This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006TJ0214
Judgment of the General Court (Third Chamber), 5 June 2012.#Imperial Chemical Industries Ltd v European Commission.#Competition — Agreements, decisions and concerted practices — Methacrylates market — Decision finding an infringement of Article 81 EC and Article 53 of the EEA Agreement — Participation in a part of the cartel — Rights of the defence — Fines — Duty to state reasons — Gravity of the infringement — Deterrent effect — Equal treatment — Proportionality — Principle of sound administration — Cooperation during the administrative procedure — Duration of procedure — Reasonable time.#Case T‑214/06.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Ġunju 2012.
Imperial Chemical Industries Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-metakrilati — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Parteċipazzjoni f’aspett wieħed tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Gravità tal-ksur — Effett dissważiv — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Tul tal-proċedura — Terminu raġonevoli.
Kawża T‑214/06.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Ġunju 2012.
Imperial Chemical Industries Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-metakrilati — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Parteċipazzjoni f’aspett wieħed tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Gravità tal-ksur — Effett dissważiv — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Tul tal-proċedura — Terminu raġonevoli.
Kawża T‑214/06.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2012:275
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
5 ta’ Ġunju 2012 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-metakrilati — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Parteċipazzjoni f’aspett wieħed tal-ksur — Drittijiet tad-difiża — Multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Gravità tal-ksur — Effett dissważiv — Ugwaljanza fit-trattament — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Tul tal-proċedura — Terminu raġonevoli”
Fil-Kawża T-214/06,
Imperial Chemical Industries Ltd, li kienet Imperial Chemical Industries pls, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn D. Anderson, QC, H. Rosenblatt, B. Lebrun, avukati, W. Turner, S. Berwick u T. Soames, solicitors, sussegwentement minn R. Wesseling u C. Swaak, u finalment minn R. Wesseling, C. Swaak u F. ten Have, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Bottka, I. Chatzigiannis u F. Amato, sussegwentement minn V. Bottka, I. Chatzigiannis u F. Arbault, u finalment minn V. Bottka u J. Bourke, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 — Metakrilati), jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta permezz ta’ din id-dispożizzjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 — Metakrilati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat, b’mod partikolari, li ċertu numru ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul diversi perijodi bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u t-12 ta’ Settembru 2002, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-metakrilati, li kienu jkopru t-territorju kollu taż-ŻEE (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). |
2 |
Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan kien ksur uniku u kontinwu, li kien ikopri t-tliet prodotti tal-polimetakrilat tal-metil (iktar ’il quddiem il-“PMMA” segwenti: il-komponenti tal-forom (moulding compounds), il-folji solidi (solid sheet) u l-folji għal tagħmir sanitarju (sanitary ware). Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li għalkemm dawn it-tliet prodotti tal-PMMA huma distinti kemm mill-aspett fiżiku kif ukoll mill-aspett kimiku u għandhom użi differenti, dawn jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu grupp ta’ prodotti omoġenu wieħed minħabba l-materja prima komuni tagħhom, jiġifieri il-metrakrilat tal-metil (iktar ’il quddiem il-“MMA”) (premessi 4 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata). |
3 |
Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur inkwistjoni kkonsista f’diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kif ukoll fil-konklużjoni, fl-implementazzjoni u fis-sorveljanza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet li kienu maħsuba sabiex jinkisbu żidiet jew, minn tal-inqas, stabbilizzazzjoni tal-livell tal-prezz eżistenti, fl-eżami tal-impatt tan-nefqa tas-servizzi addizzjonali fuq ix-xerrejja, fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment importanti u kunfidenzjali dwar is-swieq u/jew dwar l-impriżi, kif ukoll fil-parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u f’kuntatti oħra maħsuba sabiex jiġi ffaċilitat il-ksur (Artikolu 1 u premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata). |
4 |
Id-deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lil Degussa AG, lil Röhm GmbH & Co. KG, lil Para-Chemie GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Degussa”), lil Total SA, lil Elf Aquitaine SA, lil Arkema SA (li kienet Atofina SA), lil Altuglas International SA, lil Altumax Europe SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Atofina”), lil Lucite International Ltd, lil Lucite International UK (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Lucite”), lil Quinn Barlo Ltd, lil Quinn Plastics NV, lil Quinn Plastics GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Barlo”), kif ukoll lir-rikorrenti, Imperial Chemical Industries Ltd (li kienet Imperial Chemical Industries plc). |
5 |
Ir-rikorrenti hija l-kumpannija parent tal-grupp Imperial Chemical Industries u tipproduċi speċjalitajiet kimiċi. Sa mill-1990, il-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti koperti mid-deċiżjoni kkontestata fi ħdan il-grupp kienu ġestiti minn ICI Acrylics, dipartiment kummerċjali distint li iżda ma huwiex inkorporat fil-forma ta’ kumpannija. Permezz ta’ kuntratt konkluż fit-3 ta’ Ottubru 1999, l-attivitajiet u l-assi ta’ ICI Acrylics inbiegħu lil Ineos Acrylics UK Parent Co 2 Ltd u lil Ineos Acrylics UK Trader Ltd, li sussegwentement saru, rispettivament, Lucite International Holdings Ltd u Lucite International UK Ltd. |
6 |
L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nfetħet wara li Degussa ressqet, fl-20 ta’ Diċembru 2002, talba għal immunità taħt l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). |
7 |
Fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ Atofina, ta’ Barlo, ta’ Degussa u ta’ Lucite. |
8 |
Fit-3 ta’ April u fil-11 ta’ Lulju 2003 rispettivament, Atofina u Lucite ressqu talba għal immunità jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata). |
9 |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsija magħmula minn Lucite fis-sens jekk din tal-aħħar kellhiex tikkuntattja lir-rikorrenti u tagħtiha aċċess għall-impjegati u għad-dokumenti tagħha sabiex tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha. |
10 |
Fid-29 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil diversi impriżi, fosthom lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Din it-talba kienet l-ewwel miżura ta’ istruttorja indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni. |
11 |
Fit-18 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti ressqet talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-11 ta’ Awwissu 2005 l-Kummissjoni informatha li t-talba tagħha kienet ġiet irrifjutata. |
12 |
Fis-17 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar ksur uniku u kontinwu li kien jikkonċerna l-MMA, il-komponenti tal-forom tal-PMMA, il-folji solidi tal-PMMA u l-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA u indirizzatha, b’mod partikolari, lir-rikorrenti u lil Lucite. Billi kkunsidrat li l-bejgħ ta’ ICI Acrylics lil Ineos (li saret Lucite) twettaq fl-1 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni qieset it-30 ta’ Settembru 1999 bħala d-data li fiha ntemm il-ksur imputat lir-rikorrenti. |
13 |
It-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha d-data tal-4 ta’ Novembru 2005. |
14 |
Inżamm smigħ fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005. |
15 |
Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2006, bi tweġiba għal talba mill-Kummissjoni, Lucite pprovdiet kjarifikazzjoni dwar id-data tax-xiri ta’ ICI Acrylics. |
16 |
Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bagħtet l-ittra msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq lir-rikorrenti sabiex din tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. |
17 |
Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2006. |
18 |
Fil-31 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni abbandunat uħud mill-oġġezzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, b’mod partikolari, l-oġġezzjonijiet magħmula fil-konfront tal-kumpanniji kkonċernati kollha fir-rigward tal-aspett tal-ksur li jikkonċerna l-MMA (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata). |
19 |
L-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur deskritt fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq matul il-perijodu bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u l-1 ta’ Novembru 1999. |
20 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet il-persuna ġuridika li minnha kien jagħmel parti, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, id-dipartiment kummerċjali li kien wettaq il-ksur inkwistjoni, jiġifieri ICI Acrylics. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kellha titqies bħala impriża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li kienet qiegħda tipparteċipa fl-aġir kollużiv inkwistjoni, u li d-deċiżjoni kkontestata kellha għalhekk tiġi indirizzata lilha (premessi 288 sa 290 tad-deċiżjoni kkontestata). |
21 |
Fir-rigward tad-data li fiha ntemm il-perijodu ta’ ksur imputat lir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddikjarat li, fid-dawl tat-tweġiba ta’ Lucite għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet ser tikkunsidra d-data tat-2 ta’ Novembru 1999, li fiha sar it-trasferiment tal-proprjetà f’ICI Acrylics, sabiex taqsam ir-responsabbiltajiet bejn ir-rikorrenti u Lucite (premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat l-1 ta’ Novembru 1999 bħala d-data li fiha ntemm il-ksur imputat lir-rikorrenti, filwaqt li ppreċiżat li din il-bidla fil-konfront tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kellhiex impatt fuq l-ammont tal-multa (premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata). |
22 |
L-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi multa ta’ EUR 91 406 250 fuq ir-rikorrenti. |
23 |
Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni eżaminat il-gravità tal-ksur u kkonstatat, l-ewwel nett, li, fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li dan il-ksur kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE, dan kien ksur serju ħafna fis-sens tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) (premessi 319 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata). |
24 |
It-tieni nett, hija kkunsidrat li, fil-kategorija ta’ ksur serju ħafna, l-impriżi setgħu jkunu suġġetti għal trattament iddifferenzjat b’tali mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw ħsara kunsiderevoli għall-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kkonstatat li fil-każ ineżami l-impriżi kkonċernati setgħu “jiġu subdiviżi fi [tliet] kategoriji fuq il-bażi tal-piż relattiv tagħhom fid-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti tal-PMMA li fir-rigward tagħhom [kienu] ipparteċipaw fl-akkordju”, filwaqt li ħadet bħala referenza d-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn dawn il-prodotti fl-2000 fuq il-livell taż-ŻEE. Il-Kummissjoni qiegħdet lir-rikorrenti u lil Lucite fit-tieni kategorija, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ Lucite ġġenerat mit-tliet prodotti tal-PMMA kkonċernati fl-2000 (EUR 105.98 miljun), u ffissat l-ammonti inizjali tal-multi tagħhom bħala EUR 32.5 miljun (premessi 332 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata). |
25 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li, fil-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala tal-multi li setgħu jiġu imposti kienet tippermetti wkoll li l-ammont tal-multi jiġi ffissat f’livell li jiggarantixxi li dawn il-multi jkollhom effett dissważiv suffiċjenti, u dan fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ kull impriża. Fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti fl-2005 (EUR 8.49 biljuni), il-Kummissjoni applikat fattur multiplikatur ta’ 1.5 għall-ammont inizjali tal-multa tagħha, sabiex b’hekk dan l-ammont żdied għal EUR 48.75 miljun. |
26 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat it-tul tal-ksur u kkonstatat li, peress li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur għal sentejn u disa’ xhur, l-ammont inizjali tal-multa tagħha kellu jiżdied b’25 %. B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat għar-rikorrenti jammonta għal EUR 60 937 500 (premessi 351 sa 354 tad-deċiżjoni kkontestata). |
27 |
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza eventwali ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ żewġ deċiżjonijiet preċedenti li tagħhom hija kienet id-destinatarja, din tal-aħħar kienet reċidiva billi wettqet ksur tal-istess tip u ddeċidiet li żżid l-ammont bażiku tal-multa tagħha b’50 % (premessi 355 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-ammont tal-multa tagħha kien stabbilit bħala EUR 91 406 250, ammont li ma jaqbiżx il-livell massimu, iffissat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha (premessi 372 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata). |
28 |
Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni applikat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni filwaqt li fakkret li t-talba tar-rikorrenti taħt din il-komunikazzjoni kienet ġiet miċħuda. Fir-rigward tal-impriżi l-oħra li kienu ressqu talba f’dan is-sens, il-Kummissjoni tat, minn naħa, immunità totali minn multi lil Degussa u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-ammont tal-multi lil Atofina u lil Lucite. |
29 |
Fid-dawl taċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti, l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kien għalhekk iffissat bħala EUR 91 406 250. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
30 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
31 |
Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fil-11 ta’ April 2007. |
32 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet, fil-15 ta’ Settembru 2011, li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tistieden lill-partijiet sabiex iwieġbu għal numru ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu fit-terminu mogħti. |
33 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2011. Matul is-seduta, ir-rikorrenti għaddiet lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali ċerti dokumenti intiżi sabiex jissostanzjaw is-sottomissjonijiet orali tagħha. Il-Kummissjoni qajmet oġġezzjoni fir-rigward tal-produzzjoni ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti u l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tinkludihx fil-proċess. Id-dokumenti l-oħra ġew inklużi fil-proċess minħabba li l-Kummissjoni ma qajmet ebda oġġezzjoni fil-konfront tagħhom. |
34 |
Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi żewġ dokumenti li hija kienet invokat matul is-sottomissjonijiet orali tagħha. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu mogħti u l-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tagħha dwar dawn id-dokumenti. Dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati fit-terminu mogħti. |
35 |
Il-proċedura orali ngħalqet fil-15 ta’ Diċembru 2011. |
36 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
37 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
38 |
Fl-att tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-provi tal-ksur fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-“ammont bażiku” tal-multa. It-tielet element huwa bbażat fuq in-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni, li twettaq l-obbligu tagħha li taqsam l-“ammont bażiku” bejn ir-rikorrenti u Lucite. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-natura inadegwata taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa sabiex il-multa tkun waħda dissważiva. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ir-rifjut mhux iġġustifikat li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti qajmet motiv ieħor, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA
39 |
Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega li l-implikazzjoni tagħha fil-ksur fir-rigward ta’ wieħed mill-prodotti koperti mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-komponenti tal-forom tal-PMMA, ma ġietx stabbilita. |
40 |
Kif jirriżulta b’mod ċar mit-talbiet magħmula fir-rikors (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), u kif ikkonfermat ukoll ir-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, minkejja l-argumenti fformulati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan l-artikolu jikkonstata r-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni. Għall-kuntrarju, dan il-motiv qiegħed jiġi invokat insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Fil-fehma tagħha, għalhekk, l-ammont tal-multa kellu jitnaqqas b’mod li jirrifletti l-proporzjon irrappreżentat mill-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-valur jew fil-volum globali tat-tliet prodotti kkonċernati (skont ir-rikorrenti, 44 jew 36 % rispettivament). |
41 |
F’dan id-dawl għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lir-rikorrenti responsabbli għal “numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma fis-settur tal-metakrilati”. Meta tinqara fid-dawl tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari fid-dawl tal-premessi 2 u 222 sa 225 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, Ġabra p. II-3601, punt 1258, u l-ġurisprudenza ċċitata), din id-dispożizzjoni żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni, fil-perijodu kkonċernat, fi ksur uniku u kontinwu fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA, tal-folji solidi tal-PMMA u tal-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA. |
42 |
L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ġiet ddeterminat fuq il-bażi tal-gravità ta’ tali ksur. B’mod partikolari, mill-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li hija kienet iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti tal-PMMA li fir-rigward tagħhom kienet ipparteċipat fl-akkordju, u għalhekk, skont il-Kummissjoni, tat-tliet prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq. |
43 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), dan il-motiv, jekk jitqies li huwa fondat, huwa ta’ natura li jimplika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha u, b’mod speċifiku, tal-ammont inizjali tagħha. Fil-fatt, kif tfakkar ir-rikorrenti, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 90, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 86). Skont il-ġurisprudenza, din l-evalwazzjoni għandha ssir fl-istadju tal-iffissar tal-ammont inizjali speċifiku tal-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni, T-18/05, Ġabra p. II-1769, punt 164). |
44 |
Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA matul il-perijodu li fih hija kienet il-proprjetarja ta’ ICI Acrylics, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati ta’ impriża li kienet ressqet talba għal immunità jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa u fuq il-fatt li kienu nżammu numru ta’ laqgħat. Skont ir-rikorrenti, dawn il-provi ma jissodisfawx l-“istandard ta’ prova” meħtieġ mill-ġurisprudenza. |
45 |
Fil-fehma tagħha, huma biss il-provi li jikkonċernaw laqgħa li nżammet fis-26 ta’ Ottubru 1999, imsemmija fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistgħu, jekk ikun il-każ, jissodisfaw l-“istandard” imsemmi sa fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq żewġ impriżi li ressqu talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll fuq dokument mill-istess żmien bħal-laqgħa msemmija. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li din il-laqgħa ma tistax tiġi invokata fil-konfront tagħha għaliex altrimenti jkunu qegħdin jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tikkunsidra t-30 ta’ Settembru 1999 bħala d-data li fiha ntemm il-ksur imputat lir-rikorrenti (ara l-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata), din il-laqgħa kienet invokata mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ parteċipanta oħra fil-ksur, jiġifieri Lucite. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tiddefendi ruħha effettivament dwar l-allegazzjonijiet u dwar il-provi li jikkonċernaw din il-laqgħa. |
46 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-argument imsemmi iktar ’il fuq li jikkonċerna ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti qiegħed jitqajjem esklużivament sabiex tiġi kkontestata l-possibbiltà li l-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999 u l-provi relatati ma’ din il-laqgħa jiġu invokati fil-konfront tar-rikorrenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur imwettaq minnha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonstata, fir-rigward tagħha, tul tal-ksur itwal minn dak stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minħabba allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. |
47 |
Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li l-eventwali konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq is-soluzzjoni ta’ din il-kawża jekk jirriżulta li, anki jekk ma titteħidx inkunsiderazzjoni l-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999, il-provi miġbura mill-Kummissjoni kienu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-implikazzjoni tar-rikorrenti fl-aspett tal-ksur li jikkonċerna l-komponenti tal-forom tal-PMMA. |
48 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, l-eżami ta’ dan il-motiv għandu jitkompla mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-laqgħa msemmija iktar ’il fuq. |
49 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni kien jikkonsisti “f’sensiela ta’ azzjonijiet li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ftehim jew bħala prattiki miftiehma, li kienu jkopru t-tliet prodotti kkonċernati u li kienu jiżvelaw l-eżistenza kontinwa ta’ ċerta direzzjoni fl-aġir intiża li tillimita l-kompetizzjoni” (premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl tal-karatteristiċi komuni tal-ftehim antikompetittivi li jikkonċernaw it-tliet prodotti kkonċernati, elenkati fil-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, “minkejja li [dawn it-tliet prodotti] għandhom karatteristiċi differenti u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu għal swieq ta’ prodott differenti, [kienu] jeżistu rabtiet suffiċjenti li jippermettu [lill-Kummissjoni] tikkonkludi li l-prodotturi [tal-prodotti msemmija] imxew ma’ pjan komuni li kien jiddetermina d-direzzjoni tal-azzjoni tagħhom fis-suq u li kien jillimita l-aġir kummerċjali rispettiv tagħhom”. Skont il-Kummissjoni, “il-ksur ikkonsista f’sensiela ta’ azzjonijiet bi pjan komuni u b’għan ekonomiku wieħed, jiġifieri li jiġi evitat il-moviment normali tal-prezzijiet tat-tliet prodotti tal-PMMA fiż-ŻEE” (premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata). |
50 |
Fost il-“karatteristiċi komuni” msemmija fil-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet b’mod partikolari:
|
51 |
Fir-rigward b’mod speċifiku tal-kollużjoni dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu kkunsidrat, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, bl-eċċezzjoni tal-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq erbatax-il laqgħa li nżammu bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u s-sajf 1999 (ara l-premessi 110 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-preżenza tar-rikorrenti hija allegata biss fir-rigward ta’ għaxra minn dawn il-laqgħat u li għalhekk ma hijiex allegata fir-rigward tal-erba’ laqgħat imsemmija fil-premessi 112, 114, 117 u 121 tad-deċiżjoni kkontestata. |
52 |
Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-provi miġbura mill-Kummissjoni kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-aspett tal-ksur. |
53 |
F’dan id-dawl għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-provi li jkunu ta’ natura li juru, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta provi preċiżi u konkordanti sabiex fuqhom tibbaża l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T-54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 55). |
54 |
Madankollu, ma huwiex neċessarjament meħtieġ li kull waħda mill-provi mressqa mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, meta evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
55 |
L-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE minn impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat iżda għandhom jiġu evalwati flimkien (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T-53/03, Ġabra p. II-1333, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-attivitajiet antikompetittivi jseħħu fil-moħbi u, għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompettivi għandha tinsilet min-numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati flimkien, ikunu jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57). |
57 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiet b’mod evidenti għall-konklużjoni tagħhom, sabiex tipprova b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun stabbilita, hija din l-impriża li jkollha tressaq indizji ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat imsemmija ma kellha ebda intenzjoni antikompetittiva u dan billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 155; Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 96, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 81). |
58 |
Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-valur tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talbiet taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludu lill-Kummissjoni milli tinvoka, fil-konfront ta’ impriża, dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi implikati oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 512). Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jistgħux jitqiesu li ma għandhomx valur probatorju minħabba s-sempliċi fatt li saru f’dan il-kuntest (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 57 u 58). |
59 |
Wieħed jifhem li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn. Madankollu, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż bil-għan li tikseb tnaqqis tal-multa ma joħloqx neċessarjament inċentiv sabiex jiġu prodotti provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex tqarraq bil-Kummissjoni jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll dwar il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tibbenefika b’mod sħiħ mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T-120/04, Ġabra p. II-4441, punt 70, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 58). |
60 |
B’mod partikolari, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tistqarr li wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori, fin-nuqqas ta’ fatti partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 166, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 59). |
61 |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha tkun ikkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar jekk ma tkunx ikkorroborata minn provi oħra (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 219; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 285, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 293). |
62 |
Għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li ressqu talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali għandu tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 220, u Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, punt 70) u n-nuqqas ta’ indikazzjoni li dawn l-impriżi kienu qegħdin jipprovaw inaqqsu l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u jżidu dik tal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 62 u 295). |
63 |
Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kawża ineżami, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tkun adita b’rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II-3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, inkonformità mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, prinċipju li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika b’mod partikolari għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, punti 149 u 150). |
65 |
Huwa fil-kuntest ta’ dawn l-osservazzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-provi miġbura mill-Kummissjoni fil-każ ineżami. |
66 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-għaxar laqgħat imsemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti la qiegħda tikkontesta li dawn saru bejn il-kompetituri u lanqas ma qiegħda tikkontesta l-preżenza tagħha waqt dawn il-laqgħat u li r-rikorrenti ma hijiex tallega li hija ddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut ta’ dawn il-laqgħat. Għaldaqstant, sabiex tiġi kkonstata r-responsabbiltà tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fil-liġi li dawn il-laqgħat kellhom għan manifestament anitkompetittiv fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq). |
67 |
Għandu jiġi kkonstatat li d-deskrizzjoni tal-laqgħat imsemmija hija bbażata prinċipalment fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa, il-benefiċjarja tal-immunità minn multa. Issa, Degussa tattribwixxi lil dawn il-laqgħat kontenut manifestament antikompetittiv fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA (ara l-premessi 110, 111, 113, 115, 116, 118, 119, 120, u 123), punt dan li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. |
68 |
Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li dawn id-dikjarazzjonijiet, fihom infushom, ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex ikkorroborati minn provi oħra. |
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 58 sa 60 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-politika ta’ klemenza għandhom rwol importanti. Dawn id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom ta’ impriżi għandhom valur probatorju kunsiderevoli peress li jinvolvu riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni, T-385/06, Ġabra p. II-1223, punt 47). Madankollu, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 59 u 61 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li d-dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi akkużati, fil-kuntest ta’ talbiet imressqa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għandhom jiġu evalwati bi prudenza, u, jekk jiġu kkontestati, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma ta’ natura suffiċjentement probatorja sakemm ma jkunux ikkorroborati. |
70 |
Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskussjonijiet antikompetittivi dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu kkunsidrat huma kkorroborati suffiċjentement minn provi oħra. |
71 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li Degussa ma kinitx l-uniku sors ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-laqgħa tal-11 ta’ Mejju 1999 (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata) hija bbażata fuq dikjarazzjoni minn Lucite. Għalkemm Degussa, li ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa, ma tagħmilx riferiment għaliha fid-dikjarazzjoni tagħha, id-dikjarazzjoni ta’ Lucite xorta waħda tikkorrobora l-allegazzjoni ta’ Degussa fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkordju dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA matul il-perijodu kkunsidrat u fir-rigward tal-implikazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-akkordju. |
72 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-parti l-kbira minn dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni ġabret provi (bħal indikazzjonijiet tal-aġenda, noti dwar l-ispejjeż), li jixhdu li nżammet il-laqgħa jew li jixhdu l-preżenza tal-persuni kkonċernati fil-laqgħa. Għalkemm, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li tkun inżammet laqgħa bejn il-kompetituri ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva ta’ din il-laqgħa, għandu xorta waħda jiġi kkunsidrat li dawn il-provi jissostanzjaw, sa ċertu punt, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa. |
73 |
Fit-tielet lok, fit-talba tagħha tal-11 ta’ Lulju 2003, imressqa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Lucite għamlet dikjarazzjonijiet li jikkonfermaw, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ akkordju allegat fid-deċiżjoni li ssir spezzjoni, inkluż fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA, u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-akkordju. |
74 |
Għalkemm huwa minnu li dawn huma affermazzjonijiet ġenerali, dan l-affermazzjonijiet xorta waħda għandhom l-istess sens bħall-allegazzjonijiet ta’ Degussa. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-assi kkonċernati mill-ksur, inklużi d-dokumenti u l-membri tal-persunal, ġew ittrasferiti mir-rikorrenti lil Lucite, b’tali mod li d-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar l-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur huma partikolarment rilevanti. |
75 |
Fir-raba’ lok, fit-talba tagħha mressqa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Atofina rrikonoxxiet li ħadet sehem f’akkordju b’effett, minn tal-inqas, mit-23 ta’ Jannar 1997, inkluż fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA. Mill-bqija, il-kumpanniji li jikkomponu l-impriża Atofina (Arkema, Altuglas u Altumax, minn naħa, u Total u Elf Aquitaine, min-naħa l-oħra) ma kkontestawx l-eżistenza ta’ tali akkordju fil-kuntest tar-rikorsi rispettivi tagħhom kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawżi T-206/06 u T-217/06). |
76 |
Huma minnu li, f’komunikazzjoni ta’ Atofina tal-10 ta’ Ġunju 2003, l-ewwel laqgħa antikompetittiva dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA, li fir-rigward tagħha Atofina ssemmi l-preżenza ta’ ICI Acrylics, hija l-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, f’din il-komunikazzjoni, Atofina tiddikjara b’mod ċar l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu bejn l-1998 u l-2001. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni tikkorrobora wkoll id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa f’dan is-sens. |
77 |
Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, minn tal-inqas sebgħa mill-għaxar laqgħat analizzati kienu jikkonċernaw kemm il-komponenti tal-forom tal-PMMA kif ukoll il-folji solidi tal-PMMA (ara l-premessi 110, 111, 115, 116, 118, 119 u 120 tad-deċiżjoni kkontestata) u li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta n-natura antikompetittiva ta’ dawn il-laqgħat fir-rigward ta’ dan it-tieni prodott. Dan il-punt isaħħaħ ukoll il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa fir-rigward tad-deskrizzjoni ta’ dawn il-laqgħat antikompetittivi. |
78 |
Fis-sitt lok, f’uħud mil-laqgħat imsemmija fil-punt 77 iktar ’il fuq, inkluża l-laqgħa tat-23 ta’ Jannar 1997, li nżammet bħala d-data li minnha beda l-ksur, kien ipparteċipa s-Sur D., li kellu pożizzjoni għolja fi ħdan ICI Acrylics u li kien responsabbli kemm għall-komponenti tal-forom tal-PMMA kif ukoll għall-folji solidi tal-PMMA. Peress li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta n-natura antikompetittiva ta’ dawn il-laqgħat fir-rigward ta’ dan it-tieni prodotti u lanqas ma qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-impriżi kkonċernati kienu “taw attenzjoni kbira lill-effetti kkawżati mill-ftehim antikompetittivi konklużi għal kull wieħed minn dawn il-prodotti” (ara l-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata u t-tieni inċiż tal-punt 50 iktar ’il fuq), dan huwa indizju li jindika li l-komponenti tal-forom tal-PMMA kienu koperti wkoll matul dawn il-laqgħat. |
79 |
Fid-dawl ta’ dawn il-provi, għandu jiġi kkonstatat li, meta kkunsidrati flimkien, dawn il-provi jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkordanti sabiex jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkordju li jkopri l-komponenti tal-forom tal-PMMA matul il-perijodu kkunsidrat u fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-akkordju. |
80 |
L-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tar-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa ma humiex ta’ natura li jaffettwaw din il-konklużjoni. |
81 |
Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa ma jistgħux jitwarrbu għas-sempliċi raġuni li dawn huma dikjarazzjonijiet magħmula f’talba għal immunità mill-konsulenti tal-impriża (ara b’mod partikolari l-punti 59 u 60 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha effettivament tabbanduna ċerti oġġezzjonijiet ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa (bħalma huma b’mod partikolari l-oġġezzjonijiet kollha dwar il-MMA, il-materja prima għall-produzzjoni tal-PMMA), xorta jibqa’ l-fatt li rriżulta li l-allegazzjonijiet tagħha kienu globalment fondati, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Il-prova ta’ dan tinsab, b’mod partikolari, fil-fatt li tliet impriżi oħra, jiġifieri r-rikorrenti, Atofina u Lucite, ressqu t-talbiet tagħhom taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-akkordju allegat minn Degussa. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ebda waħda minn dawn l-impriżi ma kkontestat l-eżistenza tal-ksur fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawżi T-206/06, T-217/06 u T-216/06). B’mod partikolari, ir-rikorrenti stess ikkonfermat b’mod impliċitu r-rilevanza tat-talba għal immunità ta’ Degussa sa fejn irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fir-rigward tal-folji solidi tal-PMMA u tal-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA. |
82 |
Peress li d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa kienu kkorroborati b’mod suffiċjenti, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-aspett tal-ksur li jikkonċerna l-komponenti tal-forom tal-PMMA ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tagħha fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. |
83 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwu li jkopri t-tliet prodotti tal-PMMA, fosthom il-komponenti tal-forom (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), ma jistax ikollha konsegwenza fuq l-analiżi ta’ dan il-motiv. |
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat iżda wkoll minn serje ta’ atti jew inkella minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-argument li element jew diversi elementi minn din is-serje ta’ atti jew minn dan l-aġir kontinwu jistgħu jikkostitwixxu wkoll, fihom infushom u kkunsidrati b’mod iżolat, ksur tad-dispożizzjoni msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 81). Meta d-diversi azzjonijiet jagħmlu parti minn “pjan globali”, minħabba li jkollhom l-istess għan li joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 258, u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk jiġi stabbilit li l-impriża kkonċernata pparteċipat direttament biss f’wieħed jew f’diversi elementi li jikkostitwixxu l-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T-101/05 u T-111/05, Ġabra p. II-4949, punt 161, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
85 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ftehim uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju korrispondenti (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 87, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 83). |
86 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex iżżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur uniku kollu u sabiex tiffissa l-ammont tal-multa fid-dawl ta’ dan, kien biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi li r-rikorrenti kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju dwar il-folji solidi tal-PMMA u l-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA, hija kienet qiegħda tinvolvi ruħha f’akkordju globali li jkopri t-tliet prodotti tal-PMMA (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II-1845, punt 45, u Bolloré et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 209). |
87 |
Issa, l-provi analizzati iktar ’il fuq huma iktar minn suffiċjenti għal dan il-għan. |
88 |
B’mod partikolari, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu kkunsidrat tirriżulta wkoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ tliet impriżi, jiġifieri Degussa, Lucite u Atofina. |
89 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta r-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq, matul l-istess perijodu, fir-rigward tal-folji solidi tal-PMMA u tal-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA. Bl-istess mod, hija lanqas ma qiegħda tikkontesta l-eżistenza, bħala tali, ta’ ksur uniku. B’mod partikolari, minkejja numru ta’ argumenti frammentarji fir-replika, ir-rikorrenti lanqas biss tipprova tikkontesta l-motivi, imfakkra fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq, li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku. |
90 |
B’hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax, b’mod partikolari, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sens li r-rappreżentant tagħha li attenda għal-laqgħat antikompetittivi (li skont ir-rikorrenti kienu jikkonċernaw biss prodotti oħra) kien responsabbli għal diversi prodotti koperti mill-investigazzjoni u “kien għalhekk konxju, jew ma setax ma jkunx konxju” tal-eżistenza ta’ tali ftehim li jkopru diversi prodotti. Bl-istess mod, hija lanqas ma tikkontesta d-dikjrazzjoni tal-Kummissjoni li hija kienet produttur “totalment integrat” u li kienet tat “attenzjoni kbira lill-effetti kkawżati mill-ftehim antikompetittivi konklużi għal kull wieħed minn dawn il-prodotti” (ara t-tieni u r-raba’ inċiżi tal-punt 50 iktar ’il fuq). |
91 |
Issa, anki jekk jitqies li l-provi miġbura mill-Kummissjoni ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-implikazzjoni diretta tar-rikorrenti fl-aspett tal-akkordju li jikkonċerna l-komponenti tal-forom tal-PMMA, dawn il-provi huma iktar milli suffiċjenti sabiex, minn tal-inqas, juru l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi dwar dan il-prodott fil-perijodu kkunsidrat u sabiex juru li l-ksur uniku kien ikopri wkoll dan il-prodott. Dan jirriżulta b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet konkordanti ta’ tliet impriżi, jiġifieri Degussa, Lucite u Atofina. |
92 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jintwera, minn tal-inqas, li r-rikorrenti kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju li jikkonċerna l-folji solidi tal-PMMA u l-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA, hija kienet qiegħda tinvolvi ruħha f’akkordju globali li jkopri tliet prodotti tal-PMMA. |
93 |
Issa, f’tali ipoteżi, ir-responsabbiltà tagħha għall-integralità tal-ksur uniku setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, b’tali mod li t-talba għat-tnaqqis tal-multa, fuq din il-bażi, għandha tiġi miċħuda. |
94 |
Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fir-rigward tal-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999 ma għandu ebda konsegwenza prattika fuq l-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv u l-ilment tar-rikorrenti dwar dan il-punt għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
95 |
Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jissostanzja, minn naħa, it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-“ammont bażiku” tal-multa
96 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx il-modalitajiet ta’ kif stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multa (EUR 32.5 miljun), iffissat fil-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata, u li b’hekk la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu jeżaminaw id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-“iktar parametru importanti” tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċement ipprovdiet ir-raġunijiet għalfejn hija kklassifikat il-ksur bħala wieħed serju ħafna u qassmet l-impriżi fi tliet kategoriji skont id-daqs relattiv tagħhom. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma spjegatx kif wasslet għall-ammonti attribwiti għal kull waħda minn dawn il-kategoriji u lanqas għalfejn l-ammont iffissat għar-rikorrenti kien jaqbeż b’mod sostanzjali l-livell ta’ EUR 20 miljun iffissat mil-Linji gwida fir-rigward tal-ksur serju ħafna. B’hekk, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 253 KE. |
97 |
F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa formalità sostanzjali u li r-rekwiżiti ta’ din il-formalità sostanzjali jkunu sodisfatti, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, tindika l-elementi ta’ evalwazzjoni li permezz tagħhom setgħet tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I-9641, punt 42; Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 73, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 463). |
98 |
Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti stess tammetti li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, il-motivi li wassluha sabiex tikklassifika l-ksur bħala wieħed serju ħafna u, min-naħa l-oħra, il-motivi li wasslu sabiex tiddeċiedi li taqsam l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji u li tiddifferenzja l-ammonti inizjali tal-multa attribwiti lil kull waħda minn dawn il-kategoriji. |
99 |
Barra minn hekk, minn eżami tal-premessi 319 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni effettivament ipprovdiet motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-ammont inizjali huwa bbażat b’mod partikolari fuq in-natura tal-ksur, stabbilita fid-dawl tal-karatteristiċi prinċipali tiegħu esposti fil-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, jiġifieri t-territorju taż-ŻEE (ara l-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata), u fuq l-applikazzjoni ta’ trattament iddifferenzjat għall-impriżi kkonċernati sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw ħsara kunsiderevoli għall-kompetizzjoni, kapaċità evalwata fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ prodotti tal-PMMA li fir-rigward tagħhom dawn l-impriżi kienu pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni (ara l-premessi 332 sa 334 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest tal-aħħar, il-Kummissjoni semmiet ukoll id-daqs tas-suq kollu tal-prodotti tal-PMMA fl-2000 u fl-2002, f’termini ta’ volum u ta’ valur (ara l-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn il-gravità tal-ksur imputat lir-rikorrenti kienet tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tali ammont inizjali, ma hijiex issostanzjata mill-fatti. |
100 |
Sa fejn ir-rikorrenti tikkritika n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni speċifika għall-ammont ta’ EUR 32.5 miljun, attribwit għall-impriżi li bħalha kienu kklassifikati fit-tieni kategorija, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtiġux li l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-figuri li jikkonċernaw il-metodu tal-kalkolu tal-multi (sentenzi Sarrió vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 80, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 464). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa, skont l-Artikolu 253 KE, tiġġustifika f’iktar dettall l-għażla tal-ammont ta’ EUR 32.5 miljun bħala l-ammont inzjali għall-multa ffissat għar-rikorrenti (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 1361). |
101 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq ma tapplikax għall-kawża ineżami, fid-dawl tal-livell tal-ammont inizjali tal-multa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija ġiet applikata wkoll f’kawża fejn il-Kummissjoni kienet iffissat ammont inizjali ħafna ikbar minn dak inkwistjoni f’din il-kawża (sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 1361). Bl-istess mod, l-allegazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li l-ammont inizjali tal-multa tagħha jaqbeż “b’mod sostanzjali” il-livell ta’ EUR 20 miljun iffissat fir-rigward ta’ ksur serju ħafna, ma hijiex ta’ natura li tibdel l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 100 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-livell msemmi huwa biss ammont minimu previst mil-Linji gwida għal tali ksur, li min-naħa tagħhom jipprovdu li l-“multi applikabbli” huma ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun”. |
102 |
Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv lanqas ma jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li taqsam l-“ammont bażiku” bejn ir-rikorrenti u Lucite
103 |
Ir-rikorrenti tenfasizza li hija stess u Lucite kienu konsekuttivament parteċipanti fil-ksur taħt investigazzjoni bħala proprjetarji suċċessivi tal-istess grupp wieħed ta’ assi li kienu s-suġġett tal-ksur u li għalhekk huma kkontribwixxew għal “gravità waħda” tal-ksur. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-ammont tal-multa li jikkorrispondi għal din il-“gravità waħda” kellu jinqasam bejniethom sabiex jiġi evitat li jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn l-“impatt veritabbli tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”, parametru dan li huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur skont il-Linji gwida. Issa, l-ammont tal-multa ġie kkalkolat bħallikieku r-rikorrenti u Lucite kienu t-tnejn li huma eżerċitaw impatt distint u simultanju fuq il-kompetizzjoni. Dan il-metodu ta’ kalkolu wassal għal multa — fir-rigward ta’ ksur uniku — ta’ ammont kunsiderevolment ikbar għas-sempliċi raġuni li l-proprjetarju ta’ impriża kien inbidel u mhux minħabba xi ħsara addizzjonali għall-kompetizzjoni jew minħabba xi żball imwettaq min-naħa tar-rikorrenti. B’hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. |
104 |
F’dan id-dawl, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li dan il-motiv huwa inammissibbli. Fil-fatt, dan il-motiv qiegħed jiġi invokat insostenn tat-talbiet imsemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq u, jekk jitqies li huwa fondat, iwassal għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-ammont tal-multa tagħha u mhux dak tal-multa imposta fuq terzi. |
105 |
It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm it-titolu ta’ dan il-motiv jirreferi għall-“ammont bażiku” tal-multa, min-noti tar-rikorrenti jirriżulta b’mod ċar li dan il-motiv jikkonċerna biss “l-element tal-multa li jikkonċerna l-gravità”, jiġifieri, b’mod iktar preċiż, l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 32.5 miljun, stabbilit fil-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq. |
106 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kinitx meħtieġa taqsam tali ammont inizjali tal-multa bejn ir-rikorrenti u Lucite. |
107 |
Għandu jitfakkar li, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti u Lucite ipparteċipaw fil-ksur permezz tal-istess assi ta’ ICI Acrylics, l-entità li ġiet ittrasferita mill-ewwel impriża lit-tieni waħda fit-2 ta’ Novembru 1999, jiġifieri bejn wieħed u ieħor f’nofs il-perijodu tal-ksur. Barra minn hekk, din id-data ntużat bħala data għad-“diviżjoni” tar-responsabbiltajiet tar-rikorrenti u ta’ Lucite għall-ksur (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-trattament iddifferenzjat għal dawn iż-żewġ impriżi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-istess dħul mill-bejgħ iġġenerat minn Lucite fl-2000.Fuq din il-bażi, hija ffissat l-ammonti inizjali tal-multi tagħhom bħala EUR 32.5 miljun għal kull waħda minnhom (ara l-premessi 334 u 336 tad-deċiżjoni kkontestata). |
108 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ raġonevolment jitqies li, li kieku l-proprjetarju ta’ ICI Acrylics ma nbidilx, l-applikazzjoni tal-istess metodoloġija ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa kienet twassal lill-Kummissjoni sabiex tiffissa ammont inizjali wieħed tal-multa ta’ EUR 32.5 miljun, li hija kienet tattribwixxi lil tali proprjetarju uniku. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, fis-sens li t-trasferiment ta’ ICI Acrylics kellu, bħala tali, impatt fuq l-ammont globali tal-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata, tidher li hija fondata. |
109 |
Madankollu, l-argument tar-rikorrenti, fis-sens li l-Kummissjoni kien imissha aġixxiet b’mod differenti billi taqsam l-ammont inizjali bejn iż-żewġ impriżi kkonċernati, għandu jiġi miċħud. |
110 |
Fl-ewwel lok, dan l-argument huwa essenzjalment ibbażat fuq il-premessa li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tkun ibbażata mill-qrib fuq l-“impatt fuq il-kompetizzjoni” jew fuq il-“ħsara” għall-kompetizzjoni u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti u Lucite, bħala proprjetarji suċċessivi ta’ ICI Acrylics ikkontribwixxew għal “gravità waħda” tal-ksur. Fir-rigward ta’ dan il-punt, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Linji gwida, li jipprovdu li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-“impatt reali tal-kondotta offensiva [tal-aġir illegali] ta’ kull impriża li hi f’kompetizzoni [fuq il-kompetizzjoni”. |
111 |
Din il-premessa, iżda, hija żbaljata. |
112 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, il-kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammont adegwat tal-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 118, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, punt 96). Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 241 u 242, u l-ġurisprudenza ċċitata) u, pereżempju, elementi li jikkonċernaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jikkonċernaw l-effetti ta’ ksur, speċjalment meta l-ksur ikun intrinsikament serju (ara s-sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
113 |
Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti lil-Linji gwida hija waħda inkompleta. Fil-fatt, skont il-punt 1.A tagħhom, “[b]iex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti”. B’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, “[i]l-ksur se jinqasam [...] fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna”. Fir-rigward tal-ksur serju ħafna, il-Linji gwida jippreċiżaw b’mod partikolari li “[d]awn ġeneralment ikunu restrizzjonijiet orriżontali bħal konsorzji ta’ prezzjiet” u li l-ammonti inizjali applikabbli huma ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun]”. Barra minn hekk, il-Linji Gwida jipprovdu li, “[f]’kull waħda minn dawn il-kategoriji, [...] l-iskala proposta ta’ multi se tagħmilha possibli li jiġi applikat trattament differenti lill-intrapriżi skond in-natura tal-ksur li jkun sar”. |
114 |
Għaldaqstant, il-Linji gwida jenfasizzaw b’mod ċar in-natura tal-ksur bħala element determinanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, T-73/04, Ġabra p. II-2661, punt 91). Fir-rigward tal-impatt konkret tal-ksur, il-Linji gwida jipprevedu l-kriterju tal-“impatt reali [...] fuq is-suq”, li jikkonċerna l-ksur fl-intier tiegħu u mhux l-effetti tal-aġir speċifiku ta’ kull impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C-554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 21 u 24), filwaqt li jippreċiżaw li dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta jkun jista’ jiġi kkalkolat. |
115 |
Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “ma [kienx possibbli] li jiġi kkalkolat l-impatt konkret fuq is-suq taż-ŻEE” tal-ksur kontenzjuż u hija għalhekk iddikjarat li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, hija ma kinitx qiegħda tibbaża ruħha fuq “impatt partikolari speċifiku [tal-ksur fuq is-suq]” (premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija għalhekk ikkonkludiet li l-ksur ineżami kien wieħed serju ħafna fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura tal-ksur, fid-dawl tal-karatteristiċi prinċipali tiegħu kif esposti fil-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata) u fid-dawl tad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (ara l-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata). |
116 |
Dan l-approċċ, li, barra minn hekk, ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat mir-rikorrenti, huwa konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-akkordji orizzontali dwar prezzijiet jew dwar tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna fuq il-bażi biss tan-natura partikolari tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija meħtieġa, b’mod partikolari, li turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 75, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 103). |
117 |
Fir-rigward tal-kriterju tal-“impatt reali tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”, invokat mir-rikorrenti, dan jissemma fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 1.A tal-Linji gwida li jipprovdi li “[m]eta ksur jinvolvi aktar minn impriża waħda (eż. konsorzji), jista’ jkun neċessarju f’ċerti każijiet li jiġu applikati ko-effiċjenti korrettivi lill-ammonti determinati f’kull waħda mit-tliet kategoriji sabiex jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva [aġir illegali] ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni [fuq il-kompetizzjoni], partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”. Għaldaqstant, dan huwa biss kriterju fakultattiv li jippermetti l-aġġustament tal-ammont inizjali tal-multa fil-każ ta’ ksur li jimplika diversi impriżi u ma huwiex kriterju determinanti fl-istabbiliment tal-ammont imsemmi. Barra minn hekk, dan il-kriterju ma jikkonċernax il-kwantifikazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-aġir partikolari ta’ kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ksur speċifiku iżda jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, ta’ differenzi oġġettivi li jista’ jkun hemm bejniethom, bħal, b’mod partikolari, disparità kunsiderevoli bejn id-daqs tagħhom. |
118 |
Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li l-bidla fil-proprjetarju ta’ ICI Acrylics ma kkawżat ebda ħsara addizzjonali għall-kompetizzjoni, kif tallega r-rikorrenti, dan il-fatt ma jippermettix li jiġi konkluż li r-rikorrenti u Lucite kkontribwixxew għal “gravità waħda” tal-ksur u li l-ammont inizjali tal-multa kien imissu għalhekk inqasam bejniethom. |
119 |
Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti dwar il-ħtieġa li l-ammont inizjali tal-multa jinqasam bejnha u Lucite ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni ta’ dan l-ammont (ara l-premessi 319 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata) japplikaw kompletament għar-rikorrenti. |
120 |
F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, kemm ir-rikorrenti u kif ukoll Lucite wettqu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta r-responsabbiltà tagħha għal tali ksur (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, hija ma hijiex qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li r-rikorrenti kellha titqies, bħala tali, “bħala impriża għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE]” (premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata). |
121 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti la qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 319 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas l-evalwazzjoni tagħha fis-sens li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-trattament iddifferenzjat, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn Lucite mill-bejgħ tal-prodotti tal-PMMA fl-2000 kien jikkostitwixxi indikazzjoni adegwata fir-rigward tad-daqs u tas-saħħa ekonomika relattivi ta’ ICI Acrylics fis-suq inkwistjoni (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata). |
122 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti, fir-realtà, huma intiżi sabiex jintalab trattament preferenzjali fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa, fil-konfront tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, għas-sempliċi raġuni li ttrasferiet l-assi li kienu s-suġġett tal-ksur. |
123 |
Issa, dan is-sempliċi fatt ma jfissirx li l-ksur imwettaq minnha sar inqas serju. Ir-rikorrenti għalhekk kienet imposta eżattament l-istess ammont bażiku tal-multa daqslikieku, minflok ma ttrasferiet ICI Acrylics lil Lucite b’effett mit-2 ta’ Novembru 1999, hija sempliċement irtirat mill-ksur fl-istess data. |
124 |
Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni, minkejja l-fatt li hija pparteċipat fl-akkordju permezz tal-istess assi bħalma għamlet Lucite warajha, ir-rikorrenti wettqet ksur li l-gravità tiegħu kienet tiġġustifika l-impożizzjoni tal-ammont inizjali adottat fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-argument tagħha li dan l-ammont inizjali kien imissu nqasam bejnha u Lucite ma jistax jiġi aċċettat. |
125 |
L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jibdlu din il-konklużjoni. |
126 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-“tqassim tal-parametru ‘tul’’’ tal-multa bejnha u Lucite ma huwiex suffiċjenti. Fil-fatt, skont il-metodoloġija tal-Linji gwida, huwa l-“parametru ‘gravità’” tal-multa li għandu l-ikbar impatt fuq l-ammont bażiku tal-multa, bl-ammont inizjali jiġi miżjud biss b’10 % għal kull sena tal-ksur. B’hekk, fin-nuqqas ta’ “relazzjoni lineari” bejn it-tul tal-ksur u l-ammont bażiku tal-multa, anki jekk il-“parametru ‘tul’” ikun “inqasam” bejn ir-rikorrenti u Lucite, l-ammonti bażiċi tagħhom meħuda flimkien ikunu iktar minn dak li kien jiġi kkalkolat li kieku l-proprjetarju ta’ ICI Acrylics ma nbidilx. |
127 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti ġie ddeterminat fuq il-bażi tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Għalhekk, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, il-“parametru ‘tul’” tal-multa “nqasam” effettivament bejn ir-rikorrenti u Lucite. |
128 |
Huwa minnu li, kif issostni r-rikorrenti, l-ammonti bażiċi meħuda flimkien tar-rikorrenti u ta’ Lucite huma iktar minn dak li kien jiġi kkalkolat li kieku ACI Acrylics żammet l-istess proprjetarju (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni hija sempliċement il-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-metodoloġija prevista fil-Linji gwida, li jirriflettu l-politika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni ssegwi fil-kuntest tal-iffissar tal-multi. Issa, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 sa 109), hija setgħet tistabbilixxi tali relazzjoni bejn il-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur. |
129 |
B’hekk, il-fatt li l-kriterju tal-gravità tal-multa kellu, f’dan il-każ, iktar importanza fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa milli kellu l-kriterju tat-tul tal-ksur ma jippermettix li jiġi vvalidat l-argument tar-rikorrenti dwar in-neċessità ta’ “tqassim tal-‘element gravità’” tal-multa bejnha u Lucite. |
130 |
Barra minn hekk, “relazzjoni lineari” bejn it-tul tal-ksur u l-ammont bażiku tal-multa, jiġifieri l-multiplikazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, kienet tkun stabbilita f’dan il-każ għad-detriment tar-rikorrenti billi kienet twassal għal ammont bażiku ogħla minn dak impost fuq ir-rikorrenti. |
131 |
It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fis-sens li, “jekk l-impriża li tkun kisbet l-assi tkompli tikser l-Artikolu 81 [KE] u/jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ir-responsabbiltà għall-ksur għandha tinqasam bejn il-bejjiegħ u l-akkwirent tal-assi li jkunu s-suġġett tal-ksur” (punt 347 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet). |
132 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħda timplika r-rikorrenti, din l-affermazzjoni ma fiha ebda preċiżjoni fir-rigward tal-kwistjoni tat-tqassim eventwali tal-“element gravità” tal-multa bejnha u Lucite. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem użat mill-Kummissjoni u mill-fatt li tinsab fil-punt 5.6 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din l-affermazzjoni tikkonċerna biss it-tqassim tar-responsabbiltajiet għall-ksur bejn il-bejjiegħ u l-akkwirent tal-assi li jkunu s-suġġett tal-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tar-riferiment, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, għall-premessa 43 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/190/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.865, PVC) (ĠU 1989 L 74, p. 1). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet tali tqassim tar-responsabbiltajiet għall-ksur bejn ir-rikorrenti u Lucite (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). |
133 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni applikat metodu fejn l-ammont tal-multa jinqasam skont il-perijodi ta’ proprjetà ta’ entità responsabbli għal ksur. |
134 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix qafas legali fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni peress li l-Kummissjoni għandha, f’dan il-qasam, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li fl-eżerċizzju tagħha ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li hija stess tkun għamlet preċedentement (ara s-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
135 |
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma hijiex tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li, b’mod differenti mill-kawża ineżami, fid-deċiżjonijiet invokati minnha, kien involut it-trasferiment ta’ kumpannija sussidjarja li kellha personalità ġuridika. Issa, din hija differenza fattwali fundamentali fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi sa fejn, fin-nuqqas ta’ personalità ġuridika ta’ ICI Acrylics, ebda multa ma setgħet tiġi imposta fuqha. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment ta’ kumpannija sussidjarja matul il-perijodu tal-ksur ma tistax tiġi invokata effettivament mir-rikorrenti fil-kawża ineżami. |
136 |
Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssemmi wkoll il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti speċifiċi f’dan ir-rigward minbarra dawk li ġew analizzati iktar ’il fuq fir-rigward tal-eżistenza tal-allegat obbligu tal-Kummissjoni li “taqsam l-‘element gravità’” minħabba n-nuqqas ta’ ħsara addizzjonali għall-kompetizzjoni b’riżultat tat-trasferiment. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda wkoll. |
137 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-argumenti mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv lanqas ma jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. |
Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq in-natura inadegwata taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv
138 |
Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li, fid-determinazzjoni taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja effettiva tagħha. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni, b’mod sussidjarju, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja effettiva tar-rikorrenti
139 |
Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda ta’ 50 % tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet ta’ effett suffiċjentement dissważiv ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja reali effettiva tagħha. Kif uriet matul l-investigazzjoni, din il-kapaċità ma hijiex riflessa b’mod adegwat permezz tad-dħul mill-bejgħ tagħha, li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina ż-żieda. Fil-fehma tagħha, il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ huwa rilevanti, bħala “indikazzjoni” jew “approssimazzjoni” tas-saħħa ekonomika ta’ impriża iżda ma huwiex suffiċjenti meta l-impriża kkonċernata tippreżenta provi oħra dwar is-saħħa ekonomika tagħha. Għaldaqstant, iż-żieda inkwistjoni għandha tiġi eliminata. |
140 |
F’dan id-dawl għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fil-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, fil-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala tal-multi li setgħu jiġu imposti kienet tippermetti wkoll li l-ammont tal-multi jiġi ffissat f’livell li jiggarantixxi li dawn ikollhom effett dissważiv suffiċjenti “fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ kull impriża”. Sabiex tevalwa d-daqs u s-saħħa ekonomika tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji tagħha fl-2005, l-aħħar sena finanzjarja preċedenti għal dik li fiha adottat id-deċiżjoni kkontestata (EUR 8.49 biljuni) u ddeċidiet li tapplika fattur multiplikatur ta’ 1.5 għall-multa tagħha (ara l-premessi 349 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata). |
141 |
F’dan il-kuntest, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti dwar l-użu tad-dħul mill-bejgħ għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ekonomika tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li l-kriterju tad-dħul mill-bejgħ kien jagħti indikazzjoni raġonevoli u utli tal-kapaċità u tas-saħħa ekonomika ta’ impriża u li hija fil-każ ineżami hija kienet applikat dan il-kriterju għall-impriżi kkonċernati kollha bl-istess mod (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata). |
142 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ dissważjoni, għandu jitfakkar li dan huwa wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi sabiex jikkastigaw l-aġir illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiddiswadu, kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħra, milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni, meta tikkalkola l-ammont tal-multa, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
143 |
It-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti jagħmel parti mill-impatt mixtieq fuq l-impriża msemmija, filwaqt li s-sanzjoni ma għandhiex tkun negliġibbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 104). F’dan is-sens ġie deċiż, b’mod partikolari, li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni hija intitolata ssegwi meta tiffissa l-ammont ta’ multa jista’ realment jintlaħaq biss billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-impriża fil-jum meta tiġi imposta l-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 278). |
144 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-possibbiltà nnifisha li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża sabiex taġġusta l-ammont tal-multa. Madankollu, hija qiegħda tikkontesta r-rilevanza tal-kriterju tad-dħul mill-bejgħ fl-evalwazzjoni tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha. |
145 |
F’dan id-dawl għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’mod kostanti, li d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 243, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, diġà ġie deċiż li kien possibbli għall-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa f’livell li jiżguralha natura suffiċjentement dissważiva, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Showa Denko vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq, punti 15 sa 18, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-266/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 120; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 96). |
146 |
B’hekk, filwaqt li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi espliċitament li d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi “indikazzjoni” tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha li tista’ tkun “imperfetta” u “approssimattiva”, din il-ġurisprudenza tivvalida, fl-istess ħin, l-użu ta’ dan il-kriterju fil-kuntest tad-determinazzjoni taż-żieda tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv. Il-mertu inkontestabbli ta’ din is-soluzzjoni huwa li tippermetti lill-Kummissjoni tuża, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, kriterju oġġettiv, filwaqt li tapplikah mingħajr distinzjoni għall-impriżi kkonċernati kollha. |
147 |
Minn dan isegwi li l-allegazzjoni, fis-sens li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jirrifletti b’mod imperfett u approssimattiv biss is-saħħa ekonomika tagħha, ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tegħleb ir-rilevanza ta’ dan il-kriterju fil-kuntest tad-determinazzjoni taż-żieda tal-ammont tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv. |
148 |
Huwa minnu li, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, wieħed ma għandux jinsa l-għan tal-impożizzjoni taż-żieda msemmija, jiġifieri l-aġġustament tal-multa b’tali mod li din ma tkunx negliġibbli, u lanqas min-naħa l-oħra ma tkun eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni (ara l-punt 143 iktar ’il fuq u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Degussa vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 143 iktar ’il fuq, punt 283, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-410/03, Ġabra p. II-881, punt 379). |
149 |
Madankollu, il-provi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-dħul mill-bejgħ tagħha, meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, kien jagħti stampa tant qarrieqa tal-kapaċità finanzjarja tagħha li dan l-għan ma kienx osservat fil-każ ineżami. |
150 |
L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda prova konkreta insostenn tal-argumenti u taċ-ċifri mressqa minnha, filwaqt li r-rikors ma jirreferi għal ebda dokument fir-rigward ta’ dan il-punt. |
151 |
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement tinvoka, fir-rikors, l-eżistenza ta’ debiti minħabba rtirar, li huma iktar sostanzjali mill-impressjoni mogħtija mid-daqs tagħha, kif ukoll ta’ dejn dovut għall-finanzjament ta’ akkwist imwettaq fl-1997, mingħajr madankollu ma tispjega b’mod iddettaljat kif l-eżistenza ta’ dawn id-debiti taffettwa, b’mod konkret, ir-rilevanza tad-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2005, meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. |
152 |
Issa, għandu jiġi osservat, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, li dawn huma provi li jikkonċernaw diversi snin, u li għalhekk ma jikkostitwixxux neċessarjament indikatur affidabbli tas-saħħa ekonomika tal-impriża fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u li, barra minn hekk, għandhom, bħala prinċipju, impatt inevitabbli fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriża. Barra minn hekk, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti stess tammetti li d-dejn inkwistjoni “kellu impatt fuq l-attivitajiet tagħha”. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-argument tal-Kummissjoni li d-debiti inkwistjoni kellhom neċessarjament impatt fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha. |
153 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tispjegax sa fejn il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ ma jirriflettix b’mod adegwat il-kapaċità finanzjarja tagħha, fuq il-bażi tal-provi mressqa minnha. Hija sempliċement titlob l-eliminazzjoni, mingħajr iktar elaborazzjoni, taż-żieda applikata mill-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-eliminazzjoni tqiegħed lir-rikorrenti fl-istess sitwazzjoni bħal Barlo u Lucite, li fir-rigward tagħhom ma kienet applikata ebda żieda għall-finijiet tal-effett dissważiv. Issa, id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn iż-żewġ impriżi kien jirrappreżenta, fl-2005, rispettivament madwar 4 u 13 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti (ara l-premessi 36 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nuqqas ta’ provi konvinċenti, l-argument li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti kien jagħti stampa ferm qarrieqa dwar il-kapaċità finanzjarja tagħha ma jistax jiġi aċċettat. |
154 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma invalidatx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien jagħti “indikazzjoni raġonevoli u utli tal-kapaċità u tas-saħħa ekonomika tagħha” (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dan id-dħul mill-bejgħ sabiex tiddetermina ż-żieda adegwata (ara b’mod partikolari l-punti 146 u 147 iktar ’il fuq). |
155 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-provi dwar il-kapaċità finanzjarja tagħha prodotti matul il-proċedura amministrattiva, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll. Minn naħa, din hija sempliċi affermazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, li ma hija ssostanzjata b’ebda element konkret, bħal, pereżempju, l-indikazzjoni tal-provi li allegatament ġew injorati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien jagħti impressjoni eżaġerata tal-kapaċità finanzjarja tagħha, filwaqt li kkonkludiet li d-dħul mill-bejgħ kien jikkostitwixxi indikazzjoni raġonevoli u utli tal-kapaċità tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha (premessi 343 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm il-Kummissjoni ma weġbitx b’mod iddettaljat għal kull wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti, dan il-fatt, fih innifsu, ma jippermettix li jingħad li dawn l-argumenti ma ġewx eżaminati. |
156 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, f’dan il-każ, in-neċessità taż-żieda kien iktar u iktar jistħoqqilha li tiġi ssostanzjata fid-dawl tal-fatt li, kif kienet uriet, ebda wieħed mill-awturi konkreti tal-ksur ma kien impjegat minnha jew kien jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà fi ħdanha, ebda wieħed mill-membri tal-amministrazzjoni tagħha ma kien iffaċilita l-eżekuzzjoni tal-ksur u li l-ammont tal-multa kien diġà għoli ħafna. |
157 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessi 337 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, żieda fl-ammont inizjali tal-multa sabiex tiggarantixxi li din il-multa jkollha “effett dissważiv suffiċjenti, fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ kull impriża” (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa jirriżulta mill-ħtieġa li l-ammont inizjali jiġi aġġustat b’mod li l-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva fid-dawl tar-riżorsi globali tal-impriża u tal-kapaċità tagħha li tillikwida l-fondi neċessarji sabiex tħallas il-multa. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fis-sens li ebda wieħed mill-awturi reali tal-ksur ma kien impjegat mir-rikorrenti jew kien jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà fi ħdanha u li ebda wieħed mill-membri tal-amministrazzjoni tagħha ma kien iffaċilita l-eżekuzzjoni tal-ksur huma irrilevanti f’dan il-kuntest u għalhekk ineffettivi. |
158 |
Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv ma humiex ta’ natura li jikkontestaw iż-żieda applikata fil-konfront tar-rikorrenti fil-premessi 349 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata. |
159 |
Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament
160 |
Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet timponi żieda dissważiva bbażata esklużivament fuq id-dħul mill-bejgħ, hija kellha tittratta lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata b’mod ekwu u b’mod proporzjonat. Issa, iż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti hija, skontha, proporzjonalment ogħla minn dik imposta fuq Atofina u, għaldaqstant, tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
161 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tirrileva r-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-każ tar-rikorrenti (EUR 8.49 biljuni) huwa effettivament sittax-il darba inqas minn dak ta’ Atofina (EUR 143 biljun), filwaqt li ż-żieda applikata għall-multa tar-rikorrenti (50 %) hija biss 4 darbiet inqas minn dik applikata għall-multa ta’ Atofina (200 %). |
162 |
Madankollu, din l-osservazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkontestat il-livell taż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti fid-dawl tal-prinċipji invokati minnha. |
163 |
Fl-ewwel lok, din id-differenza fil-konfront tat-trattament mogħti lil impriża oħra ma tfissirx, fiha nfisha, li ż-żieda tar-rikorrenti ma hijiex proporzjonali mal-għan segwit, jiġifieri, skont il-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-multa tagħha jiġi ffissat f’livell li jiggarantixxi li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tar-rikorrenti. Issa, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti ma tqajjimx argumenti f’dan ir-rigward. |
164 |
Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti, sa fejn jiffoka fuq is-sitwazzjoni ta’ Atofina u jekk jitqies li huwa fondat, iwassal sabiex iż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti tkun ta’ 12.5 % biss (żieda sittax-il darba inqas minn dik ta’ 200 % imposta fuq Atofina). Issa, fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tar-rikorrenti, kif riflessi mid-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2005, tali żieda ma tkunx suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan segwit. |
165 |
Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li din id-differenza tista’ titqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minn dan ma jirriżultax neċessarjament li r-rikorrenti hija intitolata tikseb tnaqqis taż-żieda imposta. |
166 |
Dwar dan il-punt il-Kummissjoni ġustament tosserva li r-rikorrenti qiegħda tipprova tapplika “bil-maqlub” is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punti 244 sa 249). Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, id-dħul mill-bejgħ tal-impriża Showa Denko KK (iktar ’il quddiem “SDK”) kien id-doppju ta’ dak tal-impriża VAW Aluminium AG (iktar ’il quddiem VAW”). Issa, il-Kummissjoni kienet imponiet fuq SDK żieda sitt darbiet ikbar (150 %) minn dik imposta fuq VAW (25 %). Kien f’tali sitwazzjoni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibdel iż-żieda imposta fuq SDK b’żieda ta’ 50 %, jiġifieri d-doppju ta’ dik imposta fuq VAW. |
167 |
Madankollu, dan ma jfissirx li impriża bħalma hija r-rikorrenti tista’ tinvoka favur tagħha allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li ż-żieda imposta fuq impriża ikbar minnha ma hijiex għolja biżżejjed sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza fid-daqs bejn dawn iż-żewġ impriżi. |
168 |
Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, il-fondatezza tal-livell taż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għandha tiġi eżaminata, jekk ikun il-każ, mhux biss fir-rigward taż-żieda applikata għal Atofina iżda wkoll fir-rigward ta’ dawk applikati għall-impriżi kkonċernati l-oħra. |
169 |
B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-parti tal-motiv ma jistax ikollha l-effett li twassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament mogħti lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Sarrió vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 97, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 152). |
170 |
Issa, fir-rikors, ir-rikorrenti ma tqajjimx argumenti f’dan is-sens. |
171 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’ordni axxendenti, iż-żidiet applikati fid-deċiżjoni kkontestata kienu s-segwenti:
|
172 |
B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-każ ta’ Atofina huwa każ speċifiku ta’ impriża li kellha dħul mill-bejgħ ħafna ikbar minn dak tal-impriżi kkonċernati l-oħra kollha. Għall-kuntrarju, l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-impriżi l-oħra kien koerenti billi ffissat iż-żidiet bħala 25, 50 u 75 % għall-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom kien, rispettivament, ta’ EUR 5.71, 8.49 u 11.75 biljuni. |
173 |
Huwa minnu li l-Kummissjoni ma segwietx b’mod strett il-proporzjonijiet matematiċi u, b’mod partikolari, id-differenza relattiva fil-livell taż-żieda (f’perċentwali) bejn Arkema u r-rikorrenti (+ 100 %) hija ikbar minn dik bejn id-dħul mill-bejgħ tagħhom (+ 48 %), differenza li hija iżgħar minn dik bejn ir-rikorrenti u Degussa (+ 50 % fir-rigward taż-żieda u + 38 % fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ). |
174 |
Madankollu, din il-konstatazzjoni tal-aħħar ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipji invokati mir-rikorrenti. Fil-fatt, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam u fid-dawl tal-għan ta’ dissważjoni segwit bl-applikazzjoni taż-żidiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, tiżgura li d-differenzi bejn il-livelli ta’ dawn iż-żidiet jirriflettu strettament kull differenza bejn l-impriżi fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom (ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 145 iktar ’il fuq, punt 122). Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi kriterji rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa f’livell li jiżgura li l-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva, l-iffissar ta’ multa adegwata xorta waħda ma għandux ikun neċessarjament ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu aritmetiku bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 128 iktar ’il fuq, punt 121, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 145 iktar ’il fuq, punt 120). |
175 |
Minn dan isegwi li t-trattament tal-impriżi li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, jinsabu f’sitwazzjoni li tixbah iktar lil dik tar-rikorrenti mis-sitwazzjoni ta’ Atofina, ma jippermettix li jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Għall-kuntrarju, l-argument tar-rikorrenti, sa fejn qiegħda titlob trattament proporzjonali esklużivament għal dak ta’ Atofina, jiġifieri, essenzjalment, żieda ta’ 12.5 % (ara l-punt 164 iktar ’il fuq), jekk jiġi aċċettat, ikun ta’ natura li jwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-impriżi kkonċernati l-oħra. |
176 |
F’dan il-kuntest, għandha ssir insistenza wkoll fuq il-fatt li r-rikorrenti ma tirreferix, b’mod partikolari, għall-każ ta’ Lucite. Issa, għandu jitfakkar li r-rikorrenti u Lucite wettqu l-ksur, suċċessivament, bl-istess assi, u li l-Kummissjoni attribwitilhom l-istess ammonti inizjali tal-multa, fuq il-bażi tal-istess dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-prodotti tal-PMMA. Għalhekk, sa dak il-punt, l-ammonti tal-multi ta’ dawn iż-żewġ impriżi kienu kkalkolati bl-istess mod iżda, għall-kuntrarju tar-rikorrenti, Lucite ma kienet suġġetta għal ebda żieda għall-finijiet tal-effett dissważiv. Madankollu, peress li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien 7.5 darbiet inqas minn dak tar-rikorrenti, ma jistax jiġi allegat li ż-żieda ta’ 50 % imposta fuq ir-rikorrenti hija kuntrarja għall-prinċipji invokati. |
177 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. |
178 |
Barra minn hekk, għar-raġunijiet preċedenti, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv lanqas ma jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa, sa fejn hija bbażata fuq il-żieda tal-ammont inizjali għall-finijiet tal-effett dissważiv, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ir-rifjut mhux ġustifikat li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni
179 |
Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli rrifjutat li tagħtiha tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kien imissha, minn tal-inqas, irrikonoxxiet il-mertu tal-kooperazzjoni tagħha lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-avviż. |
Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar ir-rifjut li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
180 |
Din il-parti tal-motiv hija essenzjalment ibbażata fuq żewġ ilmenti. Minn naħa, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat b’mod żbaljat li l-provi li hija kienet ipprovdiet ma kienu kkontribwixxew ebda valur miżjud għall-investigazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li d-dewmien min-naħa tagħha sabiex tipprovdi dawn il-provi, meta mqabbla mal-impriżi kkonċernati l-oħra, kien dovut għall-aġir tal-Kummissjoni. |
– Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-valur miżjud tal-provi inklużi fit-talba skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
181 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-multi u li hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi, li fosthom tinsab il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punti 81 u 88). |
182 |
Sabiex ikun ġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-informazzjoni mogħtija għandha tkun tista’ titqies bħala prova ta’ kooperazzjoni reali min-naħa tagħha, sa fejn l-għan ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa huwa li impriża tiġi kkumpensata għal kontribuzzjoni matul il-proċedura amministrattiva li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur b’inqas diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, punt 305). B’hekk, l-aġir ta’ impriża għandu jiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni, li huwa li tikkonstata u twaqqaf ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 499, u l-ġurisprudenza ċċitata) u għandu juri intenzjoni reali ta’ kooperazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punti 395 u 396). |
183 |
Fid-dawl tar-raġuni wara t-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni mogħtija, li neċessarjament tiddependi mill-provi li jkollha diġà fil-pussess tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T-456/05 u T-457/05, Ġabra p. II-1443, punt 221). |
184 |
Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata timmotiva r-raġunijiet għalfejn tqis li l-provi pprovduti minn impriżi fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew li ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, huma mill-banda l-oħra l-impriżi li jkunu jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni mogħtija volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tipprova l-elementi essenzjali tal-ksur u għalhekk li tadotta deċiżjoni li timponi multi (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, punt 297). |
185 |
Fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li huma altrimenti kien ikollhom iħallsu. |
186 |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddikjarat li l-impriżi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jippermettulhom jibbenefikaw minn immunità minn multi jistgħu xorta waħda jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa (punt 20 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni). Skont il-punt 21 tal-avviż imsemmi, sabiex tkun tista’ tikkwalifika għal tali tnaqqis, “impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssuspettat li jirrapreżentaw valur miżjud [sinjifikattiv] b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għandha twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”. |
187 |
Barra minn hekk, il-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jippreċiża: “Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.” |
188 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti kienet talbet l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fit-18 ta’ Ottubru 2004, dwar li l-Kummissjoni kienet irċeviet talbiet skont dan l-avviż minn Degussa (fl-20 ta’ Diċembru 2002), minn Atofina (fit-3 ta’ April 2003) u minn Lucite (fil-11 ta’ Lulju 2003) (premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti fl-ordni kronoloġiku li fih saru l-komunikazzjonijiet, sabiex b’hekk tiddetermina jekk ir-rikorrenti kinitx ikkontribwixxiet valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-avviż imsemmi. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provi pprovduti mir-rikorrenti ma kinux ikkontribwixxew valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata). |
189 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat kriterju legali żbaljat sabiex tiċħad it-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa sa fejn, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma kinux ippermettewlha li “tistabbilixxi l-fatti”. Issa, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju korrett, skont il-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kien dak tar-rinforz tal-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti. |
190 |
Dan l-argument ma huwiex fondat fil-fatt u għandu jiġi miċħud. |
191 |
Fil-fatt, kif ingħad fil-punt 188 iktar ’il fuq, mill-premessi 416 sa 419 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni applikat b’mod korrett id-dispożizzjoni rilevanti tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri l-punt 21 tiegħu, meta applikat il-kriterju tal-“valur miżjud [sinjifikattiv]” (ara l-punt 188 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fl-ittra tal-11 ta’ Awwissu 2005, fejn informat lir-rikorrenti dwar iċ-ċaħda tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt dan l-avviż, il-Kummissjoni sostniet li “il-provi prodotti [mir-rikorrenti] ma [kienu] jikkontribwixxu ebda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punti 21 u 22 tal-[Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni]”, u b’hekk indikat il-kriterju rilevanti. |
192 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-provi prodotti minnha jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 21 u 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
193 |
F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 184 iktar ’il fuq, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-kundizzjonijiet imsemmija kienu sodisfatti. Issa, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li, għalkemm, fir-rikors, ir-rikorrenti tirreferi, b’mod ġenerali u mhux issostanzjat, għall-isforzi kbar li hija għamlet sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni, filwaqt li ssemmi “d-diversi jiem ta’ xogħol ta’ speċjalisti fit-teknoloġija tal-informatika” u “iktar minn elf siegħa ta’ eżami minn konsulenti esterni” li wasslu għall-komunikazzjoni volontarja lill-Kummissjoni ta’ “168 dokument estratti mis-sistemi ta’ ħażna u mis-servers”, l-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest ta’ dan l-ilment huwa fil-verità bbażati fuq ftit dokumenti mill-istess perijodu ta’ żmien bħall-ksur li jissemmew fil-premessi 101, 104, 115 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li dawn id-dokumenti rrinforzaw it-teżi tal-Kummissjoni u kienu ta’ għajnuna fl-investigazzjoni tagħha peress li tirreferi għalihom fid-deċiżjoni kkontestata u li dawn huma dokumenti rari ta’ attwalità fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħti valur kbir lil tali dokumenti ta’ attwalità. |
194 |
Madankollu, dawn l-argumenti ma jippermettux li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. |
195 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-ittra elettronika interna tar-rikorrenti msemmija fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, din tagħmel riferiment għal ftehim dwar żieda fil-prezz għat-tieni perijodu ta’ tliet xhur tal-1998 u għal żieda ta’ 5 % għall-folji introdotti b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999 fis-suq tar-Renju Unit (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, id-dokumenti msemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għal żieda fil-prezzijiet għat-tieni nofs tal-1998. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, mid-deċiżjoni kkontestata (ara, pereżempju, il-premessi 155, 157 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li, qabel ma rċeviet dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni kienet diġà taf bid-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet u bil-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezz fuq livell Ewropew għat-tieni nofs tal-1998. |
196 |
Huwa minnu li, kif issostni r-rikorrenti, id-dokument imsemmi fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata ppermetta lill-Kummissjoni tesponi l-mod kif kienu jiżvolġu l-laqgħat antikompetittivi inkwistjoni. Bl-istess mod, id-dokumenti msemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata juru kif kienu implementati ż-żidiet fil-prezz. Madankollu, din hija biss informazzjoni li permezz tagħha ż-żidiet fil-prezz, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kellha diġà provi suffiċjenti, setgħu jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom. |
197 |
It-tieni nett, fir-rigward taż-żewġ ittri elettroniċi interni tar-rikorrenti msemmija fil-premessa 104 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jintwera l-fatt li ż-żidiet fil-prezz mhux dejjem kienu implementati (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li, qabel ma rċeviet dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni kienet diġà taf b’dan il-fatt u kellha provi f’dan is-sens, kif jirriżulta minn diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata (ara, pereżempju, il-premessi 110, 120, 123, 125, 128, 129, 134, 140, 143, 148, 167 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt, osservat mir-rikorrenti, li dawn huma l-uniċi dokumenti kontemporanju għall-ksur imsemmija fil-punt 4.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Implementazzjoni u sorveljanza tal-ftehim dwar il-prezz”, ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li jistabbilixxi l-valur miżjud sinjifikattiv tagħhom. |
198 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-minuti ta’ laqgħa msemmija fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, dan id-dokument jikkonferma biss li nżammet laqgħa bejn ir-rikorrenti u Degussa fid-data indikata, sa fejn l-informazzjoni dwar in-natura antikompetittiva ta’ din il-laqgħa kienet ingħatat minn Degussa. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni preċiżament li d-dokument imsemmi jattribwixxi natura leġittima lil-laqgħa kkonċernata u għalhekk hija ma tistax validament issostni li dan id-dokument kellu valur miżjud sinjifikattiv għall-Kummissjoni. |
199 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li, fil-mument li fih irċeviet id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, hija kellha diġà biżżejjed provi determinanti mingħand impriżi oħra sabiex tistabbilixxi l-fatti. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-kwistjoni ma hijiex dik jekk il-Kummissjoni kinitx diġà rċeviet “biżżejjed provi” sabiex tkun tista tipprova l-fondatezza tat-teżi tagħha, iżda jekk dawn il-provi “jirrinforzawx” din it-teżi. Issa, fil-fehma tar-rikorrenti, tkun kemm tkun solida teżi, din dejjem tista’ tiġi rrinforzata bi provi addizzjonali jew aħjar, u b’mod partikolari b’dokumenti ta’ attwalità. |
200 |
Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, dan l-argument essenzjalment ifisser li kull prova ċċitata f’deċiżjoni fil-qasam ta’ akkordji, u a fortiori dokument ta’ attwalità, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkontribwixxi “valur miżjud [sinjifikattiv]” fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u bħala li għalhekk tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa. Issa, tali riżultat ikun inkompatibbli mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq. |
201 |
B’hekk, ġie deċiż, pereżempju, li dikjarazzjoni li sempliċement tikkorrobora, sa ċertu punt, dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kellha diġà fil-pussess tagħha ma tiffaċilitax il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv u li tali dikjarazzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba kooperazzjoni (ara s-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 183 iktar ’il fuq, punt 222, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li dokument ikollu ċerta utilità għall-Kummissjoni u li l-Kummissjoni għalhekk tirreferi għalih fid-deċiżjoni tagħha ma jippermettix li jiġi ġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba kooperazzjoni. |
202 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tiffoka l-argument tagħha fuq il-formulazzjoni tal-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li jipprovdi li għandu jiġi vverifikat jekk “il-provi pprovduti jinforzaw[x] [...] l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija”. Għaldaqstant, minn dan il-punt jirriżulta b’mod ċar li dan il-punt qiegħed jistabbilixxi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “valur miżjud” filwaqt li l-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-opportunità ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, stabbilit fil-punt 21 tal-imsemmi avviż, huwa dak tal-“valur miżjud [sinjifikattiv]”. Issa, ir-rikorrenti lanqas biss tipprova tistabbilixxi kif id-dokumenti invokati minnha kienu ffaċilitaw il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod “sinjifikattiv”. |
203 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pprovatx li l-konklużjoni tal-Kummissjoni mfakkra fil-punt 188 iktar ’il fuq kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
204 |
Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud. |
– Fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dewmien li bih ir-rikorrenti pprovdiet il-provi tagħha meta mqabbla mal-impriżi kkonċernati l-oħra
205 |
Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kienet ikkawżat it-tressiq tardiv tat-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
206 |
Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tinformaha dwar l-investigazzjoni, u dan għal iktar minn sena wara li kienet informat lill-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordju. |
207 |
Dwar dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma qiegħda tallega ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta minn informazzjoni allegatament tardiva dwar l-investigazzjoni. Għall-kuntrarju, hija qiegħda essenzjalment issostni li l-opportunitajiet tagħha li tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni kienu ġew kompromessi. |
208 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel miżura ta’ istruttorja indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni, jiġifieri talba għal informazzjoni, saret fid-29 ta’ Lulju 2004 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Issa, Degussa kienet ressqet it-talba tagħha għal immunità fl-20 ta’ Diċembru 2002 u l-impriżi kkonċernati l-oħra (Atofina, Barlo, u Lucite) kienu neċessarjament informati dwar l-investigazzjoni fil-25 ta’ Marzu 2003, id-data li fiha bdew l-ispezzjonijiet fil-bini tagħhom (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fit-3 ta’ April u fil-11 ta’ Lulju 2003, Atofina u Lucite ressqu t-talbiet rispettivi tagħhom skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, liema talbiet intlaqgħu (ara l-punti 8 u 28 iktar ’il fuq). |
209 |
B’hekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija differenti minn dik tad-destinatarji l-oħra kollha tad-deċiżjoni kkontestata li setgħu jistennew tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni minħabba li hija kienet is-suġġett tal-ewwel miżura ta’ istruttorja sittax-il xahar wara dawn l-impriżi. Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara pereżempju l-punt 183 iktar ’il fuq), il-mument li fih titressaq talba taħt dan l-avviż jista’ jkun determinanti fir-rigward tal-perspettivi ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa. |
210 |
Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ta’ natura li tinvalida l-evalwazzjoni tal-utilità tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni u li twassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa għal din ir-raġuni. |
211 |
Minn naħa, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda dispożizzjoni legali li minnha jitnissel obbligu għall-Kummissjoni sabiex, f’dan l-istadju, tinformaha speċifikament dwar l-investigazzjoni jew sabiex timplementa miżura ta’ istruttorja fir-rigward tagħha b’tali mod, b’mod partikolari, li r-rikorrenti tkun tista’ tressaq, f’ħin xieraq, talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
212 |
Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet espliċitament, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li hija setgħet, bħalma setgħet kull impriża kkonċernata oħra, tressaq talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni f’kull mument u, min-naħa l-oħra, li l-provi li jinsabu fil-proċess juru li hija setgħet tkun taf, ħafna qabel l-ewwel miżura ta’ istruttorja fir-rigward tagħha, li kienet inbdiet investigazzjoni fis-settur tal-metakrilati (ara wkoll il-punti 216 u 217 iktar ’il quddiem). |
213 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar b’mod partikolari li mill-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-16 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li kien fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004, u mill-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament Nru 1/2003, applikabbli wara dik id-data, jirriżulta li l-Kummissjoni “tista’” timplementa miżuri ta’ istruttorja, bħalma huma t-talbiet għal informazzjoni u l-ispezzjonijiet. Kif issostni l-Kummissjoni, ma hemm ebda dispożizzjoni li tobbligaha twettaq tali miżuri simultanjament fir-rigward tal-impriżi kkonċernati kollha. |
214 |
Barra minn hekk, fil-kawża ineżami, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li, sa minn meta rċeviet ittra minn Lucite fis-7 ta’ April 2003, jiġifieri ftit wara l-ispezzjonijiet tal-25 ta’ Marzu 2003, hija kienet taf bil-possibbiltà li r-rikorrenti kienet implikata fil-każ. Hija indikat, madankollu, li, għall-finijiet tal-ħtiġijiet immedjati tal-investigazzjoni, hija ma kinitx ikkunsidrat li kien neċessarju li tikkuntattja lir-rikorrenti f’dak il-mument partikolari. Fil-fatt, peress li d-dipartiment kummerċjali li kien wettaq il-ksur, ICI Acrylics, kien ġie ttrasferit lil Lucite, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-impriża kienet fl-aħħar pożizzjoni, f’dak l-istadju, sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet tagħha dwar l-akkordju sa fejn kellha aċċess għad-dokumenti u għall-membri tal-persunal ikkonċernati. |
215 |
Sa fejn din l-evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti matul is-seduta, jidher li d-deċiżjoni li ma jsirux miżuri ta’ istruttorja fir-rigward tar-rikorrenti qabel id-29 ta’ Lulju 2004 kienet ibbażata fuq elementi oġġettivi. |
216 |
Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pproduċiet żewġ dokumenti li juru li l-eżistenza tal-investigazzjoni inkwistjoni kienet magħmula pubblika mill-Kummissjoni fl-14 ta’ April 2003 u minn Lucite fis-17 ta’ Ġunju 2003, jiġifieri qabel ma Lucite ressqet it-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-11 ta’ Lulju 2003 u ħafna qabel ma r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha f’dan is-sens fit-18 ta’ Ottubru 2004. |
217 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li kien l-aġir tal-Kummissjoni li wassal għat-tressiq tardiv tat-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrikonoxxiet, fid-dawl tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, li hija setgħet tkun taf li kienet infetħet investigazzjoni. Hija għalhekk iddikjarat li l-ilmenti tagħha fir-rigward tal-Kummissjoni kienu qegħdin jiġi ffokati iktar fuq il-mod kif din tal-aħħar aġixxiet fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite (ara l-punti 219 et seq. iktar ’il quddiem). |
218 |
Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq informazzjoni allegatament tardiva dwar l-eżistenza tal-investigazzjoni għandu jiġi miċħud. |
219 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li informat lil Lucite li r-rikorrenti ma kinitx taf bl-investigazzjoni u li skoraġġiet lil Lucite milli tinformaha dwar l-investigazzjoni. |
220 |
Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-mod kif il-Kummissjoni aġixxiet fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite, b’mod partikolari fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003 indirizzata lil din l-impriża, kien jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-Kummissjoni informat lil Lucite li r-rikorrenti kienet għadha ma ressqitx talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u għalhekk il-Kummissjoni ma ħallietx lill-impriżi kkonċernati f’pożizzjoni ugwali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-avviż imsemmi. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti qiegħda għalhekk titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba ksur tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq. |
221 |
Dwar dan il-punt, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fin-noti tagħha, ir-rikorrenti ma invokatx b’mod espliċitu l-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest ineżami. Madankollu, hija kkritikat b’mod abbondanti l-mod kif il-Kummissjoni aġixxiet fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite, filwaqt li sostniet b’mod partikolari li l-aġir tal-Kummissjoni kien wassal sabiex hija “ma [kinitx] informata dwar l-investigazzjoni b’mod li jqiegħda f’pożizzjoni ugwali bħall-parteċipanti l-oħra fl-investigazzjoni” u li l-Kummissjoni kienet “involviet ruħha fit-tellieqa għad-detriment [tar-rikorrenti]”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argument imqajjem matul is-seduta jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv indikat fir-rikors promotur u għandu rabta mill-qrib ma’ dan il-motiv u għalhekk għandu jiġi ddikjarat ammissibbli skont l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C-430/00 P, Ġabra p. I-8547, punt 17; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 278 u 279, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 156), kif sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta. Barra minn hekk, meta ġiet mistiedna sabiex tagħmel osservazzjonijiet dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ma qajmet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument. |
222 |
It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II-1, punt 86), Dan l-obbligu joħroġ mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 269, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, punt 129). |
223 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi, tikser dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa miksur meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
224 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-aġir tal-Kummissjoni fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite. |
225 |
L-argument tar-rikorrenti dwar dan il-punt huwa bbażat fuq skambju ta’ komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u Lucite matul il-proċedura amministrattiva. |
226 |
B’hekk, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2003, jiġifieri ftit ġranet wara l-ispezzjoni tal-25 ta’ Marzu 2003 u qabel ressqet it-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Lucite informat lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, li r-rikorrenti kienet il-proprjetarja tal-“business under investigation” matul il-parti l-kbira tal-perijodu kopert mid-deċiżjoni ta’ ispezzjoni tas-17 ta’ Marzu 2003 u sostniet li l-eventwali responsabbiltà tagħha setgħet tikkonċerna biss il-perijodu minn wara Ottubru 1999. It-tieni nett, Lucite qajmet il-kwistjoni ta’ “jekk il-Kummissjoni [kellhiex] kuntatti ma’ ICI plc jew jekk [kinitx] qiegħda tipproponi li tagħmel dan fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha”. Hija ppreċiżat li “[j]ekk dan ma jkunx il-każ, [hija kienet ser] titlob konferma mingħand il-Kummissjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk kellhiex xi oġġezzjoni li [hija] tikkuntattja lil ICI plc u, meta jkun il-mument opportun, tagħtiha aċċess għall-impjegati tagħha u għad-dokumenti li jikkonċernaw lil ICI Acrylics bil-għan li tkun tista’ tipprepera d-difiża tagħha”. |
227 |
Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-kap tad-diviżjoni responsabbli għall-każ wieġeb kif ġej: “[...] Nixtieq ninformak li aħna ma aħniex qegħdin nieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk Lucite għandhiex tikkuntattja lil ICI plc. Nixtieq iżda niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li f’dan il-każ diġà ngħatat immunità kundizzjonali u li għalhekk kumpanniji oħra li huma involuti fil-proċedura jistgħu jitolbu klemenza biss fuq il-bażi tal-Avviż [dwar il-kooperazzjoni]. Barra minn hekk, il-klemenza tista’ tingħata lil impriża partikolari waħda biss. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li titressaq talba konġunta għal klemenza minn tnejn jew tliet kumpanniji [...]”. |
228 |
Skont ir-rikorrenti, l-ittra tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq informat lil Lucite li r-rikorrenti ma kinitx taf bl-investigazzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li Lucite, mill-ittra u minn kuntatti orali sussegwenti, ingħatat x’tifhem li l-Kummissjoni kienet qiegħda twissiha sabiex ma tikkuntattjax lir-rikorrenti. |
229 |
Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, ir-rikorrenti tqajjem ukoll numru ta’ noti ulterjuri ta’ Lucite, ippreparati wara li din tal-aħħar ressqet it-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fil-11 ta’ Lulju 2003, u wara li r-rikorrenti kienet ġiet formalment informata mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-investigazzjoni, permezz tat-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Lulju 2004 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). |
230 |
B’hekk, f’ittra elettronika tat-12 ta’ Awwissu 2004 indirizzata lir-rikorrenti, l-avukat ta’ Lucite indika b’mod partikolari: “Kif indikajt matul il-laqgħa tagħna, kien hemm numru ta’ osservazzjonijiet ifformulati matul l-investigazzjoni li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma xtaqitx li Lucite tiddiskuti l-affari ma’ ICI”. |
231 |
Bl-istess mod, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ittra elettronika tat-3 ta’ Settembru 2004, indirizzata mill-avukat ta’ Lucite lill-amministratur tal-Kummissjoni responsabbli għall-każ, fejn l-avukat indika li “ICI [kienet] talbet mingħand Lucite numru ta’ dokumenti kif ukoll l-assistenza tagħha, assistenza li Lucite ma [kinitx] kuntrattwalment marbuta li tagħti”. Barra minn hekk, Lucite ippreċiżat li hija “[kienet] eżitanti sabiex tilqa’ tali talbiet mingħajr konferma bil-miktub dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tat-talba [tagħha] għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa” u li dan kien “dovut parzjalment għall-impressjoni li [hija] kienet ħadet fuq il-bażi tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u kuntatti preċedenti mal-Kummissjoni fis-sens li din tal-aħħar ma kinitx ikkuntattjat lil ICI u ma xtaqitx li [hija stess] tikkuntattjaha (minkejja li l-Kummissjoni kienet formalment indikat, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, li hija ma kinitx qiegħda tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni)”. |
232 |
F’ittra tas-7 ta’ Settembru 2004 indirizzata lil Lucite, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellha ebda oġġezzjoni li Lucite tagħti aċċess lir-rikorrenti għall-persunal tagħha u għad-dokumenti tagħha. Fl-istess ħin, hija kkontestat b’mod mill-iktar qawwi li hija kienet tat xi tip ta’ istruzzjoni lil Lucite fir-rigward tal-kuntatti mar-rikorrenti. |
233 |
Fl-aħħar nett, b’reazzjoni għal din l-ittra tal-aħħar, f’ittra tas-7 ta’ Settembru 2004 indirizzata lill-Kummissjoni, Lucite, l-ewwel nett, fakkret il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2003 u, it-tieni nett, indikat dan li ġej: “Matul konverżazzjonijiet telefoniċi u skambji ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub mal-Kummissjoni (li nistgħu nindikawlek fid-dettall jekk ikun neċessarju) kien ċar għal Lucite li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ICI plc ma tiġix ikkuntattjata għalissa. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi u fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni kompleta u sistematika fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni taħt l-Avviż [dwar il-kooperazzjoni], Lucite ikkonkludiet — konklużjoni li, fil-fehma tagħna, kienet konklużjoni sostanzjalment konformi — li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-possibbiltà li Lucite tikkuntattja lil ICI plc fil-kuntest tal-investigazzjoni inkwistjoni, u dan minkejja li, kif enfasizzajt fl-ittra tiegħek tal-lum, il-Kummissjoni ma ħarġitx ‘istruzzjoni’ formali dwar din il-kwistjoni.” |
234 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti (ara l-punt 220 iktar ’il fuq), l-iskambji msemmija, u b’mod partikolari l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2003, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba jew ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
235 |
B’mod partikolari, minn dawn l-iskambji jirriżulta b’mod ċar, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li hija ma tat ebda istruzzjoni formali lil Lucite, fir-rigward tal-opportunità li tikkuntattja lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni. Fil-fatt, fl-ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni espliċitament iddikjarat li hija ma kinitx qiegħda tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, fin-noti tagħha, Lucite stess tammetti li l-Kummissjoni ma tatx tali istruzzjoni u tirreferi biss għall-“impressjoni” tagħha li l-Kummissjoni “ma ħaditx pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-possibbiltà li Lucite tikkuntattja [lir-rikorrenti]”. |
236 |
Barra minn hekk, ir-riferiment ġenerali li Lucite tagħmel għall-konverżazzjonijiet telefoniċi u għal kuntatti oħra mal-Kummissjoni (ara l-punti 231 u 233 iktar ’il fuq), ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tal-kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (ara l-punt 232 iktar ’il fuq) u fin-nuqqas ta’ provi oħra, li effettivament kienu ngħatawlha tali istruzzjonijiet. |
237 |
Bl-istess mod, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma indikatx lil Lucite jekk hija kinitx diġà kkuntattjat lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni jew jekk ir-rikorrenti kinitx diġà ressqet talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
238 |
Huma minnu li l-formulazzjoni tal-ittra tat-8 ta’ Mejju 2003 setgħet raġonevolment tinftiehem minn Lucite fis-sens li ma kienx fl-interess tagħha li din tikkuntattja lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni sabiex tagħtiha aċċess għall-impjegati tagħha u għad-dokumenti dwar ICI Acrylics bil-għan li r-rikorrenti tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ddikjaratx sempliċement li hija “ma kinitx qiegħda tieħu pożizzjoni” dwar din il-kwistjoni, iżda kompliet l-ittra tagħha billi indikat, essenzjalment, il-kundizzjonijiet li fihom Lucite setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa, filwaqt li enfasizzat li l-klemenza setgħet tingħata biss lil impriża partikolari waħda biss. Fuq din il-bażi, Lucite setgħet tassumi wkoll li r-rikorrenti, f’dak l-istadju, ma kinitx informata dwar l-eżistenza tal-investigazzjoni u ma kinitx ressqet talba għal klemenza. |
239 |
Barra minn hekk, in-noti ulterjuri ta’ Lucite (ara l-punti 230, 231 u 233 iktar ’il fuq) jikkonfermaw b’mod ċar li dan kien effettivament il-mod kif hija fehmet il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, espressa fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003. |
240 |
Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipji mqajma mir-rikorrenti. |
241 |
Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, fis-sens li l-klemenza setgħet tingħata biss lil impriża partikolari waħda biss u li għalhekk ma kienx possibbli li titressaq talba konġunta għal klemenza minn żewġ kumpanniji. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’din l-ittra, il-Kummissjoni sempliċement tindika lil Lucite il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
242 |
Issa, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-avviż imsemmi, Lucite kien imissha kellha hija stess dubji dwar jekk il-fatt li tikkuntattja lir-rikorrenti setax ikun ta’ natura li jinfluwenza negattivament l-opportunitajiet tagħha li tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, dan joħroġ mill-ittra tagħha tas-7 ta’ April 2003 (ara l-punt 226 iktar ’il fuq) fejn titlob preċiżament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. Bl-istess mod, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li jinkoraġġixxi lil kull impriża sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni qabel l-impriżi kkonċernati l-oħra, Lucite kien imissha, fi kwalunkwe każ, hija u tanalizza l-istrateġija tagħha fil-kuntest tal-investigazzjoni, telqet mill-ipoteżi li r-rikorrenti kienet il-kompetitriċi potenzjali tagħha fit-“tellieqa” għall-klemenza. |
243 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li, permezz tal-kuntatti msemmija iktar ’il fuq ma’ Lucite, il-Kummissjoni “involviet ruħha fit-tellieqa għad-detriment [tar-rikorrenti]”, kif issostni din tal-aħħar (ara l-punt 221 iktar ’il fuq). Fil-fatt, fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Lucite seta’ raġonevolment ikollha konoxxenza tal-informazzjoni li ngħatatilha. |
244 |
B’hekk, id-deċiżjoni ta’ Lucite li ma tikkuntattjax lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni għandha titqies bħala r-riżultat tal-perspettiva li kellha hija stess fir-rigward tal-interess tagħha fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ Lucite kienet tkun differenti biss li kieku l-Kummissjoni kienet espliċitament awtorizzatha sabiex tikkuntattja lir-rikorrenti filwaqt li tiggarantilha li dan ma kienx ser ikollu impatt fuq l-opportunitajiet tagħha minħabba kooperazzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tallega li l-Kummissjoni kienet obbligata tipprovdi lil Lucite tali garanziji, fid-dawl tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament invokati minnha jew, barra minn hekk, fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
245 |
B’hekk, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma b’mod ċar differenti minn dawk fil-kawża li wasslet għas-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, fejn il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament kien jirriżulta minn kummenti li kienu jiddiskriminaw b’mod ċar lill-kumpannija kkonċernata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, punt 136). Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex stabbilit li kien hemm tali sitwazzjoni fil-kawża ineżami. |
246 |
Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud. |
247 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka effettivament l-aġir tal-Kummissjoni fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite sabiex tikkontesta l-applikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tagħha. |
248 |
Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-utilità oġġettiva tal-provi kkomunikati fir-rigward tal-iskoperta u tal-konstatazzjoni tal-ksur, u min-naħa l-oħra, li din il-komunikazzjoni hija intiża li tinkoraġġixxi lill-membri ta’ kartelli sabiex jikkooperaw mal-Kummissjoni minn rajhom. Issa, il-Kummissjoni ma tistax titqies li hija responsabbli la għall-portata limitata tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti u lanqas għan-natura tardiva tal-kooperazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, dawn l-elementi huma imputabbli lir-rikorrenti stess, kif jirriżulta mill-proċess, u, jekk ikun il-każ, lis-sitwazzjoni fattwali oġġettiva li fiha kienet tinsab minħabba t-trasferiment ta’ ICI Acrylics lil Lucite. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tirrikonoxxi li hija setgħet tkun taf bl-investigazzjoni minn tal-inqas mill-14 ta’ April 2003 (ara l-punti 212, 216 u 217 iktar ’il fuq). |
249 |
Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti dwar dan il-punt li kieku l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, kienet sempliċement astjeniet milli tieħu pożizzjoni dwar it-talba ta’ Lucite. Għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, fis-sens li, fi kwalunkwe każ, ma kienx possibbli li titressaq talba konġunta f’dan ir-rigward mir-rikorrenti u minn Lucite. |
250 |
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar ir-rifjut li jiġi rrikonoxxut il-mertu tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
251 |
Sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega li għandha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u dan minħabba l-kooperazzjoni volontarja kunsiderevoli min-naħa tagħha matul l-investigazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li hija kkontribwixxiet b’kooperazzjoni effettiva u utli meta pprovdiet informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li l-Kummissjoni kienet talbet skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, bħalma huma b’mod partikolari l-provi inkriminanti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tagħha fir-rigward tal-folji solidi tal-PMMA. |
252 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tidentifika ċirkustanza attenwanti dwar il-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
253 |
F’dan il-każ, fil-premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li hija kienet eżaminat, taħt id-dispożizzjoni msemmija, jekk il-kooperazzjoni ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati kinitx ippermettitilha li tikkonstata l-eżistenza tal-ksur b’inqas diffikultà. Fil-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tipprovdi li, fid-dawl tal-portata u tal-valur ferm limitati tal-kooperazzjoni tagħhom u fid-dawl tal-kontestazzjoni tagħhom tal-fatti apparti din il-kooperazzjoni limitata, ma kien hemm ebda ċirkustanza oħra li kienet twassal għal tnaqqis tal-ammonti tal-multi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tnaqqis li fi kwalunkwe każ, fil-każijiet dwar akkordji sigrieti, jista’ jkun biss ta’ natura eċċezzjonali. |
254 |
Dwar dan il-punt tal-aħħar, il-Kummissjoni ċċitat id-deċiżjoni tagħha C (2005) 4012 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 — Tabakk mhux immanifatturat — l-Italja), fejn hija rtirat l-immunità kundizzjonali mogħtija lil impriża minħabba li din kienet sussegwentement naqset milli twettaq l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Il-Kummissjoni kienet xorta waħda tat lil din l-impriża tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti fis-sens tal-Linji gwida sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni sostanzjali li din l-impriża kienet tat lill-investigazzjoni tagħha. |
255 |
Barra minn hekk, fir-rigward b’mod speċifiku tar-rikorrenti, il-Kummissjoni sostniet ukoll, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
256 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata sa fejn limitat il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa lil hinn mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għal “ċirkustanzi eċċezzjonali” (premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata). |
257 |
Dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
258 |
Fil-fatt, l-applikazzjoni tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tagħha. Issa, mill-imsemmija komunikazzjoni jirriżulta b’mod ċar li din il-komunikazzjoni tiddefinixxi l-qafas li fil-kuntest tagħha jistgħu jiġu kkumpensati, minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi li huma jew li kienu msieħba f’akkordji sigrieti b’impatt fuq l-Unjoni. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-impriżi jistgħu jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom biss meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-avviż. |
259 |
Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti effettivament ressqet talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li l-kooperazzjoni tagħha kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-avviż għalkemm tqieset insuffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant, din il-kawża hija nettament differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T-224/00, Ġabra p. II-2597), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, f’din il-kawża tal-aħħar, l-impriża kkonċernata pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar atti li fir-rigward tagħhom, fi kwalunkwe każ, hija ma setgħetx tevita multa u li għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-impriża msemmija kien xorta waħda jistħoqqilha tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, u dan fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-kooperazzjoni tagħha kienet ippermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi tul itwal għall-ksur (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 294 sa 298, 306 u 311). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, f’dik is-sentenza, ma aċċettatx li l-kooperazzjoni ta’ impriża tista’ tkun ikkumpensata anki jekk ma tissodisfax il-kriterju tal-valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. |
260 |
Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti fis-sens li, essenzjalment, tnaqqis tal-ammont tal-multa jkun iġġustifikat għas-sempliċi raġuni li impriża tikkomunika informazzjoni li tmur lil hinn minn dik li l-Kummissjoni tkun talbet il-produzzjoni tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, bħalma huma b’mod partikolari provi inkriminanti. |
261 |
Huwa minnu li ġie deċiż li l-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tagħti ebda dritt għal xi tnaqqis tal-ammont tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx marret lil hinn minn dak li jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punti 341 u 342, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, punt 451). Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li raġunament bil-maqlub huwa wkoll minnu. Fil-fatt, anki provi inkriminanti jistgħu jkunu ta’ utilità limitata għall-Kummissjoni, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet preċedenti minn impriżi oħra. Issa, l-utilità ta’ informazzjoni tikkostitwixxi l-element determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq). |
262 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li s-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida kellha tkun fuq bażi eċċezzjonali. |
263 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-kriterju taċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” kien sodisfatt fil-każ ineżami. Hija tippreċiża li hija applikat sforzi kunsiderevoli sabiex tippreżenta dokumenti ta’ attwalità, li sussegwentement ġew iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, u dan minkejja li hija kienet ittrasferiet ICI Acrylics ħames snin qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, minkejja li ma kellha konoxxenza ta’ ebda wieħed mill-fatti inkwistjoni u kienet tħalliet barra mill-investigazzjoni sa stadju tardiv tagħha u li hija kienet tqiegħdet f’pożizzjoni sfavorevoli fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni “mingħajr raġuni leġittima”. |
264 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma rribattietx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li, minn total ta’ 168 dokument mibgħuta lilha mir-rikorrenti, uħud minnhom kienu utli biss fir-rigward ta’ informazzjoni ġenerali, pereżempju fuq ċerti aspetti tal-implementazzjoni tal-akkordju, filwaqt li ebda wieħed minnhom ma ppermetta lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-fatti, fid-dawl tal-informazzjoni li kellha diġà fil-pussess tagħha (premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata). |
265 |
It-tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċirkustanzi ineżami humiex tant “eċċezzjonali” li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma tistax tinjora l-kwalità u l-utilità oġġettiva tal-informazzjoni mibgħuta għall-finijiet tal-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq). |
266 |
Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-utilità tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kienet limitata ħafna sa fejn, b’mod partikolari, ma ppermettietx lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza, il-portata jew it-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, punti 302 u 311). |
267 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-provi invokati mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 263 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni li t-tressiq tardiv tat-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni seta’ jiġi imputat lill-aġir tal-Kummissjoni (ara l-punti 212, 216 u 217 iktar ’il fuq). |
268 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti fis-sens li, meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li ttrattat lir-rikorrenti bl-istess mod bħall-parteċipanti fl-akkordju li ma kinux ikkooperaw minkejja li r-rikorrenti u dawn tal-aħħar ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet analogi. |
269 |
F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriżi, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, punt 308 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
270 |
Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjoni komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
271 |
Ir-rikorrenti ma tistabbilixxix ksur ta’ dan il-prinċipju fil-kawża ineżami. |
272 |
Minn naħa, ir-rikorrenti ma tirribattix l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-Kummissjoni ttrattat lir-rikorrenti bl-istess mod bħall-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordju li ressqu talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, filwaqt li evalwat il-provi pprovduti minn kull waħda minn dawn il-parteċipanti. |
273 |
Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ Barlo, jiġifieri l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata li ma ressqitx tali talba, u li, bħar-rikorrenti, ma ngħatatx tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li, l-istess bħal Barlo, ir-rikorrenti ma pprovdietx informazzjoni li l-utilità tagħha kienet tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ Barlo, fid-dawl tal-għan segwit mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa li r-rikorrenti qiegħda tippretendi fil-kuntest ta’ dan il-motiv, u li r-rikorrenti ngħatat, f’dan ir-rigward, l-istess trattament. |
274 |
Barra minn hekk, u għal kwalunkwe utilità li din il-kunsiderazzjoni jista’ jkollha, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (T-208/06, Ġabra p. II-7953, punt 274), jirriżulta li Barlo wkoll ikkooperat, sa ċertu punt, mal-Kummissjoni, mingħajr ma din il-kooperazzjoni kienet iġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa. |
275 |
Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. |
276 |
Barra minn hekk, għar-raġunijiet preċedenti, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames motiv ma jippermettux li jiġi ġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. |
277 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq is-sitt motiv, imqajjem matul is-seduta bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura
278 |
Ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċedura amministrattiva u tal-proċedura ġudizzjarja, meta kkunsidrati flimkien, jeċċeddi żmien raġonevoli, bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, hija tosserva li l-ewwel miżura adottata fil-konfront tagħha fil-kuntest ta’ din l-affari tmur lura għad-29 ta’ Lulju 2004 u li, meta nżammet is-seduta, fit-8 ta’ Novembru 2011, hija kienet għadha qiegħda tistenna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. |
279 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika speċifikament it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bejn l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali. Hija ssostni li ma taf b’ebda ċirkustanza li tista’ tiġġustifika dan it-tul. |
280 |
Għaldaqstant, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, u fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott inkonnessjoni mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P), u Solvay vs Il-Kummissjoni (C-110/10 P), Ġabra p. I-10329 u Ġabra p. I-10439 rispettivament, ir-rikorrenti ssostni li t-tul eċċessiv tal-proċedura kellu jwassal għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata. |
281 |
Il-Kummissjoni ssostni li jeżistu ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw it-tul tal-proċedura. Fi kwalunkwe każ, hija tenfasizza l-fatt li dan il-motiv ma jistax jiġi indirizzat kontra d-deċiżjoni kkontestata u li t-tul tal-proċedura amministrattiva ma jistax jitqies bħala eċċessiv. Barra minn hekk, hija tosserva li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex ċari. |
282 |
F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipprovdi li kull persuna hija intitolata għal smigħ imparzjali, pubbliku u fi żmien raġonevoli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, li għandha tiddeċiedi jew dwar kontestazzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet u l-obbligi ċivili tagħha jew dwar il-fondatezza ta’ kull akkuża kriminali kontra tagħha. |
283 |
Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tali dritt japplika fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan id-dritt ġie kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), li jikkonċerna l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punti 178 u 179, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
284 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli japplika wkoll fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala tali, dan il-prinċipju ġie kkonfermat fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. |
285 |
Għalhekk, l-Artikolu 41(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistqarru darbtejn l-istess prinċipju ta’ natura proċedurali, jiġifieri dak li l-individwi jistgħu jistennew li deċiżjoni tiġi adottata fi żmien raġonevoli. |
286 |
Fil-kawża ineżami, filwaqt li ssostni l-ksur ta’ dan il-prinċipju, ir-rikorrenti ma tallegax li t-tul tal-proċedura kellu xi tip ta’ impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew li dan it-tul jista’ jaffettwa s-soluzzjoni ta’ din il-kawża. B’mod partikolari, hija ma tallegax li dan it-tul kellu xi tip ta’ effett fuq il-possibbiltajiet tagħha sabiex tipprepara d-difiża tagħha, la waqt il-proċedura amministrattiva u lanqas matul il-proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, hija lanqas ma qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-ksur allegat. |
287 |
Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul eċċessiv tal-proċedura għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa għal din ir-raġuni, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq. |
288 |
Għandu jitfakkar li l-kawża li wasslet għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, kienet tikkonċerna appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali li, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha f’dan ir-rigward, kienet imponiet fuq ir-rikorrenti multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ġurisdizzjoni sħiħa li tista’ tibbenefika minnha l-Qorti tal-Ġustizzja meta tannulla sentenza tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi dwar ir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 206). |
289 |
Fil-punt 33 tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’dan ir-rigward id-dritt tar-rikorrenti għal proċess ġust fi żmien raġonevoli u, b’mod partikolari, għall-għoti ta’ deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-akkużi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mressqa kontriha mill-Kummissjoni u tal-multi li jkunu ġew imposti fuqha (sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 207). |
290 |
Wara li kkonstatat li, f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali kienet ħadet iktar minn żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex tiggarantixxi rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità proċedurali, li permezz ta’ annullament u ta’ tibdil tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali limitati għall-kwistjoni biss tal-iffissar tal-ammont tal-multa, hija setgħet, fil-kawża ineżami, tagħti s-sodisfazzjon ġust meħtieġ (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 47, 48 u 141, u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 208). |
291 |
Għandu jiġi kkonstatat li din is-soluzzjoni hija applikabbli, b’analoġija, għall-kawża ineżami. |
292 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, u li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ressqet talbiet f’dan is-sens. |
293 |
Issa, kif diġà ġie deċiż, din il-ġurisdizzjoni sħiħa tippermetti lill-Qorti Ġenerali tirriforma l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex tibdel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta (sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 692; Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 86, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 577). |
294 |
B’hekk, fl-eventwalità li f’din il-kawża jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, inkluż, jekk ikun il-każ, minħabba t-tul tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tkun tista’, billi tirriforma d-deċiżjoni kkontestata, tikkundanna lir-rikorrenti tħallas ammont li minnu, jekk ikun il-każ, titnaqqas parti bħala sodisfazzjon ġust għat-tul eċċessiv tal-proċedura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 210). |
295 |
Tali eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa huwa meħtieġ, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex jiġi żgurat rimedju immedjat u effettiv kontra tali ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 48). |
296 |
Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza meħtieġa sabiex tiddeċiedi dwar it-talba espliċita tar-rikorrenti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, inkluż sa fejn din it-talba tikkonċerna t-tul tal-proċedura quddiemha [ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, iċċitati fil-punt 280 iktar ’il fuq, punti 243 285 (Kawża C-109/10 P) u punti 86 u 118 (Kawża C-110/10 P)]. |
297 |
Barra minn hekk, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li dan il-motiv jikkonċerna t-tul globali tal-proċedura fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri t-tul ikkunsidrat flimkien tal-proċedura amministrattiva u ta’ dik ġudizzjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm tqajjem biss matul is-seduta, dan il-motiv ma jistax jitqies li huwa inammissibbli minħabba n-natura tardiva tiegħu, inkluż sa fejn jikkonċerna t-tul tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, it-tul globali tal-proċedura jikkostitwixxi punt ta’ fatt ġdid li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġġustifika t-tressiq ta’ dan il-motiv fil-mori tal-kawża. |
298 |
F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li t-tul tal-proċedura kkritikat mir-rikorrenti jaqa’ bejn id-29 ta’ Lulju 2004, id-data li fiha ttieħdet l-ewwel miżura ta’ istruttorja indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u t-8 ta’ Novembru 2011, id-data li fiha nżammet is-seduta f’din il-kawża. Dan it-tul għalhekk huwa ta’ madwar seba’ snin u erba’ xhur. |
299 |
In-natura raġonevoli ta’ dan iż-żmien għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interess tal-kawża għall-persuna kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll tal-aġir tal-persuna kkonċernata u ta’ dak tal-awtoritajiet kompetenti (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 29, u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 212). |
300 |
Għandu jiġi osservat li dan it-tul globali kkritikat mir-rikorrenti jista’ jinqasam f’żewġ fażijiet manifestament distinti, jiġifieri l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u l-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali. |
301 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma spjegatx kif it-tul ta’ din il-proċedura jista’, bħala tali, jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv. |
302 |
Fi kwalunkwe każ, dan it-tul fir-rigward tar-rikorrenti (madwar sena u għaxar xhur, bejn id-29 ta’ Lulju 2004 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-31 ta’ Mejju 2006) ma jistax, fiċ-ċirkustanzi ineżami, jitqies bħala wieħed eċċessiv. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li kienet involuta investigazzjoni li implikat numru kbir ta’ impriżi u li kienet teħtieġ l-eżami ta’ numru kbir ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-proċedura mill-Kummissjoni fil-premessi 79 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu identifikati perijodi ta’ inattività mhux ġustifikata. |
303 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat it-tul tal-proċedura ġudizzjarja fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża ineżami (ara l-punt 299 iktar ’il fuq). |
304 |
Fir-rigward tal-interess tal-kawża għar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma tqajjem ebda argument f’dan ir-rigward. |
305 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti, fil-kawża ineżami, ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonstata r-responsabbiltà tagħha għall-ksur tal-Artikolu 81 KE. B’hekk, ir-rikorrenti ma talbitx li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-akkużi magħmula fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni u għalhekk il-kawża ma tikkonċernax il-kwistjoni ta’ jekk jeżistix jew le ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 30 u 33, u Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 283 iktar ’il fuq, punt 186). |
306 |
B’hekk, l-uniku interess li din il-kawża jista’ jkollha għar-rikorrenti jikkonċerna l-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jippermetti li tiġi evalwata l-importanza ta’ dan l-interess għaliha. |
307 |
Barra minn hekk, għalkemm, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li l-motivi invokati insostenn ta’ dan ir-rikors, anki jekk jitqiesu kollha bħala fondati, ma setgħux iwasslu direttament għat-tħassir tal-multa iżda għal tnaqqis tal-ammont tagħha biss. |
308 |
Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li din il-kawża għandha interess importanti għar-rikorrenti. |
309 |
Fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti, dan ma kkontribwixxiex b’mod sinjifikattiv għat-tul tal-proċedura. |
310 |
Fir-rigward tal-aġir tal-awtoritajiet kompetenti u tal-kumplessità tal-kawża, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-perijodu bejn id-data tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub fil-11 ta’ April 2007 u d-data tal-ftuħ tal-proċedura orali fil-15 ta’ Settembru 2011 (madwar erba’ snin u ħames xhur), tul ikkritikat mir-rikorrenti, huwa wieħed kunsiderevoli. |
311 |
Madankollu, dan it-tul huwa dovut għaċ-ċirkustanzi u għall-kumplessità tal-kawża. |
312 |
B’hekk, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li erbatax-il kumpannija, li jikkostitwixxu ħames impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, kienu kisru l-Artikolu 81 KE permezz ta’ numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-metakrilati (ara l-punti 1 sa 4 iktar ’il fuq). Ir-rikors tar-rikorrenti jikkostitwixxi wieħed minn ħames rikorsi kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ġew ippreżentati f’żewġ lingwi tal-kawża differenti. |
313 |
Dawn ir-rikorsi qajmu numru kunsiderevoli ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li rrikjedew istruttorja approfondita min-naħa tal-Qorti Ġenerali, istruttorja li implikat, b’mod partikolari, miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati f’kull waħda minn dawn il-kawża kif ukoll il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura f’waħda minnhom. |
314 |
Barra minn hekk, minħabba li dawn ir-rikorsi kienu relatati, fid-dawl tas-suġġett tagħhom, kien meħtieġ li dawn jiġu eżaminati, parzjalment, b’mod parallel. Madankollu, ħlief għal konnessjoni iktar mill-qrib bejn tnejn minn dawn ir-rikorsi (Kawżi T-206/06 u T-217/06), kull wieħed minn dawn ir-rikorsi qajjem punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti, b’tali mod li l-effetti ta’ sinerġija kienu limitati. Il-Qorti Ġenerali għalhekk tat ħames sentenzi, b’din is-sentenza tkun l-aħħar waħda f’dan il-grupp, filwaqt li s-sentenzi l-oħra huma tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (T-206/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra), Arkema France et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 171 iktar ’il fuq, tal-15 ta’ Settembru 2011, Lucite International u Lucite International UK vs Il-Kummissjoni (T-216/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra), u tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (T-208/06, Ġabra p. II-7953). |
315 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-istruzzjoni approfondita tal-kawża ppermettiet b’mod partikolari li din is-sentenza tingħata fi żmien relattivament qasir wara l-għeluq tal-proċedura orali fil-15 ta’ Diċembru 2011, u dan minkejja r-restrizzjonijiet lingwistiċi imposti fuq il-Qorti Ġenerali skont ir-Regoli tal-Proċedura. |
316 |
B’hekk, it-tul tal-proċedura ġudizzjarja kkunsidrata b’mod ġenerali jammonta għal ħames snin u disa’ xhur. |
317 |
Issa, fin-nuqqas ta’ argument min-naħa tar-rikorrenti fir-rigward tal-interess li għandha din il-kawża għaliha, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 305 sa 308 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-kawża, minħabba n-natura tagħha jew minħabba l-importanza tagħha għar-rikorrenti, ma kinitx teħtieġ ħeffa partikolari, dan it-tul ma huwiex ta’ natura, fiċ-ċirkustanzi ineżami, li jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa mitlub. |
318 |
Din il-konstatazzjoni għandha ssir, a fortiori, fir-rigward tat-tul globali tal-proċedura amministrattiva u tal-proċedura ġudizzjarja li huwa s-suġġett ta’ dan il-motiv (ara l-punti 297 u 298 iktar ’il fuq), li, meta kkunsidrat b’mod globali, ma jistax jitqies bħala eċċessivament twil fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżaminati iktar ’il fuq. |
319 |
Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud, kif għandu jiġi miċħud ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
320 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Czúcz Labucka Gratsias Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ġunju 2012. Firem |
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
Id-dritt |
|
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA |
|
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-“ammont bażiku” tal-multa |
|
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li taqsam l-“ammont bażiku” bejn ir-rikorrenti u Lucite |
|
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura inadegwata taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv |
|
Fuq l-ewwel parti tal-motv, ibbażata fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċitŕ finanzjarja effettiva tar-rikorrenti |
|
Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament |
|
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ir-rifjut mhux ġustifikat li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni |
|
Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar ir-rifjut li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni |
|
– Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-valur miżjud tal-provi inklużi fit-talba skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni |
|
– Fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dewmien li bih ir-rikorrenti pprovdiet il-provi tagħha meta mqabbla mal-impriżi kkonċernati l-oħra |
|
Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar ir-rifjut li jiġi rrikonoxxut il-mertu tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni |
|
Fuq is-sitt motiv, imqajjem matul is-seduta bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura |
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża T-214/06,
Imperial Chemical Industries Ltd, li kienet Imperial Chemical Industries pls, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn D. Anderson, QC, H. Rosenblatt, B. Lebrun, avukati, W. Turner, S. Berwick u T. Soames, solicitors, sussegwentement minn R. Wesseling u C. Swaak, u finalment minn R. Wesseling, C. Swaak u F. ten Have, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Bottka, I. Chatzigiannis u F. Amato, sussegwentement minn V. Bottka, I. Chatzigiannis u F. Arbault, u finalment minn V. Bottka u J. Bourke, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 — Metakrilati), jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta permezz ta’ din id-dispożizzjoni,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),
komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 — Metakrilati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat, b’mod partikolari, li ċertu numru ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul diversi perijodi bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u t-12 ta’ Settembru 2002, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-metakrilati, li kienu jkopru t-territorju kollu taż-ŻEE (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).
2. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan kien ksur uniku u kontinwu, li kien ikopri t-tliet prodotti tal-polimetakrilat tal-metil (iktar ’il quddiem il-“PMMA” segwenti: il-komponenti tal-forom (moulding compounds), il-folji solidi (solid sheet) u l-folji għal tagħmir sanitarju (sanitary ware). Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li għalkemm dawn it-tliet prodotti tal-PMMA huma distinti kemm mill-aspett fiżiku kif ukoll mill-aspett kimiku u għandhom użi differenti, dawn jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu grupp ta’ prodotti omoġenu wieħed minħabba l-materja prima komuni tagħhom, jiġifieri il-metrakrilat tal-metil (iktar ’il quddiem il-“MMA”) (premessi 4 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata).
3. Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur inkwistjoni kkonsista f’diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kif ukoll fil-konklużjoni, fl-implementazzjoni u fis-sorveljanza ta’ ftehim dwar il-prezzijiet li kienu maħsuba sabiex jinkisbu żidiet jew, minn tal-inqas, stabbilizzazzjoni tal-livell tal-prezz eżistenti, fl-eżami tal-impatt tan-nefqa tas-servizzi addizzjonali fuq ix-xerrejja, fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment importanti u kunfidenzjali dwar is-swieq u/jew dwar l-impriżi, kif ukoll fil-parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u f’kuntatti oħra maħsuba sabiex jiġi ffaċilitat il-ksur (Artikolu 1 u premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).
4. Id-deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lil Degussa AG, lil Röhm GmbH & Co. KG, lil Para-Chemie GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Degussa”), lil Total SA, lil Elf Aquitaine SA, lil Arkema SA (li kienet Atofina SA), lil Altuglas International SA, lil Altumax Europe SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Atofina”), lil Lucite International Ltd, lil Lucite International UK (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Lucite”), lil Quinn Barlo Ltd, lil Quinn Plastics NV, lil Quinn Plastics GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, imsejħa “Barlo”), kif ukoll lir-rikorrenti, Imperial Chemical Industries Ltd (li kienet Imperial Chemical Industries plc).
5. Ir-rikorrenti hija l-kumpannija parent tal-grupp Imperial Chemical Industries u tipproduċi speċjalitajiet kimiċi. Sa mill-1990, il-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti koperti mid-deċiżjoni kkontestata fi ħdan il-grupp kienu ġestiti minn ICI Acrylics, dipartiment kummerċjali distint li iżda ma huwiex inkorporat fil-forma ta’ kumpannija. Permezz ta’ kuntratt konkluż fit-3 ta’ Ottubru 1999, l-attivitajiet u l-assi ta’ ICI Acrylics inbiegħu lil Ineos Acrylics UK Parent Co 2 Ltd u lil Ineos Acrylics UK Trader Ltd, li sussegwentement saru, rispettivament, Lucite International Holdings Ltd u Lucite International UK Ltd.
6. L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nfetħet wara li Degussa ressqet, fl-20 ta’ Diċembru 2002, talba għal immunità taħt l-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).
7. Fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ Atofina, ta’ Barlo, ta’ Degussa u ta’ Lucite.
8. Fit-3 ta’ April u fil-11 ta’ Lulju 2003 rispettivament, Atofina u Lucite ressqu talba għal immunità jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata).
9. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni wieġbet għall-mistoqsija magħmula minn Lucite fis-sens jekk din tal-aħħar kellhiex tikkuntattja lir-rikorrenti u tagħtiha aċċess għall-impjegati u għad-dokumenti tagħha sabiex tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha.
10. Fid-29 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lil diversi impriżi, fosthom lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Din it-talba kienet l-ewwel miżura ta’ istruttorja indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni.
11. Fit-18 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti ressqet talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-11 ta’ Awwissu 2005 l-Kummissjoni informatha li t-talba tagħha kienet ġiet irrifjutata.
12. Fis-17 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar ksur uniku u kontinwu li kien jikkonċerna l-MMA, il-komponenti tal-forom tal-PMMA, il-folji solidi tal-PMMA u l-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA u indirizzatha, b’mod partikolari, lir-rikorrenti u lil Lucite. Billi kkunsidrat li l-bejgħ ta’ ICI Acrylics lil Ineos (li saret Lucite) twettaq fl-1 ta’ Ottubru 1999, il-Kummissjoni qieset it-30 ta’ Settembru 1999 bħala d-data li fiha ntemm il-ksur imputat lir-rikorrenti.
13. It-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha d-data tal-4 ta’ Novembru 2005.
14. Inżamm smigħ fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005.
15. Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Frar 2006, bi tweġiba għal talba mill-Kummissjoni, Lucite pprovdiet kjarifikazzjoni dwar id-data tax-xiri ta’ ICI Acrylics.
16. Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni bagħtet l-ittra msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq lir-rikorrenti sabiex din tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.
17. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2006.
18. Fil-31 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni abbandunat uħud mill-oġġezzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, b’mod partikolari, l-oġġezzjonijiet magħmula fil-konfront tal-kumpanniji kkonċernati kollha fir-rigward tal-aspett tal-ksur li jikkonċerna l-MMA (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata).
19. L-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur deskritt fil-punti 2 u 3 iktar ’il fuq matul il-perijodu bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u l-1 ta’ Novembru 1999.
20. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet il-persuna ġuridika li minnha kien jagħmel parti, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, id-dipartiment kummerċjali li kien wettaq il-ksur inkwistjoni, jiġifieri ICI Acrylics. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kellha titqies bħala impriża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li kienet qiegħda tipparteċipa fl-aġir kollużiv inkwistjoni, u li d-deċiżjoni kkontestata kellha għalhekk tiġi indirizzata lilha (premessi 288 sa 290 tad-deċiżjoni kkontestata).
21. Fir-rigward tad-data li fiha ntemm il-perijodu ta’ ksur imputat lir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddikjarat li, fid-dawl tat-tweġiba ta’ Lucite għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet ser tikkunsidra d-data tat-2 ta’ Novembru 1999, li fiha sar it-trasferiment tal-proprjetà f’ICI Acrylics, sabiex taqsam ir-responsabbiltajiet bejn ir-rikorrenti u Lucite (premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat l-1 ta’ Novembru 1999 bħala d-data li fiha ntemm il-ksur imputat lir-rikorrenti, filwaqt li ppreċiżat li din il-bidla fil-konfront tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kellhiex impatt fuq l-ammont tal-multa (premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata).
22. L-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi multa ta’ EUR 91 406 250 fuq ir-rikorrenti.
23. Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni eżaminat il-gravità tal-ksur u kkonstatat, l-ewwel nett, li, fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li dan il-ksur kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE, dan kien ksur serju ħafna fis-sens tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) (premessi 319 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata).
24. It-tieni nett, hija kkunsidrat li, fil-kategorija ta’ ksur serju ħafna, l-impriżi setgħu jkunu suġġetti għal trattament iddifferenzjat b’tali mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw ħsara kunsiderevoli għall-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kkonstatat li fil-każ ineżami l-impriżi kkonċernati setgħu “jiġu subdiviżi fi [tliet] kategoriji fuq il-bażi tal-piż relattiv tagħhom fid-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti tal-PMMA li fir-rigward tagħhom [kienu] ipparteċipaw fl-akkordju”, filwaqt li ħadet bħala referenza d-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn dawn il-prodotti fl-2000 fuq il-livell taż-ŻEE. Il-Kummissjoni qiegħdet lir-rikorrenti u lil Lucite fit-tieni kategorija, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ Lucite ġġenerat mit-tliet prodotti tal-PMMA kkonċernati fl-2000 (EUR 105.98 miljun), u ffissat l-ammonti inizjali tal-multi tagħhom bħala EUR 32.5 miljun (premessi 332 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata).
25. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li, fil-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala tal-multi li setgħu jiġu imposti kienet tippermetti wkoll li l-ammont tal-multi jiġi ffissat f’livell li jiggarantixxi li dawn il-multi jkollhom effett dissważiv suffiċjenti, u dan fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ kull impriża. Fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ totali tar-rikorrenti fl-2005 (EUR 8.49 biljuni), il-Kummissjoni applikat fattur multiplikatur ta’ 1.5 għall-ammont inizjali tal-multa tagħha, sabiex b’hekk dan l-ammont żdied għal EUR 48.75 miljun.
26. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat it-tul tal-ksur u kkonstatat li, peress li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur għal sentejn u disa’ xhur, l-ammont inizjali tal-multa tagħha kellu jiżdied b’25 %. B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa kkalkolat għar-rikorrenti jammonta għal EUR 60 937 500 (premessi 351 sa 354 tad-deċiżjoni kkontestata).
27. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza eventwali ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li, fid-dawl tal-eżistenza ta’ żewġ deċiżjonijiet preċedenti li tagħhom hija kienet id-destinatarja, din tal-aħħar kienet reċidiva billi wettqet ksur tal-istess tip u ddeċidiet li żżid l-ammont bażiku tal-multa tagħha b’50 % (premessi 355 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet iċ-ċirkustanzi attenwanti invokati mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-ammont tal-multa tagħha kien stabbilit bħala EUR 91 406 250, ammont li ma jaqbiżx il-livell massimu, iffissat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha (premessi 372 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata).
28. Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni applikat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni filwaqt li fakkret li t-talba tar-rikorrenti taħt din il-komunikazzjoni kienet ġiet miċħuda. Fir-rigward tal-impriżi l-oħra li kienu ressqu talba f’dan is-sens, il-Kummissjoni tat, minn naħa, immunità totali minn multi lil Degussa u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-ammont tal-multi lil Atofina u lil Lucite.
29. Fid-dawl taċ-ċaħda tat-talba tar-rikorrenti, l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti kien għalhekk iffissat bħala EUR 91 406 250.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
30. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
31. Il-proċedura bil-miktub ingħalqet fil-11 ta’ April 2007.
32. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet, fil-15 ta’ Settembru 2011, li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tistieden lill-partijiet sabiex iwieġbu għal numru ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet wieġbu fit-terminu mogħti.
33. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2011. Matul is-seduta, ir-rikorrenti għaddiet lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ġenerali ċerti dokumenti intiżi sabiex jissostanzjaw is-sottomissjonijiet orali tagħha. Il-Kummissjoni qajmet oġġezzjoni fir-rigward tal-produzzjoni ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti u l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tinkludihx fil-proċess. Id-dokumenti l-oħra ġew inklużi fil-proċess minħabba li l-Kummissjoni ma qajmet ebda oġġezzjoni fil-konfront tagħhom.
34. Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi żewġ dokumenti li hija kienet invokat matul is-sottomissjonijiet orali tagħha. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu mogħti u l-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tagħha dwar dawn id-dokumenti. Dawn l-osservazzjonijiet ġew ippreżentati fit-terminu mogħti.
35. Il-proċedura orali ngħalqet fil-15 ta’ Diċembru 2011.
36. Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata;
– sussidjarjament, tibdel l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
37. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors bħala infondat;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
38. Fl-att tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi insostenn tar-rikors. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-provi tal-ksur fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA. It-tieni motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-“ammont bażiku” tal-multa. It-tielet element huwa bbażat fuq in-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni, li twettaq l-obbligu tagħha li taqsam l-“ammont bażiku” bejn ir-rikorrenti u Lucite. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-natura inadegwata taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa sabiex il-multa tkun waħda dissważiva. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ir-rifjut mhux iġġustifikat li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti qajmet motiv ieħor, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-natura insuffiċjenti tal-provi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA
39. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega li l-implikazzjoni tagħha fil-ksur fir-rigward ta’ wieħed mill-prodotti koperti mid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-komponenti tal-forom tal-PMMA, ma ġietx stabbilita.
40. Kif jirriżulta b’mod ċar mit-talbiet magħmula fir-rikors (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), u kif ikkonfermat ukoll ir-rikorrenti fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, minkejja l-argumenti fformulati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan l-artikolu jikkonstata r-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni. Għall-kuntrarju, dan il-motiv qiegħed jiġi invokat insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Fil-fehma tagħha, għalhekk, l-ammont tal-multa kellu jitnaqqas b’mod li jirrifletti l-proporzjon irrappreżentat mill-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-valur jew fil-volum globali tat-tliet prodotti kkonċernati (skont ir-rikorrenti, 44 jew 36 % rispettivament).
41. F’dan id-dawl għandu jitfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jżomm lir-rikorrenti responsabbli għal “numru ta’ ftehim u prattiki miftiehma fis-settur tal-metakrilati”. Meta tinqara fid-dawl tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari fid-dawl tal-premessi 2 u 222 sa 225 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T-201/04, Ġabra p. II-3601, punt 1258, u l-ġurisprudenza ċċitata), din id-dispożizzjoni żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni, fil-perijodu kkonċernat, fi ksur uniku u kontinwu fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA, tal-folji solidi tal-PMMA u tal-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA.
42. L-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ġiet ddeterminat fuq il-bażi tal-gravità ta’ tali ksur. B’mod partikolari, mill-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li hija kienet iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti tal-PMMA li fir-rigward tagħhom kienet ipparteċipat fl-akkordju, u għalhekk, skont il-Kummissjoni, tat-tliet prodotti kollha msemmija iktar ’il fuq.
43. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 40 iktar ’il fuq), dan il-motiv, jekk jitqies li huwa fondat, huwa ta’ natura li jimplika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħha u, b’mod speċifiku, tal-ammont inizjali tagħha. Fil-fatt, kif tfakkar ir-rikorrenti, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 90, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 86). Skont il-ġurisprudenza, din l-evalwazzjoni għandha ssir fl-istadju tal-iffissar tal-ammont inizjali speċifiku tal-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il-Kummissjoni, T-18/05, Ġabra p. II-1769, punt 164).
44. Insostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA matul il-perijodu li fih hija kienet il-proprjetarja ta’ ICI Acrylics, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq id-dikjarazzjonijiet mhux issostanzjati ta’ impriża li kienet ressqet talba għal immunità jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa u fuq il-fatt li kienu nżammu numru ta’ laqgħat. Skont ir-rikorrenti, dawn il-provi ma jissodisfawx l-“istandard ta’ prova” meħtieġ mill-ġurisprudenza.
45. Fil-fehma tagħha, huma biss il-provi li jikkonċernaw laqgħa li nżammet fis-26 ta’ Ottubru 1999, imsemmija fil-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li jistgħu, jekk ikun il-każ, jissodisfaw l-“istandard” imsemmi sa fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq żewġ impriżi li ressqu talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kif ukoll fuq dokument mill-istess żmien bħal-laqgħa msemmija. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li din il-laqgħa ma tistax tiġi invokata fil-konfront tagħha għaliex altrimenti jkunu qegħdin jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tikkunsidra t-30 ta’ Settembru 1999 bħala d-data li fiha ntemm il-ksur imputat lir-rikorrenti (ara l-premessa 291 tad-deċiżjoni kkontestata), din il-laqgħa kienet invokata mill-Kummissjoni fil-konfront ta’ parteċipanta oħra fil-ksur, jiġifieri Lucite. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kellhiex il-possibbiltà li tiddefendi ruħha effettivament dwar l-allegazzjonijiet u dwar il-provi li jikkonċernaw din il-laqgħa.
46. Għandu jiġi enfasizzat li l-argument imsemmi iktar ’il fuq li jikkonċerna ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti qiegħed jitqajjem esklużivament sabiex tiġi kkontestata l-possibbiltà li l-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999 u l-provi relatati ma’ din il-laqgħa jiġu invokati fil-konfront tar-rikorrenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur imwettaq minnha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonstata, fir-rigward tagħha, tul tal-ksur itwal minn dak stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minħabba allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.
47. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li l-eventwali konstatazzjoni ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma jista’ jkollha ebda konsegwenza fuq is-soluzzjoni ta’ din il-kawża jekk jirriżulta li, anki jekk ma titteħidx inkunsiderazzjoni l-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999, il-provi miġbura mill-Kummissjoni kienu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-implikazzjoni tar-rikorrenti fl-aspett tal-ksur li jikkonċerna l-komponenti tal-forom tal-PMMA.
48. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, l-eżami ta’ dan il-motiv għandu jitkompla mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-laqgħa msemmija iktar ’il fuq.
49. F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni kien jikkonsisti “f’sensiela ta’ azzjonijiet li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala ftehim jew bħala prattiki miftiehma, li kienu jkopru t-tliet prodotti kkonċernati u li kienu jiżvelaw l-eżistenza kontinwa ta’ ċerta direzzjoni fl-aġir intiża li tillimita l-kompetizzjoni” (premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl tal-karatteristiċi komuni tal-ftehim antikompetittivi li jikkonċernaw it-tliet prodotti kkonċernati, elenkati fil-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, “minkejja li [dawn it-tliet prodotti] għandhom karatteristiċi differenti u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu għal swieq ta’ prodott differenti, [kienu] jeżistu rabtiet suffiċjenti li jippermettu [lill-Kummissjoni] tikkonkludi li l-prodotturi [tal-prodotti msemmija] imxew ma’ pjan komuni li kien jiddetermina d-direzzjoni tal-azzjoni tagħhom fis-suq u li kien jillimita l-aġir kummerċjali rispettiv tagħhom”. Skont il-Kummissjoni, “il-ksur ikkonsista f’sensiela ta’ azzjonijiet bi pjan komuni u b’għan ekonomiku wieħed, jiġifieri li jiġi evitat il-moviment normali tal-prezzijiet tat-tliet prodotti tal-PMMA fiż-ŻEE” (premessa 224 tad-deċiżjoni kkontestata).
50. Fost il-“karatteristiċi komuni” msemmija fil-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet b’mod partikolari:
– “grupp ċentrali kkostitwit mill-istess impriżi, [jiġifieri] Atofina, ICI (li saret Lucite) u Degussa”;
– il-fatt li dawn it-tliet produtturi Ewropej prinċipali kienu “produtturi totalment integrati” u “kienu taw attenzjoni kbira lill-effetti kkawżati mill-ftehim antikompetittivi konklużi għal kull wieħed minn dawn il-prodotti [b’tali mod] li l-konklużjoni ta’ akkordju fuq wieħed minn dawn il-prodotti kellha awtomatikament impatt fuq l-istruttura tan-nefqa u/jew fuq il-prezzijiet tal-prodotti l-oħra”;
– il-fatt li “laqgħat u kuntatti kienu xi drabi ddedikati għal minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet prodotti tal-PMMA”, rabta din li tirriżulta minn “diversi laqgħat li kkonċernaw kemm il-komponenti tal-forom tal-PMMA u kif ukoll il-folji solidi tal-PMMA”;
– il-fatt li “numru ta’ rappreżentanti tal-impriżi implikati fil-ftehim antikompetittivi kienu responsabbli għal diversi prodotti koperti mill-investigazzjoni u kienu għalhekk konxji, jew ma setgħux ma jkunux konxji, tal-eżistenza [ta’ tali ftehim] li jkopru diversi prodotti”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni semmiet b’mod partikolari s-“Sur [D.], Viċi President ta’ Global Monomers u ta’ EAME fi ħdan ICI Acrylics, li [kien] attenda għal laqgħat iddedikati [għall-komponenti tal-forom tal-PMMA u għall-folji solidi tal-PMMA]”, laqgħat li diversi minnhom inżammu fil-perijodu ta’ ksur imputabbli lir-rikorrenti;
– il-fatt li l-istess mekkaniżmu ta’ funzjonament tal-akkordju kienu japplikaw għat-tliet prodotti kkonċernati.
51. Fir-rigward b’mod speċifiku tal-kollużjoni dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu kkunsidrat, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, bl-eċċezzjoni tal-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq erbatax-il laqgħa li nżammu bejn it-23 ta’ Jannar 1997 u s-sajf 1999 (ara l-premessi 110 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-preżenza tar-rikorrenti hija allegata biss fir-rigward ta’ għaxra minn dawn il-laqgħat u li għalhekk ma hijiex allegata fir-rigward tal-erba’ laqgħat imsemmija fil-premessi 112, 114, 117 u 121 tad-deċiżjoni kkontestata.
52. Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-provi miġbura mill-Kummissjoni kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-aspett tal-ksur.
53. F’dan id-dawl għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-provi li jkunu ta’ natura li juru, b’mod suffiċjenti fil-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta provi preċiżi u konkordanti sabiex fuqhom tibbaża l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T-54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 55).
54. Madankollu, ma huwiex neċessarjament meħtieġ li kull waħda mill-provi mressqa mill-Kummissjoni tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, meta evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).
55. L-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE minn impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat iżda għandhom jiġu evalwati flimkien (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il-Kummissjoni, T-53/03, Ġabra p. II-1333, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).
56. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-attivitajiet antikompetittivi jseħħu fil-moħbi u, għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompettivi għandha tinsilet min-numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati flimkien, ikunu jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).
57. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiet b’mod evidenti għall-konklużjoni tagħhom, sabiex tipprova b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun stabbilita, hija din l-impriża li jkollha tressaq indizji ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat imsemmija ma kellha ebda intenzjoni antikompetittiva u dan billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 155; Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 96, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 81).
58. Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-valur tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talbiet taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludu lill-Kummissjoni milli tinvoka, fil-konfront ta’ impriża, dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi implikati oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 512). Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma jistgħux jitqiesu li ma għandhomx valur probatorju minħabba s-sempliċi fatt li saru f’dan il-kuntest (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 57 u 58).
59. Wieħed jifhem li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn. Madankollu, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż bil-għan li tikseb tnaqqis tal-multa ma joħloqx neċessarjament inċentiv sabiex jiġu prodotti provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni. Fil-fatt, kull tentattiv sabiex tqarraq bil-Kummissjoni jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll dwar il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tibbenefika b’mod sħiħ mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T-120/04, Ġabra p. II-4441, punt 70, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 58).
60. B’mod partikolari, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li persuna tistqarr li wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni jimplika a priori , fin-nuqqas ta’ fatti partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni, T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02, T-126/02, T-128/02, T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 166, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 59).
61. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha tkun ikkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar jekk ma tkunx ikkorroborata minn provi oħra (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 219; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 285, u Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 293).
62. Għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li ressqu talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali għandu tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 220, u Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, punt 70) u n-nuqqas ta’ indikazzjoni li dawn l-impriżi kienu qegħdin jipprovaw inaqqsu l-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fil-ksur u jżidu dik tal-impriżi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 62 u 295).
63. Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kawża ineżami, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tkun adita b’rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, T-41/96, Ġabra p. II-3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).
64. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, inkonformità mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, prinċipju li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika b’mod partikolari għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hüls vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, punti 149 u 150).
65. Huwa fil-kuntest ta’ dawn l-osservazzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-provi miġbura mill-Kummissjoni fil-każ ineżami.
66. F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-għaxar laqgħat imsemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti la qiegħda tikkontesta li dawn saru bejn il-kompetituri u lanqas ma qiegħda tikkontesta l-preżenza tagħha waqt dawn il-laqgħat u li r-rikorrenti ma hijiex tallega li hija ddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut ta’ dawn il-laqgħat. Għaldaqstant, sabiex tiġi kkonstata r-responsabbiltà tar-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fil-liġi li dawn il-laqgħat kellhom għan manifestament anitkompetittiv fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq).
67. Għandu jiġi kkonstatat li d-deskrizzjoni tal-laqgħat imsemmija hija bbażata prinċipalment fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa, il-benefiċjarja tal-immunità minn multa. Issa, Degussa tattribwixxi lil dawn il-laqgħat kontenut manifestament antikompetittiv fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA (ara l-premessi 110, 111, 113, 115, 116, 118, 119, 120, u 123), punt dan li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.
68. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li dawn id-dikjarazzjonijiet, fihom infushom, ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti tal-ksur u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex ikkorroborati minn provi oħra.
69. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 58 sa 60 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-politika ta’ klemenza għandhom rwol importanti. Dawn id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom ta’ impriżi għandhom valur probatorju kunsiderevoli peress li jinvolvu riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni, T-385/06, Ġabra p. II-1223, punt 47). Madankollu, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 59 u 61 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li d-dikjarazzjonijiet magħmula minn impriżi akkużati, fil-kuntest ta’ talbiet imressqa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, għandhom jiġu evalwati bi prudenza, u, jekk jiġu kkontestati, bħala regola ġenerali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma ta’ natura suffiċjentement probatorja sakemm ma jkunux ikkorroborati.
70. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskussjonijiet antikompetittivi dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu kkunsidrat huma kkorroborati suffiċjentement minn provi oħra.
71. Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li Degussa ma kinitx l-uniku sors ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, id-deskrizzjoni tal-laqgħa tal-11 ta’ Mejju 1999 (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata) hija bbażata fuq dikjarazzjoni minn Lucite. Għalkemm Degussa, li ma kinitx preżenti għal din il-laqgħa, ma tagħmilx riferiment għaliha fid-dikjarazzjoni tagħha, id-dikjarazzjoni ta’ Lucite xorta waħda tikkorrobora l-allegazzjoni ta’ Degussa fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkordju dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA matul il-perijodu kkunsidrat u fir-rigward tal-implikazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-akkordju.
72. Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-parti l-kbira minn dawn il-laqgħat, il-Kummissjoni ġabret provi (bħal indikazzjonijiet tal-aġenda, noti dwar l-ispejjeż), li jixhdu li nżammet il-laqgħa jew li jixhdu l-preżenza tal-persuni kkonċernati fil-laqgħa. Għalkemm, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li tkun inżammet laqgħa bejn il-kompetituri ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura antikompetittiva ta’ din il-laqgħa, għandu xorta waħda jiġi kkunsidrat li dawn il-provi jissostanzjaw, sa ċertu punt, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa.
73. Fit-tielet lok, fit-talba tagħha tal-11 ta’ Lulju 2003, imressqa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Lucite għamlet dikjarazzjonijiet li jikkonfermaw, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ akkordju allegat fid-deċiżjoni li ssir spezzjoni, inkluż fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA, u l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-akkordju.
74. Għalkemm huwa minnu li dawn huma affermazzjonijiet ġenerali, dan l-affermazzjonijiet xorta waħda għandhom l-istess sens bħall-allegazzjonijiet ta’ Degussa. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-assi kkonċernati mill-ksur, inklużi d-dokumenti u l-membri tal-persunal, ġew ittrasferiti mir-rikorrenti lil Lucite, b’tali mod li d-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar l-implikazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur huma partikolarment rilevanti.
75. Fir-raba’ lok, fit-talba tagħha mressqa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Atofina rrikonoxxiet li ħadet sehem f’akkordju b’effett, minn tal-inqas, mit-23 ta’ Jannar 1997, inkluż fir-rigward tal-komponenti tal-forom tal-PMMA. Mill-bqija, il-kumpanniji li jikkomponu l-impriża Atofina (Arkema, Altuglas u Altumax, minn naħa, u Total u Elf Aquitaine, min-naħa l-oħra) ma kkontestawx l-eżistenza ta’ tali akkordju fil-kuntest tar-rikorsi rispettivi tagħhom kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawżi T-206/06 u T-217/06).
76. Huma minnu li, f’komunikazzjoni ta’ Atofina tal-10 ta’ Ġunju 2003, l-ewwel laqgħa antikompetittiva dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA, li fir-rigward tagħha Atofina ssemmi l-preżenza ta’ ICI Acrylics, hija l-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, f’din il-komunikazzjoni, Atofina tiddikjara b’mod ċar l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu bejn l-1998 u l-2001. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni tikkorrobora wkoll id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa f’dan is-sens.
77. Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, minn tal-inqas sebgħa mill-għaxar laqgħat analizzati kienu jikkonċernaw kemm il-komponenti tal-forom tal-PMMA kif ukoll il-folji solidi tal-PMMA (ara l-premessi 110, 111, 115, 116, 118, 119 u 120 tad-deċiżjoni kkontestata) u li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta n-natura antikompetittiva ta’ dawn il-laqgħat fir-rigward ta’ dan it-tieni prodott. Dan il-punt isaħħaħ ukoll il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa fir-rigward tad-deskrizzjoni ta’ dawn il-laqgħat antikompetittivi.
78. Fis-sitt lok, f’uħud mil-laqgħat imsemmija fil-punt 77 iktar ’il fuq, inkluża l-laqgħa tat-23 ta’ Jannar 1997, li nżammet bħala d-data li minnha beda l-ksur, kien ipparteċipa s-Sur D., li kellu pożizzjoni għolja fi ħdan ICI Acrylics u li kien responsabbli kemm għall-komponenti tal-forom tal-PMMA kif ukoll għall-folji solidi tal-PMMA. Peress li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta n-natura antikompetittiva ta’ dawn il-laqgħat fir-rigward ta’ dan it-tieni prodotti u lanqas ma qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-impriżi kkonċernati kienu “taw attenzjoni kbira lill-effetti kkawżati mill-ftehim antikompetittivi konklużi għal kull wieħed minn dawn il-prodotti” (ara l-premessa 223 tad-deċiżjoni kkontestata u t-tieni inċiż tal-punt 50 iktar ’il fuq), dan huwa indizju li jindika li l-komponenti tal-forom tal-PMMA kienu koperti wkoll matul dawn il-laqgħat.
79. Fid-dawl ta’ dawn il-provi, għandu jiġi kkonstatat li, meta kkunsidrati flimkien, dawn il-provi jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkordanti sabiex jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa fir-rigward tal-eżistenza ta’ akkordju li jkopri l-komponenti tal-forom tal-PMMA matul il-perijodu kkunsidrat u fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan l-akkordju.
80. L-argumenti mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tar-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa ma humiex ta’ natura li jaffettwaw din il-konklużjoni.
81. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa ma jistgħux jitwarrbu għas-sempliċi raġuni li dawn huma dikjarazzjonijiet magħmula f’talba għal immunità mill-konsulenti tal-impriża (ara b’mod partikolari l-punti 59 u 60 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għalkemm, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha effettivament tabbanduna ċerti oġġezzjonijiet ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa (bħalma huma b’mod partikolari l-oġġezzjonijiet kollha dwar il-MMA, il-materja prima għall-produzzjoni tal-PMMA), xorta jibqa’ l-fatt li rriżulta li l-allegazzjonijiet tagħha kienu globalment fondati, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Il-prova ta’ dan tinsab, b’mod partikolari, fil-fatt li tliet impriżi oħra, jiġifieri r-rikorrenti, Atofina u Lucite, ressqu t-talbiet tagħhom taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tal-akkordju allegat minn Degussa. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ebda waħda minn dawn l-impriżi ma kkontestat l-eżistenza tal-ksur fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawżi T-206/06, T-217/06 u T-216/06). B’mod partikolari, ir-rikorrenti stess ikkonfermat b’mod impliċitu r-rilevanza tat-talba għal immunità ta’ Degussa sa fejn irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fir-rigward tal-folji solidi tal-PMMA u tal-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA.
82. Peress li d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa kienu kkorroborati b’mod suffiċjenti, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti fis-sens li l-aspett tal-ksur li jikkonċerna l-komponenti tal-forom tal-PMMA ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tagħha fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.
83. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni bħala ksur uniku u kontinwu li jkopri t-tliet prodotti tal-PMMA, fosthom il-komponenti tal-forom (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), ma jistax ikollha konsegwenza fuq l-analiżi ta’ dan il-motiv.
84. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat iżda wkoll minn serje ta’ atti jew inkella minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-argument li element jew diversi elementi minn din is-serje ta’ atti jew minn dan l-aġir kontinwu jistgħu jikkostitwixxu wkoll, fihom infushom u kkunsidrati b’mod iżolat, ksur tad-dispożizzjoni msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 81). Meta d-diversi azzjonijiet jagħmlu parti minn “pjan globali”, minħabba li jkollhom l-istess għan li joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 258, u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk jiġi stabbilit li l-impriża kkonċernata pparteċipat direttament biss f’wieħed jew f’diversi elementi li jikkostitwixxu l-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T-101/05 u T-111/05, Ġabra p. II-4949, punt 161, u l-ġurisprudenza ċċitata).
85. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ftehim uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju korrispondenti (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 87, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 83).
86. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex iżżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-ksur uniku kollu u sabiex tiffissa l-ammont tal-multa fid-dawl ta’ dan, kien biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi li r-rikorrenti kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju dwar il-folji solidi tal-PMMA u l-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA, hija kienet qiegħda tinvolvi ruħha f’akkordju globali li jkopri t-tliet prodotti tal-PMMA (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T-28/99, Ġabra p. II-1845, punt 45, u Bolloré et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 60 iktar ’il fuq, punt 209).
87. Issa, l-provi analizzati iktar ’il fuq huma iktar minn suffiċjenti għal dan il-għan.
88. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi dwar il-komponenti tal-forom tal-PMMA fil-perijodu kkunsidrat tirriżulta wkoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ tliet impriżi, jiġifieri Degussa, Lucite u Atofina.
89. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta r-responsabbiltà tagħha għall-ksur imwettaq, matul l-istess perijodu, fir-rigward tal-folji solidi tal-PMMA u tal-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA. Bl-istess mod, hija lanqas ma qiegħda tikkontesta l-eżistenza, bħala tali, ta’ ksur uniku. B’mod partikolari, minkejja numru ta’ argumenti frammentarji fir-replika, ir-rikorrenti lanqas biss tipprova tikkontesta l-motivi, imfakkra fil-punti 49 u 50 iktar ’il fuq, li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku.
90. B’hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax, b’mod partikolari, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sens li r-rappreżentant tagħha li attenda għal-laqgħat antikompetittivi (li skont ir-rikorrenti kienu jikkonċernaw biss prodotti oħra) kien responsabbli għal diversi prodotti koperti mill-investigazzjoni u “kien għalhekk konxju, jew ma setax ma jkunx konxju” tal-eżistenza ta’ tali ftehim li jkopru diversi prodotti. Bl-istess mod, hija lanqas ma tikkontesta d-dikjrazzjoni tal-Kummissjoni li hija kienet produttur “totalment integrat” u li kienet tat “attenzjoni kbira lill-effetti kkawżati mill-ftehim antikompetittivi konklużi għal kull wieħed minn dawn il-prodotti” (ara t-tieni u r-raba’ inċiżi tal-punt 50 iktar ’il fuq).
91. Issa, anki jekk jitqies li l-provi miġbura mill-Kummissjoni ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-implikazzjoni diretta tar-rikorrenti fl-aspett tal-akkordju li jikkonċerna l-komponenti tal-forom tal-PMMA, dawn il-provi huma iktar milli suffiċjenti sabiex, minn tal-inqas, juru l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi dwar dan il-prodott fil-perijodu kkunsidrat u sabiex juru li l-ksur uniku kien ikopri wkoll dan il-prodott. Dan jirriżulta b’mod partikolari mid-dikjarazzjonijiet konkordanti ta’ tliet impriżi, jiġifieri Degussa, Lucite u Atofina.
92. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jintwera, minn tal-inqas, li r-rikorrenti kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju li jikkonċerna l-folji solidi tal-PMMA u l-folji għal tagħmir sanitarju tal-PMMA, hija kienet qiegħda tinvolvi ruħha f’akkordju globali li jkopri tliet prodotti tal-PMMA.
93. Issa, f’tali ipoteżi, ir-responsabbiltà tagħha għall-integralità tal-ksur uniku setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fid-dawl tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, b’tali mod li t-talba għat-tnaqqis tal-multa, fuq din il-bażi, għandha tiġi miċħuda.
94. Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fir-rigward tal-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 1999 ma għandu ebda konsegwenza prattika fuq l-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv u l-ilment tar-rikorrenti dwar dan il-punt għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffettiv.
95. Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jissostanzja, minn naħa, it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, it-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-“ammont bażiku” tal-multa
96. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx il-modalitajiet ta’ kif stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multa (EUR 32.5 miljun), iffissat fil-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata, u li b’hekk la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma jistgħu jeżaminaw id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-“iktar parametru importanti” tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċement ipprovdiet ir-raġunijiet għalfejn hija kklassifikat il-ksur bħala wieħed serju ħafna u qassmet l-impriżi fi tliet kategoriji skont id-daqs relattiv tagħhom. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma spjegatx kif wasslet għall-ammonti attribwiti għal kull waħda minn dawn il-kategoriji u lanqas għalfejn l-ammont iffissat għar-rikorrenti kien jaqbeż b’mod sostanzjali l-livell ta’ EUR 20 miljun iffissat mil-Linji gwida fir-rigward tal-ksur serju ħafna. B’hekk, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 253 KE.
97. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa formalità sostanzjali u li r-rekwiżiti ta’ din il-formalità sostanzjali jkunu sodisfatti, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, meta l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha, tindika l-elementi ta’ evalwazzjoni li permezz tagħhom setgħet tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C-248/98 P, Ġabra p. I-9641, punt 42; Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punt 73, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 463).
98. Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti stess tammetti li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, il-motivi li wassluha sabiex tikklassifika l-ksur bħala wieħed serju ħafna u, min-naħa l-oħra, il-motivi li wasslu sabiex tiddeċiedi li taqsam l-impriżi kkonċernati fi tliet kategoriji u li tiddifferenzja l-ammonti inizjali tal-multa attribwiti lil kull waħda minn dawn il-kategoriji.
99. Barra minn hekk, minn eżami tal-premessi 319 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni effettivament ipprovdiet motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-ammont inizjali huwa bbażat b’mod partikolari fuq in-natura tal-ksur, stabbilita fid-dawl tal-karatteristiċi prinċipali tiegħu esposti fil-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq id-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni, jiġifieri t-territorju taż-ŻEE (ara l-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata), u fuq l-applikazzjoni ta’ trattament iddifferenzjat għall-impriżi kkonċernati sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw ħsara kunsiderevoli għall-kompetizzjoni, kapaċità evalwata fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ prodotti tal-PMMA li fir-rigward tagħhom dawn l-impriżi kienu pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni (ara l-premessi 332 sa 334 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest tal-aħħar, il-Kummissjoni semmiet ukoll id-daqs tas-suq kollu tal-prodotti tal-PMMA fl-2000 u fl-2002, f’termini ta’ volum u ta’ valur (ara l-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn il-gravità tal-ksur imputat lir-rikorrenti kienet tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ tali ammont inizjali, ma hijiex issostanzjata mill-fatti.
100. Sa fejn ir-rikorrenti tikkritika n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni speċifika għall-ammont ta’ EUR 32.5 miljun, attribwit għall-impriżi li bħalha kienu kklassifikati fit-tieni kategorija, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtiġux li l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-figuri li jikkonċernaw il-metodu tal-kalkolu tal-multi (sentenzi Sarrió vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 80, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 464). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa, skont l-Artikolu 253 KE, tiġġustifika f’iktar dettall l-għażla tal-ammont ta’ EUR 32.5 miljun bħala l-ammont inzjali għall-multa ffissat għar-rikorrenti (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 1361).
101. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq ma tapplikax għall-kawża ineżami, fid-dawl tal-livell tal-ammont inizjali tal-multa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija ġiet applikata wkoll f’kawża fejn il-Kummissjoni kienet iffissat ammont inizjali ħafna ikbar minn dak inkwistjoni f’din il-kawża (sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 1361). Bl-istess mod, l-allegazzjoni tar-rikorrenti fis-sens li l-ammont inizjali tal-multa tagħha jaqbeż “b’mod sostanzjali” il-livell ta’ EUR 20 miljun iffissat fir-rigward ta’ ksur serju ħafna, ma hijiex ta’ natura li tibdel l-evalwazzjoni magħmula fil-punt 100 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-livell msemmi huwa biss ammont minimu previst mil-Linji gwida għal tali ksur, li min-naħa tagħhom jipprovdu li l-“multi applikabbli” huma ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun”.
102. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv lanqas ma jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li taqsam l-“ammont bażiku” bejn ir-rikorrenti u Lucite
103. Ir-rikorrenti tenfasizza li hija stess u Lucite kienu konsekuttivament parteċipanti fil-ksur taħt investigazzjoni bħala proprjetarji suċċessivi tal-istess grupp wieħed ta’ assi li kienu s-suġġett tal-ksur u li għalhekk huma kkontribwixxew għal “gravità waħda” tal-ksur. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, l-ammont tal-multa li jikkorrispondi għal din il-“gravità waħda” kellu jinqasam bejniethom sabiex jiġi evitat li jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn l-“impatt veritabbli tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”, parametru dan li huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur skont il-Linji gwida. Issa, l-ammont tal-multa ġie kkalkolat bħallikieku r-rikorrenti u Lucite kienu t-tnejn li huma eżerċitaw impatt distint u simultanju fuq il-kompetizzjoni. Dan il-metodu ta’ kalkolu wassal għal multa — fir-rigward ta’ ksur uniku — ta’ ammont kunsiderevolment ikbar għas-sempliċi raġuni li l-proprjetarju ta’ impriża kien inbidel u mhux minħabba xi ħsara addizzjonali għall-kompetizzjoni jew minħabba xi żball imwettaq min-naħa tar-rikorrenti. B’hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.
104. F’dan id-dawl, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li dan il-motiv huwa inammissibbli. Fil-fatt, dan il-motiv qiegħed jiġi invokat insostenn tat-talbiet imsemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq u, jekk jitqies li huwa fondat, iwassal għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. B’hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-ammont tal-multa tagħha u mhux dak tal-multa imposta fuq terzi.
105. It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, għalkemm it-titolu ta’ dan il-motiv jirreferi għall-“ammont bażiku” tal-multa, min-noti tar-rikorrenti jirriżulta b’mod ċar li dan il-motiv jikkonċerna biss “l-element tal-multa li jikkonċerna l-gravità”, jiġifieri, b’mod iktar preċiż, l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 32.5 miljun, stabbilit fil-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punti 25 u 26 iktar ’il fuq.
106. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kinitx meħtieġa taqsam tali ammont inizjali tal-multa bejn ir-rikorrenti u Lucite.
107. Għandu jitfakkar li, skont id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti u Lucite ipparteċipaw fil-ksur permezz tal-istess assi ta’ ICI Acrylics, l-entità li ġiet ittrasferita mill-ewwel impriża lit-tieni waħda fit-2 ta’ Novembru 1999, jiġifieri bejn wieħed u ieħor f’nofs il-perijodu tal-ksur. Barra minn hekk, din id-data ntużat bħala data għad-“diviżjoni” tar-responsabbiltajiet tar-rikorrenti u ta’ Lucite għall-ksur (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-trattament iddifferenzjat għal dawn iż-żewġ impriżi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-istess dħul mill-bejgħ iġġenerat minn Lucite fl-2000.Fuq din il-bażi, hija ffissat l-ammonti inizjali tal-multi tagħhom bħala EUR 32.5 miljun għal kull waħda minnhom (ara l-premessi 334 u 336 tad-deċiżjoni kkontestata).
108. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ raġonevolment jitqies li, li kieku l-proprjetarju ta’ ICI Acrylics ma nbidilx, l-applikazzjoni tal-istess metodoloġija ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa kienet twassal lill-Kummissjoni sabiex tiffissa ammont inizjali wieħed tal-multa ta’ EUR 32.5 miljun, li hija kienet tattribwixxi lil tali proprjetarju uniku. Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti, fis-sens li t-trasferiment ta’ ICI Acrylics kellu, bħala tali, impatt fuq l-ammont globali tal-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata, tidher li hija fondata.
109. Madankollu, l-argument tar-rikorrenti, fis-sens li l-Kummissjoni kien imissha aġixxiet b’mod differenti billi taqsam l-ammont inizjali bejn iż-żewġ impriżi kkonċernati, għandu jiġi miċħud.
110. Fl-ewwel lok, dan l-argument huwa essenzjalment ibbażat fuq il-premessa li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tkun ibbażata mill-qrib fuq l-“impatt fuq il-kompetizzjoni” jew fuq il-“ħsara” għall-kompetizzjoni u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti u Lucite, bħala proprjetarji suċċessivi ta’ ICI Acrylics ikkontribwixxew għal “gravità waħda” tal-ksur. Fir-rigward ta’ dan il-punt, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni tal-Linji gwida, li jipprovdu li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-“impatt reali tal-kondotta offensiva [tal-aġir illegali] ta’ kull impriża li hi f’kompetizzoni [fuq il-kompetizzjoni”.
111. Din il-premessa, iżda, hija żbaljata.
112. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effett ta’ prattika antikompetittiva ma huwiex, fih innifsu, il-kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammont adegwat tal-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 118, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C-534/07 P, Ġabra p. I-7415, punt 96). Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fid-dawl ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 241 u 242, u l-ġurisprudenza ċċitata) u, pereżempju, elementi li jikkonċernaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jikkonċernaw l-effetti ta’ ksur, speċjalment meta l-ksur ikun intrinsikament serju (ara s-sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118, u Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).
113. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mir-rikorrenti lil-Linji gwida hija waħda inkompleta. Fil-fatt, skont il-punt 1.A tagħhom, “[b]iex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti”. B’applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, “[i]l-ksur se jinqasam [...] fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna”. Fir-rigward tal-ksur serju ħafna, il-Linji gwida jippreċiżaw b’mod partikolari li “[d]awn ġeneralment ikunu restrizzjonijiet orriżontali bħal konsorzji ta’ prezzjiet” u li l-ammonti inizjali applikabbli huma ta’ “aktar minn [EUR] 20 miljun]”. Barra minn hekk, il-Linji Gwida jipprovdu li, “[f]’kull waħda minn dawn il-kategoriji, [...] l-iskala proposta ta’ multi se tagħmilha possibli li jiġi applikat trattament differenti lill-intrapriżi skond in-natura tal-ksur li jkun sar”.
114. Għaldaqstant, il-Linji gwida jenfasizzaw b’mod ċar in-natura tal-ksur bħala element determinanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, T-73/04, Ġabra p. II-2661, punt 91). Fir-rigward tal-impatt konkret tal-ksur, il-Linji gwida jipprevedu l-kriterju tal-“impatt reali [...] fuq is-suq”, li jikkonċerna l-ksur fl-intier tiegħu u mhux l-effetti tal-aġir speċifiku ta’ kull impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone-Lorraine vs Il-Kummissjoni, C-554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 21 u 24), filwaqt li jippreċiżaw li dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta jkun jista’ jiġi kkalkolat.
115. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “ma [kienx possibbli] li jiġi kkalkolat l-impatt konkret fuq is-suq taż-ŻEE” tal-ksur kontenzjuż u hija għalhekk iddikjarat li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, hija ma kinitx qiegħda tibbaża ruħha fuq “impatt partikolari speċifiku [tal-ksur fuq is-suq]” (premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija għalhekk ikkonkludiet li l-ksur ineżami kien wieħed serju ħafna fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura tal-ksur, fid-dawl tal-karatteristiċi prinċipali tiegħu kif esposti fil-punt 4.2 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata) u fid-dawl tad-daqs tas-suq ġeografiku inkwistjoni (ara l-premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata).
116. Dan l-approċċ, li, barra minn hekk, ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat mir-rikorrenti, huwa konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-akkordji orizzontali dwar prezzijiet jew dwar tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna fuq il-bażi biss tan-natura partikolari tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni hija meħtieġa, b’mod partikolari, li turi impatt konkret tal-ksur fuq is-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 75, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punt 103).
117. Fir-rigward tal-kriterju tal-“impatt reali tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni”, invokat mir-rikorrenti, dan jissemma fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 1.A tal-Linji gwida li jipprovdi li “[m]eta ksur jinvolvi aktar minn impriża waħda (eż. konsorzji), jista’ jkun neċessarju f’ċerti każijiet li jiġu applikati ko-effiċjenti korrettivi lill-ammonti determinati f’kull waħda mit-tliet kategoriji sabiex jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva [aġir illegali] ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni [fuq il-kompetizzjoni], partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”. Għaldaqstant, dan huwa biss kriterju fakultattiv li jippermetti l-aġġustament tal-ammont inizjali tal-multa fil-każ ta’ ksur li jimplika diversi impriżi u ma huwiex kriterju determinanti fl-istabbiliment tal-ammont imsemmi. Barra minn hekk, dan il-kriterju ma jikkonċernax il-kwantifikazzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-aġir partikolari ta’ kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fi ksur speċifiku iżda jikkonċerna t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, ta’ differenzi oġġettivi li jista’ jkun hemm bejniethom, bħal, b’mod partikolari, disparità kunsiderevoli bejn id-daqs tagħhom.
118. Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li l-bidla fil-proprjetarju ta’ ICI Acrylics ma kkawżat ebda ħsara addizzjonali għall-kompetizzjoni, kif tallega r-rikorrenti, dan il-fatt ma jippermettix li jiġi konkluż li r-rikorrenti u Lucite kkontribwixxew għal “gravità waħda” tal-ksur u li l-ammont inizjali tal-multa kien imissu għalhekk inqasam bejniethom.
119. Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti dwar il-ħtieġa li l-ammont inizjali tal-multa jinqasam bejnha u Lucite ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni ta’ dan l-ammont (ara l-premessi 319 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata) japplikaw kompletament għar-rikorrenti.
120. F’dan id-dawl, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, kemm ir-rikorrenti u kif ukoll Lucite wettqu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta r-responsabbiltà tagħha għal tali ksur (ara l-punt 40 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, hija ma hijiex qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li r-rikorrenti kellha titqies, bħala tali, “bħala impriża għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE]” (premessa 288 tad-deċiżjoni kkontestata).
121. Barra minn hekk, ir-rikorrenti la qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 319 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas l-evalwazzjoni tagħha fis-sens li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-trattament iddifferenzjat, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn Lucite mill-bejgħ tal-prodotti tal-PMMA fl-2000 kien jikkostitwixxi indikazzjoni adegwata fir-rigward tad-daqs u tas-saħħa ekonomika relattivi ta’ ICI Acrylics fis-suq inkwistjoni (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).
122. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti, fir-realtà, huma intiżi sabiex jintalab trattament preferenzjali fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa, fil-konfront tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, għas-sempliċi raġuni li ttrasferiet l-assi li kienu s-suġġett tal-ksur.
123. Issa, dan is-sempliċi fatt ma jfissirx li l-ksur imwettaq minnha sar inqas serju. Ir-rikorrenti għalhekk kienet imposta eżattament l-istess ammont bażiku tal-multa daqslikieku, minflok ma ttrasferiet ICI Acrylics lil Lucite b’effett mit-2 ta’ Novembru 1999, hija sempliċement irtirat mill-ksur fl-istess data.
124. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni, minkejja l-fatt li hija pparteċipat fl-akkordju permezz tal-istess assi bħalma għamlet Lucite warajha, ir-rikorrenti wettqet ksur li l-gravità tiegħu kienet tiġġustifika l-impożizzjoni tal-ammont inizjali adottat fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-argument tagħha li dan l-ammont inizjali kien imissu nqasam bejnha u Lucite ma jistax jiġi aċċettat.
125. L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jibdlu din il-konklużjoni.
126. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li t-“tqassim tal-parametru ‘tul’” tal-multa bejnha u Lucite ma huwiex suffiċjenti. Fil-fatt, skont il-metodoloġija tal-Linji gwida, huwa l-“parametru ‘gravità’” tal-multa li għandu l-ikbar impatt fuq l-ammont bażiku tal-multa, bl-ammont inizjali jiġi miżjud biss b’10 % għal kull sena tal-ksur. B’hekk, fin-nuqqas ta’ “relazzjoni lineari” bejn it-tul tal-ksur u l-ammont bażiku tal-multa, anki jekk il-“parametru ‘tul’” ikun “inqasam” bejn ir-rikorrenti u Lucite, l-ammonti bażiċi tagħhom meħuda flimkien ikunu iktar minn dak li kien jiġi kkalkolat li kieku l-proprjetarju ta’ ICI Acrylics ma nbidilx.
127. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti ġie ddeterminat fuq il-bażi tat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Għalhekk, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, il-“parametru ‘tul’” tal-multa “nqasam” effettivament bejn ir-rikorrenti u Lucite.
128. Huwa minnu li, kif issostni r-rikorrenti, l-ammonti bażiċi meħuda flimkien tar-rikorrenti u ta’ Lucite huma iktar minn dak li kien jiġi kkalkolat li kieku ACI Acrylics żammet l-istess proprjetarju (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni hija sempliċement il-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-metodoloġija prevista fil-Linji gwida, li jirriflettu l-politika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni ssegwi fil-kuntest tal-iffissar tal-multi. Issa, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 sa 109), hija setgħet tistabbilixxi tali relazzjoni bejn il-kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur.
129. B’hekk, il-fatt li l-kriterju tal-gravità tal-multa kellu, f’dan il-każ, iktar importanza fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa milli kellu l-kriterju tat-tul tal-ksur ma jippermettix li jiġi vvalidat l-argument tar-rikorrenti dwar in-neċessità ta’ “tqassim tal-‘element gravità’” tal-multa bejnha u Lucite.
130. Barra minn hekk, “relazzjoni lineari” bejn it-tul tal-ksur u l-ammont bażiku tal-multa, jiġifieri l-multiplikazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, kienet tkun stabbilita f’dan il-każ għad-detriment tar-rikorrenti billi kienet twassal għal ammont bażiku ogħla minn dak impost fuq ir-rikorrenti.
131. It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fis-sens li, “jekk l-impriża li tkun kisbet l-assi tkompli tikser l-Artikolu 81 [KE] u/jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ir-responsabbiltà għall-ksur għandha tinqasam bejn il-bejjiegħ u l-akkwirent tal-assi li jkunu s-suġġett tal-ksur” (punt 347 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet).
132. Għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħda timplika r-rikorrenti, din l-affermazzjoni ma fiha ebda preċiżjoni fir-rigward tal-kwistjoni tat-tqassim eventwali tal-“element gravità” tal-multa bejnha u Lucite. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-kliem użat mill-Kummissjoni u mill-fatt li tinsab fil-punt 5.6 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din l-affermazzjoni tikkonċerna biss it-tqassim tar-responsabbiltajiet għall-ksur bejn il-bejjiegħ u l-akkwirent tal-assi li jkunu s-suġġett tal-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tar-riferiment, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, għall-premessa 43 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 89/190/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar proċedura skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/31.865, PVC) (ĠU 1989 L 74, p. 1). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet tali tqassim tar-responsabbiltajiet għall-ksur bejn ir-rikorrenti u Lucite (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).
133. It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, il-Kummissjoni applikat metodu fejn l-ammont tal-multa jinqasam skont il-perijodi ta’ proprjetà ta’ entità responsabbli għal ksur.
134. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix qafas legali fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni peress li l-Kummissjoni għandha, f’dan il-qasam, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li fl-eżerċizzju tagħha ma hijiex marbuta mill-evalwazzjonijiet li hija stess tkun għamlet preċedentement (ara s-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata).
135. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma hijiex tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni li, b’mod differenti mill-kawża ineżami, fid-deċiżjonijiet invokati minnha, kien involut it-trasferiment ta’ kumpannija sussidjarja li kellha personalità ġuridika. Issa, din hija differenza fattwali fundamentali fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi sa fejn, fin-nuqqas ta’ personalità ġuridika ta’ ICI Acrylics, ebda multa ma setgħet tiġi imposta fuqha. Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment ta’ kumpannija sussidjarja matul il-perijodu tal-ksur ma tistax tiġi invokata effettivament mir-rikorrenti fil-kawża ineżami.
136. Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssemmi wkoll il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti speċifiċi f’dan ir-rigward minbarra dawk li ġew analizzati iktar ’il fuq fir-rigward tal-eżistenza tal-allegat obbligu tal-Kummissjoni li “taqsam l-‘element gravità’” minħabba n-nuqqas ta’ ħsara addizzjonali għall-kompetizzjoni b’riżultat tat-trasferiment. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda wkoll.
137. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-argumenti mqajma fil-kuntest ta’ dan il-motiv lanqas ma jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-natura inadegwata taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv
138. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li, fid-determinazzjoni taż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja effettiva tagħha. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni, b’mod sussidjarju, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja effettiva tar-rikorrenti
139. Ir-rikorrenti ssostni li ż-żieda ta’ 50 % tal-ammont inizjali tal-multa għall-finijiet ta’ effett suffiċjentement dissważiv ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja reali effettiva tagħha. Kif uriet matul l-investigazzjoni, din il-kapaċità ma hijiex riflessa b’mod adegwat permezz tad-dħul mill-bejgħ tagħha, li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina ż-żieda. Fil-fehma tagħha, il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ huwa rilevanti, bħala “indikazzjoni” jew “approssimazzjoni” tas-saħħa ekonomika ta’ impriża iżda ma huwiex suffiċjenti meta l-impriża kkonċernata tippreżenta provi oħra dwar is-saħħa ekonomika tagħha. Għaldaqstant, iż-żieda inkwistjoni għandha tiġi eliminata.
140. F’dan id-dawl għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fil-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, fil-kategorija tal-ksur serju ħafna, l-iskala tal-multi li setgħu jiġu imposti kienet tippermetti wkoll li l-ammont tal-multi jiġi ffissat f’livell li jiggarantixxi li dawn ikollhom effett dissważiv suffiċjenti “fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ kull impriża”. Sabiex tevalwa d-daqs u s-saħħa ekonomika tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji tagħha fl-2005, l-aħħar sena finanzjarja preċedenti għal dik li fiha adottat id-deċiżjoni kkontestata (EUR 8.49 biljuni) u ddeċidiet li tapplika fattur multiplikatur ta’ 1.5 għall-multa tagħha (ara l-premessi 349 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata).
141. F’dan il-kuntest, bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti dwar l-użu tad-dħul mill-bejgħ għall-evalwazzjoni tal-kapaċità ekonomika tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li l-kriterju tad-dħul mill-bejgħ kien jagħti indikazzjoni raġonevoli u utli tal-kapaċità u tas-saħħa ekonomika ta’ impriża u li hija fil-każ ineżami hija kienet applikat dan il-kriterju għall-impriżi kkonċernati kollha bl-istess mod (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata).
142. It-tieni nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ dissważjoni, għandu jitfakkar li dan huwa wieħed mill-elementi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u previsti fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huma intiżi sabiex jikkastigaw l-aġir illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiddiswadu, kemm lill-impriżi inkwistjoni kif ukoll lil operaturi ekonomiċi oħra, milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni, meta tikkalkola l-ammont tal-multa, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).
143. It-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti jagħmel parti mill-impatt mixtieq fuq l-impriża msemmija, filwaqt li s-sanzjoni ma għandhiex tkun negliġibbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punt 104). F’dan is-sens ġie deċiż, b’mod partikolari, li l-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni hija intitolata ssegwi meta tiffissa l-ammont ta’ multa jista’ realment jintlaħaq biss billi tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-impriża fil-jum meta tiġi imposta l-multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 278).
144. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-possibbiltà nnifisha li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża sabiex taġġusta l-ammont tal-multa. Madankollu, hija qiegħda tikkontesta r-rilevanza tal-kriterju tad-dħul mill-bejgħ fl-evalwazzjoni tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha.
145. F’dan id-dawl għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’mod kostanti, li d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 243, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, diġà ġie deċiż li kien possibbli għall-Kummissjoni, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa f’livell li jiżguralha natura suffiċjentement dissważiva, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Showa Denko vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 142 iktar ’il fuq, punti 15 sa 18, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C-266/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 120; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T-220/00, Ġabra p. II-2473, punt 96).
146. B’hekk, filwaqt li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi espliċitament li d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża jikkostitwixxi “indikazzjoni” tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha li tista’ tkun “imperfetta” u “approssimattiva”, din il-ġurisprudenza tivvalida, fl-istess ħin, l-użu ta’ dan il-kriterju fil-kuntest tad-determinazzjoni taż-żieda tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv. Il-mertu inkontestabbli ta’ din is-soluzzjoni huwa li tippermetti lill-Kummissjoni tuża, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, kriterju oġġettiv, filwaqt li tapplikah mingħajr distinzjoni għall-impriżi kkonċernati kollha.
147. Minn dan isegwi li l-allegazzjoni, fis-sens li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jirrifletti b’mod imperfett u approssimattiv biss is-saħħa ekonomika tagħha, ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tegħleb ir-rilevanza ta’ dan il-kriterju fil-kuntest tad-determinazzjoni taż-żieda tal-ammont tal-multa għall-finijiet tal-effett dissważiv.
148. Huwa minnu li, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, wieħed ma għandux jinsa l-għan tal-impożizzjoni taż-żieda msemmija, jiġifieri l-aġġustament tal-multa b’tali mod li din ma tkunx negliġibbli, u lanqas min-naħa l-oħra ma tkun eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni (ara l-punt 143 iktar ’il fuq u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Degussa vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 143 iktar ’il fuq, punt 283, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T-410/03, Ġabra p. II-881, punt 379).
149. Madankollu, il-provi mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-dħul mill-bejgħ tagħha, meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, kien jagħti stampa tant qarrieqa tal-kapaċità finanzjarja tagħha li dan l-għan ma kienx osservat fil-każ ineżami.
150. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipprovdi ebda prova konkreta insostenn tal-argumenti u taċ-ċifri mressqa minnha, filwaqt li r-rikors ma jirreferi għal ebda dokument fir-rigward ta’ dan il-punt.
151. It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement tinvoka, fir-rikors, l-eżistenza ta’ debiti minħabba rtirar, li huma iktar sostanzjali mill-impressjoni mogħtija mid-daqs tagħha, kif ukoll ta’ dejn dovut għall-finanzjament ta’ akkwist imwettaq fl-1997, mingħajr madankollu ma tispjega b’mod iddettaljat kif l-eżistenza ta’ dawn id-debiti taffettwa, b’mod konkret, ir-rilevanza tad-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2005, meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.
152. Issa, għandu jiġi osservat, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, li dawn huma provi li jikkonċernaw diversi snin, u li għalhekk ma jikkostitwixxux neċessarjament indikatur affidabbli tas-saħħa ekonomika tal-impriża fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u li, barra minn hekk, għandhom, bħala prinċipju, impatt inevitabbli fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriża. Barra minn hekk, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti stess tammetti li d-dejn inkwistjoni “kellu impatt fuq l-attivitajiet tagħha”. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma kkontestatx l-argument tal-Kummissjoni li d-debiti inkwistjoni kellhom neċessarjament impatt fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha.
153. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tispjegax sa fejn il-kriterju tad-dħul mill-bejgħ ma jirriflettix b’mod adegwat il-kapaċità finanzjarja tagħha, fuq il-bażi tal-provi mressqa minnha. Hija sempliċement titlob l-eliminazzjoni, mingħajr iktar elaborazzjoni, taż-żieda applikata mill-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-eliminazzjoni tqiegħed lir-rikorrenti fl-istess sitwazzjoni bħal Barlo u Lucite, li fir-rigward tagħhom ma kienet applikata ebda żieda għall-finijiet tal-effett dissważiv. Issa, id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn iż-żewġ impriżi kien jirrappreżenta, fl-2005, rispettivament madwar 4 u 13 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti (ara l-premessi 36 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Fin-nuqqas ta’ provi konvinċenti, l-argument li d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti kien jagħti stampa ferm qarrieqa dwar il-kapaċità finanzjarja tagħha ma jistax jiġi aċċettat.
154. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma invalidatx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien jagħti “indikazzjoni raġonevoli u utli tal-kapaċità u tas-saħħa ekonomika tagħha” (premessa 347 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq dan id-dħul mill-bejgħ sabiex tiddetermina ż-żieda adegwata (ara b’mod partikolari l-punti 146 u 147 iktar ’il fuq).
155. Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-provi dwar il-kapaċità finanzjarja tagħha prodotti matul il-proċedura amministrattiva, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll. Minn naħa, din hija sempliċi affermazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, li ma hija ssostanzjata b’ebda element konkret, bħal, pereżempju, l-indikazzjoni tal-provi li allegatament ġew injorati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien jagħti impressjoni eżaġerata tal-kapaċità finanzjarja tagħha, filwaqt li kkonkludiet li d-dħul mill-bejgħ kien jikkostitwixxi indikazzjoni raġonevoli u utli tal-kapaċità tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha (premessi 343 u 347 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm il-Kummissjoni ma weġbitx b’mod iddettaljat għal kull wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti, dan il-fatt, fih innifsu, ma jippermettix li jingħad li dawn l-argumenti ma ġewx eżaminati.
156. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, f’dan il-każ, in-neċessità taż-żieda kien iktar u iktar jistħoqqilha li tiġi ssostanzjata fid-dawl tal-fatt li, kif kienet uriet, ebda wieħed mill-awturi konkreti tal-ksur ma kien impjegat minnha jew kien jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà fi ħdanha, ebda wieħed mill-membri tal-amministrazzjoni tagħha ma kien iffaċilita l-eżekuzzjoni tal-ksur u li l-ammont tal-multa kien diġà għoli ħafna.
157. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessi 337 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, żieda fl-ammont inizjali tal-multa sabiex tiggarantixxi li din il-multa jkollha “effett dissważiv suffiċjenti, fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ kull impriża” (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan l-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa jirriżulta mill-ħtieġa li l-ammont inizjali jiġi aġġustat b’mod li l-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva fid-dawl tar-riżorsi globali tal-impriża u tal-kapaċità tagħha li tillikwida l-fondi neċessarji sabiex tħallas il-multa. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fis-sens li ebda wieħed mill-awturi reali tal-ksur ma kien impjegat mir-rikorrenti jew kien jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà fi ħdanha u li ebda wieħed mill-membri tal-amministrazzjoni tagħha ma kien iffaċilita l-eżekuzzjoni tal-ksur huma irrilevanti f’dan il-kuntest u għalhekk ineffettivi.
158. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv ma humiex ta’ natura li jikkontestaw iż-żieda applikata fil-konfront tar-rikorrenti fil-premessi 349 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata.
159. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.
Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament
160. Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni setgħet timponi żieda dissważiva bbażata esklużivament fuq id-dħul mill-bejgħ, hija kellha tittratta lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata b’mod ekwu u b’mod proporzjonat. Issa, iż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti hija, skontha, proporzjonalment ogħla minn dik imposta fuq Atofina u, għaldaqstant, tikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
161. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tirrileva r-rikorrenti, id-dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-każ tar-rikorrenti (EUR 8.49 biljuni) huwa effettivament sittax-il darba inqas minn dak ta’ Atofina (EUR 143 biljun), filwaqt li ż-żieda applikata għall-multa tar-rikorrenti (50 %) hija biss 4 darbiet inqas minn dik applikata għall-multa ta’ Atofina (200 %).
162. Madankollu, din l-osservazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkontestat il-livell taż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti fid-dawl tal-prinċipji invokati minnha.
163. Fl-ewwel lok, din id-differenza fil-konfront tat-trattament mogħti lil impriża oħra ma tfissirx, fiha nfisha, li ż-żieda tar-rikorrenti ma hijiex proporzjonali mal-għan segwit, jiġifieri, skont il-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont tal-multa tagħha jiġi ffissat f’livell li jiggarantixxi li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tar-rikorrenti. Issa, fil-kuntest ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti ma tqajjimx argumenti f’dan ir-rigward.
164. Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti, sa fejn jiffoka fuq is-sitwazzjoni ta’ Atofina u jekk jitqies li huwa fondat, iwassal sabiex iż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti tkun ta’ 12.5 % biss (żieda sittax-il darba inqas minn dik ta’ 200 % imposta fuq Atofina). Issa, fid-dawl tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tar-rikorrenti, kif riflessi mid-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2005, tali żieda ma tkunx suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan segwit.
165. Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li din id-differenza tista’ titqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minn dan ma jirriżultax neċessarjament li r-rikorrenti hija intitolata tikseb tnaqqis taż-żieda imposta.
166. Dwar dan il-punt il-Kummissjoni ġustament tosserva li r-rikorrenti qiegħda tipprova tapplika “bil-maqlub” is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, punti 244 sa 249). Fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, id-dħul mill-bejgħ tal-impriża Showa Denko KK (iktar ’il quddiem “SDK”) kien id-doppju ta’ dak tal-impriża VAW Aluminium AG (iktar ’il quddiem VAW”). Issa, il-Kummissjoni kienet imponiet fuq SDK żieda sitt darbiet ikbar (150 %) minn dik imposta fuq VAW (25 %). Kien f’tali sitwazzjoni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibdel iż-żieda imposta fuq SDK b’żieda ta’ 50 %, jiġifieri d-doppju ta’ dik imposta fuq VAW.
167. Madankollu, dan ma jfissirx li impriża bħalma hija r-rikorrenti tista’ tinvoka favur tagħha allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jirriżulta mill-fatt li ż-żieda imposta fuq impriża ikbar minnha ma hijiex għolja biżżejjed sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenza fid-daqs bejn dawn iż-żewġ impriżi.
168. Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, il-fondatezza tal-livell taż-żieda imposta fuq ir-rikorrenti, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, għandha tiġi eżaminata, jekk ikun il-każ, mhux biss fir-rigward taż-żieda applikata għal Atofina iżda wkoll fir-rigward ta’ dawk applikati għall-impriżi kkonċernati l-oħra.
169. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-parti tal-motiv ma jistax ikollha l-effett li twassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament mogħti lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Sarrió vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 97, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 152).
170. Issa, fir-rikors, ir-rikorrenti ma tqajjimx argumenti f’dan is-sens.
171. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’ordni axxendenti, iż-żidiet applikati fid-deċiżjoni kkontestata kienu s-segwenti:
– Barlo, bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 310.85 miljun (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata), ma kienet suġġetta għal ebda żieda;
– Lucite, bi dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 1.14 biljuni (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata), ma kienet suġġetta għal ebda żieda;
– tliet kumpanniji tal-grupp Total (Arkema, Altuglas u Altumax), bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 5.71 biljuni (premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata), kienu suġġetti għal żieda “ipotetika” ta’ 25 % (fattur multiplikatur ta’ 1.25) għall-finijiet tal-kalkolu taż-żieda minħabba reċidività, żieda li kienet speċifika għal dawn it-tliet kumpanniji (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 233 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, f’deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn dawn il-kumpanniji kontra d-deċiżjoni kkontestata, i l-Qorti Ġenerali naqset l-ammont tal-multa li kienet imposta fuqhom billi kkalkolat mill-ġdid l-ammont globali tagħha fuq il-bażi tal-applikazzjoni taż-żieda ta’ 25 % għall-finijiet tal-effett dissważiv (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2011, Arkema France et vs Il-Kummissjoni, T-217/06, Ġabra p. II-2593, punti 339 u 340);
– ir-rikorrenti, bi dħul mill-bejgħ fl-2005 ta’ EUR 8.49 biljuni, kienet suġġetta għal żieda ta’ 50 % (fattur multiplikatur ta’ 1.5);
– Degussa, bi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 11.75 biljuni, kienet suġġetta għal żieda ta’ 75 % (fattur multiplikatur ta’ 1.75);
– Atofina (ħames kumpanniji tal-grupp Total) kienet suġġetta għal żieda ta’ 200 % (fattur multiplikatur ta’ 3) fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ Total SA fl-2005 ta’ EUR 143.168 biljuni (premessi 349 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata).
172. B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-każ ta’ Atofina huwa każ speċifiku ta’ impriża li kellha dħul mill-bejgħ ħafna ikbar minn dak tal-impriżi kkonċernati l-oħra kollha. Għall-kuntrarju, l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-impriżi l-oħra kien koerenti billi ffissat iż-żidiet bħala 25, 50 u 75 % għall-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom kien, rispettivament, ta’ EUR 5.71, 8.49 u 11.75 biljuni.
173. Huwa minnu li l-Kummissjoni ma segwietx b’mod strett il-proporzjonijiet matematiċi u, b’mod partikolari, id-differenza relattiva fil-livell taż-żieda (f’perċentwali) bejn Arkema u r-rikorrenti (+ 100 %) hija ikbar minn dik bejn id-dħul mill-bejgħ tagħhom (+ 48 %), differenza li hija iżgħar minn dik bejn ir-rikorrenti u Degussa (+ 50 % fir-rigward taż-żieda u + 38 % fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ).
174. Madankollu, din il-konstatazzjoni tal-aħħar ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipji invokati mir-rikorrenti. Fil-fatt, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam u fid-dawl tal-għan ta’ dissważjoni segwit bl-applikazzjoni taż-żidiet inkwistjoni, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, tiżgura li d-differenzi bejn il-livelli ta’ dawn iż-żidiet jirriflettu strettament kull differenza bejn l-impriżi fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom (ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 145 iktar ’il fuq, punt 122). Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ jikkostitwixxi kriterji rilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa f’livell li jiżgura li l-multa jkollha natura suffiċjentement dissważiva, l-iffissar ta’ multa adegwata xorta waħda ma għandux ikun neċessarjament ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu aritmetiku bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 128 iktar ’il fuq, punt 121, u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 145 iktar ’il fuq, punt 120).
175. Minn dan isegwi li t-trattament tal-impriżi li, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, jinsabu f’sitwazzjoni li tixbah iktar lil dik tar-rikorrenti mis-sitwazzjoni ta’ Atofina, ma jippermettix li jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Għall-kuntrarju, l-argument tar-rikorrenti, sa fejn qiegħda titlob trattament proporzjonali esklużivament għal dak ta’ Atofina, jiġifieri, essenzjalment, żieda ta’ 12.5 % (ara l-punt 164 iktar ’il fuq), jekk jiġi aċċettat, ikun ta’ natura li jwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-impriżi kkonċernati l-oħra.
176. F’dan il-kuntest, għandha ssir insistenza wkoll fuq il-fatt li r-rikorrenti ma tirreferix, b’mod partikolari, għall-każ ta’ Lucite. Issa, għandu jitfakkar li r-rikorrenti u Lucite wettqu l-ksur, suċċessivament, bl-istess assi, u li l-Kummissjoni attribwitilhom l-istess ammonti inizjali tal-multa, fuq il-bażi tal-istess dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-prodotti tal-PMMA. Għalhekk, sa dak il-punt, l-ammonti tal-multi ta’ dawn iż-żewġ impriżi kienu kkalkolati bl-istess mod iżda, għall-kuntrarju tar-rikorrenti, Lucite ma kienet suġġetta għal ebda żieda għall-finijiet tal-effett dissważiv. Madankollu, peress li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien 7.5 darbiet inqas minn dak tar-rikorrenti, ma jistax jiġi allegat li ż-żieda ta’ 50 % imposta fuq ir-rikorrenti hija kuntrarja għall-prinċipji invokati.
177. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.
178. Barra minn hekk, għar-raġunijiet preċedenti, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv lanqas ma jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa, sa fejn hija bbażata fuq il-żieda tal-ammont inizjali għall-finijiet tal-effett dissważiv, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ir-rifjut mhux ġustifikat li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni
179. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli rrifjutat li tagħtiha tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kien imissha, minn tal-inqas, irrikonoxxiet il-mertu tal-kooperazzjoni tagħha lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-avviż.
Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar ir-rifjut li jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
180. Din il-parti tal-motiv hija essenzjalment ibbażata fuq żewġ ilmenti. Minn naħa, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat b’mod żbaljat li l-provi li hija kienet ipprovdiet ma kienu kkontribwixxew ebda valur miżjud għall-investigazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li d-dewmien min-naħa tagħha sabiex tipprovdi dawn il-provi, meta mqabbla mal-impriżi kkonċernati l-oħra, kien dovut għall-aġir tal-Kummissjoni.
– Fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-valur miżjud tal-provi inklużi fit-talba skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
181. Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-multi u li hija tista’, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi, li fosthom tinsab il-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati matul l-investigazzjoni mwettqa mid-dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet mogħtija minn impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punti 81 u 88).
182. Sabiex ikun ġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, l-informazzjoni mogħtija għandha tkun tista’ titqies bħala prova ta’ kooperazzjoni reali min-naħa tagħha, sa fejn l-għan ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa huwa li impriża tiġi kkumpensata għal kontribuzzjoni matul il-proċedura amministrattiva li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur b’inqas diffikultà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, punt 305). B’hekk, l-aġir ta’ impriża għandu jiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni, li huwa li tikkonstata u twaqqaf ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 499, u l-ġurisprudenza ċċitata) u għandu juri intenzjoni reali ta’ kooperazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punti 395 u 396).
183. Fid-dawl tar-raġuni wara t-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal-informazzjoni mogħtija, li neċessarjament tiddependi mill-provi li jkollha diġà fil-pussess tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, T-456/05 u T-457/05, Ġabra p. II-1443, punt 221).
184. Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata timmotiva r-raġunijiet għalfejn tqis li l-provi pprovduti minn impriżi fil-kuntest tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew li ma tiġġustifikax tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, huma mill-banda l-oħra l-impriżi li jkunu jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li l-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni mogħtija volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx tkun f’pożizzjoni li tipprova l-elementi essenzjali tal-ksur u għalhekk li tadotta deċiżjoni li timponi multi (sentenza Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, punt 297).
185. Fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li huma altrimenti kien ikollhom iħallsu.
186. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ddikjarat li l-impriżi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jippermettulhom jibbenefikaw minn immunità minn multi jistgħu xorta waħda jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa (punt 20 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni). Skont il-punt 21 tal-avviż imsemmi, sabiex tkun tista’ tikkwalifika għal tali tnaqqis, “impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssuspettat li jirrapreżentaw valur miżjud [sinjifikattiv] b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għandha twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.
187. Barra minn hekk, il-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jippreċiża:
“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.”
188. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti kienet talbet l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fit-18 ta’ Ottubru 2004, dwar li l-Kummissjoni kienet irċeviet talbiet skont dan l-avviż minn Degussa (fl-20 ta’ Diċembru 2002), minn Atofina (fit-3 ta’ April 2003) u minn Lucite (fil-11 ta’ Lulju 2003) (premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti fl-ordni kronoloġiku li fih saru l-komunikazzjonijiet, sabiex b’hekk tiddetermina jekk ir-rikorrenti kinitx ikkontribwixxiet valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-avviż imsemmi. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provi pprovduti mir-rikorrenti ma kinux ikkontribwixxew valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata).
189. F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat kriterju legali żbaljat sabiex tiċħad it-talba tagħha għal tnaqqis tal-ammont tal-multa sa fejn, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti ma kinux ippermettewlha li “tistabbilixxi l-fatti”. Issa, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju korrett, skont il-punt 21 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kien dak tar-rinforz tal-abbiltà tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti.
190. Dan l-argument ma huwiex fondat fil-fatt u għandu jiġi miċħud.
191. Fil-fatt, kif ingħad fil-punt 188 iktar ’il fuq, mill-premessi 416 sa 419 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni applikat b’mod korrett id-dispożizzjoni rilevanti tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri l-punt 21 tiegħu, meta applikat il-kriterju tal-“valur miżjud [sinjifikattiv]” (ara l-punt 188 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fl-ittra tal-11 ta’ Awwissu 2005, fejn informat lir-rikorrenti dwar iċ-ċaħda tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt dan l-avviż, il-Kummissjoni sostniet li “il-provi prodotti [mir-rikorrenti] ma [kienu] jikkontribwixxu ebda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punti 21 u 22 tal-[Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni]”, u b’hekk indikat il-kriterju rilevanti.
192. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-provi prodotti minnha jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 21 u 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
193. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 184 iktar ’il fuq, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-kundizzjonijiet imsemmija kienu sodisfatti. Issa, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li, għalkemm, fir-rikors, ir-rikorrenti tirreferi, b’mod ġenerali u mhux issostanzjat, għall-isforzi kbar li hija għamlet sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni, filwaqt li ssemmi “d-diversi jiem ta’ xogħol ta’ speċjalisti fit-teknoloġija tal-informatika” u “iktar minn elf siegħa ta’ eżami minn konsulenti esterni” li wasslu għall-komunikazzjoni volontarja lill-Kummissjoni ta’ “168 dokument estratti mis-sistemi ta’ ħażna u mis-servers”, l-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest ta’ dan l-ilment huwa fil-verità bbażati fuq ftit dokumenti mill-istess perijodu ta’ żmien bħall-ksur li jissemmew fil-premessi 101, 104, 115 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li dawn id-dokumenti rrinforzaw it-teżi tal-Kummissjoni u kienu ta’ għajnuna fl-investigazzjoni tagħha peress li tirreferi għalihom fid-deċiżjoni kkontestata u li dawn huma dokumenti rari ta’ attwalità fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħti valur kbir lil tali dokumenti ta’ attwalità.
194. Madankollu, dawn l-argumenti ma jippermettux li tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
195. L-ewwel nett, fir-rigward tal-ittra elettronika interna tar-rikorrenti msemmija fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, din tagħmel riferiment għal ftehim dwar żieda fil-prezz għat-tieni perijodu ta’ tliet xhur tal-1998 u għal żieda ta’ 5 % għall-folji introdotti b’effett mill-1 ta’ Jannar 1999 fis-suq tar-Renju Unit (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, id-dokumenti msemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għal żieda fil-prezzijiet għat-tieni nofs tal-1998. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, mid-deċiżjoni kkontestata (ara, pereżempju, il-premessi 155, 157 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata) jirriżulta li, qabel ma rċeviet dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni kienet diġà taf bid-diskussjonijiet dwar il-prezzijiet u bil-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezz fuq livell Ewropew għat-tieni nofs tal-1998.
196. Huwa minnu li, kif issostni r-rikorrenti, id-dokument imsemmi fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata ppermetta lill-Kummissjoni tesponi l-mod kif kienu jiżvolġu l-laqgħat antikompetittivi inkwistjoni. Bl-istess mod, id-dokumenti msemmija fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata juru kif kienu implementati ż-żidiet fil-prezz. Madankollu, din hija biss informazzjoni li permezz tagħha ż-żidiet fil-prezz, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kellha diġà provi suffiċjenti, setgħu jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom.
197. It-tieni nett, fir-rigward taż-żewġ ittri elettroniċi interni tar-rikorrenti msemmija fil-premessa 104 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jintwera l-fatt li ż-żidiet fil-prezz mhux dejjem kienu implementati (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li, qabel ma rċeviet dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni kienet diġà taf b’dan il-fatt u kellha provi f’dan is-sens, kif jirriżulta minn diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata (ara, pereżempju, il-premessi 110, 120, 123, 125, 128, 129, 134, 140, 143, 148, 167 u 184 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt, osservat mir-rikorrenti, li dawn huma l-uniċi dokumenti kontemporanju għall-ksur imsemmija fil-punt 4.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Implementazzjoni u sorveljanza tal-ftehim dwar il-prezz”, ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li jistabbilixxi l-valur miżjud sinjifikattiv tagħhom.
198. It-tielet nett, fir-rigward tal-minuti ta’ laqgħa msemmija fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, dan id-dokument jikkonferma biss li nżammet laqgħa bejn ir-rikorrenti u Degussa fid-data indikata, sa fejn l-informazzjoni dwar in-natura antikompetittiva ta’ din il-laqgħa kienet ingħatat minn Degussa. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni preċiżament li d-dokument imsemmi jattribwixxi natura leġittima lil-laqgħa kkonċernata u għalhekk hija ma tistax validament issostni li dan id-dokument kellu valur miżjud sinjifikattiv għall-Kummissjoni.
199. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li, fil-mument li fih irċeviet id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, hija kellha diġà biżżejjed provi determinanti mingħand impriżi oħra sabiex tistabbilixxi l-fatti. Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, il-kwistjoni ma hijiex dik jekk il-Kummissjoni kinitx diġà rċeviet “biżżejjed provi” sabiex tkun tista tipprova l-fondatezza tat-teżi tagħha, iżda jekk dawn il-provi “jirrinforzawx” din it-teżi. Issa, fil-fehma tar-rikorrenti, tkun kemm tkun solida teżi, din dejjem tista’ tiġi rrinforzata bi provi addizzjonali jew aħjar, u b’mod partikolari b’dokumenti ta’ attwalità.
200. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, dan l-argument essenzjalment ifisser li kull prova ċċitata f’deċiżjoni fil-qasam ta’ akkordji, u a fortiori dokument ta’ attwalità, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkontribwixxi “valur miżjud [sinjifikattiv]” fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u bħala li għalhekk tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa. Issa, tali riżultat ikun inkompatibbli mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq.
201. B’hekk, ġie deċiż, pereżempju, li dikjarazzjoni li sempliċement tikkorrobora, sa ċertu punt, dikjarazzjoni li l-Kummissjoni kellha diġà fil-pussess tagħha ma tiffaċilitax il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv u li tali dikjarazzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba kooperazzjoni (ara s-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 183 iktar ’il fuq, punt 222, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li dokument ikollu ċerta utilità għall-Kummissjoni u li l-Kummissjoni għalhekk tirreferi għalih fid-deċiżjoni tagħha ma jippermettix li jiġi ġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba kooperazzjoni.
202. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tiffoka l-argument tagħha fuq il-formulazzjoni tal-punt 22 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li jipprovdi li għandu jiġi vverifikat jekk “il-provi pprovduti jinforzaw[x] [...] l-abilità tal-Kummissjon i li tipprova l-fatti msemmija”. Għaldaqstant, minn dan il-punt jirriżulta b’mod ċar li dan il-punt qiegħed jistabbilixxi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “valur miżjud” filwaqt li l-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-opportunità ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, stabbilit fil-punt 21 tal-imsemmi avviż, huwa dak tal-“valur miżjud [sinjifikattiv]”. Issa, ir-rikorrenti lanqas biss tipprova tistabbilixxi kif id-dokumenti invokati minnha kienu ffaċilitaw il-kompitu tal-Kummissjoni b’mod “sinjifikattiv”.
203. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma pprovatx li l-konklużjoni tal-Kummissjoni mfakkra fil-punt 188 iktar ’il fuq kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.
204. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.
– Fuq ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dewmien li bih ir-rikorrenti pprovdiet il-provi tagħha meta mqabbla mal-impriżi kkonċernati l-oħra
205. Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kienet ikkawżat it-tressiq tardiv tat-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
206. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tinformaha dwar l-investigazzjoni, u dan għal iktar minn sena wara li kienet informat lill-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordju.
207. Dwar dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma qiegħda tallega ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta minn informazzjoni allegatament tardiva dwar l-investigazzjoni. Għall-kuntrarju, hija qiegħda essenzjalment issostni li l-opportunitajiet tagħha li tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni kienu ġew kompromessi.
208. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel miżura ta’ istruttorja indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni, jiġifieri talba għal informazzjoni, saret fid-29 ta’ Lulju 2004 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Issa, Degussa kienet ressqet it-talba tagħha għal immunità fl-20 ta’ Diċembru 2002 u l-impriżi kkonċernati l-oħra (Atofina, Barlo, u Lucite) kienu neċessarjament informati dwar l-investigazzjoni fil-25 ta’ Marzu 2003, id-data li fiha bdew l-ispezzjonijiet fil-bini tagħhom (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fit-3 ta’ April u fil-11 ta’ Lulju 2003, Atofina u Lucite ressqu t-talbiet rispettivi tagħhom skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, liema talbiet intlaqgħu (ara l-punti 8 u 28 iktar ’il fuq).
209. B’hekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hija differenti minn dik tad-destinatarji l-oħra kollha tad-deċiżjoni kkontestata li setgħu jistennew tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni minħabba li hija kienet is-suġġett tal-ewwel miżura ta’ istruttorja sittax-il xahar wara dawn l-impriżi. Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara pereżempju l-punt 183 iktar ’il fuq), il-mument li fih titressaq talba taħt dan l-avviż jista’ jkun determinanti fir-rigward tal-perspettivi ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa.
210. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ta’ natura li tinvalida l-evalwazzjoni tal-utilità tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni u li twassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa għal din ir-raġuni.
211. Minn naħa, ir-rikorrenti ma tinvoka ebda dispożizzjoni legali li minnha jitnissel obbligu għall-Kummissjoni sabiex, f’dan l-istadju, tinformaha speċifikament dwar l-investigazzjoni jew sabiex timplementa miżura ta’ istruttorja fir-rigward tagħha b’tali mod, b’mod partikolari, li r-rikorrenti tkun tista’ tressaq, f’ħin xieraq, talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
212. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet espliċitament, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li hija setgħet, bħalma setgħet kull impriża kkonċernata oħra, tressaq talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni f’kull mument u, min-naħa l-oħra, li l-provi li jinsabu fil-proċess juru li hija setgħet tkun taf, ħafna qabel l-ewwel miżura ta’ istruttorja fir-rigward tagħha, li kienet inbdiet investigazzjoni fis-settur tal-metakrilati (ara wkoll il-punti 216 u 217 iktar ’il quddiem).
213. Barra minn hekk, għandu jitfakkar b’mod partikolari li mill-Artikoli 11 u 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-16 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li kien fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004, u mill-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament Nru 1/2003, applikabbli wara dik id-data, jirriżulta li l-Kummissjoni “tista’” timplementa miżuri ta’ istruttorja, bħalma huma t-talbiet għal informazzjoni u l-ispezzjonijiet. Kif issostni l-Kummissjoni, ma hemm ebda dispożizzjoni li tobbligaha twettaq tali miżuri simultanjament fir-rigward tal-impriżi kkonċernati kollha.
214. Barra minn hekk, fil-kawża ineżami, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat li, sa minn meta rċeviet ittra minn Lucite fis-7 ta’ April 2003, jiġifieri ftit wara l-ispezzjonijiet tal-25 ta’ Marzu 2003, hija kienet taf bil-possibbiltà li r-rikorrenti kienet implikata fil-każ. Hija indikat, madankollu, li, għall-finijiet tal-ħtiġijiet immedjati tal-investigazzjoni, hija ma kinitx ikkunsidrat li kien neċessarju li tikkuntattja lir-rikorrenti f’dak il-mument partikolari. Fil-fatt, peress li d-dipartiment kummerċjali li kien wettaq il-ksur, ICI Acrylics, kien ġie ttrasferit lil Lucite, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-impriża kienet fl-aħħar pożizzjoni, f’dak l-istadju, sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet tagħha dwar l-akkordju sa fejn kellha aċċess għad-dokumenti u għall-membri tal-persunal ikkonċernati.
215. Sa fejn din l-evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti matul is-seduta, jidher li d-deċiżjoni li ma jsirux miżuri ta’ istruttorja fir-rigward tar-rikorrenti qabel id-29 ta’ Lulju 2004 kienet ibbażata fuq elementi oġġettivi.
216. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pproduċiet żewġ dokumenti li juru li l-eżistenza tal-investigazzjoni inkwistjoni kienet magħmula pubblika mill-Kummissjoni fl-14 ta’ April 2003 u minn Lucite fis-17 ta’ Ġunju 2003, jiġifieri qabel ma Lucite ressqet it-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fil-11 ta’ Lulju 2003 u ħafna qabel ma r-rikorrenti ressqet it-talba tagħha f’dan is-sens fit-18 ta’ Ottubru 2004.
217. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li kien l-aġir tal-Kummissjoni li wassal għat-tressiq tardiv tat-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrikonoxxiet, fid-dawl tad-dokumenti msemmija iktar ’il fuq, li hija setgħet tkun taf li kienet infetħet investigazzjoni. Hija għalhekk iddikjarat li l-ilmenti tagħha fir-rigward tal-Kummissjoni kienu qegħdin jiġi ffokati iktar fuq il-mod kif din tal-aħħar aġixxiet fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite (ara l-punti 219 et seq. iktar ’il quddiem).
218. Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq informazzjoni allegatament tardiva dwar l-eżistenza tal-investigazzjoni għandu jiġi miċħud.
219. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li informat lil Lucite li r-rikorrenti ma kinitx taf bl-investigazzjoni u li skoraġġiet lil Lucite milli tinformaha dwar l-investigazzjoni.
220. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-mod kif il-Kummissjoni aġixxiet fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite, b’mod partikolari fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003 indirizzata lil din l-impriża, kien jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-Kummissjoni informat lil Lucite li r-rikorrenti kienet għadha ma ressqitx talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u għalhekk il-Kummissjoni ma ħallietx lill-impriżi kkonċernati f’pożizzjoni ugwali fir-rigward tal-applikazzjoni tal-avviż imsemmi. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti qiegħda għalhekk titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba ksur tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.
221. Dwar dan il-punt, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, fin-noti tagħha, ir-rikorrenti ma invokatx b’mod espliċitu l-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest ineżami. Madankollu, hija kkritikat b’mod abbondanti l-mod kif il-Kummissjoni aġixxiet fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite, filwaqt li sostniet b’mod partikolari li l-aġir tal-Kummissjoni kien wassal sabiex hija “ma [kinitx] informata dwar l-investigazzjoni b’mod li jqiegħda f’pożizzjoni ugwali bħall-parteċipanti l-oħra fl-investigazzjoni” u li l-Kummissjoni kienet “involviet ruħha fit-tellieqa għad-detriment [tar-rikorrenti]”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-argument imqajjem matul is-seduta jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv indikat fir-rikors promotur u għandu rabta mill-qrib ma’ dan il-motiv u għalhekk għandu jiġi ddikjarat ammissibbli skont l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C-430/00 P, Ġabra p. I-8547, punt 17; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 278 u 279, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T-231/99, Ġabra p. II-2085, punt 156), kif sostniet ir-rikorrenti matul is-seduta. Barra minn hekk, meta ġiet mistiedna sabiex tagħmel osservazzjonijiet dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ma qajmet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-argument.
222. It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji jinsab, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14, u tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni, T-44/90, Ġabra p. II-1, punt 86), Dan l-obbligu joħroġ mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Volkswagen vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 269, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, punt 129).
223. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriżi, tikser dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa miksur meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata).
224. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, l-aġir tal-Kummissjoni fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite.
225. L-argument tar-rikorrenti dwar dan il-punt huwa bbażat fuq skambju ta’ komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u Lucite matul il-proċedura amministrattiva.
226. B’hekk, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2003, jiġifieri ftit ġranet wara l-ispezzjoni tal-25 ta’ Marzu 2003 u qabel ressqet it-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Lucite informat lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, li r-rikorrenti kienet il-proprjetarja tal-“business under investigation” matul il-parti l-kbira tal-perijodu kopert mid-deċiżjoni ta’ ispezzjoni tas-17 ta’ Marzu 2003 u sostniet li l-eventwali responsabbiltà tagħha setgħet tikkonċerna biss il-perijodu minn wara Ottubru 1999. It-tieni nett, Lucite qajmet il-kwistjoni ta’ “jekk il-Kummissjoni [kellhiex] kuntatti ma’ ICI plc jew jekk [kinitx] qiegħda tipproponi li tagħmel dan fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha”. Hija ppreċiżat li “[j]ekk dan ma jkunx il-każ, [hija kienet ser] titlob konferma mingħand il-Kummissjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk kellhiex xi oġġezzjoni li [hija] tikkuntattja lil ICI plc u, meta jkun il-mument opportun, tagħtiha aċċess għall-impjegati tagħha u għad-dokumenti li jikkonċernaw lil ICI Acrylics bil-għan li tkun tista’ tipprepera d-difiża tagħha”.
227. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-kap tad-diviżjoni responsabbli għall-każ wieġeb kif ġej:
“[...] Nixtieq ninformak li aħna ma aħniex qegħdin nieħdu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk Lucite għandhiex tikkuntattja lil ICI plc. Nixtieq iżda niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li f’dan il-każ diġà ngħatat immunità kundizzjonali u li għalhekk kumpanniji oħra li huma involuti fil-proċedura jistgħu jitolbu klemenza biss fuq il-bażi tal-Avviż [dwar il-kooperazzjoni]. Barra minn hekk, il-klemenza tista’ tingħata lil impriża partikolari waħda biss. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li titressaq talba konġunta għal klemenza minn tnejn jew tliet kumpanniji [...]”.
228. Skont ir-rikorrenti, l-ittra tal-Kummissjoni msemmija iktar ’il fuq informat lil Lucite li r-rikorrenti ma kinitx taf bl-investigazzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li Lucite, mill-ittra u minn kuntatti orali sussegwenti, ingħatat x’tifhem li l-Kummissjoni kienet qiegħda twissiha sabiex ma tikkuntattjax lir-rikorrenti.
229. Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, ir-rikorrenti tqajjem ukoll numru ta’ noti ulterjuri ta’ Lucite, ippreparati wara li din tal-aħħar ressqet it-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fil-11 ta’ Lulju 2003, u wara li r-rikorrenti kienet ġiet formalment informata mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-investigazzjoni, permezz tat-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Lulju 2004 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).
230. B’hekk, f’ittra elettronika tat-12 ta’ Awwissu 2004 indirizzata lir-rikorrenti, l-avukat ta’ Lucite indika b’mod partikolari: “Kif indikajt matul il-laqgħa tagħna, kien hemm numru ta’ osservazzjonijiet ifformulati matul l-investigazzjoni li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma xtaqitx li Lucite tiddiskuti l-affari ma’ ICI”.
231. Bl-istess mod, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ittra elettronika tat-3 ta’ Settembru 2004, indirizzata mill-avukat ta’ Lucite lill-amministratur tal-Kummissjoni responsabbli għall-każ, fejn l-avukat indika li “ICI [kienet] talbet mingħand Lucite numru ta’ dokumenti kif ukoll l-assistenza tagħha, assistenza li Lucite ma [kinitx] kuntrattwalment marbuta li tagħti”. Barra minn hekk, Lucite ippreċiżat li hija “[kienet] eżitanti sabiex tilqa’ tali talbiet mingħajr konferma bil-miktub dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fid-dawl tat-talba [tagħha] għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa” u li dan kien “dovut parzjalment għall-impressjoni li [hija] kienet ħadet fuq il-bażi tal-konverżazzjonijiet telefoniċi u kuntatti preċedenti mal-Kummissjoni fis-sens li din tal-aħħar ma kinitx ikkuntattjat lil ICI u ma xtaqitx li [hija stess] tikkuntattjaha (minkejja li l-Kummissjoni kienet formalment indikat, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, li hija ma kinitx qiegħda tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni)”.
232. F’ittra tas-7 ta’ Settembru 2004 indirizzata lil Lucite, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellha ebda oġġezzjoni li Lucite tagħti aċċess lir-rikorrenti għall-persunal tagħha u għad-dokumenti tagħha. Fl-istess ħin, hija kkontestat b’mod mill-iktar qawwi li hija kienet tat xi tip ta’ istruzzjoni lil Lucite fir-rigward tal-kuntatti mar-rikorrenti.
233. Fl-aħħar nett, b’reazzjoni għal din l-ittra tal-aħħar, f’ittra tas-7 ta’ Settembru 2004 indirizzata lill-Kummissjoni, Lucite, l-ewwel nett, fakkret il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2003 u, it-tieni nett, indikat dan li ġej:
“Matul konverżazzjonijiet telefoniċi u skambji ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub mal-Kummissjoni (li nistgħu nindikawlek fid-dettall jekk ikun neċessarju) kien ċar għal Lucite li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ICI plc ma tiġix ikkuntattjata għalissa.
Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi u fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni kompleta u sistematika fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni taħt l-Avviż [dwar il-kooperazzjoni], Lucite ikkonkludiet — konklużjoni li, fil-fehma tagħna, kienet konklużjoni sostanzjalment konformi — li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-possibbiltà li Lucite tikkuntattja lil ICI plc fil-kuntest tal-investigazzjoni inkwistjoni, u dan minkejja li, kif enfasizzajt fl-ittra tiegħek tal-lum, il-Kummissjoni ma ħarġitx ‛istruzzjoni’ formali dwar din il-kwistjoni.”
234. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti (ara l-punt 220 iktar ’il fuq), l-iskambji msemmija, u b’mod partikolari l-ittra tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2003, ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba jew ta’ ugwaljanza fit-trattament.
235. B’mod partikolari, minn dawn l-iskambji jirriżulta b’mod ċar, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li hija ma tat ebda istruzzjoni formali lil Lucite, fir-rigward tal-opportunità li tikkuntattja lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni. Fil-fatt, fl-ittra tat-8 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni espliċitament iddikjarat li hija ma kinitx qiegħda tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, fin-noti tagħha, Lucite stess tammetti li l-Kummissjoni ma tatx tali istruzzjoni u tirreferi biss għall-“impressjoni” tagħha li l-Kummissjoni “ma ħaditx pożizzjoni favorevoli fir-rigward tal-possibbiltà li Lucite tikkuntattja [lir-rikorrenti]”.
236. Barra minn hekk, ir-riferiment ġenerali li Lucite tagħmel għall-konverżazzjonijiet telefoniċi u għal kuntatti oħra mal-Kummissjoni (ara l-punti 231 u 233 iktar ’il fuq), ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tal-kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (ara l-punt 232 iktar ’il fuq) u fin-nuqqas ta’ provi oħra, li effettivament kienu ngħatawlha tali istruzzjonijiet.
237. Bl-istess mod, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma indikatx lil Lucite jekk hija kinitx diġà kkuntattjat lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni jew jekk ir-rikorrenti kinitx diġà ressqet talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
238. Huma minnu li l-formulazzjoni tal-ittra tat-8 ta’ Mejju 2003 setgħet raġonevolment tinftiehem minn Lucite fis-sens li ma kienx fl-interess tagħha li din tikkuntattja lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni sabiex tagħtiha aċċess għall-impjegati tagħha u għad-dokumenti dwar ICI Acrylics bil-għan li r-rikorrenti tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ddikjaratx sempliċement li hija “ma kinitx qiegħda tieħu pożizzjoni” dwar din il-kwistjoni, iżda kompliet l-ittra tagħha billi indikat, essenzjalment, il-kundizzjonijiet li fihom Lucite setgħet tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa, filwaqt li enfasizzat li l-klemenza setgħet tingħata biss lil impriża partikolari waħda biss. Fuq din il-bażi, Lucite setgħet tassumi wkoll li r-rikorrenti, f’dak l-istadju, ma kinitx informata dwar l-eżistenza tal-investigazzjoni u ma kinitx ressqet talba għal klemenza.
239. Barra minn hekk, in-noti ulterjuri ta’ Lucite (ara l-punti 230, 231 u 233 iktar ’il fuq) jikkonfermaw b’mod ċar li dan kien effettivament il-mod kif hija fehmet il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, espressa fl-ittra tagħha t at-8 ta’ Mejju 2003.
240. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipji mqajma mir-rikorrenti.
241. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, fis-sens li l-klemenza setgħet tingħata biss lil impriża partikolari waħda biss u li għalhekk ma kienx possibbli li titressaq talba konġunta għal klemenza minn żewġ kumpanniji. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’din l-ittra, il-Kummissjoni sempliċement tindika lil Lucite il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
242. Issa, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-avviż imsemmi, Lucite kien imissha kellha hija stess dubji dwar jekk il-fatt li tikkuntattja lir-rikorrenti setax ikun ta’ natura li jinfluwenza negattivament l-opportunitajiet tagħha li tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, dan joħroġ mill-ittra tagħha tas-7 ta’ April 2003 (ara l-punt 226 iktar ’il fuq) fejn titlob preċiżament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. Bl-istess mod, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, li jinkoraġġixxi lil kull impriża sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni qabel l-impriżi kkonċernati l-oħra, Lucite kien imissha, fi kwalunkwe każ, hija u tanalizza l-istrateġija tagħha fil-kuntest tal-investigazzjoni, telqet mill-ipoteżi li r-rikorrenti kienet il-kompetitriċi potenzjali tagħha fit-“tellieqa” għall-klemenza.
243. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li, permezz tal-kuntatti msemmija iktar ’il fuq ma’ Lucite, il-Kummissjoni “involviet ruħha fit-tellieqa għad-detriment [tar-rikorrenti]”, kif issostni din tal-aħħar (ara l-punt 221 iktar ’il fuq). Fil-fatt, fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, Lucite seta’ raġonevolment ikollha konoxxenza tal-informazzjoni li ngħatatilha.
244. B’hekk, id-deċiżjoni ta’ Lucite li ma tikkuntattjax lir-rikorrenti dwar l-investigazzjoni għandha titqies bħala r-riżultat tal-perspettiva li kellha hija stess fir-rigward tal-interess tagħha fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ Lucite kienet tkun differenti biss li kieku l-Kummissjoni kienet espliċitament awtorizzatha sabiex tikkuntattja lir-rikorrenti filwaqt li tiggarantilha li dan ma kienx ser ikollu impatt fuq l-opportunitajiet tagħha minħabba kooperazzjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tallega li l-Kummissjoni kienet obbligata tipprovdi lil Lucite tali garanziji, fid-dawl tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament invokati minnha jew, barra minn hekk, fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
245. B’hekk, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma b’mod ċar differenti minn dawk fil-kawża li wasslet għas-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, fejn il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament kien jirriżulta minn kummenti li kienu jiddiskriminaw b’mod ċar lill-kumpannija kkonċernata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, punt 136). Kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex stabbilit li kien hemm tali sitwazzjoni fil-kawża ineżami.
246. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.
247. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka effettivament l-aġir tal-Kummissjoni fil-kuntatti tagħha ma’ Lucite sabiex tikkontesta l-applikazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tagħha.
248. Fil-fatt, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-utilità oġġettiva tal-provi kkomunikati fir-rigward tal-iskoperta u tal-konstatazzjoni tal-ksur, u min-naħa l-oħra, li din il-komunikazzjoni hija intiża li tinkoraġġixxi lill-membri ta’ kartelli sabiex jikkooperaw mal-Kummissjoni minn rajhom. Issa, il-Kummissjoni ma tistax titqies li hija responsabbli la għall-portata limitata tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti u lanqas għan-natura tardiva tal-kooperazzjoni tagħha. Għall-kuntrarju, dawn l-elementi huma imputabbli lir-rikorrenti stess, kif jirriżulta mill-proċess, u, jekk ikun il-każ, lis-sitwazzjoni fattwali oġġettiva li fiha kienet tinsab minħabba t-trasferiment ta’ ICI Acrylics lil Lucite. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tirrikonoxxi li hija setgħet tkun taf bl-investigazzjoni minn tal-inqas mill-14 ta’ April 2003 (ara l-punti 212, 216 u 217 iktar ’il fuq).
249. Barra minn hekk, ma huwiex stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut differenti dwar dan il-punt li kieku l-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, kienet sempliċement astjeniet milli tieħu pożizzjoni dwar it-talba ta’ Lucite. Għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2003, fis-sens li, fi kwalunkwe każ, ma kienx possibbli li titressaq talba konġunta f’dan ir-rigward mir-rikorrenti u minn Lucite.
250. Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.
Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar ir-rifjut li jiġi rrikonoxxut il-mertu tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni
251. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega li għandha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u dan minħabba l-kooperazzjoni volontarja kunsiderevoli min-naħa tagħha matul l-investigazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li hija kkontribwixxiet b’kooperazzjoni effettiva u utli meta pprovdiet informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li l-Kummissjoni kienet talbet skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, bħalma huma b’mod partikolari l-provi inkriminanti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tagħha fir-rigward tal-folji solidi tal-PMMA.
252. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, il-Kummissjoni tidentifika ċirkustanza attenwanti dwar il-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
253. F’dan il-każ, fil-premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li hija kienet eżaminat, taħt id-dispożizzjoni msemmija, jekk il-kooperazzjoni ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati kinitx ippermettitilha li tikkonstata l-eżistenza tal-ksur b’inqas diffikultà. Fil-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tipprovdi li, fid-dawl tal-portata u tal-valur ferm limitati tal-kooperazzjoni tagħhom u fid-dawl tal-kontestazzjoni tagħhom tal-fatti apparti din il-kooperazzjoni limitata, ma kien hemm ebda ċirkustanza oħra li kienet twassal għal tnaqqis tal-ammonti tal-multi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tnaqqis li fi kwalunkwe każ, fil-każijiet dwar akkordji sigrieti, jista’ jkun biss ta’ natura eċċezzjonali.
254. Dwar dan il-punt tal-aħħar, il-Kummissjoni ċċitat id-deċiżjoni tagħha C (2005) 4012 finali, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 — Tabakk mhux immanifatturat — l-Italja), fejn hija rtirat l-immunità kundizzjonali mogħtija lil impriża minħabba li din kienet sussegwentement naqset milli twettaq l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Il-Kummissjoni kienet xorta waħda tat lil din l-impriża tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti fis-sens tal-Linji gwida sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni sostanzjali li din l-impriża kienet tat lill-investigazzjoni tagħha.
255. Barra minn hekk, fir-rigward b’mod speċifiku tar-rikorrenti, il-Kummissjoni sostniet ukoll, fil-premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
256. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata sa fejn limitat il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa lil hinn mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għal “ċirkustanzi eċċezzjonali” (premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata).
257. Dan l-argument għandu jiġi miċħud.
258. Fil-fatt, l-applikazzjoni tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida ma jistax ikollha l-konsegwenza li ċċaħħad il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tagħha. Issa, mill-imsemmija komunikazzjoni jirriżulta b’mod ċar li din il-komunikazzjoni tiddefinixxi l-qafas li fil-kuntest tagħha jistgħu jiġu kkumpensati, minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi li huma jew li kienu msieħba f’akkordji sigrieti b’impatt fuq l-Unjoni. Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, l-impriżi jistgħu jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom biss meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-avviż.
259. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti effettivament ressqet talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u li l-kooperazzjoni tagħha kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-avviż għalkemm tqieset insuffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant, din il-kawża hija nettament differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T-224/00, Ġabra p. II-2597), invokata mir-rikorrenti. Fil-fatt, f’din il-kawża tal-aħħar, l-impriża kkonċernata pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar atti li fir-rigward tagħhom, fi kwalunkwe każ, hija ma setgħetx tevita multa u li għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-impriża msemmija kien xorta waħda jistħoqqilha tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida, u dan fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-kooperazzjoni tagħha kienet ippermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi tul itwal għall-ksur (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 294 sa 298, 306 u 311). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, f’dik is-sentenza, ma aċċettatx li l-kooperazzjoni ta’ impriża tista’ tkun ikkumpensata anki jekk ma tissodisfax il-kriterju tal-valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.
260. Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti fis-sens li, essenzjalment, tnaqqis tal-ammont tal-multa jkun iġġustifikat għas-sempliċi raġuni li impriża tikkomunika informazzjoni li tmur lil hinn minn dik li l-Kummissjoni tkun talbet il-produzzjoni tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, bħalma huma b’mod partikolari provi inkriminanti.
261. Huwa minnu li ġie deċiż li l-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tagħti ebda dritt għal xi tnaqqis tal-ammont tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx marret lil hinn minn dak li jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-12/89, Ġabra p. II-907, punti 341 u 342, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq, punt 451). Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li raġunament bil-maqlub huwa wkoll minnu. Fil-fatt, anki provi inkriminanti jistgħu jkunu ta’ utilità limitata għall-Kummissjoni, b’mod partikolari meta mqabbla mal-kontribuzzjonijiet preċedenti minn impriżi oħra. Issa, l-utilità ta’ informazzjoni tikkostitwixxi l-element determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq).
262. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li s-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji gwida kellha tkun fuq bażi eċċezzjonali.
263. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-kriterju taċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali” kien sodisfatt fil-każ ineżami. Hija tippreċiża li hija applikat sforzi kunsiderevoli sabiex tippreżenta dokumenti ta’ attwalità, li sussegwentement ġew iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, u dan minkejja li hija kienet ittrasferiet ICI Acrylics ħames snin qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni, minkejja li ma kellha konoxxenza ta’ ebda wieħed mill-fatti inkwistjoni u kienet tħalliet barra mill-investigazzjoni sa stadju tardiv tagħha u li hija kienet tqiegħdet f’pożizzjoni sfavorevoli fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni “mingħajr raġuni leġittima”.
264. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma rribattietx l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li, minn total ta’ 168 dokument mibgħuta lilha mir-rikorrenti, uħud minnhom kienu utli biss fir-rigward ta’ informazzjoni ġenerali, pereżempju fuq ċerti aspetti tal-implementazzjoni tal-akkordju, filwaqt li ebda wieħed minnhom ma ppermetta lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-fatti, fid-dawl tal-informazzjoni li kellha diġà fil-pussess tagħha (premessa 419 tad-deċiżjoni kkontestata).
265. It-tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċirkustanzi ineżami humiex tant “eċċezzjonali” li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ma tistax tinjora l-kwalità u l-utilità oġġettiva tal-informazzjoni mibgħuta għall-finijiet tal-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 181 sa 183 iktar ’il fuq).
266. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-utilità tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kienet limitata ħafna sa fejn, b’mod partikolari, ma ppermettietx lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza, il-portata jew it-tul tal-ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, punti 302 u 311).
267. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-provi invokati mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 263 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma għandhiex raġun meta ssostni li t-tressiq tardiv tat-talba tagħha taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni seta’ jiġi imputat lill-aġir tal-Kummissjoni (ara l-punti 212, 216 u 217 iktar ’il fuq).
268. Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti fis-sens li, meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li ttrattat lir-rikorrenti bl-istess mod bħall-parteċipanti fl-akkordju li ma kinux ikkooperaw minkejja li r-rikorrenti u dawn tal-aħħar ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet analogi.
269. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriżi, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 259 iktar ’il fuq, punt 308 u l-ġurisprudenza ċċitata).
270. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjoni komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
271. Ir-rikorrenti ma tistabbilixxix ksur ta’ dan il-prinċipju fil-kawża ineżami.
272. Minn naħa, ir-rikorrenti ma tirribattix l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li l-Kummissjoni ttrattat lir-rikorrenti bl-istess mod bħall-parteċipanti l-oħra kollha fl-akkordju li ressqu talba taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, filwaqt li evalwat il-provi pprovduti minn kull waħda minn dawn il-parteċipanti.
273. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ Barlo, jiġifieri l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata li ma ressqitx tali talba, u li, bħar-rikorrenti, ma ngħatatx tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta li, l-istess bħal Barlo, ir-rikorrenti ma pprovdietx informazzjoni li l-utilità tagħha kienet tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ Barlo, fid-dawl tal-għan segwit mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa li r-rikorrenti qiegħda tippretendi fil-kuntest ta’ dan il-motiv, u li r-rikorrenti ngħatat, f’dan ir-rigward, l-istess trattament.
274. Barra minn hekk, u għal kwalunkwe utilità li din il-kunsiderazzjoni jista’ jkollha, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (T-208/06, Ġabra p. II-7953, punt 274), jirriżulta li Barlo wkoll ikkooperat, sa ċertu punt, mal-Kummissjoni, mingħajr ma din il-kooperazzjoni kienet iġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa.
275. Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn hija intiża li tissostanzja t-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.
276. Barra minn hekk, għar-raġunijiet preċedenti, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ħames motiv ma jippermettux li jiġi ġġustifikat tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.
277. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq is-sitt motiv, imqajjem matul is-seduta bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura
278. Ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċedura amministrattiva u tal-proċedura ġudizzjarja, meta kkunsidrati flimkien, jeċċeddi żmien raġonevoli, bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, hija tosserva li l-ewwel miżura adottata fil-konfront tagħha fil-kuntest ta’ din l-affari tmur lura għad-29 ta’ Lulju 2004 u li, meta nżammet is-seduta, fit-8 ta’ Novembru 2011, hija kienet għadha qiegħda tistenna s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
279. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika speċifikament it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bejn l-għeluq tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali. Hija ssostni li ma taf b’ebda ċirkustanza li tista’ tiġġustifika dan it-tul.
280. Għaldaqstant, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, u fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott inkonnessjoni mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P), u Solvay vs Il-Kummissjoni (C-110/10 P), Ġabra p. I-10329 u Ġabra p. I-10439 rispettivament, ir-rikorrenti ssostni li t-tul eċċessiv tal-proċedura kellu jwassal għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata.
281. Il-Kummissjoni ssostni li jeżistu ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw it-tul tal-proċedura. Fi kwalunkwe każ, hija tenfasizza l-fatt li dan il-motiv ma jistax jiġi indirizzat kontra d-deċiżjoni kkontestata u li t-tul tal-proċedura amministrattiva ma jistax jitqies bħala eċċessiv. Barra minn hekk, hija tosserva li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex ċari.
282. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipprovdi li kull persuna hija intitolata għal smigħ imparzjali, pubbliku u fi żmien raġonevoli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, li għandha tiddeċiedi jew dwar kontestazzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet u l-obbligi ċivili tagħha jew dwar il-fondatezza ta’ kull akkuża kriminali kontra tagħha.
283. Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, tali dritt japplika fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dan id-dritt ġie kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), li jikkonċerna l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punti 178 u 179, u l-ġurisprudenza ċċitata).
284. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli japplika wkoll fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala tali, dan il-prinċipju ġie kkonfermat fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.
285. Għalhekk, l-Artikolu 41(1) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistqarru darbtejn l-istess prinċipju ta’ natura proċedurali, jiġifieri dak li l-individwi jistgħu jistennew li deċiżjoni tiġi adottata fi żmien raġonevoli.
286. Fil-kawża ineżami, filwaqt li ssostni l-ksur ta’ dan il-prinċipju, ir-rikorrenti ma tallegax li t-tul tal-proċedura kellu xi tip ta’ impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew li dan it-tul jista’ jaffettwa s-soluzzjoni ta’ din il-kawża. B’mod partikolari, hija ma tallegax li dan it-tul kellu xi tip ta’ effett fuq il-possibbiltajiet tagħha sabiex tipprepara d-difiża tagħha, la waqt il-proċedura amministrattiva u lanqas matul il-proċedura ġudizzjarja. Barra minn hekk, hija lanqas ma qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-ksur allegat.
287. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti qiegħda titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tul eċċessiv tal-proċedura għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa għal din ir-raġuni, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq.
288. Għandu jitfakkar li l-kawża li wasslet għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, kienet tikkonċerna appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali li, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha f’dan ir-rigward, kienet imponiet fuq ir-rikorrenti multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ġurisdizzjoni sħiħa li tista’ tibbenefika minnha l-Qorti tal-Ġustizzja meta tannulla sentenza tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi dwar ir-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 206).
289. Fil-punt 33 tas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret f’dan ir-rigward id-dritt tar-rikorrenti għal proċess ġust fi żmien raġonevoli u, b’mod partikolari, għall-għoti ta’ deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-akkużi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mressqa kontriha mill-Kummissjoni u tal-multi li jkunu ġew imposti fuqha (sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 207).
290. Wara li kkonstatat li, f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali kienet ħadet iktar minn żmien raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex tiggarantixxi rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità proċedurali, li permezz ta’ annullament u ta’ tibdil tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali limitati għall-kwistjoni biss tal-iffissar tal-ammont tal-multa, hija setgħet, fil-kawża ineżami, tagħti s-sodisfazzjon ġust meħtieġ (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 47, 48 u 141, u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 208).
291. Għandu jiġi kkonstatat li din is-soluzzjoni hija applikabbli, b’analoġija, għall-kawża ineżami.
292. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sħiħa bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, u li, barra minn hekk, ir-rikorrenti ressqet talbiet f’dan is-sens.
293. Issa, kif diġà ġie deċiż, din il-ġurisdizzjoni sħiħa tippermetti lill-Qorti Ġenerali tirriforma l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha, sabiex tibdel, pereżempju, l-ammont tal-multa imposta (sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, punt 692; Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 112 iktar ’il fuq, punt 86, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, punt 577).
294. B’hekk, fl-eventwalità li f’din il-kawża jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli, inkluż, jekk ikun il-każ, minħabba t-tul tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar tkun tista’, billi tirriforma d-deċiżjoni kkontestata, tikkundanna lir-rikorrenti tħallas ammont li minnu, jekk ikun il-każ, titnaqqas parti bħala sodisfazzjon ġust għat-tul eċċessiv tal-proċedura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 210).
295. Tali eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa huwa meħtieġ, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex jiġi żgurat rimedju immedjat u effettiv kontra tali ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 48).
296. Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza meħtieġa sabiex tiddeċiedi dwar it-talba espliċita tar-rikorrenti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura, inkluż sa fejn din it-talba tikkonċerna t-tul tal-proċedura quddiemha [ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott, iċċitati fil-punt 280 iktar ’il fuq, punti 243 285 (Kawża C-109/10 P) u punti 86 u 118 (Kawża C-110/10 P)].
297. Barra minn hekk, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li dan il-motiv jikkonċerna t-tul globali tal-proċedura fir-rigward tar-rikorrenti, jiġifieri t-tul ikkunsidrat flimkien tal-proċedura amministrattiva u ta’ dik ġudizzjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm tqajjem biss matul is-seduta, dan il-motiv ma jistax jitqies li huwa inammissibbli minħabba n-natura tardiva tiegħu, inkluż sa fejn jikkonċerna t-tul tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, it-tul globali tal-proċedura jikkostitwixxi punt ta’ fatt ġdid li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jiġġustifika t-tressiq ta’ dan il-motiv fil-mori tal-kawża.
298. F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li t-tul tal-proċedura kkritikat mir-rikorrenti jaqa’ bejn id-29 ta’ Lulju 2004, id-data li fiha ttieħdet l-ewwel miżura ta’ istruttorja indirizzata lir-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, u t-8 ta’ Novembru 2011, id-data li fiha nżammet is-seduta f’din il-kawża. Dan it-tul għalhekk huwa ta’ madwar seba’ snin u erba’ xhur.
299. In-natura raġonevoli ta’ dan iż-żmien għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-interess tal-kawża għall-persuna kkonċernata, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll tal-aġir tal-persuna kkonċernata u ta’ dak tal-awtoritajiet kompetenti (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punt 29, u FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 288 iktar ’il fuq, punt 212).
300. Għandu jiġi osservat li dan it-tul globali kkritikat mir-rikorrenti jista’ jinqasam f’żewġ fażijiet manifestament distinti, jiġifieri l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u l-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali.
301. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma spjegatx kif it-tul ta’ din il-proċedura jista’, bħala tali, jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv.
302. Fi kwalunkwe każ, dan it-tul fir-rigward tar-rikorrenti (madwar sena u għaxar xhur, bejn id-29 ta’ Lulju 2004 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fil-31 ta’ Mejju 2006) ma jistax, fiċ-ċirkustanzi ineżami, jitqies bħala wieħed eċċessiv. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li kienet involuta investigazzjoni li implikat numru kbir ta’ impriżi u li kienet teħtieġ l-eżami ta’ numru kbir ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-proċedura mill-Kummissjoni fil-premessi 79 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu identifikati perijodi ta’ inattività mhux ġustifikata.
303. Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat it-tul tal-proċedura ġudizzjarja fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża ineżami (ara l-punt 299 iktar ’il fuq).
304. Fir-rigward tal-interess tal-kawża għar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma tqajjem ebda argument f’dan ir-rigward.
305. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti, fil-kawża ineżami, ma hijiex qiegħda titlob l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonstata r-responsabbiltà tagħha għall-ksur tal-Artikolu 81 KE. B’hekk, ir-rikorrenti ma talbitx li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-akkużi magħmula fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni u għalhekk il-kawża ma tikkonċernax il-kwistjoni ta’ jekk jeżistix jew le ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq, punti 30 u 33, u Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 283 iktar ’il fuq, punt 186).
306. B’hekk, l-uniku interess li din il-kawża jista’ jkollha għar-rikorrenti jikkonċerna l-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, għandha ssir insistenza fuq il-fatt li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jippermetti li tiġi evalwata l-importanza ta’ dan l-interess għaliha.
307. Barra minn hekk, għalkemm, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li l-motivi invokati insostenn ta’ dan ir-rikors, anki jekk jitqiesu kollha bħala fondati, ma setgħux iwasslu direttament għat-tħassir tal-multa iżda għal tnaqqis tal-ammont tagħha biss.
308. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li din il-kawża għandha interess importanti għar-rikorrenti.
309. Fir-rigward tal-aġir tar-rikorrenti, dan ma kkontribwixxiex b’mod sinjifikattiv għat-tul tal-proċedura.
310. Fir-rigward tal-aġir tal-awtoritajiet kompetenti u tal-kumplessità tal-kawża, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-perijodu bejn id-data tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub fil-11 ta’ April 2007 u d-data tal-ftuħ tal-proċedura orali fil-15 ta’ Settembru 2011 (madwar erba’ snin u ħames xhur), tul ikkritikat mir-rikorrenti, huwa wieħed kunsiderevoli.
311. Madankollu, dan it-tul huwa dovut għaċ-ċirkustanzi u għall-kumplessità tal-kawża.
312. B’hekk, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li erbatax-il kumpannija, li jikkostitwixxu ħames impriżi fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, kienu kisru l-Artikolu 81 KE permezz ta’ numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-metakrilati (ara l-punti 1 sa 4 iktar ’il fuq). Ir-rikors tar-rikorrenti jikkostitwixxi wieħed minn ħames rikorsi kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ġew ippreżentati f’żewġ lingwi tal-kawża differenti.
313. Dawn ir-rikorsi qajmu numru kunsiderevoli ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi li rrikjedew istruttorja approfondita min-naħa tal-Qorti Ġenerali, istruttorja li implikat, b’mod partikolari, miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati f’kull waħda minn dawn il-kawża kif ukoll il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura f’waħda minnhom.
314. Barra minn hekk, minħabba li dawn ir-rikorsi kienu relatati, fid-dawl tas-suġġett tagħhom, kien meħtieġ li dawn jiġu eżaminati, parzjalment, b’mod parallel. Madankollu, ħlief għal konnessjoni iktar mill-qrib bejn tnejn minn dawn ir-rikorsi (Kawżi T-206/06 u T-217/06), kull wieħed minn dawn ir-rikorsi qajjem punti ta’ fatt u ta’ liġi differenti, b’tali mod li l-effetti ta’ sinerġija kienu limitati. Il-Qorti Ġenerali għalhekk tat ħames sentenzi, b’din is-sentenza tkun l-aħħar waħda f’dan il-grupp, filwaqt li s-sentenzi l-oħra huma tas-7 ta’ Ġunju 2011, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (T-206/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra), Arkema France et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 171 iktar ’il fuq, tal-15 ta’ Settembru 2011, Lucite International u Lucite International UK vs Il-Kummissjoni (T-216/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra), u tat-30 ta’ Novembru 2011, Quinn Barlo et vs Il-Kummissjoni (T-208/06, Ġabra p. II-7953).
315. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-istruzzjoni approfondita tal-kawża ppermettiet b’mod partikolari li din is-sentenza tingħata fi żmien relattivament qasir wara l-għeluq tal-proċedura orali fil-15 ta’ Diċembru 2011, u dan minkejja r-restrizzjonijiet lingwistiċi imposti fuq il-Qorti Ġenerali skont ir-Regoli tal-Proċedura.
316. B’hekk, it-tul tal-proċedura ġudizzjarja kkunsidrata b’mod ġenerali jammonta għal ħames snin u disa’ xhur.
317. Issa, fin-nuqqas ta’ argument min-naħa tar-rikorrenti fir-rigward tal-interess li għandha din il-kawża għaliha, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 305 sa 308 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li l-kawża, minħabba n-natura tagħha jew minħabba l-importanza tagħha għar-rikorrenti, ma kinitx teħtieġ ħeffa partikolari, dan it-tul ma huwiex ta’ natura, fiċ-ċirkustanzi ineżami, li jiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont tal-multa mitlub.
318. Din il-konstatazzjoni għandha ssir, a fortiori , fir-rigward tat-tul globali tal-proċedura amministrattiva u tal-proċedura ġudizzjarja li huwa s-suġġett ta’ dan il-motiv (ara l-punti 297 u 298 iktar ’il fuq), li, meta kkunsidrat b’mod globali, ma jistax jitqies bħala eċċessivament twil fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżaminati iktar ’il fuq.
319. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud, kif għandu jiġi miċħud ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
320. Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Imperial Chemical Industries Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.