Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0383

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-13 ta' Marzu 2008.
    Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening (C-383/06) u Gemeente Rotterdam (C-384/06) vs Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid u Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant (C-385/06) vs Algemene Directie voor de Arbeidsvoorziening.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - l-Olanda.
    Fondi strutturali - Artikolu 23(1) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88- Tneħħija u rkupru ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja - Artikolu 249 KE - Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali.
    Każijiet Magħquda C-383/06 sa C-385/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:165

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    13 ta’ Marzu 2008 ( *1 )

    “Fondi strutturali — Artikolu 23(1) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 — Tneħħija u rkupru ta’ l-għajnuna finanzjarja Komunitarja — Artikolu 249 KE — Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali”

    Fil-Kawżi magħquda C-383/06 sa C-385/06,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqin mir-Raad van State (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Awwissu 2006, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2006, fil-proċeduri

    Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening (C-383/06),

    Gemeente Rotterdam (C-384/06)

    vs

    Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid,

    u

    Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant (C-385/06)

    vs

    Algemene Directie voor de Arbeidsvoorziening,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, A. Ó Caoimh, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gemeente Rotterdam, minn J. M. Cartigny, advocaat,

    għas-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant, minn G. A. van der Ween, advocaat,

    għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Flynn u A. Weimar, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta’ Diċembru 1998, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 4253/88”).

    2

    Dawn it-talbiet kienu ppreżentati fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn żewġ assoċjazzjonijiet u komun Olandiż kontra l-amministrazzjoni Olandiża. Dawn il-kawżi tressqu rispettivament, minn naħa, mill-Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening u l-Gemeente Rotterdam kontra l-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (Ministeru ta’ l-Affarijiet Soċjali u ta’ l-Impjieg, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) u, min-naħa l-oħra, mis-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant kontra l-Algemene Directie voor de Arbeidsvoorziening (Direttorat Ġenerali ta’ l-Impjieg, iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali”) u jirrigwardaw deċiżjonijiet li bihom il-Ministeru jew id-Direttorat Ġenerali ħassru deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-ammont ta’ għotjiet mogħtija favur ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jew talbu l-ħlas lura ta’ dawn l-għotjiet.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

    Ir-Regolament Nru 2052/88

    3

    L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-koordinazzjoni ta’ l-attivtajiet tagħhom bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji oħrajn li jeżistu (ĠU L 185, p. 9), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/93, ta’ l-20 ta’ Lulju 1993 (ĠU L 193, p.5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2052/88”), jipprovdi li l-Komunità Ewropea għandha tmexxi, bl-għajnuna, b’mod partikolari, tal-Fondi Strutturali, azzjoni għall-finijiet li twettaq l-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 130A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 158 KE) u 130 C tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 160 KE). Dan l-Artikolu 1 jelenka numru ta’ għanijiet prijoritarji li l-Fondi Strutturali għandhom jikkontribwixxu għat-twettiq tagħhom. Fost dawn l-għanijiet hemm l-għan nru 3 li huwa li jiġi miġġieled il-qgħad għal żmien twil u li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni professjonali taż-żgħażagħ u tal-persuni esposti għall-esklużjoni mis-suq tax-xogħol.

    4

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 jgħid hekk:

    “1.   L-azzjoni Komunitarja hija maħsuba sabiex tikkumplimenta azzjonijiet nazzjonali korrispondenti jew kontribuzzjoni għalihom. Din għandha tkun stabbilita permezz ta’ djalogu mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet u l-entitajiet kompetenti — inklużi, fil-kuntest tal-modalitajiet offerti mir-regoli istituzzjonali u l-prattiċi eżistenzi proprji għal kull Stat Membru, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali — maħtura mill-Istat Membru fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew ieħor, fejn il-partijiet kollha huma msieħba li jsegwu għan komuni.[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    5

    L-Artikolu 10 ta’ l-istess regolament jippreċiża, f’dak li jirrigwarda l-għan nru 3:

    “L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni pjanijiet li jinkludu azzjonijiet sabiex jiġġieldu l-qgħad għal żmien twil u sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni professjonali taż-żgħażagħ u tal-persuni esposti għall-esklużjoni mis-suq tax-xogħol (għan nru 3).

    Il-pjanijiet għandhom jinkludu:

    id-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni preżenti, ir-riżorsi finanzjarji użati u r-riżultati prinċipali ta’ l-azzjonijiet meħuda matul il-perijodu ta’ programmazzjoni preċedenti, fil-kuntest ta’ l-għajnuniet strutturali Komunitarji, riċevuti u b’kunsiderazzjoni għar-riżultati disponibbli ta’ l-evalwazzjonijiet,

    id-deskrizzjoni ta’ strateġija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u tal-punti prinċipali magħżula sabiex jitwettaq l-għan nru 3, li tikkwantifika l-progressi ppjanati safejn in-natura tagħhom tippermetti dan; evalwazzjoni preliminari ta’ l-impatt mistenni, inkluż fil-qasam ta’ l-impjieg, ta’ l-azzjonijiet involuti bil-għan li jassiguraw li huma jrendu l-vantaġġi soċjo-ekonomiċi għal terminu medju korrispondenti mar-riżorsi finanzjarji użati,

    indikazzjonijiet fuq l-użu ta’ l-għajnuniet tal-[Fondi Soċjali Ewropej] (aktar ’il quddiem il-“FSE”) flimkien, jekk dan ikun il-każ, ma’ għajnuniet ta’ strumenti finanzjarji Komunitarji oħrajn li jeżistu, meqjusa fit-twettiq tal-pjan.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Ir-Regolament Nru 4253/88

    6

    Is-sitt premessa tar-Regolament Nru 2082/93, li emenda r-Regolament Nru 4253/88, tippreċiża:

    “[…] b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarità, u bla ħsara għall-kompetenzi tal-Kummissjoni b’mod partikolari bħala responsabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji Komunitarji, l-implementazzjoni tal-forom ta’ għajnuniet li jinstabu fl-oqsfa Komunitarji ta’ sostenn għandha taqa’ prinċipalment taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri fil-livell territorjali adatt skond il-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    7

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jipprovdi hekk:

    “1.   Sabiex jiġi ggarantit is-suċċess ta’ l-azzjonijiet immexxija minn promoturi pubbliċi jew privati, l-Istati Membri għandhom jieħdu, fl-implementazzjoni ta’ l-azzjonijiet, il-miżuri neċessarji sabiex:

    jivverifikaw regolarment li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità kienu tmexxew korrettement,

    jipprevjenu u jsegwu l-irregolaritajiet,

    jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli sussidjarjament għall-ħlas lura ta’ l-ammonti mħallsa indebitament, ħlief meta l-Istat Membru u/jew l-intermedjarju u/jew il-promotur juru li mhumiex responsabbli għall-abbuż jew negliġenza. Għall-għotjiet globali, l-intermedjarju jista’, bil-qbil ta’ l-Istat Membru u tal-Kummissjoni, jagħmel użu minn garanzija bankarja jew kwalunkwe garanzija oħra li tkopri dan ir-riskju.

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ttieħdu għal dan l-għan u, b’mod partikolari, għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni d-deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ amministrazzjoni stabbiliti sabiex tiġi assigurata l-implementazzjoni effikaċi ta’ l-azzjonijiet. Huma għandhom jinfurmaw regolarment lill-Kummissjoni bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjali.

    […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    8

    L-Artikolu 24 ta’ l-istess regolament jippreċiża:

    Tnaqqis, sospensjoni u tneħħija ta’ l-għajnuna

    1.   Jekk it-twettiq ta’ azzjoni jew miżura jidher li la jiġġustifika parti u lanqas it-totalità ta’ l-għajnuna finanzjarja mogħtija, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, b’mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet indikati minnu għall-implementazzjoni ta’ l-azzjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu definit.

    2.   Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk l-eżami jikkonferma l-eżistenza ta’ irregolarità jew ta’ modifika importanti li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ l-implementazzjoni ta’ l-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

    3.   Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Jiżdied l-imgħax mas-somom li ma jitħallsux fi żmien xieraq skond id-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju u skond ir-regoli dettaljati li tistabbilixxi l-Kummissjoni taħt il-proċeduri previsti fit-Titolu VIII.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    9

    Ir-Regolament Nru 4253/88 kien imħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1). L-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1260/1999 jippreċiża:

    “Dan ir-Regolament ma jaffettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament [tneħħija] totali jew parzjali, ta’ l-għajnuna approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 u (KEE) Nru 4253/88 jew xi leġislazzjoni oħra li kienet tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 1999.”

    Ir-Regolament Nru 1681/94

    10

    L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1681/94 tal-11 ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin [indebitament] in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam (ĠU L 178, p. 42), jippreċiża:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni fi żmien tlett xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament:

    id-dispożizzjonijiet li għalihom tipprovdi l-liġi, ir-regolamenti jew l-azzjoni amministrattiva għall-applikazzjoni tal-miżuri skond Artikolu 23(1) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88,

    […]

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni kull emenda għall-informazzjoni provduta in segwitu tal-paragrafu 1.

    […]”

    11

    L-Artikolu 5(2) u (3) ta’ l-istess regolament jipprovdi hekk:

    “2.   Meta Stat Membru jikkunsidra li xi ammont ma jkunx jista’ jinġabar kollu, jew ma jkunx mistenni li jkun jista’ jinġabar kollu, għandu javża lill-Kummissjoni, b’rapport speċjali, bl-ammont li ma nġabarx lura u bir-raġuni għaliex l-ammont għandu, skond hu, jinġarr mill-Komunità jew mill-Istat Membru. Din l-informazzjoni għandha tkun suffiċjentement dettaljata li tippermetti lill-Kummissjoni li tiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ikkonsultat ma’ l-awtoritajiet tal-Istat Membru konċernat, dwar min għandu jbati il-konsegwenzi finanzjarji skond it-tielet indent ta’ Artikolu 23(1) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88.

    3.   F’każ tal-eventwalità li għaliha jirreferi l-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ titlob espressament lill-Istat Membru biex ikompli bil-proċeduri ta’ ħlas lura.”

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    12

    Fl-1994, l-Uffiċċju Ċentrali ta’ l-Impjieg Olandiż adotta digriet dwar il-Fondi Soċjali Ewropej (Regeling Europees Sociaal Fonds CBA 1994, Stcrt. 1994, Nru 239, aktar ’il quddiem l-“ESF Regeling”), dwar ir-regoli ta’ attribuzzjoni ta’ l-għotjiet li kienu miksuba mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest tal-FSE.

    13

    L-ESF Regeling jipprevedi numru ta’ regoli dwar is-superviżjoni ta’ azzjonijiet u l-kontroll tagħhom. L-Artikolu 2 ta’ l-ESF Regeling jipprovdi li għotja mill-ESF tista’ tingħata lil applikant. L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprevedi li l-għotja hija mogħtija biss jekk ir-regoli Ewropej u nazzjonali huma osservati. L-Artikolu 10 ta’ l-istess digriet jipprovdi li l-applikant għal għotja għandu jassigura li l-proġett ikun is-suġġett ta’ amministrazzjoni distinta billi jippreżenta, fi żmien xieraq, id-data kollha li għandha tiġi vverifikata u jipprevedi fl-istess ħin kontrolli mill-amministrazzjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14 ta’ l-ESF Regling jippreċiża li l-ammont ta’ l-għotja huwa ddeterminat skond l-implementazzjoni tal-proġett u l-Artikolu 15 ta’ l-istess digriet jipprovdi għat-tħassir ta’ l-għotja fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet marbutin magħha.

    14

    Barra minn hekk, it-Titolu 4.2 tal-Liġi Ġenerali dwar id-Dritt Amministrattiv (Algemene wet bestuursrecht, Stb. 1995, Nru 315, aktar ’il quddiem l-“Awb”) jistabbilixxi qafas legali għall-għoti, id-determinazzjoni u l-irkupru ta’ l-għotjiet. Skond din il-liġi, is-sistema ta’ l-għotjiet tinkludi żewġ fażijiet, jiġifieri l-għoti u d-determinazzjoni. Id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ l-għotja tikkostitwixxi d-deċiżjoni preċedenti għall-bidu ta’ l-attività li għaliha għandha tingħata l-għotja. Din id-deċiżjoni tikkonferixxi lill-applikant għal għotja dritt għall-mezzi finanzjarji sabiex huwa jwettaq il-proġett li għalih ingħatat l-għotja filwaqt li jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi li huma eventwalment imposti fuqu. Jekk l-attivijiet jitwettqu u l-applikant josserva l-imsemmija obbligi, l-awtorità amministrattiva ma tistax tmur lura mid-deċiżjoni ta’ l-għoti. Għaldaqstant hija tobbliga ruħha finanzjarjament minn din il-fażi tal-proċedura.

    15

    Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Awb dwar id-determinazzjoni u l-irkupr ta’ għotjiet huma s-segwenti:

    “Artikolu 4:46

    1.

    Jekk deċiżjoni li tagħti għotja hija mogħtija, l-awtorità amministrattiva għandha tiffissa l-għotja skond l-ammont previst f’din id- deċiżjoni.

    2.

    L-għotja tistà tkun iffissata għal ammont inqas:

    a.

    jekk l-attivitajiet li għalihom l-għotja hija mogħtija ma twettqux jew ma twettqux kompletament;

    b.

    jekk il-benefiċjarju ta’ l-għotja ma ssodisfax l-obbligi marbutin ma’ l-għoti ta’ l-għotja;

    c.

    jekk il-benefiċjarju ta’ l-għotja pprovda data inkorretta jew mhux kompluta u meta deċiżjoni oħra ttieħdet dwar l-applikazzjoni għal għotja jekk data korretta jew kompluta kienet ġiet ipprovduta

    d.

    jekk id-deċiżjoni li tagħti l-għotja kienet inkorretta b’mod ieħor u meta l-benefiċjarju kien jaf b’dan jew kellu jkun jaf b’dan.

    […]

    Artikolu 4:49

    1.

    L-awtorità amministrattiva tista’ tħassar id-deċiżjoni li tiffissa l-għotja jew temendaha bi ħsara għall-benefiċjarju:

    a.

    minħabba fatti jew ċirkustanzi li hija ma setgħetx raġonevolement tkun taf bihom fil-mument ta’ l-iffissar u li kienu wasslu għall-iffissar ta’ għotja ta’ ammont inqas minn dak previst fid-deċiżjoni ta’ l-għoti;

    b.

    meta d-deċiżjoni li tifissa l-għotja ma kinitx korretta u meta l-benefiċjarju kien jaf b’dan jew kellu jkun jaf b’dan, jew

    c.

    meta, wara d-deċiżjoni ta’ l-iffissar ta’ l-għotja, il-benefiċjarju ma ssodisfax l-obbligi marbutin ma’ l-għoti ta’ din l-għotja.

    2.

    Ħlief jekk ipprovdut xort’oħra, it-tħassir jew il-modifika għandhom effett retroattiv għad-data li fiha l-għotja kienet iffissata

    3.

    Id-deċiżjoni li tagħti l-għotja ma tistax iktar tiġi mħassra u lanqas immodifikata bi ħsara għall-benefiċjarju wara li jkunu ddekorrew ħames snin mill-jum li fih din tkun ikkommunikata jew, fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(c), mill-jum tal-ksur ta’ l-obbligu jew mill-jum li fih kellu jitwettaq dan l-obbligu.

    […]

    Artikolu 4:57

    L-għotjiet u l-avvanzi mħallsa indebitament jistgħu jkunu rkuprati bil-kundizzjoni li jkunu għadhom ma għaddewx ħames snin mill-jum li fih l-għotja kienet iffissata jew mill-jum li fih seħħew l-avvenimenti msemmija fl-Artikolu 4:49(1)(c).

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    16

    Il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, huwa s-segwenti.

    Kawża C-383/06

    17

    Matul is-sena 1998, il-Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening applikat għal għotja għal proġett intitolat “Taħriġ ta’ imsieħba ta’ impjieg soċjali” fil-kuntest ta’ proġetti ta’ apprendistat u ta’ taħriġ tal-FSE. Dan il-proġett kien imsemmi fl-Anness 1 ta’ l-ESF Regeling, li jikkonċerna r-ritorn fis-suq tax-xogħol, permezz tal-provvista ta’ taħriġ, ta’ persuni qiegħda li ilhom barra mid-dinja tax-xogħol għal ħafna żmien. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 1998, id-Direttorat Ġenerali għaldaqstant ta għotjiet ta’ massimu ta’ NLG 3000000 għas-sena 1998 u ta’ NLG 4140849 għas-sena 1999. Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 1999, l-ammont ta’ l-għotja għas-sena 1999 kien immodifikat u miżjud għas-somma ta’ NLG 6686850. Fl-aħħar nett, permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2000, l-ammont ta’ l-għotjiet kien iffissat għal NLG 2900000 għas-sena 1999 u għal NLG 3786850 għas-sena 2000 għar-raġuni li l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-għotja tkomplew matul is-sena 2000. It-tliet deċiżjonijiet kienu jippreċiżaw li l-għoti ta’ l-għotjiet kien suġġett għall-obbligu li jitwettaq il-proġett imsemmi hawn fuq skond l-applikazzjoni u li jiġu osservati l-kundizzjonijiet ta’ l-ESF Regeling.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2002, meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 4:46(2) ta’ l-Awb, il-Ministeru ddetermina l-għotjiet għas-snin 1998, 1999 u 2000 għal żero u talab il-ħlas lura tas-somma ta’ NLG 6434469.80. Il-Ministeru kkunsidra li l-ebda dikjarazzjoni finali preċiża u konkordanti li tiġbor fil-qosor id-data dwar is-snin 1998, 1999 u 2000 ma kienet ġiet ippreżentata, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) ta’ l-ESF Regeling. Barra dan, l-ebda sinteżi fuq l-effetti ta’ l-azzjoni mwettqa ma kienet saret, kuntrarjament għar-regoli ta’ dan id-digriet. Fl-aħħar nett, il-Ministeru kkunsidra li l-proġett ma kienx jikkonċerna l-mogħdija mill-impjieg soċjali lejn is-suq tax-xogħol klassiku, kuntrarjarment għat-termini ta’ l-applikazzjoni għal għotja, u li n-numru ta’ sigħat magħmula minn kull partiċipant kien ċarament inqas minn dak previst mill-proġett.

    19

    Il-Ministeru ddikjara mhux fondat l-ilment magħmul mill-Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Jannar 2002. B’mod partikolari l-Ministeru indika li l-fatt li naqset mill-obbligu li twettaq il-proġett skond l-applikazzjoni ma huwiex kopert mir-regolarizzazzjoni a posteriori tar-regoli tal-forma. Peress li r-rikors imressaq kontra din id-deċiżjoni kien miċħud mir-Rechtbank te’s-Gravenhagen, il-Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening appellat quddiem il-qorti tar-rinvju.

    20

    Ir-Raad van State tesponi li, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4:46 ta’ l-Awb, l-awtorità amministrattiva tivverifika, ġeneralment matul il-fażi ta’ determinazzjoni ta’ l-għotjiet, jekk l-attività li għaliha ngħatat l-għotja kinitx korrettament imwettqa u jekk l-obbligi marbutin ma’ l-għotjiet kinux ġew osservati. Fil-każ ta’ għotjiet mogħtija fil-kuntest ta’ l-ESF Regeling, din il-qorti tikkunsidra li l-Artikolu 4:46(2) ta’ l-Awb ma jagħtix marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtorità amministrattiva u li l-għotja għandha tkun iddeterminata għal żero jekk ikun jidher li l-kundizzjonijiet ta’ l-ESF Regeling ma ġewx osservati. Ir-Raad van State tikkunsidra li dan huwa l-każ f’din il-kawża għaliex l-għan deskritt fil-proġett ma ġiex milħuq.

    21

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 4:46 ta’ l-Awb jippermetti biss li tiġi ddeterminata għotja u mhux li tiġi rkuprata somma diġà mħallsa. Similarment, hija tikkunsidra li l-Artikolu 4:57 ta’ l-Awb biss jippermetti dan l-irkupru billi jagħti lill-awtorità amministrattiva li għandha tipproċedi b’din is-setgħa diskrezzjonali biex tagħmel dan u għaldaqstant marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiġu bbilanċjati l-interessi rispettivi ta’ l-amministrazzjoni u tal-benefiċjarju ta’ l-għotja. Madankollu, skond ir-Raad van State, ebda regola ġuridika nazzjonali ma tipprojbixxi li d-deċiżjoni ta’ determinazzjoni ta’ l-għotja għal żero u dik ta’ rkupru tas-somom diġà mħallsa jkunu meħuda f’deċiżjoni waħda. Din il-qorti tippreċiża li l-Ministeru ammetta li huwa kien imissu kien jaf, mill-bidu nett, li l-għan li ried jiġi milħuq ma setax jintlaħaq u hija tikkunsidra, konsegwentament, li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ l-ESF Regeling, li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, huwa imputabbli lil din l-awtorità amministrattiva. Minn dan hija tikkonkludi li, fid-dawl tal-prinċipju tad-dritt nazzjonali tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, il-Ministeru kien imissu rrinunċja milli jirkupra l-għotjiet kollha u li, konsegwentament, f’dan il-każ, id-dritt nazzjonali ma joffri l-ebda bażi għall-irkupru.

    22

    Ir-Raad van State tikkunsidra madankollu li kien hemm negliġenza fis-sens ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88. Wara li kkonstatat li r-Renju ta’ l-Olanda ma ħa l-ebda miżura għall-irkupru tal-fondi mitlufa fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 23(1), din il-qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tistax tagħti setgħa diretta lill-Istat Membru jew lil awtorità amministrattiva sabiex jirkupraw l-imsemmija fondi. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kif intiż fid-dritt nazzjonali jistax imur lil hinn mill-istess prinċipju intiż fid-dritt Komunitarju.

    Kawża C-384/06

    23

    Matul is-sena 1998, il-Gemeente Rotterdam applika għal għotja għal proġett ta’ taħriġ taħt l-ESF Regeling. L-għotja kienet mogħtija għal ammont ta’ NLG 483108 u kienet suġġetta għall-obbligu li l-proġett jiġi suġġettat għal amministrazzjoni distinta. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 1999, l-għotja għas-sena 1988 kienet ġiet iddeterminata għas-somma ta’ NLG,122612.81 bil-kundizzjoni madankollu li l-amministrazzjoni tal-proġetti tkun skond il-kundizzjonijiet ta’ l-ESF Regeling. Il-Gemeente Rotterdam ippreżenta lment lill-Ministeru li, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2001, adottata abbażi ta’ l-Artikolu 4:49(1)(a) ta’ l-Awb u ta’ l-Artikolu 14 ta’ l-ESF Regeling, ħassar id-deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 1999, iddetermina l-għotja għal żero u talab il-ħlas lura tas-somom diġà mħallsa. Il-Ministeru ddikjara l-ilment imressaq mill-Gemeente Rotterdam kontra d-deċiżjonijiet tat-28 ta’ Mejju 1999 u tat-18 ta’ Lulju 2001 bħala mhux fondat. Peress li r-rikors ppreżentat kontra din l-aħħar deċiżjoni kien ġie miċħud mir-Rechtbank te Rotterdam, il-Gemeente Rotterdam appella lill-qorti tar-rinviju.

    24

    Ir-Raad van State tikkunsidra, l-ewwel nett, li d-determinazzjoni ta’ l-għotja ma tistax tkun kundizzjonali u li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni ma jistax iservi bħala bażi għat-tħassir li sar. It-tieni nett, hija tikkonstata li l-Gemeente Rotterdam ma ssuġġettax il-proġett tiegħu għal amministrazzjoni distinta, skond il-kundizzjonijiet ta’ l-ESF Regeling.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-amministrazzjoni deliberatament naqset milli tipproċedi għal kontrolli fil-fond u tikkunsidra, konsegwentament, li ma jeżistu l-ebda fatti jew ċirkustanzi li l-Ministeru kien injora qabel ma ħa d-deċiżjoni ta’ determinazzjoni ta’ l-għotja skond l-Artikolu 4:49(1)(a) ta’ l-Awb. Ir-Raad van State tikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ tħassir ma setgħetx għaldaqstant tkun ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4:49(1)(a) ta’ l-Awb u lanqas fuq ebda mill-każijiet l-oħra previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Kawża C-385/06

    26

    Matul is-sena 1998, is-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant applikat għal għotja taħt l-ESF Regeling għal proġett intiż għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna qiegħda għal żmien twil. L-għotja kienet mogħtija għal ammont ta’ NLG410772 u kienet suġġetta għall-obbligu li l-proġett jiġi ssuġġettat għal amministrazzjoni distinta. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 1999, l-għotja kienet iddeterminata għas-somma ta’ NLG 185892, imbagħad iddeterminata għal żero permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2000, ibbażata fuq l-Artikolu 4:46 ta’ l-Awb. Barra dan, id-Direttorat Ġenerali talab il-ħlas lura tas-somom diġà mħallsa. Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2001, id-Direttorat Ġenerali ddikjara l-ilment imressaq mis-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant bħala infondat, filwaqt li ppreċiża li d-deċiżjoni li l-għotja tiġi ddeterminata għal żero hija minn issa’il quddiem ibbażata fuq l-Artikolu 4:49 ta’ l-Awb u mhux iktar fuq l-Artikolu 4:46 ta’ din l-istess liġi. Id-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2000 hija mmotivata mill-fatt li, fid-data tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 1999, id-Direttorat Ġenerali injora li r-regoli ta’ l-ESF Regeling ma kinux ġew osservati. Peress li r-rikors ppreżentat kontra d-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2001 kien miċħud mir-Rechtbank Breda, is-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant appella quddiem il-qorti tar-rinviju.

    27

    Ir-Raad van State tikkonstata li s-Social Econmische Samenwerking West-Brabant ma osservatx l-obbligu li tistabbilixxi amministrazzjoni distinta, skond il-kundizzjonijiet ta’ l-ESF Regeling. Madankollu, din il-qorti tikkunsidra li d-Direttorat Ġenerali ma setax jinjora n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu fil-mument tad-deċiżjoni ta’ determinazzjoni. Fil-fatt, id-Direttorat Ġenerali deliberament iddetermina l-għotja mingħajr ma vverifika d-dokumenti pprovduti mis-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant. Ir-Raad van State tikkonkludi li d-Direttorat Ġenerali ma setax jibbaża d-deċiżjoni ta’ tħassir tiegħu la fuq wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4:49 de l’Awb u lanqas fuq l-Artikolu 15 ta’ l-ESF Regeling. Hija tikkunsidra, konsegwentament, li d-dritt nazzjonali ma kien joffri ebda possibbiltà li titħassar l-għotja wara d-determinazzjoni tagħha. Dawn il-limitazzjonijiet magħmula mid-dritt nazzjonali għall-possibbilitajiet ta’ rkupru jirriżultaw mill-prinċipji tad-dritt nazzjonali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

    28

    Ir-Raad van State tikkunsidra madankollu li n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ l-ESF Regeling jikkostitwixxi negliġenza fis-sens ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88. Din il-qorti tosserva wkoll li r-Renju ta’ l-Olanda ma ħa ebda miżura għall-irkupru tal-fondi diġà mħallsa, fis-sens ta’ l-imsemmi Artikolu 23(1). Hija tistaqsi, minn naħa, jekk dan l-Istat Membru jiksibx setgħa diretta minn dan ir-regolament Komunitarju u, min-naħa l-oħra, jekk is-setgħa eventwalment mogħtija tistax tippermetti lill-Istat Membru jew lil waħda mill-awtoritajiet amministrattivi tiegħu tirkupra l-fondi diġà mħallsa. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi dwar jekk il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi intiż fid-dritt nazzjonali jistax imur lil hinn mill-istess prinċipju intiż fid-dritt Komunitarju.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

    Domandi identiċi fit-tliet kawżi

    “1)

    a)

    L-Istat Membru jew awtorità amminstrattiva ta’ dan l-Istat jista’ jikseb setgħa direttament — jiġifieri mingħajr bażi fid-dritt nazzjonali — minn regolament?

    b)

    Jekk dan huwa l-każ, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 […] jagħti s-setgħa sabiex titħassar determinazzjoni ta’ għotja u sabiex wara jiġi miġbur lura l-ammont imħallas, jekk jiġi meqjus li [dan] l-Artikolu 23 […] jimponi dan fuq l-Istati Membri f’każ ta’ negliġenza jew ta’ abbuż?”

    Domanda speċifika għall-kawża C-383/06

    “2)

    Jekk dan mhuwiex il-każ, l-Artikolu 10 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 249 (KE), jimplika li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 4:57 ta’ l-[Awb] — li tippermetti li jiġu rkuprati għotjiet u avvanzi mħallsa indebitament — għandha tkun interpretata b’mod konformi mar-Regolament [Nru 4253/88]?”

    Domanda identika fil-kawżi C-384/06 u C-385/06

    “2)

    Jekk dan mhuwiex il-każ, l-Artikolu 10 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 249 KE, jimplika li dispożizzjoni bħall-Artikolu 4:49(1) ta’l-[Awb] — skond liema l-awtorità amministrattiva tista’ tħassar id-determinazzjoin ta’ l-għotja jew timmodifikaha bi ħsara għall-benefiċjarju [jew] fuq il-bażi ta’ fatti jew ta’ ċirkustanzi li hija ma setgħetx tkun taf raġonevolement bihom fil-mument tad-determinazzjoni ta’ l-għotja u li fuq il-bażi tagħhom l-għotja kienet ġiet iddeterminata għal ammont inqas minn dak stabbilit skond l-għoti ta’ l-għotja, [jew] jekk id-determinazzjoni ta’ l-għotja ma kinitx eżatta u jekk il-benefiċjarju kien jaf b’dan jew kien imissu kien jaf b’dan, [jew] jekk, wara d-determinazzjoni ta’ l-għotja, il-benefiċjarju ta’ l-għotja ma ssodisfax l-obbligi marbutin ma’ l-għotja — għandha tiġi interpretata skond ir-Regolament [Nru 4253/88]?”

    Domanda identika fil-tliet kawżi

    “3)

    Jekk dan huwa l-każ, din l-interpretazzjoni hija llimitata mill-prinċipji ġenerali li jagħmlu parti mid-dritt Komunitarju, jiġifieri l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi?”

    Domandi speċifiċi għall-kawża C-383/06

    “4)

    a)

    Jekk it-tielet domanda tingħata risposta pożittiva, dan il-limitu jqajjem għaldaqstant id-domanda li ġejja: il-prinċipji nazzjonali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettitivi leġittimi jistgħu jmorru lil hinn mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jiġifieri l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li għandhom ikunu osservati fl-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 4253/88]?

    b)

    Il-fatt li n-nuqqas, mill-benefiċjarju ta’ l-għotja, ta’ twettiq ta’ l-obbligi marbuta magħha li jirriżultaw mis-sezzjoni rilevanti kkonċernata tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għandu jkun imputabbli lill-Istat Membru stess li alloka l-għotja, huwa rilevanti fl-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi?”

    Domandi identiċi fil-kawżi C-384/06 u C-385/06

    “4)

    Jekk it-tielet domanda tingħata risposta pożittiva, dan il-limitu jqajjem għaldaqstant id-domanda li ġejja: il-prinċipji nazzjonali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li huma l-bażi ta’ l-Artikolu 4:49(1) ta’ l-[Awb], jistgħu jmorru lil hinn mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jiġifieri l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li għandhom ikunu osservati fl-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 4253/88]?

    5)

    Fid-dawl ta’ l-Artikolu 10 KE, il-fatt li l-benefiċjarju ta’ l-għotja huwa persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku għandu rilevanza fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi?”

    Domandi speċifiċi għall-kawża C-385/06

    “6)

    Jekk id-determinazzjoni ta’ l-għotja għandha tiġi mħassra u l-ammonti mħallsa rkuprati jew abbażi ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru 4253/88], jew abbażi ta’ l-Artikolu 4:49(1) ta’ l-[Awb] interpretat skond ir-Regolament [Nru 4253/88], l-Artikolu 23(1), [ta’ l-imsemmi] Regolament jimplika li għandu jsir ukoll hekk jekk ikun stabbilit li l-Istat Membru diġà ħallas lura lill-[FSE] l-għotja allokata bi żball, jew li, f’kull każ, ittieħdu dispożizzjonijiet għal dan il-għan?

    7)

    Jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru 4253/88] ma jimponix la tħassir u lanqas ħlas lura, hemm dispożizzjonijiet oħrajn fil-leġiżlazzjoni Komunitajra bħall-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1), fuq il-bażi ta’ liema l-Istat Membru huwa obbligat, direttament, jew abbażi ta’ l-Artikolu 4:49(1) ta’ l-[Awb] interpretat skond ir-Regolament, jipproċedi għat-tħassir u għall-ħlas lura ta’ għotjiet tat-tip bħal dawk in kwistjoni f’din il-kawża li kienu ġew imħallsa bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja?”

    30

    B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2006, il-kawżi C-383/06 sa C-385/06 kienu ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq id-domandi dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 kif ukoll l-Artikoli 10 KE u 249 KE

    31

    Permezz ta’ l-ewwel domanda f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment li ssir taf jekk regolament Komunitarju, u aktar partikolarment l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, jikkostitwixxix bażi ġuridika rilevanti għall-irkupru, mill-amministrazzjoni nazzjonali, ta’ sommom imħallsa indebitament fil-kuntest tal-Fondi Strutturali Ewropej. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal dawn id-domandi, l-imsemmija qorti tistaqsi, permezz tat-tieni domandi tagħha, jekk l-Artikoli 10 KE u 249 KE jistgħux iservu ta’ bażi ġuridika għal interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi ma’ l-imsemmi regolament. Din il-qorti tistaqsi, barra minn hekk, permezz tas-seba’ domanda tagħha u fil-każ li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 ma jimponi la t-tħassir u lanqas il-ħlas lura ta’ fondi mħallsa indebitament, jekk ir-Regolament Nru 2988/95 ma jikkostitwixxix bażi ġuridika rilevanti għall-irkupru ta’ dawn il-fondi.

    Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    32

    Skond il-Gemeente Rotterdam u s-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 ma jagħti l-ebda awtorizzazzjoni lill-Istati Membri sabiex jirkupraw fondi mħallsa indebitament. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni timponi lil dawn l-istess Stati Membri jipprovdu proċeduri sabiex jagħmlu dan.

    33

    Il-Gvern Ċek u Ġermaniż jipproponu li għandha tingħata risposta pożittiva għall-ewwel domandi. Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li, għalkemm Stat Membru jista’ jikseb setgħa direttament minn regolament Komunitarju, dan ma jistax ikun il-każ għall-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 peress li din id-dispożizzjoni, li ċertament timponi l-prinċipju ta’ l-irkupru tal-fondi, tirrinvija lid-dritt nazzjonali l-oneru li jipprevedi l-modalitajiet għal dan l-irkupru. Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra madankollu li l-applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 23(1), m’hijiex ta’ ostakolu sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jipprevalu ruħhom minn din id-dispożizzjoni għall-finijiet ta’ l-irkupru, safejn id-dritt nazzjonali jippermetti dan. Skond il-Gvern Ċek, l-awtorizzazzjoni taħt id-dritt nazzjonali mhijiex neċessarja, peress illi dan ta’ l-aħħar jillimita ruħu jipprovdi l-modalitajiet proċedurali.

    34

    Fuq is-seba’ domanda, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu li r-Regolament Nru 2988/95 ma jikkostitwixxix bażi ġuridika awtonoma li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri f’każ ta’ irregolaritajiet. Fil-fatt, dan it-test jinkludi biss dispożizzjonijiet ġenerali filwaqt li r-Regolament Nru 4253/88 japplika partikolarment għall-Fondi Stutturali Ewropej.

    Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    35

    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, li r-regolamenti Komunitarji huma direttament applikabbli fl-Istati Membri.

    36

    Fir-rigward ta’ l-użu tal-Fondi Strutturali, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88, l-azzjoni Komunitarja għandha tiġi stabbilita permezz ta’ djalogu mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat, l-awtoritajiet, u l-entitajiet kompetenti maħtura mill-Istat Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali jew ieħor. Barra minn hekk, skond is-sitt premessa tar-Regolament Nru 2082/93, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarità, u bla ħsara għall-kompetenzi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari bħala responsabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi finanzjarji Komunitarji, l-implementazzjoni tal-forom ta’ għajnuniet għandha taqa’ prinċipalment taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri fil-livell territorjali adatt skond il-bżonnijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

    37

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, li jipprovdi li, sabiex jiġi ggarantit is-suċċess ta’ l-azzjonijiet immexxija minn promoturi pubbliċi jew privati, l-Istati Membri għandhom jieħdu, fl-implementazzjoni ta’ l-imsemmija azzjonijiet, il-miżuri neċessarji sabiex jivverifikaw regolarment li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Komunità kienu tmexxew korrettement, jipprevjenu u jsegwu l-irregolaritajiet u jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2004, COPPI, C-271/01, Ġabra p. I-1029, punt 40).

    38

    Similarment, kull eżerċizzju, mill-Istat Membru, ta’ setgħa diskrezzjonali fuq dwar jekk huwa għandux jeżiġi jew le l-ħlas lura tal-fondi Komunitarji mogħtija indebitament jew irregolarment ikun inkompatibbli ma’ l-obbligu li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jimponi fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali li jirkupraw il-fondi mħallsa indebitament jew irregolarment [ara, b’anoloġija, fir-rigward ta’ l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 94, p. 13), is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et, 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 22].

    39

    Għandu jingħad fl-aħħar nett li r-Regolament Nru 4253/88 jikkostitwixxi tajjeb il-bażi ġuridika rilevanti għall-imsemmi obbligu ta’ rkupru u mhux ir-Regolament Nru 2988/95, li jillimita ruħu, kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni, li jistabbilixxi r-regoli ġenerali ta’ kontrolli u ta’ sanzjonijiet bl-għan ta’ protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Huwa għaldaqstant fuq il-bażi ta’ l-imsemmi Artikolu 23(1), li għandu jitwettaq l-irkupru.

    40

    Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li r-risposta għall-ewwel u għas-seba’ domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament 4253/88 joħloq obbligu għall-Istati Membri, mingħajr mhija neċessarja awtorizzazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali, li jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza.

    41

    Ir-risposta mogħtija għal dawn id-domandi trendi mhux neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domandi.

    Fuq id-domandi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq ir-rilevanza tal-kwalità bħala persuna pubblika tal-benefiċjarju ta’ l-għotjiet u tal-ħlas lura ta’ dawn lill-Komunità

    42

    Safejn il-kliem tad-domandi preliminari jħallu dubju dwar in-neċessità li tingħata risposta għat-tielet u r-raba’ domandi, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward ta’ dawn id-domandi, li, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni istitwita fl-Artikolu 234 KE, tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha, hija għandha, skond il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C-88/99, Ġabra p. I-10465, punt 18; ta’ l-20 ta’ Mejju 2003, Ravil, C-469/00, Ġabra p. I-5053, punt 27, u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Haug, C-286/05, Ġabra p. I-4121, punt 17, kif ukoll ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard, C-429/05, Ġabra p. I-8017, punt 27).

    43

    Għaldaqstant, għandu jinftiehem li huwa utli għall-qorti tar-rinviju li tkun taf jekk l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 għandhiex issir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kif mifhuma fid-dritt Komunitarju. Jekk dan huwa l-każ, hija tistaqsi jekk dawn il-prinċipji jistgħux ikunu mifhuma b’mod aktar wiesgħa fid-dritt nazzjonali milli fid-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, jekk benefiċjarju ta’ fondi li wettaq negliġenzi jew abbużi fis-sens ta’ l-imsemmi l-Artikolu 23(1), jistax jistrieħ fuq dawn il-prinċipji meta l-amministrazzjoni, li kienet responsabbli għal dawn, għamlet żball fl-għoti ta’ l-imsemmija fondi. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju titlob li tkun taf, permezz tal-ħames u s-sitt domandi tagħha, jekk il-kwalità bħala persuna pubblika tal-benefiċjarju tal-fondi jew il-fatt li l-Istat Membru ħallas lura lill-Komunità l-imsemmija fondi jistgħux ikollhom influwenza fuq dawn l-istess prinċipji li jirregolaw l-irkupru ta’ dawn.

    Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    44

    Il-Gemeente Rotterdam u s-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant isostnu li, f’dan il-każ, mhemmx aspettattivi leġittimi Komunitarji li jieħdu preċedenza fuq il-prinċipju nazzjonali ta’ aspettattivi leġittimi. Is-Sociaal Economische Samenwerking West-Brabant tikkunsidra, barra minn hekk, li l-interessi tal-Komunità mhumiex affettwati minn nuqqas ta’ rkupru tal-fondi mingħand il-benefiċjarju.

    45

    Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li, safejn l-irkupru jsir fuq il-bażi tar-regoli tad-dritt nazzjonali, il-prinċipji nazzjonali ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jistgħu jkollhom portata ħafna akbar minn dawn l-istess prinċipji ġenerali kkunsidrati fil-livell Komunitarju. F’dan ir-rigward, l-attitudni ta’ l-awtorità li tat il-fondi tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji. Dan il-Gvern ippreċiża matul is-seduta li s-somom, mogħtija irregolarment, li joriġinaw mill-Fondi Strutturali kienu tħallsu lura lill-Komunità.

    46

    Il-Kummissjoni tipproponi li tgħaqqad flimkien id-domandi u tirrispondihom fuq il-bażi tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Deutsche Milchkontor et, iċċitata aktar ’il fuq, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber (C-336/00, Ġabra p. I-7699). Hija ssostni li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 jipprekludi applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi rikonoxxuti fid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru li twassal għall-abbandun ta’ l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament meta l-benefiċjarju mhuwiex in bona fide. Fil-każ kuntrarju, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li dawn l-imsemmija prinċipji jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-irkupru tal-fondi mħallsa indebitament meta jkunu saru żbalji u negliġenzi mill-awtoritajiet nazzjonali, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-interess Komunitarju jittieħed kompletament in kunsiderazzjoni.

    47

    L-intervenjenti kollha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkunsidraw li l-kwalità bħala persuna pubblika tal-benefiċjarju tal-fondi hija irrelevanti għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ rkupru.

    Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

    48

    L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjonijiet dwar l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament skond id-dritt Komunitarju għandhom, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, jiġu deċiżi mill-qrati nazzjonali, b’applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħhom, bla ħsara għal-limiti imposti mid-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi Deutsche Milchkontor et, iċċitata aktar ’il fuq, punt 19; Huber, iċċitata aktar ’il fuq, punt 55, u tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten, C-158/06 Ġabra p. I-5103, punt 23). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxit ftit minn dawn il-limiti.

    49

    L-ewwel nett, l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali ma għandhiex tostakola l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju. Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk din l-applikazzjoni rendiet l-irkupru ta’ fondi mogħtija irregolarment prattikament impossibli (ara s-sentenza Deutsche Milchokontor et, iċċitata aktar ’il fuq, punti 21 u 22). Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tapplika, fil-prinċipju, id-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tiżgura l-effikaċja kompluta tad-dritt Komunitarju, li jista’ jwassalha twarrab, jekk ikun hemm bżonn, regola nazzjonali li tostakola dan jew li tinterpreta regola nazzjonali li kienet ġiet adottata biss bil-għan ta’ sitwazzjoni purament interna (ara, b’mod partikolai, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler, C-443/03, Ġabra p. I-9611, punt 51).

    50

    L-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għandha ssir ukoll b’mod mhux diskriminatorju meta mqabbla mal-proċeduri intizi sabiex jiġu deċiżi kwistjonijiet nazzjonali ta’ l-istess tip u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jipproċedu, f’dan ir-rigward, bl-istess diliġenza u skond modalitajiet li ma jrendux iktar diffiċli l-irkupru tas-somom in kwistjoni milli f’każijiet komparabbli dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti (ara s-sentenza Deutsche Milchkontor et, iċċitata aktar ’il fuq, punt 23).

    51

    Fil-kawżi prinċipali in kwistjoni, il-qorti nazzjonali hija għaldaqstant obbligata timplementa l-obbligu li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 meta hija jkollha tiddeċiedi fuq talba intiża għall-irkupru ta’ fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza u, jekk ikun hemm bżonn, twarrab jew tinterpreta regola tad-dritt nazzjonali bħall-Awb, stabbilita bil-għan li tirregola sitwazzjonijiet purament nazzjonali, li tkun tostakola dan l-irkupru.

    52

    Huwa kostanti li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma jistax jitqies li jmur kontra d-dritt Komunitarju l-fatt li d-dritt nazzjonali, fil-qasam ta’ l-irtirar ta’ atti amministattivi u ta’ l-irkupru ta’ ammonti ta’ flus imħallsa indebitament mill-amministrazzjoni pubblika, jieħu in kunsiderazzjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ legalità, il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li dawn ta’ l-aħħar jagħmlu parti mill-ordni ġuridiku Komunitarju (ara s-sentenzi Deutsche Milchkontor et, iċċitata aktar ’il fuq, punt 30; tad-9 ta’ Ottubru 2001, Flemmer et, C-80/99 sa C-82/99, Ġabra p. I-7211, punt 60, u Huber, iċċitata aktar ’il fuq, punt 56, kif ukoll ROM-projecten, iċċitata aktar ’il quddiem, punt 24). Dawn il-prinċipji huma imposti b’ċerta rigorożità fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi konsegwenzi finanzjarji (asa s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Emsland-Stärke, C-94/05, Ġabra p. I-2619, punt 43, u tas-26 ta’ Ottobru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04, Ġabra p. I-10211, punt 79, u ROM-projecten, iċċitata aktar ’il fuq, punt 26).

    53

    Madankollu, kif intqal fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 joħloq obbligu għall-Istati Membri, mingħajr mhija neċessarja awtorizzazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali, li jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza. Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni tal-priniċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi għandha ssir skond ir-regoli tad-dritt Komunitarju.

    54

    F’dan ir-rigward għandu jiġu mfakkar li, fir-rigward tal-Fondi Strutturali, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2052/88 jippreċiża li l-azzjoni Komunitarji għandha tkun stabbilita permezz ta’ djalogu mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membri kif ukoll l-awtoritajiet u l-entitajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati. Dan id-djalogu huwa rifless ukoll f’sistema ta’ responsabbiltà residwa ta’ l-Istati Membri lejn il-Komunità f’każ ta’ telf ta’ somom li joriġinaw mill-Fondi Strutturali minħabba abbuż jew negliġenza. Il-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ din ir-responsabbiltà jidhru fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 4253/88 li fir-rigward tagħhom l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tagħhom hija inseparabbli (ara s-sentenza COPPI, iċċitata aktar ’il fuq, punti 27 sa 29), kif ukoll l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1681/94. F’dan ir-rigward, il-kwalità bħala persuna pubblika tal-benefiċjarju tal-fondi hija irrilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.

    55

    Barra minn hekk, il-prinċipju skond liema l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex tostakola l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-interess tal-Komunità jittieħed kompletament in kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħall-dawk ta’ Artikoli 4:49 u 4:57 ta’ l-Awb li jagħtu, skond il-qorti tar-rinviju, setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali sabiex jipproċedu għall-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament u li jippermettu lill-benefiċjarju ta’ dawn il-fondi jibbaża ruħu fuq il- prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq Deutsche Milchkontor et, punt 32; Flemmer et, punt 61, kif ukoll Huber, punt 57).

    56

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li kien deċiż li s-sistema ta’ għotjiet żviluppata mil-leġiżlazzjoni Komunitarja hija bbażata b’mod partikolari fuq it-twettieq mill-benefiċjarju ta’ serje ta’ obbligi li jagħtuh dritt għall-ġbir ta’ l-għajnuna finanzjarja prevista. Jekk il-benefiċjarju ma jwettaqx dawn l-obbligi kollha, jirriżulta mill-Artikolu 24(2) tar-Regolament 4253/88 li l-Kummissjoni hija awtorizzata tikkunsidra mill-ġdid il-portata ta’ l-obbligi tiegħu. Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23(1), ta’ l-istess regolament, fil-każ li dan il-benefiċjarju ma wettaqx l-azzjoni ta’ taħriġ skond il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti ta’ din l-għajnuna kien suġġett, huwa ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet miksuba bil-għan li jikseb il-pagament tal-bqija ta’ l-ammont totali ta’ l-għajnuna inizjalment mogħtija [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Branco vs Il-Kummissjoni, T-142/97, Ġabra p. II-3567, punti 97 u 105 (appell miċħud b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1999, Branco vs Il-Kummissjoni, C-453/98 P, Ġabra p. I-8037), kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 1999, Partex vs il-Kummissjoni, T-182/96, Ġabra p. II-2673, punt 190 (appell miċħud b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 2001, Partex vs Il-Kummissjoni, C-465/99 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra)]. Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn benefiċjarju li kien ħati ta’ ksur ċar tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 1985, Sideradra vs Il-Kummissjoni, 67/84, Ġabra p. 3983, punt 21).

    57

    Fil-kawżi prinċipali in kwistjoni, jirriżulta mill-preċiżjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, minn naħa, li d-deċiżjonijiet ta’ għoti tal-fondi kienu suġġetti għall-osservanza, mill-benefiċjarji, tar-regoli ta’ l-ESF Regeling u, b’mod partikolari, ta’ l-obbligu li l-proġetti jkunu suġġetti għal amministrazzjoni separata u, min-naħa l-oħra, li dawn ir-regoli ma kinux, bejn wieħed u ieħor deliberament, ġew osservati. Għaldaqstant hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fid-dawl ta’ l-imġiba kemm tal-benefiċjarji tal-fondi kif ukoll ta’ l-amministrazzjoni, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, kif mifhuma fid-dritt Komunitarju, jistgħux ikunu leġittimament invokati bħala difiża kontra t-talbiet għal ħlas lura.

    58

    Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż u tal-Kummissjoni waqt is-seduta jirriżulta li l-fondi irregolarment mogħtija kienu ġew imħallsa lura lill-Komunità. Mandankollu, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88 joħloq obbligu għall-Istati Membri li jirkupraw il-fondi mitlfua minħabba abbuż jew neġliġenza, il-fatt li l-Komunità kienet ġiet imħallsa lura mill-Istat Membru ma jeżentax, fih innifsu, li jiġu rkuprati l-imsemmija fondi.

    59

    Għalhekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-irkupru tal-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza għandu jsir abbażi ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat mir-Regolament Nru 2082/93, u skond il-modalitajiet tad-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt ma tostakolax l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju u ma jkollhiex bħala effett li trendi prattikament impossibli l-irkupru tas-somom irregolarment mogħtija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tassigura l-applikazzjoni kompleta tad-dritt Komunitarju billi twarrab jew tinterpreta, skond il-bżonn, regola nazzjonali bħall-Awb li tostakola dan. Il-qorti nazzjonali tista’ tapplika l-prinċipji Komunitarji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi meta tkun qed tevalwa l-imġiba kemm tal-benefiċjarji tal-fondi mitlufa kif ukoll ta’ l-amministrazzjoni, bil-kundizzjoni li l-interess tal-Komunità jkun kompletament ikkunsidrat Il-kwalità bħala persuna pubblika tal-benefiċjarju tal-fondi hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

    Fuq l-ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi :

     

    1)

    L-Artikolu 23 (1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta’ Diċembru 1998, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u ma’ l-operazzjonijiet tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93, ta’ l-20 ta’ Lulju 1993, joħloq obbligu għall-Istati Membri, mingħajr mhija neċessarja awtorizzazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali, li jirkupraw il-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza.

     

    2)

    L-irkupru tal-fondi mitlufa minħabba abbuż jew negliġenza għandu jsir abbażi ta’ l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 4253/88, kif emendat mir-Regolament Nru 2082/93, u skond il-modalitajiet tad-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt ma tostakolax l-applikazzjoni u l-effikaċja tad-dritt Komunitarju u ma jkollhiex bħala effett li trendi prattikament impossibli l-irkupru tas-somom irregolarment mogħtija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tassigura l-applikazzjoni kompleta tad-dritt Komunitarju billi twarrab jew tinterpreta, skond il-bżonn, regola nazzjonali bħal-liġi ġenerali fuq id-dritt amministrattiv (Algemene wet bestuursrecht) li tostakola dan. Il-qorti nazzjonali tista’ tapplika l-prinċipji Komunitarji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi meta tkun qed tevalwa l-imġiba kemm tal-benefiċjarji tal-fondi mitlufa kif ukoll ta’ l-amministrazzjoni, bil-kundizzjoni li l-interess tal-Komunità Ewropea jkun kompletament ikkunsidrat. Il-kwalità bħala persuna pubblika tal-benefiċjarju tal-fondi hija irrilevanti f’dan ir-rigward.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top