Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0321

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 6 ta' Novembru 2008.
    Proċedura kriminali kontra Karl Schwarz.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Mannheim - il-Ġermanja.
    Direttiva 91/439/KEE - Pussess ta’ liċenzji tas-sewqan ta’ Stati Membri differenti - Validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel l-adeżjoni ta’ Stat - Rtirar tat-tieni liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-Istat Membru ta’ residenza - Rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel il-ħruġ tat-tieni liċenzja rtirata iktar tard minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità għas-sewqan tal-pussessur tagħha - Skadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni temporanja milli ssir applikazzjoni għal liċenzja tas-sewqan ġdida impost flimkien ma’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan.
    Kawża C-321/07.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:610

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 ( 1 )

    Kawża C-321/07

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Karl Schwarz

    “Direttiva 91/439/KEE — Pussess ta’ liċenzji tas-sewqan ta’ Stati Membri differenti — Validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel l-adeżjoni ta’ Stat — Irtirar tat-tieni liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-Istat Membru ta’ residenza — Rikonoxximent tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa qabel il-ħruġ tat-tieni liċenzja rtirata iktar tard minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tas-sewqan tal-pussessur tagħha — Skadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni temporanja milli ssir applikazzjoni għal liċenzja tas-sewqan ġdida impost flimkien ma’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan”

    1. 

    Tista’ persuna li rtirawlha l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża fl-1997 minħabba sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, u li ma pprovatx li hija kellha mill-ġdid il-kapaċità tas-sewqan, tinvoka liċenzja tas-sewqan Awstrijaka li ngħatatilha qabel l-1964? Fis-sustanza, din hija d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mil-Landgericht Mannheim (il-Ġermanja).

    2. 

    Dan ir-rinviju preliminari huwa differenti mill-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha sa issa minħabba li ż-żewġ liċenzji tas-sewqan, li ħarġu minn żewġ Stati differenti, ingħataw lil din il-persuna qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea fl-1995.

    3. 

    Fid-dawl ta’ dawn id-dati, l-atti Komunitarji rilevanti huma d-Direttiva tal-Kunsill 80/1263/KEE tal-4 ta’ Diċembru 1980, dwar l-introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja ( 2 ), id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan ( 3 ), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/275/KE tal-21 ta’ Marzu 2000, dwar ekwivalenzi bejn ċerti kategoriji ta’ liċenzji tas-sewqan ( 4 ).

    4. 

    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk, fid-dawl ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-imsemmija persuna setgħetx validament tkun fil-pussess ta’ żewġ liċenzji tas-sewqan f’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439 jipprovdi li persuna jista’ jkollha biss liċenzja waħda tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru wieħed.

    5. 

    Din imbagħad ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa, għal darba oħra, il-portata tal-Artikolu 8(2) u (4) ta’ din id-Direttiva, li jippermetti lil Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta l-pussessur tagħha jkun ġie suġġett għal miżura ta’ restrizzjoni, sospensjoni, irtirar jew tħassir tad-dritt tas-sewqan fit-territorju tal-ewwel Stat Membru.

    6. 

    F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nesponi r-raġunijiet li għalihom jiena naħseb li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil xi persuna milli jkollha żewġ liċenzji tas-sewqan, minn naħa, meta l-ewwel liċenzja maħruġa minn Stat terz tkun inħarġet qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 80/1263 u, min-naħa l-oħra, meta qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/439, din il-persuna, li kellha diġà liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta fit-territorju tal-Komunità, tissuġġetta ruħha għat-test tal-ħiliet mitluba għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.

    7. 

    Jiena ser nuri wkoll għaliex, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 8(2) u (4) ta’ din l-aħħar msemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan li tkun inħarġet preċedentement minn Stat Membru ieħor.

    I — Il-kuntest ġuridiku

    A — Id-dritt Komunitarju

    1. Id-Direttiva 80/1263

    8.

    Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment tal-persuni fi ħdan il-Komunità jew l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih dawn il-persuni jkunu kisbu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom, id-Direttiva 80/1263 introduċiet mudell ta’ liċenzja Komunitarja tas-sewqan.

    9.

    Bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, liċenzja nazzjonali tas-sewqan maħruġa skont il-mudell Komunitarju hija valida kemm għall-moviment nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali.

    10.

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru, li jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandu terminu ta’ sena, mill-ksib tar-residenza tiegħu, sabiex jibdel il-liċenzja tiegħu. Imbagħad, l-Istat Membru tar-residenza joħroġlu liċenzja tas-sewqan tal-kategorija jew kategoriji korrispondenti.

    11.

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 80/1263, l-Istat Membru li jibdel il-liċenzja għandu jibgħat il-liċenzja l-qadima lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ħariġha.

    2. Id-Direttiva 91/439

    12.

    Id-Direttiva 91/439, li ħassret id-Direttiva 80/1263 fl-1 ta’ Lulju 1996, introduċiet il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan ( 5 ).

    13.

    L-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 91/439 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan u jissuġġetta l-ħruġ tal-istess liċenzja għall-kundizzjoni li l-applikant jgħaddi minn test fuq il-ħiliet u l-imġiba, minn test tat-teorija kif ukoll għall-kundizzjoni li l-applikant jilħaq l-istandards mediċi.

    14.

    B’mod partikolari, il-punti 14.1 u 15 tal-anness III, li għalihom din id-dispożizzjoni tirreferi, jippreċiżaw li liċenzja tas-sewqan ma għandhiex tinħareġ jew tiġġedded lil applikant jew sewwieq li jkun dipendenti fuq l-alkoħol jew id-droga jew li, minkejja li mhuwiex hekk dipendenti, jieħu jew jabbuża minnhom regolarment.

    15.

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439, l-ebda persuna ma jista’ jkollha liċenzja tas-sewqan minn iktar minn Stat Membru wieħed.

    16.

    L-Artikolu 8(2) ta’ din id-Direttiva jippreċiża li l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor.

    17.

    L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva msemmija hija redatta kif ġej:

    “Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l-Istat ta’ qabel, bla ħsara għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.

    Stat Membru jista’ l-istess jirrifjuta li joħroġ liċenzja tas-sewqan lil applikant li jkun bla ħsara għal din il-miżura fi Stat Membru ieħor.”

    3. Id-Deċiżjoni 2000/275

    18.

    Id-Direttiva 91/439 tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ekwivalenzi bejn il-kategoriji tal-liċenzji maħruġa qabel l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva u ta’ dawk definiti fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva ( 6 ). Id-Deċiżjoni 2000/275 għandha l-għan li tistabbilixxi t-tabelli ta’ ekwivalenzi bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ liċenzji ( 7 ).

    19.

    Il-mudelli tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa fl-Awstrija bejn l-1 ta’ Jannar 1956 u l-1 ta’ Novembru 1997 jinsabu fl-anness ta’ din id-deċiżjoni u għaldaqstant huma rrikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-mudell Komunitarju.

    B — Id-dritt nazzjonali

    20.

    Il-liġi dwar l-aċċess tal-persuni għat-traffiku fit-toroq (Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straβenverkehr, iktar ’il quddiem, il-“FeV”) tipprovdi fl-Artikolu 28(1) tagħha li l-persuni li jkollhom liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru tal-Unjoni huma awtorizzati jsuqu fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    21.

    Madankollu, skont l-Artikolu 28(4)(3) tal-FeV, din l-awtorizzazzjoni ma tapplikax għall-persuni li l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun ġiet suġġetta, fit-territorju tal-Ġermanja, għal miżura ta’ rtirar provviżorju jew definittiv minn qorti, jew għal miżura ta’ rtirar eżegwibbli b’mod immedjat jew definittiv meħuda minn awtorità amministrattiva.

    22.

    Skont l-Artikolu 69(1) tal-kodiċi kriminali Ġermaniż (Strafgesetzbuch), il-qorti kriminali kompetenti għandha tirtira l-liċenzja tas-sewqan ta’ sewwieq ikkundannat għal reat tat-traffiku, meta l-istess sewwieq jitqies li ma għandux il-kapaċità li jsuq vetturi bil-mutur. Skont l-Artikolu 69a tal-kodiċi kriminali, dan l-irtirar isir flimkien ma’ miżura ta’ projbizzjoni provviżorja milli tintalab liċenzja ġdida tas-sewqan għal żmien bejn sitt xhur u ħames snin.

    23.

    L-Artikolu 20 tal-FeV u l-Artikolu 11 tal-istess FeV li għalih jirreferi, jipprovdi li l-ħruġ ta’ liċenzja ġdida tas-sewqan wara miżura ta’ rtirar jew wara rinunzja huwa suġġett għall-prova li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet fiżiċi u psikoloġiċi mitluba, prova li tista’ ssir bil-produzzjoni ta’ rapport mediku u psikoloġiku.

    24.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 21 tal-liġi dwar it-traffiku fit-toroq (Straβenverkehrsgesetz) jiddisponi li kull min isuq vettura bil-mutur mingħajr il-liċenzja meħtieġa għal dak il-għan għandu jiġi ppenalizzat b’mhux ikta minn sena priġunerija jew b’multa.

    II — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

    25.

    Fit-28 ta’ Ottubru 1964, l-awtoritajiet tal-Awstrija ħarġu liċenzja tas-sewqan lil K. Schwarz, li huwa ċittadin Awstrijak. Fl-1968, wara li stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju Ġermaniż, u fuq talba ta’ K. Schwarz, l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti ħarġulu liċenzja Ġermaniża abbażi tal-liċenzja Awstrijaka. K. Schwarz żamm il-liċenzja Awstrijaka.

    26.

    Fid-9 ta’ Mejju 1988, K. Schwarz għadda l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tiegħu lura lill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti qabel ma talab liċenzja ġdida fil-11 ta’ Novembru 1993. Wara l-eżitu pożittiv tat-test mediku u psikoloġiku meħtieġ taħt il-liġi Ġermaniża, l-Ordnungsamt Mannheim (il-pulizija amministrattiva tal-belt ta’ Mannheim) ħarġitlu liċenzja ġdida fit-3 ta’ Mejju 1994, u dan mingħajr ma rtiratlu l-liċenzja Awstrijaka tiegħu.

    27.

    B’deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 1997, l-Amtsgericht Mannheim ikkundannat lil K. Schwarz għal multa ta’ EUR 50 kuljum għal 40 jum minħabba li huwa kien saq taħt l-effett tal-alkoħol. Il-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tiegħu ġiet irtirata u ġie impost fuqu perijodu ta’ projbizzjoni milli japplika għal liċenzja ġdida tas-sewqan ta’ sitt xhur. Skont il-liġi Ġermaniża, biex jikseb liċenzja ġdida tas-sewqan, K. Schwarz kellu jipprova li kien mill-ġdid kapaċi jsuq billi jippreżenta, b’mod partikolari, rapport mediku u psikoloġiku.

    28.

    Fl-24 ta’ Lulju 2000, Schwarz applika għal liċenzja ġdida tas-sewqan mingħand l-Ordnungsamt Mannheim. B’deċiżjoni tat-2 ta’ April 2001, hija ċaħdet it-talba peress li Schwarz ma kienx ipproduċa r-rapport mediku u psikoloġiku meħtieġ.

    29.

    Fit-30 ta’ Jannar 2006, l-Amtsgericht Mannheim tat digriet kriminali fil-konfront ta’ K. Schwarz, li bih ikkundannatu għal multa ta’ EUR 25 kuljum għal 30 jum, peress li nstab ħati ta’ sewqan mingħajr liċenzja fil-11 ta’ April 2005.

    30.

    Waqt spezzjoni oħra fit-triq mwettqa f’Mannheim fit-23 ta’ Diċembru 2005, K. Schwarz ippreżenta l-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tiegħu li huwa kien għad għandu, peress li din il-liċenzja ma tteħditlux meta ngħatatlu l-liċenzja Ġermaniża tiegħu fl-1968, u mbagħad fl-1994. Għalhekk qamet il-kwistjoni tal-validità tal-liċenzja Awstrijaka tiegħu.

    31.

    B’sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, l-Amtsgericht Mannheim illiberat lil K. Schwarz mill-kap ta’ akkuża li saq mingħajr pussess ta’ liċenzja valida tas-sewqan fit-territorju tal-Ġermanja.

    32.

    L-iStaatsanwaltschaft Mannheim appella minn din is-sentenza quddiem il-Landgericht Mannheim. Quddiem din il-qorti, huwa talab li K. Schwarz jiġi kkundannat minħabba li fit-23 ta’ Diċembru 2005 huwa saq mingħajr ma kien fil-pussess ta’ liċenzja valida tas-sewqan.

    III — Id-domandi preliminari

    33.

    Peress li l-Landgericht Mannheim kellha dubji fir-rigward tal-validità tal-liċenzja Awstrijaka, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Id-dritt Komunitarju jippermetti, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439/KEE, li ċittadin tal-Unjoni Ewropea jkollu fil-pussess tiegħu liċenzja tas-sewqan Ġermaniża valida u liċenzja oħra maħruġa minn Stat Membru ieħor, fejn it-tnejn ikunu nkisbu qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru barrani mal-UE, u jekk dan huwa l-każ,

    2)

    Għandu l-irtirar, minħabba reat ta’ sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, qabel id-dħul fis-seħħ [tal-liġi dwar l-awtorizzazzjoni tas-sewqan (Fahrerlaubnisverordnung)] tal-1 ta’ Jannar 1999, tat-tieni liċenzja tas-sewqan Ġermaniża, li nħarġet iktar tard, il-konsegwenza legali li lanqas ma jkun għad hemm iktar lok, wara l-adeżjoni tal-Istat Membru barrani, li fil-Ġermanja tiġi rikonoxxuta l-validità tal-ewwel liċenzja barranija, li tkun inħarġet qabel, anki jekk il-perijodu ta’ projbizzjoni impost fil-Ġermanja jkun diġà skada?”

    IV — Evalwazzjoni

    34.

    K. Schwarz, li huwa pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan Awstrijaka u ta’ liċenzja tas-sewqan Ġermaniża maħruġa qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, kellu l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tiegħu rtirata. Xi ftit snin wara dan l-irtirar tal-liċenzja, waqt spezzjoni fit-triq fit-territorju tal-Ġermanja, huwa ppreżenta l-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti.

    35.

    Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk K. Schwarz irrendiex ruħu ħati li saq mingħajr liċenzja tas-sewqan jew jekk il-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka għandhiex tiġi rrikonoxxuta bħala valida mill-awtoritajiet Ġermaniżi, minkejja l-miżura ta’ rtirar li kienet affettwat il-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża.

    36.

    B’hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439, li jipprovdi li persuna jista’ jkollha biss liċenzja tas-sewqan waħda, jistax ċittadin Ewropew li jkun fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, ikollu fil-pussess tiegħu żewġ liċenzji tas-sewqan.

    37.

    Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi, fir-rigward ta’ persuna li kienet suġġetta għal miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan tagħha fit-territorju tiegħu, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan li tkun inħarġitilha fi Stat Membru ieħor qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni.

    38.

    Wara li nindika x’inhi, fil-fehma tiegħi, il-portata tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439, jiena ser nesponi r-raġunijiet li għalihom naħseb li K. Schwarz seta’ validament ikollu żewġ liċenzji tas-sewqan. Imbagħad, ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’, minħabba l-eżistenza tal-miżura ta’ rtirar li taffettwa l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża, tirrifjuta li tirrikonoxxi l-validità tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka.

    A — Osservazzjonijiet preliminari

    39.

    L-ewwel nett, jeħtieġ li tiġi ppreċiżata l-portata tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439 fis-sistema li din timplementa.

    40.

    Id-Direttiva 91/439 hija intiża li tiggarantixxi l-moviment liberu tal-persuni fit-territorju tal-Unjoni filwaqt li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà tat-traffiku fit-toroq f’dan l-istess territorju ( 8 ).

    41.

    Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament. Dan l-obbligu ta’ rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan jippermetti liċ-ċittadin Ewropew jiċċaqlaq liberament fis-27 Stat Membru tal-Unjoni b’liċenzja waħda tas-sewqan.

    42.

    Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan introdott b’din id-dispożizzjoni għandu bħala korollarju tiegħu l-Artikolu 7(5) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li persuna jista’ jkollha biss liċenzja tas-sewqan waħda. Fil-fatt, peress li Stat Membru għandu l-obbligu li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, din il-liċenzja waħidha hija biżżejjed sabiex wieħed jiċċaqlaq liberament fit-territorju Ewropew.

    43.

    Fil-fehma tiegħi, il-pussess ta’ liċenzja waħda tas-sewqan hija wkoll mezz li jirrendi effettivi l-miżuri restrittivi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu fil-konfront tal-pussessur ta’ din il-liċenzja. Il-fatt li d-dritt tas-sewqan jinħoloq b’liċenzja waħda tas-sewqan jippermetti li jiġi evitat li l-pussessur tagħha, fil-każ ta’ rtirar, ikun jista’ jinvoka liċenzja oħra tas-sewqan u jevita b’hekk is-sanzjoni imposta fuqu.

    44.

    B’dan il-mod, id-Direttiva 91/439 tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti li jibdlu liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor għandhom jibagħtu lura l-liċenzja l-qadima lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat l-ieħor ( 9 ). Fil-każ ta’ bdil ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz, il-pussessur għandu jrodd lura l-liċenzja tas-sewqan il-qadima lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel il-bdil ( 10 ).

    45.

    Konsegwentement, fil-kuntest ta’ bdil ta’ liċenzja tas-sewqan, il-ħruġ tal-liċenzja l-ġdida tas-sewqan huwa suġġett għaċ-ċessjoni tal-liċenzja l-qadima. Fl-evalwazzjoni li ser issegwi, jiena ser nuri li din ir-regola ma tapplikax għall-kawża prinċipali minħabba l-iżvolġiment kronoloġiku tal-fatti.

    46.

    Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li jingħataw ir-risposti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

    B — Fuq l-ewwel domanda preliminari

    47.

    Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, K. Schwarz setax validament ikun pussessur ta’ żewġ liċenzji tas-sewqan.

    48.

    Jeħtieġ li jiġu mfakkra fil-qosor il-fatti tal-kawża prinċipali.

    49.

    Mill-proċess jirriżulta li K. Schwarz kiseb liċenzja tas-sewqan Awstrijaka fl-1964. Sussegwentement, fl-1968, wara li stabbilixxa r-residenza tiegħu fit-territorju Ġermaniż, u fuq talba ta’ K. Schwarz, l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti ħarġulu liċenzja Ġermaniża abbażi tal-liċenzja Awstrijaka tiegħu. Wara li fl-1988 K. Schwarz irritorna lura l-liċenzja Ġermaniża tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti, fl-1994 huwa kiseb liċenzja ġdida Ġermaniża. Fl-1968, bħal fl-1994, l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti ma talbux lil Schwarz jirritorna l-liċenzja Awstrijaka tiegħu. K. Schwarz kien għalhekk fil-pussess ta’ żewġ liċenzji tas-sewqan sakemm irritorna l-liċenzja Ġermaniża tiegħu fl-1997, minħabba sewqan taħt l-effett tal-alkoħol. Issa, K. Schwarz qed jinvoka l-liċenzja Awstrijaka tiegħu.

    50.

    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn il-fatti żvolġew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 80/1263 u dik fejn il-fatti seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/439.

    51.

    Fil-fatt, meta nħarġet l-ewwel liċenzja Ġermaniża fl-1968, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet għadha mhijiex membru tal-Unjoni. Barra minn hekk, f’dik id-data, ma kienet teżisti l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-liċenzji tas-sewqan u b’mod partikolari, dwar il-bdil ta’ liċenzji tas-sewqan li jkunu ġejjin minn Stat terz ma’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru. Għalhekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet validament toħroġ liċenzja tas-sewqan Ġermaniża lil K. Schwarz mingħajr ma teżiġi minnu r-restituzzjoni tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka.

    52.

    Fl-1994, meta nħarġet it-tieni liċenzja tas-sewqan Ġermaniża, id-Direttiva 91/439 kienet għadha ma tapplikax. Fil-fatt, skont l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri kellhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex din id-direttiva tkun applikabbli mill-1 ta’ Lulju 1996.

    53.

    Mill-banda l-oħra, id-Direttiva 80/1263, li kienet tapplika, kienet tipprovdi li liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat terz u mibdula b’liċenzja tal-mudell Komunitarju kellha tiġi rritornata lura lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun bidel il-liċenzja.

    54.

    Madankollu, mill-kawża prinċipali jirriżulta li l-ħruġ tal-liċenzja Ġermaniża, fit-3 ta’ Mejju 1994, ma seħħx wara bdil mal-liċenzja Awstrijaka, iżda kien il-konsegwenza ta’ sempliċi talba għall-ksib ta’ liċenzja tas-sewqan fit-territorju Ġermaniż.

    55.

    F’dak iż-żmien, id-dritt Komunitarju ma kien jipprovdi l-ebda leġiżlazzjoni li timpedixxi lil Stat Membru milli joħroġ liċenzja tas-sewqan lil persuna li kienet diġà pussessur ta’ liċenzja oħra u peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellhiex il-mezzi materjali biex tivverifika jekk K. Schwarz kellux diġà liċenzja tas-sewqan ( 11 ), l-istess K. Schwarz seta’ b’mod leġittimu jikseb it-tieni liċenzja tas-sewqan.

    56.

    Huwa minnu li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439 jobbliga lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-liċenzji tas-sewqan maħruġa qabel l-adeżjoni mal-Unjoni tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja ( 12 ). Madankollu, jiena nikkonstata li l-Artikolu 7(5) ta’ din id-direttiva ma għandux effett retroattiv u għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jobbligax li ssir għażla bejn it-telf awtomatiku tal-ewwel liċenzja tas-sewqan u n-nullità tat-tieni waħda.

    57.

    Mill-banda l-oħra, b’effett mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/439 fl-1 ta’ Lulju 1996, inħoss li, sabiex jingħata effett utli lill-Artikolu 7(5) ta’ din id-direttiva, huwa meħtieġ li l-parti interessata jkollha biss liċenzja waħda tas-sewqan.

    58.

    F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa loġiku li liċenzja tas-sewqan maħruġa wara din id-data, meta l-pussessur tagħha kellu diġà liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta fit-territorju tal-Komunità, għandha titqies li hija nulla.

    59.

    Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, insostni li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, K. Schwarz seta’ jkun detentur ta’ żewġ liċenzji validi tas-sewqan, ħaġa li, barra minn hekk, jidher li qed isostnu l-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ( 13 ).

    60.

    Għaldaqstant, il-fatt li K. Schwarz jista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ikollu żewġ liċenzji validi tas-sewqan ma għandux, fil-fehma tiegħi, jippermettilu li jevita l-miżura ta’ rtirar meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-1997 u l-obbligu li joqgħod għal test tal-ħiliet tiegħu tas-sewqan sostnut b’rapport mediku u psikoloġiku.

    C — Fuq it-tieni domanda preliminari

    61.

    Għalhekk id-domanda li tqum f’dan l-istadju hija dwar jekk il-miżura ta’ rtirar meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi u li taffettwa l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża jistax ikollha konsegwenzi wkoll fuq il-validità tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka u jekk, b’dan il-mod, timpedixxix lil K. Schwarz milli jinvoka din il-liċenzja.

    62.

    Jidher li l-Kummissjoni taċċetta li tali miżura ma taffettwax il-liċenzja msemmija. Hija tqis li, kieku l-liċenzja Awstrijaka kienet inħarġet meta l-miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja oħra kienet għadha ma eżawrietx l-effetti tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tirrifjuta li tirrikonoxxi l-liċenzja Awstrijaka skont l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, fil-mument tal-ħruġ tal-liċenzja Awstrijaka, il-pussessur tagħha kien għadu ma ġie suġġett għal ebda miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja oħra tas-sewqan. Għaldaqstant, hija ssostni li l-liċenzja Awstrijaka għandha tiġi rikonoxxuta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, minkejja l-miżura ta’ rtirar li rrevokat il-liċenzja Ġermaniża.

    63.

    Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

    64.

    Ċertament huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan japplika mingħajr ebda formalità u ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri li jridu jieħdu biex jikkonformaw miegħu ( 14 ).

    65.

    Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 idaħħal, b’mod ċar, eċċezzjoni għal dan il-prinċipju. Fil-fatt huwa jipprovdi li Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju tal-Istat ta’ qabel, is-suġġett ta’ miżura ta’ restrizzjoni, sospensjoni, irtirar jew annullament tad-dritt tas-sewqan.

    66.

    Kif diġà indikajt fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk kif ukoll Zerche et ( 15 ), din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat Membru jiżgura li l-persuni li wara proċeduri legali u skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji tqiesu li ma għandhomx il-kapaċità tas-sewqan, minħabba li huma perikolużi, ma jkunux jistgħu jinvokaw liċenzja maħruġa minn Stat Membru ieħor.

    67.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lil persuna li fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat kienet ġiet suġġetta għal miżura ta’ rtirar, meta dik il-liċenzja tkun inħarġet wara li jkun għadda l-perijodu ta’ projbizzjoni milli ssir applikazzjoni għal liċenzja ġdida marbut mal-miżura meħuda ( 16 ). L-istess japplika meta l-miżura ta’ rtirar ma jkollhiex marbut magħha xi perijodu ta’ projbizzjoni milli ssir applikazzjoni għal liċenzja ġdida tas-sewqan u l-liċenzja ġdida tas-sewqan tkun inħarġet wara l-miżura ta’ rtirar ( 17 ).

    68.

    Fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Kapper u Kremer, il-pussessuri tal-liċenzji tas-sewqan li l-validità tagħhom kienet ikkontestata kienu kisbu l-liċenzja tagħhom wara l-miżura ta’ rtirar jew wara l-iskadenza tal-perijodu tal-projbizzjoni milli japplikaw għal liċenzja ġdida. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti setgħu jivverifikaw, skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 91/439, jekk dawn il-persuni kellhomx mill-ġdid il-kapaċità tas-sewqan u jekk tneħħiex l-istat ta’ periklu tagħhom.

    69.

    Ma jistax jingħad l-istess għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, K. Schwarz kiseb il-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tiegħu 43 sena qabel ma wettaq il-ksur li wassal għall-irtirar tal-liċenzja Ġermaniża. Barra minn hekk, fit-2 ta’ April 2001, l-Ordnungsamt Mannheim irrifjutat li toħroġlu liċenzja ġdida minħabba li ma kienx ipproduċa r-rapport mediku u psikoloġiku mitlub u għaldaqstant ma pprovax li huwa kien mill-ġdid kapaċi jsuq.

    70.

    Għaldaqstant, ebda awtorità ma setgħet, wara l-miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża tiegħu u l-perijodu ta’ sitt xhur ta’ projbizzjoni milli ssir applikazzjoni għal liċenzja ġdida, tipproċedi bit-test tal-ħiliet tiegħu tas-sewqan. Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi pussess ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba snin qabel it-twettiq tal-ksur lanqas ma jippermetti li jiġi żgurat li K. Schwarz kien jissodisfa l-kundizzjonijiet mediċi meħtieġa mill-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 91/439.

    71.

    F’dan ir-rigward, infakkar li mill-punti 14.1 u 15 tal-Anness III ta’ din id-direttiva jirriżulta li mhuwiex permess li liċenzja tas-sewqan tinħareġ jew tiġġedded fir-rigward ta’ persuna li għandha dipendenza fuq l-alkoħol jew fuq id-droga jew li, minkejja li ma jkollhiex din id-dipendenza, tikkonsma jew tabbuża minnhom regolarment.

    72.

    Ir-rapport mediku u psikoloġiku mitlub mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida, b’applikazzjoni ta’ dawn il-punti, jippermetti preċiżament li jiġu vverifikati l-ħiliet tal-persuna li l-liċenzja tas-sewqan tagħha tkun ġiet irtirata minħabba sewqan taħt l-effett tal-alkoħol.

    73.

    Li wieħed jaċċetta li K. Schwarz seta’ jinvoka l-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka tiegħu, meta huwa ma qagħad għal ebda test li juri l-ħiliet tiegħu tas-sewqan, iwassal sabiex jiġu evitati r-regoli tas-sigurtà stipulati permezz tad-Direttiva 91/439, u jmur kontra l-għan tagħha li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

    74.

    Jiena nfakkar li din hija preċiżament ir-raġuni li minħabba fiha l-imsemmija direttiva tipprovdi li persuna jista’ jkollha biss liċenzja waħda tas-sewqan. Il-pussess, fil-każ partikolari ħafna bħalma huwa dak tal-kawża prinċipali, ta’ żewġ liċenzji tas-sewqan ma għandux jippreġudika l-għan doppju tad-Direttiva 91/439, jiġifieri, minn naħa, il-moviment liberu tal-persuni taħt il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan u, min-naħa l-oħra, it-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

    75.

    Fi kliem ieħor, għalkemm K. Schwarz jista’ jkun pussessur ta’ żewġ liċenzji tas-sewqan, xorta waħda jibqa’ l-fatt li għandu biss dritt wieħed għas-sewqan.

    76.

    Ma jkunx konformi mad-Direttiva 91/439 li persuna li tkun wettqet ksur serju kontra l-kodiċi li jirregola t-traffiku fit-toroq titħalla tinvoka t-tieni liċenzja tas-sewqan, meta ma jkunx ġie stabbilit li dik il-persuna tkun mill-ġdid kapaċi ssuq.

    77.

    Fid-dawl tal-premess, jiena nħoss li skont l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi, fir-rigward ta’ persuna li, fit-territorju tiegħu, kienet suġġetta għal miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tas-sewqan tagħha, il-validità ta’ liċenzja tas-sewqan li kienet inħarġitilha qabel minn Stat Membru ieħor.

    78.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna tista’ tkun pussessur ta’ żewġ liċenzji tas-sewqan, minn naħa, meta l-ewwel liċenzja maħruġa minn Stat terz tkun inħarġet qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 80/1263 u, min-naħa l-oħra, meta, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/439, din il-persuna, li tkun diġà pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta fit-territorju tal-Komunità, tissuġġetta ruħha għat-test tal-ħiliet mitluba għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. Madankollu, jiena naħseb li l-Artikolu 8(2) u (4) ta’ din l-istess direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix Stat Membru milli, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan li tkun inħarġet qabel minn Stat Membru ieħor.

    79.

    Qabel ma nikkonkludi, jidhirli li jkun utli li jitfakkar b’mod skematiku l-qafas ġenerali tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan u tal-eċċezzjonijiet tiegħu, kif jirriżultaw mid-Direttiva 91/439 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    80.

    Skont id-Direttiva 91/439:

    ċittadin Ewropew jista’ jkollu biss liċenzja tas-sewqan waħda maħruġa minn Stat Membru;

    Stat Membru ma jistax joħroġ liċenzja tas-sewqan lil persuna li tkun ilha residenti fit-territorju tiegħu inqas minn sitt xhur jew lil persuna li tkun fi stat ta’ dipendenza fuq l-alkoħol jew fuq id-droga;

    liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru tibbenefika mir-rikonoxximent reċiproku fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra;

    madankollu, Stat Membru jista’, f’ċerti ċirkustanzi, japplika d-deċiżjonijiet tiegħu fir-rigward tar-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan jew tal-liċenzja tas-sewqan; u

    l-Istati Membri għandhom l-obbligu tal-kooperazzjoni leali bejniethom.

    81.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja:

    il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Awoyemi, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-obbligu tar-rikonoxximent reċiproku japplika mingħajr ebda formalità u ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri li jridu jieħdu biex jikkonformaw miegħu ( 18 );

    fis-sentenza Kapper, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fid-digriet Halbritter u Kremer ( 19 ), iċċitat iktar ’il fuq, hija indikat li meta jkun għadda l-perijodu tal-projbizzjoni milli ssir applikazzjoni għal liċenzja ġdida fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jew meta l-miżura ta’ rtirar ma jkollhiex perijodu bħal dan, dan l-Istat Membru ma jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor;

    fis-sentenza Wiedemann u Funk, iċċitata iktar ’il fuq, hija stabbiliet eċċezzjoni għal dan il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Hija indikat li Stat Membru seta’ jirrifjuta, fir-rigward ta’ persuna li jkun ġie suġġett, fit-territorju tiegħu, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan flimkien ma’ projbizzjoni milli ssir applikazzjoni għal liċenzja ġdida, li jirrikonoxxi liċenzja ġdida maħruġa minn Stat Membru ieħor matul il-perijodu ta’ projbizzjoni ( 20 ); u

    il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li persuna li ġiet suġġetta għal miżura restrittiva tad-dritt tagħha li ssuq ma għandhiex tkun tista’ tikseb liċenzja tas-sewqan bi ksur tal-kundizzjoni tar-residenza. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din il-kundizzjoni tikkontribwixxi, b’mod partikolari, sabiex tiġġieled it-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan” fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan. Barra minn hekk, peress li l-imsemmija kundizzjoni hija kundizzjoni preliminari li tippermetti l-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra imposti mid-Direttiva 91/439, hija għandha importanza partikolari ( 21 ). Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat prijorità lis-sigurtà fit-toroq.

    82.

    Fid-dawl tal-premess, jidher ċar li l-ġurisprudenza uniformi tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-interpretazzjoni tiegħi, tirrifletti l-għan li jiġi kkombinat l-eżerċizzju tal-moviment liberu mal-ħtieġa li jiġu żgurati, lil min juża dan id-dritt, il-kundizzjonijiet indispensabbli tas-sigurtà.

    83.

    Jidhirli li huwa opportun li nirrileva li l-moviment liberu jista’ jkun realtà konkreta biss jekk iċ-ċittadini li jeżerċitawh ma jkunux, minħabba f’hekk, esposti għal perikli inġusti. Fil-fehma tiegħi, tkun qiegħda toħloq dan il-periklu dik il-persuna li, minkejja li tkun ġiet rikonoxxuta bħala li ma għandhiex il-kapaċità tas-sewqan b’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, tkompli ssuq mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba mid-direttiva fis-seħħ.

    84.

    Din hija r-raġuni għaliex jidhirli li huwa ġust li jingħad li fl-istat preżenti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-ġurisprudenza mhijiex biżżejjed sabiex timpedixxi sitwazzjonijiet ta’ din in-natura.

    85.

    Din il-kawża, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta li ssegwi l-proposta tiegħi, turi b’mod inkontestabbli l-lakuna ġuridika li tħalliet, f’dan ir-rigward, mid-Direttiva 91/439. Fil-fatt, jekk jiġi deċiż, kif ser nipproponi, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet iġġustifikata tirrifjuta li tirrikonoxxi l-liċenzja Awstrijaka ta’ K. Schwarz, dan ikun jista’ mingħajr ebda xkiel isuq b’dik il-liċenzja fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni fejn joħloq l-istess periklu bħalma joħloq fil-Ġermanja.

    86.

    Għal dawn ir-raġunijiet, ma jidhirlix li huwa inutli li l-leġiżlatur Komunitarju jieħu konjizzjoni ta’ din il-problema sabiex isib is-soluzzjoni xierqa.

    V — Konklużjoni

    87.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa mil-Landgericht Mannheim bil-mod kif ġej:

    “L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li persuna jista’ jkollha żewġ liċenzji tas-sewqan, minn naħa, meta l-ewwel liċenzja maħruġa minn Stat terz tkun inħarġet qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill 80/1263/KEE, tal-4 ta’ Diċembru 1980, dwar l-introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja u min-naħa l-oħra, meta, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/439, din il-persuna, li tkun diġà pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta fit-territorju tal-Komunità, toqgħod għal test tal-ħiliet mitluba għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439, kif emendata bir-Regolament Nru 1882/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzja tas-sewqan li tkun inħarġet qabel minn Stat Membru ieħor.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU L 375, p. 1. Din id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1983.

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1 p. 317-340. Direttiva kif emendata bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447-499, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/439”).

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 392-441.

    ( 5 ) Ara l-Artikolu 1(2).

    ( 6 ) Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/439 u t-tielet premessa tad-Deċiżjoni 2000/275.

    ( 7 ) Ara l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2000/275.

    ( 8 ) Ara l-ewwel premessa.

    ( 9 ) Ara l-Artikolu 8(3) ta’ din id-direttiva.

    ( 10 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(6) tal-imsemmija direttiva.

    ( 11 ) Il-kawżi dwar il-liċenzji tas-sewqan imressqa preċedentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja juruna li, anki bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 91/439 u l-obbligu li wieħed ikollu biss liċenzja waħda tas-sewqan, huwa diffiċli, fil-prattika, li jiġi vverifikat jekk il-persuna tkunx diġà pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. Ċertament l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja jkomplu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet sakemm ma jitħaddimx netwerk, fi ħdan l-Unjoni, ta’ fajls li jkollhom il-liċenzji tas-sewqan ta’ dawk li jużaw it-toroq. F’dan ir-rigward, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2006/126/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, p. 18) li hija intiża sabiex tissostitwixxi d-Direttiva 91/439 u li ser tidħol fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2013, tipprovdi espressament, fl-Artikolu 7(5)(b), (ċ) u (d) tagħha, li l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li joħorġu liċenzja tas-sewqan lil persuna li jkollha diġà liċenzja. Hemm speċifikat li l-Istati Membri għandhom jivverifikaw mal-Istati Membri l-oħra jekk il-persuna interessata hijiex diġà pussessur ta’ xi liċenzja oħra tas-sewqan meta jkun hemm motivi raġonevoli ta’ suspett ta’ dan. Sabiex jiġi sodisfatt dan ir-rekwiżit, l-Istati Membri għandhom jużaw in-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni, meta dan jiġi implementat.

    ( 12 ) Ara l-ewwel premessa tad-Deċiżjoni 2000/275. Infakkar ukoll li l-liċenzji maħruġa mill-awtoritajiet Awstrijaċi bejn l-1 ta’ Jannar 1956 u l-1 ta’ Novembru 1997 huma rrikonoxxuti li huma ekwivalenti għall-mudell Komunitarju.

    ( 13 ) Ara l-punti 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju, u 22 sa 26 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    ( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi (C-230/97, Ġabra p. I-6781, punti 41 u 42).

    ( 15 ) C-329/06 u C-343/06 rispettivament kif ukoll C-334/06 sa C-336/06, Ġabra p. I-4691.

    ( 16 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Kapper (C-476/01, Ġabra p. I-5205, punt 76).

    ( 17 ) Digriet tat-28 ta’ Settembru 2006, Kremer (C-340/05, punti 34 u 35).

    ( 18 ) Punti 41 u 42.

    ( 19 ) Digriet tas-6 ta’ April 2006 (C-227/05).

    ( 20 ) Ara s-sentenza Wiedemann u Funk, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65).

    ( 21 ) Ibidem (punti 68 sa 71). Ara wkoll is-sentenza Zerche et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 65 sa 68).

    Top