This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CC0052
Opinion of Advocate General Trstenjak delivered on 11 September 2008. # Kanal 5 Ltd and TV 4 AB v Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa. # Reference for a preliminary ruling: Marknadsdomstolen - Sweden. # Copyright - Copyright management organisation enjoying a de facto monopoly - Collection of royalties relating to the broadcast of musical works - Method of calculating those royalties - Dominant position - Abuse. # Case C-52/07.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 11 ta' Settembru 2008.
Kanal 5 Ltd u TV 4 AB vs Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Marknadsdomstolen - l-Iżvezja.
Drittijiet tal-awtur - Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto - Ġbir ta’ royalties għax-xandir bit-televiżjoni ta’ xogħlijiet mużikali - Metodu ta’ kalkolu ta’ dawn ir-royalties - Pożizzjoni dominanti - Abbuż.
Kawża C-52/07.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 11 ta' Settembru 2008.
Kanal 5 Ltd u TV 4 AB vs Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Marknadsdomstolen - l-Iżvezja.
Drittijiet tal-awtur - Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto - Ġbir ta’ royalties għax-xandir bit-televiżjoni ta’ xogħlijiet mużikali - Metodu ta’ kalkolu ta’ dawn ir-royalties - Pożizzjoni dominanti - Abbuż.
Kawża C-52/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09275
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:491
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2008 ( 1 )
Kawża C-52/07
Kanal 5 Ltd u TV 4 AB
vs
Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå (STIM) upa
Werrej
I — Introduzzjoni |
|
II — Il-kuntest ġuridiku |
|
A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja |
|
B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali |
|
III — Fatti, proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari |
|
A — Il-Fatti |
|
B — Il-kawża prinċipali u domandi preliminari |
|
IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja |
|
V — L-argumenti tal-partijiet |
|
VI — Evalwazzjoni ġuridika |
|
A — Osservazzjonijiet preliminari |
|
B — Fuq l-ewwel domanda preliminari |
|
1. Is-servizz ipprovdut minn STIM |
|
2. Ir-royalties |
|
3. Ir-relazzjoni bejn ir-royalties u s-servizz |
|
a) Perċentwali fissa tad-dħul |
|
b) Perċentwali varjabbli fuq id-dħul |
|
4. Konklużjoni |
|
C — Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari |
|
1. Metodi ta’ kalkolu simili għal dak użati fil-preżent minn STIM |
|
a) Identifikazzjoni u kwantifikazzjoni tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur |
|
b) Identifikazzjoni u kwantifikazzjoni tal-udjenza |
|
c) Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra li jiddeterminaw iż-żieda fid-dħul |
|
d) Konklużjoni |
|
2. Metodi ta’ kalkolu potenzjali, strutturati b’mod differenti |
|
D — Fuq ir-raba’ domanda preliminari |
|
1. Kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti |
|
2. Relazzjoni ta’ kompetizzjoni |
|
3. Konklużjoni |
|
VII — Konklużjoni |
“Drittijiet tal-awtur — Soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur li għandha monopolju de facto — Ġbir ta’ royalties għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali — Metodu ta’ kalkolu ta’ dawn ir-royalties — Pożizzjoni dominanti — Abbuż ”
I — Introduzzjoni
1. |
It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari għandha bħala suġġett ir-royalties li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva Svediża tippretendi minn xandara tat-televiżjoni għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur li jiffurmaw parti mir-repertorju amministrat minnha. Il-kwistjonijiet ġew imqajma fil-kuntest ta’ kawża bejn xi xandara tat-televiżjoni privati u s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva Svediża. F’din il-kawża, ix-xandara tat-televiżjoni privati jitolbu li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva ma titħalliex tuża ċerti metodi ta’ kalkolu għad-determinazzjoni tar-royalties. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-użu ta’ dawn il-metodi għall-kalkolazzjoni tal-imsemmija royalties jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 82 KE. |
II — Il-kuntest ġuridiku
A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2. |
Skont l-Artikolu 82 KE, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, ikun inkompatibbli mas-suq komuni u jkun projbit. Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma:
|
B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
3. |
Fl-Isvezja, id-drittijiet tal-awtur huma rregolati minn Lag (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk (Liġi (1960:729) dwar id-drittijiet tal-awtur fuq xogħlijiet letterarji u artistiċi (iktar ’il quddiem: l-“URL”)). Din il-leġiżlazzjoni tirrikonoxxi lill-awtur ta’ xogħol mużikali dritt esklużiv li permezz tiegħu huwa jista’ jikkontrolla, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni pubblika tax-xogħol mużikali tiegħu (iktar ’il quddiem: id-“drittijiet ta’ eżekuzzjoni”) kif ukoll ir-reġistrazzjoni u r-riproduzzjoni ta’ dan ix-xogħol (iktar ’il quddiem “id-drittijiet ta’ riproduzzjoni mekkanika”). Bħala prinċipju, terzi persuni ma jistgħux jeżegwixxu, jirrekordjaw jew jirripproduċu x-xogħol tiegħu mingħajr il-permess tiegħu (liċenzja). L-awtur jista’ jeżiġi royalties biex jagħti l-liċenzja. |
4. |
Il-leġiżlazzjoni Svediża dwar id-drittijiet tal-awtur tipprovdi regolament speċjali għax-xandara tat-televiżjoni. Skont l-Artikolu 42a URL u 42e URL, ix-xandara tat-televiżjoni jistgħu jilħqu ftehim dwar “liċenzja kuntrattwali” ma’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li tirrappreżenta numru rilevanti ta’ awturi Svediżi f’qasam speċifiku tad-drittijiet tal-awtur. Meta x-xandara tat-televiżjoni jkollhom tali “liċenzja kuntrattwali”, il-Gvern Svediż jista’ jagħtihom liċenzja miftuħa sabiex jużaw dawk ix-xogħlijiet korrispondenti protetti mid-drittijiet tal-awtur. Il-permess minn awturi individwali għalhekk ma jibqax neċessarju. |
5. |
L-Artikolu 23 tal-Konkurrenslagen [1993:20] (liġi dwar il-kompetizzjoni: iktar ’il quddiem: il-“KL”) jipprovdi li l-Konkurrensverket (l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni) tista’ tordna lil impriża twaqqaf il-ksur tal-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, dan jistabbilixxi li, fil-każ li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tagħtix widen għal-ilment, il-persuna kkonċernata tista’ tmur quddiem il-Marknadsdomstolen (Qorti Nazzjonali). |
III — Fatti, proċeduri fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A — Il-Fatti
6. |
Kanal 5 Ltd (iktar ’il quddiem: “Kanal 5”) u TV 4 AB (iktar ’il quddiem: “TV 4”) huma xandara tat-televiżjoni privati. L-Isverige Television (iktar ’il quddiem: “SVT”) hija xandar tat-televiżjoni pubblika. |
7. |
Il-Föreningen Svenska Tonsättares Internationella Musikbyrå u. p. a. (iktar ’il quddiem: “STIM”) hija soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Il-membri ta’ STIM huma awturi ta’ xogħlijiet mużikali u pubblikaturi tal-mużika. Meta jsiru membri, l-awturi u l-pubblikaturi jitrassferixxu lil STIM d-drittijiet tar-royalties dovuti lilhom għall-użu, mix-xandara tat-televiżjoni, tax-xogħlijiet tagħhom. L-STIM timponi dawn id-drittijiet fil-konfront tax-xandara tat-televiżjoni u taqsam r-royalties li hija tirċievi bejn il-membri tagħha. |
8. |
STIM laħqet ftehim ta’ reċiproċità ma’ soċjetajiet li għandhom l-istess rwol tagħha fi Stati Membri oħra jew fi Stati terzi. Dawn il-kuntratti ta’ reċiproċità jippermettulha li tuża fl-Isvezja mhux biss ir-repertorju tagħha ( 2 ) imma wkoll dak tas-soċjetajiet l-oħra. |
9. |
Sabiex tiddetermina l-ammont tar-royalties, STIM tuża tliet metodi differenti fil-konfront tax-xandara tat-televiżjoni:
|
B — Il-kawża prinċipali u domandi preliminari
10. |
F’Ottubru tal-2004, Kanal 5 u TV 4 talbu lil-Konkurrensverket il-ħruġ ta’ digriet kontra STIM minħabba abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Madankollu, il-Konkurrensverket ikkunsidrat li xejn ma kien jindika ksur tal-Artikolu 82 KE. Għaldaqstant, Kanal 5, u TV 4 talbu lil Marknadsdomstolen (iktar ’il quddiem il-qorti tar-rinviju), sabiex STIM tiġi pprojbita milli tuża ċerti metodi ta’ kalkolu biex tistabbilixxi r-royalties. It-talbiet ta’ inibizzjoni ta’ Kanal 5 u TV 4 huma parzjalment ifformulati b’mod ġeneriku, mingħajr ma jirreferu għall-metodi ta’ kalkolu effettivament użati minn STIM. |
11. |
Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li s-suq ġeografiku u tal-prodott rilevanti huwa s-suq Svediż għax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u li STIM, peress li għandha monopolju de facto, tokkupa pożizzjoni dominanti fuq dan is-suq. Hija kkonstatat ukoll li l-aġir ta’ STIM jista’ jostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Qabel xejn, fid-digriet ta’ rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-metodu ta’ kalkolu jiġi applikat ukoll għar-royalties dovuti għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Barra minn hekk, uħud mill-impriżi li xtraw spazji pubbliċitarji mingħand Kanal 5 u TV 4 huma stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fl-aħħar nett, Kanal 5 tittrażmetti mir-Renju Unit. |
12. |
Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali ssospendiet il-kawża u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
13. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2007. Waqt il-fażi bil-miktub ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn Kanal 5 u TV 4, minn STIM, mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni. Kanal 5, STIM, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ħadu sehem fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008 fejn issostanzjaw l-osservazzjonijiet tagħhom. |
V — L-argumenti tal-partijiet
14. |
Kanal 5 u TV 4 isostnu li, bl-applikazzjoni tal-metodi ta’ kalkolu tagħha, STIM tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha. STIM timponi prezzijiet ta’ bejgħ sproporzjonati, tillimita l-produzzjoni, il-bejgħ u l-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi u tipprattika trattament differenti fost ix-xandara tat-televiżjoni. |
15. |
Fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi preliminari, Kanal 5 u TV 4 essenzjalment isostnu li mhemmx kollegament suffiċjenti bejn is-servizz ta’ STIM u d-dħul li x-xandar tat-televiżjoni jagħmlu minn kuntratti pubbliċitarji u minn abbonamenti. F’dan il-kuntest, huma josservaw ukoll li l-parti l-kbira tad-dħul pubbliċitarju tax-xandara tat-televiżjoni jsir fil-perijodu tal-akbar segwitu, iżda li l-perċentwali ta’ mużika f’din il-perjodu ta’ ħin hija relattivament baxxa. Anke matul l-aħbarijiet u l-programmi sportivi, il-kwota ta’ mużika fil-programmi hija baxxa. L-użu ta’ metodu fiss ta’ kalkolu tar-royalties jista’ effettivament inaqqas l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet. Madankollu, fil-każ li l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u l-udjenza tkun teknikament possibbli, l-iSTIM għandha tikkunsidra dawn il-possibbiltajiet tekniċi fil-metodu ta’ kalkolu tagħha. |
16. |
Fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari, Kanal 5 u TV 4 isostnu li l-applikazzjoni ta’ skali ta’ royalties differenti tikkostitwixxi diskriminazzjoni. Huma jsostnu wkoll li Kanal 5, TV 4 u SVT huma klijenti fis-suq Svediż għax-xandir televiżiv ta’ xogħol mużikali protett mid-drittijiet tal-awtur. |
17. |
STIM issostni li s-soluzzjoni tad-domandi preliminari taqa’ taħt il-kuntest ta’ “acte clair”. L-Artikolu 82 KE mhuwiex applikabbli fil-każ preżenti, minħabba li l-eżerċizzju ta’ drittijiet tal-awtur esklużivi jirrigwarda s-sustanza tad-drittijiet tal-awtur. Għalhekk l-eżerċizzju tiegħu ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE. F’dan il-kuntest, STIM tirreferi għall-Artikolu 295 KE u għall-Artikolu 307 KE moqrija flimkien mal-Konvenzjoni ta’ Berna ( 7 ). |
18. |
Fuq il-mertu, fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari, STIM tosserva li l-metodu ta’ kalkolu li tuża jieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti fundamentali kollha. Dan huwa msejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti u l-applikazzjoni tiegħu hija sempliċi u ekonomika. Huwa jieħu inkunsiderazzjoni l-kwota annwali ta’ mużika tax-xandara tat-televiżjoni kif ukoll l-udjenza potenzjali u l-kuntest ekonomiku tal-isfruttament tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, dan il-metodu huwa flessibbli u jiffaċilita d-dħul fis-suq ta’ xandara tat-televiżjoni li huma ġodda u iżgħar. Fl-aħħar nett, huwa jirrifletti b’mod korrett anke l-valur tad-drittijiet tal-awtur. Konsegwentement, l-eżistenza ta’ possibbiltajiet tekniċi li jippermettu li b’mod preċiż jiġi ddeterminat il-qies tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u tal-udjenza ma jirrendix abbużiv il-metodu ta’ kalkolu attwalment użat. |
19. |
Fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari STIM issostni li l-użu ta’ metodi ta’ kalkolu differenti ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni. Il-fatt biss li Kanal 5 u TV 4 joperaw fi swieq differenti jindika li dawn mhumiex suġġetti għal żvantaġġ ta’ kompetizzjoni. Għandha ssir distinzjoni bejn is-suq għat-televiżjoni pubblika u dak għat-televiżjoni kummerċjali. Fi ħdan is-suq għat-televiżjoni pubblika għandha ssir distinzjoni bejn xandara tat-televiżjoni pubbliċi, finanzjati permezz ta’ taxxi pubbliċi u xandara tat-televiżjoni privati finanzjati permezz ta’ dħul pubbliċitarju. In-nuqqas ta’ differenza fit-trattament huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li SVT hija finanzjata permezz ta’ taxxi pubbliċi. |
20. |
Fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari, il-Gvern Pollakk isostni li l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu bħal dak attwalment użat minn STIM ma jikkostitwixxix abbuż ta’ pożizzjoni dominanti sakemm l-ammont totali tar-royalties jirrifletti l-valur kummerċjali tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u s-servizz tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva. F’dan il-kuntest l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-mużika mxandra hija essenzjali. |
21. |
Fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari, il-Gvern Pollakk josserva li l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti skont jekk ix-xandara tat-televiżjoni huwiex privat jew pubbliku, tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni illegali fil-każ fejn din twassal sabiex mingħajr ebda ġusitifikazzjoni, għall-istess servizz, jiġu applikati kundizzjonijiet differenti. |
22. |
Fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari, il-Gvern tar-Renju Unit josserva li l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu abbażi ta’ liema r-royalties jiġu kkalkolati bħala parti mid-dħul li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti, ma tikkostitwixxi fiha nnifisha aġir abbużiv. Tabilħaqq, hija tirrappreżenta eżerċizzju normali tad-drittijiet tal-awtur. L-eżistenza jew le ta’ kollegament suffiċjenti bejn il-metodu ta’ kalkolu u l-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Il-Gvern tar-Renju Unit josserva wkoll li l-iżvantaġġi ta’ metodu ta’ ħlas fiss jistgħu jiġu kumpensati minn vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza. |
23. |
Fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk Kanal 5 u TV 4 humiex kompetituri ta’ SVT. Hija wkoll din l-istess qorti li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni. |
24. |
Fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari, il-Kummissjoni tosserva li l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu li permezz tiegħu r-royalties jiġu kkalkolati bħala perċentwali tad-dħul minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti mhuwiex, minnu nnifsu, abbużiv. Huwa diffiċli li jiġi ddeterminat il-valur li l-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti jista’ jkollu għall-pubbliku u għax-xandara tat-televiżjoni. Fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur huwa leġittimu li r-royalties jiġu abbinati, minn tal-inqas parzjalment, mal-udjenza attwali jew potenzjali u mal-valur ekonomiku li dan l-użu għandu għax-xandara televiżivi. Huwa wkoll diffiċli li jiġi stabbilit in-ness ta’ kawżalita bejn l-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u s-suċċess ekonomiku ta’ programm jew ta’ xandar televiżiv jirriżulta diffiċli. Bħala prinċipju, wieħed jista’ jippreżumi l-eżistenza ta’ ness raġonevoli bejn in-numru ta’ telespettaturi u d-dħul li ġej mir-riklami u mill-abbonamenti. In-numru ta’ telespettaturi jista’ madankollu jvarja, minn programm għall-ieħor. |
25. |
Skont il-Kummissjoni, metodu ta’ kalkolu li permezz tiegħu r-royalties jiġu kkalkolati bħala perċentwali mid-dħul għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kwantità tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. Aktar ma jkun possibbli li jiġu identifikati u kkwantifikati l-mużika u l-udjenza, iktar ikun possibbli li jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku. Madankollu, il-possibbiltà teknika ta’ analiżi mill-iktar preċiża ma jkollhiex bħala konsegwenza li l-applikazzjoni ta’ metodu anqas preċiż jitqies bħala abbuż. F’dan il-kuntest għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-affidabbiltà tal-iktar analiżi preċiża u l-ispejjeż li huma marbuta magħha. |
26. |
Fir-rigward tar-raba’ domanda preliminari, il-Kummissjoni tosserva li l-qorti nazzjonali għandha l-ewwel u qabel kollox tiddetermina jekk Kanal 5 u TV 4 humiex kompetituri ta’ SVT u għaldaqstant jekk hemmx diskriminazzjoni jew inkella le. L-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu speċifiku mhuwiex diskriminatorju jekk iwassal sabiex iqarreb lil SVT lejn ix-xandara tat-televiżjoni privati permezz ta’ simulazzjoni ta’ dħul fittizju li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u minn abbonamenti. Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk il-fatt li l-kwota effettiva ta’ mużika ta’ SVT ma titteħidx inkunsiderazzjoni ex post jikkostitwixxix diskriminazzjoni. |
VI — Evalwazzjoni ġuridika
A — Osservazzjonijiet preliminari
27. |
Id-domandi preliminari jirrigwardaw qasam li l-importanza ekonomika u soċjali tiegħu ma tieqafx tikber. Il-politika ta’ tariffikazzjoni tar-royalties li s-soċjetajiet ta’ amministrazzjoni kollettiva jitolbu mingħand dawk li jużaw id-drittijiet li huma amministrati minnhom tikkostitwixxi qasam partikolarment delikat tal-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Fil-passat din il-kwistjoni diġà tat lok għal kontroversji bejn is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva u l-utenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tidħol fil-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-metodi ta’ kalkolu tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva mal-Artikolu 82 KE. |
28. |
Mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-kawża preżenti jirriżulta xebh mal-kwistjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi dwarhom fl-hekk imsemmija kawżi fuq id-diskoteki ( 8 ). Madankollu, il-kawża preżenti tiddistingwi ruħha minn dawn il-kawżi, minħabba li x-xandara tat-televiżjoni, normalment, jużaw ix-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur matul is-sigħat ta’ xandir f’qies anqas minn dak tad-diskoteki matul il-ħinijiet ta’ ftuħ tagħhom. |
29. |
Il-domandi preliminari magħmula mill-qorti ta’ rinviju huma ammissibbli. Għalkemm huwa minnu li l-iSTIM issostni li s-soluzzjonijiet tagħhom jinsabu fil-ġurisprudenza mogħtija s’isssa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, anke li kieku dan kien il-każ, dan xorta waħda ma jsarrafx fl-inammissibbiltà tad-domandi preliminari ( 9 ). |
30. |
Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li s-suq rilevanti, kemm ġeografikament kif ukoll fir-rigward tal-prodotti, huwa s-suq Svediż tax-xandir televiżiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u li minħabba l-monopolju de facto li għandha, STIM tokkupa pożizzjoni dominanti. Barra minn hekk, hija ssostni wkoll li l-aġir ta’ STIM jista’ jostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, id-domandi inkwistjoni huma limitati għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ aġir abbużiv skont l-Artikolu 82 KE ( 10 ). |
31. |
Permezz tal-ewwel tliet domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, l-użu li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, li tokkupa pożizzjoni dominanti, tagħmel minn ċerti metodi tal-kalkolu sabiex tistabbilixxi r-royalties dovuti għas-servizz ipprovdut minnha lil xandara tat-televiżjoni privati bħal Kanal 5 u TV 4, huwiex abbużiv. F’dan il-kuntest, wieħed josserva li l-qorti ta’ rinviju ma tistaqsix jekk metodu ta’ kalkolu partikolari huwiex abbużiv minħabba li jwassal għall-royalties eċċessivament għoljin. Id-domandi magħmulha minnha huma iktar intiżi sabiex jiċċaraw jekk l-użu ta’ dawn il-metodi ta’ kalkolu huwiex abbużivi meta dawn tal-aħħar ma joħolqux kollegament suffiċjenti bejn is-servizz tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u r-royalties mitlub. |
32. |
Wieħed josserva wkoll illi l-qorti tar-rinviju fformulat id-domandi tagħha b’mod ġeneriku ħafna, mingħajr ma rreferiet espliċitament għall-metodu ta’ kalkolu użat fil-preżent minn STIM. Dan jista’ jkun dovut għal raġunijiet ta’ proċedura, peress li skont l-Artikolu 234 (1)(a) KE talba għal deċiżjoni preliminari jista’ jkollha bħala suġġett biss l-interpretazzjoni tal-liġi Komunitarja primarja u mhux l-evalwazzjoni ta’ kawża nazzjonali ( 11 ). Mill-bqija, l-azzjonijiet inibitorji mressqa minn Kanal 5 u TV 4 fil-kawża prinċipali huma formulati parzjalment b’mod ġeneriku, mingħajr referenza għall-metodu ta’ kalkolu użat fil-preżent minn STIM. F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat li STIM hija libera li tiffissa l-metodu ta’ kalkolu kif trid hi. Fid-dawl ta’ dan ma jistax jiġi eskluż li l-azzjonijiet inibitorji ta’ Kanal 5 u TV 4 mhux biss jikkontestaw il-metodi tal-iffissar tar-royalties użati fil-preżent minn STIM, imma huma wkoll intiżi sabiex, bħala prinċipju, jinibixxu lil STIM milli tużu grupp partikolari ta’ metodi ta’ kalkolu. Dan huwa punt li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-domandi preliminari. |
33. |
Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti skont jekk ix-xandara tat-televiżjoni humiex privati bħal Kanal 5 u TV 4 jew jekk dawn ix-xandara tat-televiżjoni humiex pubbliċi bħal SVT, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala abbużiva. |
B — Fuq l-ewwel domanda preliminari
34. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu li permezz tiegħu r-royalties jiġu kkalkolati bħala perċentwali tad-dħul li x-xandara tat-televiżjoni jagħmlu minn programmi tat-televiżjoni intiżi għall-pubbliku, jikkostitwixxix aġir abbużiv skont l-Artikolu 82 KE. Mir-relazzjoni ta’ bejn l-ewwel u t-tieni domanda preliminari jirriżulta li permezz tal-ewwel domanda preliminari l-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk metodu ta’ kalkolu huwiex abbużiv sempliċement minħabba l-fatt li jiffissa bħala royalties parti mid-dħul tax-xandara tat-televiżjoni ( 12 ). |
35. |
L-Artikolu 82 KE ma jipprojbixxix il-pożizzjoni dominanti ta’ impriża bħala tali. Madankollu, huwa jpoġġi responsabbiltà partikolari fuq l-impriżi li għandhom pożizzjoni dominanti. Impriżi bħal dawn ma jistgħux jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti ( 13 ) tagħhom. Il-kunċett ta’ abbuż għandu jiġi interpretat skont kriterji oġġettivi. Abbuż ifisser li l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti jkun intiż sabiex jinfluwenza l-istruttura tas-suq fejn, preċiżament minħabba l-fatt li fih topera din l-impriża, il-livell tal-kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li dan l-aġir ikollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi li jkunu differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali bejn prodotti jew servizzi li tkun ibbażata fuq is-servizzi pprovduti mill-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li jkun għad fadal fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni ( 14 ). |
36. |
Għalkemm huwa minnu li impriża f’pożizzjoni dominanti għandha d-dritt tieħu ħsieb l-interessi tagħha. Madankollu hija ġġib ruħha b’mod abbużiv meta tisfrutta l-possibbiltajiet li jirriżultaw mill-pożizzjoni dominanti sabiex takkwista vantaġġi kummerċjali li ma kinitx tikseb f’każ ta’ kompetizzjoni normali u suffiċjentement effiċjenti ( 15 ). |
37. |
L-Artikolu 82 KE jinkludi lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji ta’ aġir abbużiv minn naħa ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti. Din tinkludi b’mod partikolari, l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ [Artikolu 82(2)(a) KE], il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew tal-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi [Artikolu 82(2)(b) KE] u l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv [Artikolu 82(2)(c) KE]. |
38. |
Minħabba li s-suġġett tal-kawża preżenti hija l-kwistjoni ta’ jekk l-użu ta’ tip partikolari ta’ kalkolu huwiex abbużiv, jidhirli li huwa neċessarju li qabel kollox nanalizza l-eżempju msemmi mill-Artikolu 82(2)(a) KE, jiġifieri l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ. Għalkemm huwa minnu li Kanal 5 u TV 4 għamlu referenza għall-eżempji li hemm fl-Artikolu 82(2)(b) u (c) KE ukoll. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tagħhom hija bbażata fuq il-preżenza ta’ royalties mhux ekwi skont l-Artikolu 82(2)(a) KE ( 16 ). |
39. |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ bejgħ jew ta’ xi kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni oħra mhux ekwi b’mod partikolari fil-każ fejn l-impriża dominanti teżiġi ħlasijiet jew royalties sproporzjonati meta mqabbel mal-valur ekonomiku tas-servizz korrispettiv ( 17 ). Din l-evalwazzjoni diffiċli ( 18 ) tippreżumi analiżi tal-valur tas-servizz, tas-servizz korrispettiv u tar-relazzjoni bejn is-servizz u s-servizz korrispettiv. Konsegwentement, jien se nitratta fl-ewwel lok il-valur ekonomiku tas-servizz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva bħal mhija STIM (1) u wara dwar il-valur ekonomiku tar-royalties mitluba (2). Fl-aħħar nett ser nivverifika jekk ir-relazzjoni bejn dawn hijiex sproporzjonata (3). |
1. Is-servizz ipprovdut minn STIM
40. |
Is-servizz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva bħal ma hija STIM jikkonsisti fl-għoti ta’ liċenzja miftuħa għall-użu tar-repertorju kollu amministrat minnha fir-rigward ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. Din id-deskrizzjoni tas-servizz hija estremament astratta. Iktar ’il quddiem għandi l-intenzjoni li nelabora fuqha bl-iskop li nagħti stampa iktar ċara tal-valur ekonomiku tagħha. |
41. |
Għandu l-ewwel nett jiġi kkunsidrat li r-repertorju kollu ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva huwa magħmul minn drittijiet tal-awtur individwali tal-membri tagħha ( 19 ). Fin-nuqqas ta’ amministrazzjoni kollettiva taħt forma ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva kull awtur ikollu jikkontrolla hu stess l-użu tax-xogħol tiegħu u jinvoka d-dritt tiegħu għal royalties fil-konfront tal-utenti. Bl-istess mod, xandar tat-televiżjoni li m’għandux liċenzja miftuħa, qabel ma juża xogħol mużikali protett mid-drittijiet tal-awtur, għandu minn darba għall-oħra jġib liċenzja mingħand l-awtur jew kumpannija li tipproduċi l-mużika interessata. Għaldaqstant, użu u sfruttament individwali ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur ikun jinvolvi sforz ekonomiku estremament għoli ( 20 ), kemm għall-awtur kif ukoll għax-xandara tat-televiżjoni. |
42. |
L-użu kollettiv permezz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u l-għoti ta’ liċenzji miftuħa għalhekk tippreżenta vantaġġi kemm għall-awturi kif ukoll għax-xandara tat-televiżjoni. Fir-rigward tal-awturi, l-użu jiġi ffaċilitat jew saħansitra jsir ekonomikament possibbli. Mill-perspettiva tax-xandara tat-televiżjoni, id-drittijiet tal-awturi individwali jinbidlu f’repertorju sħiħ u x-xandara jistgħu faċilment jaċċedu għall-elementi individwali ta’ dan ir-repertorju permezz ta’ liċenzja miftuħa mingħajr il-ħtieġa li preliminarjament jiġi nnegozjat kuntratt għal liċenzja individwali ( 21 ). Kuntratti ta’ reċiproċità bejn soċjetajiet konġunti għall-amministrazzjoni kollettiva jagħtu l-aċċess għar-repertorju dinji ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur ( 22 ). |
2. Ir-royalties
43. |
Fid-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi r-royalties bħala perċentwali mid-dħul li x-xandara tat-televiżjoni jagħmlu minn programmi televiżivi intiżi għall-pubbliku. Skont id-deċiżjoni ta’ rinviju, dan id-dħul jinkludi d-dħul li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti. |
44. |
Jekk xandar tat-televiżjoni huwa ffinanzjat permezz ta’ dħul li ġej minn kuntratti pubbliċitarji, huwa, ġeneralment, ixandar programmi għall-pubbliku b’xejn. Jekk huwa finanzjat mill-bejgħ ta’ spazji pubbliċitarji, ifisser li huwa jeżiġi ħlas biex jaġixxi ta’ intermedjarju bejn il-kuntratturi tiegħu u l-pubbliku u biex jipprovdi lill-kuntratturi tiegħu parti mis-sigħat tiegħu ta’ xandir għar-riklami. Jekk xandar tat-televiżjoni huwa ffinanzjat permezz tad-dħul li jirriżulta mill-abbonamenti, huwa joffri l-programm tiegħu bi ħlas ( 23 ). |
45. |
Il-qorti tar-rinviju ddeskriviet il-metodu tal-kalkolu u sostniet li r-royalties jiġu kkalkolati “bħala perċentwali” mid-dħul. Din il-formulazzjoni għandha karattru miftuħ. Hija tinkludi metodu ta’ kalkolu li jirreferi għal perċentwali fissa tad-dħul, skont liema, pereżempju, tinġabar kwota perċentwali fissa tad-dħul. Madankollu hija tinkludi wkoll metodu ta’ kalkolu li jirreferi għal perċentwali varjabbli tal-profitti, jiġifieri għal perċentwali li tvarja skont kriterji speċifiċi. Il-metodu ta’ kalkolu użat fil-preżent minn STIM huwa effettivament metodu kkaratterizzat minn perċentwali varjabbli. Madankollu, minħabba li d-domanda preliminari ma tidhirx limitata għall-metodu ta’ kalkolu użat fil-preżent minn STIM ( 24 ), iktar ’il quddiem ser nikkunsidra metodi ta’ kalkolu kkaratterizzati kemm minn perċentwali fissa kif ukoll minn perċentwali varjabbli. |
3. Ir-relazzjoni bejn ir-royalties u s-servizz
46. |
Bħal ma semmejna iktar ’il fuq ( 25 ), ikun hemm impożizzjoni ta’ prezzijiet ta’ bejgħ jew kundizzjonijiet oħra ta’ kummerċ inġusti skont l-Artikolu 82(2)(a) KE fil-każ fejn jintalbu royalties sproporzjonati meta mqabbla mal-valur ekonomiku tas-servizz korrispettiv mogħti. Qabel ma nidħol fi-kwistjoni tar-relazzjoni ta’ bejn ir-royalties u s-servizz fil-każ ta’ metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali fissa (a) u fil-każ ta’ metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali varjabbli (b), irrid qabel kollox niġbed l-attenzjoni fuq il-kriterju applikat fil-każ inkwistjoni. |
47. |
Fl-ewwel lok, din il-kawża ma tirrigwardax verifika tal-ekwità ta’ royalties, min-naħa l-oħra din il-verifika hija s-suġġett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur li jirregolaw d-dritt li l-awtur jikseb royalties ekwi. Pjuttost, din il-kawża tirrigwarda stħarriġ ġenerali mill-perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni ( 26 ). Għaldaqstant, fil-kawża preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tistabbilixxi jekk royalties partikolari humiex ekwi skont id-drittijiet tal-awtur ( 27 ). Pjuttost, għandu jiġi vverifikat jekk, bl-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu partikolari, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tmurx lilhinn mill-limiti ta’ dak li huwa permess mill-liġi tal-kompetizzjoni ( 28 ). |
48. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur huma limitati. Għalhekk, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza SENA ( 29 ), li kellha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ royalties ekwi li jinsab fid-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali ( 30 ), kienet kawta ħafna. F’din is-sentenza hija kkonstatat li, f’nuqqas ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ royalties ekwi fid-Direttiva, mhux kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiffissa l-kriterji għad-determinazzjoni ta’ royalties ekwi ( 31 ). |
49. |
Il-punti msemmijin iktar ’il fuq għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-istħarriġ fid-dawl tal-liġi tal-kompetizzjoni. Fl-opinjoni tiegħi, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kontenut u l-valur ta’ dritt tal-awtur, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun kawta. Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, dawn jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 32 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ jekk metodu ta’ kalkolu jneħħix kull relazzjoni ekwa bejn l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u r-royalties, dan jidħol, fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest tal-istħarriġ ġenerali, mill-perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni, li għandu jsir skont l-Artikolu 82 KE. |
a) Perċentwali fissa tad-dħul
50. |
Fis-sentenza Basset ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat metodu ta’ kalkolu bbażat fuq perċentwali fissa tad-dħul. F’dak il-każ, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva Franċiża kienet teżiġi, mingħand l-amministraturi ta’ diskoteki, royalties kalkolati abbażi ta’ perċentwali fissa tad-dħul. F’dik il-kawża, l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dak il-metodu ta’ kalkolu ma kienx abbużiv. Pjuttost, hija kkonstatat li din it-tip ta’ amministrazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sfruttament normali tad-drittijiet tal-awtur u għalhekk m’għandhiex titqies abbużiva fil-każ li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tisfrutta l-possibbiltajiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali toffrilha f’dan ir-rigward ( 34 ). |
51. |
Għalkemm f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttrattatx espliċitament il-kwistjoni ta’ jekk l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu li jirreferi għal perċentwali fissa tad-dħul huwiex abbużiv, jien ninterpreta din is-sentenza fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espliċitament, f’dak il-każ, li tali metodu ta’ kalkolu huwa abbużiv. |
52. |
Madankollu, din id-deċiżjoni ma tistax tiġi applikata kelma b’kelma għal kawża preżenti. Sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jew le, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni ( 35 ). Applikazzjoni kelma b’kelma tas-sentenza Basset għall-kawża preżenti hija wkoll eskluża minħabba l-fatt li, f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, hemm differenzi sinjifikanti bejn l-attività ta’ diskoteka u dik ta’ xandar tat-televiżjoni. Għal diskoteka, l-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur jikkostitwixxi element essenzjali tal-attività tagħha. Għaldaqstant wieħed jista’ jippreżumi li d-diskoteki, minħabba l-attività tagħhom, jiddependu fuq l-użu ta’ xogħlijiet mużikali u, ġeneralment, jużaw xogħlijiet mużikali b’intensità regolari, matul il-ħin kollu tal-ftuħ tagħhom. Min-naħa l-oħra s-sitwazzjoni tax-xandara tat-televiżjoni hija differenti minħabba li għalkemm anke huma jagħmlu użu mill-mużika, il-qies tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur jista’ jvarja skont ix-xandar, il-ħin tat-trażmissjoni u l-programm. |
53. |
Għalhekk, l-applikazzjoni għax-xandara tat-televiżjoni ta’ metodu ta’ kalkolu li jipprevedi perċentwali fissa tista’ twassal sabiex jintilef in-ness ta’ bejn l-ammont tar-royalties u l-użu effettiv ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. Xandara tat-televiżjoni li ma jużawx jew ma jużawx wisq ix-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur għalhekk ikollhom iħallsu royalties li m’għandhom l-ebda ness jew, f’kull każ, ness suffiċjenti mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut minn STIM. B’dan il-mod, utenti partikolari jiġu mgħobbija b’mod sproporzjonat meta mqabbla ma oħrajn li jużaw b’iktar intensità xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur ( 36 ). |
54. |
L-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu li jipprovdi perċentwali fissa għax-xandara tat-televiżjoni tista’ twassal għal żbilanċ kunsiderevoli bejn il-valur ekonomiku tas-servizz ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u r-royalties mitluba. |
55. |
Bħala prinċipju, f’dan il-punt għad fadal li jiġi vverifikat jekk jeżistix jew le metodu ta’ kalkolu alternattiv li jirrifletti r-relazzjoni ta’ bejn ir-royalties u l-valur ekonomiku tas-servizz b’mod aħjar mill-metodu ta’ kalkolu li huwa bbażat fuq perċentwali fissa tad-dħul ( 37 ). Fil-kawża preżenti dan jista’ jiġi preżunt minħabba l-fatt li STIM tapplika metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali varjabbli. |
56. |
Bħala prinċipju, jeħtieġ ukoll li jiġi vverifikat jekk l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali fissa jistax ikun ġustifikat minn vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza ( 38 ) meta mqabbel mal-użu ta’ metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali varjabbli. Peress li l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali fissa jista’ madankollu jwassal għal żbilanċ kunsiderevolment sinjifikanti bejn il-valur tas-servizz u dak tar-royalties, fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża preżenti, ġustifikazzjoni bbażata fuq vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza hija eskluża. |
57. |
L-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali fissa għal xandara tat-televiżjoni għadaqstant għandha tiġi kkunsidrata abbużiva skont l-Artikolu 82 KE. |
b) Perċentwali varjabbli fuq id-dħul
58. |
Min-naħa l-oħra fil-każ li l-metodu ta’ kalkolu użat ikun ikkaratterizzat minn perċentwali varjabbli fuq id-dħul, il-kwantità tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur tista’, bħala prinċipju, tittieħed inkunsiderazzjoni permezz tal-varjabbli ( 39 ). L-użu ta’ metodu ta’ kalkolu kkaratterizzat minn perċentwali varjabbli jista’ għalhekk jikkostitwixxi, fih innifsu, aġir abbużiv biss jekk in-ness ta’ bejn ir-royalties u d-dħul li x-xandara tat-televiżjoni jagħmlu minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti jista’ jwassal għal distorzjoni sinjifikanti tar-relazzjoni ta’ bejn il-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u l-valur tar-royalties. |
59. |
Huwa veru li, bħala prinċipju, ma jistax jiġi eskluż li impriża f’pożizzjoni dominanti tadotta aġir abbużiv billi torbot il-prezzijiet tal-prodotti tagħha mad-dħul li x-xerrejja jkunu għamlu permezz tal-użu ta’ dawn il-prodotti ( 40 ). Madankollu hawnhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ konkret ( 41 ), u b’mod partikolari l-ispeċifiċità tas-servizz tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva. |
60. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li wara r-repertorju globali ta’ STIM hemm id-drittijiet tal-awtur individwali ta’ awtur individwali. Huwa normali li għall-ħruġ ta’ liċenzja li tirrigwarda drittijiet tal-awtur jintalab il-ħlas ta’ royalty ikkalkulata fuq il-perċentwali tad-dħul li jkun sar permezz l-oġġett li l-produzzjoni tiegħu saret bl-użu tad-drittijiet tal-awtur ( 42 ). Dan jenfasizza l-propensità li d-drittijiet tal-awtur għandhom li jiġu sfruttati ( 43 ) u l-idea li awtur għandu d-dritt li jieħu perċentwali raġonevoli mid-dħul li jsir permezz tal-użu tax-xogħol tiegħu ( 44 ). |
61. |
Għalkemm huwa minnu li fil-kawża United Brands ( 45 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-karattru sproporzjonat ta’ royalties jista’ jiġi kkonstatat, b’mod partikolari permezz ta’ paragun bejn l-ispiża tal- produzzjoni u l-prezz tal-bejgħ. Madankollu, tali approċċ jimplika loġikament l-possibbiltà li l-valur tas-servizz jitnaqqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni. Però, dan l-approċċ ma jistax jiġi traspost għad-drittijiet tal-awtur, minħabba li d-determinazzjoni tal-ispiża tal-produzzjoni fir-rigward tar-realizzazzjoni ta’ xogħol mużikali, jiġifieri l-ħruġ ta’ konklużjonijiet fir-rigward tal-valur tas-servizz ( 46 ) jidher diffiċli. |
62. |
Fl-opinjoni tiegħi, f’dan ir-rigward wieħed lanqas ma jista’ jeċċepixxi li s-sitwazzjoni hija differenti fil-każ fejn d-drittijiet tal-awtur li huma s-suġġett ta’ liċenzja ma jikkostitwixxix l-oġġett ewlieni tal-prodott. Għalhekk, pereżempju, sistema ta’ royalties bħal din hija abitwali fil-kuntest tal-ħruġ ta’ privattivi u ta’ know-how, saħansitra fil-każ fejn il-prodott finali mhux magħmul biss min privattiva, imma wkoll minn elementi oħra (pereżempju l-materjal, id-disinn eċċ.) ( 47 ). |
63. |
Fit-tieni lok, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-diffikultà li jiġi determinat il-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva ( 48 ). Minħabba l-istruttura tas-sistema msemmija iktar ’il fuq ( 49 ), jirriżulta li fl-Isvezja ma jeżistix suq fejn il-prezzijiet jiġu determinati mit-talba u l-offerta ( 50 ). Sakemm il-kwistjoni hija dik li jiġi stabbilit jekk l-ammont tar-royalties huwiex abbużiv, huwa ċertament possibbli li jsir paragun mal-ammonti tar-royalties mitluba fl-Istati Membri l-oħra (kunċett tas-suq ġeografiku ta’ paragun) ( 51 ). Madankollu, bħal fil-kawża preżenti, il-kwistjoni tkun dik li tiġi evalwata l-validità ta’ metodu ta’ kalkolu partikolari, fl-opinjoni tiegħi mhux possibbli li wieħed sempliċement japplika paragun bħal dan ( 52 ). |
64. |
Fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-fatt li dan il-metodu ta’ kalkolu mhux inużwali ( 53 ), fit-tieni lok, tal-fatt li dan huwa msejjes fuq kriterju marbut mal-valur tad-drittijiet tal-awtur ( 54 ), u fit-tielet lok, tad-diffikultajiet sabiex jiġi determinat il-valur tas-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, ma naħsibx li nista’ nindividwa aġir abbużiv fir-rabta tar-royalties mad-dħul li x-xandara tat-televiżjoni jagħmlu minn kuntratt pubbliċitarji u mill-abbonamenti. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa wkoll konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-sentenza tagħha Basset ( 55 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li metodu ta’ kalkolu li jagħmel riferiment għal perċentwali tad-dħul għandu jiġi kkunsidrat bħala sfruttament normali tad-drittijiet tal-awtur. F’dan ir-rigward nemmen li huwa possibbli li din is-sentenza tiġi trasposta għal kawża preżenti. |
65. |
Din il-konklużjoni mhijiex ikkonfutata miċ-ċirkustanza li wieħed jista’ jaħseb fi kriterji oħra ta’ rabta jew li tali kriterji oħra huma applikati fi Stati Membri oħra. Metodu ta’ kalkolu li jintegra perċentwali varjabbli tad-dħul jesprimi l-kapaċità tad-drittijiet tal-awtur li jiġu sfruttati kif ukoll l-idea li awtur għandu jieħu perċentwali raġonevoli tad-dħul li sar permezz tal-użu tax-xogħol tiegħu. Huwa ċertament possibbli li metodi oħra ta’ kalkolu ( 56 ) jagħtu importanza lil aspetti oħrajn. Madankollu, fil-kawża preżenti, mhux kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tindividwa l-metodu ta’ kalkolu l-iktar adatt sabiex jiġi stabbilit ekwilibriju bejn l-interessi tal-awturi u tax-xandara tat-televiżjoni ( 57 ). |
66. |
Barra minn hekk, metodu ta’ kalkolu li jirreferi għal perċentwali varjabbli tad-dħul li x-xandara tat-televiżjoni jagħmlu minn kuntratti pubbliċitarji u minn abbonamenti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-qies tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti. |
4. Konklużjoni
67. |
Bħala konklużjoni, l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu li permezz tiegħu tiġi mitluba perċentwali fissa tad-dħul li x-xandara tat-televiżjoni jagħmlu minn kuntratti pubbliċitarji u minn abbonamenti, jikkostitwixxi aġir abbużiv skont l-Artikolu 82 KE. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn tiġi mitluba perċentwali varjabbli, din ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, aġir abbużiv. Madankollu, metodu ta’ kalkolu bħal dan jista’ jkun abbużiv fil-każ fejn ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-qies tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. |
C — Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari
68. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tapplika, fil-konfront tax-xandara tat-televiżjoni, metodu ta’ kalkolu li jirreferi għal perċentwali varjabbli karatterizzat minn nuqqas ta’ rabta evidenti bejn id-dħul u s-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, jikkostitwixxix aġir abbużiv. Il-qorti tar-rinviju ssemmi per eżempju ssemmi li din ir-rabta hija nieqsa b’mod partikolari fix-xandir tal-aħbarijiet u l-programmi sportivi u meta d-dħul jiżdied b’effett tat-tisħiħ tal-iskeda ta’ programmazzjoni, ta’ investimenti fit-teknoloġija u ta’ soluzzjonijiet adatti għall-klijentela. Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li huwa possibbli li kemm il-mużika kif ukoll l-udjenza jiġu identifikati u kkwantifikati jaffettwawx is-soluzzjoni għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari. |
69. |
Ninterpreta dawn iż-żewġ domandi preliminari tal-qorti tar-rinviju fis-sens li din qed tistaqsi jekk l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu hijiex abbużiva minħabba li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-qies li fih xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur jiġu sfruttati mix-xandara tat-televiżjoni jiġifieri tal-qies li fih dan l-isfruttament jikkontribwixxi għad-dħul. Fl-opinjoni tiegħi, il-kwistjoni tar-rilevanza li għandha tingħata lill-possibbiltà teknika li l-mużika mxandra jew l-udjenza jiġu identifikati u kkwantifikati ma tistax tiġi ttrattata separatament l-mużika ( 58 ). |
70. |
Kif diġà osservajt iktar ’il fuq ( 59 ), ma jistax jiġi eskluż li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jirreferux biss għall-metodu ta’ kalkolu użat fil-preżenti minn STIM, imma wkoll għall-metodi ta’ kalkolu potenzjali li huma strutturati b’mod differenti u li STIM tista’ tuża fil-futur. Għaldaqstant jien ser neżamina d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju billi nirreferi, l-ewwel nett, għall-metodi ta’ kalkolu bħal dawk attwalment applikati min STIM (1). Wara, se nivverifika fl-liema qies dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu solvuti anke fir-rigward ta’ metodi ta’ kalkolu potenzjali li huma strutturati b’mod differenti (2). |
1. Metodi ta’ kalkolu simili għal dak użati fil-preżent minn STIM
71. |
Diġà ġie aċċertat preċedentement ( 60 ) li metodu ta’ kalkolu jista’ jkun abbużiv skont l-Artikolu 82 KE fil-każ li ma jiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed il-qies tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. |
72. |
Biex jiġi ċċarat jekk dan jiġrix fil-kawża preżenti, qabel xejn huwa meħtieġ aċċertament tal-fatti. Għaldaqstant, għandu preliminarjament jiġi osservat li r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat, f’din l-proċedura preliminari, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 82 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali jew li tapplika d-dispożizzjonijiet Komunitarji li hija diġà interpretat għad-dispożizzjonijiet jew għas-sitwazzjonijiet nazzjonali. Dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali ( 61 ). |
73. |
Qabel ma nibda nitratta l-punti individwali tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, nixtieq qabel xejn nesponi l-istadji tal-eżami li l-qorti nazzjonali għandha tagħmel meta twettaq stħarriġ ġenerali mill-perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni. |
74. |
Fl-ewwel lok, il-qorti nazzjonali trid teżamina jekk jeżistux elementi li abbażi tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat li metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżent minn STIM jinvolvi distorzjoni sinjifikanti bejn ir-royalties u l-valur ekonomiku tas-servizz ( 62 ). Fl-opinjoni tiegħi, dan jista’ jiġi affermat biss fil-każ li jeżisti metodu ta’ kalkolu alternattiv li jippermetti li jsir magħruf b’mod iktar preċiż il-valur ekonomiku tad-drittijiet tal-awtur. |
75. |
Fil-każ li l-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li tali metodu alternattiv jeżisti, hija għandha, fit-tieni lok, tipparaguna l-vantaġġi u l-iżvantaġġi taż-żewġ metodi ta’ kalkolu. Is-sempliċi eżistenza ta’ metodu ta’ kalkolu alternattiv iktar preċiż ma jimplikax, fih innifsu, li l-użu tal-metodu fiss huwa abbużiv. L-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu fiss, fil-fatt tista’ tiġi ġustifikata minn vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza ( 63 ). Vantaġġi bħal dawn jistgħu jikkonsistu, b’mod partikolari, fit-tnaqqis tal-ispejjeż sostnuti għall-amministrazzjoni tal-kuntratti u għas-superviżjoni dwar l-użu tax-xogħlijiet mużikali ( 64 ). |
76. |
F’dan il-kuntest, pereżempju tista’ tirriżulta importanti l-faċilità tal-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu fiss jew inkella l-isforz addizzjonali kkawżat mill-użu ta’ metodi ta’ kalkolu iktar preċiżi. Għalhekk metodu ta’ kalkolu bbażat fuq kriterji oġġettivi li jistgħu jiġu identifikati faċilment huwa ġeneralment iktar faċli biex jiġi applikat meta mqabbel ma’ metodu li jagħmel referenza għall-kriterji suġġettivi li jaqgħu fl-isfera ta’ kontroll ta’ waħda mill-partijiet u li diffiċilment jistgħu jiġu kkontrollatti mill-parti l-oħra. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, il-fatt jekk l-informazzjoni neċessarja tkun diġà disponibbli minħabba li ġiet użata preċedentement għal skopijiet oħra jew jekk din l-informazzjoni għandhiex tiġi individwata apposta għall-kalkolu tar-royalties jista’ jkun importanti. Anke l-kapaċità ta’ metodu ta’ kalkolu li joħloq kontroversji u d-dewmien tiegħu fiż-żmien, jiġifieri, il-bżonn tiegħu biex jadatta jistgħu jassumu importanza għall-fini tal-evalwazzjoni tiegħu f’termini ta’ effiċjenza. |
77. |
Madankollu, ma naħsibx li l-vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza jistgħu jiġġustifikaw b’mod inkondizzjonat metodu ta’ kalkolu fiss. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tournier ( 65 ) sostniet li n-natura fissa ta’ metodu ta’ kalkolu tista’ tiġi kkontestata abbażi tal-Artikolu 82 KE biss sa fejn metodi oħra jistgħu jiksbu l-istess skop leġittimu li huwa l-protezzjoni tal-interessi tal-awturi, mingħajr madankollu ma jinvolvi żieda fl-ispejjeż sostnuti għall-amministrazzjoni tal-kuntratti u għas-superviżjoni tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti. Fl-opinjoni tiegħi, però, dan ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss dawk il-metodi ta’ kalkolu alternattivi li ma jinvolvux żieda fl-ispejjeż sostnuti għall-amministrazzjoni tal-kuntratti u għas-superviżjoni tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti. Pjuttost, naħseb li l-applikazzjoni ta’ metodu fiss tista’ tkun abbużiva anke fil-każ fejn, għalkemm l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu tkun iktar ekonomika meta mqabbla mal-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu alternattiv iktar preċiż, tali vantaġġ f’termini ta’ spejjeż, madankollu, jirriżulta sproporzjonat meta mqabbel mad-distorzjonijiet ikkawżati mill-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu fiss, li minflok jistgħu jiġu evitati billi jiġi użat il-metodu ta’ kalkolu iktar preċiż. |
78. |
Għalkemm huwa minnu li fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li l-awtur jiġi żgurat royalties ekwi. Madankollu huwa wkoll neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-konsumaturi ( 66 ). Royalties ekwi għall-awtur jistimolaw il-ħolqien ta’ xogħlijiet mużikali ( 67 ), u għaldaqstant, bħala prinċipju huwa fl-interess tal-konsumaturi. L-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu fiss, tinvolvi anqas spejjeż. Fil-każ fejn dan it-tfaddil f’termini ta’ spejjeż, jipproduċi effetti favur l-awturi, dan iwassal għal royalties għola u għalhekk jinċentiva l-ħolqien ta’ xogħlijiet artistiċi. |
79. |
Madankollu, huwa wkoll fl-interess tal-konsumaturi li jirċievu l-iktar trattament vantaġġuż possibbli f’termini ta’ prezzijiet jiġifieri li jkollhom disponibbli xandara tat-televiżjoni ta’ kwalità għolja. Fil-każ li metodu ta’ kalkolu fiss iwassal għal distorzjoni sinjifikanti bejn is-servizz ipprovdut minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u r-royalties, dan jista’ jwassal għal spejjeż ta’ produzzjoni għola għax-xandara tat-televiżjoni u jkollu effett dannuż indirett għall-konsumaturi. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-użu ta’ metodu ta’ kalkolu fiss u ta’ wieħed iktar preċiż għandhom ikunu s-suġġett ta’ analiżi. |
80. |
Issa ser neżamina b’liema mod metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżent minn STIM jista’ jiġi kkunsidrat abbużiv skont l-Artikolu 82 KE minħabba li ma jiħux inkunsiderazzjoni jew ma jiħux inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti t-tul tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur fil-kuntest ta’ programmi speċifiċi (a) jew tal-udjenza (b). Wara dan ser nivverifika jekk metodu ta’ kalkolu bħal dan jistax ikun abbużiv fil-każ li ma jiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li d-dħul ta’ xandar tat-televiżjoni jista’ jiżdied għal raġunijiet indipendenti mill-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur (c). |
a) Identifikazzjoni u kwantifikazzjoni tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur
81. |
Metodu ta’ kalkolu bħal dak użat minn STIM jistabbilixxi perċentwali determinata li tvarja skont il-kwota annwali ta’ mużika tax-xandar tat-televiżjoni. Għaldaqstant huwa jieħu inkunsiderazzjoni d-dewmien annwali tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. |
82. |
Madankollu, metodu bħal dan, billi fl-ewwel lok jikkalkula l-kwota annwali ta’ mużika u wara jiffissa l-perċentwali fuq id-dħul annwali ta’ Kanal 5 u TV 4 ikkalkolat fuq il-bażi ta’ din il-kwota, ma jiħux inkunsiderazzjoni li d-dħul li jirriżulta mill-kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti jvarja skont il-programm u l-ħin tat-trażmissjoni. |
83. |
Il-qorti nazzjonali għandha l-ewwel nett tivverifika jekk id-dħul li jirriżulta minn kuntratti pubbliċitarji jvarjax skont il-programm u l-ħin tat-trażmissjoni ( 68 ). Barra minn hekk, hija għandha tivverifika jekk programmi speċifiċi ta’ xandar tat-televiżjoni jiġġenerawx, bħala regola, iktar dħul mir-reklami iżda, normalment, jużaw anqas xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. F’każ ta’ risposta affermattiv, l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu bħal dak użat minn STIM tista’ tikkawża distorzjoni sinjifikanti bejn is-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u r-royalties mitluba. |
84. |
Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għad-dħul li jirriżulta mill-abbonamenti. Jekk programmi speċifiċi ta’ xandar tat-televiżjoni jkollhom importanza ikbar għall-abbonati meta mqabbla ma’ programmi oħra, u jużaw b’mod ridott xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, l-applikazzjoni ta’ metodu bħal dan tista’ twassal għal distorzjoni bejn ir-royalties mitluba u s-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva. |
85. |
Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju ssib distorzjoni, hija tkun obbligata li tivverifika jekk jeżistux possibbiltajiet tekniċi biex jiġi determinat b’ċertezza d-dħul li jirriżulta mill-kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti, pereżempju, billi ssir referenza għal ħinijiet speċifiċi ta’ trażmissjoni, għal programmi individwali jew għal tipi speċifiċi ta’ programmi ( 69 ). Fil-każ fejn possibbiltajiet tekniċi bħal dawn jeżistu, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa l-vantaġġi li jirriżultaw minn determinazzjoni iktar preċiża meta mqabbla mal-vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza marbuta ma’ metodu ta’ kalkolu fiss. |
86. |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, inter alia, il-kriterji esposti iktar ’il fuq ( 70 ). Waqt li tkun qed tevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li metodu ta’ kalkolu li jagħmel referenza għad-dħul annwali li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti, huwa evidentement iktar sempliċi biex jiġi applikat meta mqabbel ma’ metodu ta’ kalkolu li permezz tiegħu d-dħul jista’ jiġi determinat b’mod iktar preċiż. Fl-opinjoni tiegħi, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li n-numru ta’ xandara tat-televiżjoni jidher limitat, minkejja li jattiraw pubbliku proporzjonalment numeruż, u li fil-każ ta’ trażmissjonijiet pubbliċi, tidher li teżisti possibbiltà ta’ kontroll partikolarment tajba. |
b) Identifikazzjoni u kwantifikazzjoni tal-udjenza
87. |
Il-kwantifikazzjoni tal-użu ta’ xogħol mużikali protett mid-drittijiet tal-awtur huwa determinat ukoll minn numru ta’ persuni li jgawdu dan ix-xogħol. F’dan ir-rigward għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni ta’ jekk metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżent minn STIM jiħux inkunsiderazzjoni dan l-aspett ta’ użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u l-kwistjoni ta’ jekk dan iseħħx b’mod suffiċjenti. |
88. |
Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni għandu jiġi kkonstatat li metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżenti minn STIM ma jiħux direttament inkunsiderazzjoni l-udjenza attwali tax-xandar tat-televiżjoni. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju jkollha tivverifika jekk metodu bħal dan jiħux inkunsiderazzjoni, b’mod dirett jew indirett, l-udjenza potenzjali jew mistennija. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk id-dħul li jirriżulta mill-kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti huwiex proporzjonali mal-udjenza mistennija ( 71 ). |
89. |
Fil-każ fejn il-qorti tikkonstata li d-dħul li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti huwa proporzjonali mal-udjenza potenzjali jew mistennija, tqum id-domanda jekk metodu ta’ kalkolu bħal dak użat minn STIM jistax jiġi kkunsidrat abbużiv minħabba l-fatt li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-udjenza attwali. Jien mhux ta’ din l-opinjoni. Fl-opinjoni tiegħi ż-żewġ kriterji (udjenza attwali jew potenzjali jew mistennija) huma bbażati fuq aspetti differenti tad-drittijiet tal-awtur. Ir-referenza għall-udjenza attwali tevidenzja iktar l-aspett tal-qies tal-isfruttament tax-xogħol mużikali protett mid-drittijiet tal-awtur, filwaqt li r-referenza għall-udjenza potenzjali jew mistennija tesprimi iktar il-kapaċità tad-drittijiet tal-awtur li jiġu sfruttati u l-idea li awtur għandu jirċievi perċentwali raġonevoli mid-dħul magħmul permezz tal-użu ta’ xogħol tiegħu ( 72 ). |
90. |
Fir-rigward taż-żewġ aspetti, l-iktar fattur rilevanti mhijiex ir-relazzjoni ta’ bejn l-iktar metodi ta’ kalkolu preċiżi jew l-inqas preċiżi, kif spjegat iktar ’il fuq ( 73 ), iżda pjuttost il-kontenut tad-drittijiet tal-awtur u x’jiddetermina l-valur tagħhom. Kif spjegat iktar ’il fuq ( 74 ), naħseb li fid-dawl tal-istat preżenti tad-dritt Komunitarju, mhux kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi liema huwa l-approċċ preferibbli u li dan lanqas ma jista’ jikkostitwixxi s-suġġett tal-istħarriġ li għandu jsir mil-perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni. Fl-opinjoni tiegħi ċ-ċirkustanza li metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżent minn STIM ma jiħux inkunsiderazzjoni l-udjenza attwali mhijiex, fiha nnifisha, abbużiva, sakemm dan jippreżenta rabta suffiċjenti mal-udjenza potenzjali jew mistennija. |
91. |
Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, rigward l-identifikazzjoni suffiċjenti tal-udjenza, għandu barra minn dan jiġi osservat li metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżent minn STIM ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-udjenza tista’ tvarja skont il-programm u l-ħin tax-xandir. |
92. |
Fil-każ li l-qorti tar-rinviju taċċerta li d-dħul li jirriżulta minn kuntratti pubbliċitarji jvarja skont il-programm u l-ħin ta’ xandir, u għalhekk tirriżulta korrelazzjoni bejn id-dħul u l-udjenza, u li programmi speċifiċi ta’ xandar tat-televiżjoni huma ġeneralment segwiti minn kwota għolja ta’ spettaturi iżda ma jużawx wisq xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ metodu bħal dan tista’ tikkawża distorzjoni bejn ir-royalties mitluba u s-servizz ipprovdut mis-soċjetà ta’ amministrazzjoni kollettiva. |
93. |
L-istess japplika għad-dħul li jirriżulta mill-abbonamenti. Fil-każ li programmi ta’ xandar tat-televiżjoni jiġbdu udjenza għolja u ġeneralment jużaw anqas xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, għaldaqstant l-applikazzjoni ta’ metodu bħal dak użat fil-preżent minn STIM tista’ tikkawża distorzjoni bejn ir-royalties mitluba u s-servizz ipprovdut mis-soċjetà ta’ amministrazzjoni kollettiva. |
94. |
Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju taċċerta distorzjoni sinjifikanti, hija għandha tivverifika jekk jeżistux possibiltajiet tekniċi li jippermettu li tiġi determinata b’mod ċert l-udjenza, per eżempju billi ssir referenza għal xi ħinijet ta’ xandir, għal programmi individwali jew għal tipi speċifiċi ta’ programmi ( 75 ). Fil-każ fejn possibbiltajiet tekniċi bħal dawn jeżistu, il-qorti tar-rinviju għandha, kif spjegajt iktar ’il fuq ( 76 ), tevalwa l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-użu ta’ metodi iktar jew inqas preċiżi. |
c) Teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra li jiddeterminaw iż-żieda fid-dħul
95. |
Metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżent minn STIM ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt ta’ jekk id-dħul jiżdiedx minħabba l-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minflok minħabba fatturi li m’għandhomx x’jaqsmu mal-mużika, bħat-tisħiħ tal-iskeda ta’ programmazzjoni, l-investimenti fit-teknoloġija u s-soluzzjonijiet adattati għall-eżiġenzi tal-klijenti. |
96. |
Madankollu, ma naħsibx li l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu li jieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-kwantità tal-użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur huwa abbużiv biss minħabba l-fatt li ma jiħux inkunsiderazzjoni jekk żieda fid-dħul hijiex dovuta għal fatturi differenti mill-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. |
97. |
Fl-ewwel lok, huwa diffiċli li jiġu identifikati l-fatturi li ddeterminaw iż-żieda fl-udjenza u żieda fid-dħul ta’ xandar tat-televiżjoni. Is-suċċess ta’ xandar tat-televiżjoni jew ta’ programm jiddependi fuq numru ta’ fatturi. Ma naħsibx li huwa possibbli li jinsabu b’mod preċiż biżżejjed il-fatturi li kkontribwixxew għas-suċċess ekonomiku, u lanqas kif u sa fejn dawn ikkontribwixxew għal dan is-suċċess. |
98. |
Huwa paċifiku li l-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur jista jkollu influwenza fuq is-suċċess ta’ programm jew ta’ xandar tat-televiżjoni. F’dan is-sens, ikun prattikament impossibbli li wieħed juri li ż-żieda fl-udjenza u fid-dħul mhijiex dovuta għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari minħabba li l-valur tal-użu tal-mużika jvarja individwalment minn spettatur għal ieħor. Anke abbażi ta’ din ir-raġuni biss, niddubita li jeżisti metodu li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza b’mod preċiż biżżejjed ( 77 ). |
99. |
Mill-bqija għandu jiġi vverifikat jekk metodu ta’ kalkolu alternattiv, fil-każ li dan kellu jirriżulta possibbli mill-aspett tekniku, ikunx jinvolvi sforz talment eċċessiv li jirriżulta li l-vantaġġi tal-użu tiegħu huma inqas mill-iżvantaġġi. |
100. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat, li fis-settur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, mhux inużwali li għall-liċenzji li għandhom bħala suġġett id-drittijiet tal-awtur tintalab royalty ikkalkolata fuq perċentwali tad-dħul miksub permezz tal-oġġett li għall-produzzjoni tiegħu ġie użat id-dritt korrispondenti ( 78 ). Tixhed ukoll a favur din il-pożizzjoni ċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Basset ( 79 ) ma kkunsidratx bħala abbużiv il-fatt li soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva kienet talbet perċentwali tad-dħul ta’ diskoteki, mingħajr ma kkunsidrat fl-liema qies id-dħul kien dovut għal ċirkustanzi differenti mill-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-opinjoni tiegħi tista’ tiġi trasposta għall-kawża preżenti ( 80 ). |
d) Konklużjoni
101. |
Bħala konklużjoni jista’ jiġi affermat dan li ġej: fil-każ fejn il-qorti nazzjonali tiddeċiedi li l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu li abbażi tiegħu r-royalties jiġu kkalkolat bħala perċentwali varjabbli tad-dħul li x-xandar tat-televiżjoni jagħmel mill-kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti, tikkawża distorzjoni tar-relazzjoni ta’ bejn is-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva minn naħa, u r-royalties mitluba, min-naħa l-oħra, l-użu ta’ metodu bħal dan jirriżulta abbużiv biss fil-każ fejn jeżisti metodu ta’ kalkolu alternattiv li jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwantità tal-użu b’mod iktar preċiż għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-royalties, u fil-każ fejn l-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu mhux preċiż ma tkunx iġġustifikata minn vantaġġi f’termini ta’ effiċjenza, b’mod partikolari fil-forma ta’ tfaddil tal-ispejjeż sostnuti għall-amministrazzjoni tal-kuntratt u għas-superviżjoni dwar l-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti. |
102. |
L-applikazzjoni ta’ metodu bħal dan m’għandhiex tiġi kkunsidrata abbużiva skont l-Artikolu 82 KE biss minħabba l-fatt li ma tiħux in kunsiderazzjoni l-udjenza attwali fil-każ fejn jista’ jiġi kkunsidrat li dan jieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-udjenza potenzjali jew mistennija. |
103. |
Fil-każ li metodu bħal dan jieħu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kwantità tal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, tali metodu ma jistax jiġi kkunsidrat abbużiv biss minħabba l-fatt li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-influwenza li dan l-użu — u mhux fatturi oħra — għandu fuq iż-żieda fid-dħul. |
104. |
Barra minn hekk, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju taċċerta li metodu ta’ kalkolu bħal dak użat fil-preżent minn STIM jinvolvi anke taħt aspetti oħra, distorzjonijiet bejn is-servizz ipprovdut minn STIM u r-royalties mitluba, pereżempju għax ma jiħux inkunsiderazzjoni t-tip ta’ użu tax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, l-imsemmija qorti għandha twettaq l-imsemmi stħarriġ ġenerali mill-perspettiva tal-liġi tal-kompetizzjoni anke fir-rigward ta’ dawn l-aspetti ( 81 ). |
2. Metodi ta’ kalkolu potenzjali, strutturati b’mod differenti
105. |
Safejn it-tieni u t-tielet domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex jeżaminaw il-kompatibbiltà mal-Artikolu 82 KE ta’ metodi ta’ kalkolu differenti minn dak użat fil-preżent minn STIM, għandu jiġi rilevat dan li ġej: minħabba n-numru kbir ta’ konfigurazzjonijiet possibbli tal-metodi ta’ kalkolu, mhux possibbli li jiġi evalwat b’mod astratt jekk metodu ta’ kalkolu li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija mill-qorti tar-rinviju huwiex abbużiv skont l-Artikolu 82 KE. Madankollu, fil-każ li l-qorti tar-rinviju taċċerta li l-metodu ta’ kalkolu jwassal għal distorzjonijiet, din għandha tapplika l-prinċipji msemmija iktar ’il fuq ( 82 ). |
D — Fuq ir-raba’ domanda preliminari
106. |
Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu differenti mit-tariffa prinċipali ( 83 ) lil impriża ta’ servizz pubbliku SVT, tistax tkun abbużiva skont l-Artikolu 82 KE. |
107. |
F’dan ir-rigward jidhirli li għandha tingħata importanza partikolari għall-eżempju msemmi fl-Artikolu 82(2)(c). Il-projbizzjoni speċjali kontra d-diskriminazzjoni msemmija fl-Artikolu 82(2)(c) KE tagħmel parti mis-sistema li tiggarantixxi, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix distorta. L-aġir kummerċjali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti m’għandux jiddistorċi l-kompetizzjoni f’suq li jinsab upstream jew downstream, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn fornituri u bejn klijenti ta' din l-impriża. Il-partijiet kontraenti ta’ din l-impriża m’għandhomx jiġu vantaġġjati jew żvantaġġjati fil-qasam tal-kompetizzjoni reċiproka ( 84 ). |
108. |
L-eżempju pprovdut fl-Artikolu 82(2)(c) KE jimponi żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, l-impriża dominanti għandha tapplika kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti (1). Fit-tieni lok, il-partijiet kontraenti tagħha għandhom isofru żvantaġġ fil-kompetizzjoni (2). |
1. Kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti
109. |
Ikun hemm kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti jekk ir-relazzjoni f’termini ta’ valur bejn is-servizz u l-ħlas ivarja skont il-partijiet kontraenti. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk STIM teżiġix royalties differenti għal servizzi ekwivalenti. |
110. |
Fir-rigward tas-servizz, għandu jiġi kkonstatat li s-servizz ipprovdut favur Kanal 5 u TV 4 minn naħa, u favur SVT min-naħa l-oħra, jikkonsisti fl-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur u li huma parti mir-repertorju sħiħ ta’ STIM. Il-qies ta’ dan l-użu jvarja minn xandar tat-televiżjoni għall-ieħor. |
111. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk STIM teżiġiex royalties differenti. Qabel xejn għandu jiġi kkonstatat jekk it-tariffi applikati lil Kanal 5 u TV 4 minn naħa u lil SVT minn naħa l-oħra, humiex differenti. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li SVT ma tagħmilx dħul konsiderevoli mill-kuntratti pubbliċitarji u ma tagħmel l-ebda dħul mill-abbonamenti ( 85 ). Għalhekk it-trattament differenti jista’ jkun dovut għaċ-ċirkustanza li, fil-każ ta’ SVT, jiġi applikat metodu ta’ kalkolu li abbażi tiegħu jiġi simulat dħul fittizju li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti. Fil-każ fejn, fir-rigward tar-relazzjoni f’termini ta’ valur ta’ bejn is-servizz u l-kontroservizz, dan iwassal għal riżultati li jistgħu jiġu paragunati mar-riżultati miksuba bis-saħħa tat-tariffa prinċipali ta’ Kanal 5 u TV 4, ma nikkunsidrax li dan jikkostitwixxi, fih innifsu, diskriminazzjoni inammissibbli. |
112. |
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-determinazzjoni tal-kwota annwali ta’ mużika fil-każ ta’ SVT issir ex ante, jiġifieri fuq il-bażi ta’ stima, filwaqt li fil-każ ta’ Kanal 5 u TV 4 issir ex post. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk din id-differenza tistax twassal għal trattament differenti sfavorevoli. Dan jista’ jseħħ, b’mod partikolari, fejn il-kwantità effettiva tal-użu li SVT tagħmel mix-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur ikun għola meta mqabbel ma’ dak stmat fil-bidu tas-sena ( 86 ). |
2. Relazzjoni ta’ kompetizzjoni
113. |
Il-kundizzjoni l-oħra imposta mill-Artikolu 82(2)(c) KE hija l-eżistenza ta’ żvantaġġ fil-kompetizzjoni għal Kanal 5 u TV 4 minħabba trattament differenti. Il-pożizzjoni ta’ kompetizzjoni ta’ Kanal 5 u TV 4 għandha ssofri ħsara meta mqabbla ma dik ta’ SVT ( 87 ). Dan jippreżupponi li Kanal 5 u TV 4 minn naħa, u SVT min-naħa l-oħra, huma kompetituri. |
114. |
F’dan il-kuntest, il-fattur rilevanti mhuwiex ir-relazzjoni ta’ bejn SVT, Kanal 5 u TV 4 fis-suq upstream tal-offerta u tad-domanda ta’ liċenzja komplessiva għax-xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, iżda r-relazzjoni tagħhom fil-qasam downstream tat-televiżjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk Kanal 5 u SVT jew TV 4 u SVT humiex kompetituri f’dan is-settur. Verifika bħal din titlob evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali jew li tapplika d-dispożizzjonijiet Komunitarji li hija diġà interpretat għad-dispożizzjonijiet jew għas-sitwazzjonijiet nazzjonali peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali ( 88 ). |
3. Konklużjoni
115. |
L-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti lil xandar tat-televiżjoni ta’ servizz pubbliku minn naħa, u lil xandara tat-televiżjoni privati, minn naħa l-oħra, tista’ tkun abbużiva skont l-Artikolu 82 KE jekk ix-xandar tat-televiżjoni ta’ servizz pubbliku jiġi privileġġjat meta mqabbel ma’ xandara tat-televiżjoni privati u x-xandar tat-televiżjoni tas-servizz pubbliku u min tal-inqas waħda mix-xandara tat-televiżjoni privati huma kompetituri. |
VII — Konklużjoni
116. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti t-tweġibiet segwenti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Isloven.
( 2 ) F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat il-fatt li fil-każ fejn ir-radjudiffiżjoni ta’ Kanal 5 issir permezz tas-satelliti, ir-royalties għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali mħarsa mid-drittijiet tal-awtur jiġu invokati mill-Performing Right Society, soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva Ingliża.
( 3 ) Għalhekk, fil-każ ta’ kwota ta’ mużika ta’ dejn 1 u 10 %, tintalab perċentwali ta’ 0.2 % fuq id-dħul li ġej mill-kuntratti pubbliċitarji u ta’ 0.15 % fuq id-dħul li ġej minn abbonamenti; fil-każ ta’ kwota ta’ mużika ta’ bejn 51 u 55 %, tintalab perċentwali ta’ 4.7 % fuq id-dħul li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u ta’ 3.48 % fuq dħul li ġej minn abbonamenti.
( 4 ) Kanal 5 u TV 4 jingħataw tnaqqis ta’ 10 % għall-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni. TV 4 tirċievi tnaqqis addizzjonali li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li dan ix-xandar tat-televiżjoni għandu jħallas royalties lill-Istat Żvediż biex ikun jista’ jitrażmetti bil-cable.
( 5 ) Dan il-metodu ta’ kalkolu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispejjeż ta’ kummerċjalizzazzjoni fittizji.
( 6 ) Dan il-valur jitkejjel mill-enti Mediamätning i Skandinavien AB (iktar ’il quddiem: “MMS”). L-MMS huwa enti sostnut mix-xandara tat-televiżjoni u minn parteċipanti oħra.
( 7 ) Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, emendat fit-28 ta’ Settembru 1979 (tista’ tiġi kkonsultata fis-sit http://www.wipo.int/treaties/en/ip/berne/index.html).
( 8 ) Sentenzi tad-9 ta’ April 1987, Basset, (402/85, Ġabra p. 1747); tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et. (110/88, 241/88 u 242/88, Ġabra p. 2811) kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, (395/87, Ġabra p. 2521).
( 9 ) Fil-każ li s-soluzzjoni tad-domanda ta’ interpetazzjoni rilevanti għall-kawża preżenti tirriżulta mill-ġurisprudenza mogħtija s’issa mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa veru li jonqos l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tressaq din id-domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; madankollu dan ma jneħħix lill-qorti l-għażla tar-rinviju, ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et., (283/81, Ġabra p. 3415, punt 15).
( 10 ) Peress li STIM tinvoka l-fatt li l-Artikolu 82 KE mhux applikabbli għall-kawża preżenti, qabel xejn għandu jiġi enfasizzat li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt pożittiv ma tillimita espliċitament l-applikabbiltà tad-dritt ta’ kompetizzjoni għad-drittijiet ta’ awtur. Fil-kawża preżenti lanqas ma jirriżulta mod ieħor mill-Artikoli 295 KE u 307 KE moqrija flimkien mal-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni ta’ Berna. L-iffissar ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ royalties jirrigwarda l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur. Kunflitt bejn l-Artikolu 82 KE u l-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni ta’ Berna — indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk STIM tistax tinvokaha fil-kawża preżenti skont l-Artikolu 307 KE — ma jiġix ikkunsidrat minħabba l-fatt li, skont l-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni ta’ Berna, jiġi garantit esklużivament dritt għal kumpens ekwu. Tali garanzija minima mhijiex ikkonfutata mill-kontroll tar-royalties mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Mill-bqija għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, diġà f’xi sentenzi preċedenti, ikkonfermat l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE għall-metodi ta’ kalkolu tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva (ara b’mod partikolari s-sentenzi Basset, iċċitati fin-nota 8; Lucazeau et., iċċitati fin-nota 8 kif ukoll Tournier, iċċitata fin-nota 8), u li l-applikabbiltà tal-Artikolu 82 KE għal dawn il-metodi ta’ kalkolu kważi qatt ma tiġi kkonfutata mid-duttrina speċjalistika (Faull, J. / Nikpay, A., The EC Law of Competition, Oxford University Press, it-2 edizzjoni 2007, punti 8.234 — 8.236; Liaskos, E.-P., La gestion collective des droits d’auteurs dans la perspective du droit communautaire, Bruylant 2004, punt 699). Madankollu, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE għad-drittijiet tal-awtur għandha tingħata attenzjoni partikolari, f’dan ir-rigward ara iktar ’il quddiem, punti 47 sa 49 ta’ dawn il-konkużjonijiet.
( 11 ) Għal din ir-raġuni, id-domandi preliminari joħorġu, f’ċertu qies, mill-kawża prinċipali.
( 12 ) It-tieni domanda preliminari tirrepeti l-ewwel domanda preliminari, iżda tippreċiżaha billi żżid magħha ċerti kriterji speċifiċi, ara punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ninterpreta t-tieni domanda fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk metodu ta’ kalkolu li ma jiħux inkunsiderazzjoni kriterji bħal dawn huwiex abbużiv, ara punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, punt 57)
( 14 ) Sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C-62/86, Ġabra p. I-3359, punt 69), kif ukoll tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punt 91).
( 15 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, (27/76, Ġabra p. 207, punti 248 sa 257).
( 16 ) Dan jirrigwarda biss l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda preliminari. Ir-raba’ domanda preliminari tirreferi għall-eżempju pprovdut mill-Artikolu 82(2)(c) KE.
( 17 ) Ara s-sentenza United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 248 sa 257), kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il-Kummissjoni (26/75, Ġabra p. 1367, punti 11 u 12).
( 18 ) Wish, R., Competition Law, Reed Elsevier, il-5 edizzjoni. 2003, p. 195; Faull, J./ Nikpay, A., op. ċit. (nota 10), punt 3.298.
( 19 ) Dwar l-importanza tal-proprejtà intellettwali fil-liġi Komunitarja ara Reinbothe, J., Der Stellenwert des geistigen Eigentums im Binnenmarkt, fi: Schwarze, J, Becker, J. (Ed.), Geistiges Eigentum und Kultur im Spannungsfeld von nationaler Regelungskompetenz und europäischem Wirtschafts- und Wettbewerbsrecht, Nomos 1998, p. 31 et seq.
( 20 ) Għaldaqstant għandu jiġi enfasizzat li f’ħafna każijiet l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur huma possibbli biss permezz tal-konċentrazzjoni ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tal-awturi involuti u tal-kumpanniji li jipproduċu l-mużika. Ara Dworkin, G., Monopoly, non-participating rightowners, relationship authors/producers, Copyright Tribunal, fi: Jehoram, H. C., Collective Administration of Copyrights in Europe, Kluwer — Deventer, 1995, p. 12. Wünschmann, C., Die kollektive Verwertung von Urheber- und Leistungsschutzrechten nach europäischem Wettbewerbsrecht, Nomos 2000, p. 20 et seq., jinvoka l-ispejjeż projbitivi ta’ tranżazzjoni kif ukoll iċ-ċirkustanza li l-kontroll u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur, proprju fil-qasam tax-xogħlijiet mużikali jirriżulta, minħabba “l-użu mifrux mill-massa” tagħhom, partikolarment diffiċli. Fid-dettall, f’dan ir-rigward, Mestmäcker, E.-J., Geistiges Eigentum und Kultur im Spannungsfeld von nationaler Regelungskompetenz und europäischem Wirtschafts- und Wettbewerbsrecht aus Sicht der Verwertungsgesellschaften, fi: Schwarze, J., Becker, J. (Ed.), Geistiges Eigentum und Kultur im Spannungsfeld von nationaler Regelungskompetenz und europäischem Wirtschafts- und Wettbewerbsrecht, Nomos 1998, p. 55.
( 21 ) Ara Vinje, T., Niiranen, O., The application of Competition Law to Collecting Societies in a Borderless Digital Environment, fi: European Competition Law Annual 2005: The Interaction between Competition Law and Intellectual Property Law, Ehlermann, C. D. (Ed.), Hart, 2007, p. 402; Wünschmann, C., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 19; Trampuz, M., Avtorsko pravo, Cankarjeva zalozba, 2000, p. 73.
( 22 ) Wünschmann, C., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 25. Madankollu, f’dan il-kuntest għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, permezz tad-Deċiżjoni tagħha COMP/36.698 — CISAC, tas-16 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ipprojbixxiet lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva Ewropej milli jiddistorċu l-kompetizzjoni billi jillimitaw l-offerta ta’ servizzi tagħhom lilhinn mit-territorju nazzjonali tagħhom. Madankollu din id-deċiżjoni tippermettilhom li jżommu fis-seħħ is-sistema eżistenti ta’ ftehim bilaterali u d-dritt li jiffissaw il-livell tar-royalties. Peress li din id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata, irreferi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni IP/08/1165 tas-16 ta’ Lulju 2008 u għall-Memorandum tagħha tal-istess jum MEMO/08/511.
( 23 ) F'dan il-każ, ix-xerrejja ġeneralment huma operaturi li jxandru bil-kejbil jew impriżi simili, li jiġbru x-xandara tat-televiżjoni f’pakketti differenti u jbigħuhom lill-konsumaturi finali.
( 24 ) Ara punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Kif ġie spjegat iktar ’il fuq (punti 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Artikolu 82 KE ma jinvolvix it-telfa totali, minn naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, tal-libertà tagħha ta’ azzjoni fuq il-livell ekonomiku.
( 27 ) Wünschmann, C., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 163, isostni li l-mekkaniżmi nazzjonali huma fdati bil-kontroll tar-regolamentazzjoni tat-tariffi tal-monopolji.
( 28 ) Fil-punt 3.294 ta’ Faull, J/Nikpay, A., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), jiġi rilevat li f’dan il-qasam, hija xierqa ċerta attenzjoni mill-awtoritajiet garanti tal-kompetizzjoni u li wieħed għandu jintervjeni biss fil-każijiet fejn huwa partikolarment evidenti l-preġudizzju għall-ġid tal-konsumaturi.
( 29 ) Sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, (C-245/00, Ġabra p. I-1251).
( 30 ) ĠU L 346, p. 61 et seq.
( 31 ) Sentenza SENA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 34-36 u 40-46). Dwar il-mandat (limitat) tal-leġiżlatur Komunitarju bħala legiżlatur fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ara Reinbothe, J., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 19).
( 32 ) Ġo Faull, J./Nikpay, A., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punti 8.35-8.37, jiġi rilevat li l-estensjoni eżatta tad-drittijiet tal-awtur tista’ tvarja, li l-oġġett speċifiku tal-istess mhux dejjem jista’ jiġi identifikat faċilment, u li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jista’ jvarja minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor.
( 33 ) Sentenza Basset (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8), punt 5.
( 34 ) Sentenza Basset (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8) punti 16 u 18. Fil-punt 19 ta’ din is-sentenza hija madankollu sostniet li abbuż jiġi kkunsidrat kieku s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva teżiġi royalties eċċessivi.
( 35 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P Ġabra p. I-2331, punt 67), kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, (T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 73).
( 36 ) Bl-istess mod: Temple Lang, J., Media, Multimedia and European Community law, fi: International antitrust law & policy, 1997, 377, 424.
( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, fid-dettall, iktar ’il quddiem punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, fid-dettall, iktar ’il quddiem punti 75 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 39 ) L-evalwazzjoni ta’ jekk l-użu ta’ metodu ta’ kalkolu bħal dan huwiex abbużiv tiddependi mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni permezz tal-varjabbli. Peress li fit-tieni u t-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti nazzjonali qajjmet ċerti domandi f’dan is-sens, nagħmel referenza għas-soluzzjoni tat-tieni u t-tielet domanda (punti 68 sa 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 40 ) Fis-sentenza tagħha United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 227 sa 233), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li minħabba n-natura tagħha, għandu jsir referenza għall-fattur tad-domanda u tal-offerta biss għal kull fażi li fih dan isib verament espressjoni. Is-sistema tas-suq tinbidel jekk il-prezzijiet jiġu kkalkolati mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-fażi taċ-ċiklu kummerċjali u jiġifieri billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-liġi tad-domanda u tal-offerta bejn bejjiegħ u konsumatur finali, iżda bejn bejjiegħ u xerrej.
( 41 ) Sentenzi British Airways vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 67) kif ukoll Michelin vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 73).
( 42 ) Ara Bellamy & Child, European Community Law of Competition, Sweet & Maxwell, is-6 edizzjoni 2008, Nru. 10.109. Temple Lang, J., op. ċit (nota 36), 425. Pereżempju dan huwa mod kif wieħed għandu jipproċedi għal kollox normali fil-każ ta’ kuntratti editorjali ma’ kittieba jew ta’ kuntratti mużikali ma’ mużiċisti.
( 43 ) Ara Mestmäcker, E.-J., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 55.
( 44 ) Becker, J., Governmental and judicial control over licensing and tarrifs, fi: Collective Administration of Copyrights in Europe, Kluwer — Deventer 1995, p. 44.
( 45 ) Urteil United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 239/241).
( 46 ) Ara punt 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tas-26 ta’ Mejju 1989 ippreżentati fil-kawża Tournier (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8) u fil-kawżi magħquda Lucazeau et. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8); Allendesalazar, R., Vallina, R., Collecting Societies: The Usual Supects, op. ċit. (nota ta’ qieqħ il-paġna 22); Liaskos, E.-P., op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 704 et seq. Dan jirriżulta, inter alia, mill-fatt li l-użu ta’ xogħol mużikali, la darba sar, ma jinvolvix spejjeż addizzjonali għall-awtur.
( 47 ) Din l-idea tirriżulta wkoll, pereżempju, mill-punt 156 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għall-ftehim ta’ trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU 2004, C 101, p. 2). Skont dawn il-linji gwida, ġeneralment, il-fatt li r-royalties jiġu kkalkolati abbażi tal-prezz tal-prodott finali mhuwiex restrittiv għall-kompetizzjoni, dejjem sakemm dan jinkludi t-teknoloġija protetta mil-liċenzja. Nemmen li tista’ ssir referenza għal dan biex jiġi ppruvat li tali prassi ta’ royalties hija normali fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Fl-opinjoni tiegħi, fil-każ fejn mill-akkumulu ta’ royalties għal prodott wieħed jasal għal riżultat sproporzjonat, huwa m’għandux neċessarjament iwassal għal diviżjoni tar-royalties, iżda jista’ jiġi solvut billi wieħed jaġixxi fuq l-ammont ta’ dawn ir-royalties.
( 48 ) Becker, J., op. cit, (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), p. 44; Liaskos, E.-P., oop. Cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 699.
( 49 ) Punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 50 ) Metodu sabiex wieħed ikun jista’ jiddetermina l-valur ekonomiku ta’ prodott huwa dak li wieħed jitlaq mill-prezz medju ta’ dan il-prodott (valur ekonomiku bħala prezz medju oġġettiv). Fil-kawża preżenti, madankollu, diġà minħabba l-pożizzjoni esklużiva tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, mhawnx kompetizzjoni li tista’ teffettwa l-prezzijiet. Dwar din il-problema, ara b’mod ġenerali Faull, J./Nikpay, A., op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), punt 3.293.
( 51 ) Sentenza Tournier (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 38).
( 52 ) F’dan il-kuntest għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-opinjoni tiegħi, għar-raġunijiet msemmija iktar ’il fuq (punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet) għandha tkun kawta fil-każ fejn il-metodu ta’ kalkolu ta’ Stat Membru jkun ibbażat fuq kriterju relatat b’mod raġonevoli mad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li l-metodu ta’ kalkolu ta’ Stat Membru ieħor ikun bbażat fuq kriterju ieħor li huwa wkoll relatat b’mod raġonevoli mad-drittijiet tal-awtur, u b’hekk tasal għal riżultati diverġenti.
( 53 ) F’Bellamy & Child, op. ċit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 42), Nru. 9-065, jiġi rilevant li huwa opportun li tiġi kkunsidrata l-prattika li hija użata normalment fil-qasam industrijali inkwistjoni.
( 54 ) F’dan il-kuntest għandu jiġi rilevat li huwa veru li, kif spjegat fil-punti 40 sa 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma ssir l-ebda trattativa fuq il-liċenzji li jikkonċernaw id-drittijiet tal-awtur individwali, minħabba li x-xandara tat-televiżjoni, skont il-liċenzja miftuħa għall-isfruttament tar-repertorju kollu ta’ STIM, mhumiex obbligati li jikkuntrattaw għall-liċenzji li jikkonċernaw l-użu ta’ xogħlijiet mużikali individwali protetti bid-drittijiet tal-awtur. Madankollu, meta, sabiex jiġi individwat il-valur tal-liċenzja kumplessiva, dawn it-trattativi jitqiesu li saru b’mod fittizju, ma tkunx ħaġa inużwali li l-awturi jitolbu sehem mid-dħul li jsir. Ma naħsibx li l-evalwazzjoni għandha tinbidel biss minħabba l-fatt li d-drittijiet tal-awtur jiġu eżerċitati minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.
( 55 ) Sentenza Basset (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 16 u 18)
( 56 ) Barra minn hekk, kemm Kanal 5 u TV 4 josservaw li tista’ tkun possibbli wkoll rabta mad-dħul miksub mix-xandara tat-televiżjoni. Madankollu, niddubita jekk dan il-metodu alternattiv ta’ kalkolu jirriflettix b’mod korrett il-valur tas-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva. F’dan il-każ, mhux biss id-dħul magħmul iżda anke n-nefqa tax-xandara tat-televiżjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur tas-servizz. Ma nifhimx b’liema qies, l-istruttura tan-nefqa ta’ xandar tat-televiżjoni tista’ tipprovdi indikazzjonijiet fuq il-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.
Mill-bqija, lanqas mhija rilevanti l-allegazzjoni ta’ Kanal 5 u TV 4, li tgħid li STIM ma tipparteċipax fir-riskju ekonomiku tax-xandara tat-televiżjoni. Peress li r-remunerazzjoni ta’ STIM tiddependi mid-dħul tax-xandara tat-televiżjoni li ġej minn kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti, tnaqqis ta’ dan id-dħul għandu konsegwenzi diretti fuq ir-royalties imħallsa lil STIM.
( 57 ) Ara punti 47 u 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 58 ) Safejn it-tielet domanda preliminari tirreferi għall-ewwel domanda preliminari, nagħmel referenza għas-soluzzjoni proposta għal din tal-aħħar.
( 59 ) Punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 60 ) Punti 52 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 61 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, (C-451/03, Ġabra 2006, p. I-2941, punti 68 et seq.), tad-19 ta’ Diċembru 1968, Salgoil, (13/68, Ġabra p. 680, 690), tat-23 ta’ Jannar 1975, Van der Hulst, (51/74, Ġabra p. 79, punt 12), tat-8. ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, (C-320/88, Ġabra p. I-285, punt 11), tal-5 ta’ Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro, (C-175/98 u C-177/98, Ġabra I-6881, punt 38) u tal-15 ta’ Mejju 2003, RAR, (C-282/00, Ġabra p. I-4741, punt 47).
( 62 ) Sentenza Basset (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 18).
( 63 ) Sentenza Tournier (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 45).
( 64 ) Ibid.
( 65 ) Ibid.
( 66 ) Ara Bellamy & Child, European Community Law of Competition, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 41), nru. 9-065; is-sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni, kawża 6/72, (Ġabra, p. 215, punt 26).
( 67 ) Liaskos, E.-P., op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), punt 699.
( 68 ) Trażmissjonijiet speċifiċi huma partikolarment interessanti għall-finijiet pubbliċitarji minħabba li, pereżempju, jattiraw numru għola ta’ spettaturi. Permezz ta’ dawn it-trażmissjonijiet, ġeneralment, ix-xandara tat-televiżjoni jiksbu dħul pubbliċitarju għola.
( 69 ) Probabilment dan huwa iktar diffiċli biex jiġi vverifikat fil-każ tal-abbonamenti milli fil-każ ta’ kuntratti pubbliċitarji, ara f’dan ir-rigward Nru 75.
( 70 ) Punti 75 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 71 ) Fil-każ ta’ dħul li ġej minn kuntratti pubbliċitarji, fl-opinjoni tiegħi, hemm indikazzjoni qawwija ta’ rabta kunsiderevoli bejn l-udjenza mistennija u l-ammont tad-dħul pubbliċitarji. Probabilment, anke d-dħul li ġej mill-abbonamenti għandu jiżdied b’mod proporzjonali għall-udjenza potenzjali jew mistennija.
( 72 ) Ara l-punti 58 sa 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 73 ) Ara l-punti 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 74 ) Ara l-punti 47 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 75 ) F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li fil-każ tax-xandara tat-televiżjoni li huma ffinanzjati esklużivament permezz tad-dħul li ġej mill-abbonamenti, ma tistax, kuntrarjament għall-każ fejn id-dħul ġej minn kuntratti pubbliċitarji, tiġi stabbilita konnessjoni, fir-rigward tal-programm, jew tal-ħin ta’ trażmissjoni, bejn id-dħul u l-udjenza. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk, fir-rigward għad-dħul li ġej mill-abbonamenti, hijiex possibbli determinazzjoni iktar preċiża, pereżempju billi tfittex l-udjenza attwali tal-ħinijiet individwali tal-programmazzjoni jew tal-programmi individwali.
( 76 ) Ara l-punti 75 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 77 ) Nikkunsidra li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu pjuttost jittieħdu inkunsiderazzjoni permezz tar-rata bażi tal-perċentwali. F’dan il-kuntest għandu jiġi rilevat li l-perċentwali li tirreferi għad-dħul li ġej mill-kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti hija b’mod ċar taħt il-kwota tal-mużika. Madankollu, minħabba li l-qorti tar-rinviju ma talbitx jekk royalties bħal dak mistenni minn STIM huwiex eċċessivament għoli, dan il-punt m’għandux jiġi affrontat b’mod iktar fid-dettall.
( 78 ) Ara l-punti 60 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 79 ) Sentenza Basset (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 16 u 18).
( 80 ) F’dan il-kuntest għandu jiġi rilevat li d-dħul tad-diskoteki ma jiddependix esklużivament mill-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur, iżda anke minn fatturi oħra, bħal, pereżempju, il-pożizzjoni, ir-riklami, il-pubbliku u l-istil tad-diskoteka; dawn il-fatturi jippreżentaw parzjalment, rabta skarsa mal-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur.
( 81 ) Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tip ta’ użu, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari l-aspett li jikkonċerna l-possibbiltà ta’ distinzjoni skont it-tip ta’ użu (pereżempju, fi programmi li jinqdew b’xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur biss bħala sottofond, jew programmi li l-kontenut prinċipali tagħhom jikkonsisti fir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet mużikali protetti mid-drittijiet tal-awtur) fuq il-bażi ta’ kriterji suffiċjentement oġġettivi. Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat jekk metodu alternattiv bħal dan jipproduċiex żieda fl-ispejjeż. F’dan il-kuntest jista’ jkun importanti li jiġi ċċarat jekk is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tagħmilx distinzjoni simili fir-relazzjonijiet interni. Fl-aħħar nett, wieħed għandu jipproċedi billi jiżen il-vantaġġi u l-iżvantaġġi.
( 82 ) Punti 74 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 83 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 84 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, (C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punt 143).
( 85 ) SVT hija ffinanzjata minn liċenzji pubbliċi. Mill-ammont ta’ liċenzji pubbliċi, mhux possibbli awtomatikament, diversament mill-każ tad-dħul li jirriżulta mill-kuntratti pubbliċitarji u mill-abbonamenti, li jinħarġu konklużjonijiet skont il-qies tal-użu tax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur.
( 86 ) Ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bejn Kanal 5 u TV 4 minn naħa u SVT min-naħa l-oħra, abbażi tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ SVT ma tittieħidx inkunsiderazzjoni minħabba li STIM, matul il-fażi orali, iċċarat li r-raġuni tat-trattament differenti qegħda unikament fil-fatt li SVT ma ddaħħalx ħafna mill-kuntratti pubbliċitarji u ma ddaħħal xejn mill-abbonamenti.
( 87 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, (C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punt 144), u tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 523 u 524).
( 88 ) Ara s-sentenzi Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punti 68 et seq.), Van der Hulst, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 12), Shipping and Forwarding Enterprise Safe, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 11), Lirussi u Bizzaro, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61, punt 47).