Ġabra p. I-12859, punti 42 u 43); u tad-, Werhof (C-499/04, Ġabra p. I-2397, punt 26).

( 14 ) Għandu jkun id-dritt nazzjonali li jippreċiża l-effetti legali tan-nuqqas ta’ twettiq, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Danmols Inventar (105/84, Ġabra p. 2639, punti 26 sa 28); tal-, Berg u Busschers (144/87 u 145/87, Ġabra p. 2559); tas-, Katsikas et (C-132/91, C-138/91 u C-139/91, Ġabra p. I-6577, punt 21); u tat-, Europièces (C-399/96, Ġabra p. I-6965, punt 37).

( 15 ) Ikun hemm “evażjoni frawdolenti tal-liġi” meta “los actos realizados al abrigo de una norma persigan un resultado prohibido por el ordenamiento jurídico […], sin impedir la debida aplicación de la norma que se hubiere querido eludir” (l-atti mwettqa skont l-liġi jkollhom riżultat ipprojbit mill-ordni ġuridiku, mingħajr ma jimpedixxu l-applikazzjoni regolari tal-liġi li kellha tiġi eluża). Din hija d-definizzjoni tal-Artikolu 6(4) tal-Kodiċi Ċivili Spanjol, simili għal dik tal-Artikolu 1344 tal-Kodiċi Ċivili Taljana, li madankollu jillimita l-appplikazzjoni tiegħu għal kuntratti: “si reputa altresì illecita la causa quando il contratto costituisce il mezzo per eludere l’applicazione di una norma imperativa” (il-kawża titqies illegali anki meta l-kuntratt ikun il-mezz biex tiġi eluża l-applikazzjoni ta’ regola perentorja). Mingħajr ma jsemmi l-frodi, l-Artikolu 39 tal-Kodiċi Ċivili Ċek jiddeskriviha f’termini simili: “Neplatný je právní úkon, který svým obsahem nebo účelem odporuje zákonu nebo jej obchází anebo se příčí dobrým mravům” (Kwalunkwe att legali li l-kontenut jew l-għan tiegħu ikun inkompatibbli mal-liġi, jew jeludiha jew ikun kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità għandu jkun null]). Fid-dritt Franċiż, l-evażjoni frawdolenti tal-liġi nbniet aktar permezz tal-ġurisprudenza milli permezz tal-leġiżlazzjoni, imma l-Artikolu 336 tal-Kodiċi Ċivili jsemmiha espliċitament. Fil-liġijiet nazzjonali hemm ċerta konfużjoni kunċettwali bejn “evażjoni frawdolenti tal-liġi” u “abbuż mid-dritt”, anki b’relazzjoni għal kunċetti legali oħrajn, bħall-bona fede. Kif jammetti J.M. Miquel González, Comentario al artículo 7, “Comentario del Código Civil”, Ministerio de Justicia, Madrid, 1993, p. 45, “Id-differenzi bejn iż-żewġ termini mhumiex ċari. It-tentattivi tad-duttrina li tiddefinihom ma laħqux l-iskop tagħhom. Lanqas il-ġurisprudenza ma rnexxielha tikseb riżultati sodisfaċenti […]”. Ma naħsibx li hemm għalxiex intawlu aktar dwar id-differenzi bejn dawn it-termini, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja dan ma għamlitux.

( 16 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddelegat lill-qrati nazzjonali l-analiżi tal-elementi fattwali fil-każi fejn issemmiet evażjoni frawdolenti tal-liġi (konkretament, fis-sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1974, Van Binsbergen, 33/74, Ġabra p. 1299, punt 13; tas-, Knoors, 115/78, Ġabra p. 399; tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 205/84, Ġabra p. 3755, punt 22; tas-, Singh, C-370/90, Ġabra p. I-4265, punt 24; tat-, Veronica Omroep Organisatie, C-148/91, Ġabra p. I-487, punt 12; u tal-, TV10, C-23/93, Ġabra p. I-4795, punt 21). L-Avukat Ġenerali Tesauro ddeskriva l-istat preżenti tal-ġurisprudenza fil-konklużjonijiet rigward il-kawża Kefalas et (C-367/96, Ġabra p. I-2843, punt 24): “kull liġi li taspira li jkollha mqar livell minimu ta’ kompletezza, trid tinkludi miżuri […] ta’ awtosalvagwardja, sabiex jiġi evitat li d-drittijiet li hija stess tagħti jintużaw b’mod abbużiv, eċċessiv jew mgħawweġ. Ħtieġa bħal din bl-ebda mod mhi barranija għad-dritt Komunitarju; tant hu hekk li ġiet rikonoxxuta kemm-il darba fl-istess ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [fejn ingħad li] ‘il-faċilitajiet maħluqa mit-Trattat KEE, ma jistgħux ikollhom l-effett li jippermettu lill-persuni li jibbenefikaw minnhom jevitaw abbużivament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jimpedixxu lill-Istati Membri milli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimpedixxu dawn l-abbużi’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Din l-idea ġiet żviluppata fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża Halifax et (sentenza tal-, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 80 u 81).

( 17 ) Ma naħsibx li huwa xieraq li naqilgħu polemika hawnhekk dwar il-kwistjoni jekk l-evażjoni frawdolenti tal-liġi (jew bl-istess mod, l-abbuż mid-dritt) huwiex prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju jew le. Fil-kawża EMU Tabac et (C-296/95, Ġabra p. I-1605), fil-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħi, stidint lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex “tapplika l-prinċipju ġenerali tad-dritt li jipprojbixxi kwalunkwe evażjoni frawdolenti tal-liġi [traduzzjoni mhux uffiċjali]”, imma din il-kwistjoni għadha teħtieġ analiżi aktar dettaljata. Minkejja li l-imsemmija sentenza Halifax et jidher li kkonfermat din it-tendenza, id-diskussjoni għadha miftuħa. F’dan ir-rigward, ara R. de la Feria, “Prohibition of abuse of (Community) Law: the creation of a new general principle of EC Law through tax”, CMLRev, 2008, p. 45.

( 18 ) 101/87, Ġabra p. 3057.

( 19 ) Ibid.

( 20 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23kellu jiġi interpretat “bħala li d-direttiva għandha tiġi applikata fis-sitwazzjoni fejn, wara r-revoka jew it-tmiem ta’ kuntratt ta’ kiri, l-impriża terġa’ taqa’ f’idejn il-proprjetarju biex imbagħad dan ibigħha lil parti terza li ftit wara tkompli bl-attività tagħha, li tiġi sospiża minn tmiem il-kuntratt tal-kiri, bi ftit aktar minn nofs il-persunal impjegat fl-impriża mill-maniġer preċedenti, sakemm l-impriża żżomm l-identità tagħha [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

( 21 ) Hadt pożizzjoni dwar il-limiti tar-risposta preliminari u l-awtonomija istituzzjonali tal-qorti tar-rinviju, fil-konklużjonijiet tiegħi rigward il-kawża Recheio — Cash & Carry (C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 35).

( 22 ) Is-sentenzi ta’ Daddy’s Dance Hall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16; Watson Rask u Christensen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; u Martin et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41. Dwar il-limiti u l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati fis-setturi fejn hemm livell minimu ta’ armonizzazzjoni, D. Curtin, “Emerging Institutional Parameters and Organised Difference in the European Union”, B. fi de Witte, D. Hanf u E. Vos (edituri), The Many Faces of Differentiation in EU Law, Intersentia, Anversa, 2001, p. 348 sa 354, u S. Marciali, La flexibilité du droit de l'Union européenne, Bruylant, Brussell, 2007, p. 61 sa 65.

( 23 ) C. Barnard, op. cit., p. 656 sa 664 eżamina din il-ġurisprudenza b’mod ġenerali.

( 24 ) Sentenza iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.

( 25 ) Ibid., punt 38.

( 26 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004(C-425/02, Ġabra p. I-10823).

( 27 ) Ibid, punt 33.

( 28 ) Ibid, punt 34.

( 29 ) Sentenza Merckx u Neuhuys, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9.

( 30 ) Metodu li bil-kontra ta’ dak li jsemmi l-istudjuż magħruf R. Dworkin, Taking Rights Seriously, Harvard University Press, Cambridge, 1977, ma jwassalx għal soluzzjoni korretta waħda, anki jekk, għall-inqas, iwassal għas-soluzzjoni l-aktar xierqa.

( 31 ) Dan ammettietu l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, Met-Trans u Sagpol (C-310/98 u C-406/98, Ġabra p. I-1797, punt 32): “[i]kunu xi jkunu r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati biex tinħtieġ prova oġġettiva tal-post tal-ksur […], il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex tieħu post il-leġiżlatur Komunitarju u tinterpreta dispożizzjoni kontra l-kontenut espliċitu tagħha [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Ċerti drabi, sempliċi virgola tista’ tkun determinanti, kif seħħ fis-sentenza tas-, Dega (C-83/96, Ġabra p. I-5001, punti 13 u 14).

( 32 ) Fis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 1974, Bulmer vs Bollinger, tal-Court of Appeal tal-Ingilterra u Wales, magħrufa aħjar bħala s-sentenza tax-champagne Franċiż, Lord Denning enfasizza l-importanza relattiva tal-komponent grammatikali tad-dritt Komunitarju: “Seeing these differences, what are the English courts to do when they are faced with a problem of interpretation? They must follow the European pattern. No longer must they examine the words in meticulous detail. No longer must they argue about the precise grammatical sense. They must look to the purpose or intent. […]

They must not confine themselves to the English text. They must consider, if need be, all the authentic texts […]. They must divine the spirit of the treaty and gain inspiration from it. If they find a gap, they must fill it as best they can. They must do what the framers of the instrument would have done if they had thought about it. So we must do the same. Those are the principles, as I understand it, on which the European Court acts”.

( 33 ) Fil-verżjoni Spanjola, “la rescisión do contrato de trabajo o de la relación laboral se considerará imputable al empresario”; fil-verżjoni Ċeka, “je zaměstnavatel považován za osobu, z jejíž strany byly pracovní smlouva nebo pracovní poměr ukončeny”; u fil-verżjoni Ġermaniża, “dass die Beendigung des Arbeitsvertrags oder Arbeitsverhältnisses durch den Arbeitgeber erfolgt ist”.

( 34 ) Fil-verżjoni Portugiża, “a rescisão do contrato ou da relação de trabalho considera-se como sendo da responsabilidade da entidade patronal”; fil-verżjoni Pollakka, “pracodawcę uważa się za odpowiedzialnego za rozwiązanie umowy o pracę lub stosunku pracy”; fil-verżjoni Bulgara, “работодателят се счита за отговорен за прекратяването на трудовия договор или трудовото правоотношение”; u fil-verżjoni Ingliża, “the employer shall be regarded as having been responsible for termination of the contract of employment or of the employment relationship”.

( 35 ) Il-verżjoni Slovakka għandha pożizzjoni intermedja, li tinkludi kemm l-attribuzzjoni kif ukoll ir-responsabbiltà: “zodpovednosť za skončenie pracovnej zmluvy alebo pracovnoprávneho vzťahu sa bude pripisovať zamestnávateľovi”.

( 36 ) Dwar it-tfittxija għal punt ta’ bilanċ bejn is-salvagwardja tal-ħaddiema u l-inkoraġġiment tal-attività ekonomika, ara C.A. Ball, “The Making of a transnational capitalist society: The European Court of Justice, social policy and individual rights under the European Community's legal order”, Harvard International Law Journal, nru. 37, 1996, p. 307 et seq. Anki l-Qorti tal-Ġustizzja, meta interpretat id-dispożizzjonijiet soċjali Komunitarji, kienet ferm sensittiva għal dan il-grupp ta’ interessi, kif jenfasizza S. O’Leary, Employment Law and the European Court of Justice. Judicial Structures, Policies and Processes, Hart Publishing, Oxford-Portland-Oregon, 2002, p. 119 sa 128.

( 37 ) L-użu tad-Direttiva żdied f’dan is-settur, imma d-delikatezza ta’ kwalunkwe intervent f’dan il-qasam wassal biex ta’ spiss jintużaw strumenti ta’ soft law, kif isemmu J. Kenner, “EC Labour Law: The Softly, Softly Approach”, IJCLLIR, nru. 14, 1995; J. Goetschy, “The European Employment Strategy: Genesis and Development”, EJIR, nru. 5, 1999; M. Santana, “La Internalización de la Estrategia Europea de Empleo en España”, REDE, nru. 21, 2007; u J. Zeitlin u D. Trubek (edituri), Governing Work and Welfare in a New Economy, Oxford University Press, Oxford, 2003. Il-preżenza kbira ta’ soft law għandha implikazzjonijiet legali, imma anki istituzzjonali, kif jenfasizzaw L. Senden, Soft law in European Community Law, Hart Publishers, Oxford, 2004; R. Alonso García, “El soft law comunitario”, Revista de Administración Pública, nru. 154, 2001; D. Sarmiento, El soft law administrativo, Thomson-Civitas, Pamplona, 2008; M. Cini, “The Soft law Approach: Commission Rule-Making in the EU’s State Aid Regime”, Journal of European Public Policy, nru. 8, 2001; H. Hillgenberg, “A Fresh Look at Soft law”, European Journal of International Law, nru. 10, 1999; u J. Klabbers “The Undesirability of Soft law”, Nordic Journal of International Law, nru. 36, 1998.

( 38 ) It-tielet premessa.

( 39 ) Ir-raba’ premessa.

( 40 ) C-472/93, Ġabra p. I-4321.

( 41 ) Sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1987, Ny Mølle Kro (287/86, Ġabra p. 5465, punt 12); Daddy’s Dance Hall (iċċitata iktar ’il fuq, punt 9); u tal-, Berg u Busschers (144/87 u 145/87, Ġabra p. 2559, punt 13).

( 42 ) Skont S. O’Leary, Employment Law…, iċċitata iktar ’il fuq, p. 242 u 243, “[t]he purpose of the Directive was to ensure that the rights of employees, in the event of a change of employer, were safeguarded. However, the Preamble also made clear that one of the principal reasons for the introduction of a minimum level of employment protection at EC level was the fear that disparities in employment protection legislation between Member States might have a deleterious effect on the transfers and mergers which it was the common market’s aim to bring about as a result of greater economic integration. Thus, the Directive reflected the dual economic and social aims that characterised much of the Community’s Social Action Programme. Like Article 141 EC […], Directive 77/187 [bħalissa Direttiva 2001/23] reflected both the Community’s attempts to ameliorate ‘the unacceptable by-products of growth’ and its intention to eliminate distortions of competition”.

( 43 ) COM(74) 351 finali, tad-29 ta’ Mejju 1974.

( 44 ) Fil-kummenti dwar il-proposta tagħha, il-Kummissjoni (p. 8) innotat li “if the worker does not wish to continue the employment relationship with the transferee because a merger or takeover has led to some essential change in his terms of employment, it seems only fair, as provided for in article 3, that the worker should be treated as if his dismissal was due to the action of his employer. The legal consequences involved, such as severance payment, compensation, etc., should again be prescribed by the laws, regulations and administrative provisions of the Member States” (enfażi miżjuda).

( 45 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, (ĠU L 204 p. 23).

( 46 ) Din id-dispożizzjoni tirrazzjonalizza l-Artikolu 1(5) preċedenti tad-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 269, p. 15), li jemenda l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol. Għandu jiġi osservat li l-verżjoni finali tad-dispożizzjoni ssaħħaħ aktar is-salvagwardja tas-suġġett li jiġi ddiskriminat. Il-proposta tal-Kummissjoni ma kienet tinkludi l-ebda referenza għan-natura reali, effettiva u dissważiva tal-kumpens, kienet teskludi biss li l-ammont tiegħu seta’ jiġi limitat u kienet tiggarantixxi l-applikazzjoni tal-interessi moratorji. Madankollu, mir-rapport tal-Kummissjoni rigward il-proposta tagħha jirriżulta b’mod ċar l-ħsieb li jsir intervent rigward il-kontenut tar-responsabbiltà: “fejn għandu x’jaqsam id-dritt tal-vittma ta’ diskriminazzjoni għal kumpens li jista’ jkun iggarantit minn protezzjoni legali reali u effettiva, dan l-Artikolu jiddefinixxi effett deterrenti reali fir-rigward tal-persuna li tħaddem fejn ikun xi jkun il-każ titqies proporzjonalità adegwata meta mqabbla mad-danni li ġew imġarrba [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (COM(2000) 334 finali, p. 45).

( 47 ) Dispożizzjoni li tagħti forma leġiżlattiva lill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, prinċipalmenti lis-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 23); u Harz (79/83, Ġabra p. 1921, punt 26); tat-, Marshall (C-271/91, Ġabra p. I-4367, punt 34); u tat-, Draehmpaehl (C-180/95, Ġabra p. I-2195, punt 40). Dwar din it-teknika ta’ ħlas ta’ danni fejn għandha x’taqsam l-ugwaljanza, ara C. McCrudden, “The Effectiveness of European Equality Law: National Mechanisms for Enforcing Gender Equality Law in the Light of European Requirements”, f’B. Hepple u E. Szyszczak, Discrimination: Limits of Law, Mansell, Londra, 1992.

( 48 ) Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 373, p. 37).

( 49 ) Mis-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punti 18 sa 21), id-dritt Komunitarju jintroduċi parametru għall-protezzjoni proċedurali f’ambitu domestiku, bħala konsegwenza tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġuriżdizzjonali effettiva.

( 50 ) Sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30); tas-, National Farmers’ Union et (C-354/95, Ġabra p. I-4559, punt 61); u tat-, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 31).

Op