EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0444

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-3 ta' April 2008.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu -Direttiva 89/665/KEE- Għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi - Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi .
Kawża C-444/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:190

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ April 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 89/665/KEE — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet — Proċedura ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi”

Fil-Kawża C-444/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-26 ta’ Ottubru 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn C. Fernandez Vicién u I. Moreno-Tapia Rivas, abogados, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur) u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma pprovdiex terminu ta’ żmien obbligatorju għan-notifika, mill-awtorità kontraenti, tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lill-offerenti kollha, billi ma pprovdiex terminu ta’ stennija obbligatorju bejn l-għoti ta’ kuntratt u l-konklużjoni ta’ kuntratt, u billi ppermetta li kuntratt annullat ikompli jipproduċi effetti ġuridiċi, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet (ĠU L 395, p. 33), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992 (ĠU L 209, p. 1, iktar ’il quddiem id-“direttiva ta’ reviżjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

L-ewwel Artikolu tad-direttiva ta’ reviżjoni jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi tal-Kunsill 71/305/KEE, 77/62/CEE, u 92/50/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni.”

3

Skond l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmija direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

a)

jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevienu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri biex jissospendu jew jiżguraw is-sospensjoni tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ xi deċiżjoni meħuda mill-awtorità li tagħmel il-kuntratt;

b)

jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;

ċ)

jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.”

4

L-Artikolu 2(6) tad-direttiva ta’ reviżjoni jipprovdi:

“L-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmij[a] fil-pargrafu 1 dwar kuntratt konkluż sussegwentement għall-għoti tiegħu għandhom jiġu stabbilit[i] bil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief meta deċiżjoni għandha titwarrab qabel ma jingħataw id-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt wara l-għoti tiegħu, il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ danni lil kull persuna li ssofri minn ksur.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi

5

L-Artikolu 41(1), tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi (ley de Contratos de las Administraciones Públicas), li t-test tagħha ġie approvat bid-Digriet-Leġiżlattiv Irjali 2/2000 (Real Decreto Legislativo 2/2000), tas-16 ta’ Ġunju 2000 (BOE Nru 148, tal-21 ta’ Ġunju 2000, p. 21775), kif emendata bil-liġi 62/2003, dwar diversi miżuri fiskali, amministrattivi u soċjali (ley 62/2003, de medidas fiscales, administrativas y del orden social), tat-30 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2003, p. 46874, iktar ’il quddiem il-“liġi fuq il-kuntratti pubbliċi”), jipprovdi li l-awtorità kontraenti għandha tagħti prova tal-kostituzzjoni tal-garanzija definittiva fi żmien ħmistax-il jum mid-data tan-notifika ta’ l-għoti tal-kuntratt pubbliku li tkun saret fir-rigward tagħha.

6

Skond l-Artikolu 53 tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi:

“Il-kuntratti jiġu fformati permezz ta’ l-għoti mwettaq mill-awtorità kontraenti kompetenti, indipendentement mill-proċedura jew mill-forma ta’ għoti użat.”

7

L-Artikolu 54 ta’ l-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.   Il-kuntratti ta’ l-amministrazzjoni jiġu ffinalizzati permezz ta’ dokument amministrattiv fi żmien tletin jum mill-jum wara n-notifika ta’ l-għoti. […].

2.   Ħlief fil-każ ta’ eċċezzjonijiet previsti minn din il-liġi, il-kostituzzjoni, mill-imprenditur, tal-garanziji previsti minn din il-liġi għall-ħarsien ta’ l-interessi pubbliċi hija kundizzjoni neċessarja għall-finalizzazzjoni tal-kuntratt.

3.   Meta, għal raġunijiet attribwibbli lill-parti kontraenti, il-kuntratt ma setax jiġi finalizzat fit-terminu stabbilit, l-amministrazzjoni tista’ tiddeċiedi li tħassru, taħt il-kundizzjoni li tinstema’ l-parti kkonċernata, u, jekk il-parti kontraenti tressaq oppożizzjoni, taħt il-kundizzjoni ta’ rapport tal-Kunsill ta’ l-Istat jew tal-korp konsultattiv ekwivalenti tal-komunità awtonoma kkonċernata. F’dan il-każ, għandha tittieħed il-garanzija provviżorja u d-danni kkawżati għandhom jiġu kkumpensati.

Jekk il-kawżi ta’ nuqqas ta’ finalizzazzjoni huma attribwibbli lill-amministrazzjoni, il-parti kontraenti għandha tirċievi kumpens għad-danni kkawżati mid-dewmien, barra l-fatt li tista’ titlob l-annullament tal-kuntratt skond l-Artikolu 111(d).

4.   Il-kuntratt ma jistax jiġi eżegwit sakemm ikun għadu ma ġiex iffinalizzat, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikoli 71 u 72”.

8

Skond l-Artikolu 60a tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi, il-persuni interessati biex jipparteċipaw f’sejħa għal offerti u, f’kull każ, l-offerenti, jistgħu jitolbu l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji sabiex jiġi rrimedjat il-ksur tal-liġi allegat jew għall-prevenzjoni ta’ danni oħra lill-interessi affettwati, b’mod partikolari miżuri li jippermettu li tiġi sospiża l-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt.

9

Skond l-Artikolu 65(1) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi, id-dikjarazzjoni amministrattiva ta’ nullità ta’ l-atti preparatorji tal-kuntratt jew ta’ l-għoti tal-kuntratt, meta din tkun definittiva, twassal, f’kull każ, għan-nullità tal-kuntratt innifsu, li għaldaqstant jidħol f’fażi ta’ stralċ.

10

Skond l-Artikolu 65(3), jekk id-dikjarazzjoni amministrattiva ta’ nullità ta’ kuntratt pubbliku toħloq tfixkil serju fis-servizz pubbliku, iż-żamma ta’ l-effetti tal-kuntratt tista’ tiġi prevista, taħt l-istess kundizzjonijiet, sakemm jittieħdu miżuri urġenti sabiex jiġi evitat kull dannu.

11

Jirriżulta mill-Artikolu 93(1) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi li, wara l-għoti ta’ kuntratt pubbliku mill-awtorità kontraenti, indipendentement mill-proċedura użata, l-imsemmi għoti għandu jiġi nnotifikat lill-parteċipanti għas-sejħa għal offerti u, wara l-finalizzazzjoni tal-kuntratt, għandu jintbagħat lill-entità kompetenti li żżomm ir-reġistru pubbliku tal-kuntratti msemmi fl-Artikolu 118 ta’ l-imsemmija liġi, għall-finijiet previsti fl-Artikolu 58 ta’ l-istess test.

12

Skond l-Artikolu 93(5), l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lil kull kandidat jew applikant eskluż li jagħmel it-talba għal tali kommunikazzjoni, fi żmien ħmistax-il jum wara li tirċieviha, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-kandidatura jew ta’ l-offerta tiegħu, kif ukoll in-natura ta’ l-offerta tal-parti kontraenti li kienu determinanti għall-għoti tal-kuntratt pubbliku lil din ta’ l-aħħar.

13

L-Artikolu 81(4) tar-regoli ta’ applikazzjoni tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi (Reglamento general de la Ley de Contratos de las Administraciones Públicas), approvat permezz tad-Digriet Irjali 1098/2001 (Real Decreto 1098/2001), tat-12 ta’ Ottubru 2001 (BOE Nru 257, tas-26 ta’ Ottubru 2001, p. 39252), jipprovdi li r-riżultat ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-offerti ppreżentati għandu jiġi nnotifikat, b’indikazzjoni ta’ l-offerti magħżula, ta’ dawk miċħuda kif ukoll ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

Il-liġi 30/1992

14

Il-liġi 30/1992, dwar is-sistema legali ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u l-proċedura amministrattiva ta’ dritt komuni (ley 30/1992, de Regimen Jurídico de las Administraciones Públicas y del Procedimiento Administrativo común), tas-26 ta’ Novembru 1992 (BOE Nru 285, tas-27 ta’ Novembru 1992, p. 40300), kif emendata permezz tal-liġi 4/1999, tat-13 ta’ Jannar 1999 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-proċedura amministrattiva tad-dritt komuni”), tipprovdi fl-Artikolu 58 tagħha:

“1.   Il-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu nnotifikati bid-deċiżjonijiet u bl-atti amministrattivi li jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi tagħhom, skond ir-regoli previsti fl-artikolu li ġej.

2.   Kull notifika għandha titwettaq fi żmien għaxart ijiem mill-jum ta’ l-adozzjoni ta’ l-att. Hija għandha tinkludi t-test sħiħ tad-deċiżjoni u għandha tindika jekk hijiex definittiva fl-amministrazzjoni. Hija għandha tippreċiża l-possibbilitajiet ta’ rikors, il-korp li quddiemu għandhom jitressqu r-rikorsi kif ukoll it-terminu ta’ żmien li fih dawn għandhom isiru, bla ħsara għall-fatt li l-persuni kkonċernati jistgħu jippreżentaw, fejn xieraq, kull rikors ieħor li huma jqisu bħala neċessarju.”

15

Skond l-Artikolu 107(1) ta’ l-imsemmija liġi, id-deċiżjonijiet u l-atti preparatorji li jiddeċiedu, b’mod dirett jew indirett, fuq il-mertu tal-każ, li jwasslu għall-impossibbiltà li tiġi segwita l-proċedura jew għall-impossibbiltà ta’ difiża, jew li jikkawżaw danni irrimedjabbli għal drittijiet jew għal interessi leġittimi jistgħu jiġu riveduti.

16

L-Artikolu 111 ta’ l-istess test jistabbilixxi l-miżuri provviżorji li jistgħu jintalbu fil-kuntest ta’ rikorsi amministrattivi, b’mod partikolari s-sospensjoni ta’ l-atti kkontestati.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

17

B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu fuq il-kompatibbiltà tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi mad-direttiva ta’ reviżjoni fid-dawl tal-konsegwenzi tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 1999, Alcatel Austria et (C-81/98, Ġabra p. I-7671).

18

Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-risposti mogħtija mir-Renju ta’ Spanja f’ittra tas-27 ta’ Frar 2002 ma kinux sodisfaċenti, hija indirizzatlu, fis-16 ta’ Ottubru 2002, ittra ta’ intimazzjoni. Wara eżami ta’ l-osservazzjonijiet ippreżentati bħala risposta għall-imsemmija ittra ta’ intimiazzjoni, il-Kummissjoni, fis-7 ta’ Lulju 2004, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn meta jirċeviha.

19

Filwaqt li kkonstatat in-nuqqas ta’ emenda tal-leġiżlazzjoni kkontestata wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

20

Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Spanjola tikser l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-direttiva ta’ reviżjoni u tressaq tliet ilmenti; l-ewwel tnejn fosthom għandhom jiġu eżaminati flimkien.

Fuq l-ewwel u t-tieni lment

21

Permezz ta’ dawn l-ilmenti tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni mhijiex konformi mad-direttiva ta’ reviżjoni inkwantu l-għaqda ta’ ċerti mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni tipprekludi lill-offerenti esklużi milli jressqu b’mod effikaċi rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku qabel il-konklużjoni nfisha tal-kuntratt li jirriżulta minnha.

L-argumenti tal-partijiet

22

Skond il-Kummissjoni, in-nuqqas allegat huwa stabbilit, indipendement mill-portata tal-kunċett ta’ finalizzazzjoni tal-kuntratt previst mil-leġiżlazzjoni Spanjola, jiġifieri indipendement mill-fatt li jitqies li din il-finalizzazzjoni hija ekwivalenti għall-konklużjoni stess tal-kuntratt, jew li hija tikkostitwixxi biss formalità amministrattiva, peress li l-imsemmija konklużjoni sseħħ fl-istess waqt ta’ l-għoti tal-kuntratt.

23

Fl-ewwel ipoteżi, fejn il-finalizzazzjoni tal-kuntratt, jiġifieri, skond il-Kummissjoni, il-mument li fih il-kuntratt jissodisfa kull kundizzjoni legali u li fih l-eżekuzzjoni tiegħu tista’ tibda, tikkorrispondi għall-konklużjoni tiegħu fis-sens tad-direttiva ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-obbligi imposti mill-imsemmija direttiva mhumiex ssodisfati inkwantu l-offerenti esklużi m’għandhomx il-garanziji neċessari sabiex jikkontestaw deċiżjoni legali ta’ għoti ta’ kuntratt qabel il-finalizzazzjoni tal-kuntratt li jirriżulta minnha.

24

Skond il-Kummissjoni l-leġiżlazzjoni Spanjola ma tosservax l-eżiġenzi tad-direttiva ta’ reviżjoni, minħabba n-nuqqas ta’ obbligu ta’ notifika tad-deċiżjoni ta’ għoti lill-persuni kollha kkonċernati fl-istess ħin u minħabba n-nuqqas ta’ terminu ta’ żmien ta’ stennija li matulu l-kuntratt ma jistax jiġi ffinalizzat, li b’dan il-mod jeskludi l-possibbiltà, għall-offerenti esklużi li jkollhom terminu ta’ żmien raġjonevoli sabiex iressqu, qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, rikors adattat.

25

Fit-tieni ipoteżi, fejn il-konklużjoni tal-kuntratt isseħħ fl-istess waqt ta’ l-għoti tal-kuntratt pubbliku, u fejn il-finalizzazzjoni hija għaldaqstant sempliċi formalità amministrattiva, il-Kummissjoni tqis li l-problema legali identifikata fl-analiżi dwar l-ewwel ipoteżi hija fir-realtà iktar serja, inkwantu m’hemmx att ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku li jista’ jagħti lok għal rikors indipendentement mill-att ta’ konklużjoni tal-kuntratt relatat ma’ dan l-appalt.

26

Peress li rikors ma jistax jitressaq kontra l-att ta’ għoti fi stadju li jiġi qabel il-konklużjoni tal-kuntratt meta ksur eventwali tad-dritt applikabbli jkun għadu jista’ jiġi korrett u meta l-offerent li jressaq ir-rikors jista’ jifdallu t-tama li jsir parti kontraenti, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma tippermettix li jiġi żgurat ħarsien legali sħiħ qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, bi ksur ta’ l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 2(1) tad-direttiva ta’ reviżjoni.

27

Qabel kollox, ir-Renju ta’ Spanja jippreċiża l-portata li għandha tingħata, rispettivament, lill-att ta’ għoti ta’ kuntratt u lill-finalizzazzjoni tal-kuntratt li jirriżulta minnu.

28

Dan l-Istat Membru jindika li l-att ta’ għoti ta’ kuntratt, iwassal, minnu nnifsu, għall-konklużjoni tal-kuntratt relatat ma’ dan l-appalt, peress li huwa meqjus li dan il-kuntratt jeżisti mill-adozzjoni ta’ l-imsemmi att ta’ għoti. L-imsemmi att huwa suġġett għall-obbligu formali ta’ notifika, li t-twettiq tagħha huwa neċessarju sabiex il-kuntratt jipproduċi l-effetti tiegħu fil-konfront tal-persuni kkonċernati.

29

Huwa jippreċiża li l-finalizzazzjoni tal-kuntratt, li hija sempliċi formalita amministrattiva, hija biss ta’ natura sekondarja fil-konfront ta’ l-att ta’ għoti. Madankollu din il-finalizzazzjoni hija kundizzjoni neċessarja għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikkonċernat.

30

Skond ir-Renju ta’ Spanja, il-konformità tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi mad-direttiva ta’ reviżjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tar-rikorsi li jistgħu jitressqu, minn naħa, qabel l-għoti ta’ kuntratt, u min-naħa l-oħra, kontra dan l-att ta’ għoti nnifsu. Barra minn hekk, huwa dan li jirriżulta mis-sentenza Alcatel Austria et, iċċitata iktar ’il fuq, li tagħmel distinzjoni bejn l-istadju qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, jiġifieri l-fażi qabel l-għoti tal-kuntratt, li għaliha japplika l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmija direttiva u l-fażi wara l-imsemmija konklużjoni, jiġifieri l-fażi li ssegwi l-att ta’ għoti, li għaliha japplika t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2(6) ta’ l-istess test.

31

Issa, il-liġi Spanjola tikkonforma ma’ din id-distinzjoni. Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-miżuri li jiġu qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ir-Renju ta’ Spanja jesponi li numru ta’ rikorsi huma possibbli. Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ dan l-għoti nnifsu, huwa jippreċiża li d-deċiżjoni amministrattiva li l-għoti jirriżulta minnha hija notifikata lill-parteċipanti kollha għas-sejħa għal offerti fi żmien għaxart ijiem wara l-adozzjoni tagħha, u li, din id-deċiżjoni, bħal kull att amministrattiv, tista’ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni, b’applikazzjoni tal-liġi fuq ir-reviżjonijiet amministrattivi ta’ dritt komuni. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jżid li, bħala miżura provviżorja, is-sospensjoni ta’ l-att ikkontestat tista’ tiġi ddikjarata.

32

Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-konklużjoni definittiva ta’ att, u għaldaqstant ta’ kuntratt, ma twassalx għall-impossibbiltà li jitressaq rikors għal annullament kontra l-att innifsu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Qabel kollox, għandu jiġi indikat li dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat billi jiġu kkunsidrati l-preċiżazzjonijiet ġuridiċi mressqa mir-Renju ta’ Spanja li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni. Dawn il-preċiżazzjonijiet huma bbażati essenzjalment fuq l-interpretazzjonijiet tal-ġurisprudenza li jirriżultaw mill-qrati nazzjonali, fir-rigward ta’ l-effetti marbuta, rispettivament, ma’ l-att ta’ għoti u mal-finalizzazzjoni tal-kuntratt li huma kunċetti ġuridiċi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

34

Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-ewwel u t-tieni lment għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-konstatazzjoni li, fil-liġi ta’ l-Istat Membru in kwistjoni, minn naħa, l-att ta’ l-għoti ta’ kuntratt jinvolvi minnu nnifsu l-formazzjoni tal-kuntratt relatat miegħu u, għaldaqstant, jistabbilixxi, minnu nnifsu, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, u min-naħa l-oħra, il-finalizzazzjoni ta’ dan il-kuntratt hija formalità li tikkundizzjona esklużivament l-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, mingħajr ma tista’ tbiddel il-kuntratt u mingħajr ma tipproduċi effetti innovattivi.

35

Jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni premessa tad-direttiva ta’ reviżjoni li din hija intiża sabiex issaħħaħ il-mekkaniżmi li jeżistu, kemm fuq il-livell nazzjonali, kemm fuq il-livell Komunitarju, sabiex tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-direttivi Komunitarji fir-rigward ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fl-istadju meta l-ksur ikun għadu jista’ jiġi rrimedjat.

36

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) tad-direttiva ta’ reviżjoni jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu proċeduri ta’ reviżjoni effikaċi kif ukoll imħaffa kemm jista’ jkun kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet aġġudikatriċi li jkunu kisru d-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew r-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt.

37

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 2(1)(a) u (b) u t-tieni paragrafu tal-paragrafu 6 ta’ l-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, li permezz tagħha hija tagħżel l-offerent li jkun ipparteċipa għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li miegħu tkun ser tikkonkludi l-kuntratt, li jipprovdu f’kull każ proċedura ta’ reviżjoni li tippermetti lir-rikorrent jikseb l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fejn il-kundizzjonijiet rilevanti huma ssodisfati, indipendentement mill-possibbiltà li jikseb kumpens meta l-kuntratt ikun ġie konkluż (ara s-sentenza Alcatel Austria et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

38

Barra minn hekk, il-ħarsien legali sħiħ li għandu għaldaqstant jiġi assigurat qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1) tad-direttiva ta’ reviżjoni jimplika b’mod partikolari l-obbligu li jiġu informati l-offerenti bid-deċiżjoni ta’ għoti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt sabiex dawn ikollhom possibbiltà reali sabiex iressqu rikors.

39

Dan l-istess ħarsien jeżiġi li tiġi pprovduta l-possibbiltà, lill-offerent eskluż, sabiex jeżamina fiż-żmien dovut il-kwistjoni tal-validità tad-deċiżjoni ta’ għoti. Fid-dawl ta’ l-eżiġenzi ta’ effett utli tad-direttiva ta’ reviżjoni, isegwi li terminu raġjonevoli għandu jiddekorri bejn il-mument meta d-deċiżjoni ta’ għoti tiġi kkomunikata lill-offerenti esklużi u l-konklużjoni tal-kuntratt, sabiex tippermettilhom, b’mod partikolari, li jressqu talba għal miżuri provviżorji sa l-imsemmija konklużjoni.

40

Fil-kawża preżenti, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li mhuwiex ikkontestat li l-leġiżlazzjoni Spanjola tawtorizza rikorsi kontra atti ta’ awtoritajiet aġġudikatriċi qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Barra minn hekk, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 107(1) tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva tad-dritt komuni, l-persuni kkonċernati għandhom il-possibbiltà li jressqu rikors kontra l-atti ta’ proċedura meta dawn jiddeċiedu, b’mod dirett jew indirett, fuq il-mertu tal-każ, iwasslu għall-impossibbiltà li tiġi segwita l-proċedura jew għall-impossibbiltà ta’ difiża, jew jikkawżaw danni irrimedjabbli għal drittijiet jew għal interessi leġittimi. Fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, jistgħu jittieħdu miżuri provviżorji, b’mod partikolari s-sospensjoni ta’ l-atti kkontestati.

41

Fit-tieni lok, l-att ta’ għoti huwa nnotifikat lill-offerenti kollha skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 58(1) u (2), tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva tad-dritt komuni u 93(1) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi. Din in-notifika għandha ssir skond ir-regoli ta’ dritt komuni applikabbli għall-atti amministrattivi, jiġifieri fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ dan l-att ta’ għoti u billi tippreċiża l-possibbiltajiet ta’ rikors.

42

Madankollu, safejn l-att ta’ għoti jinvolvi de jure l-konklużjoni tal-kuntratt, minn dan jirrizulta li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kontraenti tagħżel, fost l-offerenti, il-parti li tingħata l-kuntratt, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors speċifiku qabel il-konklużjoni nfisha tal-kuntratt.

43

Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-finalizzazzjoni tal-kuntratt tista’ sseħħ fl-istess ħin ta’ l-għoti tal-kuntratt ikkonċernat, jew issegwi l-imsemmi għoti fi żmien qasir ħafna. Fil-fatt, l-imsemmija finalizzazzjoni, kif ġie rikonoxxut, barra minn hekk, mir-Renju ta’ Spanja, ma hija suġġetta għal ebda terminu ta’ żmien minimu u tista’ sseħħ fil-mument li l-parti li tingħata l-kuntratt tipprova l-kostituzzjoni ta’ garanzija definittiva, billi l-liġi teżiġi biss li l-imsemmija kostituzzjoni sseħħ mhux iktar tard minn ħmistax-il jum wara n-notifika ta’ l-għoti. Għaldaqstant, l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi kuntratt tista’ tibda qabel ma l-imemmi għoti jkun ġie nnotifikat kif meħtieġ.

44

Minn dan jirriżulta li, f’ċerti każijiet, l-ebda rikors utli ma jista’ jitressaq kontra l-att ta’ għoti qabel l-eżekuzzjoni nfisha tal-kuntratt filwaqt li l-għan tad-direttiva ta’ reviżjoni huwa li tiggarantixxi li d-deċiżjonijiet illegali ta’ l-awtoritajiet aġġudikatriċi jkunu jistgħu jiġu suġġetti għal rikorsi effikaċji u mħaffa kemm jista’ jkun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et, C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 74).

45

Fir-raba’ lok, il-possibbiltà ta’ dispożizzjoni tal-fakultà li jitressaq rikors għal annullament tal-kuntratt innifsu mhuwiex tali li jikkumpensa għall-impossibbiltà ta’ azzjoni kontra l-att ta’ għoti tal-kuntratt ikkonċernat qabel ma dan il-kuntratt jiġi konkluż.

46

Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni ma tippermettix lil kull offerent eskluż li jressaq rikors li jikkonforma ma’ l-eżiġenzi tad-direttiva ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku qabel il-konklużjoni nfisha tal-kuntratt li jirriżulta minnha.

47

Għaldaqstant, l-ewwel żewġ ilmenti mhumiex fondati.

Fuq it-tielet ilment

L-argumenti tal-partijiet

48

Skond il-Kummissjoni, ksur tad-direttiva ta’ reviżjoni jirriżulta mill-eċċezzjoni intiża għall-ħarsien tas-servizzi pubbliċi previst fl-Artikolu 65(3) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi, li jipprovdi li, jekk id-dikjarazzjoni amministrattiva ta’ nullità ta’ kuntratt toħloq tfixkil serju għas-servizz pubbliku, iż-żamma ta’ l-effetti tal-kuntratt tista’ tiġi prevista, taħt l-istess kundizzjonijiet, sakemm jittieħdu miżuri urġenti sabiex jiġi evitat kull dannu.

49

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-awtorità kontraenti setgħa diskrezzjonali wiesgħa wisq f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva li tannulla l-għoti ta’ kuntratt u, għaldaqstant, tal-kuntratt li jirriżulta minnha.

50

Hija tqis ukoll li d-dispożizzjoni in kwistjoni tista’, f’numru konsiderevoli ta’ każijiet, trendi ineffikaċi r-rikorsi ta’ l-offerenti esklużi li jkunu wasslu għall-annullament tad-deċiżjonijiet illegali ta’ l-awtoritajiet kuntrattwali, li jmur kontra l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jassiguraw li dawn il-proċeduri ta’ rikors previsti b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 1 tad-direttiva ta’ reviżjoni jippermettu l-annullament, jew li jintalab l-annullament tad-deċiżjonijiet illegali meħuda mill-imsemmija awtoritajiet. L-effett utli ta’ din id-direttiva jkun għaldaqstant kompromess, inkwantu titneħħa kull effikaċja tan-nullità jew ta’ l-annullament ta’ tali deċiżjonijiet.

51

Min-naħa tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jindika li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma intiżi biss għal proċediment eċċezzjonali kontra kuntratti suġġetti għal dikjarazzjoni ta’ nullità, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku u taħt il-kontroll tal-qrati.

52

Skond dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni ma wrietx li l-proċedimenti kontra l-kuntratt annullati b’dan il-mod jikkostitwixxu sitwazzjoni normali fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

F’din il-kawża, huwa kostanti li ż-żamma ta’ l-effetti ta’ kuntratt li huwa s-suġġett ta’ dikjarazzjoni amministrattiva ta’ nullità kif prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tista’ biss isseħħ fil-każ ta’ tfixkil serju tas-servizz pubbliku.

54

Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 65(3) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi, tali żamma hija intiża biss sabiex tapplika b’mod eċċezzjonali, u dan waqt l-istennija ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti. Barra minn hekk, din iż-żamma tapplika, kif jindika r-Renju ta’ Spanja, mingħajr ma ġie kkontestat mill-Kummissjoni, taħt il-kontroll tal-qrati.

55

B’hekk, jidher li l-għan ta’ l-imsemmija dispożizzjoni mhuwiex li tostakola l-eżekuzzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ kuntratt speċifiku, iżda li tevita, fejn hemm riskju għall-interess ġenerali, il-konsegwenzi eċċessivi u eventwalment dannużi ta’ eżekuzzjoni immedjata ta’ l-imsemmija dikjarazzjoni, waqt l-istennija ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti sabiex tiġi assigurata l-kontinwità tas-servizz pubbliku.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wrietx li l-leġiżlazzjoni kkontestata tikser l-eżiġenzi tad-direttiva ta’ reviżjoni.

57

Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

58

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma pprovdiex terminu ta’ żmien obbligatorju għan-notifika, mill-awtorità kontraenti, tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lill-offerenti kollha u billi ma pprovdiex terminu ta’ stennija obbligatorju bejn l-għoti ta’ kuntratt u l-konklużjoni ta’ kuntratt, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-direttiva ta’ reviżjoni.

Fuq l-ispejjeż

59

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond l-Artikolu 69(3) ta’ l-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet jitilfu kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

60

F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li r-rikors ma ntlaqax fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kollu, kif ġie definit mill-Kummissjoni.

61

Għaldaqstant, hemm lok li r-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat għal żewġ terzi ta’ l-ispejjeż kollha. Il-Kummissjoni hija kkundannata għat-terz l-ieħor ta’ l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma pprovdiex terminu ta’ żmien obbligatorju għan-notifika, mill-awtorità kontraenti, tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lill-offerenti kollha u billi ma pprovdiex terminu ta’ stennija obbligatorju bejn l-għoti ta’ kuntratt u l-konklużjoni ta’ kuntratt, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi imposti fuqu skond l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għal żewġ terzi ta’ l-ispejjeż kollha. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għat-terz l-ieħor ta’ l-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top