EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0357

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007.
Frigerio Luigi & C. Snc vs Comune di Triuggio.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia - l-Italja.
Direttiva 92/50/KEE - Kuntratti pubbliċi ta’ servizzi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-għoti ta’ servizz pubbliku lokali ta’ interess ekonomiku lil kumpanniji ta’ kapitali - Kompatibbiltà.
Kawża C-357/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-12311

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:818

Kawża C-357/06

Frigerio Luigi & C. Snc

vs

Comune di Triuggio

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia)

“Direttiva 92/50/KEE — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-għoti ta’ servizzi pubbliċi lokali ta’ interess ekonomiku lil kumpanniji b’kapital — Kompatibbiltà ”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 92/50 — Operaturi ekonomiċi

(Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, Artikolu 26(1) u (2))

2.     Dritt Komunitarju — Effett dirett — Dispożizzjoni tat-Trattat direttament applikabbli — Obbligi tal-qrati nazzjonali

1.     L-Artikolu 26 (1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jostakolaw lil kandidati jew lil offerenti intitolati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jipprovdu s-servizz in kwistjoni, li jinkludi dawk li huma kkostitwiti minn gruppi ta’ fornituri ta’ servizzi, milli jissottomettu l-offerti fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, biss fuq il-bażi li dawn il-kandidati jew dawn l-offerenti m’għandhomx il-forma ġuridika speċifika korrispondenti għal kategorija speċifika ta’ persuni fiżiċi, jiġifieri dik ta’ kumpannija ta’ kapital.

(Ara l-punti 22, 29 u d-dispożittiv)

2.     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa li tagħti lid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, safejn permezz tad-dritt nazzjonali tagħha hija tkun ingħatat marġini ta’ diskrezzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni konformi ma’ l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju u, safejn din l-informazzjoni konformi mhijiex possibbli, għandhom jitħallew inapplikati d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra dawn l-eżiġenzi.

(Ara l-punti 28, 29 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Direttiva 92/50/KEE – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-għoti ta’ servizz pubbliku lokali ta’ interess ekonomiku lil kumpanniji b’ kapital – Kompatibbiltà ”

Fil-kawża C‑357/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Awwissu 2006, fil-proċedura

Frigerio Luigi & C. Snc

vs

Comune di Triuggio,

fil-preżenza ta’:

Azienda Servizi Multisettoriali Lombarda – A.S.M.L. SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’Awla),

komposta minn M.G. Arestis, President tat-Tmien Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász (Relatur), J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Frigerio Luigi & C. Snc, minn M. Boifava, avukat,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Zadra u X. Lewis, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 26 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L  209, p. 1), emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU L 285, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”), ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18/KE, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, (ĠU L 134, p. 114), ta’ l-Artikoli 39 KE, 43 KE, 48 KE u 81 KE, ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU L 194, p. 39), emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991 (ĠU L 78, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 75/442”), kif ukoll l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/12/KE, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Frigerio Luigi & C. Snc (iktar ’il quddiem “Frigerio”), kumpannija f’isem kollettiv tal-dritt Taljan, fil-Comune di Triuggio, dwar l-għoti ta’ kuntratt għall-ġestjoni tas-servizz ta’ tindif pubbliku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Id-Direttiva 92/50 tipprova tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi. Skond it-tieni premessa, hija tikkontribwixxi għall-istabbiliment progressiv tas-suq intern, li huwa qasam mingħajr fruntieri li fih il-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa assigurat.

4       Is-sitt premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi b’mod partikolari li l-ostakli għall-moviment liberu hemm bżonn li jiġu evitati u li, għalhekk, li fornituri tas-servizzi jistgħu jkunu kemm persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi.

5       Skond l-għoxrin premessa ta’ l-imsemmija direttiva, sabiex jiġu eliminati prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni in ġenerali u l-parteċipazzjoni fil-kuntratti minn ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn b’mod partikolari, huwa neċessarju li jitjieb l-aċċess ta’ fruntieri ta’ servizzi għall-għoti ta’ kuntratti.

6       L-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/50 jipprovdi:

“1. L-offerti jistgħu jiġu sottomessi minn gruppi ta’ fornituri tas-servizzi. Dawn il-gruppi jistgħu ma jkunux meħtieġa jassumu forma ġuridika speċifika sabiex jissottomettu l-offerta, madankollu l-grupp magħżul jista’ jkun meħtieġ jagħmel hekk meta jingħata l-kuntratt.

2.      Kandidati jew offerenti li, skond il-liġi ta’ l-Istati Membri li fih huma stabbiliti, huma intitolati jwettqu s-servizz relevanti, m’għandhomx jitwarrbu biss fuq il-bażi li, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn jingħata l-kuntratt, kienu jkunu meħtieġa li jkunu jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

3.      Persuni ġuridiċi jistgħu jkunu meħtieġa jindikaw fl-offerta jew fit-talba għall-parteċipazzjoni, l-ismijiet u l-kwalifiki professjonali relevanti tal-persunal li għandu jkun responsabbli mit-twettiq tas-servizz.”

7       Id-Direttiva 92/50 ġiet abrogata, bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 41, mill-31 ta’ Jannar 2006 u sostitwita bid-Direttiva 2004/18. Il-kliem ta’ l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/50 ġie meħud sostenzjalment mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/18.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 267 li jirrigwarda test wieħed tal-liġijiet fuq l-organizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet lokali (testo unico delle leggi sull’ordinamento degli enti locali), tat-18 ta’ Awwissu 2000 (suppliment ordinarju mal-GURI Nru 227, tat-28 ta’ Settembru 2000), emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 269 dwar dispożizzjonijiet urġenti sabiex jiffavorixxu l-iżvilupp u għall-korrezzjoni tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi (disposizioni urgenti per favorire lo sviluppo e per la correzione dell’andamento dei conti pubblici), tat-30 ta’ Settembru 2003 (suppliment ordinarju mal-GURI Nru 229, tat-2 ta’ Ottubru 2003), li sar liġi, wara emenda, bil-Liġi Nru 326, ta’ l-24 ta’ Novembru 2003 (suppliment ordinarju mal-GURI Nru 274, tal-25 ta’ Novembru 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000”), jirregola b’mod partikolari l-metodi ta’ l-għoti ta’ kuntratti relatati ma’ l-intitolament tas-servizz pubbliku lokali ta’ interess ekonomiku. L-Artikolu 113(5), ta’ l-imsemmi digriet leġiżlattiv jipprovdi:

“Il-provvista ta’ servizzi għandha ssir skond il-leġiżlazzjoni ta’ dan il-qasam u b'ħarsien tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, u d-dritt li jipprovdu s-servizz jingħata lil:

a)      kumpanniji b’ kapital magħżula permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti;

b)      kumpanniji b’ kapital imħallat pubbliku u privat li fihom is-soċju privat ikun intgħażel permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li tiggarantixxi r-rispett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni skond il-linji gwida adottati mill-awtoritajiet kompetenti f’atti jew ċirkularijiet speċifiċi;

c)      kumpanniji għal kollox pubbliċi, bil-kundizzjoni li l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li għandhom il-kapital soċjali jeżerċitaw fuq il-kumpannija kontroll analogu għal dak li dawn ta’ l-aħħar jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess u jekk il-kumpannija twettaq l-essenzjali ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha.”

9       Fir-rigward tas-settur speċifiku ta’ l-iskart, l-Artikolu 2(6) tal-liġi reġjonali tar-Reġjun tal-Lombardija Nru 26, dwar il-liġi fuq servizz lokali ta’ interess ekonomiku ġenerali. Regoli dwar il-ġestjoni ta’ l-iskart, l-enerġija, l-użu tal-ħamrija u ta’ riżorsi ta’ l-ilma (disciplina dei servizi locali di interesse economico generale [-] Norme in materia di gestione dei rifiuti, di energia, di utilizzo del sottosuolo e di risorse idriche), tat-12 ta’ Diċembru 2003 (suppliment ordinarju mal-Bollettino Ufficiale Della Regione Lombardia Nru 51, tas-16 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“liġi reġjonali Nru 26”), jipprovdi:

“Il-provvista ta’ servizzi tingħata lil kumpanniji b’ kapital magħżulin permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jew proċeduri kompatibbli mal-liġi nazzjonali jew Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni; [...]”

10     Skond l-Artikolu 198(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 dwar ir-regoli fil-qasam ta’ l-ambjent (norme in materia ambiente), tat-3 ta’ April 2006 (supplement ordinarju mal-GURI Nru 88, ta’ l-14 April 2006):

“[…] il-kunsilli lokali għandhom ikomplu l-ġestjoni ta’ iskart pubbliku u skart ta’ l-istess kategorija bil-ħsieb li jeliminaw il-monopolju bil-modi indikati fl-Artikolu 113(5), tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 267/2000] ”.

 Il-fatti u d-domandi preliminari

11     Bid-Deċiżjoni Nru 53, tad-29 ta’ Novembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 53”), il-kunsill muniċipali tal-Comune di Triuggio ta, għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Lulju 2006, il-ġestjoni tas-servizz tat-tindif pubbliku tat-territorju muniċipali lill-Azienda Servizi Multisettoriali Lombarda – A.S.M.L. SpA (iktar ’il quddiem “ASML”).

12     Bl-istess deċiżjoni, l-imsemmi kunsill impenja ruħu li jakkwista portafoll ta’ azzjonijiet li bih l-amministrazzjoni muniċipali “tista’ tissieħeb bl-effetti kollha u tirristruttura u tirregola, kemm min-naħa organizzattiva kif ukoll funzjonali, ir-relazzjonijiet ma’ [ASML], sabiex tikkonferixxi [lill-Comune di Triuggio] setgħa ta’ orjentazzjoni u ta’ kontroll fuq l-istess intrapriża, bħal għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess”.

13     Frigerio, li kienet assigurat il-ġestjoni tas-servizz in kwistjoni mill-1 ta’ Jannar 2006 sat-30 ta’ Ġunju 2006 b’assoċjazzjoni temporanja ma’ kumpannija oħra f’isem kollettiv taħt id-dritt Taljan, ippreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni Nru 53 quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija sostniet li l-kunsill muniċipali tal-Comune di Triuggio ma kellux dritt jagħti direttament il-kuntratt in kwistjoni izda kellu jipproċedi permezz ta’ sejħa għal offerti, skond il-liġi Komunitarja applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi u l-Artikolu 113(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000.

14     Il-Comune di Triuggio kif ukoll ASML talbu ċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors, imma wkoll, b’mod inċidentali, l-inammissibbiltà tiegħu. F’dan ir-rigward, huma jsostnu, b’mod partikolari, li r-rikors huwa inammissibli minħabba n-natura ġuridika ta’ Frigerio, peress li hija kumpannija kkostitwita bħala kumpannija ta’ persuni (kumpannija f’isem kollettiv), ma tistax tippretendi li tingħata l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni, peress li l-Artikolu 113(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2007 jirriżerva l-għoti tas-servizzi pubbliċi lokali, bħal dak ta’ tindif pubbliku, lil kumpanniji b’ kapital biss.

15     Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2004/18] jew dik analoga fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva [92/50] (jekk din ta’ l-aħħar titqies li hija applikabbli) li tgħid li l-kandidati jew offerenti li, bis-saħħa tal-liġi ta’ l-Istat Membru li fih huma stabbiliti, huma awtorizzati li jagħtu l-provvista tas-servizz rilevanti fil-kawża, m’għandhomx jiġu esklużi biss fuq il-bażi li, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn ikun ingħata l-kuntratt, huma kienu meħtieġa li jkunu jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, tipprovdi jew le prinċipju fundamentali tad-dritt komunitarju, li jista’ jipprevali fuq il-limitu formali stabbilit fl-Artikolu 113(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 u fl-Artikoli 2(6) u 15(1) tal-liġi reġjonali [Nru 26], u tista’, għaldaqstant, tuża l-effikaċja tagħha sabiex tassigura wkoll il-parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti lill-kandidati li m’għandhomx il-forma ġuridika ta’ kumpanniji b’ kapital?

2)      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax li l-liġi msemmija aktar ’il fuq tikkonstitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2004/18], jew dik analoga ta’ l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva [92/50] (fil-każ li din ta’ l-aħħar hija kkunsidrata applikabbli) hija korollarju impliċitu jew ‘prinċipju derivat’ tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni, meħud flimkien mal-prinċipju ta’ trasparenza amministrattiva u l-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, u għaldaqstant għandha titqies li hija direttament applikabbli u li tipprevali fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali eventwalment mhux konformi meħuda mill-Istati Membri sabiex jirregolaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni diretta tad-dritt komunitarju?

3)      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 113(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000, kif ukoll l-Artikolu 2(6) u 15(1) tal-liġi reġjonali [Nru 26], huma konformi mal-prinċipji Komunitarji li jirriżultaw mill-Artikoli 39 [KE] (prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema fil-Komunità), 43 [KE] (libertà ta’ stabbiliment), 48 [KE] u 81 [KE] (akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni) […], u, fil-każ li jiġi deċiż li mhumiex konformi, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni għandhom jiġu esklużi jekk huma jmorru kontra d-dispożizzjonijiet Komunitarji li huma direttament applikabbli u li jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali?

4)      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 113(5) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 267/2000 kif ukoll l-Artikoli 2(6) u 15(1) tal-liġi reġjonali [Nru 26] huma konformi mad-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [75/442] jew għal dik analoga ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva [2006/12] (fil-każ li din ta’ l-aħħar titqies li hija applikabbli) li jipprovdu, rispettivament li l-‘[...] l-istallazzjonijiet [istabbilimenti] u l-impriżi li jwettqu l-operazzjonijiet imsemmija fl-Anness II A [tad-Direttiva 74/442] għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 [ta’ din id-direttiva], u li ‘l-pjani msemmija fl-ewwel paragrafu [tad-Direttiva 2006/12](ġestjoni ta’ skart) jistgħu, per eżempju, ikopru: a) il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati biex iwettqu l-immaniġġar ta’ l-iskart [...]’?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

16     Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, ibbażata fuq separazzjoni ċara ta’ funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull kunsiderazzjoni tal-fatti tal-kawza jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Dumon u Froment, C‑235/95, Ġabra p. I‑4531, punt 25; tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas, C-13/05, Ġabra p. I‑6467, punt 32, u tat-8 ta’ Novembru 2007, ING. AUER, C‑251/06, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).

17     F’dan ir-rigward, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, u b’mod partikolari mill-ewwel u t-tieni domandi, li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-kuntratt fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt waħda bid-direttivi Komunitarji ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, jiġifieri jew id-Direttiva 92/50, inkella d-Direttiva 2004/18. Barra minn hekk, din il-premessa hija kkorroborata minn elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, bħad-deċiżjoni Nru 53, li tagħha t-test huwa anness ma’ l-osservazzjonijiet ta’ Frigerio u li minnhom jidher li l-valur tal-kuntratt fil-kawża prinċipali jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija direttivi. Barra minn hekk, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati waqt is-seduta li l-kontroparti ta’ l-imsemmi kuntratt ġej mill-Comune di Triuggio, b’tali mod li huwa ma jistax jikkwalifika għall-għoti ta’ servizzi.

18     F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija deċiżjoni għandha d-data tad-29 ta’ Novembru 2005, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 92/50 hija applikabbli ratione materiæ u ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali.

19     Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu fformulati mill-ġdid l-ewwel u t-tieni domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, prinċipalment, jekk l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 92/50 jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jillimitaw il-preżentazzjoni ta’ l-offerti fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi lill-partijiet interessati li jkollhom il-forma ġuridika ta’ kumpannija ta’ kapital. Sussidjarjament, l-imsemmija qorti tistaqsi lilha nnifsha dwar il-konsegwenzi ta’ risposta eventwali pożittiva fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali.

20     Skond l-Artikolu 26(2), l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jirrifjutaw kandidati jew offerenti li, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih huma stabbiliti, huma intitolati jipprovdu servizz fuq il-bażi li huma kienu jkunu meħtieġa, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kuntratt ingħata, li jkunu jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

21     Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti lanqas jistgħu jiżolaw kandidati jew offerenti intitolati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jipprovdu s-servizz in kwistjoni, ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għas-sempliċi raġuni li l-forma ġuridika ta’ dawn ma tikkorrispondix ma’ kategorija speċifika ta’ persuni fiżiċi.

22     Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjoni msemmija tipprekludi kull liġi nazzjonali li teskludi kandidati jew offerenti intitolati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jipprovdu s-servizz in kwistjoni mill-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, biss fuq il-bażi li dawn il-kandidati jew dawn l-offerenti m’għandhomx forma ġuridika korrispondenti ma’ kategorija speċifika ta’ persuni fiżiċi.

23     Konsegwentement, dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jillimitaw l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi pubbliċi lokali ta’ interess ekonomiku li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 lil kumpanniji b’ kapital, mhumiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 26(2) ta’ din id-direttiva.

24     Fir-rigward tal-fatti li jirriżultaw mill-kawża prinċipali, jirriżulta mill-inkartament li Frigerio ppreżenta r-rikors prinċipali bħala l-kap ta’ grupp temporanju ta’ intrapriżi li assiguraw is-servizz ta’ tindif pubbliku tal-Comune di Triuggio bejn l-1 ta’ Jannar 1996 u t-30 ta’ Ġunju 2006.

25     F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li jirriżulta wkoll mill-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 92/50 li l-awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jeżiġu li gruppi ta’ fornituri ta’ servizz jassumu forma ġuridika speċifika sabiex jissottomettu offerta.

26     Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, skond il-liġi Taljana, Frigerio kien intitolat jagħti s-servizz ta’ tindif pubbliku taħt il-forma ġuridika tiegħu, jiġifieri kumpannija f’isem kollettiv. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju indikat, b’mod partikolari, li Frigerio huwa mniżżel fir-reġistru bħala persuna intitolata li teżerċita attivitajiet fil-qasam ta’ l-iskart.

27     Kif ġie osservat fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, sussidjarjament, fuq il-konsegwenzi ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, mad-Direttiva 92/50.

28     F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa li tagħti lid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, safejn permezz tad-dritt nazzjonali tagħha hija tkun ingħatat marġini ta’ diskrezzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni konformi ma’ l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju. Jekk din l-applikazzjoni konformi mhijiex possibbli, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tapplika integralment id-dritt Komunitarju u li tipproteġi d-drittijiet li dan jikkonferixxi fuq l-individwi, billi jitħallew jekk hemm bżonn inapplikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jmorru kontra d-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Frar 1988, Murphy et, 157/86, Ġabra p. 673, punt 11, kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punti 68 u 69).

29     Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 26(1) u (2) tad-Direttiva 92/50 jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jostakolaw lil kandidati jew lil offerenti intitolati skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru li jipprovdu s-servizz in kwistjoni, inklużi dawk li huma kkostitwiti minn gruppi ta’ fornituri ta’ servizz, milli jissottomettu offerti fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, biss fuq il-bażi li dawn il-kandidati jew dawn l-offerenti m’għandhomx il-forma ġuridika korrispondenti ma’ kategorija speċifika ta’ persuni fiżiċi, jiġifieri dik ta’ kumpannija ta’ kapital. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti lid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, safejn permezz tad-dritt nazzjonali tagħha hija tkun ingħatat marġini ta’ diskrezzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni konformi ma’ l-eżiġenzi tad-dritt Komunitarju, u safejn din l-informazzjoni konformi mhijiex possibbli, għandhom jitħallew inapplikati d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra dawn l-eżiġenzi.

 Fuq i-tielet u r-raba’ domandi

30     Bit-tielet u r-raba’ domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nnfisha, fuq il-mertu, dwar il-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma’ l-Artikoli 39 KE, 43 KE, 48 KE u 81 KE kif ukoll mad-Direttiva 75/442 u d-Direttiva 2006/12.

31     Peress li, kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-fatti tal-kawża prinċipali li jirriżultaw mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 u li l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva tipprovdi l-elementi neċessarji li jippermettu lill-qorti tar-rinviju taqta’ l-kawża quddiemha, l-eżami tad-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija hawn fuq huma purament ta’ interess ipotetiku. Konsegwentament, skond ġurisprudenza kostanti, mhuwiex neċessarju li t-tielet u r-raba’ domandi jiġu mwieġba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punti 36 u 37, kif ukoll ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 42 u 43).

 Fuq l-ispejjeż

32     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 26 (1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li jostakolaw lil kandidati jew lil offerenti intitolati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jipprovdu s-servizz in kwistjoni, li jinkludi dawk li huma kkostitwiti minn gruppi ta’ fornituri ta’ servizzi, milli jissottomettu l-offerti fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, biss fuq il-bażi li dawn il-kandidati jew dawn l-offerenti m’għandhomx il-forma ġuridika speċifika korrispondenti għal kategorija speċifika ta’ persuni fiżiċi, jiġifieri dik ta’ kumpannija ta’ kapital.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħti lid-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, safejn permezz tad-dritt nazzjonali tagħha hija tkun ingħatat marġini ta’ diskrezzjoni, interpretazzjoni u applikazzjoni konformi ma’ l-eżiġenzi tad-dritt komunitarju, u safejn din l-informazzjoni konformi mhijiex possibli, għandhom jitħallew inapplikati d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra dawn l-eżiġenzi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top