Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0357

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Settembru 2012.
    Koninklijke Wegenbouw Stevin BV vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Eżistenza u klassifikazzjoni ta’ ftehim — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni — Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għall-ftehim dwar il-kooperazzjoni orizzontali — Drittijiet tad-difiża — Multa — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej — Assenza ta’ kooperazzjoni — Setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni — Dritt għall-assistenza ta’ avukat — Użu ħażin ta’ poter — Kalkolu tal-ammont tal-multi — Tul tal-ksur — Ġurisdizzjoni sħiħa.
    Kawża T-357/06.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2012:488

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    27 ta’ Settembru 2012 ( *1 )

    “Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Eżistenza u klassifikazzjoni ta’ ftehim — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni — Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għall-ftehim dwar il-kooperazzjoni orizzontali — Drittijiet tad-difiża — Multa — Ċirkustanzi aggravanti — Rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej — Assenza ta’ kooperazzjoni — Setgħat ta’ verifika tal-Kummissjoni — Dritt għall-assistenza ta’ avukat — Użu ħażin ta’ poter — Kalkolu tal-ammont tal-multi — Tul tal-ksur — Ġurisdizzjoni sħiħa”

    Fil-Kawża T-357/06,

    Koninklijke Wegenbouw Stevin BV, stabbilita f’Utrecht (Il-Pajjizi l-Baxxi), inizjalment irrappreżentata minn E. Pijnacker Hordijk u Y. de Vries, sussegwentement minn E. Pijnacker Hordijk u X. Reintjes, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, A. Nijenhuis u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn L. Gyselen, F. Tuytschaever u F. Wijckmans, sussegwentement minn L. Gyselen, avuakti,

    konvenuta,

    li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (Il-Pajjiżi l-Baxxi)], sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

    komposta minn M. Jaeger, President, N. Wahl u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

    Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Mejju 2011,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    I – Ir-rikorrenti

    1

    Koninklijke Volker Wessels Stevin huwa grupp Olandiż tal-kostruzzjoni li jiġbor fih iktar minn mitt kumpannija operattiva. Il-kumpannija parent, Koninklijke Volker Wessels Stevin NV (iktar ’il quddiem “KVWS”), topera fil-qasam tal-kostruzzjoni tat-toroq permezz tal-kumpannija Volker Wessels Stevin Verkeersinfra BV u tar-rikorrenti, li hija s-sussidjarja tagħha, Koninklijke Wegenbouw Stevin BV, li hija inkarigata min-negozjar u mix-xiri ta’ bitum għall-grupp kollu, għall-produzzjoni tal-asfalt fil-Pajjiżi l-Baxxi. Matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur, KVWS kienet iżżomm il-kapital kollu tar-rikorrenti, permezz tal-kumpanniji holding Volker Wessels Stevin Infra BV u Volker Wessels Stevin Verkeersinfra.

    II – Il-proċedura amministrattiva

    2

    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ġunju 2002, il-kumpannija British Petroleum (iktar ’il quddiem “BP”) informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-eżistenza allegata ta’ akkordju li jikkonċerna s-suq tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u ppreżentat talba intiża għall-kisba ta’ immunità minn multi skont id-dispożizzjonijiet tal-Avviż [Komunikazzjoni] tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

    3

    Fl-1 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni wettqet verifiki sorpriża, b’mod partikolari fil-bini tar-rikorrenti. Matul din l-ispezzjoni, ir-rikorrenti, l-ewwel irrifjutat li l-aġenti tal-Kummissjoni jidħlu sakemm jaslu l-avukati esterni tagħha, u mbagħad opponiet li dawn jitħallew jaċċedu għall-uffiċċju ta’ wieħed mid-diretturi tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet l-assistenza tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex twettaq dawn il-verifiki. Fit-3 ta’ Ottubru 2002 l-aġenti tal-Kummissjoni abbozzaw żewġ proċessi verbali dwar dawn l-inċidenti, li ġew trasmessi lir-rikorrenti fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl mogħti mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ottubru 2004.

    4

    Il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lil numru ta’ kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti, fit-30 ta’ Ġunju 2003, u din wieġbet għaliha fit-12 ta’ Settembru 2003. Fl-10 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni, li għaliha KVWS wieġbet fit-2 ta’ Marzu 2004.

    5

    Fit-12 ta’ Settembru 2003, l-impriża Kuwait Petroleum ippreżentat talba għall-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u magħha ġiet mehmuża dikjarazzjoni tal-impriża. Il-kumpannija Shell Nederland Verkoopmaatschappij BV (iktar ’il quddiem “SNV”) ippreżentat ukoll tali talba fl-10 ta’ Ottubru 2003, akkumpanjata minn dikjarazzjoni tal-impriża u minn dikjarazzjoni ta’ ex kollaboratur irtirat. Barra minn hekk, l-impriżi Total u Nynas, fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet talbu li t-tweġiba tagħhom għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tittieħed inkunsiderazzjoni taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

    6

    Fit-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ressqet proċeduri u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mibgħuta fid-19 ta’ Ottubru 2004 lil numru ta’ kumpanniji, fosthom KVWS, ir-rikorrenti u Volker Wessels Stevin Infra.

    7

    Wara s-smigħ tal-kumpanniji kkonċernati fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2005, Nynas u Kuwait Petroleum ipproduċew, fit-28 u fit-30 ta’ Ġunju 2005 rispettivament, preċiżazzjonijiet dwar xi dikjarazzjonijiet użati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kkontestati matul is-smigħ minn kumpanniji oħra, li ġew trasmessi lill-partijiet kollha. Ir-rikorrenti rreaġixxiet għal dawn id-dokumenti fis-26 ta’ Awwissu 2005. Bl-istess mod, fit-28 ta’ Ġunju 2005 hija wieġbet għal talba għal informazzjoni li saret wara mistoqsija orali tal-Kummissjoni, magħmula matul is-seduta, u din it-tweġiba ġiet trasmessa lill-partijiet kollha fl-24 ta’ Mejju 2006. Fil-25 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-partijiet kollha, sabiex tagħmel xi preċiżazzjonijiet f’silta mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar l-iffissar tal-prezzijiet, u r-rikorrenti wieġbet għaliha fis-16 ta’ Frar 2006. Fl-aħħar nett, fl-24 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni għaddiet lir-rikorrenti s-siltiet kollha tat-tweġibiet tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet qiegħda tikkunsidra li tuża bħala prova kontriha, u r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn id-dokumenti fit-12 ta’ Ġunju 2006.

    III – Id-deċiżjoni kkontestata

    8

    Fit-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 4090 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 – Bitum (Il-Pajjiżi l-Baxxi)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 196, p. 40) u li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta’ Settembru 2006.

    9

    Il-Kummissjoni indikat li l-kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu pparteċipaw fi ksur wieħed u kontinwu tal-Artikolu 81 KE, li jikkonsisti f’li jiffissaw flimkien b’mod regolari, matul il-perijodi kkonċernati, għall-bejgħ u x-xiri ta’ bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-prezz gross, tnaqqis uniformi fuq il-prezz gross għall-kostrutturi tat-toroq li jipparteċipaw fl-akkordju (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi l-kbar” jew il-“W5”) u tnaqqis massimu mnaqqas fuq il-prezz gross għall-kostrutturi l-oħra tat-toroq (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi l-oħra” jew il-“kostrutturi ż-żgħar”).

    10

    Ġiet imposta fuq ir-rikorrenti, in solidum ma’ KVWS, multa ta’ EUR 27.36 miljun talli wettqet dan il-ksur għall-perijodu ta’ mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002.

    11

    Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, anki jekk is-suq ġeografiku kkonċernat kien limitat (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

    12

    Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza speċifika tal-aġir ta’ kull impriża involuta fl-akkordju u l-impatt tiegħu fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni wettqet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni, abbażi tas-sehem tagħhom fis-suq, u qasmithom f’sitt kategoriji.

    13

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet ammont inizjali ta’ EUR 9.5 miljun għar-rikorrenti (premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset li, sabiex jiġi ggarantit l-effett dissważiv tal-multa, ma kienx neċessarju li jiġi applikat fuqha koeffiċjenti multiplikatur, meta wieħed jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u d-dħul mill-bejgħ tal-grupp Koninklijke Volker Wessels Stevin (premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata).

    14

    Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet wettqet ksur fit-tul, billi dam iktar minn ħames snin, u kkonstatat tul totali ta’ tmien snin, mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002, liema fatt għaldaqstant żied l-ammont inizjali tal-multa bi 80 % (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont bażiku tal-multa, iddeterminat skont is-serjetà u t-tul tal-ksur, għaldaqstant ġie ffissat għal EUR 17.1 miljun għar-rikorrenti (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

    15

    Il-Kummissjoni applikat numru ta’ ċirkustanzi aggravanti fir-rigward tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, hija qieset li billi r-rikorrenti kienet ħatja ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni u ta’ tentattivi ta’ tfixkil matul il-verifiki mwettqa fil-bini tagħha fl-1 ta’ Ottubru 2002, għandha tiġi applikata fuqha żieda ta’ 10 % tal-ammont bażiku tal-multa (premessi 340 u 341 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, hija qieset li r-rikorrenti kellha rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju li jiġġustifika żieda ġdida ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa (premessi 342 sa 349 tad-deċiżjoni kkontestata).

    16

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li ebda ċirkustanza attenwanti ma setgħet tintuża fir-rigward tar-rikorrenti (premessi 350 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata).

    Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    17

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

    18

    Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu ċerti dokumenti, u għamlitilhom xi domandi. Il-partijiet irrispondew għal dawn id-domandi fit-terminu mogħti.

    19

    It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2011.

    20

    Minħabba l-impediment ta’ membru tas-Sitt Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lilu nnifsu, bis-saħħa tal-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-Awla.

    21

    Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2011, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha, fetħet il-proċedura orali mill-ġdid u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida.

    22

    Permezz ta’ ittri tal-25 u tat-28 ta’ Novembru 2011 rispettivament, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni informaw lill-Qorti Ġenerali li huma jirrinunzjaw li jinstemgħu mill-ġdid.

    23

    Konsegwentement, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

    24

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika fil-konfront tagħha;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna lilha u tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa imposta fuqha;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

    25

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    26

    Ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqha mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

    I – Fuq it-talbiet għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata

    A – Osservazzjonijiet introduttivi

    27

    Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ fatt, it-tieni nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE u, it-tielet nett, fuq il-ksur ta’ formalità sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża li hija setgħet tinvoka.

    1. L-argumenti tal-partijiet

    28

    Ir-rikorrenti tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha tispeċifika provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 81 KE u li l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti dwar dan is-suġġett għandha tiffavorixxi lill-impriża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 179, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T-44/02 OP, T-54/02 OP, T-56/02 OP, T-60/02 OP u T-61/02 OP, Ġabra p. II-3567, punti 60 u 62). Hija tqis li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kisret dawn il-prinċipji matul l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza tal-ksur bħal fil-klassifikazzjoni tan-natura tal-ksur. Fil-fatt, bi żball hija qieset bl-istess mod il-ksur serju ħafna mwettaq mill-fornituri tal-bitum (iktar ’il quddiem il-“fornituri”), li jikkostitwixxi l-akkordju dwar il-prezzijiet u t-tqassim tas-suq, u s-sempliċi struttura ta’ negozjar komuni stabbilita mill-kostrutturi l-kbar, li l-intenzjoni tagħhom kienet biss li jirrispondu għall-akkordju tal-fornituri u li jiksbu kundizzjonijiet tax-xiri iktar vantaġġużi. Minħabba din l-evalwazzjoni żbaljata tal-funzjonament tal-akkordju, il-Kummissjoni tat importanza kbira wisq lid-dikjarazzjonijiet tal-fornituri u hija injorat mezzi ta’ prova li madankollu ġew invokati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li wħud minnhom huma tal-istess żmien tal-ksur.

    29

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    30

    Qabelxejn għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u skont il-ġurisprudenza preċedenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 86), l-oneru tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE huwa fuq l-awtorità li tallegah, u din hija marbuta tistabbilixxi l-provi li kapaċi juru, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continental vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265) u li għalhekk, b’mod konformi mal-preżunzjoni tal-innoċenza, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fil-liġi jekk ikun għadu jeżisti dubju fil-ħsieb tagħha fuq din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 177). Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li l-korp ta’ ħjiel invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 180). Fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-ewwel motiv, hija għaldaqstant il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk il-Kummissjoni kellhiex provi suffiċjenti tal-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

    31

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li l-Kummissjoni rnexxielha tiġbor provi dokumentali insostenn tal-ksur allegat u peress li dawn il-provi jidhru suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-impriża akkużata kellhiex interess kummerċjali fl-imsemmi ftehim (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 46). Għalhekk, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva, hija ma jkollhiex għalfejn twieġeb għall-argumenti dwar l-interess kummerċjali tar-rikorrenti fl-akkordju.

    32

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tat b’mod ġenerali importanza kbira wisq lid-dikjarazzjonijiet tal-fornituri u li, konsegwentement, hija kienet injorat ċerti mezzi ta’ prova. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma hijiex marbuta tivverifika u twieġeb għal kull allegazzjoni tal-partijiet ippreżentata matul il-proċedura amministrattiva, iżda, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 253 KE hija għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u tippermetti lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Din l-eżiġenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jistgħu jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, imma wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 19; tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 86, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63).

    B – Żbalji ta’ fatt

    33

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet sitt żbalji ta’ fatt.

    1. Fuq l-ewwel żball ta’ fatt, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-oppożizzjoni bejn l-interessi tal-fornituri u dawk tal-kostrutturi l-kbar

    a) L-argumenti tal-partijiet

    34

    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kellhom interessi dijametrikament opposti, fejn tal-ewwel ifittxu li jżidu l-prezzijiet tal-bejgħ u li jiksbu xi klijenti, filwaqt li jippruvaw jiżguraw ruħhom mill-kollaborazzjoni tal-kostrutturi l-kbar. Hija tqis li l-Kummissjoni ma wrietx li l-kostrutturi l-kbar kellhom għan komuni mal-fornituri. Hija tfakkar li għadd ta’ provi, fosthom nota interna ta’ SNV tas-6 ta’ Frar 1995, kienu jippermettu li jiġi stabbilit li l-fornituri biss kienu implementaw akkordju fis-snin tmenin u li kollha kemm huma kienu pparteċipaw fih, u li l-Kummissjoni ma ħaditx dawn l-elementi inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, hija tqis li elementi oħra jippermettu li jiġi kkonfermat li l-akkordju implementat mill-fornituri kkawża l-kollaborazzjoni bejn il-kostrutturi l-kbar, u barra minn hekk din hija xi ħaġa li l-Kummissjoni ma kkontestatx. Għall-kuntrarju, hija tippreċiża li l-kollaborazzjoni bejn il-kostrutturi l-kbar bdiet biss matul l-ewwel nofs tas-snin disgħin, meta l-produzzjoni tal-asfalt ġiet organizzata mill-ġdid b’mod importanti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li wasslet għal tnaqqis sinjifikattiv tan-numru ta’ impjanti ta’ taħlit tal-asfalt u wasslet sabiex jitfaċċaw impjanti miżmuma b’mod solidali minn għadd ta’ kostrutturi kbar. Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-fornituri kienu wkoll il-konsegwenza obbligatorja ta’ tibdil leġiżlattiv fil-Pajjiżi l-Baxxi, li wassal għall-introduzzjoni, fl-1990, fid-dokumenti ta’ speċifikazzjonijiet dwar il-kostruzzjoni tat-toroq, tar-regola taċ-Ċertifikat tal-Oriġini, li kellu jinkiseb mill-kostrutturi.

    35

    Barrra minn hekk hija tikkritika lill-Kummissjoni li, bl-għan li ssaħħaħ it-teorija tagħha tal-eżistenza ta’ akkordju bilaterali bejn il-fornituri u l-kostrutturi kbar, irrinunzjat li tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-ftehim tat-tqassim tas-suq konklużi bejn il-fornituri, filwaqt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tinkludi għadd ta’ ħjiel dwar dan is-suġġett, u li hija stess ipproduċiet għadd ta’ provi relatati. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma kinitx taf b’għadd ta’ ħjiel dwar skambji ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar l-użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, il-klijenti u l-prezzijiet bejn il-fornituri, kif ukoll l-eżistenza ta’ akkordji bejn dawn il-fornituri f’pajjiżi oħra tal-Ewropa. Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li l-kostrutturi l-kbar qatt ma organizzaw ftehim ta’ kooperazzjoni għax-xiri ta’ materji primi oħra.

    36

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    37

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-fornituri kollha kienu stabbilixxew akkordju fis-snin tmenin, filwaqt li, bħala reazzjoni, il-kostrutturi l-kbar bdew biss jieħdu sehem fih fin-nofs tas-snin disgħin. Hija tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq in-nota interna ta’ SNV tas-6 ta’ Frar 1995, maqbuda mill-Kummissjoni matul xi verifiki u li ddaħħlet fil-fajl amministrattiv. Għandu jiġi kkonstatat li minn dan id-dokument jirriżulta li impjegat ta’ SNV wettaq sinteżi dwar is-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fiha huwa ddeskriva s-sitwazzjoni ta’ kapaċità eċċessiva [overcapacity] tas-suq u l-“oriġini tal-kartell” sa mill-1980. Huwa jsemmi wkoll il-ħolqien ta’ “Nabit”, li hija organizzazzjoni professjonali tal-impriżi tal-bitum, fl-1980, perijodu ta’ instabbiltà tal-prezzijiet tal-bitum, imbagħad l-implementazzjoni tal-proġett “Star”, akkordju kompost mill-ħames kostrutturi prinċipali tat-toroq u mill-fornituri prinċipali, li ntemm fl-1993, u fl-aħħar nett il-fatt li fl-1995 l-kostrutturi l-kbar eżiġew stabbiltà ikbar tal-prezzijiet, u dan sabiex il-volumi u t-tqassim tas-swieq jerġgħu jsibu, bejn wieħed u ieħor, is-sitwazzjoni tagħhom tal-1993. Fl-aħħar nett, id-dokument jenfasizza l-parti ta’ responsabbiltà kemm tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-kostrutturi l-kbar u tal-fornituri fl-okkorrenza ta’ ċerti ftehim. Madankollu, dan id-dokument waħdu ma jippermettix li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk kienx jeżisti akkordju qabel l-1994, u lanqas jekk il-fornituri imponewx l-akkordju fuq il-kostrutturi l-kbar.

    38

    Barra minn hekk, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni provi oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, f’nota interna oħra tad-9 ta’ Frar 1995, li wkoll ġiet maqbuda mill-Kummissjoni matul xi verifiki u li ddaħħlet fil-fajl amministrattiv, żewġ impjegati ta’ SNV jesponu s-sitwazzjoni tas-suq Olandiż tal-kostruzzjoni tat-toroq u jenfasizzaw b’mod partikolari l-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet u s-swieq bejn il-kostrutturi l-kbar, li kienu jibbenefikaw minn tnaqqis partikolari, u l-fornituri, għad-detriment tal-entitajiet kontraenti u kostrutturi oħra. Dawn l-impjegati jikkwalifikaw is-sitwazzjoni bħala “kooperazzjoni bejn żewġ kartelli” u huma konxji tal-fatt li jeżisti riskju ta’ sanzjoni mill-Kummissjoni. Huma jindikaw li SNV ippruvat ittemm din is-sitwazzjoni sa mill-1992, iżda li hija ma rnexxilhiex, u jeżaminaw il-possibiltajiet ta’ żvilupp tas-sitwazzjoni u r-riskji marbuta magħha (żamma tal-kooperazzjoni u tneħħija parzjali jew totali tal-kooperazzjoni). Dan id-dokument jikkonferma n-natura bilaterali tal-akkordju u, għall-kuntrarju, jinvalida t-teorija tar-rikorrenti li tgħid li qabel l-1994 kien jeżisti akkordju bejn il-fornituri biss, liema fornituri imponew dan l-akkordju fuq il-kostrutturi l-kbar. Barra minn hekk, rapport intern tal-20 ta’ Frar 1992, maqbud mill-Kummissjoni matul xi verifiki u li ddaħħal fil-fajl amministrattiv, tal-kumpannija Wintershall AG, li hija manifattur tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata li biha ġiet imposta fuqha multa ta’ EUR 11.625 miljun, isemmi kuntatti bejn SNV u r-rikorrenti, fejn din tal-aħħar talbet lil SNV, bħala l-“marketleader”, sabiex tagħmel xi proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5, li jikkorrispondu għal monopolju tax-xiri. Id-dokument jindika li Wintershall, matul żjara mir-rikorrenti fil-bini tagħha fit-18 ta’ Frar 1992, kienet informat lir-rikorrenti li dan l-approċċ kien problematiku fir-rigward tal-liġi dwar akkordji. Ir-rikorrenti ppruvat tikkontesta l-kredibbiltà ta’ dan id-dokument billi indikat li hija kellha biss ftit kuntatti kummerċjali ma’ Wintershall u li ma kienx wisq kredibbli li hija għaddiet informazzjoni daqstant kunfidenzjali lill-interlokutur tagħha. Madankollu, ma jidhirx li huwa plawżibbli li Wintershall inkludiet deliberatament informazzjoni żbaljata f’rendikont purament intern tal-1992. Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi fatt, jekk jiġi ppruvat, li r-rikorrenti kellha biss ftit kuntatti kummerċjali ma’ Wintershall ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta l-valur probatorju ta’ dan id-dokument.

    39

    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li għadd ta’ dokumenti konkordanti tal-istess żmien tal-ksur jew li d-data tagħhom hija matul il-perijodu ta’ qabel l-implementazzjoni tiegħu kienu jippermettu lill-Kummissjoni li tikkunsidra li l-akkordju ma oriġinax minn akkordju preċedenti implementat mill-fornituri, u li dawn tal-aħħar ma kinux imponewh fuq il-kostrutturi l-kbar.

    40

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli, minkejja l-għadd kbir ta’ ħjiel imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, irrinunzjat li tkompli bl-investigazzjonijiet dwar ftehim ta’ tqassim tas-suq li kkonkludew il-fornituri fil-Pajjiżi l-Baxxi, dwar skambji regolari ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-fornituri li tirrigwarda l-użu tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, il-klijenti u l-prezzijiet, u dwar l-eżistenza ta’ akkordji f’pajjiżi oħra tal-Ewropa konklużi minn dawn il-fornituri.

    41

    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, l-eżistenza ta’ akkordji potenzjali oħra bejn il-fornituri ma hijiex inkompatibbli mat-teorija tal-eżistenza ta’ akkordju bilaterali bejn dawn il-fornituri u l-W5 u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma eskludietx li l-kostrutturi l-kbar ipparteċipaw fi ftehim oħra mal-fornituri (punti 174 u 175 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).

    42

    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma inkludietx ftehim potenzjali oħra fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, tali argument, jekk jitqies li huwa fondat, ma jistax jinfluwenza l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

    43

    Fi kwalunkwe każ, għandha titfakkar in-natura preliminari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn il-funzjoni ta’ dan id-dokument, kif iddefinita bir-regolamenti tal-Unjoni, tikkonsisti fil-provvista tal-elementi kollha meħtieġa mill-impriżi sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu b’mod utli d-difiża tagħhom qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T-352/94, Ġabra p. II-1989, punt 63 ; Cascades vs Il-Kummissjoni, T-308/94, Ġabra p. II-925, punt 42, u tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T-86/95, Ġabra p. II-1011, punt 442). Minkejja li l-Kummissjoni għandha għaldaqstant tadotta deċiżjoni finali bbażata biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijet tagħhom (Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003), madankollu hija ma hijiex marbuta li tinkludi l-elementi kollha msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, speċjalment jekk dawn l-elementi kellhom jidhru li ma humiex suffiċjenti. Għalhekk, id-deċiżjoni ma għandhiex tkun bilfors kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 68).

    44

    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-implementazzjoni tal-akkordju min-naħa tal-kostrutturi l-kbar, fis-snin disgħin, kienet reazzjoni għall-ristrutturazzjoni tas-suq tal-asfalt mill-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi (implementazzjoni ta’ Ċertifikat tal-Oriġini fid-dokument tal-ispeċifikazzjonijiet dwar il-kostruzzjoni tat-toroq li għamel kull bidla ta’ fornitur matul sena tal-kalendarju diffiċli, tnaqqis tan-numru ta’ impjanti ta’ taħlit tal-asfalt u l-implementazzjoni ta’ impjanti miżmuma b’mod solidali minn għadd ta’ kostrutturi kbar), għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma indikatx ir-raġuni li għaliha dawn l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali wasslu lill-W5 sabiex jimplementaw l-akkordju. Issa, skont il-ġurisprudenza, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva vinkolanti li timponi aġir antikompetittiv, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li hemm assenza ta’ awtonomija f’moħħ l-operaturi akkużati biss jekk, abbażi ta’ ħjiel oġġettiv, rilevanti u konkordanti jkun jidher li l-aġir ġie impost fuqhom b’mod unilaterali mill-awtoritajiet nazzjonali permezz tal-eżerċizzju ta’ pressjoni li ma tistax tiġi reżistita, bħalma hija t-theddida tal-adozzjoni ta’ miżuri statali li jistgħu jikkawżawlhom telf kbir (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, T-66/99, Ġabra p. II-5515, punti 176 sa 179). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdietx elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-aġir li hija tinsab ikkritikata bih joriġina mil-leġiżlazzjoni nazzjonali Olandiża.

    45

    Fl-aħħar nett, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-kostrutturi l-kbar qatt ma organizzaw ftehim ta’ kooperazzjoni għax-xiri ta’ materji primi oħra ma għandux effett fuq l-eżistenza ta’ dan il-ksur.

    46

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ evalwazzjoni dwar l-interessi tal-fornituri u dawk tal-kostrutturi l-kbar.

    2. Fuq it-tieni żball ta’ fatt, dwar il-kontenut tal-ftehim bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar

    a) L-argumenti tal-partijiet

    47

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni, bi żball evalwat il-kontenut tal-ftehim li saru bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar. Għaldaqstant, l-ewwel nett, il-fornituri dejjem wettqu ż-żidiet fil-prezz gross tal-bitum għall-kisi tal-uċuh tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“prezz gross”) waħedhom, u l-kostrutturi l-kbar irnexxielhom biss darba, f’Marzu 2000, jikkontestaw iż-żieda mħabbra mill-fornituri. Minn għadd ta’ dokumenti tal-proċess, u b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petrolu u ta’ Nynas, li huma fornituri tal-bitum destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha ġiet imposta fuqhom multa ta’ EUR 16.632 u EUR 13.5 miljun rispettivament, jirriżulta li l-fornituri dejjem ħadu l-inizjattiva ta’ żieda fil-prezzijiet waħedhom, u kienu jsejħu lill-kostrutturi l-kbar sabiex jimponu ż-żieda fuqhom. It-tieni nett, it-tnaqqis partikolari mogħti mill-fornituri lill-W5 kien meqjus bħala ġustifikat minn perspettiva kummerċjali minħabba l-kwantitajiet ta’ bitum mixtrija minn dawn il-kumpanniji u dan kien biss punt tat-tluq għan-negozjati individwali mwettqa minn kull kostruttur ma’ kull fornitur. It-tielet nett, ir-rikorrenti tfakkar li għadd kbir ta’ elementi tal-fajl amministrattiv jippermettu li jiġi kkonstatat li, fin-negozjati tagħhom mal-fornituri, il-kostrutturi ż-żgħar kienu jaġixxu bl-istess mod bħall-kompetituri tagħhom l-iktar importanti, billi kienu jeżiġu li jiksbu l-prezzijiet l-iktar baxxi, u li l-W5 kienu jissuspettaw li dawn tal-aħħar kienu jtuhom tnaqqis ikbar. Ir-reazzjoni tal-W5 meta, fl-2000, skoprew li l-kostrutturi ż-żgħar kienu bbenefikaw minn tnaqqis ekwivalenti għal tagħhom, kienet dik li jeżiġu b’mod individwali jew b’mod kollettiv (iżda dan seħħ biss darba) tnaqqis iktar għoli mingħand il-fornituri. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li l-W5 ma kellhom ebda mezz li jikkontrollaw l-osservanza, mill-fornituri, tal-impenn tagħhom, u lanqas li jissanzjonawhom jekk huma jagħtu tnaqqis iktar għoli lill-kostrutturi ż-żgħar. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni tagħti l-impressjoni qarrieqa li t-tnaqqis mogħti lill-W5 kien dejjem ikbar, filwaqt li, fl-2002, dan mar lura għal-livelli tal-1994 u li, għall-kuntrarju, iż-żieda fil-prezz gross kien kostanti matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur.

    48

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    49

    F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-argument li jgħid li għadd ta’ dokumenti jippermettu li jiġu stabbiliti li ż-żieda fil-prezz gross oriġinat mill-fornituri biss u li t-tnaqqis mogħti lill-W5 kien jiddependi biss mill-kwantitajiet mixtrija, u li l-kostrutturi l-kbar setgħu barra minn hekk jinnegozjaw dan it-tnaqqis mill-ġdid b’mod individwali ma’ kull fornitur, bl-istess mod kif kienu jagħmlu l-kostrutturi ż-żgħar, għandha tiġi enfasizzata n-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ftehim konklużi bejn il-W5 u l-fornituri b’mod ġenerali, fejn dawn jikkonċernaw kemm il-prezz gross, it-tnaqqis minimu mogħti lill-W5, u t-tnaqqis massimu applikabbli għall-kostrutturi ż-żgħar.

    50

    Fl-ewwel lok, għadd ta’ dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw il-konklużjoni ta’ ftehim bejn iż-żewġ partijiet dwar il-prezz gross, billi dan ma ġiex stabbilit b’mod unilaterali mill-fornituri u impost fuq il-kostrutturi l-kbar, kif issostni r-rikorrenti. Għaldaqstant, f’nota tal-kumpannija Hollandsche Beton Groep (iktar ’il quddiem il-“HBG”) tat-8 ta’ Lulju 1994, li hija kostruttur tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi u destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ġiet imposta fuqha multa ta’ EUR 7.2 miljun, jissemmew ftehim bejn il-W5 u l-kumpanniji petroliferi dwar il-prezz gross sal-1 ta’ Jannar 1995 (premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, in-nota interna ta’ SNV tad-9 ta’ Frar 1995 issemmi wkoll ftehim dwar il-prezzijiet li ġew konklużi bejn il-W5 u l-fornituri (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, nota ta’ SDV tal-14 ta’ Lulju 2000 tagħmel riferiment għal xi ftehim kollettivi dwar il-prezz gross li ġew konklużi bejn il-fornituri u l-W5 fl-1995 (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, xi noti tar-rikorrenti dwar xi laqgħat tat-12 ta’ Marzu u l-14 ta’ Settembru 1999 isemmu xi riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet f’dak li jikkonċerna l-prezz gross u t-tnaqqis mogħti lill-W5 (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata). Xi noti ta’ HBG tal-1999 u l-2000 ukoll jirreferu għall-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezzijiet u dwar il-miżuri ta’ kumpens u għaċ-ċaħda, mill-W5, tal-proposta ta’ żieda tal-prezzijiet tal-fornituri għall-1 ta’ April 2000 (premessi 107 u 110 tad-deċiżjoni kkontestata). Xi noti ta’ HBG u tar-rikorrenti jirreferu, barra minn hekk, għal laqgħa tal-1 ta’ Marzu 2001, li matulha l-fornituri xtaqu jnaqqsu l-prezz gross filwaqt li l-W5 ippreferew iżommu l-prezz gross fis-seħħ (premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fit-tweġiba tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll fit-tweġiba tagħha tal-20 ta’ Mejju 2005 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ammettiet li l-fornituri u l-W5 kienu kkonkludew ftehim minn proposti ta’ prezz gross imwettqa mill-fornituri (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

    51

    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum tat-12 ta’ Settembru, l-1 ta’ Ottubru u d-9 ta’ Ottubru 2003 u ta’ Nynas tat-2 ta’ Ottubru 2003 (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata), iċċitati mir-rikorrenti, ma jippermettux li tiġi kkontestata l-konklużjoni li tgħid li l-prezz gross ma kienx iffissat b’mod unilaterali mill-fornituri u imposti fuq il-kostrutturi l-kbar. Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet jippermettu biss li jiġi konkluż li jeżistu laqgħat preparatorji bejn il-fornituri li matulhom, dawn tal-aħħar kienu jiftiehmu dwar il-proposti tal-prezz li jkunu se jsiru lill-kostrutturi l-kbar matul il-laqgħat tal-akkordju.

    52

    Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata tagħmel referenza għal numru kbir ta’ dokumenti li jikkonfermaw li n-negozjar bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kien jirrigwarda wkoll it-tnaqqis mogħti lill-W5 u t-tnaqqis massimu mogħti lill-kostrutturi l-oħra tat-toroq. Dawn huwa l-każ, pereżempju, tat-tweġiba tar-rikorrenti tat-12 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, li fiha din indikat li d-diskussjonijiet bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar kienu jirrigwardaw kemm l-“iskali tal-prezzijiet” u t-“tnaqqis standard” (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, nota interna ta’ HBG tat-28 ta’ Marzu 1994 tirreferi għall-prezz standard, it-tnaqqis mogħti lill-W5 u tnaqqis massimu mogħti lill-kostrutturi l-oħra (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata). Nota interna ta’ HBG tal-24 ta’ Frar 1994 turi wkoll l-importanza li l-kostrutturi l-kbar kienu jagħtu għall-fatt li jiksbu tnaqqis li ma huwiex mogħti lill-kostrutturi ż-żgħar u li jiġi evitat li t-tnaqqis japplika għall-kostrutturi kollha kemm huma (premessa 95 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, rapport intern ta’ HBG tal-14 ta’ Settembru 1999 iwettaq sunt tal-ftehim dwar iż-“żidiet u l-miżuri ta’ kumpens” tal-1999 konklużi bejn il-W5 u l-fornituri (premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tweġiba ta’ Kuwait Petroleum tas-16 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tindika wkoll li l-laqgħa ta’ konsultazzjoni tas-27 ta’ Marzu 1998 kienet ippermettiet li l-prezz gross u t-tnaqqis jiġu indirizzati (premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata). Nota interna tar-rikorrenti dwar laqgħa tat-12 ta’ Marzu 1999 ukoll tagħmel referenza għall-prezz gross u għat-tnaqqis maqbul għall-W5 (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Xi noti ta’ HBG u tar-rikorrenti jirreferu, barra minn hekk, għal-laqgħa tal-1 ta’ Marzu 2001, u jippreċiżaw il-prezz gross maqbul, it-tnaqqis mogħti lill-W5 u dak mogħti lill-kostrutturi l-oħra (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata). Nota interna tar-rikorrenti tat-23 ta’ Mejju 2001, ikkonfermata bit-tweġiba tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni, ukoll issemmi l-prezz gross u t-tnaqqis mogħti lill-W5 (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti, filwaqt li ċċitat wieħed mill-impjegati tagħha, indikat ukoll li “ż-żidiet tal-prezzijiet standard ma kinux jikkostitwixxu problema jekk kemm-il darba kien ikun hemm żieda fit-tnaqqis” (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, analiżi ta’ SNV tad-9 ta’ Frar 1995 tindika l-importanza għall-W5 li tibbenefika minn tnaqqis iktar għoli minn dak mogħti lill-kostrutturi ż-żgħar (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata).

    53

    Dawn id-diversi provi jippermettu li jiġi stabbilit li l-ftehim konklużi bejn il-kostrutturi l-kbar u l-fornituri kienu jirrigwardaw kemm il-prezz gross kif ukoll it-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5. Il-fatt, jekk jiġi stabbilit, li setgħu jinħolqu diverġenzi u kunflitti dwar il-livell ta’ dan il-prezz u tat-tnaqqis matul dawn in-negozjati bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar ma huwiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-fornituri imponew iż-żidiet fil-prezz gross fuq il-W5.

    54

    F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-tnaqqis li kien ingħata lill-W5 kien ġustifikat kummerċjalment minħabba l-kwantitajiet mixtrija, hemm lok li jiġu eżaminati l-kwantitajiet mixtrija b’mod individwali minn kull membru tal-W5, u mhux il-kwantità globali mixtrija mill-membri tagħha kollha. Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kostrutturi ż-żgħar ma kinux jibbenefikaw mill-istess tnaqqis mogħti lill-membri tal-W5, minkejja li kultant, b’mod individwali, huma kienu jixtru kwantitajiet ta’ bitum ikbar mill-membri tal-W5. Għalhekk, f’dikjarazzjoni magħmula fit-12 ta’ Lulju 2002, impjegat ta’ BP indika li l-fornituri spiss kienu jiksru l-ftehim konklużi mal-W5 billi jagħtu tnaqqis ikbar lil xi kostrutturi żgħar li kienu jixtru kwantitajiet ikbar ta’ bitum mingħandhom. Il-Kummissjoni kienet, barra minn hekk, diġà rrispondiet għal dan l-argument fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata billi enfasizzat, barra minn hekk, minn naħa, li l-kostrutturi l-kbar stess kienu rrikonoxxew li huma kienu ġeneralment jinnegozjaw tnaqqis addizzjonali skont il-kwantitajiet mixtrija b’mod individwali u, min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ għoti, lill-kostrutturi ż-żgħar, ta’ tnaqqis ikbar minn dak miftiehem fil-ftehim (u dan, anki jekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, dan il-mekkaniżmu intuża biss f’okkażjoni waħda) kien jikkostitwixxi ħjiel addizzjonali li t-tnaqqis mogħti lill-W5 ma kienx proporzjonat għall-volumi mixtrija. Barra minn hekk, minn dokument intern ta’ HBG tat-23 ta’ Diċembru 1999 jirriżulta li t-tnaqqis mogħti lill-W5 matul laqgħat ta’ konsultazzjoni huwa spjegat “mill-kwantitajiet totali u l-vantaġġ fuq dawk li ma [kinux jipparteċipaw] fis-sistema” (premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn id-diversi elementi, kif ukoll l-importanza mogħtija mill-W5 għal-livell ta’ tnaqqis tagħhom matul il-laqgħat tal-akkordju (ara l-punt 52 iktar ’il fuq) jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li t-tnaqqis mogħti lill-W5 kien jiddependi mill-volumi mixtrija.

    55

    It-tielet nett, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-fatt li l-kostrutturi ż-żgħar kienu jaġixxu bl-istess mod bħall-kompetituri tagħhom li huma ikbar fin-negozjati tagħhom mal-fornituri, billi kienu jeżiġu li jiksbu l-prezzijiet l-iktar baxxi, u dan peress li, fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni, is-sitwazzjoni ta’ impriża li tinnegozja l-prezzijiet tagħha ma’ fornitur b’mod individwali hija differenti minn dik ta’ impriżi li jaġixxu b’mod kollettiv.

    56

    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-W5 ma kellhom ebda mezz biex jikkontrollaw li l-fornituri josservaw l-impenni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li għadd ta’ provi konkordanti jippermettu li jiġi stabbilit li l-W5 kienu implementaw mekkaniżmu ta’ sanzjoni fl-eventwalità fejn il-fornituri jagħtu lill-kostrutturi ż-żgħar tnaqqis iktar għoli minn dak stabbilit (ara wkoll il-punti 94 sa 96 iktar ’il fuq). Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq għadd ta’ elementi konkordanti li jsemmu sanzjonijiet finanzjarji individwali jew, għall-inqas f’okkażjoni waħda, sanzjonijiet finanzjarji kollettivi mill-W5 fir-rigward tal-fornituri li jagħtu tnaqqis għoli wisq lill-kostrutturi ż-żgħar, kif ukoll tibdil tal-fornitur f’każ li jiġi skopert tali tnaqqis (premessi 82 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, f’rapport intern ta’ Wintershall tal-4 ta’ Marzu 1996 dwar żjara li saret fil-kumpannija ta’ kostruzzjoni Heijmans NV, jissemmew dawn is-sanzjonijiet għas-sena 1995 (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, rapport ta’ HBG dwar il-konsultazzjoni tal-14 ta’ Settembru 1999 jiddeskrivi interrogazzjoni dwar it-tnaqqis kbir mogħti lil żewġ kostrutturi żgħar (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dak li jikkonċerna s-sena 2000, ir-rikorrenti stess, kif ukoll BP, isemmu multa kollettiva imposta fuq il-fornituri wara li ġie skopert tnaqqis mogħti lil Krekel, li huwa kostruttur żgħir (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dikjarazzjoniijet tagħhom, Kuwait Petroleum u BP ukoll ikkonfermaw il-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet f’każ li jiġi skopert l-għoti ta’ tnaqqis kbir wisq lil kostruttur żgħir (premessi 85 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nota interna ta’ SNV tad-9 ta’ Frar 1995, tissemma’ wkoll theddida ta’ tnaqqis tal-ordnijiet ta’ bitum f’każ ta’ offerti kompetittivi magħmula lil kostrutturi li ma humiex membri tal-W5 (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, f’dokument dwar konsultazzjoni tal-4 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrenti semmiet ukoll multa imposta fuq Nynas minħabba l-politika tagħha tal-prezzijiet (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), li kienet ikkonfermata minn Kuwait Petrtoleum fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

    57

    F’dak li jikkonċerna, ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-prezz tal-bitum żdied b’mod kontinwu matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur, filwaqt li t-tnaqqis mogħti lill-W5, fl-2002 reġa’ sab il-livell tiegħu tal-1994, ma għandu ebda bażi fattwali. Fil-fatt, mill-Anness 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prezz gross varja ħafna bejn l-1994 u l-2002 u ma żdiedx b’mod sistematiku, u wkoll, xi tnaqqis okkorra b’mod regolari. F’dak li jikkonċerna l-iżvilupp tat-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5, mid-dokumenti msemmija fil-premessi 93 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ġeneralment dan kien isegwi ż-żidiet fil-prezz gross u għaldaqstant żdied b’mod kontinwu matul il-perijodu 1998-2000, biex imbagħad fl-2002 reġa’ laħaq livell viċin ta’ dak tal-1994 [60 gilder Olandiż (NGL) fl-2002, NGL 50 fl-1994]. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li t-tnaqqis mogħti lill-W5 kien sar proporzjonalment inqas għoli miż-żieda tal-prezz gross.

    58

    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni dwar il-kontenut tal-ftehim bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar u li dan it-tieni argument għandu jiġi miċħud.

    3. Fuq it-tielet żball ta’ fatt, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-interess tal-kostrutturi l-kbar fl-akkordju

    a) L-argumenti tal-partijiet

    59

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-interess tal-W5 fl-akkordju. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa l-Kummissjoni rrinunzjat għat-teorija ppreżentata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tgħid li l-W5 kellha interess li żżomm il-prezz gross artifiċjalment għoli u, min-naħa l-oħra, ippreżentat teorija ġdida. Skont il-Kummssjoni, li bbażat ruħha fuq nota ta’ SNV tas-6 ta’ Frar 1995, il-membri tal-W5 kellhom interess f’li l-prezzijiet tal-bitum jiżdiedu b’mod simultanju u sostanzjali, sabiex jogħla l-valur tal-indiċi stabbilit minn korp mingħajr skop ta’ lukru inkarigat mill-pubblikazzjoni tal-prezzijiet tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, iżda huma bbenefikaw ukoll minn tnaqqis tal-prezzijiet tal-bitum bil-kundizzjoni li dan it-tnaqqis ikun progressiv u mifrux fuq medda ta’ żmien. Fil-fatt, tali tnaqqis ma wassalx għal tnaqqis tal-indiċi inkwistjoni u ppermettielhom li ma jgħaddux dan it-tnaqqis fuq il-korpi kontraenti. Ir-rikorrenti, filwaqt li sostniet li ma kinitx taf b’mod dettaljat dwar il-mod li bih jiġi ffissat dan l-indiċi, tindika li taf li dan l-indiċi kien rivedut kull xahar abbażi tad-data dwar il-prezzijiet kollha tax-xiri, miġbura b’mod dirett mill-korp inkarigat sabiex jistabbilixxi dan, u b’mod individwali minn ċertu numru ta’ impjanti ta’ taħlit tal-asfalt, u li kienet ikkonstatat li l-iżvilupp effettiv ta’ dan l-indiċi ma ppermettiex li jikkorrabora t-teorija tal-Kummissjoni. Hija tindika wkoll li l-kostrutturi l-kbar ma oġġezzjonawx tnaqqis fil-prezz gross tal-bitum matul il-laqgħa tat-12 ta’ April 2000, iżda li, wara t-tentattiv tagħhom li jirtiraw mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-fornituri, dawn kienu heddewhom li jnaqqsu, fl-istess ħin, il-prezz gross u t-tnaqqis mogħti lilhom, u dan huwa għalxiex huma oġġezzjonaw. Barra minn hekk, l-istess fenomenu reġa’ seħħ f’Marzu 2001. Barra minn hekk, hija ssostni li żieda fil-prezz li sseħħ matul l-istaġun tal-kostruzzjoni tat-toroq toħloq biss żvantaġġi għal kostruttur, u dan għaliex huma biss 5 % tal-proġetti li kienu jinkludu klawżola ta’ kumpens għad-dannu marbut mal-iżvilupp tal-prezz tal-materji primi. Barra minn hekk, hija tippreċiża li kultant kien possibbli li kostruttur jgħaddi din iż-żieda fil-prezz tal-bitum fl-assenza ta’ klawżola speċifika, iżda li din il-possibbiltà kienet tgħodd għall-kostrutturi kollha, inklużi l-kostrutturi ż-żgħar. Fl-aħħar nett, hija tindika li ż-żidiet fil-prezz li seħħew fil-bidu tal-istaġun tal-kostruzzjoni tat-toroq setgħu jiġu mgħoddija iktar faċilment u li l-kostrutturi kollha għaldaqstant kellhom interess għal stabbiltà fil-prezzijiet matul dan l-istaġun, filwaqt li l-fornituri xtaqu jżidu l-prezzijiet tagħhom fi kwalunkwe mument.

    60

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    61

    Il-qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li xi parteċipanti fl-istess akkordju setgħu jkollhom interessi ekonomiċi addizzjonali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni, T-217/03 u T-245/03, Ġabra p. II-4987, punt 322). F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-fornituri, bħall-W5, kellhom interess komuni fl-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezz gross u t-tnaqqis, billi dawn kellhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni min-naħa tal-fornituri u tal-kostrutturi l-kbar. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-għan tal-W5, li ma kienx li jikkawża ħsara lill-konsumatur finali, iżda li jillimita l-effetti taż-żidiet fil-prezz imposti mill-fornituri.

    62

    Qabelxejn, għandu jitfakkar, b’mod konformi mal-punt 31 iktar ’il fuq, li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-impriża akkużata kellhiex interess kummerċjali fil-ftehim imsemmija, peress li l-Kummissjoni rnexxielha tiġbor provi dokumentali insostenn tal-ksur allegat u peress li dawn il-provi jidhru suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva (sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, punt 46). B’hekk, huwa biss sussidjarjament li l-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-kwistjoni ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-għan tal-W5.

    63

    Preliminarjament, għandu jitfakkar fil-qosor il-funzjonament tas-Centrum voor regelgeving en onderzoek in de grond-, water- en wegenbouw en de Verkeerstechniek (CROW, Ċentru għar-regolamentazzjoni u r-riċerka fil-qasam tal-inġinerija ċivili u tat-traffiku), korp mingħajr skop ta’ lukru li kien inkarigat, b’mod partikolari, li kull xahar jippubblika l-prezzijiet tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq sa mis-snin sebgħin (premessi 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata), minn elementi li fuqhom il-partijiet qablu.

    64

    Il-pubblikazzjoni tal-prezz tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq mill-CROW kienet issir, sal-1 ta’ Novembru 1995, wara konsultazzjoni mal-produtturi tal-asfalt. Wara din id-data, il-kalkolu kien isir mis-CBS (Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika), entità governattiva, abbażi ta’ studju tas-suq li kien jirrigwarda diversi impjanti ta’ taħlit tal-asfalt, jiġifieri qabel l-applikazzjoni ta’ eventwali tnaqqis lill-kostrutturi, u dan l-indiċi tal-prezzijiet, ippubblikat mill-CROW (iktar ’il quddiem l-“indiċi tal-CROW”), kien iservi bħala referenza għall-kuntratti tal-kostruzzjoni tat-toroq fuq żmien twil li kienu jinkludu klawżola ta’ ġestjoni tar-riskji. Fil-fatt, għal dawn il-kuntratti, f’każ ta’ żieda tal-indiċi tal-CROW li tmur lil hinn minn ċertu limitu, l-awtoritajiet kontraenti kienu marbuta jagħtu kumpens lill-kostrutturi. Għall-kuntrarju, fil-każ ta’ tnaqqis fl-indiċi tal-CROW taħt ċertu limitu, il-kostrutturi kellhom jagħtu kumpens għad-dannu lill-awtoritajiet kontraenti. Minn dan jirriżulta li, għaldaqstant, il-kostrutturi ma kinux żvantaġġati minn żieda fil-prezzijiet meta dawn kienu jiżdiedu b’mod simultanju, li b’hekk kienu jżidu l-indiċi tal-CROW. Min-naħa l-oħra, il-kostrutturi ma kellhomx interess fit-tnaqqis tal-prezz, li, għalkemm kien iwassal għal tnaqqis fl-indiċi tal-CROW, kien jobbligahom li jirrimborsaw lill-parti kontraenti tagħhom bid-differenza fil-prezz.

    65

    Ir-rikorrenti, filwaqt li sostniet li ma tafx b’mod preċiż il-mekkaniżmu ta’ kif jiġi kkalkulat l-indiċi tal-CROW, ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali dokument li jindika l-iżvilupp effettiv ta’ dan l-indiċi bejn l-1997 u l-2005, u sostniet li dan jaqleb it-teorija esposta mill-Kummissjoni fil-premessi 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-fornituri jżidu l-prezzijiet tagħhom b’mod simultanju u sostanzjali u jbaxxuhom biss b’mod progressiv ħafna. Madankollu, dan id-dokument ma jipprovdi ebda indikazzjoni dwar jekk il-prezzijiet żdiedux b’mod simultanju u tnaqqsux b’mod separat. Huwa jippermetti biss li jiġi kkonstatat li, matul il-perijodu 1997-2005, l-indiċi tal-CROW dwar il-prezz tal-bitum żdied b’mod kostanti, ħlief għall-perijodu ta’ bejn ix-xahar ta’ Frar 1998 u x-xahar ta’ April 1999. Barra minn hekk, l-anness 1 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonferma li, matul il-perijodu kollu li fih seħħ il-ksur, il-prezz gross tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq żdied b’NGL 253. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eżami tal-funzjonament ta’ dan l-indiċi jsostni l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, għall-kuntratti li jinkludu klawżola ta’ ġestjoni tar-riskji, il-kostrutturi ma kinux ippenalizzati minn żieda fil-prezzijiet u, għall-kuntrarju, ma kellhomx interess fi tnaqqis tal-prezzijiet. Madankollu, ma huwiex bżonn li jiġi stabbilit il-mekkaniżmu eżatt tal-kalkolu ta’ dan l-indiċi, li jqajjem dibattitu bejn il-partijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat l-interess tal-W5 fl-akkordju.

    66

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kostrutturi l-kbar oġġezzjonaw tnaqqis fil-prezz gross tal-bitum fl-2000 u fl-2001. Madankollu, min-noti meħuda minn impjegat tar-rikorrenti matul il-laqgħa tal-akkordju tat-12 ta’ April 2000, li l-Kummissjoni ssemmi fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-kostrutturi l-kbar kienu mħassba dwar tnaqqis fil-prezz gross li kien se jiswiehom ħafna, minħabba tnaqqis fl-indiċi tal-CROW. Ir-rikorrenti tindika li dan id-dokument għandu jitqies fil-kuntest tiegħu, jiġifieri li l-kostrutturi l-kbar kienu indikaw lill-fornituri li huma xtaqu jirtiraw mill-akkordju, u dan huwa għaliex il-fornituri rrispondewhom b’theddida ta’ tnaqqis drastiku tal-prezz gross kif ukoll tnaqqis drastiku tat-tnaqqis partikolari li kien mogħti lilhom. Madankollu, din l-affermazzjoni ma hija sostnuta minn ebda prova u, fi kwalunkwe każ, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-kostrutturi l-kbar la xtaqu li l-prezzijiet tal-bitum jinżlu u lanqas li jonqos it-tnaqqis partikolari.

    67

    F’dak li jikkonċerna s-sena 2001, fil-premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li mid-dokumenti ta’ HBG u tar-rikorrenti kien jirriżulta li l-fornituri xtaqu jnaqqsu l-prezz gross minħabba d-differenza fil-prezz mal-pajjiżi ġirien, filwaqt li l-W5 kienu pproponew li l-prezz gross jinżamm kif inhu u li t-tnaqqis tagħha jiżdied, u li finalment kien ġie deċiż li l-prezz gross jitnaqqas bi ftit (-NGL 20) u li t-tnaqqis jinżamm f’livell għoli (NGL 80). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, peress li minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-fornituri xtaqu jżommu l-livell tal-prezzijiet wara t-tnaqqis, iżda riedu jnaqqsu kemm il-prezz gross kif ukoll it-tnaqqis tagħhom. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni użat dawn id-dokumenti sabiex tistabbilixxi li l-kostrutturi l-kbar ma kellhomx interess fi tnaqqis tal-prezz gross u lanqas fi tnaqqis tat-tnaqqis partikolari tagħhom, u li għaldaqstant, huma ma kinux sempliċi vittmi tal-fornituri.

    68

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tipprova tnaqqas l-importanza tal-indiċi tal-CROW billi tindika li huma biss 5 % tal-kuntratti pubbliċi li jinkludu klawżola ta’ kumpens għad-dannu marbut mal-iżvilupp tal-prezz tal-materji primi. Il-Kummissjoni tippreċiża li, skont kostruttur ieħor membru tal-W5, 10 sa 15 % tal-kuntratti pubbliċi jinkludu tali klawżola. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tirrileva li minn numru kbir ta’ dokumenti jirriżulta li din il-kwistjoni kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet matul laqgħat tal-akkordju [premessi 94 (nota ta’ HBG tat-8 ta’ Lulju 1994), 101 (nota interna ta’ BP tal-1996), 107 (rapport ta’ HBG tal-14 ta’ Settembru 1999), 111 (noti tar-rikorrenti tat-12 ta’ April 2000) u 115 (noti ta’ HBG tas-16 ta’ Frar 2001) tad-deċiżjoni kkontestata], u dan jippermetti li din titqies bħala element ċentrali tan-negozjati, ikun x’ikun in-numru ta’ kuntratti pubbliċi kkonċernati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti stess għamlet riferiment għal dan it-tip ta’ klawżoli fit-tweġiba tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003, billi indikat li hija ngħatat tnaqqis partikolari għax-xogħlijiet li għalihom ebda imputazzjoni ma kienet miftiehma b’mod kuntrattwali f’każ ta’ żieda fil-prezz tal-bitum.

    69

    Barra minn hekk, minn naħa r-rikorrenti tindika, li jekk kultant kien possibbli li kostruttur jgħaddi żieda fil-prezz tal-bitum fuq l-awtorità kontraenti fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ ġestjoni tar-riskji, din il-possibbiltà kienet tgħodd għall-kostrutturi kollha, inklużi l-kostrutturi ż-żgħar, u, min-naħa l-oħra, li żieda fil-prezz li seħħet fil-bidu tal-istaġun setgħet tiġi mgħoddija iktar faċilment mill-kostrutturi kollha u li għaldaqstant kollha kemm huma kellhom interess fi stabbiltà tal-prezzijiet matul l-istaġun. Madankollu, dan l-argument ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interess tal-W5 fl-akkordju. Fil-fatt, fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, in-negozjati mwettqa b’mod bilaterali bejn żewġ impriżi u, min-naħa l-oħra, il-ftehim kollettivi dwar il-prezzijiet u dwar it-tnaqqis partikolari, konklużi b’mod kollettiv. Il-fatt li l-kostrutturi ż-żgħar ukoll kellhom interess f’varjazzjonijiet fil-prezz li jseħħu fil-bidu tal-istaġun tal-proġetti ta’ kostruzzjoni tat-toroq ma huwiex biżżejjed sabiex, fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-impatt negattiv tar-tnaqqis iktar għoli mogħti lill-W5 jiġi newtralizzat.

    70

    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti stess indikat, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-membri tal-W5 setgħu jaċċettaw żieda fil-prezz gross bil-kundizzjoni li huma jiksbu tnaqqis ikbar milli l-kostrutturi ż-żgħar (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

    71

    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-fornituri u l-W5 kellhom interess komuni fl-eżistenza ta’ ftehim dwar il-prezz gross u dwar it-tnaqqis u li l-interess tal-kostrutturi l-kbar huwa spjegat kemm mill-mekkaniżmu tal-klawżoli ta’ ġestjoni tar-riskji fil-kuntratti pubbliċi kif ukoll mit-tnaqqis speċifiku li kienu jibbenefikaw minnu, li kien jagħtihom vantaġġ kompetittiv meta mqabbla mal-kostrutturi ż-żgħar għall-kisba tal-kuntratti pubbliċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni tal-interess tal-W5 fl-akkordju.

    4. Fuq ir-raba’ żball ta’ fatt, ibbażat fuq l-assenza ta’ impatt tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq

    a) L-argumenti tal-partijiet

    72

    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-prezz tal-bitum kien jikkostitwixxi fattur ta’ spiża kbir ħafna għall-impriżi tal-kostruzzjoni tat-toroq, filwaqt li fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija kienet indikat li l-ispiża għax-xiri tal-bitum kienet tirrappreżenta biss 1.5 % tal-ispiża totali ta’ proġett ta’ kostruzzjoni tat-toroq u li l-kostrutturi l-oħra membri tal-W5 kienu kkonfermaw din iċ-ċifra lill-Kummissjoni. Billi d-differenzi fil-prezz marbuta mat-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 kienu biss ta’ 1 %, hija tassumi li l-Kummissjoni laqgħet din l-affermazzjoni żbaljata biss sabiex turi n-natura bilaterali tal-akkordju. Barra minn hekk, hija tqis li l-fatt li l-kostrutturi l-kbar kienu jeżiġu tnaqqis kbir kien biss parti mill-istrateġija tax-xiri tagħhom u ma kienx jikkostitwixxi strument li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-Kummissjoni ma tistax tressaq evidenza fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja.

    73

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    74

    Qabelxejn għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, imma alternattivi, sabiex ikun evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. Issa, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tal-ftehim, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku li għandu jiġi applikat fih. Fil-każ madankollu fejn l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jurix grad biżżejjed ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, għandu għalhekk isir eżami tal-effetti u, sabiex ikun ipprojbit, jeħtieġ li jiġu sodisfatti elementi li jistabbilixxu li kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali. Barra minn hekk ma huwiex neċessarju li jkunu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar jiġi stabbilit (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, Ġabra p. I-9291, punt 55). F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet għaldaqstant marbuta biss tistabbilixxi li l-ftehim kellhom l-għan li jipprevenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma kienet marbuta turi l-effetti antikompetittivi tal-imsemmija ftehim.

    75

    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-ftehim li jistabbilixxu l-prezz gross tal-bitum, tnaqqis partikolari minimu mogħti lill-W5 kif ukoll tnaqqis massimu mogħti lill-kostrutturi ż-żgħar kellhom l-għan li jikkawżaw preġudizzju lill-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tal-imsemmija ftehim għaldaqstant ma kienx meħtieġ sabiex jiġi evalwat jekk huma jaqgħux taħt il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) KE (premessi 155 sa 160). Il-Kummissjoni għaldaqstant eżaminat l-effetti tal-imsemmija ftehim, fil-premessi 79 sa 86 u 169 sa 174, b’mod sussidjarju biss.

    76

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq, b’mod partikolari minħabba l-parti żgħira li l-ispiża tax-xiri tal-bitum għandha mill-ispiża totali ta’ proġett (1.5 %). Il-Kummissjoni tikkontesta din iċ-ċifra billi tindika li r-rikorrenti użat metodu ta’ kalkolu estensiv ħafna u li dokument pubbliku tal-uffiċċju tal-istatistika Olandiż kien jenfasizza, fl-2006, l-impatt tal-prezz tal-bitum fuq l-ispejjeż tax-xogħlijiet fit-toroq. Ir-rikorrenti tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan id-dokument bħala prova, peress li dan ġie ppreżentat biss fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja.

    77

    Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan id-dokument, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi oħra sabiex tistabbilixxi li t-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 kellu impatt fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tat ċifra għall-parti tal-ispiża tal-bitum fil-kostruzzjoni tat-toroq, hija mandankollu rrilevat li “għall-W5 il-livell assolut tal-prezz nett tal-bitum kien inqas importanti mill-fatt li huma kienu jibbenefikaw minn vantaġġ relattiv meta mqabbla mal-kostrutturi tat-toroq li ma jagħmlux parti mill-W5”, peress li dan il-vantaġġ relattiv seta’ “jippermettilhom li jirbħu sejħiet pubbliċi għal offerti għax-xogħlijiet li jeħtieġu konsum relattivament għoli ta’ bitum” (premessi 70 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Din l-affermazzjoni tibbaża ruħha fuq għadd ta’ dokumenti konkordanti tal-fajl amministrattiv. Fl-ewwel lok, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti indikat li “l-prezzijiet netti tal-bitum konsegwentement [kienu] jirrappreżentaw l-ispiża tal-akkwist tal-bitum għall-kostruttur tat-toroq individwali” u li “[g]ħal dan tal-aħħar, dawn il-prezzijiet għaldaqstant [kienu] l-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-ispiża tal-akkwist ta’ tunnellata ta’ asfalt bħala komponent ta’ proġett ta’ kostruzzjoni tat-toroq”. Fit-tieni lok, fin-nota interna tagħha tad-9 ta’ Frar 1995, SNV kienet enfasizzat li l-W5 “kienet tagħti importanza kbira lill-possibbiltà li jkollha l-prezzijiet tax-xiri l-iktar baxx meta mqabbla mal-kompetizzjoni”, billi l-prezz assolut tal-prezz huwa ħafna inqas għoli. Fit-tielet lok, fid-dikjarazzjoni tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2003, Kuwait Petroleum ippreċiżat li l-kostrutturi l-kbar setgħu jkunu jafu jekk fornitur kienx kiser il-ftehim tal-akkordju billi offra tnaqqis ikbar lil kostruttur żgħir permezz tal-Cobouw, rivista Olandiża li telenka s-sejħiet għal offerti u r-riżultati tal-għoti tal-kuntratti fis-settur tal-kostruzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, f’rendikont tal-31 ta’ Ottubru 2001, ta’ żjara lil Van Kessel, kostruttur żgħir, Veba, fornitur, ikkonfermat li l-iktar importanti għal dan il-kostruttur ma kienx il-prezz assolut iżda li jikseb il-prezz l-iktar baxx possibbli.

    78

    Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant tqis li dawn l-elementi jippermettu li jiġi stabbilit li t-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 kellu impatt fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiddeċiedi dwar il-parti eżatta tal-ispiża tal-bitum mill-ispiża totali ta’ proġett tat-toroq.

    79

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-kostrutturi l-kbar kienu eżiġew tnaqqis ikbar huwa biss parti mill-istrateġija tax-xiri tagħhom, li kienet effettiva, iżda li ma kienx strument li bih tiġi ristretta l-kompetizzjoni. Madankollu għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-liġi tal-kometizzjoni, il-ftehim kollettivi dwar il-prezzijiet u t-tnaqqisijiet partikolari konklużi b’mod kollettiv, fil-prinċipju huma pprojbiti u ma humiex sempliċi strateġija kummerċjali, kuntrarjament għal sempliċi negozjati kummerċjali mwettqa b’mod bilaterali bejn żewġ impriżi.

    80

    Minn dak premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq.

    5. Fuq il-ħames żball ta’ fatt, dwar il-funzjonament tal-akkordju: oriġini u żvilupp tal-akkordju matul iż-żmien u mekkaniżmu tas-sanzjonijiet

    a) L-argumenti tal-partijiet

    81

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet tliet żbalji ta’ fatt dwar il-funzjonament tal-akkordju.

    82

    Fl-ewwel lok, filwaqt li għadd ta’ dikjarazzjonijiet konkordanti ta’ fornituri (BP, Kuwait Petroleum u Nynas) kif ukoll dokument intern tar-rikorrenti jistabbilixxu li kienu biss il-fornituri li ħarġu bl-inizjattiva tal-akkordju, il-Kummissjoni għażlet li fid-deċiżjoni kkontestata tikkwota d-dikjarazzjonijet kuntrarji ta’ SNV.

    83

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żball dwar l-iżvilupp tal-akkordju matul iż-żmien. Għalhekk, ebda diskussjoni ma seħħet bejn il-W5 u l-fornituri qabel l-1996, data li minnha bdew iseħħu xi laqgħat li kienu biss formalitajiet, u dawn ma kienu bl-ebda mod differenti minn diskussjonijiet bilaterali bejn fornitur u xerrej individwali, b’mod partikolari dawk imwettqa minn kull kostruttur żgħir. Huwa biss mill-1999 li s-sitwazzjoni żviluppat, meta l-W5 qiesu li jkun utli li tiġi deċiża pożizzjoni komuni qabel kull laqgħa mal-fornituri minħabba l-iżvilupp qawwi tal-prezzijiet tal-bitum u minħabba li ġie skopert tnaqqis għoli mogħti lill-kosturtturi ż-żgħar.

    84

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni evalwat ir-rwol tal-kostrutturi l-kbar fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tas-sanzjonijiet b’mod żbaljat. Fil-fatt, dawn tal-aħħar kienu eżiġew darba biss, f’April tal-2000, tnaqqis kollettiv addizzjonali wara l-iskoperta ta’ tnaqqis għoli mogħti lill-kostrutturi ż-żgħar. F’dik l-okkażjoni, il-kumpannija ExxonMobil, li l-Kummissjoni għaldaqstant qieset li ma tagħmilx parti mill-akkordju, ukoll tat tnaqqis addizzjonali lill-W5. Il-Kummissjoni ma għandha ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li f’okkażjoni oħra kien ġie implementat mekkaniżmu tas-sanzjonijiet. Barra minn hekk, għadd ta’ elementi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni jippermettu li jiġi kkonstatat li l-kostrutturi ż-żgħar ukoll eżiġew li jibbenefikaw mill-prezzijiet ta’ wara t-tnaqqis l-iktar baxxi fis-suq.

    85

    Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-argumenti kollha.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    86

    F’dak li jikkonċerna l-ewwel argument li jirrigwarda l-provi dwar l-oriġini tal-akkordju, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq għadd ta’ dokumenti konkordanti sabiex tattribwixxi l-oriġini tal-akkordju sew lill-fornituri u lill-kostrutturi l-kbar b’mod konġunt. Preliminarjament għandu jitfakkar li d-dikjarazzjoniet tal-fornituri msemmija fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti qiegħda tfittex li tinvoka jikkonċernaw biss il-laqgħat preparatorji tal-fornituri u li huma ma jipprovdu ebda element dwar l-oriġini tal-akkordju.

    87

    Għall-kuntrarju, għadd ta’ dokumenti tal-istess żmien tal-bidu tal-akkordju jippermettu li tiġi kkorroborata t-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-W5 kienet interessata fl-implementazzjoni tal-akkordju bl-istess mod bħalma kienu interessati l-fornituri. Għaldaqstant, fin-nota interna ta’ SNV tas-6 ta’ Frar 1995, jissemma t-tħassib tal-kostrutturi l-kbar dwar l-instabbiltà tal-prezzijiet tal-bitum fl-1994 li “kienet tipperikola l-prezz tal-CROW u s-sejħiet għal offerti”. Barra minn hekk, nota interna tad-9 ta’ Frar 1995 ta’ SNV tikkonferma n-natura bilaterali tal-akkordju, li hija tikkwalifika bħala “kooperazzjoni bejn żewġ kartelli”. Bl-istess mod, rapport ta’ Wintershall tal-20 ta’ Frar 1992 isemmi l-fatt li r-rikorrenti ikkuntattjat lil SNV sabiex titlobha tagħmel xi proposti dwar il-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni futura bejn il-fornituri u l-W5. Fl-aħħar nett, f’nota interna tat-8 ta’ Lulju 1994, HBG issemmi t-tħassib tagħha dwar id-deċiżjoni tal-fornituri li ma jsegwux il-ftehim konklużi f’Marzu 1994.

    88

    Il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod ġust li dawn id-dokumenti kienu jippermettu li jiġi stabbilit li l-W5, flimkien mal-fornituri, kienu ħolqu l-akkordju. L-istruzzjonijiet tas-segretarjat intern tar-rikorrenti, li din tal-aħħar tfittex li tinvoka, u li fihom jinsab indikat li l-inizjattiva tal-konsultazzjonijiet tal-kostrutturi l-kbar kienu joriġinaw minn SNV, u li jikkonċernaw il-kwistjoni tal-identità tal-mexxej tal-akkordju, huma waħedhom ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni misluta mill-eżami tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq.

    89

    Fil-kuntest tat-tieni argument, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li evalwat b’mod żbaljat l-iżvilupp tal-akkordju matul iż-żmien. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li għadd ta’ provi konkordanti jippermettu li jiġu kkonfermati l-eżistenza u l-iżvilupp tal-ksur mill-1994 sal-2002 (premessi 93 sa 126).

    90

    Għalhekk, għas-snin 1994 u 1995, il-Kummissjoni semmiet elementi li jagħtu prova tal-eżistenza tal-ftehim bejn il-fornituri u l-W5 kif ukoll l-implementazzjoni ta’ dawn il-ftehim (premessi 93 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

    91

    Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-mekkaniżmu tal-konklużjoni tal-ftehim ġie emendat fl-1996, peress li minn dik id-data SNV u r-rikorrenti ma kinux għadhom inkarigati millli jikkonkludu, waħedhom, ftehim għan-nom tal-parteċipanti kollha tal-akkordju, dan il-bdil organizzattiv madankollu ma affettwax l-elementi li l-akkordju kien jirrigwarda (premessa 100).

    92

    Bl-istess mod, ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-laqgħat tal-akkordju bidlu n-natura tagħhom fl-1999, u b’mod partikolari li kien biss minn din id-data li l-kostrutturi l-kbar ingħaqdu sabiex jippreparaw il-laqgħat mal-fornituri. Għalhekk, b’mod partikolari mit-tweġiba tar-rikorrenti tat-12 ta’ Settembru 2003 għal talba għal informazzjoni jirriżulta li l-membri tal-W5 kienu jiltaqgħu immedjatament qabel (jew wara) l-konsultazzjonijiet mal-fornituri sabiex jippreparaw (jew jevalwaw) b’mod kollettiv il-konsultazzjoni (premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Għadd ta’ fornituri wkoll ikkonfermaw li l-kostrutturi l-kbar kienu jiltaqgħu qabel il-laqgħa tal-akkordju sabiex jippreparawha (premessi 73 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-fatt li sa mill-1999 kien hemm iktar tensjoni fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ gruppi tal-akkordju ma għandu ebda effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-laqgħat fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti, intiż sabiex il-laqgħat li nżammu fl-ewwel snin tal-akkordju jiġu kklassifikati bħala sempliċi diskussjonijiet bilaterali bejn fornituri u xerrejja, għandu jiġi miċħud, peress li ftehim kollettivi dwar il-prezzijiet u t-tnaqqis partikolari konklużi b’mod kollettiv ma jistgħux jitqabblu ma negozjati kummerċjali mwettqa b’mod bilaterali bejn żewġ impriżi.

    93

    Fir-rigward tat-tielet argument, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ssopravalutat ir-rwol tal-W5 fil-mekkaniżmu tas-sanzjonijiet, peress li dawn intervjenew biss darba, fl-2000. Barra minn hekk, hija tqis li t-theddid regolari tal-W5 li jibdlu l-fornituri kien jikkostitwixxi aġir kummerċjali identiku għal dak adottat mill-kostutturi ż-żgħar.

    94

    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq għadd ta’ elementi konkordanti li jindikaw is-sanzjonijiet finanzjarji individwali jew, tal-inqas f’okkażjoni waħda, kollettivi mill-W5 fir-rigward tal-fornituri li jagħtu tnaqqis kbir wisq lill-kostrutturi ż-żgħar, kif ukoll tibdil tal-fornitur f’każ li jiġi skopert tali tnaqqis. Għaldaqstant, f’rapport intern ta’ Wintershall tal-4 ta’ Marzu 1996, dwar żjara lil Heijmans, jissemmew dawn is-sanzjonijiet għas-sena 1995 (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, rapport ta’ HBG dwar il-konsultazzjoni tal-14 ta’ Settembru 1999 jiddeskrivi interrogazzjoni dwar it-tnaqqis kbir mogħti lil żewġ kostrutturi żgħar (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dak li jikkonċerna s-sena 2000, ir-rikorrenti stess kif ukoll BP isemmu multa kollettiva imposta fuq il-fornituri kollha wara li sar magħruf it-tnaqqis mogħti lil Krekel, kostruttur żgħir (premessa 84 tad-deċiżjoni kkontestata). Kuwait Petroleum ukoll ikkonfermat il-mekkaniżmu tas-sanzjonijiet fid-dikjarazzjonijiet tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2003 (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata). BP iddikjarat ukoll, fis-16 ta’ Settembru 2003, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, li fl-2002, ir-rikorrenti kienet irrinunzjat milli tikseb il-provvisti tagħha mingħand Veba wara li saret taf bi tnaqqis kbir mogħti lil kostruttur żgħir (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nota interna ta’ SNV tad-9 ta’ Frar 1995, tissemma wkoll theddida ta’ tnaqqis fil-provvisti ta’ bitum f’każ ta’ offerti kompetittivi ppreżentati lil kostrutturi kbar li ma humiex membri tal-W5 (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003, Kuwait Petroleum ikkonfermat li, jekk fornitur kien jagħti lil kostruttur żgħir tnaqqis superjuri għal dak iffissat, il-W5 kienu jheddu li ma jiksbux il-provvisti tagħhom mingħand dan il-fornitur (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, f’dokument dwar il-konsultazzjoni tal-4 ta’ Mejju 2001, ir-rikorrenti semmiet ukoll multa imposta fuq Nynas minħabba l-politika tal-prezz tagħha (premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata), liema ħaġa ġiet ikkonfermata minn Kuwait Petroleum fid-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta’ Settembru 2003 (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li fit-tweġiba bil-miktub għal xi mistoqsijiet tal-Kummissjoni Nynas indikat li ngħatat sanzjoni kollettiva darba biss ma huwiex biżżejjed sabiex l-eżistenza ta’ sanzjoni individwali kontriha tiġi invalidata.

    95

    Il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li dawn id-dokumenti kienu jagħmlu riferiment, b’mod preċiż, għall-mekkaniżmu tal-multa kollettiva imposta fuq il-fornituri mill-W5 f’dak li jikkonċerna s-sena 2000. Barra minn hekk, kollha kemm huma juru li kien jeżisti mekkaniżmu individwali u kollettiv tas-sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim tal-akkordju matul iż-żmien li huwa jkun fis-seħħ. Is-sanzjonijiet kienu jikkonsistu jew f’waqfien tal-ordnijiet mingħand il-fornitur li jkun kiser l-imsemmija ftehim, jew inkella multa imposta fuq il-fornitur li jkun ħati jew fuq il-fornituri kollha.

    96

    Għaldaqstant, minn dak kollu premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-oriġini tal-akkordju, l-iżvilupp tiegħu matul iż-żmien u l-mekkaniżmu tas-sanzjonijiet.

    6. Fuq is-sitt żball ta’ fatt, dwar ir-rwol ta’ ExxonMobil fl-akkordju

    a) L-argumenti tal-partijiet

    97

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt meta abbandunat kull referenza għal ExxonMobil fid-deċiżjoni kkontestata filwaqt li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet ikkunsidrat li ExxonMobil kienet ikkonformat ruħha b’mod totali mal-ftehim tal-akkordju, li bihom hija kienet informata regolarment. Pereżempju, ExxonMobil kienet ħadet ir-responsabbiltà għal parti kbira mit-tnaqqis addizzjonali mogħti lill-W5 bħala sanzjoni f’April 2000, hekk kif turi n-nota ta’ kreditu trasmessa lir-rikorrenti minn ExxonMobil fil-15 ta’ Novembru 2000. Dan l-element huwa importanti sabiex wieħed jifhem il-funzjonament tal-akkordju, li jiġbor lill-fornituri kollha.

    98

    Il-Kummissjoni tfakkar li hija ma kellhiex provi biżżejjed sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    99

    Jidher li l-argument imqajjem mir-rikorrenti huwa inoperattiv, peress li, anki kieku kellu jitqies fondat, x’aktarx huwa ma jkollu ebda effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 1996, Günzler Aluminium vs Il-Kummissjoni, T-75/95, Ġabra p. II-497, punt 55; tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T-106/95, Ġabra p. II-229, punt 199, u tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra p. II-2427, punt 49). Fil-fatt, jekk wieħed jassumi li jeżistu provi biżżejjed dwar il-parteċipazzjoni ta’ ExxonMobil fl-akkordju, dan l-element ma jkunx biżżejjed sabiex jikkontesta l-eżistenza tal-ksur u lanqas il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ksur. Kieku kien ġie stabbilit li ExxonMobil ukoll kienet ipparteċipat fl-akkordju u, għaldaqstant, li l-fornituri kollha tas-suq kienu ħadu sehem fl-akkordju, dan ma kienx jibdel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE jew il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ksur.

    100

    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, l-argumenti kollha tar-rikorrenti dwar żbalji ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, imqajma insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament ta’ din tal-aħħar.

    C – Żbalji ta’ liġi

    1. Osservazzjonijiet introduttivi

    101

    Ir-rikorrent tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet ħames żbalji ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti fir-rigward tal-Artikolu 81 KE. Hija tenfasizza b’mod partikolari li l-Kummissjoni tat iktar attenzjoni għat-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 milli għall-akkordju dwar il-prezzijiet u t-tqassim tas-suq implementat mill-fornituri waħedhom.

    102

    Dan l-argument ma huwiex fattwali. Fil-fatt, mill-premessi 155 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat id-diversi elementi tal-ftehim (l-iffissar tal-prezzijiet, tnaqqis uniformi għall-W5, tnaqqis inqas kbir għall-kostrutturi l-oħra) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, mingħajr ma tat importanza lil element għad-detriment ta’ ieħor.

    2. Fuq l-ewwel żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-kostrutturi l-kbar fl-akkordju tal-fornituri

    a) L-argumenti tal-partijiet

    103

    Ir-rikorrenti tqis li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-aġir tal-kostrutturi l-kbar fir-rigward tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni bi żball tefgħet il-ħtija tal-aġir kollu tal-fornituri fuq il-kostrutturi l-kbar. Is-sempliċi fatt li huma ma ressqu ebda lment kontra l-fornituri quddiem awtorità tal-kompetizzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jitqiesu bħala l-awturi tal-ksur.

    104

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-interessi tal-fornituri u dawk tal-kostrutturi l-kbar jikkoinċidu b’mod suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat aġir antikompetittiv ta’ dawn iż-żewġ partijiet.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    105

    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ftehim konklużi bejn il-W5 u l-fornituri b’mod globali, peress li dawn jikkonċernaw kemm il-prezz gross, it-tnaqqis minimu mogħti lill-W5 u t-tnaqqis massimu applikabbli għall-kostrutturi ż-żgħar (ara l-punti 44 sa 53 iktar ’il fuq), u li l-Kummissjoni setgħet ġustament twettaq din l-evalwazzjoni globali tal-ftehim inkawża sabiex tikklassifikahom fir-rigward tal-Artikolu 81(1) KE. Madankollu, din l-evalwazzjoni globali tal-ftehim ma tistax titqies bħala imputazzjoni tal-aġir tal-fornituri lill-kostrutturi l-kbar.

    3. Fuq it-tieni żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażata fuq l-assenza ta’ għan antikompetittiv tal-akkordju

    a) L-argumenti tal-partijiet

    106

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-aġir tal-W5 kellu għan antikompetittiv, għad-detriment tal-konsumaturi finali.

    107

    Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tal-Unjoni fakkret li, jekk ftehim intiż li jillimita l-kummerċ parallel kellu fil-prinċipju jitqies bħala li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, dan huwa biss sa fejn jista’ jiġi preżunt li huwa jċaħħad lill-konsumaturi finali mill-vantaġġi tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, T-168/01, Ġabra p. II-2969, punt 121). Issa, l-uniku għan tal-W5 kien li jiksbu t-tnaqqis l-iktar vantaġġuż possibbli, li kien possibbli minħabba l-volum ta’ xiri magħmula mill-membri kollha tal-W5 u li fl-aħħar mill-aħħar ibbenefikaw minnu l-konsumaturi finali.

    108

    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tenfasizza li t-tfittxija ta’ stabbiltà tal-prezzijiet tax-xiri, bħala tali ma tikkostitwixxix għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

    109

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    110

    Għandu jitfakkar li, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 81(1) KE, ftehim għandu jkollu “bħala għan jew riżultat […] il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq [komuni]”. Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-konġunzjoni “jew”, twassal qabelxejn għan-neċessità li jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-ftehim, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat. Madankollu, fil-każ fejn mill-analiżi tal-klawżoli ta’ dan il-ftehim ma jirriżultax livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun xieraq għaldaqstant li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan ikun ipprojbit, ikun xieraq li jkun meħtieġ li jiġu sodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li l-kompetizzjoni kienet effettivament ġiet ostakolata, jew ristretta jew inkella distorta b’mod kunsiderevoli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, Ġabra p. 337, 359, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C-209/07, Ġabra p. I-8637, punt 15; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Peugeot u Peugeot Nederland vs Il-Kummissjoni, T-450/05, Ġabra p. II-2533, punt 43). Sabiex jiġi evalwat jekk ftehim huwiex ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tiegħu jkun għaldaqstant superfluwu meta jkun jidher li dan għandu bħala għan li jkun ta’ ostakolu, ta’ restrizzjoni jew ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 125). Dan l-eżami għandu jitwettaq fid-dawl tal-kontenut tal-ftehim u tal-kuntest ekonomiku li jkun jifforma parti minnu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 26; tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 66, u Beef Industry Development Society u Barry Brothers, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16). Fl-aħħar nett, dan il-metodu ta’ analiżi japplika b’mod ġenerali u ma huwiex riżervat għal kategorija ta’ ftehim [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 2006, O2(Germany) vs Il-Kummissjoni, T-328/03, Ġabra p. II-1231, punt 67].

    111

    Ir-rikorrenti ma tistax tinvoka s-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq (punt 121), peress li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 81 KE jfittex, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, imma l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali” u li, “[g]ħalhekk, il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-għan antikompetittiv ta’ ftehim ma tistax tkun suġġetta għall-fatt li l-konsumaturi finali jkunu mċaħħda mill-vantaġġi ta’ kompetizzjoni effettiva f’termini ta’ provvista jew ta’ prezz” (sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, punt 74 iktar ’il fuq, punti 62 sa 64). Mistoqsija mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti stess irrikonoxxiet li, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, dan l-argument ftit li xejn seta’ jirnexxi.

    112

    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat, f’dan il-każ, jekk il-ftehim inkwistjoni kellhomx għan antikompetittiv.

    113

    L-Artikolu 81(1) KE jsemmi espressament bħala ftehim prekluż “l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” u l-“applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv”. Issa, mill-punti 49 sa 58 iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dan il-każ, il-ftehim kellhom l-għan, minn naħa, li jiffissaw il-prezzijiet tax-xiri u l-bejgħ tal-bitum u, min-naħa l-oħra, li jagħtu tnaqqis preferenzjali lill-membri tal-W5. Għalhekk, in-natura stess ta’ dawn il-ftehim hija biżżejjed sabiex jitqies li dawn kellhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

    114

    L-argument tar-rikorrenti li jgħid li dawn il-ftehim kienu intiżi sabiex tinkiseb stabbiltà fil-prezzijiet tax-xiri ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta din il-konklużjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li dawn il-ftehim għandhom jiġu eżaminati kollha kemm huma u li, fi kwalunkwe każ, it-tfittxija ta’ stabbiltà tal-prezzijiet ma hijiex differenti mill-iffissar tal-prezzijiet tax-xiri (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T-329/01, Ġabra p. II-3255, punt 197).

    115

    Il-Qorti Ġenerali tqis li minn dak premess jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi li l-aġir tal-membri tal-W5 u tal-fornituri kellu għan antikompetittiv.

    4. Fuq it-tielet żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika d-dispożizzjonijet tal-Artikolu 81(3) KE u l-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali

    a) L-argumenti tal-partijiet

    116

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta kkunsidrat li l-fatt li l-W5 jinnegozjaw tnaqqis b’mod kollettiv ma setax jiġi kklassifikat bħala “xiri kollettiv” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE, liema xiri huwa awtorizzat bl-Avviż [Linji gwida] dwar kemm għandu japplika l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2001, C 3, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali”).

    117

    Qabelxejn hija tenfasizza li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat l-aġir tagħha biss fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE u mhux fir-rigward tal-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali, lil liema hija tat, fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni restrittiva wisq. Dawn il-Linji gwida madankollu japplikaw għaliha, peress li huma jikkonċernaw l-aġir tax-xerrejja fis-suq tagħhom tal-bejgħ u peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-W5 kienu ddeterminaw il-prezz gross flimkien mal-fornituri. F’dan il-każ, il-W5 għaldaqstant kienu implementaw prattika miftiehma ddestinata għall-kisba ta’ prezzijiet tax-xiri iktar vantaġġużi, fl-interess tal-konsumatur finali, ekwivalenti għal organizzazzjoni tax-xiri konġunt.

    118

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-aġir tagħha fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qabelxejn wettqet żball parallel bejn il-kunċetti ta’ xiri konġunt u ta’ bejgħ konġunt, għaliex huwa biss tal-aħħar li huwa pprojbit bl-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, kienet il-Kummissjoni li kellha twettaq analiżi tas-saħħa fis-suq tal-kostrutturi l-kbar, sabiex jiġi eżaminat jekk huma setgħux effettivament jirrestrinġu l-kompetizzjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kostrutturi ż-żgħar, b’mod konsistenti, irnexxielhom jiksbu tnaqqis ikbar minn dak mogħti lill-W5.

    119

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkonstesta l-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni indikat li, b’mod individwali, il-membri tal-W5 mhux bilfors xtraw kwantitajiet ikbar minn dawk mixtrija minn kostruttur żgħir. Fil-fatt hija tqis li din l-affermazzjoni ma hija bbażata fuq ebda prova, peress li l-Kummissjoni ma talbitx lill-kostrutturi żgħar għal data dwar ix-xiri tagħhom, u li għalhekk din hija sempliċi ipoteżi. Fi kwalunkwe każ, fornitur jista’ jagħti tnaqqis ikbar lil kumpannija li tixtri volumi iżgħar għal raġunijiet kummerċjali partikolari, b’mod partikolari meta l-potenzjal tax-xiri ta’ din il-kumpannija huwa kbir. Bl-istess mod, il-fatt li n-negozjar tal-W5 mal-fornituri kien biss jiffissa tnaqqis kollettiv minimu, li seta’ jiżdied b’mod individwali iktar tard, juri li l-aġir tal-W5 huwa konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni.

    120

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni ssostni li l-kostrutturi l-kbar irrestrinġew il-kompetizzjoni bejniethom, peress li kull kostruttur kbir kien qiegħed jinnegozja b’mod bilaterali l-ammont tat-tnaqqis tiegħu mal-fornitur. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C-180/98 sa C-184/98, Ġabra p. I-6451, punti 92 et seq), leġiżlazzjoni li tipproduċi effett restrittiv biss fir-rigward ta’ fattur wieħed tal-ispiża, liema fattur huwa, barra minn hekk, ta’ ftit importanza, ma tikkawżax restrizzjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tfakkar li l-bitum jirrappreżenta biss 1.5 % tal-ispejjeż totali għal kumpannija tal-kostruzzjoni tat-toroq.

    121

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    122

    Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma l-impriżi li jitolbu l-benefiċċju ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE li għandhom jistabbilixxu, abbażi ta’ provi dokumentali, in-natura ġusitifikata ta’ eżenzjoni. F’din il-perspettiva, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma pproponietx soluzzjonijiet oħra u li lanqas ma indikat dak li hija qieset li jiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni, 43/82 u 63/82, Ġabra p. 19, punt 52, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T-191/98, T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 220). Hija biss il-Kummissjoni, taħt l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, li għandha ssemmi l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha tieħu deċiżjoni li tiċħad it-talba għal eżenzjoni, mingħajr ma r-rikorrenti tkun tista’ teżiġi li hija tiddiskuti l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li hija qajmet matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni, T-29/92, Ġabra p. II-289, punti 262 u 263). Minn dan isegwi li hija r-rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi jew ta’ fatt meta rrifjutat li tagħtiha eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

    123

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 162 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tikkunsidra li l-parteċipazzjoni tal-W5 fil-ftehim ma kinitx tikkostitwixxi xiri kollettiv fis-sens tal-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali. B’hekk, il-Kummissjoni tfakkar, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx l-għan li jawtorizzaw il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali b’mod ġenerali, iżda jesponu l-prinċipji li jippermettu li dawn jiġu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE, peress li tali ftehim jistgħu joħolqu problemi ta’ kompetizzjoni. F’dan il-każ, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata hija tippreċiża li l-ftehim inkwistjoni kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni u kellhom konsegwenzi fuq impriżi li ma pparteċipawx fihom (iffissar tal-prezzijiet għall-kostrutturi kollha fil-Pajjiżi l-Baxxi u determinazzjoni tal-limiti tat-tnaqqis għall-kostrutturi ż-żgħar). Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, hekk kif huwa ġustament indikat mill-Kummissjoni fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-W5 ma wettqux xiri waqt in-negozjati mal-fornituri, li kellhom biss l-għan li jiffissaw prezzijiet u tnaqqis, aġir li l-punt 124 tal-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali jikklassifika bħala akkordju moħbi. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-W5 ikkonkludew il-ftehim tagħhom ma’ grupp ta’ bejjiegħa li wkoll adottaw aġir kollużiv. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE, fi kwalunkwe każ ma humiex applikabbli peress li, skont il-punt 133 tal-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali, il-ftehim tax-xiri ma jistgħux jiġu eżentati jekk huma jimponu restrizzjonijiet li ma humiex indispensabbli għall-benefiċċji ekonomiċi miġjuba bil-ftehim. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-ftehim inkwistjoni kienu jimponu restrizzjonijiet fuq il-kostrutturi ż-żgħar taħt forma ta’ tnaqqis limitat, liema restrizzjonijiet kienu jikkonċernaw lil terzi u ma kinux indispensabbli għat-twettiq tal-profitti ekonomiċi mixtieqa.

    124

    Kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, minn dak premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha għal evalwazzjoni tal-aġir tagħha fir-rigward tal-Artikolu 81(3) KE biss, iżda hija ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali.

    125

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali ma kienu jawtorizzaw ebda aġir partikolari, iżda kienu jesponu l-prinċipji li jiggwidaw l-evalwazzjoni ta’ tali ftehim fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE. Madankollu, mill-punt 1 tagħhom jirriżulta b’mod ċar li huma għandhom l-għan li jesponu “l-prinċipji għall-kunsiderazzjoni ta’ ftehim ta’ koperazzjoni orizzontali taħt l-Artikolu 81 [KE]”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi dwar dan il-punt.

    126

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta assimilat ix-xiri konġunt mal-bejgħ konġunt, filwaqt li huwa dan tal-aħħar li huwa pprojbit bil-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali. Għaldaqstant, fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, hija żiedet kundizzjoni li timponi lix-xerrejja sabiex jadottaw aġir awtonomu fis-suq, filwaqt li l-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali ma kinux jimponu tali kundizzjoni. Madankollu, jirriżulta mill-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, u mhux tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE, li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tirrispondi għall-argument, imqajjem minn xi impriżi matul il-proċedura amministrattiva, dwar il-partikolaritajiet tas-suq Olandiż u li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tinterpreta l-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    127

    Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lill-Kummissjoni li ma wettqitx analiżi tas-saħħa fis-suq tal-membri tal-W5 sabiex jiġi determinat jekk huma setgħux effettivament jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tqis ġustament li hija ma kinitx marbuta twettaq tali analiżi, peress li dan ma kienx ftehim ta’ kooperazzjoni li permezz tiegħu x-xerrejja kellhom l-intenzjoni li jikkumpensaw għall-bejjiegħa, iżda huwa akkordju kollettiv dwar il-prezzijiet bejn żewġ gruppi. Barra minn hekk, mill-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, b’mod preliminari, hija ppreċiżat li fl-2002 il-membri tal-W5 kellhom 36 mill-51 impjant ta’ taħlit tal-asfalt eżistenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri iktar minn 70 % tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 18 tal-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti reali, fuq il-kompetizzjoni u fuq is-suq, tal-ftehim li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tal-iffissar tal-prezzijiet, permezz tal-limitazzjoni tal-produzzjoni jew inkella permezz tat-tqassim tas-swieq jew tal-klijenti, peress li dawn il-ftehim huma preżunti li joħolqu effetti negattivi fuq is-suq. Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim inkwistjoni kienu min-natura tagħhom intiżi sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata), b’hekk, hija ma kellhiex twettaq evalwazzjoni approfondita tas-saħħa fis-suq tal-membri tal-W5.

    128

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt meta, mingħajr ebda prova, sostniet li, b’mod individwali, il-membri tal-W5 mhux neċessarjament kienu jixtru kwantitajiet ikbar minn dawk mixtrija minn kostruttur żgħir. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq għadd ta’ provi sabiex tikkunsidra li t-tnaqqis li minnu kienu jibbenefikaw il-W5 ma kienx marbut mal-volum tax-xiri tal-membri u li t-tnaqqis partikolari li minnu huma kienu jibbenefikaw kien maħsub sabiex jagħmel ħsara lill-kostrutturi l-oħra (ara l-punti 50 u 51 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-fatt li kull membru tal-W5 kien jipprova jikseb tnaqqis addizzjonali skont il-kwantitajiet mixtrija jikkostitwixxi ħjiel addizzjonali li t-tnaqqis kollettiv ma kienx marbut mal-volum tax-xiri tal-W5.

    129

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ftehim kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (premessi 166 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tqis li dawn il-ftehim, minn naħa, ma rrestrinġewx il-kompetizzjoni bejn il-membri tal-W5 u, min-naħa l-oħra, ma llimitawx il-kompetizzjoni bejn il-kostrutturi kollha, peress li l-bitum jirrappreżenta biss 1.5 % tal-ispejjeż totali ta’ dawn l-impriżi. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta ffissaw b’mod konġunt mal-fornituri, li kienu jkopru 80 % tas-suq, il-prezz gross u t-tnaqqis għax-xiri futur kollu tagħhom, il-membri tal-W5 illimitaw il-kompetizzjoni li setgħet teżisti bejniethom. Barra minn hekk, minkejja li huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkunsidra, fil-każ partikolari ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi affiljazzjoni obbligatorja għal skema ta’ rtirar addizzjonali, li dan ma kienx jaffettwa l-kompetizzjoni (sentenza Pavlov et, punt 120 iktar ’il fuq, punt 95), diġà ġie stabbilit b’mod korrett mill-Kummissjoni, għal finijiet ta’ kompletezza, li, f’dan il-każ, it-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 kellu impatt fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mekkaniżmu tas-sejħiet għal offerti eżistenti fis-settur tal-kostruzzjoni tat-toroq (ara l-punti 69 sa 73 iktar ’il fuq).

    130

    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi jew ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta rrifjutat li tikkunsidra li l-parteċipazzjoni tal-W5 fil-ftehim kienet tikkostitwixxi “xiri kollettiv” fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, li huma awtorizzati permezz tal-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali.

    5. Fuq il-ħames żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq id-definizzjoni ineżatta tas-suq inkwistjoni u tal-evalwazzjoni żbaljata tal-pożizzjoni tal-kostrutturi l-kbar fis-suq

    a) L-argumenti tal-partijiet

    131

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta ddefinixxiet b’mod ristrettiv wisq is-suq inkwistjoni sabiex tevalwa l-pożizzjoni tal-W5. Għalhekk, billi segwiet il-perspettiva sostnuta mill-fornituri, il-Kummissjoni llimitat l-evalwazzjoni tagħha tas-suq inkwistjoni bl-għan waħdieni li turi li l-kostrutturi l-kbar kellhom sehem mis-suq ta’ 49.5 % min-naħa tax-xiri (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tfakkar li l-oġġezzjonijiet ifformulati kontra d-definizzjoni tas-suq adottata mill-Kummissjoni ma jistgħux ikollhom dimensjoni awtonoma meta mqabbla ma’ dawk li jirrigwardaw il-preġudizzju lill-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T-5/00 u T-6/00, Ġabra p.II-5761, punt 123).

    132

    Għalhekk, fl-ewwel lok, hija tqis li l-Kummissjoni ma pprovdietx raġunijiet suffiċjenti li jippermettu li l-bitum industrijali jiġi eskluż mis-suq inkwistjoni, b’mod partikolari billi ma indikatx li ma kienet teżisti ebda offerta alternattiva rilevanti.

    133

    Fit-tieni lok, hija tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tillimita ġeografikament is-suq inkwistjoni għall-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, hija Kuwait Petroleum biss li matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur kienet għadha tipproduċi l-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li l-fornituri l-oħra kienu jimpurtaw il-bitum mibjugħ fil-Pajjiżi l-Baxxi mill-Belġju u mill-Ġermanja u kellhom organizzazzjoni tal-bejgħ strutturata fil-Benelux. B’hekk, il-Kummissjoni injorat ħjiel ċari li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ prattika miftiehma transkonfinali bejn il-fornituri. Bl-istess mod, hija warrbet mingħajr raġuni l-affermazzjonijiet konkordanti ta’ għadd ta’ kostruttri kbar, li jgħidu li s-suq Olandiż tal-bitum kien ġie iżolat mis-swieq l-oħra mill-fornituri, li kienu jxekkluhom milli jiksbu l-provvisti tagħhom minn barra l-pajjiż (premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, li kieku l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-Belġju jew il-parti tal-Punent tal-Ġermanja fid-definizzjoni tagħha tas-suq inkwistjoni, il-parti tas-suq miżmuma mill-W5 kienet tkun inqas minn 15 %. Issa, il-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali jindikaw li, fil-każ ta’ xiri konġunt minn għadd ta’ impriżi, dawn ma jkollhomx saħħa fis-suq peress li l-partijiet kumulati tagħhom mis-suq huma inqas minn 15 %.

    134

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    135

    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax teffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandhiex bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Il-partijiet jopponu dwar il-kwistjoni tal-portata ta’ dan l-obbligu tal-Kummissjoni u fuq id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

    136

    Skont il-ġursiprudenza, id-definizzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE għandha l-għan biss li tiddetermina jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandux bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, C-111/04 P, punt 31 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C-511/06 P, Ġabra p. I-5843, I-5848, punti 196 u 197).

    137

    Barra minn hekk, hekk kif il-Qorti Ġenerali ppreċiżat diġà fil-ġurisprudenza tagħha, l-obbligu li jiġu ddefiniti l-limiti tas-suq inkwistjoni f’deċiżjoni adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ma huwiex assolut, iżda l-Kummissjoni hija meħtieġa twettqu biss meta, mingħajr tali definizzjoni tal-limiti, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit jekk l-akkordju inkwistjoni jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u jekk għandux bħala għan jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 230; tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-44/00, Ġabra p. II-2223, punt 132, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 99).

    138

    Id-definizzjoni tas-suq rilevanti hija meħtieġa sabiex jiġi vverifikat jekk, f’sitwazzjoni partikolari, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 81(3)(b) KE sabiex tiġi ddikjarata l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 81(1) hijiex sodisfatta [f’dan is-sens, ara l-att [komunikazzjoni] tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, (T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 226], filwaqt li din ma hijiex meħtieġa sabiex jiġi vverifikat jekk it-tliet kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 81(3) KE humiex sodisfatti (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 226).

    139

    F’dan il-każ, minn naħa għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ġustament irrifjutat li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 81(3)(b) KE (punti 122 sa 130 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, minkejja li r-rikorrenti ssostni li d-definizzjoni żbaljata tas-suq inkwistjoni adottata mill-Kummissjoni kellha impatt fuq l-evalwazzjoni tas-saħħa fis-suq tal-membri tal-W5, li fir-realtà kienet ħafna inqas sostanzjali minn dik li ġiet attribwita lilhom, madankollu hija ma tikkontestax li l-ftehim inkwistjoni setgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u kellhom bħala għan, tal-inqas, l-istabbiltà tal-prezzijiet tax-xiri, li, hekk kif intwera (ara l-punti 113 sa 115 iktar ’il fuq), f’dan il-każ kellha l-konsegwenza ta’ prevenzjoni, restrizzjoni u distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Konsegwentement, billi l-applikazzjoni li l-Kummissjoni għamlet tal-Artikolu 81 KE f’dan il-każ ma ħtiġitx definizzjoni minn qabel tas-suq rilevanti, din setgħet tillimita ruħha li tagħmel referenza għall-prodott ikkonċernat bl-akkordju kif ukoll għat-territorju intiż.

    140

    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma pprovdietx raġunijiet suffiċjenti sabiex il-bitum industrijali jiġi eskluż mis-suq inkwistjoni, b’mod partikolari billi ma indikatx li ma kinitx teżisti offerta alternattiva rilevanti. B’teħid inkunsiderazzjoni tan-nuqqas tal-obbligu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi s-suq, ebda ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jista’ jiġi kkonstatat dwar dan il-punt (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 99).

    141

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bi żball illimitat id-definizzjoni ġeografika tas-suq inkwistjoni għall-Pajjiżi l-Baxxi, minkejja li impriża petrolifera waħda biss kienet tipproduċi l-bitum fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minkejja li l-fornituri l-oħra kienu jimpurtaw il-bitum tagħhom mill-Ġermanja jew mill-Belġju u minkejja li wħud fosthom kellhom organizzazzjoni tal-bejgħ għall-Benelux. Madankollu, mill-premessi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-elementi fattwali u li madankollu hija indikat li l-kummerċjalizzazzjoni tal-bitum kienet issir fuq livell purament nazzjonali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-eżiġenzi kwalitattivi nazzjonali, tal-mekkaniżmu tal-ġestjoni tar-riskji u tal-istruttura ta’ sjieda tal-impjanti tat-taħlit tal-asfalt.

    142

    Barra minn hekk, il-ħjiel imsemmija mir-rikorrenti sabiex tissostanzja t-teżi tal-eżistenza ta’ akkordju fil-Belġju ma jidhirx li huma, huma waħedhom, biżżejjed sabiex jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fid-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, dawn il-ħjiel ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma, minn naħa, rendikont miktub bl-idejn, magħmul minn Kuwait Petroleum, ta’ prattika miftiehma bejn il-fornituri (Nynas, Klöckner, SNV, BP, Smid & Hollander u Kuwait Petroleum), tal-4 ta’ Marzu 1994, li jsemmi l-ħtieġa li “l-livell tal-prezz fil-Belġju jogħla”. Min-naħa l-oħra, hemm dokumenti li jsemmu li SNV għandha organizzazzjoni strutturata tal-bejgħ fil-livell tal-Benelux, b’maniġer wieħed biss inkarigat mill-kummerċjalizzazzjoni tal-bitum għall-Benelux mill-1993 sal-1998, l-istess bħal ExxonMobil, li l-organizzazzjonijiet tal-bejgħ tagħha kienu amministrati mill-istess persuni fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju.

    143

    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-Kummissjoni la wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta ddefinixxiet is-suq inkwistjoni.

    6. Fuq il-ħames żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq l-assenza ta’ effetti indiretti fuq is-suq downstream tal-kostruzzjoni tat-toroq

    a) L-argumenti tal-partijiet

    144

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta qieset li l-ftehim inkwistjoni kellhom effetti indiretti fuq is-suq downstream tal-kostruzzjoni tat-toroq. Hija tfakkar li l-ispejjeż tax-xiri tal-bitum jikkostitwixxu biss parti minima mid-dħul mill-bejgħ tal-impriżi tal-kostruzzjoni tat-toroq fil-Pajjiżi l-Baxxi, ħlief fil-każijiet rari ta’ proġetti li jinvolvu biss il-kunsinna ta’ kwanititajiet kbar ħafna ta’ asfalt (inqas minn 10 % tal-proġetti), li għalihom il-kostrutturi kapaċi, fi kwalunkwe każ, jinnegożjaw tnaqqis addizzjonali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tissostanzja, permezz tal-kalkoli, l-affermazzjoni tagħha li tgħid li differenza minima fil-prezz tax-xiri tal-bitum setgħet tikkostitwixxi element determinanti fil-ksib tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-livell tal-prezz gross fil-Pajjiżi l-Baxxi kien iktar għoli minn dak barra mill-pajjiż. Id-data dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet f’għadd ta’ pajjiżi, fil-fatt, ġiet eliminata mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti tal-fornituri u għadd ta’ dokumenti juru li fil-fatt, il-livell tal-prezzijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi kien paragunabbli ma’ dak tal-pajjiżi ġirien.

    145

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    146

    Qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tatx prova li l-prezz tal-bitum, li jirrappreżenta biss parti negliġibbli mill-ispejjeż ta’ proġett tat-toroq, jista’ jkollu impatt fuq il-kompetizzjoni billi jikkawża effetti indiretti fuq is-suq downstream tal-kostruzzjoni tat-toroq. Madankollu, għandu jitfakkar, b’mod konformi mal-punti 74 sa 79 u 110 sa 115 iktar ’il fuq, li l-ftehim kellhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata turi l-effetti antikompetittivi konkreti tal-imsemmija ftehim.

    147

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti li l-livell tal-prezz gross fil-Pajjiżi l-Baxxi kien ogħla minn dak applikat fil-pajjiżi ġirien matul il-perijodu li fih seħħ il-ksur. Madankollu, mid-deċiżjoni kontestata (premessa 174) jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq għadd ta’ dokumenti maqbuda matul il-verifiki tagħha, fosthom nota interna ta’ SNV tad-9 ta’ Frar 1995, li ssemmi ċerti differenzi fil-prezz bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-pajjiżi ġirien li, mal-ewwel daqqa t’għajn, ma kinux ġustifikabbli, kif ukoll fuq id-dikjarazzjoni ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003, li wkoll issemmi differenza fil-prezz bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-ġirien tagħha. Il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq noti maqbuda minn ġol-bini tar-rikorrenti, dwar konsultazzjonijiet li seħħew fit-12 ta’ April 2000 u d-29 ta’ Jannar 2002. Għas-sena 2000, dawn in-noti jsemmu li l-livell tal-prezzijiet netti fil-Pajjiżi l-Baxxi kien ta’ NGL 25 iktar minn dak tal-prezzijiet fil-Belġju (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, għas-sena 2002, dawn in-noti juru li l-prezz nett fil-Pajjiżi l-Baxxi kien ta’ EUR 183 kontra l-EUR 162 fil-Ġermanja u fil-Belġju u EUR 158 fi Franza (premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-provi konsistenti jidhru li huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-livell tal-prezz gross fil-Pajjiżi l-Baxxi kien iktar għoli milli fil-pajjiżi ġirien.

    148

    Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li tat natura kunfidenzjali lid-data dwar l-iżviluppi tal-prezzijiet f’għadd ta’ pajjiżi li kienu joriġinaw mill-fornituri, għandu jiġi enfasizzat li, billi ebda prattika antikompetittiva ma ġiet stabbilita fil-pajjiżi ġirien, il-fornituri kellhom dritt jikklassifikaw l-informazzjoni dwar il-prezzijiet applikati f’dawn il-pajjiżi bħala sigriet tal-kummerċ.

    149

    Minn dak premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta qieset li l-ftehim inkwistjoni kellhom effetti indiretti fuq is-suq downstream tal-kostruzzjoni tat-toroq.

    150

    Konsegwentement, l-argumenti kollha tar-rikorrenti li jsemmu żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, imqajma insostenn tat-talbiet għall-annullament ta’ din tal-aħħar, għandhom jiġu miċħuda.

    D – Fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża

    1. L-argumenti tal-partijiet

    151

    It-tielet u l-aħħar motiv imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża mill-Kumissjoni, li ma għadditilhiex it-tweġibiet kollha tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

    152

    Ir-rikorrenti tqis li s-sempliċi trasmissjoni tas-siltiet ta’ tweġibiet li fuqhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha b’mod espress fid-deċiżjoni tagħha, f’dan ir-rigward hija insuffiċjenti. Hija tqis li l-komunikazzjoni tat-tweġibiet kollha kienet partikolarment neċessarja, minħabba n-natura orizzontali u vertikali tal-akkordju u tax-xaqliba li l-Kummissjoni ħadet favur il-fornituri. Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li ma hijiex biss il-Kummissjoni li għandha tiddetermina t-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li għalihom għandu jingħata l-aċċess.

    153

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    154

    Mill-proċess jirriżulta li, fl-24 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni għaddiet lir-rikorrenti l-estratti tat-tweġibiet tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha bħala provi fid-deċiżjoni kkontestata. Fit-12 ta’ Ġunju 2006 ir-rikorrenti fformulat xi osservazzjonijiet dwar dawn id-dokumenti u talbet l-aċċess għat-tweġibiet kollha tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda l-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

    a) Prinċipji ġenerali dwar l-aċċess għal dokumenti sussegwenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet

    155

    L-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

    “Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ. Id-dritt għal aċċess għal file mhux ser jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenżjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri.”

    156

    Fil-komunikazzjoni dwar ir-regoli tal-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-kawżi taħt l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7), fil-punt 8 l-Kummissjoni tiddefinixxi l-“fajl tal-Kummissjoni” bħala “id-dokumenti kollha miksuba, prodotti u/jew miġbura mid-direttorat ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni meta ssir l-investigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 27 ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tispeċifika li ġej :

    “L-aċċess għall-fajl jingħata fuq talba u normalment darba biss, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet, sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża. Bħala regola ġenerali, il-partijiet għaldaqstant ma għandhomx aċċess għat-tweġibiet tal-partijiet l-oħra għall-oġġezzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni.

    Madankollu, parti jkollha aċċess għad-dokumenti rċevuti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-fażijiet ulterjuri tal-proċedura amministrattiva, meta dawn id-dokumenti jistgħu jikkostitwixxu provi ġodda, li jinkriminaw jew li jiskaġunaw, relattivi għall-allegazzjonijiet ifformulati fir-rigward ta’ din il-parti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq provi ġodda.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    157

    Hija ġurisprudenza stabbilita li, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat, anki jekk din tkun proċedura ta’ natura amministrattiva (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffman-LaRoche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. I-461, punt 9, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni, C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 19). F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li lill-partijiet tintbagħtilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li b’mod ċar għandha tindika l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Tali dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali li turi l-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeżiġi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il-Kummissjoni, C-322/07 P, C-327/07 P u C-338/07 P, Ġabra p. I-7191, punti 34 u 35).

    158

    Għandu jitfakkar li l-aċċess għall-fajl, fil-kawżi tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jieħdu konjizzjoni tal-provi li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli dwar il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni tkun waslet għalihom, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn l-elementi. L-aċċess għall-fajl huwa wieħed mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u intiżi sabiex jassiguraw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ (ara s-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 334, u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 125, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punt 81). Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punti 9 u 11, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 68).

    159

    Skont il-ġurisprudenza, huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata tiġi informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tkun qed tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Konsegwentement, it-tweġiba tal-partijiet l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex inkluża, bħala prinċipju, fid-dokumenti kollha tal-fajl ta’ investigazzjoni li l-partijiet jistgħu jikkonsultaw (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-161/05, Ġabra p. II-3555, punt 163). Madankollu, jekk il-Kummissjoni jkollha intenzjoni tibbaża ruħha fuq silta minn tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali tweġiba sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, il-partijiet l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom dwar tali prova (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Ciments”, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 386, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    160

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-fajl amministrattiv preċedenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-oġġezzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 7 u 9, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 71) u, min-naħa l-oħra li prova ta’ din l-oġġezzjoni tista’ tingħata biss permezz ta’ referenza għall-imsemmi dokument (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 71; sentenza Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 58). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi distinzjoni bejn id-dokumenti li jinkriminaw u d-dokumenti li jiskaġunaw. Jekk id-dokument ikun wieħed li jinkrimina, hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni kien ikun differenti li kieku dan id-dokument ma kellux jiġi kkunsidrat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha sempliċement tistabbilixxi li l-assenza ta’ żvelar tiegħu seta’ influwenza, b’detriment għal din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punti 73 u 74). Din id-distinzjoni tapplika wkoll għad-dokumenti prodotti wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T-43/02, Ġabra p. II-3435, punti 351 sa 359).

    161

    Barra minn hekk għandu jiġi ppreċiżat li l-assenza ta’ komunikazzjoni sistematika tat-tweġibiet tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex kuntrarja għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Bħalma tfakkar iktar ’il fuq, dan il-prinċipju jimplika li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiżvela lill-impriżi kkonċernati l-fatti, iċ-ċirkustanzi jew id-dokumenti kollha li fuqhom hija tibbaża ruħha, sabiex tippermettilhom jesprimu utilment l-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar id-dokumenti kkunsidrati minnha insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha.

    162

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni, li tinnotifika l-oġġezzjonijiet u tagħti deċiżjoni li timponi multa, ma tistax tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata waħedha (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 126; sentenzi Solvay vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punti 81 u 83, u Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 339). Fil-fatt, din il-kunsiderazzjoni dwar id-dokumenti li jaqgħu taħt il-fajl ikkostitwit mill-Kummissjoni, ma tistax tapplika għal tweġibiet partikolari mogħtija minn partijiet oħra kkonċernati bl-oġġezzjonijiet ikkomunikati minn din tal-aħħar.

    b) Applikazzjoni f’dan il-każ

    163

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqis li l-aċċess għat-tweġibiet kollha tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li setgħu jinkludu elementi li jiskaġunaw, kellu jingħatalha.

    164

    Għandu jitfakkar li kienet ir-rikorrenti li kellha tipprovdi prova prima facie tal-fatt li l-assenza ta’ żvelar setgħet tinfluwenza, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Madankollu r-rikorrenti llimitat ruħha li ssostni, b’mod ġenerali, vag ħafna u purament spekulattiv li t-tweġibiet tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jipprovdulha elementi li jiskaġunaw minħabba n-natura orizzontali u vertikali tal-akkordju u tal-allegata xaqliba li l-Kummissjoni ħadet favur il-fornituri, u bl-ebda mod ma pprovdiet indikazzjoni speċifika li tikkostitwixxi prova prima facie f’dan is-sens.

    165

    Barra minn hekk, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, f’akkordju, ma huwiex probabbli li kumpannija tipprovdi elementi li jistgħu jnaqqsu r-rwol ta’ kumpannija oħra fl-akkordju, minkejja li, f’dan il-każ, il-fatt li l-akkordju kien ġie organizzat bejn żewġ gruppi b’interessi potenzjalment diverġenti jispjega li kull parti kellha tendenza li tnaqqas ir-rwol tagħha fl-akkordju għad-detriment tal-parti l-oħra. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li impriżi oħra setgħu iressqu l-istess argumenti bħal rikorrenti fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistax jikkostitwixxi element li jiskaġuna (sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 160 iktar ’il fuq, punt 353 sa 356). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma pprovdiet ebda prova prima facie dwar l-utilità tal-possibbiltà eventwali li t-tweġibiet tal-kumpanniji l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jiġu trasmessi.

    166

    Konsegwentement, wieħed għandu jikkonkludi li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti meta rrifjutat li tgħaddilha t-tweġibiet kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġezzjonijiet.

    167

    Minn dak kollu premess jirriżulta li t-talbiet għal annullament tar-rikors għandhom jiġu miċħuda.

    II – Fuq it-talbiet għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa

    168

    Insostenn tat-talbiet tagħha għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati fuq, l-ewwel wieħed, żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa u, it-tieni wieħed, żbalji ta’ fatt u ta’ dritt u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża fit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti.

    169

    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tat-talbiet tagħha għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa, ir-rikorenti tidher li qed titlob lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha kważi esklużivament sabiex jiġu korretti żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li wettqet il-Kummissjoni. Fil-fatt, apparti l-oġġezzjoni dwar in-natura sproporzjonata taż-żieda tal-multa minħabba r-rifjut ta’ kooperazzjoni, ebda argument imressaq insostenn tal-motivi mqajma ma jidher li jitlob li l-Qorti Ġenerali min-naħa tagħha teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha għall-finijet sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Konsegwentement, f’dan il-każ il-Qorti Ġenerali għandha teżamina jekk l-imsemmija żbalji seħħewx u, jekk ikun il-każ, teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex jekk ikun neċessarju tirrimedja għas-sitwazzjoni.

    170

    Sussidjarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif ġie indikat iktar ’il fuq, minkejja li mit-talbiet għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa jidher li jirriżulta li r-rikorrenti titlob l-eżerċizzju, mill-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha biss fil-kuntest kważi esklużiv tal-evalwazzjoni tan-natura żbaljata tar-raġuanment tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li, fi kwalunkwe każ, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-imsemmija talbiet ma jiġġustifikawx l-adozzjoni ta’ evalwazzjoni differenti minn dik tal-Kummissjoni.

    A – Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

    171

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi li l-Kummissjoni wettqet meta kkalkulat l-ammont bażiku tal-multa. Fil-fatt, ir-rikorrenti tqis li l-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha (EUR 17.1 miljun) huwa għoli wisq, u dan għal erba’ raġunijiet.

    1. Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ksur serju ħafna

    a) L-argumenti tal-partijiet

    172

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni bi żball ikklassifikat l-aġir tal-membri tal-W5 bħala ksur serju ħafna, filwaqt li n-negozjar kollettiv tat-tnaqqis l-iktar kbir possibbli fil-mument tax-xiri, intiż sabiex jirreżistu għal akkordju fuq il-prezzijiet u t-tqassim tas-suq konkluż bejn il-fornituri, ma setax jitqies bl-istess mod bħalma tqies l-imsemmi akkordju fuq il-prezzijiet u t-tqassim tas-suq konkluż bejn il-fornituri. Għalhekk, kienet il-Kummissjoni li kellha tevalwa b’mod separat il-gravità tal-aġir tal-membri tal-W5, billi b’mod partikolari twettaq analiżi tar-riperkussjonijiet effettiv tal-aġir inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet marbuta tagħti motivazzjoni għall-affermazzjoni tagħha li tgħid li l-kostrutturi l-kbar kellhom ikunu jafu li l-prattika tagħhom kienet toħloq restrizzjoni tal-kompetizzjoni u kienet marbuta tistabbilixxi li din il-prattika kienet titfa’ lill-kostrutturi ż-żgħar fi żvantaġġ, bl-istess mod bħaż-żieda artifiċjali tal-prezzijiet tal-bitum fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-aħħar nett, hija tfakkar li l-Kummissjoni stess, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet irrikonoxxiet li l-arranġamenti sigrieti kienu jikkonċernaw biss lill-fornituri, u mhux lill-kostrutturi l-kbar, liema kostrutturi ma dehrux li kienu preokkupati biex jaħbu l-kuntatti tagħhom. L-istediniet għal-laqgħat għaldaqstant kienu jsiru permezz tas-segretarjat tagħha u wara dawn il-laqgħat ma kien isir ebda rendikont u dan minħabba l-qosor tar-riżultati tan-negozjati u minħabba l-assenza ta’ ftehim formali.

    173

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li, skont il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”), il-ksur inkwistjoni seta’, l-iktar l-iktar, jiġi kklassifikat bħala ftit [mhux] serju, li jikkorrispondi għal ammont bażiku massimu ta’ EUR 1 miljun.

    174

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    175

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont is-serjetà u t-tul tal-ksur, filwaqt li l-evalwazzjoni tan-natura serja tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel, u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. B’hekk, il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jagħmlu distinzjoni bejn il-ksur mhux serju (restrizzjonijiet ta’ spiss vertikali intiżi sabiex jillimitaw il-kummerċ, iżda li l-impatt tagħhom fuq is-suq jibqa’ limitat), il-ksur serju (restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali li l-applikazzjoni tagħhom hija iktar rigoruża u li l-impatt tagħhom fuq is-suq komuni huwa ikbar), u l-ksur serju ħafna (restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “konsorzji ta’ prezzijiet [kartelli tal-prezz]” u ta’ kwoti ta’ tqassim tas-suq jew prattiki oħra li jostakolaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern).

    176

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-serjetà ta’ ksur għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 241, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 43; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T-69/04, Ġabra p. II-2567, punt 153). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta jkun qiegħed jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ natura li jidħlu fl-evawazzjoni tas-serjetà tal-ksur, bħalma huma, pereżempju, ir-rwol li kull waħda mill-partijiet għandha fil-ksur u r-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. I-1825, punti 120 u 129, u tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 52 ; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T-49/02 sa T-51/02, Ġabra p. II-3033, punti 168 sa 183). Meta ksur ikun twettaq minn diversi impriżi, ikun hemm lok li tiġi eżaminata s-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 110, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 207).

    177

    Il-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet ukoll il-klassifikazzjoni ta’ ksur serju ħafna minħabba n-natura tagħhom għall-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezz jew għall-ftehim intiżi b’mod partikolari għat-tqassim tal-klijenteli jew il-qsim tas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 136; Group Danone vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 147, u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T-53/03, Ġabra p. II-1333, punt 279). Abbażi tan-natura tagħhom stess biss, dawn il-ftehim jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna, mingħajr ma jkun neċessarju li tali aġir ikun karatterizzat minn firxa ġeografika jew impatti partikolari (sentenza Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 178). Għall-kuntrarju, akkordju orizzontali li jkopri t-territorju sħiħ ta’ Stat Membru u li għandu bħala skop it-tqassim tas-suq u d-diviżjoni tas-suq komuni ma’ jistax jiġi kkwalifikat bħala ksur mhux serju skont il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (sentenza Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 181). Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha twettaq analiżi tar-riperkussjonijiet effettivi tal-aġir inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni sabiex tiġi evalwata s-serjetà tal-ksur billi jiġi stabbilit li l-ftehim tefgħu lill-kostrutturi ż-żgħar fi żvantaġġ u żiedu b’mod artifiċjali l-livell tal-prezz gross fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    178

    F’dan il-każ, fil-premessi 312 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet wettqet ksur serju ħafna tal-Artikolu 81(1) KE. Hija enfasizzat li ksur li jikkonsisti fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-bejgħ u tax-xiri u fl-applikazzjoni, fir-rigward ta’ msieħba kummerċjali, ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti, biex b’hekk dawn l-imsieħba jiġu imposti fuqhom żvantaġġi fil-kompetizzjoni, kien jifforma parti mill-iktar ksur gravi min-natura tagħhom. Barra minn hekk, hija indikat li ż-żewġ gruppi involuti fil-ksur kellhom ikunu jafu bin-natura illegali tal-akkordju, b’mod partikolari peress li l-membri tal-W5 imponew deliberatament żvantaġġ kompetittiv fuq il-kostrutturi l-oħra. In-natura sigrieta tal-arranġamenti konklużi tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, prova addizzjonali li l-parteċipanti kienu jafu bin-natura illegali tagħhom.

    179

    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-elementi ċċitati fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li l-akkordju kien jikkonsisti fl-iffissar, b’mod dirett jew indirett, tal-prezzijiet tal-bejgħ u tax-xiri u li, fir-rigward ta’ imsieħba kummerċjali, jiġu applikati kundizzjonijiet mhux ugwali għal servizzi ekwivalenti u b’hekk jimponu fuqhom żvantaġġ kompetittiv. B’hekk, il-mekkaniżmi hekk deskritti mill-Kummissjoni jifformaw parti mill-iktar forom serji ta’ ksur tal-kompetizzjoni. Ir-rikorrenti tillimita ruħha li tfittex li tistabbilixxi distinzjoni bejn għadd ta’ aġir relattivi għall-istess akkordju, bl-argument li l-Kummissjoni kellha twettaq evalwazzjoni distinta tal-aġir tal-fornituri u ta’ dak tal-kostrutturi l-kbar, billi dawk tal-ewwel kienu responsabbli ta’ akkordju dwar il-prezzijiet filwaqt li kulma għamlu l-oħrajn kien li nnegozjaw tnaqqis kollettiv fuq il-prezzijiet tax-xiri. Madankollu, kif diġà indikat preċedentement il-Qorti Ġenerali (ara l-punti 49 sa 58 iktar ’il fuq), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ftehim konklużi bejn il-W5 u l-fornituri b’mod globali, peress li dawn jikkonċernaw kemm il-prezz gross, it-tnaqqis minimu mogħti lill-W5 u t-tnaqqis massimu applikabbli għall-kostrutturi ż-żgħar. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti f’dan il-każ ma jistgħux ipoġġu indiskussjoni l-validità tal-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur li wettqet il-Kummissjoni. Minn dan isegwi li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ftehim u l-konsultazzjonijet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu, min-natura tagħhom stess, ksur serju ħafna, ma tistax tiġi kkontestata.

    180

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet marbuta timmotiva l-affermazzjoni tagħha, li tidher fil-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-kostrutturi l-kbar kellhom ikunu jafu li l-prattika tagħhom kienet tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija tqis li, għall-kostrutturi l-kbar, dawn il-ftehim ma kinux kunfidenzjali. Il-qorti tal-Unjoni diġa qieset li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impriżi ħadu ħafna prekawzjonijiet sabiex jevitaw li jiġi skopert akkordju, sabiex tiddetermina s-serjetà tal-ksur (sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 154). F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat li l-W5 kienu wkoll implementaw arranġamenti sigrieti, b’mod partikolari billi ma bagħtux stediniet bil-miktub għal-laqgħat ta’ konsultazzjoni u billi ma stabbilixxew ebda rendikont tagħhom. Fi kwalunkwe każ, il-formulazzjoni tal-premessa 313 tad-deċiżjoni kkontestata turi li l-elementi msemmija fiha ssemmew b’mod sussidjarju fid-dawl ta’ dawk elenkati fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-kontestazzjoni, mir-rikorrenti, tat-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura sigrieta tal-akkordju u tal-għarfien tan-natura illegali tiegħu tista’ tiġi kkunsidrata bħala fondata, dan ma għandux il-konsegwenza li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-ksur, kif tirriżulta mill-motivi rilevanti u suffiċjenti inklużi fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 157).

    181

    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni fid-dawl tan-natura serja ħafna tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti. Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-klassifikazzjoni tal-akkordju bħala ksur mhux serju għanhom jiġu miċħuda (sentenza Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 181).

    2. Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq

    a) L-argumenti tal-partijiet

    182

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li, sabiex tiffissa l-ammont bażiku tal-multa, ma kejlitx l-impatt tal-akkordju fuq is-suq.

    183

    Il-Kummissjoni tqis li hija ma kinitx marbuta tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq inkwistjoni.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    184

    Fil-premessa 314 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li d-determinazzjoni tas-serjetà tal-ksur u tal-ammont tal-multa ma jiddependux fuq l-impatt tal-akkordju fuq is-suq. Hija tippreċiża li ma huwiex possibbli li jitkejjel l-impatt konkret tal-akkordju, u dan minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-prezz tal-bitum fin-nuqqas ta’ ftehim, iżda li hija tista’ tagħmel użu minn stimi tal-effetti tal-ksur. Għal dan il-għan, hija enfasizzat li l-ftehim konklużi ġew effettivament implementati, inklużi l-applikazzjoni ta’ tnaqqis preferenzjali lill-membri tal-W5 biss, u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim, u b’hekk inħolqu kundizzjonijiet artifiċjali tas-suq. Barra minn hekk, hija indikat li l-livell tal-prezz gross fil-Pajjiżi l-Baxxi kien superjuri għal dak fis-seħħ fil-pajjiżi ġirien u li t-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 seta’ kellu rwol determinanti fil-ksib ta’ kuntratti pubbliċi.

    185

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat “skond il-gravità [is-serjetà] u t-tul tal-ksur” u “[b]iex tiġi valutata l-gravità [s-serjetà] tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti”.

    186

    Il-qorti tal-Unjoni kkonfermat li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tistabbilixxi l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, peress li l-kwistjoni dwar sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien ikun fis-seħħ fl-eventwalità fejn ma kienx hemm kartell ma kinitx kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat il-livell tal-multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 120 u 129, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punti 68 sa 77 ; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, T-25/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    187

    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi kien jirriżulta li n-natura proprja tal-ksur setgħet tkun biżżejjed sabiex dan jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”, u dan indipendentement mill-impatt konkret tiegħu fuq is-suq u mill-firxa ġeografika tiegħu (ara l-punt 177 iktar ’il fuq u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 103). Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, għalkemm id-deskrizzjoni tal-ksur “serju” ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq u l-effetti fuq żoni estiżi tas-suq komuni, min-naħa l-oħra, dik tal-ksur “serju ħafna” ma ssemmi ebda ħtieġa ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas ta’ ħolqien ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 150). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li mill-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jirriżulta li dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta jkun jista’ jitkejjel (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 136 iktar ’il fuq, punt 125, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, punt 74).

    188

    F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni u tal-fatt li l-Kummissjoni ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-impatt konkret tal-ksur ma kienx jista’ jitkejjel (premessi 314 u 316), il-Kummissjoni ma kinitx marbuta twettaq evalwazzjoni ta’ dan l-impatt konkret fuq is-suq sabiex tikklassifikah bħala ksur serju ħafna.

    189

    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, jekk għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa l-Kummissjoni tqis opportun li tikkunsidra dan l-element mhux obbligatorju, jiġifieri, l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq, meta dan ikun jista’ jitkejjel, hija ma tistax tillimita lilha nnifisha li tressaq biss preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi ħjiel konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettulha li tevalwa l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni addizzjonali ta’ dan l-element jippermetti lill-Kummissjoni li żżid l-ammont inizjali tal-multa iktar mill-ammont minimu previst ta’ EUR 20 miljun stabbilit bil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, mingħajr ebda limitu ieħor ħlief dak massimu ta’ 10 % tat-total tad-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriża kkonċernata matul is-sena finanzjarja preċedenti, stabbilit fir-rigward tal-ammont totali tal-multa fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 187 iktar ’il fuq, punti 81 u 82).

    190

    Madankollu, f’dan il-każ, billi fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li l-impatt konkret tal-ksur ma setax jitkejjel u li għalhekk ma kellux jiġi ikkunsidrat fid-determinazzjoni tas-serjetà tal-ksur u tal-ammont tal-multa, hija ma tistax tiġi kkritikata li ppreċiżat li l-ftehim inkwistjoni kienu ġew implementati fil-premessa dwar l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq. Lanqas ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-ħjiel l-oħra li din ippreżentat kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-influwenza effettiva li l-ksur seta’ kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq.

    3. Fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali

    a) L-argumenti tal-partijiet

    191

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li l-ammont inizjali tal-multa tagħha ta’ EUR 9.5 miljun huwa manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-volum ta’ xiri tagħha, li fl-2001 kien ta’ EUR 7.7 miljun. Il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, għall-kostruttturi l-kbar, l-akkordju kien jikkonċerna l-prezz tax-xiri u mhux il-prezz tal-bejgħ, u li dan il-prezz tax-xiri kien jirrappreżenta biss parti minima mill-ispejjez tal-produzzjoni tagħha, li fuqhom hija kienet twettaq qligħ nett qabel it-taxxa ta’ inqas minn 5 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet għaddiet dan it-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xiri tagħha fuq l-offerti magħmula lill-klijenti tagħha.

    192

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    193

    Skont id-dispożizzjonijiet tas-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, fil-każ ta’ ksur li jinvolvi diversi impriżi, jista’ jkun konvenjenti li jiġu kkunsidrati, f’ċerti każijiet, l-ammonti ddeterminati f’kull kategorija tal-ksur “sabiex jiġi kunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva [aġir illegali] ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni [fuq il-kompetizzjoni], partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”. B’hekk, is-seba’ subparagrafu jistabbilixxi li “il-prinċipju ta’ kastig [sanzjoni] ugwali għall-istess kondotta jista’, jekk iċ-ċirkustanzi joħolqu hekk, iwassal għal multi differenti li jiġu sforzati fuq l-impriżi konċernati mingħajr ma din id-differenza maħluqa tkun irregolata minn kalkolazzjoni aritmetika”.

    194

    Il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 318 sa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza partikolari tal-aġir illegali ta’ kull impriża involuta fl-akkordju u tal-impatt reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni, hija wettqet distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati skont l-importanza relattiva tagħhom fis-suq inkwistjoni. B’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura partikolari tal-akkordju, li kien jikkonċerna lill-vendituri u lix-xerrejja tal-istess prodott fi ħdan l-istess żona ta’ attivitajiet, hija kejlet l-importanza relattiva ta’ dawn l-impriżi permezz tal-ishma tagħhom mis-suq ikkalkulati abbażi tal-valur tal-bejgħ tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, għall-fornituri, jew abbażi tax-xiri tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq, għall-kostrutturi, fl-2001, li hija l-aħħar sena sħiħa tal-ksur. Għaldaqstant, hija kklassifikat lill-impriżi f’sitt kategoriji u qiegħdet lir-rikorrenti fit-tielet kategorija, li tiġbor fiha ishma mis-suq ta’ bejn 12.4 % sa 13.5 %, li tikseb ammont inizjali ta’ EUR 9.5 miljun għar-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata hija indikat li, anki jekk il-ksur serju ħafna jista’ jkun suġġett għal multi ta’ iktar minn EUR 20 miljun, hija kienet iffissat dan l-ammont għal EUR 15 miljun biss, fid-dawl tal-fatt li l-ksur kien limitat għall-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq mibjugħ fi Stat Membru wieħed biss, tal-valur relattivament baxx ta’ dan is-suq (EUR 62 miljun fl-2001), u tan-numru għoli ta’ parteċipanti.

    195

    Il-qorti tal-Unjoni diġà indikat li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tidderieġi l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex proporzjonat meta mqabbel mas-serjetà u t-tul tal-ksur u li għandha tibbilanċja s-serjetà tal-ksur u ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T-368/00, Ġabra p. II-4491, punt 189).

    196

    Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni preċiżat li, minkejja li ma jipprevedux li l-ammont tal-multi jiġi kkalkulat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew id-dħul mill-bejgħ rilevanti, il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma jopponux li tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtiġuh, u li għaldaqstant il-Kummissjoni tista’ tqassam lill-impriżi kkonċernati f’għadd ta’ kategoriji, billi tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ imwettaq minn kull impriża għall-prodotti kkonċernati mill-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 176 u 177). Bl-istess mod, il-Kummissjoni tista’ tqassam l-impriżi inkwistjoni skont l-importanza tagħhom fis-suq, li, fil-każ ta’ akkordju bejn vendituri u xerrejja, tista’ titkejjel permezz tal-ishma tagħha mis-suq ikkalkulati abbażi tal-valur tal-bejgħ jew tax-xiri ikkonċernat.

    197

    Dan il-metodu li jikkonsisti fit-tqassim, tal-membri ta’ akkordju, f’kategoriji sabiex, fl-istadju tal-iffissar tal-ammonti inizjali tal-multi, jiġi applikat trattament differenzjat, li l-prinċipju tiegħu ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, minkejja li din tinjora d-differenzi ta’ daqs bejn l-impriżi tal-istess kategorija, jinvolvi l-adozzjoni ta’ rata fissa tal-ammont inizjali ffissat għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija. B’hekk, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tqassam lill-impriżi kkonċernati f’għadd ta’ kategoriji billi tipproċedi, pereżempju, permezz ta’ partijiet ta’ 5 jew ta’ 10 % tal-ishma tas-suq. Madankollu, il-qorti tal-Unjoni tenfasizza li tali tqassim għandu josserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li l-ammont tal-multi għandu, tal-inqas, ikun proporzjonat mal-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, u l-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha li tistħarreġ biss li dan it-tqassim huwa koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, T-68/04, Ġabra p. II-2511, punti 62 sa 70, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq, punti 123 u 124).

    198

    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont is-serjetà u t-tul tal-ksur inkwistjoni, hekk kif jitfakkar fis-sitt subparagrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, ma hijiex obbligata li tikkalkula l-multa skont ammonti bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati. Bl-istess mod, fil-każ ta’ akkordju bejn vendituri u xerrejja, hija ma hijiex obbligata twettaq dan il-kalkolu billi tibbaża ruħha fuq il-valur tal-bejgħ jew tax-xiri tal-impriżi inkwisjtoni. Huwa ċertament possibbli għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriża inkwistjoni, jew, fil-każ ta’ akkordju bejn vendituri u xerrejja, tal-valur tal-bejgħ u tax-xiri tal-prodott ikkonċernat, iżda ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata lil dawn iċ-ċifri meta mqabbla ma’ elementi oħra ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni żżomm ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-opportunità li twettaq kalkolu tal-multi abbażi tad-daqs ta’ kull impriża. B’hekk, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, hija ma hijiex obbligata li tiżgura ruħha, fil-każ fejn il-multi huma imposti fuq bosta impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jkunu jirriflettu distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punti 141 sa 144), fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq tal-prodott inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T-62/02, Ġabra p. II-5057, punt 159), jew, fil-każ ta’ akkordju bejn vendituri u xerrejja, fir-rigward tal-ammont tal-bejgħ jew tax-xiri tagħhom fis-suq inkwistjoni.

    199

    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li l-metodu ta’ kalkolu spjegat fil-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi ma huwiex ibbażat fuq il-valur tal-bejgħ jew tax-xiri tal-impriżi kkonċernati u jippermetti, għalhekk, li jkun hemm differenzi bejn l-impriżi f’dak li jikkonċerna r-relazzjoni bejn il-valur tal-bejgħ tagħhom jew tax-xir tagħhom u l-ammont tal-multi imposti fuqhom, huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll ta’ individwalità tal-pieni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il-Kummissjoni, T-116/04, Ġabra p. II-1087, punti 86 u 87).

    200

    Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika biss, f’dan il-każ, li t-tqassim tal-impriżi mwettaq mill-Kummissjoni kien koerenti u ġġustifikat b’mod oġġettiv. Issa, fil-premessi 29 u 320 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li billi din il-kawża tikkonċerna akkordju bejn vendituri u xerrejja tal-istess prodott fl-istess żona ta’ attivitajiet, kien meħtieġ li tiġi stabbilita klassifikazzjoni waħda, u dan skont id-dħul mill-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, minkejja li l-akkordju kien jikkonċerna l-prezz tax-xiri għall-kostrutturi l-kbar u l-prezz tal-bejgħ għall-fornituri, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi klassifikazzjoni waħda, u dan skont il-valur tal-bejgħ jew tax-xiri tal-prodott ikkonċernat, mingħajr ma tikser l-obbligi tagħha ta’ koerenza u ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva. Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza esposta preċedentement jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti, jekk wieħed iqishom li huma stabbiliti, li skonthom ir-rikorrenti għaddiet it-tnaqqis tal-ispejjeż tax-xiri tagħha, miksub permezz tal-akkordju, fuq l-offerti magħmula lill-klijenti tagħha u li l-prezz tax-xiri tal-bitum irrappreżenta biss parti minima mill-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha.

    4. Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

    a) L-argumenti tal-partijiet

    201

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti tqis li l-iktar kmieni li hija pparteċipat fil-ksur kien mill-1996 u mhux mill-1994. Hija tqis li n-negozjar ta’ tnaqqis minimu kollettiv ma jistax jitqies bħala ftehim li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li l-Kummissjoni la wriet l-eżistenza ta’ forma oħra ta’ negozjar qabel l-1996 u lanqas li hija kienet ikkonkludiet xi ftehim intiżi sabiex tiffissa, flimkien mal-fornituri, tnaqqis massimu li jista’ jingħata lill-kostrutturi ż-żgħar. Hija tammetti biss li, f’okkażjoni waħda, fl-2000, il-kostrutturi l-kbar innegozjaw, b’mod kollettiv mal-fornituri, tnaqqis addizzjonali, peress li kienu indunaw li dawn tal-aħħar ma kienu tawhom ebda tnaqqis effettiv marbut mal-volum tax-xiri tagħhom.

    202

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    203

    Skont il-premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur mill-1 ta’ April 1994 sal-15 ta’ April 2002. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt meta ma għamlitx differenza bejn l-aġir tal-kostrutturi l-kbar u dak tal-fornituri, peress li kienu biss dawn tal-aħħar li kienu implementaw akkordju qabel l-1996.

    204

    Madankollu, minn għadd ta’ elementi fil-proċess jirriżulta li qabel l-1996 il-kostrutturi l-kbar kienu diġà jipparteċipaw fl-akkordju, liema akkordju kien diġà jirrigwarda t-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 (premessi 175 sa 178 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, żewġ dokumenti maqbuda mingħand HBG fit-28 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Lulju 1994 isemmu ftehim bejn il-W5 u l-fornituri dwar il-prezz gross sal-1 ta’ Jannar 1995 kif ukoll dwar it-tnaqqis partikolari mogħti lill-W5 (premessi 93 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, żewġ noti interni ta’ SNV tas-6 u tad-9 ta’ Frar 1995 ukoll isemmu ftehim dwar il-prezz u t-tnaqqis speċjali konklużi bejn il-W5 u l-fornituri (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti indikat ukoll li matul dan il-perijodu kienet diġà seħħet konsultazzjoni separata tal-W5 (premessa 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

    205

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ limitu li jikkonċerna t-tnaqqis mogħti lill-kostrutturi ż-żgħar, b’mod partikolari qabel l-1996. Madankollu, għadd ta’ dokumenti jikkonfermaw l-eżistenza tiegħu fin-negozjati tal-akkordju sa mill-1994, bħal dak li ssemma fil-punt 52 iktar ’il fuq: dikjarazzjonijiet tal-fornituri (premessi 50, 53 u 54 u 82 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata), dokumenti tal-istess żmien tal-ksur (premessi 82 sa 85, 93, 95, 108, 115, 116 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata) u tweġibiet tar-rikorrenti għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni u għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessi 72, 97 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata).

    206

    Għaldaqstant dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

    207

    Bħala konklużjoni, il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi miċħud.

    B – Fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti

    208

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt u ta’ liġi u tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti. Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li hija żieded l-ammont tal-multa b’mod inġust billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq l-assenza ta’ kooperazzjoni tagħha matul spezzjoni u, min-naħa l-oħra, dwar ir-rwol tagħha ta’ provokatur u ta’ mexxej tal-akkordju.

    1. Fuq iċ-ċirkustanza aggravanti dwar ir-rifjut ta’ kollaborazzjoni matul l-ispezzjoni

    a) L-argumenti tal-partijiet

    209

    Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżid l-ammont bażiku tal-multa tagħha b’10 % minħabba li hija rrifjutat li tikkoopera matul l-ispezzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2002 u li hija ppruvat toħloq tfixkil matul din l-ispezzjoni, tista’ tiġi kkontestata għal erba’ raġunijiet.

    210

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma indikatilhiex li l-inċidenti se jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa. Minkejja li l-Kummissjoni semmiet iż-żewġ inċidenti inkwistjoni fil-parti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar il-proċedura, madankollu xejn ma ppermettielha li tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ta’ fatt fil-kalkolu tal-multa, peress li fil-parti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iddedikata għaċ-ċirkustanzi aggravanti ma ssemma xejn dwarhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li hi ma setgħetx tkun taf bil-prassi tal-Kummissjoni dwar dan permezz tal-kontenut ta’ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet f’kawżi oħra, peress li dawn ma humiex dokumenti pubbliċi.

    211

    Fit-tieni lok, ir-rifjut ta’ kooperazzjoni huwa materjalment infondat, peress li ebda ksur tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament Nru 1/2003, jew tad-deċiżjoni ta’ verifiki, ordnata b’applikazzjoni tal-Artikolu 14(3) tal-istess regolament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ verfiki”) ma ġie kkonstatat. B’hekk, mill-ewwel proċess verbali ta’ rifjut jirriżulta li s-segretarja tad-direttur tar-rikorrenti talbet lill-ispetturi tal-Kummissjoni sabiex jistennew il-wasla tal-avukati esterni tagħha qabel ma jidħlu fil-bini. Madankollu, dawn l-ispetturi rrifjutaw li jagħtuha xi ħin u talbu immedjatament l-għajnuna tal-forzi tal-pulizija u daħlu fl-uffiċċji bil-forza, mingħajr biss ma staqsew dwar il-possibbiltà li jkun hemm espert legali intern li jista’ jilqagħhom u jassistihom. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-inċident ma damx iktar minn 20 minuta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha meta ma tathiex żmien raġonevoli sabiex tibbenefika minn assistenza legali, peress li hija ma kellhiex espert legali intern preżenti fil-bini tal-ispezzjoni. It-tieni proċess verbali jsemmi r-rifjut, mill-avukati esterni tar-rikorrenti, li jagħtu l-aċċess, lill-ispetturi, għall-uffiċċju ta’ wieħed mid-diretturi tiegħu li kien assenti, peress li huma qiesu li dan ma kellu ebda dokument dwar il-bitum u li l-mandat tal-Kummissjoni ma kienx jippermettilha li jkollha aċċess għalih. Il-Kummissjoni tindika li hija kellha titlob l-assistenza tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni, liema awtorità għamlet kuntatt mal-awtoritajiet tal-pulizija, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ taċċedi f’dan l-uffiċċju. Madankollu r-rikorrenti tqis li dan il-proċess verbali ma jirriflettix ir-realtà. Fil-fatt, minkejja li l-avukati tagħha għall-bidu rrifjutaw l-aċċess għall-imsemmi uffiċċju, madankollu huma rtiraw dan ir-rifjut malajr, u għaldaqstant dan jikostitwixxi biss inċident minuri u mhux tentattiv ta’ tfixkil tal-investigazzjoni. Il-proċess verbali ma jindikax li xi ħadd daħal fl-imsemmi uffiċċju u li xi provi setgħu jiġu moħbija matul dan il-perijodu qasir ta’ żmien. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tenfasizza li ż-żewġ proċessi verbali, stabbiliti fit-3 ta’ Ottubru 2002, jiġifieri wara l-imsemmija verifiki, ġew trasmessi lilha biss fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl u li għalhekk, hija ma setgħetx tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-ħin, bi ksur tal-priniċpju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

    212

    Fit-tielet lok, iż-żieda tal-multa għal rifjut ta’ kooperazzjoni tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 17 li kienu fis-seħħ fil-mument li seħħew il-fatti u li kienu jipprevedu multa massima ta’ EUR 5 000 meta impriża ma tissottomettix ruħha għal deċiżjoni ta’ verifiki. Ir-rikorrenti tqis ukoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi sabiex tidderoga minn dawn id-dispożizzjoniet u li, meta fittxet li timponi fuqha tali żieda abbażi tad-dispożizzzonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, hija wettqet abbuż ta’ poter.

    213

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, iż-żieda tal-multa b’EUR 1.71 miljun għal rifjut ta’ kooperazzjoni hija sproporzjonata fir-rigward tal-fatti deskritti fil-proċessi verbali stabbiliti mill-Kummissjoni.

    214

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    215

    Mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 32, 340 u 341 tagħha, jirriżulta li fl-1 ta’ Ottubru 2002 il-Kummissjoni wettqet xi verifiki, b’mod partikolari fil-bini tar-rikorrenti, u li, matul din l-ispezzjoni, din l-ewwel irrifjutat li l-aġenti tal-Kummissjoni jidħlu fil-bini sakemm jaslu l-avukati esterni tagħha, u mbagħad, opponiet li tħallihom jaċċedu għall-uffiċċju ta’ wieħed mid-diretturi tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet l-assistenza tal-awtoritajiet tal-pulizija sabiex tkompli b’dawn il-verifiki. Fit-3 ta’ Ottubru 2002, l-aġenti tal-Kummissjoni għamlu żewġ proċessi verbali dwar dawn l-inċidenti, liema proċessi verbali ġew trasmessi lir-rikorrenti fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl mogħti mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Ottubru 2004. Ir-rikorrenti tressaq erba’ argumenti sabiex tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżid l-ammont bażiku tal-multa b’10 % għal din ir-raġuni.

    Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

    216

    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li, billi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma indikatilhiex li l-multa tagħha setgħet tiżdied minħabba dan ir-rifjut ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha. Madankollu, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni semmiet iż-żewġ rifjuti ta’ kooperazzjoni fil-parti li tirrigwarda l-proċedura, u dan għamlitu billi ppreċiżat li dawn jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tagħha tas-26 ta’ Settembru 2002 (punt 85). Barra minn hekk, fil-parti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet iddedikata għall-miżuri korrettivi, il-Kummissjoni fakkret il-prinċipji li jirregolaw l-iffissar tal-multi, billi ppreċiżat li hija ser tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-eventwali ċirkustanzi attenwanti jew aggravanti, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra (punt 361).

    217

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ġaladarba l-Kummissjoni tindika b’mod espress, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u hija tindika wkoll l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa, bħas-serjetà u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li dan tal-aħħar ġie kommess intenzjonalment jew b’negliġenza, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għal smigħ tal-impriżi. B’dan il-mod, hija tagħtihom l-elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra l-fatt li tiġi imposta multa fuqhom (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 21, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T-31/99, Ġabra p. II-1881, punt 78). F’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar it-tul, is-serjetà u l-prevedibbiltà tan-natura antikompetittiva tal-ksur. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija addizzjonali, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, sa fejn il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’ġurisdizzjoni sħiħa, u tista’ b’mod partikolari tneħħi jew tnaqqas il-multa, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235; ara, f’dan is-sens, is-sentenza ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79). Minn dan, il-qorti tal-Unjoni kkonkludiet li l-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha li tindika, mingħajr iktar preċiżazzjonijiet, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet, li hija ser tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol individwali ta’ kull impriża fil-ftehim inkwistjoni u li l-ammont tal-multa se jirrifletti l-eventwali ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, peress li l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi li jistgħu jitqiesu bħala aggravanti (sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punti 50 sa 56).

    218

    F’dan il-każ, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (punti 357 sa 362) il-Kummissjoni indikat espressament l-intenzjoni tagħha li timponi multi fuq l-impriżi destinatarji tagħha u l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, b’tali mod li, f’dan ir-rigward, id-dritt tagħha għal smigħ kien ġie rrispettat. Fir-rigward b’mod iktar partikolari taċ-ċirkustanza aggravanti ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni miżmuma kontra r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jsemmuha bħala eżempju ta’ ċirkustanza aggravanti u, min-naħa l-oħra, li fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol individwali ta’ kull impriża fil-ftehim inkwistjoni u li l-ammont tal-multa kien ser jirrifletti ċ-ċirkustanzi eventwali aggravanti jew attenwanti (punt 361). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħetx ma tkunx taf li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra din iċ-ċirkustanza aggravanti jekk hija tasal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha kienu sodisfatti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tagħha.

    Fuq l-iżball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti

    219

    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta kklassifikat iż-żewġ inċidenti inkwistjoni ta’ rifjut li tissottometti ruħha għad-deċiżjoni ta’ verifiki, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17, fis-seħħ fil-mument tal-imsemmija verifiki. Skont ir-rikorrenti, hija kellha dritt titlob lill-Kummissjoni li ma twettaqx il-verifiki sa ma jaslu l-avukati esterni tagħha, sabiex tipproteġi d-drittijiet tad-difiża tagħha, u, fi kwalunkwe każ, l-ispetturi tal-Kummissjoni setgħu jibdew il-verifiki tagħhom malajr ħafna.

    – Fuq l-ewwel inċident

    220

    Mill-proċess jirriżulta li l-ispettur tal-Kummissjoni u xi uffiċjali tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni ppreżentaw ruħhom mad-desk tal-akkoljenza tal-bini tar-rikorrenti f’Utrecht fl-1 ta’Ottubru 2002, fid-9.30, u fuqhom kellhom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna lir-rikorrenti sabiex tissottometti ruħha għal deċiżjoni ta’ verifiki. Madankollu, is-segretarja tad-direttur ma ħallithomx jidħlu fil-bini, u talbithom jistennew il-wasla tal-avukati esterni tar-rikorrenti f’sala ta’ stennija li tinsab fil-pjan terran, u tħallew jidħlu biss mal-wasla tal-pulizija, li ssejħu mill-uffiċjali tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni, fuq it-talba tal-ispetturi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qieset li dan ir-rifjut ikkawża dewmien ta’ 47 minuta. Ir-rikorrenti tqis li hija kellha dritt titlob lill-Kummissjoni sabiex tistenna l-wasla tal-avukati tagħha, li l-uffiċċju taħhom kien jinsab f’Den Haag (Il-Pajjiżi l-Baxxi), jiġifieri distanza ta’ 60 km, peress li hi ma kellha ebda espert legali intern fl-impriża.

    221

    Il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni biss li hija kellha dritt teżieġi li l-Kummissjoni tistenna l-wasla tal-avukati esterni tagħha, li huma speċjalizzati fil-liġi tal-kompetizzjoni, qabel ma tibda twettaq il-verifika prevista, mingħajr ma tibbaża ruħha, għal dan il-għan, fuq dispożizzjoni leġiżlattiva partikolari tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew tad-dritt Olandiż.

    222

    Huwa minn li l-qorti tal-Unjoni diġà kkunsidrat li s-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jikkostitwixxi rifjut ta’ kooperazzjoni fis-sens tat-tieni inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II-1487, punt 478, ikkonfermata, fuq dan il-punt, permezz tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 353).

    223

    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju legali ta’ proċedura xierqa jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dedott mid-drittijiet fundamentali, ibbażat ukoll fuq il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u b’mod iktar partikolari fuq l-Artikolu 6 tagħha. Għaldaqstant, meta rikorrent jagħmel użu minn dan il-prinċipju, huwa jitqies li b’mod impliċitu huwa għamel referenza għall-KEDB (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gellhoed għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Salzgitter Mannesmann vs Il-Kummissjoni, C-411/04 P, Ġabra p. I-959, I-962, punti 45 sa 49).

    224

    Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali li għandha tirrispondi għal din l-oġġezzjoni u dan billi teżamina jekk il-Kummissjoni, f’dan il-każ, osservatx il-garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tal-KEDB. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont tal-Artikolu 47(1) u (2) u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), li, minkejja li hija ma kella ebda effett legali vinkolati li jitqabbel ma’ dak tad-dritt primarju fil-mument ta’ meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, kienet tipprovdi, bħala sors ta’ interpretazzjoni tal-liġi, kjariment dwar id-dritijiet fundamentali ggarantiti bid-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 38, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37).

    225

    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 6(3)(ċ) tal-KEDB “Kull min ikun akkużat b’reat kriminali li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess” u li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, “kull persuna għandu jkollha l-possibiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata”.

    226

    Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, la r-Regolament Nru 17, applikabbli għad-data li fiha seħħew il-verifiki, la r-Regolament Nru 1/2003, u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-[Artikoli 81 KE u 82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) ma jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-preżenza ta’ avukat matul il-verifiki.

    227

    Barra minn hekk, għandu jii ppreċiżat li l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża jaqa’ prinċipalment fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi intiżi għall-waqfien ta’ ksur jew għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà legali. Għall-kuntrarju, il-proċedura ta’ verifika imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 ma hijiex intiża li twaqqaf ksur jew li tikkonstata inkompatibbiltà legali, iżda għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor id-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi partikolari. Huwa biss jekk il-kummissjoni tqis li l-elementi ta’ evalwazzjoni hekk miġbura jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur li l-impriża kkonċernata għandha, qabel ma tittieħed tali deċiżjoni, tinstema’ skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17. Hija preċiżament din id-differenza sostantiva bejn id-deċiżjonijiet meħuda fi tmiem tali proċedura u d-deċiżjonijiet ta’ verifiki li tispjega l-kontenut tal-Artikolu 19(1), liema Artikolu, meta jelenka d-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni ma tistax tieħu qabel ma tkun tat lill-persuni interessati l-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom, ma jsemmix dik prevista fl-Artikolu 14(3) tal-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizja tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, punt 21).

    228

    Il-qorti tal-Unjoni madankollu qieset li huwa neċessarju li jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jiġu kompromessi b’mod irrimedjabbli fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ investigazzjoni preliminari u, b’mod partikolari, matul il-verifiki, li jistgħu jkunu ta’ natura determinanti għall-istabbiliment ta’ provi tan-natura illegali ta’ aġir tal-impriżi li huma ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà tagħhom. Konsegwentement, minkejja li xi drittijiet tad-difiża jikkonċernaw biss il-proċeduri kontradittorji li jsegwu dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, drittijiet oħra, pereżempju dak li wieħed ikollu assistenza legali u dak li tinżamm il-kunfidenzjalità tal-korrispondenza bejn l-avukat u klijent, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, (155/79, Ġabra p. 1575), għandhom jiġu rrispettati sa mill-istadju tal-investigazzjoni preliminari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, 46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859, punti 15 u 16 ; tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il-Kummissjoni 85/87, Ġabra p. 3137, punt 27, u Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni 97/87 sa 99/87, Ġabra p. 3165, punti 12 u 13).

    229

    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stess irrikonoxxiet, fil-qasam kriminali, li, minkejja li l-Artikolu 6 tal-KEDB suppost jeżiġi li l-konvenut ikun jista’ jibbenefika mill-assistenza ta’ avukat sa mill-ewwel stadji tal-interrogatorji tal-pulizija, madankollu dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal xi restrizzjonijiet għal raġunijiet validi, u li f’kull każ għandu jsir magħruf jekk, fid-dawl tal-proċedura kollha, ir-restrizzjoni ċaħħditx lill-akkużat minn smigħ xieraq (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Murray vs Ir-Renju Unit tat-8 ta’ Frar 1996, Ġabra tas-Sentenzi u Deċiżjonijiet, 1996, paragrafu 63).

    230

    Issa, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, għandu jiġi żgurat li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jippreġudikax l-effett utli tal-verifiki sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ gwardjana tat-trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Ventouris vs Il-Kummissjoni, T-59/99, Ġabra p. II-5257, punt 122). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li s-setgħat li twettaq verifiki mingħajr notifika minn qabel ma jikkostitiwixxux preġudizzju lid-drittijiet fundamentali tal-impriżi, peress li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 għandhom l-għan li jippermettulha twettaq il-missjoni fdata lilha mit-Trattat KE, li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq intern, li tevita li ssir distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, u li tikkontribwixxi għaż-żamma tas-sistema kompetittiva intiża mit-Trattat, li l-impriżi għandhom josservaw b’mod obbligatorju (sentenza National Panasonic vs Il-Kummissjoni, punt 227 iktar ’il fuq, punt 20).

    231

    Dan huwa għaliex huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tad-difiża u l-effett utli tas-setgħa ta’ verifika tal-Kummissjoni, billi tiġi evitata l-possibbiltà li d-dokumenti rilevanti jinqerdu jew jinħbew.

    232

    Għalhekk, il-qorti tal-Ġustizzja tqis li l-preżenza ta’ avukat estern jew ta’ espert legali intern fl-impriża hija possibbli meta l-Kummissjoni twettaq verifika, iżda li l-preżenza ta’ avukat estern jew ta’ espert legali intern ma hijiex kundizzjoni għal-legalità tal-verifika. Meta impriża tkun tixtieqha, u b’mod partikolari meta hija ma jkollhiex persuna legali fuq il-post tal-verifika, hija tista’ wkoll titlob il-pariri ta’ avukat permezz tat-telefown u titolbu sabiex imur fuq il-post fl-iqsar żmien possibbli. Sabiex l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għall-assistenza ta’ avukat ma jkunx jista’ jippreġudika l-iżvolġiment tajjeb tal-verifika, il-persuni inkarigati mit-twettiq tal-verifika għandhom ikunu jistgħu jidħlu b’mod immedjat fil-binjiet kollha tal-impriża, jinformawha bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni u jidħlu fl-uffiċċji tal-għażla tagħhom, mingħajr ma jistennew li l-impriża tkun ikkonsultat lill-avukat tagħha. Il-persuni inkarigati mit-twettiq tal-verifika għandhom ukoll jitqiegħdu f’pożizzjoni li jikkontrollaw il-komunikazzjonijiet telefoniċi u informatiċi tal-impriża sabiex jevitaw, b’mod partikolari, li din tal-aħħar tagħmel kuntatt ma’ impriżi oħra li fir-rigward tagħhom ukoll ikun hemm deċiżjoni ta’ verifiki. Barra minn hekk, it-terminu li l-Kummissjoni hija marbuta tagħti lil impriża sabiex din tkun tista’ tagħmel kuntatt mal-avukat tagħha, qabel ma hija tibda tikkonsulta l-kotba u dokumenti oħra, tagħmel kopji tagħhom, twaħħal siġilli fuq postijiet jew dokumenti jew titlob spjegazzjonijiet orali lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża, jiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u, fi kwalunkwe każ, għandu jkun limitat ħafna u mnaqqas għall-minimu.

    233

    F’dan il-każ, meta rrifjutat li tilqa’ t-talba tar-rikorrenti sabiex jistennew il-wasla tal-avukati esterni tagħha f’sala tal-istennija qabel ma tippermetti lill-Kummissjoni li tidħol fil-binjiet tagħha, u b’mod partikolari fl-uffiċċju tad-direttur ġenerali tagħha, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tagħha. Għaldaqstant, ir-rifjut tar-rikorrenti li tagħti l-aċċess għall-binja tagħha lill-ispetturi tal-Kummissjoni qabel il-wasla tal-avukati tagħha, li kkawża dewmien ta’ 47 minuta fl-operazzjonijiet ta’ verifika, għandu jiġi kklassifikat bħala rifjut li hija tissottometti ruħha għad-deċiżjoni ta’ verifiki fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17.

    – Fuq it-tieni inċident

    234

    Ir-rikorrenti tqis li l-inċident li seħħ fil-waranofsinhar tal-1 ta’ Ottubru 2002 ma kienx jikkostitwixxi rifjut li tissottometti ruħha għad-deċiżjoni ta’ verifiki, peress li dan kien qasir ħafna u għaldaqstant ma kkawża ebda distruzzjoni jew ħabi ta’ dokumenti.

    235

    Madankollu, mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni jirriżulta li, matul il-waranofsinhar tal-1 ta’ Ottubru 2002, l-avukati esterni tar-rikorrenti, malli waslu fuq il-post, irrifjutaw li jagħtu l-aċċess lill-Kummissjoni għall-uffiċċju ta’ wieħed mid-diretturi, peress li ebda dokument relattiv għall-bitum ma kien jinsab hemm, sakemm, fuq talba tal-Kummissjoni, l-uffiċjali tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni għamlu kuntatt mal-pulizija. Il-proċess verbali stabbilit mill-Kummissjoni ma jippreċiżax id-dewmien eżatt ikkawżat minn dawn id-diskussjonijiet. Id-deċiżjoni ta’ verifiki tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2002 madankollu awtorizzat lill-ispetturi sabiex jidħlu fil-binjiet kollha, fl-artijiet u fil-mezzi ta’ trasport tal-impriża matul il-ħinijiet normali tal-ftuħ tal-uffiċċji u sabiex jeżaminaw il-kotba u d-dokumenti professjonali kollha.

    236

    Issa, skont il-ġurisprudenza, l-impriżi għandhom l-obbligu li jikkollaboraw b’mod attiv fil-miżuri ta’ investigazzjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punti 65, 207 u 208).

    237

    Barra minn hekk, kemm l-għan tar-Regolament Nru 17 kif ukoll l-elenkar, permezz tal-Artikolu 14 tiegħu, tas-setgħat li għandhom l-uffiċjali tal-Kummissjoni juru li l-verifiki jistgħu jkollhom portata wiesgħa ħafna. F’dan ir-rigward, id-dritt li jidħlu f’kull bini, art u mezzi ta’ trasport tal-impriżi għandu importanza partikolari sa fejn dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni li tiġbor il-provi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-postijiet fejn dawn jinsabu normalment, jiġifieri fil-bini kummerċjali tal-impriżi (sentenza tal-21 ta’ Setembru 1989, Hoescht vs Il-Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punt 26).

    238

    Il-qorti tal-Unjoni enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħa ta’ verifika tagħha f’kull bini kummerċjali tal-impriża msemmija fid-deċiżjoni meħuda minnha filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punti 14 u 15) kif ukoll id-drittijiet marbuta mal-protezzjoni tal-proprjetà (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Colas Est et vs Franza tas-16 ta’ April 2002, Ġabra tas-Sentenzi u Deċiżjonijiet, 2002, paragrafi 40 u 41; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C-94/00, Ġabra p. I-9011, punt 29, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2005, Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, C-121/04 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 37). Barra minn hekk, hija l-Kummissjoni u mhux l-impriża kkonċernata jew terz li għandha tiddeċiedi jekk dokument għandux jiġi ppreżentat quddiemha jew le (sentenza AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punt 17).

    239

    Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-avukati tar-rikorrenti, għall-ewwel, irrifjutaw li jagħtu lill-Kummissjoni l-aċċess għall-uffiċċju ta’ wieħed mid-diretturi tagħha huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti rrifjutat li tissottometti ruħha totalment għad-deċiżjoni ta’ verifiki, mingħajr ma tkun il-Kummissjoni li tistabbilixxi li d-dewmien ikkawżat minn dan ir-rifjut seta’ jipprovoka d-distruzzjoni jew il-ħabi ta’ dokumenti.

    240

    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti meta kklassifikat dawn iż-żewġ inċidenti bħala rifjut li tissuġġetta ruħha għal deċiżjoni ta’ verifiki.

    Fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

    241

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba meta stabbilixxiet il-proċessi verbali biss wara l-verifiki u għaddithomlha biss fil-kuntest tal-aċċess għall-fajl, jiġifieri wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’hekk xekklitha milli ssostni l-eventwali osservazzjonijiet tagħha fi żmien utli.

    242

    Madankollu għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni leġiżlattiva ma kienet tobbliga lill-Kummissjoni li tistabbilixxi proċess verbali ta’ rifjut li tissottometti ruħha għad-deċiżjoni ta’ verifiki f’terminu partikolari, u lanqas li dan id-dokument jiġi trasmess lill-impriża f’terminu partikolari. Issa, il-qorti tal-Unjoni tqis li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma jistax jibdel f’obbligu dak li l-leġiżlatur ma qiesx bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1992, Burban vs Il-Parlament, C-255/90 P, Ġabra p. I-2253, punt 20).

    243

    Il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kellha l-posibbiltà li tirreaġixxi għall-kontenut ta’ dawn iż-żewġ proċessi verbali meta l-Kummissjoni tatha l-aċċess għall-fajl wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda li hi ma għamlitx hekk.

    Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17

    244

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li, billi kien biss ir-Regolament Nru 17 li kien fis-seħħ fil-mument tal-fatti, il-Kummissjoni la kellha d-dritt tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, li ma kinux fis-seħħ, u lanqas il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, liema Linji gwida ma jistgħux jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17. B’hekk, il-Kummissjoni wettqet użu ħażin ta’ poter.

    245

    L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17 kien jipprovdi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li timponi multa massima ta’ EUR 5 000 fuq kull impriża li ma tissuġġettax ruħha għal deċiżjoni ta’ verifiki u l-Artikolu 15(2) tal-istess regolament kien jawtorizzaha timponi multi li jistgħu jirrappreżentaw sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fuq il-kumpanniji li jwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) KE, ikkalkulati skont is-serjetà u t-tul tal-ksur. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17 b’hekk kien jippermetti lill-Kummissjoni li timponi multa fuq impriża għal rifjut ta’ kooperazzjoni matul xi verifiki, anki jekk tali ksur tal-Artikolu 81 KE ma jkunx stabbilit. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 17 għaldaqstant ma kienet tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tissanzjona rifjut ta’ kooperazzjoni matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa globali imposta abbażi tal-Artikolu 15(2) tal-imsemmi regolament, minflok ma timponi multa distinta fuq l-impriża abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ dan it-test.

    246

    Skont il-ġurisprudenza (ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 24), l-użu ħażin ta’ poter jikkostitwixxi l-adozzjoni, minn istituzzjoni tal-Unjoni, ta’ att bl-għan esklużiv jew, tal-inqas, li huwa determinanti sabiex jintlaħqu għanijiet oħra barra dawk li huma msemmija jew li huwa determinanti sabiex tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-trattat sabiex jilqgħu għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Il-qorti tal-Unjoni għaldaqstant tqis li att huwa biss ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter jekk, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konsistenti, ikun jidher li jkun ittieħed bl-għan esklużiv, jew tal-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra apparti dawk imsemmija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 2004, Ramondín et vs Il-Kummissjoni, C-186/02 P u C-188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    247

    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, li jipprovdu b’mod espliċitu l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni rifjut ta’ kooperazzjoni jew tentattiv ta’ tfixkil matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni bħala ċirkostanzi aggravanti fil-kuntest tal-iffissar tal-multa, kellha l-għan determinanti li jiġi evitat il-limitu ta’ EUR 5 000 ffissat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17.

    248

    Il-qorti tal-Unjoni diġà indikat li r-Regolament Nru 17 kien ħalla marġni ta’ diskrezzjoni kbir għall-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-multi. Għalhekk, l-introduzzjoni, minn din tal-aħħar, ta’ metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi permezz tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi li f’ċerti każijiet jista’ jwassal għal żieda tal-ammont tal-multi, mingħajr madankollu ma jinqabeż il-limitu massimu stabbilit mill-istess regolament, ma tistax titqies bħala aggravament, b’effett retroattiv, ta’ multi bħalma huma dawk li huma legalment previsti bl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 kuntrarju għall-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 252, 254, 258, 260, 261 u 267, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T-23/99, Ġabra p. II-1705, punt 235).

    249

    Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li, peress li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma kienx jelenka b’mod limitat il-kriterji li tagħhom il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, l-aġir tal-impriża matul il-proċedura amministrattiva, u b’mod partikolari rifjut ta’ kooperazzjoni jew tentattivi ta’ tfixkil matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni, seta’ jagħmel parti mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul dan l-iffissar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 1990, Sandoz prodotti farmaceutici vs Il-Kummissjoni, C-277/87, Ġabra p. I-45, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C-298/98 P, Ġabra p. I-10157, punt 56 ; sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, point 222 iktar ’il fuq, punti 474 u 475, ikkonfermata dwar dan il-punt permezz tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 351).

    250

    Minn dak kollu premess jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, sa fejn jipprevedu b’mod espliċitu l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni rifjut ta’ kooperazzjoni jew tentattiv ta’ tfixkil matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni bħala ċirkustanzi aggravanti fl-iffissar tal-multa, ġew adottati bl-għan determinanti li tiġi evitata l-proċedura ta’ sanzjoni prevista bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17, u b’mod partikolari l-limitu ta’ EUR 5 000.

    251

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni f’dan il-każ kellha l-possibbiltà li tissanzjona rifjut ta’ kooperazzjoni, u dan jew billi timponi fuq l-impriża inkwistjoni multa massima ta’ EUR 5 000 skont id-dispożizzjonijiet tal-Aritkolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 17, jew inkella billi, fl-iffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża abbażi tal-Artikolu 15(2) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fis-seħħ fil-mument meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata), tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza aggravanti bbażata fuq rifjut ta’ kooperazzjoni matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni, u li l-allegat użu ħażin ta’ poter ma huwiex stabbilit.

    Fuq in-natura sproporzjonatata taż-żieda tal-multa minħabba rifjut ta’ kooperazzjoni

    252

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti tqis li ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa ta’ 10 %, jiġifieri EUR 1.71 miljun imposta mill-Kummissjoni minħabba rifjut ta’ kooperazzjoni hija, fi kwalunkwe każ, sproporzjonata mal-fatti deskritti fil-proċessi verbali.

    253

    Għandu jitfakkar li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni u li għalhekk, din għandu jkollha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II-1165, punt 59; tal-11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il-Kummissjoni, T-49/95, Ġabra p. II-1799, punt 53, u tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 127). Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ jekk l-ammont tal-multa imposta huwiex proporzjonat mat-tul u mal-elementi l-oħra ta’ natura li jidħlu fl-evalwazzjoni tas-serjetà tal-ksur, bħalma huma l-influwenza li l-impriża setgħet teżerċita fuq is-suq, il-qligħ li hija setgħet tikseb mill-prattiki tagħha, il-volum, u l-valur tas-servizzi kkonċernati u r-riskju li l-ksur jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Unjoni (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 120 u 129).

    254

    Minkejja li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta mill-prattika preċedenti tagħha, jista’ jkun utli għall-Qorti Ġenerali, fl-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata jew le taż-żieda tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, li ssir taf biż-żidiet imposti fuq impriżi oħra mill-Kummissjoni għal din l-istess raġuni. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, tista’ tqis li żżid l-imsemmija żieda. Issa, l-istess rata ta’ 10 % ġiet ukoll applikata fi tliet kawżi oħra fejn il-Kummissjoni ssanzjonat xi impriżi b’żieda speċifika tal-multa għal rifjut ta’ kooperazzjoni. Fil-kawża msejħa “tal-vapuri Griegi”, din iż-żieda kienet tissanzjona impriża li kienet informat lill-impriżi l-oħra tal-akkordju bit-tweġibiet li hija kienet tat għal talba għal informazzjoni u kienet issuġġeritilhom li jemendaw il-prezzijiet tagħhom (sentenza Minoan Lines vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 335 sa 339). Fil-kawża Nintendo, din iż-żieda kienet tissanzjona impriża li kienet tat tweġiba żbaljata għal talba għal informazzjoni [deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002, COMP/35.706 – PO Nintendo Distribution (ĠU 2003, L 255, p. 33)]. Fl-aħħar nett, fil-kawża msejħa “tal-boroż industrijali” (deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2005, COMP/F/38.354 – Boroż industrijali), din iż-żieda kienet tissanzjona impriża li wieħed mill-impjegati tagħha kien qered dokument magħżul mill-ispetturi matul il-verifika, u dan minkejja li l-impriża, wara li seħħ dan, kienet bagħtet kopja ta’ dan id-dokument lill-Kummissjoni.

    255

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl tat-tul relattivament qasir tat-tfixkil imwettaq mir-rikorrenti għall-operazzjonijiet ta’ verifika tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li jsir użu mis-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiżdied iż-żieda mwettqa mill-Kummissjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, din iż-żieda ta’ 10 % tal-ammont tal-multa ma kinitx tidher sproporzjonata meta jittieħed kont ta’, minn naħa, l-aġir tar-rikorrenti matul il-verifiki u n-natura ripetuta tat-tentattivi tagħha ta’ tfixkil fl-istess jum u, min-naħa l-oħra, l-importanza tal-verifiki bħala strument neċessarju għall-Kummissjoni sabiex teżerċita l-funzjonijiet tagħha ta’ gwardjana tat-trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza Ventouris vs Il-Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq, punt 122) u l-ħtieġa li l-aġir tal-impriżi jiġi orjentat lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    256

    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    2. Fuq ir-rwoli ta’ provokatur u ta’ mexxej

    a) Fuq ir-rwol ta’ provokatur

    L-argumenti tal-partijiet

    257

    Ir-rikorrenti tqis li, billi attribwixxiet lilha, flimkien ma’ SNV, ir-rwol ta’ provokatur tal-akkordju, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ fatt li jiġġustifikaw l-annullament, sħiħ jew parzjali, taż-żieda ta’ 50 % tal-multa li ġiet imposta fuqha abbażi ta’ dan. Skont il-ġurisprudenza, din il-kwalifika tista’ biss tapplika għal impriża li tkun ipperswadiet jew ħeġġet impriżi oħra sabiex jistabbilixxu akkordju jew sabiex jingħaqdu fih (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punti 316 u 321). F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq żewġ elementi li ma humiex biżżejjed sabiex tiġi attribwita r-rwol ta’ provokatur tal-akkordju, anki jekk SNV l-iktar l-iktar inqdiet bir-rikorrenti sabiex tikkuntattja lill-kostrutturi tat-toroq l-oħra tal-W5.

    258

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq silta mit-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ġiet iżolata mill-kuntest tagħha. Dan id-dokument jippermetti biss li jiġi kkonstatat li SNV, fl-1993, għamlet proposta ta’ prezz lir-rikorrenti, li hija rrappurtat fil-laqgħa segwenti tal-W5, u ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti pproponiet lill-W5 sabiex jaċċettawh.

    259

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni użat rapport ta’ Wintershall tal-20 ta’ Frar 1992 li jindika li r-rikorrenti kienet qaltilha li hija kienet għamlet kuntatt ma’ SNV sabiex tistaqsiha sabiex twettaq proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5 u li SNV, fl-1993, għaldaqstant kienet għamlitilha offerta ta’ tnaqqis speċjali għall-W5. Madankollu, dan id-dokument huwa kontradett minn nota interna ta’ SNV tal-1995, dan ma jikkorrispondix mat-tifkiriet tal-impjegat tar-rikorrenti li għalih saret referenza u l-kontenut tiegħu huwa improbabbli, u dan peress li Wintershall hija kumpannija li ftit kellha kuntatt mar-rikorrenti.

    260

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq element wieħed, tal-1992, jiġifieri qabel il-bidu tal-akkordju, u li ma huwa kkorroborat minn ebda element ieħor tal-fajl, sabiex tistabbilixxi r-rwol tagħha ta’ provokatur tal-akkordju.

    261

    Il-Kummissjoni tfakkar li l-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni bejn ir-rwoli ta’ provokatur u ta’ mexxej u li, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-provi huma insuffiċjenti fir-rigward ta’ wieħed miż-żewġ rwoli, hija madankollu tista’ xorta waħda żżomm iż-żieda ta’ 50 % fl-ammont tal-multa (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punti 342 sa 349). F’dak li jikkonċerna l-kwalifika ta’ provokatur tal-akkordju, il-ġurisprudenza barra minn hekk tippreċiża li l-impriża inkwistjoni imbuttat jew ħeġġet impriżi oħra sabiex jimplementaw l-akkordju jew sabiex jingħaqdu fih (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 321). F’dan il-każ, il-Kummissjoni tindika li hija bbażat ruħha fuq żewġ dokumenti, li minnhom jirriżulta li r-rikorrenti ħeġġet lil impriżi oħra sabiex jistabbilixxu akkordju billi, bħala l-ikbar konstruttur tat-toroq, ħadet l-inizjattiva li tikkuntattja lil SNV, li hija l-ikbar fornitur, sabiex titlobha tagħmel xi suġġerimenti dwar il-possibbiltajiet ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u billi wara dan hija wriet lill-impriżi l-oħra tal-W5 il-proposta magħmula minn SNV dwar tnaqqis speċjali. Id-dikjarazzjoni tal-impjegat tar-rikorrenti li saret f’Ġunju 2005 fil-kuntest tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tgħid li hu qatt ma ħa l-inizjattiva tal-konsultazzjoni, hija għaldaqstant kuntrarja għar-rapport tal-kumpannija Wintershall li jsemmi intervista mal-istess impjegat. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dokument ta’ Wintershall tal-1992, li jsemmi kooperazzjoni futura, għall-kuntrarju tikkoinċidi mal-fatt li l-akkordju ngħata bidu fl-1993, kif tistabbilixxi b’mod partikolari t-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ssemmi xi diskussjonijiet ma’ SNV dwar tnaqqis speċjali mogħti lill-W5 sa mill-1993.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    262

    Meta ksur jkun twettaq minn numru ta’ impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li tiġi eżaminata s-serjetà relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 92), liema fatt jimplika, b’mod partikolari, li għandhom jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur matul it-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 150, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, T-6/89, Ġabra p. II-1623, punt 264).

    263

    Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ provokatur jew ta’ mexxej li għandha impriża jew numru ta’ impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, inkwantu l-impriżi li kellhom tali rwol għandhom, minħabba f’hekk, iġorru responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T-347/94, Ġabra p. II-1751, punt 291, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punt 301).

    264

    B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt l-intestatura ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda tal-ammont bażiku tal-multa u li tinkludi, b’mod partikolari, ir-“rwol ta’ mexxej […], jew provokatur tal-ksur” (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punti 280 sa 282).

    265

    Għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi kkwalifikata bħala provokatur ta’ akkordju, impriża għandha tkun imbuttat jew ħeġġet impriżi oħra sabiex jistabbilixxu l-akkordju jew sabiex jingħaqdu miegħu. Għall-kuntrarju, ma huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement ikun fost il-membri fundaturi tal-akkordju. Din il-kwalifika għandha tiġi riżervata għall-impriża li, jekk ikun il-każ, tkun ħadet l-inizjattiva, pereżempju billi tissuġġerixxi lill-oħra l-opportunità ta’ kollużjoni jew billi tipprova tikkonvinċiha twettaq waħda (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 321). Madankollu l-qorti tal-Unjoni ma tobbligax lill-Kummissjoni sabiex ikollha elementi dwar it-tfassil jew dwar il-ħolqien tad-dettalji tal-akkordju. Fl-aħħar nett hija ppreċiżat li r-rwol ta’ provokatur jirrigwarda l-mument tal-istabbiliment jew tat-tkabbir ta’ akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 316), u dan jippermetti li wieħed jikkunsidra li għadd ta’ impriżi jistgħu simultanjament ikollhom ir-rwol ta’ provokatur fi ħdan l-istess akkordju.

    266

    F’dan il-każ, mill-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ġarret responsabbiltà partikolari għar-rwol tagħha ta’ provokatur tal-akkordju. Hija fakkret li l-ġurisprudenza ikkwalifikat impriża li tkun imbuttat jew ħeġġet impriżi oħra sabiex jimplementaw akkordju jew jingħaqdu miegħu bħala provokatur ta’ akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 321). Biex tagħmel dan, hija bbażat ruħha fuq tliet dokumenti li jsemmu inizjattivi li hija tqis li huma dawk li minnhom oriġina l-akkordju, peress li huma servew sabiex jikkonvinċu lil impriżi oħra sabiex jimplementaw l-akkordju. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn id-dokumenti jipermettu li jiġi stabbilit, minn naħa, li r-rikorrenti pproponiet lil SNV sabiex tagħmel proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5 u, min-naħa l-oħra, li wara dan ir-rikorrenti ttrasmettiet, lill-kostrutturi l-oħra, il-proposta ta’ tnaqqis speċjali magħmula minn SNV. Dawn huma estratt tat-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, nota ta’ HBG tat-8 ta’ Lulju 1994 u rapport intern ta’ Wintershall tal-20 ta’ Frar 1992.

    267

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni b’hekk ibbażat ruħha, fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ riferiment għall-premessa 175, fuq nota ta’ HBG, kostruttur kbir ieħor, tat-8 ta’ Lulju 1994, li tagħmel referenza għal xi ftehim konklużi f’Marzu 1994 bejn il-W5, irrappreżentati mir-rikorrenti, u l-fornituri, irrappreżentati minn SNV, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 1994, kif ukoll għal għajdut li jissuġġerixxi l-possibbiltà li l-fornituri ma humiex qegħdin josservaw l-imsemmija ftehim, u għan-neċessità li jiġi kkuntattjat impjegat tar-rikorenti dwar dan is-suġġett. Dan id-dokument b’hekk jindika li r-rikorrenti innegozjat xi ftehim f’isem il-W5 ma’ SNV u li kostruttur kbir ieħor ikkunsidra lir-rikorrenti bħala l-interlokutur fl-aħjar pożizzjoni, fi ħdan il-W5, sabiex isolvi disfunzjonament tal-akkordju. Jekk dan id-dokument jippermetti li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet wieħed mill-membri fundaturi tal-akkordju, madankollu huwa ma jistax ikun biżżejjed sabiex jistabbilixxi, kif teżiġi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 265 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ħeġġet impriżi oħra, jew ikkonvinċiethom sabiex jingħaqdu mal-akkordju.

    268

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq estratt mit-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessi 97 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata), fejn fih ir-rikorrenti stess tirreferi għall-eżistenza ta’ diskussjonijiet ma’ SNV fl-1993 dwar tnaqqis speċjali mogħti lill-W5 u għat-trasmissjoni, mir-rikorrenti, tal-informazzjoni dwar dan it-tnaqqis lill-membri l-oħra tal-W5. Madankollu hemm lok li jiġi enfasizzat li, meta ttrasmettiet din l-informazzjoni lill-membri l-oħra tal-W5, ir-rikorrenti ma kellhiex neċessarjament l-intenzjoni li tħeġġiġhom, jew li tikkonvinċihom jingħaqdu mal-akkordju.

    269

    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, il-Kummissjoni użat rapport intern ta’ Wintershall tal-20 ta’ Frar 1992. Dan id-dokument, li ġie redatt wara żjara, fit-18 ta’ Frar 1992, lil Wintershall mill-impjegat tar-rikorrenti li wara pparteċipa b’mod regolari għal-laqgħat tal-akkordju, isemmi li r-rikorrenti talbet lil SNV, bħala l-“marketleader”, sabiex tagħmel xi proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5, liema proposti jikkorrispondu għal monopolju tax-xiri. Id-dokument jindika li, matul din iż-żjara, Wintershall indikat lir-rikorrenti li din l-inizjattiva kienet toħloq xi problemi fir-rigward tal-liġi tal-akkordji.

    270

    Ir-rikorrenti fittxet li tikkontesta s-saħħa probatorja ta’ dan id-dokument billi enfasizzat li dan huwa kontradett permezz ta’ nota interna ta’ SNV tal-1995 li tindika li hija biss ħadet l-inizjattiva li tagħmel kuntatt mal-W5, li dan ma kienx jaqbel mat-tifkiriet tal-impjegat li saret referenza għalih u li l-kontenut tiegħu huwa improbabbli, peress li ftit li xejn huwa kredibbli li hija ttrasmettiet informazzjoni daqstant kunfidenzjali lill-interlokutur tagħha. Il-Qorti Ġenerali madankollu tqis li dan id-dokument huwa kredibbli, peress li jidher li ma tantx huwa probabbli li Wintershall inkludiet informazzjoni falza f’rendikont purament intern tal-1992, u għaldaqstant in tempore non suspecto. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, in-nota ta’ SNV tas-6 ta’ Frar 1995 ma tippermettix li jiġi asserit li kienu l-fornituri biss li taw bidu għall-akkordju (ara l-punt 37 iktar ’il fuq).

    271

    Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni qieset li l-akkordju beda biss fl-1 ta’ April 1994 inaqqas is-saħħa probatorja ta’ dan id-dokument insostenn tal-kwalifika tar-rikorrenti bħala provokatur, peress li dan kien ġie redatt iktar minn sentejn qabel din id-data. Konsegwentement, dan id-dokument waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex, f’dan il-każ, jiġi konkluż li r-rikorrenti kellha r-rwol ta’ provokatur fil-ksur inkwistjoni.

    272

    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li r-rikorrenti kellha rwol ta’ provokatriċi fil-ksur inkwistjoni meta pproponiet lil SNV sabiex tagħmel xi proposti ta’ kooperazzjoni bejn il-fornituri u l-W5 u billi ttrasmettiet, lill-kostrutturi l-oħra, il-proposta ta’ tnaqqisijiet speċjali magħmula minn SNV ma hijiex issostanzjata biżżejjed.

    273

    Peress li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element addizzjonali quddiem il-Qorti Ġenerali fid-dawl taċ-ċirkustanzi indikati fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, bil-għan li tagħti prova tar-rwol ta’ provokatur tar-rikorrenti, l-eżami tal-Qorti Ġenerali se jikkonċentra fuq ir-rwol ta’ mexxej li r-rikorrenti kellha f’dan l-istess ksur.

    b) Fuq ir-rwol ta’ mexxej

    L-argumenti tal-partijiet

    274

    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni attribwixxitilha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju minkejja li ma kien jeżisti ebda element f’dan is-sens. Madankollu, sabiex tistabbilixxi li impriża kellha r-rwol ta’ mexxej, il-qorti tal-Unjoni timponi li tingħatala prova li din wettqet azzjonijet konkreti li jagħtu spinta kbira lill-implementazzjoni tal-ftehim kollużiv, b’mod li tiddistingwi ruħha b’mod ċar mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 374).

    275

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq erba’ elementi sabiex tikkunsidra li r-rikorrenti kienet mexxej tal-akkordju: ir-rwol tagħha, matul l-ewwel snin tal-akkordju, fl-1994 u l-1995, fin-negozjati mal-fornituri, għan-nom tal-kostrutturi l-kbar; sa mill-1996 hija ħadet l-inizjattiva li torganizza l-laqgħat tal-akkordju bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar; hija ffaċilitat iż-żamma ta’ dawn il-laqgħat billi qiegħed il-binjiet tagħha għad-dispożizzjoni; fl-aħħar nett hija wettqet funzjoni ta’ presidenza matul dawn il-laqgħat. Skont ir-rikorrenti, l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa fondat.

    276

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni bbażat l-affermazzjoni tagħha li tgħid li, mill-1994 sal-1996, ir-rikorrenti kkonkludiet ftehim ma’ SNV f’isem il-kostrutturi l-kbar, esklużivament fuq nota maqbuda minn ġol-binjiet tal-kumpannija HBG, li madankollu ssemmi biss għajdut li, barra minn hekk, wara rriżulta li ma kienx fondat, peress li l-fornituri żiedu l-prezzijiet tagħhom f’Diċembru 1994. Barra minn hekk, dan l-għajdut ġie kkontestat peremezz tad-dikjarazzjoni ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, u l-awtur tan-nota ta’ HBG qatt ma pparteċipa għal-laqgħat tal-akkordju.

    277

    Fit-tieni lok, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li, sa mill-1996, ir-rikorrenti ħadet l-inizjattiva li torganizza l-laqgħat tal-akkordju bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar hija bbażata biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ SNV u ta’ Kuwait Petroleum li saru fil-kuntest tat-tentattivi tagħhom li jibbenefikaw mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, liema dikjarazzjonijiet barra minn hekk ma jaqblux ma’ għadd ta’ dokumenti mill-fajl, bħalma huma l-istruzzjonijiet tas-segretarjat tad-direzzjoni tar-rikorrenti. Hija tqis li għadd ta’ dokumenti jippermettu li jiġi kkonfermat li SNV dejjem ħadet l-inizjattiva li torganizza dawn il-laqgħat.

    278

    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra li l-fatt li hija qiegħdet b’mod regolari l-binjiet tagħha għad-dispożizzjoni għaż-żamma tal-laqgħat tal-akkordju jfisser li hija kellha rwol partikolari. Fil-fatt, minn naħa, din iċ-ċirkustanza tispjega ruħha permezz tal-pożizzjoni ċentrali favorevoli tal-uffiċċji tagħha u, min-naħa l-oħra, kultant il-laqgħat kienu jinżammu f’postijiet oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq ittra mibgħuta mill-kumpannija Heijmans lir-rikorrenti fejn fiha din ilmentat fuq nuqqas ta’ konsultazzjoni fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tas-16 ta’ Frar 2001, peress li din l-ittra kienet tikkostitwixxi biss skambju bejn impjegat ta’ Heijmans u l-predeċessur tiegħu, li issa kien qiegħed jaħdem mar-rikorrenti.

    279

    Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti tqis li l-affermazzjoni li tgħid li hija eżerċitat rwol ta’ presidenza matul il-laqgħat tal-akkordju tibbaża ruħha biss fuq dikjarazzjoni tendenzjuża ta’ impjegat ta’ Kuwait Petroleum, imwettqa fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li hija kkontestat il-kontenut tagħha. Hija tenfasizza li din l-unika dikjarazzjoni iżolata ma jista’ jkollha ebda saħħa probatorja, speċjalment għaliex hija kienet tinkludi xi elementi żbaljati, u li barra minn hekk il-Kummissjoni ma tistax tinvoka d-dikjarazzjoni ta’ impjegat ieħor ta’ Kuwait Petroleum, li qatt ma assistiet b’mod dirett konsultazzjoni dwar il-bitum.

    280

    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    281

    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta ksur ikun twettaq minn numru ta’ impriżi, hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, li jiġu stabbiliti r-rwoli rispettivi tagħhom fil-ksur tul il-parteċipazzjoni tagħhom fih (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 30 iktar ’il fuq, punt 150, u Enichem Anic vs Il-Kummissjoni, punt 262 iktar ’il fuq, punt 264). Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rwol ta’ “mexxej” li għandha impriża waħda jew li għandhom diversi impriżi fil-kuntest ta’ akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sa fejn l-impriżi li kellhom rwol bħal dan għandhom, minħabba f’hekk, jerfgħu responsabbiltà partikolari meta mqabbla mal-impriżi l-oħra (sentenza Finnboard vs Il-Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, punt 45).

    282

    B’mod konformi ma’ dawn il-prinċipji, il-punt 2 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jistabbilixxi, taħt it-titolu ta’ ċirkustanzi aggravanti, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal żieda fl-ammont bażiku tal-multa, fejn fosthom jirriżulta r-“rwol ta’ mexxej […], jew ta’ provokatur tal-ksur” (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punti 280 sa 282).

    283

    Sabiex tiġi kkwalifikata bħala mexxej ta’ akkordju, impriża għandha tkun irrappreżentat saħħa li tinfluwenza sinjifikattiva għall-akkordju jew għandha tkun ikkontribwixxiet b’responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tiegħu. Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali fir-rigward tal-kuntest tal-każ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punti 299, 300, 373 u 374, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoescht vs Il-Kummissjoni, T-410/03, Ġabra p. II-881, punt 423). Hija tista’, b’mod partikolari, tiġi dedotta mill-fatt li l-impriża, permezz ta’ inizjattivi speċifiċi, tkun tat minn rajha spinta fundamentali għall-akkordju (sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punti 348, 370 sa 375 u 427, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 426). Hija tista’ wkoll tiġi dedotta minn numru ta’ ħjiel li jiżvelaw id-devozzjoni tal-impriża sabiex tiżgura l-istabbiltà u s-suċċess tal-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 351).

    284

    Għaldaqstant dan jirriżulta meta l-impriża tkun ipparteċipat fil-laqgħat tal-akkordju f’isem impriża oħra li ma kinitx tassisti għalihom u tkun ikkomunikatilha r-riżultati tal-imsemmija laqgħat (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 439). L-istess jgħodd meta jirriżulta li l-imsemmija impriża kellha rwol ċentrali fil-funzjonament konkret tal-akkordju, pereżempju billi organizzat bosta laqgħat, billi ġabret u qassmet l-informazzjoni fi ħdan l-akkordju, u billi ta’ spiss ifformulat proposti relatati mal-funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 57 u 58, u s-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punti 404, 439 u 461).

    285

    Barra minn hekk, il-fatt li tiżgura b’mod attiv li l-ftehim konklużi fi ħdan l-akkordju jiġu osservati jikkostitwixxi ħjiel determinanti tar-rwol ta’ mexxej li kellha impriża (sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, punt 577).

    286

    Għall-kuntrarju, il-fatt li impriża teżerċita pressjoni, jew saħansitra tiddetta l-aġir tal-membri l-oħra fl-akkordju, ma huwiex kundizzjoni neċessarja sabiex din l-impriża tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala mexxej tal-akkordju (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 374). Il-pożizzjoni fis-suq ta’ impriża jew ir-riżorsi li hija għandha lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu ħjiel ta’ rwol ta’ mexxej tal-ksur, anki jekk dawn jagħmlu parti mill-kuntest li fir-rigward tiegħu għandhom jiġu evalwati tali ħjiel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T-224/00, Ġabra p. II-2597, punt 241, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 299).

    287

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà qieset li l-Kummissjoni setgħet tqis li numru ta’ impriżi kellhom rwol ta’ mexxej f’akkordju (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punt 239).

    288

    Għalhekk, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa, fir-rigward tal-prinċipji mfakkra iktar ’il fuq, jekk il-Kummissjoni pproduċietx biżżejjed provi sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju.

    289

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li SNV, fi ħdan il-grupp tal-fornituri, u r-rikorrenti, fi ħdan il-W5, kellhom responsabbiltà partikolari minħabba r-rwol rispettiv tagħhom ta’ “mexxej” tal-akkordju matul il-perijodu kollu li fih kien fis-seħħ (premessi 343 sa 349). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni erba’ elementi essenzjali sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kellha r-rwol ta’ mexxej fil-ksur: fl-1994 u 1995, hija stabbilixxiet kuntatti ma’ SNV li ppermettew l-implementazzjoni tal-akkordju; sa mill-1996, SNV kienet tagħmel kuntatt mar-rikorrenti għal tibdil tal-prezzijiet, u din tal-aħħar għalhekk stiednet lill-kostrutturi l-kbar l-oħra għal laqgħa; il-laqgħat preparatorji tal-W5 u dawk tal-akkordju spiss kienu organizzati mir-rikorrenti, li kienet tibgħat l-istediniet, u kienu jseħħu fil-binjiet tagħha; hija kienet dik li titkellem f’isem il-kostrutturi l-kbar u kienet tmexxi d-diskussjoni matul il-laqgħat mal-fornituri. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti diversi, ta’ matul u ta’ wara l-akkordju, sabiex tasal għal din il-konklużjoni. Ir-rikorrenti tqis li ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa fondat.

    290

    Il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kellha rwol ewlieni fin-negozjati mal-fornituri fl-1994 u fl-1995, u dan billi bbażat ruħha fuq nota ta’ HBG tat-8 ta’ Lulju 1994.

    291

    Minn dan id-dokument intern ta’ HBG jirriżulta li kien ġie konkluż ftehim bejn il-W5, irrappreżentati minn impjegat tar-rikorrenti, u l-kumpanniji petroliferi, irrappreżentati minn SNV, għas-sena 1994, iżda li l-kumpanniji petroliferi xtaqu jżidu l-prezzijiet tagħhom bi ksur ta’ dan il-ftehim, u li għaldaqstant HBG xtaqet tagħmel kuntatt ma’ dan l-istess impjegat tar-rikorrenti dwar dan is-suġġett. Minkejja li dan id-dokument jista’ jidher li jirrapporta għajdut dwar id-deċiżjoni tal-kumpanniji petroliferi li jżidu l-prezzijiet tagħhom, madankollu dan jagħmel riferiment b’mod ċert għall-eżistenza ta’ ftehim konkluż mill-intermedjarju ta’ SNV u r-rikorrenti u għar-rikors ta’ HBG għar-rikorrenti, u b’hekk jikkostitwixxi ħjiel serju tar-rwol tagħha ta’ mexxej fl-akkordju.

    292

    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-awtur tan-nota ta’ HBG qatt ma assista għal laqgħa tal-akkordju għandu jiġi miċħud, peress li l-qorti tal-Unjoni tqis li l-fatt li xi informazzjoni tiġi rrappurtata fit-tieni livell ma għandu ebda effett fuq is-saħħa probatorja tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 86), u li, skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-prova, għandha tingħata importanza kbira għall-fatt li xi dokumenti ġew stabbiliti b’rabta immedjata mal-laqgħat ikkonċernati u b’mod manifest mingħajr ma wieħed jaħseb li dawn setgħu jsiru jafu bihom partijiet terzi mhux ikkonċernati (konklużjonjiet tal-Imħallef Vesterdorf, li qed jaġixxi bħala Avukat Ġenerali, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T-1/89, Ġabra p. II-867, II-869). F’dan il-każ, l-awtur tan-nota ta’ HBG kien inkarigat mix-xiri tal-bitum għal HBG u kien jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-persuna li kienet tipparteċipa direttament fil-konsultazzjonijiet mal-W5 u mbagħad għal-laqgħat tal-akkordju. Għalhekk, in-noti tiegħu redatti fil-mument tal-fatti għandhom saħħa probatorja sinjifikattiva.

    293

    Barra minn hekk il-Kummissjoni qieset li, sa mill-1996, ir-rikorrenti ħadet l-inizjattiva flimkien ma’ SNV li torganizza l-laqgħat tal-akkordju, u dan billi bbażat ruħha fuq dikjarazzjonijiet ta’ SNV u ta’ Kuwait Petroleum. Fil-fatt, minn dawn id-dikjarazzjonijiet (dikjarazzjonijiet ta’ SNV tal-10 ta’ Ottubru 2003 u ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003, premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li SNV kellha tinforma lir-rikorrenti b’kull tibdil fil-prezz, u dawn iż-żewġ impriżi kienu jingħaqdu sabiex jiddeterminaw jekk laqgħa tal-akkordju kinitx neċessarja.

    294

    Id-dokument li tibbaża ruħha fuqu r-rikorrenti sabiex tikkontesta dawn id-dikjarazzjonijiet ma jippermettux li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti kellha rwol ta’ mexxej tiġi kkontestata. Fil-fatt dawn huma nota interna ta’ SNV tas-6 ta’ Frar 1995, il-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-talba ta’ SNV lir-rikorrenti sabiex tiġi organizzata konsultazzjoni fit-28 ta’ Marzu 2000, u istruzzjonijiet interni tas-segretarjat tad-direzzjoni tar-rikorrenti tal-1 ta’ Ottubru 2002 li jindikaw li SNV kienet tieħu l-inizjattiva tal-laqgħat tal-akkordju (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, hekk kif ġie espost fil-punt 37 iktar ’il fuq, in-nota ta’ SNV tas-6 ta’ Frar 1995 ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-fornituri imponewx l-akkordju fuq il-kostrutturi l-kbar. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li SNV talbet li tinżamm laqgħa tal-akkordju fl-2000 u li fl-2002, dokument intern tar-rikorrenti kien isemmi li SNV kienet tieħu l-inizjattiva tal-laqgħat ma hijiex biżżejjed sabiex l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-laqgħat tal-akkordju kienu organizzati wara kuntatti bejn SNV u r-rikorrenti tiġi invalidata. Fil-fatt għandha titfakkar in-natura bilaterali ta’ dan l-akkordju kif ukoll il-fatt li l-qorti tal-Unjoni tqis li l-Kummissjoni tista’ tattribwixxi r-rwol ta’ mexxej lil diversi impriżi tal-akkordju (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 286 iktar ’il fuq, punti 299 sa 301).

    295

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti qiegħdet b’mod regolari l-binjiet tagħha għad-dispożizzjoni għaż-żamma tal-laqgħat tal-akkordju sabiex tattribwixxilha r-rwol ta’ mexxej. Sabiex tagħmel dan, hija bbażat ruħha fuq it-tweġiba ta’ Kuwait Petroleum, tas-16 ta’ Settembru 2003, għal talba għal informazzjoni, fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Kuwait Petroleum tad-9 ta’ Ottubru 2003 (premessa 345 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq stediniet mibgħuta mir-rikorrenti għal-laqgħa tal-akkordju tat-28 ta’ Marzu 2000 (premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata li tagħmel referenza għal xi faksijiet tas-16 u tal-21 ta’ Marzu 2000 mibgħuta mir-rikorrenti lil SNV, NBM, HWZ, Ballast Nedam, Dura Vermeer u Heijmans), kif ukoll fuq ittra mibgħuta lir-rikorrenti minn Heijmans sabiex tilmenta dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni fl-organizzazzjoni tal-laqgħa tas-16 ta’ Frar 2001 (premessa 346 tad-deċiżjoni kkontestata).

    296

    Madankollu r-rikorrenti tqis li xi drabi, il-laqgħat tal-akkordju kienu jseħħu fil-binjiet tagħha minħabba l-lokazzjoni ċentrali tagħha u li l-Kummissjoni ma setgħetx tuża ittra ta’ impjegat ta’ Heijmans bħala prova. Hu x’inhu l-kuntest li fih Heijmans kitbet l-ilment tagħha lir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din hija prova qawwija tar-rwol tagħha ta’ mexxej fl-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-akkordju, li għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-dokumenti konkordanti l-oħra ċċitati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka biss is-sitwazzjoni ġeografika ċentrali tal-binjiet tagħha sabiex tnaqqas ir-rwol tagħha fl-akkordju.

    297

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet eżerċitat funzjoni ta’ presidenza matul il-laqgħat tal-akkordju sal-2000, u dan billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ żewġ impjegati ta’ Kuwait Petroleum tal-1 ta’ Ottubru 2003 (premessi 346 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti tikkontesta l-validità ta’ dawn id-dikjarazzjonijet, li barra minn hekk jinkludu għadd kbir ta’ żbalji u li waħda minnhom ġejja minn impjegat li qatt ma assista direttament għal-laqgħat tal-akkordju.

    298

    Madankollu għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet huma konkordanti u li l-assistent tad-direttur tal-bitum ta’ Kuwait Petroleum, li kien jipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju, kien jassisti għall-inqas għal-laqgħat preparatorji bejn il-fornituri u kien għaldaqstant assoċjat mill-qrib mal-laqgħat tal-akkordju. Hekk kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li Kuwait Petroleum ma kellha ebda interess li teżaġera r-rwol tar-rikorrenti matul l-iżvolġiment tal-laqgħat tal-akkordju.

    299

    Il-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq iwasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni ressqet għadd ta’ provi konkordanti li, meta meħuda kollha f’daqqa, jippermettu li jitqies li r-rikorrenti, billi stabbilixxiet kuntatti ma’ SNV li ppermettew l-implementazzjoni tal-akkordju, billi sa mill-1996 stiednet lill-kostrutturi l-kbar l-oħra sabiex jingħaqdu wara xi kuntatti ma’ SNV, billi organizzat għadd kbir ta’ laqgħat fil-binjiet tagħha, u billi ġabet ruħha bħala kelliema tal-W5 matul il-laqgħat tal-akkordju, kienet forza li tat spinta sinjifikattiva lill-akkordju li jippermetti li tiġi kkwalifikata bħala mexxej.

    300

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta, abbażi ta’ korp ta’ ħjiel koerenti u konverġenti, hija kkonkludiet li r-rikorrenti kellha r-rwol ta’ mexxej fil-ksur.

    3. Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti

    301

    Mill-punti 262 sa 273 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx biżżejjed skont il-liġi li r-rikorrenti kellha r-rwol ta’ provokatur fil-ksur inkwistjoni. Għaldaqstant hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżerċita s-setgħa tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tar-rwol tar-rikorrenti fil-ksur inkwistjoni. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti żieda waħdiena ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa u dan bħala ċirkustanza aggravanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 2 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi.

    302

    Barra minn hekk għandu jitfakkar li, minkejja li l-qorti tal-Unjoni twettaq distinzjoni bejn ir-rwoli ta’ provokatur u ta’ mexxej, madankollu hija tqis li, anki jekk il-provi miġjuba mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed f’dak li jikkonċerna wieħed miż-żewġ rwoli, madankollu hija tista’ żżomm iż-żieda tal-multa prevista mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (ara, fil-każ taż-żamma tar-rwol ta’ mexxej biss, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 257 iktar ’il fuq, punt 354).

    303

    Il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tar-rwol ta’ mexxej tar-rikorrenti kif stabbilit fil-punti 281 sa 300 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li ż-żieda titnaqqas. Fil-fatt, b’mod partikolari minn din l-analiżi jirriżulta li r-rikorrenti kienet is-sors tal-implementazzjoni tal-akkordju, peress li, sa mill-1996, hija kienet torganizza l-laqgħat preparatorji tal-W5 kif ukoll dawk tal-akkordju, li kienu jseħħu fil-binjiet tagħha, u li, fl-aħħar nett, hija kienet tmexxi, għan-nom tal-W5 kollha, id-diskussjoni matul il-laqgħat mal-fornituri.

    Fuq l-ispejjeż

    304

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

    taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Koninklijke Wegenbouw Stevin BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Jaeger

    Wahl

    Soldevila Fragoso

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Settembru 2012.

    Firem

    Werrej

     

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

     

    I – Ir-rikorrenti

     

    II – Il-proċedura amministrattiva

     

    III – Id-deċiżjoni kkontestata

     

    Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

     

    Id-dritt

     

    I – Fuq it-talbiet għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata

     

    A – Osservazzjonijiet introduttivi

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    B – Żbalji ta’ fatt

     

    1. Fuq l-ewwel żball ta’ fatt, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-oppożizzjoni bejn l-interessi tal-fornituri u dawk tal-kostrutturi l-kbar

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    2. Fuq it-tieni żball ta’ fatt, dwar il-kontenut tal-ftehim bejn il-fornituri u l-kostrutturi l-kbar

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    3. Fuq it-tielet żball ta’ fatt, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-interess tal-kostrutturi l-kbar fl-akkordju

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    4. Fuq ir-raba’ żball ta’ fatt, ibbażat fuq l-assenza ta’ impatt tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-kostruzzjoni tat-toroq

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    5. Fuq il-ħames żball ta’ fatt, dwar il-funzjonament tal-akkordju: oriġini u żvilupp tal-akkordju matul iż-żmien u mekkaniżmu tas-sanzjonijiet

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    6. Fuq is-sitt żball ta’ fatt, dwar ir-rwol ta’ ExxonMobil fl-akkordju

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    C – Żbalji ta’ liġi

     

    1. Osservazzjonijiet introduttivi

     

    2. Fuq l-ewwel żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-kostrutturi l-kbar fl-akkordju tal-fornituri

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    3. Fuq it-tieni żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażata fuq l-assenza ta’ għan antikompetittiv tal-akkordju

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    4. Fuq it-tielet żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika d-dispożizzjonijet tal-Artikolu 81(3) KE u l-Linji gwida dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    5. Fuq il-ħames żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq id-definizzjoni ineżatta tas-suq inkwistjoni u tal-evalwazzjoni żbaljata tal-pożizzjoni tal-kostrutturi l-kbar fis-suq

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    6. Fuq il-ħames żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, ibbażat fuq l-assenza ta’ effetti indiretti fuq is-suq downstream tal-kostruzzjoni tat-toroq

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    D – Fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża

     

    1. L-argumenti tal-partijiet

     

    2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    a) Prinċipji ġenerali dwar l-aċċess għal dokumenti sussegwenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet

     

    b) Applikazzjoni f’dan il-każ

     

    II – Fuq it-talbiet għat-tneħħija jew għat-tnaqqis tal-multa

     

    A – Fuq id-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

     

    1. Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ksur serju ħafna

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    2. Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-impatt tal-akkordju fuq is-suq

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    3. Fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont inizjali

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    4. Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-ksur

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    B – Fuq iċ-ċirkustanzi aggravanti

     

    1. Fuq iċ-ċirkustanza aggravanti dwar ir-rifjut ta’ kollaborazzjoni matul l-ispezzjoni

     

    a) L-argumenti tal-partijiet

     

    b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża marbut mal-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

     

    Fuq l-iżball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti

     

    – Fuq l-ewwel inċident

     

    – Fuq it-tieni inċident

     

    Fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

     

    Fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17

     

    Fuq in-natura sproporzjonatata taż-żieda tal-multa minħabba rifjut ta’ kooperazzjoni

     

    2. Fuq ir-rwoli ta’ provokatur u ta’ mexxej

     

    a) Fuq ir-rwol ta’ provokatur

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    b) Fuq ir-rwol ta’ mexxej

     

    L-argumenti tal-partijiet

     

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

     

    3. Konklużjoni dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti

     

    Fuq l-ispejjeż


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top