Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0275

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta' Jannar 2008.
Productores de Música de España (Promusicae) vs Telefónica de España SAU.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Mercantil nº 5 de Madrid - Spanja.
Soċjetà ta’ l-informazzjoni - Obbligi tal-fornituri ta’ servizzi - Żamma u żvelar ta’ ċerta data dwar it-traffiku fuq l-Internet - Obbligu ta’ żvelar - Limiti - Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Kompatibbiltà mal-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur u ta’ drittijiet relatati - Dritt għal protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali.
Kawża C-275/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:54

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Jannar 2008 ( *1 )

“Soċjetà ta’ l-informazzjoni — Obbligi tal-fornituri ta’ servizzi — Żamma u żvelar ta’ ċerta data dwar it-traffiku fuq l-Internet — Obbligu ta’ żvelar — Limiti — Protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Kompatibbiltà mal-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur u ta’ drittijiet relatati — Dritt għal protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali”

Fil-kawża C-275/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 5 de Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2006, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2006, fil-proċedura

Productores de Música de España (Promusicae)

vs

Telefónica de España SAU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský (Relatur), J. Klučka, E. Levits, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Productores de Música de España (Promusicae), minn R. Bercovitz Rodríguez Cano, A. González Gozalo u J. de Torres Fueyo, abogados,

għal Telefónica de España SAU, minn M. Cornejo Barranco, procuradora, kif ukoll minn R. García Boto u P. Cerdán López, abogados,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Sloven, minn M. Remic u U. Steblovnik, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Bryanston-Cross, bħala aġent, assistita minn S. Malynicz, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidal Puig u C. Docksey, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, p. 1), tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10), u tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, p. 45 u — rettifika — ĠU 2004, L 195, p. 16), kif ukoll ta’ l-Artikoli 17(2) u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ipproklamata f’Nizza fis-7 Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Productores de Música de España (Promusicae), assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ (iktar ’il quddiem “Promusicae”) u Telefónica de España SAU (iktar ’il quddiem “Telefónica”) fir-rigward tar-rifjut minn din ta’ l-aħħar li tiżvela lil Promusicae, li qegħda taġixxi għan-nom tad-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali miġbura fi ħdanha, data personali relatata ma’ l-użu ta’ l-Internet permezz ta’ konnessjonijiet ipprovduti minn Telefónica.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Parti III tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jinsab fl-Anness I C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjo[ni] f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p.1), għandha t-titolu “Infurzar tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellet[t]wali”. Taħt din il-parti hemm l-Artikolu 41(1) u (2) li jipprovdi:

“1.   Il-Membri għandhom jassiguraw li l-proċeduri ta’ l-infurzar kif mniżżla f’din il-parti huma disponibbli taħt il-liġi tagħhom sabiex jistgħu jippermettu azzjoni effettiva kontra atti ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali koperta minn dan il-Ftehim, inklużi r-rimedji ta’ malajr li jipprevjenu ksur u rimedji li jkunu ta’ ostaklu għal xi ksur ieħor. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu applikati b’dak il-mod li jkun evitat il-ħolqien ta’ ostakli għall-kummerċ leġittimu u sabiex jissalvagwardjaw l-abbuż tagħhom.

2.   Il-proċeduri dwar l-infurzar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandhom ikunu [i]mparzjali u ġusti. M’għandhomx ikunu komplikati żżejjed jew għoljin, jew ikollhom bżonn perjodu ta’ żmien twil jew dewmien mhux ġustifikat”

4

Taħt it-Taqsima 2 ta’ l-imsemmija Parti III, bit-titolu “Proċeduri u Rimedji Ċivili u Amministrattivi”, l-Artikolu 42, li t-titolu tiegħu huwa “Proċeduri Imparzjali u Ġusti”, jipprovdi li:

“Il-Membri għandhom jagħmlu l-proċeduri ġudizzjarji ċivili dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali koperti b’dan il-Ftehim [aċċessibbli għad-detenturi tad-drittijiet] […]”.

5

L-Artikolu 47 tal-Ftehim TRIPs, bit-titolu “Dritt ta’ Informazzjoni”, jistabbilixxi li:

“Il-Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità, sakemm din [ma] tkun[x] barra mill-proporzjon għas-serjetà tal-ksur, sabiex jordnaw lil min jikser ir-regoli sabiex jinfurma lid-detentur tad-drittijiet [bl]-identità ta’ persuni terzi involuti fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ksur ta’ l-oġġetti jew servizzi u tal-[mezzi] tagħhom ta’ distribuzzjoni.”

Id-dritt Komunitarju

Id-dispożizzjonijiet dwar is-soċjetà ta’ l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, b’mod partikolari, id-dritt ta’ l-awtur

— Id-Direttiva 2000/31

6

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

2.   Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist [ta’ l]-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u ko[o]perazzjoni bejn Stati Membri.

3.   Din id-Direttiva tikkumplementa l-liġi tal-Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni mingħajr preġudizzju għa[l]-livell ta’ protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas-saħħa pubblika u tal-konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal-Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal-limiti li ma jirrestrinġix il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:

[…]

(b)

kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni koperti bid-Direttivi 95/46/KE u 97/66/KE;

[…]”

7

Skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31:

“1.   L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi għal dawk li jipprovdu servizzi [tas-]soċjetà ta’ l-informazzjoni, li malajr kemm jista’ jkun jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti pubbliċi dwar l-allegati attivitajiet illegali jew informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, jew obbligi li jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom stess, informazzjoni li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ dawk li jirċievu s-servizz tagħhom li magħhom ikollhom ftehim għaż-żamma.”

8

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/31 jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta’ liġi nazzjonali li tikkonċerna l-attivitajiet ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inklużi miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu il-ksur allegat u ma jħallux aktar xkiel għall-interessi involuti.

[…]”

— Id-Direttiva 2001/29

9

Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/29, din tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u tad-drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, b’enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ l-informazzjoni.

10

Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u di[s]wa[ż]ivi.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom [i]kunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

11

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29 huwa redatt bil-mod kif ġej:

“Din id-Direttiva għ[a]ndha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni, mudelli ta’ utilità, topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi, type faces, aċċess kondizzjonat, aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir, protezzjoni ta’ teżori nazzjonali, ħtiġ[ij]iet ta’ depożiti legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta, sigrieti professjonali, sigurtà, kunfidenz[j]alità, protezzjoni u privatezza ta’ data, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi tal-kuntratt.”

— Id-Direttiva 2004/48

12

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

[…]”

13

Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48:

“[…]

3.   Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

(a)

id-dispożizzjonijiet tal-Komunità li [jirregolaw] il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE, id-Direttiva 1999/93/KE, jew id-Direttiva 2000/31/KE, in ġenerali u b’mod partikolari [l]-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE;

(b)

l-obbligazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri u l-aktar il-Ftehim TRIPs, li jinkludu dawk relatati mal-proċeduri kriminali u l-penalitajiet;

(ċ)

id-dispożizzjonijiet kollha ta’ l-Istati Membri relatati ma’ proċeduri kriminali jew penalitajiet fir-rigward tal-kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.”

14

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għ[o]ljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux [iġġustifikat].

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun[u] wkoll effettivi, proporzjonati u di[s]ważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimi[zz]at il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

15

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 huwa redatt bil-mod kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u propor[z]jonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni [dwar] l-oriġini u [n-netwerks] tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is-servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għand[ha] [t]kun [i]pprovdut[a] mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

(a)

instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(b)

instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

(ċ)

instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati [f’]attivitajiet li jikkontravjenu;

jew

(d)

kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew (ċ) bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

2.   L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, [tinkludi]:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

(b)

informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, m[ogħ]tija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kw[i]stjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

(a)

jagħtu [li]d-detentur [i]d-dritt [li] jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

(b)

[jirregolaw] l-użu [fi]l-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l-informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

(ċ)

[jirregolaw] ir-r[e]sponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt ta’ l-informazzjon[i]; jew

(d)

jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali;

jew

(e)

[jirregolaw] il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l-informazzjoni jew [l-ip]proċessar tad-data personali.”

Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali

— Id-Direttiva 95/46

16

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, p. 31) jistabbilixxi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]”

17

Skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

[…]”

18

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 huwa redatt bil-mod kif ġej:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali [t]ista’ [t]kun ipproċessat[a] biss jekk:

[…]

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1). ”

19

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li:

“1.   Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn:

[…]

(ċ)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ xi persuna oħra meta s-suġġett tad-data jkun fiżikament jew legalment inkapaċi li jagħti l-kunsens tiegħu

[…]”

20

Skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46:

“1.   Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

(a)

sigurtà nazzjonali;

(b)

difiża;

(ċ)

sigurtà pubblika;

(d)

prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

(e)

interess ekonomiku jew finanzjarju ta’ importanza għal Stat Membru jew għall-Unjoni Ewopea, [inkluzi] affarijiet monetarji, fiskali jew ta’ l-est[i]mi;

(f)

monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk ku[lt]ant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi[jiet] [i]msemmija f’(ċ), (d) u (e);

(g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.

[…]”

— Id-Direttiva 2002/58/KE

21

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, p. 37) jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva [jippreċiżaw] u jikkomplementaw id-Direttiva 95/46/KE għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1 […]

3.   Din id-Direttiva ma [tapplikax] għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

22

Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom [japplikaw] [i]d-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) […].

Għandhom [japplikaw] [u]koll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘[d]ata dwar it-traffiku’ data pproċessata għall-iskopijiet li ti[nt]bagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elett[r]onika jew biex isir il-kont għaliha;

[…]

(d)

‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]”

23

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva għandha [tapplika] għall-ipproċessar ta’ data personali konnessa mal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament f’networks ta’ komunikazzjoni pubblika fil-Komunità.

[…]”

24

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċi[p]ju tal-kunfidenzjalità.”

25

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi li:

“1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat[a] u maħżun[a] mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew [li fih tista’ ssir kawża għall-ħlas].

3.   Għall-iskopijiet ta’ marketing ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-provditur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew marketing, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih jirrelataw id-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta[d]-data dwar it-traffiku f[’] kull ħin.

[…]

5.   L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

6.   Il-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jgħoddu bla preġudizzu għall-possibilità ta’ korpi kompetenti li jiġu informati dwar data dwar it-traffiku skond il-leġislazzjoni applikabbli sabiex jiġu riżolti d-disputi [tilwim], partikolarment disputi [tilwim] dwar interkonnessjoni jew kontijiet.”

26

Skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislat[t]ivi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislat[t]ivi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[…]”

27

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi li:

“Id-Direttiva 97/66/KE hija b’dan imħassra mid-data msemmija fl-Artikolu 17(1).

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva.”

Id-dritt nazzjonali

28

Skond l-Artikolu 12 tal-Liġi 34/2002 dwar is-Servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni u tal-Kummerċ Elettroniku (Ley 34/2002 de servicios de la sociedad de la información y de comercio electrónico), tal-11 ta’ Lulju 2002 (BOE nru 16, tat-12 ta’ Lulju 2002, p. 25388, iktar ’il quddiem il-“LSSI”), bit-titolu “Obbligu li tinżamm data dwar it-traffiku fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika”:

“1.   L-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, il-fornituri ta’ aċċess għal netwerks ta’ telekomunikazzjoni u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna ta’ data għandhom iżommu d-data dwar il-konnessjonijiet u t-traffiku ġġenerati mill-komunikazzjonijiet magħmula matul il-prestazzjoni ta’ servizz tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni għal perijodu massimu ta’ 12-il xahar skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fir-regoli adottati għall-implementazzjoni tiegħu.

2.   […] L-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-fornituri ta’ servizzi msemmija f’dan l-Artikolu ma jistgħux jużaw id-data miżmuma għal skopijiet oħrajn għajr dawk indikati fil-paragrafu li ġej jew dawk awtorizzati mil-liġi, u għandhom jadottaw miżuri ta’ sigurtà xierqa sabiex jevitaw li din id-data tintilef jew tiġi mibdula kif ukoll sabiex jevitaw kull aċċess mhux awtorizzat għal din id-data.

3.   Id-data għandha tinżamm bil-għan li tkun tista’ tintuża fil-kuntest ta’ inkjesti kriminali jew sabiex jiġu mħarsa s-sigurtà pubblika u d-difiża nazzjonali u għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-qrati jew tribunali jew tal-prosekutur pubbliku fuq talba tagħhom. Din id-data m’għandhiex tingħata lill-forzi ta’ l-ordni ħlief b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-protezzjoni tad-data personali.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

29

Promusicae hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tiġbor fi ħdanha produtturi u edituri ta’ reġistrazzjonijiet mużikali kif ukoll reġistrazzjonijiet awdjoviżivi. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2005, hija ressqet talba għal miżuri preliminari quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 5 de Madrid (Qorti tal-Kummerċ Nru 5 ta’ Madrid) kontra Telefónica, kumpannija kummerċjali, li l-attività tagħha tikkonċerna prinċipalment il-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet.

30

Promusicae talbet li Telefónica tiġi ordnata tiżvela l-identità u l-indirizz tad-dar ta’ ċerti persuni li din ta’ l-aħħar kienet tipprovdilhom servizz ta’ aċċess għall-Internet u li l-“indirizz IP” tagħhom kif ukoll id-data u s-siegħa tal-konnessjoni tagħhom huma magħrufa. Skond Promusicae, dawn il-persuni jużaw il-programm ta’ skambju ta’ files (magħruf bħala “peer to peer” jew “P2P”), bl-isem “KaZaA”, u jippermettu l-aċċess, għal repertorju partikolari (shared folder) tal-kompjuter personali tagħhom, għal fonogrammi li fir-rigward tagħhom il-membri ta’ Promusicae kellhom drittijiet ekonomiċi ta’ użu.

31

Quddiem il-qorti tar-rinviju, din ta’ l-aħħar sostniet li l-utenti ta’ KaZaA kienu involuti f’kompetizzjoni żleali u kienu qed jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, hija talbet li tingħata l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq sabiex tkun tista’ tibda proċeduri ċivili kontra l-persuni kkonċernati.

32

Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Diċembru 2005, il-Juzgado de lo Mercantil no 5 de Madrid laqgħa t-talba ta’ Promusicae għal miżuri preliminari.

33

Telefónica oġġezzjonat għal dan id-digriet billi sostniet li skond il-LSSI, l-għoti tad-data mitluba minn Promusicae huwa awtorizzat biss fil-kuntest ta’ inkjesta kriminali jew għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika u tad-difiża nazzjonali, u mhux fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili jew abbażi ta’ miżura preliminari relatata ma’ proċedura bħal din. Min-naħa tagħha Promusicae sostniet li l-Artikolu 12 tal-LSSI għandu jiġi interpretat b’mod konformi ma’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2000/31, 2001/29 u 2004/48 kif ukoll ma’ l-Artikoli 17(2) u 47 tal-Karta, dispożizzjonijiet li ma jippermettux lill-Istati Membri jillimitaw l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni kkonċernata għall-għanijiet previsti espressament f’din il-liġi.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 5 de Madrid iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari, l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 18 tad-Direttiva [2000/31], l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva [2001/29], l-Artikolu 8 tad-Direttiva [2004/48], u l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta […] jippermettu lill-Istati Membri li jillimitaw l-obbligu li għandhom l-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, il-fornituri ta’ aċċess għal netwerks tat-telekomunikazzjoni u l-fornituri ta’ servizzi ta’ ħażna ta’ data li jżommu u jagħmlu disponibbli d-data dwar konnessjoni u traffiku ġġenerati mill-komunikazzjonijiet stabbiliti matul il-prestazzjoni ta’ servizz tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni għall-kuntest ta’ inkjesta kriminali jew għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika u tad-difiża nazzjonali, u għaldaqstant li jkunu esklużi proċeduri ċivili?”

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda

35

Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-Gvern Taljan isostni li d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punt 11 tad-deċiżjoni tar-rinviju jħallu wieħed x’jifhem li d-domanda magħmula tista’ tkun iġġustifikata biss fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tkun interpretata fis-sens li tillimita l-obbligu ta’ żvelar ta’ data personali għall-kuntest ta’ inkjesti kriminali jew għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u tad-difiża nazzjonali. Peress li l-qorti tar-rinviju ma teskludix li din il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi interpretata bħala li ma tinvolvix limitazzjoni bħal din, dan il-Gvern huwa ta’ l-opinjoni li l-imsemmija domanda hija ipotetika u għaldaqstant inammissibbli.

36

F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali kif prevista fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li jkollha tagħti deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża pendenti quddiemha, il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex hija tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha u r-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jkunx ċar li t-talba għal deċiżjoni preliminari tkun, fil-verità, intiża li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ kawża fittizja jew sabiex tipprovdi opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma jkollha ebda rapport mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża, jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

38

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-qsim tar-responsabbiltajiet fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 234 KE, huwa minnu li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha tingħata mill-qrati nazzjonali u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u mhijiex din ta’ l-aħħar li, fil-kuntest ta’ proċedura li ssir taħt dan l-Artikolu, għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju li jippermettu lil din ta’ l-aħħar tiddetermina jekk ir-regoli tad-dritt intern ikunux kompatibbli mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punti 34 u 35, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 36).

39

Madankollu, fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, mill-motivazzjoni ta’ l-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 12 tal-LSSI tiddependi mill-kompatibbiltà ta’ din ir-regola mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni u, għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet mitluba minn għand il-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li l-eżitu tal-kawża prinċipali huwa tant marbut ma’ din l-interpretazzjoni, id-domanda magħmula ma tidhirx li hija ta’ natura ipotetika, b’mod li l-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Gven Taljan ma jistax jiġi milqugħ.

40

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

41

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari, id-Direttivi 2000/31, 2001/29 u 2004/48, moqrija fid-dawl ta’ l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu lill-Istati Membri li, bil-għan li jassiguraw il-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ l-awtur, jistabbilixxu l-obbligu li tiġi kkomunikata data personali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili.

Osservazzjonijiet preliminari

42

Għalkemm fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju limitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tad-Direttivi 2000/31, 2001/29 u 2004/48 kif ukoll tal-Karta, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tipprovdiha bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli għaliha fl-għoti tad-deċiżjoni fil-kawża li hija adita biha, irrispettivament minn jekk din il-qorti tirreferix għalihom jew le fil-kliem li tuża fid-domanda tagħha (ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C-392/05, Ġabra p. I-3505, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Jeħtieġ li l-ewwelnett jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju msemmija fid-domanda magħmula jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jassiguraw, b’mod partikolari fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali, partikolarment, id-dritt ta’ l-awtur, li qed titlob Promusicae fil-kawża prinċipali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-obbligi li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju li jeżiġi din il-protezzjoni jistgħu, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, jiġu limitati mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12 tal-LSSI.

44

Filwaqt li fl-2002 din il-liġi ttrasponiet id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31 fid-dritt intern, huwa paċifiku li l-Artikolu 12 ta’ din il-liġi huwa intiż li jimplementa r-regoli għall-protezzjoni privatezza li jimponi d-dritt Komunitarju bis-saħħa tad-Direttivi 95/46 u 2002/58, li minnhom din ta’ l-aħħar tikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, li huwa s-settur ikkonċernat fil-kawża prinċipali.

45

Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li l-komunikazzjoni mitluba minn Promusicae ta’ l-ismijiet u l-indirizzi ta’ ċerti utenti ta’ KaZaA tfisser l-għoti ta’ data personali, jiġifieri ta’ informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli skond id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C-101/01, Ġabra p. I-12971, punt 24). Din il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li, skond Promusicae, hija miżmuma minn Telefónica — fatt li mhuwiex ikkontestat minn din ta’ l-aħħar — tikkostitwixxi proċessar ta’ data personali fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi aċċettat li l-imsemmija komunikazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, filwaqt li jiġi osservat li l-konformità tal-ħażna tad-data fiha nnifisha ma’ l-eżiġenzi ta’ din id-direttiva ta’ l-aħħar mhijiex in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi jeħtieġ, l-ewwelnett, li jiġi vverifikat jekk d-Direttiva 2002/58 teskludix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu, bil-għan li jassiguraw il-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ l-awtur, l-obbligu li tiġi kkomunikata data personali li tkun tista’ tippermetti lid-detentur ta’ tali dritt jibda proċeduri ċivili bbażati fuq l-eżistenza ta’ dan id-dritt. Jekk dan mhuwiex il-każ, ikun jinħtieġ sussegwentement li jiġi vverifikat jekk mit-tliet direttivi li jsir riferiment għalihom mill-qorti tar-rinviju jirriżultax li l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal obbligu bħal dan. Fl-aħħarnett, jekk lanqas dan ma jkun il-każ, ikun jinħtieġ, bil-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, li jsir eżami, abbażi tar-referenzi li jsiru minn din il-qorti għall-Karta, dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, regoli oħra tad-dritt Komunitarju jkunux jeħtieġu qari differenti minn dawn it-tliet direttivi.

Fuq id-Direttiva 2002/58

47

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet li jsiru permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni pubblika u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll id-data dwar it-traffiku fuq l-Internet relatata magħhom u, bħala prinċipju, għandhom jipprojbixxu lil kull persuna oħra, għajr l-utent, milli taħżen din id-data mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti kkonċernati. Issir eċċezzjoni biss fir-rigward tal-persuni legalment awtorizzati skond l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva u tal-ħażna teknika neċessarja sabiex tintbagħat komunikazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tad-data dwar it-traffiku fuq l-Internet, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58 jipprovdi li dik li hija maħżuna għandha tiġi mħassra jew reża anonima meta ma tkunx iktar neċessarja sabiex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr ħsara għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ l-istess Artikolu kif ukoll għall-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva.

48

Fir-rigward, minn naħa, ta’ l-Artikolu 6(2), (3) u (5), li jikkonċerna l-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku fuq l-Internet minħabba bżonnijiet marbuta mal-ħruġ ta’ kontijiet għal servizzi u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi jew il-provvista ta’ servizzi ta’ valur miżjud, dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx il-komunikazzjoni ta’ din id-data lil persuni oħra għajr dawk li jaġixxu taħt l-awtorità tal-fornituri ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku. Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/58, dawn ma jkoprux kwistjonijiet oħra ħlief dawk bejn il-fornituri u l-utenti u li jikkonċernaw motivi ta’ ħażna ta’ data relatata ma’ l-attivitajiet imsemmija fid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu. Għaldaqstant, peress li huwa ċar li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jikkonċernawx sitwazzjoni bħal dik li tinsab fiha Promusicae fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huma ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni.

49

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, jeħtieġ li jiġi osservat li skond din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, ta’ l-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data dwar it-traffiku fuq l-Internet meta restrizzjoni bħal din tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, f’soċjeta demokratika, sabiex jiġu salvagwardati s-sigurtà nazzjonali — jiġifieri s-sigurtà ta’ l-Istat — id-difiża u s-sigurtà pubblika jew sabiex jiġu assigurati l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

50

B’hekk, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 joffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, li huma għandhom taħt l-Artikolu 5 ta’ l-istess Direttiva, li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-data personali.

51

Madankollu, l-ebda waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma tidher li tirrigwarda l-ftuħ ta’ proċeduri ċivili. Fil-fatt huma jikkonċernaw, min-naħa, il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Huma jinkludu, minn naħa, is-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s-sigurtà pubblika, li jikkostitwixxu attivitajiet ta’ l-Istat jew ta’ l-awtoritajiet Statali, u li mhumiex relatati ma’ oqsma ta’ attività ta’ individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43) u, min-naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

52

Fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, jidher li din tikkonċerna l-użu li joħloq dubji dwar l-integrità jew anki s-sigurtà ta’ din is-sistema bħal, b’mod partikolari, fil-każijiet, imsemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, ta’ interċezzjoni jew ta’ sorveljanza tal-komunikazzjonijiet mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti kkonċernati. Użu bħal dan li, bis-saħħa ta’ l-imsemmi Artikolu, jeħtieġ l-intervent ta’ l-Istati Membri, lanqas jidher li jirrigwarda sitwazzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal proċeduri ċivili.

53

Madankollu jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 itemm il-lista ta’ l-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq billi jirreferi espressament għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46. Madankollu, din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar tawtorizza wkoll lill-Istati Membri jieħdu miżuri li jillimitaw l-obbligu ta’ kunfidenzjalità tad-data personali meta din il-limitazzjoni tkun neċessarja, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tad-drittjiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn. Peress li ma jippreċiżawx id-drittijiet u l-libertajiet li huma kkonċernati, l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhom jiġu interpretati bħala li jesprimu l-volontà tal-leġiżlatur Komunitarju li la d-dritt tal-proprjetà u lanqas is-sitwazzjonijiet li fihom l-awturi jippruvaw jiksbu din il-protezzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, ma jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

54

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2002/58 ma teskludix il-possibbiltà, għall-Istati Membri li jistabbilixxu l-obbligu li, fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, tiġi żvelata data personali.

55

Madankollu, il-kliem ta’ l-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva ma jistax jiġi interpretat bħala li, fis-sitwazzjonijiet li jelenka, jorbot lill-Istati Membri jipprovdu għal obbligu bħal dan.

56

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tliet direttivi msemmija mill-qorti tar-rinviju jirrikjedux lil dawn l-Istati li, sabiex jassiguraw il-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ l-awtur, jipprovdu għal dan l-obbligu.

It-tliet direttivi msemmija mill-qorti tar-rinviju

57

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-ewwelnett jingħad, kif ġie osservat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li d-direttivi msemmija mill-qorti tar-rinviju jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jassiguraw, b’mod partikolari fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali, u partikolarment, id-dritt ta’ l-awtur. Madankollu, mill-Artikolu 1(5)(b) tad-Direttiva 2000/31, mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2001/29 u mill-Artikolu 8(3)(e) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li protezzjoni bħal din għandha tkun bla ħsara għall-eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni tad-data personali.

58

Huwa minnu li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2004/48 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest ta’ kawża dwar ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġġustifikata u proporzjonata tar-rikorrent, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw li tiġi pprovduta l-informazzjoni fuq l-oriġini kif ukoll fuq in-netwerks ta’ distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tas-servizzi li jiksru dritt għal proprjetà intellettwali. Madankollu, minn dawn id-dispożizzjonijiet, li għandhom jinqraw flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 8(3)(e), ma jirriżultax li l-Istati Membri huma marbuta, bil-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ l-awtur, li jistabbilixxu l-obbligu li data personali tiġi kkomunikata fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili.

59

Il-kliem ta’ l-Artikoli 15(2) u 18 tad-Direttiva 2000/31 u dak ta’ l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/29, lanqas jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għal obbligu bħal dan.

60

Għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 41, 42 u 47 tal-Ftehim TRIPs, invokati minn Promusicae, u li fid-dawl tagħhom, safejn huwa possibbli, għandu jiġi interpretat id-dritt Komunitarju li jirregola, bħalma huwa l-każ tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, settur li għalih japplika l-imsemmi ftehim, (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C-300/98 u C-392/98, Ġabra p. I-11307, punt 47 kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Productos Farmacéuticos, C-431/05, Ġabra p. I-7001, punt 35), għalkemm jeżiġu l-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali u t-twaqqif ta’ rimedji ġudizzjarji għall-infurzar ta’ dawn id-drittijiet, huma ma jinkludux dispożizzjonijiet li minnhom jirriżulta li d-direttivi msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa obbligatorju fuq l-Istati Membri li jipprovdu għal obbligu li data personali tiġi kkomunikata fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili.

Fuq id-drittijiet fundamentali

61

Għandu jiġi osservat li fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju ssemmi l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta, li jikkonċernaw id-dritt tal-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv, rispettivament. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li billi għamlet dan ir-riferiment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-interpretazzjoni tat-tliet direttivi invokati, skond liema l-Istati Membri mhumiex marbuta, bil-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ l-awtur, li jistabbilixxu l-obbligu li data personali tiġi kkomunikata fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili, twassalx għal ksur tad-dritt fundamentali ta’ proprjetà u tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

62

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li d-dritt fundamentali tal-proprjetà, li d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bħad-dritt ta’ l-awtur, jifformaw parti minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C-479/04, Ġabra p. I-8089, punt 65), u d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, rispettivament, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 126 u ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni in kwistjoni, li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda tinvolvi mhux biss iż-żewġ drittijiet imsemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll dritt fundamentali ieħor, jiġifieri dak li jiggarantixxi l-protezzjoni ta’ data personali u għaldaqstant tal-privatezza.

64

Skond it-tieni premessa tad-Direttiva 2002/58 din hija intiża sabiex tħares id-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta. Hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiggarantixxi l-ħarsien sħiħ tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tagħha. L-imsemmi Artikolu 7 jirriproduċi essenzjalment l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jiggarantixxi d-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza u l-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi Karta jipproklama espressament id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

65

Għaldaqstant, din id-domanda preliminari tqajjem il-kwistjoni tal-bżonn li jiġu rrikonċiljati l-eżiġenzi marbuta mal-protezzjoni tad-diversi drittijiet fundamentali, jiġifieri, minn naħa, id-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza, u min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u għal rimedju effettiv.

66

Il-mekkaniżmi li jippermettu li jinstab bilanċ ġust bejn dawn id-diversi drittijiet u interessi jinsabu, minn naħa, fid-Direttiva 2002/58 stess, fejn hija tipprovdi regoli li jiddeterminaw f’liema sitwazzjonijiet u safejn l-ipproċessar ta’ data personali huwa leċitu u liema miżuri ta’ salvagwardja għandhom jittieħdu, kif ukoll fit-tliet direttivi msemmija mill-qorti tar-rinviju, li jirriżervaw il-każ fejn il-miżuri adottati għall-protezzjoni tad-drittijiet li jirregolaw, jaffettwaw il-protezzjoni tad-data personali. Min-naħa l-oħra, dawn il-mekkaniżmi għandhom jirriżultaw mill-adozzjoni, mill-Istati Membri, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jassiguraw it-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi u ta’ l-applikazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 95/46, is-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82).

67

Għal dak li jirrigwarda l-imsemmija direttivi, id-dispożizzjonijiet tagħhom huma ta’ natura relattivament ġenerali peress li għandhom japplikaw għal numru kbir ta’ sitwazzjonijiet varji li jistgħu jippreżentaw ruħhom fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, huwa loġiku li jinkludu regoli li jħallu lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni li huwa neċessarju sabiex jiġu definiti l-miżuri ta’ traspożizzjoni li jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jinħolqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

68

Peress li huwa hekk, fit-traspożizzjoni tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar li tippermetti li jiġi assigurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja. Sussegwentement, meta jiġu implementati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati ta’ l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ l-imsemmija direttivi, iżda għandhom jaraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun kunfliġġenti ma’ l-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87 u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28).

69

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju eżiġa espliċitament, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, li l-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni b’ħarsien, mill-Istati Membri, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, inklużi dawn ta’ l-Artikolu 6(1) u (2) UE.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttivi 2000/31, 2001/29 u 2002/58 ma jirrikjedux lill-Istati Membri li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jistabbilixxu l-obbligu li data personali tiġi kkomunikata bil-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ l-awtur fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili. Madankollu, id-dritt Komunitarju jeżiġi li, fit-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-Istati Membri jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi assigurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja. Sussegwentement, meta jiġu implementati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati ta’ l-Istati Membri, mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ dawn id-direttivi stess, iżda għandhom jaraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun kunfliġġenti ma’ l-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) ma jirrikjedux lill-Istati Membri li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jistabbilixxu l-obbligu li data personali tiġi kkomunikata bil-għan li tiġi assigurata l-protezzjoni effettiva tad-dritt ta’ l-awtur fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili. Madankollu, id-dritt Komunitarju jeżiġi li, fit-traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-Istati Membri jaraw li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi assigurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mis-sistema legali Komunitarja. Sussegwentement, meta jiġu implementati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati ta’ l-Istati Membri, mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ dawn id-direttivi stess, iżda għandhom jaraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tkun kunfliġġenti ma’ l-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top