Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0506

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-26 ta' Frar 2008.
    Sabine Mayr vs Bäckerei und Konditorei Gerhard Flöckner OHG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberster Gerichtshof - l-Awstrija.
    Politika soċjali - Direttiva 92/85/KEE - Miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu - Kunċett ta’ ‘ħaddiema tqila’ - Projbizzjoni tat-tkeċċija tal-ħaddiema tqal matul il-perijodu bejn il-bidu tat-tqala tagħhom sat-tmiem tal-leave tal-maternità - Ħaddiema mkeċċija meta l-bajd tagħha kienu, fid-data tat-tħabbir tat-tkeċċija, iffekondati in vitro , iżda ma kinux għadhom ġew ittrasferiti fl-utru tagħha - Direttiva 76/207/KEE - Trattament ugwali bejn il-ħaddiema rġiel u nisa - Ħaddiema soġġetta għal trattament ta’ fekondazzjoni in vitro - Projbizzjoni ta’ tkeċċija - Portata.
    Kawża C-506/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:119

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    26 ta’ Frar 2008 ( *1 )

    “Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Kunċett ta’ ‘ħaddiema tqila’ — Projbizzjoni tat-tkeċċija tal-ħaddiema nisa tqal matul il-perijodu bejn il-bidu tat-tqala tagħhom sat-tmiem tal-leave tal-maternità — Ħaddiema mkeċċija meta l-ovuli tagħha kienu, fid-data tat-tħabbir tat-tkeċċija, iffekondati in vitro, iżda ma kinux għadhom ġew ittrasferiti fl-utru tagħha — Direttiva 76/207/KEE — Trattament ugwali bejn ħaddiema rġiel u nisa — Ħaddiema mara suġġetta għal trattament ta’ fekondazzjoni in vitro — Projbizzjoni ta’ tkeċċija — Portata”

    Fil-Kawża C-506/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, magħmula mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru 2006, fil-proċedura

    Sabine Mayr

    vs

    Bäckerei und Konditorei Gerhard Flöckner OHG,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Tinnermans, A. Rosas u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ l-Awla, E. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, A. Ó Caoimh (Relatur), P. Lindh u M. J.-C. Bonichot, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Bäckerei und Konditorei Gerhard Flöckner OHG, minn H. Hübel, Rechtsanwalt,

    għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u M. Winkler, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna kif ukoll minn K. Georgiadis u M. Apessos, bħala aġenti,

    għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u V. Kreuschitz kif ukoll minn I. Kaufmann-Bühler, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, p. 1).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Mayr, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u l-persuna li kient timpjegaha fil-passat, Bäckerei und Konditorei Gerhard Flöckner OHG (iktar’il quddiem “Flöckner”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, wara t-tkeċċija ta’ S. Mayr minn din ta’ l-aħħar.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    Id-Direttiva 76/207/KEE

    3

    L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), jipprovdi li “il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali [matrimonjali] jew tal-familja”.

    4

    L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207 jipprovdi li “hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità”.

    5

    Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207:

    “L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess”.

    6

    L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23), ħassar id-Direttiva 76/207, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/73/KE tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 269, p. 15).

    7

    Madankollu, id-Direttivi 2002/73 u 2006/54 ma japplikawx ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali.

    Id-Direttiva 92/85

    8

    Jirriżulta mid-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85 li l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa.

    9

    Skond il-ħmistax-il-premessa ta’ din l-istess Direttiva, ir-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu, u b’hekk għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita din it-tkeċċija tagħhom.

    10

    Ħaddiema tqila hija definita fl-Artikolu 2(1) tad-Drettiva 92/85 bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.

    11

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 huwa fformulat kif ġej:

    “Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema [tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu], fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eżerċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

    1)

    l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

    2)

    jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

    3)

    l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1”.

    12

    Skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85:

    “L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra”.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    13

    L-Artikolu 10 tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-maternità (Mutterschutzgestez, iktar’il quddiem il-“MSchG”) huwa miktub kif ġej:

    “1.   Il-ħaddiema ma jistgħux jitkeċċew legalment matul it-tqala u lanqas matul l-erba’ xhur ta’ wara t-twelid, ħlief jekk min iħaddem ma jkunx ġie informat bit-tqala jew bil-ħlas.

    2.   It-teċċija hija illegali wkoll meta min iħaddem huwa informat bit-tqala jew bil-ħlas fil-ħamest ijiem xogħol li jsegwu t-tħabbir tat-tkeċċija jew tan-notifika tagħha f’każ ta’ tkeċċija bil-miktub. It-tħabbir bil-miktub tat-tqala jew tal-ħlas huwa kkunsidrat li seħħ fil-ħin meta dan issir permezz tal-posta fi żmien ħamest ijiem. Jekk il-ħaddiema tinvoka t-tqala jew il-ħlas tagħha fi żmien ħamest ijiem, hija għandha fl-istess ħin tagħti prova tat-tqala jew tal-preżunzjoni ta’ tqala permezz ta’ ċertifikat mediku, jew tipproduċi ċ-ċertifikat tat-twelid tat-tifel jew tifla […]”

    14

    Skond l-Artikolu 17(1) tal-liġi dwar il-prokreazzjoni medika assistita (Fortpflanzungsmedizingesetz, iktar’il quddiem il-“FmedG”), il-ċelloli li jistgħu jiġu żviluppati, jiġifieri skond l-Artikolu 1(3) tal-FmedG, l-ovuli ffekondati u ċ-ċelloli li jirriżultaw minnhom, jistgħu jiġu kkonservati matul perijodu li m’għandux jaqbeż l-għaxar snin.

    15

    Skond l-Artikolu 8 tal-FMedG, prokreazzjoni medikament assistita ma tistax isseħħ ħlief bil-ftehim tas-sħab, fejn il-mara tista’ tmur lura fuq il-ftehim tagħha sat-trasferiment taċ-ċelloli li jistgħu jiżviluppaw ruħhom fl-organiżmu tagħha.

    Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    16

    S. Mayr kienet impjegata bħala servjenta minn Flöckner sa mit-3 ta’ Jannar 2005.

    17

    Fil-kuntest ta’ tentattiv ta’ fekondazzjoni in vitro u wara trattament ormonali li dam madwar xahar u nofs, saret titqiba follikulari fuq S. Mayr fit-8 ta’ Marzu 2005. It-tabib li mingħandu kienet qed tieħu l-kura ppreskrivielha leave tal-mard mit-8 sat-13 ta’ Marzu 2005.

    18

    Fl-10 ta’ Marzu 2005, matul komunikazzjoni telefonika, Flöckner informat lil S. Mayr li hija kienet imkeċċija b’effett mis-26 ta’ Marzu 2005.

    19

    B’ittra ta’ l-istess ġurnata, din ta’ l-aħħar informat lil Flöckner li, fil-kuntest ta’ trattament ta’ fekondazzjoni artifiċjali, it-trasferiment fl-utru tagħha ta’ l-ovuli ffekondati kien ipprogrammat għat-13 ta’ Marzu 2005.

    20

    Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, huwa paċifiku li, fid-data tat-tħabbir tat-tkeċċija ta’ S. Mayr, jiġifieri fl-10 ta’ Marzu 2005, l-ovuli li ttieħdu minnha kienu diġà ġew iffekondati ma’ l-isperma tas-sieħeb tagħha u, b’hekk, f’din l-istess data, kienu diġà jeżistu ovuli ffekondati in vitro.

    21

    Fit-13 ta’ Marzu 2005, jiġifieri tlett ijiem wara li S. Mayr ġiet informata bit-tkeċċija tagħha, żewġ ovuli ffekondati ġew ittrasferiti fl-utru tagħha.

    22

    Din ta’ l-aħħar talbet mingħand Flöckner il-ħlas tas-salarju tagħha u tal-parti korrispondenti tar-remunerazzjoni annwali tagħha, billi sostniet li t-tkeċċija mħabbra fl-10 ta’ Marzu 2005 kienet legalment nulla, għar-raġuni li, sa mit-8 ta’ Marzu 2005, data li fiha kienet saritilha l-fekondazzjoni in vitro ta’ l-ovuli tagħha, hija kienet tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 10(1) tal-MSchG.

    23

    Flöckner ċaħdet din it-talba għar-raġuni li t-tqala ma kinitx teżisti fid-data li fiha t-tkeċċija ġiet imħabbra.

    24

    Il-Landesgericht Salzburg, li quddiemha tressqet il-kawża fl-ewwel istanza, laqgħet it-talba ta’ S. Mayr billi qalet li, skond il-ġurisprudenza ta’ l-Oberster Gertichtshof, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 10 tal-MSchG tibda mal-fekondazzjoni ta’ l-ovuli. Dan huwa l-mument li, skond din il-ġurisprudenza, huwa kkunsidrat bħala l-punt ta’ tluq ta’ tqala. B’hekk il-Landesgericht Salzburg iddeċidiet li dan japplika wkoll f’każ ta’ fekondazzjoni in vitro u li, jekk it-trasferiment ta’ l-ovuli ffekondati ma jkollhiex segwitu, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija ma tibqax tapplika għal kwalunkwe raġuni.

    25

    Madankollu, l-Oberlandesgericht Linza, li tiddeċiedi kwistjonijiet fl-appell dwar il-liġi tax-xogħol u tad-dritt soċjali, annullat id-deċiżjoni tal-Landesgericht Salzburg u ċaħdet it-talba ta’ S. Mayr, għar-raġuni li, indipendentement mill-kwistjoni dwar f’liema mument tat-taqla jiġu prodotti realment il-modifiki ormonali, huwa impossibbli li tqala tiġi tikkunsidrata bħala li sseħħ barra minn ġisem il-mara u li, b’konsegwenza, fl-ipoteżi ta’ fekondazzjoni in vitro, it-tqala tibda biss mat-trasferiment ta’ l-ovulu ffekondat f’ġisem il-mara. B’hekk huwa biss mill-mument ta’ dan it-trasferiment li tibda l-protezzjoni tal-mara tqila kontra t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ l-impjieg.

    26

    Kienet din is-sentenza li saret fl-appell li kienet is-suġġett ta’ appell f’“Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof. Skond il-ġurisprudenza ta’ din ta’ l-aħħar, il-protezzjoni assigurata mill-Artikolu 10 tal-MSchG ma sseħx ħlief jekk, fil-mument tat-tkeċċija, tqala tkun tassew bdiet. L-għan tal-protezzjoni tal-maternità, li ma jistax ikun hemm deroga għaliha, huwa li jippreserva s-saħħa ta’ l-omm u tal-wild fl-interess tagħhom u, f’każ tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija u t-tneħħija mill-post tax-xogħol, li jassigura l-mezzi ta’ eżistenza ta’ l-omm. Il-bżonn ta’ protezzjoni għal matul il-bidla ta’ l-istat tal-mara jeżisti indipendentement mill-fatt li l-impjantazzjoni ta’ l-ovulu ffekondat fil-mukus ta’ l-utru (li tissejjaħ ukoll in-“nidazzjoni”) diġà tkun seħħet jew le u l-fatt jekk il-prova tat-tqala tistax faċilment tingħata jew le huwa rrilevanti f’dan ir-rigward. In-nidazzjoni ta’ l-ovulu ffekondat fil-mukus ta’ l-utru hija biss stadju, li jibda mill-konċepiment, ta’ l-istat ta’ tqala eżistenti, skond l-opinjoni xjentifika dominanti, u hija ma tistax tiġi arbitrarjament magħżula, f’dak li jikkonċerna l-qasam tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija, bħala li turi l-bidu tat-tqala.

    27

    Madankollu, din il-ġurisprudenza ta’ l-Oberster Gerichtshof dwar l-Artikolu 10 tal-MSchG hija eslużivament fondata fuq każijiet ta’ konċepiment in utero, jiġifieri b’mod naturali. Din il-qorti tesponi li hija l-ewwel darba li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar liema hija d-data li minnha mara tqila tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija prevista fl-Artikolu 10 tal-MSchG f’każ ta’ fekondazzjoni in vitro.

    28

    Peress li ddeċidiet li l-kważa li tressqet quddiemha tissolleva kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, l-Oberster Gerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tistaqsi s-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Ħaddiema li tissottometti ruħha għal fekondazzjoni in vitro għandha titqies, jekk, fil-mument meta titħabbar it-tkeċċija tagħha, l-ovuli tagħha jkunu diġà ġew iffekondati ma’ l-isperma tas-sieħeb tagħha, u li għalhekk ikunu diġà jeżistu embrijoni in vitro, iżda fejn madankollu dawn ma jkunux għadhom ġew ittrasferiti f’ġisimha, bħala ‘ħaddiema tqila’ skond l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [92/85]?”

    Fuq id-domanda preliminari

    29

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 92/85 u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema tqal prevista fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jirreferu għal ħaddiema li tissottometti ruħha għal fekondazzjoni in vitro meta, fid-data meta titħabbar it-tkeċċija tagħha, il-fekondazzjoni ta’ l-ovulu ta’ din il-ħaddiema mill-isperma tas-sieħeb tagħha tkun diġà seħħet, b’mod li jeżistu ovuli ffekondati in vitro, iżda li madankollu dawn ma jkunux għadhom ġew ittrasferiti fl-utru tagħha.

    30

    L-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-fekondazzjoni in vitro tfisser il-fekondazzjoni ta’ ovuli barra minn ġisem il-mara. Skond il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, din l-operazzjoni tinkludi diversi stadji, bħal, b’mod partikolari, is-stimulazzjoni ormonali ta’ l-ovarji tal-mara ddestinata sabiex twassal għall-maturazzjoni ta’ diversi ovuli fl-istess żmien, it-titqiba follikulari, it-teħid ta’ l-ovuli, il-fekondazzjoni ta’ ovulu jew ta’ diversi ovuli ma’ l-isperma ppreparati minn qabel, it-trasferiment ta’ l-ovulu ffekondat jew ta’ l-ovuli ffekondati fl-utru, kemm fit-tielet jum, kemm fil-ħames jum wara t-teħid ta’ l-ovuli, ħlief f’każ fejn l-ovulu ffekondat jiġi kkonservat permezz ta’ konġelament, u n-nidazzjoni.

    31

    Fir-rigward tad-Direttiva 92/85, għandu jiġi mfakkar li l-għan tagħha huwa li tinkoraġġixxi t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu.

    32

    F’dan il-qasam, il-Qorti sostniet ukoll li l-għan imħaddan mir-regoli tad-dritt Komunitarju li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement huwa li jipproteġi lill-ħaddiema qabel u wara li jwelldu (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna, C-191/03, Ġabra p. I-7631, punt 42, u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C-460/06, Ġabra p. I-8511, punt 28).

    33

    Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 92/85, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li, skond il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, protezzjoni kontra t-tkeċċija għandha tiġi rrikonoxxuta lill-mara mhux biss waqt il-leave tal-maternità, iżda wkoll tul it-tqala kollha. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, tkeċċija f’dawn il-perijodi tista’ tikkonċerna biss in-nisa u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund, C-179/88, Ġabra p. I-3979, punt 13; tat-30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C-394/96, Ġabra p. I-4185, punti 16, 24 u 25; McKenna, iċċitata iktar’il fuq, punt 47, kif ukoll Paquay, iċċitata iktar’il fuq, punt 29).

    34

    Huwa preċiżament fid-dawl tar-riskju li tkeċċija eventwali taffettwa s-sitwazzjoni fiżika u mentali tal-ħaddiema tqal, li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu, inkluż fosthom ir-riskju partikolarment serju li jista’ jwassal lill-ħaddiema tqal jinterrompu volontarjament it-tqala tagħhom, li l-leġiżlatur Komunitarju, skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ippreveda protezzjoni partikolari għall-mara billi stipula l-projbizzjoni ta’ tkeċċija fil-perijodu li jmur mill-bidu tat-tqala sat-tmiem tal-leave tal-maternità (ara s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C-32/93, Ġabra p. I-3567, punt 21; Brown, iċċitata iktar’il fuq, punt 18; ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark, C-109/00, Ġabra p. I-6993, punt 26, u McKenna, iċċitata iktar’il fuq, punt 48, u Paquay, iċċitata iktar’il fuq, punt 30).

    35

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, matul l-imsemmi perijodu, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 ma pprovda ebda eċċezzjoni jew deroga għall-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema tqal, ħlief f’każijiet eċċezzjonali mhux marbuta ma’ l-istat tagħhom u bil-kundizzjoni li min iħaddem jiġġustifika bil-miktub ir-raġunijiet ta’ din it-tkeċċija (sentenzi ċċitati Webb, punt 22; Brown, punt 18, Tele Danmark, punt 27 u Paquay, punt 31).

    36

    Huwa fir-rigward ta’ l-għanijiet segwiti mid-Direttiva 92/85, u b’mod partikolari mill-Artikolu 10 tagħha, li għandu jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni kontra t-tkeċċija stipulata f’din id-dispożizzjoni tapplikax għal ħaddiema f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

    37

    Madankollu, jirriżulta kemm mill-kliem ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll mill-għan prinċipali msegwi minnu, li huwa mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li, sabiex tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija minn dan l-Artikolu, it-tqala in kwistjoni għandha tkun bdiet.

    38

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, jekk huwa vera, kif irrileva l-Gvern Awstrijak, li t-trattament tal-fekondazzjonijiet artifiċjali u taċ-ċelluli li jistgħu jiżviluppaw huwa kwistjoni sensittiva ħafna f’diversi Stati Membri, affettwata mill-bosta tradizzjonijiet u sistemi ta’ valuri tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex mitluba, minn dan ir-rinviju preliminari, sabiex tikkunsidra kwistjonijiet ta’ natura medika jew etika, iżda hija għandha tillimita ruħha għal interpretazzjoni legali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/85, b’kunsiderazzjoni tal-kliem, ta’ l-istruttura u ta’ l-għanijiet tagħha.

    39

    Madankollu, jirriżulta mill-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/85 li l-projbizzjoni ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 10 tagħha għandha bħala għan li tevita li r-riskju tat-tkeċċija minħabba raġunijiet marbuta ma’ l-istat tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal.

    40

    F’dawn iċ-ċirkustanza, huwa ċar li, kif barra minn hekk sostna l-Gvern Awstrijak, hija d-data l-aktar kmieni possibbli ta’ l-eżistenza ta’ tqala li għandha tiġi ammessa sabiex is-sigurtà u l-protezzjoni tal-ħaddiema tqal jiġu assigurati.

    41

    Madankollu, anki jekk jiġi presuppost, fir-rigward ta’ fekondazzjoni in vitro, li din id-data hija dik tat-trasferiment ta’ l-ovuli ffekondati fl-utru tal-mara, ma jistax jiġi ammess, minħabba raġunijiet relatati ma’ l-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li l-protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 tiġi estiża għal ħaddiema meta, fid-data li fiha titħabbar it-tkeċċija tagħha, it-trasferiment ta’ l-ovuli ffekondati in vitro fl-utru tagħha ma jkunx għadu seħħ.

    42

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punti 43 sa 45 tal-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, qabel it-trasferiment tagħhom fl-utru tal-mara kkonċernata, dawn l-ovuli jistgħu, f’ċerti Stati Membri, jiġu kkonservati matul perijodu pjuttost twil, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi f’dan ir-rigward il-possibbiltà li l-ovuli ffekondati jiġu kkonservati matul perijodu massimu ta’ għaxar snin. B’hekk, l-applikazzjoni tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija stipulata mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għal ħaddiema qabel it-trasferiment ta’ l-ovuli ffekondati tista’ jkollha bħala effett li tagħti l-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni ukoll meta dan it-trasferiment huwa pospost, għal kwalunkwe raġuni, matul bosta snin jew ukoll meta tkun saret rinunzja definittiva għal dan it-trasferiment, peress li l-fekondazzjoni in vitro tkun ġiet ipprattikata bħala sempliċi prekawzjoni.

    43

    Madankollu, anki jekk id-Direttiva 92/85 mhijiex applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, xorta jibqa’ l-fatt li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’ xorta twassal sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li l-qorti nazzjonali m’għamlitx referenza għalihom meta għamlet id-domanda tagħha (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru, SARPP, C-241/89, Ġabra p. I-4695, punt 8, u tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 64).

    44

    Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustaizzja, il-Ġvern Elleniku u l-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ssuġġerew li, jekk protezzjoni kontra t-tkeċċija ta’ ħaddiema f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi dedotta mid-Direttiva 92/85, tali ħaddiema tista’ eventwalment tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni minħabba s-sess mogħtija mid-Direttiva 76/207.

    45

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207 jippreċiża li “il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja”. Skond l-Artikolu 5(1) ta’ din l-istess Direttiva, “[l]-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess”.

    46

    Kif jirriżulta wkoll mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skond il-priniċpju ta’ non-diskriminazzjoni u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, protezzjoni kontra t-tkeċċija għandha tiġi rrikonoxxuta lill-mara mhux biss matul il-leave tal-maternità, iżda wkoll matul it-tqala kollha. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tkeċċija ta’ ħaddiema minħabba t-tqala jew minħabba kull kawża bbażata essenzjalment fuq dan l-istat tikkonċerna biss in-nisa u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund, punt 13; Brown, punti 16, 24 u 25; McKenna, punt 47, kif ukoll Paquay, punt 29).

    47

    Peress li d-deċiżjoni ta’ rinviju ma tippreċiżax ir-raġunijiet li għalihom Flöckner keċċiet lil S. Mayr, hija l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kawża li tressqet quddiemha u, safejn it-tkeċċija tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali seħħet meta hija kienet tinsab f’leave tal-mard sabiex tissottometti ruħha għal trattament ta’ fekondazzjoni in vitro, li tivverifika jekk din it-tkeċċija hijiex ibbażata essenzjalment fuq il-fatt li hija ssottomettiet ruħha għal tali trattament.

    48

    Fl-ipoteżi fejn din hija r-raġuni tat-tkeċċija tar-rikkorrenti fil-kawża prinċipali għandu jiġi ddeterminat jekk din ir-raġuni tapplikax indistintivament għall-ħaddiema taż-żewġ sessi jew, bil-kontra, jekk hija tapplikax esklużivament għal wieħed minnhom.

    49

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, peress illi l-ħaddiema nisa u rġiel huma esposti għall-mard b’mod indaqs, jekk ħaddiema mara titkeċċa minħabba li ma tidħolx għax-xogħol għar-raġuni ta’ marda fl-istess kundizzjonijiet bħal ħaddiem raġel, mhemmx diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess (ara s-sentenza ċċitata iktar’il fuq Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund, punt 17).

    50

    Huwa ċert illi l-ħaddiema taż-żewġ sessi jistgħu jiġu temporanjament impediti milli jagħmlu xogħlhom minħabba trattamenti mediċi li huma għandhom isegwu. Madankollu, l-interventi in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri titqiba follikulari u t-trasferiment fl-utru tal-mara ta’ l-ovuli li jirriżultaw minn din it-titqiba immedjatament wara l-fekondazzjoni tagħhom, jikkonċernaw biss in-nisa. Isegwi li t-tkeċċija ta’ ħaddiema mara minħabba essenzjalment il-fatt li hija tissottometti ruħha għal dan l-istadju sinjifikattiv ta’ trattament ta’ fekondazzjoni in vitro tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess.

    51

    Li jiġi aċċettat li min iħaddem jista’ jkeċċi ħaddiema mara fl-istess ċirkustanzi bħala dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali barra minn hekk imur kontra l-għan ta’ protezzjoni li l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207 isegwi, ċertament fil-każ meta t-tkeċċija hija bbażata essenzjalment fuq il-fatt tat-trattament ta’ fekondazzjoni in vitro u, b’mod partikolari, fuq l-interventi speċifiċi, imsemmija fil-punt preċedenti, li dan it-trattament ifisser.

    52

    B’konsegwenza, l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 jipprekludu t-tkeċċija ta’ ħaddiema li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tinsab fi stadju avanzat ta’ trattament ta’ fekondazzjoni in vitro, jiġifieri bejn it-titqiba follikulari u t-trasferiment immedjat ta’ l-ovulu ffekondat in vitro fl-utru ta’ din il-ħaddiema, safejn huwa muri li din it-tkeċċija hija fondata essenzjalment fuq il-fatt li l-persuna interessata ssubixxiet tali trattament.

    53

    Fir-rigward ta’ dak li ntqal, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li d-Direttiva 92/85 u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema tqal prevista fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma japplikawx għal ħaddiema li tissottometti ruħha fekondazzjoni in vitro meta, fid-data li fiha titħabbar it-tkeċċija tagħha, il-fekondazzjoni ta’ l-ovuli ta’ din il-ħaddiema mill-isperma tas-sieħeb tagħha tkun diġà seħħet, b’mod li jeżistu ovuli ffekondati in vitro, iżda li dawn madankollu ma jkunux għadhom ġew ittrasferiti fl-utru tagħha.

    54

    Madankollu, l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 jipprekludu t-tkeċċija ta’ ħaddiema li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tinsab fi stadju avanzat ta’ trattament ta’ fekondazzjoni in vitro, jiġifieri bejn it-titqiba follikulari u t-trasferiment immedjat ta’ l-ovulu ffekondat in vitro fl-utru ta’ din il-ħaddiema, safejn huwa muri li din it-tkeċċija hija fondata essenzjalment fuq il-fatt li l-persuna interessata ssubixxiet tali trattament.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), u, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema nisa tqal prevista fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma japplikawx għal ħaddiema li tissottometti ruħha għal fekondazzjoni in vitro meta, fid-data li fiha titħabbar it-tkeċċija tagħha, il-fekondazzjoni ta’ l-ovulu ta’ din il-ħaddiema mill-isperma tas-sieħeb tagħha tkun diġà seħħet, b’mod li jeżistu ovuli ffekondati in vitro, iżda li dawn madankollu ma jkunux għadhom ġew ittrasferiti fl-utru tagħha.

     

    L-Artikolu 2(1) u 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, jipprekludu t-tkeċċija ta’ ħaddiema li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tinsab fi stadju avanzat ta’ trattament ta’ fekondazzjoni in vitro, jiġifieri bejn it-titqiba follikulari u t-trasferiment immedjat ta’ l-ovuli ffekondati in vitro fl-utru ta’ din il-ħaddiema, safejn huwa muri li din it-tkeċċija hija fondata essenzjalment fuq il-fatt li l-persuna interessata ssubixxiet tali trattament.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top