Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0200

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Poiares Maduro - 26 ta' Ġunju 2008.
    Alfonso Luigi Marra vs Eduardo De Gregorio (C-200/07) u Antonio Clemente (C-201/07).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Corte suprema di cassazione - l-Italja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Parlament Ewropew - Fuljett maħruġ minn Membru tal-Parlament Ewropew u li kien fih kummenti inġurjużi - Talba għal kumpens għal dannu morali - Immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew.
    Każijiet Magħquda C-200/07 u C-201/07.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-07929

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:369

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    POIARES MADURO

    ippreżentati fis-26 ta’ Ġunju 2008 ( 1 )

    Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07

    Alfonso Luigi Marra

    vs

    Eduardo De Gregorio u Antonio Clemente

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Parlament Ewropew — Fuljett maħruġ minn Membru tal-Parlament Ewropew u li fih kummenti inġurjużi — Talba għal kumpens tad-dannu morali — Immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew”

    1. 

    F’dan ir-rinviju mill-Corte Suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) (l-Italja), il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tagħti deċiżjoni rigward l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-immunità li jgawdu l-Membri tal-Parlament Ewropew minn proċeduri ċivili jew kriminali.

    2. 

    Iż-żewġ kawżi li taw lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw allegazzjonijiet ta’ malafama mressqa kontra Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Taljan. Il-qrati nazzjonali sabuh responsabbli u ordnaw kumpens għad-danni lir-rikorrenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija, l-ewwel nett, jekk qorti nazzjonali li għandha pendenti quddiemha kawża ċivili kontra MPE hijiex marbuta li titlob lill-Parlament Ewropew ir-revoka tal-immunità tiegħu, fil-każ li l-MPE ma jkunx talab huwa stess lill-Parlament biex jiddefendi l-immunità tiegħu, u t-tieni nett, jekk il-qorti nazzjonali għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi dwar jekk l-aġir tal-MPE huwiex kopert mill-immunità, fin-nuqqas tal-komunikazzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jiddefendi l-immunità tal-membru kkonċernat.

    I — Il-kuntest ġuridiku

    3.

    Il-konvenut fil-kawża prinċipali, Alfonso Luigi Marra, kien Membru tal-Parlament Ewropew bejn l-1994 u l-1999. Meta kien MPE, huwa qiegħed fiċ-ċirkulazzjoni numru ta’ fuljetti li jikkritikaw is-sistema ġuridika Taljana kif ukoll ċerti mħallfin. A. Clemente u E. de Gregorio, li ssemmew fil-fuljetti, fetħu kawżi ta’ malafama kontra Marra. Meta l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba tagħhom u ordnat favurihom kumpens għad-danni, Marra appella quddiem il-Corte d’appello di Napoli (il-qorti ta’ appell ta’ Napli). Fis-sentenzi tagħha tat-23 ta’ Jannar u tas- (fil-każ ta’ Clemente) u tat- (fil-każ ta’ de Gregorio), il-Corte d’appello di Napoli kkonfermat is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ddeċidiet li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ma kinux koperti mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. Marra appella fuq punti tad-dritt quddiem il-Corte Suprema di Cassazione, billi sostna, fost l-oħrajn, li l-Corte d’appello di Napoli ma applikatx korrettament l-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew li jispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita f’dak li jirrigwarda t-talbiet biex tiġi rrevokata l-immunità ta’ MPE.

    4.

    Sadanittant, fis-16 ta’ Frar 2001, Marra kien kiteb lill-President tal-Parlament Ewropew fejn talab li l-Parlament Ewropew jintervjeni skont ir-Regola 6 sabiex jiddefendi l-immunità tiegħu. It-talba tiegħu ġiet trażmessa lill-Kumitat għall-Affarijiet Ġuridiċi u s-Suq Intern b’ittra tal-President li kienet iġġib id-data tal-. Fil-laqgħa tat-, il-Kumitat iddeċieda li jintervjeni favur Marra u saret rakkomandazzjoni f’dan is-sens fir-rapport dwar l-Immunità tal-Membri Taljani u dwar il-prattiki tal-awtoritajiet Taljani rigward is-suġġett tat- ( 2 ). Fil-, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-immunità parlamentari fl-Italja u l-prattiki tal-awtoritajiet Taljani f’dan il-qasam ( 3 ), li tikkonkludi b’dan il-mod:

    “1.

    [Il-Parlament] jiddeċiedi li l-każijiet ta’ […] u ta’ Alfonso Marra jagħtu lok għal każ prima facie ta’ immunità assoluta u li l-qrati kompetenti għandhom jiġu nnotifikati biex jittrażmettu lill-Parlament id-dokumentazzjoni meħtieġa sabiex jiġi stabbilit jekk il-każijiet inkwistjoni jinvolvux immunità assoluta skond l-Artikolu 9 tal-Protokoll rigward l-opinjonijiet espressi jew il-voti mitfugħin mill-membri inkwistjoni fil-qadi ta’ dmirijiethom u li l-qrati kompetenti għandhom jiġu mistiedna jissospendu l-proċeduri pendenti sakemm il-Parlament jasal għal deċiżjoni finali;

    2.

    Jordna lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat tiegħu lir-Rapprenżantant [Rappreżentant] Permanenti tar-Repubblika Taljana, immarkati għall-attenzjoni ta’ l-awtorità kompetenti tar-Repubblika Taljana.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    II — Id-domandi preliminari

    5.

    B’digriet tal-20 ta’ Frar 2007, il-Corte Suprema di Cassazione rrinvijat żewġ domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-immunità tal-MiPE.

    “1.

    Fil-każ tan-nuqqas ta’ azzjoni ta’ membru tal-Parlament Ewropew, li ma jeżerċitax is-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu [6(3)] tar-[Regoli ta’ Proċedura] tal-Parlament Ewropew sabiex jitlob direttament lill-President il-protezzjoni tal-privileġġi u tal-immunitajiet, il-qorti li għandha l-kawża ċivili pendenti quddiemha hija madankollu marbuta li titlob lill-President ir-revoka tal-immunità, għall-finijiet ta’ tkomplija tal-proċedura u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni?

    jew

    2.

    Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Parlament Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jiddefendi l-immunitajiet u l-privileġġi tal-membru Parlamentari, il-qorti li għandha l-kawża ċivili pendenti quddiemha tista’ tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ dak il-privileġġ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ?”

    6.

    Meta jitqies il-mod li bih ġew ifformulati d-domandi, il-qorti nazzjonali donnha tassumi li Marra ma talabx lill-President tal-Parlament Ewropew biex jiddefendi l-immunità tiegħu u li l-Parlament ma kkomunikax li huwa kellu l-intenzjoni li jagħmel dan. Madankollu, m’hemm l-ebda dubju li Marra ressaq tali talba, li l-Parlament indika li d-dikjarazzjonijiet ta’ Marra jistgħu jkunu koperti mill-immunità, u talab biex il-qorti nazzjonali kompetenti tkun innotifikata biex tittrażmetti d-dokumenti rilevanti u ta ordnijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi d-deċiżjoni tiegħu lir-Rappreżentant Permanenti tal-Italja ( 4 ). Waqt is-smigħ, ir-rappreżentant tal-Parlament ikkonferma li r-riżoluzzjoni ma ġietx trażmessa direttament lill-qorti nazzjonali iżda lir-Rappreżentant Permanenti tal-Italja. Id-digriet tar-rinviju jsemmi r-Rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ġuridiċi u s-Suq Intern tat-30 ta’ Mejju 2002 iżda mhux ir-riżoluzzjoni effettiva tal-Parlament Ewropew tal-, li adottat ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport. Meta ntalab għal kjarifiki, kemm mill-President tal-Qorti kif ukoll minni stess, ir-rappreżentant tal-Gvern Taljan irrefera għal dawk il-punti fl-ordni li kienu jinsabu fih fir-rapport tat- u sostna li l-qorti nazzjonali fformulat id-domandi tagħha b’dan il-mod għaliex qieset ir-rapport inkwistjoni bħala pożizzjoni provviżorja, u mhux finali, tal-Parlament. Madankollu, il-Parlament kien adotta pożizzjoni finali fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-, li, kif indika r-rappreżentant tal-Parlament, ġiet ikkomunikata lir-Rappreżentant Permanenti tal-Italja.

    7.

    F’kull każ, peress li kemm Marra kif ukoll il-Parlament Ewropew ħadu azzjoni, naħseb li ż-żewġ domandi jistgħu jiġu fformulati mill-ġdid kif ġej:

    “Meta titressaq kawża ċivili kontra Membru tal-Parlament Ewropew, il-qorti li għandha l-kawża pendenti quddiemha hija marbuta li titlob l-opinjoni tal-Parlament dwar jekk l-imġiba inkwistjoni hijiex koperta mill-immunità parlamentari jew din il-qorti tista’ tiddeċiedi hija stess dwar l-eżistenza jew le ta’ dan il-privileġġ?”

    III — L-immunità parlamentari fid-dritt Ewropew

    Il-prinċipji

    8.

    Id-dispożizzjonijiet rilevanti jinsabu fl-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 9 jipprovdi dan li ġej:

    “Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.”

    9.

    L-Artikolu 10 jipprovdi:

    “Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

    (a)

    fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom;

    (b)

    fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

    L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

    L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.”

    10.

    L-ewwel punt li għandu jiġi osservat huwa li dawn iż-żewġ artikoli ma jeskludux lil xulxin; huma jaħdmu b’mod kumulattiv, u għandhom jinqraw flimkien. Għalhekk, huwa possibbli li l-istess imġiba taqa’ fl-ambitu ta’, u tibbenefika mill-protezzjoni offruta, miż-żewġ artikoli.

    11.

    It-tieni nett, meta ninterpretaw dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna l-għan u l-fini tagħhom. Hekk kif isostnu ġustament il-Parlament u l-Kummissjoni, l-immunità parlamentari hija dispożizzjoni istituzzjonali li għandha l-għan li tiggarantixxi l-indipendenza tal-Parlament Ewropew u tal-membri tiegħu kif ukoll li tiffaċilita l-funzjonament tiegħu bħala entità kollettiva li għandha rwol vitali fil-kuntest ta’ soċjetà libera u demokratika. Madankollu, għandu jiġi ammess fl-istess ħin li individwi speċifiċi, il-Membri ta’ dan il-Parlament, huma wkoll benefiċjarji ta’ dan il-ftehim. Min-natura stess tagħha, l-immunità parlamentari tagħti lil ċerti individwi, minħabba l-funzjoni istituzzjonali li għandhom, li hija strumentali għar-rwol demokratiku tal-Parlament, privileġġ li ma jingħatax lil ċittadini oħrajn li ma jwettqux tali funzjoni. L-idea sottostanti hija li bħala membri ta’ komunità politika aħna qbilna li, fil-kuntest ta’ demokrazija rappreżentattiva, huwa fl-interess ta’ kull membru tal-komunità li dawk li jiġu eletti biex jirrappreżentawna għandhom igawdu minn dan il-privileġġ sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mod korrett u effettiv. B’hekk, m’għandu jkun hemm l-ebda dubju li l-fini tal-immunità parlamentari huwa li jiġu protetti kemm l-istituzzjoni tal-Parlament bħala tali, kif ukoll il-membri tiegħu inkwantu individwi.

    12.

    In-natura doppja tal-immunità parlamentari tista’ tiġi osservata mid-diċitura u mill-istruttura tal-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll. L-Artikolu 10 jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom Membru jista’ jibbenefika mill-immunità matul is-sessjonijiet tal-Parlament fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu, fi Stat Membru ieħor jew meta jkun qed jivvjaġġa lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament, u mbagħad jistipula li l-immunità tista’ tiġi rrevokata mill-Parlament u ma tistax tintalab jekk il-Membru jinqabad fl-att li jwettaq reat. Hawnhekk, il-ħsieb tal-leġiżlatur Komunitarju jidher li huwa li jipproteġi lill-MPE minn miżuri li jistgħu jinterferixxu fil-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-sessjonijiet tal-Parlament u fl-eżerċizzju tad-dmirijiet parlamentari tagħhom. Madankollu, il-Parlament dejjem jista’ jirrevoka dan il-privileġġ jekk ikun tal-fehma li l-imġiba ta’ Membru ma tkunx relatata mar-rwol tiegħu bħala Membru tal-Parlament u b’hekk ma jistax jibbenefika mill-immunità parlamentari. Pereżempju, jekk Membru jiġi akkużat bi frodi jew bi qtil, fil-prinċipju, il-Parlament għandu jirrevoka l-immunità tiegħu minkejja l-fatt li jekk jinstab ħati huwa ma jkunx jista’ jaqdi d-dmirijiet parlamentari tiegħu, peress li dawn huma atti li bl-ebda mod ma huma relatati man-natura tal-kariga tiegħu ta’ MPE, sakemm, naturalment, ma jkollux raġunijiet biex jemmen li l-akkuża mhijiex fondata u għandha l-għan li tinterferixxi fil-funzjonijiet politiċi tal-MPE u ma tħallihx jaqdi d-dmirjiet parlamentari tiegħu. Bil-kontra, l-Artikolu 9 li japplika għal opinjonijiet u għal voti mitfugħin minn MiPE waqt li qed jaqdu dmirijiethom, għandu bħala għan prinċipali li jipproteġi l-integrità tad-diskors politiku u b’hekk l-integrità tal-Parlament Ewropew u tal-attivitajiet tiegħu bħala tali. Jekk jittieħdu passi kontra Membru fir-rigward ta’ opinjoni li jkun esprima jew vot li jkun tefa’ bħala MPE, dan ikun qed joffendi lill-istituzzjoni tal-Parlament stess, peress li tali miżura ddgħajjef il-pożizzjoni li għandu l-Parlament bħala forum par excellence għal dibattitu miftuħ u għal deliberazzjoni demokratika. Naturalment, fl-Artikolu 9, l-istess bħal fl-Artikolu 10, il-Membri individwali jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-immunità, fis-sens li ma jkunux suġġetti għal proċeduri legali; iżda r-raġuni għal dan il-ftehim hija li jekk ikunu permessi proċeduri legali rigward opinjonijiet jew voti tkun qed tiġi attakkata l-essenza ta’ demokrazija deliberattiva u rappreżentattiva.

    13.

    Din id-differenza fl-enfasi toħroġ mill-fatt li huwa possibbli li l-Parlament Ewropew jirrevoka l-immunità skont l-Artikolu 10, iżda mhux skont l-Artikolu 9. L-Artikolu 10 għandu ambitu iktar wiesa’ minn dak tal-Artikolu 9 peress li huwa jkopri mhux biss opinjonijiet u voti iżda wkoll imġiba oħra; madankollu, il-protezzjoni li joffri hija taħt kundizzjoni, peress li l-immunità tista’ tiġi rrevokata mill-Parlament. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9 għandu ambitu iktar ristrett — huwa jipproteġi biss l-opinjonijiet u l-voti fil-qadi tad-dmirjiet parlamentari ta’ Membru — iżda joffri protezzjoni assoluta: ladarba jinstab li opinjoni jew vot tkun rilevanti għad-dmirijiet parlamentari ta’ Membru, il-privileġġ ma jista’ jiġi rrevokat bl-ebda mod. F’dan is-sens, nistgħu ngħidu li l-Artikolu 9 jikkostitwixxi l-parti ċentrali tal-privileġġ parlamentari peress li ma jistax jiġi rrevokat u jista’ jiġi invokat mill-MPE anki għal proċeduri li nbdew wara li l-mandat tagħhom intemm, filwaqt li l-Artikolu 10 joffri protezzjoni addizzjonali (peress li għandu ambitu iktar wiesa’ mill-Artikolu 9), li, madankollu, tista’ tiġi rrevokata mill-Parlament u tkopri biss proċeduri li tressqu matul il-mandat tal-MPE.

    Il-kawża li tikkonċerna Marra

    14.

    Marra huwa ċittadin Taljan li jixtieq jibbenefika mill-immunità fl-Italja għal avvenimenti li seħħew waqt li kien Membru tal-Parlament Ewropew. Huwa kien qiegħed fiċ-ċirkulazzjoni l-fuljetti inkwistjoni bejn l-1996 u l-1997 u de Gregorio fetaħ il-kawża tiegħu għal malafama fit-8 ta’ Ġunju 1998 ( 5 ). Peress li l-proċedura nbdiet waqt li kien għadu MPE, huwa kien intitolat, fl-ewwel lok, għall-protezzjoni tal-Artikolu 10 tal-Protokoll; skont l-Artikolu 10(1)(a) huwa għandu jingħata l-istess privileġġi li jgawdu l-Membri tal-Parlament Taljan.

    15.

    L-Artikolu 68(1) tal-kostituzzjoni Taljana jipproteġi d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Membri tal-Parlament Taljan fil-kliem li ġej: “Il-Membri tal-Parlament ma jistgħux jissejħu quddiem il-qorti għal responsabbiltà għall-opinjonijiet espressi jew għall-voti mitfugħin fl-eżerċizzju tal-kariga tagħhom”. Jidher ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li qorti Taljana li quddiemha jinfetħu kawżi ċivili jew kriminali kontra Membru tal-Parlament Taljan m’għandha l-ebda obbligu li titlob l-awtorizzazzjoni preċedenti ta’ dan il-Parlament qabel ma tevalwa l-kawża kontra l-MP inkwistjoni jew li titlob l-opinjoni tiegħu dwar jekk tapplikax l-immunità pprovduta fl-Artikolu 68(1) tal-kostituzzjoni Taljana. Din tal-aħħar tagħti lill-MiP Taljani protezzjoni fir-rigward tal-opinjonijiet u tal-voti fi kliem identiku għal dak tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, u, kif osserva l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2002, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet joffru l-istess tip ta’ privileġġ assolut ( 6 ). Hija l-qorti stess li għandha tevalwa jekk dan il-privileġġ japplikax għall-fatti ta’ kawża speċifika u tipproċedi fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni. Madankollu jidher li jekk il-Parlament Taljan ikun iddeċieda b’mod espliċitu li l-kawża taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 68(1) tal-Kostituzzjoni, u b’hekk tkun koperta minn immunità assoluta, il-qorti għandha tosserva din id-deċiżjoni u twaqqaf il-proċeduri kollha kontra l-MP inkwistjoni jew tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

    16.

    Madankollu, l-awtorizzazzjoni preċedenti tal-Parlament Taljan hija meħtieġa jekk qorti jkollha l-intenzjoni li tordna waħda mill-miżuri elenkati fl-Artikoli 68(2) u 68(3) kontra membru tal-Parlament; dawn jinkludu tiftix, arrest jew tiċħid ieħor ta’ libertà, interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet u sekwestru tal-korrispondenza. Dawn id-dispożizzjonijiet joffru lill-MiP Taljani forma ta’ privileġġ taħt kundizzjoni: fil-prinċipju, dawn huma protetti minn tali miżuri ħlief jekk il-Parlament jiddeċiedi li jawtorizzahom wara talba minn awtorità ġudizzjarja.

    17.

    Għaldaqstant, jekk Marra kien mhedded b’arrest jew b’miżura oħra li tiċħdu mil-libertà minħabba l-allegazzjonijiet ta’ malafama miġjuba kontra tiegħu, il-qorti tkun obbligata titlob lill-Parlament Ewropew li jirrevoka l-immunità tiegħu skont l-Artikolu 10(3) tal-Protokoll u li toqgħod lura milli tieħu kwalunkwe azzjoni qabel id-deċiżjoni tal-Parlament rigward it-talba. Madankollu, Marra qatt ma kien suġġett għal tali theddida; ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fetħu kawża ċivili kontra tiegħu u huwa kien ordnat iħallas id-danni. Il-qrati Taljani ma kienu bl-ebda mod obbligati jitolbu r-revoka tal-immunità qabel ma jagħtu kumpens għad-danni u l-Artikolu 10(3) tal-Protokoll mhux applikabbli f’każ bħal dan.

    18.

    Marra jsostni li d-dikjarazzjonijiet tiegħu kienu koperti mill-privileġġ assolut tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, li, essenzjalment, jiggarantixxi lill-Membri tal-Parlament Ewropew l-istess protezzjoni fir-rigward tal-opinjonijiet li l-Artikolu 68(1) tal-kostituzzjoni Taljana jiggarantixxi lill-Membri tal-Parlament Taljan ( 7 ). X’inhi l-proċedura li l-qrati nazzjonali għandhom isegwu meta jkollhom quddiemhom tali allegazzjoni? Din hija d-domanda ċentrali li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju qed titlob gwida mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont id-dispożizzjoni korrispondenti dwar l-immunità assoluta fil-kostituzzjoni Taljana (l-Artikolu 68(1)), il-qrati jistgħu jifformaw l-opinjoni tagħhom dwar l-eżistenza jew le tal-privileġġ f’każ partikolari mingħajr ma jitolbu l-opinjoni tal-Parlament meta dan tal-aħħar ma jkunx esprima ruħu. Jistgħu jagħmlu l-istess meta jinterpretaw l-Artikolu 9 tal-Protokoll? Jew huwa neċessarju li l-Parlament Ewropew jintalab jiddeċiedi dwar dan il-punt?

    19.

    Fl-ewwel domanda tagħha, il-Corte Suprema di Cassazione tirreferi għal talba għal “revoka tal-immunità”. Kif ġie spjegat qabel, ma teżisti l-ebda possibbiltà bħal din b’relazzjoni għall-immunità assoluta tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Essenzjalment, dak li qed jintalab hawnhekk huwa jekk il-qorti nazzjonali għandhiex titlob l-opinjoni jew ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar jekk il-fatti ta’ kawża partikolari jagħtux lok għal każ ta’ immunità assoluta meta l-Parlament Ewropew ma jkunx ta opinjoni dwar il-kwistjoni.

    20.

    Biex nirrispondu din id-domanda, għandna nibdew mid-diċitura tal-Artikolu 9. Din id-dispożizzjoni tagħti privileġġ sostantiv — immunità assoluta minn kwalunkwe forma ta’ proċedura — iżda ma timponix l-obbligu proċedurali li, f’każ partikolari, il-qrati nazzjonali għandhom jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar l-eżistenza tal-privileġġ. Jekk il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jillimita s-setgħat tal-qrati nazzjonali f’dan ir-rigward, kien jagħmel dan b’mod espliċitu; fin-nuqqas ta’ tali regola, l-Artikolu 9 tal-protokoll ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-qrati nazzjonali huma meħtieġa jitolbu l-opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar jekk il-privileġġ jeżistix jew le.

    21.

    Nistgħu niddeduċu konklużjoni simili mill-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew li jipprovdi dan li ġej: “[k]ull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jidd[e]fendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rreferuta lill-kumitat responsabbli” (enfasi miżjuda). Hawnhekk huwa ċar li l-inizjattiva tinsab f’idejn il-Membru jew l-eks-Membru kkonċernat. Huwa għandu jressaq il-każ tiegħu għall-attenzjoni tal-President u jitlob lill-Parlament sabiex jintervjeni biex jiddefendi l-immunità tiegħu. Ma jeżisti l-ebda element fl-Artikolu 6(3) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra fir-Regoli ta’ Proċedura li jista’ jsostni l-fehma li l-qrati nazzjonali għandhom huma nfushom jieħdu l-inizjattiva għal tali proċedura. Barra minn hekk, tali obbligu għall-qrati nazzjonali ma setax ġie inkluż fir-Regoli ta’ Proċedura. Filwaqt li l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet huwa parti mid-dritt Komunitarju primarju, ir-Regoli ta’ Proċedura huma sempliċement dokument intern maħluq mill-Parlament Ewropew sabiex jirregola l-ħidma tiegħu; dawn m’għandhomx l-effetti ġuridiċi fis-sistemi legali tal-Istati Membri u ma jistgħux jimponu obbligi fuq il-qrati nazzjonali.

    22.

    Għalhekk, naħseb li jekk il-Parlament Ewropew ma indikax li każ speċifiku huwa kopert mill-immunità, wara talba minn Membru jew minn eks-Membru, il-qorti nazzjonali mhijiex obbligata li tibda l-proċedura hija stess u titlob l-opinjoni tal-Parlament dwar jekk l-immunità teżistix jew le.

    23.

    Issa ejja nqisu x-xenarju oppost u nippreżumu li l-Parlament effettivament esprima l-opinjoni tiegħu. F’dan il-każ, il-Membru jew l-eks-Membru li jixtieq jibbenefika mill-immunità talab lill-President biex jiddefendi l-privileġġ tiegħu skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli tal-Proċedura u l-Parlament iddeċieda li l-każ tiegħu huwa kopert mill-immunità. Din id-deċiżjoni hija vinkolanti għall-qorti nazzjonali?

    24.

    Fil-prinċipju, naħseb li mhijiex vinkolanti. Il-bażi ġuridika għall-proċedura li permezz tagħha l-Parlament jiddefendi l-privileġġi tal-Membri tiegħu u jesprimi fehmtu dwar jekk l-immunità tapplikax għal każ speċifiku hija r-Regoli ta’ Proċedura. Kif semmejt qabel, dawn huma regoli interni biex jiġu organizzati l-kwistjonijiet interni tal-Parlament u ma jistgħux ikunu s-sors ta’ obbligi għall-awtoritajiet nazzjonali. Dan huwa impliċitu b’mod ċar fl-Artikolu 7(6) li jipprovdi: “[f]’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi [… il-Parlament] għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità [k]konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa”. Hawnhekk, il-Parlament stess huwa tal-fehma, ġustament, li l-eżitu tal-proċedura ta’ difiża tal-privileġġ inkwistjoni hija stedina biex l-awtorità nazzjonali tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa dwar kif tittratta każ partikolari.

    25.

    Madankollu, il-fehmiet tal-Parlament dwar l-immunità assoluta, minkejja l-fatt li mhumiex vinkolanti, għandhom jitqiesu bis-serjetà u l-qorti nazzjonali għandha tirrikonoxxi s-setgħa persważiva konsiderevoli tagħhom. Dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali inkluż fl-Artikolu 10 KE u jiġi ripetut, b’relazzjoni għall-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet, fl-Artikolu 19 tiegħu ( 8 ). Jekk il-qorti nazzjonali ma tkunx tista’ taqbel mal-Parlament, hija għandha tagħti r-raġunijiet tagħha għal dan. Fil-fatt, li kieku jinqala’ tali nuqqas ta’ qbil, dan ikun indikazzjoni li dan kien każ adattat biex jiġi rrinvijat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li mingħandha l-qorti nazzjonali tista’ titlob gwida rigward l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

    26.

    Fil-paragrafi preċedenti jiena sostnejt li meta l-Parlament Ewropew ikun iddikjara fehmtu rigward l-eżistenza jew le tal-privileġġ assolut skont l-Artikolu 9 f’każ partikolari, il-qrati nazzjonali mhumiex marbuta “fil-prinċipju” li jsegwu lill-Parlament u, jekk ma jaqblux mal-opinjoni tiegħu, dawn “jistgħu” (iżda mhumiex obbligati jagħmlu dan) jirrinvijaw il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, obbligu bħal dan okkażjonalment jista’ jirriżulta minħabba l-kombinazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali u tal-Artikolu 10(1)(a).

    27.

    Rajna li l-Artikolu 10(1)(a) jeżiġi li Membru tal-Parlament Ewropew, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, igawdi eżattament l-istess privileġġi li jgawdu l-Membri tal-Parlament nazzjonali. Dan huwa rekwiżit ta’ ekwivalenza stretta. Issa nissuponu li fi Stat Membru partikolari teżisti dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tgħid li, meta l-Parlament nazzjonali jkun esprima fehma li dikjarazzjoni ta’ Membru hija koperta minn privileġġ, il-qrati nazzjonali għandhom jew isegwu l-fehma tal-Parlament jew jirrinvijaw il-każ quddiem qorti superjuri, bħal qorti kostituzzjonali jew qorti suprema. Membru tal-Parlament Ewropew minn dak l-Istat huwa intitolat għal eżattament l-istess trattament. Dan ifisser li jekk il-Parlament Ewropew ikun esprima fehma dwar il-każ tiegħu, il-qrati nazzjonali għandhom jew isegwuha jew jirrinvijaw il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-bażi għal tali obbligu huwa l-Artikolu 10(1)(a) tal-Protokoll, li jeżiġi ekwivalenza stretta bejn il-privileġġi mogħtija lill-Membri tal-Parlament nazzjonali u dawk mogħtija lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-Istati tagħhom ( 9 ). B’hekk, qorti nazzjonali li għandha pendenti quddiemha kawża kontra MPE, l-ewwel nett, għandha tistaqsi lilha nfisha x’kien ikun l-obbligu tagħha skont id-dritt nazzjonali li kieku l-persuna kkonċernata ma kinitx membru tal-Parlament Ewropew iżda tal-parlament nazzjonali. Jekk il-punt seta’ jiġi deċiż b’mod li jmur kontra l-opinjoni tal-parlament nazzjonali, mela tista’ tagħmel l-istess fir-rigward tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, iżda għandha tqis bis-serjetà jekk rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkunx xieraq. Jekk, min-naħa l-oħra, kienet tkun marbuta li ssegwi l-opinjoni tal-Parlament nazzjonali jew li tirrinvija l-kawża quddiem qorti superjuri, mela hija wkoll kien ikollha jew issegwi l-opinjoni tal-Parlament Ewropew jew tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. B’dan il-mod, il-Membri tal-Parlament Ewropew se jgawdu eżattament l-istess immunità bħal dik li jgawdu l-Membri tal-Parlament nazzjonali. Naturalment, għandha tkun il-qorti nazzonali li tinterpreta d-dritt nazzjonali u tivverifika x’inhuma r-rekwiżiti tiegħu.

    28.

    Fil-qosor: il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li, fil-każijiet fejn il-membru kkonċernat ma jkunx talab lill-Parlament biex jiddefendi l-privileġġ tiegħu, tista’ tiġi interpretata bħala waħda li teżiġi li l-qrati nazzjonali jagħtu bidu għal din il-proċedura ex officio u jitolbu lill-Parlament Ewropew għal opinjoni jew rakkomandazzjoni dwar l-eżistenza jew le tal-privileġġ f’każ partikolari. Jekk il-membru jkun talab lill-Parlament biex jiddefendi l-privileġġ tiegħu u dan tal-aħħar ikun esprima l-opinjoni tiegħu, fil-prinċipju, din l-opinjoni ma torbotx lill-qorti nazzjonali, iżda għandha titqies bis-serjetà. Jekk il-qorti nazzjonali tasal għal konklużjoni differenti minn dik tal-Parlament Ewropew, rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun xieraq. Jekk, madankollu, skont id-dritt nazzjonali, f’sitwazzjoni simili li tinvolvi lil membru tal-parlament nazzjonali, il-qrati nazzjonali kienu jkunu obbligati li jsegwu l-opinjoni tal-Parlament nazzjonali jew li jirrinvijaw il-kawża quddiem qorti superjuri, huma għandhom l-istess obbligu fir-rigward tal-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u għandhom jew isegwuhom jew jirrinvijaw il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    29.

    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda kif ġej:

    Qorti nazzjonali li għandha pendenti quddiemha kawża ċivili kontra Membru tal-Parlament Ewropew mhijiex marbuta li titlob l-opinjoni tal-Parlament dwar jekk l-imġiba li sar ilment dwarha hijiex koperta mill-immunità parlamentari, jekk il-Membru kkonċernat ma jkunx beda huwa stess il-proċedura skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew rigward it-talbiet tal-membri lill-Parlament biex jiddefendi l-privileġġi tagħhom. Jekk il-Membru kkonċernat ikun beda l-proċedura u l-Parlament ikun esprima opinjoni dwar l-immunità tiegħu, din l-opinjoni ma torbotx lill-qorti nazzjonali iżda għandha titqies bis-serjetà. Jekk il-qorti nazzjonali jkollha fehma differenti minn dik tal-Parlament, talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun xierqa. Jekk, madankollu, f’sitwazzjoni simili li tinvolvi lil membru tal-parlament nazzjonali, il-qrati nazzjonali kienu jkunu obbligati jsegwu l-opinjoni tal-parlament nazzjonali jew jirrinvijaw il-kawża quddiem qorti superjuri, huma għandhom l-istess obbligu fir-rigward tal-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawn għandhom jew isegwuhom jew jirrinvijaw il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda din hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.

    IV — L-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll: “fil-qadi ta’ dmirijiethom”

    30.

    Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiggwidaha f’dak li jirrigwarda l-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, parti konsiderevoli mid-deċiżjoni tar-rinviju tikkonċerna proprju din il-kwistjoni: liema opinjonijiet li ġew espressi għandhom jitqiesu li saru mill-membri tal-Parlament fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom u b’hekk koperti mill-privileġġ assolut ipprovdut f’dan l-Artikolu? Sabiex nirrepeti, tali kwistjoni tista’ tkun ġustament is-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari jekk il-qrati nazzjonali ma setgħux jaqblu mal-Parlament Ewropew dwar id-disponibbiltà jew le tal-privileġġ f’każ speċifiku. F’dan il-każ, il-Corte Suprema di Cassazione eventwalment se jkollha tiddeċiedi jekk il-qrati inferjuri applikawx b’mod korrett l-Artikolu 9, b’tali mod li mhux biss huwa raġjonevoli, iżda huwa wkoll mixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja toffri mill-inqas ċerti preċiżjonijiet fir-rigward ta’ din il-kwistjoni ( 10 ).

    31.

    Huwa minnu li, meta ċittadin li jħossu offiż minn dikjarazzjoni magħmula minn membru tal-Parlament ma jistax jitlob rimedju quddiem qorti għaliex dan il-membru jinvoka l-privileġġ parlamentari, id-dritt tiegħu li jkollu aċċess għall-ġustizzja jkun kompromess. Sabiex ikun evitat li jinħolqu żewġ klassijiet ta’ ċittadini — il-membri Parlamentari, fuq naħa, li ma jistgħux jissejħu quddiem qorti għad-dikjarazzjonijiet li jagħmlu, u ċ-ċittadini ordinarji, min-naħa l-oħra, li jistgħu jkunu suġġetti għal limiti imposti fuq il-libertà tal-espressjoni mid-dispożizzjonijiet applikabbli fid-dritt ċivili u kriminali — kważi s-sistemi legali kollha jillimitaw l-invokazzjoni tal-privileġġ għal sitwazzjonijiet fejn il-Membru kien qed jeżerċita d-dmirijiet parlamentari tiegħu. L-immunità parlamentari mhijiex arma li l-Membri tal-Parlament jistgħu jużaw sabiex isolvu d-differenzi personali tagħhom, iżda hija dispożizzjoni istituzzjonali li ssostni l-funzjonament demokratiku tal-komunità politika. Bħala tali, fil-prinċipju, mhijiex restrizzjoni sproporzjonata għad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja ( 11 ).

    32.

    Meta huwa meħtieġ li qorti tevalwa jekk opinjoni espressa minn membru tal-Parlament taqax taħt il-kunċett ta’ dmirijiet parlamentari, l-istħarriġ għandu jibda mill-prinċipju li jiġġustifika l-immunità parlamentari, jiġifieri li l-membri għandhom ikunu liberi li jinvolvu rwieħhom f’dibattiti dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku mingħajr ma jkunu obbligati jfasslu l-opinjonijiet tagħhom b’tali mod li jrenduhom aċċettabbli jew mhux offensivi għal dak li jismagħhom għaliex jibżgħu li inkella jistgħu jittieħdu proċedimenti legali kontrihom ( 12 ). Inevitabbilment, dan ifisser li l-fehmiet espressi minn MPE, f’ċerti każijiet, jitqiesu minn uħud mill-persuni bħala eċċessivi, irritanti jew offensivi. Madankollu, fi Stat liberali u demokratiku, l-importanza ta’ djalogu mingħajr ostakoli rigward kwistjonijiet pubbliċi hija tali li, fil-prinċipju, anki fehmiet offensivi jew estremi m’għandhomx jiġu msikkta. Dan japplika b’mod partikolari għall-Membri tal-Parlament li, minħabba n-natura stess tal-inkarigu li għandhom, għandhom rwol ċentrali fis-sistema ta’ gvern rappreżentattiv.

    33.

    L-oriġini tal-privileġġ parlamentari tal-libertà ta’ espressjoni jmur lura għal meta l-Ingilterra kienet taħt ir-renju ta’ Tudor u ta’ Stuart. Il-privileġġ żviluppa b’mod progressiv bħala reazzjoni min-naħa tal-Parlament kontra tentattivi mill-Kuruna biex tintervjeni fid-dibattitu parlamentari u biex tillimita d-dritt tal-Parlament li jieħu inizjattivi minn rajh ( 13 ). F’termini leġiżlattivi ġie espress fl-Artikolu 9 tal-Karta tad-Drittijiet li jipprovdi li “il-libertà tal-kelma, u d-dibatti jew il-proċeduri fi ħdan il-Parlament, m’għandhomx jitqiegħdu taħt akkuża jew ikkontestati fi kwalunkwe qorti jew post barra mill-Parlament”. Il-privileġġ beda bħala dispożizzjoni istituzzjonali b’portata ta’ applikazzjoni limitata għaliex, dak iż-żmien, id-diskors politiku kien ikkonċentrat fil-Parlament. Is-setgħa tal-Parlament kienet antagonista għal dik tal-monarka, li kien jara l-attività parlamentari bħala theddida għall-istatus tiegħu; għaldaqstant wieħed jifhem l-isforz biex jintervjeni f’dak li kien qed iseħħ fil-Parlament u r-reazzjoni ta’ dan tal-aħħar li wasslet biex jiġi stabbilit il-privileġġ inkwistjoni.

    34.

    Iżda llum il-ġurnata, il-forum fejn isir id-diskors u d-dibattitu politiku dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku huwa ferm usa’. Issa teżisti arena pubblika ferm usa’ li tinkludi l-mezzi ta’ komunikazzjoni stampati u elettroniċi u l-internet, fejn l-individwi jidħlu f’interazzjoni u jipparteċipaw fid-djalogu pubbliku. Ir-rwol tal-membri tal-Parlament bħala mezzi u instigaturi tad-dibattitu politiku f’din l-arena pubblika wiesgħa huwa importanti daqs ir-rwol li għandhom fil-konfini stretti tal-Parlament; hija karatteristika tad-demokrazija moderna li nistennew li l-membri Parlamentari jinvolvu rwieħhom fi djalogu mas-soċjetà ċivili u jippreżentaw l-ideat tagħhom mhux biss fil-Parlament iżda anki fil-fora li tipprovdi s-soċjetà ċivili. Tabilħaqq, nazzarda nissuġġerixxi li parti ferm sinjifikattiva tad-djalogu politiku kontemporanju ssir għal kollox barra mill-Parlament. Din hija realtà li ma nistgħux ninjoraw, u nkunu qed nagħmlu eżattament dan kieku nkunu tal-fehma li l-privileġġ parlamentari jipproteġi biss id-dikjarazzjonjiet li jsiru fi ħdan il-Parlament stess.

    35.

    B’hekk, il-kriterju li jiddetermina liema dikjarazzjonijiet saru fl-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ Membru ma jistax ikun dak tal-ispazju. Ikun limitat wisq jekk jingħad li d-dikjarazzjonijiet li jsiru waqt il-proċeduri parlamentari fil-Parlament Ewropew biss igawdu mill-protezzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Li l-Membri tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jipparteċipaw fid-dibattiti fil-Parlament mingħajr biża’ minn proċeduri legali huwa importanti daqs li jkunu jistgħu jipparteċipaw fi djalogu pubbliku usa’ mingħajr tali biża’. Fi kliem ieħor, biex jiġi stabbilit jekk japplikax l-Artikolu 9 tal-Protokoll, hija n-natura tal-opinjonijiet espressi mill-Membri tal-Parlament u mhux fejn jesprimuhom li huwa importanti ( 14 ).

    36.

    Fil-fehma tiegħi, dan il-metodu huwa konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-importanza tad-diskors politiku. Huwa prinċipju stabbilit li tali diskors igawdi mill-ogħla livell ta’ protezzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li l-miżuri nazzjonali li jaffettwaw l-espressjoni ta’ opinjonijiet politiċi se jkunu suġġetti għal eżami strett min-naħa tal-Qorti ta’ Strasburgu ( 15 ). Din tal-aħħar estendiet din il-protezzjoni qawwija tad-diskors politiku għal oqsma oħrajn ta’ interess ġenerali ( 16 ). Il-loġika li tiġġustifika dan il-metodu hija n-neċessità li aħna niżguraw spazju sigur fejn isir id-djalogu pubbliku; f’dan l-ispazju anki diskors offensiv jew skandaluż jista’ jiġi protett, peress li ta’ spiss ikollu “setgħa unika li jiffoka l-attenzjoni, jikkontesta ideat antiki u jixxokkja lill-udjenza tiegħu biex jirrikonoxxu forom ta’ ħajja mhux familjari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 17 ). Dan huwa eżattament it-tip ta’ diskors pubbliku li l-Artikolu 9 tal-Protokoll kellu l-għan li jipproteġġi u jrawwem, b’mod partikolari b’relazzjoni għall-opinjonijiet espressi mill-MiPE.

    37.

    Ir-regola li l-Artikolu 9 għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ u joffri protezzjoni wiesgħa lill-membri tal-Parlament Ewropew hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-opinjoni inkwistjoni f’kawża speċifika għandha tkun dwar kwistjoni ġenwina ta’ interess pubbliku. Filwaqt li dikjarazzjoni dwar kwistjoni ta’ interess ġenerali tkun koperta mill-privileġġ assolut iggarantit mill-Artikolu 9 indipendentement minn jekk issirx ġewwa jew barra mill-bini tal-Parlament Ewropew, dan il-privileġġ ma jistax ikun invokat minn MPE fil-kuntest ta’ kawżi jew kunflitti ma’ individwi oħrajn li jikkonċernawhom personalment iżda li m’għandhom l-ebda importanza usa’ għall-pubbliku ġenerali. Fehma simili ġiet adottata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni li jgawdu tipi differenti ta’ diskors. Dikjarazzjoni li ma tagħti l-ebda kontribut għal dibattitu ta’ interess ġenerali, għalkemm taqa’ fl-ambitu tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, ma tgawdix mil-livell ferm għoli ta’ protezzjoni li jgawdi d-diskors politiku u d-diskors dwar kwistjonijiet oħrajn ta’ interess ġenerali ( 18 ). Nixtieq inkun ċar f’dan ir-rigward: il-kwistjoni jekk tali dikjarazzjoni tagħtix kontribut jew le għal dibattitu politiku m’għandhiex tkun iddeterminata mill-istil, mill-preċiżjoni jew mill-korrettezza tad-dikjarazzjoni iżda min-natura tas-suġġett. Anki dikjarazzjoni possibbilment offensiva jew mhux preċiża tista’ tkun protetta jekk tkun konnessa mal-espressjoni ta’ fehma partikolari biex tkun diskussa kwistjoni ta’ interess pubbliku. Mhuwiex ir-rwol tal-qrati li jissostitwixxu l-fehmiet tagħhom għal dawk tal-pubbliku sabiex jiddeċiedu dwar il-korrettezza u l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet politiċi.

    38.

    It-tieni nett, għandha ssir distinzjoni bejn allegazzjonijiet fattwali rigward individwi partikolari u opinjonijiet jew ġudizzji ta’ valur ( 19 ). Kif sostniet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem “filwaqt li l-eżistenza tal-fatti tista’ tintwera, il-verità ta’ ġudizzji ta’ valur ma tistax tiġi pprovata. Ir-rekwiżit li tkun ipprovata l-verità ta’ ġudizzju ta’ valur huwa impossibbli li jiġi sodisfatt u jikser il-libertà ta’ opinjoni nfisha, li hija parti fundamentali mid-dritt żgurat mill-Artikolu 10” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 20 ). Meta membru ta’ Parlament jagħmel ġudizzju ta’ valur dwar kwistjoni ta’ importanza ġenerali, indipendentement minn kemm iddejjaq jew toffendi lil ċerti nies, fil-prinċipju, għandu jkun jista’ jinvoka użu mill-privileġġ assolut. Madankollu, l-Artikolu 9 tal-Protokoll, li espliċitament jirreferi għal “opinjonijiet”, ma jkoprix dikjarazzjonijiet li jsiru minn MPE li jinkludu allegazzjonijiet fattwali kontra individwi oħrajn. Per eżempju, jekk jingħad li xi ħadd huwa inkompetenti u għandu jirriżenja minn xogħlu hija forma ta’ kritika li, għalkemm offensiva fil-konfront tal-persuna kkonċernata, hija esperessjoni ta’ opinjoni u taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Bl-istess mod, dikjarazzjonijiet li ma jkunux indirizzati lejn individwi speċifiċi iżda li, minflok, jirrigwardaw istituzzjonijiet għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni wiesgħa. Mingħajr ma noqgħod nidħol fil-kwistjonijiet ta’ fatt li jikkonċernaw dan il-każ, jidhirli li hemm differenza rilevanti bejn dikjarazzjonijiet li jirreferu għal imħallfin individwali u dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw is-sistema ġudizzjarja b’mod ġenerali. Din is-sistema ġudizzjarja hija aspett importanti tal-ħajja pubblika fejn id-diskussjoni hija ċertament rilevanti f’termini ta’ dibattitu politiku. Min-naħa l-oħra, jekk jingħad li xi ħadd, kemm jekk ikun imħallef jew xi ħadd ieħor, żamm għalih fondi pubbliċi jew huwa korrott hija allegazzjoni fattwali u l-persuna li hija s-suġġett ta’ tali dikjarazzjoni għandha jkollha l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju sabiex tiddefendi r-reputazzjoni tagħha u l-kelliem għandu jintalab jipprova l-verità tal-allegazzjonijiet li jkun għamel, irrispettivament minn jekk ikunx membru ta’ Parlament jew le.

    39.

    Din id-distinzjoni bejn dikjarazzjoni li tinkludi kritika ġenerali u allegazzjoni fattwali kontra individwu kienet fil-qalba tas-sentenza tal-Qorti ta’ Strasburgu fil-kawża Patrono, Cascini u Stefanelli vs L-Italja ( 21 ) li għaliha rreferiet il-Corte Suprema di Cassazione fid-deċiżjoni tar-rinviju. Il-kawża kienet tikkonċerna dikjarazzjonijiet li għamlu żewġ MP kontra numru ta’ mħallfin b’relazzjoni għall-imġiba professjonali tagħhom waqt li kienu qed jaħdmu fl-uffiċċju leġiżlattiv tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-Qorti ta’ Strasburgu enfasizzat li l-MiP konvenuti ma kinux esprimew opinjonijiet politiċi ġenerali dwar ir-relazzjoni bejn il-ġudikatura u l-eżekuttiv, iżda kienu attribwew lill-imħallfin rikorrenti atti speċifiċi ta’ mġiba żbaljata u kienu ssuġġerew li kienu kriminalment responsabbli ( 22 ). Huwa minnu li l-Qorti rreferiet ukoll għall-fatt li d-dikjarazzjonijiet saru f’konferenza stampa u mhux f’kamra leġiżlattiva iżda din hija kunsiderazzjoni sekondarja. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qatt ma sostniet li dikjarazzjoni ma tkunx koperta mill-privileġġ parlamentari sempliċement għaliex saret barra mill-bini parlamentari.

    40.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9 tal-Protokoll, li jiggarantixxi lill-MPE privileġġ assolut fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi fil-qadi ta’ dmirijiethom, għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Huwa jkopri dikjarazzjonijiet ta’ opinjoni u ġudizzji ta’ valur dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza pubblika u/jew politika kemm jekk isiru ġewwa kif ukoll jekk isiru barra mill-Parlament Ewropew. Dan jinkludi dikjarazzjonijiet li jistgħu jdejqu jew joffendu lill-pubbliku ġenerali jew lil individwi speċifiċi li jikkonċernaw, b’mod dirett jew indirett. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi invokat fir-rigward ta’ allegazzjonijiet fattwali dwar individwu jew fil-kuntest ta’ kwistjonijiet privati mhux relatati ma’ kwistjonijiet ta’ rilevanza pubblika jew ma’ kwistjonijiet li jkunu parti mid-dibattitu politiku.

    V — Konklużjoni

    41.

    Għar-raġunijiet li tajt iktar ’il fuq, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja lill-Corte Suprema di Cassazione:

    “Qorti nazzjonali li għandha pendenti quddiemha kawża ċivili kontra Membru tal-Parlament Ewropew mhijiex marbuta li titlob l-opinjoni tal-Parlament dwar jekk l-imġiba li sar ilment dwarha hijiex koperta mill-immunità parlamentari, jekk il-Membru kkonċernat ma jkunx beda huwa stess il-proċedura skont l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew rigward it-talbiet tal-membri lill-Parlament biex jiddefendi l-privileġġi tagħhom. Jekk il-Membru kkonċernat ikun beda l-proċedura u l-Parlament ikun esprima opinjoni dwar l-immunità tiegħu, din l-opinjoni ma torbotx lill-qorti nazzjonali iżda għandha titqies bis-serjetà. Jekk il-qorti nazzjonali jkollha fehma differenti minn dik tal-Parlament, talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun xierqa. Jekk, madankollu, f’sitwazzjoni simili li tinvolvi lil membru tal-parlament nazzjonali, il-qrati nazzjonali kienu jkunu obbligati jsegwu l-opinjoni tal-parlament nazzjonali jew jirrinvijaw il-kawża quddiem qorti superjuri, huma għandhom l-istess obbligu fir-rigward tal-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawn għandhom jew isegwuhom jew jirrinvijaw il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda din hija kwistjoni li għandha tiġi evalwata mill-qorti nazzjonali.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) (2001/2099 (REG)), A5-0213/2002, Relatur: Sir Neil MacCormick.

    ( 3 ) (2001/2099 (REG)), P5_TA (2002) 0291.

    ( 4 ) Spjegazzjoni possibbli tista’ tkun li meta l-Qorti tal-Prim’Istanza semgħet il-kawżi mressqa kontra Marra, il-Parlament Ewropew kien għadu ma adottax ir-riżoluzzjoni tiegħu, b’tali mod li l-Corte Suprema di Cassazione, meta eżaminat id-deċiżjonijiet tal-qrati inferjuri, effettivament iffokat fuq il-kwistjoni jekk is-sentenzi tagħhom kinux korretti fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa ta’ A. L. Marra jew tal-Parlament Ewropew. F’kull każ, naħseb li r-risposti li se nagħti fil-paġni li ġejjin ser jipprovdu gwida suffiċjenti rigward l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Protokoll sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tagħti deċiżjoni f’dan il-każ, anki jekk il-fatti kienu kif ġie deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    ( 5 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju fil-każ ta’ Clemente ma tindikax id-data li fiha huwa fetaħ il-kawża tiegħu kontra Marra.

    ( 6 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna (punt C).

    ( 7 ) B’hekk, ir-relazzjoni ta’ ekwivalenza meħtieġa mill-Artikolu 10(1)(a) tal-Protokoll, f’dan il-każ, hija bejn l-immunità li jgawdu l-Membri tal-Parlament Taljan skont l-Artikolu 68(1) tal-Kostituzzjoni u dik li jgawdu l-Membri tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll.

    ( 8 ) “L-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, bl-għan li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Istati Membri involuti.”

    ( 9 ) Naturalment, il-fehma tal-Parlament Ewropew tkun rilevanti biss jekk huwa jiddeċiedi li MPE inkariga jibbenefika mill-immunità skont l-Artikolu 10(1)(a). Jekk il-Parlament kellu jirrevoka l-immunità skont l-Artikolu 10, il-qorti nazzjonali xorta tista’ tagħti l-privileġġ jekk hija tqis li dikjarazzjoni partikolari kienet koperta mill-immunità li tirriżulta mill-Artikolu 9, li l-Parlament innifsu ma jistax jirrevoka. Il-komplessità apparenti li tirriżulta mill-applikazzjoni kumulattiva tal-Artikoli 9 u 10 tirriżulta mill-fatt li l-interpretazzjoni tagħha tiddependi minn żewġ istituzzjonijiet differenti (il-Parlament Ewropew u l-qrati nazzjonali) u li deċiżjoni dwar l-immunità f’każ speċifiku tista’ tiddependi minn deċiżjonijiet li jieħdu t-tnejn li huma.

    ( 10 ) Wieħed jista’ jargumenta li, f’dan il-każ, il-Corte Suprema di Cassazione tista’ tagħmel rinviju ieħor jekk teħtieġ informazzjoni dwar l-interpretazzjoni sostantiva tal-Artikolu 9 tal-Protokoll. Madankollu, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-ħtieġa li tinstab mill-iktar fis soluzzjoni għall-kawża u x-xewqa li ssir ekonomija tal-ħin u tar-riżorsi tal-Qorti jiffavorixxu diskussjoni tal-kwistjoni hawnhekk. Naturalment, anki jekk il-Qorti tagħmel dan, il-qorti nazzjonali mhijiex prekluża milli tagħmel rinviju ieħor jekk tqis li dan ikun meħtieġ.

    ( 11 ) Ara d-diskussjoni fis-sentenza Cordova vs L-Italja (Nru 1), Nru 40877/98, Ġabra tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 40, 2003-1, punti 58 sa 61.

    ( 12 ) Kif osservat il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawża A vs Ir-Renju Unit, Nru 35373/97, Ġabra tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 2002-X, punt 75, “[l-] għan sottostanti tal-immunità mogħtija lill-[MiP] [huwa] li jkunu jistgħu jinvolvu rwieħhom f’dibattitu b’mod kostruttiv u li jirrappreżentaw lill-kostitwenti tagħhom fi kwistjonijiet ta’ interess pubbliku mingħajr ma jkollhom jillimitaw l-osservazzjonijiet tagħhom jew jibdlu l-opinjonijiet tagħhom minħabba l-periklu li jistgħu jitressqu kontrihom proċeduri legali jew proċeduri quddiem awtoritajiet oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 13 ) D. Limon, u W.R. McKay, Erskine May’s Treatise on The Law, Privileges, Proceedings and Usage of Parliament, Butterworths, 1997, p. 69 et seq; R. Blackburn, A. u Kennon, Griffith and Ryle on Parliament Functions, Practice and Procedures, Sweet and Maxwell, 2003, p. 126.

    ( 14 ) Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni sostnew li kriterju ta’ spazju mhux xieraq u li d-dikjarazzjonijiet li jsiru barra mill-Parlament għandhom igawdu wkoll mill-protezzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll jekk ikunu marbuta mal-attivitajiet tal-Membru tal-Parlament qua Membru.

    ( 15 ) Lingens vs L-Awstrija, sentenza tat-8 ta’ Lulju 1986, Serje A, Nru 103; Barfod vs Id-Danimarka, sentenza tat-, Serje A, Nru 149; Castells vs Spanja, sentenza tat-, Serje A, Nru 236; Schwabe vs L-Awstrija, sentenza tat-, Serje A, Nru 242 B; Oberschlik vs L-Awstrija (Nru 1), sentenza tat-, Serje A, Nru 204; Lehideux u Isorni vs Franza, sentenza tat-, Ġabra tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 1998-VII. Ara wkoll id-diskussjoni f’I. Loveland, Political Libels: A Comparative Study, Hart Publishing, 2000, p. 107 et seq.

    ( 16 ) Thorgeirson vs L-Iżlanda, sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1992, Serje A, Nru 239, punt 64: “m’hemm xejn fil-ġurisprudenza li jippermetti li ssir distinzjoni […] bejn diskussjoni politika u diskussjoni ta’ kwistjonijiet oħrajn ta’ interess ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    ( 17 ) R. Post, Constitutional Domains: Democracy, Community, Management, Harvard University Press, 1995 p. 139.

    ( 18 ) Pereżempju, fil-kawża von Hannover vs Il-Ġermanja, Ġabra tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem 40 (2005), p. 1, il-Qorti ta’ Strasburgu sostniet li l-pubblikazzjoni ta’ ritratti li juru lill-Prinċipessa Karolina ta’ Monako għaddejja b’diversi attivitajiet ta’ kuljum, bħal tiekol jew tmur tixri, kienet tgawdi minn protezzjoni limitata skont l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni meta mqabbla ma’ pubblikazzjonijiet ta’ natura politika.

    ( 19 ) Huwa minnu li mhux dejjem huwa faċli li ssir distinzjoni bejn ġudizzju ta’ valur u dikjarazzjoni ta’ fatt, u ġew adottati numru ta’ metodi analitiċi għal dan il-għan minn diversi mħallfin u studjużi. Madankollu, din tibqa’ l-aħjar distinzjoni possibbli. Ara d-diskussjoni f’R. Post, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Harvard University Press, 1995 p. 153 et seq.

    ( 20 ) Feldek vs Is-Slovakkja, Nru 29032/95, Ġabra tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 2001-VIII, punt 75.

    ( 21 ) (Rikors Nru 10180/04, sentenza tal-20 ta’ April 2006).

    ( 22 ) Ibid punt 62: “[il-konvenuti] ma esprimewx opinjonijiet politiċi dwar ir-relazzjoni bejn il-ġudikatura u l-eżekuttiv, jew dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-ittri rogatorji, iżda attribwew imġiba speċifika u illegali lir-rikorrenti. F’każ bħal dan, ma tistax tiġi ġġustifikata ċaħda ta’ aċċess għal rimedju legali għas-sempliċi raġuni li t-tilwima tista’ tkun ta’ politika jew tkun konnessa ma’ attività politika”.

    Top