Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0507

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-21 ta' Frar 2008.
    Malina Klöppel vs Tiroler Gebietskrankenkasse.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Innsbruck - l-Awstrija.
    Dritt għal allowance għall-kura tat-tfal fl-Awstrija - Nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ perijodi li fihom ġew irċevuti benefiċċji tal-familja fi Stat Membru ieħor - Regolament (KEE) Nru 1408/71.
    Kawża C-507/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:110

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    21 ta’ Frar 2008 ( *1 )

    “Dritt għal allowance għall-kura tat-tfal fl-Awstrija — Nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ perijodi li fihom ġew irċevuti benefiċċji tal-familja fi Stat Membru ieħor — Regolament (KEE) Nru 1408/71”

    Fil-Kawża C-507/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2006, fil-kawża

    Malina Klöppel

    vs

    Tiroler Gebietskrankenkasse,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Klöppel, minn D. Rief,

    għat-Tiroler Gebietskrankenkasse, minn A. Bramböck, bħala aġent,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

    għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,

    wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 3 u 72 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 (ĠU L 187, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll ta’ l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 410/2002 tas-27 ta’ Frar 2002 (ĠU L 62, p. 17, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Klöppel u t-Tiroler Gebietskrankenkasse fir-rigward tat-tul tal-perijodu li fih il-persuna kkonċernata tista’ tibbenefika, fl-Awstrija, mill-allowance għall-kura tat-tfal.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    3

    Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Ugwaljanza ta' trattament”:

    “1.   Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni residenti fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.

    […]”

    4

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti” jistabbilixxi:

    “1.   Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

    […]

    h)

    benefiċċji tal-familja.

    […]”

    5

    L-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Aggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras (self-employment)”, jiddisponi:

    “Fejn il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru twettaq [tipprovdi li l-]akkwist tad-dritt tal-benefiċċji [huwa] kondizzjonat fuq it-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat tieħu inkonsiderazzjoni għal dan l-iskop, sa fejn ikun hemm bżonn, perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru, bħallikieku dawn kienu perjodi mwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra”.

    6

    Skond l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Regoli applikabbli fejn persuna impjegata jew li taħdem għal rasha hija suġġetta suċċessivament għal-leġislazzjoni ta’ diversi Stati Membri matul l-istess perjodu jew parti minn perjodu”:

    “Fejn persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suċċessivament suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ żewġ Stati Membri matul l-istess perjodu li jissepara żewġ dati għall-pagament ta’ benefiċċji tal-familja kif ipprovdut bil-leġislazzjoni ta’ wieħed jew Iż-żewġ [taż-żewġ] Stati Membri kkonċernati, ir-regoli segwenti japplikaw:

    a)

    Il-benefiċċji tal-familja li tista’ titlob il-persuna kkonċernata bis-saħħa li tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati jkunu jikkorrispondu man-numru ta’ benefiċċji ġornaljieri dovuti taħt il-leġislazzjoni rilevanti. Fejn tali leġislazzjoni ma tipprovdix għall-benefiċċji ġornaljieri, il-benefiċċji tal-familja jkunu mogħtija inproporzjon mat-tul taż-żmien matul liema l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ kull wieħed mill-Istati Membri in relazzjoni mal-perjodu ffissat mil-leġislazzjoni kkonċernata;

    b)

    Fejn il-benefiċċji tal-familja kienu pprovduti minn istituzzjoni matul perjodu meta suppost li kienu pprovduti minn istituzzjoni oħra, ikun hemm aġġustament tal-valur (kontijiet) bejn l-imsemmija istituzzjonijiet;

    […]”

    Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka

    7

    L-Artikolu 5 tal-liġi dwar l-allowance għall-kura tat-tfal (Kinderbetreuungsgeldgesetz) tat-8 ta’ Awwissu 2001 (BGBl. I, 103/2001, iktar ’il quddiem il-“KBGG”), jiddisponi:

    “1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti hawn taħt, l-allowance għall-kura tat-tfal tingħata sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ 36 xahar.

    2.   Jekk ġenitur wieħed jirċievi l-allowance għall-kura tat-tfal, din tingħata sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ 30 xahar. Jekk it-tieni ġenitur jirċievi wkoll l-allowance għall-kura tat-tfal, id-dritt għall-allowance huwa estiż lil hinn mit-tletin xahar sal-perijodu li għalih it-tieni ġenitur jitlob li jingħata din l-allowance, iżda ma jistax jestendi lil hinn mill-età ta’ 36 xahar tal-wild.

    3.   Iż-żewġ ġenituri jistgħu jirċievu l-allowance għall-kura tat-tfal wieħed wara l-ieħor, u din il-bidla tista’ ssir darbtjen għal kull wild. […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    8

    M. Klöppel, ċittadina Ġermaniża u uffiċjal tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, hija residenti fl-Awstrija u hija impjegata bħala għalliema fi skola sekondarja fil-Ġermanja. Sat-18 ta’ Awwissu 2004, hija kienet residenti fil-Ġermanja fejn, fil-11 ta’ April 2004, twieldet bintha. Is-Sur Kraler, ċittadin Awstrijak, sieħeb is-Sinjura Klöppel u missier din it-tifla, mill-1 ta’ Marzu 2004 mar joqgħod fir-residenza tal-persuna kkonċernata sabiex jgħinha qabel ma welldet u sabiex jassigura l-kura tat-tifla wara t-twelid tagħha. Għal dan il-għan, l-Università ta’ Innsbruck, li magħha s-Sur Kraler huwa impjegat fl-Awstrija, tatu leave bla ħlas. M. Klöppel, min-naħa tagħha, ngħatat leave full-time u bla ħlas mit-22 ta’ Lulju 2004 sa l-10 ta’ April 2007.

    9

    Wara t-twelid ta’ binthom, M. Klöppel u s-Sur Kraler, li dak iż-żmien kienu qed jgħixu fil-Ġermanja, ibbenefikaw mill-allowance għall-edukazzjoni mħallsa f’dan l-Istat Membru, u min-naħa tiegħu, is-Sur Kraler irċieva din l-allowance għall-perijodu bejn il-11 ta’ April u l-11 ta’ Awwissu 2004.

    10

    Fit-18 ta’ Awwissu 2004, M. Klöppel u s-Sur Kraler, flimkien ma’ binthom, stabbilixxew ruħhom fl-Awstrija fejn is-Sur Kraler reġa’ beda l-attività professjonali tiegħu.

    11

    Minn din id-data sal-11 ta’ Ottubru 2006, M. Klöppel ibbenefikat mill-allowance għall-kura tat-tfal Awstrijaka. It-talba tagħha għal estensjoni tal-benefiċċju ta’ din l-allowance sa l-10 ta’ April 2007 ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-Tiroler Gebietskrankenkasse tat-3 ta’ Mejju 2006. Din iċ-ċaħda kienet ibbażata fuq l-Artikolu 5(2) tal-KBGG, li jipprovdi li, meta ġenitur wieħed biss jiriċevi l-allowance għall-kura tat-tfal, din hija dovuta għal massimu ta’ 30 xahar wara t-twelid tal-wild ikkonċernat, iżda, jekk it-tieni ġenitur jirċievi din l-allowance (jew irċevieha) wkoll, id-dritt għal din ta’ l-aħħar jista’ jingħata matul 36 xahar, bil-ġenituri jibbenefikaw mill-imsemmija allowance wieħed wara l-ieħor. Il-fatt li s-Sur Kraler irċieva l-allowance għall-edukazzjoni fil-Ġermanja bejn il-11 ta’ April u l-11 ta’ Awwissu 2004 madankollu ma tteħidx in kunsiderazzjoni fl-eżami tad-dritt tas-Sinjura Klöppel għall-allowance għall-kura tat-tfal matul perijodu ta’ 36 xahar.

    12

    M. Klöppel appellat minn din id-deċiżjoni.

    13

    Il-Landesgericht Innsbruck imxiet fuq l-argumenti tat-Tiroler Gebietskrankenkasse u ċaħdet l-appell M. Klöppel billi ddeċidiet li din ta’ l-aħħar kellha biss dritt għall-allowance għall-kura tat-tfal matul 30 xahar.

    14

    M. Klöppel appellat minn din id-deċiżjoni u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 72 tar-Regolament […] Nru 1408/71 […], moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament kif ukoll ma’ l-Artikolu 10a tar-Regolament […] Nru 574/72 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi li fihom jiġu rċevuti benefiċċji tal-familja fi Stat Membru [f’dan il-każ, fil-Ġermanja, l-allowance federali għall-edukazzjoni (Bundeserziehungsgeld)] għandhom jibbenefikaw minn trattament ugwali għall-finijiet tad-dritt għall-għoti ta’ benefiċċju komparabbli fi Stat Membru ieħor [f’dan il-każ, fl-Awstrija, l-allowance għall-kura tat-tfal (Kinderbetreuungsgeld)] u li għalhekk għandhom jiġu assimilati ma’ perijodi li fihom ġew irċevuti benefiċċji fit-tieni Stat Membru għall-finijiet li jinkiseb id-dritt għal benefiċċju f’dan ta’ l-aħħar, meta ż-żewġ ġenituri huma persuni impjegati, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71, matul dawn il-perijodi?”

    Fuq id-domanda preliminari

    15

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sitwazzjoni ta’ M. Klöppel, il-perijodi ta’ referenza meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-dritt li tingħatalha l-allowance għall-kura tat-tfal huma evalwati b’mod differenti skond jekk dawn twettqux fl-Awstrija jew fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, kieku s-Sur Kraler kellu l-kura ta’ bintu fl-Awstrija u rċieva, għal dan il-għan, l-allowance għall-kura tat-tfal f’dan l-Istat Membru, M. Klöppel kien ikollha d-dritt titlob l-imsemmija allowance għal perijodu itwal. Huwa f’dan il-kuntest u wara li kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ M. Klöppel tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-perijodi li fihom ġew irċevuti allowances tal-familja fil-Ġermanja għandhomx jiġu assimilati mal-perijodi li fihom ġew irċevuti allowances komparabbli fl-Awstrija.

    16

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li kif isostni l-Gvern Awstrijak, id-dritt Komunitarju ma jippreġudikax il-kompetenza ta’ l-Istati Membri fir-rigward tal-mod kif jiżviluppaw is-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont u t-tul ta’ żmien li fihom dawn jingħataw. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll il-libertà ta’ kull ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod fit-territorju ta’ l-Istati Membri (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen, C-135/99, Ġabra p. I-10409, punt 33).

    17

    Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 39(2) KE u implementat fil-qasam tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-benefiċjarji tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal effettivament għall-istess riżultat (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Celozzi, C-332/05, Ġabra p. I-563, punti 13 u 23).

    18

    B’hekk, għandhom jiġu kkunsidrati bħala indirettament diskriminatorji l-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li, minkejja li huma applikabbli mingħajr distinzjoni ta’ nazzjonalità, jaffettwaw essenzjalment jew fil-biċċa l-kbira tagħhom lill-ħaddiema migranti kif ukoll il-kundizzjonijiet applikabbli mingħajr distinzjoni li jistgħu jiġu sodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema migranti jew inkella li jirriskjaw li joperaw, b’mod partikolari, għad-dannu ta’ dawn ta’ l-aħħar (sentenza Celozzi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

    19

    Ir-rijfut li jittieħed in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-għoti M. Klöppel ta’ l-allowance għall-kura tat-tfal Awstrijaka, il-perijodu li matulu sieħeb il-persuna kkonċernata, is-Sur Kraler, ibbenefika minn benefiċċju komparabbli fil-Ġermanja jista’ jwassal għal tali riżultat billi, bħala regola ġenerali, huma l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra li bbenefikaw, qabel ma stabbilew ruħhom fl-Awstrija, minn benefiċċji tal-familja mħallsa f’dawn l-Istati l-oħra.

    20

    Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha provi li jippermettulha teżamina xi eventwali ġustifikazzjoni ta’ tali differenza fit-trattament għad-detriment tal-ħaddiema migranti.

    21

    Billi l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa minnu nnifsu biżżejjed, sabiex jipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ risposta neċessarji sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha, mhuwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 72 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10a tar-Regolament Nru 574/72.

    22

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ benefiċċju tal-familja bħalma hija l-allowance għall-kura tat-tfal Awstrijaka, il-perijodu li fih ġie rċevut benefiċċju komparabbli fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħallikieku dan seħħ fit-territorju tiegħu stess.

    Fuq l-ispejjeż

    23

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, jipprekludi Stat Membru milli jirrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ benefiċċju tal-familja bħalma hija l-allowance għall-kura tat-tfal Awstrijaka, il-perijodu li fih ġie rċevut benefiċċju komparabbli fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħallikieku dan seħħ fit-territorju tiegħu stess.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top