This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CC0173
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 6 March 2008. # Emirates Airlines - Direktion für Deutschland v Diether Schenkel. # Reference for a preliminary ruling: Oberlandesgericht Frankfurt am Main - Germany. # Carriage by air - Regulation (EC) No 261/2004 - Compensation for passengers in the event of cancellation of a flight - Scope - Article 3(1)(a) - Concept of ‘flight’. # Case C-173/07.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 6 ta' Marzu 2008.
Emirates Airlines - Direktion für Deutschland vs Diether Schenkel.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Kumpens għal passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira - Kamp ta' applikazzjoni - Artikolu 3(1)(a) - Kunċett ta' 'titjira'.
Kawża C-173/07.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 6 ta' Marzu 2008.
Emirates Airlines - Direktion für Deutschland vs Diether Schenkel.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Frankfurt am Main - il-Ġermanja.
Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Kumpens għal passiġġieri fil-każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira - Kamp ta' applikazzjoni - Artikolu 3(1)(a) - Kunċett ta' 'titjira'.
Kawża C-173/07.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:145
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-6 ta’ Marzu 2008 ( 1 )
Kawża C-173/07
Emirates Airlines — Direktion für Deutschland
vs
Diether Schenkel
“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Kumpens għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Kamp ta’ applikazzjoni — Artikolu 3(1)(a) — Kunċett ta’ ‘titjira’”
1. |
Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 2 ) jipprovdi li għandu jiġi mħallas kumpens lill-passiġġieri bl-ajru fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira. Madankollu, dan ma japplikax għal passiġġieri li jitilqu minn pajjiż terz lejn Stat Membru permezz ta’ trasportatur mhux Komunitarju. L-Oberlandesgericht (Qorti Għolja tar-Reġjun) Frankfurt am Main (il-Ġermanja), essenzjalment issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk titjira lura minn pajjiż terz lejn Stat Membru għandhiex tkun ikkunsidrata bħala parti minn titjira li titlaq minn dak l-Istat Membru, minn tal-inqas meta t-titjiriet’il barra u lura kienu rriżervati fl-istess ħin. |
Il-leġiżlazzjoni relevanti
Ir-Regolament Nru 261/2004
2. |
L-għan tar-Regolament Nru 261/2004 huwa li tiżdied il-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri fil-Komunità ( 3 ). Huwa jħassar ir-Regolament Nru 295/91 ( 4 ), li kien jillimita ruħu li jipprovdi, fil-każ ta’ titjiriet skedati biss, rimbors jew arranġament għal titjiriet alternattivi, servizzi b’xejn u livelli minimi ta’ kumpens għal passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu abbord. Ir-regolament il-ġdid ikopri t-titjiriet kummerċjali kollha u jirrigwarda wkoll, minbarra l-imbark miċħud, il-kanċellazzjonijiet u d-dewmien ta’ titjiriet. Huwa jipprovdi kumpens għal passiġġieri mhux biss meta ma jitħallewx jitilgħu abbord, iżda wkoll meta t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata. |
3. |
Il-premessa 1 tal-preambolu tar-Regolament Nru 261/2004 tiddikjara li l-azzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ trasport bl-ajru għandha timmira sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod sħiħ, ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumatur inġenerali. |
4. |
Il-premessa 6 tiddikjara li “Il-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fi Stat Membru għandha tiġi estiża għal dawk li jitilqu minn ajruport li jinstab f’pajjiż terz għal wieħed li jinstab fi Stat Membru, meta mezz tal-ġarr Komunitarju [ ( 5 )] jopera t-titjira”. |
5. |
L-Artikolu 3, intitolat “Skop”, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 261/2004. L-Artikolu 3(1) jipprovdi li r-regolament għandu japplika:
|
6. |
F’dan il-punt għandha tiġi osservata d-differenza bejn il-kliem użat fl-Artikolu 3(1) fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament u u l-kliem użat fil-verżjoni Ġermaniża, li tifforma l-bażi tad-domanda tal-qorti tar-rinviju. |
7. |
Il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi jużaw espressjoni simili għas-sentenza “passengers departing from an airport”, li tidher fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 3(1)(a) u (b) ( 6 ). Il-verżjoni Ġermaniża madankollu tinkludi l-kelma “titjira”, sabiex s-sentenza tiftiehem bħala “passiġġieri li jimbarkaw fuq titjira f’ajruporti […]” ( 7 ). |
8. |
Kif tiddikjara korrettament Franza fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-differenza fil-kliem bejn il-verżjoni Ġermaniża u l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ma tbiddilx is-sens attwali tad-dispożizzjoni. L-imbark fuq titjira huwa, normalment, l-operazzjoni preliminari għat-tluq. Meta passiġġieri jitilqu minn ajruport, jiġi meqjus u u huwa ovvju li huma jagħmlu dan billi jimbarkaw fuq titjira. |
9. |
Skont l-Artikolu 5(1)(ċ), passiġġieri li t-titjira tagħhom tiġi kkanċellata għandhom, skont ċerti ċirkustanzi, d-dritt għal kumpens mingħand it-trasportatur tal-ajru li jopera skont l-Artikolu 7. |
10. |
L-Artikolu 7(1) jispeċifika l-ammonti ta’ kumpens li huma intitolati għalihom il-passiġġieri jekk ma jitħallewx jimbarkaw jew jekk it-titjira tagħhom tiġi kkanċellata. Skont l-Artikolu 7(1)(ċ), 600 EUR huma pagabbli lil passiġġieri fir-rigward ta’ titjiriet ta’ iktar minn 3500 kilometru li mhumiex intra-Komunitarji. |
11. |
L-Artikolu 12(1) jiddikjara li r-regolament għandu japplika bla ħsara għad-drittijiet li l-passiġġier jista’ jkollhom għal iktar kumpens, li minnu jista’ jkun imnaqqas kumpens mogħti skont ir-regolament. |
12. |
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17 jipprovdi: “Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 2007 dwar l-operazzjoni u r-riżultati ta’ dan ir-Regolament, partikolarment dwar:
|
Il-Konvenzjoni ta’ Montreal ( 9 )
13. |
Il-Konvenzjoni ta’ Montreal, li l-Komunità hija firmatarja tagħha, timmodernizza u tikkonsolida l-Konvenzjoni ta’ Varsavja ( 10 ). Hija tfittex, inter alia, li tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi fil-qasam tat-trasport internazzjonali bl-ajru u li tipprovdi kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni ( 11 ). |
14. |
L-Artikolu 1(1) jipprovdi li l-konvenzjoni tapplika għat-trasport internazzjonali permezz ta’ inġenji tal-ajru. L-Artikolu 1 ikompli: “2. Għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, l-espressjoni ‘trasport internazzjonali’ tfisser kull trasport li fih, skond il-Ftehim bejn il-Partijiet, il-post tat-tluq u l-post tad-destinazzjoni, kemm jekk hemm waqfa fit-trasport jew transbord, jinstabu jew fit-territorji ta’ żewġ Stati Partijiet, jew fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed, jekk hemm post miftiehem ta’ waqfien fit-territorju ta’ Stat ieħor, ukoll jekk dak l-Istat mhuwiex Stat Parti. […] 3. It-trasport li għandu jsir minn diversi linji ta’ l-ajru suċċessivi jitqies, għall-iskopijiet ta’ din il-Konvenzjoni, li huwa trasport wieħed indiviż jekk ġie meqjus mill-Partijiet bħala operazzjoni waħda, kemm jekk ġie miftiehem taħt il-forma ta’ kuntratt singolu jew serje ta’ kuntratti, u ma jitlifx il-karattru internazzjonali sempliċiment minħabba li kuntratt wieħed jew serje ta’ kuntratti […]” ( 12 ) |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari quddiem il-Qorti tal l-Ġustizzja
15. |
Dr Schenkel irriżerva vjaġġ bir-ritorn, f’Marzu 2006, minn Düsseldorf vija Dubai lejn Manila u lura, b’titjira mal-Emirates Airlines (iktar ’il quddiem “Emirates”) ( 13 ). L-Emirates mhijiex trasportatur Komunitarju. |
16. |
It-titjira lura minn Manila fit-12 ta’ Marzu 2006 kienet ikkanċellata. Dr Schenkel tar lura lejn il-Ġermanja jumejn wara. |
17. |
Sussegwentement huwa ressaq rikors quddiem l-Amtsgericht (Qorti Lokali), Frankfurt am Main, fejn talab l-ammont ta’ EUR 600 bħala kumpens għall-kanċellazzjoni tat-titjira, skont l-Artikoli 5(1)(ċ) u 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004. |
18. |
Il-kwistjoni ta’ jekk huwiex intitolat għal dan il-kumpens tiddependi fuq jekk jaqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-regolament kif definit fl-Artikolu 3(1). |
19. |
Quddiem l-Amtsgericht, Dr Schenkel sostna li t-titjiriet ’il barra u lura kienu żewġ partijiet minn titjira waħda. Għalhekk, il-kanċellazzjoni kienet tirrigwarda titjira li bdiet fil-Ġermanja ( 14 ). Emirates ikkonfutat li t-titjiriet ’il barra u lura kellhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ titjiriet separati u li għaldaqstant, bħala trasportatur mhux Komunitarju, hija ma kinitx obbligati li tħallsu kumpens għall-kanċellazzjoni tat-titjira lura minn Manila. |
20. |
L-Amtsgericht laqgħet it-talba ta’ Dr Schenkel. Hija kkunsidrat li t-terminu “titjira”, kif użat (fil-verżjoni Ġermaniża) fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, jinkorpora kemm it-titjira’l barra kif ukoll dik lura, minn tal-inqas meta t-tnejn kienu rriżervati fl-istess ħin. |
21. |
Emirates appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju. |
22. |
Il-qorti tar-rinviju iktar hija inklinata li, peress li l-iskop tar-Regolament Nru 261/2004 huwa li jipproteġi l-konsumaturi, tikkunsidra t-titjiriet’l barra u lura ta’ vjaġġ bħala titjira waħda meta jkunu ġew rriżervati fl-istess ħin. Hija tosserva li, skont il-Konvenzjonijiet ta’ Varsavja u ta’ Montreal, it-trasport minn diversi trasportaturi suċċessivi jikkostitwixxi trasport wieħed indiviż meta l-partijiet kontraenti kkunsidrawħ bħala operazzjoni waħda, bħal meta ż-żewġ partijiet ta’ vjaġġ bir-ritorn jiġu rriżervati simultanjament. Ir-regolament jissupplimenta dawn il-konvenzjonijiet billi jipprovdi kumpens immedjat għal passiġġieri li jaffaċċjaw kanċellazzjoni ta’ titjira. Il-protezzjoni mogħtija mir-regolament tkun sekondarja għal dik mogħtija mill-konvenzjonijiet jekk titjiriet’l barra u lura rriżervati fl-istess ħin ma jkunux ikkunsidrat bħala titjira waħda. |
23. |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tosserva li t-terminu “titjira” huwa użat f’parti oħra tar-regolament sabiex ifisser il-parti ta’ vjaġġ bl-ajru magħmul minn post wieħed għal destinazzjoni partikolari. |
24. |
Il-qorti tar-rinviju għalhekk issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 3(1)(a) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kelma “titjira” tinkludi t-titjira mill-punt tat-tluq sad-destinazzjoni u lura, minn tal-inqas meta t-titjiriet’il barra u lura jiġu pprenotati fl-istess ħin?” |
25. |
Emirates, Dr Schenkel, Franza, il-Greċja, il-Polonja, l-Iżvezja u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Peress li ma saritx talba għal dan il-għan, ma ġiet miżmuma l-ebda udjenza. |
Evalwazzjoni
26. |
Kif indikajt ( 15 ), il-kelma “titjira” ma tidhirx f’ħafna mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 3(1)(a). Għalhekk ser nerġa’ nifformula d-domanda. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk persuni li jivvjaġġaw fuq titjira lura minn pajjiż terz lejn Stat Membru humiex “passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fi Stat Membru” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, minn tal-inqas meta t-titjiriet’l barra u lura kienu pprenotati fl-istess ħin. Jekk dan huwa l-każ, ir-regolament huwa applikabbli u dawn il-passiġġieri jkunu prima facie intitolati għal kumpens jekk it-titjira lura tkun ikkanċellata. |
27. |
Peress li l-kelma “titjira” hija nieqsa minn ħafna mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 3(1)(a), mhuwiex neċessarju li ssir analiżi kuntestwali tal-użu tal-kelma “titjira” f’dispożizzjonijiet oħra tar-regolament. |
28. |
Dr Schenkel isostni li l-espressjoni “li jimbarkaw fuq titjira” (“Antreten eines Fluges”) normalment tiftiehem bħala li tirreferi għall-partijiet kollha ta’ titjira, inkluż it-titjira lura. Il-kelma “li jitilqu” (jew kliem simili) użata f’verżjonijiet oħra ta’ lingwi tar-Regolament Nru 261/2004 tirreferi għall-bidu tal-vjaġġ kollu. Barra minn hekk, it-titjiriet’l barra u lura ta’ vjaġġ bir-ritorn huma ġeneralment ipprenotati bħala transazzjoni waħda u l-passiġġier jirċievi biljett wieħed. |
29. |
Dr Schenkel isostni li jekk il-kelma “titjira” fil-(verżjoni Ġermaniża tal-) Artikolu 3(1) tiġi kkunsidrata bħala li tirreferi biss għall-parti mwettqa fil-Komunità, dan ikun ta’ ħsara għall-għan tar-regolament, li huwa dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għal passiġġieri. Il-passiġġieri jiġu miċħuda protezzjoni barra mill-Komunità, fejn ikollhom l-iktar bżonnha. Il-Konvenzjonijiet ta’ Varsavja u ta’ Montreal jikkunsidraw vjaġġ bir-ritorn bħala titjira minn A sa B u lura. Li kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried jiddevja minn dawk il-konvenzjonijiet billi jillimita l-kunċett ta’ “titjira” biss għal parti minn vjaġġ, huwa kien jagħmel dan b’mod espliċitu. |
30. |
Il-partijiet l-oħra kollha li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub jaqblu li titjiriet’il barra u lura ma jikkostitwixxux “titjira” waħda skont ir-Regolament Nru 261/2004. |
Fuq l-Artikolu 3(1)
31. |
It-tifsira naturali tal-espressjonijiet “li jimbarkaw fuq titjira f’ajruporti […]” (fil-verżjoni Ġermaniża) u “li jitilqu minn ajruport” (f’verżjonijiet oħra) fl-Artikolu 3(1) hija li t-tnejn jirreferu għal vjaġġ bl-ajru mingħajr ritorn partikolari. Jekk wieħed jikkunsidra t-titjira lura ta’ vjaġġ bir-ritorn, it-tluq tat-titjira’l barra inizjali hija passat. Xi ħadd li jimbarka titjira lura minn Singapor lejn Ruma mhuwiex normalment deskritt bħala li “jimbarka fuq titjira” minn Ruma. Lanqas ma qed “jitlaq” minn Ruma. |
32. |
Li kieku l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li l-frażijiet użati fil-verżjonijiet differenti tal-Artikolu 3(1) jkopru t-titjira lura, kien ikun faċli li d-dispożizzjoni tkun abbozzata b’mod differenti. Subparagrafu seta’ spjega li l-vjaġġ bir-ritorn kollu —’l hemm u lura — għandu jkun evalwat b’referenza għall-punt tat-tluq tat-titjira li huwa l-ewwel komponent tiegħu. |
33. |
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) ppreżentata minn Dr Schenkel tirrikjedi li wieħed (i) jittratta vjaġġ bir-ritorn bħala titjira waħda; (ii) jittratta dik it-titjira bħala li tkun “lejn” il-punt ta’ tluq oriġinali. L-effett, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni mogħtija lil passiġġier, jidher li hu kif ġej. Passiġġier li beda l-vjaġġ bir-ritorn tiegħu minn ajruport Komunitarju (lejn pajjiż terz u lura) ikun kopert kemm matul il-parti tal-vjaġġ’il barra kif ukoll matul il-parti tal-vjaġġ lura, irrespettivament mit-trasportatur. Madankollu, passiġġier li jibda l-vjaġġ bir-ritorn tiegħu f’pajjiż terz (lejn ajruport Komunitarju u lura) ikun mingħajr protezzjoni skont ir-regolament. Anke jekk itir permezz ta’ trasportatur Komunitarja, ma jkunx qiegħed itir lejn“ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat”. |
34. |
Kien ikun possibbli li l-leġiżlazzjoni tkun abbozzata sabiex ixxaqleb favur l-għoti ta’ protezzjoni sħiħa lil passiġgieri li jibdew il-vjaġġi tagħhom fl-Unjoni Ewropea, a spejjeż ta’ dawk li jibdew f’pajjiż terz. Din ma kinitx, madankollu, l-għażla tal-leġiżlatur. |
35. |
Pjuttost, it-tifsira letterali tat-test huwa li dan ikopri t-titjiriet kollha’l barra li jitilqu minn “ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru għal liema japplika t-Trattat” (l-Artikolu 3(1)(a)) iżda jkopri titjiriet lura biss meta huma operati minn trasportatur Komunitarju (l-Artikolu 3(1)(b)). |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament
36. |
Huwa evidenti li r-Regolament Nru 261/2004 jipprova jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għal passiġġieri u li jgħolli l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 295/91. |
37. |
Huwa evidenti wkoll li l-Artikolu 3(1) jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni. Il-passiġġieri kollha li jitilqu minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru huma koperti. Passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz sabiex jivvjaġġaw lejn ajruport fi Stat Membru huma koperti biss jekk qed itiru permezz ta’ trasportatur Komunitarju ( 16 ). |
38. |
Mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament il-ġdid propost fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruporti ta’ pajjiżi terzi lejn il-Komunità kien is-suġġett ta’ kunsiderazzjoni speċifika. |
39. |
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Proposta oriġinali tal-Kummissjoni ( 17 ), passiġġieri li jitilqu minn pajjiż terz lejn Stat Membru kellhom ikunu koperti jekk kellhom kuntratt ma’ trasportatur Komunitarju jew ma’ tour operator għal pakkett offrut għall-bejgħ fit-territorju tal-Komunità. |
40. |
Dokument sussegwenti tal-Kunsill, maħruġ wara diskussjonijiet kemm fi ħdan il-COREPER u kif ukoll fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma relevanti tal-Kunsill, li jippreżenta l-abbozz rivedut tar-regolament, jindika li waħda miż-żewġ “kwistjonijiet ewlenin li għadhom ma ġewx solvuti” tikkonċerna, preċiżament, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament fir-rigward ta’ titjiriet minn pajjiżi terzi, kif definit issa mill-Artikolu 3(1)(b) ( 18 ). Minn nota f’qiegħ il-paġna twila mat-test ta’ dak is-subparagrafu (sa dak iż-żmien identiċi għat-test adottat finalment) jirriżulta li ċertu Stati Membri kienu favur li tiġi estiża iktar il-protezzjoni offruta lil passiġġieri li jaqbdu titjira lejn destinazzjoni Komunitarja minn ajruport f’pajjiż terz, filwaqt li oħrajn kienu kontra din l-estensjoni, u kienu ġew diskussi eventwali problemi ta’ ekstra-territorjalità, nuqqas ta’ setgħa ta’ eżekuzzjoni u diskriminazzjoni bejn passiġġieri ( 19 ). |
41. |
Il-ġimgħa ta’ wara, il-Presidenza ppreżentat test mhux mibdul rigward, inter alia, l-Artikolu 3(1)(b). Madankollu, saqsiet lil delegazzjonijiet sabiex jirriflettu dwar il-possibiltà li fil-minuti tal-Kunsill tiddaħħal dikjarazzjoni minn Stati Membri fir-rigward ta’ dak li f’dak l-istadju kien l-Artikolu 19 (intitolat “Rapport”), li tistieden lill-Kummissjoni sabiex, waqt li tabbozza r-rapport imsemmi f’dak l-artikolu, tiffoka b’mod partikolari fuq il-possibilità li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament jiġi estiż fir-rigward ta’ titjiriet minn ajruporti ta’ pajjiżi terzi lejn il-Komunità ( 20 ). |
42. |
F’Diċembru 2002 il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar il-pożizzjoni komuni tiegħu dwar l-abbozz tar-regolament, u s-suġġeriment għal introduzzjoni fil-minuti tal-Kunsill kien elevat għal emenda ta’ abbozz għat-test tal-Artikolu 19 ( 21 ). Ir-regolament, kif adottat, jimponi li l-Kummissjoni għandha tirrapporta “partikolarment dwar […] l-estensjoni possibbli [tal-kamp ta’ applikazzjoni] ta’ dan ir-Regolament għal passiġġieri li għandhom kuntratt ma trasportatur Komunitarju jew li għandhom riżervazzjoni fuq titjira li tagħmel parti minn ‘package tour’ […] u li jitilqu minn ajruport ta’ pajjiż terz għal ajruport ġo Stat Membru, fuq titjiriet mhux operati minn trasportaturi […] Komunitarji” ( 22 ). |
43. |
F’dan il-kuntest, fl-opinjoni tiegħi mhuwiex possibbli li jiġi aċċettat li l-Artikolu 3(1) għandu jinqara bħala li jkopri passiġġier fuq titjira lura operata minn trasportatur mhux Komunitarju minn pajjiż terz lejn Stat Membru. |
44. |
Huwa minnu li, ġeneralment, ix-xogħlijiet preparatorji għandhom ikunu trattati b’kawtela. L-użu tagħhom, barra minn hekk, huwa biss anċillari għal metodi oħra ta’ interpretazzjoni ( 23 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja okkażjonalment użathom bħala għajnuna għal interpretazzjoni sabiex taċċerta l-intenzjoni tal-leġiżlatur, b’mod partikolari meta dawn jikkonfermaw konklużjoni li diġà intlaħqet permezz ta’ mezzi oħra ( 24 ). |
45. |
Nixtieq inżid biss li, jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) ppreżentata minn Dr Schenkel hija korretta, ħafna mill-(għalkemm mhux kollha) ( 25 )“passiġġieri li għandhom kuntratt ma trasportatur Komunitarju jew li għandhom riżervazzjoni fuq titjira li tagħmel parti minn "package tour […] u li jitilqu minn ajruport ta’ pajjiż terz għal ajruport ġo Stat Membru, fuq titjiriet mhux operati minn trasportaturi […] Komunitarji” ( 26 ) ikunu diġà inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament. Għaldaqstant, ir-rekwiżit li jiġi redatt rapport, espressament inserit mill-Kunsill, ikun, f’dan ir-rigward, superfluwu. |
Fuq ir-rilevanza tal-fatt li t-titjiriet’il barra u lura jiġu pprenotati fl-istess ħin
46. |
In-natura ta’ prodott jew servizz hija, bħala regola, indipendenti mill-mod li fih huwa mixtri. Għaldaqstant f’għajnejja mhuwiex immedjatament ovvju b’liema mod il metodu ta’ kif jiġu pprenotati t-titjiriet’il barra u lura jista’ jaffettwa r-risposta għad-domanda dwar jekk vjaġġ bir-ritorn għandux ikun ikkunsidrat bħala “titjira” waħda li titlaq mill-ajruport użat fil-bidu ta’ dak il-vjaġġ. Fl-ambitu ta’ transazzjoni kummerċjali waħda, wieħed jista’ (pereżempju) jixtri diversi vjaġġi singoli, vjaġġ bir-ritorn wieħed jew iktar (differenti) jew saħansitra biljett staġjonali li jagħti d-dritt għal titjiriet multipli. |
47. |
Il-qorti tar-rinviju u Dr Schenkel isostnu, madankollu, li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tindika li vjaġġ bir-ritorn ipprenotat bħala transazzjoni waħda għandu jkun ikkunsidrat bħala titjira waħda. Skont l-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, “trasport internazzjonali” iseħħ meta, skont il-ftehim ta’ bejn il-partijiet, il-post ta’ tluq u l-post ta’ destinazzjoni jinsabu jew (a) fit-territorji ta’ żewġ Stati Partijiet, jew (b) fit-territorju ta’ Stat Parti wieħed, jekk hemm post miftiehem ta’ waqfien fit-territorju ta’ Stat ieħor. Il-Konvenzjoni ta’ Montreal għalhekk neċessarjament tikkunsidra l-possibilità li jista’ jkun hemm post ta’ waqfien fit-triq. L-Artikolu 1(3) jipprovdi li trasport minn diversi trasportaturi suċċessivi “jitqies […] li huwa trasport wieħed indiviż jekk ġie meqjus mill-Partijiet bħala operazzjoni waħda”. |
48. |
Skont xi ġurisprudenza nazzjonali (ġeneralment, iżda mhux esklussivament, minn qrati fis-sistemi ta’ common law) ġie stabbilit li, skont il-Konvenzjoni ta’ Varsavja tal-1929 (il-predeċessur tal-Konvenzjoni ta’ Montreal), f’kuntratt ta’ trasport internazzjonali għal vjaġġ bir-ritorn, id-destinazzjoni ta’ dak il-vjaġġ bir-ritorn hija l-punt tat-tluq ( 27 ). |
49. |
Madankollu, filwaqt li l-Kommunità hija firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Montreal u hija marbuta minnha ( 28 ), ir-Regolament Nru 261/2004 mhuwiex miżura Komunitarja li jimplimenta l-konvenzjoni. Pjuttost, huwa jopera b’mod parallel magħha. Ir-Regolament Nru 261/2004 jinkludi referenza inċidentali waħda rigward il-konvenzjoni (fil-preambolu) ( 29 ). Dan huwa f’kuntrast evidenti mar-Regolament Nru 2027/97, kif emendat ( 30 ), li jimplimenta partijiet partikolari tal-konvenzjoni ( 31 ). L-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-regolament jiddikjara espliċitament li kunċetti inklużi iżda mhux definiti fih huma ekwivalenti għal dawk użati fil-konvenzjoni. |
50. |
Jiena naqbel, madankollu, ma’ Emirates, mal-Polonja u mal-Iżvezja b’mod partikolari li hemm differenzi ċari bejn il-Konvenzjoni ta’ Montreal u r-Regolament Nru 261/2004. Fuq kollox, l-espressjoni “trasport internazzjonali”, li hija definita fl-Artikolu 1(2) tal-konvenzjoni u li kienet interpretata minn diversi qrati nazzjonali ( 32 ), ma tidhirx fir-regolament. |
51. |
Fl-opinjoni tiegħi m’għandhomx jiġu applikati termini (differenti) li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Montreal sabiex jiġi definit il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 b’mod li huwa evidentement inkompatibbli mat-tifsira letterali u mal-istorja leġiżlattiva tiegħu. |
52. |
Il-qorti tar-rinviju u Dr Schenkel isostnu wkoll li jekk il-kunċett ta’ “titjira” fir-Regolament Nru 261/2004 ma jinkludix vjaġġ bir-ritorn meta dan il-vjaġġ jiġi pprenotat bħala transazzjoni waħda, il-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġier tar-regolament jkun sekondarju għal dak mogħti mill-Konvenzjoni ta’ Montreal. Dan ikun kontra l-għan espliċitu tar-regolament, li huwa dak li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġier. |
53. |
Jien ma naċċettax dan l-argument. |
54. |
L-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament huwa differenti minn dak tal-konvenzjoni. F’ħafna aspetti dan tal-ewwel jindirizza sitwazzjonijiet li mhumiex koperti minn din tal-aħħar. Pereżempju, ir-regolament huwa applikabbli għal titjiriet purament interni fi Stat Membru u għal titjiriet minn Stat Membru lejn pajjiż terz li mhuwiex Stat Parti tal-konvenzjoni. B’differenza mill-konvenzjoni, ir-regolament ikopri każijiet ta’ imbark miċħud u ta’ kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet. Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament huwa limitat minn kunsiderazzjonijiet territorjali. Huwa ma japplikax għal titjiriet bejn żewġ pajjiżi li huma Stati Partijiet għall-konvenzjoni iżda li mhumiex Stati Membri tal-Kommunità. |
55. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma naħsibx li jista’ jintqal li l-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija mir-regolament huwa neċessarjament iktar baxx minn dak mogħti mill-konvenzjoni biss minħabba li sitwazzjoni partikolari hija koperta biss minn din tal-aħħar. |
56. |
Fit-tieni lok, ir-Regolament Nru 261/2004 jissupplimenta l-protezzjoni li l-konvenzjoni tagħti lill-passiġġieri tal-ajru. Mhuwiex sostituzzjoni għall-konvenzjoni. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 12 tar-regolament, li jipprovdi espressament li għandu japplika “bla ħsara għad-drittijiet ta’ passiġġier għal kumpens ulterjuri”. |
57. |
Fis-sentenza IATA ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dewmien fit-titjiriet jistgħu, f’termini ġenerali, jikkawżaw żewġ tipi ta’ dannu li jitolbu rimedji differenti. Tal-ewwel wieħed huwa identiku għall-passiġġieri kollha. It-tieni wieħed huwa partikolari għal kull vjaġġatur individwali u jirrikjedi kumpens sussegwenti fuq bażi individwali. ( 34 ) Filwaqt li l-konvenzjoni tkopri t-tieni tip ta’ dannu, ir-regolament joffri miżuri ta’ kumpens standardizzati u immedjati għall-ewwel tip ta’ dannu. Għalhekk dan “għandu sempliċement il-preċedenza fuq dak li jirriżulta mill-Konvenzjoni ta’ Montreal” ( 35 ). Il-miżuri tar-regolament intiżi sabiex jindirizzaw dewmien f’titjiriet “ma jipprojbixxux minnhom infushom li l-passiġġieri kkonċernati, […], ikunu jistgħu, barra minn hekk, jibdew azzjonijiet għal kumpens ta’ l-imsemmija danni fil-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montreal” ( 36 ). Pjuttost, huma “jtejbu l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-passiġġieri kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom japplika, [fil-konfront tagħhom], il-prinċipju ta’ restituzzjoni” ( 37 ). |
58. |
Għalhekk il-protezzjoni li r-regolament joffri fir-rigward ta’ dewmien ta’ titjiriet hija ta’ natura kumplimentarja. Dak jgħodd ukoll a fortiori fir-rigward tal-miżuri ta’ kumpens u miżuri oħra li jipprovdi fir-rigward ta’ kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet u ta’ imbark miċħud. Il-konvenzjoni ma toffri ebda protezzjoni lil passiġġieri kontra ċirkustanzi bħal dawn. |
59. |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma nistax naċċetta l-argument li l-livell ta’ protezzjoni tar-regolament huwa sekondarju għal dak offrut mill-konvenzjoni, minn tal-inqas sakemm ir-regolament innifsu ma jiġix interpretat b’tali mod li jmur kontra t-tifsira letterali tiegħu, l-istorja leġiżlattiva tiegħu u l-kamp ta’ applikazzjoni evidenti tiegħu. |
Konklużjoni
60. |
Għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda tal-qorti tar-rinviju kif ġej: “Passiġġieri fuq titjira lura minn pajjiż terz lejn Stat Membru mhumiex “passiġġieri li jitilqu minn ajruport li jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru” skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004, u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dak ir-regolament jekk trasportatur li jopera t-titjira kkonċernata huwiex trasportatur Komunitarju, anke jekk it-titjiriet ’il barra u lura kienu pprenotati fl-istess ħin.” |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, p. 1). Ir-Regolament Nru 261/2004 daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Frar 2005.
( 3 ) Ara b’mod partikolari l-premessi 1 sa 4 tal-preambolu.
( 4 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) tal-4 ta’ Frar 1991 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU L 36, p. 5).
( 5 ) “Trasportatur Komunitarja” hija ddefinita fl-Artikolu 2(ċ) bħala trasportatur tal-ajru b’liċenza valida tal-operazzjoni mogħtija minn Stat Membru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92, tat-23 ta’ Lulju 1992, dwar l-għoti ta’ liċenzi lill-trasportaturi tal-ajru (ĠU L 240, p. 1).
( 6 ) Il-kliem użat fil-verżjoni Franċiża huwa “passagers au départ d’un aéroport”, u bl-Ispanjol, “pasajeros que partan de un aeropuerto”. Formulazzjonijiet ekwivalenti jinstabu, pereżempju, fil-verżjoni Olandiża, Taljana u f’dik Portugiża.
( 7 ) “Fluggäste, die auf Flughäfen […] einen Flug antreten.” Kliem simili jintuża fil-verżjoni Ġermaniża tal-premessa 6.
( 8 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, p. 59).
( 9 ) Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, Montreal, 28 ta’ Mejju 1999, approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001, dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, p. 38).
( 10 ) Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli rigward Trasport Internazzjonali bl-Ajru, Varsavja, 12 ta’ Ottubru 1929.
( 11 ) Ara t-tieni u t-tielet premessi tal-preambolu.
( 12 ) Dan l-artikolu huwa kważi identiku għall-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Varsavja.
( 13 ) Nuża din l-abbrevjazzjoni sabiex nindika kemm il-kumpannija Emirates Airlines kif ukoll Emirates Airlines Direktion für Deutschland, appellanti fil-proċeduri prinċipali.
( 14 ) Fir-rigward tal-proċeduri domestiċi, għandu jiġi imfakkar li l-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 3(1) tuża l-frażi “passiġġieri li jimbarkaw fuq titjira f’ajruporti”.
( 15 ) Punti 6 sa 8 fuq imsemmija.
( 16 ) L-inklużjoni ta’ din l-aħħar kategorija ta’ passiġġieri nfisha testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal- protezzjoni lil hinn minn dak mogħti mir-Regolament Nru 295/91. Ara l-premessa 6 fil-preambolu tar-Regolament Nru 261/2004.
( 17 ) COM(2001) 784 finali, tal-21 ta’ Diċembru 2001.
( 18 ) Rapport tal-Kunsill 14444/1/02 REV 1 tat-22 ta’ Novembru 2002. Verżjoni bl-Ingliż hija aċċessibbli fuq http://register.consilium.europa.eu.
( 19 ) Fl-istqarrija għall-istampa tagħha tas-16 ta’ Frar 2005 (ppubblikata fil-ġurnata ta’ qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 261/2004), il-Kummissjoni ssuġġeriet, bħala spjegazzjoni rigward għaliex ir-regolament il-ġdid ma kienx ikopri titjiriet operati minn trasportatur mhux Komunitarju minn pajjiż terz lejn Stat Membru, problemi eventwali ta’ extraterritorjalità.
( 20 ) Rapport tal-Kunsill 14724/02 tat-28 ta’ Novembru 2002. Verżjoni bl-Ingliż hija aċċessibbli fuq http://register.consilium.europa.eu.
( 21 ) Ara r-Rapport tal-Kunsill 15595/02 tas-16 ta’ Diċembru 2002. Dak id-dokument jista’ jinstab fuq http://register.consilium.europa.eu.
( 22 ) L-Artikolu 17, introduzzjoni u t-tieni inċiż.
( 23 ) Ara l-punt 30 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-Kawża C-133/00, Bowden (Ġabra p. I-7031).
( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kawża C-275/96, Kuusijärvi (Ġabra p. I-3419, punt 46).
( 25 ) Passiġġieri f’dawn il-kategoriji li bdew il-vjaġġi tagħhom fil-pajjiż terz ikunu, skont din l-interpretazzjoni, esklużi: ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) L-obbligu li jiġi redatt rapport innifsu jiġi kkonfutat li kieku jkollha tiġi aċċettata l-interpretazzjoni ta’ “titjira” u/jew “tluq” ippreżentata minn Dr Schenkel.
( 27 ) Ara s-sentenza Grein vs Imperial Airways Ltd [1937] 1 K.B. 50, paġni 78 sa 79 skont Greene L.J: “L-użu tas-singular f’din l-espressjoni [post ta’ tluq u post ta’destinazzjoni] jindika li fl-imħuħ tal-partijiet tal-Konvenzjoni kull kuntratt ta’ trasport għandu post ta’ tluq wieħed u post ta’ destinazzjoni wieħed. Post intermedjarju li fih it-trasport jista’ jkun interrott mhuwiex ikkunsidrat bħala “post ta’ destinazzjoni”. Fid-dawl tal-kuntest tagħha, u b’mod partikolari tal-fatt li huwa fil-kuntratt li l-post tat-tluq u l-post ta’ destinazzjoni għandhom ikunu mfittxija, it-tifsira tal-espressjoni tidher fl-opinjoni tiegħi li hija “l-post li fih it-trasport kuntrattwali jibda u l-post li fih it-trasport kuntrattwali jispiċċa”. […] Jekk il-kuntratt huwa għal vjaġġ bir-ritorn, li jibda minn Berlin, iżur diversi kapitali Ewropej u jispiċċa f’Berlin, il-vjaġġ kuntrattwali jibda f’Berlin u jispiċċa f’Berlin.” Ara wkoll Lee vs China Airlines, 669 F.Supp. 979 (C.D.Cal. 1987), u Qureshi vs K.L.M. (Royal Dutch Airlines) (1979), 41 N.S.R. (2d) 653 (żewġ deċiżjonijiet ta’ proċedura mill-Istati Uniti u l-Kanada rispettivament dwar jekk għandhomx ikunu miċħuda talbiet għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni). Ara wkoll, fil-Ġermanja, id-deċiżjonijiet tal-Bundesgerichtshof [1976] ZLW, 255, u l-Landgericht Berlin [1973] ZLW, 304. Ma sibtx l-ebda ġurisprudenza ekwivalenti fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Ċerti awturi akkademiċi jikkunsidraw li l-istess japplika skont dik il-konvenzjoni. Ara, pereżempju, E. Giemulla and R. Schmid (eds), Montreal Convention 1999 (faxxikolu 2006) Kluwer Law.
( 28 ) L-Artikolu 300(7) KE jipprovdi li “[k]ull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu għandu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri”. Il-Konvenzjoni ta’ Montreal kienet iffirmata mill-Kommunità fuq il-bażi tal-Artikolu 300(2) KE. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, u s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, C-344/04 International Air Transport Association et (iktar ’il quddiem is-sentenza “IATA”) (Ġabra p. I-403, punti 35 sa 36).
( 29 ) Il-premessa 14 tirreferi għall-konvenzjoni fil-kuntest ta’ dispożizzjoni ta’ eżonerazzjoni prevista fir-regolament. Madankollu din ir-referenza hija ta’ natura ġenerika. Kull ma tagħmel huwa li toħloq konnessjoni bejn iż-żewġ strumenti mingħajr ma ssemmi xi dispożizzjoni speċifika. Dan jirriżulta b’mod iktar ċar mill-verżjoni Franċiża tal-premessa li tipprovdi, fil-bidu tagħha, “Tout comme dans le cadre de la convention de Montréal ” (enfasi tiegħi).
( 30 ) Regolament tal-Kunsill (KE) tad-9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU L 285, p. 1) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2002 (ĠU L 140, p. 2). Skont il-premessa 6 ta’ dan tal-aħħar, kien neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2027/97 sabiex jiġi allineat mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, u hekk tinħoloq sistema uniformi ta’ responsabbiltà għat-trasport internazzjonali bl-ajru. Verżjoni konsolidata tar-Regolament Nru 2027/97, tat-30 ta’ Mejju 2002, tista’ tiġi kkonsultata fis-sit http://eur-lex.europa.eu.
( 31 ) Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2027/97, kif emendat.
( 32 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-nota ta’ qiegħ il-paġna tiegħu.
( 33 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.
( 34 ) Punt 43.
( 35 ) Punti 44 u 46.
( 36 ) Punt 47.
( 37 ) Punt 48.