This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006TJ0075
Judgment of the Court of First Instance (Fourth Chamber) of 9 September 2008.#Bayer CropScience AG, Makhteshim-Agan Holding BV, Alfa Georgika Efodia AEVE and Aragonesas Agro, SA v Commission of the European Communities.#Directive 91/414/EEC - Plant protection products - Endosulfan as an active substance - Withdrawal of marketing authorisations - Evaluation procedure - Time-limits - Rights of the defence - Principle of proportionality.#Case T-75/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Settembru 2008.
Bayer CropScience AG, Makhteshim-Agan Holding BV, Alfa Georgika Efodia AEVE u Aragonesas Agro, SA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Direttiva 91/414/KEE - Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Sustanza attiva endosulfan - Irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq - Proċedura ta’ evalwazzjoni - Termini - Drittijiet tad-difiża - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża T-75/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ir-Raba' Awla) tad-9 ta' Settembru 2008.
Bayer CropScience AG, Makhteshim-Agan Holding BV, Alfa Georgika Efodia AEVE u Aragonesas Agro, SA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Direttiva 91/414/KEE - Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Sustanza attiva endosulfan - Irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq - Proċedura ta’ evalwazzjoni - Termini - Drittijiet tad-difiża - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża T-75/06.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 II-02081
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2008:317
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
9 ta’ Settembru 2008 ( *1 )
“Direttiva 91/414/KEE — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva endosulfan — Irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq — Proċedura ta’ evalwazzjoni — Termini — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża T-75/06,
Bayer CropScience AG, stabbilita f’Monheim am Rhein (il-Ġermanja),
Makhteshim-Agan Holding BV, stabbilita f’Rotterdam (l-Olanda),
Alfa Georgika Efodia AEVE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),
Aragonesas Agro, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),
irrappreżentati minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avocats,
rikorrenti,
sostnuti minn
European Crop Protection Association (ECPA), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Waelbroeck u N. Rampal, avocats,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty u L. Parpala, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. Rodríguez Cárcamo, abogado del Estado,
intervenjent,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/864/KE, tat-2 ta’ Diċembru 2005, li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom din is-sustanza attiva (ĠU L 317, p. 25),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
Dispożizzjonijiet tat-Trattat
1 |
L-Artikolu 95(3) KE jipprovdi li l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha lill-Kunsill għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni filwaqt li tqis b’mod partikolari kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. |
2 |
L-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji. |
Direttiva 91/414/KEE
3 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1), tistabbilixxi s-sistema Komunitarja applikabbli għall-awtorizzazzjoni u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. |
4 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba […] is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I”. |
5 |
Il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex sustanzi attivi jiġu inklużi fl-Anness I huma speċifikati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414: “1. Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal perjodu ta’ żmien inizjali li ma jkunx jaqbeż l-10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu jwettqu l-kondizzjonijiet segwenti:
2. Ghall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, dan li ġej għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari:
[…]” |
6 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi: “1. L-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tiġi deċiża skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19. […] 2. Stat Membru li jirċievi applikazzjoni għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandu bla dewmien żejjed jagħmel ċert illi dokument [inkartament] li jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II jingħata mill-applikant lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni, flimkien ma’ dokument [inkartament] li jikkonforma ma’ l-Anness III dwar […] mill-anqas preparazzjoni waħda li jkun fiha dik is-sustanza attiva. Il-Kummissjoni għandha tirreferi d-dokument [inkartament] lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti [msemmi] fl-Artikolu 19 sabiex jiġi eżaminat. 3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, fuq talba ta’ Stat Membru, u bejn tliet xhur u sitta wara d-data tar-referenza lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, għandu jiġi stabbilit permezz tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 20 jekk id-dokument […] jkunx ġie sottomess skont ir-rekwiżiti tal-Annessi II u III. 4. Jekk l-analiżi tad-dokument [tal-inkartament] li jagħmel referenza għalih il-paragrafu 2 [t]uri li hija meħtieġa aktar informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-applikant sabiex jagħti tali informazzjoni. L-applikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jista’ jiġi mistoqsi mill-Kummissjoni sabiex jgħaddi l-kummenti tiegħu lilha, partikolarment fejn tkun mistennija deċiżjoni li ma tkunx favorevoli. […]” |
7 |
Is-sustanzi attivi li mhumiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jistgħu jibbenefikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn sistema derogatorja tranżitorja. F’dan is-sens, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva”. Dan il-perijodu ta’ tnax-il sena, li skada fis-26 ta’ Lulju 2003, ġie estiż għal ċerti sustanzi bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2002, tal-20 ta’ Novembru 2002, li jipproroga t-terminu msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ xi sustanzi attivi fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (ĠU L 319, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2005, tat-12 ta’ Awwissu 2005, li jemenda wkoll id-Deċiżjonijiet 2002/298/KE, 2004/129/KE, 2004/140/KE, 2004/247/KE u 2005/303/KE dwar il-perijodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u l-użu kontinwu ta’ ċerti sustanzi mhux inklużi fl-Anness I tagħha (ĠU L 211, p. 6). Skont dan ir-regolament, il-perijodu ta’ tnax-il sena huwa estiż sal-31 ta’ Diċembru 2006, “sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni qabel dik id-data li tiġi inkluża jew ma tiġix inkluża s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE”. |
8 |
Matul dan il-perijodu tranżitorju, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, is-sustanzi attivi kkonċernati għandhom ikunu suġġetti għal programm ta’ xogħol ta’ eżaminazzjoni, li bis-saħħa tiegħu dawn ikunu jistgħu jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jew, għall-kuntrarju, ma jkunux jistgħu jiġu inklużi fih, jekk dawn is-sustanzi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-sigurtà ddefiniti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 jew jekk l-informazzjoni u d-data rikjesti għall-evalwazzjoni ma jittressqux matul il-perijodu stabbilit. Huwa wkoll speċifikat li l-eżami tas-sustanza attiva għandu jsir skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414. Dan l-artikolu, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003, li jaddatta għad-Deċiżjoni 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet rigward il-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni (maġġoranza kwalifikata) (ĠU L 122, p. 1), jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat regolatorju, il-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”). |
Regolament (KEE) Nru 3600/92
9 |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 (ĠU L 366, p. 10), jistabbilixxi l-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ diversi sustanzi sabiex eventwalment jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fost is-sustanzi kkonċernati hemm l-endosulfan. |
10 |
Il-proċedura istitwita permezz tar-Regolament Nru 3600/92 tibda b’notifika ta’ interess, prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li “[k]walunkwe produttur li jixtieq jiżgura l-inklusjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, jew xi mluħa, estri jew ammini tagħhom, fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], għandu javvża [jinnotifika dan] lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”. |
11 |
Wara l-eżami tan-notifiki ta’ interess, huwa previst, fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, li Stat Membru jiġi nominat bħala relatur għall-evalwazzjoni ta’ kull sustanza attiva kkonċernata. |
12 |
Ladarba Stat Membru jiġi nominat bħala relatur, ikun kompitu ta’ kull notifikatur li jibgħatlu, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3600/92, “inkartament fil-qosor” u “inkartament komplet”, kif definiti fl-Artikolu 6(2) u (3) tal-istess regolament. L-inkartament fil-qosor għandu jinkludi b’mod partikolari kopja tan-notifika, tal-informazzjoni relattiva għall-kundizzjonijiet ta’ użu rrakkomandati, kif ukoll is-sommarji u r-riżultati ta’ proċessi relattivi għal kull punt tal-Anness III tad-Direttiva 91/414 rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. Din l-informazzjoni tikkonċerna preparazzjoni jew diversi preparazzjonijiet li huma rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet tal-użu rrakomandati fil-kuntest tal-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva. L-inkartament komplet għandu jinkludi fih il-protokolli u r-rapporti ta’ studji kompleti li jikkonċernaw l-informazzjoni kollha ċċitata iktar ’il fuq. Skont l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000, tat-12 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 259, p. 27), “għandu jintwera minn notifikatur li, fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija għal preparat wieħed [preparazzjoni waħda] jew aktar għal sensiela limitata ta’ użi rappreżentattivi, il-ħtiġiet tad-Direttiva [91/414] fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 tiegħu jistgħu jintlaħqu”. |
13 |
Is-sottomissjoni, min-notifikatur, tal-inkartament fil-qosor u tal-inkartament komplet lill-Istat Membru relatur għandha ssir fi żmien stabbilit mill-Kummissjoni. Fil-każ tal-endosulfan, l-aħħar jum għas-sottomissjoni ta’ dawn l-inkartamenti kien iffissat għat-30 ta’ April 1995 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94, tas-27 ta’ April 1994, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur tal-Istati Membri [l-Istati Membri relaturi] għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 3600/92 (ĠU L 107, p. 8), u mbagħad ġie estiż sal-31 ta’ Ottubru 1995 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2230/95, tal-21 ta’ Settembru 1995, li jemenda r-Regolament Nru 933/94 (ĠU L 225, p. 1). Huwa wkoll il-kompitu tan-notifikaturi, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3600/92, li jibagħtu l-inkartament fil-qosor u l-inkartament komplet lill-esperti ta’ Stati Membri oħra aċċettati mill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ konsultazzjoni ulterjuri li jista’ jkun hemm. |
14 |
L-Istat Membru relatur imbagħad jeżamina l-inkartament fil-qosor u l-inkartament komplet u, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, għandu, “immedjatament wara li jkun ġie eżaminat [l-]inkartament, [ji]żgura li n-notifikanti [n-notifikaturi] jagħtu l-inkartament mqassar u aġġornat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni”. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1199/97, tas-27 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 170, p. 19), jipprovdi li, mill-bidu tal-eżami tiegħu, “l-Istat Membru li qed jirraporta [l-Istat Membru relatur] jista’ jsaqsi n-nies li jinnotifikaw [n-notifikaturi] biex itejbu d-dokumenti [l-inkartamenti] tagħhom, jew iżiduhom” u jista’ “jikkonsulta ma’ esperti minn Stat Membri oħra, u jista’ jistaqsi għal iżjed informazzjoni teknika u xjentifika minn Stati Membri oħra sabiex tgħin din l-evalwazzjoni”. |
15 |
Wara dan, l-Istat Membru relatur jagħmel rapport ta’ evalwazzjoni tal-inkartamenti mressqa u jibagħtu lill-Kummissjoni fi żmien tnax-il xahar minn meta jkun irċieva l-inkartamenti, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92. Dan ir-rapport għandu jkollu b’mod partikolari rakkomandazzjoni dwar il-possibbiltà li s-sustanza attiva kkonċernata tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
16 |
L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1199/97, jipprovdi li, wara li tirċievi l-inkartament fil-qosor u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-Kummissjoni tagħti lill-Kumitat l-inkarigu li jeżamina l-inkartament u r-rapport inkwistjoni. Qabel ma tibgħat l-inkartament u r-rapport lill-Kumitat, il-Kummissjoni tqassam ir-rapport tal-Istat Membru relatur lill-Istati Membri l-oħra, sabiex dawn ikunu informati. Barra minn hekk, qabel tal-inkartament u r-rapport jintbagħtu lill-Kumitat, tista’ tiġi organizzata konsultazzjoni ma’ esperti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tista’ tikkonsulta wkoll man-notifikaturi kollha tan-notifiki kkonċernati fir-rigward tar-rapport jew ta’ xi partijiet mir-rapport li jikkonċernaw is-sustanza attiva prevista. |
17 |
L-Artikolu 7(3a) tar-Regolament Nru 3600/92, kif miżjud bir-Regolament Nru 1199/97, jipprovdi li wara dan l-eżami l-Kummissjoni għandha tippreżenta quddiem il-Kumitat jew abbozz ta’ direttiva sabiex is-sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, jew abozz ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri sabiex jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom is-sustanza attiva, jew abbozz ta’ deċizjoni indirizzata lill-Istati Membri sabiex jirtiraw tali awtorizzazzjoni filwaqt li jżommu l-possibbiltà li jerġgħu jikkunsidraw l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I ta’ din id-direttiva wara li jingħataw riżultati ta’ provi addizzjonali jew informazzjoni komplimentari, jew fl-aħħar nett abbozz ta’ deċiżjoni li tipposponi l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I ta’ din id-direttiva sakemm jingħataw riżultati ta’ provi addizzjonali jew informazzjoni komplimentari. |
18 |
Madankollu, l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/200, jipprevedi li, fil-każ li jkun jidher, wara l-eżami tal-Kumitat, li s-sottomissjoni tar-riżultati ta’ ċerti provi addizzjonali jew ta’ informazzjoni komplimentari tkun meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi terminu li fih dawn ir-riżultati jew informazzjoni għandhom jiġu mressqa. Dan l-artikolu jispeċifika: “[D]an il-limitu ta’ żmien sa jkun il-25 ta’ Mejju 2002 sakemm limitu ta’ żmien aktar kmieni ma jiġix stabbilit mill-Kummissjoni għal xi sustanza attiva partikolari minbarra għar-riżultati ta’ studji fit-tul, identifikati bħala neċessarji mill-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] u mill-Kummissjoni matul l-eżami tal-inkartament u li mhumiex mistennija li jkun lesti kompletament tal-iskadenza stabbilita, basta l-informazzjoni mogħtija jkun fiha evidenza li dawn l-istudji ġew kommissjonati u li r-riżultati tagħhom ikunu se jingħataw sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Mejju 2003. F’każijiet eċċezzjonali, fejn ma kienx possibli li l-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] u l-Kummissjoni jidentifikaw dawn l-istudji sal-25 ta’ Mejju 2001, data alternattiva tista’ tiġi stabbilita għat-tlestija ta’ dawn l-istudji, sakemm in-notifikatur jagħti lill-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] evidenza li dawn l-istudji ġew kommissjonati fi żmien tliet xhur mit-talba, u bi protokoll u rapport ta’ progress dwar l-istudju sal-25 ta’ Mejju 2002.” |
19 |
L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/200, jipprovdi wkoll: “[… I]s-sottomissjoni ta’ studji ġodda ma tiġix aċċettata. Il-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur], bi qbil mal-Kummissjoni, jista’ jitlob lin-notifikaturi biex jagħtu aktar data neċessarja sabiex jiċċaraw l-inkartament. Għal sustanzi attivi li għalihom ir-riżultati jew l-informazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż ma jkunux ngħataw fiż-żmien stabbilit il-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, kif previst fl-Artikolu 8(2), l-aħħar sub paragrafu, tad-Direttiva, li ma [t]inkludix fl-Anness I tad-Direttiva dawn is-sustanzi attivi u ssemmi r-raġunijiet għalxiex dawn ma ġewx inklużi […]” |
20 |
L-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi li “[l]-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat abbozz ta’ deċiżjoni sabiex ma jkunx hemm inklusjoni fl-Anness I tad-Direttiva. Skont is-subparagrafu tal-aħħar tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414] fejn: […] l-Istat Membru relatur informa lill-Kummissjoni li r-riżultati msemmija fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 4 ma kinux ġew mogħtija fiż-żmien stipulat” |
21 |
Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2266/2000, wara li jkun irċieva r-riżultati tal-provi addizzjonali jew l-informazzjoni komplimentari, l-Istat Membru relatur għandu jeżaminhom filwaqt li jiżgura li dawn ir-riżultati jew informazzjoni jintbagħtu min-notifikatur lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni u għandu jibgħat, mhux iktar tard minn sitt xhur minn meta jkun irċieva dawn ir-riżultati jew informazzjoni, l-evalwazzjoni tiegħu tal-inkartament fil-forma ta’ addendum għar-rapport ta’ evalwazzjoni diġà ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien ma’ rakkomandazzjoni dwar jekk is-sustanza attiva għandhiex tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
22 |
Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2266/2000, wara li tirċievi r-rapport magħmul mill-Istat Membru relatur, il-Kummissjoni għandha tibagħtu lill-Kumitat għall-eżami. Dan l-artikolu jipprovdi li, “[q]abel ma tirreferi l-inkartament u r-rapport lill-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tiċċirkola r-rapport tar-rapporteur [tar-relatur] lill-Pajjiżi [l-Istati] Membri għall-informazzjoni u tista’ torganizza konsulta ta’ esperti minn Pajjiż [Stat] Membru wieħed jew aktar”. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li “[i]l-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lin-notifikaturi kollha jew xi wħud minnhom dwar is-sustanzi attivi fir-rapport jew f’partijiet mir-rapport dwar is-sustanza attiva relevanti”, u jispeċifika li “[l]-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] għandu jagħti l-għajnuna teknika u xjentifika neċessarja matul dawn il-konsultazzjonijiet”. Wara l-eżami minn dan il-kumitat, il-Kummissjoni għandha tippreżentalu abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-inklużjoni jew in-nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Proċedura ta’ evalwazzjoni
23 |
L-endosulfan hija sustanza attiva użata b’mod partikolari fil-produzzjoni tal-pestiċidji. Din taġixxi bħala velenu kontra varjetà kbira ta’ insetti u parassiti fuq diversi wċuħ, fosthom il-qoton u diversi varjetajiet ta’ frott u ħxejjex. |
24 |
Bayer CropScience AG, Makhteshim-Agan Holding BV, Alfa Georgika Efodia AEVE u Aragonesas Agro, SA, ir-rikorrenti, huma kumpanniji li għandhom, b’mod partikolari, bħala attività tagħhom il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ endosulfan u ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bbażati fuq l-endosulfan. |
25 |
B’applikazzjoni tar-Regolament Nru 933/94, ir-Renju ta’ Spanja ġie nnominat bħala Stat Membru relatur bl-inkarigu li jeżamina l-endosulfan. Mill-Anness 3 tiegħu jirriżulta li dan l-Istat Membru ħatar bħala awtorità kompetenti għal dan il-għan, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3600/92, il-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol, iktar ’il quddiem il-“MAPA”. Il-MAPA inkariga lill-Instituto Nacional de Investigacíon y Tecnologia Agraria y Alimentaria (l-Istitut Nazzjonali ta’ Studju u ta’ Teknoloġija tal-Agrikoltura u tal-Ikel, iktar ’il quddiem l-“INIA”) sabiex iħejji rapporti ta’ evalwazzjoni dwar is-sustanzi attivi fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Għalhekk, l-INIA ġie inkarigat jelabora l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni għall-endosulfan u pparteċipa f’diskussjonijiet bejn esperti organizzati mill-Kummissjoni. |
26 |
Qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu, jiġifieri l-31 ta’ Ottubru 1995, kienu biss Makhteshim Agan International Coordination Center u AgrEvo GmbH, illum imsejħa Bayer CropScience, li ressqu inkartamenti lir-Renju ta’ Spanja, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3600/92, dwar l-endosulfan. Makhteshim Agan International Coordination Center u AgrEvo għaqdu l-isforzi tagħhom fi ħdan grupp ta’ ħidma intitolat “grupp ta’ ħidma endosulfan” (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ ħidma”). |
27 |
Matul Frar 2000, ir-Renju ta’ Spanja bagħat lill-Kummissjoni abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-endosulfan, li mbagħad intbagħat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lil AgrEvo, bħala rappreżentanta tal-grupp ta’ ħidma. Abbozz preliminari ta’ dan ir-rapport kien intbagħat xi xhur qabel lill-grupp ta’ ħidma. Fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja kkonkluda li d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 kellha tiġi posposta sakemm tasal u tiġi eżaminata l-informazzjoni addizzjonali identifikata fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. |
28 |
Bejn Jannar u Lulju 2001 saru diversi laqgħat ta’ esperti ta’ diversi Stati Membri bl-iskop li jiġi eżaminat l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni u l-kummenti li qajjem dan l-abbozz fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni minn esperti ta’ Stati Membri oħra, kif previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3600/92, li bis-saħħa tiegħu l-Kummissjoni ħolqot b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali qafas ta’ diskussjonijiet sabiex iseħħ dan it-tip ta’ evalwazzjoni, intitolat European Commission Co-ordination (ECCO). Il-membri tal-grupp ta’ ħidma pparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet. |
29 |
Fis-27 ta’ Ġunju 2001, ir-rapport redatt wara dan l-eżami tqassam lill-Istati Membri u, fil-25 ta’ Awwissu 2001, lill-grupp ta’ ħidma bil-għan li jingħataw kummenti u kjarifiki komplimentari. |
30 |
Wara li kkonstatat li ċerta informazzjoni addizzjonali kienet neċessarja għall-eżami tal-endosulfan, il-Kummissjoni adottat, fil-21 ta’ Novembru 2001, id-Deċiżjoni 2001/810/KE li tirrigwarda d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni possibbli ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 305, p. 32), li tipproroga t-terminu għas-sottomissjoni ta’ data ġdida dwar l-endosulfan għall-25 ta’ Mejju 2002, u għall-31 ta’ Mejju 2003 għal studji fit-tul, skadenzi simili għal dawk iffissati fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92. |
31 |
F’Mejju 2002, il-grupp ta’ ħidma ressaq data ġdida, skont il-limiti ta’ żmien previsti mid-Deċiżjoni 2001/810. F’Lulju 2002, huwa beda diskussjonijiet mar-Renju ta’ Spanja dwar il-possibbiltà li jiġu nnotifikati studji dwar formulazzjoni differenti tal-endosulfan. Il-formulazzjoni inizjalment notifikata kienet taħt forma ta’ trab niedi (WP) jew ta’ konċentrat emulsjonabbli (EC), filwaqt li l-prodott il-ġdid jippreżenta ruħu taħt il-forma ta’ kapsoli (CS). Skont il-grupp ta’ ħidma, din il-formulazzjoni ġdida setgħet tneħħi xi wħud mid-dubji li r-Renju ta’ Spanja kien diġà esprima. F’laqgħa li nżammet fis-17 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentanti tar-Renju ta’ Spanja ddikjaraw li ma setgħux jaċċettaw dan l-inkartament ġdid, filwaqt li ssuġġerew lir-rikorrenti li jippruvaw jiksbu l-aċċettazzjoni informali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Ir-rikorrenti ma kisbux din l-aċċettazzjoni. |
32 |
F’Mejju 2003, ir-rikorrenti ssottomettew l-istudji fit-tul imsemmija fid-Deċiżjoni 2001/810 filwaqt li żiedu ċerta data ġdida, jiġifieri inkartament ġdid konformi mal-Anness III tad-Direttiva 91/414 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) dwar il-formulazzjoni CS (iktar ’il quddiem l-“inkartament CS”). |
33 |
Fit-22 ta’ Jannar 2004 saret laqgħa bejn il-grupp ta’ ħidma u l-awtoritajiet Spanjoli li matulha espert fl-oqsma tal-ambjent u l-ekotossikoloġija indika xi wħud mill-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar l-endosulfan. |
34 |
Fis-26 ta’ Jannar 2004, il-grupp ta’ ħidma rċieva mir-Renju ta’ Spanja r-rapport dwar l-evalwazzjoni tad-data mressqa mill-grupp ta’ ħidma matul Mejju 2002 u Mejju 2003 taħt forma ta’ addendum għar-rapport ta’ evalwazzjoni u verżjoni aġġornata tat-tabelli ta’ evalwazzjoni. |
35 |
Fis-17 ta’ Mejju 2004, inżammet laqgħa bejn tliet partijiet li fiha pparteċipaw il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja u l-grupp ta’ ħidma, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 91/414. Matul din il-laqgħa, il-Kummissjoni indikat il-problemi mqajma mill-endosulfan u indikat li kellha l-ħsieb tipproponi lill-Kumitat li ma jinkludix l-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk hija stiednet lill-grupp ta’ ħidma sabiex iressaq il-kummenti tiegħu qabel il-21 ta’ Ġunju 2004, filwaqt li speċifikat li ebda studju ġdid li jsostni l-argument tiegħu ma seta’ jiġi aċċettat, peress li t-terminu li jagħlaq fil-31 ta’ Mejju 2003 kien diġà skada. |
36 |
Fil-25 ta’ Ġunju 2004, ir-rappreżentanti tal-grupp ta’ ħidma bagħtu ittra lill-Kummissjoni sabiex jikkontestaw il-mod kif saret l-evalwazzjoni tal-endosulfan u sabiex jiġu awtoritizzati jressqu ċerti spjegazzjonijiet tekniċi komplimentari u ssottomettew argumenti addizzjonali, u kif ukoll studji ġodda. |
37 |
B’ittra datata t-12 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni talbet lill-Istat Membru relatur sabiex ma jikkunsidrax l-istudji ġodda mressqa mill-grupp ta’ ħidma. Kopja ta’ din l-ittra ntbagħtet lill-grupp ta’ ħidma. |
38 |
Fl-24 ta’ Settembru 2004, il-grupp ta’ ħidma bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn essenzjalment talabha sabiex tibgħat lura lill-Istat Membru relatur l-eżami tal-endosulfan bl-istruzzjoni li tiġi eżaminata d-data rilevanti kollha u interpellaha sabiex tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha f’terminu ta’ 60 jum. |
39 |
B’ittra datata s-26 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wieġbet li hija kienet qed tipprepara proposta għal deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u li hija kellha l-intenzjoni li tissottometti dan l-abbozz lill-Kumitat fl-ewwel laqgħa tiegħu tas-sena 2005. Il-Kummissjoni indikat ukoll li, fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Lulju 2004, hija kienet irreferiet għall-proċedura prevista fir-Regolament Nru 3600/92 kif ukoll għat-termini previsti għat-tmiem tal-eżami tas-sustanzi msemmija f’dak ir-regolament. |
40 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ressqu rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni (Kawża T-34/05, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni). |
41 |
B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Jannar 2005, Makhteshim-Agan Holding, Aragonesas Agro u Alfa Georgika Efodia ressqu talba sabiex jiġu ordnati ċerti miżuri provviżorji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-endosulfan fid-dawl tal-inklużjoni possibbli tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
42 |
B’digriet tas-27 ta’ April 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala li kienet manifestament inammissibbli jew tal-inqas bħala li, fir-rigward ta’ parti minnha, ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni u, fir-rigward tal-kumplament tagħha, bħala li kienet manifestament inammissibbli. |
43 |
B’digriet tas-6 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li, fid-dawl tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni 2005/864/KE, tat-2 ta’ Diċembru 2005, li tikkonċerna n-nuqqas tal-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva (ĠU L 317, p. 25, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni. |
Id-deċiżjoni kkontestata
44 |
Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterji għall-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 mhumiex sodisfatti. Fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni hija għalhekk tispeċifika li l-endosulfan mhuwiex inkluż, bħala sustanza attiva, fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ inklużjoni: “Fl-evalwazzjoni ta’ din is-sustanza attiva ġew identifikati diversi aspetti ta’ preokkupazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda xi jsir minnha u l-effett tagħha fuq l-ambjent fid-dawl tal-fatt li l-modi ta’ degradazzjoni tas-sustanza attiva mhumiex ċari u li mill-istudji tad-degradazzjoni fil-ħamrija, tad-degradazzjoni fl-ilma/fis-sedimenti u tal-mesokosma ġew skoperti metaboliti li mhumiex magħrufa. Fil-livell ekotossikoloġiku, jibqgħu diversi preokkupazzjonijiet fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix studju suffiċjenti tar-riskju fit-tul li jirriżulta b’mod partikolari mill-preżenza tal-imsemmija metaboliti. Barra minn hekk, l-istudju dwar l-espożizzjoni interna tal-operaturi sabiex jgħin l-informazzjoni eżistenti ma ġiex iġġudikat li kien biżżejjed. Barra minn hekk, l-endosulfan huwa volatili, il-metabolit prinċipali tiegħu huwa persistenti u dan instab fir-riżultati ta’ sorveljanza fir-reġjuni fejn is-sustanza ma kinitx użata. Għalhekk, ladarba dawn il-kwistjonijiet ma ġewx sorvolati, jirriżulta mill-evalwazzjonijiet magħmula li l-informazzjoni pprovduta mhijiex biżżejjed sabiex turi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ użu previsti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endosulfan jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti ffissati mill-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
45 |
Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom is-sustanza attiva tal-endosulfan jiġu rtirati qabel it-2 ta’ Ġunju 2006, li, mit-3 ta’ Diċembru 2005, ma tingħata u ma tiġi mġedda ebda awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endolsufan u li jiġu indikati l-kundizzjonijiet li taħthom xi Stati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2007, għal ċerti użi speċifiċi, l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endosulfan. |
46 |
Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jingħata perijodu ta’ żmien ta’ grazzja minn Stat Membru lil persuna li jkollha awtorizzazzjoni li tiskadi, għall-użi li għalihom l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata fit-2 ta’ Ġunju 2006, l-iktar tard fit-2 ta’ Ġunju 2007 u, għall-użi li għalihom l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu rtirati mit-30 ta’ Ġunju 2007, l-iktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2007. |
47 |
Fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-imsemmija deċiżjoni ma tippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-endosulfan, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414, intiża għal inklużjoni eventwali fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. |
48 |
L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-Istati Membri huma d-destinatarji tagħha. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
49 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors. |
50 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Mejju 2006, ir-Renju ta’ Spanja talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tat-30 ta’ Ġunju 2006, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Alwa) laqa’ din it-talba għal intervent. |
51 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-European Crop Protection Association (ECPA) talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Din it-talba ntlaqgħet b’digriet tad-19 ta’ Ottubru 2006 tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla). L-ECPA ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija. |
52 |
Fl-14 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jikkonċernaw essenzjalment id-dehra u d-depożizzjoni orali ta’ xi persuni li kienu involuti fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur u l-ħatra ta’ espert sabiex iwieġeb għal xi mistoqsijiet li kienu ħejjew. Il-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fit-termini mogħtija. |
53 |
Fuq il-bażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali. Fl-24 ta’ Ottubru 2007, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lir-Renju ta’ Spanja sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet bil-miktub, u huma għamlu dan fit-terminu mogħti. |
54 |
It-trattazzjoni tal-partijiet instemgħet fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2008. |
55 |
Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
56 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
Fuq l-ammissibbiltà
57 |
Mingħajr ma qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bħala tali, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, minn naħa, qajmet dubji fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, ikkontestat il-locus standi ta’ xi wħud minnhom. |
Dwar l-interess ġuridiku
L-argumenti tal-partijiet
58 |
Skont il-Kummissjoni, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jpoġġix neċessarjament lir-rikorrenti f’pożizzjoni iktar favorevoli. L-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-endosulfan tinżamm sakemm tkun qed issir l-evalwazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414. Dan il-perijodu ta’ eżami jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2006. Fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, is-sentenza tingħata wara din id-data. F’dan il-każ, il-Kummissjoni jkollha tieħu l-miżuri sabiex teżegwixxi s-sentenza, skont l-Artikolu 233 KE, iżda l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju tfisser li ma jkunx għad hemm iktar bażi ġuridika evidenti sabiex iż-żamma tal-endosulfan fis-suq tkun awtorizzata sakemm issir evalwazzjoni ġdida. L-inkartament tar-rikorrenti jkollu għalhekk ikun suġġett għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, iktar milli fil-kuntest tal-programm ta’ eżami. Ladarba r-rikorrenti huma liberi li jinnotifikaw l-endosulfan fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 6, u dan anki fil-mori tal-kawża, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jtejjibx is-sitwazzjoni tagħhom, jekk mhux sa fejn is-sentenza tista’ tagħti indikazzjonijiet fir-rigward tal-proċeduri u tal-kriterji ta’ evalwazzjoni. |
59 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
60 |
Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tikkontesta l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Tal-inqas, hija donnha qed issostni li dawn tilfu l-interess ġuridiku tagħhom fil-mori tal-proċedura, b’mod partikolari mill-31 ta’ Diċembru 2006, data meta ntemm il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, kif emendat. Il-Kummissjoni donnha qed tippretendi, minn naħa, li minn dik id-data l-prodotti tar-rikorrenti ma baqgħux jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq iżda li huma għalhekk setgħu jinnotifikaw is-sustanzi attivi tagħhom fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, li jiddeskrivi l-proċedura ta’ notifika u ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi li ma jaqgħux taħt is-sistema tranżitorja tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva prevista għas-sustanzi attivi li għalihom prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kienu diġà fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika tad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm iktar bażi ġuridika evidenti għajr l-imsemmi Artikolu 6 għall-evalwazzjoni tal-endosulfan, peress li l-perijodu ta’ evalwazzjoni tas-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/44 kien skada. Għalhekk ir-rikorrenti setgħu jiksbu l-istess riżultat finali, jiġifieri l-eżami tad-data addizzjonali tagħhom, kemm fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 u kif ukoll permezz tar-rikors għal annullament tagħhom. |
61 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li minħabba l-fatt li tipprovdi li l-endosulfan m’għandhiex tkun inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u minħabba l-fatt li timponi l-irtirar mill-Istati Membri tal-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endosulfan, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li l-annullament tiegħu jkun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti, għall-produtturi u għall-bejjiegħa ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bbażati fuq l-endosulfan. L-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-mument meta ġie ppreżentat ir-rikors huwa għalhekk effettiv u attwali. |
62 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni donnha qed targumenta, la l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju tal-eżami u lanqas l-eżistenza tal-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 ma jaffettwaw l-eżistenza kontinwa tal-imsemmi interess ġuridiku. |
63 |
F’dak li jikkonċerna l-allegata impossibbiltà tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni ġdida fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 sabiex teżegwixxi sentenza ta’ annullament eventwali, din ma taffettwax l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE, il-Kummissjoni hija marbuta tieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament. Fil-każ ta’ annullament bħal dan, bl-effett retroattiv marbut miegħu, il-Kummissjoni jkollha tieħu mill-ġdid deċiżjoni fuq il-bażi tal-inkartament notifikat, affettwat minn dan l-annullament, u jkollha tiddeċiedi billi tqiegħed lilha nfisha fid-data tan-notifika [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, T-328/03, Ġabra p. II-1231, punt 48]. Il-fatt li kien hemm xi tibdil kwalunkwe fil-leġiżlazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata wara li din ġiet adottata mhuwiex għalhekk rilevanti għad-deċiżjoni dwar l-opportunità tar-rikorrenti li jressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proċedura użata u tar-riżultat miksub taħt is-sistema fis-seħħ meta seħħew il-fatti. |
64 |
Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni jkollha, wara sentenza ta’ annullament, tevalwa l-endosulfan skont il-proċedura tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 huwa irrelevanti. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi miċħud li l-possibbiltà għar-rikorrenti li jipproċedu b’notifika ġdida tal-endosulfan fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, possibbiltà li għaliha d-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment espress fil-premessa 14 tagħha, hija għalihom opportunità inqas vantaġġjuża minn eventwali bidu ġdid, wara sentenza ta’ annullament, ta’ din l-ewwel proċedura ta’ evalwazzjoni fejn setgħet saret illegalità, b’tali mod li din il-possibbiltà għar-rikorrenti li l-endosulfan jiġi eżaminat billi jingħata bidu għal proċedura ġdida fuq bażi ġuridika oħra ma taffettwax l-interess ġuridiku tagħhom sabiex jingħataw deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-validità tal-ewwel proċedura. |
65 |
Għalhekk ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku sabiex jingħataw deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-motivi mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq il-locus standi
L-argumenti tal-partijiet
66 |
Il-Kummissjoni tammetti li Bayer CropScience hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li din ipparteċipat fil-proċedura amministrattiva. Madankollu hija tikkontesta li r-rikorrenti l-oħra pparteċipaw f’din il-proċedura u, għalhekk, li dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. |
67 |
Skont ir-rikorrenti, kull waħda minnhom hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
68 |
Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, meta tkun qiegħda tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tal-uniku u l-istess rikors ippreżentat minn diversi rikorrenti u meta r-rikors ikun ammissibbli fir-rigward ta’ wieħed minnhom, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-127/99, T-129/99 u T-148/99, Ġabra p. II-1275, punt 52, u tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T-374/00, Ġabra p. II-2275, punt 57). |
69 |
Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel rikorrenti, Bayer Cropscience, hija, kif il-Kummissjoni nfisha tirrikonoxxi, direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tar-rikors. |
70 |
Minn dan kollu premess jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli. |
Fuq il-mertu
71 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti qed iressqu tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqasijiet proċedurali, fuq in-natura inġusta tal-proċedura ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur, minn naħa, tal-Artikolu 95(3) KE (l-ewwel parti) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 (it-tieni parti). It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis utli li teżamina l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv flimkien. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet proċedurali, fuq in-natura inġusta tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414
72 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu diversi lmenti dwar, b’mod partikolari, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kriterji oħra li mhumiex dawk speċifikati fid-Direttiva 91/414, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-endosulfan mhijiex kompleta u hija bbażata fuq użu selettiv tad-data sottomessa minnhom, applikazzjoni retroattiva ta’ linji gwida ġodda u ta’ kriterji ġodda stabbiliti mill-Kummissjoni wara n-notifika u s-sottomissjoni tad-data, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiggwidhom u li tikkonsulta magħhom fil-kuntest tal-bdil tal-kriterji u tal-politika ta’ evalwazzjoni u r-rifjut, fl-aħħar tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, li teżamina data ġdida mressqa bħala tweġiba diretta għall-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kriterji ġodda u/jew linji gwida ġodda dwar l-evalwazzjoni. |
73 |
Dawn l-ilmenti huma essenzjalment marbuta ma’ seba’ kwistjonijiet dwar, l-ewwel nett, il-metabolit mhux magħruf, it-tieni nett, l-inkartament CS, it-tielet nett, l-espożizzjoni tal-operatur internament, ir-raba’ nett, il-prattiki tajba agrikoli (PTA) riveduti, il-ħames nett, il-klassifikazzjoni tal-endosulfan bħala pollutant organiku persistenti (POP) u sustanza persistenti, bijoakkumulabbli u tossika (PBT), is-sitt nett, l-użu fis-serer u, is-seba’ nett, l-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u mill-Kummissjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu eżaminati fil-punti 96 sa 206 iktar ’il quddiem. |
74 |
Xi wħud mis-seba’ kwistjonijiet hawn fuq imsemmija, kif ukoll l-ilmenti mressqa fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta rrifjutat li teżamina ċerta data jew ċerti studji allegatament sottomessi tardivament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis utli li teżamina l-ewwel il-kwistjoni tal-applikabbiltà tat-termini proċedurali għas-sottomissjoni ta’ studji fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li d-deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tal-imsemmija direttiva għandha tittieħed “[f]id-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti”, peress li din tikkonċerna l-kuntest ġenerali ta’ evalwazzjoni tal-każ ineżami. |
Fuq il-kwistjoni preliminari tal-applikazzjoni tat-termini proċedurali u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414
— L-argumenti tal-partijiet
75 |
Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jikkritikaw essenzjalment lill-Kummissjoni talli ħadet id-deċiżjoni li ma tinkludix l-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 minħabba dubji dwar is-sigurtà bbażati fuq insuffiċjenza ta’ informazzjoni f’data partikolari qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Issa, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, li jipprovdi li l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom iqisu t-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, jimplika li għandha titqies id-data kollha pprovduta minnhom qabel jintemm il-proċess ta’ evalwazzjoni. In-nuqqas ta’ tiġdid tat-termini għas-sottomissjoni ta’ studji fil-każ ineżami jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-fatt li hija l-imġiba tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja li żammet lir-rikorrenti milli jirrispettaw it-termini legali. Insostenn tal-argument tagħhom, huma jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C-326/05 P, Ġabra p. I-6557, iktar ’il quddiem is-“sentenza IQV”). |
76 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkunsidra li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 għandu jinqara fid-dawl tal-għan ġenerali tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u tas-sistema implementata għal dan il-għan. L-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandha sservi sabiex ittejjeb il-produzzjoni agrikola, iżda wkoll sabiex tipproteġi s-saħħa u l-ambjent. Skont il-Kummissjoni, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni għandhom jippermettu eżami fid-dettal ħafna filwaqt li jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet jittieħdu fi żmien raġonevoli. Fl-aħħar nett, huma għandhom jiżguraw trattament ugwali tal-impriżi li jkunu nnotifikaw sustanzi attivi filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi sustanzi. L-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mir-rikorrenti lil dan l-artikolu twassal għal xenarju li jipparalizza s-sistema kollha tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u dan ikun kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, is-sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna każ partikolari u mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża ineżami. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
77 |
Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tqis ċerta data u ċerti studji sottomessi minnhom tardivament, li tfisser li qegħdin essenzjalment isostnu li kellhom jibbenefikaw minn proroga tat-termini proċedurali jew li kellhom jingħataw termini ġodda. |
78 |
Hemm lok li jiġi mfakkar li hemm dispożizzjonjiet leġiżlattivi speċifiċi dwar it-tul ta’ żmien tal-proċedura ġenerali ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi u tat-termini għas-sottomissjoni ta’ inkartament komplet u ta’ informazzjoni komplementari. Għalhekk, ir-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2266/2000, kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/810 jipprevedu li dawn it-termini tal-aħħar jiskadu għall-endosulfan fil-25 ta’ Mejju 2002, fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ studji u ta’ data addizzjonali, u fil-31 ta’ Mejju 2003, fir-rigward ta’ studji fit-tul. Il-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhijiex qed tiġi kkontestata f’din il-kawża ineżami. |
79 |
Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tipproroga t-terminu għall-istudji fit-tul f’każijiet eċċezzjonali biss, jiġifieri meta l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni ma setgħux jidentifikaw, qabel il-25 ta’ Mejju 2005, l-istudji fit-tul meqjusa meħtieġa għall-eżami tal-inkartament. Barra minn hekk, in-notifikatur għandu jġib prova lill-Istat Membru relatur li tali studji jkunu ġew ikkummissjonati fi żmien tliet xhur minn meta jkunu ntalbu u għandu jipproduċi minuta kif ukoll rapport ta’ progress tal-istudju qabel il-25 ta’ Mejju 2002. Issa, dan ma kienx il-każ fil-każ ineżami, peress li d-data u l-istudji kkontestati ma kinux jikkonċernaw l-istudji fit-tul mitluba mill-evalwaturi. |
80 |
Minkejja dan il-kuntest leġiżlattiv ċar, hemm lok, fid-dawl tal-każ ineżami, li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi li fihom seta’ jkun hemm obbligu fuq il-Kummissjoni li tipproroga t-termini, fuq kollox fid-dawl tal-fatt li l-perijodu tranżitorju għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-endosulfan kellu jagħlaq fil-prinċipju f’Lulju 2003, iżda kien ġie estiż, fl-2002, sal-31 ta’ Diċembru 2005 u, finalment, fl-2005, sal-31 ta’ Diċembru 2006 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), bil-kundizzjoni li, qabel din id-data, ma tkunx ġiet adottata deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ħames, is-sitt u d-disa’ premessi tagħha, id-Direttiva 91/414 għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent kif ukoll tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid-Hollandse Milieufederatie, C-138/05, Ġabra p. I-8339, punt 43). |
82 |
F’dan il-kuntest, sabiex l-għan assenjat lilha jkun jista’ jiġi segwit b’mod effiċjenti, u fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, punt 75). Is-setgħa li tipproroga terminu tintrabat ma’ setgħa diskrezzjonali li tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari. |
83 |
Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma jonqosx milli jkun suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5, u tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C-16/90, Ġabra p. I-5163, punt 12). |
84 |
B’mod partikolari, meta parti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament ikun sar mill-istituzzjoni kompetenti, il-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni tkunx eżaminat, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ partikolari, elementi li jsostnu l-konklużjonijiet milħuqa abbażi tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14). |
85 |
Għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/2000, jirriżulta li huwa l-oneru tan-notifikatur li jġib il-prova li, fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa għal preparazzjoni jew diversi preparazzjonijiet li jikkorrispondu għal serje limitata ta’ użi rappreżentattivi, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/414 huma ssodisfati fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. L-oneru tal-prova tas-sigurtà tas-sustanza attiva huwa għalhekk tan-notifikatur, li barra minn hekk mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti. |
86 |
Barra dan, huwa evidenti li proroga indefinita tat-terminu ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva tkun kuntrarja għall-għan tad-Direttiva 91/414 li huwa li tiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. |
87 |
Fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tikkonċerna kuntest fattwali partikolari ħafna, differenti minn dak ta’ din il-kawża, inkwantu d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tas-sustanza attiva inkwistjoni f’dik il-kawża ttieħdet minħabba n-nuqqas totali ta’ evalwazzjoni, minħabba nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ inkartament inizjali komplet. Għalhekk dik il-kawża kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar it-terminu applikabbli għas-sottomissjoni ta’ inkartament ta’ notifika komplet. Issa, fil-kawża ineżami, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ttieħdet fit-tmiem tal-proċess ta’ evalwazzjoni bbażat, b’mod partikolari, fuq notifika inizjali meqjusa kompleta, abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, konsulenza ta’ esperti tal-Istati Membri u l-possibbiltajiet għall-grupp ta’ ħidma li jissottometti argumenti u studji addizzjonali sabiex iwieġeb għad-dubji mqajma mill-Istat Membru relatur fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni u matul il-proċess ta’ konsulenza ta’ esperti tal-Istati Membri. |
88 |
Minkejja l-kuntest fattwali differenti ħafna tal-kawża li wasslet għas-sentenza IGV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, meta mqabbel ma’ dak tal-kawża ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-kuntest tad-Direttiva 91/414, ikkonkludiet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħti lil Industrias Químicas del Vallés SA (iktar ’il quddiem “IQV”) proroga tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni ta’ inkartament inizjali komplet, minħabba, minn naħa, l-impossibbiltà għal IQV li tosserva l-imsemmija termini minħabba, tal-inqas parzjalment, imġiba kontradittorja tal-awtoritajiet kompetenti u, min-naħa l-oħra, minħabba li proroga tat-termini kkontestati kienet possibbli fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, punti 84 sa 88). |
89 |
Mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jista’ jiġi konkluż li, fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ta’ sustanza prevista mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, il-moratorja tkun neċessarja jekk, minn naħa, ma jkunx impossibbli li ssir deroga mit-termini proċedurali ffissati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, minn naħa l-oħra, il-partijiet li jkunu nnotifikaw is-sustanza attiva jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li żżommhom milli josservaw it-termini proċedurali, ċirkustanza li tista’ tirriżulta jekk l-impossibbiltà li jiġu osservati l-imsemmija termini tkun dovuta, tal-inqas parzjalment, għall-imġiba kontradittorja tal-awtoritajiet kompetenti. |
90 |
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk kienx impossibbli għall-Kummissjoni li tagħmel deroga għat-termini proċedurali inkwistjoni fil-kawża ineżami, ma jistax ma jiġix ikkonstatat li l-Kummissjoni m’għandhiex argumenti konvinċenti f’dan ir-rigward. Hija tinvoka ostakoli prattiċi u politiċi li jirriżultaw mill-fatt li fl-2001 hija kkommettiet ruħha mal-Kunsill u mal-Parlament li tieħu massimu ta’ deċiżjonijiet qabel Lulju 2003, filwaqt li enfasizzat li kull proroga għandha tkun eċċezzjonali u limitata. Barra minn hekk, hija tallega li kull impriża li tinnotifka sustanzi attivi għandha tirrispetta t-termini proċedurali u li r-riżerva ta’ trattament speċjali għar-rikorrenti tqajjem problemi ta’ ksur tal-ugwaljanza, b’mod partikolari fir-rigward ta’ impriżi li jkunu rtiraw mill-proċedura minħabba l-iskadenza tat-termini proċedurali li huma jkunu qiesu mandatorji. Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, jekk ikun permess għar-rikorrenti li jżidu mingħajr waqfien elementi ġodda fl-inkartament tagħhom, ikunu meħtieġa riżorsi addizzjonali għall-endosulfan bi ħsara għal sustanzi oħra li l-evalwazzjoni tagħhom iġġarrab dewmien. |
91 |
Għandu jiġi kkonstat li kunsiderazzjonijiet politiċi jew prattiċi ma jikkostitwixxux raġuni suffiċjenti sabiex fil-każ partikolari tiġi rrifjutata proroga tat-termini, meta tali proroga tkun meħtieġa sabiex tiġi ggarantita proċedura ta’ evalwazzjoni ġusta u ekwa. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tat-trattament ugwali ma jistax jintlaqa’ sa fejn l-proroga tkun meħtieġa minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ ċerta proċedura ta’ evalwazzjoni u tal-parteċipanti tagħha. Fil-fatt, hija ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma jipprekludix kull trattament divrenzjali, iżda jipprekludi t-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili, b’mod li ċerti operaturi jiġu żvantaġġjati fil-konfront ta’ oħrajn, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-351/02, Ġabra p. II-1047, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
92 |
Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2001/810 tipprevedi hija nfisha termini għas-sottomissjoni ta’ data u ta’ studji differenti għal ċerti sustanzi. Għalhekk, per eżempju, it-terminu għas-sottomissjoni ta’ studji, li jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2002 għall-parti l-kbira tas-sustanzi previsti f’din id-deċiżjoni, jiskadi madankollu fit-30 ta’ Novembru 2002 fil-każ tal-klorotoluron, fil-31 ta’ Diċembru 2002 fil-każ tad-dinocap u fil-31 ta’ Jannar 2003 fil-każ tal-benalaxyl. F’dak li jirrigwarda t-termini għas-sottomissjoni ta’ studji fit-tul, dak tal-endosulfan huwa ffissat għall-31 ta’ Mejju 2003. Għall-parti l-kbira ta’ sustanzi oħra previsti fl-imsemmija deċiżjoni, it-terminu jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2003. Issa, it-terminu tal-benomyl, tal-klorotoluron u tad-dinocap madankollu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2003. Il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2001/810, tindika li dawn is-sustanzi huma każijiet eċċezzjonali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/2000, jipprevedi biss prorogi ta’ termini f’“każijiet eċċezzjonali” għall-istudji fit-tul. Issa, id-Deċiżjoni 2001/810 tipprovdi wkoll għal derogi mit-terminu ġenerali li jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2002, li għalih ir-Regolament Nru 3600/92 ma jipprevedix il-possibbiltà ta’ proroga (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wrietx li fil-każ ineżami kien impossibbli li t-termini proċedurali jiġu estiżi. |
93 |
Huwa madankollu importanti wkoll li jiġi speċifikat li mir-riferiment fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 għat-“tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti” ma jistax jiġi konkluż li impriżi li jkunu nnotifikaw sustanza attiva u li jkunu kkonfrontati bil-probabbiltà ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom jibbenefikaw mill-possibbiltà li jissottomettu data ġdida sakemm ikun għad hemm dubji dwar is-sigurtà ta’ din is-sustanza attiva. Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun kuntrarja għall-għan ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali li jifforma l-bażi tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 inkwantu din ikollha l-effett li tagħti lill-parti li tkun innotifikat is-sustanza attiva li, minn naħa, għandha l-oneru tal-prova tas-sigurtà tagħha u, min-naħa l-oħra, għandha l-aħjar għarfien tas-sustanza inkwistjoni, dritt ta’ veto fir-rigward ta’ deċiżjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
94 |
Barra minn hekk, dritt ta’ veto bħal dan huwa bl-istess mod inkonċepibbli fid-dawl tal-eżistenza, kif indikat fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-possibbiltà ta’ notifika (mill-ġdid) tas-sustanza attiva fid-dawl tal-inklużjoni eventwali tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ din tal-aħħar. |
95 |
Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti sabiex jiġi vverifikat jekk, fil-kawża ineżami, huma kinux jinsabu, minħabba mġiba kontradittorja tal-evalwaturi, f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li żammithom milli josservaw it-termini legali. |
Dwar l-ewwel kwistjoni li tikkonċerna l-metabolit mhux magħruf
— L-argumenti tal-partijiet
96 |
Ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-konklużjoni li tirriżulta fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u li tipprovdi li l-modi ta’ degradazzjoni tas-sustanza attiva mhumiex ċari u li minn studji tad-degradazzjoni fil-ħamrija, tad-degradazzjoni fl-ilma jew fis-sedimenti u tal-mesokosma nstabu metaboliti mhux magħrufa, kif ukoll il-konklużjoni li, fil-livell ekotossikoloġiku, għad hemm diversi preokkupazzjonijiet ladarba l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix studju suffiċjenti tar-riskju fit-tul li jirriżulta b’mod partikolari mill-preżenza ta’ dawn il-metaboliti huma bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u jiksru d-drittijiet ta’ difiża u l-aspettattivi leġittimi tagħhom b’tali mod li l-proċedura ta’ evalwazzjoni kienet inġusta. |
97 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jaffermaw li huma ġew informati tard, jiġifieri mhux qabel Jannar 2004, bil-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf u b’mod partikolari tan-natura kruċjali tiegħu għall-proċedura ta’ evalwazzjoni, b’tali mod li kien impossibbli għalihom li jirrispondu għal din il-preokkupazzjoni tal-evalwaturi fit-termini legali. Issa, huma allegatament indikaw il-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf fil-proċess ta’ degradazzjoni tal-endosulfan f’Mejju 2002. |
98 |
Fit-tieni lok, huma ġew ikkonfrontati b’linji gwida f’evoluzzjoni kostanti li kienu jinkludu kriterji ta’ rilevanza tal-metaboliti varjabbli li ġew applikati b’mod retroattiv. Skont ir-rikorrenti, il-kriterju ta’ rilevanza tal-metaboliti li huma preżenti biss f’livell iktar baxx minn 10 % tas-sustanza attiva inizjali li ġie użat mill-evalwaturi ġie introdott bil-linji gwida tal-2002 li kienu intiżi li japplikaw biss għal sustanzi attivi nnotifikati matul it-tielet fażi tal-programm ta’ eżami iżda li ġew applikati b’mod retroattiv, peress li l-endosulfan jagħmel parti mill-ewwel fażi. |
99 |
Fit-tielet lok, il-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf ġie rrilevat fi studju li jikkonċerna l-mod ta’ degradazzjoni u mhux il-veloċità tad-degradazzjoni li r-rikorrenti lanqas ma kienu obbligati li jagħmlu, peress li dan l-istudju kien jikkonċerna testijiet li jibdew mill-metabolit sulfat tal-endosulfan u mhux mill-endosulfan infisha. Għalhekk l-evalwaturi allegatament ikkunsidraw studju li ma kienx adattat sabiex qajmu din il-problema, li ma kienx ikun hemm. |
100 |
Fir-raba’ lok, il-kunsiderazzjoni tal-kriterju tal-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 % għall-“metaboliti ta’ metaboliti” (jiġifieri għall-metaboliti tal-endosulfan sulfat, hija nfisha metabolit tal-endosulfan) hija kuntrarja għall-linji gwida li ma jipprevedux l-analiżi li tibda minn metaboliti tas-sustanzi attivi iżda biss studji li jibdew mis-sustanza attiva nfisha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, fl-evalwazzjoni tal-aspetti differenti tas-sustanza attiva tagħhom u tal-prodotti formulati li jirriżultaw minnha, il-Kummissjoni fittxet li tilħaq livell ta’ “ebda riskju”, li essenzjalment ifisser li r-rikorrenti jkunu qed jintalbu prova probatio diabolica, li hija meqjusa illegali fis-sistemi legali kollha tal-Istati Membri u fil-ġurisprudenza. |
101 |
Fil-ħames lok, kien hemm nuqqas kostanti ta’ interazzjoni mal-Istat Membru relatur fuq il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf, peress li ma kienx hemm skambju ta’ informazzjoni fuq il-kwistjonijiet ambjentali, problema li dehret l-aktar matul il-perijodu 2001-2004. |
102 |
Fis-sitt lok, ir-rikorrenti fi kwalunkwe każ ressqu provi xjentifiċi li wrew li lanqas il-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 % għall-metabolit ta’ metabolit ma kien intlaħaq, b’tali mod li l-metabolit tas-sulfat tal-endosulfan inkwistjoni ma kienx sinjifikattiv u ma setax għalhekk joħloq riskju għall-ambjent. Skont ir-rikorrenti, dan jirriżulta b’mod partikolari minn estrapolazzjoni magħmula abbażi tal-istudju dwar il-modi ta’ degradazzjoni fil-ħamrija li sar f’Mejju 2002 qabel l-iskadenza tat-terminu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti allegatament issottomettew studji li juru li l-metabolit ta’ metabolit misjub fil-ħamrija ma kienx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ekotossikoloġija u tal-imġiba tal-endosulfan fl-ambjent peress li dan huwa inqas tossiku mis-sustanza attiva nfisha. |
103 |
Fis-seba’ lok, skont ir-rikorrenti, il-problema tal-metabolit mhux magħruf ġiet solvuta mill-PTA riveduti, mill-formulazzjoni CS u mill-użu fis-serer, li jikkonċernaw l-istudji u l-argumenti kollha li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra peress li dawn ġew sottomessi tardivament. |
104 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
105 |
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tenfasizza li mill-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni rriżulta diġà li kien hemm problema fil-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u li l-kwistjoni kienet tqajmet ukoll matul il-laqgħa tal-20 ta’ Jannar 2000. |
106 |
Fit-tieni lok, il-linji gwida m’għandhom ebda valur ġuridiku b’tali mod li ma hemm ebda regola ta’ dritt pożittiv li tistipula jekk huwiex possibbli li, sa ċertu livell, ma jiġux ikkunsidrati preokkupazzjonijiet ambjentali. |
107 |
Fit-tielet lok, l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni allegatament għandhom dritt jibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq kull tip ta’ studju sottomess mir-rikorrenti, indipendentement mit-tip ta’ kwistjoni li għalih l-istudju jwieġeb. |
108 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-livell minimu ta’ rilevanza tal-metaboliti ta’ metaboliti, il-Kummissjoni tistaqsi jekk l-argumenti tar-rikorrenti humiex ammissibbli peress li dawn mhumiex ċari biżżejjed sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni madankollu twieġeb għal dawn l-argumenti billi tinvoka opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pestiċidji tat-30 ta’ Novembru 2000 li tikkorrobora l-konklużjoni li wieħed ma jistax jeskludi r-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art mill-metaboliti ġġenerati b’rata iktar baxxa mill-livell mimimu ta’ 10 %. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, mill-Anness II tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li data dwar metaboliti li huma proporzjonalment inqas minn 10 % għandha tiġi sottomessa wkoll. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni tal-livell minimu ta’ rilevanza tal-metaboliti taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni. |
109 |
Fil-ħames lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ interazzjoni, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja essenzjalment jallegaw li r-rikorrenti bbenefikaw minn diversi opportunitajiet matul il-proċess ta’ evalwazzjoni sabiex jesponu l-opinjoni tagħhom u sabiex jissottomettu data addizzjonali. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-livell ta’ interazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni meħtieġ. |
110 |
Fis-sitt lok, huwa inammissibbli l-argument li r-rikorrenti ressqu provi li l-metabolit ta’ metabolit ma jilħaqx il-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 %, mhuwiex persistenti u huwa, fi kwalunkwe każ, inqas tossiku mill-endosulfan. Ir-rikorrenti kkritikaw il-konklużjonijiet xjentifiċi tal-proċess ta’ evalwazzjoni fl-istadju tar-replika biss filwaqt li r-rikors huwa limitat għal kritika tal-mod kif tmexxiet il-proċedura. Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti li l-problema tal-metabolit mhux magħruf tista’ tiġi injorata huwa żbaljat. Ir-Renju ta’ Spanja, min-naħa tiegħu, jikkontesta wkoll il-konklużjonijiet xjentifiċi tal-istudji sottomessi mir-rikorrenti f’dan ir-rigward. |
111 |
Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-problema tal-metabolit ġietx solvuta permezz tas-soluzzjonijiet proposti mir-rikorrenti fl-aħħar tal-proċedura dwar, b’mod partikolari, il-PTA riveduti, il-formulazzjoni CS u l-użu fis-serer, il-Kummissjoni u l-Istat Membru relatur kienu korretti meta rrifjutaw li jikkunsidraw l-istudji inkwistjoni minħabba li dawn ġew sottomessi tardivament. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
112 |
B’mod preliminari, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf tikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx b’mod leġittimu tibbaża r-rifjut ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fuq in-nuqqas ta’ data suffiċjenti dwar ċerti sustanzi li jirriżultaw mill-proċess ta’ degradazzjoni tal-endosulfan, b’mod partikolari l-metaboliti jew il-fdalijiet li jidhru biss fit-tieni stadju ta’ degradazzjoni, jiġifieri fl-istadju tad-degradazzjoni tal-metabolit primarju, l-endsolfan sulfat. |
113 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti ġewx informati fi żmien utli bil-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf kif ukoll bin-natura essenzjali tiegħu għall-analiżi tar-riskji ambjentali tal-endosulfan, u b’mod partikolari qabel il-laqgħa ta’ Jannar 2004 li fiha, skont ir-rikorrenti, il-problema tal-metabolit mhux magħruf tqajmet għall-ewwel darba, hemm lok li jiġi osservat qabel kollox li mill-proċess jirriżulta li diversi kummenti u talbiet għal data li saru qabel l-2004 jirreferu għall-preokkupazzjoni tal-evalwaturi sabiex jifhmu l-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u tal-metaboliti tagħha, kif ukoll il-veloċità tad-degradazzjoni tagħha. |
114 |
Fil-fatt, l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Diċembru 1999 jafferma li “kienet meħtieġa investigazzjoni iktar wiesgħa tal-modi ta’ degradazzjoni fil-ħamrija u fl-ilma” u li “għandha tiġi proposta kinetika ta’ dekompożizzjoni korretta (modi u rati)”. Dan l-abbozz jindika wkoll li “l-parti l-kbira tal-prodotti ta’ dekompożizzjoni tal-endosulfan huma klorati organiċi li jistgħu jkunu persistenti u joħolqu problema ambjentali”. |
115 |
Barra minn hekk, il-konklużjonijiet ta’ dan l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jirreferu għal “persistenza għolja ta’ fdalijiet fil-ħamrija kkostitwiti minn diversi metaboliti klorati, li individwalment jistgħu ma jaqbżux l-10 % tal-livell applikabbli, iżda li flimkien jistgħu jikkostitwixxu kwantità kbira ta’ fdalijiet”. Dan l-abbozz jispeċifika wkoll dan li ġej: “Abbażi tal-istruttura kimika tagħhom, huwa possibbli li wieħed jistenna li l-karatteristiċi fiżiċi kimiċi ta’ dawn il-komponenti jkunu simili u ġeneralment persistenti u bijoakkumulabbli. Għaldaqstant, studju approfondit tal-mod tad-degradazzjoni ta’ dan il-komponent għandu jkun obbligatorju u r-realizzazzjoni tiegħu għandha tkun indispensabbli.” |
116 |
Barra minn hekk, il-minuta ta’ żjara fl-INIA f’Diċembru 1999 redatta mir-rikorrenti tindika li “għandu jiġi muri b’mod ċar li n-nukleu klorat jiddekomponi b’identifikazzjoni tal-prodotti ta’ degradazzjoni”. |
117 |
Wieħed jista’ jirreferi wkoll għall-minuta ta’ laqgħa tal-25 ta’ Awwissu 2001 li tindika dan li ġej: “Il-kwistjoni tar-rilevanza ta’ metaboliti oħra minbarra l-endosulfan sulfat fil-ħamrija u l-impatt ekotossikoloġiku tagħhom tqajmet u saret importanti ħafna fid-dawl tal-messaġġ ċar ta’ Dr. T. li jgħid li l-istudji ekotossikoloġiċi sottomessi dan l-aħħar għall-metaboliti l-oħra jwasslu b’mod ċar għall-konklużjoni li dawn huma rilevanti mil-lat tat-tossiċità. Għal din ir-raġuni, ir-rilevanza tagħhom għandha finalment tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta’ studji pendenti tal-kimika ambjentali fil-ħamrija u fis-sedimenti. Jekk dawn jidhru biss fi kwantitajiet żgħar, ir-rilevanza tagħhom tkun eskluża. Fil-każ kuntrarju, wieħed jista’ jistenna konsegwenzi kbar għall-programm ta’ testijiet ekotossikoloġiċi.” |
118 |
Mill-eżami tal-provi dokumentali preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jinnegaw li huma ġew informati bil-ħtieġa li jiċċaraw il-modi ta’ dekompożizzjoni tal-endosulfan fi stadju bikri tal-proċedura, peress li l-iktar talbiet tard f’dan ir-rigward saru fil-bidu tas-sena 2000. Minn dan jirriżulta wkoll li, fl-istess żmien u l-iktar tard f’Awwissu 2001, huma ġew informati bil-preokkupazzjoni tal-evalwaturi fir-rigward tal-persistenza ta’ ċerti metaboliti u li, fil-każ li dawn ikunu kkunsidrati rilevanti, l-impatt kien ser ikun kunsiderevoli għall-analiżi tossikoloġiċi. Għalhekk, ir-rikorrenti kellhom l-opportunità li jiċċaraw il-mod kif l-endosulfan tiddekomponi ruħha, kwistjoni essenzjali għall-analiżi tar-riskji ambjentali. Madankollu, fuq il-bażi tal-istudji sottomessi sa Mejju 2003, ġie sussegwentement konkluż li l-mod ta’ degradazzjoni ma kienx ċar biżżejjed, konklużjoni li r-rikorrenti jikkontestaw u li dwarha huma setgħu, barra minn hekk, ressqu argumenti addizzjonali. Issa, dan in-nuqqas ta’ qbil fil-mertu m’għandux jiġi konfuż mal-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti kellhomx opportunità reali, matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, sabiex jiċċaraw il-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan, u lanqas ma għandu jiġi konfuż mal-kwistjoni dwar jekk l-evalwaturi rrilevawx l-importanza ta’ din id-domanda għall-analiżi tar-riskji. |
119 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti ġewx ikkonfrontati matul il-proċess ta’ evalwazzjoni b’linji gwida li ġew emendati diversi drabi b’tali mod li kien impossibbli għar-rikorrenti li josservaw it-termini proċedurali li jiskadu f’Mejju 2002 u f’Mejju 2003, hemm lok li jiġi ppreċiżat qabel kollox li l-Kummissjoni hija awtorizzata timponi fuqha nfisha linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha għal atti mhux previsti fl-Artikolu 249 KE, sa fejn dawn l-atti jkollhom regoli indikattivi ta’ gwida li għandhom jiġu segwiti u sakemm dawn ma jinjorawx ir-regoli tat-Trattat. Il-qorti Komunitarja tivverifika jekk l-att ikkontestat huwiex konformi ma’ dawn il-linji gwida. Madankollu, testi li jikkostitwixxu biss abbozzi ma jistgħux jinvolvu awtolimitazzjoni tal-istess setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill, T-70/99, Ġabra p. II-3495, punti 140 sa 142). Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-linji gwida ċċitati iktar ’il fuq iżda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Alpharma vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 146). |
120 |
Barra minn hekk, l-eżami ta’ dan l-ilment, ifformulat b’mod wiesa’ ħafna fir-rikors, għandu jiġi limitat għall-eżempji konkreti, indikati mir-rikorrenti fir-rikors, li fihom ir-rikorrenti ġew ikkonfrontati b’regoli li joħorġu mil-linji gwida li ġew emendati diversi drabi, peress li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jkollu, b’mod partikolari, sunt tal-motivi mressqa. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispeċifika f’xiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat, b’tali mod li d-dikjarazzjoni astratta tiegħu biss ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T-102/92, Ġabra p. II-17, punt 68). |
121 |
L-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ġew ikkonfrontati b’linji gwida li ġew emendati diversi drabi, kif speċifikat fir-rikors, jirrigwarda, fl-ewwel lok, abbozz ta’ linji gwida dwar ir-rilevanza tal-metaboliti fl-ilma tal-wiċċ ta’ sustanzi rregolati li introduċa fil-verżjoni tiegħu ta’ Novembru 2001 kriterju ta’ rilevanza ġdid, b’mod partikolari valur assolut superjuri għal 10μg/l fl-ilma tal-wiċċ għall-metaboliti kollha, indipendentement mit-tossiċità tagħhom. Dawn il-linji gwida tlestew biss fi Frar 2003. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegawx għaliex f’Novembru 2001 kien tard wisq sabiex jiġu ppreżentati b’mod ulterjuri studji li jinkludu dan il-kriterju. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li huma jallegaw li ssottomettew fit-termini stabbilti, f’Mejju 2003, studji li ħadu dan inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, kif tissottometti wkoll il-Kummissjoni, hemm opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pestiċidji ta’ Novembru 2000, li kienet aċċessibbli fuq l-internet, li tindika li l-identifikazzjoni tal-metaboliti għandha tibqa’ ssir għall-iktar żmien twil possibbli. Barra minn hekk, mill-Anness II tad-Direttiva 91/414, kif emendata fl-1995 bid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/36/KE, tal-14 ta’ Lulju 1995 (ĠU L 172, p. 8), jirriżulta li l-impriżi li jinnotifikaw sustanza attiva fid-dawl tal-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom “sa fejn ikun possibbli jidentifikaw il-kompenenti li jgħoddu inqas minn 10 % ta’ l-ammont ta’ sustanza attiva”. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li dan il-kriterju kien “ġdid” fl-2001 jew li dan ġie applikat b’mod retroattiv. |
122 |
L-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ġew ikkonfrontati b’linji gwida li ġew emendati diversi drabi jikkonċerna, fit-tieni lok, linji gwida dwar l-ekotossiċità tal-ilma u tal-art adottati f’Ottubru 2002 li allegatament eżiġew għall-ewwel darba li ssir distinzjoni bejn il-metaboliti fil-ħamrija “minuri” (<10 %) u l-metaboliti fil-ħamrija “maġġuri” (>10 %) sabiex tkun evalwata r-rilevanza tagħhom għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ħsara tas-sustanza attiva. Issa, mill-premess jirriżulta li dan il-kriterju ma kienx ġdid, peress li dan kien jidher diġà fl-Anness II tad-Direttiva 91/414 sa mill-1995. |
123 |
Fi kwalunkwe każ, il-pożizzjoni tal-evalwaturi li jqisu l-metaboliti li individwalment ma jaqbżux il-livell minimu ta’ 10 % iżda li potenzjalment jaqbżuh flimkien ma’ metaboliti oħra ġiet irrilevata fil-konklużjonijiet tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 115 iktar ’il fuq). |
124 |
Fl-aħħar nett, hemm ukoll lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw, fir-realtà, ir-rilevanza ta’ dan il-livell minimu għall-metaboliti ta’ metaboliti. Issa, l-ilment ibbażat fuq il-kontestazzjoni tal-livell minimu u l-applikazzjoni tiegħu fil-każ ineżami se jiġu eżaminati iktar ’il quddiem (ara l-punt 133 et seq iktar ’il quddiem). |
125 |
It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-evalwaturi setgħux b’mod leġittimu jqajmu l-problema tal-metabolit ta’ metabolit u tar-riskju tal-persistenza tiegħu fil-ħamrija inkwantu dan jirriżulta minn studju magħmul mir-rikorrenti għal skop ieħor, hemm lok li jiġi rrilevat li, ċertament, għall-finijiet tal-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, mhuwiex rilevanti li jkun magħruf f’liema studju tqajmet problema potenzjali għall-ambjent sakemm ikun involut dokument li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti setgħu jieħdu pożizzjoni. Fil-każ ineżami, mill-proċess jirriżulta li kien studju tar-rikorrenti stess li kkonferma għall-evalwaturi l-eżistenza tal-problema tal-metabolit ta’ metabolit. Ma jistax ma jiġix kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabu ebda argument validu li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkunsidra r-riżultati ta’ dan l-istudju. |
126 |
Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li jitqies il-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 % għall-metaboliti ta’ metaboliti huwiex kuntrarju għal-linji gwida u jistrieħx għalhekk fuq kriterju li ma jaqax fil-qafas leġiżlattiv applikabbli, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ dan l-ilment, li jipprovdi li “m’hemm ebda rekwiżit jew linja gwida Komunitarja fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-metabolit meta l-materjal ta’ oriġini ma jkunx is-sustanza parent”, tassumi karattru astratt ħafna. Dan l-ilment huwa marbut mal-kontestazzjoni mir-rikorrenti ta’ affermazzjoni li tinsab fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li tipprovdi li l-istudji dwar id-dekompożizzjoni tal-endosulfan jissuġġerixxu “persistenza għolja ta’ fdalijiet fil-ħamrija kkostitwiti minn diversi metaboliti klorati, li individwalment jistgħu ma jaqbżux il-livell ta’ 10 % tad-doża applikabbli, iżda [li lkoll flimkien] jistgħu jikkostitwixxu kwantità kbira ta’ fdalijiet”. Sabiex tingħata risposta għal dan, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-kunċetti użati fid-Direttiva 91/414 u l-annessi tagħha humiex iddefiniti b’mod suffiċjentement wiesgħa sabiex l-evalwaturi jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti potenzjalment ta’ ħsara tal-metaboliti ta’ metaboliti. |
127 |
Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I fil-każ li jkun mistenni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom din is-sustanza attiva jkunu se jissodisfaw b’mod partikolari l-kundizzjoni li ġejja: “il-fdalijiet tagħhom […] ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet, jekk ikunu sinifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux”. L-Artikolu 2(2) tal-istess direttiva jiddefinixi t-termini “fdalijiet ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti” b’mod wiesa’ bħala “sustanza waħda jew aktar preżenti fil-pjanti jew fi prodotti li joriġinaw mill-pjanti, fi prodotti li jittieklu li joriġinaw mill-annimali jew fuqhom, jew fi bnadi oħra fl-ambjent u li jirriżultaw mill-użu ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti, inklużi l-metaboliti tagħhom u l-prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tagħhom”. Barra minn hekk, l-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414 dwar l-inkartamenti ta’ evalwazzjoni għandhom diversi riferimenti għal talbiet ta’ data dwar il-prodotti ta’ degradazzjoni tas-sustanzi attivi f’sens wiesa’. Minn dan jirriżulta li hija d-Direttiva 91/414 stess li tawtorizza lill-evalwaturi jeżaminaw l-imġiba tal-prodotti li jirriżultaw. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ provi konkreti li juru l-kuntrarju, ma jistax jinżamm li l-evalwaturi għamlu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta riedu jiċċaraw il-mod ta’ degradazzjoni tal-metabolit tal-endosulfan sulfat u meta applikaw il-livell minimu ta’ rilevanza inkwistjoni għall-prodotti li jirriżultaw minnu. Għalhekk l-ilment ibbażat fuq il-fatt li dan l-eżami huwa kuntrarju għal linji gwida huwa infondat. Għaldaqstant jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta kkunsidrat, fil-każ ineżami, bħala rilevanti l-prodotti li jirriżultaw mill-endosulfan li individwalment jirrapreżentaw inqas minn 10 % tas-sustanza attiva tal-endosulfan iżda iktar minn 10 % tal-metabolit tal-endosulfan sulfat. |
128 |
Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li l-evalwaturi riedu jilħqu livell ta’ “ebda riskju” u li imponew fuq ir-rikorrenti prova probatio diabolica meta bbażaw id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fuq nuqqas ta’ informazzjoni iktar milli fuq ir-riskji identifikati, peress li mill-analiżi li saret iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni riedet il-prova ta’ użu mingħajr periklu li madankollu, għall-Kummissjoni, kien jimplika li tifhem l-imġiba tal-metabolit tal-endosulfan sulfat. Issa, ma ntweriex li din il-pożizzjoni kienet manifestament żbaljata. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jallegaw li stabbilixxew użu mingħajr periklu u li ġabu prova ta’ livell ta’ persistenza u ta’ tossiċità aċċettabbli għal dan il-metabolit b’tali mod li l-argument li l-Kummissjoni imponitilhom li jġibu provi li huma xjentifikament impossibbli li jiġu stabbiliti għandu jiġi ddikjarat irrilevanti. |
129 |
Il-ħames nett, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ interazzjoni mal-Istat Membru relatur dwar il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf, u b’mod partikolari l-allegat nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali matul il-perijodu 2001-2004, hemm lok li jiġi mfakkar li, kif il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jirrilevaw, il-leġiżlazzjoni applikabbli m’għandhiex obbligi ta’ komunikazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni li fid-dawl tagħhom id-diversi kuntatti u skambji ta’ informazzjoni li saru bejn l-Istat Membru relatur u r-rikorrenti setgħu jiġu kkunsidrati insuffiċjenti. F’dak li jirrigwarda l-kumment fir-rapport ECCO 106, invokat mir-rikorrenti, li jipprovdi li huma ġew mitluba “jaħdmu mill-viċin ħafna mar-relatur Spanjol sabiex ma jinħolqux malintiżi fir-rigward tad-data li [kellha] tinġieb jew it-termini li kellhom jiġu osservati”, għandu jiġi kkonstatat li huwa diffiċli li jiġi kkalkulat, fid-dawl ta’ rekwiżit ifformulat b’mod daqshekk ġenerali, jekk l-interazzjoni mal-Istat Membru relatur kinitx suffiċjenti. |
130 |
Madankollu, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna, u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandha tiġi żgurata anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom, għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C-28/05, Ġabra p. I-5431, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
131 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-perijodu kkontestat ta’ bejn Awwissu 2001 u Jannar 2004, li matulu r-rikorrenti allegatament ma bbenefikawx minn skambju ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp u l-imġiba fl-ambjent u fl-ekotossikoloġija u allegatament ġarrbu insuffiċjenza ta’ skambju ta’ informazzjoni ma’ persuna b’mod partikolari, is-Sur T., espert ikkummissjonat speċjalizzat f’dawn l-oqsma, dawn iċ-ċirkustanzi setgħux waslu għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tagħhom huwa kontradittorju inkwantu jallegaw li huma ssottomettew f’Mejju 2002 studji li, fil-fehma tagħhom, solvew il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf. Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jifhem kif numru ikbar ta’ laqgħat seta’ jwassal għal riżultat finali ieħor fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, huwa biss meta tkun tali li taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, bl-istess mod, il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni li irregolarità tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1980, Distillers Company vs Il-Kummissjoni, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26). Għalhekk l-ilment huwa irrilevanti. |
132 |
Fi kwalunkwe każ, l-ilment jikkonċerna, tal-inqas parzjalment, il-kwistjoni, diġà eżaminata iktar ’il fuq, dwar jekk il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf, u, b’mod partikolari, in-natura essenzjali tiegħu għall-analiżi tar-riskji ambjentali tal-endosulfan, tqajmitx biss fil-laqgħa ta’ Jannar 2004. Issa, kif ġie rrilevat hawn fuq, ir-rikorrenti ġew informati ferm qabel din il-laqgħa bil-ħtieġa li jiġi identifikat il-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u tal-importanza ta’ din il-kwistjoni għall-analiżi tar-riskji. Huma kellhom għalhekk l-opportunità jissottomettu studji li jiċċaraw il-mod ta’ degradazzjoni, iżda ma jaqblux mal-evalwaturi fir-rigward tal-konklużjonijiet ta’ dawn l-istudji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-metabolit tal-endosulfan sulfat, il-persistenza tiegħu u t-tossiċità tiegħu. Issa, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ ftehim fil-mertu fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom joħorġu minn ċertu studju ma tikkostitwixxix prova tan-nuqqas ta’ opportunità li jesponu l-opinjoni tagħhom u ma tistax titqies bħala theddida għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. |
133 |
Is-sitt nett, f’dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrenti li huma ressqu provi xjentifiċi li juru, minn naħa, li l-metabolit tal-endosulfan sulfat ma kienx jilħaq il-kriterju ta’ rilevanza l-iktar restrittiv ta’ 10 % għall-metabolit ta’ metabolit u, min-naħa l-oħra, li dan il-metabolit ta’ metabolit misjub fil-ħamrija ma kienx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ekotossikoloġija u tal-imġiba tal-endosulfan fl-ambjent peress li dan ma kienx persistenti u kien inqas tossiku mis-sustanza attiva nfisha, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-endosulfan kellha tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, peress li l-konklużjonjiet tal-evalwaturi fir-rigward tar-rilevanza tal-metabolit ta’ metabolit tal-endosulfan kienu żbaljati. Għalhekk l-ilment ineżami jikkonċerna l-kontestazzjoni tal-konklużjonijiet xjentifiċi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ġie mressaq għall-ewwel darba fir-replika. |
134 |
Issa, mid-dispożizzjonjiet moqrija flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jkollu, b’mod partikolari, sunt tal-motivi mressqa u li mhuwiex permess li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li jitqajmu fil-mori tal-proċedura. Motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Għall-kuntrarju, motiv li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa bbażat fuq elementi ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma fil-mori tal-proċedura għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kien hemm xejn xi jżomm lir-rikorrenti milli jressqu dan il-motiv fl-istadju tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C-430/00 P, Ġabra p. I-8547, punti 17 sa 19). |
135 |
Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li permezz tagħha stidnithom iwieġbu għall-argument tal-Kummissjoni li l-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni xjentifika li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi argument ġdid li ma jidhirx fir-rikors u li għalhekk għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, ir-rikorrenti jallegaw li l-motivi legali invokati fir-rikors, b’mod partikolari l-ksur tal-Artikolu 95(3) KE, tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 u tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, iwasslu b’mod ċar għall-konklużjoni li huma kienu jikkunsidraw li l-evalwazzjoni xjentifika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx preċiża, b’mod partikolari minħabba li din l-evalwazzjoni ma kinitx tikkunsidra d-data kollha disponibbli li huma kienu ressqu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti huma tal-fehma li, meta fir-replika huma għamlu eżami iktar dettaljat tal-kwistjonijiet xjentifiċi inkwistjoni, huma kienu qegħdin sempliċement jikkontestaw l-argumenti ta’ fatt imressqa mill-Kummissjoni mingħajr ma kienu qed iressqu motivi ġodda ta’ annullament. |
136 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, f’dak li jirrigwarda r-riferiment għall-Artikolu 95(3) KE, għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 u għall-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi fir-rikors, li mill-argument żviluppat fil-kuntest tal-motivi mressqa fir-rikors jirriżulta mingħajr dubju li dawn il-motivi jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li tikkunsidra fl-analiżi tagħha studji sottomessi mir-rikorrenti wara ċerta data ta’ skadenza, li hija kwistjoni dwar il-mod kif il-Kummissjoni mexxiet il-proċedura ta’ evalwazzjoni iżda li ma tinvolvix kontestazzjoni fil-mertu tal-konklużjonijiet tagħha, anki jekk il-kunsiderazzjoni ta’ dokumenti rrifjutati setgħet b’mod ipotetiku twassal għal deċiżjoni finali differenti fil-mertu. Dwar l-argument li l-ilment tar-rikorrenti huwa limitat għall-kontestazzjoni ta’ argumenti ta’ fatt imqajma fil-mori tal-proċedura, lanqas dan ma jista’ jiġi sostnut peress li mir-replika jirriżulta ċar li, permezz tal-imsemmi lment, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-modi ta’ degradazzjoni tas-sustanza attiva mhumiex ċari u li nstabu metaboliti mhux magħrufa meta saru studji tad-degradazzjoni fil-ħamrija, tad-degradazzjoni fl-ilma jew fis-sedimenti u tal-mesokasma hija bbażata fuq premessa materjalment u xjentifikament żbaljata. Issa, kif ġie rrilevat hawn fuq, il-motivi mressqa fir-rikors kellhom b’mod ċar bħala għan il-kontestazzjoni tal-mod li bih il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni, b’mod partikolari r-rifjut tagħha li tikkunsidra ċerti provi, u mhux il-kontenut ta’ din il-konklużjoni. |
137 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li dan l-ilment huwa limitat għal amplifikazzjoni ta’ lment imsemmi preċedentement. Barra minn hekk, ma ntweriex li ma kienx possibbli għar-rikorrenti li jqajmu dan il-motiv fl-istadju tar-rikors. Għalhekk l-ilment ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rilevanza tal-metaboliti ta’ metaboliti huwa inammissibbli. |
138 |
Fi kwalunkwe każ, jidher b’mod ċar li hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fir-rigward tal-konklużjonijiet xjentifiċi tal-istudji tar-rikorrenti. |
139 |
F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-metabolit tal-endosulfan sulfat jilħaqx il-limitu minimu ta’ rilevanza, ir-rikorrenti jallegaw li l-metabolit sekondarju mhux magħruf jirrapreżenta 17 % tal-metabolit primarju tal-endosulfan sulfat, li jirrapreżenta 13,4 % tal-endosulfan parent b’tali mod li l-metabolit sekondarju jirrappreżenta biss 2,3 % tal-endosulfan parent. Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestawx dawn il-kalkoli iżda jikkunsidraw li huma korretti, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, li jikkunsidraw bħala rilevanti metaboliti li jkunu taħt il-livell minimu ta’ 10 % meta mqabbla mas-sustanza endosulfan parent. |
140 |
Dwar il-persistenza tal-metabolit tal-endosulfan sulfat, din hija kkalkulata prinċipalment b’rabta mal-kapaċità tiegħu li jittrasforma ruħu f’CO2 (mineralizzazzjoni) u l-istabbiliment tar-rata ta’ dekompożizzjoni tiegħu ta’ 50 u ta’ 90 %. Skont ir-rikorrenti, minn studju ppreżentat f’Mejju 2002 jirriżulta li l-endosulfan sulfat tiddegrada b’rata ta’ 35 % fis-sena, li tikkorrispondi għal rata ta’ dekompożizzjoni ta’ 9,5 % f’100 jum. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-linji gwida rilevanti tal-Kummissjoni jeżiġu rata ta’ mineralizzazzjoni ogħla minn 5 % fuq perijodu ta’ 100 jum u li għalhekk dan il-kriterju huwa b’mod ċar sodisfatt. Issa, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li mill-istudju inkwistjoni jirriżulta li l-mineralizzazzjoni tal-endosulfan fil-ħamrija hija probabbilment inqas minn 5 %. Il-ħajja medja tas-sulfat tal-endosulfan (rata ta’ dekompożizzjoni ta’ 50 %) tinsab f’medda ta’ 123 sa 391 jum u l-mineralizzazzjoni f’120 jum tvarja bejn 1,01 u 13,08 %. Il-mineralizzazzjoni medja tas-sulfat tal-endosulfan hija konformi ma’ dik tal-endosulfan. Għalhekk minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li l-endosulfan jiddegrada ruħu f’sulfat tal-endosulfan u li l-mineralizzazzjoni tas-sulfat tal-endosulfan taqa’ f’medda ta’ 1,01 sa 13,8 % f’120 jum u ta’ 5 sa 35 % f’365 jum, skont it-tip ta’ art. Ebda wieħed mill-metaboliti misjuba u identifikati fit-testijiet preċedenti ma ġie kkonstatat f’dan l-istudju. Madankollu, jirriżulta metabolit li kien f’livelli li jaqbżu l-10 % tar-radjoattività applikata. It-testijiet kollha li saru sabiex dan il-metabolit jiġi identifikat fallew, iżda l-istruttura tiegħu hija simili għal dik tal-metaboliti tal-aċtu dikarbossiliku jew id-dihidrodiol. L-identifikazzjoni ta’ dan il-metabolit hija indispensabbli għall-istabbiliment tal-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u tad-definizzjoni tal-fdalijiet li għandha tintuża għall-istudji ta’ kif din tinfirex fil-ħamrija. |
141 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza kostanti, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-għanijiet segwiti u tal-għażla tal-istrumenti ta’ azzjoni xierqa. F’kuntest bħal dan, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fil-mertu għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa diskrezzjonali jkunx ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunux manifestament qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li, meta awtorità Komunitarja tintalab, fil-kuntest tal-ħidma tagħha, tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi, is-setgħa diskrezzjonali li hija tgawdi hija applikabbli wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni ta’ fatti li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-każ ineżami, li fil-kuntest tiegħu kien il-kompitu tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jagħmlu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u li jagħmlu evalwazzjoni ta’ fatti ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, li l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tat-twettiq ta’ din il-ħidma mill-istituzzjonijiet Komunitarji għandu jkun limitat. F’kuntest bħal dan, il-qorti Komunitarja ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ fatti tal-istituzzjonijiet Komunitarji bl-evalwazzjoni tagħha, peress li t-Trattat jikkonferixxi din il-ħidma lill-istituzzjonijiet biss. Minflok, hija għandha sempliċement tivverifika jekk l-eżerċizzju mill-istituzzjonijiet Komunitarji tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom f’dan il-kuntest ikunx ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunux manifestament qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara s-sentenza Alpharma vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, punti 177 sa 180 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
142 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabux il-prova li l-Kummissjoni, fil-ġudizzju tagħha li l-metabolit ta’ metabolit inkwistjoni huwa rilevanti u fid-deċiżjoni tagħha, fid-dawl tal-persistenza tiegħu fil-ħamrija, li n-nuqqas ta’ għarfien preċiż tal-imġiba ta’ dan il-metabolit ma jippermettix evalwazzjoni xierqa tar-riskji ambjentali tal-endosulfan, għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni, għamlet abbuż ta’ poter jew manifestament qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. |
143 |
Is-seba’ nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-formulazzjoni CS, il-PTA riveduti jew l-użu fis-serer ippermettewx fil-fatt li jiġu solvuti d-dubji mqajma fir-rigward tal-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf, għandu jiġi kkonstatat li, apparti l-fatt li l-motivi mressqa fir-rikors jirrigwardaw biss il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx tirrifjuta li tikkunsidra l-imsemmija data, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddeċiedi fuq l-impatt tal-formulazzjoni CS, tal-PTA riveduti u tas-soluzzjoni tal-użu fis-serer sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidrahom minħabba li tressqu tardivament u sa fejn mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward b’dik tagħha. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta rrifjutat li tikkunsidra l-istudji li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet, din għandha tiġi ttrattata iktar ’il quddiem. |
144 |
Minn dak kollu premess jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
Fuq it-tieni kwistjoni dwar l-inkartament CS
— L-argumenti tal-partijiet
145 |
Skont ir-rikorrenti, l-eżami tal-endosulfan ma kienx komplet inkwantu l-inkartament CS sottomess fit-termini stabbilti ma ġiex ikkunsidrat. Madankollu, anki jekk jitqies li l-inkartament CS tressaq tardivament, il-Kummissjoni kellha tikkunsidrah, peress li r-rikorrenti ma setgħux jippreżentawh qabel. Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jallegaw, peress li l-inkartament CS jikkompleta l-inkartament innotifikat inizjalment dwar il-formulazzjoni EC, l-eżami tal-inkartament CS kien jieħu biss ftit żmien (tliet xhur bħala massimu), b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Istat Membru relatur kien diġà midħla tal-formulazzjoni CS minħabba n-notifika nazzjonali tagħha. Il-kunsiderazzjoni tal-inkartament CS kienet tippermetti l-identifikazzjoni ta’ użu estern mingħajr periklu u, minħabba f’hekk, kienet tippermetti l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 peress li l-evalwaturi kienu diġà taw x’jifhmu lir-rikorrenti li użu intern mingħajr periklu kien diġà ġie identifikat bil-formulazzjoni EC. |
146 |
Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, l-inkartament CS ġie sottomess tardivament u għalhekk hija kellha dritt tirrifjuta li tieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, eżami tal-inkartament CS kien iwassal lill-Istat Membru relatur sabiex jerġa’ jara t-totalità tal-evalwazzjoni tal-endosulfan. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
147 |
Mill-inkartament jirriżulta li r-rikorrenti ppreżentaw għall-ewwel darba l-formulazzjoni CS lill-Istat Membru relatur fil-laqgħa tas-17 ta’ Lulju 2002 wara li ħabbru dan is-suġġett ta’ diskussjoni permezz ta’ ittra elettronika fil-31 ta’ Mejju 2002. Mill-minuta ta’ din il-laqgħa jirriżulta li r-rikorrenti ma ridux jibdlu l-formulazzjoni EC tal-endosulfan inizjalment notifikata iżda riedu jżidu t-tekonoloġija CS fl-inkartament sabiex jiksbu użu estern tal-endosulfan mingħajr periklu. Minn din il-minuta jirriżulta wkoll li l-INIA u l-MAPA kienu għarrfu fil-laqgħa msemmija li s-sottomissjoni ta’ inkartament ġdid fuq il-bażi tal-Anness III tad-Direttiva 91/414 ma kinitx tkun raġonevoli minħabba l-ammont ta’ xogħol u minħabba d-diffikultà li tinkiseb approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għal proċedura bħal din. Madankollu, f’Mejju 2003, ir-rikorrenti ssottomettew inkartament CS skont l-Anness III tad-Direttiva 91/414. |
148 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-inkartament CS ġie sottomess fit-termini stabbilti. Issa, din l-allegazzjoni mhijiex korretta. It-terminu għas-sottomissjoni ta’ data ffissat fir-Regolament Nru 2266/2000, li jemenda l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kien jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2002, minbarra fir-rigward tar-riżultati ta’ studji fit-tul ikkummissjonati u ġġudikati meħtieġa mill-Istat Membru relatur u mill-Kummissjoni waqt l-eżami tal-inkartament li ma jkunux tlestew qabel din id-data. Studji bħal dawn kellhom jiġu identifikati l-iktar tard sal-25 ta’ Mejju 2001 u mbagħad setgħu jiġu sottomessi sal-25 ta’ Mejju 2003. F’każ eċċezzjonali, bħal dak fejn l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni ma setgħux jidentifikaw studji bħal dawn qabel il-25 ta’ Mejju 2001, data oħra setgħet tiġi ffissata għat-tlestija ta’ dawn l-istudji, kemm-il darba n-notifikatur jipprova lill-Istat Membru relatur li dawn l-istudji kienu ġew ikkummissjonati fi żmien tliet xhur mit-talba għal dawn l-istudji u jippreżenta minuta u rapport dwar l-iżvilupp tal-istudju qabel il-25 ta’ Mejju 2002. Ir-rikorrenti jallegaw li huma kienu għadhom jistgħu jissottomettu l-imsemmi inkartament f’Mejju 2003, iżda jidher ċar li l-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi din il-possibbiltà f’każijiet definiti sewwa li huma differenti mill-każ ineżami. |
149 |
Fit-tieni lok, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti kkonfermaw li huma kienu ppreżentaw l-inkartament CS sabiex iwieġbu għal preokkupazzjoni speċifika min-naħa tal-evalwaturi fir-rigward tat-tossiċità fl-ilma tal-endosulfan, li biha huma ġew informati f’Ottubru 2001. |
150 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jagħtu ebda spjegazzjoni sabiex wieħed jifhem għaliex huma ma ppreżentawx l-inkartament CS qabel id-data ta’ skadenza tal-25 ta’ Mejju 2002 jew, tal-inqas, għaliex ma ppruvawx jikkonvinċu lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi formalment li l-inkartament CS seta’ jiġi sottomess, bħala studju fit-tul, sal-31 ta’ Mejju 2003 b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2001/810, iżda huma jillimitaw ruħhom għal dikjarazzjonijiet vagi li l-preparazzjoni ta’ inkartament bħal dan tieħu ż-żmien u li l-istudji xjentifiċi sabiex tiġi ttrattata l-problema tal-ekotossikoloġija tal-ilma ma kinux disponibbli f’Ottubru 2001 minħabba allegat tibdil fil-linji gwida dwar l-ekotossikoloġija tal-ilma li barra minn hekk huma lanqas jidentifikaw. |
151 |
Fit-tielet lok, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienu ilhom jaħdmu fuq din il-formulazzjoni għal diversi snin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għalhekk diffiċli li wieħed jifhem għaliex stennew tal-aħħar tal-proċedura sabiex jippreżentaw l-inkartament CS bħala soluzzjoni finali sabiex iġibu prova ta’ użu mingħajr periklu tal-endosulfan. Fl-aħħar nett lanqas ma jikkostitwixxi argument kredibbli f’dan ir-rigward il-fatt li l-possibbiltà li l-provi jiġu llimitati għal użu mingħajr periklu ġiet introdotta biss fis-sena 2000 permezz tar-Regolament Nru 2266/2000, peress li kien hemm għalhekk biżżejjed żmien għall-preparazzjoni ta’ inkartament sabiex jiġi sottomess fit-termini proċedurali stabbiliti. |
152 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-inkartament CS mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li r-rikorrenti ma ġabux prova li kien impossibbli għalihom li jippreżentaw l-inkartament CS qabel il-25 ta’ Mejju 2002. Għalhekk it-tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk eżami mill-ġdid tal-inkartament CS kienx jieħu xi xhur jew iktar mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża u għalhekk lanqas ma huwa meħtieġ li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti għan-nomina ta’ esperti u sabiex isiru domandi lill-INIA f’dan ir-rigward. |
153 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li l-Istat Membru relatur allegatament issuġġerixxa matul il-laqgħa ta’ Lulju 2002 li jintalbu reġistrazzjonijiet nazzjonali f’ċerti Stati Membri sabiex jinkiseb appoġġ għall-formulazzjoni CS u li rappreżentanti tal-MAPA allegatament taw x’jifhmu lir-rikorrenti li dan tal-aħħar kien se jevalwa l-inkartament CS fuq il-bażi tal-inkartament tar-reġistrazzjoni nazzjonali, ċirkustanza li, barra minn hekk, l-unika prova tagħha hija kkostitwita minn ittra elettronika interna tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, anki minkejja l-possibbiltà li tittieħed pożizzjoni diverġenti mill-MAPA u mill-INIA f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi konkluż minn dawn iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li setgħet tinħoloq aspettattiva leġittima għar-rikorrenti fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-inkartament CS fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, mill-minuta ta’ laqgħa tal-24 ta’ Settembru 2002 bejn ir-rikorrenti u l-MAPA jirriżulta li inkartament tal-“Anness III” għal formulazzjoni oħra kellu, skont il-MAPA, jiġi sottomess mhux iktar tard minn Mejju 2003 iżda dan sakemm ikun hemm approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li huma ma kinux kisbu din l-approvazzjoni informali. Għalhekk l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti ma ġewx miksura, peress li ma ġiex stabbilit li huma kellhom assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, imnissla minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li setgħu ħolqulhom speranzi fondati fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-inkartament CS u, bis-saħħa ta’ hekk, fir-rigward tal-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Branco vs Il-Kummissjoni, T-162/04, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
154 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni fil-mertu ta’ jekk il-formulazzjoni CS kinitx tippermetti l-identifikazzjoni ta’ użu estern mingħajr periklu tal-endosulfan, ħaġa din li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw, għandu jiġi kkonstatat li, ladarba l-inkartament CS ma ġiex ikkunsidrat fil-proċess ta’ evalwazzjoni li wassal għad-deċiżjoni kkontestata, it-tweġiba għal din il-kwistjoni taqbeż il-limiti tal-kawża kif imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
155 |
Għalhekk l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kwistjoni tal-inkartament CS għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
Fuq it-tielet kwistjoni dwar l-espożizzjoni interna tal-operatur
— L-argumenti tal-partijiet
156 |
Ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur tqajment fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni iżda ġiet solvuta iktar tard. F’dan ir-rigward, huma jagħmlu riferiment partikolari għall-addendum mar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Novembru 2003, li fih hemm iddikjarat mill-Istat Membru relatur li l-istudju ppreżentat minnhom dwar il-protezzjoni tal-operatur kien “dokumentat sewwa” u li x-xenarju ta’ applikazzjoni tal-endosulfan propost, li jimplika l-użu ta’ apparat ta’ protezzjoni li jinkludi, b’mod partikolari, ingwanti, ilbies protettiv u maskla, kien “aċċettabbli”. Huma jagħmlu riferiment ukoll għat-tabelli ta’ evalwazzjoni tal-ECCO ta’ Marzu 2004 kif ukoll għall-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet li minnha allegatament jirriżulta li l-Istat Membru relatur kien identifika użu mingħajr periklu għall-operaturi. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-dehra mill-ġdid tal-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur wara l-laqgħa bejn tliet partijiet fl-2004 u l-fatt li din ġiet ikkunsidrata bħala raġuni determinanti għan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jiksru l-aspettattivi leġittimi u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza miżura fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċedura li tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-kummenti tal-Istati Membri li setgħu pprovokaw din il-bidla. |
157 |
Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-problema ġiet solvuta permezz tal-PTA mnaqqsa proposti wara l-iskadenza tat-termini proċedurali u bl-istudji ġodda dwar l-użu tal-endosulfan fis-serer, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx. |
158 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tallega li l-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni”, li huwa dipendenti fuq il-Kumitat, eżamina l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur fil-11 ta’ Marzu 2004, jiġifieri ferm qabel il-laqgħa bejn tliet partijiet, u li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett. Ir-reazzjoni inizjalment pożittiva tal-Istat Membru relatur kienet tistrieħ fuq estrapolazzjoni magħmula abbażi ta’ data miġbura fuq il-post, fil-ġonna. Issa, wara diskussjoni iktar wiesgħa, tqajmu dubji dwar l-affidabbiltà ta’ din l-estrapolazzjoni. Huwa għalhekk li l-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” ikkonkluda finalment li l-problema tal-espożizzjoni tal-operatur ma kinitx solvuta. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
159 |
B’mod preliminari, hemm lok li jiġi ċċarat li l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni jirrigwardaw il-konklużjoni li tidher fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li “l-istudju tal-espożizzjoni interna tal-operaturi abbażi tal-informazzjoni eżistenti ma ġiex meqjus suffiċjenti”. |
160 |
Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-insuffiċjenza tad-data inizjalment sottomessa minnhom dwar din il-kwistjoni ġiet imqajma fil-bidu tas-sena 2000 fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li kien jindika b’mod partikolari li, peress li l-istudji ta’ tossiċità inizjalment sottomessi ma ppermettewx li jiġi ddeterminat il-livell bla ebda effett ħażin osservat (NOAEL) korrett għall-kalkolu tal-livell aċċettabbli ta’ espożizzjoni tal-operatur (AOEL), l-istudji fil-qosor ta’ tossiċità fil-ġilda u dik marbuta mat-teħid tan-nifs ma ġewx ikkunsidrati aċċettabbli. Għalhekk ir-rikorrenti kellhom l-opportunità jissottomettu studji addizzjonali sabiex juru n-nuqqas ta’ periklu tal-endosulfan fuq dan il-punt wara d-dubji espressi f’dan ir-rigward fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. |
161 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li mill-ittra tal-24 ta’ Settembru 2004 li r-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni jirriżulta li wara l-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” tal-11 ta’ Marzu 2004 huma kienu konxji mill-fatt li kienet meħtieġa data addizzjonali dwar il-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur. Fir-rigward tal-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004, mill-minuta jirriżulta li, minkejja li tqajmet l-identifikazzjoni ta’ użu mingħajr periklu mill-Istat Membru relatur, kellha titressaq data addizzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema tas-serer u n-nies fil-viċinanza. Għalhekk ir-rikorrenti ssottomettew kalkoli ġodda iżda l-informazzjoni hekk sottomessa finalment tqieset bħala insuffiċjenti mill-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni”. |
162 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestawx li dan tal-aħħar, f’ċertu stadju tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, identifika użu mingħajr periklu f’dak li jirrigwarda l-espożizzjoni tal-operatur. Issa, skonthom, dan kien jinvolvi l-estrapolazzjoni minn studju dwar l-espożizzjoni esterna li fuq il-bażi tiegħu l-Istat Membru relatur aċċetta l-fatt li l-użu ta’ lbies protettiv kien joffri protezzjoni suffiċjenti lill-operatur, u dan ukoll fil-każ ta’ espożizzjoni interna, iżda l-esperti tal-Istati Membri l-oħra ma kellhomx l-istess opinjoni. |
163 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhomx jiġu awtorizzati jippreżentaw studji ġodda wara l-laqgħa bejn tliet partijiet u mhux biss argumenti, li kienu espliċitament awtorizzati li jagħmlu, fid-dawl tal-fatt li l-Istat Membru relatur seta’ tahom x’jifhmu, f’ċertu stadju tal-proċedura, li kien ġie identifikat użu mingħajr periklu. Il-kwistjoni hija marbuta ma’ dik tar-rifjut tal-eżami tal-PTA riveduti (ara iktar ’il quddiem) li, skont ir-rikorrenti, kienet tippermetti li tiġi solvuta l-problema tal-protezzjoni tal-operatur, li madankollu ma ttiħditx inkunsiderazzjoni peress li kienet tardiva. |
164 |
Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-qafas leġiżlattiv jirriżulta b’mod ċar li l-pożizzjoni tal-Istat Membru relatur fil-proċess ta’ evalwazzjoni mhijiex deċiżiva. Huwa jiġbor data u jipproponi deċiżjoni iżda hija l-Kummissjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, tiddeċiedi abbażi tal-opinjoni tal-Kumitat. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Istat Membru relatur ħa pożizzjoni f’ċertu stadju tal-proċedura ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ użu mingħajr periklu għall-espożizzjoni tal-operatur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex joħloq fir-rigward tar-rikorrenti ċ-ċertezza li din il-problema kienet ġiet solvuta fl-intier tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, anki fl-istadju tal-laqgħa bejn tliet partijiet, il-pożizzjoni finali kienet ġiet riżervata għal meta tasal data addizzjonali. |
165 |
Lanqas ma jista’ jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u, senjatament, id-dritt għal smigħ tagħhom, ġew miksura fir-rigward tal-kwistjoni tal-operatur inġenerali u tal-protezzjoni tiegħu b’mod partikolari fil-każ ta’ espożizzjoni interna, peress li mill-fatti premessi jirriżulta li huma kellhom diversi okkażjonijiet sabiex jissottomettu studji u li setgħu jippreżentaw argumenti anki wara l-laqgħa bejn tliet partijiet b’tali mod li setgħu jesponu l-opinjoni tagħhom b’mod utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dokter et, iċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, skont ir-rikorrenti, l-istudji tagħhom urew in-nuqqas ta’ riskju għall-operatur fil-każ ta’ espożizzjoni interna iżda l-Kumitat u l-Kummissjoni kellhom opinjoni oħra. Issa, nuqqas ta’ ftehim f’dan ir-rigward ma jistax jiġi assimilat ma’ ksur tad-dritt għal smigħ tagħhom. Fil-fatt ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni għamlet, fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-istudji inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ħaġa din li r-rikorrenti ma għamlux, peress li huma bbażaw ir-rikors tagħhom fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħtihom termini ġodda u, senjatament, li taċċetta reviżjoni tal-kwistjoni fuq il-bażi tal-PTA mnaqqsa. Fi kwalunkwe każ, hemm lok ukoll li jiġi ċċarat li, kif jirrilevaw il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ċar li d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tistrieħ prinċipalment fuq l-inċertezzi marbuta man-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u mal-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf. Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa inkonċepibbli li l-possibbiltà tar-rikorrenti li jiċċaraw ulterjorment il-kwistjoni tal-operatur fil-każ ta’ espożizzjoni esterna setgħet twassal għal riżultat finali differenti fid-deċiżjoni kkontestata b’tali mod li irregolarità li seta’ kien hemm f’dan ir-rigward ma tistax waħidha twassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Distillers Company vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq, punt 26). |
166 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li waħda mir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata hija dik tal-insuffiċjenza tal-istudju dwar l-espożizzjoni interna tal-operatur, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti setgħu ngħataw x’jifhmu li użu mingħajr periklu kien ġie identifikat minn qabel mill-Istat Membru relatur, mhuwiex bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u lanqas ma jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. |
167 |
Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda t-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti, magħmula mir-rikorrenti fir-replika, li tistieden lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex titlob lill-Kummissjoni tipproduċi l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri wara l-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004, li matulha setgħu tqajmu dubji fir-rigward tal-kwistjoni tal-protezzjoni tal-operatur fil-każ ta’ espożizzjoni interna, il-Kummissjoni kkonfermat fil-kontroreplika tagħha u fis-seduta li hija ma kellhiex tali dokumenti bil-miktub. Fi kwalunkwe każ, mill-premess jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha biżżejjed informazzjoni fl-atti tal-kawża b’tali mod li mhuwiex meħtieġ li din it-talba tintlaqa’. |
168 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-kwistjoni tal-espożizzjoni interna tal-operatur għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq ir-raba’ kwistjoni dwar il-PTA riveduti
— L-argumenti tal-partijiet
169 |
Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tqisx l-argumenti tagħhom dwar il-PTA riveduti, li jirrigwardaw il-proposta ta’ eżami tal-endosulfan taħt forma iktar dilwita minn dik li kienet suġġetta għall-evalwazzjoni u għal applikazzjoni waħda kull staġun, minkejja li l-Kummissjoni, fil-laqgħa bejn tliet partijiet, kienet aċċettat li jiġu sottomessi PTA ġodda. |
170 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tallega li l-PTA riveduti ġew proposti tardivament u għalhekk hija ma kinitx obbligata tikkunsidrahom, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kunsiderazzjoni tagħhom kienet timplika l-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ parti sħiħa mill-evalwazzjoni. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
171 |
B’mod preliminari, hemm lok li jiġi speċifikat li, b’mod ġenerali, il-PTA jikkostitwixxu r-regoli li għandhom jiġu osservati fit-tħawwil u l-kultivazzjoni ta’ wċuħ agrikoli b’mod li jsir l-aħjar użu mill-produzzjoni agrikola, filwaqt li jitnaqqsu r-riskji fil-konfront tal-bniedem u tal-ambjent. Fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tali regoli huma msejħa wkoll “prattiki tajba għas-saħħa tal-pjanti”. Mill-qafas leġiżlattiv u mill-proċess jirriżulta li, għall-finijiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni fis-sens tad-Direttiva 91/414, sustanza attiva hija eżaminata skont ċerti regoli ta’ applikazzjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tad-doża u l-frekwenza ta’ applikazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkollhom din is-sustanza. |
172 |
F’dan il-każ, il-kwistjoni tal-PBA mnaqqsa tirrigwarda l-proposta tar-rikorrenti li l-endosulfan tiġi eżaminata f’forma iktar dilwita minn dik li kienet suġġetta għall-evalwazzjoni u għal applikazzjoni waħda kull staġun, ippreżentata wara l-laqgħa ta’ bejn tliet partijiet, b’mod partikolari fl-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004. Il-Kummissjoni tenfasizza li, f’dak l-istadju tal-proċedura, hija aċċettat ukoll argumenti ġodda, iżda li l-introduzzjoni ta’ PTA ġodda kienet tfisser il-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ parti sħiħa mill-evalwazzjoni. |
173 |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti dwar dan l-aspett tal-proċedura ta’ evalwazzjoni huwa żviluppat b’mod limitat, peress li r-rikorrenti illimitaw ruħhom, fir-rikors, għall-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx dawn il-PTA mnaqqsa minkejja li kienet aċċettat li tagħmel dan fil-laqgħa ta’ bejn tliet partijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet ma jirriżultax li l-Kummissjoni aċċettat is-sottomissjoni ta’ PTA ġodda. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-kunsiderazzjoni ta’ PTA mnaqqsa kienet timplika l-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ parti sħiħa mill-evalwazzjoni mhijiex kontradetta mill-kummenti tar-rikorrenti infushom fl-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004 li permezz tagħha huma ssottomettew lill-evalwaturi l-PTA ġodda, peress li f’din l-ittra huma indikaw li l-PTA riveduti kellhom jiffaċilitaw l-analiżi tar-riskji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ekotossikoloġija u l-evalwazzjoni ta’ xi jsir mill-endosulfan, ħaġa din li timplika b’mod ċar kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ aspetti importanti tal-proċess ta’ evalwazzjoni u li ma tinvolvix biss argumenti ġodda meta mqabbla mal-evalwazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-PTA riveduti ma setgħux jiġu ppreżentati iktar kmieni fil-proċedura, peress li mill-atti tal-proċess jirriżulta li reviżjoni tal-PTA kienet diġà saret fi stadji bikrija tal-proċedura, b’mod partikolari fl-2001 sabiex tingħata risposta għar-rekwiżit li jiġi ppreżentat użu mingħajr periklu kif introdott bir-Regolament Nru 2266/2000. |
174 |
Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxew ebda sitwazzjoni ta’ forza maġġuri b’tali mod li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-PTA riveduti mill-evalwaturi f’Lulju 2004 huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
175 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-PTA riveduti ġew ippreżentati sabiex inaqqsu r-riskju ta’ espożizzjoni tal-operatur, apparti l-fatt li l-argument tar-rikorrenti huwa kontradittorju inkwantu huma jallegaw li fil-laqgħa ta’ bejn tliet partijiet fehmu li l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur kienet ġiet kompletament solvuta, għandu jiġi mfakkar, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, li ladarba l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur hija ta’ natura sekondarja meta mqabbla mad-dubji mqajma mill-evalwaturi fir-rigward tal-eżistenza ta’ metabolit mhux magħruf, irregolarità eventwali fuq dan il-punt ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li, anki jekk il-problema tal-espożizzjoni tal-operatur kienet ġiet solvuta, dik tal-metabolit mhux magħruf kienet twassal għall-istess deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. |
176 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-PTA riveduti għandhom jiġi miċħuda. |
Fuq il-ħames kwistjoni dwar l-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT
— L-argumenti tal-partijiet
177 |
Ir-rikorrenti essenzjalment jenfasizzaw li hemm żewġ kriterji xjentifiċi li jifformaw il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-evalwazzjoni li tifridha li mhumiex speċifikati fid-Direttiva 91/414. Hawnhekk hija involuta b’mod partikolari l-klassifika ta’ sustanza bħala POP jew PBT li hija rilevanti fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, p. 1), iżda mhux fil-kuntest tad-Direttiva 91/414. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-endosulfan tqajjem preokkupazzjonijiet minħabba l-persistenza tagħha u l-karatteristiċi volatili tagħha skoperti fir-riżultati ta’ sorveljanza transkonfinali, konklużjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju POP. Barra minn hekk it-terminu “POP” jidher espressament fil-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet, li ddedikat kapitolu sħiħ għal din il-kwistjoni, u l-konklużjonijiet tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” tal-11 ta’ Marzu 2004 jindikaw b’mod ċar li l-preokkupazzjonijiet li kien għad hemm fir-rigward ta’ din il-molekula rriżultaw b’mod partikolari minħabba l-fatt li “s-sustanza setgħet ukoll tkun POP”. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 kif ukoll l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li l-evalwazzjoni kienet ser tkun ibbażata biss fuq kriterji xjentifiċi li jaqgħu fil-parametri tal-imsemmija direttiva. |
178 |
Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-problema kienet tiġi solvuta kieku l-Kummissjoni kkunsidrat id-data dwar l-użu fis-serer. |
179 |
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, il-kriterji POP u PBT u d-Direttiva 2000/60 huma bbażati fuq il-kunċett tal-periklu u mhux fuq il-kunċett tar-riskju. |
180 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argument li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kriterji li mhumiex dawk tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
181 |
Il-kwistjoni tal-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT tirrigwarda l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li l-endosulfan hija volatili, il-metabolit prinċipali tagħha huwa persistenti u nstab f’riżultati ta’ sorveljanza f’reġjuni fejn is-sustanza ma kinitx tintuża. |
182 |
B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li din il-konklużjoni tistrieħ fuq analiżi li ma taqax fil-parametri tad-Direttiva 91/414 iżda taqa’ taħt id-Direttiva 2000/60. Din id-direttiva tal-aħħar hija intiża sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ilma permezz tal-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni progressiva ta’ serje ta’ sustanzi meqjusa perikolużi u ta’ ċerti pollutanti fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea. Id-definizzjonijiet tas-sustanzi perikolużi u tal-pollutanti fid-Direttiva 2000/60 jinkludu riferiment għall-kunċetti ta’ POP u PBT. Skont ir-rikorrenti, id-Direttiva 2000/60 tistrieħ fuq evalwazzjoni tal-periklu għall-ambjent tal-ilma filwaqt li d-Direttiva 91/414 teħtieġ l-applikazzjoni tal-kriterju iktar restrittiv tar-riskju għall-ambjent. |
183 |
Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-kriterji POP u PBT kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni u l-klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT ittieħdet inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Il-minuta, redatta mill-Kummissjoni, tal-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004 tiddedika b’mod partikolari kapitolu li fih hemm indikata s-sottomissjoni tal-konklużjonijiet tal-Istat Membru relatur fir-rigward tal-klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT u fir-rigward tal-klassifika tal-endosulfan bħala sustanza perikoluża fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60. Hemm indikat ukoll li, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, il-mineralizzazzjoni kompleta tas-sustanza għandha tiġi pprovata. L-istess minuta tindika wkoll l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-użu tal-kriterji POP u PBT fil-kuntest tad-Direttiva 91/414 u l-argument tagħhom li l-mineralizzazzjoni kompleta ta’ sustanza mhijiex għan tad-Direttiva 91/414. Għalhekk l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija adottat id-deċiżjoni kkontestata indipendentement minn kull diskussjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-endosulfan hijiex POP jew PBT jew minn kull klassifika tal-endosulfan skont id-Direttiva 2000/60 għandha tiġi miċħuda. |
184 |
Madankollu, mill-fatt li l-klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT jew il-klassifika tagħha skont id-Direttiva 2000/60 kienet is-suġġett ta’ eżami matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni inkwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) ma tidhirx, prima facie, inkompatibbli mal-kriterji tal-istess Artikolu 5(1) li huma fformulati b’mod wiesgħa u jistrieħu fuq analiżi tar-riskji tal-effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew ta’ influwenza inaċċettabbli fuq l-ambent (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). |
185 |
Għandu jiġi mfakkar ukoll li, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-endosulfan tistax tiġi kklassifikata bħala POP jew bħala PBT fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60, kien il-kompitu tar-rikorrenti li jistabbilixxu matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 kienu ssodisfati. Issa, ir-rikorrenti ma jispjegawx għaliex il-klassifika ta’ sustanza bħala POP jew PBT teskludi li din ikollha l-effetti ta’ ħsara previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT jew il-klassifika tagħha skont id-Direttiva 2000/60 kienet is-suġġett ta’ eżami matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jistax, fin-nuqqas ta’ argumenti konvinċenti li l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata huma kuntrarji għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, ikun raġuni suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant l-ilment huwa infondat. |
186 |
Barra minn hekk, mill-premess jirriżulta li l-argumenti bbażati fuq il-fatt li d-Direttiva 2000/60 tistrieħ fuq analiżi tal-periklu u d-Direttiva 91/414 fuq analiżi tar-riskju kif ukoll l-argument ibbażat fuq preġudizzju għall-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fl-applikazzjoni esklużiva tal-kriterji li jaqgħu taħt id-Direttiva 91/414 huma irrilevanti. |
187 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti dwar il-kwistjoni tal-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom. |
188 |
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk is-soluzzjoni tal-użu fis-serer propost mir-rikorrenti fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni kinitx, fi kwalunkwe każ, tneħħi d-dubji marbuta ma’ klassifika possibbli tal-endosulfan bħala POP jew PBT, għandu jsir riferiment għall-analiżi tal-kwistjoni tal-użu fis-serer żviluppata iktar ’il quddiem. |
Fuq is-sitt kwistjoni dwar l-użu fis-serer
— L-argumenti tal-partijiet
189 |
Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni s-soluzzjoni finali proposta minnhom li l-endosulfan tiġi limitata għall-użu fis-serer b’PTA mnaqqsa, liema nuqqas jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 u tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Issa, l-użu fis-serer kien isolvi l-problema tal-metabolit mhux magħruf, peress li l-endosulfan ma tkunx tista’ tidħol fil-ħamrija jew fl-ilma barra mis-serra. |
190 |
Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu limitat fis-serer jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali. |
191 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tallega li hija kienet korretta meta rrifjutat li teżamina s-soluzzjoni tal-użu fis-serer, peress li din ġiet ippreżentata tardivament. Fi kwalunkwe każ, din ma tnaqqasx id-dubji mqajma mill-metabolit mhux magħruf, peress li serra mhijiex ambjent kompletament magħluq. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
192 |
Il-kwistjoni tal-użu fis-serer tirrigwarda proposta li r-rikorrenti ppreżentaw wara l-laqgħa bejn tliet partijiet f’ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004 indirizzata lill-Kummissjoni li permezz tagħha huma indikaw li kienu lesti li jaċċettaw bħala “l-agħar xenarju għalihom” l-użu tal-endosulfan għat-tadam fis-serer. |
193 |
Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-raġunijiet għal din il-preżentata tardiva, ir-rikorrenti wieġbu li ma setgħux jippreżentawha qabel peress li l-preokkupazzjoni marbuta mal-espożizzjoni tal-operatur ġiet espressa biss matul il-laqgħa bejn tliet partijiet u qabel din il-laqgħa huma kienu ngħataw x’jifhmu li din il-kwistjoni kienet ġiet solvuta. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mill-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004 u mill-argument tar-rikorrenti fir-replika jirriżulta li s-soluzzjoni tal-użu tal-endosulfan fis-serer għat-tkabbir tat-tadam ġiet proposta sabiex twieġeb għall-preokkupazzjonijiet li l-evalwaturi kien għad għandhom, b’mod partikolari dik dwar il-metabolit mhux magħruf li, skont kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħu jidentifikaw l-iktar tard fis-sena 2000. |
194 |
Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża r-rifjut tagħha li teżamina din is-soluzzjoni, proposta bħala soluzzjoni fil-każ li kull soluzzjoni oħra tkun falliet, fuq l-allegata natura inkompleta tal-analiżi għat-tadam fis-serer peress li dan l-użu kien jagħmel parti min-notifika inizjali. Huma jallegaw ukoll li, bejn l-2001 u l-2004, huma saħansitra ngħataw x’jifhmu li l-applikazzjoni tal-endosulfan fuq it-tadam fis-serer kienet tiġġustifika l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll peress li, kif ir-Renju ta’ Spanja spjega fis-seduta mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, l-endosulfan kienet ġiet innotifikita għal għaxar użi f’raba’ miftuħ u użu wieħed fis-serer. Għalhekk, l-eżami tal-endosulfan ġie ovvjament iffokat fuq l-effetti ambjentali tal-użu li huwa potenzjalment l-iktar problematiku, jiġifieri l-użu estern tal-endosulfan. Għalhekk, mill-fatt li l-konklużjonijiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni kienu essenzjalment jikkonċernaw ir-riskju ta’ effetti ta’ ħsara tal-endosulfan fil-każ ta’ użu estern ma jistax jiġi konkluż li l-użu tiegħu fis-serer għandu jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mal-Artikolu 5(1) ta-Direttiva 91/414. Barra minn hekk ir-rikorrenti baqgħu jitolbu l-awtorizzazzjoni għall-applikazzjonijiet kollha nnotifikati tal-aħħar tal-proċedura ta’ evalwazzjoni. |
195 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti validi dwar il-kwistjoni għaliex ma setgħux jissottomettu din is-soluzzjoni iktar kmieni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bis-sottomissjoni ta’ din is-soluzzjoni daqshekk tard u bir-rieda kontinwa tagħhom li jiksbu l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għall-użu l-iktar wiesa’ possibbli, ir-rikorrenti xjentement irriskjaw li ma jkunux jistgħu jipprovaw, fit-termini proċedurali, li l-endosulfan kienet tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. Finalment, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, dawn huma ttrattati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv. |
196 |
Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li hemm nuqqas ta’ qbil manifest bejn il-partijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk serra tikkostitwixxix ambjent magħluq. Ir-rikorrenti jallegaw li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet irrilevanti fir-rigward tat-tossiċità għall-għasafar, peress li fis-serer ma jkunx hemm għasafar. Madankollu, mill-proċess tal-kawża u mill-kummenti tar-Renju ta’ Spanja fis-seduta jirriżulta li hemm ukoll preokkupazzjonijiet oħra dwar, per eżempju, penetrazzjoni possibbli tal-ilma fil-ħamrija. Għalhekk il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja b’mod ċar ma jaċċettawx l-argument tar-rikorrenti li s-soluzzjoni tal-użu fis-serer tippermetti li l-problema tal-metabolit mhux magħruf tiġi evitata. Apparti l-fatt li, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, għandu jiġi rikonoxxut li fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi l-Kummissjoni għandu jkollha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, din id-diskussjoni turi wkoll li, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tas-soluzzjoni tal-użu fis-serer ippreżentata tard jikkostitwixxi nuqqas proċedurali li wassal għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, bl-ebda mod ma jista’ jiġi stabbilit li l-kunsiderazzjoni tagħha setgħet wasslet għal deċiżjoni differenti. Għaldaqstant, din l-irregolarità ma tistax twassal għall-illegalità u, għalhekk, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. |
197 |
Minn dan isegwi li l-ilmenti dwar il-kwistjoni tal-użu fis-serer għandhom jiġu miċħuda. |
Fuq is-seba’ kwistjoni dwar l-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
198 |
Skont ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, l-Istat Membru relatur ippreżenta l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu biss fi Frar 2000 bi ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92, li jipprevedi terminu ta’ tnax-il xahar li jiddekorri minn meta jasal l-inkartament komplet. Fil-każ ineżami, il-verżjoni aġġornata tal-inkartament tar-rikorrenti ġiet ippreżentata fl-aħħar tal-1996. Għalhekk mhuwiex possibbli li r-rikorrenti jiġi kkonfrontati bit-termini għas-sottomissjoni ta’ data fit-tmiem tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, peress li l-Istat Membru relatur kien tal-inqas parzjalment responsabbli għad-dewmien li kien hemm. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiċħdu l-argument tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja li huma parzjalment responsabbli għad-dewmien li kien hemm matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni. |
199 |
Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti stess ikkontribwixxew parzjalment għad-dewmien li llum qed jikkritikaw. Hija tammetti li l-proċeduri magħmula skont id-Direttiva 91/414, b’mod partikolari għall-ewwel fażi tal-programm ta’ eżami, ħadu iktar żmien minn dak previst, iżda dan huwa l-każ għas-sustanzi kollha u għan-notifikaturi kollha. Madankollu, skont il-Kummissjoni, ikun inġust min-naħa tar-rikorrenti li jakkużaw lill-Istat Membru relatur u/jew lill-Kummissjoni bid-dewmien kollu. Barra minn hekk, id-dewmien kollu fil-proċeduri ma kienx neċessarjament ta’ żvantaġġ għar-rikorrenti, peress li l-endosulfan setgħet tibqa’ fis-suq għal iktar żmien. Barra minn hekk, ma hemmx raġuni għalxiex wieħed jissoponi li r-riżultat kien ser ikun differenti li kieku l-proċedura kienet inqas twila. |
200 |
Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argumenti tal-Kummissjoni u jenfasizza wkoll li l-parti l-kbira mid-dewmien fil-proċedura ġie kkawżat mir-rikorrenti infushom, ħaġa din li turi b’mod ċar intenzjoni inkontestabbli li ma jħallux il-proċedura tingħalaq. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
201 |
B’mod preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li din il-kwistjoni essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni tal-impatt potenzjali tad-dewmien inizjali li kien hemm fil-proċedura ta’ evalwazzjoni matul il-perijodu ta’ preparazzjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni fuq il-possibbiltà għar-rikorrenti li josservaw it-termini proċedurali li kienu jagħlqu f’Mejju 2002 u f’Mejju 2003. |
202 |
Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mill-Istat Membru relatur saret b’dewmien kunsiderevoli fid-dawl tat-termini previsti fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat, li jipprovdi li dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien tnax-il xahar minn meta jaslu l-inkartamenti. Issa, fil-każ ineżami, l-inkartament komplet ġie sottomess f’April 1995, u verżjoni aġġornata ġiet sottomessa sena wara, iżda r-rapport ta’ evalwazzjoni ġie ppreżentat lill-Kummissjoni biss fit-22 ta’ Frar 2000. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fl-atti tagħhom, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Renju ta’ Spanja ma jagħtu spjegazzjoni għal dan id-dewmien kunsiderevoli fid-dawl tat-termini leġiżlattivi iżda sempliċement jinvokaw ċertu dewmien matul il-proċedura ta’ eżami li allegatament jaħtu għalih ir-rikorrenti, ħaġa din li dawn tal-aħħar jikkontestaw. Bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Renju ta’ Spanja ġibed l-attenzjoni għad-diffikultajiet ta’ organizzazzjoni li ltaqa’ magħhom fil-bidu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-fatt li din kienet proċedura ġdida u fid-dawl tan-numru ta’ sustanzi li għalihom huwa ġie nnominat bħala Stat Membru relatur. Ir-Renju ta’ Spanja jispeċifika li ma kien hemm ebda korp akkreditat qabel l-10 ta’ Mejju 1996 sabiex isiru l-evalwazzjonijiet u li, mill-1996 tal-1998, il-korp akkredidat għamel l-evalwazzjoni tas-sustanza attiva tal-endosulfan filwaqt li minn żmien għal żmien żamm lir-rikorrenti informati bil-konklużjonijiet tiegħu. Ir-Renju ta’ Spanja jindika wkoll li, sa minn Lulju 1998, ir-rikorrenti pproduċew dokumenti addizzjonali filwaqt li mmodifikaw ukoll il-PTA, biex b’hekk komplew dewmu s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. |
203 |
Jidher ċar li l-argument tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja jispjega biss parzjalment id-dewmien kunsiderevoli fis-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni sħiħa jew ta’ parti minnha biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni seta’ kellha kontentut differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. 1375, punt 28; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 283, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II-897, punt 416; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47). |
204 |
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa kontradittorju. Fl-ewwel lok huma ma jistgħux, b’mod kredibbli, jinvokaw id-dewmien tas-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni bħala kawża għall-impossibbiltà tagħhom li jissottomettu data f’ċertu terminu meta kull argument tagħhom jistrieħ fuq il-fatt li d-data li ma ġietx ikkunsidrata twieġeb għall-preokkupazzjonijiet li ġew espressi tard fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa biss fil-każ fejn il-ħtieġa li jiġi sottomess studju addizzjonali tirriżulta mill-abbozz ta’ rapport li n-natura tardiva tas-sottomissjoni tiegħu tista’ tipprekludi lir-rikorrenti milli josservaw l-imsemmija termini, u għalhekk, ikollha impatt reali fuq id-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jilmentaw minħabba nuqqas ta’ interazzjoni mal-Istat Membru relatur qabel is-sena 2000. Issa, jidher ċar li interazzjonijiet iktar intensivi minn dawk li jirriżultaw mill-provi tal-komunikazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-Istat Membru relatur, sottomessi flimkien mal-atti tal-kawża u rrilevati fit-tweġiba ta’ dan tal-aħħar għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, setgħu biss idewmu s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-provi b’dokumenti pjuttost jindikaw li r-rikorrenti kienu involuti mill-qrib fir-redazzjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, b’mod li dan kellu jippermettilhom li jtejbu l-evalwazzjoni. Fit-tielet lok, mill-atti tal-kawża jirriżulta li xi drabi r-rikorrenti nfushom ikkontribwixxew għad-dewmien billi ssottomettew data jew parametri ġodda jew, matul it-tieni fażi ta’ eżami, billi ma osservawx dejjem id-dati mogħtija għas-sottomissjoni ta’ studji b’tali mod li jkun riskjuż li jiġi stabbilit sa fejn sottomissjoni tal-abboz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni f’data iktar kmieni kienet se tippermetti li jiġu identifikati iktar kmieni ċerti dubji tal-evalwaturi. |
205 |
Għaldaqstant, l-ilment dwar il-kwistjoni tal-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
206 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżami individwali tas-seba’ kwistjonijiet ma wasslitx għall-identifikazzjoni tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jew ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża jew ta’ kwalunkwe aspettattiva leġittima tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista’ jingħad li l-effett globali tal-aspetti differenti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-imsemmija kwistjonijiet jista’ jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma jirriżultax li r-rikorrenti sabu lilhom infushom f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li żammithom milli josservaw it-termini proċedurali. Għalhekk hemm lok li, minn naħa, l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu u, min-naħa l-oħra, tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv. |
Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 95(3) KE
L-argumenti tal-partijiet
207 |
Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni, bin-nuqqas tagħha li teżamina d-data kollha sottomessa, inkluża dik sottomessa qabel l-iskadenzi ta’ Mejju 2002 u ta’ Mejju 2003, u billi bbażat l-evalwazzjoni tal-endosulfan tagħha fuq serje limitata u inkompleta ta’ data, kisret l-Artikolu 95(3) KE. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, filwaqt li d-Direttiva 91/414 hija formalment ibbażata fuq l-Artikolu 43 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 37 KE) li jistabbilixxi politika agrikola komuni, mill-premessi tagħha jirriżulta li hija għandha għanijiet marbuta mas-suq intern, u għalhekk l-Artikolu 95 KE huwa applikabbli. B’dan il-mod, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414 jiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti billi jipprekludi lill-Istati Membri milli jostakolaw, għal raġunijiet marbuta mal-kwistjonijiet armonizzati minn din id-direttiva, l-importazzjoni, il-bejgħ jew l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li josservaw id-dispożizzjonijiet armonizzati. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-kwistjoni tal-bażi legali tad-Direttiva 91/414 mhijiex rilevanti. |
208 |
Skont l-Artikolu 95(3) KE, bl-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tas-saħħa jew tal-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra d-data l-iktar reċenti, inkluż kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji. L-effett globali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li d-deċiżjonijiet kollha adottati skont id-Direttiva 91/414 għandhom jippermettu li jintlaħaq livell ta’ protezzjoni għoli evalwat b’riferiment għad-data l-iktar reċenti. |
209 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, issostni li l-Artikolu 95(3) KE mhuwiex applikabbli, peress li dan iservi biss bħala bażi legali għall-atti adottati mill-Kunsill fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kodeċiżjoni, prevista fl-Artikolu 251 KE, li jkollhom bħala għan l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern. Issa, skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 91/414, li hija l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni li fuqhom hija bbażata, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE, li ma japplikax il-kodeċiżjoni. |
210 |
Barra minn hekk, leġiżlazzjoni agrikola bħad-Direttiva 91/414 tista’ tinvolvi l-armonizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li jintuża l-Artikolu 100 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 94 KE), sa fejn l-Artikolu 38(2) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 32(2) KE) jiżgura li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-qasam agrikolu jipprevalu fuq dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-istabbiliment tas-suq komuni. Il-fatt li miżura agrikola tieħu inkunsiderazzjoni wkoll kwistjonijiet ambjentali jew tas-saħħa ma jimplikax li din tkun taqa’ taħt ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-ambjent. Għal raġunijiet simili, l-Artikolu 152 KE huwa wkoll mingħajr rilevanza. |
211 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam agrikolu u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjaraw b’mod espliċitu li din ir-regola tapplika għall-proċeduri previsti mid-Direttiva 91/414. |
212 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li hija ma tifhimx għaliex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar data xjentifika reċenti disponibbli għandha tkun differenti għar-regoli li jifformaw il-bażi tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
213 |
L-Artikolu 95(3) KE, li l-Kummissjoni tikkontesta l-applikabbiltà tiegħu fil-kawża ineżami, jipprovdi li l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha lill-Kunsill għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. |
214 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jikkonfermaw fl-atti tagħhom li huma ma jikkontestawx il-legalità tad-Direttiva 91/414 fil-konfront tal-Artikolu 95(3) KE iżda dik tal-atti adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-direttiva. Huma jirrikonoxxu li d-Direttiva 91/414 fiha nfisha ma tmurx kontra l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 95(3) KE, iżda jqisu li din issaħħaħ dawn il-kundizzjonijiet peress li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 jipproduċi mill-ġdid it-termini tal-Artikolu 95(3) KE meta jeżiġi li d-deċiżjonijiet jiġu adottati “fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti”. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-argument li r-rikorrenti jiżviluppaw fil-kuntest ta’ din il-parti qed jiġi konfuż ma’ dak żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv u fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv li fir-rigward tagħhom ġie deċiż li kienu infondati. Għalhekk l-ilmenti bbażati fuq allegat ksur tal-Artikolu 95(3) KE għandhom ukoll jiġu miċħuda mingħajr ma hemm ħtieġa li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni. |
215 |
Fir-rigward tal-Artikolu 152(1) KE, li r-rikorrenti jinvokaw sussidjarjament u li jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandha tiġi assigurata fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji, għandu jiġi kkonstatat li ebda argument awtonomu ma huwa żviluppat u li r-rikorrenti sempliċement jirreferu mill-ġdid għall-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar data reċenti. Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll. |
216 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju
217 |
Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jenfasizzaw, b’mod iktar partikolari, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-ewwel parti), tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali (it-tieni parti), tal-projbizzjoni ta’ azzjoni ultra vires (inkompetenza) (it-tielet parti), tal-obbligu li ssir evalwazzjoni diliġenti u imparzjali (ir-raba’ parti), tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ poter (il-ħames parti), tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ (is-sitt parti), tal-prinċipju tal-eċċellenza u l-indipendenza tal-pariri xjentifiċi (is-seba’ parti), tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (it-tmien parti), tal-prinċipju li d-dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali (id-disa’ parti) u tal-prinċipju tal-estoppel (l-għaxar parti). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis utli li fl-ewwel lok teżamina, b’mod separat, l-ewwel parti bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u t-tmien parti bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali qabel tgħaddi sabiex teżamina flimkien il-partijiet l-oħra tat-tielet motiv. |
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
— L-argumenti tal-partijiet
218 |
Skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat jekk il-mezzi li hija tuża jkunux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan maħsub u jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq. Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni li ma tiġix eżaminata d-data kollha sottomessa mir-rikorrenti tmur kontra l-għan previst mid-Direttiva 91/414, li huwa dak li ssir evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-ingredjenti attivi tagħhom fid-dawl tal-kriterji speċifikati fl-imsemmija direttiva u “fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku” l-iktar reċenti, u ma tikkostitwixxix l-inqas mezz restrittiv sabiex jintlaħaq dan l-għan, sa fejn id-deċiżjoni li l-endosulfan ma jkunx inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandha bħala konsegwenza l-irtirar tal-endosulfan mis-suq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b’konsegwenzi kummerċjali irreparabbli għar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, riżultat bħal dan huwa kompletament sproporzjonat, b’mod partikolari meta dan jirriżulta biss mir-rieda li jiġu osservati t-termini artifiċjalment iffissati, bħal fil-każ ineżami. |
219 |
Ir-rikorrenti jinvokaw id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni [C-365/03 P(R), Ġabra p. I-12389] u tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Awwissu 2003, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (T-158/03 R, Ġabra p. II-3041) li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka t-termini bħala l-unika raġuni sabiex tirrifjuta li teżamina data ġdida li huma ssottomew. Il-ftit dewmien li l-eżami ta’ din id-data kien jimplika huwa, konsegwentement, ferm inqas mit-terminu addizzjonali mogħti lil IQV għas-sottomissjoni ta’ data ġdida dwar il-metalaxyl u ċertament ta’ ftit importanza meta mqabbel mal-perijodu globali ta’ evalwazzjoni tal-endosulfan, li ttawlet minħabba l-evalwazzjoni tardiva tal-Istat Membru relatur, u li fi kwalunkwe każ kienet miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2005 u ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2006. |
220 |
Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li l-endosulfan kellu tal-inqas jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer u li din is-soluzzjoni kienet tkun proporzjonali għall-għanijiet ta’ din id-direttiva u kienet ukoll tiggarantixxi li l-endosulfan tiġi ttrattata bl-istess mod bħal sustanzi attivi oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni aċċettat l-inklużjoni tal-beta-cyfluthrin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 minħabba li “l-użi minbarra dawk ornamentali fis-serer jew relattivi għat-trattament ta’ żerriegħa ma [kinux] dokumentati biżżejjed u ma [rriżultawx] aċċettabbli fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Anness VI” u li, “[s]abiex l-awtorizzazzjoni għal dawn l-użi tiġi sostnuta, kien jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu pprovduti b’data u informazzjoni li jipprovaw l-aċċettabbiltà tagħhom fir-rigward tal-konsumaturi umani u fir-rigward tal-ambjent”. L-istess raġunament sar fir-rigward tas-sustanza attiva cyflutherin u seta’ sar fir-rigward tal-endosulfan. |
221 |
L-ECPA ssostni l-argumenti tar-rikorrenti u żżid li r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra d-data kollha disponibbli huwa partikolarment sproporzjonat f’dan il-każ, peress li l-endosulfan u l-prodotti li għandhom l-endosulfan fihom ma jippreżentawx periklu jew riskju imminenti jew identifikati. Fl-aħħar nett, l-ECPA tallega li tal-inqas hemm mezzi oħra inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minflok is-sempliċi rifjut li l-endosulfan tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. F’dan ir-rigward, l-għażliet disponibbli sabiex jitneħħew id-dubji li għad hemm huma t-tqassir tal-perijodu għall-inklużjoni fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, it-titjib ta’ fatturi ta’ sigurtà, rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tad-data kif ukoll l-impenn obbligatorju min-naħa tan-notifikatur li jagħmel testijiet komplimentari. |
222 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, topponi l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer biss, peress li, skontha, ir-rikors jirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-kwistjoni tat-termini biss. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
223 |
Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-iżvantaġġi li jinħolqu m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, C-174/05, Ġabra p. I-2443, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
224 |
Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura fid-dawl tal-għan tagħha li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, iċċitata fil-punt 223 iktar ’il fuq, punt 29). |
225 |
Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 81 iktar ’il fuq, mill-premessi tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li din tal-aħħar għandha bħala għan, minn naħa, li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li ttejjeb il-produzzjoni tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u kif ukoll tal-ambjent. |
226 |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkunsidrax data mressqa wara l-iskadenza tat-termini proċedurali, hemm lok li jiġi mfakkar li mill-eżami flimkien tal-kuntest leġiżlattiv u tas-sentenza IQV, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv, jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ta’ sustanza prevista fil-proċedura tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, għandha tiġi imposta moratorja fil-każ li n-notifikaturi ta’ sustanza attiva jkunu jinsabu fi stat ta’ forza maġġuri li minħabba fih ma jkunux jistgħu josservaw it-termini proċedurali għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni komplimentari sabiex jiġi pprovat użu mingħajr periklu tas-sustanza attiva inkwistjoni. |
227 |
Issa, mill-eżami tad-diversi kwistjonijiet li sar iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ġabux prova li huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li ma ħallithomx jissottomettu fit-termini proċedurali d-data li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkunsidrax id-data u l-istudji inkwistjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
228 |
Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma hija sproporzjonata d-deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 inkwantu din hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li ma hemmx riskji, bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, l-għanijiet ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u kif ukoll tal-ambjent tad-Direttiva 91/414 jipprekludu posponiment tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 skont id-diskrezzjoni tal-produtturi tas-sustanza attiva inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dawn il-produtturi għandhom, fi kwalunkwe każ, l-opportunità li jitolbu eżami mill-ġdid tas-sustanza attiva permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414. |
229 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tipprovdi għall-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-ilmenti mressqa fir-rikors fil-kuntest ta’ din il-parti jikkonċernaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtihomx proroga tat-termini regolamentari għas-sottomissjoni ta’ data. Għalhekk dawn l-ilmenti ma jikkonċernawx l-allegata natura sproporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din imponiet l-irtirar mis-suq tal-endosulfan meta kien imissha nstabet soluzzjoni inqas restrittiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tipprovdi għall-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer, invokat għall-ewwel darba fir-replika, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fuq il-bażi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 134 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-fatt li l-ECPA indikat dan l-ilment fl-att ta’ intervent tagħha ma jaffettwax il-konklużjoni li dan huwa, fir-realtà, motiv ġdid li r-rikorrenti setgħu ressqu fl-istadju tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T-114/02, Ġabra p. II-1279, punt 417). Fi kwalunkwe każ, mill-eżami tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv magħmul iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tikkunsidra s-soluzzjoni tal-użu fis-serer li r-rikorrenti kienu ssottomettew wara l-iskadenza tat-termini proċedurali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata minħabba li ma awtorizzatx l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer. |
230 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet motiv hija infondata. |
Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali
— L-argumenti tal-partijiet
231 |
Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-evalwazzjoni tal-endosulfan kienet suġġetta għal trattament inqas favorevoli minn dak mogħti lil molekuli oħra suġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ eżami, bħal pereżempju l-metalaxyl u l-klorpirifos, li bbenefikaw minn perijodi addizzjonali għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni ta’ data ġdida rilevanti. |
232 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament iddeċidiet, fir-rigward ta’ tmien sustanzi attivi, li tipproroga t-terminu għall-inklużjoni tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għall-31 ta’ Diċembru 2006. Minħabba l-proroga tat-terminu applikabbli għall-aħħar tal-2006, tmien sustanzi li jappartjenu għall-ewwel fażi ta’ eżami, inklużi l-fenarimol u l-vinklozolin, jibbenefikaw minn perijodi itwal tat-tqegħid fis-suq u n-notifikaturi jkollhom il-possibbiltà li jossottomettu data ġdida. B’dan il-mod, il-vinklozolin ibbenefikat minn proroga tat-terminu mill-1998 għall-2006 u l-fenarimol mill-1997 għall-2006 filwaqt li l-endosulfan ibbenefikat biss minn proroga mill-2001 tal-2005. Ir-rikorrenti jissottomettu tabella li tindika l-effett tad-dewmien tal-evalwazzjoni inizjali mill-Istat Membru relatur fuq in-numru ta’ laqgħat għall-evalwazzjoni tad-data u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn in-notifikaturi u l-awtoritajiet ta’ evalwazzjoni. B’dan il-mod il-fenarimol u l-vinklozolin ibbenefikaw minn laqgħat iktar frekwenti u minn diversi snin addizzjonali għall-iżvilupp ta’ data ġdida bi tweġiba għall-evalwazzjoni u fid-dawl tal-progress tekniku skont id-Direttiva 91/414. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni allegatament ittrattat, tal-inqas f’ċerti każi, sitwazzjonijiet simili b’mod differenti, b’tali mod li kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-Artikolu 40(3) KE. |
233 |
Barra minn hekk, it-trattament inugwali ma jkoprix biss il-perijodu itwal ta’ evalwazzjoni mogħti lis-sustanzi l-oħra li jappartjenu għall-istess lista bħall-endosulfan, iżda wkoll differenza f’dak li jikkonċerna l-kriterji użati għall-evalwazzjoni globali u fir-riżultat finali tal-evalwazzjoni tal-endosulfan. |
234 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
235 |
Qabel kollox, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 40 KE jikkonċerna l-portata tas-setgħat tal-Kunsill fil-qasam taċ-ċirkulazzjoni libera tal-ħaddiema u għalhekk ma għandu ebda rabta mal-ilmenti mressqa fil-kuntest ta’ din il-parti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għamlu ebda kjarifika fir-rigward tar-rilevanza tiegħu. Għalhekk hemm lok li dawn l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni jiġu ddikjarati inammissibbli fuq il-bażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq. |
236 |
Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jinkisirx ħlief meta sitwazzjonijiet simili jkunu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jkunu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T-52/02, Ġabra p. II-5005, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
237 |
F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li, kif tindika l-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tas-soluzzjoni applikata fir-rigward ta’ sustanzi attivi oħra huma limitati għal enumerazzjoni ta’ eżempji ta’ sustanzi oħra li għalihom is-soluzzjoni kienet differenti mingħajr spjegazzjoni ta’ għaliex l-endosulfan kellha tiġi ttrattata bl-istess mod. Għalhekk hemm lok li dawn l-ilmenti jiġu ddikjarati inammissibbli fuq il-bażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni essenzjali mqajma fil-kuntest ta’ din il-parti hija mill-ġdid dik dwar in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-data mressqa tard, peress li l-Kummissjoni setgħet tasal għal soluzzjoni oħra għajr dik li ma tinkludix fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 l-endosulfan fl-applikazzjonijiet kollha tagħha fil-każ biss li kieku aċċettat li teżamina l-argumenti li jikkonċernaw il-PTA mnaqqsa, il-formulazzjoni CS jew l-użu fis-serer. |
238 |
Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tagħhom ibbażati fuq it-tqabbil tal-mod kif żvolġew il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-endosulfan u ta’ sustanzi oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jressqu elementi ta’ tqabbil konkreti fir-rigward tal-fenarimol u l-vinklozolin biss. B’mod partikolari, huma jissottomettu fir-rikors tabella komparattiva allegatament maħruġa mill-Kummissjoni li minnha jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li dawn is-sustanzi attivi l-oħra bbenefikaw minn laqgħat iktar frekwenti u minn proċess ta’ evalwazzjoni itwal li pprovda opportunitajiet addizzjonali sabiex tiġi sottomessa data ġdida. Huma jallegaw li l-endosulfan kienet is-suġġett ta’ inqas laqgħat ta’ evalwazzjoni u ta’ inqas possibbiltajiet ta’ diskussjoni ulterjuri minħabba d-dewmien inizjali fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fenarimol u l-vinklozolin, il-Kummissjoni ma ffissatx data finali għas-sottomissjoni ta’ data ġdida. Iktar minn hekk, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ sustanzi, id-deċiżjoni relattiva għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ma kinitx għadha ngħatat fil-mument meta r-rikors ġie ppreżentat, jiġifieri f’April 2006. |
239 |
Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni indikat li n-numru ta’ diskussjonijiet kien ikbar fil-każ ta’ sustanzi li għalihom id-deċiżjonijiet dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji kienu diffiċli. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li t-termini għas-sottomissjoni ta’ data kienu differenti għall-imsemmija sustanzi, il-Kummissjoni tikkontesta li l-impriżi li nnotifikaw dawn is-sustanzi setgħu jissottomettu data ġdida sa Diċembru 2003 jew sa April 2004. Barra minn hekk, dawn l-impriżi kienu wkoll suġġetti għal termini legali u ma setgħux jibqgħu jippreżentaw data ġdida. Barra minn hekk, lanqas ma huwa korrett li wieħed jippreżumi li sottomissjoni iktar tard tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jkollha impatt negattiv fuq is-sustanza inkwistjoni, peress li, per eżempju, l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tas-sustanza MCPB ġie ippreżentat biss f’Diċembru 2001, iżda din tal-aħħar ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/57/KE, tal-21 ta’ Settembru 2005, li temenda d-Direttiva 91/414 għall-inklużjoni tal-MCPA u l-MCPB bħala sustanzi attivi (ĠU L 246, p. 14). |
240 |
Fir-rigward tal-fenarimol, il-Kummissjoni tispjega li din kienet sustanza kontroversjali li dwarha kien diffiċli li tittieħed deċiżjoni. Il-Kumitat ma kien ta ebda opinjoni fuq abbozz ta’ direttiva li tapprova s-sustanza u l-Kummissjoni pproponiet żewġ atti distinti f’Ġunju u f’Settembru 2006. Il-fenarimol ġiet finalment inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fl-2006 bil-kundizzjoni li jiġu osservati kundizzjonijiet stretti, b’mod partikolari evalwazzjoni wara tmintax-il xahar, filwaqt li l-endosulfan ingħatat perijodu ta’ rtirar progressiv ta’ kważi sentejn. |
241 |
Fir-rigward tal-vinklozolin, il-Kumitat naqas ukoll milli jagħti opinjoni u f’Ġunju 2006 il-Kummissjoni pproponiet direttiva sabiex din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Il-Kummissjoni tindika li l-Kunsill ċaħad din il-proposta u li hija ma pproponietx test ieħor. Hija tippreċiża li, għaldaqstant, mill-1 ta’ Jannar 2007, din is-sustanza ma kinitx iktar koperta mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u li din kellha tiġi rtirata mis-suq. |
242 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li minn dawn l-ispjegazzjonijiet, li barra minn hekk ir-rikorrenti ma ppruvawx jikkontestaw matul is-seduta, jirriżulta li ma ġiex stabbilit li l-fenarimol u l-vinklozolin ibbenefikaw minn trattament iktar favorevoli mill-endosulfan. Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl b’mod partikolari tal-ispeċifiċità ta’ kull proċedura ta’ eżami, li tirrendi diffiċli ħafna t-tqabbil, u kif ukoll fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha fir-rigward tal-mod li bih hija tmexxi investigazzjonijiet ta’ tali tekniċità u ta’ tali kumplessità, kif diġà ġie kkonstatat f’diversi okkażjonijiet iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li d-differenzi fl-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni mqabbla ma kinux oġġettivament ġustifikati. |
243 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tmien parti tat-tietet motiv hija infondata. |
Fuq il-partijiet l-oħra tat-tielet motiv
244 |
Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar partijiet, ir-rikorrenti jinvokaw, rispettivament, il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, tal-projbizzjoni ta’ azzjoni ultra vires, tal-obbligu li ssir evalwazzjoni diliġenti u imparzjali, tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ poter, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, tal-prinċipju li d-dispożizzjonjiet speċjali jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali u tal-prinċipju tal-estoppel. |
— L-argumenti tal-partijiet
245 |
Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tevalwa l-endosulfan skont kriterji li ma jirriżultawx fid-Direttiva 91/414, bħall-kriterji PBT u POP, jew regoli li ġew modifikati matul l-evalwazzjoni, bħal-linji gwida dwar il-metaboliti, tikser l-aspettattivi leġittimi tagħhom u l-prinċipju taċ-ċertezza legali fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sustanza attiva tagħhom fil-kuntest biss tal-imsemmija direttiva. Huma jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat b’mod kostanti l-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jeżiġu li l-effetti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jkunu ċari u prevedibbli għal dawk li jkunu suġġetti għalihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 10). Peress li l-Kummissjoni mmodifikat il-kriterji ta’ evalwazzjoni f’diversi okkażjonijiet, hija kellha, tal-inqas, tagħti lir-rikorrenti terminu u okkażjonijiet suffiċjenti sabiex jadattaw in-notifika tagħhom għall-kriterji l-ġodda. Barra minn hekk, huwa l-kompitu tal-leġiżlatur Komunitarju li jinkludi kull kriterju ġdid ta’ evalwazzjoni fid-Direttiva, fuq proposta tal-Kummissjoni u skont il-proċeduri leġiżlattivi xierqa, u mhuwiex kompitu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi regoli ġodda fuq inizjattiva tagħha stess. Il-fatt li jsir użu minn kriterji ta’ evalwazzjoni li mhumiex espressament previsti mid-Direttiva 91/414 jinvalida d-deċiżjonijiet ibbażati fuq dawn il-kriterji ġodda, bħal fil-każ tal-endosulfan. |
246 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ azzjoni ultra vires, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni m’għandhiex il-kompetenza sabiex tevalwa l-endosulfan skont il-kriterji PBT u POP jew skont ir-regoli dwar il-metaboliti li mhumiex espliċitament imsemmija fid-Direttiva 91/414. Huma jsostnu li hija ġurisprudenza kostanti li miżura ta’ implementazzjoni, li hija adottata skont id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ta’ bażi, għandha tiġi annullata meta din “tibdel il-portata ta’ l-obbligi imposti […] mid-direttiva ta’ bażi, mingħajr ma tkun ġiet osservata l-proċedura leġiżlattiva preskritta mit-Trattat” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-303/94, Ġabra p. I-2943). Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi POP u PBT ġestita mill-Kummissjoni kienet superfiċjali u magħmula mingħajr kompetenza teknika jew ġuridika. |
247 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni diliġenti u imparzjali, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa n-nuqqas ta’ periklu tal-endosulfan fuq il-bażi ta’ riżultati maħruġa minn data dwar sustanza oħra, is-sulfat tal-endosulfan u/jew dwar metaboliti oħra mhux magħrufa, u li joħorġu minn evalwazzjoni magħmula biss fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma skont il-kriterju PBT, ibbażata fuq il-periklu u li ma kinitx akkumpanjata minn konklużjoni skont id-Direttiva 2000/60. Il-Kummissjoni hija obbligata tevalwa l-endosulfan fid-dawl tal-proprjetajiet tagħha stess, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni kompleta tar-riskji, u mhux fid-dawl ta’ allegati proprjetajiet perikolużi ta’ sustanzi kimikament distinti, bħal metaboliti, bl-użu ta’ serje ta’ data li mhijiex kompleta. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, mill-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004 jirriżulta li l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni donnhom għażlu b’mod arbitrarju ċerti riżultati maħruġa minn data dwar l-endosulfan li jsaħħu konklużjoni partikolari, u deliberatament injoraw riżultati oħra u r-riaġġustamenti li huma għamlu sabiex iwieġbu għall-preokkupazzjonijiet li l-evalwaturi kien għad għandhom fir-rigward tal-użu mingħajr periklu marbut mal-formulazzjoni CS. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma għamlitx evalwazzjoni diliġenti u imparzjali tal-endosulfan. |
248 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegata preżenza ta’ abbuż ta’ poter, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni abbużat mill-poteri tagħha meta ma inkludietx l-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fuq il-bażi ta’ kriterji li mhumiex fl-imsemmija direttiva u fuq il-bażi ta’ serje ta’ data magħżula arbitrarjament, li ma tinkludix l-iktar data reċenti mressqa minnhom. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-endosulfan huma bbażati fuq -riżultati inkompleti u limitati, jew fuq riżultati miksuba bl-applikazzjoni ta’ metodoloġija bbażata fuq il-periklu skont prinċipji stipulati fid-Direttiva 2000/60, iżda mhux skont il-proċess ta’ evalwazzjoni previst mid-Direttiva 91/414, ħaġa li tagħti l-impressjoni ta’ deċiżjoni arbitrarja bl-għan uniku li jiġu kkorroborati l-konklużjonijiet PBT u/jew POP sabiex tiġi sostnuta deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u r-relatur eżiġew li jiġu sottomessi ċerti studji li ma kinux jifformaw parti mill-qafas tad-Direttiva 91/414 u li ma kinux marbuta ma’ kundizzjonijiet ta’ użu reali. Fi kwalunkwe każ, l-endosulfan u l-metaboliti tagħha għandhom jiġu evalwati separatament. Skont ir-rikorrenti, il-proprjetajiet PBT allegati jew preokkupazzjonijiet oħra marbuta mal-metaboliti tal-endosulfan ma jistgħux, għalhekk, jaffettwaw negattivament l-evalwazzjoni tal-endosulfan stess skont id-Direttiva 91/414, iżda jeżiġu evalwazzjoni distinta, li l-Istat Membru relatur għażel li ma jagħmilx. Bl-użu tar-riżultati tal-metaboliti tal-endosulfan (jew in-nuqqas ta’ riżultati) sabiex l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni abbużat mill-poteri mogħtija lilha mill-imsemmija direttiva. |
249 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jenfasizzaw li, bin-nuqqas tagħha li teżamina d-data ġdida u l-argumenti mressqa insostenn tagħha, bit-tibdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni f’diversi okkażjonijiet mingħajr ma tathom biżżejjed żmien sabiex jadattaw ruħhom għalihom u bl-applikazzjoni ta’ kriterji li ma jinsabux fid-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni ċaħdithom mill-possibbiltà li jippreżentaw id-difiża tagħhom b’mod effettiv. L-Istat Membru relatur ma evalwax l-endosulfan skont il-kriterji tad-Direttiva 91/414, ma kkomunikax man-notifikaturi, talab li jiġu sottomessi studji li ma kellhomx rilevanza jew li kienu jmorru lil hinn mill-qafas tad-Direttiva 91/414 u rrifjuta li jeżamina ċerta data mressqa li, madankollu, kienet determinanti sabiex ikun hemm evalwazzjoni tajba tal-endosulfan. Fil-preżenza ta’ żbalji u ksur manifesti bħal dawn, il-Kummissjoni kellha tintervjeni, skont l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex tiżgura li, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni ssir b’mod xjentifikament u ġuridikament tajjeb u, fit-tieni lok, ir-rikorrenti jkollhom biżżejjed żmien u okkażjonijiet sabiex jiddefendu b’mod effettiv il-pożizzjonijiet tagħhom u sabiex jadattaw ruħhom għar-regoli li ġew modifikati f’diversi okkażjonijiet. |
250 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jinvokaw il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ April 1997, dwar is-saħħa tal-konsumaturi u s-sigurtà tal-ikel, li fiha hemm indikat li data xjentifika ta’ kwalità għolja għar-redazzjoni u t-tibdil ta’ regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur inġenerali, u tas-saħħa tal-konsumatur b’mod partikolari, hija tal-ikbar importanza. Barra minn hekk, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE, tat-23 ta’ Lulju 1997, li tistabbilixxi kumitati xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumaturi u tas-sigurtà tal-ikel (ĠU L 237, p. 18), pariri xjentifiċi dwar kwistjonijiet li jolqtu s-saħħa tal-konsumatur għandhom, fl-interess tal-konsumatur u tal-industrija, ikunu bbażati fuq prinċipji ta’ eċċellenza u ta’ indipendenza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ġġudikat li “t-tlestija ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji kemm jista’ jkun eżawrjenti fuq il-bażi ta’ pariri xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza tikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti sabiex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u sabiex jiġu evitati miżuri arbitrarji” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, Ġabra p. II-3305, punt 172). Issa, fil-każ tal-endosulfan, l-Istat Membru relatur għamel rakkomandazzjoni kontra l-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fil-parti l-kbira fuq il-bażi ta’ preokkupazzjonijiet marbuta mal-metaboliti u mal-allegati proprjetajiet PBT u POP li mhumiex previsti fid-Direttiva 91/414 u li ma kinux użati fl-ewalwazzjoni ta’ molekuli oħra. Barra minn hekk, il-linji gwida, inkwantu ġew kontinwament modifikati, irrendew l-evalwazzjoni tal-inkartament tar-rikorrenti totalment imprevedibbli. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni hija totalment suġġettiva u ma tipprovdix il-pariri oġġettivi u ta’ livell xjentifiku għoli rikjesti. |
251 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju li d-dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 bl-użu ta’ kriterji, bħall-kriterji tal-PBT u tal-POP, li huma bbażati fuq il-periklu u li huma previsti fil-kuntest tal-evalwazzjoni li mhijiex skont id-Direttiva 91/414 iżda skont id-Direttiva 2000/60. Id-Direttiva 91/414 hija iktar speċifika u hija għalhekk il-leġiżlazzjoni li tipprevali. Għaldaqstant, fil-każ ta’ kunflitt bejn id-Direttiva 2000/60 u d-Direttiva 91/414, din tal-aħħar tipprevali fuq tal-ewwel (lex specialis). |
252 |
Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-estoppel, mhuwiex possibbli li jiġi invokat fatt jew irregolarità li seta’ kien konsegwenza tal-aġir tal-persuna stess li tinvokah. F’din il-kawża, ir-rikorrenti huma tal-fehma li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju jipprekludi lill-Kummissjoni milli tirrifjuta li teżamina d-data ġdida li huma ssottomettewlha minħabba li għandhom jiġu osservati ċerti termini ffissati b’mod artifiċjali meta deċiżjoni bħal din hija b’mod ċar u unikament affettwata minn dewmien ġenerali fl-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti inġenerali, u tal-endosulfan b’mod partikolari, li huwa riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni nfisha ma esprimietx malajr il-preokkupazzjonijiet tagħha dwar l-endosulfan, li hija ma tathomx terminu suffiċjenti sabiex iwieġbu għal dawn il-preokkuppazzjonijiet u li hija ma eżaminatx is-sottomissjonijiet tagħhom fit-termini. Bl-istess mod, skont il-prinċipju tal-estoppel, meta terminu ma jistax jiġi osservat minħabba li jiġu stipulati kriterji ġodda ta’ evalwazzjoni li ma jkunux previsti matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, it-terminu għat-teħid ta’ deċiżjoni ma jibqax validu. F’dan il-każ, il-Kummissjoni allegatament stipulat kriterji u linji gwida ġodda matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, biex b’hekk ħolqot hija stess ostaklu għall-osservanza tat-termini inkwistjoni. |
253 |
Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
254 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata preżenza ta’ abbuż ta’ poter, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter għandu portata preċiża fid-dritt Komunitarju u jipprevedi s-sitwazzjoni fejn awtorità amministrattiva tuża l-poteri tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha l-poteri. Deċiżjoni ma tkunx affettwata minn abbuż ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1997, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-285/94, Ġabra p. I-3519, punt 52; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Fruchthandelsgesellschaft Chemnitz vs Il-Kummissjoni, T-254/97, Ġabra p. II-2743, punt 76, u Cordis vs Il-Kummissjoni, T-612/97, Ġabra p. II-2771, punt 41). |
255 |
Għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi stabbilit abbuż ta’ poter, ir-rikorrenti ma ressqux indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li jippermettu li jiġi konkluż li d-deċiżjoni li jintalab xi studju partikolari matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni jew id-deċiżjoni kkontestata nfisha ttieħdu b’għanijiet li mhumiex dawk iddikjarati, b’mod partikolari sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/414, jiġifieri, minn naħa, it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll it-titjib tal-produzzjoni tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent. |
256 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, mill-punti 170 sa 172 tas-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 250 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, jirriżulta dan li ġej: “[I]l-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet Komunitarji jadottaw, fl-interess tas-saħħa tal-bniedem, iżda fuq il-bażi ta’ għarfien xjentifiku li għadu limitat, miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jaffettwaw, anki jekk b’mod profond, pożizzjonijiet legali protetti u jagħti, f’dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Issa, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi tassumi importanza daqstant iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami […]. Minn dan isegwi li t-tlestija ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji kemm jista’ jkun eżawrjenti fuq il-bażi ta’ pariri xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza tikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti sabiex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u sabiex jiġi evitat li jittieħdu miżuri arbitrarji.” |
257 |
Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza u b’mod kuntrarju għall-opinjoni tal-Kummissjoni, ir-riferiment tar-rikorrenti għan-neċessità li d-deċiżjoni kkontestata tkun ibbażata fuq pariri xjentifiċi eċċellenti u indipendenti mhuwiex nieqes mir-rilevanza. Madankollu hemm lok li jiġi rrimarkat li ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, bħall-konsulenza ta’ esperti mill-Istati Membri u l-possibbiltà għall-impriżi notifikaturi li jissottomettu data u studji komplimentari fuq il-bażi ta’ laqgħat u ta’ diskussjonijiet ma’ partijiet differenti li jintervjenu fil-proċedura ta’ evalwazzjoni, iwieġbu b’mod ċar għall-preokkupazzjoni li jiġu osservati l-garanziji proċedurali msemmija fis-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 250 iktar ’il fuq. Issa, ġie konkluż iktar ’il fuq li ebda irregolarità ta’ natura li twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma twettqet mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrimarkat li r-rikorrenti qed iħalltu l-osservanza tal-garanziji proċedurali mal-possibbiltà ta’ diverġenza ta’ fehmiet fil-mertu. |
258 |
Fir-rigward tal-punti rimanenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jiżviluppawx argumenti differenti minn dawk imressqa fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv, li t-tnejn li huma ġew miċħuda. Għalhekk hemm lok li l-argumenti mressqa insostenn tal-partijiet l-oħra tal-motiv ineżami jiġu miċħuda. |
259 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-motiv ineżami jiġi miċħud u, għalhekk, li jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji
260 |
Minbarra t-talbiet miċħuda fil-punti 152 u 167 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti talbu wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna li jitressqu ċerti esperti jew li jsiru lil dawn l-esperti mistoqsijiet bil-miktub dwar kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tar-rilevanza tad-data li huma kienu ssottomettew, li madankollu ma kinitx ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni, u dan fiż-żmien meħtieġ għall-eżami tagħhom kif ukoll dwar rapport peritali fuq il-kwistjonijiet tekniċi mqajma f’din il-kawża. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn il-miżuri huma inutli fid-dawl b’mod partikolari tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv u li dawn it-talbiet għandhom għalhekk jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
261 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tagħhom għall-ispejjeż, hemm lok li r-rikorrenti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni. |
262 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. |
263 |
B’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ECPA, parti intervenjenti, għandha tbati wkoll l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Czúcz Cooke Labucka Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2008. E. Coulon Reġistratur O. Czúcz President |
Werrej
Il-kuntest ġuridiku |
|
Dispożizzjonijiet tat-Trattat |
|
Direttiva 91/414/KEE |
|
Regolament (KEE) Nru 3600/92 |
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
Proċedura ta’ evalwazzjoni |
|
Id-deċiżjoni kkontestata |
|
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet |
|
Fuq l-ammissibbiltà |
|
Dwar l-interess ġuridiku |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq il-locus standi |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq il-mertu |
|
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet proċedurali, fuq in-natura inġusta tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 |
|
Fuq il-kwistjoni preliminari tal-applikazzjoni tat-termini proċedurali u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Dwar l-ewwel kwistjoni li tikkonċerna l-metabolit mhux magħruf |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq it-tieni kwistjoni dwar l-inkartament CS |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq it-tielet kwistjoni dwar l-espożizzjoni interna tal-operatur |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq ir-raba’ kwistjoni dwar il-PTA riveduti |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq il-ħames kwistjoni dwar l-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq is-sitt kwistjoni dwar l-użu fis-serer |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq is-seba’ kwistjoni dwar l-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 95(3) KE |
|
L-argumenti tal-partijiet |
|
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju |
|
Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq il-partijiet l-oħra tat-tielet motiv |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza |
|
Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji |
|
Fuq l-ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.