EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CC0142

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 30 ta' April 2008.
Ecologistas en Acción-CODA vs Ayuntamiento de Madrid.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 22 de Madrid - Spanja.
Direttivi 85/337/KEE u 97/11/KE - Stima ta’ l-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent - Xogħlijiet ta’ rranġar u ta’ titjib ta’ toroq urbani - Soġġezzjoni.
Kawża C-142/07.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-06097

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:254

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-30 ta’ April 2008 ( 1 )

Kawża C-142/07

Ecologistas en Acción-CODA

vs

Ayuntamiento de Madrid

“Direttivi 85/337/KEE u 97/11/KE — Stima tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Xogħlijiet ta’ tibdil u ta’ titjib ta’ toroq urbani — Suġġezzjoni”

I — Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ( 2 ) fil-verżjoni emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-Direttiva SEA). Il-kawża tirrigwarda ħames proġetti ta’ żvilupp u ta’ tibdil ta’ triq prinċipali f’Madrid li jifformaw parti mill-proġett “Madrid calle 30”.

2.

Din it-triq kienet ikklassifikata bħala triq urbana skont il-liġi Spanjola. Il-proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ toroq urbani ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Spanjoli li jittrasponu d-Direttiva SEA. Għaldaqstant, il-kwistjoni li tqum hija jekk id-Direttiva SEA tkoprix tali proġetti.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-Direttiva SEA

3.

L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi l-għan tad-Direttiva SEA:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lok[alizz]azzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

4.

L-Artikolu 3 jiddeskrivi s-suġġett tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi mal-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

5.

L-Artikolu 4(1) u (2) jiddefinixxi l-proġetti li għandhom jiġu eżaminati:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-istima b’mod konformi mal-Artikolu 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ

jew

(b)

l-għetiebi [il-limiti] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).”

6.

Il-punt 7(b) tal-Anness I jinkludi ċerti proġetti ta’ bini ta’ toroq b’mod partikolari “il-bini ta’ toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) (2)”. In-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 tiddefinixxi t-“triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)” bħala “triq li tikkonforma mad-definizzjoni fil-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali tal-15 ta’ Novembru 1975.”

7.

Proġetti oħrajn ta’ bini ta’ toroq huma koperti mill-punt 7(ċ) tal-Anness I:

“Il-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ linji ta’ traffiku jew iktar, l-allinjament mill-ġdid u/jew it-twessiegħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ linji tat-traffiku jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tat-triq tkun iktar minn 10 km jew iktar ma taqta’ xejn fit-tul.”

8.

Il-punt 10(e) tal-Anness II isemmi fost l-oħrajn it-toroq:

“Il-bini ta’ toroq, portijiet, stallazzjonijiet tal-portijiet, inklużi menqiet għall-bastimenti tas-sajd (proġett[i] mhux inklużi fl-Anness I).”

9.

Il-bidliet magħmula lill-proġetti huma koperti mill-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II:

“Kull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista tal-Anness I jew l-Anness II, diġà awtoriżżati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent”.

B — Il-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali tal-15 ta’ Novembru 1975

10.

Il-Ftehim ġie rratifikat mis-seba’ u għoxrin Stat Membru minbarra Spanja, l-Estonja, l-Irlanda, Malta, l-Awstrija, ir-Renju Unit u Ċipru. L-Anness II jinkludi l-kundizzjonijiet għall-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali.

11.

Il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv ta’ dawn il-kundizzjonijiet huwa stabbilit fit-Taqsima I.1:

“Il-karatteristiċi fundamentali li għandhom jiġu adottati għall-bini, l-iżvilupp, it-tagħmir u l-manutenzjoni tal-arterji prinċipali tat-traffiku internazzjonali, iktar ’il quddiem imsejħa “toroq internazzjonali”, huma s-suġġett tad-dispożizzjonijiet li ġejjin li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kunċetti moderni tat-teknoloġija tal-bini tat-toroq. Dawn ma japplikawx għaż-żoni mibnija. Dawn tal-aħħar għandhom jiġu ċirkoskritti jekk dawn it-toroq jikkostitwixxu ostaklu jew periklu għalihom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.

Il-kunċetti ta’ toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) u ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) huma definiti fit-Taqsimiet II.2 u II.3 tal-Anness II:

“II.1 Toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’)

It-terminu “triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’)” ifisser triq li hija ddisinjata u mibnija speċifikament għat-traffiku tal-vetturi, li ma sservix il-proprjetajiet li jmissu magħha, u li:

i)

għajr f’punti speċjali jew temporanjament, fiha karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, li huma separati minn xulxin jew bi strippa diviżorja mhux intiża għat-traffiku, jew b’mod eċċezzjonali, permezz ta’ mezzi oħra;

ii)

fil-livell tagħha ma taqsam ebda triq, linja tal-ferrovija jew linja tat-tramm, jew mogħdija għan-nies biex jgħaddu bil-mixi;

iii)

hija indikata speċifikament bħala triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’).

II.2 Toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)

Triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) tfisser triq riżervata għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u fuqha huwa pprojbit, b’mod partikolari, li wieħed jieqaf jew jipparkja fuq il-karreġġata.” ( 4 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III — Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

13.

Fit-13 ta’ Mejju 2004, il-belt ta’ Madrid ippubblikat stedina sabiex jiġu ppreżentati, f’terminu ta’ 20 ġurnata, osservazzjonijiet fuq 5 proġetti ta’ żvilupp u ta’ tibdil tat-triq M-30 fiż-żona urbana. Fil-kuntest ta’ proċedura sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni dwar il-protezzjoni u l-ġestjoni tal-ilma, il-pubbliku kellu għal darb’oħra l-possibbiltà li jippreżenta osservazzjonijiet fi żmien 45 ġurnata. Fl-24 ta’ Jannar 2005, il-belt ta’ Madrid ippubblikat id-deċiżjoni tagħha tas-17 ta’ Jannar 2005 li permezz tagħha hija awtorizzat il-proġetti inkwistjoni. L-organizzazzjoni mhux governattiva Ecologistas en Acción — CODA ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni.

14.

Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi s-suġġett ta’ dawk il-proċeduri kif ġej:

“Il-qorti għandha quddiemha rikors għall-annullament imressaq kontra att amministrattiv li japprova biss ħamsa mis-sottoproġetti jew xogħlijiet speċifiċi ta’ żvilupp tat-triq u tat-territorju li fuqhom tgħaddi l-M-30. Flimkien, dawn jikkostitwixxu xogħol ta’ inġenjerija ċivili kbir u kumpless ħafna, li jifforma parti minn proġett globali u wieħed imsemmi “Madrid calle 30”, intiż għat-titjib u għat-tibdil ta’ kważi t-triq kollha li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) li ddur ma’ Madrid. Il-kunsill muniċipali qasmu u kkunsidrah bħala ħmistax-il proġett differenti u indipendenti. B’dan il-mod, l-ebda waħda mis-sezzjonijiet tat-triq, ħlief waħda, ma tilħaq il-ħames kilometri ta’ alterazzjoni u żvilupp ta’ tul ta’ triq eżistenti msemmi fil-paragrafu 95 tal-Anexo Segundo de la Ley 2/2002, għalkemm il-proġett fl-intier tiegħu jaqbeż sewwa dawn id-dimensjonijiet. Dan il-proġett sħiħ ta’ tibdil u estensjoni tal-M-30 ser joħloq, skont l-estimi, żieda fit-traffiku ta’ kważi 25% u jinvolvi xogħlijiet ta’ kull tip maż-żoni urbani tat-triq (…)”.

15.

Sabiex tkun tista’ tevalwa r-rikors, il-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ir-rekwiżiti proċedurali tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, huma applikabbli għal proġetti ta’ xogħlijiet fuq toroq urbani, fid-dawl tan-natura u d-daqs tagħhom jew meta jolqtu żoni ta’ densità demografika għolja jew pajsaġġi li għandhom importanza storika, kulturali jew arkeoloġika?

2)

Ir-rekwiżiti proċedurali tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, huma applikabbli għall-proġetti inkwistjoni f’dan ir-rikors taħt id-dritt proċedurali amministrattiv, fid-dawl tan-natura tagħhom, tan-natura tat-triq li fiha huwa previst it-twettiq tagħhom, tal-karatteristiċi tagħhom, tad-daqs tagħhom, tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent, tad-densità demografika, tal-valur ekonomiku u tal-eventwali diviżjoni tagħhom meta mqabbla ma’ proġett globali ta’ xogħlijiet simili fuq l-istess triq?

3)

Il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet fis-sentenza C-332/04 ( 5 ), b’mod partikolari fil-punti 69 sa 88 tagħha, huma applikabbli għall-proġetti inkwistjoni f’dawn il-proċeduri, fid-dawl tan-natura tagħhom, tan-natura tat-triq li fiha huwa previst it-twettiq tagħhom, tal-karatteristiċi tagħhom, tad-daqs tagħhom, tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent u tal-eventwali diviżjoni tagħhom meta mqabbla ma’ proġett globali ta’ xogħlijiet simili fuq l-istess triq u huwa, għal din ir-raġuni, kien neċessarju li l-proġetti inkwistjoni jiġu suġġetti għal proċedura obbligatorja ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent?

4)

Abbażi ta’ dak li jirriżulta mill-inkartament amministrattiv u, b’mod partikolari mill-istudji u mir-rapporti li fih, jista’ jitqies li l-awtoritajiet Spanjoli effettivament issodisfaw l-obbligi dwar l-istima tal-impatt fuq l-ambjent li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, rigward il-proġetti inkwistjoni f’dawn il-proċeduri, minkejja li formalment il-proġett ma ġiex suġġett għall-proċedura obbligatorja ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent stabbilita minn din id-direttiva?”

16.

L-organizzazzjoni mhux governattiva rikorrenti fil-proċedura prinċipali, Ecologistas en Acción — CODA, l-amministrazzjoni muniċpali tal-belt ta’ Madrid, l-Italja u l-Kummissjoni pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub, iżda l-amministrazzjoni muniċipali u l-Kummissjoni biss ipparteċipaw fis-seduta tat-2 ta’ April 2008.

IV — Id-dritt

A — Fuq l-ewwel tliet domandi — il-proġetti ta’ bini ta’ toroq urbani

17.

L-ewwel tliet domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien mill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex għandhom essenzjalment l-istess kontenut. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf taħt liema kundizzjonijiet il-proġetti ta’ toroq urbani, u b’mod partikolari l-ħames proġetti li hija għandha teżamina, għandhom jiġu suġġetti għal stima tal-impatt fuq l-ambjent. Hija tenfasizza b’mod partikolari ċerti karatteristiċi tal-proġetti billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza fil-kawża C-322/04 ( 6 ):

in-natura u l-portata tal-proġett, b’mod partikolari n-natura u t-tip tat-triq, il-karatteristiċi tiegħu u d-daqs tiegħu,

l-effetti fuq iż-żoni ta’ densità demografika għolja jew fuq pajsaġġi li għandhom importanza storika, kulturali jew arkeoloġika,

il-valur ekonomiku, kif ukoll

l-eventwali diviżjoni ta’ proġett globali ta’ xogħlijiet simili fuq l-istess triq.

18.

Kif isostni ġustament il-gvern Taljan, fil-kuntest tar-risposta għal dawn id-domandi, ma tistax tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-liġi Spanjola mad-Direttiva SEA. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tagħti lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet kollha neċessarji għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, u b’dan il-mod tippermettilha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju sabiex tiddeċiedi l-kawża li hija jkollha quddiemha ( 7 ).

1. Fuq l-esklużjoni tat-toroq urbani mill-verifika tal-impatt fuq l-ambjent

19.

L-amministrazzjoni muniċipali tal-belt ta’ Madrid issostni li d-Direttiva SEA ma tkoprix il-proġetti inkwistjoni. Dawn il-proġetti jikkonċernaw triq urbana. Il-leġiżlatur Spanjol, kif ukoll l-awtoritajiet u l-qrati Spanjoli, jitilqu mill-prinċipju li t-toroq urbani ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA għaliex ma jissemmewx fl-Annessi tad-Direttiva.

20.

Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva SEA hija, fl-opinjoni tiegħi, żbaljata. Huwa ċertament minnu li d-Direttiva SEA ma ssemmix espressament bħala tali t-“toroq urbani”. Madankollu l-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I kif ukoll l-punt 10(e) tal-Anness II jitkellmu fuq toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’), toroq li jgħaqqdu bliet direttment u bil-ħeffa (‘express’) u toroq. Kif tenfasizza b’mod partikolari l-Kummissjoni, dawn huma kunċetti tad-dritt Komunitarju li għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu. Mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, mhemmx raġuni għalfejn it-toroq urbani għandhom jiġu esklużi mit-tliet tipi ta’ toroq iċċitati. It-toroq kollha ċċitatati jistgħu fil-prinċipju jkunu wkoll fil-bliet u jkollhom effetti konsiderevoli fuq l-ambjent.

Fuq l-importanza tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali tal-15 ta’ Novembru 1975 għall-interpretazzjoni tad-Direttiva SEA

21.

It-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) u t-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (“express”) mhumiex definiti fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA, iżda wieħed jista’ jirrikorri għall-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali ta’ Traffiku Internazzjonali tal-15 ta’ Novembru 1975. Għat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’), l-applikazzjoni tal-Ftehim tirriżulta minn referenza espliċita fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA ( 8 ). Għalkemm il-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA ma jagħmilx referenza għall-Ftehim għall-kunċett ta’ triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’), jidher li huwa wkoll xieraq li tintuża d-definizzjoni tiegħu sabiex tiġi garantita interpretazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha.

22.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Ftehim, il-lingwi awtentiċi tiegħu huma l-Ingliż u l-l-Franċiż, lingwi Komunitarji, kif ukoll — mingħajr ebda rilevanza għal din il-kawża — ir-Russu. Sabiex tinftehem ir-referenza tad-Direttiva għat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (“express”), għandha tintuża l-verżjoni Ingliża tad-Direttiva u tal-Ftehim peress li t-tnejn jużaw bl-istess mod it-terminu “Express roads”. Għall-kuntrarju, il-verżjoni Franċiża tad-Direttiva tuża b’mod inkorrett it-terminu “voies rapides” minflok it-terminu “routes express” meħud mill-Ftehim.

23.

Peress li d-definizzjoni ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) sadanittant ġiet emendata, il-kwistjoni li tqum hija jekk, għall-interpretazzjoni tad-Direttiva SEA, għandhiex tintuża l-verżjoni emendata tad-definizzjoni jew il-verżjoni oriġinali. Il-kliem użat fir-referenza diġà jimmilita favur il-verżjoni oriġinali, billi minnu ma jidhirx li jirriżulta l-bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emendi sussegwenti. Barra minn hekk, il-Komunità u ċerti Stati Membri mhumiex firmatarji tal-Ftehim. Fil-każ ta’ referenza għall-verżjoni fis-seħħ huma jkollhom jaċċettaw l-emendi mingħajr ma jkunu jistgħu jinfluwenzawhom direttament. Għaldaqstant, wieħed għandu jirrikorri għall-verżjoni oriġinali u mhux għall-verżjoni emendata tad-definizzjoni.

24.

Skont l-amministrazzjoni muniċipali tal-belt ta’ Madrid, it-toroq urbani mhumiex toroq li jgħaqqdu bliet direttament jew bil-ħeffa (‘express’) jew toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) fis-sens tal-Ftehim. Hija tibbaża ruħha fuq ir-regola ġenerali tat-Taqsima I.1 tal-Anness tal-Ftehim li skontha d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness ma japplikawx għaż-żoni mibnija. Din tirrigwarda b’mod partikolari d-definizzjonijiet tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) u ta’ toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) fit-Taqsimiet II.2 u II.3 ta’ dan l-anness.

25.

Kemm il-formulazzjoni tar-referenza f’dak li jirrigwarda t-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) kif ukoll l-għan tad-Direttiva SEA u tal-Ftehim jimmilitaw madankollu kontra t-teħid inkunsiderazzjoni, fid-definizzjoni tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) u tat-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) fis-sens tad-Direttiva SEA, tal-esklużjoni taż-żoni mibnija mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness II tal-Ftehim.

26.

In-nota f’qiegħ il-paġna marbuta mal-kunċett ta’ “toroq li jgħaqqdu bliet direttament jew bil-ħeffa (‘express’)” fil-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA ma tagħmilx referenza b’mod ġenerali għat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) fis-sens tal-Ftehim iżda għall-kuntrarju għat-“triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) […] li tikkonforma mad-definizzjoni” tal-Ftehim. Għaldaqstant mhuwiex il-każ li jiġi traspost il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim; il-leġiżlatur Komunitarju sempliċement uża definizzjoni li ġiet żviluppata f’kuntest ieħor. Din id-definizzjoni ma teskludix iż-żoni mibnija. Mhemmx a fortiori raġuni għalfejn għandhom jiġu esklużi t-toroq urbani meta jsir użu, mhux espressament previst, tad-definizzjoni ta’ toroq prinċipal għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’).

27.

Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni tar-referenza, bħal fil-każ tal-kwistjonijiet l-oħra ta’ interpretazzjoni marbuta mad-Direttiva SEA, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tagħha. ( 9 ) Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, l-għan tad-direttiva huwa li l-proġetti li x’aktarx ikun ser ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom jiġu suġġetti għal stima rigward l-effetti tagħhom, qabel ma jiġu awtorizzati. ( 10 )

28.

It-toroq jistgħu jikkawżaw diversi effetti fuq l-ambjent kemm fil-bliet kif ukoll barra minnhom. Barra minn hekk, il-bliet huma postijiet partikolarment sensittivi għall-bini ta’ toroq, b’mod partikolari minħabba d-densità demografika, it-tniġġiż li jeżisti iżda wkoll minħabba eventwali siti ta’ importanza storika, kulturali jew arkeoloġika. Konsegwentement, huwa konformi mal-għan tad-Direttiva SEA li hija tkopri t-toroq urbani. ( 11 )

29.

Jimmilita wkoll favur dan ir-riżultat il-paralleżmu bejn id-Direttiva SEA u l-Konvenzjoni dwar l-Istima tal-Impatt fuq l-Ambjent f’Kuntest li Jaqsam il-Fruntieri (Espoo, 1991). Il-Komunità hija parti kontraenti f’din il-konvenzjoni ( 12 ) u d-Direttiva SEA sservi għat-traspożizzjoni tagħha kif jidher b’mod partikolari mit-tlettax-il premessa tad-Direttiva 97/11. Il-Konvenzjoni ta’ Espoo tuża, għad-definizzjoni tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) u tat-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’), id-definizzjonijiet oriġinali tal-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali tal-15 ta’ Novembru 1975 mingħajr ma teskludi l-applikazzjoni għat-toroq urbani.

Fuq id-definizzjoni tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) u tat-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’)

30.

Skont it-Taqsima II.3 tal-Anness II tal-Ftehim, it-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) huma għaldaqstant toroq irriżervati għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u fuqhom huwa pprojbit, b’mod partikolari, li wieħed jieqaf jew jipparkja fuq il-karreġġata. Huwa irrilevanti jekk dawn it-toroq jaqsmux il-bliet.

31.

It-Taqsima II.3 tal-Anness II tal-Ftehim tiddefinixxi triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’) bħala triq li hija ddisinjata u mibnija speċifikament għat-traffiku tal-vetturi, li ma sservix il-proprjetajiet li jmissu magħha. Hija fiha karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, li huma separati minn xulxin jew bi strippa diviżorja mhux intiża għat-traffiku, jew b’mod eċċezzjonali, permezz ta’ mezzi oħra. Fil-livell tagħha ma taqsam ebda triq, linja tal-ferrovija jew linja tat-tramm, jew mogħdija għan-nies biex jgħaddu bil-mixi.

32.

Fl-aħħar nett, il-Ftehim jeħtieġ li t-triq tkun speċifikament indikata bħala triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’). Madankollu, din il-kundizzjoni m’għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkompletat il-kunċett ta’ triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’) skont id-Direttiva SEA peress li, fil-każ kuntrarju, l-Istati Membri jkunu jistgħu jduru mal-obbligu tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent permezz tal-indikazzjoni mogħtija lil triq.

33.

Konsegwentement, il-kunċett ta’ triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’) ikopri wkoll it-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) urbani fis-sens tad-Direttiva SEA.

Fuq it-toroq l-oħra

34.

Ċerti traduzzjonijiet tat-terminu “triq” joffru indikazzjoni għall-esklużjoni tat-toroq urbani mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA.. Fil-fatt, għat-toroq sempliċi l-verżjoni Spanjola tad-Direttiva SEA tuża t-terminu “carretera” li, bħal per eżempju għat-terminu “route” użat fil-verżjoni Franċiża, għandu jinftiehem qabel xejn bħala triq tal-kampanja. Li kieku d-Direttiva SEA kellha tkopri biss it-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’), it-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) u t-toroq tal-kampanja, ma jkunx żbaljat li dawn it-tliet termini jintrabtu mat-toroq li jinsabu barra miż-żoni mibnija.

35.

Madankollu jeżistu verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva SEA li fihom it-terminu triq ikopri wkoll mingħajr l-iċken dubju t-toroq għat-traffiku fiż-żoni urbani bħat-terminu Ġermaniż “Straße” u t-terminu Ingliż “road”.

36.

Id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi. Fil-każ ta’ diverġenzi bejn il-verżjonijiet, id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata abbażi tal-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 13 ).

37.

Dan japplika b’mod partikolari għad-Direttiva SEA. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa vast ħafna u l-għan tagħha huwa wiesa’ ferm. ( 14 ) Kif diġà ġie indikat ( 15 ), il-proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom għandhom, qabel ma jiġu awtorizzati, ikunu suġġetti għal stima rigward l-effetti tagħhom. L-impatt tat-toroq fuq l-ambjent jista’ jirriżulta spiss ukoll, jekk mhux preċiżament, fil-bliet. Għaldaqstant, fir-rigward tat-terminu “triq”, għandha tiġi rrifjutata kull interpretazzjoni li teskludi t-toroq urbani mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA.

Konklużjoni intermedjarja

38.

Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li l-proġetti ta’ toroq urbani jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEA. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat fid-dettal jekk kienx imissha ġiet eżaminata l-kompatibbiltà mal-ambjent tal-proġetti inkwistjoni.

2. Fir-rigward tal-proġetti ta’ toroq urbani skont il-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I tad-Direttiva SEA

39.

Skont l-Artikolu 4(1) u l-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva SEA, l-impatt fuq l-ambjent għandu neċessarjament jiġi eżaminat fil-bini ta’ triq prinċipali għall-vettturi bil-mutur (‘motorways’) jew ta’ triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) (punt 7(b)) kif ukoll fil-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ linji ta’ traffiku jew iktar, fl-allinjament mill-ġdid u/jew fit-twessigħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ linji tat-traffiku jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tat-triq tkun iktar minn 10 km jew iktar ma taqta’ xejn fit-tul (punt 7(ċ)).

40.

Kif diġà kkonstatajt, id-definizzjoni tat-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) u tat-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) tirriżulta mill-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali. It-toroq skont il-punt 7(ċ) tal-Anness I tad-Direttiva SEA huma definiti suffiċjentement f’dan il-punt, b’mod partikolari, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-esklużjoni ġenerali tat-toroq urbani mill-eżami tal-impatt fuq l-ambjent mhijiex aċċettabbli. Għaldaqstant, l-applikazjzoni tar-regoli fuq it-toroq skont il-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I tad-Direttiva SEA la tiddependi mill-effetti konkreti tagħhom fuq l-ambjent u lanqas mill-lokalizzazzjoni tagħhom jew mill-valur ekonomiku tagħhom jew mill-interazzjoni ma’ proġetti oħrajn.

41.

Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li l-proġetti inkwistjoni jirrigwardaw toroq li jaqgħu taħt xi waħda mid-definizzjonijiet tal-punt 7(b) jew (ċ) tal-Anness I tad-Direttiva SEA. L-obbligu li jiġi stmat l-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(1) madankollu jeżisti biss meta l-proġetti għandhom jitqiesu bħala bini tat-triq inkwistjoni.

42.

Huwa minnu li din il-kawża tikkonċerna t-tibdil u l-iżvilupp ta’ toroq eżistenti, iżda tali miżuri jistgħu jiġu ekwiparati mal-bini ta’ toroq. Fir-rigward tal-punt 7(ċ) tal-Anness I tad-Direttiva SEA, dan jirriżulta diġà mid-definizzjoni li tinkludi t-tibdil ta’ ċerti toroq.

43.

It-tibdil ta’ toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) u ta’ toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva SEA tista’ madankollu titqies eventwalment ukoll bħala bini. F’sentenza dwar proġett ferrovjarju Spanjol, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-trasformazzjoni f’żewġ linji ta’ netwerk ferrovjarju li kien diġà jeżisti ma jistax jitqies bħala sempliċi bidla ta’ proġett preċedenti fis-sens tal-punt 12 tal-Anness II tad-Direttiva SEA, iżda pjuttost bħala l-bini ta’ linja ferrovjarja internazzjonali skont il-punt 7 tal-Anness I ( 16 ). F’dak il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-impatt potenzjalment sinjifikattiv fuq l-ambjent ta’ dak il-proġett.

44.

Kif issostni wkoll il-Kummissjoni, dan il-kunċett jista’ fil-prinċipju jiġi traspost għall-proġetti ta’ bini ta’ toroq. Madankollu għandha tiġi stabbilita distinzjoni mill-bidliet ta’ proġetti ta’ bini ta’ toroq skont l-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II. Il-miżuri marbuta mat-toroq eżistenti jistgħu għaldaqstant jitqiesu bħala bini biss jekk mill-perspettiva tal-impatt fuq l-ambjent huma għandhom jiġu ekwiparati ma’ bini ġdid. ( 17 ) It-trasformazzjoni ta’ triq sempliċi f’waħda mit-toroq iċċitati fil-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I tad-Direttiva SEA għandha b’mod partikolari titqies li hija ekwivalenti għal bini ġdid.

3. Fuq il-proġetti l-oħrajn ta’ bini ta’ toroq

45.

Anke jekk skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti l-proġetti inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva SEA, l-impatt tagħhom fuq l-ambjent għandu madankollu jiġi eventwalment eżaminat. Skont l-Artikolu 4(2) u l-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva SEA, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu każ b’każ jew permezz tal-limiti jew tal-kriterji li huma jistabbilixxu jekk għandux jiġi eżaminat l-impatt fuq l-ambjent tal-bini ta’ toroq mhux imsemmija fl-Anness I. Dan japplika wkoll bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II meħud flimkiem mal-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I u l-punt 10(e) tal-Anness II, għall-bidliet magħmula lill-proġetti ta’ bini ta’ toroq.

46.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva SEA jagħti lill-Istat Membri marġni ta’ diskrezzjoni li huwa limitat mill-obbligu, li jinsab fl-Artikolu 2(1), li jissuġġettaw għal stima f’dak li jirrigwarda l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, il-proġetti li x’aktarx ikun ser ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, minħabba, fost l-oħrajn, in-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ( 18 ). Il-karatteristiċi tal-proġetti ċċitati mill-qorti tar-rinviju għandhom ċerta importanza f’dan il-kuntest.

47.

L-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tal-proġett sabiex jikkonstataw jekk huwiex il-każ li l-proġett x’aktarx ikun sejjer ikollu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent ( 19 ). F’dan ir-rigward, id-Direttiva SEA tfittex li ssir stima globali tal-impatt fuq l-ambjent tal-proġetti jew tal-bidliet li jsirulhom ( 20 ). B’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm l-effetti diretti tax-xogħlijiet ikkonċernati nfushom kif ukoll l-effetti fuq l-ambjent ikkawżati mill-użu u l-esplojtazzjoni ta’ dak li jkun inbena b’riżultat ta’ dawn ix-xogħlijiet. ( 21 ) Wieħed jista’ għalhekk jaħseb, per eżempju, f’żieda fit-traffiku.

48.

Barra minn hekk, densità demografika għolja kif ukoll l-importanza storika, kulturali jew arkeoloġika tal-postijiet jifformaw parti mill-kriterji li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva SEA fl-eżami każ b’każ jew meta jistabbilixxu l-limiti jew il-kriterji fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Dan japplika għaldaqstant bl-istess mod għall-proġetti ta’ toroq urbani bħall-proġetti ta’ bini f’żona urbana li kienu s-suġġett tas-sentenza fil-kawża C-332/04 ( 22 ).

49.

Il-valur ekonomiku ta’ proġett jista’ eventwalment ikun indikazzjoni tad-daqs tiegħu iżda jidher improbabbli li mis-sempliċi daqs tiegħu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet dwar l-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Anke jekk il-valur ekonomiku jkun fih indikazzjonijiet dwar l-impatt tiegħu fuq l-ambjent jew ir-riduzzjoni tiegħu, normalment jeżistu dokumenti oħrajn dwar l-ippjanar li jiddeskrivu dawn l-effetti jew ir-riduzzjoni tagħhom aħjar. Għaldaqstant jidher pjuttost inkonvenjenti li jintuża l-valur ekonomiku ta’ proġett bħala indizju sabiex jiġi determinat jekk huwiex neċessarju li jsir eżami tal-impatt fuq l-ambjent.

50.

L-effetti pożittivi ta’ proġett fuq l-ambjent, bħal dawk ippreżentati mill-amministrazzjoni muniċipali tal-belt ta’ Madrid waqt is-seduta, huma fihom infushom irrilevanti għall-finijiet tad-Direttiva SEA. L-għanijiet tad-Direttiva — il-prevenzjoni tat-tniġġiż (l-ewwel premessa) u l-ħarsien tal-ambjent u tal-kwalità tal-ħajja (it-tielet premessa) — ma jeżigux li jsir eżami biss għaliex proġett jista’ jtejjeb b’mod notevoli l-istat tal-ambjent. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni jekk huwiex neċessarju li jsir eżami tal-impatt fuq l-ambjent, il-perspettiva ta’ effetti pożittivi fuq l-ambjent madankollu ma tistax tikkumpensa l-effetti konsiderevolment negattivi ta’ proġett fuq l-ambjent sal-punt li jiġi eskluż kull eżami għaliex il-proġett huwa globalment vantaġġuż għall-ambjent.

51.

Fl-aħħar nett, l-għan tad-Direttiva SEA ma għandux jiġi evitat permezz ta’ qsim tal-proġetti ( 23 ). Meta diversi proġetti jista’ jkollhom flimkien effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1), l-impatt ambjentali tagħhom għandu, għall-kuntrarju, jiġi stmat globalment ( 24 ). Stima globali ta’ diversi proġetti hija meħtieġa b’mod partikolari meta dawn il-proġetti huma konnessi, jiddependu minn xulxin jew meta l-effetti tagħhom fuq l-ambjent jirkbu fuq xulxin.

52.

F’din il-kawża, il-viċinanza ġeografika tal-ħames proġetti, ix-xebh tagħhom, l-interazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-ġestjoni tat-traffiku urban kif ukoll it-trattament tagħhom flimkien meta nstemgħu u ġew awtorizzati, jimmilitaw favur it-trattament tagħhom flimkien. Peress li l-proġetti parzjali kollha jirrigwardaw settur limitat tan-netwerk ta’ toroq urbani, l-effetti tagħhom fuq l-ambjent, bi probabbiltà kbira, sejrin jirbku fuq xulxin u jsaħħu lil xulxin — kemm waqt il-bini kif ukoll waqt l-użu tat-toroq irranġati u żviluppati.

53.

Barra minn hekk jidher li hemm qbil li l-proġetti inkwistjoni jifformaw parti mill-proġett sħiħ “Madrid calle M-30” li għandu l-għan li jirranġa u jiżviluppa t-toroq prinċipali tat-traffiku fiż-żona urbana. Għaldaqstant ma għandux jiġi eskluż li l-impatt tagħhom fuq l-ambjent għandu jiġi eżaminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-proġett sħiħ.

54.

L-amministrazzjoni muniċipali tal-belt ta’ Madrid tqajjem f’dan il-kuntest id-domanda addizzjonali jekk il-proġetti inkwistjoni għandhomx jiġi kkunsidrati bħala proġetti ta’ bini f’żona urbana skont il-punt 10(b) tal-Anness II. Madankollu mhuwiex neċessarju f’dan il-każ li tingħata risposta għal din id-domanda peress li f’kull każ dawn huma tal-inqas proġetti ta’ toroq urbani fis-sens tal-punt 10(e) u tal-ewwel inċiż tal-punt 13. Il-domanda jekk l-impatt fuq l-ambjent għandux jiġi eżaminat għaliex il-proġetti jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, ma tiddependix mill-klassifikazzjoni tagħhom f’kategorija oħra ta’ proġett tal-istess anness.

4. Konklużjoni intermedjarja

55.

Ir-rekwiżiti proċedurali tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva SEA japplikaw għall-proġetti ta’ toroq urbani,

fil-każ ta’ proġetti previsti fil-punt 7(b) jew (ċ) tal-Anness I, jew

fil-każ ta’ proġetti previsti fil-punt 10(e) jew fl-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II, li minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom u eventwalment minħabba l-interazzjoni tagħhom ma’ proġetti oħrajn, x’aktarx ikun ser ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent.

56.

Barra minn hekk, la l-indikazzjonijiet u lanqas in-natura ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma jawtorizzaw lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk ċerti karatteristiċi tal-proġetti inkwistjoni jeħtiġux eżami tal-impatt fuq l-ambjent. Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dan l-eżami.

B — Fuq ir-raba’ domanda — Alternattivi għall-istima tal-impatt fuq l-ambjent

57.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-obbligi taħt id-Direttiva SEA fir-rigward tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent ġewx issodisfati fil-prattika mill-awtoritajiet Spanjoli rigward il-proġetti inkwistjoni fid-dawl tal-inkartament amministrattiv, b’mod partikolari l-istudji u r-rapporti tal-esperti li jinsabu fih, minkejja li l-proġett ma ġiex suġġett għall-proċedura formali ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent prevista fid-Direttiva.

58.

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat qabel xejn — kif isostnu l-Italja u l-Kummissjoni — li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistħarreġ fuq il-bażi tal-inkartament tal-proċedura amministrattiva nazzjonali u b’mod partikolari fuq il-bażi tal-istudji u tar-rapporti tal-esperti li jinsabu fih, jekk l-impatt fuq l-ambjent tal-proġetti inkwistjoni ġiex eżaminat suffiċjentement. Fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju fuq il-bażi tad-dettalji li jinsabu fit-talba tal-qorti tar-rinviju. Hija l-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni għall-kawża prinċipali.

59.

Barra minn hekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju biss fuq il-bażi tal-fatti kif ikunu ġew ippreżentati lilha mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-kawża u tislet minnhom il-konsegwenzi għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti ( 25 ). Id-dettalji mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju jservu mhux biss sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex jagħtu lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet l-oħra interessati l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ).

60.

F’din il-kawża, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fihiex dettalji fuq l-inkjesti u s-smigħ li wettqu l-awtoritajiet. Għaldaqstant, fuq dan il-punt, hija pprojbita kull diskussjoni dwar safejn l-awtoritajiet Spanjoli effettivament osservaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva SEA u dan minkejja l-argumentazzjoni relattivament dettaljata tal-partijiet fil-proċedura prinċipali.

61.

Filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni din ir-restrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu tagħti risposta għar-raba’ domanda.

62.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, rrikonoxxiet li eżami formali tal-impatt ambjentali jista’ jiġi sostitwit b’miżuri ekwivalenti ( 27 ). Sabiex ikunu ekwivalenti, ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-rigward ta’ eżami tal-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikolu 3 u l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva SEA għandhom jiġu issodisfati ( 28 ). Miżuri li huma adottati biss wara awtorizzazzjoni huma irrilevanti peress li l-impatt fuq l-ambjent skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA għandu jiġi eżaminat qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni.

63.

Jekk wieħed jasal għall-konklużjoni li kien imissha saret stima tal-impatt fuq l-ambjent tal-proġetti ta’ bini tat-toroq inkwistjoni, il-qorti nazzjonali jkollha għaldaqstant teżamina b’mod partikolari jekk qabel ma ngħatat l-awtorizzazzjoni tal-proġett,

ġewx suffiċjentement studjati u spjegati l-effetti fuq l-ambjent (Artikoli 3 u 5),

din l-informazzjoni tqegħditx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikoli 6 u 7),

il-pubbliku setax jesprimi l-opinjoni tiegħu fuq dan is-suġġett (Artikoli 6 u 7) u

ittiħdux inkunsiderazzjoni l-informazzjoni fuq l-effetti fuq l-ambjent u l-osservazzjonijiet tal-pubbliku (Artikolu 8).

64.

Fl-aħħar nett għandu jiġi osservat minħabba l-argumentazzjoni tal-amministrazzjoni muniċipali tal-belt ta’ Madrid, li eventwali dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni marbuta ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jistgħux jeħilsu lill-qorti tar-rinviju mir-responsabbiltà tagħha li teżamina hija stess jekk ir-rekwiżiti tad-Direttiva ġewx osservati.

65.

Għaldaqstant ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li stima formali tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tiġi sostitwita b’miżuri ekwivalenti meta dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 3 u tal-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva SEA.

V — Konklużjoni

66.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari:

“1.

Ir-rekwiżiti proċedurali tal-istima tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, japplikaw għall-proġetti ta’ toroq urbani,

fil-każ ta’ proġetti previsti fil-punt 7(b) jew (ċ) tal-Anness I, jew

fil-każ ta’ proġetti previsti fil-punt 10(e) jew fl-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II, li minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom u eventwalment minħabba l-interazzjoni tagħhom ma’ proġetti oħrajn, x’aktarx ikun ser ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent.

2.

Stima formali tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tiġi sostitwita b’miżuri ekwivalenti meta dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 u tal-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, fil-verŻjoni tad-Direttiva 97/11.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 175, p. 40.

( 3 ) ĠU L 73, p. 5.

( 4 ) Wara emenda, din id-definizzjoni issa taqra kif ġej:

“Triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) tfisser triq riżervata għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati,

i)

li fuqha huwa pprojbit li wieħed jieqaf jew jipparkja fuq il-karreġġjata;

ii)

li fil-livell tagħha ma taqsam ebda triq, linja tal-ferrovija jew linja tat-tramm, jew mogħdija għan-nies biex jgħaddu bil-mixi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 5 ) Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-332/04, Ġabra p. I-40.

( 6 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

( 7 ) Ara pereżempju s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma, C-107/97, Ġabra p. I-3367, punt 29.

( 8 ) Ara għal referenza korrispondenti għad-definizzjoni ta’ ajruporti, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C-2/07, Ġabra p. I-1197, punt 35.

( 9 ) Sentenza tat-23 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-486/04, Ġabra p. I-11025, punt 36, Ara dwar l-interpretazzjoni ta’ referenza għad-definizzjoni ta’ ajruporti, il-konklużjonijiet tiegħi tad-29 ta’ Novembru 2007, Abraham et (C-2/07, Ġabra p. I-1197, punt 45).

( 10 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 36). Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, C-287/98, Linster, Ġabra p. I-6917, punti 49 u 52.

( 11 ) Ara dwar il-proġetti ta’ bini f’żona urbana s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 81).

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità tal-Konvenzjoni dwar l-Istima tal-Impatt fuq l-Ambjent f’Kuntest li Jaqsam il-Fruntieri — mhux ippubblikata.

( 13 ) Ara, għad-Direttiva SEA, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 28 u b’mod aktar ġenerali s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, Ġabra p. 419, punt 3; tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK, C-300/05, Ġabra p. I-11169, punt 16 u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex, C-56/06, Ġabra p. I-4859, punt 27.

( 14 ) Sentenzi Kraaijeveld et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 31), u tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 40 u Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 32).

( 15 ) Ara iktar ’il fuq il-punti 27 et seq.

( 16 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-227/01, Ġabra p. I-8253, punti 46 et seq. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (Großkrotzenburg) C-431/92, Ġabra I-2189, punt 35, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-estensjoni ta’ parti ġdida ta’ ċentrali termika bħala proġett awtonomu.

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Abraham et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 47).

( 18 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-121/03, Ġabra p. I-7569, punt 87 u Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 76). Ara, dwar il-verżjoni oriġinali tad-Direttiva SEA, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 50), tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 64), tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-117/02, Ġabra I-5517, punt 82, tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-83/03, Ġabra p. I-4747, punt 19, u s-sentenza Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 37 u 42).

( 19 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 77) u Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 38).

( 20 ) Sentenza Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 42).

( 21 ) Sentenza Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 43).

( 22 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 79.

( 23 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 76) u Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 27).

( 24 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 76) u Abraham et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 27 u 28).

( 25 ) Sentenza WWF et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 31 et seq).

( 26 ) Sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 20 u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C-467/05, Ġabra p. I-5557, punt 42.

( 27 ) Ara s-sentenzi Großkrotzenburg (iċċitata fil-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 41 et seq) u Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 56).

( 28 ) Dwar dawn ir-rekwiżiti, ara s-sentenza Linster (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 52 et seq).

Top