EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0410

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ta’ 4 ta' Marzu 2010.
Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Dumping - Importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam - Kalkolu tal-valur normali maħdum - Prezz tal-esportazzjoni - Drittijiet tad-difiża - Dannu - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-410/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:70

Kawża T-410/06

Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam — Kalkolu tal-valur normali maħdum — Prezz tal-esportazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dannu — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping — Determinazzjoni tal-valur normali — Użu tal-valur maħdum — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet dwar il-metodu ta’ kalkolu

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(6)(ċ))

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Determinazzjoni ta’ dazji antidumping — Metodu ta’ kalkolu

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 9(4))

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura antidumping — Drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tal-informazzjoni finali mill-Kummissjoni lill-impriżi

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20(2) u (4))

4.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Rispett fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi — Antidumping — Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw l-informazzjoni tal-impriżi kkonċernati — Dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 20(5))

5.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Dannu — Perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(2))

1.      L-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96 jagħti lill‑istituzzjonijiet Komunitarji marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex jagħżlu l‑metodu li bih huma jipproċedu għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u tal-ispejjeż l-oħra ġenerali u tal-marġni tal-qligħ fil-kuntest tal‑kalkolu tal-valur normali maħdum.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja jirrigwarda l-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l‑għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

Barra minn hekk, l-istess Artikolu 2(6)(ċ) jistabbilixxi li dan il-metodu għandu jkun raġonevoli. B’hekk, il-qorti Komunitarja tista’ tikkonstata żball manifest ta’ evalwazzjoni marbut mal-metodu magħżul biss jekk dan ma jkunx raġonevoli. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ metodi oħra raġonevoli li setgħu jiġu segwiti f’dan ir-rigward ma taffettwax il-legalità ta’ dak effettivament magħżul, għaliex, f’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l‑evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-istituzzjonijiet.

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet jistgħu jqisu li hija iktar raġonevoli li tintuża informazzjoni marbuta mal-qligħ magħmul fis-suq intern tal‑pajjiż ta’ produzzjoni, minn impriżi tal-istess daqs bħal produttur suġġett għall‑investigazzjoni, li la batew l-ispejjeż tal-bejgħ u lanqas l-ispejjeż ġenerali partikolarment għolja, li kisbu wkoll l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas‑suq matul investigazzjonijiet reċenti fuq prodotti li ma humiex il-prodotti kkonċernati, u li tagħhom l-istituzzjonijiet kellhom data affidabbli, milli dik relatata mal-qligħ magħmul mill-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fuq swieq totalment differenti.

Fil-fatt, mill-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku antidumping jirriżulta li meta l-istituzzjonijiet japplikaw din id-dispożizzjoni sabiex jikkalkolaw marġni tal‑qligħ raġonevoli, huma ma humiex obbligati li jużaw id-data marbuta ma’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali, iżda għandhom jiżguraw li l-marġni tal‑qligħ stabbilit skont metodu raġonevoli ma jaqbiżx il-marġni tal-qligħ magħmul meta jinbiegħu prodotti tal-istess kategorija ġenerali. Barra minn hekk, dan ma jfissirx li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l‑istituzzjonijiet huma pprojbiti milli jistabbilixxu marġni tal-qligħ jekk huma ma għandhomx bażi ta’ kalkolu affidabbli fir-rigward tal-marġni tal-qligħ magħmul meta jinbiegħu prodotti tal-istess kategorija ġenerali.

(ara l-punti 64-67, 71, 74)

2.      Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/96 “[l]-ammont tad-dazju proviżjonali kontra l-bejgħ taħt il-prezz ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi l-ħsara [d-dannu] lill‑industrija Komunitarja”. Il-konsegwenza ta’ din ir-regola hija li l-produttur li fuqu ġew imposti dazji antidumping ma jistax jikkontestahom fuq il-bażi li l‑investigazzjoni kkonkludiet marġni ta’ dannu sopravalutat fil-każ fejn, meta l‑marġni tad-dumping huwa inqas kemm mill-marġni tad-dannu adottat b’mod żbaljat kif ukoll mill-marġni tad-dannu reali, ir-rata tad-dazji ġiet stabbilita fuq il‑livell tal-marġni tad-dumping.

(ara l-punt 94)

3.      L-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jkunu jistgħu jressqu b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha.

F’dan il-kuntest, in-natura inkompleta tal-informazzjoni finali mitluba mill‑partijiet abbażi tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku antidumping Nru 384/93 twassal biss għall-illegalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping definittivi jekk, minħabba din l-omissjoni, il-partijiet ikkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu kif suppost l-interessi tagħhom. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għall-miżuri provviżorji u li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fl-informazzjoni finali, skont l-imsemmija dispożizzjoni. Dan huwa wkoll il-każ meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata d‑deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill wara l-komunikazzjoni tad-dokument finali ta’ informazzjoni, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tal‑imsemmi Regolament bażiku.

Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni bidlet l-analiżi tagħha wara li l-partijiet ikkonċernati ssottomettew il-kummenti dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill milli jieħdu deċiżjonijiet ulterjuri. Din id-dispożizzjoni timponi biss fuq il-Kummissjoni l‑obbligu li tikkomunika, mill-iktar fis possibbli, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom huwa bbażat l-approċċ inizjali inkluż fid‑dokument finali ta’ informazzjoni. Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk il‑Kummissjoni rrispettatx id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati li jirriżultaw mill‑aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kkomunikatilhomx il-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet użati għall-finijiet tal-analiżi l-ġdida dwar id-dannu u dwar il-forma tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġi eliminat id-dannu, sa fejn dawn il-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet huma differenti minn dawk użati fid-dokument finali ta’ informazzjoni.

(ara l-punti 111, 112, 117, 118)

4.      Il-Kummissjoni billi tat lill-produttur suġġett ta’ investigazzjoni antidumping terminu ta’ inqas minn għaxart ijiem sabiex iressaq il-kummenti tiegħu dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kisret l-Artikolu 20(5) tar‑Regolament bażiku antidumping Nru 384/96. Madankollu, din iċ-ċirkustanza fiha nnifisha ma tistax twassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat. Fil‑fatt, fil-proċedura inkwistjoni għad hemm il-ħtieġa illi jiġi stabbilit illi minħabba l-fatt li t-terminu għad‑dispożizzjoni kien iqsar mit-terminu legali, dan kien ta’ natura li affettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

(ara l-punt 124)

5.      L-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix sanzjoni għal aġir preċedenti, iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiki ta’ dumping. Huwa għaldaqstant neċessarju li l‑investigazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu jiġu stabbiliti dazji antidumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja kontra l-prattiki ta’ dumping.

Meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw illi l-importazzjonijiet ta’ prodott li sa issa kien suġġett għal restrizzjonijiet kwantitattivi żdiedu wara li l-imsemmija restrizzjonijiet skadew, huma jistgħu jieħdu din iż-żieda inkunsiderazzjoni għall‑finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

(ara l-punti 133, 134)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

3 ta’ Marzu 2010 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam – Kalkolu tal-valur normali maħdum – Prezz tal-esportazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dannu – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑410/06,

Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd, stabbilita f’Lishui (iċ-Ċina), irrappreżentata minn I. MacVay, solicitor, R. Thompson, QC, u K. Beal, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet u T. Scharf, bħala aġenti,

u mill-

Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), stabbilita f’Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn P. Vlaemminck, G. Zonnekeyn u S. Verhulst, sussegwentement minn Vlaemminck u A. Hubert, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006, tal-5 ta’ Ottubru 2006, [li] jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485-525), sa fejn ir-regolament jirrigwarda lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10 p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), jistabbilixxi li:

“1. Dazju kontra xiri taħt il-prezz [Dazju antidumping] jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara [dannu].

2. Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala mixtri taħt il-prezz jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur”.

2        Sabiex jiġi stabbilit id-dumping, l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi r-regoli li japplikaw għall-finijiet ta’ paragun bejn il-valur normali tal-prodott inkwistjoni u l-prezz tal-esportazzjoni, fejn il-marġni tad-dumping ikun, skont il-paragrafu 12 tal-istess dispożizzjoni, l-ammont li permezz tiegħu l-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni.

3        L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku jipprovdu kif ġej:

“1. Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.

[…]

3. Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

[…]

6. L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:

a)      l-medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;

b)      l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew il-produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ orġini;

ċ)      kwalunkwe metodu raġjonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini”.

4        Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “MET”), l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:

“Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet […] [m]ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina […], il-valur normali jkun stabbilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati […], li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. […]”

5        L-Artikolu 2(8) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:

“8. Il-prezz fuq l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità.

9. F’każijiet fejn ma hemm ebda prezz ta’ l-esportazzjoni […] jista jiġi kostrutt fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti ma humiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew ma humiex mibjugħin mill-ġdid fil-kundizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwlaunkwe bażi raġjonevoli”.

6        Sabiex jiġi stabbilit d-dannu, l-Artikolu 3(2), (3) u (6) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:

“2. Il-ħsara [dannu] trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’ (a) il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet mibjugħin taħt il-prezz fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għall-prodotti simili; u kemm (b) l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija Komunitarja.

3. Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet mix-xiri taħt il-prezz ta’ l-importazzjonijiet meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija Komunitarja, jew jekk l-effett ta’ importazzonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[…]

6. Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija Komunitarja kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali”.

7        Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, “[l]- ammont tad-dazju proviżjonali kontra l-bejgħ taħt il-prezz ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi l-ħsara [dannu] lill-industrija Komunitarja”.

8        L-Artikolu 20(1), (2), (3), (4), u (5) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:

“1. Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu żvelar tad-dettalji taħt il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet fuq il-bażi li fuqha ġew imposti l-miżuri proviżjonali. Talbiet għal żvelar bħal dan għandhom jiġu magħmula bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżjonali, u l-iżvelar għandu jsir bil-miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.

2. Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.

[…]

4. Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.

5. Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10t’ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament ikkontestat

9        Ir-rikorrenti, Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd, hija kumpannija stabbilita fiċ-Ċina li tipproduċi żraben.

10      L-importazzjonijiet ta’ żraben li ġejjin miċ-Ċina li jaqgħu f’ċerti kategoriji tan-Nomenklatura Magħquda kienu suġġetti għal sistema ta’ kwoti kwantitattivi li skadiet fl-1 ta’ Jannar 2005.

11      Wara ilment ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2005 mill-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam. L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2005 (ĠU C 166, p. 14, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ bidu ta’ proċedura”).

12      Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 553/2006 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam (ĠU L 98, p. 3, iktar ’il quddiem ir- “Regolament provviżorju”).

13      Skont il-premessa 9 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tal-provi rilevanti sabiex jiġi evalwat id-dannu beda fl-1 ta’ Jannar 2001 u ntemm fil-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”).

14      Peress illi huwa meħtieġ li jiġi stabbilit valur normali tal-prodotti tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiti li għalihom il-MET jista’ ma jingħatax, saret żjara ta’ verifika fil-bini ta’ tliet kumpanniji Brażiljani. Iż-żjara ta’ verifika kienet maħsuba sabiex tistabbilixxi l-valur normali fuq il-bażi ta’ data li tikkonċerna pajjiż simili, li f’dan il-każ kien ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil (premessa 8 tar-Regolament provviżorju).

15      Mill-premessa 57 tar-Regolament provviżorju jirriżulta li, fil-kuntest li jiġi stabbilit id-dumping, il-Kummissjoni rrikorriet għat-teknika tat-teħid ta’ kampjun stabbilit mill-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, hija ħadet kampjun li kien jinkludi tlettax-il produttur-esportatur Ċiniż li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Komunità Ewropea. Skont il-premessa 8(ċ) tar-Regolament provviżorju, ir-rikorrenti hija l-ħames kumpannija fil-lista tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kienet inkluża fil-kampjun.

16      Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 130 tar-Regolament provviżorju, li, meta l-bejgħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità twettaq minn kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti li aġixxew bħala intermedjarji, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-prodott mibjugħ għall-esportazzjoni lill-kumpanniji ta’ kummerċ mill-produtturi kkonċernati, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 4 iktar ’il fuq).

17      Skont il-premessa 131 tar-Regolament provviżorju, il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġie kkalkolat skont il-livell meta l-prodott ħareġ mill-fabbrika. Għall-finijiet ta’ paragun ġust, tqisu, fil-forma ta’ aġġustamenti, id-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (premessa 132 tar-Regolament provviżorju).

18      Fir-rigward tad-dannu, il-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, il-livell tat-traħħis tal-prezzijiet tal-importazzjoni. Għal dan l-għan, il-prezzijiet tal-importazzjoni CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, wara d-dazju, ġew aġġustati b’żieda sabiex jitqiesu l-ispejjeż li l-importaturi jbatu fil-Komunità, bħalma huma dawk marbuta mal-iżvilupp, mal-għażla tal-materja prima, eċċ, u ġew imqabbla mal-prezzijiet tal-industrija Komunitarja fil-livell meta l-prodott ħareġ mill-fabbrika u fl-istess stadju kummerċjali. Dan il-paragun wassal għal marġni tat-traħħis ta’ 12.8 % għaż-żraben li joriġinaw miċ-Ċina (premessi 167 u 168 tar-Regolament provviżorju).

19      B’ittra tas-7 ta’ April 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku rispettivament, bagħtet lir-rikorrenti kopja tar-Regolament provviżorju u dokument bl-informazzjoni dwar id-dettalji li jenfasizzaw il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġew imposti dazji antidumping provviżorji. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex sat-8 ta’ Mejju 2006 tibagħtilha l-kummenti eventwali tagħha dwar dawn id-dokumenti.

20      B’posta elettronika tas-27 ta’ April 2006, ir-rikorrenti ilmentat min-natura lakunarja tal-informazzjoni mniżżla fid-dokument interim ta’ informazzjoni billi tefgħat l-enfasi fuq id-data marbuta mal-aġġustamenti tal-prezzijiet sabiex id-dumping jiġi kkalkolat u fuq id-data marbuta mal-livell tat-traħħis. Ir-rikorrenti reġgħet sostniet dawn l-oġġezzjonijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha tat-8 ta’ Mejju 2006.

21      B’posta elettronika tas-16 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti enfasizzat, b’mod partikolari, li l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha b’15 % għall-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp kien inqas mill-ispejjeż li effettivament sofriet, peress illi huwa ma qisx l-ispejjeż u l-marġni sinjifikattivi tal-kumpanniji ta’ kummerċ, li permezz tagħhom ċerti produtturi Ċiniżi jittrasportaw il-merkanzija tagħhom lejn is-suq Ewropew.

22      B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikoli 20(2) sa (4) tar-Regolament bażiku, bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni fuq il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġiet proposta l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi.

23      Taħt il-kapitolu Ħ ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni esponiet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri antidumping definittivi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien ser jipproponi. Fir-rigward tat-tip ta’ miżuri, il-Kummissjoni osservat, l-ewwel nett, illi l-impenji min-naħa tal-produtturi li ma jbiegħux inqas mill-prezz li kien jelimina d-dannu sinjifikattiv li l-industrija Komunitarja batiet ma jikkostitwixxux miżuri adegwati, u, it-tieni nett, li kien hemm lok li tiġi applikata sistema ta’ dazji differenti (punti 278 sa 291 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

24      F’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ dazji differenti, il-Kummissjoni osservat illi l-volum ta’ importazzjonijiet kellu effett ta’ dannu sinjifikattiv fuq l-industrija Komunitarja mill-1 ta’ Jannar 2005, jiġifieri mid-data meta skadiet is-sistema ta’ kwoti (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Fil-fatt, matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2005, inkluż fil-perijodu ta’ investigazzjoni (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), l-industrija Komunitarja ġarrbet, proporzjonalment, it-tnaqqis l-iktar sinjifikattiv matul il-perijodu kkunsidrat f’dak li jirrigwarda diversi indikaturi ekonomiċi, bħalma huma d-dħul, il-prezz tal-bejgħ, il-partijiet fis-suq, il-bejgħ, l-impjieg u l-produzzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari għall-element kwantitattiv tal-prattiki tad-dumping sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu. B’hekk, hija qieset illi l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum biss kienu l-għajn tad-dannu u li, għalhekk, intervenzjoni fil-forma ta’ dazji ad valorem ma kinitx meħtieġa sabiex il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni leali jerġgħu jiġu stabbiliti. Għaldaqstant, dazji antidumping għandhom jiġu applikati biss għall-kwantitajiet ta’ prodotti li jmorru lil hinn minn ċertu volum fis-sena. F’din il-kawża, tali sistema ta’ dazji differenti għandha tkun biżżejjed sabiex telimina d-dannu sa fejn din tikkunsidra l-effetti tas-sistema ta’ kwoti u tibbilanċja l-interessi tal-partijiet ikkonċernati. B’hekk id-dazji antidumping proposti għandhom jiġu applikati għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan il-volum jirrifletti l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-importazzjonijiet li oriġinaw miċ-Ċina fl-2005 filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-kwantitajiet importati fl-2004 (punti 285 sa 287 u 291 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

25      B’hekk, il-Kummissjoni pproponiet l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv, ekwivalenti għall-marġni ta’ eliminazzjoni tad-dannu, fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan il-marġni ġie stabbilit fuq il-livell tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment, jiġifieri 23 % (punt 293 tad-dokument finali ta’ informazzjoni).

26      B’ittra tal-10 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ssupplimentat id-dokument finali ta’ informazzjoni b’kunsiderazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dawk relatati mal-għoti ta’ MET, dwar il-kalkolu tal-valur normali kif ukoll dwar il-kalkolu tad-dannu. Fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali, u sabiex tistabbilixxi l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-Kummissjoni indikat li ser tuża d-data li ġejja mill-kontijiet tar-rikorrenti. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi, tal-ispejjeż l-oħra ġenerali u l-marġni tal-qligħ, il-Kummissjoni użat data li ġejja minn żewġ impriżi oħra Ċiniżi li għamlu bejgħ domestiku rappreżentattiv u li bbenefikaw minn MET fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet reċenti. Mill-kalkolu rriżulta marġni tad-dumping ta’ 9.7 %.

27      Fir-rigward tal-kalkolu tad-dannu, il-Kummissjoni indikat, fl-ittra tal-10 ta’ Lulju 2006, li kien impossibbli li jiġi kkunsidrat, sabiex jiġi stabbilit il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, u għalhekk, il-marġni tat-traħħis, il-marġni tal-qligħ tal-kumpannija ta’ kummerċ li ttrasportat l-merkanzija tar-rikorrenti lejn is-suq Komunitarju, peress illi din il-kumpannija ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-marġni tal-qligħ ma huwiex meħtieġ, peress illi l-Kummissjoni, sabiex tnaqqas l-ispejjeż sostnuti minn din il-kumpannija ta’ kummerċ, kienet naqset il-valur normali stabbilit abbażi tad-data li ġejja mill-Brażil (kummerċjalizzazzjoni, riċerka u żvilupp, eċċ.). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex sat-18 ta’ Lulju tibgħatilha l-kummenti tagħha.

28      Ir-rikorrenti ppreżentat l-kummenti tagħha, b’mod partikolari, b’ittra tat-18 ta’ Lulju 2006 u kkontestat kemm il-mod ta’ kif ġie kkalkolat l-valur normali, kif ukoll l-iffissar tal-prezz tal-importazzjoni CIF fil-fruntiera tal-Komunità, li, fl-opinjoni tagħha, kellu jiġi miżjud bil-marġni tal-qligħ magħmul mill-kumpannija ta’ kummerċ li ttrasportat l-merkanzija tagħha fis-suq Komunitarju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta mill-fatt li l-Kummissjoni ma tagħthiex id-data f’ċifri li serviet bħala bażi għall-kalkoli tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u tal-ispejjeż l-oħra ġenerali kif ukoll tal-marġni tal-qligħ u lanqas is-setturi ta’ attività tal-impriżi li mingħandhom ħarġet din id-data.

29      B’ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Skont l-ewwel żewġ paragrafi tiegħu, dan id-dokument kellu l-għan li jinforma lill-partijiet ikkonċernati b’bidla fil-konfigurazzjoni tad-dazji antidumping definittivi li kienu ser jiġu proposti. Id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kummerċ” tal-Kummissjoni kien eżamina l-osservazzjonijiet ippreżentati minn ċerti partijiet ikkonċernati dwar is-sistema ta’ dazji differenti inizjalment maħsuba (ara l-punti 23 sa 25 iktar ’il fuq). Permezz ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni abbandunat l-idea ta’ din is-sistema. Fil-kuntest tal-approċċ ġdid tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li ż-żieda vera ta’ dannu mill-importazzjonijiet seħħet matul is-sena 2004 u baqgħet sejra sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, u li l-2005 kienet l-ewwel sena li matulha l-importazzjonijiet ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina ma baqgħux suġġetti għas-sistema ta’ kwoti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu billi bbażat ruħha fuq l-importazzjonijiet li oriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam fl-2003, jiġifieri 109 miljun par żarbun. Skont dan l-approċċ ġdid, l-impatt ekonomiku ta’ dan il-volum għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi stabbilit il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. B’hekk, minn naħa, il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu tnaqqas sabiex jitqies il-volum tal-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu, u min-naħa l-oħra, id-dazji definittivi ġew applikati mill-ewwel par importat. Skont dan il-metodu, li jistabbilixxi erba’ stadji li huma mniżżla f’dan id-dokument, il-Kummissjoni kkonkludiet, għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, u fuq il-bażi tar-“regola tal-inqas dazju”, l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv ugwali għal-livell meħtieġ sabiex jiġi eliminat id-dannu, li f’dan il-każ kien ta’ 16.5 %. Madankollu, fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ żraben immanifatturati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni pproponiet, dejjem skont ir-“regola tal-inqas dazju”, li jiġi impost dazju ta’ 9.7 %, jiġifieri daqs il-marġni tad-dumping tiegħu.

30      Għall-finijiet tal-formalizzazzjoni ta’ din il-proposta ġdida, il-Kummissjoni hemżet, mal-ittra tat-28 ta’ Lulju 2006, il-punti li kellhom jitniżżlu taħt il-kapitolu l-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni u li jissostitwixxu dawk imniżżla taħt il-kapitolu li jikkorrispondi għal dan tal-aħħar (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni esponiet, fil-punti 278 u 279 li kellhom jitniżżlu taħt il-kapitolu l-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni, li huma biss l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum qabel ma s-sistema ta’ kwoti skadiet li setgħu jikkawżaw dannu sinjifikattiv, u dan minkejja l-fatt, fil-kuntest li jiġi stabbilit il-livell ġdid tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi tar-riżultati tal-perijodu ta’ investigazzjoni, li ċerti kwantitajiet importati li ma kkawżawx dannu kellhom jiġu kkunsidrati. Għaldaqstant, il-kwantitajiet li ma kkawżawx dannu sinjifikattiv kellhom jitqiesu fl-iffissar tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu. Fil-punt 280 tal-istess dokument, il-Kummissjoni spjegat il-metodu li ġie implementat.

31      B’posta elettronika tat-2 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali billi osservat illi, madankollu, la ż-żmien mogħti u lanqas l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni ma kienu, f’dan ir-rigward, biżżejjed.

32      B’ittra tat-22 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-impriżi li mingħandhom ħarġet id-data dwar l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż l-oħra ġenerali kif ukoll il-marġni tal-qligħ jaqgħu taħt is-setturi tal-prodotti kimiċi u tal-inġenerija. F’din l-ittra, il-Kummissjoni kkonfermat li, għalkemm hemm differenza f’dawn is-setturi, id-data użata kienet “raġonevoli” u “li tista’ tkun pparagunata mat-tipi ta’ spejjeż sostnuti” mir-rikorrenti.

33      Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1472/2006, [li] jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam (ĠU L 352M, p. 485, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”). Bis-saħħa tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostutwita, bl-esklużjoni taż-żraben tal-isports, taż-żraben b’teknoloġija speċjali, tal-papoċċi u ta’ żraben oħra ta’ ġewwa u ta’ żraben b’maskretta protettiva li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqgħu taħt diversi subtitoli tan-Nomenklatura Magħquda (Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat). Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat, dan kien applikabbli għal perijodu ta’ sentejn.

34      Skont il-premessi 71 u 72 tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti, li ġiet inkluża fil-kampjun tal-produtturi Ċiniżi li lilhom kienet tirrigwarda l-investigazzjoni, ingħatalha l-MET. Dan l-istatus kien ġie rrifjutat lir-rikorrenti fl-istadju tar-Regolament provviżorju għaliex ma kinitx libera li tiddetermina l-kwantitajiet tal-bejgħ tagħha mingħajr indħil sinjifikattiv mill-Istat. Madankollu, ir-rikorrenti pproduċiet provi li urew li din iċ-ċirkustanza ma kinitx ġiet stabbilita.

35      Skont il-premessa 98 tar-Regolament ikkontestat, il-kalkolu tal-valur normali tar-rikorrenti kellu jiġi stabbilit fuq il-bażi tad-data marbuta mal-bejgħ intern tiegħu u mal-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu. Madankollu, skont il-premessa 99 tar-regolament ikkontestat, fin-nuqqas ta’ bejgħ fis-suq intern Ċiniż matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-valur normali ma setax jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet interni tar-rikorrenti, kif jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-ebda produttur Ċiniż ieħor inkluż fil-kampjun ma kien kiseb MET, fatt li kien renda l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) impossibbli, l-istituzzjonijiet kellhom jistabbilixxu l-valur normali fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tar-rikorrenti miżjuda b’ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u għall-ispejjeż l-oħra ġenerali kif ukoll għall-marġni ta’ qligħ raġonevoli, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku (premessi 100 u 101 tar-Regolament ikkontestat).

36      Peress illi r-rikorrenti ma wettaq l-ebda bejgħ intern u li l-ebda produttur Ċiniżi ieħor ma kiseb MET l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż l-oħra ġenerali u l-marġni tal-qligħ kellhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ metodu raġonevoli, skont l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kellha tuża data li ġejja minn produtturi-esportaturi oħra Ċiniżi li kienu kisbu, fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet oħra, MET u li kienu wettqu bejgħ intern matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku (premessi 102 u 103 tar-Regolament ikkontestat).

37      Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni u l-paragun tiegħu mal-valur normali, il-Kunsill ikkonferma, fil-premessi 123 u 138 tar-Regolament ikkontestat, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessi 128 sa 133 tar-Regolament provviżorju (ara l-punti 16 u 17 iktar ’il fuq).

38      Skont il-premessa 146 tar-Regolament ikkontestat, il-marġni tad-dumping f’perċentwali tal-prezz tal-importazzjoni CIF fil-fruntiera tal-Komunità ġie stabbilit għar-rikorrenti fl-ammont ta’ 9.7 %.

39      Fir-rigward tat-traħħis tal-prezzijiet, il-Kunsill kellu jnaqqas l-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjoni (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), minħabba l-fatt li, b’mod partikolari, il-parti l-kbira tal-importaturi ma stabbilixxewx bi provi l-affermazzjoni li l-ispejjeż tagħhom għar-riċerka u għall-iżvilupp laħqu l-ammont maħsub fl-istadju provviżorju. B’hekk, il-Kunsill ipproċeda b’kalkolu ġdid li wassal għal marġni ta’ traħħis tal-prezzijiet ta’ 13.5 % għaż-żraben li joriġinaw miċ-Ċina (premessi 180 sa 182 tar-Regolament ikkontestat).

40      Fir-rigward tal-livell ta’ dazju meħtieġ sabiex id-dannu kkawżata mill-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina jiġi eliminat, il-Kunsill spjega, fil-premessi 296 sa 301 tar-Regolament ikkontestat, filwaqt li rrefera għall-punti 275 sa 280 tal-kapitolu l-ġdid Ħ tad-dokument finali ta’ informazzjoni u mehmuż mad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, illi kien hemm lok li l-partikolaritajiet tal-proċedura preżenti jitqiesu, u b’mod partikolari l-fatt illi sal-1 ta’ Jannar 2005 kien hemm is-sistema ta’ kwoti. Peress illi s-sistema ta’ kwoti ma kkawżatx dannu sinjifikattiv lill-industrija Komunitarja, minkejja li ż-żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza ta’ din is-sistema kellha effett partikolarment dannuż, il-Kunsill qies illi huma biss l-importazzjonijiet li jaqbżu ċertu volum qabel ma twaqqfet din is-sistema ta’ kwoti li setgħu jikkawżaw dannu sinjifikattiv. B’hekk, il-livell ta’ dannu, stabbilit fuq il-bażi tar-riżultati tal-perijodu ta’ investigazzjoni, għandu jqis il-fatt illi ċerti volumi ta’ importazzjonijiet ma kkawżawx dannu sinjifikattiv. Din l-operazzjoni, li kienet ibbażata fuq il-valur tal-volumi importati fl-2003, wasslet sabiex, għall-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, il-livell ta’ dannu jiġi stabbilit fl-ammont ta’ 16.5 % u dan minflok il-livell ta’ 23 % li kieku kien jiġi applikat, skont il-premessa 295 tar-Regolament ikkontestat, li kieku l-Kunsill ma kkunsidrax il-partikolaritajiet tal-kawża preżenti.

41      Madankollu, skont ir-“regola tal-inqas dazju” (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), il-livell tad-dazju definittiv tar-rikorrenti ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni tad-dumping tagħha, li kien inqas mil-livell tad-dazju meħtieġ sabiex jiġi eliminat id-dannu. B’hekk, ir-rata ta’ dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, għaż-żraben immanifatturati mir-rikorrenti ġiet stabbilita bħala 9.7 % (premessi 302, 323 u 324 u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament ikkontestat).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      B’rikors ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-21 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

43      B’att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-2 ta’ April 2007, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f’dawn il-kawżi insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

44      B’att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-5 ta’ April 2007, is-CEC talbet li tintervjeni f’dawn il-kawżi insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

45      B’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2007, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali, aċċetta t-talbiet għal intervent ippreżentati mill-Kummissjoni u mis-CEC.

46      Is-CEC ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-17 ta’ Awwissu 2007.

47      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat mat-Tmien Awla, u għalhekk, il-kawża preżenti ġiet assenjata lilha.

48      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u l-Kunsill intalbu jwieġbu żewġ domandi bil-miktub.

49      B’ittri rċevuti fit-2 ta’ Frar 2009, dawn il-partijiet issodisfaw il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali.

50      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, instemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Frar 2009.

51      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn huwa jirrigwardha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

52      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

53      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

54      Is-CEC titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż marbuta mal-intervent tagħha.

 Id-dritt

55      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba’ motivi bbażati rispettivament fuq:

–        ksur tal-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku u ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping tagħha;

–        ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tat-tip tad-dazji definittivi applikati;

–        żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping

 L-argumenti tal-partijiet

56      Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku peress illi, sabiex tistabbilixxi l-marġni tal-qligħ tar-rikorrenti, hija użat il-marġni tal-qligħ ta’ żewġ esportaturi Ċiniżi li ġejjin minn setturi totalment differenti minn tagħha.

57      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li d-dazju antidumping ta’ 9.7 % applikat għall-prodotti tagħha ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni tad-dumping individwali tagħha, skont ir-“regola tal-inqas dazju” (ara l-punti 7 u 41 iktar ’il fuq).

58      F’din il-kawża, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-qligħ tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-qligħ medju li jirriżulta minn żewġ proċeduri antidumping preċedenti li jirrigwardaw is-setturi tal-prodotti kimiċi u tal-inġenerija. Issa, huwa ċar li ż-żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda ma jaqgħux fl-istess kategorija ġenerali tal-prodotti kimiċi jew tal-inġenerija, fatt li l-Kunsill ma tikkontestahx. Il-Kummissjoni aċċettat, fil-korrispondenza tagħha, li l-imsemmija setturi kienu differenti minn dak taż-żraben.

59      L-istituzzjonijiet kienu wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta użaw il-marġni tal-qligħ irreġistrati fiż-żewġ setturi msemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, huma setgħu jużaw kemm il-marġni tal-qligħ tar-rikorrenti fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha (6.7 %), kif ukoll il-marġni tal-qligħ ta’ mill-inqas wieħed mill-produtturi inklużi fil-kampjun li jwettaq bejgħ sinjifikattiv fis-suq Ċiniż u li ma kisibx l-MET “biss fuq il-bażi ta’ konfużjoni dwar l-Istatut ta’ Assoċjazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni għandha tispjega għaliex il-konstatazzjonijiet tagħha dwar l-Istatut ta’ din l-aħħar kumpannija għamlu inaffidabbli d-data tal-kontijiet tagħha dwar il-marġni tal-qligħ tagħha magħmul fis-suq Ċiniż. Barra minn hekk, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li, fil-kuntest tar-rikors ippreżentati mill-produtturi mhux inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni kellha teżamina t-talbiet tagħhom maħsuba sabiex jiksbu MET jew trattament individwali (iktar ’il quddiem “IT”), l-istituzzjonijiet kienu jistgħu jużaw il-marġni tal-qligħ ta’ dawn il-produtturi mhux inklużi fil-kampjun. L-argument li l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu iktar importanza lis-suq ġeografiku u jibbażaw ruħhom, għalhekk, fuq il-bejgħ tal-prodotti differenti mwettaq fiċ-Ċina minflok fuq il-bejgħ ta’ prodotti simili mwettaq f’pajjiżi barranin huwa, għalhekk, infondat. Fil-fatt, il-Kunsill ma weriex l-eżistenza ta’ differenza sostanzjali fil-marġni tal-qligħ skont id-destinazzjoni tal-prodotti. B’hekk, l-istituzzjonijiet la qisu l-fatti rilevanti kollha u lanqas evalwaw il-provi tal-proċess bid-diliġenza meħtieġa sabiex jiġi stabbilit il-valur normali b’mod raġonevoli.

60      Il-Kummissjoni kisret ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi naqset milli tinformaha, f’terminu raġonevoli, bl-intenzjoni tagħha li tuża l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż l-oħra ġenerali u l-marġni tal-qligħ ta’ operaturi li ġejjin minn setturi differenti minnha, u għamlet dan mingħajr ma mmotivat b’mod xieraq iċ-ċaħda tal-metodu raġonevoli propost mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-għażla tagħha li tuża d-data ta’ impriżi li jaqgħu fis-setturi tal-prodotti kimiċi u tal-inġenerija biss fit-22 ta’ Awwissu 2006, jiġifieri wara li skada t-terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Il-fatt li ma ġewx ikkomunikati d-dettalji dwar l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi, l-ispejjeż l-oħra ġenerali u l-marġni tal-qligħ li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tagħmel il-kalkoli, u dan minkejja l-fatt li r-rikorrenti talbithom, jikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. B’hekk, il-Kummissjoni ma poġġietx lir-rikorrenti f’pożizzjoni fejn hija tkun taf b’mod utli l-perspettiva tagħha fuq ir-realtà, ir-rilevanza u n-natura raġonevoli tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u fuq il-provi mressqa minnha fir-rigward tal-eżistenza tad-dumping u tad-dannu. Il-Kummissjoni setgħet tikkomunika dawn il-provi billi ma ssemmix l-isem tal-kumpanniji li pprovdewlha dawn il-provi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni la informat lir-rikorrenti bil-pożizzjoni tagħha li l-marġni tal-qligħ magħmul fuq il-bejgħ intern seta’ jkun differenti minn dak magħmul fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni, peress illi, skont il-Kummissjoni, id-destinazzjoni tal-prodotti tilgħab, f’dan ir-rigward, rwol determinanti, u lanqas ikkomunikat il-provi li juru l-eżistenza tat-tali differenza.

61      Ir-rikorrenti ssostni li, minn 152 talba għal MET/IT, il-Kummissjoni eżaminat biss tnax, u dan il-fatt ipprivaha minn data rilevanti li tista’ tiġi użata għall-finijiet tal-kalkolu tal-marġni tal-qligħ tagħha.

62      Fil-każ li l-argument sekondarju tal-Kunsill li jirrigwarda l-marġni tad-dumping, jintlaqa’ (ara l-punt 75 iktar ’il quddiem), ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma pproduċa l-ebda prova li ssostni l-marġni proposta ta’ 2.6 %. Madankollu, ir-rikorrenti ddikjarat ruħha lesta li tieħu pożizzjoni fuq ir-rata tad-dazju antidumping sakemm il-Kunsill iressaq informazzjoni ddettaljata f’dan ir-rigward.

63      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku

64      Għandu jiġi mill-ewwel osservat illi l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku jagħti lill-istituzzjonijiet marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex jagħżlu l-metodu li bih huma jipproċedu għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u tal-ispejjeż l-oħra ġenerali u tal-marġni tal-qligħ fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali maħdum.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja jirrigwarda l-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12, u tad-29 ta’ Mejju 1997, Rotexchemie, C‑26/96, Ġabra p. I‑2817, punt 11; sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 62).

66      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li dan il-metodu għandu jkun raġonevoli. B’hekk, il-qorti Komunitarja tista’ tikkonstata żball manifest ta’ evalwazzjoni marbut mal-metodu magħżul biss jekk dan ma jkunx raġonevoli. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ metodi oħra raġonevoli li setgħu jiġu segwiti f’dan ir-rigward ma taffettwax il-legalità ta’ dak effettivament magħżul, għaliex, f’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja ma tistax tissottitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-istituzzjonijiet.

67      Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku jirriżulta li, meta l-istituzzjonijiet japplikaw din id-dispożizzjoni sabiex jikkalkolaw marġni tal-qligħ raġonevoli, huma ma humiex obbligati li jużaw data marbuta ma’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali, iżda għandhom jiżguraw li l-marġni tal-qligħ stabbilit skont metodu raġonevoli ma jaqbiżx il-marġni tal-qligħ magħmul meta l-prodotti tal-istess kategorija ġenerali jinbiegħu.

68      B’hekk, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni li l-użu ta’ data li ġejja mis-setturi tal-prodotti kimiċi u tal-inġenerija tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku minħabba l-fatt illi l-prodotti korrispondenti ma jaqgħux fl-istess kategorija ġenerali taż-żraben.

69      Kif isostni l-Kunsill, hemm lok li jiġi osservat li l-għażla tal-metodu użat saret fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-marġni tal-qligħ magħmula fis-suq intern. Issa, peress li l-qligħ tar-rikorrenti seħħ mill-bejgħ tal-esportazzjoni, filwaqt li l-impriżi l-oħra inklużi fil-kampjun ma ngħatalhomx l-MET, l-istituzzjonijiet kellhom id-dritt li jqisu li d-data marbuta mal-marġni tal-qligħ tagħhom ma kinitx tikkostitwixxi bażi ta’ kalkolu affidabbli. B’hekk, l-istituzzjonijiet ma kellhom l-ebda data vverifikata dwar il-bejgħ domestiku taż-żraben fil-kundizzjonijiet tas-suq fiċ-Ċina. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet kellhom ukoll id-dritt li jqisu li l-użu tal-marġni tal-qligħ iffissat ta’ 6 % magħmul mill-industrija Komunitarja fis-suq proprju tagħha, kif issuġġeriet ir-rikorrenti, ma kienx ta’ natura li jirrifletti l-marġni tal-qligħ magħmul mill-produtturi Ċiniżi fis-suq intern tagħhom u, b’hekk, kellhom id-dritt li jippreferu l-influwenza tal-post tal-bejgħ tal-prodott fuq l-imsemmi marġni.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu, billi jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa u fid-dawl tad-data affidabbli u verifikabbli li huma seta’ kellhom, metodu li jippermetti l-kalkolu raġonevoli tal-marġni tal-qligħ.

71      B’hekk, l-istituzzjonijiet setgħu jqisu, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li ngħatalhom mill-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku, li kien iktar raġonevoli li tintuża informazzjoni marbuta mal-qligħ magħmul fis-suq Ċiniż minn impriżi tal-istess daqs bħal tar-rikorrenti, li la batew l-ispejjeż tal-bejgħ u lanqas l-ispejjeż ġenerali partikolarment għolja, li kisbu wkoll MET matul investigazzjonijiet reċenti fuq prodotti li ma humiex żraben, u li tagħhom l-istituzzjonijiet kellhom data affidabbli, milli dik relatata mal-qligħ magħmul mill-bejgħ ta’ żraben fuq swieq totalment differenti. Issa, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li juru li din il-kunsiderazzjoni kienet ivvizjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, il-metodu użat kien il-metodu l-iktar xieraq li kien disponibbli għall-finijiet tal-iffissar ta’ marġni tal-qligħ raġonevoli.

72      Fir-rigward tal-proposta tar-rikorrenti dwar l-użu ta’ data marbuta mal-industrija Komunitarja, għandu jiġi kkonstatat, kif isostni l-Kunsill, li s-suq Komunitarju taż-żraben ma huwiex komparabbli mas-suq Ċiniż u, barra minn hekk, is-suq Komunitarju sofra distorsjoni minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi u Vjetnamiti li kienu s-suġġett ta’ dumping.

73      Peress li r-rikorrenti ma tindikax għaliex id-deċiżjoni li ma jiġux eżaminati t-talbiet għal MET/IT hija vvizzjata minn illegalità, l-argument, li l-Kummissjoni ma qisitx l-informazzjoni ppreżentata mill-kumpanniji li ma ġewx inklużi fil-kampjun u li t-talbiet tagħhom għal MET/IT ma ġewx, għalhekk, eżaminati, ma jistax jiġi aċċettat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tal-lum, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill (T‑401/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 83 sa 105), li din id-deċiżjoni kienet skont ir-Regolament bażiku.

74      Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku, l-ammont li jikkorrispondi għall-qligħ stabbilit skont metodu ieħor raġonevoli ma għandux jaqbeż il-qligħ normalment magħmul meta prodotti tal-istess kategorija ġenerali jinbiegħu fis-suq intern tal-pajjiż oriġinali, dan ma jfissirx li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-istituzzjonijiet huma pprojbiti milli jistabbilixxu marġni tal-qligħ jekk huma ma għandhomx bażi ta’ kalkolu affidabbli fir-rigward tal-marġni tal-qligħ magħmul meta prodotti tal-istess kategorija ġenerali jinbiegħu.

75      B’hekk, jirriżulta li din il-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża

76      Hemm lok li jiġi mill-ewwel osservat li, fl-Anness II tal-ittra tagħha tal-10 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bir-rati medji tal-ispejjeż tal-bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u tal-ispejjeż l-oħra ġenerali kif ukoll bil-marġni tal-qligħ u żiedet tgħid li din id-data ġejja minn impriżi Ċiniżi li wettqu bejgħ domestiku li huwa rappreżentattiv u li ngħatalhom MET. Barra minn hekk, bl-ittra tagħha tat-22 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bis-setturi li minnhom ġejjin l-impriżi li minnhom tirriżulta l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż l-oħra ġenerali kif ukoll il-marġni ta’ qligħ. Fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-użu ta’ din id-data kien iġġustifikat peress illi l-impriżi kkonċernati kienu tal-istess daqs bħal dak tar-rikorrenti, li la batew l-ispejjeż tal-bejgħ u lanqas l-ispejjeż ġenerali partikolarment għolja, li kienu kisbu wkoll MET matul investigazzjonijiet reċenti, li l-marġni tal-qligħ tagħhom kien jidher simili u li f’din il-kawża l-ebda data oħra dwar il-bejgħ domestiku tal-industrija taż-żraben Ċiniża ma kienet disponibbli.

77      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies illi, bl-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni rrispondiet għat-talbiet ta’ informazzjoni addizzjonali tar-rikorrenti dwar iċ-ċifri marbuta mal-ispejjeż ġenerali u l-marġni tal-qligħ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli hija ma kkomunikatilhiex is-setturi li minnhom kienu ġejjin l-impriżi li d-data tagħhom intużat, wara li kien skada t-terminu stabbilit għall-preżentata tal-osservazzjonijiet dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Fil-fatt, mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku ma jirriżultax li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħti terminu minimu ta’ għaxart’ijiem lill-partijiet ikkonċernati sabiex jifformulaw il-kummenti tagħhom fuq l-ittra li ntbagħtitilhom bi tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni finali. Dan kien ikun il-każ kieku l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2006 kienet tinkludi “fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi” fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku.

78      Issa, għandu jiġi osservat li l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni ħasbet li tirrakkomanda l-miżuri definittivi ġew żvelati lir-rikorrenti fid-dokument finali ta’ informazzjoni u fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Min-naħa l-oħra, l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2006 ma tinkludi l-ebda spjegazzjoni addizzjonali. Fil-fatt, l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2006 la tinkludi emenda u lanqas bidla żgħira fl-approċċ tal-Kummissjoni.

79      Għandu jingħad ukoll li l-fatt li r-rikorrenti sostniet, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Lulju 2006, li l-livell tal-marġni tal-qligħ użat mill-Kummissjoni sabiex jiġi stabbilit il-valur normali kien wisq ogħli, fir-rigward tad-data li fl-opinjoni tagħha kienet raġonevoli għall-industrija taż-żraben, jixhed li hija kienet taf li d-data inkwistjoni kienet ġejja minn setturi differenti minn dak taż-żraben.

80      Barra minn hekk, mill-punti 68 sa 74 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tuża data marbuta ma’ prodotti li jaqgħu fl-istess kategorija ġenerali. Għaldaqstant, l-argument essenzjali tar-rikorrenti mressaq fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Lulju 2006 u li reġgħet sostnietu matul is-seduta, li l-aċċess għad-data inkwistjoni għandu jippermettilha tevalwa jekk din id-data tirrigwardax effettivament prodotti li jaqgħu fl-istess kategorija ġenerali, ma għandux jintlaqa’.

81      L-argument tar-rikorrenti, li l-fatt li ma ġiet ikkomunikata d-data li fuqha tfasslu l-kalkoli tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża, lanqas jista’ jiġi milqugħ. Għandu jiġi kkonstatat, u mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq in-natura kunfidenzjali tal-imsemmija data, invokata mill-Kunsill, li din id-data ma kinitx indispensabbli għar-rikorrenti sabiex teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti stess issuġġeriet lill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ data li hija qieset bħala raġonevoli u attwali, rati medji għall-ispejjeż tal-bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż l-oħra ġenerali kif ukoll marġni tal-qligħ li fil-kuntest tal-kalkolu alternattiv tagħha għall-valur normali, li huwa inkluż fl-ittra tat-18 ta Lulju 2006 u f’dik ta’ qabel, kien, fl-opinjoni tagħha, iwassal sabiex ma jiġi stabbilit l-ebda marġni ta’ dumping fir-rigward tagħha.

82      Fi kwalunkwe każ, xejn ma pprekluda lir-rikorrenti, wara l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2006, milli tissottometti kummenti lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, l-argument imressaq mir-rikorrenti li, li kieku hija kienet informata fi stadju iktar kmieni tal-proċedura, bl-għażla tas-setturi meħuda inkunsiderazzjoni, hija kienet tkun tista’ tipprova tikseb id-data li tippermettilha tispjega r-raġunijiet għaliex il-marġni tal-qligħ irreġistrati f’dawn is-setturi kienu ogħla minn dawk irreġistrati fl-industrija taż-żraben, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li turi lill-Qorti Ġenerali li wara li rċeviet l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Awwissu 2006 hija kienet bdiet il-proċess intiż sabiex tikseb id-data meħtieġa.

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura.

84      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

 L-argumenti tal-partijiet

85      Ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni pproċediet bil-kalkolu tal-marġni tad-dannu individwali li tirriżulta mill-esportazzjoni tagħha lejn is-suq Komunitarju. Fir-rigward tal-iffissar tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha għall-finijiet tal-kalkolu tad-dannu, il-Kunsill ma qisx, fir-Regolament ikkontestat, il-fatt li hija tbigħ il-prodotti tagħha lil kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti li għandhom ir-rwol ta’ intermedjarji bejn il-produtturi Ċiniżi u d-distributuri stabbiliti fis-suq Ewropew. Ir-riżultat ta’ dan in-nuqqas huwa li l-prezz tal-esportazzjoni huwa inqas mill-prezz reali u, għalhekk, il-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet (u għalhekk tad-dannu) huwa artifiċjalment sopravalutat.

86      Skont ir-rikorrenti, il-kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti, bħalma hija l-kumpannija Pagoda, li hija kumpannija ta’ kummerċ intermedjarja responsabbli minn bejgħ sinjifikattiv lejn is-suq Komunitarju għal produtturi oħra Ċiniżi u Vjetnamiti taż-żraben u li tikkollabora magħha għall-bejgħ tal-prodotti tagħha lejn swieq oħra, ibatu parti sostanzjali tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ, b’mod partikolari fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-organizzazzjoni għall-esportazzjoni u tar-riċerka u tal-iżvilupp. Dawn l-ispejjeż, kif ukoll il-marġni tal-qligħ tal-kumpanniji ta’ negozju, kellhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità, u, għalhekk, li jiġi kkalkolat it-traħħis tal-prezzijiet u d-dannu li jirriżulta mill-esportazzjoni tar-rikorrenti.

87      Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet taf bir-rwol u bil-marġni tal-qligħ f’ċifri tal-kumpanniji ta’ kummerċ, l-affidabbiltà ta’ liema ċifri ma hijiex ikkontestata, hija naqset mill-obbligu tagħha li tipproċedi b’eżami oġġettiv tal-provi kollha rilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dannu, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 3 tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 (GATT) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 189), inkluż fl-Anness 1 A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ (WTO) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 82). Fil-fatt, kif ir-rikorrenti sostnew matul il-proċedura amministrattiva, huwa żbaljat li jintuża, għall-finijiet tal-kalkolu tad-dannu, prezz tal-esportazzjoni bbażat fuq il-prezz fob Ħong Kong mingħajr ma jiżdiedu miegħu l-ispejjeż rilevanti għall-iffissar tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità. B’hekk, il-fatt li jiżdiedu biss l-ispejjeż tal-assigurazzjoni u tat-trasport fil-prezz fob Ħong Kong, jagħti lok għal prezz tal-esportazzjoni li jkun inqas mill-prezz reali, fatt li jwassal ukoll għall-sopravalutazzjoni tal-marġni tat-traħħis.

88      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet sostniet, mingħajr ma mmotivat l-evalwazzjoni tagħha, li ma kienx hemm bżonn li jitqiesu l-marġni tal-kumpanniji ta’ kummerċ, għaliex id-data marbuta mal-valur normali miġbura fil-Brażil (ara l-punt 14 iktar ’il fuq) kienet ġiet imnaqqsa sabiex jitneħħew l-elementi tal-ispejjeż li din il-marġni hija intiża li tkopri (riċerka u żvilupp, kummerċjalizzazzjoni, eċċ). Issa, il-Kummissjoni la pprovdiet preċiżazzjoni oħra fir-rigward tal-elementi speċifiċi tal-ispejjeż inkwistjoni u lanqas spjegat għaliex id-data marbuta mal-valur normali miġbura fil-Brażil kienet rilevanti sabiex jiġi kkalkolat it-traħħis tar-rikorrenti, li kien kiseb MET u li ma kienx, għalhekk, ikkonċernat mid-data miġbura f’dan il-pajjiż. L-aġġustament ta’ 9.3 % tal-prezz tal-esportazzjoni magħmul mill-Kunsill bħala spejjeż għar-riċerka u għall-iżvilupp huwa, bħalma sostniet ir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, inqas mill-marġni tal-qligħ ta’ 38 % li tagħmel Novi, il-kumpannija ta’ kummerċ li tittrasporta l-merkanzija tar-rikorrenti lejn is-suq Ewropew. Barra minn hekk, dan l-aġġustament ma għandux l-għan li jqis l-irwol tal-kumpanniji intermedjarji ta’ kummerċ.

89      Billi, minn naħa, naqset milli tikkunsidra l-ispejjeż kollha sostnuti bejn il-prezz fob tar-rikorrenti u l-wasla tagħhom fil-fruntiera tal-Komunità, u, min-naħa l-oħra, billi ma qisitx il-marġni tal-qligħ tal-kumpanniji ta’ kummerċ indipendenti, bħalma hija Pagoda, il-Kummissjoni, b’hekk, wettqet kalkolu żbaljat tal-marġni tat-traħħis li jirrigwarda r-rikorrenti. Il-kalkolu korrett kien iwassal għal inqas dazju antidumping, jew saħansitra għall-ebda dazju antidumping. Il-fatt li l-produtturi Ewropej ma jużawx kumpanniji oħra għall-iżvilupp tal-mudelli, għall-kontrolli tal-kwalità, għall-innegozjar tal-prezzijiet, għal-loġistika, eċċ, ma jistax jiġġustifika li ma jitqisux l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Komunità għall-prodotti tagħha. Fil-fatt, huwa biss b’riferiment għal dan il-prezz CIF li tista’ tiġi evalwata l-eżistenza tat-traħħis.

90      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill kontra dan il-motiv (ara l-punti 91 u 92 iktar ’il quddiem) hija infondata, għaliex, fin-nuqqas ta’ kalkolu ġdid mill-Kummissjoni, hija tistrieħ fuq affermazzjonijiet li ma jistgħux jiġi vverfikati. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni rilevanti hija dwar jekk żieda fil-marġni addizzjonali tan-negozjant ta’ madwar 38 % fuq il-prezz CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, tar-rikorrenti kinitx twassal għal marġni ta’ dannu li hija inqas mill-marġni tad-dumping tar-rikorrenti, ħaġa li hija possibbli. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dan il-motiv, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxi l-Kunsill (ara l-punt 92 iktar ’il quddiem), ir-rikorrenti tissodisfa l-kundizzjonijiet proċedurali kollha meħtieġa mill-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

91      Il-Kunsill ifakkar illi, skont ir-“regola tal-inqas dazju” (ara l-punt 41 iktar ’il fuq), il-livell tad-dazju definittiv tar-rikorrenti ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġni tad-dumping tagħha (9.7 %), li huwa inqas mil-livell tad-dazju meħtieġ sabiex jiġi eliminat id-dannu (16.5 %). Għaldaqstant, it-tieni motiv jista’ jkollu effett fuq il-validità tar-Regolament ikkontestat biss jekk jintwera li l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu għandu jkun inqas mill-marġni tad-dumping tar-rikorrenti. Issa, il-marġni tat-traħħis u tad-dannu tar-rikorrenti, anki jekk jitqies il-marġni tal-qligħ ta’ Novi, jitilgħu għal 28 % u 20 % rispettivament. Għaldaqstant, l-imsemmi motiv huwa “ineffettiv u inammissibbli”.

92      Il-Kunsill isostni wkoll li, fir-rigward tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet proċedurali stabbiliti mill-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, ir-rikorrenti la tispjega l-fatti li fuqhom jistrieħ l-argument tagħha u lanqas tispjega kif l-istituzzjonijiet kienu aġixxew b’mod illegali, iżda tillimita ruħha billi ssostni affermazzjonijiet infondati. B’hekk il-motiv huwa inammissibbli.

93      Barra minn hekk, il-Kunsill jirrifjuta l-fondatezza legali ta’ dan il-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

94      Għandu jiġi mill-ewwel imfakkar illi l-konsegwenza tar-“regola tal-inqas dazju” hija li l-produttur li fuqu ġew imposti dazji antidumping ma jistax jikkontestahom fuq il-bażi li l-investigazzjoni kkonkludiet marġni ta’ dannu sopravalutata fil-każ fejn, meta l-marġni tad-dumping huwa inqas mill-marġni tad-dannu adottata b’mod żbaljat u mill-marġni tad-dannu reali, ir-rata tad-dazji ġiet stabbilita fuq il-livell tal-marġni tad-dumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Ottubru 1998, Brother Industries vs Il-Kunsill, 250/85, Ġabra p. 5683, punt 24).

95      F’din il-kawża, mill-ittra tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2006, u b’mod partikolari mill-anness tagħha li jiffoka fuq il-kalkolu tad-dannu, jirriżulta li t-traħħis marbut mal-mudell esportat mir-rikorrenti fis-suq tal-Komunità għola għal 32.3 %, filwaqt li t-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment għola għal 66 %. Ir-rikorrenti la kkontestat il-metodu u lanqas iċ-ċifri użati għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

96      Barra minn hekk, mill-argumenti fit-Titolu III tal-ittra tar-rikorrenti tat-18 ta’ Lulju 2006 jirriżulta li l-kumpanniji ta’ kummerċ, li permezz tagħhom il-produtturi Ċiniżi jittrasportaw il-merkanzija tagħhom lejn is-suq Ewropew, jagħmlu marġni tal-qligħ ta’ 25 sa 38 %. Skont ir-rikorrenti, dan il-marġni kellu jiżdied mal-prezz CIF tiegħu fil-fruntiera tal-Komunità, fatt li kellu jnaqqas id-differenza bejn dan l-aħħar prezz u l-prezzijiet tal-industrija Komunitarja u, għalhekk, il-marġni tat-traħħis.

97      Issa, mill-kalkoli li l-Kunsill wettaq fid-dokument mehmuż mal-kontrareplika jirriżulta li, anki li kieku l-marġni tal-qligħ ta’ 38 % li allegatament għamlet Novi kien jiżdied mal-prezz CIF, fil-fruntiera tal-Komunità, tar-rikorrenti, il-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment, li jqies il-kwantitajiet importati li ma jikkawżawx dannu sinjifikattiv, kien jiġi stabbilit għal 20.05 %, jiġifieri f’livell li jaqbeż dak tal-marġni tad-dumping tar-rikorrenti, li fuq il-bażi tagħha kien ġie stabbilit id-dazju definittiv (9.7 %, ara l-punt 41 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad ukoll li, anki jekk jitqies il-kalkolu alternattiv ippreżentat fil-kuntest tar-risposti tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, skont liema l-aġġustament addizzjonali ta’ 38 % isir wara l-aġġustament ta’ 17.30 % mwettaq fir-rigward ta’ dazji doganali, riċerka u żvilupp, eċċ, il-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment hekk stabbilit jitla’ għal 15.32 %, jiġifieri f’livell ogħla mil-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu.

98      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-rikorrenti ssostni illi l-istituzzjonijiet la kkomunikaw b’mod adegwat l-analiżi fattwali ġdida dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja u lanqas offrewlha l-possibbiltà li tippreżenta l-kummenti tagħha fuq din l-evalwazzjoni ġdida dwar il-konfigurazzjoni tad-dazji definittivi (ara l-punti 29 u 30 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx biżżejjed ir-raġunijiet li minħabba fihom biddlet l-analiżi tagħha u l-użu ta’ data differenti minn dik li kienet tinsab fl-ewwel proposta tagħha.

100    Minkejja li fid-dokument finali ta’ informazzjoni tas-7 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni qieset illi l-importazzjoni ta’ volum ta’ 140 miljun par żarbun fis-sena ma kellhiex effett dannuż għall-industrija Komunitarja, fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali tat-28 ta’ Lulju 2006, hija baxxiet din iċ-ċifra b’mod sinjifikattiv għal 41.5 miljun par żarbun, u dan mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din il-bidla li kellha l-“effett pervers” li biddlet, permezz ta’ manipulazzjoni fuq il-bażi tas-snin ta’ riferiment, il-valur tad-dazji imposti bejn iċ-Ċina u l-Vjetnam. Filwaqt illi l-miżuri antidumping huma maħsuba sabiex jirrispondu għall-prattiki żleali tad-dumping, il-ħsieb ekonomiku wara l-kwoti huwa li permezz tagħhom tiġi stabbilita sistema ta’ dazji differenti maħsuba sabiex jilqgħu għall-pressjonijiet li jirriżultaw mill-volum ta’ importazzjonijiet li madankollu ma jistgħux jitqiesu bħala prattiki żleali. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, it-terminu ta’ ħamest’ijiem mogħti mill-Kummissjoni lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proposta ġdida huwa insuffiċjenti, u dwar dan ir-rikorrenti lmentat waqt il-proċedura amministrattiva.

101    Il-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat, li segwiet l-aħħar proposta tal- Kummissjoni, ma tinkludix motivazzjoni biżżejjed fir-rigward ta’ din id-diverġenza u ma tindikax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ġdid. Min-naħa l-oħra, il-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat tillimita ruħha sabiex tirrepeti l-kliem tal-punt 280 tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, li ma fihx iktar informazzjoni. Barra minn hekk, id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali ma jinkludi l-ebda ċifra jew kalkolu li fuqu l-metodu deskritt fil-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat huwa bbażat u ma jispjegax l-użu tas-snin, tal-valuri u tal-volumi differenti minn dawk li ġew użati fl-ewwel proposta. B’hekk, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku li jitlob il-komunikazzjoni tal-elementi speċifiċi tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tipproponi l-adozzjoni tal-miżuri definittivi. Fil-fatt, l-evalwazzjoni fattwali li fuqha l-approċċ il-ġdid huwa bbażat la kien ġie spjegat u lanqas iġġustifikat.

102    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għaliex ma ppermettitilhiex li ssostni b’mod utli l-pożizzjoni tagħha fuq numru sinjifikattiv ta’ kwistjonijiet, bħalma huma n-natura raġonevoli tal-proposta l-ġdida, l-eżattezza u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati, il-kalkoli użati u l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tagħha fuq id-dumping u tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja. Fil-fatt, iż-żewġ sistemi huma kkaratterizzati minn differenzi fundamentali fl-analiżi fattwali li fuqhom huma bbażati. Dawn id-differenzi wasslu għal konsegwenzi radikalment opposti għall-produtturi Ċiniżi u Vjetnamiti mingħajr, madankollu, ma l-Kummissjoni spjegat kif kienet waslet għal dan ir-riżultat u mingħajr ma tat l-okkażjoni lill-partijiet ikkonċernati sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

103    It-tentattiv tal-Kunsill li jimminimizza d-differenzi bejn iż-żewġ proposti billi jispjega li s-sistema adottata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huma biss l-importazzjonijiet ’il fuq minn ċertu livell ta’ volum li jikkawżaw dannu, li jwassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu, jikser l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku. Il-fatt illi r-rikorrenti setgħet tissottometti xi osservazzjonijiet dwar din is-sistema, f’terminu iqsar mit-terminu minimu ta’ għaxart’ijiem stabbilit mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, ma jistax, għalhekk, jintuża kontriha u lanqas jista’ jirrimedja l-insuffiċjenza tal-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu mogħti mill-Kummissjoni kienx adegwat għall-finijiet tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-portata tal-bidla fil-metodu adottat mill-Kummissjoni kif ukoll min-nuqqas ta’ data jew ta’ spjegazzjonijiet fuq l-evalwazzjoni ġdida ġuridika u fattwali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li, peress illi l-istituzzjonijiet ma spjegawx b’mod adegwat il-metodu u l-evalwazzjoni tal-fatti li huma użaw, il-fatt li r-rikorrenti setgħet tissottometti xi kummenti huwa ta’ valur limitat u ma jimplikax illi r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jew tad-dritt tad-WTO ġew sodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess kienet adottat skeda stretta ħafna, u dan wassal sabiex kull estensjoni tat-terminu mogħti mill-Kummissjoni sabiex jiġu sottomessi kummenti fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali kienu ġew esklużi. Iktar minn hekk, id-diskussjonijiet li damu sejrin għal bosta xhur, kienu jirrigwardaw is-sistema tad-dazji differenti u mhux is-sistema finalment adottata.

104    Ir-rikorrenti tqis illi, minħabba n-nuqqasijiet fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali u minħabba t-terminu insuffiċjenti stabbilit, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tispjega lill-Kummissjoni r-raġunijiet għaliex hija taħseb li l-approċċ adottat ma kienx adegwat jew mhux raġonevoli, u lanqas kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-perspettiva tagħha fuq il-metodu jew id-data f’ċifri li fuqhom il-proposta mniżżla f’dan id-dokument kienet ibbażata.

105    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti żżid tgħid illi, li kieku kienet tpoġġiet f’pożizzjoni sabiex tifformula b’mod adegwat il-kummenti tagħha dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, hija kienet tissottometti, l-ewwel nett, illi s-sistema proposta hija ksur tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, sa fejn hija twassal għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq importazzjonijiet li ma jikkawżaw l-ebda dannu; it-tieni nett, ir-rikorrenti tissottometti illi marġni ta’ dannu individwali setgħet tiġi kkalkolata għaliha u, it-tielet nett, illi l-aħħar proposta tal-Kummissjoni kienet irraġonevoli u sporporzjonata, sa fejn l-evalwazzjoni fattwali reveduta, li ma ġiet la spjegata u lanqas iġġustifikata, kellha l-“effett pervers” li tbiddel il-portata tal-miżuri antidumping bejn iċ-Ċina u l-Vjetnam.

106    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u s-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    Permezz tat-tielet motiv tagħha, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni illi l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku għaliex il-Kummissjoni, minn naħa, ma kkomunikatx il-provi li fuqhom hija bbażat il-kalkolu magħmul fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, u min-naħa l-oħra, ma tathiex terminu suffiċjenti u konformi mal-paragrafu 5 tal-istess artikolu sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet kompluti dwar l-approċċ il-ġdid tagħha.

108    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni illi l-istituzzjonijiet ma spjegawx la fid-dokument finali ta’ informazzjoni jew fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali u lanqas fir-Regolament ikkontestat il-motivi li jiġġustifikaw il-metodu implementat sabiex titqies l-eżistenza ta’ volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu u li jnaqqsu l-marġni tad-dannu minflok jeżenta l-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu mill-impożizzjoni tad-dazji antidumping. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

109    Preliminarjament, hemm lok li jiġi osservat illi l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-modalitajiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari tal-esportaturi, li jinstemgħu, liema dritt jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja u jinkludi d-dritt li wieħed ikun informat dwar il-fatti prinċipali u l-kunsiderazzjonijiet li ser iservu bħala bażi għall-intenzjoni li jiġu rrakkomandati d-dazji antidumping definittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, punt 15, u, sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-19 ta’ Novembru 1998, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, Ġabra p. II-4137, punt 55).

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku jiġu interpretati bħala ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, hekk kif imħarsa mis-sistema legali Komunitarja, inkluż minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, Ġabra p.II-4897, punt 131).

111    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar illi l-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ regolament antidumping għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, fejn ikunu jistgħu jressqu b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika antidumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 17, u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Champion Stationery et vs Il-Kunsill, T‑147/97, punt 109 iktar ’il fuq, punt 55, u Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, punt 110 iktar ’il fuq, punt 132).

112    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll illi n-natura inkompleta tal-informazzjoni finali twassal biss għall-illegalità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping definittivi jekk, minħabba din l-omissjoni, dawn il-partijiet ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu kif suppost l-interessi tagħhom. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għall-miżuri provviżorji u li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fl-informazzjoni finali skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku. Dan huwa wkoll il-każ, bl-istess argumenti, meta l-omissjoni tirrigwarda fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill wara l-komunikazzjoni tad-dokument finali ta’ informazzjoni, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku.

113    F’din il-kawża, u kif ġie osservat fil-punti 23 sa 25 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni l-ewwel nett stabbilixxiet, fid-dokument finali ta’ informazzjoni, sistema ta’ dazji differenti, ibbażata fuq il-fatt li l-importazzjonijiet li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena biss kienu jikkawżaw dannu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Din l-evalwazzjoni tistrieħ fuq l-eżistenza tas-sistema ta’ kwoti kwantitattivi sal-1 ta’ Jannar 2005, li kienu waqfu tali dannu, kif ukoll fuq il-kalkolu tal-kwantitajiet li ġew importati miċ-Ċina fl-2005. Skont din il-proposta, dazju antidumping definittiv kellu jiġi applikat għall-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqbżu l-140 miljun par żarbun fis-sena. Dan id-dazju kien daqs il-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment, li f’din il-kawża kien 23 %.

114    Madankollu, kif ġie spjegat fil-punti 29 u 30 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bidlet, fil-kuntest tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, il-proposta tagħha dwar il-forma tad-dazji meħtieġa għall-eliminazzjoni tad-dannu. Dan l-approċċ ġdid jistrieħ ukoll fuq l-eżistenza ta’ volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Madankollu, skont id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kemm il-metodu ta’ kalkolu ta’ dan il-volum li ma jikkawżax dannu kif ukoll l-impatt ta’ dan il-volum fuq il-forma tad-dazji definittivi proposti huma differenti minn dawk imsemmija fid-dokument finali ta’ informazzjoni.

115    B’mod partikolari, fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, l-ewwel nett, il-Kummissjoni fakkret illi l-marġni tat-traħħis tal-prezzijiet ta’ riferiment għall-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina għola għal 23 %. It-tieni nett, hija stabbilixxiet illi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-volum ta’ importazzjonijiet li ġejjin minn dawn iż-żewġ pajjiżi għola għal 38 %. Din il-perċentwali, applikata għat-totalità tal-importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina u mill-Vjetnam fl-2003 (109 miljun par żarbun), tikkorrispondi għal madwar 41.5 miljun par żarbun; volum li tqis illi ma jikkawżax dannu għall-industrija Komunitarja. It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li dan il-volum jirrappreżenta 28.26 % tal-importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina fl-2005. Ir-raba’ nett u fl-aħħar nett, hija naqset il-marġni tad-dannu li inizjalment kien stabbilit (23 %) għal 28.26 %, u li dan ta’ lok għal marġni ta’ dannu “peżat” ta’ 16.5 %.

116    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-differenzi bejn il-metodu ppreżentat fid-dokument finali ta’ informazzjoni u dak ippreżentat fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali huma s-segwenti. L-ewwel nett, minflok ma ġie stabbilit il-volum annwali ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu fil-livell ta’ importazzjonijiet li ġew miċ-Ċina fl-2005, il-Kummissjoni stabbilixxiet dan il-volum annwali billi mmultiplikat il-109 miljun par żarbun importat fl-2003 b’38 %. Din il-perċentwali tirrappreżenta l-importazzjonijiet li oriġinaw minn dan il-pajjiż fuq l-importazzjonijiet kollha li ġew minn dawn iż-żewġ pajjiżi magħżula matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. It-tieni nett, minflok ma ġie eżentat dan il-volum annwali, li fil-punti 278 sa 280 tad-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali ġie kkwalifikat bħala li ma jikkawżax dannu, mill-applikazzjoni ta’ dazju antidumping, il-Kummissjoni għażlet li tikkunsidra dan il-volum filwaqt li tnaqqas il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu u tapplika d-dazji antidumping sa mill-ewwel par żarbun importat.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi l-fatt li l-Kummissjoni bidlet l-analiżi tagħha wara li l-partijiet ikkonċernati ssottomettew il-kummenti dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tad-drittijiet tad-difiża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, id-dokument finali ta’ informazzjoni ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill milli jieħdu deċiżjonijiet ulterjuri. Din id-dispożizzjoni timponi biss fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tikkomunika, mill-iktar fis possibbli, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk li fuqhom huwa bbażat l-approċċ inizjali inkluż fid-dokument finali ta’ informazzjoni. Fil-fatt, huwa permezz ta’ din l-ispjegazzjoni li l-partijiet ikkonċernati huma f’pożizzjoni li jifhmu l-motivi li wasslu lill-istituzzjonijiet sabiex jadottaw pożizzjoni differenti.

118    Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni rrispettatx id-drittijiet tar-rikorrenti li jirriżultaw mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament bażiku, għad hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kkomunikatilhiex il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet użati għall-finijiet tal-analiżi l-ġdida dwar id-dannu u dwar il-forma tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġi eliminat id-dannu, sa fejn dawn il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet huma differenti minn dawk użati fid-dokument finali ta’ informazzjoni (ara l-punt 112 iktar ’il fuq).

119    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali li l-proposta l-ġdida tagħha tippermetti li ma ssirx distinzjoni fost il-kategoriji differenti ta’ importaturi.

120    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni illi ma kellhiex aċċess għall-provi li abbażi tagħhom il-Kummissjoni pproċediet bl-aġġustament tal-marġni ta’ dannu minn 23 għal 16.5 %. Fil-fatt, il-metodu deskritt fil-punt 115 iktar ’il fuq dwar l-aġġustament tal-marġni ta’ dannu li jieħu inkunsiderazzjoni l-volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu jinsab fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali. Huwa veru li dan id-dokument ma jipprovdix informazzjoni fuq il-volum eżatt tal-importazzjonijiet li ġejjin miċ-Ċina, li kieku kienet tippermetti li jiġi vverifikat li l-perċentwali ta’ 28.26 % tikkorrispondi għar-realtà. Madankollu, peress illi, skont il-Kummissjoni, 41.5 miljun par żarbun jirrappreżentaw 28.26 % taż-żraben kollha importati miċ-Ċina fl-2005, jista’ jiġi dedott illi dawn l-importazzjonijiet għolew għal 146.85 miljun par żarbun. Barra minn hekk, dan il-kalkolu ntuża mir-rikorrenti nnifisha fil-posta elettronika tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2006 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

121    Mill-kunsiderazzjonijiet li ppreċedew jirriżulta li l-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti r-raġunament li hija segwiet sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dannu billi ħadet inkunsiderazzjoni l-volum tal-importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu. Hija spjegat ukoll iċ-ċifri kollha li hija qieset li kienu rilevanti f’dan ir-rigward, u għaldaqstant, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx miksura f’dan ir-rigward.

122    Hemm lok li jiġi enfasizzat li l-motiv tar-rikorrenti, hekk kif żviluppat fir-rikors, huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u mhux fuq il-ksur tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku. Minn dan jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk is-sistema adottata fir-Regolament ikkontestat hijiex kompatibbli mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, għaliex timponi dazji antidumping għal importazzjonijiet inqas mil-livell annwali li kien tqis li ma jikkawżax dannu, ma ġietx sottomessa bħala tali għall-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali.

123    Fir-rigward tat-terminu previst, huwa paċifiku bejn il-partijiet li dan skada fit-2 ta’ Awwissu 2006.

124    Il-Kummissjoni, billi tat lir-rikorrenti terminu ta’ inqas minn għaxart’ijiem sabiex tressaq il-kummenti tagħha dwar id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, kisret l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Champion Stationery et vs Il-Kunsill, punt 109 iktar ’il fuq, punt 80). Madankollu, din iċ-ċirkustanza fiha nnifisha ma tistax twassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, fil-proċedura inkwistjoni, għad hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit illi minħabba l-fatt li t-terminu għad-dispożizzjoni kien iqsar mit-terminu legali, dan kien ta’ natura li affettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II-3663, punt 331).

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat illi r-rikorrenti fakkret, fil-kuntest tal-posta elettronika tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2006, il-kalkoli tal-Kummissjoni u li hija ppreżentat kalkolu alternattiv li kien wassal għal riżultat differenti u, fl-opinjoni tagħha, ekwitabbli. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fehmet ir-raġunament tal-Kummissjoni u kienet f’pożizzjoni li tipproponilha approċċ ieħor mingħajr il-ħtieġa li tintalab estensjoni tat-terminu mogħti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat illi hija kienet f’pożizzjoni li ssostni b’mod xieraq il-perspettiva tagħha.

126    B’hekk jirriżulta li ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

127    Bl-istess argumenti, hemm lok li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-metodu implementat għall-kalkolu tal-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu jiġi rrifjutat. Fil-fatt, il-motivazzjoni tar-Regolament ikkontestat għandha tiġi evalwata billi tiġi kkunsidrata b’mod partikolari l-informazzjoni li ġiet mibgħuta lir-rikorrenti u billi jiġu kkunsidrati l-osservazzjonijiet li hija ssottomettiet matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, T‑33/98 u T‑34/98, Ġabra p. II-3837, punt 107).

128    F’dan il-każ, u kif ġie osservat fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-premessi 296 sa 301 tar-Regolament ikkontestat jinkludu l-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kunsill sabiex jadotta s-sistema finalment implementata. Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt illi l-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-raġunament li hija segwiet sabiex tikkalkola l-marġni tad-dannu billi ħadet inkunsiderazzjoni l-volum ta’ importazzjonijiet li ma jikkawżawx dannu u fid-dawl tal-fatt illi l-Kummissjoni spjegatilha wkoll iċ-ċifri kollha li hija qieset bħala rilevanti f’dan ir-rigward (ara l-punti 119 sa 121 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi konkluż illi r-Regolament ikkontestat kien motivat kif meħtieġ mil-liġi.

129    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja

 L-argumenti tal-partijiet

130    Ir-rikorrenti tqis illi d-deċiżjoni dwar il-dannu ma hijiex ibbażata fuq perijodu twil biżżejjed ta’ importazzjonijiet normali u, għalhekk, ma hijiex ibbażata fuq data affidabbli u oġġettiva. Fil-fatt, peress illi l-perijodu ta’ investigazzjoni beda fl-1 ta’ April 2004 u ntemm fil-31 ta’ Marzu 2005, u peress illi l-Kummissjoni kkunsidrat biss perijodu ta’ tliet xhur, jiġifieri l-ewwel tliet xhur tal-2005, hija kienet konvinta li ż-żieda fl-importazzjonijiet wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet ikkawżat dannu partikolarment sinjifikattiv. L-indizji li juru l-eżistenza ta’ dannu sinjifikattiv fl-2004 u li għalihom il-Kummissjoni tagħmel riferiment fil-punt 277 li jinsab fil-kapitolu l-ġdid Ħ fid-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali, ma jfissrux li dannu sinjifikattiva effettivament seħħ fl-2004. In-nuqqas ta’ dannu sinjifikattiv fl-2004 huwa kkorroborat mill-fatt li ż-żieda fl-importazzjonijiet fl-2004 kienet minima meta mqabbla mas-sena 2003 u huwa kkonfermat mill-punt 285 tad-dokument finali ta’ informazzjoni. Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill, il-kwoti kwantitattivi ma għandhomx l-għan li jħarsu kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping. Barra minn hekk, l-analiżi tal-fatturi tad-dannu għall-2003 ma jistgħux ikunu rilevanti, għaliex, kif kienet ammettiet il-Kummissjoni, f’dak iż-żmien, ma kienx jeżisti d-dumping li jikkawża dannu.

131    Issa, l-ewwel tliet xhur tal-2005 jikkostitwixxu l-perijodu inizjali tal-ftuħ tas-suq li kien suġġett għal iktar minn tnax-il sena għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kwoti kwantitattivi stretta. Kif ġie osservat mill-Kummissjoni fid-dokument finali ta’ informazzjoni, dan il-perijodu wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet kien ġie artifiċjalment mgħawweġ minħabba l-istennija marbuta ma’ dan l-avveniment. B’hekk, ir-Regolament ikkontestat kien ġie bbażat fuq data li tirrifletti perijodu qasir li ma jistax jipprovdi provi affidabbli minħabba t-tneħħija tal-kwoti. Minn dan jirriżulta li l-Kunsill kiser l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

132    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mis-CEC, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

133    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ma tikkostitwixxix sanzjoni għal aġir preċedenti iżda miżura ta’ difiża u ta’ protezzjoni kontra l-kompetizzjoni żleali li tirriżulta mill-prattiki ta’ dumping. Huwa għaldaqstant neċessarju li l-investigazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ informazzjoni kemm jista’ jkun attwali sabiex ikunu jistgħu stabbiliti dazji antidumping li huma adegwati sabiex jipproteġu l-industrija Komunitarja kontra l-prattiki ta’ dumping (sentenza Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, punt 111 iktar ’il fuq, punti 91 u 92 u sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill, T‑138/02, Ġabra p. II 4347, punt 60).

134    B’hekk, meta l-istituzzjonijiet jikkonstataw illi l-importazzjonijiet ta’ prodott li s’issa kien suġġett għal restrizzjonijiet kwantitattivi żdiedu wara li l-imsemmija restrizzjonijiet skadew, huma jistgħu jieħdu din iż-żieda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħhom dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja.

135    It-tieni nett, kif josserva l-Kunsill, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-punt 283 tad-dokument finali ta’ informazzjoni, li l-volum tal-prodotti importati żdied wara li s-sistema ta’ kwoti skadiet, ma turix li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom biss fuq dan l-element kwantitattiv sabiex jikkonkludu l-eżistenza tad-dannu.

136    Fl-aħħar nett, mill-premessi 162, 168 sa 170, 187 sa 206 u 216 sa 240 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni bosta fatturi li jikkonċernaw id-dannu u r-rabta kawżali u li jirrigwardaw mhux biss l-aħħar tliet xhur tal-perijodu ta’ investigazzjoni iżda wkoll il-perijodu kkunsidrat.

137    Minn dan jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

138    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

139    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li jkun deċiż illi hija tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill.

140    Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u s-CEC għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Foshan City Nanhai Golden Step Industrial Co., Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u l-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2010.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 2(6)(ċ) tar-Regolament bażiku

– Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-dannu subit mill-industrija Komunitarja

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top