This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62006CJ0411
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 8 September 2009.#Commission of the European Communities v European Parliament and Council of the European Union.#Action for annulment - Regulation (EC) No 1013/2006 - Shipments of waste - Choice of legal basis - Articles 133 EC and 175(1) EC.#Case C-411/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Parlament Ewropew u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Regolament (KE) Nru 1013/2006 - Vjaġġi ta’ skart - Għażla tal-bażi legali - Artikolu 133 KE u Artikolu 175(1) KE.
Kawża C-411/06.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2009.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Parlament Ewropew u il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament - Regolament (KE) Nru 1013/2006 - Vjaġġi ta’ skart - Għażla tal-bażi legali - Artikolu 133 KE u Artikolu 175(1) KE.
Kawża C-411/06.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-07585
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:518
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
8 ta’ Settembru 2009 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Regolament (KE) Nru 1013/2006 — Vjaġġi ta’ skart — Għażla tal-bażi legali — Artikoli 133 KE u 175(1) KE”
Fil-Kawża C-411/06,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2006,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana, M. Huttunen u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou u U. Rösslein, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Moore u K. Michoel, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuti,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, A. Adam u G. Le Bras, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson, E. O’Neil u S. Behzadi-Spencer, bħala aġenti, assistiti minn A. Dashwood, barrister,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas, K. Lenaerts, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, U. Lõhmus, L. Bay Larsen u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2009,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi [vjaġġi] ta’ skart (ĠU L 190, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), peress li mhuwiex ibbażat fuq l-Artikolu 175(1) KE u l-Artikolu 133 KE, iżda biss fuq l-Artikolu 175(1) KE. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni ta’ Basel
2 |
Il-preambolu tal-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi [eliminazzjoni] tiegħu, iffirmata f’Basel fit-22 ta’ Marzu 1989, approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, tal-1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Basel”), jistabbilixxi fit-tmien sal-għaxar premessi tiegħu: “Konvinti illi l-iskart ta’ riskju u skart ieħor għandhom jiġu disponuti [eliminati] minnhom, safejn u sakemm huwa kompatibbli mal-ġestjoni soda u effiċjenti, fl-Istat fejn kienu ġġenerati, Konxji wkoll illi l-movimenti li jaqsmu l-fruntieri ta’ dan l-iskart mill-Istat tal-ġenerazzjoni tiegħu għal kull Stat ieħor għandu jkun permess biss meta kondott taħt kondizzjonijiet li ma jipperikolax is-saħħa ta’ l-bniedem u l-ambjent, u taħt kondizzjonijiet skond id-disposizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni, Filwaqt li jikkunsidraw illi l-kontroll imtejjeb tal-moviment ta’ l-iskart ta’ riskju u ta’ skart ieħor li jaqsam il-fruntieri jrid iservi bħala inċentiv għall-ġestjoni soda tagħhom dwar l-ambjent u għat-tnaqqis tal-volum ta’ dan il-moviment li jaqsam il-fruntieri”. |
3 |
L-Artikolu 2(4) tal-imsemmija konvenzjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ “disponiment [eliminazzjoni]” billi jinkludi “kull ħidma speċifikata fl-Anness IV ma’ din il-Konvenzjoni”. L-imsemmi Anness IV għandu lista ta’ tipi varji ta’ operazzjonijiet ta’ eliminazzjoni, fejn, fit-taqsima B ta’ dan, il-kategorija tal-“ħidmiet li ma jwasslux għall-possibbiltà tar-rkupru, ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni, l-użu mill-ġdid dirett jew l-użi alternattivi tar-riżorsi”. |
Ir-regolament ikkontestat
4 |
Ir-regolament ikkontestat ġie adottat sabiex jissostitwixxi u jaġġorna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176). Dan ir-regolament, ibbażat fuq l-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 130 S tat-Tattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 175 KE), ġie adottat, b’mod partikolari, sabiex jimplementa l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Basel. |
5 |
Mill-ħames premessa tar-regolament ikkontestat jirriżulta li dan ir-regolament għandu bħala għan li jintegra l-kontenut tad-Deċiżjoni C(2001)107/finali tal-Kunsill tal-OECD, li tikkonċerna r-reviżjoni tad-Deċiżjoni C(92)39/finali dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-OECD”), sabiex il-listi ta’ skart jiġu armonizzati mal-Konvenzjoni ta’ Basel u sabiex jiġu rriveduti ċerti rekwiżiti oħra. Barra minn hekk, f’din l-okkażjoni ġie deċiż, hekk kif jirriżulta mit-tieni premessa tar-regolament ikkontestat, li għal skopijiet ta’ ċarezza għandhom jiġu inklużi f’test wieħed emendi varji għar-Regolament Nru 259/93. |
6 |
L-ewwel premessa tar-regolament ikkontestat tipprovdi li “[l]-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali”. |
7 |
Skont it-tlieta u tletin premessa tar-regolament ikkontestat, “[g]ħandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li […] skart trasportat fil-Komunità u skart importat fil-Komunità jiġi mmaniġġat, tul il-perjodu tal-vjeġġ [vjaġġ] u inkluż matul l-irkupru jew ir-rimi [eliminazzjoni] fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent. Fir-rigward ta’ esportazzjonijiet mill-Komunità li mhumiex projbiti, għandu jsir sforz sabiex jiġi żgurat li l-iskart jiġi mmaniġġat b’mod ambjentalment san matul il-perjodu tal-vjaġġ u inkluż matul l-irkupru jew ir-rimi [eliminazzjoni] fil-pajjiż ta’ destinazzjoni. […]”. |
8 |
It-tnejn u erbgħin premessa ta’ dan ir-regolament tipprovdi, għal dak li jirrigwarda l-konformità ta’ dan ir-regolament mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità li “[b]illi l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ l-ambjent meta l-iskart jiġi trasportat, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà […]. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità […] dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan”. |
9 |
Skont l-Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat, dan ir-regolament “jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi [vjaġġi] ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu”. |
10 |
Skont l-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal vjeġġi [vjaġġi] ta’ skart:
|
11 |
L-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat għandu d-definizzjonijiet, li fosthom jidhru s-segwenti:
|
12 |
It-Titolu II tar-regolament ikkontestat, li taħtu jidhru l-Artikoli 3 sa 32 tal-imsemmi regolament, jirrigwarda vjaġġi ta’ skart ġewwa l-Komunità, fi tranżitu jew le minn pajjiżi terzi. Dan it-titolu jiġbor is-sistema bażika tar-regolament li tistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-obbligi ta’ notifika, tal-proċedura u tal-kontroll fuq is-suġġett tal-vjaġġi ta’ skart. Taħt l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament,, il-vjaġġi tal-iskart kollha destinati għall-eliminazzjoni, kif ukoll, fost l-oħrajn, il-vjaġġi ta’ skart destinati għal operazzjonijiet ta’ rkupru li jidhru fl-Anness IV tar-regolament ikkontestat (“lista ambra”), huma suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u għall-kunsens bil-miktub, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament. Dan l-anness jinkludi wkoll l-iskart elenkat fl-Annessi II u VIII tal-Konvenzjoni ta’ Basel. |
13 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel, in-notifikatur għandu b’mod partikolari jipprovdi, minn naħa, hekk kif previst mill-Artikoli 4(4) u 5 tar-regolament ikkontestat, prova tal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejnu u d-destinatarju għal dak li jirrigwarda l-irkupru jew l-eliminazzjoni ta’ skart notifikat u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikoli 4(5) u 6 ta’ dan ir-regolament, prova ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ assigurazzjoni ekwivalenti li tkopri l-ispejjeż ta’ trasport, tal-operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ eliminazzjoni u tal-ħażna ta’ skart ikkonċernat. Fil-każ ta’ notifika ta’ vjaġġ ippjanat ta’ skart, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, fuq il-bażi tal-motivi li essenzjalment ikunu ta’ protezzjoni tal-ambjent, elenkati fl-Artikoli 11 u 12 tal-imsemmi regolament, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet inkonnessjoni mal-kunsens tagħhom għal imsemmi vjaġġ jew iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal vjaġġ bħal dan. |
14 |
L-Artikoli 22 sa 25 tar-regolament ikkontestat jimponu obbligu ta’ teħid lura ta’ skart meta vjaġġ ma jkunx jista’ jseħħ jew fil-każ ta’ vjaġġ illegali, u jipprovdi regoli għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż għat-teħid lura. Regoli partikolari rigward il-vjaġġi ġewwa l-Komunità bi tranżitu minn pajjiżi terzi huma previsti fl-Artikoli 31 u 32 tal-imsemmi regolament. |
15 |
Il-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub ma tapplikax għall-vjaġġi ta’ skart mhux perikoluż, elenkati b’mod partikolari fl-Anness III tar-regolament ikkontestat (“lista ħadra”), u destinat għall-irkupru. Taħt l-Artikoli 3(2) u 18(1) ta’ dan ir-regolament, vjaġġi bħal dawn huma biss suġġetti għal obbligu ta’ informazzjoni ġenerali. Madankollu, skont l-Artikolu 18(2) tal-imsemmi regolament, bejn il-persuna li torganizza l-vjaġġi ta’ skart u d-destinatarju għall-irkupru ta’ dan l-iskart għandu jkun hemm kuntratt fis-seħħ meta jibda l-vjaġġ u għandu jkun possibbli li tingħata prova tal-eżistenza ta’ kuntratt ta’ dan it-tip. |
16 |
It-Titolu III tar-regolament ikkontestat jirrigwarda l-vjaġġi ta’ skart esklużivament ġewwa Stati Membri. Skont l-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament, “[l]-Istati Membri għandhom jistabilixxu sistema adegwata għas-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi [vjaġġi] ta’ skart esklussivament ġewwa l-ġurisdizzjoni tagħhom. Din is-sistema għandha tieħu kont tal-ħtieġa għall-koerenza fis-sistema Komunitarja stabbilita permezz tat-Titoli II u VII”. |
17 |
It-Titolu IV tar-regolament ikkontestat jirregola s-sistema tal-esportazzjonijiet ta’ skart mill-Komunità lejn pajjiżi terżi. L-Artikolu 34(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprekludi kull esportazzjoni mill-Komunità ta’ skart destinat li jiġi għal eliminazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ esportazzjonijiet ta’ skart destinat għal eliminazzjoni f’pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma wkoll partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Basel. F’dan l-aħħar imsemmi każ, taħt l-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-imsemmi regolament dwar il-proċedura ta’ notifika u dwar il-kunsens bil-miktub japplikaw mutatis mutandis, bla ħsara għal emendi u żidiet. Huma wkoll ipprojbiti l-esportazzjonijiet tal-Komunità tal-iskart li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Artikolu 36(1) tar-regolament ikkontestat, li fosthom jidher l-iskart perikoluż destinat għall-irkupru f’pajjiżi li fihom id-deċiżjoni tal-OECD ma tapplikax. Għal dak li jirrigwarda l-esportazzjoni tal-iskart mhux perikoluż (“lista ħadra”) destinat għall-irkupru f’dawn l-aħħar imsemmija pajjiżi, l-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tikseb informazzjoni dwar il-proċeduri applikabbli. Fir-rigward tal-esportazzjoni tal-iskart perikoluż u mhux perikoluż, destinat għall-irkupru f’pajjiżi li fihom tapplika d-deċiżjoni tal-OECD, skont l-Artikolu 38 tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dan ir-regolament huma wkoll applikabbli mutatis mutandis, bla ħsara għal emendi u żidiet. |
18 |
It-Titolu V tar-regolament ikkontestat jirregola l-importazzjonijiet lejn il-Komunità minn pajjiżi terzi. Taħt l-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament, l-importazzjonijiet ta’ skart destinati għal eliminazzjoni huma pprojbiti, ħlief jekk dawn tal-aħħar ikunu ġejjin minn pajjiż li huwa parti mill-Konvenzjoni ta’ Basel jew ta’ pajjiżi oħra li magħhom il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha jkunu kkonkludew ftehim bilaterali jew multilaterali kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li huma konformi mal-Artikolu 11 tal-imsemmija konvenzjoni. F’dawn il-każijiet, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-imsemmi regolament huma, skont l-Artikoli 41(3) u 42 tal-imsemmi regolament, applikabbli mutatis mutandis, bla ħsara għal emendi u żidiet. Skont l-Artikolu 43(1) tar-regolament ikkontestat, l-importazzjonijiet kollha ta’ skart destinat għall-irkupru huma pprojbiti ħlief dawk minn pajjiżi li għalihom tapplika d-deċiżjoni OECD, pajjiżi oħra li huma partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basel jew pajjiżi oħra li magħhom il-Komunità, jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, kienu kkonkludew ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilateri kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u li huma konformi mal-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Basel. F’dawn il-każijiet, taħt l-Artikoli 43(3), 44(1) u 45 tar-regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-Artikolu 42 tal-imsemmi regolament, l-imsemmi Titolu II japplika mutatis mutandis, bla ħsara għal emendi u żidiet. |
19 |
It-Titolu VI tar-regolament ikkontestat jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal tranżitu ta’ skart ġewwa l-Komunità minn u lejn pajjiżi terzi, li, skont l-Artikoli 47 u 48 tal-imsemmi regolament, moqrija flimkien mal-Artikoli 42 u 44 ta’ dan tal-aħħar, jirriflettu bl-istess mod it-Titolu II tal-imsemmi regolament. |
20 |
It-Titolu VII tar-regolament ikkontestat jiġbor dispożizzjonijiet supplimentari dwar l-applikazzjoni tal-aħħar imsemmi regolament, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-sanzjonijiet, il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti u r-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri. Fost dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 49 ta’ dan ir-regolament jimponi obbligi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-ambjent hekk kif ġej: “1. Il-produttur, in-notifikatur u impriżi oħrajn involuti fi vjeġġ [vjaġġ] ta’ skart u/jew l-irkupru jew ir-rimi [eliminazzjoni] tiegħu għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li kull skart li huma jittrasportaw jiġi mmaniġġat mingħajr periklu għas-saħħa umana u b’mod ambjentalment san matul il-perjodu tal-vjeġġ [vjaġġ] u matul l-irkupru u r-rimi [eliminazzjoni] tiegħu. […] 2. Fil-kaz ta’ esportazzjoni mill-Komunità, l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ fil-Komunità għandha:
[…] 3. Fil-każ ta’ l-importazzjoni fil-Komunità, l-awtorità kompetenti tad-destinazzjoni fil-Komunità għandha:
|
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura
21 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
22 |
Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
23 |
Il-Kunsill jitlob, fil-każ fejn ir-rikors jitqies li huwa ammissibbli, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
24 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2007, intlaqgħu t-talbiet tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika tal-Awstrija u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill. |
25 |
Fuq talba tal-Parlament u tal-Kunsill, imressqa fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustuzzja, il-kawża ġiet irrinvijata quddiem l-Awla Manja. |
Fuq ir-rikors
Fuq l-ammissibbiltà
26 |
Il-Kunsill iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx, fir-rikors tagħha, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat li skont hi kellhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 133 KE, dawk li kellhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 175(1) KE, kif ukoll, skont il-każ, id-dispożizzjonijiet li kellhom ikunu bbażati fuq dawn iż-żewġ artikoli. |
27 |
Skont l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi mressqa. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu (sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-195/04, Ġabra p. I-3351, punt 22, u tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-412/04, Ġabra p. I-619, punt 103). |
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, billi indikat fir-rikors tagħha li r-regolament ikkontestat kellu jkun ibbażat fuq l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE u billi esponiet ir-raġunijiet li minħabba fihom hija tikkunsidra li kien hemm il-kundizzjonijiet tar-rikors b’tali bażi legali doppja, il-Kummissjoni ssodisfat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta, l-imsemmi rikors ippermetta lill-konvenuti u lill-Istati Membri intervenjenti jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom b’mod informat. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, mhux neċessarju li rikors li jpoġġi fid-dubju l-bażi legali ta’ att Komunitarju, għar-raġuni li dan tal-aħħar kellu jkun ibbażat fuq bażi legali doppja, jindika liema huma l-partijiet jew id-dispożizzjonijiet tal-att ikkontestat li jaqgħu f’bażi legali invokata jew oħra, jew tat-tnejn f’daqqa. |
29 |
Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli. |
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
30 |
Il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq ksur tat-Trattat KE li jirriżulta mill-għażla tal-Parlament u tal-Kunsill li jibbażaw ir-regolament ikkontestat fuq l- Artikolu 175(1) KE biss u mhux fuq l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE, hekk kif kienet ipproponiet. L-għażla ta’ bażi legali doppja tkun meħtieġa minħabba l-fatt li dan ir-regolament jinkludi, kemm għal dak li jirrigwarda l-għan tiegħu kif ukoll il-kontenut tiegħu, żewġ komponenti li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, wieħed li jirrigwarda l-politika kummerċjali komuni u l-ieħor il-protezzjoni tal-ambjent, li ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala sekondarji jew indiretti fil-konfront ta’ xulxin. |
31 |
Il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni għandha tirċievi interpretazzjoni wiesa’, u li miżura li tirregola l-kummerċ mal-pajjiżi terzi ma tieqafx milli tkun miżura ta’ politika kummerċjali għas-sempliċi raġuni li għandha wkoll għanijiet li jaqgħu taħt oqsma oħra barra l-kummerċ, bħall-protezzjoni tal-ambjent. F’dan il-kuntest, hija tirreferi għall-Artikolu 6 KE, li permezz tiegħu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom ikunu inklużi fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u tal-azzjonijiet tal-Komunità previsti fl-Artikolu 3 KE. |
32 |
Għal dak li jirrigwarda r-rabta eżistenti bejn ir-regolament ikkontestat u l-politika kummerċjali Komuni, il-Kummissjoni ssostni li l-kliem tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament juri li dan mhux biss huwa intiż li jirregola l-vjaġġi ta’ skart fil-Komunità għall-finijiet purament ambjentali, iżda li jkopri wkoll l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ skart minn pajjiżi terzi, l-esportazzjonijiet ta’ skart mill-Komunità lejn pajjiżi terzi u fi tranżitu ta’ skart fil-Komunità, fi triqithom minn, u lejn, pajjiżi terzi. Hija żżid li, peress li l-iskart huwa “merkanzija” għall-finijiet tal-moviment liberu tal-merkanzija fil-Komunità, ma jistax ikun hemm dubju li l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ din il-merkanzija, irregolata b’mod partikolari bit-Titoli IV sa VI tal-imsemmi regolament, jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. |
33 |
Sa fejn in-natura ambjentali tar-regolament ikkontestat tirriżulta mill-għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent imħaddna mill-Konvenzjoni ta’ Basel, il-Kummissjoni, filwaqt li tinnota li din il-konvenzjoni għandha dimensjoni ta’ ċerta importanza fil-politika kummerċjali, kif jirriżulta wkoll mill-fatt li ġiet ikkunsidrata mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tosserva li dan ir-regolament għandu portata ħafna akbar mill-imsemmija konvenzjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar tapplika biss għall-movimenti ta’ skart perikoluż destinat għal eliminazzjoni, filwaqt li r-regolament ikkontestat ikopri l-iskart kollu, kemm jekk huwa perikoluż jew le u kemm jekk ikun destinat għal eliminazzjoni jew għal irkupru. |
34 |
Fir-rigward tal-possibbiltà li regolament jiġi bbażat fuq bażi legali doppja komposta mill-Artikoli 133 KE u 175(1) KE, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-178/03, Ġabra p. I-107), dwar il-bażi legali tar-Regolament (KE) Nru 304/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-kimiċi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 65), li, fuq livell ta’ għanijiet tiegħu bħal fil-każ tal-kontenut tiegħu, dan ir-regolament kellu komponenti kummerċjali u ambjentali marbuta b’mod li tant ma jistgħux jinħallu minn xulxin li kien meħtieġ l-użu ta’ din il-bażi legali doppja. |
35 |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirreferi għal atti Komunitarji varji li ġew adottati fuq bażi legali doppja, li jinkludu l-Artikoli 113 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 113 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 133 KE) u 130 S tat-Trattat KEE, jiġifieri, b’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3254/91, tal-4 ta’ Novembru 1991, li jipprojbixxi l-użu fil-Komunità ta’ nasses li jaqbdu s-saqajn u l-introduzzjoni fil-Komunità ta’ ġlud u merkanzija maħduma ta’ ċerti speċi ta’ annimali slavaġ li joriġinaw minn pajjiżi fejn dawn jinqabdu permezz ta’ nasses li jaqbdu s-saqajn jew metodi ta’ nsib li ma jkunux konformi man-normi internazzjonali ta’ nsib b’mod uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 60), id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-10 ta’ Diċembru 1982, dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim, tat-28 ta’ Lulju 1994, li għandu x’jaqsam mal-implementazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260), kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1420/1999, tad-29 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni li għandhom japplikaw għat-trasport ta’ ċerti tipi ta’ skart lejn ċertu pajjiżi mhux tal-OECD (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 184). B’hekk, il-Kunsill kien diġà ammetta l-possibbiltà li jiġu adottati atti fuq il-bażi legali doppja inkwistjoni. Sa fejn ir-regolament ikkontestat jipprovdi regoli simili għal dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 1420/1999, il-Kummissjoni tikkunsidra li, kieku l-Kunsill ma jaċċettax li s-sistema kollha tal-vjaġġi lejn pajjiżi mhux membri tal-OECD ta’ skart destinat għall-irkupru għandu jkun ibbażat fuq il-bażi legali doppja proposta, ikun f’kontradizzjoni ma’ dak li huwa ammetta meta adotta dan l-aħħar imsemmi regolament. |
36 |
Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 176 KE ma jipprekludix l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 133 KE u 175 KE bħala bażi legali ta’ att Komunitarju. Fil-fatt, jekk dan l-att kellu jirregola xi qasam b’mod iktar dettaljat, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu jew li jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni msaħħa tkun neċessarjament limitata. Barra minn hekk, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 176 KE jirriżulta li miżuri bħal dawn għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-trattat, inkluż fosthom l-Artikolu 133 KE. |
37 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni ta’ bażi legali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ta’ natura purament formali, peress li l-għażla bejn l-Artikoli 133 KE u 175 KE għandha implikazzjonijiet kunsiderevoli għal dak li jirrigwarda l-kondiviżjoni ta’ kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, billi l-ewwel artikolu msemmi jagħti kompetenza esklużiva lill-Komunità, u t-tieni wieħed jagħti kompetenzi kondiviżi. L-għażla tal-Artikolu 175(1) KE bħala l-uniku bażi legali tar-regolament ikkontestat jimplika kompetenza tal-Istati Membri sabiex jirregolaw l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ skart, li b’mod inevitabbli jkollha l-effett li tikkawża distorsjoni għall-kompetizzjoni bejn impriżi ta’ Stati Membri fis-swieq esterni u li tikkawża tfixkil fis-suq intern tal-Komunità. |
38 |
Il-Parlament u l-Kunsill jikkunsidraw li minn analiżi tal-istruttura u tal-kontenut tar-regolament ikkontestat jirriżulta b’mod ċar li dan għandu għan ewlieni, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent. Filwaqt li l-ewwel u tnejn u erbgħin premessi ta’ dan ir-regolament isemmu dan l-għan speċifikament, il-premessi l-oħra ta’ dan ma jagħmlu ebda riferiment għat-tħaddin tal-għanijiet tal-politika kummerċjali komuni. Dawn l-istituzzjonijiet isostnu li l-imsemmi regolament iħaddan l-istess għan ewlieni u għandu l-istess struttura bażika bħar-Regolament Nru 259/93, ibbażat biss fuq l-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE. Il-vokazzjoni ambjentali tar-regolament ikkontestat tiriżulta wkoll mill-fatt li huwa għandu bħala għan, bħall-predeċessur tiegħu r-Regolament Nru 259/93, li jimplementa l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Basel, li hija elenkata mill-WTO bħala ftehim multilaterali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u li ġiet konkluża f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 93/98, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE. |
39 |
Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tar-regolament ikkontestat, il-Parlament u l-Kunsill jaffermaw li s-sistema prevista mit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, li jiġbor id-dispożizzjonijiet fundamentali li jirregolaw il-vjaġġi ta’ skart, tapplika mutatis mutandis għat-Titoli IV sa VI ta’ dan tal-aħħar, li jirregolaw il-vjaġġi extra-Komunitarji ta’ skart. Dawn l-istituzzjonijiet isostnu li l-oġġezzjonijiet eventwalment ifformulati kontra l-vjaġġi ta’ skart jistgħu jkunu bbażati biss fuq motivi ambjentali. Barra minn hekk, huma jinsistu fuq l-importanza tal-obbligu ġenerali tal-protezzjoni tal-ambjent previst fl-Artikolu 49 tar-regolament ikkontestat, li japplika wkoll għall-importazzjonijiet u għall-esportazzjonijiet. L-imsemmi regolament b’hekk jistabbilixxi ġabra koerenti ta’ regoli li għandhom l-għan li jipproteġu l-ambjent, li bl-ebda mod ma jiffaċilitaw il-kummerċ, iżda, għal kuntrarju, jostakolaw il-kummerċ. |
40 |
Sa fejn, skont il-Kummissjoni, il-bażi legali korretta għall-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart irregolati mit-Titolu II tar-regolament ikkontestat tkun l-Artikolu 175 KE, filwaqt li, għal dak li jirrigwarda l-vjaġġi ta’ skart bejn il-Komunità u pajjiżi terzi rregolati mit-Titoli IV sa VI ta’ dan ir-regolament, ikun neċessarju li wieħed jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 133 KE, pożizzjoni bħal din ma tkunx konformi mal-għażla li tiġi applikata l-istess sistema li tidher fit-Titolu II tar-regolament ikkontestat, kemm għall-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart kif ukoll għall-vjaġġi extra-Komunitarji tal-iskart. Barra minn hekk, din il-pożizzjoni ċċaħħad lill-politika Komunitarja fil-qasam ambjentali minn kull possibbiltà ta’ azzjoni esterna kull darba li l-merkanzija tkun f’sitwazzjoni li tista’ tiġi affettwata. |
41 |
Għal dak li jirrigwarda r-riferiment mill-Kummissjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Parlament isostni li l-Kummissjoni ma wrietx b’liema mod ir-regolament ikkontestat ikun komparabbli mar-Regolament Nru 304/2003 inkwistjoni, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, u lanqas li l-għanijiet u l-kontenuti ta’ dawn ir-regolamenti jippreżentaw karatteristiċi identiċi, li jawtorizzaw konklużjoni analoga għal dak li jirrigwarda l-bażijiet legali tagħhom. |
42 |
Minn naħa tagħha, il-Kunsill jikkunsidra li l-imsemmija sentenza loġikament timplika li l-partijiet tar-regolament ikkontestat li jikkonċernaw il-vjaġġi ta’ skart bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi għandhom ikunu fondati fuq bażi legali doppja li tikkonstiti fl-Artikoli 133 KE u 175 KE, filwaqt li l-partijiet l-oħra tiegħu għandhom, min-naħa l-oħra jkollhom bħala bażi legali l-Artikolu 175 KE biss. Issa, riżultat bħal dan ikun diffiċilment konċiljabbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda l-kriterju tal-għan predominanti, sa fejn il-Kummissjoni tidher li ammettiet li l-partijiet l-oħra tar-regolament ikkontestat ġew validament adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 175 KE. Anki jekk jiġi aċċettat li l-partijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-vjaġġi ta’ skart bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi għandhom għan konness mal-politika kummerċjali komuni, fir-rigward tal-għan u tal-kontenut tal-imsemmi regolament meqjus “fl-intier tiegħu”, dan l-għan jippreżenta b’mod manifest natura sekondarja biss meta mqabbla mal-għan ewlieni mħaddan minnu. |
43 |
Il-Parlament u l-Kunsill jesprimu dubji serji fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu kkombinati l-Artikoli 133 KE u 175 KE bħala bażi legali ta’ att Komunitarju, peress li l-kompetenza tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali hija ta’ natura esklużiva, għalkemm hija kondiviża mal-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-ambjent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa diffiċli għalihom jifmhu kif l-Artikolu 176 KE jista’ jiġi applikat fil-kuntest ta’ att fondat kemm fuq l-Artikolu 133 KE kif ukoll fuq l-Artikolu 175 KE. Kieku kien hekk, l-intenzjoni ċara tal-awturi tat-trattat kienet tkun manifesta. |
44 |
L-Istati Membri intervenjenti essenzjalment isostnu raġunament analogu għal dak imressaq mill-Parlament u l-Kunsill. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
45 |
Għandu jitfakkar li, preliminarjament, skont ġurisprudenza kostanti, l-għażla tal-bażi legali ta’ att Komunitarju għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-155/07, Ġabra p. I-8103, punt 34). |
46 |
Jekk l-eżami ta’ att komunitarju juri li dan l-att għandu għan doppju jew għandu komponent doppju u jekk wieħed minn dawn jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss sekondarju, l-att għandu jkun ibbażat fuq bażi legali unika, jiġifieri dak meħtieġ mill-għan jew komponent ewlieni jew predominanti (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 42, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, punt 35). |
47 |
Eċċezzjonalment, jekk jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-att ikkonċernat ikollu iktar minn għan wieħed fl-istess ħin jew jekk ikollu iktar minn komponent wieħed, li jkunu marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin, mingħajr ma wieħed ikun sekondarju u indirett meta pparagunat mal-ieħor, tali att irid ikun ibbażat fuq id-diversi bażijiet legali korrispondenti (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-211/01, Ġabra p. I-8913, punt 40, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). |
48 |
Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li r-regolament ikkontestat kellu bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent, u li, konsegwentement, kien, għall-inqas in parti, ibbażat validament fuq l-Artikolu 175(1) KE. Il-kawża tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk dan ir-regolament għandux ukoll għan ta’ politika kummerċjali komuni u jiġborx komponenti li jaqgħu taħt din il-politika li huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn komponenti li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent, ta’ tali importanza li dan l-att kellu jkun ibbażat fuq bażi legali doppja, jiġifieri l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE. |
49 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-għan u l-komponenti tar-regolament ikkontestat li jikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ewlenin jew predominanti. |
50 |
Fil-fatt, dan huwa l-każ. |
51 |
Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-għan tar-regolament ikkontestat, l-ewwel premessa tal-imsemmi regolament tipprovdi li “[l]-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent”. Għalkemm hija kkontestata mill-Kummissjoni, din l-affermazzjoni hija inkluża fit-tnejn u erbgħin premessa tal-imsemmi regolament, li tidher fil-proposta tal-Kummissjoni għall-istess regolament u li tgħid li l-għan tar-regolament ikkontestat huwa li “[j]iggarantixxi l-protezzjoni tal-ambjent meta l-iskart ikun fi vjaġġ”. |
52 |
Il-premessi l-oħra tar-regolament ikkontestat jikkonfermaw il-vokazzjoni ambjentali ta’ dan ir-regolament. Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konkluzjonijiet tiegħu, bl-eċċezzjoni tas-sittax u tad-dsatax il-premessa ta’ dan ir-regolament, li jirreferu għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, il-premessi kollha tiegħu jirreferu bejn wieħed u ieħor b’mod dirett għal preokkupazzjonijiet ambjentali. |
53 |
Bħala eżempju, it-tlieta u tletin premessa tar-regolament ikkontestat issostni li, fir-rigward tal-iskart ittrasferit ġewwa l-Komunità u ta’ skart importat fil-Komunità, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-imsemmi skart jiġi mmaniġġat, tul il-perjodu tal-vjaġġ u inkluż matul l-irkupru jew l-eliminazzjoni fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, “mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma jintużaw proċessi jew metodi li jkunu jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent”, u li, fir-rigward tal-esportazzjonijiet mill-Komunità, għandu “jsir sforz sabiex jiġi żgurat li l-iskart jiġi mmaniġġat b’mod ambjentalment san matul il-perjodu tal-vjaġġ u inkluż matul l-irkupru jew ir-rimi [eliminazzjoni] fil-pajjiż ta’ destinazzjoni”. |
54 |
Min-naħa l-oħra, u hekk kif jirrimarkaw il-Parlament u l-Kunsill, il-preambolu tar-regolament ikkontestat ma għandu l-ebda riferiment għat-tħaddin tal-għanijiet li jaqgħu fil-politika kummerċjali komuni. |
55 |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-kontenut tar-regolament ikkontestat, l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament “jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi [vjaġġi] ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu”. Hekk kif jirriżulta mis-sunt tal-kontenut tal-imsemmi regolament li jidher fil-punti 12 sa 19 tas-sentenza preżenti, l-istrument prinċipali stabbilit minnu huwa magħmul mill-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub, li d-dettalji tagħha huma esposti fid-dettall fit-Titolu II tal-imsemmi regolament dwar il-vjaġġi ta’ skart ġewwa l-Komunità. Din il-proċedura hija applikabbli, taħt l-Artikolu 3(1) tar-regolament ikkontestat, għall-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart kollu destinat għal eliminazzjoni, kif ukoll għal dawk il-kategoriji stabbiliti ta’ skart destinati għall-irkupru. |
56 |
Il-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub hija kkaratterizzata minn elementi varji bil-għan li jiġi ggarantit li l-vjaġġi ta’ skart huma eżegwiti b’rispett għall-protezzjoni tal-ambjent. B’hekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, taħt l-Artikoli 4(4), 5 u 22 sa 24 tar-regolament ikkontestat, in-notifikatur ta’ vjaġġi ta’ skart għandu jressaq il-prova tal-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejnu u d-destinatarju, li jipprovdi obbligi dwar l-irkupru jew l-eliminazzjoni tal-iskart notifikat, kif ukoll l-obbligu għan-notifikatur li jieħu lura l-iskart meta vjaġġ ma jistax jitwettaq jew fil-każ ta’ vjaġġ illegali. |
57 |
Barra minn hekk, skont l-Artikoli 4(5) u 6 tar-regolament ikkontestat, in-notifikatur għandu jistabbilixxi garanzija finanzjarja jew assigurazzjoni ekwivalenti li tkopri l-ispejjeż ta’ trasport, tal-operazzjonijiet ta’ rkupru jew ta’ eliminazzjoni u tal-ħażna ta’ skart ikkonċernat. |
58 |
Għal dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ vjaġġi ta’ skart notifikati, l-awtoritajiet kompetenti, meta huma jużaw il-possibbiltà, ipprovduta fl-Artikoli 9 sa 12 tar-regolament ikkontestat, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet inkonnessjoni mal-kunsens tagħhom għal imsemmi vjaġġ notifikat jew iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal vjaġġ bħal dan, għandhom ikunu bbażati prinċipalment fuq motivi li jirrigwardaw ir-rispett tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent. |
59 |
B’hekk, bħal fil-każ tal-proċedura ta’ ftehim informat bil-quddiem stabbilita mill-Protokoll ta’ Kartagena fuq il-prevenzjoni tar-riskji bijoteknoloġiċi, hekk ukoll il-proċedura ta’ notifika u tal-kunsens bil-miktub prevista mir-regolament ikkontestat tista’ tkun ikklassifikata bħala strument tipiku ta’ politika tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, tas-6 ta’ Diċembru 2001, Ġabra p. I-9713, punt 33). |
60 |
Hekk kif issemma fil-punti 17 u 18 tas-sentenza preżenti, il-proċedura ta’ notifika u tal-kunsens bil-miktub, li tidher fit-Titolu II tar-regolament ikkontestat u li hija applikabbli għall-vjaġġi intra-Komunitarji tal-iskart, barra minn hekk tapplika mutatis mutandis, bla ħsara għal emendi u żidiet ipprovduti mid-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, għall-vjaġġi ta’ skart bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi fil-każijiet fejn l-esportazzjonijiet mill-Komunità jew importazzjonijiet fil-Komunità mhumiex ipprojbiti mid-dispożizzjonijiet tat-Titoli IV u V tal-imsemmi regolament. Dan huwa l-każ, taħt l-Artikoli 35 u 42 tal-istess regolament, tal-esportazzjonijiet mill-Komunità lejn il-pajjiżi tal-EFTA li huma partijiet fil-Konvenzjoni ta’ Basel ta’ skart destinat għal eliminazzjoni, kif ukoll ta’ importazzjonijiet fil-Komunità ta’ skart bħal dan provenjenti minn pajjiżi li huma partijiet f’din il-konvenzjoni. L-istess japplika, skont l-Artikoli 38 u 44 tar-regolament ikkontestat, għal-esportazzjonijiet u għal-importazzjonijiet bejn il-Komunità u l-pajjiżi li għalihom tapplika d-Deċiżjoni tal-OECD ta’ skart destinat għall-irkupru. L-istess sistema tapplika, taħt l-Artikoli 47 u 48 ta’ dan ir-regolament moqri flimkien mal-Artikoli 42 u 44 tal-imsemmi regolament, li jidhru fit-Titolu VI tal-imsemmi regolament, għall-vjaġġi ta’ skart fi tranżitu fil-Komunità minn u b’destinazzjoni ta’ pajjiżi terzi. |
61 |
Barra minn hekk, wieħed għandu jfakkar fl-obbligu li jimponi l-Artikolu 49 tar-regolament ikkontestat fuq il-produttur, fuq in-notifikatur, kif ukoll fuq impriżi oħra kkonċernati minn vjaġġi ta’ skart u/jew l-irkupru jew l-eliminazzjoni tagħhom, li jittieħdu “l-passi meħtieġa sabiex jassiguraw li kull skart li huma jittrasportaw jiġi mmaniġġat mingħajr periklu għas-saħħa umana u b’mod ambjentalment san matul il-perjodu tal-vjeġġ [vjaġġ] u matul l-irkupru u r-rimi [eliminimazzjoni] tiegħu”. Dan l-obbligu, ta’ natura ġenerali, japplika għall-vjaġġi kollha ta’ skart, kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll, mutatis mutandis taħt l-imsemmi Artikolu 49(2) u (3) bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi. |
62 |
Konsegwentement, minn din l-analiżi tar-regolament ikkontestat jirriżulta li dan jikkonċerna prinċipalment, kemm permezz tal-għan tiegħu kif ukoll permezz tal-kontenut tiegħu, il-protezzjoni tas-saħħa umana u tal-ambjent kontra l-effetti potenzjalment dannużi tal-vjaġġi transkonfinali ta’ skart. |
63 |
B’mod iktar partikolari, sa fejn il-proċedura ta’ notifika u tal-kunsens bil-miktub minn qabel tħaddan b’mod ċar għan ta’ protezzjoni tal-ambjent fil-qasam tal-vjaġġi ta’ skart bejn l-Istati Membri u ġiet konsegwentement ibbażata korrettament fuq l-Artikolu 175(1) KE, ikun inkoerenti li jitqies li din l-istess proċedura, meta tapplika għall-vjaġġi ta’ skart bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, bl-istess għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, hekk kif tikkonferma t-tlieta u tletin premessa tar-regolament ikkontestat, ikollha n-natura ta’ strument tal-politika kummerċjali komuni u għandha, għal din ir-raġuni, tkun ibbażata fuq l-Artikolu 133 KE. |
64 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata minn analiżi tal-kuntest leġiżlattiv li fih jaqa’ r-regolament ikkontestat. |
65 |
Minn naħa, dan ir-regolament jissostitwixxi r-Regolament Nru 259/93, li, filwaqt li jipprovdi b’mod partikolari fit-Titoli IV sa VI tiegħu għal sistema analoga għal dik ipprovduta fit-Titoli IV sa VI tar-regolament ikkontestat għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ skart bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, kif ukoll għat-tranżitu fil-Komunità ta’ skart provenjenti minn pajjiżi terzi, ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE. L-għażla ta’ din il-bażi legali ġiet ikkonfermata mil-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-187/93, Ġabra p. I-2857), f’kuntrast ma’ dak stabbilit mill-Artikolu 100 A tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 100 A KE, li hu stess sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE). Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-kontroll u s-sorveljanza stabbilita mir-Regolament Nru 259/93 għandhom l-għan li jipproteġu l-ambjent, mhux biss fil-Komunità, iżda wkoll fil-pajjiżi terzi li lejnhom ġew esportati mill-Komunità (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service, C-259/05, Ġabra p. I-4945, punt 30). |
66 |
Min-naħa l-oħra, ir-regolament ikkontestat jipprovdi, bħall-predeċessur tiegħu r-Regolament Nru 259/93, hekk kif jirriżulta mit-tielet premessa tiegħu, sabiex jimplementa l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Basel. Issa, il-vokazzjoni ambjentali ta’ din il-konvenzjoni tirriżulta b’mod ċar mill-preambolu tagħha li jipprovdi li “l-movimenti li jaqsmu l-fruntieri [ta’ skart perikoluż u ta’ skart ieħor] mill-Istat tal-ġenerazzjoni tiegħu għal kull Stat ieħor għandu jkun permess biss meta kondott taħt kondizzjonijiet li ma jipperikolax is-saħħa ta’ l-bniedem u l-ambjent” u jsostni l-ħtieġa ta’ “ġestjoni soda tagħhom dwar l-ambjent”. B’mod kompatibbli ma’ dawn l-għanijiet, din il-konvenzjoni, hekk kif ikkummentaw il-Parlament u l-Kunsill, li ġiet kklassifikata bħala ftehim ambjentali multilaterali mid-WTO, ġiet approvata għall-Komunità permezz tad-Deċiżjoni 93/98, adottata fuq il-bażi biss tal-Artikolu 130 S tat-Trattat KEE. |
67 |
Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li r-regolament ikkontestat għandu portata usa mill-Konvenzjoni ta’ Basel, peress li japplika għall-iskart kollu destinat għall-eliminazzjoni u għall-irkupru filwaqt li din il-konvenzjoni tipprovdi biss għal skart perikoluż destinat għal eliminazzjoni, peress li din id-differenza hija ta’ dimensjoni ta’ politika kummerċjali tal-imsemmi regolament, għandu jingħad li mill-Artikolu 2(4) tal-imsemmija konvenzjoni, moqri flimkien mal-Anness IV, Taqsima B, tal-imsemmija konvenzjoni, jirriżulta li l-kelma “disponiment [eliminazzjoni]” użata fl-istess konvenzjoni tinkludi “[ħ]idmiet li ma jwasslux għall-possibbiltà tar-rkupru, ir-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni, l-użu mill-ġdid dirett jew l-użi alternattivi tar-riżorsi”. Hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li r-regolament ikkontestat japplika wkoll għall-iskart mhux perikoluż u skart destinat li jiġi rkurprat ma jistax irendih kummerċjali u jdgħajjef id-dimensjoni ambjentali tiegħu, u dan peress li n-natura dannuża fuq l-ambjent hija inerenti għan-natura stess tal-iskart ikun x’ikun (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C-9/00, Ġabra p. I-3533, punti 36, kif ukoll 45 sa 51). |
68 |
L-analiżi preċedenti mhijiex imxejna mill-argument tal-Kummissjoni li t-Titoli IV sa VI tar-regolament ikkontestat, dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u t-tranżitu ta’ skart, għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 133 KE minħabba l-fatt li l-iskart huwa merkanzija li jista’ jkun is-suġġett ta’ transazzjonijiet kummerċjali u li l-kunċett tal-politika kummerċjali komuni għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ peress li hija tinkludi miżuri kummerċjali li jħaddnu wkoll għanijiet f’oqsma oħra, inkluż fosthom il-protezzjoni tal-ambjent. Hija lanqas ma tista’ tiġi affettwata mill-fatt li skont it-terminoloġija użata fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament, il-vjaġġi ta’ skart bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi huma kklassifikati bħala “importazzjonijiet” u “esportazzjonijiet”. |
69 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub tapplika għall-vjaġġi kollha ta’ skart indipendentement mill-kuntest eventwalment kummerċjali li fih dawn iseħħu. Il-kelma “vjeġġ [vjaġġ]” hija ddefinita fl-Artikolu 2, punt 34, tar-regolament ikkontestat, b’mod newtrali, bħala “it-trasport ta’ skart destinat għal irkupru jew rimi [eliminazzjoni] […]”. Il-kelma “trasport”, min naħa tagħha, hija ddefinita fl-Artikolu 2, punt 33, tar-regolament bħala “il-ġarr ta’ skart bit-triq, ferrovija, ajru, baħar jew kanali interni”. Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “importazzjoni” u ta’ “esportazzjoni”, dawn huma wkoll definiti fl-Artikolu 2, punti 30 u 31 tal-imsemmi regolament, b’mod newtrali, rispettivament bħala, “kwalunkwe dħul ta’ skart fil-Komunità […]” u “l-azzjoni tat-tluq ta’ skart mill-Komunità […]”. B’hekk, ir-regolament ikkontestat jagħmel enfasi fuq it-trasport tal-iskart bil-għan li dan jiġi ttrattat pjuttost milli fuq it-trasport tiegħu għall-finijiet kummerċjali. Anki jekk l-iskart huwa ttrasferit fil-kuntest ta’ kummerċ, xorta jibqa’ l-fatt li l-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub tipprovdi esklużivament sabiex tipprevjeni r-riskji għas-saħħa umana u għall-ambjent li jirriżultaw minn vjaġġi bħal dawn u mhux sabiex jippromwovu, jiffaċilitaw jew jirregolaw il-kummerċ (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38). |
70 |
Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ politika kummerċjali komuni mhijiex ta’ natura li tpoġġi fid-dubju l-konstatazzjoni li r-regolament ikkontestat huwa strument li jaqa’ prinċipalment fil-politika taħt il-protezzjoni tal-ambjent. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, att Komunitarju jista’ jaqa’ f’dan il-qasam, anki jekk il-miżuri previsti mill-imsemmi att jistgħu jaffettwaw il-kummerċ (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). |
71 |
Fil-fatt, att Komunitarju jaqa’ fil-kompetenza esklużiva fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni prevista fl-Artikolu 133 KE biss meta jkun jikkonċerna speċifikament il-kummerċ internazzjonali fis-sens li jkun intiż essenzjalment li jinkoraġġixxi, jiffaċilita jew jirregola l-kummerċ u jkollu effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ fil-prodotti kkonċernati (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA, C-347/03, Ġabra p. I-3785, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Huwa evidenti li dan mhuwiex il-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, bħal fil-każ tal-predeċessur tiegħu, ir-regolament ikkontestat ma għandux bħala għan li jiddefinixxi l-karatteristiċi li għandu jkollu l-iskart sabiex jiċċaqlaq liberament fis-suq intern jew fil-kuntest ta’ kummerċ ma’ pajjiżi terzi, iżda li jistabbilixxi sistema armonizzata ta’ proċeduri li permezz tagħhom il-moviment tal-iskart ikun jista’ jkun limitat sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). |
73 |
Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-każ preżenti, tapplika s-soluzzjoni li applikat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jingħad li r-Regolament Nru 304/2003, inkwistjoni f’din il-kawża, dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti kimiċi perikolużi, mhuwiex komparabbli mar-regolament ikkontestat. |
74 |
Ir-Regolament Nru 304/2003 għandu bħala għan ewlieni li jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura tal-Kunsens Informat minn Qabel għal xi kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali, approvati, f’isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/106/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 91, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Rotterdam”). Issa, fir-rigward tal-konverġenza evidenti eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni u dawk tar-regolament li jimplementa l-imsemmija konvenzjoni f’livell Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien meħtieġ l-użu tal-istess bażi legali bejn id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ din il-konvenzjoni u l-imsemmi regolament (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 kif ukoll 47). |
75 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-94/03, Ġabra p. I-1, punt 43), ikkonkludiet minn analiżi dettaljata tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam li din kellha wkoll bħala għan li tinkoraġixxi l-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali ta’ ċerti prodotti kimiċi perikolużi u li kien permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ natura kummerċjali, dwar il-kummerċ ta’ ċerti prodotti kimiċi jew pestiċidi perikolużi, li l-partijiet għal din il-konvenzjoni kellhom il-mira li jilħqu dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa umana u tal-ambjent. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-komponenti kummerċjali tal-imsemmija konvenzjoni ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala purament aċċessorji għall-għan tal-protezzjoni tal-ambjent li din għandha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 42), u li ż-żewġ komponenti li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni u tal-protezzjoni tas-saħħa umana u tal-ambjent li din il-konvenzjoni tinkludi huma marbuta b’mod li ma jistgħux jinħallu minn xulxin f’din, mingħajr ma waħda tista’ titqies li hija sekondarja jew indiretta fir-rigward tal-oħra. Id-deċiżjoni li tapprova din il-konvenzjoni f’isem il-Komunità kellha b’hekk tkun ibbażata fuq l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 300 KE (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament Nru 304/2003 li jimplementa l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam kellu jkun ibbażat fuq l-Artikoli 133 KE u 175(1) KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq). |
76 |
Hekk kif jirriżulta mill-analiżi esposta fil-punti 51 sa 67 tas-sentenza preżenti, ir-regolament ikkontestat ma jinkludix komponenti bħal dawn ta’ politika kummerċjali li jeżiġu l-użu ta’ bażi legali doppja. Il-Kummissjoni b’hekk ma għandhiex tibbaża ruħha fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tiġġustifika konklużjoni kuntrarja. |
77 |
Barra minn hekk, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li turi b’riferiment għall-atti Komunitarji msemmija fil-punt 35 tas-sentenza preżenti l-eżistenza ta’ prattika tal-adozzjoni tal-atti fuq bażi legali doppja li tikkonstiti fl-Artikoli 133 KE u 175(1) KE ma ntlaqgħatx. Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-bażi legali ta’ att għandha ssir fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu stess, u mhux fid-dawl tal-bażi legali użata għall-adozzjoni ta’ atti oħra Komunitarji li jkollhom, jekk ikun il-każ, karatteristiċi simili (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
79 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Il-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tal-Kummissjoni u peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tal-istess artikolu, l-intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.