Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0524

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta' Diċembru 2008.
Heinz Huber vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen - il-Ġermanja.
Protezzjoni ta’ data personali - Ċittadinanza Ewropea - Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza -Direttiva 95/46/KE - Kunċett ta’ ‘neċessità’ - Proċessar ġenerali ta’ data personali dwar ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor - Reġistru ċentrali tal-barranin.
Kawża C-524/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09705

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:724

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Protezzjoni ta’ data personali — Ċittadinanza Ewropea — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza — Direttiva 95/46/KE — Kunċett ta’ ‘neċessità’ — Ipproċessar ġenerali ta’ data personali dwar ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor — Reġistru ċentrali tal-barranin”

Fil-Kawża C-524/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2006, fil-proċedura

Heinz Huber

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u K. Lenaerts, Presidenti tal-Awla, P. Kūris, G. Arestis, U. Lõhmus, E. Levits (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Jannar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. Huber, minn A. Widmann, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti, assistiti minn K. Hailbronner, professur tal-università,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u K. Boskovits, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, C. M. Wissels u C. ten Dam, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. O’Neill, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Docksey u C. Ladenburger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) KE moqri flimkien mal-Artikoli 17 KE u 18 KE, tal-Artikolu 43(1) KE u tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Huber, ċittadin Awstrijak li jirresjedi fil-Ġermanja, u l-Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Uffiċċju Federali għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem il-“Bundesamt”), dwar it-talba ta’ Huber għat-tħassir tad-data li tirrigwardah mir-reġistru ċentrali tal-barranin, (Ausländerzentralregister, iktar ’il quddiem l-“AZR”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

It-tmien premessa tad-Direttiva 95/46 tipprovdi:

“[Billi, sabiex jitneħħa t-tfixkil għat-tixrid ta’ data personali, il-grad ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuna fl-ipproċessar ta’ dik id-data għandu jkun l-istess fl-Istati Membri kollha; […]”

4

L-għaxar premessa żżid:

“[…] l-approssimazzjoni [tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali] m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità”.

5

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Għan tad-Direttiva”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.”

6

L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jinkludi b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

a)

“data personali” tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)

“ipproċessar ta’ data personali” (“ipproċessar”) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]”

7

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 huwa ddefinit fl-Artikolu 3 tagħha kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

8

L-Artikolu 7(e) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill [68/360/KEE], tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU L 257, p. 13):

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom lill-persuni li hemm referenza għalihom f’Artikolu 1 li jistgħu jipproduċu d-dokumenti mniżżla f’paragrafu 3.

2.   Bħala prova tad-dritt ta’ residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat “Permess għal Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-KEE ”. […]

3.   Għall-ħruġ ta’ dak il-Permess ta’ Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-KEE, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-preżentazzjoni tad-dokumenti segwenti:

mill-ħaddiem:

a)

id-dokument li bih tkun daħlet fit-territorju tagħhom;

b)

konferma ta’ impjieg minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta’ impjieg;

mill-membri tal-familja tal-ħaddiem:

ċ)

id-dokument li bih ikunu daħlu fit-territorju;

d)

dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti prova tar-relazzjoni tagħhom;

e)

fil-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew l-Istat minn fejn ikunu ġew, li jagħti xiehda li huma dipendenti fuq il-ħaddiem jew li jgħixu taħt is-saqaf tiegħu f’dak il-pajjiż.

[…]”

10

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva minbarra għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

11

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill [73/148/KEE], tal-21 ta’ Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, p. 14):

“Kull Stat Membru għandu jagħti d-dritt ta’ residenza permanenti lil ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li stabbilixxew ruħhom fit-territorju tiegħu sabiex ikomplu jwettqu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, meta r-restrizzjonijiet fuq dawn l-attivitajiet ikunu ġew aboliti skond it-Trattat.

Bħala prova tad-dritt ta’ residenza, għandu jinħareġ dokument intitolat “Permess għal Residenza għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej” Dan id-dokument għandu jkun validu għal mhux inqas minn ħames snin mid-data ta’ ħruġ u għandu jkun imġedded awtomatikament.

[…]”

12

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 jipprovdi :

“Applikant għal permess ta’ residenza jew dritt ta’ alloġġ m’għandux ikun meħtieġ minn Stat Membru li jipproduċi xi ħaġa oħra għajr li ġej, jiġifieri:

a)

il-karta ta’ l-identità jew il-passaport li bihom hu jew hi jkunu daħlu fit-territorju tiegħu;

b)

prova li hu jew hi jiġu minn waħda mill-klassijiet ta’ persuni msemmija fl-Artikoli 1 u 4.”

13

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jirripproduċi d-deroga prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360.

14

Fid-29 ta’ April 2004, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77, u rettifika, ĠU 2004, L 229, p. 35) li t-traspożizzjoni tagħha kellha sseħħ sa mhux iktar mit-30 ta’ April 2006. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

[…]

5.   L-Istat Membru jista’ jeħtieġ lill-persuna kkonċernata li tiddikjara l-presenza tagħha fit-territorju nazzjonali fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju. In-nuqqas li dan l-obbligu jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.”

15

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jirregola d-dritt ta’ residenza għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur għal residenzi tal-Unjoni fi Stat Membru fejn mhumiex residenti fit-termini li ġejjin:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew

ċ)

miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

[…]”

16

Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), għal perjodi ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jirreġistraw ma’ l-awtoritajiet rilevanti.

2.   It-terminu perentorju għal reġistrazzjoni m’għandux ikun inqas minn tliet xhur mid-data tal-waslien. Għandu jinħareġ immedjatament ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, li jiddikjara l-isem u l-indirizz tal-persuna li qed tirreġistra u d-data tar-reġistrazzjoni. In-nuqqas li dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.

3.   Biex jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu biss li:

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għalihom japplika l-punt (a) ta’ l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta’ ta’ l-identità jew passaport li huma validi, konferma ta’ tħaddim minn dak li jħaddem jew ċertifikat ta’ xogħol, jew prova li huma persuni li jaħdmu għal rashom,

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għalihom japplika l-punt (b) ta’ l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi u jipprovdu prova li huma jissoddisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti hemm,

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għalihom jirreferi l-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 7(1) jippreżentaw karta’ ta’ l-identità jew passaport li huma validi, jipprovdu prova ta’ dħul f’istitut akkreditat u ta’ assigurazzjoni ta’ mard komprensiva u d-dikjarazzjoni jew mezzi ekwivalenti msemmija fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 7(1).[…]”

17

L-Artikolu 27 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali” jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.

3.   Sabiex ikun aċċertat jekk il-persuna kkonċernata tirrappreżentax periklu għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika, fil-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni, mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tal-waslien tal-persuna kkonċernata fit-territorju jew mid-data tar-rappurtaġġ tal-preżenza tagħha fit-territorju, kif previst fl-Artikolu 5(5), jew fil-mument li tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istat Membru ospitanti jista’, jekk dan jitqies bħala essenzali, jitlob lill-Istat Membru ta’ oriġini u, jekk hemm il-bżonn lill-Istati Membri oħra, biex jipprovdu informazzjoni dwar rekordji tal-pulizija preċedenti li jista’ jkollha l-persuna kkonċernata. Dan l-istħarriġ m’għandux isir b’mod sistematiku.

[…]”

18

Fl-aħħar nett, ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, p. 23) jistabbilixxi l-kuntest li fih l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-istatistiċi rigward il-movimenti ta’ migrazzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19

Skont l-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar ir-reġistru ċentrali tal-barranin (Gesetz über das Ausländerzentralregister), tat-2 ta’ Settembru 1994 (BGB1. 1994 I, p. 2265), kif emendata mil-liġi tal-21 ta’ Ġunju 2005 (BGB1. 1994 I, p. 1818, iktar ’il quddiem l-“AZRG”), il-Bundesamt, li huwa parti mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet Interni, jassigura l-ġestjoni tal-AZR, reġistru ċentralizzat li jgħaqqad flimkien ċerta data personali dwar barranin li, fost oħrajn, jirresjedu fit-territorju Ġermaniż b’mod mhux esklużivament temporanju. Il-persuni koperti huma l-barranin li jgħixu f’dan it-territorju għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur, kif jirriżulta miċ-ċirkolari amministrattiva ġenerali tal-Ministeru Federali għall-Affarijiet Interni dwar l-AZRG u mir-regolament ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi (Allgemeine Verwaltungsvorschrift des Bundesministeriums des Innern zum Gesetz über das AZR und zur AZRG-Durchführungsverordnung) tal-4 ta’ Ġunju 1996. Din l-informazzjoni hija mqassma f’żewġ bażijiet ta’ data li huma ġestiti separatament. Waħda tinkludi data personali dwar barranin li jgħixu jew li għexu fil-Ġermanja, u l-oħra, dwar dawk li ppreżentaw talba għal visa.

20

Skont l-Artikolu 3 tal-AZRG, l-ewwel bażi ta’ data tinkludi b’mod partikolari l-informazzjoni li ġejja:

l-isem tal-awtorità li bagħtet l-informazzjoni;

in-numru ta’ referenza attribwit mill-Bundesamt;

il-motivi tar-reġistrazzjoni;

il-kunjom, l-isem mat-twelid, l-ismijiet, id-data u l-post ta’ twelid, is-sess u ċ-ċittadinanza;

l-ismijiet patronimiċi antiki u oħrajn, l-istat ċivili, l-informazzjoni dwar id-dokumenti ta’ identità, l-aħħar residenza fl-Istat ta’ oriġini, l-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju dwar ir-reliġjon u ċ-ċittadinanza tal-konjuġi jew tas-sieħeb;

l-informazzjoni dwar id-dħul u l-ħruġ mit-territorju, l-istatus fir-rigward tal-permess ta’ residenza, id-deċiżjonijiet tal-aġenzija federali tal-impjieg fir-rigward ta’ permess ta’ xogħol, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat minn Stat ieħor, id-data tal-mewt;

id-deċiżjonijiet dwar, fost oħrajn, applikazzjoni għal ażil, applikazzjoni preċedenti għal permezz ta’ residenza kif ukoll l-informazzjoni kollha rigward, b’mod partikolari, proċedura ta’ tkeċċija, mandat ta’ arrest, suspetti ta’ ksur tal-liġijiet dwar id-drogi jew dwar l-immigrazzjoni, jew ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet terroristiċi, u dwar kundanna minħabba tali attivitajiet; u

il-mandati ta’ tfittxija.

21

Bħala l-awtorità responsabbli għall-ġestjoni tal-AZR, il-Bundesamt huwa responsabbli għall-eżattezza tad-data li tiġi rreġistrata fih.

22

Skont l-Artikolu 1(2) tal-AZRG, permezz tar-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni tad-data personali dwar il-barranin, il-Bundesamt jassisti l-amministrazzjonijiet pubbliċi responsabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-barranin u tad-dritt għal ażil kif ukoll lil entitajiet pubbliċi oħra.

23

Skont l-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi, kull applikazzjoni ppreżentata minn amministrazzjoni pubblika intiża għall-konsultazzjoni tal-AZR jew għat-trażmissjoni ta’ data personali li tinsab fih għandha tissodisfa diversi kundizzjonijiet, li l-konformità magħhom għandha tiġi vverifikata mill-Bundesamt fuq bażi individwali. Dan tal-aħħar għandu, b’mod partikolari, jeżamina jekk id-data mitluba minn amministrazzjoni hijiex neċessarja għat-twettiq tal-kompiti ta’ din tal-aħħar u l-użu preċiż li għalih hija intiża din id-data. Il-Bundesamt għandu s-setgħa li jirrifjuta applikazzjoni li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbliliti.

24

L-Artikoli 14 sa 21 u 25 sa 27 tal-imsemmija liġi jelenkaw id-data personali li tista’ tintbagħat skont l-entità li tippreżenta l-applikazzjoni għaliha.

25

B’hekk, skont l-Artikolu 14(1) tal-AZRG, jistgħu jintbagħtu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ġermaniżi kollha d-data rigward l-identità u d-domiċilju kif ukoll id-data tal-mewt u l-informazzjoni fuq l-amministrazzjoni responsabbli għall-fajl u d-deċiżjoni li d-data ma tiġix ikkomunikata.

26

L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jissuġġetta l-hekk imsejħa applikazzjonijiet ta’ grupp, jiġifieri dawk li jirrigwardaw grupp ta’ persuni li għandhom karatteristika jew iktar komuni bejniethom, għal rekwiżiti sostanzjali u proċedurali differenti. Tali possibbiltà hija miftuħa biss għal numru limitat ta’ entitajiet pubbliċi. Barra minn hekk, kull trażmissjoni ta’ data personali wara tali applikazzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-kontrolluri federali u reġjonali għall-ħarsien tad-data personali.

27

Barra minn hekk, l-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi jippermetti lill-entitajiet pubbliċi li huma awtorizzati għal dan il-għan li jikkonsultaw direttament l-AZR billi jużaw proċedura awtomatizzata. Madankollu, din il-possibbiltà teżisti biss f’sitwazzjonijiet strettament definiti u wara li jiġu mwieżna, mill-Bundesamt, l-interessi tal-persuna kkonċernata u l-interess ġenerali. Barra minn hekk, tali konsultazzjoni mhijiex possibbli fil-kuntest tal-hekk imsejħa applikazzjonijiet ta’ grupp. L-entitajiet pubbliċi li għandhom din is-setgħa skont l-Artikolu 22 tal-AZRG huma, skont l-Artikolu 7 ta’ din il-liġi, awtorizzati wkoll biex jintroduċi direttament data u informazzjoni fl-AZR.

28

Fl-aħħar nett, l-Artikoli 25 sa 27 tal-AZRG jidentifikaw l-entitajiet privati li jistgħu jiksbu ċerta data li tinsab fl-AZR.

29

Il-qorti tar-rinviju żiedet tgħid li, fil-Ġermanja, kull persuna li toqgħod hemmhekk, kemm jekk tkun ta’ ċittadinanza Ġermaniża jew le, għandha tinkiteb fir-reġistru miżmum mill-amministrazzjoni tal-komun li hija tirresjedi fiha (Einwohnermelderegister). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan it-tip ta’ reġistru jinkludi biss parti mid-data li tinsab fl-AZR, peress li dik rigward, b’mod partikolari, l-istatus rigward il-permess ta’ residenza ma tidhirx fih. Attwalment jeżistu madwar 7700 reġistru tal-komuni.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

30

H. Huber, ċittadin Awstrijak, stabbilixxa ruħu fil-Ġermanja fl-1996 sabiex jeżerċita hemmhekk il-professjoni ta’ aġent indipendenti ta’ assigurazzjoni.

31

Id-data dwaru li ġejja hija miżmuma fl-AZR:

kunjom, isem, data u post ta’ twelid, ċittadinanza, stat ċivili, sess;

kronoloġija tad-dħul fit-territorju Ġermaniż u ħruġ minn dan it-territorju, status ta’ residenza;

indikazzjonijiet dwar passaporti sussugwenti;

kronoloġija tad-dikjarazzjonijiet ta’ domiċilju preċedenti; u

in-numri ta’ riferiment tal-Bundesamt, indikazzjonijiet tas-servizzi li bagħtu d-data kif ukoll in-numri ta’ riferiment ta’ dawn is-servizzi.

32

Peress li qies li saret diskriminazzjoni kontrih minħabba l-ipproċessar li ġiet suġġetta għalih id-data fl-AZR li tikkonċernah, b’mod partikolari peress li tali bażi ta’ data ma teżistix għaċ-ċittadini Ġermaniżi, Huber talab it-tħassir ta’ din id-data fit-22 ta’ Lulju 2000. Din it-talba ġiet miċħuda fid-29 ta’ Settembru 2000 mill-awtorità amministrattiva li kienet, f’dak iż-żmien, responsabbli għall-ġestjoni tal-AZR.

33

Peress li l-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni wkoll ġie miċħud, H. Huber ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (Qorti Amministrattiva ta’ Kolonja) li laqgħet it-talba tiegħu permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2002. Filwaqt li laqgħet l-imsemmija talba, il-Verwaltungsgericht Köln ikkunsidrat li l-ipproċessar ġenerali tad-data dwar ċittadin tal-Unjoni li m’għandux iċ-ċittadinanza Ġermaniża fil-kuntest ta’ dan ir-reġistru jikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikoli 49 KE u 50 KE li ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għan ta’ trattament rapidu tal-kawżi relatati mal-permess ta’ residenza tal-barranin. Barra minn hekk, din il-qorti qieset li ż-żamma u l-ipproċessar tad-data kkontestata kienu jmorru kontra l-Artikoli 12 KE u 18 KE kif ukoll kontra l-Artikoli 6(1)(b) u 7(e) tad-Direttiva 95/46.

34

Il-Bundesrepublik Deutschland, permezz tal-intermedjarju tal-Bundesamt, appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (Qorti tal-Appell Amministrativa tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen), li tqis li d-diversi kwistjonijiet ġuridiċi mqajmin quddiemha jeħtieġu interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Ġustizzja.

35

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin tal-Unjoni li jirresjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, meta mhuwiex ċittadin tal-imsemmi Stat, jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691, punt 63, tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 32), u tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 32). Għaldaqstant, peress li eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu kif mogħti lilu permezz tal-Artikolu 18(1) KE, H. Huber jista’ jibbaża ruħu fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 12 KE.

36

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ipproċessar ġenerali tad-data personali rigward H. Huber fl-AZR jinvolvi żewġ differenzi meta jiġi mqabbel mal-ipproċessar tad-data rigward ċittadin Ġermaniż, jiġifieri, minn naħa, ċerta data rigward ir-rikorrent fil-kawża prinċipali hija miżmuma mhux biss fir-reġistru tal-komun fejn jirresjedi iżda wkoll fl-AZR; min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar jinkludi data supplimentari.

37

Il-qorti tar-rinviju mhijiex ċerta li tali differenza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata mill-bżonn li tiġi kkontrollata r-residenza tal-barranin fit-territorju Ġermaniż. Hija tistaqsi wkoll jekk l-ipproċessar ġenerali tad-data personali rigward ċittadini tal-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza Ġermaniża li kienu jirresjedu jew jirresjedu fit-territorju Ġermaniż huwiex proporzjonat mal-għan ta’ ħarsien tas-sigurtà pubblika, inkwantu l-AZR jirrigwarda t-totalità tal-imsemmija ċittadini u mhux biss dawk li jiġu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija mit-territorju Ġermaniż jew għal projbizzjoni ta’ residenza f’dan it-territorju.

38

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li H. Huber jaqa’, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE. Peress li l-libertà ta’ stabbiliment ma tirrigwardax biss il-bidu ta’ attività professjonali indipendenti, iżda wkoll il-kundizzjonijiet ġenerali tal-eżerċizzju tagħha, hija tistaqsi jekk l-ipproċessar ġenerali tad-data rigward H. Huber fl-AZR jistax tinfluwenza dawn il-kundizzjonijiet b’tali mod li huwa jwassal għal restrizzjoni tal-eżerċizzju ta’ din il-libertà.

39

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kriterju ta’ neċessità li jirriżulta mill-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 jistax jikkostitwixxi kriterju ta’ evalwazzjoni ta’ sistema ta’ proċessar ġenerali ta’ data bħal dak stabbilit fil-kuntest tal-AZR. Fil-fatt, hija ma teskludix l-ipoteżi li din id-direttiva ma tippreġudikax il-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali li jiddefinixxi huwa nnifsu dan ir-rekwiżit ta’ neċessità. Madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ, tqum il-kwistjoni dwar il-mod kif għandu jinftiehem dan ir-rekwiżit, b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-mistoqsija jekk l-għan ta’ semplifikazzjoni amministrattiva jistax jiġġustifika pproċessar ta’ data bħal dak stabbilit mill-AZRG.

40

F’dan il-kuntest, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-ipproċessar ġenerali ta’ data personali ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn f’reġistru ċentrali tal-barranin huwa kompatibbli ma’ […] il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza kontra ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE flimkien mal-Artikoli 17 KE u 18(1) KE)[?]

2)

[Tali pproċessar huwa kompatibbli ma’] il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43 KE)[?]

3)

[Tali pproċessar huwa kompatibbli ma’] ir-rekwiżit tan-neċessità skont l-Artikolu 7(e) ta’ [Direttiva 95/46] […]?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet premilinari

41

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-ipproċessar ta’ data personali li jsir f’reġistru bħall-AZR.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1(2) tal-AZRG jipprovdi li, permezz taż-żamma ta’ ċerta data personali dwar il-barranin fl-AZR u permezz tat-trażmissjoni ta’ din id-data, il-Bundesamt, li huwa responsabbli għaż-żamma ta’ dan ir-reġistru, jassisti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi li għandhom bħala funzjoni l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni rigward id-dritt tal-barranin u rigward id-dritt ta’ ażil kif ukoll ta’ entitajiet pubbliċi oħrajn. B’mod partikolari, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-AZR jintuża għal finijiet ta’ statistika u waqt l-eżerċizzju, mis-servizzi ta’ sigurtà u mill-pulizija kif ukoll mill-awtoritajiet ġudizzjarji, ta’ kompetenzi fir-rigward ta’ proċeduri ġudizzjarji jew stħarriġ dwar aġir perikoluż jew li jqiegħed fil-perikolu l-ordni pubbliku.

43

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li data bħal dik li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-AZR jinkludi rigward H. Huber tikkostitwixxi data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, peress li hija “data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. Il-ġabra, iż-żamma u t-trażmissjoni tagħha mill-korp responsabbli għall-ġestjoni tar-reġistru li jinkludihom għandhom, għaldaqstant, in-natura ta’ “ipproċessar ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva.

44

Madankollu, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 jeskludi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, fost l-oħrajn, l-ipproċessar ta’ data personali li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat u l-attivitajiet tal-Istat fl-oqsma tad-dritt kriminali.

45

Minn dan jirriżulta li, minkejja li l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza u għal finijiet ta’ statistika jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, dan ma japplikax fir-rigward tal-ipproċessar ta’ tali data b’għan marbut mal-ġlieda kontra l-kriminalità.

46

Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-ipproċessar ta’ data personali magħmul fil-kuntest ta’ reġistru bħalma huwa l-AZR, minn naħa, meqjus fil-funzjoni tiegħu ta’ sostenn għall-amministrazzjonijiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza u fl-użu tiegħu għal finijiet ta’ statistika, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, u b’mod iktar partikolari, billi tittieħed inkunsiderazzjoni t-tielet domanda preliminari, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ neċessità inkluża fl-Artikolu 7(e), interpretata fid-dawl tar-rekwiżiti tat-Trattat, fosthom b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u, min-naħa l-oħra, meqjus fil-funzjoni tiegħu ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, fid-dawl tad-dritt Komunitarju primarju.

Fuq l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza u għal finijiet ta’ statistika

Kunċett ta’ neċessità

47

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46 jobbliga lill-Istati Membri li jassiguraw il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

48

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 intitolat “Regoli ġenerali dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”, bla ħsara għad-derogi aċċettati taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, kull proċessar ta’ data għandu, minn naħa, jikkonforma mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data elenkati fl-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji sabiex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu, li huma elenkati fl-Artikolu 7 tal-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punt 65).

49

B’mod partikolari, l-Artikolu 7(e) jipprovdi li l-ipproċessar ta’ data personali huwa leġittimu jekk “ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data”.

50

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva 95/46 għandha l-għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tmien premessa tagħha, li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-persuni fl-ipproċessar ta’ data personali jkun l-istess fl-Istati Membri kollha. L-għaxar premessa tagħha żżid li l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali applikabbli f’dan ir-rigward m’għandhiex twassal biex iddgħajjef il-protezzjoni li huma jassiguraw, iżda għandha, bil-kontra, ikollha bħala għan li tiggarantixxi livell ogħla ta’ protezzjoni fil-Komunità.

51

B’hekk, ġie deċiż li l-armonizzazzjoni tal-imsemmija liġijiet nazzjonali mhijiex limitata għal armonizzazzjoni minima, iżda twassal għal armonizzazzjoni li hija, bħala prinċipju, kompleta (ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 96).

52

Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan li jiġi assigurat livell ta’ protezzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, il-kunċett ta’ neċessità kif jirriżulta mill-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 li huwa intiż sabiex jiddefinixxi preċiżament waħda mill-ipoteżi li fihom l-ipproċessar ta’ data personali hija leġittima, ma jistax ikollu kontenut li jinbidel skont l-Istat Membru. Għaldaqstant, dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt Komunitarju li għandu jingħata tali interpretazzjoni li tissodisfa b’mod sħiħ l-għan ta’ din id-direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tagħha.

Evalwazzjoni tan-natura neċessarja ta’ pproċessar ta’ data personali bħal dak magħmul fil-kuntest tal-AZR għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza u għall-finijiet ta’ statistika

53

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-AZR huwa reġistru ċentralizzat li jinkludi ċerta data personali rigward iċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini Ġermaniżi u jista’ jiġi kkonsultat minn diversi entitajiet pubbliċi u privati.

54

Fir-rigward tal-użu ta’ reġistru bħalma huwa l-AZR għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza, għandu jiġi mfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stat Membru fejn mhuwiex ċittadin mhuwiex mingħajr kundizzjonijiet, iżda jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa, C-33/07, Ġabra p. I-5157, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

B’hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 68/360, moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, kienu jissuġġettaw id-dritt ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jirresjedi iktar minn tliet xhur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għar-rekwiżit li jkun parti minn waħda mill-kategoriji stabbiliti minn dawn id-direttivi u l-osservazzjoni ta’ dan id-dritt għal ċerti formalitajiet, marbutin mal-preżentazzjoni jew mal-komunikazzjoni, mill-applikant, ta’ karta ta’ residenza, kif ukoll ta’ diversi dokumenti u informazzjoni.

56

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi u jillimitaw id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza ta’ ċittadin minn Stat Membru ieħor fit-territorju tagħhom.

57

Id-Direttiva 2004/38, li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha skada fit-30 ta’ April 2006 u li għaldaqstant ma kinitx applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża preżenti, ħassret iż-żewġ direttivi msemmija iktar ’il fuq, iżda tirripproduċi ġeneralment, fl-Artikolu 7 tagħha, kundizzjonijiet li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti minn dawn tal-aħħar f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, kif ukoll, fl-Artikolu 27(1) tagħha, ir-restrizzjonijiet relatati miegħu. Barra minn hekk, fl-Artikolu 8(1) tagħha, hija tipprovdi li l-Istat Membru ospitanti jista’ jissuġġetta lil kull ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jixtieq jirresjedi fit-territorju tiegħu għal terminu ta’ iktar minn tliet xhur għall-obbligu li jirreġistra ruħu għand l-awtoritajiet kompetenti. F’dan ir-rigward, l-Istat Membru ospitanti jista’, skont l-Artikolu 8(3), jitlob il-preżentazzjoni ta’ divesi dokumenti u informazzjoni li jippermettu lil dawn l-awtoritajiet sabiex jikkonstataw li l-kundizzjonijiet imposti għad-dritt ta’ residenza huma sodisfatti.

58

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li huwa neċessarju, għal Stat Membru, li jkollu fid-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni u dokumenti rilevanti sabiex jivverifika, fil-kuntest iddefinit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli, l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu fil-każ ta’ ċittadin minn Stat Membru ieħor kif ukoll in-nuqqas ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw restrizzjoni ta’ dan id-dritt. Għaldaqstant, l-użu ta’ reġistru bħalma huwa l-AZR bl-għan ta’ sostenn għall-awtoritajiet li huma responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza huwa, fil-prinċipju, leġittimu u, fid-dawl tan-natura tiegħu, kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza li tinsab fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE.

59

Madankollu, għandu jiġi osservat li tali reġistru ma jistax jinkludi informazzjoni oħra għajr dik li hija neċessarja għal dan il-għan. F’dan ir-rigward, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-ipproċessar tad-data personali li tirriżulta mid-dokumenti msemmija fl-Artikoli 8(3) u 27(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jitqies bħala neċessarju, fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza.

60

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, jekk il-ġbir tad-data meħtieġa għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza jirriżulta li mhuwiex effettiv minħabba n-nuqqas taż-żamma tagħha, sa fejn bidla fis-sitwazzjoni personali tal-benefiċjarju tad-dritt ta’ residenza jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-istatus tiegħu fir-rigward ta’ dan id-dritt, hija l-awtorità responsabbli għal reġistru bħall-AZR li għandha tara li d-data miżmuma tiġi, fejn ikun xieraq, aġġornata, b’tali mod li, minn naħa, hija tikkorrispondi għas-sitwazzjoni effettiva tal-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, id-data superfluwa titħassar mill-imsemmi reġistru.

61

Fir-rigward tar-regoli ddettaljati għall-użu ta’ tali reġistru għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza, huwa biss l-għoti ta’ aċċess lil awtoritajiet li huma kompetenti f’dan is-settur li jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46.

62

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda n-neċessità li jkun hemm reġistru ċentrali bħalma huwa l-AZR, għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza, għandu jiġi kkunsidrat li anki jekk jitqies li reġistri deċentralizzati bħalma huma r-reġistri tal-komuni tal-populazzjoni jinkludu d-data rilevanti kollha sabiex l-imsemmija awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom, ċentralizzazzjoni ta’ din id-data tista’ tirriżulta neċessarja fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 jekk hija tikkontribwixxi għal applikazzjoni iktar effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jirresjedu fit-territorju ta’ Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu.

63

Fir-rigward tal-funzjoni ta’ statistika ta’ reġistru bħalma huwa l-AZR, għandu jiġi mfakkar li d-dritt Komunitarju, filwaqt li jistabbilixxi l-moviment liberu tal-persuni u filwaqt li jagħti lil kull persuna li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu dritt ta’ aċċess għat-territorju tal-Istati Membri għall-finijiet intiżi mit-Trattat, ma eskludiex il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom tagħrif eżatt tal-movimenti tal-popolazzjoni li jaffettwaw it-territorju tagħhom (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1976, Watson u Belmann, 118/75, Ġabra p. 1185, punt 17).

64

Bl-istess mod, ir-Regolament Nru 862/2007 li jipprovdi għat-trażmissjoni tal-istatistika rigward il-moviment tal-migrazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri jippresupponi l-ġbir mill-Istati tal-informazzjoni li tippermetti l-istabbiliment ta’ din l-istatistika.

65

Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ma jrendix neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, il-ġbir u ż-żamma tad-data marbuta ma’ ismijiet li jsiru fil-kuntest ta’ reġistru bħalma huwa l-AZR. Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali għan jeżiġi biss l-ipproċessar ta’ informazzjoni anonima.

66

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li sistema ta’ pproċessar ta’ data personali rigward iċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, bħal dik implementata mill-AZRG u li għandha bħala għan is-sostenn tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ neċessità previst mill-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, interpretat fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, ħlief:

jekk tinkludi biss id-data neċessarja għall-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni mill-imsemmija awtoritajiet u

jekk in-natura ċentralizzata tagħha tippermetti applikazzjoni iktar effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

67

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dawn l-elementi fil-kawża prinċipali.

68

F’kull każ, iż-żamma u l-ipproċessar ta’ data personali marbuta ma’ ismijiet fil-kuntest ta’ reġistru bħall-AZR għal finijiet ta’ statistika ma jistgħux jitqiesu bħala neċessarji fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46.

Fuq l-ipproċessar ta’ data personali dwar iċ-ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għal finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità

69

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost l-imsemmija ċittadini tal-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti b’mod espliċitu f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punti 22 u 23, kif ukoll Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

70

F’dan ir-rigward, ċittadin tal-Unjoni li jirresjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Martínez Sala, punt 63; Grzelczyk, punt 32, kif ukoll Bidar, punt 32).

71

Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu b’mod partikolari dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertaijet fundamentali ggarantiti mit-Trattat u dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri kif mogħtija mill-Artikolu 18 KE (ara f’dan is-sens, is-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Mill-Artikolu 1 tal-AZRG, moqri flimkien maċ-ċirkolari amministrattiva ġenerali tal-Ministeru Federali għall-Affarijiet Interni, tal-4 ta’ Ġunju 1996, dwar l-AZRG u l-leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jirriżulta li s-sistema ta’ żamma u ta’ pproċessar ta’ data personali implementata fil-kuntest tal-AZR tirrigwarda t-totalità taċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li jirresjedu għal perijodu ta’ iktar minn tliet xhur fit-territorju Ġermaniż, indipendement mir-raġunijiet li jwassluhom biex jirresjedu hemm.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li H. Huber eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu f’dan it-territorju, kif mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 18 KE, u, fid-dawl tal-kuntest tal-kawża prinċipali, il-kompatibbiltà ta’ sistema ta’ żamma u pproċessar ta’ data personali bħal dik inkwistjoni tal-kawża prinċipali mal-prinċipju li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, fir-rigward tad-data miżmuma u pproċessata għal finijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE.

74

F’dan il-kuntest, għandu jingħad li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix indikazzjonijiet preċiżi li jippermettu li jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 KE. Madankollu, anki kieku l-qorti tar-rinviju kellha tgħid li dan huwa l-każ, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma tistax tkun differenti skont jekk huwiex ibbażat fuq din id-dispożizzjoni jew fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 KE.

75

Fil-fatt, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa bbażat fuq l-Artikolu 12 KE jew fuq l-Artikolu 42 KE jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod. Tali trattament jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u proporzjonati mal-għan leġittimu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2008, Wood, C-164/07, Ġabra p. I-4143, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76

Għaldaqstant għandhom jiġu mqabblin, f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u li jirresjedu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u dik taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru fir-rigward tal-għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità. Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż invoka dan l-aspett ta’ ħarsien tal-ordni pubbliku.

77

Jekk tali għan ikun ta’ natura leġittima, huwa ma jistax jiġi invokat biex jiġġustifika l-ipproċessar sistematiku ta’ data personali li jkun limitat għad-data taċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.

78

Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġlieda kontra l-kriminalità, fis-sens ġenerali ppreżentat mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, tirreferi neċessarjament għall-proċeduri ġudizzjarji kontra d-delitti u l-kontravvenzjonijiet imwettqa, indipendentement min-nazzjonalità tal-awturi tagħhom.

79

Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax iqis is-sitwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu bħala differenti minn dik taċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u li jirresjedu fit-territorju tiegħu fir-rigward tal-għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità.

80

Għaldaqstant, id-differenza fit-trattament bejn dawn iċ-ċittadini u ċ-ċittadini tal-Unjoni li tirriżulta mill-ipproċessar sistematiku tad-data personali li jirrigwarda biss iċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat bil-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE.

81

Konsegwentement, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ sistema ta’ pproċessar ta’ data personali speċifika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ dan l-Istat Membru bil-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

Fuq l-ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Sistema ta’ pproċessar ta’ data personali rigward iċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, bħal dik implementata mir-reġistru ċentrali tal-barranin (Gesetz über das Ausländerzentralregister) tat-2 ta’ Settembru 1994, kif emendata mil-liġi tat-21 ta’ Ġunju 2005, u li għandha bħala għan is-sostenn tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fuq id-dritt ta’ residenza ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ neċessità previst mill-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, interpretat fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, ħlief:

jekk tinkludi biss id-data neċessarja għall-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni mill-imsemmija awtoritajiet u

jekk in-natura ċentralizzata tagħha tippermetti applikazzjoni iktar effettiva ta’ din il-leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dawn l-elementi fil-kawża prinċipali.

F’kull każ, iż-żamma u l-ipproċessar ta’ data personali marbuta ma’ ismijiet fil-kuntest ta’ reġistru bħar-reġistru ċentrali ta’ barranin għal finijiet ta’ statistika ma jistgħux jitqiesu bħala neċessarji fis-sens tal-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46.

 

2)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ sistema ta’ pproċessar ta’ data personali speċifika għaċ-ċittadini tal-Unjoni li mhumiex ċittadini ta’ dan l-Istat Membru bil-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top