EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0246

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-17 ta' Jannar 2008.
Josefa Velasco Navarro vs Fondo de Garantía Salarial (Fogasa).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social Único de Algeciras - Spanja.
Politika soċjali - Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom - Direttiva 80/987/KEE kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE - Effett dirett - Kumpens għal sensja inġusta miftiehem wara konċiljazzjoni ġudizzjarja - Ħlas assigurat mill-istituzzjoni ta’ garanzija - Ħlas suġġett għall- adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.
Kawża C-246/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:19

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Jannar 2008 ( *1 )

“Politika soċjali — Protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem — Direttiva 80/987/KEE kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE — Effett dirett — Kumpens għal sensja inġusta miftiehem f’konċiljazzjoni ġudizzjarja — Ħlas assigurat mill-istituzzjoni ta’ garanzija — Ħlas suġġett għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja”

Fil-kawża C-246/06

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, magħmula mill-Juzgado de lo Social Único de Algeciras (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Ġunju 2006, fil-proċedura

Josefa Velasco Navarro

vs

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Sloven, minn M. Remic, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr Konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati [ħaddiema] f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem (ĠU L 283, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 270, p. 10, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Velasco Navarro u l-Fondo de Garantía Salarial (Fogasa) (Fond ta’ Garanzija tal-Paga, iktar ’il quddiem il-“Fogasa”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan ta’ l-aħħar li jħallas, abbażi tar-responsabbiltà sussidjarja tiegħu , kumpens lill-persuna kkonċernata minħabba s-sensja inġusta li kienet suġġetta għaliha, bil-ħlas ta’ dan il-kumpens previst minn ftehim ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja milħuq bejn J. Velasco Navarro u min iħaddimha.

Il-kuntest leġiżlattiv

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 80/987 jiddisponi li “[d]in id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)”.

4

L-Artikolu 2(2) ta’ din l-istess direttiva jippreċiża li din ma tippreġudikax il-liġijiet nazzjonali rigward id-definizzjoni ta’ l-espressjonijiet “impjegat”, “min iħaddem”, “paga”, “dritt li jagħti titolu immedjat” u “dritt li jagħti titolu prospettiv”.

5

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 80/987, fil-verżjoni inizjali tagħha, saret l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2002/74, dispożizzjoni li issa hija fformulata hekk kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew relazzjonijiet ta’ xogħol u konnessi mal-paga għall-perjodu li jiġi qabel id-data li tiġi iffissata.”

6

Wara li ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2002/74, l-istess paragrafu ta’ din id-Direttiva 80/987 huwa issa fformulata hekk kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali [kumpens]fi tmiem ir-relazzjoniiet ta’ l-impjieg.”

7

L-ewwel u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74 jistabbilixxu li:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Ottubru 2005. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet riferiti fl-ewwel subparagrafu għal kull stat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem li jiġri wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.”

8

Skond l-Artikolu 3 tagħha, id-Direttiva 2002/74 daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2002.

Il-leġiżlazzjoni Spanjola

9

L-Artikolu 33(1) u (2) tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995 ta’ l-24 ta’ Marzu 1995, dwar l-approvazzjoni tat-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema (Estatuto de los Trabajadores, BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi 60/1997, tad-19 ta’ Diċembru 1997 (BOE Nru 304, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1997, p. 37453, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi:

“1.   Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, […] għandu jħallas lill-ħaddiema l-ammont tal-pagi li huma dovuti lilhom f’każ ta’ insolvenza, ta’ sospensjoni tal-pagamenti, ta’ falliment jew ta’ amministrazzjoni ta’ min iħaddem taħt il-kontroll tal-qorti.

Għall-finijiet tas-subparagrafu preċedenti, huwa kkunsidrat bħala paga l-ammont rikonoxxut bħala tali fl-att ta’ konċiljazzjoni jew fid-deċiżjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ l-elementi kollha li għalihom jirreferi l-Artikolu 26(1), kif ukoll il-kumpens addizzjonali bħala ’salarios de tramitación’ [paga matul il-proċedura], mogħti, jekk ikun il-każ, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti […]

2.   Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, għandu jħallas il-kumpens stabbilit b’sentenza jew deċiżjoni amministrattiva favur ħaddiema minħabba s-sensja tagħhom jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom skond l-Artikoli 50, 51 u 52(c) tal-preżenti liġi, sal-limitu massimu ta’ sena paga, b’dan li l-paga ta’ kuljum, li tintuża bħala bażi għall-kalkolu, ma tistax taqbeż id-doppju tal-paga minima interprofessjonali.

[…]”

10

Fost in-numru ta’ kumpensi li għandhom jitħallsu minn Fogasa, skond l-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, hemm il-kumpensi għal sensja inġusta previsti fl-Artikolu 56(1) ta’ l-istess Statut fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

“1.   Meta s-sensja tiġi ddikjarata inġusta, min iħaddem, fit-terminu ta’ ħamest ijiem li jibda’ jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni, ikun jista’ jagħżel bejn li jerġa’ jdaħħal il-ħaddiem lura għax-xogħol, flimkien mal-ħlas tas-‘salarios de tramitación’, hekk kif previsti fl-ittra b) ta’ dan il-paragrafu u li jħallas is-somom segwenti, li għandhom jiġu stabbiliti mis-sentenza:

a)

kumpens ekwivalenti għal 45 ġurnata paga għal kull sena ta’ servizz, bil-perjodi li jkunu iqsar minn sena li jiġu kkalkolati pro rata fuq il-bażi ta’ kull xahar sa 42 paga ta’ kull xahar;

b)

ammont ekwivalenti għas-somma tal-pagi dovuti sa mid-data tas-sensja sad-data tan-notifika tas-sentenza li tiddikjara s-sensja inġusta jew sakemm il-ħaddiem ikun sab xogħol ieħor, jekk dan l-impjieg ikun preċedenti għall-għoti tas-sentenza u jekk min iħaddem iġib il-prova tas-somom imħallsa sabiex dawn jitnaqqsu mis-‘salarios de tramitación’.

Min iħaddem għandu jkompli r-reġistrazzjoni tal-ħaddiem mas-Sigurtà Soċjali matul il-perijodu li jikkorrispondi mal-pagi li għalihom isir riferiment fl-ittra b) iktar ’il fuq.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

J. Velasco Navarro, rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet tifforma parti mill-persunal tal-kumpannija Camisas Leica SL (iktar ’il quddiem “Camisas Leica”) matul perijodu bejn it-28 ta’ Mejju 1998 u s-27 ta’ Diċembru 2001, data li fiha din il-kumpannija tatha s-sensja.

12

Fit-13 ta’ Mejju 2002, J. Velasco Navarro u Camisas Leica kkonkludew ftehim ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja, li permezz tiegħu din il-kumpannija, minn naħa, għarfet in-natura inġusta tas-sensja li J. Velasco Navarro kienet suġġetta għaliha, u, min-naħa l-oħra, intrabtet li tħallas lil din ta’ l-aħħar il-kumpens għas-sensja u s-“salarios de tramitación” previsti fl-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema.

13

Fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ insolvenza provviżorja fir-rigward ta’ Camisas Leica, mogħtija fil-5 ta’ Marzu 2003 mill-istess qorti fuq talba ta’ din l-istess kumpannija, J. Velasco Navarro talbet il-ħlas mill-Fogasa tas-somma li tikkorrispondi għal dan il-kumpens u għas-“salarios de tramitación” li min kien iħaddimha qabel ma kienx ħallasha.

14

Il-Fogasa aċċetta li jħallas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somma ta’ EUR 3,338.88bħala “salarios de tramitación”, iżda qis li J. Velasco Navarro ma kellhiex dritt għall-ammont ta’ EUR 2,696.89li hija talbet bħala kumpens għas-sensja, minħabba li dan ma kienx rikonoxxut lilha permezz ta’ sentenza jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja oħra.

15

J. Velasco Navarro kkontestat quddiem il-Juzgado de lo Social Único de Algeciras ir-rifjut tal-Fogasa li jħallasha l-imsemmi kumpens għas-sensja.

16

Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti nazzjonali fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt Spanjol jipprevedi, fl-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, il-ħlas ta’ kumpensi dovuti għat-tmiem tar-relazzjoni ta’ l-impjieg, iżda biss meta dawn huma rikonoxxuti minn sentenza jew minn deċiżjoni amministrativa favur il-ħaddiema minħabba s-sensja jew it-terminazzjoni tal-kuntratt.

17

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din id-dispożizzjoni nazzjonali tmur kontra l-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-punt 30 tad-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2005, Guerrero Pecino (C-177/05, Ġabra p. I-10887). Skond din il-ġurisprudenza, kumpensi ta’ l-istess tip, stabbiliti fi proċedura ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja, għandhom ukoll ikunu kkunsidrati bħala kumpensi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987.

18

Din il-qorti tqis li d-Direttiva 2002/74 kienet diġà fis-seħħ fid-data li fiha hija kkonstatat l-insolvenza ta’ Camisas Leica, jiġifieri fil-5 ta’ Marzu 2003. Hija tqis li, anki jekk it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva kien skada mit-8 ta’ Ottubru 2005, il-leġiżlatur Spanjol baqa’ inattiv f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ din, għaliex huwa konvint illi l-leġiżlazzjoni nazzjonali Spanjola, fis-seħħ mill-21 ta’ Diċembru 1997, hija perfettament konformi ma’ din id-direttiva.

19

Il-qorti nazzjonali tikkonkludi li mhuwiex għaldaqstant possibbli li jiġi affermat li, fit-8 ta’ Ottubru 2005, ir-Renju ta’ Spanja kien diġà ttraspona d-Direttiva 2002/74, peress illi, preċiżament, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx kompluta.

20

Il-qorti tar-rinviju ssostni wkoll li l-Fogasa eċċepixxa, matul is-seduta quddiemha, li J. Velasco Navarro ma setgħatx tibbaża fuq id-Direttiva 2002/74 u lanqas fuq l-interpretazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar li tirriżulta mid-digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq, peress illi s-sentenza ta’ insolvenza provviżorja ta’ Camisas Leica, minkejja sussegwenti għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-8 ta’ Ottubru 2002, hija, f’kull każ, preċedenti għad-data li fiha l-Istati Membri għandhom ikunu ħadu l-miżuri kollha meħtieġa għat-traspożizzjoni ta’ din, jiġifieri t-8 ta’ Ottubru 2005.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social Único de Algeciras iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq is-sussegwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Meta l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, minħabba fin-nuqqasijiet tagħha, fit-8 ta’ Ottubru 2005, ma kinitx konformi mad-Direttiva 2002/74 u ma’ l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-prinċipju Komunitarju ta’ ugwaljanza, stabbilit mid-digriet [Guerriero Pecino, iċċitata iktar ’il fuq], għandu jiġi kkunsidrat li din id-direttiva għandha effett dirett u hija imposta fuq il-Fogasa, l-istituzzjoni ta’ garanzija ta’ l-Istat, mill-jum ta’ wara, jiġifieri mid-9 ta’ Ottubru 2005?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermativ għall-ewwel domanda, għandha tiġi wkoll applikata direttament id-Direttiva 2002/74, b’kunsiderazzjoni tan-natura iktar vantaġġuża tagħha għall-ħaddiem u inqas vantaġġuża għall-Istat li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, fil-każ ta’ insolvenza li seħħet — f’konċiljazzjoni ġudizzjarja mhux prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali mhux kompluta — bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva, it-8 ta’ Ottubru 2002, u d-data ta’ l-għeluq taż-żmien, jiġifieri t-8 ta’ Ottubru 2005, li fiha l-Istat Spanjol kellu jdaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din id-direttiva?”

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, li għadha ma ġietx trasposta fis-sistema ġuridika ta’ Stat Membru, għandux effett dirett u, fl-affermativ, minn liema data din id-dispożizzjoni tista’ tiġi direttament invokata kontra istituzzjoni bħal mhuwa l-Fogasa. Peress illi dawn iż-żewġ domandi essenzjalment jistaqsu jekk din id-dispożizzjoni jistax ikollha effett dirett bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha u dik ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, jaqbel illi dawn jiġu ttrattati flimkien.

23

Il-qorti tar-rinviju tagħmel dawn iż-żewġ domandi fuq il-bażi tad-digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan, interpretat id-Direttiva 80/987, fuq it-talba ta’ l-istess qorti tar-rinviju bħal dik li ressqet dawn id-domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża prinċipali u fir-rigward ta’ l-istess każ ta’ insolvenza, hija madankollu għamlet dan, hekk kif huwa ppreċiżat fil-punt 23 ta’ dan id-digriet, biss fl-ipoteżi fejn id-Direttiva 2002/74 kienet diġà ġiet trasposta fis-sistema ġuridika nazzjonali fid-data rilevanti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

24

Fil-kawża prinċipali, il-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju juru li, skond l-imsemmija qorti, id-Direttiva 2002/74 kienet għadha ma ġietx trasposta fis-sistema ġuridika nazzjonali fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri fit-8 ta’ Ottubru 2005 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-6/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

Fuq l-effett dirett ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987

25

Minbarra eżami tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex dispożizzjoni ta’ direttiva li għadha ma ġietx trasposta jew li ġiet trasposta b’mod inkorrett tista’ tkun invokata quddiem il-qorti nazzjonali (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 25, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle, C-430/04, Ġabra p. I-4999, punti 28 u 29), huwa paċifiku li direttiva jista’ jkollha effett dirett biss minn wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għat-traspożizzjoni tagħha fis-sistema ġuridika ta’ l-Istati Membri (sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Vaneetveld, C-316/93, Ġabra p. I-763, punt 16, kif ukoll ta’ l-14 ta’ Settembru 2000, Mendes Ferreira u Delgado Correia Ferreira, C-348/98, Ġabra p. I-6711, punt 33).

26

F’dan il-każ, id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tikkorrispondi, skond l-l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/74, għat-8 ta’ Ottubru 2005. Għall-bżonnijiet tal-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk l-effett dirett eventwali ta’ din id-direttiva jistax jiġi invokat, wara din id-data, b’rigward għal fatti li seħħew qabilha. Fil-fatt, l-insolvenza ta’ Camisas Leica seħħet fil-5 ta’ Marzu 2003, jiġifieri qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali żammet it-talba tagħha fil-konfront tal-Fogasa, fir-rigward tal-pretensjoni li għandha f’dak li jikkonċerna l-kumpens għas-sensja li tirriżulta minn din l-insolvenza, wara din id-data.

27

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt, C-156/91, Ġabra p. I-5567, punt 20, u Vaneetveld, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18) li, meta Stat Membru ma ttrasponiex id-Direttiva 2002/74 fit-terminu stabbilit, l-effett dirett eventwali ta’ din jista’ jiġi invokat, mit-8 ta’ Ottubru 2005, biss fir-rigward ta’ stat ta’ insolvenza li seħħ wara din id-data, li mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, jekk, ċertament, l-Istati Membri kellhom l-obbligu li jikkonformaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom mad-Direttiva 2002/74 qabel it-8 ta’ Ottubru 2005, huma obbligati, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet biss għas-sitwazzjonijiet ta’ insolvenza li seħħew wara d-data ta’ dħul fis-seħħ tagħhom.

29

Għalhekk, jistgħu jidħlu taħt il-previżjonijiet tad-Direttiva 2002/74 biss l-insolvenzi li seħħew wara l-implementazzjoni ta’ din, inklużi dawk preċedenti għall-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, jiġifieri, fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni, wara l-iskadenza ta’ dan l-aħħar terminu.

30

Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun illi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali fit-8 ta’ Ottubru 2005 tad-Direttiva 2002/74, l-effett dirett eventwali ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, ma jistax, f’kull każ, jiġi invokat fir-rigward ta’ stat ta’ insolvenza li seħħ qabel din id-data.

Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

31

Minkejja li ż-żewġ domandi mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, mill-ifformular tagħhom, l-effett dirett ta’ ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 biss, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74 u dik ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, meta leġiżlazzjonali nazzjonali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, li quddiema titressaq it-talba għal domanda preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tassigura r-rispett tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, Ġabra p. I-11915, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll ta’ l-10 ta’ April 2003, Steffensen, C-276/01, Ġabra p. I-3735, punt 70).

32

Għalhekk, minkejja li l-Istati Membri għandhom il-libertà, fil-kuntest tad-Direttiva 80/987, li ma jipprovdux, fis-sistema ġuridika nazzjonali tagħhom, garanzija ta’ ħlas għal kumpensi dovuti fil-każ ta’ sensja, peress illi ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva m’għandu fil-fatt l-ebda obbligu f’dan is-sens, leġiżlazzjonali nazzjonali li tipprovdi garanzija bħal din daħlet madankollu, mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74, jiġifieri mit-8 ta’ Ottubru 2002, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju f’dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet tagħha għal fatti li seħħew wara dan id-dħul fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C-81/05, Ġabra p. I-7569, punti 31 u 32). Għalhekk, minn din id-data, leġiżlazzjoni bħal din hija suġġetta għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali u tad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tassigura r-rispett tagħhom, li fosthom b’mod partikolari hemm il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni (ara s-sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 32).

33

Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi, fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem, tali garanzija ta’ ħlas ta’ ċerti kumpensi minħabba s-sensja jew it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ ħidma previsti minn dan l-istess Statut.

34

B’konsegwenza, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni nazzjonali tirriżulta, mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74, mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 u li għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, hija suġġetta, minn din id-data, għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali u tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mis-sistema ġuridika Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C-81/05, Ġabra p. I-7569, punt 37).

35

Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali fl-osservanza ta’ dawn il-prinċipji ġenerali u tad-drittijiet fundamentali hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza (ara, f’dan is-sens, id-digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq, punt 30, u s-sentenza Cordero Alonso, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

36

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar prinċipju, li bih sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux trattati b’mod differenti sakemm differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata oġġettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, li l-ħaddiema li jkunu ġew issensjati inġustament isibu ruħhom f’sitwazzjoni komparabbli safejn għandhom dritt għal kumpens fil-każ li ma jerġgħux jiġu impjegati (ara s-sentenzi Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tas-16 ta’ Diċembru 2004, Olaso Valero, C-520/03, Ġabra p. I-12065, punti 34 u 35).

37

Billi kkonstatat, fil-parti segwenti tar-raġunament tagħha, illi ma ġie ppreżentat l-ebda argument konvinċenti sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament tal-pretensjonijiet li jikkorrispondu ma’ kumpensi għal sensja inġusta rikonoxxuti minn sentenza jew deċiżjoni amministrattiva li jirrigwardaw kumpensi għal sensja inġusta rikonoxxuti matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza meta din teskludi dawn il-pretensjonijiet ta’ l-aħħar mir-responsabbiltà għall-ħlas ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Olaso Valero, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37).

38

Għandu jingħad ukoll li, meta tkun ġiet ikkonstatata diskriminazzjoni bħal din, l-osservanza tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza jista’ jiġi assigurat biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata ta’ l-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rodríguez Caballero, punt 42, u Cordero Alonso, punt 45).

39

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq li, meta l-leġiżlazzjonali nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987, il-qorti nazzjonali hija obbligata, fid-dawl ta’ stat ta’ insolvenza li seħħ bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/74 u d-data ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, tiggarantixxi applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali skond il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, kif irrikonoxxut mis-sistema ġuridika Komunitarja.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

 

1)

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali fit-8 ta’ Ottubru 2005 tad-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ l-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem, l-effett dirett eventwali ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem, kif emendata mid-Direttiva 2002/74, ma jistax, f’kull każ, jiġi invokat fir-rigward ta’ stat ta’ insolvenza li seħħ qabel din id-data.

 

2)

Meta l-leġiżlazzjonali nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987, kif emendata bid-Direttiva 2002/47, il-qorti nazzjonali hija obbligata, fir-rigward ta’ stat ta’ insolvenza li seħħ bejn id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-aħħar direttiva u d-data ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, tiggarantixxi applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali skond il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, kif rikonoxxut mis-sistema ġuridika Komunitarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top