EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0169

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 9 ta' Settembru 2008.
Hartlauer Handelsgesellschaft mbH vs Wiener Landesregierung u Oberösterreichische Landesregierung.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
Libertà ta’ stabbiliment - Sigurtà soċjali - Sistema tas-saħħa nazzjonali ffinanzjata mill-Istat - Sistema ta’ servizzi in natura - Sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-assigurat - Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ poliklinika privata għal kura dentali outpatient - Kriterju ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ klinika - Għan intiż għaż-żamma ta’ kura medika u kura fl-isptar ta’ kwalità, ibbilanċjata u aċċessibbli għal kulħadd - Għan intiż sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali - Koerenza - Proporzjonalità .
Kawża C-169/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:478

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2008 ( 1 )

Kawża C-169/07

Hartlauer Handelsgesellschaft mbH

vs

Wiener Landesregierung

u

Oberösterreichische Landesregierung

“Libertà ta’ stabbiliment — Sigurtà soċjali — Sistema tas-saħħa nazzjonali ffinanzjata mill-Istat — Sistema ta’ servizzi in natura — Sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-assigurat — Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ poliklinika privata għal kura dentali outpatient — Kriterju ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa — Għan intiż għaż-żamma ta’ servizz mediku jew servizz fl-isptar li jkun ta’ kwalità, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd — Għan intiż sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali — Koerenza — Proporzjonalità”

1. 

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa għall-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni.

2. 

Skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ u tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa, fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, tingħata biss jekk ikun hemm bżonn is-servizzi offruti miċ-ċentru tas-saħħa pproġettat. Din l-evalwazzjoni ssir f’kull Land u tieħu inkunsiderazzjoni s-servizzi ta’ kura eżistenti offruti mill-prestatarji tas-servizzi li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, kemm jekk ikunu ċentri tas-saħħa pubbliċi jew privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt, istituzzjonijiet li jappartjenu għall-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard jew dentisti stabbiliti.

3. 

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ġie ppreżentat fil-kuntest ta’ kawżi bejn impriża Ġermaniża, Hartlauer Handelsgesellschaft mbH ( 2 ), minn naħa, u l-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna), u l-Oberösterreichische Landesregierung (il-Gvern tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq), min-naħa l-oħra. Hartlauer kienet talbet awtorizzazzjoni sabiex tiftaħ ċentru tas-saħħa privat f’dawn il-Länder fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti. Il-Wiener Landesregierung, b’deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2001, u l-Oberösterreichische Landesregierung, b’deċiżjoni tal-, iddeċidew li ma jagħtux din l-awtorizzazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata” u t-“tieni deċiżjoni kkontestata”, rispettivament) minħabba li, fil-fehma tagħhom, ma kien jeżisti ebda bżonn tas-servizzi li Hartlauer ipprospettat li toffri.

4. 

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka mal-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit fl-Artikolu 43 KE.

5. 

F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nuri li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa għall-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

6. 

Jiena ser nuri wkoll li, għalkemm Stat Membru jista’ validament jimponi xi restrizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà bil-għan li jżomm il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu u li jiggarantixxi li, fit-territorju tiegħu, ikun hemm servizz mediku li jkun ta’ kwalità, bbilanċjat u aċċessibbli għal kull min huwa affiljat mas-sistema, jeħtieġ madankollu li l-miżura inkwistjoni tkun xierqa sabiex jintlaħaq dak l-għan u li ma tkunx teċċedi dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan. F’dan il-kuntest, jiena ser neżamina l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni inkwantu l-ftuħ ta’ klinika ta’ grupp ta’ dentisti fit-territorju tal-Awstrija jista’ jiġi awtorizzat mingħajr ma jkun meħtieġ li wieħed jagħmel evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni. Fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tħalli f’idejn il-qorti nazzjonali l-kompitu li tevalwa jekk dawn iż-żewġ entitajiet iwettqux l-attività tagħhom fl-istess suq.

I — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

7.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi.

8.

Bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 KE, id-drittijiet stabbiliti bl-Artikolu 43 KE għandhom jibbenefikaw minnhom ukoll il-kumpanniji stabbiliti in konformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju reġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ġewwa l-Komunità Ewropea.

9.

Skont l-Artikolu 47(3) KE, it-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment, fil-każ tal-professjonijiet mediċi, dawk relatati magħhom u dawk farmaċewtiċi, għandha tkun tiddependi mill-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom fid-diversi Stati Membri. Il-kura fil-qasam dentali kienet is-suġġett tad-Direttivi 78/686/KEE ( 3 ) u 78/687/KEE ( 4 ).

10.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ammettew li l-effett dirett tal-Artikolu 43 KE, rikonoxxut fis-sentenza Reyners ( 5 ) mill-1 ta’ Jannar 1970, li hija d-data tat-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, kien japplika wkoll għall-professjonijiet tas-saħħa ( 6 ). Barra minn hekk, l-attivitajiet mediċi, paramediċi u farmaċewtiċi kienu s-suġġett ta’ direttivi ta’ koordinazzjoni ( 7 ).

11.

Skont l-Artikolu 46(1) KE, l-Artikolu 43 KE ma jippreġudikax restrizzjonijiet li huma ġustifikati għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

12.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 152 KE, il-Komunità għandha biss kompetenza limitata fil-qasam tas-saħħa pubblika. Għaldaqstant l-azzjoni tal-Komunità għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u l-kura medika.

B — Id-dritt nazzjonali

13.

Huwa fil-kuntest tal-kompetenzi riżervati tagħha li r-Repubblika tal-Awstrija organizzat is-sistema tas-saħħa tagħha u organizzat l-għoti ta’ kura medika fit-territorju tagħha.

1. Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-ftuħ u għat-tħaddim ta’ ċentri tas-saħħa

14.

Bis-saħħa tal-Artikolu 12(1)(1) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundes-Verfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“B-VG”), ġiet ippromulgata l-liġi dwar iċ-ċentri tas-saħħa mill-Istat Federali. Il-miżuri għall-implementazzjoni tal-B-VG ġew sussegwentement adottati mil-Länder.

a) Il-leġiżlazzjoni Federali

15.

Meta ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentri tas-saħħa fl-Awstrija kienu rregolati mill-Liġi Federali dwar iċ-ċentri tas-saħħa (Krankenanstaltengesetz) ( 8 ). Il-KAG ġiet emendata fl-2006 — sena li matulha ġiet adottata t-tieni deċiżjoni kkontestata — mill-Liġi Federali dwar iċ-ċentri tas-saħħa u tal-kura (Bundesgesetz über Krankenanstalten und Kuranstalten) ( 9 ).

16.

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għal dawn il-kawżi, jiġifieri l-Artikoli 1 sa 3 tal-KAG u tal-KAKuG, huma redatti f’termini kważi identiċi. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jiena ser nirreferi biss għad-dispożizzjonijiet tal-KAKuG, fil-verżjoni tagħhom li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata t-tieni deċiżjoni kkontestata ( 10 ).

17.

L-Artikolu 1 tal-KAKuG jiddefinixxi ċ-ċentri tas-saħħa bħala stabbilimenti intiżi sabiex jikkonstataw u jissorveljaw l-istat ta’ saħħa tal-pazjenti permezz ta’ viżti, sabiex jagħmlu interventi kirurġiċi, sabiex jevitaw u jfejqu mard permezz ta’ trattamenti, sabiex iwelldu u jieħdu miżuri ta’ għajnuna medika għall-prokreazzjoni, kif ukoll sabiex jieħdu ħsieb, fuq livell mediku, u jfejqu l-morda affettwati b’mard kroniku.

18.

Skont l-Artikolu 2(1)(7) tal-KAKuG, il-polikliniċi indipendenti (ċentri ta’ radjoloġija, polikliniċi dentali u stabbilimenti simili) huma ċentri tas-saħħa. Dawn huma stabbilimenti, li fuq livell organizzattiv huma indipendenti, li għandhom l-għan li jeżaminaw u jfejqu persuni li l-istat ta’ saħħa tagħhom ma jkunx jeħtieġ li huma joqogħdu fl-isptar. Id-destinazzjoni ta’ poliklinika indipendenti ma tinbidilx meta l-istess poliklinika jkollha numru xieraq ta’ sodod, li jkunu indispensabbli għall-akkomodazzjoni għal żmien qasir li tkun meħtieġa sabiex isiru trattamenti dijanjostiċi u terapewtiċi outpatient ( 11 ).

19.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-KAKuG, il-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-gvern tal-Land. L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tidentifika bi preċiżjoni l-għan u s-servizzi taċ-ċentru tas-saħħa proġettat.

20.

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tal-KAKuG, din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss meta jkun jinħass il-bżonn tagħha fid-dawl tal-għan tal-istabbiliment indikat fl-applikazzjoni u tas-servizzi li huwa previst li se joffri, u tal-pjan għall-ċentri tas-saħħa tal-Land ikkonċernat rispettivament, kif ukoll fid-dawl tal-kura offruta diġà miċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, dawk privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt, u miċ-ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, kif ukoll, fil-każ tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, fid-dawl ukoll tal-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient tal-imsemmija ċentri tas-saħħa u mit-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, u fil-każ ta’ polikliniċi dentali, fid-dawl ukoll tal-membri tal-professjoni tad-dentistrija u “Dentisten” stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

b) Il-miżuri ta’ implementazzjoni adottati mil-Länder

21.

Fiż-żmien rilevanti għall-kawża li tirrigwarda l-Wiener Landesregierung, il-liġi Federali applikabbli kienet il-KAG. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju ( 12 ), wieħed jifhem li din il-liġi ġiet implementata f’dan il-Land mil-Liġi tal-Land ta’ Vjenna tal-1987 dwar il-ċentri tas-saħħa (Wiener Krankenanstaltengesetz 1987) ( 13 ).

22.

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Wr. KAG, l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa, bħalma hija poliklinika indipendenti, tista’ tingħata biss meta:

“[…]

a)

ikun jinħass il-bżonn tagħha fid-dawl tal-għan tal-istabbiliment indikat fl-applikazzjoni u tas-servizzi li huwa previst li joffri, fid-dawl tal-kura offruta diġà miċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, miċ-ċentri privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, kif ukoll, fil-każ tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, fid-dawl ukoll tal-kura offruta mit-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u mill-istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, fil-każ ta’ polikliniċi dentali, kif ukoll fir-rigward tad-‘Dentisten’ stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

[…]”

23.

Fiż-żmien rilevanti għall-kawża li tinvolvi lill-Oberösterreichische Landesregierung, il-liġi Federali applikabbli kienet il-KAKuG. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju ( 14 ), wieħed jifhem li din il-liġi ġiet implementata bil-Liġi tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq tal-1997 dwar iċ-ċentri tas-saħħa (Oberösterreichisches Krankenanstaltengesetz 1997) ( 15 ).

24.

L-Artikolu 5 tal-Oö. KAG huwa redatt bil-mod kif ġej:

“1.   […] l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa għandha tingħata meta

1)

ikun jinħass il-bżonn tiegħu fis-sens tal-paragrafu 2,

[…]

2.   Il-bżonn li jkun hemm ċentru tas-saħħa, skont l-għan indikat fid-domanda u fil-provvista tas-servizzi prevista, għandu jiġi evalwat, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-limitu fin-numru ta’ sodod stabbilit mill-pjan għaċ-ċentri tas-saħħa tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq […], fid-dawl tal-kura offruta diġà, fuq medda xierqa, miċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, miċ-ċentri privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt, u miċ-ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, kif ukoll, fil-każ tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, fid-dawl ukoll tal-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient offruti miċ-ċentri tas-saħħa msemmija iktar ’il fuq u mit-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u mill-istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, fil-każ ta’ polikliniċi dentali, kif ukoll fir-rigward tad-‘Dentisten’ stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard […]”

25.

Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ tat-tieni deċiżjoni kkontestata hija differenti minn dik li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni kkontestata, inkwantu, wara l-adozzjoni tal-KAKuG, il-verifika tal-bżonnijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient taċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, miċ-ċentri privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u miċ-ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali li huma kkontemplati fil-liġi.

2. Il-leġiżlazzjoni relattiva għall-eżerċizzju tal-professjoni tad-dentistrija

26.

L-eżerċizzju tal-professjoni medika fl-Awstrija huwa rregolat bil-Liġi dwar il-professjoni medika (Ärztegesetz), tal-10 ta’ Novembru 1998 ( 16 ). Din il-liġi ġiet adottata wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni Ewropea, sabiex tistabbilixxi, b’mod partikolari, sistema ġdida ta’ taħriġ għal dawk li jridu jispeċjalizzaw fid-dentistrija. B’effett mill-, l-eżerċizzju tal-professjoni tad-dentistrija huwa rregolat bil-Liġi dwar il-professjoni tad-dentistrija (Zahnärztegesetz) ( 17 ).

27.

Klinika ta’ grupp ta’ professjonisti, fis-sens tal-Artikolu 52a tal-Liġi dwar il-professjoni medika, kif emendata, u tal-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-professjoni tad-dentistrija, kif emendata, tista’ tiġi mwaqqfa biss fil-forma ġuridika ta’ kumpannija f’isem kollettiv li għandha l-għan li tagħmel profitt ( 18 ). Din tista’ tiġi ffurmata biss minn persuni assoċjati li jkunu personalment responsabbli u li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni ta’ dentist fuq bażi indipendenti. B’kuntrast mal-polikliniċi, mhuwiex permess li jiġu ngaġġati tobba jew dentisti oħra bħala impjegati.

3. Il-leġiżlazzjoni dwar is-sistema tas-sigurtà soċjali

28.

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija stabbiliet il-modalitajiet ta’ funzjonament tas-sistema tas-sigurtà soċjali tagħha u, għal kull wieħed mir-riskji, stabbiliet il-livell ta’ servizzi kif ukoll il-mod u l-livell ta’ finanzjament tagħhom.

29.

Ir-Repubblika tal-Awstrija organizzat skema obbligatorja ta’ assigurazzjoni kontra l-mard amministrata mill-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. Il-finanzjament tal-istess skema huwa żgurat permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-persuni assigurati u ta’ min jimpjeghom, kif ukoll permezz ta’ kontribuzzjoni li l-Istat iħallas kull sena lill-fond ġenerali tal-assigurazzjoni kontra l-mard, liema kontribuzzjoni toħroġ mill-baġit tiegħu.

30.

Is-sistema tas-sigurtà soċjali Awstrijaka hija mħallta ( 19 ). Minn banda, hija bbażata fuq l-iskema ta’ servizzi in natura, li fil-kuntest tagħhom, is-sigurtà soċjali, f’isem il-pazjent, tħallas, in toto jew in parte, għat-trattamenti mediċi u fl-isptar li huwa jirċievi u, mill-banda l-oħra, fuq is-sistema tar-rimbors, li fil-kuntest tagħha s-sigurtà soċjali tirrimborsa lill-pazjent, in toto jew in parte, l-ispejjeż li huwa jkun għamel għal dawn it-trattamenti.

31.

L-iskema ta’ servizzi in natura ġiet imwaqqfa bil-Liġi dwar l-assigurazzjoni soċjali ġenerali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz) ( 20 ).

32.

Din l-iskema hija bbażata fuq sistema ta’ ftehim qafas konklużi bejn il-federazzjoni nazzjonali tal-korpi tas-sigurtà soċjali u l-korpi rispettivi ta’ rappreżentanza legali tal-prestatarji.

33.

Il-kontenut ta’ dawn il-ftehim qafas huwa stabbilit, kif ġej, fl-Artikolu 342 tal-ASVG:

“[…]

1.

Determinazzjoni tan-numru u tat-tqassim ġeografiku fuq livell lokali tat-tobba u tal-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard bil-għan li, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 338(2), jiġi żgurat aċċess suffiċjenti tal-persuni assigurati u tal-membri tal-familja tagħhom għas-servizzi mediċi billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet lokali u l-kundizzjonijiet ta’ trasport kif ukoll id-densità u l-istruttura demografika; bħala regola ġenerali, il-pazjent għandu jkollu l-għażla bejn tal-inqas żewġ tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard jew bejn tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u klinika ta’ grupp ta’ professjonisti li taħdem fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni li jkunu aċċessibbli f’terminu ta’ żmien raġonevoli;

2.

Għażla tat-tobba u tal-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, konklużjoni u terminazzjoni tal-ftehim li għandhom jiġu konklużi ma’ dawn tal-aħħar (ftehim individwali);

3.

Drittijiet u obbligi tat-tobba u tal-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, partikolarment f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tagħhom għar-rimunerazzjoni tas-servizzi mediċi;

[…]”

34.

Skont l-Artikolu 338(3) tal-ASVG, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mutatis mutandis għar-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-korpi tas-sigurtà soċjali u ċ-ċentri tas-saħħa. Fil-fatt, il-fondi ta’ assigurazzjoni jiffirmaw ftehim maċ-ċentri tal-kura u t-tobba indipendenti, li fihom jiġi stabbilit minn qabel il-kontenut u l-kwalità tas-servizzi kif ukoll il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-fond ta’ assigurazzjoni li jkun firmatarju.

35.

Skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, meta l-persuna assigurata ma tmurx għand l-imsieħba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni kontra l-mard, iżda tmur għand it-tabib tal-għażla tagħha, hija tibbenefika minn rimbors tal-ispejjeż tal-kura inkorsi fl-ammont ta’ 80% ta’ dak li l-assigurazzjoni kien ikollha tħallas kieku l-persuna marret għand tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali magħha ( 21 ).

II — Il-kuntest fattwali

36.

Bl-ewwel deċiżjoni kkontestata, il-Wiener Landesregierung irrifjutat li tagħti lil Hartlauer l-awtorizzazzjoni sabiex, fil-21 distrett ta’ Vjenna, tiftaħ ċentru tas-saħħa privat fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 4 tal-Wr. KAG.

37.

Il-Wiener Landesregierung ibbażat ruħha fuq rapport ta’ espert ippreżentat mill-amministrazzjoni. Dan ikkonkluda li l-provvista ta’ kura dentali kienet żgurata b’mod suffiċjenti fi Vjenna permezz taċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, dawk privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u ċentri tas-saħħa oħra li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, it-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, l-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u l-istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard kif ukoll id-“Dentisten” li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, li jipprovdu servizzi simili. Din l-evalwazzjoni saret skont ir-relazzjoni eżistenti bejn in-numru ta’ abitanti u n-numru ta’ membri tal-professjoni tad-dentistrija (membru wieħed tal-professjoni tad-dentistrija għal kull 2207 abitant ta’ Vjenna fl-1999). Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tal-espert, il-Wiener Landesregierung ikkonkludiet li l-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa ma kienx ser ikollu l-effett li jiffaċilita, jaċċellera, jintensifika jew b’mod ieħor itejjeb b’mod sostanzjali l-kura medika fil-qasam dentali tal-abitanti ta’ Vjenna u li, għaldaqstant, ma kien hemm ebda bżonn għall-poliklinika dentali pproġettata.

38.

Għall-istess raġunijiet, bit-tieni deċiżjoni kkontestata, l-Oberösterreichische Landesregierung irrifjutat li tagħti lil Hartlauer l-awtorizzazzjoni li tiftaħ poliklinika dentali indipendenti fil-belt ta’ Wels. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikoli 4 u 5 tal-Oö. KAG.

39.

Għall-finijiet tal-eżami tagħha, l-Oberösterreichische Landesregierung ibbażat ruħha fuq l-osservazzjonijiet tal-Kunsill Awstrijak tal-membri tal-professjoni tad-dentistrija. Dan l-eżami sar abbażi ta’ kriterju dwar il-perijodu li matulu wieħed ikollu jistenna sabiex jikseb konsulta mal-prestatarji msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Oö. KAG, inklużi dawk li jaħdmu mas-servizzi ta’ kura outpatient taċ-ċentri tas-saħħa kkonċernati. L-Oberösterreichische Landesregierung ikkonkludiet li ma kien hemm ebda bżonn għall-poliklinika inkwistjoni, billi, fil-fehma tagħha, il-perijodi ta’ stennija ma kinux inaċċettabbli u l-kura li tagħti dik il-poliklinika lill-pazjenti fiż-żona fejn hija topera kienet suffiċjenti.

40.

Għaldaqstant, Hartlauer appellat kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgerichtshof li għaqqad flimkien iż-żewġ proċeduri.

III — Id-domandi preliminari

41.

Il-Verwaltungsgerichtshof għandu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Artikolu 43 KE. Għalkemm din il-leġiżlazzjoni mhijiex diskriminatorja fir-rigward tal-impriżi stabbiliti fl-Istati membri l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din tistax tostakola jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fundamentali.

42.

F’sentenza tas-7 ta’ Marzu 1992, il-Verfassungsgerichtshof (l-Awstrija) diġà indika li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt għall-eżerċizzju liberu tal-attivitajiet professjonali ggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-Liġi fundamentali dwar id-drittijiet ġenerali taċ-ċittadini (Staatsgrundgesetz über die allgemeinen Rechte der Staatsbürger) meta hija jkollha l-effett li tipproteġi liċ-ċentri tas-saħħa privati li għandhom l-għan li jagħmlu profitt mill-kompetizzjoni.

43.

Mill-banda l-oħra, f’sentenza tal-10 ta’ Marzu 1999, dik l-istess qorti ddeċidiet li l-kura medika tal-popolazzjoni minn sptarijiet li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt għandha jkollha prijorità. Dawn l-istituzzjonijiet, li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-missjoni tagħhom ta’ servizz pubbliku, jikkostitwixxu element essenzjali tas-sistema tal-kura medika, u b’hekk jiggarantixxu l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Għaldaqstant, jeħtieġ li wieħed jiżgura l-eżistenza ekonomika tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni li tfittex li tipproteġi l-imsemmija istituzzjonijiet mill-kompetizzjoni tkun kompatibbli mal-Artikolu 6 tal-Liġi fundamentali dwar id-drittijiet ġenerali taċ-ċittadini, sakemm, madankollu, ma tkunx sproporzjonata. Il-Verfassungsgerichtshof ikkunsidra li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kellha sehem biex jinħoloq il-bilanċ tal-iskema Awstrijaka ta’ assigurazzjoni kontra l-mard li l-loġika tagħha titlob li s-servizzi jiġu pprovduti primarjament minn tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

44.

Kien fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Verwaltungsgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 43 KE (flimkien mal-Artikolu 48 KE) jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa privat fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti (poliklinika dentali) u din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk, abbażi tal-għan tal-istabbiliment indikat fl-applikazzjoni u tal-medda ta’ servizzi li huwa previst li se joffri, ma jeżisti, fid-dawl tal-kura diġà offruta minn tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istrutturi li jappartjenu għal fondi u mill-assigurazzjonijiet kontra l-mard kif ukoll mid-‘Dentisten’ stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, ebda bżonn tal-ftuħ ta’ din il-poliklinika dentali?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tista’ tkun differenti jekk il-verifika tal-bżonnijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient taċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, taċ-ċentri privati li m għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u taċ-ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali?”

IV — Analiżi

A — Osservazzjonijiet preliminari

45.

Kif diġà indikajt, il-Komunità għandha biss kompetenza limitata fil-qasam tas-saħħa pubblika. Għaldaqstant hija tista’ taġixxi biss sabiex tikkomplementa l-azzjoni tal-Istati membri u l-azzjoni tagħha għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet ta’ dawn l-Istati għall-organizzazzjoni, l-ippjanar u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa.

46.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li din il-limitazzjoni tal-poter leġiżlattiv tal-Komunità ma taffettwax l-obbligu tal-Istati membri li jirrispettaw id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet relattivi għal-libertajiet ta’ moviment, meta huma jeżerċitaw il-kompetenzi riżervati tagħhom ( 22 ). Għalhekk it-twettiq tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jobbliga inevitabbilment lill-Istati Membri jadattaw l-organizzazzjoni tas-sistema tas-saħħa tagħhom.

47.

L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi jista’, pereżempju, ikollu impatt fuq il-proċeduri ta’ approvazzjoni tat-tagħmir mediku jew fuq il-kundizzjonijiet għall-provvista ta’ mediċini lill-isptarijiet ( 23 ). L-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju wassal ukoll lil-leġiżlatur Komunitarju sabiex jgħaqqad il-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-mediċini u sabiex jirregola t-trattament tal-iskart.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet ukoll numru ta’ prinċipji fundamentali marbutin mal-mobbiltà tal-pazjenti ġewwa l-Komunità u mal-finanzjament tas-servizzi mediċi transkonfinali. Nirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi Kohll ( 24 ), Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, Müller-Fauré u van Riet ( 25 ), Watts ( 26 ), u Stamatelaki, iċċitata iktar ’il fuq. Dawn il-kawżi kollha jidħlu f’kuntest partikolari li fih jikkoeżistu diversi sistemi nazzjonali tas-saħħa fil-kuntest tas-suq intern komuni għal 27 Stat Membru. Huma pprovdew l-okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom il-pazjenti, bis-saħħa tal-Artikolu 49 KE, jistgħu jibbenefikaw minn kura medika fi Stat Membru ieħor u jiġu rrimborsati tal-ispejjeż inkorsi sabiex ħadu dik il-kura mill-iskemi ta’ assigurazzjoni nazzjonali kontra l-mard li magħhom huma jkunu affiljati.

49.

Għal dak li jikkonċerna l-mobbiltà tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa ġewwa l-Komunità, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’diversi okkażjonijiet, iddeċidiet fuq il-kundizzjonijiet għall-aċċess u għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ tabib jew ta’ dentist mill-perspettiva tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi ( 27 ).

50.

Mill-banda l-oħra, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma ġiet mitluba tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ liġijiet nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissuġġettaw l-istabbiliment tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa fl-Istat Membru ospitanti għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali relatati mas-suq tal-provvista tal-kura.

51.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li għalkemm, min-natura tagħha, is-saħħa tibqa’ servizz “pubbliku”, din tfisser spiża li l-Istati membri jixtiequ jidentifikaw u jikkontrollaw bl-aħjar mod possibbli.

52.

Is-servizzi tal-kura tas-saħħa, f’dawn l-Istati kollha, jitħallsu essenzjalment minn fondi pubbliċi, ħaġa li twassal għal komportamenti speċifiċi u tirrendi l-mekkaniżmi ta’ finanzjament kumplessi.

53.

Ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn il-pazjent u l-prestatarju tal-kura jeħtieġu l-intervent ta’ diversi persuni li jiżguraw il-ġbir tar-riżorsi, it-tqegħid inkomuni tagħhom kif ukoll id-distribuzzjoni tagħhom. Dawn il-fażijiet għandhom jippermettu lis-sistema ta’ finanzjament li tiżgura aċċess indaqs tal-persuni affiljati kollha għal kura ta’ kwalità. Huma għandhom jippermettu wkoll li r-riżorsi pubbliċi limitati jintużaw b’mod effikaċi.

54.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri jippruvaw isibu sorsi ġodda ta’ finanzjament billi jappellaw għas-settur privat. L-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi tas-suq fis-settur tas-saħħa ttrasformat id-delimitazzjoni bejn is-settur pubbliku u s-settur privat tas-saħħa u nibtu tipi ġodda ta’ ċentri tas-saħħa b’mekkaniżmi ġodda ta’ finanzjament. Għaldaqstant, iċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi ma għadhomx l-uniċi li jipparteċipaw fis-servizz pubbliku tas-saħħa u dan peress li l-istituzzjonijiet privati jistgħu jkunu assoċjati huma wkoll ( 28 ). L-istituzzjonijiet privati jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom bil-għan li jagħmlu profitt, bħalma jagħmlu l-kliniċi, jew mingħajr l-għan li jagħmlu profitt, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondazzjonijiet, kongregazzjonijiet reliġjużi jew soċjetajiet imwaqqfa għall-benefiċċju reċiproku. L-appartenenza għal settur wieħed jew ieħor għandha ċerti effetti fuq is-sistema ġuridika li tapplika għal dawn l-istituzzjonijiet kif ukoll fuq is-sistema ta’ finanzjament li minnha jibbenefikaw.

55.

Għalhekk is-saħħa qed issir servizz mogħti b’mod iktar u iktar diversifikat u l-ftuħ ta’ dan is-suq għal prestatarji stabbiliti fi Stati Membri oħra jaċċentwa dan il-moviment.

B — Fuq l-ewwel domanda preliminari

56.

Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa, fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti, għall-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni.

57.

Kif diġà indikajt fil-kuntest tal-osservazzjonijiet preliminari tiegħi, id-dritt Komunitarju ma jarmonizzax il-provvista tas-servizzi tas-saħħa. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma intitolati li jorganizzaw is-sistema tas-saħħa tagħhom u jorganizzaw il-provvista tal-kura medika fit-territorju tagħhom skont il-prijoritajiet sanitarji li huma jkunu stabbilew. Fin-nuqqas ta’ regoli komuni jew armonizzati, l-istess Stati Membri jibqgħu, barra minn hekk, liberi li jiddeċiedu sa liema livell huma jixtiequ jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq, fl-osservanza tal-prinċipju tal-proporzjonalità ( 29 ).

58.

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza riżervata, l-Istati membri huma obbligati jirrispettaw id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet relatati mal-libertajiet ta’ moviment garantiti mit-Trattat ( 30 ).

59.

Attività ta’ sptar, medika jew paramedika, bħalma huma s-servizzi ta’ kura dentali, tikkostitwixxi attività ekonomika li għandha tkun suġġetta, bħala tali, għar-regoli tas-suq intern. Din l-analiżi hija kkorroborata mit-termini tal-Artikolu 47(3) KE f’dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment.

60.

Għalhekk, il-miżuri meħudin minn Stat Membru sabiex jirregola l-provvista ta’ kura fl-isptar jew kura medika ma għandhomx jippreġudikaw ir-regoli tat-Trattat relattivi għal-libertajiet ta’ moviment, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment ( 31 ).

61.

Fil-fatt huwa fid-dawl ta’ din il-libertà li għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, peress li, f’sitwazzjoni bħalma hija dik li wasslet għall-kawżi prinċipali, impriża stabbilita legalment fil-Ġermanja tixtieq tistabbilixxi ruħha fit-territorju Awstrijak sabiex toffri servizzi ta’ kura dentali hemmhekk.

62.

Il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita bl-Artikoli 43 KE u 48 KE tagħti lill-kumpanniji stabbiliti inkonformità mal-liġijiet ta’ Stat Membru d-dritt li jibdew attività indipendenti fi Stat Membru ieħor u li jeżerċitaw din l-attività hemmhekk b’mod permanenti taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom f’dak l-Istat. Din il-libertà fundamentali testendi għall-kostituzzjoni u l-ġestjoni ta’ impriżi kif ukoll għall-ħolqien ta’ aġenziji, fergħat u kumpanniji sussidjarji. L-Artikolu 43 KE jimponi li jitneħħew il-miżuri diskriminatorji.

63.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-miżuri kollha li, anke jekk japplikaw mingħajr distinzjoni, jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment miċ-ċittadini Komunitarji jikkostitwixxu restrizzjonijiet li jmorru kontra t-Trattat ( 32 ).

1. Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

64.

Skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, il-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika dentali jiġu awtorizzati biss jekk ikun hemm bżonn tas-servizzi li dak iċ-ċentru tas-saħħa jipprospetta li joffri. Din il-leġiżlazzjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-entitajiet kollha li jkunu jixtiequ jiftħu u jħaddmu ċentru tas-saħħa, mingħajr distinzjoni dwar l-Istat ta’ oriġini.

65.

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tal-KAG, li kien id-dispożizzjoni applikabbli meta ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ bżonn għandha tiġi evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kura offruta diġà miċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi jew privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u miċ-ċentri tas-saħħa oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, mit-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u mill-istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, kif ukoll mid-“Dentisten” stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

66.

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tal-KAKuG, li kien id-dispożizzjoni applikabbli meta ġiet adottata t-tieni deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ bżonn għandha tiġi evalwata wkoll fid-dawl tas-servizzi offruti mis-servizzi ta’ kura outpatient tal-imsemmija ċentri tas-saħħa.

67.

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet, l-awtoritajiet kompetenti għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kura offruta mill-imsieħba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-assigurazzjoni kontra l-mard.

68.

Skont il-qorti tar-rinviju, ikun jeżisti bżonn meta l-ftuħ ta’ poliklinika jkollu l-effett li jiffaċilita, jaċċellera, jintensifika jew b’xi mod ieħor itejjeb b’mod sostanzjali l-kura medika tal-popolazzjoni.

69.

Għaldaqstant ma jkun jeżisti ebda bżonn meta l-provvista ta’ kura eżistenti tkun adegwata biex tissodisfa t-talba eżistenti fiż-żona fejn ikun se jopera ċ-ċentru pproġettat.

70.

L-evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni ssir fuq livell lokali, mil-Land ikkonċernat, skont metodi differenti. Fil-fatt, fil-Land ta’ Vjenna, din l-evalwazzjoni saret skont ir-relazzjoni eżistenti bejn in-numru ta’ abitanti u n-numru ta’ membri tal-professjoni tad-dentistrija fiż-żona fejn kienet se topera l-poliklinika proġettata. Mill-provi fil-proċess jirriżulta li dan in-numru mhuwiex stabbilit minn qabel. Ir-rapport tal-espert mediku inkwistjoni kkonstata li l-bżonnijiet huma “diġà koperti mill-istituzzjonijiet eżistenti tal-istess tip” u li s-sitwazzjoni hija “globalment tajba”  ( 33 ). Mill-banda l-oħra, fil-Land tal-Awstrija ta’ Fuq, l-eżistenza ta’ bżonn ġie stabbilit abbażi tal-perijodu li matulu wieħed ikollu jistenna sabiex jikseb konsulta. L-evalwazzjoni saret fid-dawl tar-risposti li ngħataw mill-membri tal-professjoni tad-dentistrija li jeżerċitaw fiż-żona fejn kienet se topera l-poliklinika proġettata.

71.

Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, jidhirli li huwa ċar li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi ostakolu għad-dritt garantit bl-Artikolu 43 KE ( 34 ), u dan minkejja n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza tal-professjonisti kkonċernati ( 35 ).

72.

Bil-fatt li stabbiliet proċedura ta’ awtorizzazzjoni qabel il-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa, din il-leġiżlazzjoni tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment bl-għan tagħha stess.

73.

Għalkemm ma timpedixxix lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jistabbilixxu ruħhom fl-Awstrija, l-imsemmija leġiżlazzjoni teżiġi li tinkiseb awtorizzazzjoni amministrattiva li tingħata biss jekk ikun jeżisti bżonn ta’ kura tas-saħħa tal-popolazzjoni. Dan il-bżonn jiġi evalwat fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali relatati mas-suq tal-kura tas-saħħa.

74.

Kif tammetti r-Repubblika tal-Awstrija stess, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ttendi li tillimita n-numru ta’ prestatarji tal-kura tas-saħħa fit-territorju, u dan bil-għan li tipproteġi aħjar lill-prestatarji li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali u li huma diġà stabbiliti fis-suq, mill-kompetizzjoni ( 36 ). B’hekk, jekk il-provvista tal-kura proposta fil-kuntest tal-assigurazzjoni kontra l-mard hija suffiċjenti, il-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa, bħal poliklinika, jiġi rrifjutat. Dan kien il-każ fil-kawżi prinċipali. Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni tagħmilha iktar diffiċli jew, fi kwalunkwe każ, inqas attraenti li wieħed jiftaħ u jħaddem ċentru tas-saħħa fit-territorju Awstrijaku ( 37 ).

75.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra għalhekk li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa għall-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni bbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita bl-Artikolu 43 KE.

2. Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkonstatata

76.

Restrizzjoni bħalma hija dik prevista fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka tista’ madankollu tkun konformi mad-dritt Komunitarju jekk hija tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet segwenti. L-ewwel nett, hija għandha tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju. It-tieni nett, hija għandha tkun iġġustifikata b’motiv leġittimu jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Fl-aħħar nett, hija trid tkun xierqa biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan ( 38 ).

a) Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tapplika mingħajr distinzjoni

77.

Kif diġà wrejt, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika għall-impriżi kollha li jixtiequ jiftħu jew iħaddmu ċentru tas-saħħa, mingħajr distinzjoni relattiva għall-Istat ta’ oriġini tagħhom.

b) Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u ż-żamma tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jistgħu jiġġustifikaw miżuri li jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment tal-ċentri tas-saħħa

78.

Skont ġurisprudenza stabbilita, is-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-interessi protetti mit-Trattat, ħaġa li tippermetti lill-Istati Membri li jirrestrinġu l-libertajiet ta’ moviment ( 39 ).

79.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tispeċifika l-motivi li jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri biex jiġġustifikaw l-ostakoli għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-provvista tal-kura medika u fl-isptarijiet ( 40 ).

80.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika ostakolu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

81.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li l-għan li, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika, jinżamm servizz mediku u tal-isptarijiet li jkun ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd jista’ jaqa’ taħt l-eċċezzjoni bbażata fuq il-ħarsien tas-saħħa pubblika, ikkontemplata fl-Artikolu 46(1) KE, sa fejn tali għan jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa.

82.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi ddeċidiet li l-Artikolu 46 KE jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-libertà li jiġu pprovduti servizzi mediċi u tal-isptarijiet, sa fejn iż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali tkun essenzjali għas-saħħa pubblika, jew saħansitra għas-sopravivenza tal-popolazzjoni tagħhom.

83.

F’dak li jikkonċerna s-servizzi mediċi pprovduti fi sptar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li n-numru ta’ sptarijiet, it-tqassim ġeografiku tagħhom, il-mod kif huma organizzati u l-apparat li bihom huma mgħammra, u saħansitra n-natura tas-servizzi mediċi li huma jistgħu joffru, għandhom ikunu jistgħu jiġu ppjanati min-naħa tal-Istat Membru ( 41 ).

84.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-ippjanar iwieġeb għal diversi preokkupazzjonijiet.

85.

Minn banda, huwa jippermetti li, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, tiġi ggarantita aċċessibbiltà suffiċjenti u permanenti għal firxa bbilanċjata ta’ kura ta’ kwalità fl-isptarijiet.

86.

Mill-banda l-oħra, huwa jfittex li jiżgura li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u li jiġi evitat ħela tar-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani f’kuntest ikkaratterizzat minn domanda dejjem tikber għall-kura medika u minn provvista neċessarjament limitata b’restrizzjonijiet finanzjarji.

87.

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi strument ta’ ppjanar u ta’ kontroll tal-provvista tal-kura tas-saħħa.

88.

Ir-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni minn qabel ibbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni huwa intiż sabiex tinżamm il-kura medika u dik fl-isptarijiet offruta fil-kuntest tal-ftehim kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u jikkontribwixxi għalhekk sabiex jinżamm il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali Awstrijaka.

89.

Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, żieda kbira wisq fin-numru ta’ prestatarji fis-suq fil-fatt tipperikola li ġġib magħha l-esklużjoni, min-naħa tal-korpi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, tal-prestatarji li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali magħhom. L-isptarijiet privati jikkonċentraw iktar fuq il-provvista tal-iktar servizzi redditizji, meta l-imsieħba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali jkunu obbligati joffru firxa kompleta ta’ servizzi, li wħud minnhom mhumiex attraenti mill-aspett ekonomiku. Għalhekk, dawn tal-aħħar jistgħu jisparixxu mis-suq jew jiġu mġiegħla jitilqu minn ċerti reġjuni, b’mod partikolari dawk rurali, sabiex jistabbilixxu ruħhom fiż-żoni urbani, ħaġa li tillimita l-kura medika ta’ pazjenti li jgħixu fil-kampanja. Bil-fatt li tikkontrolla n-numru ta’ prestatarji ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa fit-territorju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni b’hekk tfittex li tħares lill-isptarijiet li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali minn kompetizzjoni qawwija wisq u tippermetti li jiġu evitati l-eċċessi u l-iżbilanċi fil-provvista ta’ servizzi mediċi.

90.

Jiena tal-fehma li, fid-dawl tal-ġurisprudenza li għadni kif iċċitajt, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tirregola l-ftuħ u t-tħaddim taċ-ċentri tas-saħħa fit-territorju tagħha jikkostitwixxu raġunijiet validi sabiex hija tirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment.

91.

Minn banda, jiena nqis li din il-ġurisprudenza, li ġiet żviluppata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE, tista’ tiġi trasposta perfettament għall-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fatt, l-Artikolu 46(1) KE, imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja u li fih tinsab ir-riżerva bbażata fuq il-ħarsien tas-saħħa pubblika, huwa dispożizzjoni komuni għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 42 ).

92.

Mill-banda l-oħra, jidhirli li r-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-provvista ta’ kura fl-isptarijiet jista’ jiġi estiż għas-servizzi ta’ kura dentali, billi dawn is-servizzi mhumiex limitati għall-prestazzjonijiet bażiċi, bħalma huma radjografiji jew kura preventiva (tindif mit-tartru, ippolixxjar), imma jistgħu jieħdu l-forma wkoll ta’ interventi kirurġiċi veri u proprji, li jeħtieġu l-intervent ta’ persunal kwalifikat, bħalma huma l-qlugħ, it-tneħħija ta’ deformazzjonijiet estetiċi jew ċerti trattamenti odontoloġiċi ( 43 ). B’hekk, ċerti servizzi ta’ kura dentali jistgħu jsiru minn membru tal-professjoni tad-dentistrija fil-klinika tiegħu jew f’ċentru mediku, mentri interventi oħra ta’ kirurġija dentali jeħtieġu li l-pazjent imur fl-isptar għal żmien qasir, fil-kuntest, pereżempju, ta’ servizz ta’ kura outpatient li jkun mgħammar sewwa b’apparat tekniku. Għalhekk jista’ jkun diffiċli, f’dan il-qasam, li wieħed jagħmel distinzjoni bejn is-servizzi ta’ kura fl-isptar u s-servizzi ta’ kura mhux fl-isptar ( 44 ).

93.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni, prevista fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, hija għodda sabiex jitwettaq il-“pjan għaċ-ċentri tas-saħħa”. Dan il-pjan huwa strument għall-ippjanar sanitarju, li ġie żviluppat fir-rigward ta’ kull Land, fid-dawl tad-direzzjonijiet definiti mir-Repubblika tal-Awstrija.

94.

L-imsemmi pjan jippermetti li tiġi stabbilita b’mod kwantitattiv u kwalitattiv il-provvista ta’ kura fl-isptarijiet u l-provvista ta’ kura medika li għandha tingħata u t-tqassim ġeografiku ta’ din il-provvista. L-istess pjan għandu jippermetti, għaldaqstant, li tiġi żviluppata provvista ta’ kura adattata għall-istat tas-saħħa tal-popolazzjoni u għall-effikaċja tal-kura eżistenti. Il-pjan għandu jiżgura aċċess għall-kura ta’ kwalità u għandu jiggarantixxi organizzazzjoni sanitarja li tippermetti li jinżammu u jiġu żviluppati attivitajiet fil-viċinanzi. Fl-aħħar nett, huwa għandu jipprovdi għal bilanċ ġust f’dak li jikkonċerna d-daqs, il-kapaċità u l-apparat taċ-ċentri tas-saħħa.

95.

L-implementazzjoni ta’ dan il-pjan u t-twettiq tal-għanijiet li huwa jfittex li jilħaq jiddependu mill-vijabbiltà finanzjarja tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ sistema nazzjonali tas-saħħa, bħal dik inkwistjoni, li hija ffinanzjata, fil-parti l-kbira tagħha, minn fondi pubbliċi u fejn ir-riżorsi finanzjarji tagħha huma, neċessarjament, limitati, il-finanzjament tal-kura tas-saħħa huwa ttrattat skont il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda. L-ippjanar tal-provvista tal-kura tas-saħħa u l-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-korpi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u l-prestatarji tal-kura tas-saħħa b’hekk jippermettu li jiġu kkontrollati aħjar l-ispejjeż billi jiġu aġġustati skont il-bżonnijiet tal-popolazzjoni, skont il-prijoritajiet stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali.

96.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidhirli għalhekk li huwa ġġustifikat li Stat Membru jkun jista’ jirregola l-ftuħ u t-tħaddim taċ-ċentri tas-saħħa fit-territorju tiegħu billi jivverifika minn qabel il-bżonnijiet tas-suq sabiex jipproteġi s-saħħa pubblika u jżomm il-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu.

c) Il-kwistjoni dwar kemm hija adegwata l-leġiżlazzjoni inkwistjoni sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha

97.

F’dan l-istadju jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hijiex adegwata biex tiżgura protezzjoni effikaċi tas-saħħa pubblika u tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali kontra r-riskji marbutin ma’ estensjoni mhux ikkontrollata tal-provvista ta’ kura dentali.

98.

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinkiseb minn qabel l-awtorizzazzjoni amministrattiva inkwistjoni humiex iġġustifikati fid-dawl tar-raġunijiet imperattivi msemmija iktar ’il fuq u jekk dawn jissodisfawx, konsegwentement, ir-rekwiżit tal-proporzjonalità.

99.

Fl-ewwel lok, nikkunsidra li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva li trid tinħareġ minn qabel, stabbilita bil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, tiċċirkoskrivi, skont il-liġi, is-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

100.

Bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawżi marbutin mas-sistema ta’ rimbors tal-kura tas-saħħa transkonfinali, jiena jidhirli li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva li trid tinħareġ qabel ma jistabbilixxi ruħu professjonist fil-qasam tas-saħħa ma tistax tiġġustifika komportament diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, dan iwassal sabiex iċaħħdu d-dispożizzjonijiet Komunitarji, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali, mill-effettività tagħhom ( 45 ).

101.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali sistema għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’mod li jillimita l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, hija għandha tkun ibbażata fuq sistema proċedurali li tkun aċċessibbli u xierqa biex tiggarantixxi lill-persuni kkonċernati li l-applikazzjoni tagħhom tiġi pproċessata fi żmien raġonevoli, b’oġġettività u b’imparzjalità. Fl-aħħar nett, ir-rifjuti ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji ( 46 ). Għal dan il-għan, tali rifjuti ta’ awtorizzazzjoni, jew il-pariri li fuqhom ikunu eventwalment ibbażati dawn ir-rifjuti, għandhom jindikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi li fuqhom huma jkunu bbażati u għandhom ikunu motivati b’mod xieraq fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-qrati li quddiemhom jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjonijiet ta’ rifjut bħal dawn għandhom ikunu jistgħu, jekk iqisu li dan ikun neċessarju sabiex jeżerċitaw l-istħarriġ ġudizzjarju li għandhom iwettqu, jiksbu l-opinjoni ta’ esperti indipendenti li jagħtu garanzija sħiħa ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità ( 47 ).

102.

Għal dak li jikkonċerna l-kawżi prinċipali, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikoli 3 tal-KAG u tal-KAKuG kif ukoll il-miżuri ta’ implementazzjoni adottati mil-Länder ta’ Vjenna u tal-Awstrija ta’ Fuq ( 48 ), jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tingħata awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa. Din il-leġiżlazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bundesgesetzblatt für die Republik Österreich ( 49 ) b’mod li dawn il-kundizzjonijiet huma magħrufa minn qabel. Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jiġifieri l-għan tal-ċentru, is-servizzi li dan jipprospetta li joffri, il-pjan għaċ-ċentri tas-saħħa tal-Land ikkonċernat u fl-aħħar nett il-provvista eżistenti. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 50 ) jirriżulta li l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ikkontestati indikaw id-dispożizzjonijiet li fuqhom huma kienu bbażati ( 51 ) u speċifikaw ir-raġunijiet li għalihom l-awtoritajiet ikkunsidraw li ma kien jeżisti ebda bżonn għall-provvista tal-kura li Hartlauer kienet qed tipprospetta li toffri. Fl-aħħar nett, kif juru l-kawżi prinċipali, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet setgħu jiġu kkontestati quddiem il-Verwaltungsgerichtshof bis-saħħa tal-Artikolu 131(1)(1) tal-B-VG.

103.

Fit-tieni lok, jidhirli li l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet li għandhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel ma jawtorizzaw il-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa hija, taħt diversi aspetti, mezz xieraq biex jintlaħqu l-għanijiet kontemplati mir-Repubblika tal-Awstrija.

104.

Minn banda, jidhirli li din l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet għandha sewwasew l-effett li torganizza l-provvista ta’ kura tas-saħħa fit-territorju. Billi titwettaq fuq livell lokali u tieħu inkunsiderazzjoni l-provvista ta’ kura eżistenti, hija tippermetti li jiġi evitat li ċerti territorji ġeografiċi, bħalma huma ż-żoni rurali, ma jiġux servuti b’mod suffiċjenti, u dan b’kuntrast ma’ territorji oħra fejn teżisti konċentrazzjoni qawwija ta’ dentisti, bħalma huma ż-żoni urbani. L-imsemmija evalwazzjoni hija għalhekk meħtieġa sabiex il-provvista ta’ servizzi mediċi u tal-isptarijiet tkun tista’ tissodisfa d-domanda għall-kura tas-saħħa, taħt kundizzjonijiet ta’ kwalità u fi żmien raġonevoli.

105.

Mill-banda l-oħra, l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet effettivament tippermetti li jiġu evitati l-impatti negattivi li jistgħu jirriżultaw minn estensjoni mhux ikkontrollata tal-provvista tal-kura tas-saħħa u, b’mod partikolari, għas-sitwazzjoni ekonomika tal-prestatarji li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali. Kif irrileva l-Verfassungsgerichtshof, fis-sentenza tiegħu tal-10 ta’ Marzu 1999, iċċitata iktar ’il fuq, din l-evalwazzjoni twassal sabiex tiġi protetta l-eżistenza tal-persuni u taċ-ċentri li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tal-assigurazzjoni kontra l-mard.

106.

F’sistema bħalma hija dik tal-kawża prinċipali, li tiżgura li jkun hemm servizzi in natura għall-persuni affiljati, il-korpi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard jamministraw il-baġit tagħhom billi jikkonkludu ftehim mal-professjonisti u mal-isptarijiet. Fil-kuntest ta’ dawn il-ftehim, il-partijiet jistabbilixxu liema servizzi huma koperti u jispeċifikaw id-disponibbiltà tas-servizzi kif ukoll il-kontribuzzjoni ekonomika li l-assigurazzjoni kontra l-mard tintrabat li tagħti. Din is-sistema tippermetti li jiġi ggarantit il-finanzjament, bil-quddiem, tat-trattamenti mediċi kollha li l-persuni assigurati jkollhom bżonn, kemm għal dak li jikkonċerna l-konsulti esterni kif ukoll għal dak li jikkonċerna s-servizzi fl-isptarijiet b’mod li l-fondi ta’ assigurazzjoni, fil-prinċipju, ma jkollhomx jiġu kkonfrontati b’pagamenti addizzjonali.

107.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li huwa leġittimu li, f’sistema ta’ sigurtà soċjali li tipprovdi minn qabel mhux biss il-mezzi kif tiġi żgurata l-kura, imma wkoll il-professjonisti u ċ-ċentri tas-saħħa li jissomministrawha, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jixtiequ jipproteġu lill-prestatarji li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali minn kompetizzjoni qawwija wisq.

108.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, barra minn hekk, li jekk il-persuni assigurati jkunu jistgħu liberament u f’kull ċirkustanza jagħmlu użu minn sptarijiet li magħhom il-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tagħhom ma jkun ikkonkluda ebda ftehim, kemm jekk ikunu sptarijiet li jinsabu fl-Istat Membru u kemm jekk fi Stat Membru ieħor, “jiġi kompromess, f’daqqa waħda, kull sforz ta’ pjanifikazzjoni magħmul permezz tas-sistema ta’ ftehim, sabiex jiġi ggarantit servizz ta’ kura fl-isptarijiet li jkun razzjonalizzat, stabbli, ekwilibrat u aċċessibbli”  ( 52 ). Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament jista’ jiġi traspost għall-provvista ta’ kura offruta mill-polikliniċi.

109.

B’hekk, bil-fatt li fl-eżami tal-provvista tal-kura eżistenti hija tieħu biss inkunsiderazzjoni s-servizzi offruti mill-imsieħba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali mal-assigurazzjoni kontra l-mard, din l-evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni tippermetti li tiġi ppriżervata s-sistema kuntrattwali u s-sistema ta’ servizzi in natura. Infakkar li din is-sistema tippermetti lill-persuna assigurata ma tħallasx l-ispejjeż inkorsi għall-kura li minnha hija tkun ibbenefikat. Dawn l-ispejjeż, fil-fatt, jitħallsu direttament mill-korp ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. L-imsemmija sistema għalhekk tippermetti lill-pazjenti inqas iffortunati li jkollhom aċċess għall-kura medika u kura fl-isptar ta’ kwalità.

110.

Konsegwentement, jidhirli li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa għal evalwazzjoni minn qabel tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni hija xierqa biex tiġi żgurata kura medika li tkun ta’ kwalità, ibbilanċjata u aċċessibbli għal kulħadd kif ukoll biex jiġi ggarantit il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali. Għaldaqstant, tali miżura hija adegwata, fil-fehma tiegħi, sabiex tipproteġi s-saħħa pubblika.

111.

Madankollu, nirrileva li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma tapplikax għall-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti, minkejja li struttura ta’ dan it-tip jista’ wkoll ikollha l-effett li tikkompeti maċ-ċentri li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali u li huma diġà stabbiliti fis-suq.

112.

Wieħed għaldaqstant jistaqsi dwar il-kapaċità ta’ sistema, bħalma hija dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, billi t-twaqqif tal-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti fis-suq tiġi awtorizzata mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni. Għaldaqstant jidhirli li hemm inkoerenza f’din is-sistema. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta matul il-proċedura bil-miktub u waqt is-seduta ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet għal tali distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ struttura.

113.

Għaldaqstant, jidhirli li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-proporzjonalità ta’ kemm leġiżlazzjoni bħalma hija l-leġiżlazzjoni Awstrijaka hija tali li tirrispondi b’mod utli għall-għanijiet li hija tfittex li tilħaq, u dan fid-dawl tal-osservazzjonijiet li ser nagħmel iktar ’il quddiem.

114.

Huwa magħruf li klinika ta’ grupp ta’ professjonisti ma tikkwalifikax bħala ċentru tas-saħħa skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka. Din tista’ tiġi mwaqqfa biss fil-forma ġuridika ta’ kumpannija f’isem kollettiv li għandha l-għan li tagħmel profitt ( 53 ). Barra minn hekk, din il-kumpannija tista’ tinkludi biss persuni assoċjati li jkunu responsabbli personalment u li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni ta’ dentist fuq bażi indipendenti, u dan b’kuntrast mal-polikliniċi li jaħdmu prinċipalment bl-impjegati.

115.

Fir-rigward tal-organizzazzjoni u tal-apparat ta’ dawn l-istrutturi, l-osservazzjonijiet disponibbli f’dan ir-rigward huma kontradittorji. Fil-fatt, matul is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija eskludiet kull ipoteżi ta’ “diskriminazzjoni moħbija” bejn dawn l-entitajiet, billi enfasizzat li hemm stabbiliti limiti stretti fuq kemm jistgħu jikbru l-kliniċi ta’ gruppi ta’ professjonisti, u dan fuq livell organizzattiv, fuq il-livell tal-persunal, tal-apparat u tal-postijiet li fihom joperaw ( 54 ). Dawn il-karatteristiċi jiddistingwu l-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti mill-polikliniċi normali b’mod kunsiderevoli. Mill-banda l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-postijiet li fihom joperaw il-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti u l-apparat materjali tagħhom jistgħu effettivament ikunu simili għal dawk tal-polikliniċi. Għalhekk, dan iġib miegħu l-konsegwenza li l-pazjent li jkun jixtieq jibbenefika minn servizz mediku, f’ħafna każijiet, ma jara ebda differenza esterna bejn poliklinika, ikkunsidrata fuq livell ġuridiku bħala ċentru tas-saħħa, u klinika ta’ grupp ta’ professjonisti.

116.

Lil hinn mid-differenzi fil-forma ġuridika jew mill-istatus tal-persunal, jidhirli li, fir-realtà, jeħtieġ li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet imwettqa miż-żewġ entitajiet, sabiex tiġi ddeterminata l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

117.

F’dan ir-rigward, jidhirli li poliklinika dentali u klinika ta’ grupp ta’ dentisti jistgħu jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-istess suq.

118.

Skont l-Artikolu 2(1)(7) tal-KAG u tal-KAKuG, poliklinika dentali għandha l-għan li teżamina jew tfejjaq persuni li l-istat tagħhom ma jkunx jeħtieġ li huma joqogħdu fl-isptar u jistgħu jinqdew f’ċentru ta’ kura outpatient. Għaldaqstant din iċ-ċentru jista’ joffri firxa wiesgħa ta’ trattamenti, li jkopru mhux biss it-trattamenti dentali bażiċi, imma wkoll miżuri outpatient, fosthom il-kirurġija li titlesta f’ġurnata, bħalma hija l-istallazzjoni ta’ snien foloz, tiswija ta’ ksur, trapjanti jew il-qlugħ tad-dras tal-għaqal.

119.

Klinika ta’ grupp ta’ professjonisti, li fiha jaħdmu kirurgi dentisti, tista’ wkoll tkun mgħammra sewwa b’apparat tekniku li bih hija tkun tista’ toffri ċerti interventi ta’ kirurġija dentali. Għalkemm dawn l-operazzjonijiet huma inqas kumplessi minn dawk li jistgħu eventwalment jiġu offruti minn poliklinika dentali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn iż-żewġ strutturi jistgħu joffru numru ta’ servizzi tal-istess natura. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 153(3) tal-ASVG jispeċifika li l-kura dentali (kura ta’ kirurġija dentali, kura ta’ konservazzjoni u ortopedija fix-xedaq) u l-provvista ta’ snien foloz għandhom jingħataw, fil-forma ta’ servizzi in natura, minn membri tal-professjoni tad-dentistrija, minn “Dentisten”, minn kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti jew minn kliniċi speċifikament mgħammra għal dan l-għan, bħalma huma l-polikliniċi.

120.

Għaldaqstant klinika ta’ grupp ta’ dentisti tista’ tikkompeti mal-prestatarji li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali bl-istess mod bħalma tikkompeti magħhom poliklinika dentali. Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li t-twaqqif ta’ klinika ta’ grupp ta’ professjonisti waħda jew iktar, li jkunu ffurmati minn numru kbir ta’ dentisti, jista’ jikser il-bilanċ previst fl-organizzazzjoni u fl-ippjanar tal-provvista tal-kura f’lokalità partikolari.

121.

Konsegwentement, jidhirli li l-kapaċità ta’ sistema, bħalma hija dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ titqiegħed fid-dubju jekk jintwera li l-kliniċi ta’ grupp ta’ dentisti u l-polikliniċi dentali għandhom l-istess għan u, fir-realtà, joffru servizzi tal-istess tip.

122.

Peress li ma ġewx ippreżentati provi biżżejjed fir-rigward tan-natura tal-interventi mediċi mwettqa fi klinika ta’ grupp ta’ dentisti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tħalli f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tagħmel din l-analiżi.

123.

Il-qorti nazzjonali għandha, l-ewwel nett, tivverifika jekk dawn iż-żewġ entitajiet jeżerċitawx effettivament l-attività tagħhom fl-istess suq. Jekk dan huwa l-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hijiex tali li tirrispondi b’mod utli għall-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, u dan peress li t-twaqqif tal-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti jiġi awtorizzat mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni minn qabel tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni.

124.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa, fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti, għall-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni.

125.

Madankollu, nikkunsidra li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex adegwata biex tilħaq l-għanijiet tagħha, billi t-twaqqif ta’ klinika ta’ grupp ta’ dentisti fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija jiġi awtorizzat mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni.

C — Fuq it-tieni domanda preliminari

126.

Bit-tieni domanda preliminari tiegħu, il-Verwaltungsgerichtshof jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni, jeżaminaw il-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient taċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi jew privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u ċentri tas-saħħa oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, jaffettwax ir-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari.

127.

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ tat-tieni deċiżjoni kkontestata hija differenti, billi, wara d-dħul fis-seħħ tal-KAKuG, il-verifika tal-bżonnijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kura offruta fil-kuntest tas-servizzi ta’ kura outpatient ta’ dawn iċ-ċentri.

128.

Jiena tal-fehma li t-tibdil f’din il-leġiżlazzjoni ma jaffettwax ir-risposta li pproponejt li tingħata għall-ewwel domanda preliminari.

129.

Fil-fatt, bħal fil-każ tal-polikliniċi, iċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi u privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt, li fosthom insibu b’mod partikolari l-isptarijiet, jista’ jkollhom servizzi ta’ kura outpatient. Għal dan il-għan, huma jkunu mgħammra b’apparat tekniku, bi spiża partikolarment għolja, li jeħtieġ li tiġi rkuprata. Bħalma indikajt diġà, l-alternattivi għall-kura fl-isptarijiet qed jimmultiplikaw. Il-pazjenti, li ma jkunux jeħtieġu li jiġu rikoverati fl-isptar jew ma jkunx għad baqgħalhom għalfejn jibqgħu l-isptar mill-aspett mediku, qegħdin dejjem iktar jiġu kkurati fis-servizzi ta’ kura outpatient tal-isptarijiet, u dan bil-għan li tiġi ttrasferita l-kura ta’ ċerti gruppi ta’ pazjenti mis-settur “ġewwa l-ħitan” lejn is-settur “barra l-ħitan”  ( 55 ), mingħajr ma wieħed jkollu jirrinunzja għas-servizzi mediċi speċjalizzati kkonċernati offruti mill-imsemmija sptarijiet.

130.

Kif irrilevat ir-Repubblika tal-Awstrija, dawn is-servizzi ta’ kura outpatient illum jiffurmaw parti integrali mill-organizzazzjoni tas-sistema tas-saħħa nazzjonali. Għaldaqstant huwa leġittimu għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jieħduhom inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-provvista ta’ kura eżistenti jekk dawn jixtiequ effettivament jorganizzaw u jippjanaw il-provvista tas-servizzi tas-saħħa b’mod li jinżamm il-bilanċ finanzjarju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali u li l-kura medika tal-popolazzjoni tkun ta’ kwalità, bbilanċjata u aċċessibbli għall-persuni affiljati kollha.

131.

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-idoneità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, tqum l-istess problema li esponejt fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari, billi klinika ta’ grupp ta’ professjonisti tista’ toffri kura outpatient.

132.

Konsegwentement, nikkunsidra li l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni, jeżaminaw il-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient taċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi jew privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u ċentri tas-saħħa oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, ma jaffettwax ir-risposta li pproponejt li tingħata għall-ewwel domanda preliminari.

V — Konklużjoni

133.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmulin mill-Verwaltungsgerichtshof bil-mod kif ġej:

“L-Artikoli 43 KE u 48 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa, fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti, għall-ksib minn qabel ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva bbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni.

Madankollu, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex adegwata biex tilħaq l-għanijiet tagħha, billi t-twaqqif ta’ klinika ta’ grupp ta’ dentisti fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija jiġi awtorizzat mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem “Hartlauer”.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1978, li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn tal-kwalifiki formali tal-prattikanti tad-dentistrija, inklużi l-miżuri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà biex jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 233, p. 1).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Lulju 1978, dwar il-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet ipprovduti bil-liġi, regolament jew l-azzjoni amministrattiva fejn għandhom x’jaqsmu l-attivitajiet tat-tobba dentisti (ĠU L 233, p. 10). Din id-Direttiva, flimkien mad-Direttiva 78/686, ġiet imħassra u sostitwita bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36/KE, tas-, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22).

( 5 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974 (2/74, Ġabra p. 631).

( 6 ) Fil-fatt, fl-ewwel premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 75/362/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975, li tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn tal-kwalifiki formali tat-tobba, inklużi miżuri biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 167, p. 1), hemm indikat li, b’applikazzjoni tat-Trattat, kull trattament diskriminatorju bbażat fuq in-nazzjonalità fir-rigward tal-istabbiliment u tal-provvista ta’ servizzi huwa pprojbit wara tmiem il-perijodu tat-tranżizzjoni.

( 7 ) F’dak li jikkonċerna l-attivitajiet tat-tobba, ara b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 75/362 u 75/363/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1975, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-attivitajiet tat-tobba (ĠU L 167, p. 14). Id-Direttivi adottati f’dawn l-oqsma ġew imħassra u sostitwiti bid-Direttiva 2005/36.

( 8 ) BGBl. I, 5/2001, iktar ’il quddiem il-“KAG”.

( 9 ) BGBl. I, 122/2006, iktar ’il quddiem il-“KAKuG”.

( 10 ) Fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-emendi li saru bil-KAKuG lid-dispożizzjonijiet tal-KAG jinsabu indikati fil-korsiv.

( 11 ) Trattament outpatient huwa trattament li ma jeħtieġx li l-pazjent jiġi rrikoverat fl-isptar u jippermetti li l-istess pazjent joħroġ fl-istess ġurnata li fiha huwa jkun daħal, mingħajr ma jikber ir-riskju.

( 12 ) Punt 2.1.

( 13 ) LGBl. 23/1987. Liġi kif emendata fl-2001 (LGBl. 48/2001, iktar ’il quddiem il-“Wr. KAG”).

( 14 ) Punt 2.2.

( 15 ) LGBl. 132/1997. Liġi kif emendata fl-2005 (LGBl. 99/2005, iktar ’il quddiem il-“Oö. KAG”).

( 16 ) BGBl. I, 169/1998. Liġi kif emendata fl-2006 (BGBl. I, 122/2006). Id-dispożizzjonijiet li huma ta’ interess fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi ma ġewx emendati b’mod sostanzjali. Jien ser nindikahom iktar ’il quddiem.

( 17 ) BGBl. I, 126/2005. Liġi kif emendata fl-2006 (BGBl. I, 80/2006).

( 18 ) Ir-regoli dwar il-ħolqien u l-ġestjoni ta’ kumpannija f’isem kollettiv li għandha l-għan li tagħmel profitt huma stabbiliti fl-Artikolu 105 tal-Kodiċi tal-Kumpanniji [Unternehmensgesetzbuch (BGBl. 219/1997), kif emendat fl-2006 (BGBl. I, 103/2006)].

( 19 ) Kif irrileva l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Smits u Peerbooms (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, C-157/99, Ġabra p. I-5473), fi ħdan l-Unjoni Ewropea jeżistu tliet tipi ta’ sistemi, jiġifieri s-sistemi interament pubbliċi fejn il-finanzjament huwa kollu pubbliku u l-kura tingħata b’xejn, is-sistemi ta’ assigurazzjoni privata fejn il-kura titħallas direttament mill-pazjent li imbagħad jiġi rrimborsat mill-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tiegħu, u fl-aħħar nett, is-sistemi ibridi, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

( 20 ) BGBl. 189/1955. Liġi kif emendata fl-2006 (BGBl. I, 133/2006, iktar ’il quddiem l-“ASVG”).

( 21 ) Artikolu 131(1) tal-ASVG.

( 22 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki (C-444/05, Ġabra p. I-3185, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (sentenza tat-, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 40); fil-qasam kriminali (sentenza tat-, Cowan, 186/87, Ġabra p. 195, punt 19), u fil-qasam tas-sigurtà pubblika (sentenza tal-, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punti 15 u 16).

( 23 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-141/07), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar is-sistema ta’ provvista ta’ mediċini lil sptar.

( 24 ) Sentenza tat-28 ta’ April 1998 (C-158/96, Ġabra p. I-1931).

( 25 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003 (C-385/99, Ġabra p. I-4509).

( 26 ) Sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006 (C-372/04, Ġabra p. I-4325).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-professjoni ta’ spiżjar, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Sam Mc Cauley Chemists (Blackpool) u Sadja (C-221/05, Ġabra p. I-6869), u tat-, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-39/07, Ġabra p. I-3435); fir-rigward tal-professjoni tad-dentistrija, is-sentenza tas-, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-437/03, Ġabra p. I-9373), u fir-rigward tal-professjoni ta’ tabib, is-sentenza tas-, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-232/99, Ġabra p. I-4235).

( 28 ) Din tinvolvi lill-“istituzzjonijiet privati li m’għandhomx l-għan li jagħmlu profitt”.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Aragonesa de Publicidad Exterior u Publivía (C-1/90 u C-176/90, Ġabra p. I-4151, punt 16) u tal-, Deutscher Apothekerverband (C-322/01, Ġabra p. I-14887, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni din is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri (ara b’mod partikolari, fir-rigward ta’ restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, is-sentenza tas-, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 48).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq (punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 12).

( 32 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C-442/02, Ġabra p. I-8961, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15); tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-140/03, Ġabra p. I-3177, punt 27), u tas-, Corporación Dermoestética (C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Deċiżjoni tar-rinviju (punt 1.1).

( 34 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 29).

( 35 ) Kif tirrileva r-Repubblika tal-Awstrija fil-punti 26 u 27 tal-osservazzjonijiet tagħha, l-Artikolu 3 tal-KAKuG ma jagħmel ebda distinzjoni bejn jekk il-prestatarju huwiex ċittadin nazzjonali jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor.

( 36 ) Punt 38 tal-osservazzjonijiet tagħha.

( 37 ) Barra minn hekk, u b’mod purament indikattiv, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt li minn ftit taż-żmien ilu ’l hawn, miżura li tkun tikkonsisti fl-issuġġettar tal-ksib ta’ awtorizzazzjoni għall-prova tal-eżistenza ta’ bżonn ekonomiku jew ta’ domanda tas-suq hija rregolata b’mod strett permezz tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36). Għalkemm din id-direttiva mhijiex applikabbli għall-provvista ta’ kura tas-saħħa [ara t-tnejn u għoxrin premessa u l-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva], madankollu nixtieq nenfasizza li, skont l-Artikolu 14(5) tagħha, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizzi jew l-eżerċizzju ta’ tali attività fit-territorju tagħhom għall-applikazzjoni każ b’każ ta’ evalwazzjoni ta’ bżonn ekonomiku. Skont it-tmien premessa tad-Direttiva 2006/123, miżuri ta’ dan it-tip fil-fatt jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment tal-prestatarji fl-Istati Membri.

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2005, Rosengren et (C-170/04, Ġabra p. I-4071, punt 43), u Corporación Dermoestética, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) Sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq (punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar is-sistema ta’ rimbors tal-kura transkonfinali. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Stamatelaki, iċċitata iktar ’il fuq (punti 30 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Sentenza Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq (punti 76 sa 80).

( 42 ) Ara s-sentenza Corporación Dermoestética, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

( 43 ) L-odontoloġija hija parti mill-professjoni tad-dentistrija ddedikata għall-prevenzjoni u għall-korrezzjoni tal-pożizzjoni difettuża tas-snien u tad-deformazzjoni tax-xedaq, b’mod partikolari fit-tfal.

( 44 ) F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza li fil-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali, il-Kummissjoni tipproponi definizzjoni Komunitarja tal-kunċett ta’ “kura fl-isptar”. Skont l-Artikolu 8(1)(a) u (b) ta’ din il-proposta, dan il-kunċett ikopri mhux biss “il-kura tas-saħħa li teħtieġ akkomodazzjoni mal-lejl għall-pazjent ikkonċernat għal mill-anqas lejl wieħed”, imma wkoll il-kura tas-saħħa li teħtieġ l-użu ta’ infrastrutturi mediċinali jew tagħmir mediku speċjalizzati u għaljin ħafna jew trattamenti li huma ta’ riskju partikolari għall-pazjent jew għall-popolazzjoni.

( 45 ) Ara s-sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq (punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ibidem (punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 47 ) Ibidem (punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Ara l-Artikoli 4 tal-Wr. KAG u 5 tal-Oö. KAG, rispettivament.

( 49 ) Ġurnal Uffiċjali Federali tar-Repubblika tal-Awstrija.

( 50 ) Punti 1.1 u 1.2.

( 51 ) Jiġifieri, l-Artikolu 4 tal-Wr. KAG u l-Artikoli 4 u 5 tal-Oö. KAG.

( 52 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Smits u Peerbooms (punt 81); Müller-Fauré u van Riet (punt 82), u Watts (punt 111).

( 53 ) Fis-sens tal-Artikolu 105 tal-Kodiċi tal-Kumpanniji, kif emendat.

( 54 ) Osservazzjonijiet orali magħmulin mir-Repubblika tal-Awstrija waqt is-seduta tas-26 ta’ Frar 2008.

( 55 ) Il-kura tal-pazjenti sseħħ barra mill-isptar minn tim ta’ professjonisti mediċi, fi strutturi fil-viċinanzi u f’diversi postijiet tal-ħajja ta’ kuljum (fl-impriża, fl-iskola, fid-dar).

Top