EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0208

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) tat-30 ta' Novembru 2011.
Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tal-metakrilati - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE - Kunċett ta' ksur uniku - Tul tal-ksur - Multi - Gravità tal-ksur - Ċirkustanzi attenwanti.
Kawża T-208/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-07953

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:701

Kawża T-208/06

Quinn Barlo Ltd et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-metakrilati — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Kunċett ta’ ksur uniku — Tul tal-ksur — Multi — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Neċessità ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq — Preżunzjoni li hemm din ir-rabta kawżali

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftiehma” — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ serje ta’ indizji — Grad tas-saħħa probatorja meħtieġa fir-rigward ta’ indizji kkunsidrati individwalment

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Akkordji — Parteċipazzjoni ta’ impriża f’inizjattivi antikompetittivi — Natura suffiċjenti, għar-responsabbiltà tal-impriża, ta’ approvazzjoni taċita mingħajr tbegħid pubbliku

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Użu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur bħala mezzi ta’ prova — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

7.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċeduri fil-qasam tal-kompetizzjoni — Applikabbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Dritt Komunitarju — Interpretazzjoni — Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni

10.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni

(Artikolu 81(1) KE)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Impatt konkret fuq is-suq — Obbligu li jintwera tali impatt sabiex ksur jiġi kklassifikat bħala serju ħafna — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi attenwanti — Rwol passiv jew emulattiv tal-impriża

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Aġir diverġenti minn dak miftiehem fl-akkordju

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

1.      Sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Konsegwentement, ma hemmx bżonn li l-effetti ta’ prattika miftiehma jiġu analizzati ladarba l-għan antikompetittiv tagħha jiġi stabbilit.

(ara l-punt 39)

2.      Fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE, anki jekk il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, barra l-prattika miftiehma bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jseħħ wara din il-prattika miftiehma u rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi, hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja, li huma l-operaturi kkonċernati li għandhom jirrappurataw, illi l-impriżi li pparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jkunu baqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiġi ddeterminat l-aġir tagħhom f’dan is-suq.

(ara l-punt 40)

3.      Il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huma forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li ma jistgħux jiġu distinti ħlief mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw irwieħhom.

Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li involva l-parteċipazzjoni ta’ diversi manifatturi għal numru ta’ snin bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma hijiex mistennija li tikklassifika l-ksur b’mod preċiż, għal kull impriża u f’kull waqt partikolari, bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE.

F’dan il-kuntest, il-klassifikazzjoni doppja ta’ ksur uniku bħala “ftehim u bħala prattika miftiehma” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi punti ta’ fatt, li wħud minnhom ġew ikklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix klassifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless.

(ara l-punti 34, 41, 42)

4.      Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-provi li huma kapaċi juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ.

Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa kull rekwiżit meta mqabbla ma’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati b’mod globali, jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur min-naħa ta’ impriża tal-Artikolu 81(1) KE ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien.

(ara l-punti 43-45)

5.      Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet ipparteċipat f’dawn il-laqgħat b’għanijiet differenti minn tagħhom.

Ir-raġuni wara dan il-prinċipju ta’ dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu.

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li impriża ma timplementax ir-riżultati ta’ laqgħa li għandha għan antikompetittiv ma hijiex ta’ natura li teżoneraha mir-responsabbiltà tagħha għal parteċipazzjoni f’akkordju, sakemm hija ma tkunx tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ diżassoċjazzjoni pubblika bħala element ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. B’mod partikolari, is-silenzju osservat minn operatur f’laqgħa li fiha sseħħ prattika miftehma illeċita fuq kwistjoni preċiża relatata mal-politika tal-prezzijiet ma jistax jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ nuqqas ta’ approvazzjoni sod u ċar.

(ara l-punti 47-50)

6.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-ebda dispożizzjoni, u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tagħmel użu minn dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra. Id-dikjarazzjonjiet li saru fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ma għandhomx valur probatorju biss minħabba dan il-fatt.

Huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dik tal-oħrajn. Madankollu, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkriminat. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni.

B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, il-fatt li persuna tistqarr li hija wettqet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni, jimplika a priori, fin-nuqqas ta’ fatti partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli.

Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar jekk ma tkunx ikkorroborata minn provi oħrajn.

Għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li ressqu talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u l-assenza ta’ indizji li dawn kienu jippruvaw jimminimizzaw l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u jimmassimizzaw dik tal-impriżi l-oħrajn. Barra minn hekk, ir-rilevanza ta’ dikjarazzjoni tinfluwenza, skont il-każ, il-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ.

Iċ-ċirkustanza li dikjarazzjoni saret fi stadju ferm avvanzat tal-proċedura, jiġifieri fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma tippermettix, bħala tali, li d-dikjarazzjoni, li għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ta’ dan il-każ, tiġi mċaħħda minn kull valur probatorju. Madankollu, tali dikjarazzjoni għandha inqas valur probatorju milli kieku saret b’mod spontanju u dan irrispettivament mid-dikjarazzjoni magħmula minn impriża oħra. B’mod partikolari, meta l-impriża li tressaq talba għal immunità tkun taf x’elementi tkun ġabret il-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, il-loġika inerenti fil-proċedura prevista mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri li kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża, ma tkunx applikabbli bl-istess mod bħal meta tkun dikjarazzjoni spontanja, fejn l-impriża ma tkunx taf x’inhuma l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjonijiet li d-dikjarazzjonijiet abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni li jmorru kontra l-interessi ta’ min jagħmilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli jistgħu ma jkunux għalkollox applikabbli fir-rigward tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ impriża li qed tressaq talba għal immunità.

(ara l-punti 52-56, 97, 108, 109)

7.      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, meta quddiem il-Qorti Ġenerali jiġi ppreżentat rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 81(1) KE ġewx sodisfatti jew le.

L-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, li bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

(ara l-punti 57, 58)

8.      F’dan ir-rigward, fid-dawl tan-natura tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ dan il-ksur għandha natura personali.

Il-ftehim u l-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE neċessarjament jirriżultaw mill-kollaborazzjoni ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu forom differenti, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet imfittxija u l-modalitajiet ta’ implementazzjoni magħżula jew maħsuba.

Madankollu, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’modi partikolari għaliha ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż l-aġir li jiġi materjalment implementat minn impriżi parteċipanti oħra li madankollu jkollu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv.

Barra minn hekk, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew minn aġir kontinwat. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwat jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom u meqjusa waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, anki jekk ikun ġie stabbilit li l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat direttament biss f’wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur. Minbarra dan, il-fatt biss li l-impriża ma kinitx attiva fis-settur ikkonċernat ma jimplikax neċessarjament li din l-impriża ma tistax tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ksur uniku kollu.

Sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ftehim uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju.

B’hekk, tali impriża ma tistax tiġi kkunsidrata responsabbli ta’ akkordju globali ħlief jekk, minn naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet ipparteċipat, b’mod partikolari, bis-saħħa ta’ laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni normali, u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju. Is-sempliċi fatt li l-għan ta’ ftehim li fih ipparteċipat impriża u dak ta’ akkordju globali jkunu l-istess, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija tkun ipparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-impriża kienet taf u kellha għanijiet antikompetittivi li jikkonċernaw wieħed mill-prodotti li jaqgħu taħt is-settur ikkonċernat ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm dak l-għarfien fir-rigward tal-għan uniku li kellu l-akkordju uniku f’dan is-settur kollu. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’settur partikolari, peress li l-effett tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku tista’ toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li aġir differenti li jirrigwarda settur ekonomiku, ipprojbit mill-Artikolu 81(1) KE, ikollu b’mod sistematiku, jiġi kklassifikat bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku.

(ara l-punti 125-128, 143, 144, 149)

9.      Il-parti operattiva ta’ att ma tistax tiġi separata mill-motivazzjoni tiegħu u għandha tiġi interpretata, jekk ikun hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu.

(ara l-punt 131)

10.    It-tul tal-ksur huwa element kostituttiv tal-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova huwa, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. Fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi.

Barra minn hekk, il-fatt li l-kartell, bħala tali, kien baqa’ mhux interrott ma jippermettix illi jiġi eskluż illi wieħed jew iktar mill-parteċipanti tiegħu kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom matul xi żmien.

Jekk il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwata ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt illi l-kwistjoni jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma tistax tiġi eżaminata b’mod astratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni, li jinkludi, jekk ikun il-każ, il-modalitajiet speċifiċi tal-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża kkonċernata fl-akkordju.

(ara l-punti 155, 156, 159)

11.    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni skont il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għandha ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li sservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, u dik tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża kkonċernata, fejn din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti.

Fil-fatt, il-punti 2 u 3 tal-imsemmija linji gwida jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma partikolari għal kull impriża kkonċernata. B’mod partikolari, il-punt 3 tal-linji gwida jipprovdi, taħt it-titlu ta’ “Ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità” [“ċirkustanzi attenwanti”], lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Għalhekk, isir riferiment għar-rwol passiv ta’ impriża, għan-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim, għat-tmiem tal-ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, għall-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża dwar in-natura illegali tal-aġir segwit, għall-fatt li l-ksur kien twettaq b’negliġenza kif ukoll għall-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tevalwa l-effetti tal-aġir ta’ impriża b’mod partikolari. Fil-fatt, l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali tal-multi, ma humiex dawk li jirriżultaw mill-aġir effettiv li impriża tallega li tkun adottat, iżda dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu li hija tkun ipparteċipat fih.

Għalhekk, meta l-impriża ma hijiex responsabbli mill-akkordju kollu, iżda tista’ tiġi akkużata biss b’parti minn dan l-akkordju, dan il-fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa neċessarjament inqas gravi minn dak imputat lill-awturi tal-ksur li pparteċipaw fil-partijiet kollha tal-ksur, li jkunu kkontribwixxew iktar għall-effiċjenza u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn awtur tal-ksur li kien involut biss f’parti waħda ta’ dan l-istess akkordju. Issa, impriża ma tista’ qatt tingħata multa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont parteċipazzjoni f’aġir kollużiv li hija ma tinstabx responsabbli għalih.

(ara l-punti 183-185, 197-200)

12.    Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq impriża, mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jirriżulta li l-akkordji orizzontali tal-prezzijiet jew tat-tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr l-obbligu tal-Kummissjoni li turi impatt reali tal-ksur fis-suq. Fil-fatt, tali akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar ibsin. L-impatt reali li jista’ jkollhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tal-assenza tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi.

(ara l-punt 189)

13.    Rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ ftehim antikompetittiv jew ta’ ftehim antikompettivi. Fost l-elementi tali li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju, kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur.

(ara l-punt 224)

14.    Għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti minħabba nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva ta’ ftehim jew ta’ prattiki illegali, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi msemmija mill-impriża kkonċernata humiex ta’ natura tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih ħadet sehem fil-ftehim illegali, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju.

(ara l-punt 231)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

30 ta’ Novembru 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-metakrilati – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Kunċett ta’ ksur uniku – Tul tal-ksur – Multi – Gravità tal-ksur – Ċirkustanzi attenwanti”

Fil-Kawża T‑208/06,

Quinn Barlo Ltd, stabbilita f’Cavan (l-Irlanda),

Quinn Plastics NV, stabbilita f’Geel (il-Belġju),

Quinn Plastics GmbH, stabbilita f’Mainz (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn W. Blau, F. Wijckmans u F. Tuytschaever, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn V. Bottka u S. Noë, sussegwentement minn V. Bottka u N. Khan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati), sa fejn jirrigwardaw lir-rikorrenti, kif ukoll, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn jimponi multa fuq ir-rikorrenti jew, iktar sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont ta’ dik il-multa,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz, President tal-Awla, I. Labucka (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat b’mod partikolari li ċertu numru ta’ impriżi kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw, matul diversi perijodi bejn it‑23 ta’ Jannar 1997 u t-12 ta’ Settembru 2002, f’għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma antikompetittivi fis-settur tal-metakrilati, li jkopru t-territorju kollu taż-ŻEE (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan huwa ksur uniku u kontinwat li jirrigwarda t-tliet prodotti magħmula mill-polimetakrilat tal-metil (iktar ’il quddiem il-“PMMA”) li ġejjin: il-komponenti tal-forom, il-folji solidi u l-folji f’tagħmir sanitarju. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn it-tliet prodotti magħmula mill-PMMA huma distinti kemm mil-lat fiżiku kif ukoll minn dak kimiku u għandhom użi differenti, imma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu grupp uniku u omoġenju ta’ prodotti minħabba l-materja prima komuni tagħhom, il-metakrilat tal-metil (iktar ’il quddiem l-“MMA”) (premessi 4 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur inkwistjoni kien jikkonsisti f’diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kif ukoll fil-konklużjoni, fl-implementazzjoni u fil-monitoraġġ ta’ ftehim dwar il-prezzijiet li kienu jipprevedu jew żidiet jew, għall-inqas, stabilizzazzjoni tal-livell tal-prezzijiet eżistenti, fl-eżami tat-trasferiment tal-ispiża tas-servizzi supplimentari fuq ix-xerrejja, fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment importanti u kunfidenzjali dwar is-swieq u/jew l-impriżi, kif ukoll fil-parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u f’kuntatti oħrajn intiżi sabiex jiffaċilitaw il-ksur (Artikolu 1 u premessi 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Id-deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lil Degussa AG, lil Röhm GmbH & Co. KG u lil Para-Chemie GmbH (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien “Degussa”), lil Total SA, lil Elf Aquitaine SA, lil Arkema SA (li qabel kien jisimha Atofina SA), lil Altuglas International SA u lil Altumax Europe SAS (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien “Atofina”), lil Lucite International Ltd u lil Lucite International UK Ltd (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien “Lucite”), lil ICI plc, kif ukoll lir-rikorrenti, Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH.

5        Ir-rikorrenti jifformaw parti mill-konglomerat Irlandiż Quinn Group Ltd, li fis-7 ta’ Mejju 2004, wara l-perijodu tal-ksur inkwistjoni, akkwista l-kapital azzjonarju kollu tal-kumpannija parent prinċipali tal-grupp Barlo (Barlo Group plc, sussegwentement imsejjaħ Barlo Group Ltd) (premessa 299 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti huma r-riżultat tal-integrazzjoni tal-attivitajiet tat-tliet kumpanniji preċedenti tal-grupp Barlo (iktar ’il quddiem imsejħa flimkien “Barlo”) fil-grupp Quinn f’Jannar 2005:

–        Quinn Plastics GmbH hija s-suċċessura ta’ Barlo Plastics GmbH. Skont id-deċiżjoni kkontestata, Barlo Plastics GmbH ipparteċipat fl-aġir kollużiv ikkonstatat fis-settur tal-metakrilati (premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Quinn Plastics NV hija s-suċċessura ta’ Barlo Plastics NV. Din tal-aħħar kienet il-kumpannija parent ta’ Barlo Plastics GmbH, fejn indirettament kellha fil-pussess tagħha 100 % mill-kapital tagħha (premessi 38, 43 u 301 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Quinn Barlo hija s-suċċessura ta’ Barlo Group Ltd. Din hija l-kumpannija parent ta’ dak li kien il-grupp Barlo, u għandha fil-pussess tagħha, direttament jew indirettament, 100 % mill-kapital tal-kumpanniji preċedenti Barlo (premessi 300 u 301 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Ir-rikorrenti huma t-tlieta li huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, billi l-Kummissjoni kkunsidrat li matul it-tul tal-ksur Quinn Barlo u Quinn Plastics NV kienu responsabbli għall-aġir ta’ Quinn Plastics GmbH (li qabel kienet Barlo Plastics GmbH) (premessi 301 u 304 u Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata nbdiet wara li Degussa, fl-20 ta’ Diċembru 2002, ressqet talba għal immunità abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

8        Fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni wettqet xi spezzjonijiet fil-bini ta’ Atofina, ta’ Barlo, ta’ Degussa u ta’ Lucite (premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara dawn l-ispezzjonijiet, Atofina u Lucite ressqu, rispettivament fit-3 ta’ April u fil-11 ta’ Lulju 2003, talbiet għal immunità jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni (premessi 60 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-18 ta’ Ottubru 2004, ICI ressqet talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata). Barlo ma ressqet l-ebda talba abbażi tal-imsemmi avviż.

9        Mid-9 ta’ April 2003 sad-29 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lil Barlo diversi talbiet għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), u abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessi 62 sa 79 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fis-17 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tikkonċerna ksur uniku u kontinwat relatat mal-MMA, kif ukoll mal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA, mal-folji solidi magħmula mill-PMMA u mal-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA, u bagħtitha b’mod partikolari lir-rikorrenti u lil Quinn Plastics, SA (premessa 85 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Inżammu seduti fil-15 u fis-16 ta’ Diċembru 2005.

12      Fid-dawl tal-elementi prodotti mill-impriżi fit-tweġibiet tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u waqt is-seduta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tabbanduna ċerti lmenti, b’mod partikolari:

–        l-ilmenti mqajma kontra l-kumpanniji kollha destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-parti tal-ksur relatata mal-MMA;

–        l-ilmenti mqajma kontra r-rikorrenti u kontra Quinn Plastics, SA fir-rigward tal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA;

–        l-ilmenti mqajma kontra Quinn Plastics, SA dwar il-folji solidi magħmula mill-PMMA (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fil-31 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonstatat li huma kienu pparteċipaw fil-ftehim u fil-prattiki miftiehma antikompetittivi msemmija fil-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq, matul il-perijodu mit-30 ta’ April 1998 sal-21 ta’ Awwissu 2000 [Artikolu 1(l) sa (n) tad-deċiżjoni kkontestata] u imponiet fuqhom multa ta’ EUR 9 000 000, li huma qed jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas tagħha [Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni kkontestata].

14      Fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, l-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat il-gravità tal-ksur u kkonstatat, qabelxejn li, fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li huwa kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE, dan kien ksur serju ħafna fis-sens tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) (premessi 319 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      It-tieni nett, hija kkunsidrat li, fil-kategorija tal-ksur serju ħafna, fir-rigward tal-impriżi seta’ jiġi applikat trattament differenzjat b’tali mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li f’dan il-każ l-impriżi kkonċernati “[setgħu] jiġu suddiviżi fi [tliet] kategoriji skont il-piż relattiv tagħhom f’termini ta’ dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tal-prodotti magħmula mill-PMMA li għalihom huma [kienu] pparteċipaw fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni ddikjarat li Barlo, bi dħul mill-bejgħ fuq il-livell taż-ŻEE ta’ EUR 66 370 000 fl-2000 għall-folji solidi magħmula mill-PMMA, kellha tiġi kklassifikata fit-tielet kategorija.

16      Barra minn hekk, dejjem fid-dawl ta’ trattament differenzjat, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 25 % lill-ammont inizjali tal-multa kkalkolat għar-rikorrenti, u mmotivatu b’dan il-mod (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata):

“[I]l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ma huwiex evidenti jekk Barlo ħaditx sehem jew le f’kuntatti kollużivi fir-rigward tal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA jew tal-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA. Konsegwentement, jidher li Barlo ma kinitx taf jew seta’ kien il-każ li mhux neċessarjament kienet taf bil-proġett globali tal-arranġamenti antikompetittivi […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17      Dawn il-kunsiderazzjonijiet wasslu lill-Kummissjoni biex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 15 000 000 (premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      It-tieni nett, il-Kummissjoni eżaminat it-tul tal-ksur u kkonstatat li, billi r-rikorrenti kienu pparteċipaw fil-ksur matul sentejn u tliet xhur, l-ammont inizjali kellu jiżdied b’20 % (10 % għal kull sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni) (premessi 351 sa 353 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa tar-rikorrenti ġie ffissat għal EUR 18 000 000 (premessa 354 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      It-tielet nett, il-Kummissjoni eżaminat iċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti. Hija ma aċċettat l-ebda ċirkustanza aggravanti kontra r-rikorrenti. Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni aċċettat l-argument tar-rikorrenti li huma kellhom biss rwol passiv u minuri fil-ksur u, konsegwentement, hija tathom tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa (premessi 372 sa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Il-Kummissjoni ma laqgħetx iċ-ċirkustanzi attenwanti l-oħra mressqa mir-rikorrenti (premessi 375 sa 396 tad-deċiżjoni kkontestata) u b’hekk iffissat l-ammont tal-multa għal EUR 9 000 000 (premessa 397 tad-deċiżjoni kkontestata). Billi r-rikorrenti ma bbenefikawx mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, dan huwa l-ammont finali tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      Il-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, billi l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tistieden lill-Kummissjoni twieġeb għal ċerti mistoqsijiet u tipproduċi xi dokumenti. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu previst.

24      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-10 ta’ Mejju 2011. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproduċiet dokumenti supplimentari bi tweġiba għat-talba msemmija fil-punt preċedenti, li ġew inklużi fil-fajl. Billi r-rikorrenti kienu affermaw li huma setgħu jieħdu pożizzjoni dwar dawn id-dokumenti waqt is-seduta, il-proċedura orali ngħalqet wara dan.

25      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardawhom;

–        sussidjarament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jirrigwardahom;

–        iktar sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jimponi fuqhom multa ta’ EUR 9 000 000 u tnaqqas l-ammont tal-multa fid-dawl tal-argumenti mressqa insostenn ta’ dan ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

27      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 81 KE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 81 KE

28      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx biżżejjed kif l-aġir ta’ Barlo kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE. Dan il-motiv huwa suddiviż, essenzjalment, fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tal-ħames laqgħat li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardahom u jilmentaw li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kuntatti jew ta’ skambji oħrajn li jimplikawhom. Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, huma jsostnu li l-Kumissjoni ma stabbilixxietx li Barlo kienet ipparteċipat fi “proġett antikompetittiv uniku u komuni”. Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li Barlo kienet ħadet sehem fi ksur kontinwat.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-allegata evalwazzjoni żbaljata tal-laqgħat u ta’ kuntatti jew ta’ skambji oħrajn li kienu jimplikaw lil Barlo

29      Din il-parti tal-ewwel motiv hija bbażata fuq tliet ilmenti.

30      Qabelxejn, filwaqt li jammettu l-preżenza ta’ Barlo waqt erbgħa mill-ħames laqgħat ikkonċernati (jiġifieri, il-laqgħat li saru fil-Ġermanja, eżattament f’Dernbach f’April 1998, f’Darmstadt fid-29 ta’ Ġunju 1998, f’Heidelberg fl-24 ta’ Frar 2000 u f’Deidesheim fil-21 ta’ Awwissu 2000), ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-preżenza tagħha waqt dawn il-laqgħat kienet tikkostitwixxi restrizzjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni u ksur tal-Artikolu 81 KE. It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkontestaw li Barlo kienet preżenti għall-ħames laqgħa kkonċernata, jiġifieri dik ta’ Barcelona f’Mejju-Ġunju 1999, u jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li din il-laqgħa kienet saret. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummssjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, minbarra l-preżenza ta’ rappreżentant ta’ Barlo waqt l-erba’ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li huma kienu involuti fi kwalunkwe kuntatt jew skambju antikompetittiv ieħor.

–       Fuq l-erba’ laqgħat fejn ġiet ammessa l-preżenza ta’ Barlo

31      Ir-rikorrenti jikkontestaw li kisru l-Artikolu 81 KE minħabba li rappreżentant ta’ Barlo ħa sehem fl-erba’ laqgħat ikkonċernati. Minn naħa, huma jikkontestaw id-deskrizzjoni ta’ dawn il-laqgħat aċċettata fid-deċiżjoni kkontestata minħabba li din ma hijiex sostnuta biżżejjed mill-provi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li kien hemm “spjegazzjoni leġittima” għall-aġir ta’ Barlo. Huma josservaw li l-interessi tal-parteċipanti fl-akkordju ma kinux bilfors allinjati ma’ dawk ta’ Barlo sa fejn din tal-aħħar la kienet topera fis-settur tal-MMA u lanqas f’dak tal-prodotti l-oħra kollha magħmula mill-PMMA. Skont ir-rikorrenti, billi l-politika tal-prezzijiet ta’ Barlo ma kinitx kompatibbli mal-għanijiet tal-akkordju u billi s-sehem tas-suq tagħha beda jikber, il-parteċipanti fl-akkordju probabbilment riedu jivverifikaw jekk Barlo setgħetx tiġi inkluża fl-akkordju, billi stednuha għal xi laqgħat li kellhom aġenda “innoċenti” jew għal xi okkażjonijiet fejn ma kienet prevista l-ebda laqgħa. Il-provi inklużi fil-fajl tal-Kummissjoni juru li dawn it-tentattivi fallew u li Barlo kompliet issegwi l-politika kummerċjali tagħha bil-għan li tkabbar is-sehem tas-suq tagħha.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel xejn li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li “[…] billi pparteċipaw […] f’għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-metakrilati, li jkopru t-territorju kollha [kollu] taż-ŻEE u li kienu jikkonsistu f’diskussjonijiet dwar il-prezzijiet kif ukoll fil-konklużjoni, fl-implementazzjoni u fil-monitoraġġ ta’ ftehim dwar il-prezzijiet li kienu jipprevedu jew żidiet jew, għall-inqas, stabilizzazzjoni tal-livell tal-prezzijiet eżistenti, fl-eżami tat-trasferiment tal-ispiża tas-servizzi supplimentari fuq ix-xerrejja, fl-iskambju ta’ informazzjoni importanti mil-lat kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u/jew l-impriżi, kif ukoll fil-parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u f’kuntatti oħrajn maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-ksur, inkluż il-kontroll tal-implementazzjoni”.

33      Skont l-Artikolu 81(1) KE, huma inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu pprojbiti l-ftehim kollu bejn l-impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn l-impriżi u l-prattiki kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huma forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li ma jistgħux jiġu distinti ħlief mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw irwieħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 131 u 132, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 23).

35      Biex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod determinat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

36      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jipprevedi forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma tkun ġiet estiża b’tali mod li twassal għar-realizzazzjoni ta’ ftehim veru u proprju, tissostitwixxi b’mod konsapevoli l-kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskji għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 115, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

37      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi b’mod nett kull kuntatt dirett jew indirett bejn dawn l-operaturi li permezz tiegħu jista’ jiġi influwenzat l-aġir fis-suq ta’ kompetituri attwali jew potenzjali, jew jiġu żvelati lil dan il-kompetitur id-deċiżjonijiet jew id-deliberazzjonijiet dwar l-aġir fis-suq, meta dan il-kuntatt ikollu bħala għan li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jkunux dawk normali tas-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punti 115 sa 117, u T‑Mobile Netherlands et, punt 34 iktar ’il fuq, punt 33).

38      Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri jista’ jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jelimina l-inċertezza ta’ kif jaħdem is-suq inkwistjoni u b’hekk jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn l-impriżi (sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 34 iktar ’il fuq, punt 35).

39      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fl-evalwazzjoni ta’ jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Konsegwentement, ma hemmx bżonn li r-riżultat ta’ prattika miftiehma jiġi analizzat ladarba l-għan antikompetittiv tagħha jiġi stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 34 iktar ’il fuq, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Barra minn hekk, anki jekk il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, barra l-prattika miftiehma bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jseħħ wara din il-prattika miftiehma u rabta kawżali bejn dawn iż-żewġ elementi, jista’ jiġi preżunt illi l-impriżi li pparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jkunu baqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom; din il-preżunzjoni hija suġġetta għal prova kontrarja li għandha titressaq mill-operaturi interessati li jużawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza T‑Mobile Netherlands et, punt 34 iktar ’il fuq, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ diversi manifatturi għal numru ta’ snin bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma hijiex mistennija li tikklassifika l-ksur b’mod preċiż, għal kull impriża u f’kull waqt partikolari, bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punti 111 sa 114, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 696).

42      F’dan il-kuntest, il-klassifikazzjoni doppja tal-ksur uniku bħala “ftehim u bħala prattika miftiehma” għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi punti ta’ fatt li wħud minnhom ġew ikklassifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix klassifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (sentenzi Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 264, u HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 187).

43      Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova tal-ksur, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tipproduċi l-provi li huma kapaċi juru, kif titlob il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58). F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex ikollha l-konvinzjoni ċerta li l-ksur seħħ (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 55).

44      Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa kull rekwiżit meta mqabbla ma’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li l-ġabra ta’ provi prodotta mill-istituzzjoni, evalwata b’mod globali, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur minn naħa ta’ impriża tal-Artikolu 81(1) KE ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat, iżda flimkien (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet antikompetittivi jseħħu b’mod klandestin u li, għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indikazzjonijiet li, meta jkunu kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57).

47      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi għadd ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat tkun ġiet stabbilita, hija din l-impriża li għandha tipproduċi indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’għanijiet differenti minn tagħhom (sentenzi Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 155; Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 96, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 81).

48      Ir-raġuni wara dan il-prinċipju ta’ dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma ddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet se timxi miegħu (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 82).

49      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li impriża ma timplementax ir-riżultati ta’ laqgħa li għandha għan antikompetittiv ma hijiex ta’ natura li teżoneraha mir-responsabbiltà tagħha għal parteċipazzjoni f’akkordju, sakemm hija ma tkunx iddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 85).

50      Barra minn hekk, ġie deċiż li l-kunċett ta’ diżassoċjazzjoni pubblika bħala element ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. B’mod partikolari, is-silenzju osservat minn operatur f’laqgħa li fiha jsir ftehim illegali fuq kwistjoni preċiża relatata mal-politika tal-prezzijiet ma jistax jiġi interpretat bħala nuqqas ta’ approvazzjoni soda u ċara (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, Ġabra p. II‑4567, punti 103 u 124).

51      Madankollu, għandu jiġi osservat ukoll li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq dwar l-approvazzjoni taċita hija bbażata fuq il-premessa li l-impriża kkonċernata tkun ipparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi għadd ta’ ftehim ta’ natura antikompetittiva (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 81) jew ta’ natura manifestament antikompetittiva (sentenza Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 155). Konsegwentement, meta n-natura antikompetittiva ta’ laqgħa ma tiġix stabbilita bla ebda dubju, dik il-ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 91).

52      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar il-valur tad-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talbiet abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-ebda dispożizzjoni u l-ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tagħmel użu minn dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra li huma akkużati li pparteċipaw fl-akkordju sabiex tużahom kontra impriża oħra (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, punt 512). Id-dikjarazzjonjiet li saru fil-kuntest tal-avviż dwar il-kooperazzjoni għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li ma għandhomx valur probatorju biss minħabba dan il-fatt (sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punti 57 u 58).

53      Huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak ta’ oħrajn. Madankollu, fid-dawl tal-loġika inerenti għall-proċedura prevista mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni ta’ dan l-avviż bil-għan li jinkiseb tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi mhux idonei fil-konfront tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkriminat. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li din tibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 58).

54      B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, il-fatt li persuna tistqarr li hija kkommettiet ksur u li tammetti għalhekk l-eżistenza ta’ fatti li jmorru lil hinn minn dawk li l-eżistenza tagħhom setgħet tiġi dedotta b’mod dirett mid-dokumenti inkwistjoni, jimplika a priori, fin-nuqqas ta’ fatti partikolari li jindikaw il-kuntrarju, li din il-persuna ddeċidiet li tgħid il-verità. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min għamilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punti 211 u 212; tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 166, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 59).

55      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li pparteċipat f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi akkużati oħra, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza tal-ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar jekk ma tkunx ikkorroborata minn provi oħrajn (sentenzi tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 219; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 285, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 293).

56      Għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li ressqu talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minn naħa, l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 220, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 70) u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ indikazzjoni li dawn kienu jipprovaw jimminimizzaw l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u jimmassimizzaw dik tal-impriżi l-oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punti 62 u 295).

57      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju f’dan il-każ, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, meta quddiem il-Qorti Ġenerali jitressaq rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti għandha teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ sabiex issir taf jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE ġewx sodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni japplika b’mod partikolari għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (sentenza Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 149 u 150).

59      Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-kunsiderazzjonjiet ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fejn essenzjalment jingħad li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-erba’ laqgħat inkwistjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE.

60      L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħa ta’ April 1988 f’Dernbach, din ġiet deskritta kif ġej fil-premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata:

“F’April 1998, fil-lukanda […] f’Dernbach saret it-tieni laqgħa minn fost dawk imsemmija iktar ’il fuq fil-premessa 144. Skont Atofina, din kellha wkoll bħala għan l-implementazzjoni ta’ strutturi tariffarji ġodda fil-Ġermanja u l-parteċipanti ħadu xi passi sabiex jiżguraw irwieħhom li dawn l-istrutturi jaħdmu sew u jiġu osservati, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ prezzijiet ogħla għall-kwantitajiet żgħar u t-tnaqqis fl-ispejjeż li għandhom jiġu ttrasferiti lill-klijenti […]. Barlo tikkonferma li saret din il-laqgħa u l-preżenza ta’ [B.] tindika li l-laqgħa għall-ewwel kellha l-għan li teżamina l-kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp tas-suq imma li l-aġenda fil-fatt ġiet estiża għat-tħabbira tal-istrutturi tariffarji l-ġodda li kienu se jissarrfu fi spejjeż ta’ servizzi ogħla għall-klijenti. Billi l-parteċipanti ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar il-fatturazzjoni tal-ispejjeż tas-servizzi lill-klijenti, Barlo ma għamlet l-ebda tentattiv biex iżżid il-prezz medju tal-folji solidi magħmula mill-PMMA wara l-laqgħa […]. Anki jekk Degussa tikkunsidra li jista’ jkun li din il-laqgħa kienet l-istess waħda bħal dik tas-16 ta’ Marzu 1998 imsemmija iktar ’il fuq fil-premessa 148 […], il-Kummissjoni tikkonkludi, abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ Atofina u ta’ Barlo, li l-laqgħa msemmija f’din il-premessa saret tabilħaqq f’April 1998.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

61      Mill-fajl kif ukoll mid-diċitura stess tal-premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li sabiex tiddetermina l-kontenut tal-laqgħa inkwistjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq żewġ elementi, jiġifieri fuq dikjarazzjoni ta’ Atofina magħmula fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni u fuq it-tweġiba tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

62      Issa, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li ġie stabbilit kif titlob il-liġi li l-laqgħa inkwistjoni kellha għan manifestament antikompetittiv.

63      Minn naħa, ir-rikorrenti għandhom żball meta jissuġġerixxu li d-deskrizzjoni mogħtija minn B. hija l-unika prova dwar in-natura antikompetittiva ta’ dik il-laqgħa. Fil-fatt, mid-dikjarazzjoni ta’ Atofina jirriżulta li dik il-laqgħa kellha l-għan li tiżgura l-funzjonament u l-osservanza tal-istrutturi l-ġodda tal-prezzijiet, għan li għandu jiġi kklassifikat bħala manifestament antikompetittiv. Is-sempliċi fatt li din kienet deskrizzjoni ġenerali li tapplika għal diversi laqgħat ma jimmodifikax dik il-konklużjoni.

64      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jqegħdux f’dubju l-eżattezza tad-deskrizzjoni mogħtija mir-rappreżentant tagħhom, B. Issa, bil-kontra ta’ dak li qed isostnu, din id-deskrizzjoni tippermetti wkoll li jiġi kkonstatat li din kienet laqgħa ta’ akkordju. Fil-fatt, jirriżulta li matulha tħabbru strutturi ġodda għall-prezzijiet u li dawn l-istrutturi l-ġodda tal-prezzijiet ġew diskussi anki jekk, skont B., il-parteċipanti ma rnexxilhomx jilħqu qbil f’dan ir-rigward. Il-fatt li, skont B., dik id-diskussjoni ma wasslitx għal ftehim ma jneżżax lil din il-laqgħa min-natura manifestament antikompetittiva tagħha, peress li matulha kien hemm, mill-inqas, skambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

65      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li dawn iż-żewġ elementi jikkorroboraw lil xulxin, b’mod partikolari fir-rigward tad-diskussjoni dwar l-“istrutturi l-ġodda tal-prezzijiet” u l-preżenza ta’ Barlo matul din id-diskussjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li Atofina semmiet li għal din il-laqgħa kienu preżenti impriżi oħrajn, li l-preżenza tagħhom lanqas ma ġiet aċċettata mid-deċiżjoni kkontestata, ma jagħtix lok li tiġi invalidata l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti.

66      Barra minn hekk, lanqas l-affermazzjonijiet ta’ Degussa fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jippermettu li titqiegħed f’dubju d-deskrizzjoni mogħtija minn Atofina u minn B. Fil-fatt, Degussa sempliċement affermat li hija ma setgħetx tikkonferma speċifikatament li kienet saret laqgħa f’April 1998, filwaqt li saħqet fuq il-fatt li hija lanqas ma setgħet teskludi dan. Hija qalet li kien possibbli li din kienet l-istess laqgħa tas-16 ta’ Marzu 1998. Issa, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 92 tad-deċiżjoni kkontestata, Degussa semmiet ukoll li għal dik l-aħħar laqgħa kien preżenti rappreżentant ta’ Barlo.

67      Inċidentalment, f’dikjarazzjoni oħra, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni mingħand il-Kummissjoni, Atofina qalet ukoll li l-laqgħa inkwistjoni ma saritx f’April, imma fis-16 ta’ Marzu 1998, filwaqt li kkonfermat id-deskrizzjoni tagħha. Madankollu, dik l-inċertezza dwar id-data eżatta tal-laqgħa kkonċernata ma hijiex tali li teżonera lir-rikorrenti, meta jiġu kkunsidrati d-dikjarazzjonijiet tagħhom stess u l-fatt li d-data aċċettata, jiġifieri April 1998 minflok is-16 ta’ Marzu 1998, tivvantaġġjahom, peress li hija dik id-data (l-aħħar jum ta’ April) li l-Kummissjoni aċċettat bħala l-bidu tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur.

68      It-tieni nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-aġir ta’ Barlo waqt il-laqgħa ta’ Dernbach, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma jiċħdux il-preżenza tagħha waqt il-laqgħa inkwistjoni u ma jallegawx li din iddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

69      F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sempliċi preżenza ta’ Barlo waqt il-laqgħa hija biżżejjed biex jiġi kkonstatat li l-aġir tagħha jmur kontra l-Artikolu 81 KE, peress li, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, din kienet tirrigwarda, mill-inqas, diskussjonijiet dwar il-prezzijiet u b’hekk għandha tiġi kklassifikata bħala manifestament antikompetittiva (ara l-punti 37 u 38 iktar ’il fuq). F’dik is-sitwazzjoni, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, B. missu nduna li huwa kien qed jattendi laqgħa ta’ akkordju u ddiżassoċja ruħu pubblikament minnha (ara l-punti 47, 48 u 51 iktar ’il fuq).

70      Fir-rigward tal-fatt li Barlo ma żiditx il-prezzijiet tagħha wara l-imsemmija laqgħa, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa stabbilit, ma huwiex biżżejjed biex iqiegħed f’dubju r-responsabbiltà tar-rikorrenti (ara l-punt 49 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrewx li Barlo ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata waqt il-laqgħa fl-aġir tagħha fis-suq (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

71      It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1998 f’Darmstadt, imsemmija fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma jikkontestawx in-natura antikompetittiva tagħha. Madankollu, huma josservaw li ma ġiex stabbilit li Barlo kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir tagħha għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti l-oħra, b’tali mod li l-preżenza ta’ Barlo waqt dik il-laqgħa ma tistax tiġi kklassifikata bħala ksur tal-Artikolu 81 KE.

72      Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

73      Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tad-deskrizzjoni ta’ dik il-laqgħa fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, din kienet laqgħa manifestament antikompetittiva. F’dawn il-kundizzjonijiet, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, kellha tkun Barlo li tiddiżassoċja ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha.

74      B’mod partikolari, il-fatt li Barlo ma tatx x’tifhem li hija kienet se timmodifika l-politika tariffarja tagħha (premessa 155, in fine, tad-deċiżjoni kkontestata) ma jistax jiġi kklassifikat bħala diżassoċjazzjoni pubblika (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

75      Bl-istess mod, l-argument li l-parteċipanti fl-akkordju stiednu lil Barlo għal dik il-laqgħa sabiex jinvolvuha fl-akkordju u li dak it-tentattiv falla, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ diżassoċjazzjoni pubblika, ma ntweriex li Barlo ma tatx l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet se taqbel ma’ jew tissuġġetta ruħha għal dak li kien ġie deċiż, kif jallegaw ir-rikorrenti.

76      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argumenti tar-rikorrenti li, minn naħa, din kienet l-ewwel laqgħa li kienet tirrigwarda negozjati relatati mal-prezzijiet fil-preżenza ta’ rappreżentant ta’ Barlo u li dan tal-aħħar ma kienx qed jistenna tali kontenut antikompetittiv, min-naħa l-oħra, li Barlo ċaħdet kull parteċipazzjoni attiva fil-laqgħa u li ma ntweriex li Barlo mmodifikat il-politika tariffarja tagħha wara dik il-laqgħa u, fl-aħħar nett, li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix lir-rappreżentant ta’ Barlo fl-ebda laqgħa segwenti, ma humiex rilevanti. Barra minn hekk, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, din ma kinitx l-ewwel laqgħa li ħa sehem fiha r-rappreżentant ta’ Barlo. L-affermazzjonijiet ta’ Lucite f’dan is-sens huma kontradetti minn dawk ta’ Atofina, ta’ Degussa u tar-rikorrenti stess, kif ġie espost iktar ’il fuq.

77      It-tielet nett, fir-rigward tal-laqgħa tal-24 ta’ Frar 2000 f’Heidelberg, ir-rikorrenti jsostnu li d-deskrizzjoni tagħha mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex korretta u li din ma kinitx laqgħa ta’ akkordju, imma “tentattiv”, “mhux mistenni”, li jiġi stabbilit ftehim tariffarju u li tiġi involuta Barlo, li falla.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata tirriproduċi korrettament il-kontenut tad-dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrenti fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-eżattezza tagħha ma ġietx ikkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Issa, bil-kontra ta’ dak li qed jissuġġerixxu r-rikorrenti, dik id-dikjarazzjoni diġà hija biżżejjed fiha nfisha biex turi li l-laqgħa inkwistjoni kellha natura manifestament antikompetittiva. Fil-fatt, minnha jirriżulta b’mod għalkollox ċar li Degussa u Atofina ppreżentaw l-istrutturi tariffarji l-ġodda tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-parteċipanti l-oħra jsegwuhom u li kien hemm “diskussjoni” bejn il-parteċipanti dwar dan is-suġġett. Anki jekk jiġi preżunt li, kif sostnew ir-rikorrenti, dik id-“diskussjoni” ntemmet mingħajr ma kien stabbilit riżultat tanġibbli, dan ma huwiex biżżejjed biex l-imsemmija laqgħa titneżża’ min-natura antikompetittiva tagħha, peress li din kienet, mill-inqas, diskussjoni dwar prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni importanti mil-lat kummerċjali. Issa, peress li Barlo ma ddiżassoċjatx ruħha pubblikament minn dan il-kontenut tal-laqgħa, il-parteċipazzjoni fl-akkordju tar-rikorrenti ġiet stabbilita bis-sempliċi fatt li Barlo kienet preżenti għal dik il-laqgħa (ara l-punti 37 u 47 sa 51 iktar ’il fuq).

79      Min-naħa l-oħra, l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-impriżi “[kienu] iltaqgħu sabiex jivverifikaw l-implementazzjoni tal-ftehim dwar iż-żidiet fil-prezzijiet”, li “ġie kkonstatat matul ix-xhur preċedenti li l-prezzijiet f’ċerti swieq nazzjonali ma kinux żdiedu jew kienu żdiedu biss b’mod parzjali” u li l-“parteċipanti [kienu] wkoll skambjaw xi informazzjoni dwar is-suq”, huma sostnuti mill-kontenut tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Degussa, li ġew prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 23 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tallega, b’referenza għall-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskambju kien jirrigwarda b’mod partikolari l-prezzijiet fis-suq, dan l-element huwa kkorroborat mid-dikjarazzjoni tar-rikorrenti msemmija fil-punt preċedenti, li ssemmi l-fatt li Degussa u Atofina ppreżentaw l-istrutturi tariffarji l-ġodda tagħhom.

80      F’dawn il-kundizzjonijiet, meta tittieħed partikolarment inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li ma ġietx ikkontestata, dwar il-kontenut tal-laqgħa inkwistjoni, l-argumenti l-oħra tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu. B’mod partikolari, ma huwiex rilevanti li l-impriża “Repsol” ma ssemmietx fid-deċiżjoni kkontestata fost il-parteċipanti tal-laqgħa, filwaqt li Degussa ssemmi li hija kienet preżenti, jew li Lucite ma tiftakarx li kien hemm xi laqgħa f’dik id-data. L-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-fatt li, fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Degussa kkoreġiet ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha. Inċidentalment, din tal-aħħar ma qegħditx f’dubju n-natura antikompetittiva tad-diskussjonjiet li kien hemm bejn l-impriżi involuti. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-iskambju kien jirrigwarda informazzjoni “bħal dik imsemmija […] fil-premessa 117” ma hijiex sostnuta, għandu jitfakkar li r-rikorrenti stess ammettew li Degussa u Atofina kienu ppreżentaw l-istrutturi tariffarji l-ġodda tagħhom. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-iskambju li kien jirrigwarda t-tipi kollha ta’ informazzjoni msemmija fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata ma ġiex stabbilit, dan ma jimmodifikax il-konklużjoni li tabilħaqq waqt il-laqgħa kkonċernata kien hemm skambju ta’ informazzjoni importanti mil-lat kummerċjali.

81      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-laqgħa tal-21 ta’ Awwissu 2000 f’Deidesheim, għandu jiġi osservat li l-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi deskrizzjoni dettaljata ta’ dik il-laqgħa li hija bbażata prinċipalment fuq noti miktubin bl-idejn tar-rappreżentant ta’ Lucite waqt il-laqgħa, li nstabu fil-bini ta’ Lucite waqt l-ispezzjoni u li jsemmu b’mod partikolari żieda fil-prezzijiet prevista għal Barlo. Dik il-laqgħa, inkluża n-natura antikompetittiva tagħha, sussegwentement ġiet ikkonfermata minn Lucite fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, kif ukoll minn Degussa u minn Atofina. Min-naħa ta’ Barlo, din ikkonfermat il-preżenza tagħha waqt il-laqgħa inkwistjoni kif ukoll in-natura manifestament antikompetittiva tagħha, meta affermat dan li ġej:

“Fil-21 ta’ Awwissu 2000, saret ir-raba’ laqgħa f’Deidesheim […], bl-aġenda tkun il-‘kummerċ elettroniku’, tematika li dak iż-żmien kienet ukoll is-suġġett ta’ għadd ta’ diskussjonijiet waqt il-laqgħat tas-CEFIC. L-istedina għal-laqgħa reġgħet ġiet mingħand Degussa. Minflok diskussjoni dwar il-kummerċ elettroniku, Degussa u Atofina mmodifikaw l-aġenda tal-laqgħa sabiex jipproponu żieda fil-prezzijiet għal Novembru 2000. Degussa u Atofina, wara li skambjaw informazzjoni dettaljata dwar il-prezzijiet tagħhom, ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jżidu l-prezzijiet f’Novembru 2000. Skont l-informazzjoni li għandhom [ir-rikorrenti], [B.] ma aċċetta l-ebda żieda fil-prezzijiet […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li n-natura manifestament antikompetittiva tal-laqgħa kif ukoll il-preżenza ta’ Barlo waqt l-imsemmija laqgħa ġew stabbiliti kif titlob il-liġi.

83      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ma jikkontestawx id-deskrizzjoni mogħtija fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, imma huma jsostnu biss li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-preżenza ta’ Barlo waqt dik il-laqgħa kienet tmur kontra l-Artikolu 81 KE, minħabba li Barlo ma qablitx mal-proposti ta’ Atofina u ta’ Degussa. B’hekk, skont ir-rikorrenti, dik il-laqgħa kienet “tentattiv”, “mhux mistenni” biex Barlo tiġi involuta fl-akkordju. Huma jenfasizzaw ukoll li ma hemm l-ebda prova li Barlo implementat iż-żieda deċiża waqt dik il-laqgħa, xi ħaġa li ammettiet anki l-Kummissjoni, billi d-data ta’ dik il-laqgħa tikkorrispondi għal tmiem il-parteċipazzjoni ta’ Barlo fil-ksur.

84      Madankollu, dak l-argument ma jippermettix li titqiegħed f’dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 81 KE.

85      Minn naħa, l-argument li Barlo ma qablitx maż-żidiet tal-prezzijiet huwa kontradett mill-kontenut tan-noti miktubin bl-idejn tar-rappreżentant ta’ Lucite, u dan il-kontenut kien ikkonfermat ukoll minn Lucite, minn Degussa u minn Atofina.

86      Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li Barlo ma qablitx b’mod espliċitu ma’ żieda fil-prezzijiet, madankollu hija kienet attendiet għal laqgħa manifestament antikompetittiva, li matulha ġew diskussi u deċiżi żidiet fil-prezzijiet u ġiet skambjata informazzjoni kummerċjalment sensittiva, mingħajr ma ddiżassoċjat ruħha pubblikament mill-kontenut tagħha. F’dawn il-kundizzjonjiet, il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni huwa stabbilit, skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-fatt li l-kontenut tal-laqgħa “[ma kienx] mistenni” minn Barlo u li din ma implementatx ir-riżultati tal-laqgħa ma humiex rilevanti.

87      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ Atofina, li “l-laqgħa kellha bħala għan li tipprova tistabbilixxi mill-ġdid il-kunfidenza bejn Degussa/Ato[fina]/Lucite/Barlo sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu l-prezzijiet”, mhux talli ma turix li ma kienx previst li l-laqgħa kienet se tkun laqgħa ta’ akkordju, kif qed isostnu r-rikorrenti, talli tikkonferma n-natura manifestament antikompetittiva tal-laqgħa, il-preżenza ta’ Barlo waqt il-laqgħa kif ukoll il-fatt li Barlo kienet diġà involuta fl-akkordju qabel dik il-laqgħa.

88      Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-erba’ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE.

89      Dik il-konklużjoni ma tqegħditx f’dubju mill-argumenti tar-rikorrenti, jiġifieri li f’dan il-każ għandha tingħata “attenzjoni partikolari” lill-oneru tal-prova, li l-Kummissjoni qed tipprova tinverti, meta jiġu kkunsidrati l-akkwist ta’ Barlo mir-rikorrenti erba’ snin wara t-tmiem tal-ksur u kif b’riżultat ta’ dan, ir-rikorrenti qed isibuha impossibbli li jipproduċu l-provi tagħhom. Fil-fatt, minn dak li ngħad iktar ’il fuq, jirriżulta li l-ksur tal-Artikolu 81 KE ġie stabbilit skont il-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-prova.

90      Bl-istess mod, billi l-konklużjoni bbażata fuq il-punt 88 iktar ’il fuq hija bbażata fuq il-provi ċari miġbura mill-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi, essenzjalment, li jissostitwixxu “spjegazzjoni plawżibbli” oħra tal-fatti għal dik aċċettata mill-Kummissjoni, ma jistgħux jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coats Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punti 72 u 74).

91      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-laqgħa kkontestata ta’ Barcelona (Spanja) ta’ Mejju-Ġunju 1999 (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata)

92      B’differenza għall-erba’ laqgħat analizzati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jiċħdu l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fi kwalunkwe laqgħa li saret f’Mejju jew f’Ġunju 1999 u jsostnu wkoll li l-Kummissjoni lanqas biss stabbilixxiet jekk din il-laqgħa saritx jew le. Issa, dik il-laqgħa kellha “importanza kruċjali” għalihom, peress li hija kienet torbot iż-żewġ laqgħat tal-1998 maż-żewġ laqgħat tal-2000, li għalihom kienet preżenti Barlo.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi:

“F’Mejju jew f’Ġunju 1999, f’lukanda ta’ Barcelona, saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti ta’ Atofina, ta’ ICI, ta’ Degussa, ta’ Barlo u ta’ Irpen (produttur lokali). L-għan tal-laqgħa kien li Irpen jiġi informat bil-ftehim dwar il-prezzijiet u li dawn jiġu inklużi fil-ftehim. Id-diskussjonjiet kienu wkoll jirrigwardaw id-definizzjoni tal-prezzijiet minimi, inklużi dawk għal kull palit. Id-diskussjonijiet żvolġew pajjiż pajjiż u klijent klijent, fejn il-kalendarju taż-żidiet fil-prezzijiet kien iddefinit b’mod preċiż għal kull pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

94      Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda prova dokumentarja dwar dik il-laqgħa, mhux biss dwar in-natura antikompetittiva tagħha, imma wkoll saħansitra dwar jekk inżammitx jew le u dwar min kienu l-persuni li pparteċipaw fiha. Fil-fatt, insostenn tad-deskrizzjoni ta’ dik il-laqgħa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet biss dikjarazzjoni ta’ Atofina li saret fil-kuntest tat-talba tagħha abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, u l-konferma ta’ Degussa, mogħtija fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

95      B’hekk, għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-dikjarazzjonijiet jippermettux li jiġi stabbilit kif titlob il-liġi li Barlo pparteċipat fl-allegata laqgħa.

96      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 52 sa 54 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-politika ta’ klemenza għandhom rwol importanti. Dawn id-dikjarazzjonijiet magħmula għan-nom ta’ impriżi għandhom valur probatorju kunsiderevoli, peress li dawn jinvolvu riskji legali u ekonomiċi kunsiderevoli (ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il‑Kummissjoni, T‑385/06, Ġabra p. II‑1177, punt 47). Madankollu, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 53 u 55 iktar ’il fuq jirriżulta wkoll li d-dikjarazzjonjiet magħmula minn impriżi akkużati, fil-kuntest ta’ talbiet imressqa abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni għandhom jiġu evalwati bi prudenza, u, bħala regola ġenerali, meta huma jiġu kkontestati, ma jistgħux jiġu aċċettati mingħajr konfermi.

97      Barra minn hekk, għall-finijiet tal-eżami tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi li ressqu talba abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-importanza tal-indizji konkordanti li jsostnu r-rilevanza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet (sentenzi JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 220, u Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 53 iktar ’il fuq, punt 70). Bl-istess mod, ir-rilevanza ta’ dikjarazzjoni tinfluwenza, skont il-każ, il-livell ta’ korroborazzjoni meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 220).

98      F’dan il-każ, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ Atofina, magħmula fit-talba tagħha mressqa abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li hija ma għandhiex valur probatorju għaliex ma hijiex biżżejjed preċiża.

99      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li Atofina tqiegħed il-laqgħa kkonċernata fil-kuntest ta’ sensiela ta’ laqgħat li saru fil-perijodu mis-sajf tal-1997 sal-1999, li ġew deskritti fuq paġna misluta mit-talba tagħha abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, mehmuża mar-risposta. Fin-naħa ta’ fuq tal-imsemmija paġna, taħt l-intestatura “Atturi”, Atofina semmiet lill-impriżi kkonċernati, jiġifieri Atoglas, Röhm, Degussa, Lucite (ICI), Repsol u Barlo, kif ukoll l-identità tar-rappreżentanti tagħhom, u b’mod partikolari “W. [B.] + E. [S.] mill-1999” fir-rigward ta’ Barlo. It-tieni nett, Atofina ddeskriviet diversi laqgħat fil-Ġermanja, fosthom żewġ laqgħat f’Darmstadt fis-sajf u fil-ħarifa tal-1998, fi Franza u fl-Italja. Fl-aħħar nett, fin-naħa ta’ isfel tal-imsemmija paġna, Atofina qalet dan li ġej:

“F’Mejju/Ġunju 1999

Laqgħa f’lukanda taċ-ċentru ta’ Barcelona: tas-soltu flimkien ma’ Irpen (produttur lokali) u l-preżenza tar-rappreżentanti tan-netwerks lokali.

Kontenut tad-diskussjonijiet f’Darmstadt u fuq il-livell lokali:

Il-livelli tal-prezzijiet tad-distributuri (70 % tas-suq), definizzjoni tal-għanijiet ta’ prezzijiet mini għat-trasformaturi, l-iffissar ta’ prezzijiet mini għal kull palit.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

100    Għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dik id-dikjarazzjoni tippermetti li jiġu identifikati kemm il-parteċipanti fil-laqgħa kif ukoll il-kontenut antikompetittiv tagħha. Tabilħaqq, il-fatt li jingħad “tas-soltu flimkien ma’ Irpen” għandha tinqara fid-dawl ta’ min kienu l-parteċipanti fil-laqgħat differenti kif jissemmew fil-parti ta’ fuq tal-paġna tad-dikjarazzjoni ta’ Atofina, fejn din tal-aħħar b’mod partikolari qalet “Barlo[:] W. [B.] + E. [S.] mill-1999”. Bl-istess mod, l-indikazzjoni “kontenut tad-diskussjonijiet […] fuq il-livell lokali”, fil-kuntest ta’ dik il-paġna, għandha neċessarjament tinftiehem bħala li tirreferi b’mod partikolari għal-laqgħa inkwistjoni f’Barcelona. B’hekk, skont Atofina, il-kontenut ta’ dik il-laqgħa kien jikkonsisti fl-iffissar tal-“livelli tal-prezzijiet tad-distributuri”, fid-“definizzjoni tal-għanijiet ta’ prezzijiet mini għat-trasformaturi” u fl-“iffissar ta’ prezzijiet mini għal kull palit”. Barra minn hekk, anki jekk dan id-dokument ma ssemmiex fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-fajl jirriżulta li, sussegwentement, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni li saritilha mill-Kummissjoni, Atofina pprovdiet xi kummenti supplimentari dwar il-laqgħa kkontestata, fejn semmiet espliċitament il-preżenza tar-rappreżentant ta’ Barlo. Barra minn hekk, Atofina żiedet preċiżazzjoni oħra dwar il-kontenut antikompetittiv tal-laqgħa meta affermat li “l-għan [tagħha] kien li tiġi estiża l-istruttura tariffarja għal Spanja/għall-Portugall u li l-produtturi lokali jiġu konvinti jissieħbu fiha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

101    Minn dan jirriżulta, b’mod ċar, li skont Atofina, ir-rappreżentant ta’ Barlo kien fost il-parteċipanti tal-laqgħa inkwistjoni u li din tal-aħħar kellha natura antikompetittiva.

102    Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ġustament isostnu li d-dikjarazzjoni ta’ Atofina ma tinkludix bosta preċiżazzjonijiet dwar l-allegata laqgħa ta’ Barcelona. B’hekk, hija la tippermetti li tiġi identifikata d-data, la l-post eżatt fejn saret il-laqgħa, u lanqas is-suġġetti li ġew diskussi speċifikatament waqt il-laqgħa. Dwar dan il-punt tal-aħħar ġew miżjuda xi preċiżazzjonijiet biss sussegwentement (ara l-punt 100 iktar ’il fuq). Dik id-deskrizzjoni tikkontrasta ma’ dik tal-laqgħat l-oħra msemmija fil-paġna inkwistjoni, fejn jissemmew l-ismijiet tal-lukandi fejn saru dawn il-laqgħat, is-suġġetti speċifiċi diskussi u xi drabi anki preċiżazzjonijiet oħrajn, bħal liema impriża kienet ħallset l-ispejjeż tal-lukanda. Bl-istess mod, ħlief meta jissemma r-rappreżentant ta’ Barlo fost il-parteċipanti tal-laqgħa, id-dikjarazzjoni ta’ Atofina ma tinkludi l-ebda informazzjoni speċifika dwarha.

103    Iktar minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rilevanza tad-dikjarazzjoni ta’ Atofina tista’ titqiegħed f’perspettiva fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-laqgħat l-oħra li semmiet Atofina. Fil-fatt, għandu jiġi osservat fir-rigward tat-tmien laqgħat li kienu jagħmlu parti mis-sensiela msemmija fid-dikjarazzjoni ta’ Atofina [il-laqgħat ta’ Settembru 1997 f’Dernbach, ta’ April 1998 f’Dernbach, ta’ Ġunju 1998 f’Idstein (il-Ġermanja), fir-rebbiegħa tal-1998 f’Pariġi (Franza), matul is-sajf tal-1998 f’Darmstadt, fil-ħarifa tal-1998 f’Darmstadt u żewġ laqgħat f’Milano (l-Italja) jew qrib Milano fl-1999], li tnejn biss, li Barlo ammettiet li kienet ipparteċipat fihom, jiġifieri l-laqgħa ta’ Dernbach f’April 1998 u l-laqgħa ta’ Darmstadt f’Ġunju 1998, ġew aċċettati kontra r-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, għandu jitfakkar li, skont Atofina, l-“atturi”, fosthom Barlo, imsemmija fil-parti ta’ fuq tal-paġna tad-dikjarazzjoni tagħha, ipparteċipaw fil-laqgħat kollha tas-sensiela.

104    F’dawn il-kundizzjonijiet, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova dokumentarja dwar il-laqgħa kkontestata, għandha tiġi eżaminata b’attenzjoni partikolari l-konferma ta’ Degussa, fir-rigward tal-preżenza ta’ Barlo waqt il-laqgħa kkontestata.

105    Issa, għandu jiġi kkonstatat qabel xejn li r-rilevanza tal-konferma ta’ Degussa hija limitata, minn naħa, mil-lat tal-kontenut tagħha u, min-naħa l-oħra, mil-lat taċ-ċirkustanzi li saret fihom.

106    Fil-fatt, minn naħa, Degussa kkonfermat, b’mod għalkollox ġenerali “iż-żamma, il-kontenut u l-parteċipanti” tal-laqgħa u ma semmiet l-ebda informazzjoni speċifika dwar Barlo. L-unika preċiżazzjoni inkluża f’dik id-dikjarazzjoni tirrigwarda l-għan tal-laqgħa (l-involviment ta’ Ipren fil-ftehim) u ma tirrigwardax speċifikatament lil Barlo. Mill-bqija, Degussa affermat espliċitament li hija ma tiftakarx iktar dettalji u, b’mod partikolari, li hija ma setgħetx tagħti d-data tal-laqgħa, billi d-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport ta’ F. għal dak il-perijodu kienet nieqsa.

107    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-livell ta’ korroborazzjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni, fir-rigward tal-preżenza ta’ Barlo waqt il-laqgħa kkontestata, huwa relattivament baxx.

108    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq li dik il-konferma saret fi stadju ferm avvanzat tal-proċedura, jiġifieri fit-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi osservat li dan il-fatt ma jippermettix, bħala tali, li d-dikjarazzjoni ta’ Degussa, li għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti ta’ dan il-każ, tiġi mċaħħda minn kull valur probatorju.

109    Madankollu, tali dikjarazzjoni għandha inqas valur probatorju milli kieku saret b’mod spontanju u dan irrispettivament mid-dikjarazzjoni ta’ Atofina. B’mod partikolari, meta l-impriża li tressaq talba għal immunità tkun taf x’elementi tkun ġabret il-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha, il-loġika inerenti fil-proċedura prevista mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, jiġifieri li kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-impriża (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ma tkunx applikabbli bl-istess mod bħal meta tkun dikjarazzjoni spontanja, fejn l-impriża ma tkunx taf x’inhuma l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, il-kunsiderazzjonijiet li d-dikjarazzjonijiet abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni li jmorru kontra l-interessi ta’ min jagħmilhom għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment affidabbli (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), jistgħu ma jkunux għalkollox applikabbli fir-rigward tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ impriża li qed tressaq talba għal immunità, bħal Degussa.

110    Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li l-portata ta’ tali konferma tkun influwenzata mill-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet meta tkun, bħal f’dan il-każ, konferma għalkollox ġenerali taż-“żamma”, tal-“kontenut” u tal-“parteċipanti” ta’ laqgħa. Din il-kunsiderazzjoni hija spjegata mill-mod kif jiġu indirizzati ż-żewġ laqgħat f’Milano jew qrib Milano li nżammu, skont id-dikjarazzjoni ta’ Atofina, fl-1999. Fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni spjegat li hija “ma kinitx aċċettat [dawn] iż-żewġ laqgħat imsemmija minn Atofina [fid-dikjarazzjoni tagħha] kontra [ir-rikorrenti], sa fejn it-tieni talba għal klemenza, dik ta’ Degussa, ma kkonfermatx b’mod espliċitu l-preżenza ta’ Barlo waqt dawn il-laqgħat”. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li “[f]il-punt 160 tat-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kulma għamlet Degussa kien li fakkret il-preżenza ta’ Atofina, ta’ Degussa, ta’ Lucite, ta’ Madreperla u ta’ Plastidit, kif ingħad fil-punt 240 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”. Issa, il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex, fil-punt 240 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet għażlet li ma ssemmix lil Barlo fost il-parteċipanti taż-żewġ laqgħat f’Milano jew qrib Milano, meta hija semmietha għal-laqgħa kkontestata ta’ Barcelona, u dan f’sitwazzjoni fejn, fiż-żewġ każijiet, il-preżenza ta’ Barlo ssemmiet minn Atofina fl-istess termini (“tas-soltu flimkien ma’ […]”). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, fir-rigward tal-identità tal-parteċipanti f’laqgħat antikompetittivi, Degussa bbażat ruħha, sa ċertu punt, fuq id-diċitura tad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, minflok ma għamlet rikostruzzjoni oġġettiva tal-fatti.

111    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, minn naħa, li r-rikorrenti jikkontestaw b’mod qawwi l-preżenza ta’ Barlo waqt il-laqgħa kkontestata u dan filwaqt li jammettu b’mod espliċitu l-preżenza tagħha waqt il-laqgħat l-oħra kollha aċċettati kontra tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata, u min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferi għall-ebda konferma ta’ dik il-laqgħa li kienet tinvolvi, skont Atofina, anki lil ICI (li saret Lucite), kif ukoll lill-impriżi “Repsol” u “Irpen”, u dan anki jekk ICI u Lucite ressqu wkoll talbiet abbażi tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

112    Fid-dawl tal-elementi kollha li ġew analizzati iktar ’il fuq, u b’mod partikolari tal-fatt li l-Kummissjoni ma rnexxielhiex tiġbor provi dokumentarji dwar il-laqgħa inkwistjoni jew dikjarazzjonijiet iktar dettaljati fir-rigward tal-preżenza ta’ Barlo waqt din il-laqgħa, u fid-dawl tal-prinċipju li l-eżistenza ta’ dubju fil-ħsieb tal-qorti għandha tiffavorixxi lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li l-laqgħa ta’ Barcelona msemmija fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi invokata kontra r-rikorrenti.

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċertament osservat li l-Kummissjoni ġustament sostniet li, għalkemm hija għandha tikkunsidra provi preċiżi u konsistenti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 55), kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur, imma huwa biżżejjed li l-kumpless ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, meta apprezzat b’mod globali, jissodisfa dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, ġustament il-Kummissjoni tisħaq fuq il-fatt li l-provi għandhom jiġu evalwati flimkien billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha fattwali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347 punt 175).

114    Madankollu, minkejja li l-Kummissjoni tallega li l-laqgħa ta’ Barcelona ta’ Mejju-Ġunju 1999 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kooperazzjoni kontinwa bejn il-membri tal-akkordju li, skont Degussa, beda mill-1984-1985, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ammettiet li “il-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-akkordju ma [setgħetx] tiġi pparagunata ma’ dik tal-parti l-kbira tal-impriżi l-oħra”, billi b’mod partikolari “il-kuntatti antikompetittivi li kien hemm juru pjuttost li Barlo kienet tattendi b’mod sporadiku għal laqgħat li kulma kienu jagħmlu kien li jaġġornaw lill-impriża bil-ftehim jew bil-prattiki antikompetittivi miftiehma għall-folji solidi magħmula mill-PMMA” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet ukoll li Barlo kienet ipparteċipat fil-ksur għal tul ta’ żmien ferm iqsar mill-impriżi l-oħra, jiġifieri mit-30 ta’ April 1998 sal-21 ta’ Awwissu 2000, filwaqt li l-ksur bħala tali kien stabbilit għall-perijodu mit-23 ta’ Jannar 1997 sat-12 ta’ Settembru 2002. Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, huwa għalkollox plawżibbli li l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-akkordju kienet limitata għall-erba’ laqgħat li r-rikorrenti ammettew li Barlo kienet preżenti għalihom. Għaldaqstant, la l-evalwazzjoni globali tal-kumpless ta’ indizji miġbura mill-Kummissjoni kontra r-rikorrenti u lanqas il-kuntest tal-kawża ma jippermettu li l-konklużjoni stabbilita fil-punt 112 iktar ’il fuq tiġi mmodifikata.

115    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jintlaqa’.

–       Fuq in-nuqqas ta’ kuntatti jew ta’ skambji oħrajn li Barlo allegatament ipparteċipat fihom

116    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżattezza tal-affermazzjonijiet, inklużi fil-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, huma josservaw li d-deskrizzjoni dettaljata tal-laqgħat li Barlo allegatament ipparteċipat fihom turi li l-imsemmija laqgħat ma servewx biex din tal-aħħar tiġi informata bil-kontenut tal-laqgħat li hija ma attendietx għalihom. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jenfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma tindika l-eżistenza ta’ kuntatti jew ta’ skambji oħrajn li Barlo pparteċipat fihom u li ma ġiet prodotta l-ebda prova insostenn tal-eżistenza ta’ tali kuntatti jew ta’ tali skambji.

117    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-premessa 227 tad-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi dan li ġej:

“[…] il-fatt li Barlo forsi ma pparteċipatx għal-laqgħat kollha ddedikati għall-prodott li fih hija speċjalizzata dik l-impriża (jiġifieri l-folji solidi magħmula mill-PMMA) ma għandu l-ebda rilevanza għall-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, peress li hija pparteċipat f’laqgħat preċedenti u sussegwenti għal-laqgħat li hija ma attendietx għalihom u setgħet tiġi informata u tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħha sabiex tiddetermina l-aġir kummerċjali tagħha fis-suq […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

118    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ din il-premessa. Fil-fatt, f’din tal-aħħar, kulma għamlet il-Kummissjoni kien li ċaħdet it-teżi li r-rikorrenti ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-ksur uniku u kontinwat minħabba l-għadd limitat ta’ laqgħat li Barlo pparteċipat fihom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni la allegat li Barlo tabilħaqq ġiet informata bil-kontenut tal-laqgħat li hija ma attendietx għalihom, u lanqas li kien hemm kuntatti jew skambji oħrajn li kienu jinvolvu lil Barlo. Kulma għamlet kien li semmiet il-possibbiltà li Barlo setgħet ġiet informata (“setgħet”), possibbiltà li, inċidentalment, ma ġietx ikkontestata fir-rikors.

119    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma huwiex rilevanti.

120    Barra minn hekk, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikorrenti huma bbażati fuq il-parteċipazzjoni ta’ Barlo f’ħames laqgħat antikompetittivi, li jirrigwardaw il-folji solidi magħmula mill-PMMA, u li ġew eżaminati iktar ’il fuq.

121    Inċidentalment, sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur uniku, għandu jsir riferiment għall-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv iktar ’il quddiem.

122    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Konklużjoni dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv

123    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-laqgħat u ta’ kuntatti jew ta’ skambji oħrajn li jinvolvu lil Barlo, għandha tintlaqa’ sa fejn tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-allegata parteċipazzjoni ta’ Barlo fil-laqgħa ta’ Mejju jew ta’ Ġunju 1999 f’Barcelona, u l-kumplament għandu jiġi miċħud. L-effett li din il-konklużjoni jista’ jkollha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jiġi eżaminat iktar ’il quddiem.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-parteċipazzjoni ta’ Barlo fi “proġett antikompetittiv uniku u komuni” li jkopri tliet prodotti magħmula mill-PMMA

124    Ir-rikorrenti jsostnu li huwa b’mod żbaljat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li huma kienu kisru l-Artikolu 81 KE minħabba l-adeżjoni tagħhom ma’ jew il-kontribut li taw lil “proġett antikompetittiv uniku u komuni” li kien ikopri tliet kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri l-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA, il-folji solidi magħmula mill-PMMA u l-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA.

125    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel xejn li, fid-dawl tan-natura tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ dan il-ksur għandha natura personali (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 78).

126    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-ftehim u l-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE neċessarjament jirriżultaw mill-kollaborazzjoni ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu għamliet differenti, b’mod partikolari skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet imfittxija u l-metodi ta’ implementazzjoni magħżula jew maħsuba. Madankollu, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’modi partikolari għaliha ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż l-aġir li jiġi materjalment implementat minn impriżi parteċipanti oħra li madankollu jkollu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punti 79 u 80).

127    Ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew minn aġir kontinwat. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwat jistgħu wkoll jikkostitwixxu, fihom infushom u meqjusa waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 81). Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 258, u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk ikun ġie stabbilit li l-impriża inkwistjoni tkun ipparteċipat direttament biss f’wieħed jew iktar mill-elementi li jikkostitwixxu l-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 161, u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’tali ftehim uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni li, permezz tal-aġir tagħha stess, tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir materjali maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 87, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 83).

129    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li hija pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 90, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 86).

130    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jippreċiżax il-portata eżatta tal-ksur li għaliha d-destinatarji tad-deċiżjoni nżammew responsabbli, bl-Artikolu 1 jillimita ruħu għal li jsemmi “għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-metakrilati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mingħajr ma jsemmi speċifikatament il-prodotti kkonċernati.

131    Madankollu, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-parti operattiva ta’ att ma tistax tiġi separata mill-motivazzjoni tal-att u għandha tiġi interpretata, jekk ikun hemm bżonn, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 1258, u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Issa, il-premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata tiddikjara b’mod ċar li l-ksur uniku u kontinwat jirrigwarda tliet prodotti magħmula mill-PMMA, kif ġej:

“Id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fis-settur tal-metakrilati fir-rigward tat-tliet prodotti li ġejjin:

–        il-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA;

–        il-folji solidi magħmula mill-PMMA, u

–        il-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

133    Barra minn hekk, fil-premessi 222 sa 226 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet għaliex hija kienet ikkunsidrat li l-akkordju inkwistjoni seta’ jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwat li jirrigwarda t-tliet prodotti msemmija iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, il-każ partikolari tar-rikorrenti ġie indirizzat kif ġej:

“Il-fatt li l-impriżi kkonċernati ma pparteċipawx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju globali ma jistax jeżonerahom mir-responsabbiltà li għandhom fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 81 [KE]. F’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li Barlo ma tipproduċix it-tliet prodotti magħmula mill-PMMA, bil-kontra tal-partijiet l-oħra involuti fl-arranġamenti antikompetittivi, la tbiddel in-natura u lanqas l-għan tal-ksur li kien li jwassal għal distorsjoni tal-iżvilupp normali tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti kollha. Mill-fatti esposti fit-Taqsima 3 [tad-deċiżjoni kkontestata] jirriżulta b’mod ċar li l-partijiet kollha għall-ftehim antikompetittivi kienu jaderixxu ma’ u kienu jikkontribwixxu skont il-possibbiltajiet tagħhom (jiġifieri skont jekk kinux speċjalizzati fi prodott wieħed jew iktar minn dawk ikkonċernati minn dawn il-ftehim), għal dan il-proġett antikompetittiv komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 226 tad-deċiżjoni kkontestata)

134    B’hekk, fid-dawl ta’ dawn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tagħha jżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwat fir-rigward tal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA, tal-folji solidi magħmula mill-PMMA u tal-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA.

135    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-kwistjoni li ġiet suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex dik tal-eżistenza ta’ ksur uniku li jirrigwarda t-tliet prodotti inkwistjoni, imma dik tar-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur kollu inkwistjoni. Fil-fatt, huwa biss fir-replika li r-rikorrenti ressqu argument sabiex jikkontestaw l-eżistenza, bħala tali, ta’ ksur uniku. Dak l-argument għandu jiġi kkunsidrat bħala motiv ġdid u għandu jiġi miċħud għaliex inammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġenerali. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet segwenti, fi kwalunkwe każ, ma hemmx lok li jiġi eżaminat.

136    B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kinitx, minħabba l-aġir tagħhom, tali li twassal biex ikunu responsabbli għall-ksur kollu mwettaq matul iż-żmien tal-parteċipazzjoni tagħhom.

137    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li Barlo ma kinitx attiva fis-settur ta’ waħda mill-kategoriji ta’ prodotti, jiġifieri l-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif diġà ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, impriża tista’ tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE meta l-aġir tagħha, f’koordinazzjoni ma’ dak ta’ impriżi oħra, ikollu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari ġewwa s-suq komuni, mingħajr ma dan jippresupponi neċessarjament li hija stess tkun attiva fl-imsemmi suq rilevanti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, u tat-8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T‑29/05, Ġabra p. II‑4077, punt 48). Konsegwentement, is-sempliċi fatt li Barlo ma kinitx attiva fis-settur tal-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA ma jimplikax neċessarjament li r-rikorrenti ma jistgħux jinżammu responsabbli għal ksur imwettaq fir-rigward ta’ dan il-prodott.

138    It-tieni nett, il-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni “abbandunat l-ilmenti mqajma kontra [r-rikorrenti] fir-rigward tal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata), lanqas ma jimplika li huma ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-ksur uniku li jirrigwarda b’mod partikolari dan il-prodott.

139    Ċertament, id-diċitura użata mill-Kummissjoni fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex feliċi u tista’ tidher li tikkontradixxi r-responsabbiltà tar-rikorrenti għal tali ksur uniku, stabbilita fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġie interpretat fid-dawl tal-premessi 2 u 226 tagħha (ara l-punti 130 sa 134 iktar ’il fuq). Madankollu, fid-dawl tal-motivi kollha tad-deċiżjoni kkontestata, il-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata għandha neċessarjament tinftiehem fis-sens li, skont il-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni diretta ta’ Barlo f’parti mill-akkordju relatat mal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA ma ġietx stabbilita. Issa, dan is-sempliċi fatt ma jeskludix, minnu nnifsu, ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur uniku li jirrigwarda t-tliet prodotti kkonċernati (ara l-punt 126 iktar ’il fuq).

140    It-tielet nett, il-fatt li fir-rigward tar-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni semmiet biss ħames laqgħat li kienu mifruxa fuq perijodu ta’ iktar minn sentejn, u li l-ebda waħda minnhom ma kienet “laqgħa tal-kapijiet” fejn ġew konklużi l-“ftehim ta’ kollaborazzjoni fundamentali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata), lanqas ma huwa biżżejjed biex tkun eskluża r-responsabbiltà tagħhom għal ksur uniku.

141    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li diversi impriżi kellhom rwoli differenti sabiex jintlaħaq għan komuni ma jeliminax l-identità tal-għan antikompetittiv u, għaldaqstant tal-ksur, sakemm kull impriża tkun ikkontribwixxiet, fil-livell tagħha, sabiex dan l-għan komuni jintlaħaq (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, BST vs Il‑Kummissjoni, T‑452/05, Ġabra p. II‑1373, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li, fil-kuntest ta’ ftehim globali li jinfirex fuq diversi snin, pawża ta’ ftit xhur bejn il-manifestazzjonijiet tal-akkordju hija ta’ ftit importanza. Għaldaqstant, il-fatt li d-diversi azzjonijiet jifformaw parti minn pjan sħiħ minħabba l-iskop identiku tagħhom huwa determinanti (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 260, u Lafarge vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 483).

142    Ir-raba’ nett, b’hekk għad irid jiġi vverifikat, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 128 iktar ’il fuq ġewx sodisfatti.

143    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li impriża tista’ tinżamm responsabbli għal akkordju sħiħ anki jekk jiġi stabbilit li hija ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi kostituttivi tiegħu peress li, minn naħa, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-laqgħat regolari organizzati matul diversi snin, kienet tagħmel parti minn pjan sħiħ intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni normali, u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan kien ikopri l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, T‑48/00, Ġabra p. II‑2325, punt 176, u BST vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 32).

144    B’hekk, is-sempliċi fatt li l-għan ta’ ftehim li fih tkun ipparteċipat impriża u dak ta’ akkordju globali jkunu l-istess, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża tinżamm responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra p. II‑1845, punt 45, u Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 209).

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabelxejn li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx u lanqas ma allegat li Barlo kienet taf jew missha kienet taf, meta pparteċipat f’akkordju li kien jikkonċerna l-folji solidi magħmula mill-PMMA, li hija kienet qed tinvolvi ruħha f’akkordju globali li kien jirrigwarda tliet prodotti magħmula mill-PMMA.

146    Anzi, kif ġustament jenfasizzaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni stess fid-deċiżjoni kkontestata ammettiet li “Barlo ma kinitx taf jew seta’ kien il-każ li mhux neċessarjament kienet taf bil-proġett globali tal-arranġamenti antikompetittivi” (premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata).

147    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma allegatx li Barlo kienet taf bl-aġir materjali maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedih u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju. Anzi, fir-risposta hija tafferma li Barlo kienet taf bl-azzjonijiet tal-kompetituri tagħhom intiżi sabiex jintlaħaq dak l-għan komuni “għall-inqas fir-rigward tal-folji solidi magħmula mill-PMMA”.

148    It-teżi li qed tiddefendi l-Kummissjoni fil-fatt hija bbażata biss fuq l-allegazzjoni li l-ksur li Barlo setgħet “suġġettivament ipperċepit” bħala li jkopri biss lill-folji solidi magħmula mill-PMMA, fil-fatt kien jagħmel parti integrali minn ksur uniku ferm ikbar li kien ikopri t-tliet prodotti magħmula mill-PMMA. Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 128, 143 u 144 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li l-perċezzjoni suġġettiva tal-ksur hija element rilevanti fid-dawl tal-Artikolu 81(1) KE. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar tabilħaqq li, dik id-dispożizzjoni tapplika biss jekk ikun hemm intenzjoni komuni bejn il-partijiet ikkonċernati (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, IMI et vs Il‑Kummissjoni, T‑18/05, Ġabra p. II‑1769, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li Barlo kienet taf u kellha għanijiet antikompetittivi fil-qasam tal-folji solidi magħmula mill-PMMA ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm dak l-għarfien fir-rigward tal-għan uniku li kellu l-akkordju uniku fis-settur tal-metakrilati. Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż, il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni f’settur partikolari, peress li l-effett tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li aġir differenti li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE, ikollhom b’mod sistematiku, jiġu kklassifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 180, u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 92).

150    Fil-fatt, it-teżi tal-Kummissjoni tippermetti li impriża tiġi imputata bi ksur uniku minħabba s-sempliċi konstatazzjoni ta’ rabtiet oġġettivi bejn l-imsemmi ksur u l-ftehim li fih tkun ipparteċipat tali impriża, bħal, pereżempju, l-appartenenza fl-istess settur ekonomiku, u dan mingħajr ma lanqas ikun ġie stabbilit li hija kienet taf bl-eżistenza ta’ tali ksur uniku jew li setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju.

151    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fil-ksur li jikkonċerna l-folji solidi magħmula mill-PMMA kienet wasslet, minħabba l-aġir tagħha, għar-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-ksur uniku kollu, u li għaldaqstant it-tieni parti tal-ewwel motiv ma hijiex fondata.

152    Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn jikkonstata li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li kienu jikkonċernaw mhux biss il-folji solidi magħmula mill-PMMA, imma wkoll il-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA u l-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA.

153    Fir-rigward tal-effett li din il-konstatazzjoni jista’ jkollha fuq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, dan jiġi eżaminata iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-parteċipazzjoni ta’ Barlo fi ksur kontinwat

154    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wrietx kif titlob il-liġi li huma kienu wettqu ksur kontinwat. Huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-preżenza ta’ Barlo waqt ħames laqgħat li kienu mifruxa fuq perijodu ta’ iktar minn sentejn, li jeskludi, mil-lat prattiku, kwalunkwe forma ta’ parteċipazzjoni kontinwa fl-akkordju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-allegata laqgħa f’Barcelona f’Mejju jew f’Ġunju 1999, li huma jikkontestaw li nżammet, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq erba’ laqgħat li l-ewwel tnejn allegatament inżammu fl-ewwel semestru tal-1998 filwaqt li t-tieni tnejn saru fl-2000, jiġifieri b’intervall ta’ 20 xahar bejn dawn il-laqgħat.

155    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tul tal-ksur huwa wieħed mill-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 81(1) KE, element li fir-rigward tiegħu l-oneru tal-prova huwa, prinċipalment, fuq il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza teżiġi li, fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ kontinwament bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Peugeot u Peugeot Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑450/05, Ġabra p. II‑2533, punt 220, u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Barra minn hekk, kien deċiż li l-fatt li l-kartell, bħala tali, kien baqa’ mhux interrott ma jippermettix illi jiġi eskluż illi wieħed jew iktar mill-parteċipanti tiegħu kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom matul xi żmien (sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 83).

157    Barra minn hekk, fir-rigward tat-teżi tal-Kummissjoni li n-natura kontinwata ta’ ksur għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ diżassoċjazzjoni fir-rigward tal-akkordju u n-nuqqas ta’ politika tassew awtonoma, u mhux sempliċement in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-akkordju matul perijodu qasir, din tkun rilevanti biss fil-każ li l-Kummissjoni tkun issodisfat l-oneru tal-prova li għandha, jiġifieri li tipproduċi provi relatati ma’ fatti li ġraw fi żmien qrib biżżejjed, b’tali mod li jkun jista’ raġonevolment jiġi aċċettat illi l-ksur kompla b’mod mhux interrott bejn żewġ dati speċifiċi (ara s-sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-aċċettazzjoni tat-teżi tal-Kummissjoni fin-nuqqas ta’ tali provi twassal sabiex l-oneru tal-prova fir-rigward tat-tul tal-ksur jitqiegħed fuq ir-rikorrenti, li jikkontradiċi l-prinċipji mfakkra fil-punti 43 u 155 iktar ’il fuq.

158    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk f’dan il-każ, il-Kummissjoni pproduċietx, kif qed issostni, provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed.

159    F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jiġi osservat li, jekk il-perijodu bejn żewġ manifestazzjonijiet ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur huwa kriterju rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura kontinwata ta’ ksur, xorta jibqa’ l-fatt illi l-kwistjoni jekk l-imsemmi perijodu huwiex twil biżżejjed jew le sabiex jikkostitwixxi interruzzjoni tal-ksur ma tistax tiġi eżaminata b’mod astratt. Għall-kuntrarju, din għandha tiġi evalwata fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju inkwistjoni (sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 89), li jinkludi, jekk ikun il-każ, il-modalitajiet speċifiċi tal-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża kkonċernata.

160    Meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-ilmenti tal-Kummissjoni mqajma kontra r-rikorrenti huma bbażati fuq il-preżenza ta’ Barlo waqt l-erba’ laqgħat li ġejjin: il-laqgħa ta’ April 1998 f’Dernbach (premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata), il-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1998 f’Darmstadt (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata), il-laqgħa tal-24 ta’ Frar 2000 f’Heidelberg (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-laqgħa tal-21 ta’ Awwissu 2000 f’Deidesheim (premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

161    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li xi xhur biss kienu jisseparaw il-laqgħa ta’ Dernbach minn dik ta’ Darmstadt, minn naħa, u l-laqgħa ta’ Heidelberg minn dik ta’ Deidesheim, min-naħa l-oħra. Dawn l-intervalli, mifhuma fil-kuntest tat-tħaddim tal-akkordju, ma humiex twal biżżejjed biex tkun ikkonstatata interruzzjoni fil-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-akkordju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jallegawx il-kuntrarju.

162    It-tieni nett, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx il-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Barlo fl-akkordju bejn il-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1998 f’Darmstadt (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-laqgħa tal-24 ta’ Frar 2000 f’Heidelberg (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li mill-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li waqt il-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1998 f’Darmstadt, il-parteċipanti laħqu qbil fuq żieda fil-prezzijiet għal Ottubru 1998. Anki jekk f’din il-premessa jingħad li Barlo ma tatx x’tifhem li hija kellha timmodifika l-politika tal-prezzijiet tagħha u li Barlo ma tissemmiex, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, fost l-impriżi li fil-fatt ikkonkludew ftehim waqt il-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 1998 f’Darmstadt, madankollu jibqa’ l-fatt li hija setgħet tibbenefika mill-informazzjoni dwar iż-żieda fil-prezzijiet prevista għal Ottubru 1998 u tadatta konsegwentement l-aġir kummerċjali tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li Barlo pparteċipat fl-akkordju b’mod kontinwu sa tmiem Ottubru 1998.

164    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal għaxar laqgħat f’dan il-perijodu li kienu jikkonċernaw il-folji solidi magħmula mill-PMMA, li saru wara l-laqgħa ta’ Darmstadt, u dan b’mod pjuttost regolari għall-inqas sa nofs l-1999 (jiġifieri, il-laqgħat tat-18 ta’ Awwissu, tal-11 ta’ Settembru u tal-10 ta’ Diċembru 1998, il-laqgħat tal-20 ta’ Jannar, tal-4 u tad-19 ta’ Marzu, u tal-5 ta’ Mejju 1999, dawk ta’ Mejju jew ta’ Ġunju 1999, kif ukoll żewġ laqgħat supplimentari fl-Italja fl-1999, mingħajr data preċiża; premessi 157 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Skont id-deċiżjoni kkontestata, waqt dawn il-laqgħat, il-parteċipanti laħqu qbil dwar żidiet fil-prezzijiet u dwar it-trasferiment tal-ispejjeż tas-servizzi lill-klijenti u skambjaw xi informazzjoni dwar is-suq. Barra minn hekk, il-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal żieda fil-prezzijiet imħabbra fl-1 ta’ Novembru 1999 u implementata f’Jannar 2000 (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata).

165    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta, minn naħa, li l-perijodu ta’ nuqqas ta’ kuntatti jew ta’ manifestazzjonijiet kollużivi min-naħa ta’ Barlo kien ta’ kważi 16‑il xahar (bejn tmiem Ottubru 1998 u l-24 ta’ Frar 2000) u, min-naħa l-oħra, li dan il-perijodu qabeż ħafna l-intervalli li fihom l-impriżi membri tal-kartell kienu wrew l-intenzjonijiet rispettivi tagħhom li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni kontinwa ta’ Barlo fl-akkordju għal dak il-perijodu ma ġietx stabbilita.

166    Barra minn hekk, anki jekk skont id-deċiżjoni kkontestata l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-akkordju kienet waħda limitata, fi kwalunkwe każ, għal parteċipazzjoni “sporadik[a] għal laqgħat” li kienet tikkonsisti biss f’li żżomm ruħha “[aġġornata] dwar il-ftehim jew il-prattiki antikompetittivi miftiehma għall-folji solidi magħmula mill-PMMA” (premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata), dik il-kunsiderazzjoni ma tippermettix li tiġi invalidata l-konstatazzjoni dwar l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul il-perijodu msemmi iktar ’il fuq. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kull kuntatt antikompetittiv stabbilit, Barlo ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li setgħet ġiet aġġornata bil-ftehim milħuqa matul dak il-perijodu.

167    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn hija żżomm lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell bejn l-1 ta’ Novembru 1998 u t-23 ta’ Frar 2000. L-effett li din il-konklużjoni jista’ jkollha fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jiġi eżaminat iktar ’il quddiem.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

168    Ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk jiġu misjuba ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, il-multa li ġiet imposta fuqhom ma tosservax ir-regoli stipulati fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u fil-linji gwida, minbarra li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-allegat ksur

169    Ir-rikorrenti jsostnu li t-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, iffissat fid-deċiżjoni kkontestata għal sentejn u tliet xhur, huwa żbaljat peress li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, aċċettat id-dati tat-30 ta’ April 1998 u tal-21 ta’ Awwissu 2000 bħala, rispettivament, id-data tal-bidu u d-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u, fuq kollox, għaliex id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix biżżejjed provi insostenn tal-affermazzjoni li l-ksur kien wieħed kontinwat u mingħajr interruzzjonijiet matul dan il-perijodu.

170    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandha tiġi miċħuda bħala infondata l-kritika tar-rikorrenti dwar id-dati aċċettati mill-Kummissjoni bħala l-bidu u t-tmiem tal-parteċipazzjoni fil-ksur.

171    Minn naħa, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, il-parteċipazzjoni ta’ Barlo fil-laqgħa antikompetittiva ta’ April 1988 f’Dernbach ġiet stabbilita kif titlob il-liġi. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi d-data eżatta ta’ dik il-laqgħa ma huwiex rilevanti fir-rigward tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, peress li ġiet aċċettata d-data l-iktar vantaġġjuża għalihom (it-30 ta’ April 1998).

172    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur (il-21 ta’ Awwissu 2000), minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li, f’dik id-data, Barlo pparteċipat f’laqgħa antikompetittiva li ma ddiżassoċjatx ruħha minnha. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li Barlo ma qablitx maż-żieda fil-prezzijiet, anki li kieku dan ġie stabbilit, ma huwiex rilevanti. L-istess jista’ jingħad għall-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma wrietx l-aġir illegali ta’ Barlo wara dik il-laqgħa.

173    It-tieni nett, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet parti tal-ewwel motiv, li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju bejn l-1 ta’ Novembru 1998 u t-23 ta’ Frar 2000 ma ġietx stabbilita u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrathom responsabbli għall-ksur għal dak il-perijodu. Konsegwentement, għandu wkoll jiġi konkluż li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ħadet inkunsiderazzjoni tali perijodu sabiex tiddetermina t-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

174    Fir-rigward tat-teżi tal-Kummissjoni li interruzzjoni fil-parteċipazzjoni fl-akkordju għandha twassal għal żewġ multi li l-ammont totali tagħhom ikun saħansitra ikbar, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ksur wieħed biss, anki jekk dik il-parteċipazzjoni ġiet interrotta. B’hekk, huwa b’mod partikolari skont il-gravità ta’ dak il-ksur u mhux ta’ żewġ ksur separati, li għandu jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Inċidentalment, il-gravità tal-ksur, evalwata b’mod partikolari skont in-natura u l-portata ġeografika ta’ dan tal-aħħar, tibqa’ l-istess minkejja l-interruzzjoni fil-parteċipazzjoni fil-ksur tar-rikorrenti.

175    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, l-ammont tal-multa li ġie impost fuq ir-rikorrenti għandu jiġi kkalkolat mill-ġdid billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punti 96, 97 u 190).

176    Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, it-tul ta’ dik il-parteċipazzjoni fil-ksur huwa ta’ 11-il xahar u 28 jum. Konsegwentement, skont il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tal-multa esposta fil-linji gwida u applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, tali parteċipazzjoni tikkostiwixxi ksur ta’ dewmien qasir, fejn fil-prinċipju ma hija prevista l-ebda żieda fl-ammont tal-multa (punt 1 B tal-linji gwida). Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistipulax regola mandatorja u, fi kwalunkwe każ, din ma tistax torbot lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

177    Issa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u b’mod partikolari tan-natura neċessarjament approssimattiva tat-tul imsemmi fil-punt preċedenti fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra d-data tat-30 ta’ Ottubru 1998 bħala t-tmiem tal-ewwel perijodu ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, kif ukoll tal-fatt li tali parteċipazzjoni wara reġgħet bdiet, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali tal-multa tirrifletti b’mod adegwat it-tul ta’ dik il-parteċipazzjoni fil-ksur.

178    Konsegwentement, l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas, billi ż-żieda tal-ammont inizjali ta’ 20 % applikata mill-Kummissjoni fil-premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata tiġi ssostitwita b’żieda ta’ 10 %, u l-kumplament tal-ewwel parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-allegat ksur

179    Ir-rikorrenti jsostnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tkun trid tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, għandha tiġi ddeterminata r-responsabbiltà individwali tal-impriżi kkonċernati u l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom. Fil-fehma tagħhom, fid-deċiżjoni kkontestata, jew il-Kummissjoni ma wettqitx dan l-eżami individwali jew wettqet l-eżami inkwistjoni b’mod żbaljat. Konsegwentement, l-ammont inizjali tal-multa (EUR 15 000 000) ma huwiex iġġustifikat.

180    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel xejn li, meta ksur jitwettaq minn diversi impriżi, għandha tiġi eżaminata l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull waħda minnhom (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 153, u l-ġurisprudenza ċċitata), sabiex jiġi ddeterminat jekk jeżistux, fir-rigward tagħhom, ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 190).

181    Din il-konklużjoni hija l-konsegwenza loġika tal-prinċipju li l-pieni u s-sanzjonijiet għandhom ikunu skont ir-reat u għalhekk impriża ma għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li hija tiġi akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 261).

182    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-linji gwida, għandu jitfakkar li l-metodoloġija li jesponu għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tobdi regoli li jibdew minn ammont bażiku, skont il-gravità u t-tul tal-ksur, li jiżdied biex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew jitnaqqas biex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti.

183    B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji gwida, għandha ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li sservi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, u dik tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża kkonċernata, fejn din l-aħħar kwistjoni għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-applikazzjoni eventwali taċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti (sentenza Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 100; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 189, u tat-30 ta’ April 2009, CD‑Contact Data vs Il‑Kummissjoni, T‑18/03, Ġabra p. II‑1021, punt 95).

184    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-punti 2 u 3 tal-linji gwida jipprovdu għal aġġustament tal-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi aggravanti u attenwanti, li huma partikolari għal kull impriża kkonċernata. B’mod partikolari, il-punt 3 tal-linji gwida jipprovdi, taħt it-titlu ta’ “Ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità [ċirkustanzi attenwanti]”, lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Hekk isir riferiment għar-rwol passiv ta’ impriża, għan-nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim, għat-tmiem tal-ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, għall-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża dwar in-natura illegali tal-aġir segwit, għall-fatt li l-ksur kien ġie kommess b’negliġenza kif ukoll għall-kollaborazzjoni effettiva tal-impriża fil-proċedura barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

185    Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tevalwa l-effetti tal-aġir ta’ impriża b’mod partikolari. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-effetti li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat il-livell ġenerali tal-multi, ma humiex dawk li jirriżultaw mill-aġir effettiv li impriża tallega li tkun adottat, imma dawk li jirriżultaw mill-ksur kollu li hija tkun ipparteċipat fih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 152, u tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, C‑554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 21 u 24).

186    F’dan il-każ, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni essenzjalment, ma analizzatx l-aġir tagħhom fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, huma jenfasizzaw li fil-klassifikazzjoni tagħha tal-ksur bħala “serju ħafna”, fil-premessi 319 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonċentrat l-attenzjoni tagħha fuq l-akkordju bħala tali mingħajr ma tat kas tal-aġir individwali tal-kompetituri individwali u ta’ Barlo b’mod partikolari. Issa, skont ir-rikorrenti, l-aġir ta’ Barlo ma jistax jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna”, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji karatteristiċi tal-ksur analizzati fil-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata.

187    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji gwida, tali elementi relatati mal-aġir ta’ impriża għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, fl-istadju tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti (punti 2 u 3 tal-linji gwida), sabiex jiġi aġġustat il-livell tal-ammont bażiku tal-multa ddeterminat b’mod partikolari skont il-gravità tal-ksur li l-impriża pparteċipat fih. Għaldaqstant, l-argument li l-Kummissjoni, f’dak l-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, kien imissha analizzat speċifikatament l-aġir individwali tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

188    Inċidentalment, ir-rikorrenti ma jikkontestawx effettivament il-gravità tal-ksur fiha nfisha, kif ġiet stabbilita mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, anki jekk huma jallegaw li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda analiżi tad-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat, huma ma jipproduċu l-ebda element biex jikkontestaw il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li dan is-suq kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE.

189    Fi kwalunkwe każ, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, mil-linji gwida jirriżulta li l-akkordji orizzontali tal-prezzijiet jew tat-tqassim tas-swieq jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur serju ħafna abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr l-obbligu tal-Kummissjoni li turi impatt reali tal-ksur fuq is-suq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 75, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 103). Fil-fatt, tali akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar ibsin. L-impatt reali li jista’ jkollhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq ogħla minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, ma huwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, T‑127/04, Ġabra p. II‑1167, punt 64). Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti li l-aġir tagħhom ma kellu l-ebda riperkussjoni fuq is-suq ma jippermettux, fi kwalunkwe każ, li jitqiegħed dubju fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna”.

190    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet, fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju inkwistjoni kien jikkostitwixxi ksur “serju ħafna” fid-dawl biss tan-natura tiegħu u tal-fatt li huwa kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE.

191    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fil-premessi 332 sa 336 tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tat-“trattament differenzjat” li wassalha biex tagħtihom tnaqqis fl-ammont tal-multa ta’ 25 %.

192    Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont tal-multa, qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis ta’ 25 %, ma kien jirrifletti l-ebda trattament differenzjat, peress li kien ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-istess “formola matematika” fir-rigward tal-impriżi kollha kkonċernati. Skont ir-rikorrenti, sabiex ikun iffissat l-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni użat perċentwali ta’ madwar 30 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat fiż-ŻEE mill-impriżi kkonċernati fuq il-prodotti magħmula mill-PMMA (premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata).

193    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sitt paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jipprevedi l-possibbiltà li l-ammonti inizjali li għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-impriżi involuti fl-istess ksur jiġu differenzjati “sabiex jiġi kunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva ta’ kull impriża li hi f’kompetizzjoni, partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta’ l-istess tip”. Għalhekk il-Kummissjoni adottat proprju din il-metodoloġija fil-premessi 332 et seq tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ddikjarat li “l-iskala ta’ multi li jistgħu jiġu applikati [kienet] tippermetti li jiġi applikat trattament differenzjat fir-rigward tal-impriżi b’tali mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni” u li “dan [ikun] xieraq meta jkun hemm, bħal f’dan il-każ, differenzi kbar fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ tal-prodotti suġġetti għall-kartell tal-impriżi li pparteċipaw fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 332 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi osservat ukoll li, għalkemm mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni applikat il-“formola matematika” allegata mir-rikorrenti, madankollu jirriżulta b’mod ċar li, sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa, hija applikat l-istess kriterju fir-rigward tal-impriżi kollha kkonċernati, jiġifieri l-kriterju tal-“piż relattiv f’termini ta’ d-dħul mill-bejgħ iġġenerat bil-bejgħ tal-prodotti magħmula mill-PMMA li għalihom huma pparteċipaw fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata).

194    Madankollu, din il-proċedura ma għandhiex għalfejn tiġi kkritikata. Anzi, hija ppermettiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod mhux diskriminatorju, id-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn il-parteċipanti fl-akkordju fir-rigward tal-għan mixtieq, jiġifieri d-determinazzjoni tal-ammonti tal-multa fid-dawl tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li jagħmlu dannu lill-kompetizzjoni. Sa fejn minn dan it-trattament irriżultaw ammonti inizjali differenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni applikat tabilħaqq “trattament differenzjat”, fis-sens tal-linji gwida, bil-kontra ta’ dak li qed isostnu r-rikorrenti.

195    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kriterju aċċettat mill-Kummissjoni jieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipazzjoni diretta tar-rikorrenti fl-akkordju ma ġietx stabbilita fir-rigward tal-folji solidi magħmula mill-PMMA. Fil-fatt, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod ċar li “[f]ir-rigward ta’ Barlo, [kienu] kkonċernati biss il-folji solidi magħmula mill-PMMA” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata) u b’hekk hija ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fuq il-livell taż-ŻEE fl-2000 li rriżulta fir-rigward ta’ dan il-prodott. Issa, kif jirriżulta mill-fajl, ir-rikorrenti kienu wkoll attivi fis-settur tal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA. Konsegwentement, il-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel motiv (ara b’mod partikolari l-punt 152 iktar ’il fuq) ma taffettwax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt.

196    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li t-tnaqqis ta’ 25 % fl-ammont tal-multa, applikat fil-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx biżżejjed motivat u li ma huwiex biżżejjed. Fil-fehma tagħhom, dan it-tnaqqis missu ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li huma ma kinux responsabbli għall-akkordju kollu, u mhux biss tan-nuqqas ta’ għarfien tagħhom f’dan ir-rigward, filwaqt li nżammew responsabbli għall-ksur uniku kollu. Konsegwentement, huma jikkunsidraw li tnaqqis li kien jirrifletti t-tqassim tal-MMA bejn il-kategoriji differenti tal-prodotti inkwistjoni kien ikun “minimu assolut”. Huma jfakkru li, skont il-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, dak it-tqassim kien kif ġej: 49 % għall-folji solidi, 36 % għall-komponenti tal-forom u 15 % għall-folji f’tagħmir sanitarju.

197    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jsostnu ġustament li l-fatt li huma ma kinux responsabbli għall-akkordju kollu, kif jirriżulta mill-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa.

198    Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq, b’differenza għad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jistgħu jiġu imputati biss b’parti mill-akkordju, jiġifieri dak relatat mal-folji solidi magħmula mill-PMMA. Minħabba f’hekk, il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni kien neċessarjament inqas gravi minn dak imputat lill-awturi tal-ksur li pparteċipaw fil-partijiet kollha tal-ksur, għaliex dawn ikkontribwew iktar għall-effiċjenza u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn awtur tal-ksur li kien involut biss f’parti waħda ta’ dan l-istess akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punti 162 u 164).

199    Issa, impriża ma tista’ qatt tingħata multa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont parteċipazzjoni f’aġir kollużiv li hija ma tinstabx responsabbli għalih (sentenzi Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punti 79 sa 82, u IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 157).

200    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji gwida, din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament issir fl-istadju meta jiġi ffissat l-ammont inizjali speċifiku, peress illi l-kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti tippermetti biss li jiġi aġġustat l-ammont bażiku tal-multa skont il-mod kif l-awtur tal-ksur ikun implementa l-akkordju. Issa, awtur tal-ksur li ma huwiex iddikjarat responsabbli għal ċerti partijiet minn dan l-akkordju ma setax kellu rwol fl-implementazzjoni ta’ dawn il-partijiet (sentenza IMI et vs Il‑Kummissjoni, punt 148 iktar ’il fuq, punt 164).

201    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, anki jekk il-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-akkordju, hija xorta pproċediet b’mod korrett fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, f’konformità mal-prinċipji esposti iktar ’il fuq.

202    Minn naħa, kif jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq (ara l-punt 195 iktar ’il fuq), l-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, li jikkonsisti fil-klassifikazzjoni tal-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji, skont il-piż relattiv tagħhom f’termini ta’ dħul mill-bejgħ iġġenerat bil-bejgħ tal-prodotti magħmula mill-PMMA, li għalihom huma pparteċipaw fl-akkordju, ma kienx affettwat mill-iżball imwettaq fuq il-livell tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur.

203    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dħul mill-bejgħ ikkunsidrat għandu jeskludi d-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn Quinn Plastics, SA, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni abbandunat kull ilment kontra din il-kumpannija, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-fatt li din il-kumpannija ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata ma jbiddel xejn fid-dħul mill-bejgħ iġġenerat għall-folji solidi magħmula mill-PMMA li jista’ jiġi attribwit lill-impriża Barlo, li tinkludi wkoll lill-kumpannija parent destinatarja, jiġifieri Quinn Barlo, li kienet 100 % proprjetarja ta’ Quinn Plastics, SA fiż-żmen tal-ksur.

204    Min-naħa l-oħra, fil-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tat lir-rikorrenti tnaqqis speċifiku ta’ 25 % tal-ammont inizjali tal-multa minħabba li “ma [kienx] evidenti jekk Barlo [kinitx ħadet] sehem jew le f’kuntatti kollużivi fir-rigward tal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA jew tal-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA” u li, għaldaqstant, “jidher li Barlo ma kinitx taf jew seta’ kien il-każ li mhux neċessarjament kienet taf bil-proġett globali tal-arranġamenti antikompetittivi”.

205    Ċertament, dan it-tnaqqis ma kienx motivat min-nuqqas ta’ responsabbiltà tar-rikorrenti għall-partijiet tal-akkordju relatati mal-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA jew mal-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA, imma biss minħabba n-nuqqas ta’ involviment dirett tagħhom f’dawn il-partijiet jew minħabba n-nuqqas ta’ għarfien dwar dawn tal-aħħar.

206    Madankollu, dik il-kunsiderazzjoni waħedha ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju t-tnaqqis mogħti, billi l-Kummissjoni setgħet ġustament tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba f’hekk.

207    B’hekk, għad irid jiġi vverifikat jekk l-imsemmi tnaqqis kif ukoll l-ammont inizjali speċifiku li jirriżulta (EUR 15 000 000) jirriflettux b’mod adegwat il-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, evalwat fid-dawl tal-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 152 iktar ’il fuq).

208    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, anki jekk l-imsemmi ksur kien jirrigwarda biss it-tliet prodotti kkonċernati, madankollu jibqa’ l-fatt li dan kien dejjem ksur serju ħafna (ara l-punt 189 iktar ’il fuq), li kien jinvolvi, barra minn hekk, lit-territorju kollu taż-ŻEE. B’mod partikolari, il-fatt li l-ksur uniku, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, seta’ kkostitwixxa ksur ferm iktar karatteristiku tad-dritt tal-kompetizzjoni, bl-ebda mod ma jimplika li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti ma kienx, bħala tali, “serju ħafna” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Oxley Threads vs Il‑Kummissjoni, T‑448/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

209    Dik il-konklużjoni ma tqegħditx f’dubju bl-argumenti tar-rikorrenti, jiġifieri li ma kienx ġie stabbilit li huma kienu ħadu sehem fil-karatteristiċi prinċipali tal-akkordju, esposti fil-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 180 sa 187 iktar ’il fuq, il-kwistjoni rilevanti fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa ma kinitx dik tal-aġir tar-rikorrenti, imma dik tal-karatteristiċi tal-ksur li huma kienu pparteċipaw fih. Issa, minn naħa, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-karatteristiċi prinċipali tal-akkordju esposti fil-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex applikabbli għall-ksur inkwistjoni sa fejn huwa jirrigwarda biss lill-folji solidi magħmula mill-PMMA. Min-naħa l-oħra, anki jekk ir-rikorrenti ma ħadux sehem direttament fit-tipi kollha ta’ aġir antikompetittiv imsemmija fil-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti pparteċipaw fil-laqgħat dwar il-folji solidi magħmula mill-PMMA, li matulhom, b’mod partikolari, ġew konklużi l-ftehim dwar il-prezzijiet, ġew diskussi l-prezzijiet u ġiet skambjata informazzjoni dwar is-suq (ara l-punti 60 sa 78 iktar ’il fuq), u li b’hekk huma kienu jafu bl-imsemmi aġir antikompetittiv, inkluż dak li huma ma pparteċipawx direttament fih jew li huma setgħu raġonevolment jippreveduh (ara l-punt 128 iktar ’il fuq).

210    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur imwettaq mir-rikorrenti għandu jiġi kklassifikat bħala “serju ħafna” fis-sens tal-linji gwida. Issa, għandu jitfakkar li dawn tal-aħħar jipprevedu EUR 20 000 000 bħala ammont inizjali minimu, fil-prinċipju, għal tali ksur.

211    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-ammont inizjali tal-multa li ġie applikat fir-rigward tagħhom għandu jirrifletti l-importanza tal-folji solidi magħmula mill-PMMA meta pparagunati mal-prodotti kollha magħmula mill-PMMA li kienu suġġetti għall-ksur uniku, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-multa b’mod proporzjonat għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza BST vs Il‑Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

212    Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, id-daqs tas-suq ikkonċernat ma kienx, bħala regola, element obbligatorju, iżda biss element rilevanti fost oħrajn għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punt 55). Bl-istess mod, skont il-metodoloġija esposta fil-linji gwida, dan bl-ebda mod ma huwa element determinanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punti 62 sa 64).

213    Minn dan isegwi li t-tnaqqis fl-ammont inizjali tal-multa li r-rikorrenti jistgħu jippretendu minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju biss fir-rigward tal-folji solidi magħmula mill-PMMA ma għandux jirrifletti, b’mod proporzjonat, l-importanza ta’ dan il-prodott meta pparagunat mal-prodotti kollha magħmula mill-PMMA li kienu suġġetti għall-ksur uniku. Anzi, tali tnaqqis ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità mfakkar fil-punt 211 iktar ’il fuq, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-fatt li, bħad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienu pparteċipaw f’akkordju serju ħafna u li kien jirrigwarda lit-territorju kollu taż-ŻEE.

214    Inċidentalment, għandu jiġi osservat li t-talba tar-rikorrenti, essenzjalment għal tnaqqis ta’ 51 % tal-ammont inizjali tal-multa, minflok it-tnaqqis ta’ 25 % mogħti mill-Kummissjoni (ara l-punt 196 iktar ’il fuq), hija bbażata, mhux fuq id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ ta’ kull wieħed mit-tliet prodotti magħmula mill-PMMA kkonċernati, imma fuq it-tqassim tal-materja prima (MMA) bejn dawn it-tliet prodotti, mingħajr ma r-rikorrenti jispjegaw għaliex dan il-kriterju huwa rilevanti sabiex tkun evalwata l-gravità tal-ksur li wettqu huma. Issa, fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema parti tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tat-tliet prodotti magħmula mill-PMMA kkonċernati flimkien fuq il-livell taż-ŻEE fl-2000 jista’ jiġi imputat lill-folji solidi magħmula mill-PMMA biss, mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-parti l-kbira tal-impriżi kkonċernati, inklużi r-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva, ikkalkolaw li hija madwar 60 %, jew iktar, b’impriża waħda biss ikkalkolat li hija ta’ madwar 50 %.

215    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont inizjali tal-multa tar-rikorrenti, mogħti fil-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata, jirrifletti b’mod xieraq il-gravità tal-ksur li huma pparteċipaw fih. Minn dan isegwi, minn naħa, li minkejja l-iżball imwettaq fuq il-livell tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-akkordju (ara l-punt 152 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa tagħhom u, min-naħa l-oħra, li dan l-ammont ma għandux jitnaqqas iktar, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali.

216    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti

217    Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata taċ-ċirkustanzi attenwanti ma hijiex biżżejjed motivata u li hija kisret il-linji gwida kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

–       Fuq ir-rwol passiv u minuri fit-twettiq tal-ksur

218    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tat-tnaqqis ta’ 50 % minħabba rwol passiv u minuri kienet motivata b’mod żbaljat, peress li l-imsemmija premessa tinkludi affermazzjonijiet mhux eżatti u li ma ġewx stabbiliti. Konsegwentement, dan it-tnaqqis ma huwiex biżżejjed.

219    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel xejn, li hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi li jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat, il-kriterji li hija beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, hija tkun qiegħda, konsegwentement, tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa sa fejn hija jkollha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata).

220    Għalhekk, l-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida fihom tabilħaqq elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Wieland‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 212 iktar ’il fuq, punt 31, u tat-30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, Ġabra p. II‑3555, punt 129).

221    B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura obbligatorja fil-linji gwida fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali s-sinjifikat ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.

222    Fir-rigward taċ-ċirkustanza attenwanti relatata mar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv fil-ksur, previst fl-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej, fil-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] Mill-fatti deskritti fil-premessi 137 u 223 jirriżulta b’mod ċar li l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-akkordju ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik tal-parti l-kbira tal-impriżi l-oħra. Ma jidhirx li kien hemm bosta elementi li jipprovaw li Barlo pparteċipat b’mod attiv fl-istabbiliment tal-ftehim jew tal-prattiki antikompetittivi eventwali. Il-kuntatti antikompetittivi li kien hemm juru pjuttost li Barlo kienet tattendi b’mod sporadiku għal laqgħat li kulma kienu jagħmlu kien li jaġġornaw lill-impriża bil-ftehim jew bil-prattiki antikompetittivi miftiehma għall-folji solidi magħmula mill-PMMA. Jidher ukoll li Barlo ma pparteċipatx f’bosta laqgħat multilaterali importanti li matulhom ġew deċiżi l-aspetti prinċipali tal-ftehim dwar il-prezzijiet u tal-prattiki antikompetittivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

223    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kellhom “rwol passiv u minuri” u tathom tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa li, mingħajr dik il-kunsiderazzjoni, kieku kienet tiġi imposta fuqhom (premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li skont il-ġurisprudenza, rwol passiv jimplika l-adozzjoni ta’ approċċ “profil baxx” mill-impriża kkonċernata, jiġifieri nuqqas ta’ parteċipazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ ftehim antikompetittiv jew fi ftehim antikompettivi. Fost l-elementi tali li jistgħu jiżvelaw ir-rwol passiv ta’ impriża fi ħdan akkordju, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura sostanzjalment iktar sporadika tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat meta mqabbla ma’ dik tal-membri ordinarji tal-akkordju, kif ukoll id-dħul tardiv tagħha fis-suq li kien is-suġġett tal-ksur, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur, jew ukoll l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet espressi f’dan is-sens magħmula minn rappreżentanti ta’ impriżi terzi li jkunu pparteċipaw fil-ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punti 184 u 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

225    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni evalwat iċ-ċirkustanza attenwanti relatata mar-rwol passiv tar-rikorrenti f’dan il-każ b’mod korrett. Fil-fatt, hija essenzjalment iddikjarat li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik tal-parti l-kbira tal-impriżi l-oħra peress li l-kuntatti antikompetittivi li kien hemm juru anzi li Barlo kienet tattendi b’mod sporadiku għal laqgħat li kulma kienu jagħmlu kien li jaġġornaw lill-impriża bil-ftehim jew bil-prattiki antikompetittivi miftiehma għall-folji solidi magħmula mill-PMMA.

226    Barra minn hekk, mid-diċitura tal-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni, il-Kummissjoni ħadet biss inkunsiderazzjoni l-fatti li kienu analizzati fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari li l-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi b’mod espliċitu għall-premessa 137 tal-istess deċiżjoni, fejn jingħad li “[f]it-tweġiba [tagħhom] għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [ir-rikorrenti] jikkontestaw il-preżenza ta’ [B.] waqt il-parti l-kbira tal-laqgħat li allegatament ipparteċipa fihom” filwaqt li “ikkonfermaw il-preżenza ta’ [B.] waqt erba’ laqgħat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dawn il-kundizzjonjiet, il-konstatazzjonijiet li “[m]a jidhirx li kien hemm bosta elementi li jipprovaw li Barlo pparteċipat b’mod attiv fl-istabbiliment tal-ftehim jew tal-prattiki antikompetittivi eventwali” jew li “[j]idher ukoll li Barlo ma pparteċipatx f’bosta laqgħat multilaterali importanti”, ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jattribwixxu lir-rikorrenti parteċipazzjoni attiva fl-istabbiliment tal-ftehim jew tal-prattiki antikompetittivi jew parteċipazzjoni f’laqgħat multilaterali importanti. Il-kritika tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għaldaqstant hija irrilevanti.

227    Barra minn hekk, kulma għamlu r-rikorrenti kien li kkontestaw id-diċitura tal-premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma spjegaw għaliex il-fatti ta’ dan il-każ jiġġustifikaw tnaqqis ferm iktar sinjifikattiv abbażi taċ-ċirkustanza attenwanti analizzata.

228    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim jew tal-prattiki illegali

229    Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-motivi għaliex il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ċaħdet l-argument tagħhom ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim jew tal-prattiki illegali bħala ċirkustanza attenwanti (premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata) huma żbaljati.

230    Fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat dan li ġej:

“Għalkemm ma hemm l-ebda prova li Barlo naqset b’mod sistematiku milli tapplika l-ftehim dwar il-prezzijiet jew li tittrasferixxi fuq il-klijenti l-ispiża tas-servizzi supplimentari, jidher ċar min-naħa l-oħra li hija setgħet tibbenefika mill-informazzjoni skambjata dwar is-suq u timmodifika konsegwentement l-aġir kummerċjali tagħha (forsi billi tiffaċilita ż-żidiet tal-ishma tas-suq). Barra minn hekk, Barlo ma naqsitx b’mod espliċitu, fir-rigward tal-impriżi l-oħra, li tipprova tilħaq l-għanijiet komuni proposti u deċiżi mill-impriżi kollha (irrispettivament mill-fatt jekk dawn l-għanijiet xi drabi ġewx żvelati b’mod mhux mistenni matul laqgħa). Il-Kummissjoni b’hekk tiċħad l-argument ta’ Barlo li n-nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim jew tal-prattiki illegali min-naħa tagħha jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

231    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti minħabba nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva ta’ ftehim jew ta’ prattiki illegali, skont it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, għandu jiġi vverifikat jekk iċ-ċirkustanzi msemmija mill-impriża kkonċernata humiex ta’ natura tali li jistabbilixxu li, matul il-perijodu li fih ħadet sehem fil-ftehim illegali, hija effettivament astjeniet ruħha milli timplementahom billi addottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 113, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, punt 180 iktar ’il fuq, punt 196).

232    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq kriterji korretti skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti.

233    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ħadet inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ provi li Barlo naqset b’mod sistematiku milli timplementa l-ftehim dwar il-prezzijiet jew li tittrasferixxi fuq il-klijenti l-ispiża tas-servizzi supplimentari, peress li dan huwa element manifestament rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li donnhom qed jissuġġerixxu r-rikorrenti, mid-diċitura tal-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li dan kien biss element wieħed fost oħrajn, li l-evalwazzjoni globali tagħhom wasslet lill-Kummissjoni biex tiċħad il-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni.

234    Issa, l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex tali li jqiegħdu f’dubju dik l-evalwazzjoni globali tal-Kummissjoni.

235    L-ewwel nett, il-fatti sottomessi mir-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu li Barlo tabilħaqq naqset milli timplementa l-ftehim dwar il-prezzijiet jew li tittrasferixxi fuq il-klijenti l-ispiża tas-servizzi supplimentari.

236    Fil-fatt, kulma jagħmlu r-rikorrenti huwa li jipproduċu, minn naħa, id-dikjarazzjonijiet ta’ B. li Barlo ma kienet implementat xejn wara l-laqgħat fejn huwa kien preżenti u, min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni ta’ Atofina, imsemmija fil-premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-bqija, huma jammettu b’mod espliċitu li ma setgħux jipproduċu provi preċiżi dwar il-politika tal-prezzijiet għall-perijodu mill-1999 sal-2000.

237    Issa, għandu jiġi osservat li l-affermazzjoni ta’ Atofina tirreferi għal żieda tas-sehem tas-suq ta’ Barlo għall-folji solidi magħmula mill-PMMA matul il-perijodu mill-2000 sal-2002. Billi l-perijodu ta’ parteċipazzjoni fil-ksur ta’ Barlo kien mifrux bejn it-30 ta’ April 1998 u l-21 ta’ Awwissu 2000, dan ma huwiex element li jippermetti li jintwera n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ ftehim dwar il-prezzijiet, inqas u inqas b’mod sistematiku. Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentant ta’ Barlo, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, fihom infushom, bħala biżżejjed probatorji, fin-nuqqas ta’ provi dokumentarji oġġettivi li jsostnuhom.

238    Bl-istess mod, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix elementi li jipprovaw l-implementazzjoni, min-naħa ta’ Barlo, tal-ftehim dwar il-prezzijiet, ma huwiex minnu nnifsu determinanti. Fil-fatt, ma jistax jiġi sostnut li, minħabba li ma stabbilixxietx l-implementazzjoni tal-ftehim jew tal-prattiki illegali minn impriża, il-Kummissjoni kienet obbligata, minħabba dan is-sempliċi fatt, li tagħti lir-rikorrenti tnaqqis fl-ammont tal-multa.

239    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma jqegħdux f’dubju l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li Barlo setgħet tibbenefika mill-informazzjoni dwar is-suq li ġiet skambjata waqt il-laqgħat u konsegwentement timmodifika l-aġir kummerċjali tagħha. Kulma jsostnu huwa li dik l-allegazzjoni ma ġietx ipprovata mill-Kummissjoni. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 231 iktar ’il fuq, huma r-rikorrenti li għandhom iressqu ċirkustanzi tali li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent taċ-ċirkustanza attenwanti mitluba, u b’mod partikolari dawk relatati man-nuqqas ta’ implementazzjoni eventwali tal-parti tal-ksur relatata mal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment importanti u kunfidenzjali dwar is-swieq u/jew dwar l-impriżi kkonċernati.

240    It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni inkluża fit-tieni sentenza tal-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li waqt il-laqgħat li għalihom kienet preżenti Barlo ma kien deċiż l-ebda għan komuni. Madankollu, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, din l-allegazzjoni ma hijiex eżatta.

241    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma allegawx li Barlo, minn tal-inqas, b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi għall-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju b’tali mod li fixklet l-istess funzjonament tal-akkordju (ara l-punt 231 iktar ’il fuq).

242    Minn dan isegwi li l-kritika tar-rikorrenti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni inkluża fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata.

243    Sussidjarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ir-rifjut li tiġi rikonoxxuta ċ-ċirkustanza attenwanti analizzata huwa ġġustifikat ukoll mill-istruttura ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata.

244    Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, minn naħa, li matul ċerti perijodi l-akkordju kollu ma kienx għalkollox effettiv, bil-parteċipanti, inkluża Barlo, jiddevjaw mill-ftehim konklużi fl-imgħoddi (ara, pereżempju, il-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, minħabba li din hija karatteristika tal-funzjonament ta’ kartell bħala tali ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti; l-iktar l-iktar, tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-analiżi tal-gravità tal-ksur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni eżaminat l-argumenti li kienu jirrigwardaw n-natura ineffettiva tal-akkordju (premessi 321 sa 329 tad-deċiżjoni kkontestata) u, f’dan il-kuntest, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni ta’ Atofina, invokata mir-rikorrenti (ara l-punt 236 iktar ’il fuq). Anki jekk hija kkunsidrat li l-ksur seta’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna, madankollu hija affermat b’mod espliċitu li fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ma kinitx qed tibbaża ruħha “speċifikatament fuq impatt partikolari [tal-ksur fuq is-suq]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata).

245    Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li l-aġir ta’ Barlo fis-suq kien ferm differenti minn dak tal-impriżi l-oħra, destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li fil-linji gwida ma hemmx ipprovdut li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni b’mod separat kull waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti elenkati fil-punt 3 ta’ dawn il-linji gwida (sentenza KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punt 114). Skont dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-portata tat-tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti kollha li jikkaratterizzaw dan il-każ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 274 u 275, u Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punti 325 u 326; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 204).

246    Issa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, huwa r-rikonoxximent tar-rwol passiv u minuri fit-twettiq tal-ksur, minħabba b’mod partikolari li l-parteċipazzjoni ta’ Barlo fl-akkordju ma tistax tiġi pparagunata ma’ dik tal-parti l-kbira tal-impriżi l-oħra (premessa 373 tad-deċiżjoni kkontestata), li jirrifletti bl-aħjar mod il-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ Barlo fil-ksur. Fi kwalunkwe każ, l-elementi prodotti mir-rikorrenti u eżaminati fil-punti 236 sa 241 iktar ’il fuq, ma humiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw tnaqqis ieħor tal-ammont bażiku tal-multa li jiżdied ma’ dak li diġà wettqet il-Kummissjoni abbażi tar-rwol passiv ta’ Barlo.

247    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tmiem bikri tal-ksur

248    Ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex ikkontestat li l-ksur imputat lil Barlo ġie fi tmiemu ferm qabel l-ewwel investigazzjonijiet tal-Kummissjoni. Huma jikkunsidraw li ċ-ċaħda ta’ dik iċ-ċirkustanza attenwanti mill-Kummissjoni tmur manifestament kontra l-linji gwida li jipprevedu bħala ċirkustanza attenwanti “tmiem tal-ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)”, u huma jikkontestaw il-motivi mressqa mill-Kummissjoni fil-premessi 384 u 385 tad-deċiżjoni kkontestata.

249    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ Barlo fil-ksur ġie stabbilit li seħħ fil-21 ta’ Awwissu 2000. B’hekk, huwa stabbilit li Barlo waqfet tipparteċipa fil-ksur qabel l-ewwel interventi tal-Kummissjoni f’dan il-każ, jiġifieri l-verifiki fuq il-post tal-25 u tas-26 ta’ Marzu 2003 (premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata).

250    Madankollu, fir-rigward tat-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa fuq din il-bażi, għandu jiġi kkonstatat li skont il-ġurisprudenza, ma jistax jingħata l-benefiċċju ta’ ċirkustanza attenwanti skont it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida fil-każ fejn il-ksur ikun diġà ntemm qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni u indipendentement minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punti 105 u 106).

251    Barra minn hekk, il-fatt li Barlo volontarjament ġabet fi tmiemu l-ksur qabel ma l-Kummissjoni tat bidu għall-investigazzjoni ttieħed biżżejjed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tul tal-perijodu tal-ksur aċċettat fir-rigward tar-rikorrenti, tant li dawn ma jistgħux jinvokaw it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 260, u tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, T‑21/05, Ġabra p. II‑1895, punt 152).

252    Għaldaqstant, il-kritika tar-rikorrenti li saret fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni inkluża fil-premessi 384 u 385 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata u dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-introduzzjoni ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni

253    Ir-rikorrenti jenfasizzaw li d-deċiżjoni kkontestata hija l-ewwel deċiżjoni skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li ġiet adottata kontra l-grupp Quinn. Huma jgħidu li, minn meta l-grupp sar jaf bl-eżistenza tal-investigazzjoni, huwa implementa programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni li d-dettalji kollha tiegħu ngħataw lill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ir-rifjut li dan il-programm jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti ma huwiex fondat.

254    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

255    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija l-ewwel deċiżjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kontra r-rikorrenti ma jiġġustifikax tnaqqis fl-ammont bażiku tal-multa. Dik iċ-ċirkustanza, min-naħa l-oħra, ittieħdet inkunsiderazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma kkunsidratx ir-reċidività bħala ċirkustanza aggravanti kontra r-rikorrenti.

256    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li l-adozzjoni ta’ miżuri sabiex ikun impedit ksur ġdid, minkejja li huwa pass importanti, ma jbiddel xejn mir-realtà tal-ksur ikkonstatat.

257    It-tielet nett, diġà ġie deċiż li s-sempliċi adozzjoni, minn impriża, ta’ programm ta’ konformizzazzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni ma jistax jikkostitwixxi garanzija valida u ċerta tal-osservanza futura u dejjiema min-naħa tal-istess impriża tar-regoli msemmijin, b’mod li programm bħal dan ma jistax jorbot lill-Kummissjoni biex tnaqqas il-multa minħabba li l-għan ta’ prevenzjoni li jkollha l-istess istituzzjoni jkun diġà ġie mill-inqas milħuq parzjalment (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 361; ara wkoll is-sentenza BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 52).

258    Għal dawn il-motivi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq in-nuqqas ta’ benefiċċju, in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ dissważjoni u fuq il-proporzjonalità

259    Ir-rikorrenti josservaw li l-multi previsti mid-dritt tal-kompetizzjoni għandhom l-għan, minn naħa, li jċaħħdu lir-responsabbli mill-benefiċċju li setgħu kisbu mill-ksur u, min-naħa l-oħra, li jkollhom effett dissważiv (premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, f’dan il-każ, il-multa imposta ma hijiex proporzjonata għal dawn l-għanijiet peress li, minn naħa, ir-rikorrenti ma kisbu l-ebda benefiċċju mill-allegat ksur u min-naħa l-oħra, la Barlo u lanqas il-grupp Quinn qatt ma ġew ikkundannati għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

260    Qabel xejn, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment ma humiex previsti espliċitament bħala ċirkustanzi attenwanti fil-punt 3 tal-linji gwida.

261    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li dawn l-elementi ma jiġġustifikawx tnaqqis fl-ammont tal-multa.

262    Minn naħa, fir-rigward tal-allegazzjoni dwar in-nuqqas ta’ benefiċċju, din ma ġietx stabbilita. Barra minn hekk, ir-rikorrenti donnhom jammettu li tali benefiċċju seta’ nkiseb, filwaqt li jisħqu li dan il-benefiċċju nkiseb mill-ex azzjonisti tal-impriża u mhux mill-azzjonisti attwali li għandhom ibatu l-konsegwenzi finanzjarji tal-multa. Issa, minbarra l-fatt li ma hijiex sostnuta, din l-allegazzjoni tal-aħħar lanqas ma hija rilevanti. Għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti la jikkontestaw li huma s-suċċessuri legali ta’ Barlo u lanqas li d-deċiżjoni kkontestata, f’każ li l-ksur jiġi stabbilit, għandha tiġi indirizzata lilhom (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

263    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ġustament osservat, fil-premessa 388, in fine, tad-deċiżjoni kkontestata, li nuqqas eventwali ta’ benefiċċju ma jbiddel xejn mill-gravità tal-ksur imwettaq, kif ġie stabbilit mid-deċiżjoni kkontestata.

264    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li la Barlo u lanqas il-grupp Quinn qatt ma ġew ikkundannati minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jsir riferiment għall-punt 255 iktar ’il fuq u għandu jiġi kkonstatat li nuqqas ta’ reċidività ma jistax minnu nnifsu jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

265    Fir-rigward tal-allegazzjoni, mhux sostnuta, li minħabba l-akkwist ta’ Barlo permezz ta’ offerta pubblika ta’ xiri “ostili”, l-azzjonisti attwali ma setgħux iwettqu verifika finanzjarja adegwata u ma kinux jafu bl-eżistenza potenzjali tal-ksur, hija lanqas ma hija tali li ttaffi l-gravità tal-ksur imwettaq u lanqas ma taffettwa l-ammont tal-multa, sa fejn dan għandu għan dissważiv.

266    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-kooperazzjoni attiva fil-proċedimenti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni

267    Ir-rikorrenti jsostnu li huma kkooperaw b’mod sħiħ mal-Kummissjoni tul il-proċedura amministrattiva kollha. Huma għamlu dan billi fittxew konferma tal-fatti li ma kinux immedjatament disponibbli u għamlu sforzi kunsiderevoli f’dan ir-rigward. Fil-fehma tagħhom, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellhiex raġun li tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-aspett bħala ċirkustanza attenwanti.

268    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fis-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, il-Kummissjoni pprevediet ċirkustanza attenwanti relatata mal-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċedimenti barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.

269    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 392 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet eżaminat, abbażi tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, jekk il-kooperazzjoni ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati kinitx ippermettitilha tikkonstata l-eżistenza tal-ksur b’inqas diffikultà. Fil-premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat, fid-dawl tad-dimensjoni u tal-valur ferm limitat tal-kooperazzjoni tagħhom u tal-kontestazzjoni tal-fatti barra minn dik il-kooperazzjoni limitata tagħhom, li ma kien hemm l-ebda ċirkustanza oħra li kienet tagħti lok għal tnaqqis tal-ammonti tal-multi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, tnaqqis li, f’każijiet ta’ akkordji sigrieti, fi kwalunkwe każ, jista’ biss jingħata b’mod eċċezzjonali.

270    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-applikazzjoni tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, fil-każ ta’ akkordji sigrieti, għandha tkun eċċezzjonali.

271    Fil-fatt l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ma jistax ikollha bħala konsegwenza li ċċaħħad lill-avviż dwar il-kooperazzjoni mill-effettività tiegħu. Issa, mill-imsemmi avviż jirriżulta b’mod ċar li huwa jiddefinixxi l-kuntest li jippermetti li jiġu ppremjati, minħabba l-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-impriżi li huma jew li kienu partijiet għal akkordji sigrieti li jaffettwaw lill-Komunità. Minn dan isegwi li l-impriżi, fil-prinċipju, jistgħu jiksbu tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom biss jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi avviż.

272    B’hekk, diġà ġie deċiż, pereżempju, li l-Kummissjoni tista’ tirriżerva l-applikazzjoni tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-impriża li tkun l-ewwel waħda li tipprovdilha informazzjoni li permezz tagħha tkun tista’ testendi l-investigazzjoni tagħha u tieħu l-passi neċessarji sabiex tistabblixxi ksur iktar gravi jew ksur b’iktar tul (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland‑Werke et vs Il‑Kummissjoni, T‑11/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 232; ara wkoll il-punt 234).

273    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma spjegawx b’mod biżżejjed dettaljat kif u sa liema punt il-kooperazzjoni tagħhom ippermettiet li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-fatti allegati.

274    Min-naħa l-oħra, anki jekk mill-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel motiv jirriżulta li l-konferma mir-rikorrenti ta’ ċerti elementi fit-tweġiba tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għenet lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-involviment ta’ Barlo f’diversi laqgħat antikompetittivi, madankollu għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti jibqgħu jikkontestaw preċiżament il-fatt li l-imsemmija tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tali li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħhom għall-akkordju.

275    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent taċ-ċirkustanza attenwanti mitluba ma ġietx stabbilita.

276    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

277    Fl-aħħar nett, minkejja li ċerti argumenti tar-rikorrenti mressqa fil-kuntest tat-tieni motiv għandhom jiftiehmu bħala li jirreferu għal ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, u b’mod partikolari tal-livell tat-tnaqqis mogħti (ara l-punti 196, 217 u 218 iktar ’il fuq), dawn għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet biżżejjed l-elementi tal-evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, inklużi, fil-premessi 335 u 372 sa 374, il-motivi għaliex hija ddeċidiet li tagħtihom it-tnaqqis fl-ammont tal-multa. B’hekk, hija ssodisfat ir-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jikkostitwixxu l-obbligu tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 42). Għandu jiġi kkonstatat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa, bħala parti mill-obbligu ta’ motivazzjoni, li tindika fid-deċiżjoni tagħha ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-multi (ara s-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 131 iktar ’il fuq, punt 1361, u l-ġurisprudenza ċċitata) u li b’hekk ma hijiex obbligata timmotiva iktar il-livelli tat-tnaqqis mogħti.

 Konklużjoni

278    Minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, minn naħa, sa fejn hija żżomm lir-rikorrenti responsabbli mill-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju bejn l-1 ta’ Novembru 1998 u t-23 ta’ Frar 2000 u, min-naħa l-oħra, sa fejn hija tikkonstata li huma kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw f’għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li kienu jikkonċernaw mhux biss il-folji solidi magħmula mill-PMMA, imma wkoll il-komponenti tal-forom magħmula mill-PMMA u l-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-PMMA. Il-kumplament tat-talbiet għall-annullament għandhom jiġu miċħuda.

279    Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, minn dak kollu li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li, minn naħa, iż-żieda tal-ammont inizjali ta’ 20 % applikata mill-Kummissjoni fil-premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi ssostitwita b’żieda ta’ 10 % u, min-naħa l-oħra, li l-kumplament tat-talbiet għal tnaqqis tal-ammont tal-multa għandhom jiġu miċħuda.

280    Konsegwentement, l-ammont tal-multa impost fuq ir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa stabbilit għal EUR 8 250 000.

 Fuq l-ispejjeż

281    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

282    F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikorrenti ntlaqgħu parzjalment u l-Kummissjoni b’hekk tilfet it-talbiet tagħha biex ir-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu. Madankollu, ir-rikorrenti tilfu sa fejn huma talbu l-annullament totali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardahom. Għalhekk, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandhom ibatu 60 % tal-ispejjeż tagħhom u 60 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, u li din tal-aħħar għandha tbati 40 % tal-ispejjeż tagħha u 40 % tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 2098 finali, tal-31 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Metakrilati), huwa annullat, minn naħa, sa fejn huwa jikkonstata li Quinn Barlo Ltd, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) billi pparteċipaw f’għadd ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li kienu jikkonċernaw mhux biss il-folji solidi magħmula mill-polimetakrilat tal-metil imma wkoll il-komponenti tal-forom magħmula mill-polimetakrilat tal-metil u l-folji f’tagħmir sanitarju magħmula mill-polimetakrilat tal-metil u, min-naħa l-oħra, sa fejn huwa jżomm lil dawn il-kumpanniji responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju bejn l-1 ta’ Novembru 1998 u t-23 ta’ Frar 2000.

2)      L-ammont tal-multa li Quinn Barlo, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH jinżammu responsabbli in solidum mill-ħlas tagħha, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2006) 2098 finali, huwa stabbilit għal EUR 8 250 000.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Quinn Barlo, Quinn Plastics NV u Quinn Plastics GmbH għandhom ibatu 60 % tal-ispejjeż tagħhom u 60 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati 40 % tal-ispejjeż tagħha u 40 % tal-ispejjeż ta’ Quinn Barlo, ta’ Quinn Plastics NV u ta’ Quinn Plastics GmbH.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Novembru 2011.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 81 KE

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-allegata evalwazzjoni żbaljata tal-laqgħat u ta’ kuntatti jew ta’ skambji oħrajn li kienu jimplikaw lil Barlo

– Fuq l-erba’ laqgħat fejn ġiet ammessa l-preżenza ta’ Barlo

– Fuq il-laqgħa kkontestata ta’ Barcelona (Spanja) ta’ Mejju-Ġunju 1999 (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata)

– Fuq in-nuqqas ta’ kuntatti jew ta’ skambji oħrajn li Barlo allegatament ipparteċipat fihom

– Konklużjoni dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-parteċipazzjoni ta’ Barlo fi “proġett antikompetittiv uniku u komuni” li jkopri tliet prodotti magħmula mill-PMMA

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-parteċipazzjoni ta’ Barlo fi ksur kontinwat

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tal-linji gwida u tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tat-tul tal-allegat ksur

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata tal-gravitŕ tal-allegat ksur

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq allegata evalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi attenwanti

– Fuq ir-rwol passiv u minuri fit-twettiq tal-ksur

– Fuq l-allegat nuqqas ta’ implementazzjoni effettiva tal-ftehim jew tal-prattiki illegali

– Fuq it-tmiem bikri tal-ksur

– Fuq l-introduzzjoni ta’ programm ta’ konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni

– Fuq in-nuqqas ta’ benefiċċju, in-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ dissważjoni u fuq il-proporzjonalitŕ

– Fuq il-kooperazzjoni attiva fil-proċedimenti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top