EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006TJ0019

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) tal-5 ta' Ottubru 2011.
Mindo Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-swieq - Ħlas tal-multa mill-kodebitur in solidum - Rikorrenti suġġetta għal proċeduri ta' insolvenza pendenti - Telf tal-interess ġuridiku - Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.
Kawża T-19/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-06795

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:561

Kawża T-19/06

Mindo Srl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Ħlas tal-multa mill-kodebitur in solidum — Rikorrent li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza pendenti — Tmiem tal-interess ġuridiku — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku — Eżami ex officio mill-qorti — Tmiem tal-interess ġuridiku fil-mori tal-kawża — Inklużjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Neċessità ta’ interess reali u attwali

(Artikolu 230 KE)

3.      Drittijiet fundamentali — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Limiti — Osservanza tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

1.      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull mument, ex officio u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-ordni pubbliku, jew tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok għal deċiżjoni.

Għalhekk, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina ex officio. Għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina wkoll ex officio jekk l-interess ġuridiku jkunx intemm matul il-kawża.

(ara l-punti 59, 60)

2.      Rikors għall-annullament u/jew għar-riforma ta’ deċiżjoni minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sal-punt fejn hija jkollha interess li jiġi annullat u/jew irriformat l-att ikkontestat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament u/jew ir-riforma ta’ dak l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi ġuridiċi jew, skont formola oħra, li r-rikors ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tippreżentah u li dan jiġġustifika interess eżistenti u attwali fl-annullament u/jew fir-riforma ta’ dan l-att.

Tali interess għandu jibqa’ preżenti sa kemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni. Dan ir-rekwiżit effettivament jiggarantixxi, fuq livell proċedurali, li fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-qrati ma jkollhomx quddiemhom talbiet għal opinjonijiet u/jew kwistjonijiet purament teoretiċi.

Barra minn hekk, jekk l-interess invokat mir-rikorrent ikun jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, dan irid jistabbilixxi li d-dannu minn din is-sitwazzjoni huwa diġà ċert. B’hekk, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament u/jew ir-riforma tal-att ikkontestat. Apparti dan, huwa r-rikorrent li għandu jressaq il-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja.

(ara l-punti 77-80)

3.      Id-dritt għal qorti, li d-dritt ta’ aċċess għal qorti jikkostitwixxi aspett partikolari tiegħu, żgurat mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma huwiex assolut u huwa suġġett għal limitazzjonijiet impliċiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors. Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux jillimitaw l-aċċess miftuħ ta’ individwu b’mod jew sa tali punt li d-dritt tiegħu għal qorti jiġi ppreġudikat fis-sustanza nnifisha tiegħu. Dawn għandhom iwasslu għal għan leġittimu u għandu jkun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan previst.

F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku jista’ jidher bħala limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, huwa ċar li din il-kundizzjoni ma tmurx kontra s-sustanza proprja ta’ dan id-dritt, peress li r-rekwiżit li r-rikorrent ikollu, fil-mument meta jippreżenta rikors u sa meta tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, interess ġuridiku kontra att li allegatament ikun ta’ preġudizzju għalih, iwassal għal għan leġittimu li finalment jiġi evitat, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-qorti tal-Unjoni jkollha quddiemha kwistjonijiet purament teoretiċi, li s-soluzzjoni tagħhom ma tistax tagħti lok għal konsegwenzi ġuridiċi jew li tagħti benefiċċju lir-rikorrent.

(ara l-punti 97, 99)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

5 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Taljan tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta’ tabakk mhux maħdum – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq – Ħlas tal-multa mill-kodebitur in solidum – Rikorrent li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza pendenti – Tmiem tal-interess ġuridiku – Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawża T‑19/06,

Mindo Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn J. Folguera Crespo u P. Vidal Martínez, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, N. Khan u F. Amato, sussegwentement minn E. Gippini Fournier, N. Khan, u L. Malferrari, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Ottubru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja), u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta kontra Mindo Srl,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Mindo Srl, hija kumpannija Taljana, li attwalment qiegħda tiġi stralċata. Oriġinarjament kienet impriża ta’ familja magħrufa bl-isem Reditab Srl. Sussegwentement, fl-1995, din inxtrat minn Intabex Netherlands BV (iktar ’il quddiem “Intabex”), kumpannija sussidjarja ta’ Dimon Inc. Wara dik l-akkwiżizzjoni, l-isem kummerċjali tagħha ġie mibdul u saret Dimon Italia Srl. L-attività prinċipali tagħha kienet l-ewwel ipproċessar tat-tabakk mhux maħdum. Fit-30 ta’ Settembru 2004, l-ishma tagħha kollha nbiegħu minn Intabex lil erba’ individwi li ma kellhom ebda konnessjoni mal-grupp li Dimon kienet il-kumpannija holding tiegħu. Wara dak il-bejgħ, l-isem kummerċjali tagħha nbidel u sar jisimha Mindo. Fit-13 ta’ Mejju 2005, Dimon amalgamat ma’ Standard Commercial Corporation (iktar ’il quddiem “SCC”) sabiex tifforma entità ġdida bl-isem Alliance One International, Inc. (iktar ’il quddiem “Alliance One”).

 Il-proċedura amministrattiva

2        Fil-15 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej indirizzat talbiet għal informazzjoni, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament ta’ applikazzjoni tal-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), rigward is-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum, lill-assoċjazzjonijiet professjonali tal-proċessuri u tal-produtturi tat-tabakk Taljani, jiġifieri, rispettivament, lill-Associazione professionale trasformatori tabacchi italiani (APTI, Assoċjazzjoni professjonali tal-proċessuri ta’ tabakk mhux maħdum Taljani) u lill-Unione italiana tabacco (Unitab, Unjoni Taljana tat-tabakk).

3        Fid-19 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità mill-multi min-naħa ta’ Deltafina SpA, proċessur membru tal-APTI, skont l-Avviż tal-kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Kooperazzjoni”). Fis-6 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni tatha immunità kundizzjonali b’applikazzjoni tal-punt 15 tal-Avviż imsemmi.

4        Fl-4 ta’ April 2002 saret laqgħa tal-bord tal-APTI. Matul dik il-laqgħa, Deltafina infurmat lill-parteċipanti, fosthom Transcatab SpA u r-rikorrenti, dwar it-talba tagħha għall-immunità u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħtiha immunità kundizzjonali.

5        Dakinhar stess, il-Kummissjoni rċeviet talba għal immunità mill-multi, abbażi tal-punt 8 tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni, u, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis ta’ kull multa, abbażi tal-punti 20 sa 27 tal-Avviż imsemmi, min-naħa tar-rikorrenti, kif ukoll, xi ftit siegħat wara, talba għal tnaqqis ta’ kull multa, fuq l-istess bażi, min-naħa ta’ Transcatab.

6        Fid-9 ta’ April 2002, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet rċeviet talba għal immunità mill-multi mingħand ir-rikorrenti u informatha, skont il-punt 12 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, dwar il-fatt li l-ksur preżunt ma setax jibbenefika minn immunità mill-multi għar-raġuni li l-imsemmija talba għal immunità ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8(a) u fil-punt 9 jew fil-punt 8(b) u fil-punt 10 ta’ dak l-avviż. Hija kkonfermat ukoll li rċeviet, abbażi tal-punt 25 ta’ dak l-avviż, talba għat-tnaqqis ta’ kull multa mingħand ir-rikorrenti.

7        Fit-8 ta’ April 2002, ir-rikorrenti pprovdiet elementi ta’ prova kumplimentari li jikkonsistu f’nota ta’ spjegazzjoni ġdida u għaxar annessi. Fis-17 ta’ April 2002, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet dawn id-dokumenti.

8        Fit-18 u fid-19 ta’ April 2002, il-Kummissjoni għamlet spezzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17, fil-bini tar-rikorrenti u ta’ Transcatab, kif ukoll fil-bini ta’ Trestina Azienda Tabacchi SpA u ta’ Romana Tabacchi SpA.

9        Fit-8 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lil Transcatab li, peress li dawn kienu rispettivament l-ewwel u t-tieni impriża li pprovdew provi tal-ksur għall-finijiet tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni, hija kellha l-ħsieb li, fit-tmiem tal-proċedura amministrattiva, tagħtihom rispettivament tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 % u bejn 20 u 30 % tal-ammont tal-multa li kien jiġi impost kontrihom abbażi tal-ksur eventwalment ikkonstatat fin-nuqqas tal-kooperazzjoni.

10      Fil-25 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija indirizzat lil għaxar impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, fosthom Deltafina, Transcatab, Romana Tabacchi u r-rikorrenti (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“proċessuri”) u l-kumpanniji parent ta’ wħud fosthom, b’mod partikolari Dimon, SCC u Universal Corp., il-kumpannija parent ta’ Deltafina. Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kellhom aċċess għall-fajl amministrattiv, permezz ta’ kopja fuq CD-ROM li ntbagħtet lilhom mill-Kummissjoni, u bagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub b’risposta għall-oġġezzjonijiet invokati minnha. Saret seduta fit-22 ta’ Ġunju 2004.

11      Wara l-adozzjoni, fil-21 ta’ Diċembru 2004, ta’ addendum għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-25 ta’ Frar 2004, saret it-tieni seduta fl-1 ta’ Marzu 2005.

12      Wara li kkonsultat mal-Kumitat konsultattiv dwar l-akkordji u l-pożizzjonijiet dominanti, u fid-dawl tar-rapport finali tal-Uffiċjal tas-Smigħ, il-Kummissjoni adottat, fl-20 ta’ Ottubru 2005, id-Deċiżjoni C (2005) 4012 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.281/B.2 – Tabakk mhux maħdum – l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Frar 2006 (ĠU L 353, p. 45).

 Id-deċiżjoni kkontestata

13      Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda, fl-ewwel lok, akkordju orizzontali implementat mill-proċessuri fis-suq Taljan tat-tabakk mhux maħdum (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li fil-kuntest ta’ dak l-akkordju, matul il-perjodu mill-1995 sal-bidu tal-2002, il-proċessuri kienu ffissaw il-kundizzjonijiet tat-transazzjoni għax-xiri tat-tabakk mhux maħdum fl-Italja, f’dak li jirrigwarda kemm ix-xiri dirett mingħand il-proċessuri kif ukoll ix-xiri mingħand “pakkjaturi terzi”, b’mod partikolari permezz tal-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq (premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna, fit-tieni lok, żewġ ċirkustanzi ta’ ksur oħrajn, distinti mill-akkordju implementat mill-proċessuri, li seħħew bejn il-bidu tal-1999 u tmiem l-2001 u li kkonsistew, għall-APTI, fl-iffissar tal-prezzijiet kuntrattwali li hija kienet tinnegozja, f’isem il-membri tagħha, bil-għan li jiġu konklużi ftehimiet interprofessjonali mal-Unitab, u, għal din tal-aħħar, li jiġu ffissati l-prezzijiet li hija kienet ser tinnegozja mal-APTI, f’isem il-membri tagħha, bil-għan li jiġu konklużi dawk l-istess ftehimiet.

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prattiki tal-proċessuri kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE (ara, b’mod partikolari, il-premessi 264 sa 269 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Il-Kummissjoni ppreċiżat li, peress li ż-żewġ gruppi li kienu jagħmlu parti minnhom Transcatab u r-rikorrenti matul il-perjodu tal-ksur ma baqgħux jeżistu wara l-fużjoni tagħhom fl-entità l-ġdida Alliance One, din tal-aħħar, bħala s-suċċessur legali ta’ dawk iż-żewġ gruppi, kienet destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata. L-istess kien japplika għar-rikorrenti, li kienet inbiegħet minn Intabex lil xi individwi li semmewha Mindo (premessi 349 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, li Deltafina, Universal, ir-rikorrenti, Transcatab, Alliance One, Romana Tabacchi, l-APTI u l-Unitab kellhom jinżammu responsabbli għall-ksur u jkunu d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

19      Fil-premessi 356 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeterminat il-multi li kellhom jiġu imposti fuq id-destinatarji tagħha.

20      Wara li evalwat il-gravità tal-ksur u wara li kkonkludiet, fil-premessa 369 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur imwettaq mill-proċessuri kellu jitqies bħala serju ħafna, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni tal-“piż speċifiku” u dik tad-“dissważjoni”.

21      Sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li tapplika koeffiċjent moltiplikatur ta’ 1,5, jiġifieri żieda ta’ 50 %, fuq l-ammont inizjali tal-multa stabbilit għal Deltafina, u koeffiċjent moltiplikatur ta’ 1,25, jiġifieri żieda ta’ 25 %, fuq l-ammont inizjali tal-multa stabbilit għar-rikorrenti u Transcatab (premessa 375 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Għalhekk, fil-premessa 376 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali tal-multi kif ġej:

–        Deltafina:          EUR 37.5 miljun;

–        Transcatab:          EUR 12.5 miljun;

–        ir-rikorrenti:          EUR 12.5 miljun;

–        Romana Tabacchi: EUR 10 miljun.

23      Il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat il-kwistjoni tat-tul tal-ksur. Jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 377 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni żiedet l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur, u b’5 % għal kull perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar. Għaldaqstant, l-ammont inizjali tal-multa żdied b’60 %, li jikkorrispondi għal perjodu ta’ ksur ta’ sitt snin u erba’ xhur, għal Deltafina, ir-rikorrenti u Transcatab, u b’25 %, li jikkorrispondi għal perjodu ta’ ksur ta’ sentejn u tmien xhur, għal Romana Tabacchi.

24      Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ġew stabbiliti kif ġej:

–        Deltafina:          EUR 60 miljun;

–        Transcatab:          EUR 20 miljun;

–        ir-rikorrenti:       EUR 20 miljun;

–        Romana Tabacchi:       EUR 12.5 miljun.

25      Fil-premessi 380 sa 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti u ċaħdet l-argumenti kollha tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

26      Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat jekk kienx hemm lok li jiġu adattati l-ammonti bażiċi għad-diversi destinatarji sabiex dawn ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (premessi 399 sa 404 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni limitat ir-responsabbiltà in solidum tar-rikorrenti għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-iktar sena finanzjarja reċenti, jiġifieri EUR 3.99 miljun, peress li meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, din ma kellha l-ebda konnessjoni mal-grupp li Dimon kienet il-holding company tiegħu (premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Fil-premessi 405 sa 500 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Hija kkonstatat, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kienet ikkonformat mal-kundizzjonijiet li kienu ġew imposti fuqha abbażi tat-talba għat-tnaqqis tal-multa u ddeduċiet, mill-evalwazzjoni tal-elementi ta’ prova pprovduti u mill-kooperazzjoni matul il-proċedura, li din kellha tibbenefika minn rati ta’ tnaqqis l-iktar għoljin previsti fil-parametri li kienu ġew indikati lilha wara t-talba għat-tnaqqis, jiġifieri 50 % (premessa 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat, b’mod konformi mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammonti tal-multi li kellhom jiġu imposti kontra l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li lilhom kienet indirizzata d-deċiżjoni kkontestata skont kif ġej:

–        Deltafina u Universal, in solidum: EUR 30 miljun;

–        ir-rikorrenti u Alliance One: EUR 10 miljun; b’Alliance One responsabbli għall-multa kollha u r-rikorrenti responsabbli in solidum għal EUR 3.99 miljun biss;

–        Transcatab u Alliance One, in solidum: EUR 14-il miljun;

–        Romana Tabacchi: EUR 2.05 miljun;

–        APTI: EUR 1 000;

–        Unitab: EUR 1 000.

 Proċedura

30      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

31      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet b’mod partikolari li din il-kawża tingħaqad ma’ dik relatata mar-rikors ippreżentat, fl-24 ta’ Jannar 2006, minn Alliance One, intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata (Kawża T-25/06, Alliance One International vs Il-Kummissjoni). Talba analoga ġiet ifformulata minn Alliance One.

32      Fl-14 ta’ Frar 2006, Alliance One ħallset l-ammont sħiħ tal-multa li kienet ġiet imposta mill-Kummissjoni fuqha u fuq ir-rikorrenti, b’din tal-aħħar responsabbli in solidum biss għal parti minn dak l-ammont, jiġifieri s-somma ta’ EUR 3.99 miljun.

33      Fl-4 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti tpoġġiet fi proċess ta’ stralċ, mingħajr ma din qatt infurmat lill-Qorti Ġenerali b’dan.

34      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha biex il-kawża preżenti tingħaqad mal-Kawża T-25/06. Fil-21 ta’ Awwissu 2006, Alliance One ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dik it-talba u ddikjarat li kienet taqbel li l-kawżi jingħaqdu.

35      B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni indikat li fil-fehma tagħha, it-tagħqid ta’ dawk il-kawżi ma kienx jippermetti li titjieb b’mod sinjifikattiv l-effettività tal-proċedura u li hija kienet ser toqgħod għall-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali.

36      Il-Qorti Ġenerali ma laqatx din it-talba għal tagħqid.

37      Wara talba ta’ falliment (istanza di fallimento) ippreżentata fis-27 ta’ Diċembru 2006, minn wieħed mill-kredituri tagħha quddiem it-Tribunale ordinario di Roma, sezione fallimentare (tribunal tal-falliment ta’ Ruma, iktar ’il quddiem it-“Tribunale fallimentare di Roma”), ir-rikorrenti ppreżentat, fil-5 ta’ Marzu 2007, skont l-Artikolu 161 tar-regio decreto 16 marzo 1942, n. 267, recante disciplina del fallimento, del concordato preventivo, dell’amministrazione controllata e della liquidazione coatta amministrativa (Digriet Irjali Nru 267, tas-16 ta’ Marzu 1942, li jirregola l-falliment, il-konkordat preventiv, l-amministrazzjoni kkontrollata u l-istralċ amministrattiv imġiegħel, kif emendat, suppliment straordinarju tal-GURI Nru 81, tas-6 ta’ April 1942) (iktar ’il quddiem il-“liġi Taljana dwar il-fallimenti”), talba biex tiddaħħal fil-proċedura ta’ konkordat preventiv b’ċessjoni tal-beni (iktar ’il quddiem il-“konkordat preventiv”) quddiem l-istess qorti. B’sentenza tas-27 ta’ Novembru 2007, it-Tribunale fallimentare di Roma approva l-konkordat preventiv propost mir-rikorrenti.

38      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex jipproduċu dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dik it-talba fit-terminu stabbilit.

39      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2010.

40      Matul is-seduta, il-Kummissjoni, wara li ħadet konjizzjoni tal-fatt, xi ftit jiem qabel, li r-rikorrenti kienet tpoġġiet fi proċess ta’ stralċ minn Lulju 2006, essenzjalment sostniet li din tal-aħħar kienet tilfet l-interess ġuridiku tagħha f’din il-kawża, peress li Alliance One kienet ħallset l-ammont sħiħ tal-multa li kienet ġiet imposta kontra tagħhom, inkluża s-somma ta’ EUR 3.99 miljun li hija kellha tħallas in solidum mar-rikorrenti mingħajr ma talbet ir-rimbors mingħand din tal-aħħar ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa, minkejja li din kienet tinsab fi stralċ.

41      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, biex tipprovdilha kull informazzjoni u kull dokument rilevanti dwar kull ftehim li hija kienet ikkonkludiet ma’ Alliance One dwar il-ħlas tal-multa minn din tal-aħħar u l-possibbiltà li titlob ir-rimbors ta’ parti mill-multa mħallsa, kif imniżżel fil-verbal tas-seduta. Din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ġiet riprodotta, sussegwentement, f’ittra tal-Qorti Ġenerali, mibgħuta lir-rikorrenti fit-8 ta’ Diċembru 2010.

42      Barra minn hekk, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreċiżat li, permezz tat-tieni sentenza tat-tielet kap tat-talbiet tagħha (ara l-punt 57 iktar ’il quddiem), hija riedet biss tikseb it-tnaqqis tal-ammont tal-parti tal-multa li kellha titħallas in solidum ma’ Alliance One.

43      B’ittra tas-6 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti rrispondiet għat-talba fformulata mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta u pproduċiet għadd ta’ dokumenti. Hija madankollu naqset milli tippreċiża li hija kienet fetħet proċedura ta’ konkordat preventiv u li din kienet għadha għaddejja. Essenzjalment, hija argumentat li kien għad għandha interess ġuridiku f’din il-kawża.

44      Fil-21 ta’ Frar 2011, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni tenniet li din tal-aħħar kienet tilfet kull interess ġuridiku f’din il-kawża. Barra minn hekk, hija pproduċiet dokument tal-kamra tal-kummerċ ta’ Ruma (l-Italja) dwar l-istat tal-finanzi tar-rikorrenti li juri li proċedura ta’ konkordat preventiv, irreġistrata bin-numru 3/07, kienet infetħet fir-rigward tagħha fil-21 ta’ Mejju 2007. Hija kkonstatat ukoll li l-Qorti Ġenerali setgħet tordna miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, b’mod konformi mal-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li tikkonsisti f’talba għal informazzjoni mingħand Alliance One dwar l-eżerċizzju minn din tal-aħħar tad-dritt tagħha li taġixxi kontra r-rikorrenti biex tiġi rrimborsata għal parti mill-ammont tal-multa mħallsa.

45      B’ittra tal-11 ta’ Marzu 2011, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2011, fejn opponiet għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tikkonsisti f’talba għal informazzjoni mingħand Alliance One u fejn argumentat li l-Kummissjoni kienet wettqet abbuż proċedurali.

46      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64(3)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, b’ittra tas-17 ta’ Marzu 2011, għamlet domandi bil-miktub lil Alliance One.

47      B’ittra tat-30 ta’ Marzu 2011, Alliance One irrispondiet għad-domandi li saru mill-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2011. Hija indikat, essenzjalment, li kienet għadha ma ħaditx azzjoni kontra r-rikorrenti biex tiġi rrimborsata għal parti mill-ammont tal-multa mħallsa, għaliex kienet tippreferi tistenna l-eżitu tal-proċedura preżenti. Hija ppreċiżat ukoll li, sabiex tadotta tali approċċ, hija “wisq probabbli kienet obbligata titlob sentenza sabiex tikseb kontribuzzjoni [mir-rikorrenti] u ordni ta’ ħlas ibbażata fuq dik is-sentenza”. Hija affermat, barra minn hekk, li f’każ ta’ annullament totali jew parzjali tal-multa mill-Qorti Ġenerali, hija kienet tkun marbuta li trodd lura lir-rikorrenti s-somma rrimborsata bl-interessi, u li dan kien irendi l-proċedura kollha “tqila, għalja u twila”. Barra minn hekk, hija kienet tal-fehma li l-azzjoni tagħha ma kinitx preskritta u li ma kinitx ser tkun preskritta qabel it-tmiem tal-proċedura preżenti. Finalment, hija fakkret li l-eżistenza ta’ proċedura ta’ konkordat preventiv ma kinitx tipprekludi lil kreditur milli jirrikorri quddiem il-qrati kompetenti sabiex jikseb sentenza dikjaratorja kontra d-debitur li huwa s-suġġett tal-imsemmi konkordat u li jitlob inġunzjoni ta’ ħlas malli tingħata s-sentenza ta’ approvazzjoni.

48      B’ittri, rispettivament, tat-18 u d-19 ta’ April 2011, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni pprovduta minn Alliance One.

49      B’ittra tat-12 ta’ Mejju 2011, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti, fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, biex tipproduċi ċerti dokumenti relatati mal-proċedura tal-konkordat preventiv pendenti quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma, kif ukoll biex tipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha dwar l-eżekuzzjoni ta’ dak il-konkordat.

50      B’ittra tal-20 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti rrispondiet għal dawk it-talbiet. Hija ppreżentat, b’mod partikolari, ir-rikors tal-konkordat preventiv kif ukoll il-proposta tal-konkordat mibgħut lill-kredituri tagħha, tal-5 ta’ Marzu 2007, is-sentenza ta’ approvazzjoni tal-konkordat preventiv, mogħti mit-Tribunale fallimentare di Roma fis-27 ta’ Novembru 2007, kif ukoll dokumenti oħrajn li jirrigwardaw l-istat tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi konkordat.

51      Fil-25 ta’ Mejju 2011, saret seduta quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma sabiex tiġi evalwata l-eżekuzzjoni tal-konkordat u/jew jiġi stabbilit kif kien ser jiġi eventwalment riżolt jew annullat, skont l-Artikolu 186 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti.

52      Fl-1 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ippreżentat il-lista ta’ kredituri li hija kienet annettiet mar-rikors tal-konkordat preventiv ippreżentat quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma fil-5 ta’ Marzu 2007. Dik il-lista ma tindikax kreditu ta’ Alliance One kontra r-rikorrenti.

53      Fil-15 ta’ Ġunju 2011, saret seduta ġdida quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma.

54      Fil-21 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dokumenti li pproduċiet ir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-20 ta’ Mejju 2011, kif ukoll dwar il-lista ta’ kredituri ppreżentata minnha fl-1 ta’ Ġunju 2011.

55      B’ittra tat-13 ta’ Lulju 2011, b’risposta għal miżura ġdida ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti rrispondiet għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, ipproduċiet dokumenti, u ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors preżenti skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

56      Fid-29 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni, fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ħadet pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors fis-sens tal-istess artikolu.

 It-talbiet tal-partijiet

57      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jirreferi għal perjodu ta’ ksur itwal, li huwa meqjus li ntemm fid-19 ta’ Frar 2002 minflok fil-15 ta’ Jannar 2002, l-iktar tard;

–        tannulla l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija kellha tibbenefika mill-immunità totali mill-multi skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni;

–        fuq bażi sussidjarja, tirriforma l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas sostanzjalment “l-ammont tal-multa imposta kontra tagħha u, in solidum, kontra Alliance One”;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tordna, skont l-Artikolu 50(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li din il-kawża tingħaqad ma’ dik relatata mar-rikors ippreżentat minn Alliance One kontra d-deċiżjoni kkontestata.

58      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

59      Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull mument, ex officio u wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedi dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-ordni pubbliku, jew tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok għal deċiżjoni.

60      Skont il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni Ewropea tista’ teżamina ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2005, Gruppo ormeggiatori del porto di Venezia et vs Il-Kummissjoni, T‑228/00, T‑229/00, T‑242/00, T‑243/00, T‑245/00 sa T‑248/00, T‑250/00, T‑252/00, T‑256/00 sa T‑259/00, T‑265/00, T‑267/00, T‑268/00, T‑271/00, T‑274/00 sa T‑276/00, T‑281/00, T‑287/00 u T‑296/00, Ġabra p. II‑787, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina wkoll ex officio jekk l-interess ġuridiku jkunx intemm matul il-kawża.

61      F’din il-kawża, wara li nstemgħu l-partijiet, għandu jiġi eżaminat l-argument sħiħ tal-Kummissjoni matul is-seduta u fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-risposti tar-rikorrenti għad-domandi bil-miktub li saru mill-Qorti Ġenerali, li jgħid li r-rikorrenti essenzjalment tilfet kull interess li ssegwi din il-kawża għar-raġuni li l-ammont tal-multa li kellu jitħallas in solidum ġie mħallas totalment minn Alliance One, li ma ħaditx azzjoni kontra r-rikorrenti biex tiġi rrimborsata għal parti tal-ammont tal-multa mħallsa.

 L-argumenti tal-partijiet

62      Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li r-rikorrenti ma għandhiex interess li ssegwi din il-proċedura, peress li l-ammont tal-multa li hija kellha tħallas in solidum ma’ Alliance One tħallas totalment fi Frar 2006 minn din tal-aħħar, li ma ħaditx azzjoni kontra r-rikorrenti biex tiġi rrimborsata għal parti tal-ammont tal-multa mħallsa. F’dan ir-rigward, hija tqajjem dubji dwar l-eżistenza ta’ dritt ta’ Alliance One li titlob tali rimbors mingħand ir-rikorrenti. Fil-fehma tagħha, tali dritt la jirriżulta mit-talba ta’ konkordat preventiv tar-rikorrenti u lanqas mid-dokumenti tal-kontabilità tagħha, li ġew ippreżentati lir-reġistru tal-kumpanniji b’mod konformi mal-liġi Taljana. Hija tal-fehma li dan jista’ jiġi spjegat mill-eżistenza ta’ garanzija jew kwalunkwe att ieħor li permezz tiegħu Alliance One intrabtet, meta biegħet l-ishma tagħha lir-rikorrenti, biex tħallas il-multa kollha li kienet ġie imposta kontra tagħhom.

63      Il-Kummissjoni tirrifjuta, barra minn hekk, l-argumenti invokati mir-rikorrenti biex tistabbilixxi li hija għad għandha interess ġuridiku f’din il-kawża.

64      Fir-rigward tal-allegat interess tar-rikorrenti biex tiddefendi ruħha kontra azzjonijiet għad-danni li jistgħu jittieħdu minn terzi, il-Kummissjoni targumenta, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta’ Frar 2011 dwar l-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta’ Jannar 2011, li din tal-aħħar ma tatx indikazzjonijiet dwar l-azzjonijiet ġudizzjarji miftuħa jew previsti minn terzi leżi mill-aġir li jikkostitwixxi ksur. Fir-rigward tal-ittri, li fihom hemm talba għad-danni, li ddaħħlu fil-proċess mir-rikorrenti, rispettivament, fl-20 ta’ Mejju u fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni tosserva li dawn ma jurux li ttieħdet azzjoni u, b’mod speċjali, li tali azzjoni ma hijiex preskritta.

65      Fir-rigward, finalment, tal-obbligu preżunt tar-rikorrenti li tirrimborsa lil Alliance One parti mill-multa mħallsa minn din tal-aħħar, il-Kummissjoni tosserva li huwa improbabbli li Alliance One issa tieħu azzjoni kontra r-rikorrenti biex tikseb tali rimbors, b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt li hija ma rreaġixxitx għall-istralċ tar-rikorrenti u għall-ftuħ tal-proċedura ta’ konkordat preventiv. Huwa wkoll diffiċli li tiġi rrikonċiljata l-eżistenza apparenti ta’ tali dritt ta’ Alliance One u l-inazzjoni min-naħa tagħha f’dan ir-rigward matul tant snin. Barra minn hekk, l-intenzjonijiet ta’ Alliance One fir-rigward tal-possibbiltà li tieħu azzjoni kontra r-rikorrenti biex tiġi rrimborsata għal parti mill-ammont tal-multa mħallsa ma jirriżultawx b’mod ċar mir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, peress li d-dritt ta’ Alliance One li taġixxi kontra r-rikorrenti biex tiġi rrimborsata għal parti mill-ammont tal-multa huwa bbażat direttament fuq id-deċiżjoni kkontestata, huwa diffiċli biex wieħed jifhem x’tip ta’ diffikultajiet jista’ jkun hemm biex tinkiseb sentenza sommarja min-naħa ta’ qorti Taljana.

66      Ir-rikorrenti ssostni li għandha interess evidenti u dirett biex issegwi l-proċedura. Skont hija, għalkemm tinsab għaddejja minn proċedura ta’ stralċ u għalkemm Alliance One, li qabel kienet il-kumpannija parent tagħha, setgħet ħallset, b’mod provviżorju, l-ammont sħiħ tal-multa li kienet ġiet imposta kontra tagħhom u li għaliha kienet ġiet iddikjarata responsabbli in solidum għal somma ta’ EUR 3.99 miljun, dan ma jaffettwax l-interess tagħha li tkompli bil-kawża.

67      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li l-interess ġuridiku tagħha jirriżulta mid-dritt fundamentali tagħha għal qorti, li hija tidderiva mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif traspost fis-sistema ġuridika tal-Unjoni mill-Artikolu 47 tal-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389).

68      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li l-motivi li hija invokat insostenn tar-rikors tagħha jirrigwardaw, fl-ewwel lok, il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ ċerti fatti (b’mod partikolari l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għal ċerti akkordji preparatorji għall-akkordji interprofessjonali, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti, l-impatt tad-daqs limitat tas-suq fuq l-evalwazzjoni tal-aġir tagħha u l-applikazzjoni ta’ multa iktar ħafifa), fit-tieni lok, fuq it-tul ta’ żmien iqsar tal-ksur li bih hija tinsab akkużata u, fit-tielet lok, fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni (inkwantu hija pprovat tikseb immunità totali jew, fuq bażi sussidjarja, “immunità parzjali”mill-multi, b’mod konformi mal-Artikolu 23 tal-imsemmija komunikazzjoni).

69      Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-interess tagħha li ssegwi din il-kawża ma huwiex limitat għall-multa, iżda jirrigwarda wkoll ir-responsabbiltà li ġiet imputata lilha għal ċertu aġir u l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dak l-aġir.

70      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-interess ġuridiku tagħha jirriżulta wkoll mid-dritt tagħha li tiddefendi ruħha kontra eventwali rikorsi għal danni jew jekk tinżamm responsabbli minn terzi għall-ksur iddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata, ladarba din tkun saret definittiva. F’dan ir-rigward, hija annettiet mal-ittra tagħha tal-20 ta’ Mejju 2011 korrispondenza li ntbagħtet lilha minn kooperattiva ta’ produtturi tat-tabakk Taljana, li fiha hemm talba għad-danni għal ammont ta’ EUR 2.3 miljun, għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-prattiki ssanzjonati mid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rapport maħruġ mill-istralċatarju tal-konkordat preventiv tal-14 ta’ April 2011 ukoll jirreferi għal tali talba għad-danni.

71      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tallega wkoll li għandha interess oġġettiv u dirett li tikseb tnaqqis, jew annullament integrali, tal-multa. F’dan ir-rigward, hija tfakkar, fl-ewwel lok, li b’mod konformi mal-Artikolu 1292 tal-kodiċi ċivili Taljan, hija tista’ tiġi kkonfrontata fil-futur b’azzjoni għal riżarċiment minn Alliance One. Barra minn hekk, hija tindika li, b’applikazzjoni tad-dritt Taljan, l-amministraturi tagħha huma obbligati li jipproteġu l-interessi tal-kredituri tagħha minn kull kontinġenza possibbli. Fit-tieni lok, hija ssemmi li l-akkordji dwar il-bejgħ tal-ishma tagħha b’ebda mod ma jsemmu l-proċedura li nfetħet quddiem il-Kummissjoni li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata u ma fihom ebda garanzija espliċita ta’ indennizz favur tagħha għal kull multa li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, hija tal-fehma li l-interess tagħha li ssegwi din il-kawża sat-tmiem tagħha huwa evidenti, għaliex ma jistax jiġi eskluż li Alliance One fil-futur tiftaħ kawża kontra tagħha sabiex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa. Fit-tielet lok, hija ssostni li, għalkemm l-akkordji ċċitati iktar ’il fuq jipprevedu indennizz eventwali għall-multa imposta mill-Kummissjoni, il-validità ta’ dak l-indennizz tkun kompromessa jekk hija tkun imċaħħda mid-dritt tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali billi titlob l-immunità totali jew tnaqqis tal-ammont tal-multa.

72      Ir-rikorrenti tqis ukoll li r-risposta ta’ Alliance One għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali tikkonferma, barra minn hekk, l-eżistenza tal-interess ġuridiku tagħha. Fl-ewwel lok, minn dik ir-risposta jirriżulta li r-riskju ta’ azzjonijiet ta’ riżarċiment eventwali min-naħa ta’ terzi għadu attwali, peress li dawk l-azzjonijiet għadhom ma humiex preskritti skont il-liġi Taljana. Fit-tieni lok, hija tosserva li d-dritt ta’ Alliance One li tieħu azzjoni kontra tagħha sabiex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa ma huwiex preskritt. Fit-tielet lok, hija tal-fehma li hija tibqa’ l-unika waħda responsabbli għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 3.99 miljun f’każ fejn Alliance One tirbaħ il-Kawża T‑25/06 u, għal dan il-fatt, l-interess ġuridiku tagħha huwa evidenti.

73      Fir-risposta tagħha tal-20 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti ssemmi li l-Artikolu 168 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti ma jillimitax id-dritt tal-kredituri preċedenti li jirrikorru, matul il-perjodu bejn id-data tal-introduzzjoni tat-talba għall-ammissjoni tal-konkordat preventiv u d-data meta s-sentenza għall-approvazzjoni tiegħu ssir definittiva, għall-qrati kompetenti bil-għan li jiksbu sentenza dikjaratorja kontra d-debitur fil-kuntest tal-proċedura tal-konkordat preventiv, u li jirrikorru, wara dak il-perijodu, għand il-qrati kompetenti biex jiksbu l-eżekuzzjoni tal-kreditu mid-debitur fil-kuntest tal-konkordat preventiv.

74      Skont ir-rikorrenti, wara l-approvazzjoni u matul l-eżekuzzjoni effettiva tal-konkordat preventiv, il-kredituri preċedenti li ma kinux qablu jew li ma vvutawx ma humiex limitati fl-eżekuzzjoni tal-krediti tagħhom fir-rigward tal-istralċatarju tal-kumpannija u permezz tal-intermedjanza tiegħu. Qabel kollox, huma obbligati li jirrispettaw, jekk ikun il-każ, il-kwoti ta’ indennizz tal-kredituri u t-termini ffissati fil-konkordat preventiv approvat. Barra minn hekk, il-kredituri preċedenti ma humiex limitati fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom anki wara t-tmiem tal-eżekuzzjoni tal-konkordat preventiv, dejjem fl-osservanza tal-kwoti u t-termini ffissati fil-konkordat preventiv approvat għall-kredituri kollha. B’hekk, Alliance One għadha tista’ tirrikorri quddiem il-qorti kompetenti biex tikseb ordni ta’ ħlas kontra tagħha.

75      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreċiża li l-kwistjoni jekk il-konkordat preventiv jistax, b’mod konformi mal-Artikolu 186 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti, jiġi eżegwit jew annullat, attwalment hija suġġetta għal dibattitu kontradittorju quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma. F’każ ta’ annullament tal-konkordat, l-Artikoli 137 u 138 ta’ dik il-liġi jkunu applikabbli, liema ħaġa timplika l-ftuħ mill-ġdid awtomatiku tal-proċedura ta’ falliment fir-rigward tagħha. Madankollu, f’dik l-ipoteżi, hija ma tkunx imċaħda mill-interess tagħha li ssegwi din il-kawża. Effettivament, skont din, Alliance One tista’ dejjem titlob mingħandha r-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa, permezz ta’ talba biex tiddaħħal bħala kreditriċi fil-proċess tal-falliment.

76      Finalment, fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti tfakkar li Alliance One esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn din kienet għadha ma eżerċitatx id-dritt tagħha li taġixxi kontra tagħha biex tiġi rrimborsata għal parti mill-ammont tal-multa mħallsa (ara l-punt 47 iktar ’il fuq). Sussegwentement, hija ssostni, essenzjalment, li ma kinitx obbligata, skont id-dritt Taljan, li tniżżel lil Alliance One fil-kotba tal-kontabbiltà tagħha, fin-nuqqas ta’ talba espliċita għal rimbors min-naħa tagħha u, għaldaqstant, fil-lista tal-kredituri fformulata għall-finijiet tat-talba għall-ammissjoni fil-konkordat preventiv. Fil-fehma tagħha, il-liġi Taljana dwar il-fallimenti u l-prinċipji tal-kontabbiltà applikabbli f’ebda każ ma’ jobbligaw li tiġi inkluża fil-kotba tal-kontijiet il-possibbiltà kontinġenti ta’ talba ta’ Alliance One meta tali talba tkun għadha ma saritx u meta la l-ammont u lanqas l-eżistenza ta’ tali talba ma jkunu definittivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

77      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, rikors għall-annullament u/jew għar-riforma ta’ deċiżjoni minn persuna fiżika jew ġuridika hija ammissibbli biss sal-punt fejn hija jkollha interess li jiġi annullat u/jew irriformat l-att ikkontestat. Tali interess jippresupponi li l-annullament u/jew ir-riforma ta’ dak l-att ikun jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi ġuridiċi jew, skont formola oħra, li r-rikors ikun jista’, bir-riżultat tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tippreżentah (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Provincia di Imperia, C‑183/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 19 ; ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali MCI vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-18 ta’ Marzu 2010, Forum 187 vs Il-Kummissjoni, T‑189/08, Ġabra p. II‑1039, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata) u li dan jiġġustifika interess eżistenti u attwali fl-annullament u/jew fir-riforma ta’ dak l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ġunju 2009, Socratec vs Il-Kummissjoni, T‑269/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Tali interess għandu jibqa’ preżenti sa kemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit effettivament jiggarantixxi, fuq livell proċedurali, li fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-qrati ma jkollhomx quddiemhom talbiet għal opinjonijiet u/jew kwistjonijiet purament teoretiċi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il-Kummissjoni, T‑28/02, Ġabra p. II‑4119, punt 36, u s-sentenza Socratec vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 36).

79      Barra minn hekk, ġie deċiż li jekk l-interess invokat mir-rikorrent ikun jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, dan irid jistabbilixxi li d-dannu minn din is-sitwazzjoni huwa diġà ċert. B’hekk, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament u/jew ir-riforma tal-att ikkontestat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il-Kummissjoni, T‑138/89, Ġabra p. II‑2181, punt 33 ; tal-14 ta’ April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T‑141/03, Ġabra p. II‑1197, punt 26, u Socratec vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 39).

80      Finalment, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, huwa r-rikorrent li għandu jressaq prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull rikors ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni, 206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 8; id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2003, Schmitz-Gotha Fahrzeugwerke vs Il-Kummissjoni, T‑167/01, Ġabra p. II‑1873, punt 58, u s-sentenza Sniace vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 31).

81      F’din il-kawża, matul is-seduta, il-Kummissjoni ppreżentat fatti ġodda, li kienu seħħew wara l-preżentata tar-rikors u li kienu ta’ tali natura li jagħtu lil wieħed x’jifhem li r-rikorrenti ma kienx għad għandha interess ġuridiku għar-raġuni li Alliance One kienet ħallset għal kollox l-ammont tal-multa imposta kontriha, mingħajr ma aġixxiet kontra r-rikorrenti biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont ta’ dik il-multa.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li Alliance One kienet ħallset, fi Frar 2006, l-ammont sħiħ tal-multa li kienet ġiet imposta mill-Kummissjoni kontriha u kontra r-rikorrenti, fejn din tal-aħħar kienet responsabbli in solidum biss għal parti minn dak l-ammont, jiġifieri s-somma ta’ EUR 3.99 miljun u li, sa dakinhar, hija ma kinitx aġixxiet kontra r-rikorrenti biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tpoġġiet fi stralċ f’Lulju 2006 u li, wara Mejju 2007, hija kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ konkordat preventiv quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma li għadha għaddejja, fatti li r-rikorrenti naqqset milli tgħarraf lill-Qorti Ġenerali minn jeddha.

83      Għandu jitfakkar ukoll li, permezz tal-kapijiet tat-talbiet tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti trid tikseb, minn naħa waħda, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni fir-rigward tagħha, minħabba li hija ma kinitx tatha l-immunità totali fil-mument meta ddeċidiet li ma tagħtihiex lil Deltafina, u inkwantu hija kienet wettqet żball, ta’ madwar xahar, fl-iffissar tat-tul ta’ żmien tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u, min-naħa l-oħra, fuq bażi sussidjarja, tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija kellha tħallas in solidum ma’ Alliance One.

84      Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, ir-rikors tar-rikorrenti jirrigwarda essenzjalment l-ammont tal-multa. Effettivament, l-eżami tal-motivi ppreżentati minnha jindika li l-argumenti kollha dwar l-imputazzjoni tar-responsabbiltà ta’ ċertu aġir għaliha u l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dak l-aġir, li ma humiex ippreżentati insostenn tal-motiv prinċipali tagħha li jgħid li hija kellha tibbenefika minn immunità mill-multi, huma intiżi biss biex tikseb fuq bażi sussidjarja, f’każ li jiġi miċħud l-imsemmi motiv prinċipali, tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija għandha tħallas in solidum ma’ Alliance One, jiġifieri s-somma ta’ EUR 3.99 miljun. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li la evalwazzjoni ġuridika differenti eventwali tal-fatti msemmija mir-rikorrenti u lanqas l-evalwazzjoni ta’ tul ta’ żmien allegatament iqsar bi ftit ġimgħat tal-ksur li bih ġiet akkużata l-impriża kkonċernata ma tippermetti li tingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija kellha tħallas in solidum flimkien ma’ Alliance One f’livell inferjuri għal dak li ġie ffissat fid-deċiżjoni kkontestata.

85      Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-annullament jew ir-riforma tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi mitluba mir-rikorrenti ma jagħtuha ebda benefiċċju, peress li l-multa li ġiet imposta kontriha diġà tħallset totalment minn Alliance One, il-kodebitriċi in solidum tagħha, u li din tal-aħħar, minkejja li ma għandha ebda rabta ġuridika mar-rikorrenti (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), ma ħaditx azzjoni kontra tagħha biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa, minkejja li għaddew iktar minn ħames snin minn meta sar dak il-ħlas.

86      Ir-rikorrenti madankollu jidhrilha li għad għandha interess ġuridiku f’din il-kawża, għar-raġuni li Alliance One dejjem tista’ tieħu azzjoni kontra tagħha biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa, u dan minkejja l-proċedura ta’ konkordat preventiv li tinsab għaddejja.

87      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova tal-interess ġuridiku tagħha (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), ma wrietx b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi li Alliance One kellha kreditu kontra tagħha, u lanqas, anki jekk nassumu li dak il-kreditu jeżisti, li Alliance One għadha tista’ jew għandha l-intenzjoni li tirkupra dak il-kreditu u, għal dak il-fatt, li hija kellha interess eżistenti u attwali li titlob l-annullament u/jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta kontrihom fid-deċiżjoni kkontestata. Effettivament, hija sempliċement affermat li l-kuntratti dwar it-trasferiment tal-ishma tal-kumpannija lill-azzjonisti attwali tagħha ma kienu jinkludu ebda garanzija espliċita ta’ indennizz favur tagħha għal kull multa li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u sostniet li, għaldaqstant, Alliance One dejjem setgħet tieħu azzjoni kontra tagħha biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa li għaliha kienet responsabbli in solidum.

88      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 161 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti, fit-talba tiegħu għal konkordat preventiv, id-debitur għandu, b’mod partikolari, jippreżenta rendikont analitiku u li jagħti stima tal-assi tiegħu kif ukoll lista tad-debituri u tal-kredituri tiegħu u li, wara l-ftuħ tal-proċedura tal-konkordat preventiv, li hija essenzjalment proċedura bil-għan li jiġu stabbiliti l-obbligazzjonijiet taħt il-kontroll ta’ qorti kompetenti, il-kummissarju ġudizzjarju għandu, b’mod konformi mal-Artikolu 171 ta’ dik il-liġi, jipproċedi għall-verifika tal-lista tal-kredituri fuq il-bażi tad-dokumenti tal-kontabbiltà li għandhom jiġu ppreżentati mas-sottomissjoni tar-rikors, qabel ma jipproċedi biex isejjaħ lill-kredituri għal-laqgħa prevista mill-Artikolu 174 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti. B’mod konformi mal-Artikolu 175 tal-imsemmija liġi, matul dik il-laqgħa, li ssir taħt il-presidenza tal-qorti, id-debitur u l-kredituri għandhom jeżaminaw, b’mod partikolari, in-natura ċerta tal-krediti li jidħlu f’kompetizzjoni bejniethom (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Léger fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑145/01, Ġabra p. I‑5581, I-5583, punt 79).

89      Barra minn hekk, huwa stabbilit li Alliance One ma tissemmiex fid-dokumenti tal-kontabbiltà tar-rikorrenti fost il-kredituri ta’ din tal-aħħar u li hija ma hijiex imniżżla fil-lista tal-kredituri fformulata mir-rikorrenti u vverifikata mill-kummissarju ġudizzjarju, b’mod konformi mal-imsemmi Artikolu 161 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti, fil-kuntest tal-proċedura tal-konkordat preventiv li nfetħet quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma.

90      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija ma kinitx obbligata li tinkludi l-kreditu li Alliance One kellha kontriha fid-dokumenti tal-kontabbiltà u li tniżżilha fil-lista tal-kredituri tagħha ma huwiex sostanzjat, ma għandu ebda bażi fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti u tal-kodiċi ċivili Taljan li hija tirreferi għalihom u, fi kwalunkwe każ, huwa magħruf sew li l-għan ta’ kull konkordat huwa, essenzjalment, li jinstab ftehim mal-kredituri kollha, wara li tkun ngħatat stampa preċiża tal-qagħda finanzjarja tal-kumpannija u taħt il-kontroll ta’ awtorità ġudizzjarja, sabiex jiġi evitat il-falliment tagħha. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, peress li Alliance One ħallset l-ammont sħiħ tal-multa li kienet ġiet imposta kontrihom fid-deċiżjoni kkontestata, hija setgħet, fuq l-istess bażi tal-imsemmija deċiżjoni, tieħu azzjoni immedjatament kontra r-rikorrenti biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa, li hija barra minn hekk ikkonfermat fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2011. Fi kwalunkwe każ, kif ġie ppreċiżat fil-punt 88 iktar ’il fuq, il-liġi Taljana dwar il-fallimenti tipprevedi li n-natura ċerta tal-krediti li jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom għandha tiġi eżaminata u diskussa matul il-laqgħa tal-kredituri.

91      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti kkwalifikat lil Alliance One bħala “kreditur preċedenti”fis-sens tal-Artikolu 184 tal-liġi Taljana dwar il-fallimenti, hija ma tat ebda spjegazzjoni f’dan ir-rigward jew dwar ir-raġunijiet għalfejn hija lanqas ma pprovat tipproduċi l-kreditu tagħha f’dik il-proċedura u ma opponitx għal dan, minkejja l-fatt li tali kreditu, li l-ammont tiegħu kien nettament ogħla minn dak tal-krediti kollha effettivament irreġistrati, seta’ eventwalment jinfluwenza d-deċiżjoni tal-kredituri l-oħrajn li jaderixxu mal-proposta tal-konkordat preventiv ifformulata minnha. B’hekk, anki jekk nassumu li l-kreditu ta’ Alliance One kontra r-rikorrenti kien ġie rreġistrat, dan kien ikollu impatt mhux negliġibbli fuq il-konkordat approvat mit-Tribunale fallimentare di Roma.

92      Għandu jiġi osservat ukoll li, skont ir-rikorrenti, għalkemm in-negozjati li wasslu għax-xiri ta’ ishma tal-kumpannija seħħew wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni, it-termini tal-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ dawk l-ishma lill-azzjonisti attwali tagħha ma jagħmlu ebda referenza espliċita għall-proċedura amministrattiva li tat lok għad-deċiżjoni kkontestata, u ma jinkludu ebda garanzija jew indennizz favuriha dwar il-multa eventwali li l-Kummissjoni kienet ser timponi kontriha. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, wara li saret taf bl-ammont tal-multa li kellha tħallas in solidum flimkien ma’ Alliance One, li jaqbeż il-valur tal-ishma tagħha, ir-rikorrenti ma pprovat tikseb ebda indennizz mingħand Alliance One minħabba ż-żamma ta’ informazzjoni. Għall-kuntrarju, fit-talba tagħha biex tiddaħħal fil-proċedura tal-konkordat preventiv, hija lmentat għan-nuqqas ta’ żvelar min-naħa ta’ Alliance One, matul in-negozjati li wasslu għall-imsemmi trasferiment tal-ishma, ta’ “fatti u ċirkustanzi oħrajn li sussegwentement irriżultaw li kienu dannużi”. Mill-proċess jirriżulta wkoll li, xi ftit xhur wara l-preżentata ta’ dik it-talba biex tiddaħħal fil-konkordat, hija attakkat f’dan ir-rigward lil Intabex, il-kumpannija sussidjarja ta’ Alliance One li kienet ittrasferixxiet l-ishma lilha, quddiem it-Tribunale civile di Roma (qorti ċivili ta’ Ruma) billi talbet il-ħlas mingħandha ta’ EUR 7,3 miljun, u li Alliance One lanqas biss ma ppreżentat kontrotalba biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa.

93      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ma huwiex eskluż li Alliance One assumiet il-ħlas tal-parti tal-multa li kellha titħallas mir-rikorrenti jew li hija sussegwentement irrinunzjat li titlob ir-rimbors mingħandha.

94      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat mhux biss li, kif ġie kkonstatat fil-punt 47 iktar ’il fuq, Alliance One ma ħaditx azzjoni kontra r-rikorrenti biex tikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tal-multa mħallsa, iżda wkoll li, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2011, hija naqset milli tindika espliċitament jekk u meta hija kellha l-intenzjoni li tressaq tali azzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Jannar 2011, it-tip ta’ konkordat preventiv li hija għażlet, jiġifieri dak biċ-ċessjoni tal-beni, jirrigwarda essenzjalment il-likwidazzjoni tal-beni tad-debitur għall-finijiet ta’ diżinteressament kollettiv tal-kredituri u jwassal għal waqfien tal-attività. Din l-evalwazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti u hija, barra minn hekk, ikkorroborata mill-bilanċi tagħha għas-snin finanzjarji 2008 u 2009, li ddaħħlu fil-proċess mill-Kummissjoni.

95      Għandu jingħad ukoll, kif issostni l-Kummissjoni, li ma hemm ebda referenza għal din il-proċedura fir-rapport iddettaljat, datat 14 ta’ April 2011, dwar il-qagħda finanzjarja tar-rikorrenti li ġie ppreżentat mill-istralċatarju ġudizzjarju lill-kumitat tal-kredituri, minkejja li l-imsemmi rapport jagħmel referenza għal numru ta’ kawżi pendenti oħrajn. Dan il-fatt juri li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega, l-eżitu ta’ din il-kawża ġie kkunsidrat bħala irrelevanti mir-rikorrenti, kemm għall-futur finanzjarju tagħha kif ukoll għall-kredituri tagħha.

96      Barra minn hekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija tibqa’ unikament responsabbli għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 3.99 miljun f’każ li Alliance One tirbaħ il-Kawża T‑25/06, għandu jiġi rrilevat li, b’sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, mogħtija f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ annullament ta’ Alliance One u li din tal-aħħar tibqa’, għaldaqstant, responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ dik is-somma, li hija kienet diġà ħallset fi Frar 2006.

97      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-interess ġuridiku tagħha jirriżulta mid-dritt fundamentali tagħha ta’ aċċess għal qorti, li hija tidderiva mill-Artikolu 6 tal-KEDB, stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull rikors għal qorti (ara l-punt 80 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dritt ta’ aċċess għal qorti li jikkostitwixxi aspett partikolari, ma huwiex assolut u huwa suġġett għal limitazzjonijiet impliċiti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors. Madankollu, dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux jillimitaw l-aċċess miftuħ ta’ individwu b’mod jew sa tali punt li d-dritt tiegħu għal qorti jiġi ppreġudikat fis-sustanza nnifisha tiegħu. Dawn għandhom iwasslu għal għan leġittimu u għandu jkun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan previst (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, C‑73/10 P, Ġabra p. I‑11535, punt 53).

98      Ma jistax jingħad li kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull rikors għal qorti, bħall-interess ġuridiku, li huwa intiż b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u l-applikazzjoni tagħha f’din il-kawża pprekludew lir-rikorrenti milli tuża r-rimedju disponibbli kontra d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 55).

99      Effettivament, għalkemm ir-rekwiżit ta’ interess ġuridiku jista’ jidher bħala limitazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal qorti, huwa ċar li din il-kundizzjoni ma tmurx kontra s-sustanza proprja ta’ dak id-dritt, peress li r-rekwiżit li r-rikorrent ikollu, fil-mument meta jippreżenta rikors u sa meta tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, interess ġuridiku kontra att li allegatament ikun ta’ preġudizzju għalih, iwassal għal għan leġittimu li finalment jiġi evitat, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li l-qorti tal-Unjoni jkollha quddiemha kwistjonijiet purament teoretiċi, li s-soluzzjoni tagħhom ma tistax tagħti lok għal konsegwenzi ġuridiċi jew, bħal f’din il-kawża, li tagħti benefiċċju lir-rikorrent.

100    Fir-rigward, fit-tielet lok, tar-riskju li terzi jiftħu azzjonijiet għal kumpens kontra r-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li ma ntweriex li t-theddida għas-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti hija diġà ċerta fis-sens tal-ġurisprudenza (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). Effettivament, anki jekk nassumu li l-aġir tal-impriża kkonċernata li ġie imputat b’mod partikolari kontra r-rikorrenti jista’ jagħti lok għal atti li jwasslu biex din tal-aħħar tinżamm responsabbli taħt id-dritt nazzjonali applikabbli, għandu jiġi kkonstatat li jekk jiġi ppreżentat rikors għal kumpens quddiem il-qrati nazzjonali, dan huwa indipendenti minn jekk tiġix annullata d-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma ppreżentatx provi li jistabbilixxu f’liema ċirkustanzi, f’din il-kawża, l-annullanent eventwali tad-deċiżjoni kkontestata jippermettilha li tevita kwalunkwe riskju li jitressaq rikors għal kumpens kontriha quddiem qorti nazzjonali minn terzi li allegatament ikunu sofrew dannu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll, barra minn hekk, li r-rikorrenti sempliċement ippreżentat fil-proċess, bħala anness, rispettivament, għall-ittri tagħha tal-20 ta’ Mejju u tat-13 ta’ Lulju 2011, jiġifieri in tempore suspecto, sempliċi ittri, indirizzati lilha, flimkien mat-tliet proċessuri kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, li fihom talba għad-danni u l-interessi min-naħa ta’ kooperattiva ta’ produtturi tat-tabakk li issa qed jiġu stralċati, stabbilita fil-provinċja ta’ Lecce (l-Italja). Issa dawn l-ittri – li waħda minnhom ma għandhiex id-data meta ntbagħtet u li ġiet riċevuta mir-rikorrenti biss wara li reġa’ tqiegħed indiskussjoni l-interess ġuridiku tagħha f’din il-kawża – ma jurux fihom infushom l-eżistenza ta’ azzjoni għad-danni miftuħa minn terzi li sofrew dannu minħabba l-aġir illeċitu indikat fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-ksur imwettaq mill-impriża li l-aġir tagħha ġie imputat lil Alliance One u lilha, din il-proċedura ma għandha ebda rabta ma’ xi azzjoni eventwali miftuħa minn terzi fuq il-bażi tal-provi u l-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dik id-deċiżjoni. Finalment, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk nassumu li dawk l-azzjonijiet, futuri u inċerti, jistgħu effettivament jinfetħu kontra r-rikorrenti, dawn ma jista’ jkollhom ebda effett materjali fuq din tal-aħħar, peress li hija lanqas ma tinsab f’pożizzjoni li tħallas lill-kredituri attwali tagħha.

101    Fir-raba’ lok, għalkemm ir-rikorrenti tinvoka l-obbligu għall-amministraturi tagħha, u issa għall-istralċatarju tagħha, li jipproteġu, b’applikazzjoni tad-dritt Taljan, l-interessi tal-kredituri minn kull kontinġenza possibbli, hija ma turix b’liema mod tali obbligu, anki jekk nassumu li ġie stabbilit, jagħtiha interess li ssegwi din il-kawża. Barra minn hekk, dan l-argument imur kontra l-attitudni tal-istralċatarju matul il-proċedura ta’ konkordat, peress li, kif jirriżulta mill-proċess, dan tal-aħħar lanqas ma informa lill-kredituri, lill-kummissarju ġudizzjarju u lit-Tribunale fallimentare di Roma dwar l-eżistenza ta’ din il-proċedura (ara l-punt 95 iktar ’il fuq).

102    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma ġabitx prova tal-interess ġuridiku effettiv u attwali tagħha biex issegwi din il-kawża. Minn dan isegwi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

104    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tat prova ta’ aġir li jonqos mil-lealtà lejn il-Qorti Ġenerali peress li naqset, fl-ewwel lok, milli tinfurmaha li kienet qed tiġi stralċata qabel il-ftuħ tal-proċedura orali u, sussegwentement, minkejja l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati wara s-seduta, dwar il-fatt li proċedura ta’ konkordat preventiv fir-rigward tagħha kienet infetħet fl-2007 u kienet għadha għaddejja quddiem it-Tribunale fallimentare di Roma. Effettivament, kien biss wara li ġew eżaminati d-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, annessi mal-osservazzjonijiet tagħha tal-21 ta’ Frar 2011 (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), li l-Qorti Ġenerali setgħet issir taf li r-rikorrenti kienet suġġetta għal tali proċedura.

105    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ preċiżjoni f’ċerti risposti tar-rikorrenti obbliga lill-Qorti Ġenerali biex tordna diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li jirrigwardaw b’mod partikolari fatti li seħħew ferm qabel is-seduta, li kellhom ir-riżultat li jtaqqlu l-proċedura orali u jdewmu l-għeluq tagħha.

106    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti għandha tiġi ordnata biex tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

2)      Mindo Srl hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ottubru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top